Language of document : ECLI:EU:T:2003:196

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Lulju 2003 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordju – Lisina – Linji gwida għall-kalkolu tal-multi – Dħul mill-bejgħ – Ċirkustanzi attenwanti – Kooperazzjoni matul il-proċedura amminstrattiva”

Fil-Kawża T-230/00,

Daesang Corp., stabbilita f’Seoul (Korea t’Isfel),

Sewon Europe GmbH, stabbilita f’Eschborn (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn J.-F. Bellis u S. Reinart, avukati, u minn A. Kmiecik, solicitor, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn W. Wils u R. Lyal, bħala aġenti, assistiti minn J. Flynn, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2001/418/KE, tas-7 ta’ Ġunju 2000, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/36.545/F3 – Amino aċidi) (ĠU 2001, L 152, p. 24),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, V. Tiili u P. Mengozzi, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ April 2002,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Daesang Corp. (iktar ’il quddiem, “Daesang”) u l-kumpannija sussidjarja Ewropea tagħha, Sewon Europe GmbH (iktar ’il quddiem, “Sewon Europe”) joperaw fis-settur tal-produzzjoni ta’ ikel għall-annimali u ta’ amino aċidi. Daesang, li ġiet imwaqqfa fi tmiem is-sena 1997, hija impriża Koreana li nħolqot mill-għaqda ta’ Miwon Corp. Ltd u Daesang Industrial Ltd, li qabel kienet magħrufa taħt l-isem ta’ Sewon Corp. Ltd (iktar ’il quddiem, “Sewon Corp.”) Matul l-ewwel semester tas-sena 1998, Daesang ċediet l-attivitajiet dinjin tagħha fis-suq tal-lisina lil impriża oħra.

2        Il-lisina hija l-amino aċidu prinċipali l-iktar użat fl-ikel tal-annimali għal għanijiet nutrizzjonali. Il-lisina sintetika hija użata bħala addittiv fl-ikel li ma jinkludix biżżejjed lisina naturali, pereżempju ċ-ċereali, sabiex jippermetti lin-nutrizzjonisti li joħolqu dieti abbażi ta’ proteini li jissodisfaw il-bżonnijiet alimentari tal-annimali. L-ikel li jiġi miżjud bil-lisina sintetika jista’ wkoll jissostitwixxi l-ikel li jinkludi kwantità biżżejjed ta’ lisina fl-istat naturali tagħha, bħas-sojja.

3        Fl-1995, wara investigazzjoni sigrieta mmexxija mill-Federal Bureau of Investigation, saru tfittxijiet fl-Istati Uniti fil-bini ta’ diversi impriżi attivi fis-suq tal-lisina. Fix-xhur ta’ Awwissu u ta’ Ottubru 1996, il-kumpanniji Archer Daniels Midland Co. (iktar ’il quddiem, “ADM Company), Kyowa Hakko Kogyo Co. Ltd, Sewon Corp., Cheil Jedang Corp. (iktar ’il quddiem “Cheil”) u Ajinomoto Co. Inc. ġew akkużati mill-awtoritajiet Amerikani li ħolqu akkordju li jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet tal-lisina u li qassmu l-volumi ta’ bejgħ ta’ dan il-prodott bejn Ġunju 1992 u Ġunju 1995. Wara ftehim konkluż mal-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikan, il-qorti li kellha l-każ quddiemha imponiet multi fuq dawn l-impriżi, jiġifieri multa ta’ 10 miljun dollaru tal-Istati Uniti (USD) għal Kyowa Hakko Kogyo u Ajinomoto Co. Inc., multa ta’ USD 70 miljun għal ADM Company u multa ta’ USD 1.25 miljun għal Cheil. L-ammont tal-multa imposta fuq Sewon Corp. kien, skont din tal-aħħar, ta’ USD 328 000. Barra minn hekk, tliet kapijiet eżekuttivi ta’ ADM Company ġew ikkundannati għal pieni ta’ priġunerija u għal multi minħabba r-rwol tagħhom fl-akkordju.

4        F’Lulju 1996, abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04 rigward in-nonimpożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi dwar akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem, “Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”), Ajinomoto pproponiet lill-Kummissjoni li tikkoopera magħha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kartell fis-suq tal-lisina u l-effetti tiegħu fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

5        Fil-11 u t-12 ta’ Ġunju 1997, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962: l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), fl-istabbilimenti Ewropej ta’ ADM Company u f’dawk ta’ Kyowa Hakko Europe GmbH. Wara dawn l-investigazzjonijiet, Kyowa Hakko Kogyo u Kyowa Hakko Europe wrew ix-xewqa tagħhom li jikkooperaw mal-Kummissjoni u tawha ċerta informazzjoni rigward, b’mod partikolari, il-kronoloġija tal-laqgħat bejn il-produtturi tal-lisina.

6        Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, fit-28 ta’ Lulju 1997, il-Kummissjoni indirizzat lil ADM Company u lill-kumpannija sussidjarja Ewropea tagħha Archer Daniels Midland Indgredients Ltd (iktar ’il quddiem, “ADM Ingredients”), lil Sewon Corporation u lil Sewon Europe (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien “Sewon”), kif ukoll lil Cheil, talbiet għal informazzjoni dwar l-aġir tagħhom fis-suq tal-amino aċidi u dwar il-laqgħat tal-akkordju identifikati f’dawn it-talbiet. Bħala tweġiba għal dawn it-talbiet, Sewon qalet li hija kienet lesta tikkoopera mal-Kummissjoni. Hija ppreżentat minuti tal-laqgħat bejn il-produtturi tal-lisina u pprovdiet informazzjoni dwa il-laqgħat li ma kinux identifikati fit-talba tal-Kummissjoni. Wara dan, hija pprovdiet ukoll informazzjoni komplementari.

7        Fit-30 ta’ Ottubru, abbażi tal-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni, din tal-aħħar bagħtet komunikazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lill-impriżi l-oħra kkonċernati, jiġifieri ADM Company u ADM Ingredients (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, “ADM”), Ajinomoto u l-kumpannija sussidjarja Ewropea tagħha, Eurolysine SA (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, “Ajinomoto”), Kyowa Hakko Kogyo u l-kumpannija sussidjarja Ewropea tagħha, Kyowa Hakkoa Europe (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, “Kyowa”), u Cheil, għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim ŻEE”). Fil-komunikazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni akkużat lil dawn l-impriżi li ffissaw il-prezzijiet tal-lisina fiż-ŻEE kif ukoll il-kwoti ta’ bejgħ għal dan is-suq u li skambjaw informazzjoni fuq il-volumi ta’ bejgħ tagħhom, mix-xhur ta’ Settembru 1990 (Ajinomoto, Kyowa u Sewon), ta’ Marzu 1991 (Cheil) u ta’ Ġunju 1992 (ADM), sax-xahar ta’ Ġunju 1995.

8        Wara li nstemgħu l-impriżi kkonċernati fl-1 ta’ Marzu 1999, fis-17 ta’ Awwissu il-Kummissjoni bagħtet lil dawn tal-aħħar komunikazzjoni tal-oġġezzjonijiet komplementari rigward it-tul ta’ żmien tal-akkordju, u r-rikorrenti wieġbu għaliha fit-8 ta’ Ottubru 1999.

9        Fi tmiem il-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/418/KE, tas-7 ta’ Ġunju 2000, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/36.545/F3 – Amino aċidi) (ĠU 2001, L 152, p. 24, iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni”). Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lil Daesang u lil Sewon Europe, rispettivament, fid-19 u fit-28 ta’ Ġunju 2000.

10      Id-Deċiżjoni tinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 1

[ADM Company] u l-kumpannija sussidjarja Ewropea tagħha [ADM Ingredients], Ajinomoto Company, Incorporated, u l-kumpannija sussidjarja Ewropea tagħha Eurolysine SA, Kyowa Hakko Kogyo Company Limited u l-kumpannija sussidjarja Ewropea tagħha Kyowa Hakko Europe GmbH, [Daesang] u l-kumpannija sussidjarja Ewropea tagħha [Sewon Europe], kif ukoll [Cheil] kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw f’akkordji fuq il-prezzijiet, il-volumi ta’ bejgħ u l-iskambju ta’ informazzjoni individwali fuq il-volumi ta’ bejgħ ta’ lisina sintetika, li jkopru ż-ŻEE kollha.

It-tul ta’ żmien tal-ksur kien dan li ġej:

a)      fil-każ ta’ [ADM Company] u ta’ [ADM Ingredients]: mit-23 ta’ Ġunju 1992 sas-27 ta’ Ġunju 1995;

b)      fil-każ ta’ Ajinomoto Company Incorporated u ta’ Eurolysine SA: mill-inqas minn Lulju 1990 sas-27 ta’ Ġunju 1995;

ċ)      fil-każ ta’ Kyowa Hakko Kogyo Company Limited u ta’ Kyowa Hakko Europe GmbH: mill-inqas minn Lulju 1990 sas-27 ta’ Ġunju 1995;

d)       fil-każ ta’ [Daesang] u ta’ [Sewon Europe]: mill-inqas minn Lulju 1990 sas-27 ta’ Ġunju 1995;

e)      fil-każ ta’ [Cheil]: mis-27 ta’ Awwissu 1992 sas-27 ta’ Ġunju 1995.

Il-multi li ġejjin ġew imposti fuq l-impriżi elenkati fl-Artikolu 1, fir-rigward tal-ksur ikkonstatat fl-imsemmi artikolu:

a)      [ADM Company] u

         [ADM Ingredients]

(in solidum) multa ta’:                            EUR 47 300 000

b)      [Ajinomoto Company Incorporated] u

         [Eurolysine SA]

(in solidum) multa ta’:                            EUR 28 300 000

ċ)      [Kyowa Hakko Kogyo Company Limited] u

         [Kyowa Hakko Europe GmbH]

(in solidum) multa ta’:                            EUR 13 200 000

d)       [Daesang] u

         [Sewon Euroope]

(in solidum) multa ta’:                            EUR 8 900 000

e)      [Cheil], multa ta’:                            EUR 12 200 000

[...]”

11      Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-Deċiżjoni, il-metodi esposti fil-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem, il-“linji gwida”) kif ukoll il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

12      Fl-ewwel lok, l-ammont bażiku tal-multa, stabbilit skont il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur, ġie ffissat, f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti, għal EUR 21 miljun. Fir-rigward ta’ Ajinomoto, ta’ ADM, ta’ Kyowa u ta’ Cheil, l-ammont bażiku tal-multa ġie ffissat, rispettivament, għal EUR 42 miljun, EUR 39 miljun, EUR 21 miljun u EUR 19.5 miljun (paragrafu 314 tad-Deċiżjoni).

13      Għall-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi, stabbilit skont il-gravità tal-ksur, qabel kollox, il-Kummissjoni qieset li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur serju ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq tal-lisina fiż-ŻEE u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat. Billi qieset imbagħad, abbażi tad-dħul mil-bejgħ globali tagħhom magħmula matul l-aħħar sena tal-perijodu ta’ ksur, li kienet teżisti disparità konsiderevoli fid-daqs tal-impriżi awturi tal-ksur, il-Kummissjoni applikat trattament differenti. Konsegwentement, l-ammont inizjali tal-multi ġie ffissat għal EUR 30 miljun għal ADM u għal Ajinomoto, u għal EUR 15 miljun għal Kyowa, Cheil u r-rikorrenti (paragrafu 305 tad-Deċiżjoni).

14      Sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien tal-ksur għal kull impriża u jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa rispettiva tagħhom, l-ammont inizjali hekk stabbilit ġie miżjud b’10 % għal kull sena, jiġifieri żieda ta’ 30 % għal ADM u Cheil, u ta’ 40 % għal Ajinomoto, Kyowa u r-rikorrenti (paragrafu 313 tad-Deċiżjoni).

15      Fit-tieni lok, abbażi ta’ ċirkusanzi aggravanti, l-ammonti bażiċi tal-multi għal ADM u Ajinomoto ġew miżjuda b’50 % kull wieħed, jiġifieri EUR 19.5 miljun għal ADM u EUR 21 miljun għal Ajinomoto, għar-raġuni li dawn l-impriżi kellhom rwol ta’ mexxej fit-twettiq tal-ksur (paragrafu 356 tad-Deċiżjoni).

16      Fit-tielet lok, abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni naqqset b’20 % iż-żieda applikata għall-multa tar-rikorrenti minħabba t-tul ta’ żmien tal-ksur, għar-raġuni li Sewon kellha rwol passiv fil-ksur sa mill-bidu tas-sena 1995 (paragrafu 365 tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqqset b’10 % l-ammonti bażiċi tal-multi ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati, għar-raġuni li huma kienu temmew il-ksur mal-ewwel interventi ta’ awtorità pubblika (paragrafu 384 tad-Deċiżjoni).

17      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni wettqet “tnaqqis sinjifikattiv” tal-ammont tal-multi, fis-sens tat-Titolu D tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni naqqset b’50 % l-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuq Ajinomoto u r-rikorrenti fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, b’30 % il-multa ta’ Kyowa u ta’ Cheil, u, fl-aħħar nett, b’10 % il-multa ta’ ADM (premessi 431, 432 u 435 tad-Deċiżjoni).

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Awwissu 2000, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

19      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, talbet lill-Kummissjoni tirrispondi bil-miktub għal diversi domandi. Il-konvenuta għamlet dan fit-terminu mogħti.

20      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-25 ta’ April 2002.

21      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti in solidum għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

23      Ir-rikors huwa magħmul minn erba’ lmenti prinċipali. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni kkalkolat l-ammont tal-multa abbażi tal-kriterji stabbiliti mil-linji gwida. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi attenwanti. Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat il-kooperazzjoni tagħhom matul il-proċedura amministrattiva.

24      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti rtiraw l-ilment dwar l-applikazzjoni allegatament retroattiva tal-linji gwida, kif espost fil-punt II B tar-rikors, u l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet nota ta’ dan fil-minuti tas-seduta.

 Fuq id-dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

25      Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-ammont inizjali tal-multa fid-dawl tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni wettqet ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

26      Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali tal-multa, stabbilita skont il-gravità tal-ksur, billi ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ dinji ta’ Sewon minflok biss id-dħul mill-bejgħ relatat mal-bejgħ tal-lisina fiż-ŻEE. In-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan id-dħul mill-bejgħ tal-aħħar jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għaliex l-ammont inizjali tal-multa jirrappreżenta, f’dan il-każ, 100 % tat-total tal-bejgħ tal-lisina magħmul minn Sewon fiż-ŻEE fl-1995.

27      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod żbaljat, li d-dħul mill-bejgħ relatat mal-bejgħ tal-prodott li huwa s-suġġett tal-ksur fis-suq ġeografiku inkwistjoni ma jikkostitwixxix fattur rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa (paragrafu 318 tad-Deċiżjoni). B’dan il-mod, hija kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit permezz tal-Artikolu 5 KE, li jeżiġi l-adozzjoni ta’ miżuri li ma jmorrux lil ’hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit.

28      Skont ir-rikorrenti, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 121) jirriżulta li d-dħul mill-bejgħ totali mhuwiex rilevanti fl-istabbiliment tal-ammont tal-multa u li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni dħul mill-bejgħ li ma tantx huwa għoli għall-bejgħ tal-prodott li huwa s-suġġett tal-ksur. Din l-analiżi hija kkonfermata permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni (T-77/92, Ġabra p. II-549), li permezz tagħha l-ammont tal-multa ġie mnaqqas sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ baxx li kien ġej mill-bejgħ tal-prodott li kien is-suġġett tal-ksur meta mqabbel ma’ dak li kien jirriżulta mill-bejgħ kollha magħmul.

29      In-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ relatat mal-bejgħ tal-prodott li kien is-suġġett tal-ksur fis-suq ġeografiku inkwistjoni jwassal sabiex tiġi injorata l-portata reali tal-ksur għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ammont bażiku tal-multa. Fil-fatt, l-ebda wieħed mill-fatturi meħud inkunsiderazzjoni ma jippermetti l-evalwazzjoni tal-impatt tal-ksur. Qabel kollox, il-kriterju dwar in-natura tal-ksur, minkejja li huwa rilevanti, huwa distint minn dak li jikkonċerna l-portata tiegħu. Imbagħad, id-Deċiżjoni, minkejja li hija ssemmi l-impatt tal-akkordju fuq il-produtturi (premessi 261 sa 296), ma twettaq l-ebda kwantifikazzjoni f’dan ir-rigward, li kien ikun jeżiġi riferiment għall-volum ta’ tranżazzjonijiet magħmula fil-prodott inkwistjoni. Id-Deċiżjoni ssemmi wkoll il-fatt li l-ksur estenda ruħu għas-suq taż-ŻEE (paragrafu 297 tad-Deċiżjoni), iżda n-numru tal-pajjiżi affetwati minn akkordju ma jfissirx neċessarjament li huwa kellu impatt importanti. Rigward it-tqabbil tad-daqs ta’ Sewon mal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, dan lanqas ma jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza tal-impatt tal-ksur fuq il-kompetizzjoni.

–       Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dħul mill-bejgħ żbaljat u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

30      Ir-rikorrenti jsostnu li, meta hija qabblet id-daqs tal-impriżi kkonċernati sabiex tiffissa l-ammont inizjali tal-multa skont il-gravità tal-ksur (premessi 303 sa 305 tad-Deċiżjoni), il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dħul mill-bejgħ żbaljat f’dak li jikkonċerna Sewon, u dan wassal għal diskriminazzjoni bi preġudizzju għal din tal-aħħar.

31      Ir-rikorrenti jenfassizaw li d-dħul mill-bejgħ totali ta’ Sewon li l-Kummissjoni rreferiet għalih, jiġifieri, skont l-ewwel kolonna tal-lista li tinsab fil- paragrafu 304 tad-Deċiżjoni, EUR 946 miljun fl-1995, huwa żbaljat, peress li l-imsemmi dħul mill-bejgħ huwa biss ta’ EUR 295 miljun.

32      Minn dan ir-rikorrenti jikkonkludu li, sa fejn id-dħul mill-bejgħ ta’ Sewon kien tliet darbiet inqas minn dak indikat, it-tqabbil magħmul mill-Kummissjoni huwa manifestament żbaljat. B’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ dinji ta’ Sewon jirrappreżenta biss 10 % ta’ dak ta’ Kyowa u 15 % ta’ dak ta’ Cheil, filwaqt li dawn l-impriżi ġew ikkunsidrati li għandhom daqs komparabbli.

33      Sabiex jiġi applikat trattament differenti li jirrifletti dawn id-differenzi fid-daqs, Sewon kellha titqiegħed fit-tielet kategorija ta’ impriżi. Kif sar, l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq Sewon, abbażi l-gravità tal-ksur, huwa ekwivalenti għal 50 % ta’ dak li jikkonċerna ADM u Ajinomoto, meta, fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ totali magħmula fl-1995, Sewon tirrappreżenta biss 2 % mid-daqs ta’ ADM u 6 % tad-daqs ta’ Ajinomoto. Barra minn hekk, l-ammont inizjali tal-multa għal Sewon jikkorrispondi għal madwar 5 % tad-dħul mill-bejgħ totali li hija għamlet fl-1995, meta mqabbla ma’ 0.5 u 0.79 % għal Kyowa u Cheil, rispettivament.

34      Fir-replika tagħhom ir-rikorrenti jqisu li huwa diffiċli li wieħed jifhem it-teżi tal-Kummissjoni, esposta fir-risposta, li hija bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ totali reali ta’ Sewon, ta’ EUR 227 miljun, sabiex tagħmel it-tqabbil ikkontestat. Fil-fatt, dan id-dħul mill-bejgħ jirrappreżenta 8 % ta’ dak ta’ Kyowa u 12 % ta’ dak ta’ Cheil. Anki jekk jitqies li l-Kummissjoni verament ibbażat ruħha fuq dan id-dħul mill-bejgħ, it-trattament ta’ Sewon ma jkunx inqas diskriminatorju.

35      Dwar l-argument tal-Kummissjoni li d-dħul mill-bejgħ ta’ Sewon għal-bejgħ tal-lisina fiż-ŻEE fl-1995 kien, f’kull każ, komparabbli ma’ dak ta’ Cheil u dak ta’ Kyowa, din hija ġustifikazzjoni ex post li, hija nfisha, kienet eskludiet fid-Deċiżjoni.

36      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-ammont bażiku tal-multa stabbilit skont il-gravità tal-ksur la huwa sproporzjonat u lanqas diskriminatorju. L-ammont tal-multa għandu, barra minn hekk, jiġi ffissat skont il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur, u mhux skont id-dħul mill-bejgħ fiż-ŻEE.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

37      Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tar-Regolament Nru 17, setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-ammont tal-multa sabiex tiggwida l-aġir tal-impriżi fis-sens tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra p. II-1165, punt 59; tal-11 ta’ Diċembru 1996, Van Megen Sports vs Il-Kummissjoni, T-49/95, Ġabra p. II-1799, punt 53, u tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 127). L-applikazzjoni effikaċi tal-imsemmija regoli teżiġi li l-Kummissjoni tkun tista’, f’kull mument, tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni, fejn xieraq, billi tgħolli dan il-livell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 109).

38      Għandu jiġi mfakkar li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni stabbiliet l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti billi applikat l-metodu ta’ kalkolu li hija ntrabtet bih fil-linji gwida. Hija ġurisprudenza kostanti li l-Kummissjoni ma tistax titbiegħed mir-regoli li hija imponiet fuqha nfisha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 53, ikkonfermata f’appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-51/92 P, Ġabra p. I-4235, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, meta l-Kummissjoni tadotta linji gwida intiżi sabiex jippreċiżaw, fl-osservanza tat-Trattat, il-kriterji li hija beħsiebha tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, dan jammonta għal awtolimitazzjoni ta’ din is-setgħa inkwantu hija għandha tikkonforma mar-regoli indikattivi li hija imponiet fuqha nfisha (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T-380/94, Ġabra p. II-2169, punt 57, u tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punt 89).

39      Skont il-linji gwida, il-Kummissjoni tieħu bħala punt inizjali, fil-kalkolu tal-multi, ammont speċifiku skont il-gravità tal-ksur (iktar ’il quddiem, l-“ammont inizjali ġenerali”). Il-gravità tal-ksur tiġi stabbilita skont diversi elementi, u x’uħud minnhom għandhom, minn issa ’l quddiem, jittieħdu obbligatorjament inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

40      F’dan ir-rigward, il-linji gwida jipprovdu li, minbarra n-natura proprja tal-ksur, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq u l-firxa ġeografika ta’ dan, huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità effettiva ekonomika tal-awturi tal-ksur li jikkawżaw ħsara sinjifikattiva lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li l-ammont tal-multa jiġi stabbilit għal livell li jiżgura n-natura suffiċjentement dissważiva tagħha (ir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A).

41      Barra minn hekk, jista’ wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi ta’ daqs kbir jistgħu jevalwaw aħjar il-fatt li l-aġir tagħhom jikkostitwixxi ksur u jkunu konxji tal-konsegwenzi tiegħu (il-ħames paragrafu tal-punt 1 A).

42      Fil-każijiet li jinvolvu diversi impriżi, bħall-kartelli, jista’ jkun neċessarju li jiġu applikati koeffiċjenti korrettivi għall-ammont inizjali ġenerali, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u għaldaqstant l-impatt reali, tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża fil-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta teżisti disparità konsiderevoli fid-daqs tal-impriżi awturi ta’ ksur tal-istess natura, u li jiġi adattat b’mod konformi l-ammont inizjali ġenerali skont in-natura speċifika ta’ kull impriża (iktar ’il quddiem, l-“ammont inizjali speċifiku”) (is-sitt paragrafu tal-punt 1 A).

43      Għandu jiġi osservat li l-linji gwida ma jipprovdux li l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ globali jew id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriżi fis-suq ikkonċernat. Madankollu, huma lanqas ma jipprekludu li tali dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment tal-ammont tal-multa sabiex jiġu rrispettati l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u meta ċ-ċirkustanzi jeħtieġu dan. B’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kunsiderazzjoni tad-diversi elementi elenkati fil-punti 40 sa 42 hawn fuq (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punti 283 u 284).

44      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza kostanti li, fost l-elementi ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, jistgħu, skont il-każ, jiġu inklużi l-volum u l-valur tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur, id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża u, għaldaqstant, l-influwenza li din setgħet teżerċita fuq is-suq. Minn naħa, minn dan isegwi li, għall-istabbiliment tal-ammont tal-multa, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża, li jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk hija approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika, kif ukoll il-parti ta’ dan id-dħul mill-bejgħ li ġejja mill-bejgħ tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant hija tali li tagħti indikazzjoni tad-daqs ta’ dan. Min-naħa l-oħra, minn dan jirriżulta li l-ebda wieħed minn dawn id-dħul mill-bejgħ ma jista’ jiġi attribwit importanza sproporzjonata meta mqabbla mal-elementi l-oħra ta’ evalwazzjoni, b’tali mod li l-iffissar tal-ammont ta’ multa adattat ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 120 u 121; Parker Pen vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T-327/94, Ġabra p. II-1373, punt 176).

45      F’dan il-każ, mid-Deċiżjoni jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit l-ammont inizjali tal-multa, il-Kummissjoni ħadet l-ewwel nett inkunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq u l-estensjoni ġeografika ta’ dan. Imbagħad il-Kummissjoni indikat li, fil-kuntest tat-trattament differenti li għandu jiġi applikat għall-impriżi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“kapaċità effettiva tal-impriżi kkonċernati li jikkawżaw ħsara importanti lis-suq tal-lisina fiż-ŻEE”, l-portata dissważiva tal-multa u d-daqs rispettiv ta’ dawn l-impriżi. Għall-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni għażlet li tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ totali magħmul minn kull impriża inkwistjoni, matul l-aħħar sena tal-ksur, billi qieset li dan id-dħul mill-bejgħ kien jippermettilha “tevalwa r-riżorsi u l-importanza reali tal-impriżi kkonċernati fuq is-swieq affettwali mill-aġir illeċitu tagħhom” (paragrafu 304 tad-Deċiżjoni).

46      Ir-rikorrenti jakkużaw eżattament lill-Kummissjoni li ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ imsemmi hawn fuq minflok id-dħul mill-bejgħ li ġej mill-bejgħ tal-prodott inkwistjoni fiż-ŻEE.

47      F’dan l-istadju għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl ta’ ċerta ambigwità li tirriżulta mill-qari tad-Deċiżjoni flimkien mal-qari tan-noti tal-konvenuta ppreżentati fil-kuntest ta’ din l-istanza, il-Kummissjoni ppreċiżat, fis-seduta u fuq talba espressa tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija ħadet inkunsiderazzjoni mhux biss id-dħul mill-bejgħ “globali” tal-impriżi inkwistjoni, jiġifieri dak relatat mal-attivitajiet kollha tagħhom, iżda wkoll id-dħul mill-bejgħ dinji fuq is-suq tal-lisina, u dawn iż-żewġ tipi ta’ dħul mill-bejgħ jidhru fil-lista inkluża fil-paragrafu 304 tad-Deċiżjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont il-paragrafu 319 tad-Deċiżjoni, “il-Kummissjoni ħadet debitament inkunsiderazzjoni, fil-konklużjonijiet tagħha dwar il-gravità, l-importanza ekonomika tal-attività partikolari kkonċernata mill-ksur”.

48      Madankollu huwa stabbilit li l-Kummissjoni ma ħaditx inkwistjoni d-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriżi inkwistjoni fis-suq affettwat mill-ksur, jiġifieri dak tal-lisina fiż-ŻEE.

49      Fir-rigward tal-analiżi tal-“kapaċità effettiva tal-impriżi kkonċernati li jikkawżaw ħsara importanti fuq is-suq tal-lisina fiż-ŻEE” (paragrafu 304 tad-Deċiżjoni), li timplika evalwazzjoni tal-importanza reali ta’ dawn l-impriżi fis-suq affettwat, jiġifieri tal-influwenza tagħhom fuqu, id-dħul mill-bejgħ globali jagħti biss dehra ineżatta tas-sitwazzjoni. Ma jistax jiġi eskluż, fil-fatt, li impriża b’saħħitha li għandha numru ta’ attivitajiet differenti hija preżenti biss b’mod inċidentali f’suq ta’ prodotti speċifiku bħal dak tal-lisina. Bl-istess mod, ma jistax jiġi eskluż li impriża li għandha pożizzjoni importanti f’suq ġeografiku extraKomunitarju għandha pożizzjoni dgħajfa fis-suq Komunitarju jew f’dak taż-ŻEE. F’tali każijiet, is-sempliċi fatt li l-impriża kkonċernata tagħmel dħul mill-bejgħ totali importanti ma jfissirx neċessarjament li hija teżerċita influwenza determinanti fuq is-suq affettwat mill-ksur. Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 139), li, minkejja li huwa minnu li l-partijiet tas-suq miżmuma minn impriża ma jistgħux ikunu determinanti sabiex jiġi konkluż li impriża hija parti minn entità ekonomika b’saħħitha, huma, min-naħa l-oħra, rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-influwenza li din setgħet teżerċita fuq is-suq. F’dan il-każ, il-Kummissjoni la ħadet inkunsiderazzjoni l-partijiet tas-suq f’termini ta’ volum tal-impriżi inkwistjoni fis-suq affettwat u lanqas tad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi fis-suq affettwat (dak tal-lisina fiż-ŻEE), li kien jippermetti, fid-dawl tan-nuqqas ta’ produtturi terzi, li tiġi stabbilita l-importanza relattiva ta’ kull impriża fis-suq ikkonċernat billi juri indirettament l-partijiet tas-suq f’termini ta’ valur (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1985, Stichting Sigarettenindustrie vs Il-Kummissjoni, 240/82 sa 242/82, 261/82, 262/82, 268/82 u 269/82, Ġabra p. 3831, punt 99).

50      Barra minn hekk, mid-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ma rreferietx espliċitament għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-“piż speċifiku, u għaldaqstant tal-impatt reali, tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża fil-kompetizzjoni”, evalwazzjoni li hija għandha tagħmel minn issa ’l quddiem skont il-linji gwida meta hija tqis, bħalma huwa l-każ hawnhekk, li għandhom jiġu applikati koeffiċjenti korrettivi għall-ammonti inizjali tal-multa minħabba l-fatt li l-ksur jinvolvi diversi impriżi (tat-tip kartell) li huma konsiderevolment differenti fid-daqs tagħhom (ara s-sitt paragrafu tal-punt 1 A, tal-linji gwida).

51      F’dan ir-rigward, ir-riferiment, fid-Deċiżjoni (l-aħħar sentenza tal-paragrafu 304) għall-“importanza reali tal-impriżi” mhuwiex tali li jagħmel tajjeb għal-lakuna msemmija hawn fuq.

52      Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-piż speċifiku, jiġifieri tal-impatt reali, tal-ksur imwettaq minn kull impriża tikkonsisti, fil-fatt, fl-istabbiliment tal-portata tal-ksur imwettaq minn kull waħda fosthom u mhux tal-importanza tal-impriża inkwistjoni f’termini ta’ daqs jew ta’ saħħa ekonomika. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti (ara, b’mod partikolari, s-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 121, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punt 369), il-parti tad-dħul mill-bejgħ li ġejja mill-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur hija tali li tagħti indikazzjoni ġusta tal-portata ta’ ksur fis-suq ikkonċernat. B’mod partikolari, kif tenfasizza l-Qorti tal-Prim’Istanza, id-dħul mill-bejgħ magħmul fuq il-prodotti li kienu s-suġġett ta’ prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti miżura ġusta tan-natura dannuża ta’ dan il-prattika għall-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, British Steel vs Il-Kummissjoni, T-151/94, Ġabra p. II-629, punt 643).

53      Minn dak li ntqal jirriżulta li, billi bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ dinji ta’ Sewon mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ fis-suq affettwat mill-ksur, jiġifieri dak tal-lisina fiż-ŻEE, il-Kummissjoni kisret ir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-punt 1 A, tal-linji gwida.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha teżamina jekk in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ fis-suq affettwat u l-ksur tal-linji gwida li jirriżulta minn dan wasslux, f’dan il-każ, għal ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-iffissar tal-ammont tal-multa. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tal-multa imposta meta mqabbla mal-gravità u mat-tul ta’ żmien tal-ksur, kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, hija suġġetta għall-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-Qorti tal-Prim’Istanza taħt l-Artikolu 17 tal-istess regolament.

55      F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-ammont inizjali speċifiku tal-multa, iffissat għal EUR 15 miljun, huwa sproporzjonat inkwantu huwa ekwivalenti għad-dħul mill-bejgħ magħmul minn Sewon fis-suq tal-lisina fiż-ŻEE matul l-aħħar sena tal-ksur.

56      Fl-ewwel lok, għandu jiġi indikat li l-fatt li l-ammont inizjali speċifiku tal-multa huwa ekwivalenti għad-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq ikkonċernat mhuwiex, minnu nnifsu, konklużiv. Fil-fatt, dan l-ammont ta’ EUR 15 miljun jikkostitwixxi biss ammont intermedjarju li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-metodu definit mil-linji gwida, huwa sussegwentement suġġett għal aġġustamenti skont it-tul ta’ żmien tal-ksur u ċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jiġu kkonstatati.

57      Fit-tieni lok, in-natura proprja tal-ksur, l-impatt reali tiegħu, l-estensjoni ġeografika tas-suq affettwat, il-kapaċità dissważiva neċessarja tal-multa u d-daqs tal-impriżi inkwistjoni huma wkoll elementi, f’dan il-każ, meħudin inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, li jistgħu jiġġustifikaw tali ammont intermedjarju. Il-konvenuta qieset, ġustament, li l-ksur kien “serju ħafna”, inkwantu Sewon ipparteċipat f’akkordju orizzontali li kellu bħala skop l-iffissar ta’ għanijiet ta’ prezz, ta’ kwoti ta’ bejgħ u l-istabbiliment ta’ sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq il-volumi ta’ bejgħ u li kellu impatt reali fuq is-suq tal-lisina fiż-ŻEE minħabba żieda artifiċjali fil-prezzijiet u restrizzjoni tal-imsemmija volumi. Fir-rigward tad-daqs tal-impriżi u tal-kapaċità dissważiva tal-multi, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni għażlet ġustament li tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ totali tal-impriżi kkonċernati. Skont il-ġurisprudenza, id-dħul mill-bejgħ globali huwa, fil-fatt, dak li jagħti indikazzjoni tad-daqs ta’ impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 121), kif ukoll tas-saħħa ekonomika tagħha, li hija determinanti sabiex tiġi evalwata l-kapaċità dissważiva ta’ multa fir-rigward tal-imsemmija impriża.

58      Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li l-ammont ta’ EUR 15 miljun adottat fil-konfront tar-rikorrenti huwa konsiderevolment inqas mil-livell minimu ta’ EUR 20 miljun li huwa normalment previst mil-linji gwida għal dan it-tip ta’ ksur serju ħafna (ara t-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A).

59      Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ukoll b’mod espliċitu s-sentenza Parker Pen vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dħul mill-bejgħ magħmul bil-prodotti kkonċernati mill-ksur kien relattivament baxx meta mqabbel ma’ dak tal-bejgħ kollu magħmul mill-impriża inkwistjoni, u dan jiġġustifika tnaqqis fl-ammont tal-multa (punti 94 u 95).

60      Qabel kollox, għandu jiġi osservat, li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Parker Pen vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tikkonċerna l-iffissar tal-multa finali tal-multa u mhux, bħalma huwa l-każ hawnhekk, l-ammont inizjali tal-multa fid-dawl tal-gravità tal-ksur.

61      Imbagħad, anki jekk jingħad li l-ġurisprudenza msemmija hawn fuq tista’ tiġi trasposta għall-każ inkwistjoni, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti sabiex tevalwa, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, jekk l-ammont tal-multi huwiex xieraq. Din l-evalwazzjoni tista’ tiġġustifika l-produzzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi komplementari ta’ informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C-297/98 P, Ġabra p. I-10101, punti 53 u 55), bħalma huwa, f’dan il-każ, id-dħul mill-bejgħ magħmul minn Sewon fis-suq tal-lisina fiż-ŻEE, li ma tteħidx inkunsiderazzjoni fid-Deċiżjoni.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-tqabbil tad-diversi dħul mill-bejgħ ta’ Sewon għas-sena 1995 jindika żewġ elementi ta’ informazzjoni. Minn naħa, huwa minnu li d-dħul mill-bejgħ li ġej mill-bejgħ tal-lisina fiż-ŻEE jista’ jitqies bħala baxx meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ globali, peress li l-ewwel wieħed jirrappreżenta biss 5 % tat-tieni wieħed. Min-naħa l-oħra, jidher, bil-kontra, li d-dħul mill-bejgħ li jikkorrispondi għall-bejgħ tal-lisina fiż-ŻEE jirrappreżenta parti relattivament importanti tad-dħul mill-bejgħ fis-suq dinji tal-lisina, f’dan il-każ iktar minn 22 %.

63      Sa fejn il-bejgħ tal-lisina fiż-ŻEE jirrappreżenta għaldaqstant, mhux frazzjoni żgħira, iżda parti sinjifikattiva ta’ dan id-dħul mill-bejgħ tal-aħħar, ma jistax jiġi validament sostnut ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u dan iktar u iktar peress li l-ammont inizjali tal-multa ma ġiex stabbilit biss abbażi ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali, iżda wkoll abbażi tad-dħul mill-bejgħ settorjali u elementi oħrajn rilevanti li huma n-natura tal-ksur, l-impatt reali ta’ dan tal-aħħar fuq is-suq, l-estensjoni tas-suq affettwat, il-kapaċità dissważiva neċessarja tas-sanzjoni, id-daqs u s-saħħa tal-impriżi.

64      Fir-rigward tal-motivi msemmija hawn fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li l-ammont inizjali tal-multa stabbilit fid-dawl tal-gravità tal-ksur imwettaq minn Sewon huwa xieraq u li, peress li l-ksur mill-Kummissjoni tal-linji gwida ma wassalx, f’dan il-każ, għal ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud l-ilment imqajjem f’dan ir-rigward mir-rikorrenti.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

65      Fl-istabbiliment tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li, skont ġurisprudenza kostanti, jiġi miksur biss meta sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 309, u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      B’mod konformi ma’ dan il-prinċipju, is-sitt paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida jipprovdi li, fil-każ ta’ ksur li jinvolvi diversi impriżi, applikazzjoni ta’ koeffiċjenti korrettivi għall-ammonti inizjali tal-multa tista’ ssir sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u għaldaqstant l-impatt reali, tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża fil-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta teżisti disparità konsiderevoli fid-daqs tal-impriżi awturi ta’ ksur tal-istess natura.

67      B’dan il-mod, skont is-seba’ paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, il-prinċipju ta’ sanzjoni ugwali għall-istess aġir jista’ jwassal, meta ċ-ċirkustanzi jeżiġuh, għall-applikazzjoni ta’ ammonti differenti għall-impriżi kkonċernati mingħajr ma din id-differenza tkun tosserva kalkolu aritmetiku.

68      Fid-Deċiżjoni (premessi 303 u 304), il-Kummissjoni qieset li kienet teżisti disparità konsiderevoli fid-daqs tal-impriżi awturi tal-ksur. Għaldaqstant, hija qieset li, sbaiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità effettiva tal-impriżi kkonċernati li jikkawżaw ħsara importanti lis-suq tal-lisina fiż-ŻEE kif ukoll n-neċessità li l-ammont tal-multa jkun ta’ natura suffiċjentement dissważiva, fid-dawl tad-daqs ta’ dawn l-impriżi, huma kellhom jiġu maqsuma f’żewġ gruppi, jiġifieri, minn naħa, Ajinomoto u ADM, li l-ammont inizjali tal-multa tagħhom ġie ffissat għal EUR 30 miljun, u, min-naħa l-oħra, Kyowa, Cheil u Sewon, li l-ammont tagħhom ġie ffissat għal EUR 15 miljun.

69      Bil-kontra tal-argument żviluppat fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzonalità, ir-rikorrenti mhux ser ikomplu jinvokaw in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ fis-suq tal-lisina fiż-ŻEE. Huma jibbażaw ruħhom, minflok, fuq it-tqabbil tad-dħul mill-bejgħ dinji tal-impriżi kkonċernati mill-akkordju sabiex jiġġustifikaw l-affermazzjoni tagħhom rigward in-natura diskriminatorja tal-ammont inizjali tal-multa, filwaqt li jenfasizzaw li l-imsemmi dħul mill-bejgħ kien jammonta, fir-rigward tagħhom, għal EUR 295 miljun fl-1995, u mhux għal EUR 946 miljun kif indikat żbaljatament mill-Kummissjoni.

70      Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ammettiet li d-dħul mill-bejgħ totali ta’ Sewon li jinsab fil-lista tal-paragrafu 304 tad-Deċiżjoni ma kienx eżatt u ppreċiżat li, fil-fatt, hija ibbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul minn Sewon fl-1995 indikat fil-paragrafu 16 tad-Deċiżjoni, jiġifieri EUR 227 miljun, li huwa, din id-darba, inqas mill-ammont indikat mir-rikorrenti.

71      Minkejja li d-dħul mill-bejgħ totali ta’ Sewon fl-1995, indipendentement jekk huwiex ta’ EUR 227 jew 295 miljun, jidher, effettivament, konsiderevolment inqas minn dak magħmul minn Cheil u Kyowa li tqiegħdu fl-istess grupp ma’ Sewon, din il-konstatazzjoni ma tistax twassal għall-konklużjoni ta’ ksur, f’dan il-każ, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

72      Fil-fatt, it-tqabbil tad-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq dinji tal-lisina minn Cheil, Kyowa u Swon, imsemmi fit-tieni kolonna tal-lista li tinsab fil-paragrafu 304 tad-Deċiżjoni, juri li dawn l-impriżi ġew ġustament magħquda fl-istess grupp u ġew imposti ammont inizjali speċifiku identiku.

73      Għalhekk, huwa stabbilit li għas-sena 1995 Sewon għamlet dħul mill-bejgħ fis-suq dinji tal-lisina ta’ EUR 67 miljun u li dan tal-aħħar huwa viċin ħafna fl-ammont tiegħu għal dak ta’ Kyowa, jiġifieri EUR 73 miljun, u kemmxejn ogħla minn dak ta’ Cheil, li f’dan il-każ huwa ta’ EUR 40 miljun, jew EUR 52 miljun skont il-paragrafu 18 tad-Deċiżjoni, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni setgħet, f’dan il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs relattiv tagħhom, b’mod konformi mas-seba’ paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, u dan ġie ammess mir-rikorrenti fis-seduta.

74      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li s-subdiviżjoni magħmula hija ġġustifikata wkoll permezz tat-tqabbil tad-dħul mill-bejgħ fis-suq tal-lisina fiż-ŻEE magħmul mill-impriżi kkonċernati.

75      Jekk huwa minnu li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni tali dħul mill-bejgħ, għandu jiġi mfakkar, bħalma huwa indikat fil-punt 54 hawn fuq, li l-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti sabiex tevalwa, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilha permezz tal-Artikoli 229 KE u 17 tar-Regolament Nru 17, jekk l-ammont tal-multi huwiex xieraq. Din l-evalwazzjoni tista’ tiġġustifika l-produzzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi komplementari ta’ informazzjoni bħalma huwa, f’dan il-każ, id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriżi inkwistjoni fis-suq tal-lisina fiż-ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 sa 55).

76      It-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ magħmul minn Sewon fis-suq tal-lisina fiż-ŻEE juri preċiżament li s-sitwazzjoni tagħha hija kważi identika għal dik taż-żewġ produtturi “żgħar” l-oħra li huma Cheil u Kyowa. Filwaqt li Ajinomoto u ADM għamlu, fl-1995, dħul mill-bejgħ fl-imsemmi suq ta’ EUR 75 miljun u EUR 41 miljun (premessi 5 u 10 tad-Deċiżjoni), Cheil, Kyowa u Sewon għamlu, rispettivament, dħul mill-bejgħ ta’ EUR 17, 16 u 15 miljun f’dan l-istess suq. Għalhekk jidher li l-influwenza fuq dan is-suq ta’ Sewon hija komparabbli ma’ dik ta’ dawn iż-żewġ produtturi “żgħar” l-oħra, Cheil u Kyowa. Fid-dawl tal-fatt li dawn l-impriżi lkoll ipparteċipaw fl-istess ksur, huwa ġġustifikat li l-ammont inizjali tal-multa imposta fuqhom tkun identika.

77      Għaldaqstant, l-ammont inizjali ta’ EUR 15 miljun adottat fil-konfront tar-rikorrenti mhuwiex diskriminatorju.

 Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

 L-argumenti tal-partijiet

78      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha, b’mod konformi mat-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, rigward in-“nuqqas ta’ implimentazzjoni fil-prattika tal-ftehim jew prattiċi lleċiti”, tnaqqas tal-ammont tal-multa tagħhom minħabba li Sewon implementat l-akkordji ta’ prezzijiet u ta’ kwantitajiet f’miżura ħafna inqas importanti mill-produtturi l-oħra.

79      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-differenzi ċari fl-implementazzjoni tal-ftehim ta’ prezzijiet bejn il-produtturi. Kif jirriżulta minn lista komparattiva tal-prezzijiet (Anness 6 tal-att tar-rikors u paragrafu 47 tad-Deċiżjoni), il-prezzijiet prattikati minn Sewon kienu wisq inqas mill-għanijiet ta’ prezzijiet iffissati fl-akkordji u mill-prezzijiet prattikati mill-produtturi l-oħra. B’mod partikolari, il-prezz medju fix-xahar ipprattikat minn Sewon fl-Ewropa kien l-iktar baxx fost il-produtturi kollha għal 27 xahar.

80      In-nuqqas ta’ osservanza minn Sewon tal-ftehim ta’ prezzijiet huwa stabbilit ukoll permezz ta’ diversi atti tal-proċess. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jiċċitaw il-kritiki magħmula fil-konfront ta’ Sewon, fil-laqgħa tat-12 ta’ Marzu 1991 f’Tokyo, minn Ajinomoto u Kyowa (Anness 7 tal-att tar-rikors), imbagħad, fis-seduta tat-2 ta’ Novembru 1992 f’Seoul, minn Ajinomoto (paragrafu 89 tad-Deċiżjoni u Anness 8 tal-att tar-rikors), ir-rapport ta’ rappreżentant ta’ Kyowa tal-20 ta’ April 1993 u l-kritiki ta’ din l-impriża waqt is-seduta tas-27 ta’ Mejju 1993 (Annessi 9 u 10 tal-att tar-rikors), faks tas-17 ta’ Mejju 1994 b’attenzjoni għal Kyowa (Anness 11 tal-att tar-rikors), ta’ osservazzjonijiet magħmula minn ADM fix-xahar ta’ Ġunju 1994 (Anness 12 tal-att tar-rikors), tad-dikjarazzjonijiet ta’ Ajinomoto tat-23 ta’ Novembru 1994 (Anness 13 tal-att tar-rikors) u rapport ta’ Ajinomoto (Anness 14 tal-att tar-rikors).

81      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li Sewon kabbret kontinwament il-produzzjoni tagħha u żiedet il-bejgħ tagħha, u dan wassal għal nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim.

82      Fil-paragrafu 378 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni sempliċement affermat li l-ftehim fuq il-kwantitajiet ġie osservat mingħajr ma pproduċiet provi konklużivi. Huwa diffiċli, barra minn hekk, li wieħed jifhem l-argument tagħha li dan huwa ftehim fuq kwantitajiet minimi, inkwantu dan it-tip ta’ akkordji jinvolvi bil-kontra tnaqqis tal-produzzjoni sabiex jiżdiedu l-prezzijiet. F’kull każ, mill-fajl jirriżulta li Sewon, bil-kontra ta’ dan, ipprovat iżżid il-bejgħ tagħha. F’dan ir-rigward, huma jinvokaw żieda tal-bejgħ tagħhom fl-1991 (paragrafu 211 tad-Deċiżjoni), kif ukoll fl-1992 u fl-1993, rapport intern li juri l-politika ta’ produzzjoni fil-kapaċità sħiħa ta’ Sewon (Anness 15 tal-att tar-rikors) kif ukoll id-dikjarazzjoni ta’ rappreżentant waqt laqgħa tat-23 ta’ Awwissu 1994 (Anness 16 tal-att tar-rikors).

83      B’risposta għall-argument tal-Kummissjoni li r-rwol ta’ Sewon ġie meqjus bħala passiv mill-1995, u dan diġà wassal għal tnaqqis tal-multa ta’ 20 %, ir-rikorrenti jsostnu li, skont il-linji gwida, ir-“rwol passiv” ta’ impriża fi ħdan akkordju u n-“nuqqas ta’ implimentazzjoni fil-prattika” ta’ ftehim huma żewġ kunċetti distinti. Għaldaqstant, il-fatt li Sewon kisbet tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba r-rwol passiv tagħha f’dak li jirrigwarda t-tqassim tal-volumi ta’ bejgħ ma jistax jiġġustifika rifjut li jingħatalha tnaqqis minħabba l-implementazzjoni iktar limitata tal-ftehim.

84      Il-Kummissjoni titlob li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti jiġu miċħuda billi tafferma li n-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ ftehim m’għandux jiġi mfixkel mal-parteċipazzjoni fil-ksur u tqarriq u li Sewon diġà kisbet tnaqqis tal-multa minħabba l-attitudni passiva tagħha f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-kwantitajiet mill-1995 (paragrafu 365 tad-Deċiżjoni).

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza

85      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, meta ksur jitwettaq minn diversi impriżi, għandha tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 623, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 150), sabiex jiġi stabbilit jekk jeżistux, fir-rigward tagħhom, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

86      Il-punti 2 u 3 tal-linji gwida jipprovdu għal varjazzjoni fl-ammont bażiku tal-multa skont ċerti ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

87      B’mod partikolari, il-punt 3 tal-linji gwida jinkludi, bħala ċirkustanzi attenwanti, lista noneżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa. B’dan il-mod, huwa jirreferi għar-rwol passiv ta’ impriża, għan-nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim, għat-tmiem tal-ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni, għall-eżistenza ta’ dubju raġonevoli min-naħa tal-impriża dwar jekk il-kondotta restrittiva tikkostitwixxix verament ksur, għall-fatt li l-ksur twettaq b’riżultat ta’ negliġenza kif ukoll għall-kooperazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċedimenti, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

88      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi fir-risposta tagħha għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni (T-308/94, Ġabra p. II-925), li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-fatt li impriża, li l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju fil-qasam tal-prezzijiet ġiet stabbilita, ma aġixxietx fis-suq b’mod konformi ma’ dak miftiehem mal-kompetituri tagħha ma jikkostitwixxix neċessarjament element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, inkwantu ċirkustanza attenwanti, fl-istabbiliment tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta (punt 230).

89      Għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tas-sentenzi msemmija hawn fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet l-istħarriġ tagħha fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma applikatx il-linji gwida, għaliex qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-linji gwida, li issa jipprovdu espliċitament għat-teħid inkunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika ta’ ftehim li jikkostitwixxi ksur bħala ċirkustanza attenwanti. Kif diġà ngħad fil-punt 38 hawn fuq, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni ma tistax titbiegħed mir-regoli li hija imponiet fuqha nfisha. B’mod partikolari, meta l-Kummissjoni tadotta linji gwida intiżi sabiex jippreċiżaw, fl-osservanza tat-Trattat, il-kriterji li hija beħsiebha tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, dan jammonta għal awtolimitazzjoni ta’ din is-setgħa inkwantu hija għandha tikkonforma mar-regoli indikattivi li hija imponiet fuqha nfisha (sentenzi AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, u Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89).

90      Għadu jrid jiġi stabbilit, f’dan il-każ, jekk il-Kummissjoni setgħetx tqis, ġustament, li r-rikorrenti ma setgħux jibbenefikaw minn ċirkustanza attenwanti minħabba nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim, skont it-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida. Għal dan il-għan, għandu jiġi eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi mressqa mir-rikorrenti humiex tali li jistabbilixxu jekk, fil-perijodu li matulu Sewon kienet parti fil-ftehim li jikkostitwixxi ksur, hija effettivament evitat li tapplikah billi adottat aġir kompetittiv fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punti 4872 sa 4874).

91      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-allegat nuqqas ta’ implementazzjoni tal-ftehim ta’ prezzijiet, il-Kummissjoni tosserva, fid-Deċiżjoni (paragrafu 376), li l-ftehim inkwistjoni kien jirrigwarda għanijiet ta’ prezzijiet (jew “prezzijiet target”), b’tali mod li l-implementazzjoni ta’ tali ftehim ma timplikax l-applikazzjoni ta’ prezz korrispondenti għall-għan ta’ prezz miftiehem, iżda li l-partijiet jipprovaw jersqu lejn l-għanijiet ta’ prezz tagħhom. Hija indikat ukoll li “mill-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni jirriżulta li, f’din il-kawża, wara l-konklużjoni tal-biċċa l-kbira tal-ftehim ta’ prezzijiet, il-partijiet iffissaw il-prezzijiet tagħhom b’mod konformi mal-ftehim tagħhom”.

92      B’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-informazzjoni msemmija hawn fuq hija dik dwar il-prezzijiet tal-impriżi li jinsabu fil-paragrafu 47 tad-Deċiżjoni u pproduċiet grafika li turi l-evoluzzjoni tal-prezzijiet target u dik tal-prezzijiet ipprattikati minn kull impriża kkonċernata.

93      Fid-dawl ta’ dan id-dokument, jista’ jiġi osservat, qabel kollox, li minkejja li l-prezzijiet ipprattikati minn Sewon ma jaqblux mal-prezzijiet target, peress li huma regolarment inqas minn dawn tal-aħħar, dan jgħodd ukoll għall-prezzijiet ipprattikati mill-produtturi l-oħra tal-lisina, bl-eċċezzjoni ta’ ADM, minn Marzu 1992 sal-waqfien tal-perijodu ta’ ksur f’Ġunju 1995.

94      Imbagħad, jidher li minkejja li l-prezzijiet ta’ Sewon kienu ekwivalenti għal dawk ta’ Cheil (kultant kemmxejn ogħla u kultant kemmxejn inqas) u regolarment inqas minn dawk ipprattikati mill-produtturi l-oħra, id-differenzi kkonstatati ma jistgħux jitiqiesu bħala sinjifikattivi u li juru aġir fis-suq realment indipententi u kompetittiv.

95      Fl-aħħar nett, għandu fuq kollox jiġi kkonstatat li l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ Sewon qablet, matul il-perijodu kollu ta’ ksur, mal-evoluzzjoni tal-għanijiet tal-prezzijiet miftiehma bejn il-membri tal-akkordju, u dan jikkorobora, ukoll, il-konklużjoni li dan tal-aħħar ipproduċa l-effetti dannużi tiegħu fuq is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 340). Dan il-qbil, fuq perijodu daqstant twil, juri n-nuqqas ta’ kull rieda ta’ Sewon li tevita fil-prattika l-implementazzjoni tal-ftehim fuq il-prezzijiet.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, matul ix-xahar ta’ Ġunju 1993, il-ħames produtturi tal-lisina ftiehmu sabiex jiffissaw il-prezz tal-lisina għal 3.20 marki Ġermaniżi (DEM) għal kull kilogramm (premessi 104 u 198 tad-Deċiżjoni), filwaqt li pprevedew żieda ġdida fil-prezzijiet fi stadji. Sussegwentement, il-prezz tal-lisina effettivament żdied b’mod konsiderevoli u ġie ffissat għal DEM 5.30 għal kull kilogramm skont ftehim konkluż f’Ottubru 1993 (premessi 114 u 199 tad-Deċiżjoni). Sa mix-xahar ta’ Awwissu 1993, Sewon ipparteċipat b’mod sħiħ fil-moviment taż-żieda li kien jinvolvi l-produtturi kollha tal-lisina, u l-prezzijiet tagħha għaddew minn DEM 2.81 għal kull kilogramm f’Lulju 1992 għal DEM 3.45 f’Awwissu tal-istess sena, imbagħad għal DEM 3.94 f’Settembru u, fl-aħħar nett, għal DEM 4.55 f’Ottubru 1993. Sewon bl-ebda mod ma pprovat, waqt dan l-istadju importanti tal-akkordju, li tiddistingwi ruħha mill-produtturi l-oħra billi tadotta politika tal-prezzijiet realment kompetittiva.

97      Fir-rigward tar-reazzjonijiet tal-membri l-oħra tal-akkordju għall-aġir ta’ Sewon, huma ma jistgħux jitqiesu bħala l-prova ta’ nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim antikompetittiv, iżda jikkorrispondu għal ilmenti loġiċi indirizzati lil sieħeb li kien qed jipprova jikseb vantaġġi kummerċjali fuq il-membri l-oħra filwaqt li jibqa’ fi ħdan l-imsemmi akkordju.

98      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li n-nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim fuq il-prezzijiet minn Sewon ma ġiex ipprovat, peress li d-differenza tal-livell li fih l-ftehim fuq il-prezzijiet ġie implementat, invokata bħala tali mir-rikorrenti fl-att tar-rikors tagħhom, ma tistax, f’dan il-każ, tiġi mfixkla man-nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika ta’ dan il-ftehim.

99      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ implementazzjoni tal-ftehim fuq il-volumi ta’ bejgħ, qabel kollox għandu jiġi mfakkar li, fid-Deċiżjoni (paragrafu 378), il-Kummissjoni sostniet li l-membri tal-akkordju kienu jqisu l-kwoti li ġew attribwiti lilhom bħala “kwantitajiet minimi” u li, “sakemm kull parti setgħet tbiegħ mill-inqas il-kwantitajiet allokati lilha, il-ftehim kien osservat”.

100    Kif ġie enfasizzat, ġustament, mill-impriżi kollha inkwistjoni, din l-affermazzjoni hija, mill-inqas, f’kontradizzjoni mal-fatti allegati, sa fejn l-għan ta’ żieda fil-prezzijiet, li kien prinċipalment segwit mill-membri tal-akkordju, kien neċessarjament jimplika l-produzzjoni ta’ lisina u għaldaqstant l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ massimi. Dan huwa, b’mod partikolari, ikkonfermat permezz tal-premessi 221 et seq tad-Deċiżjoni, li jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-ftehim fuq il-kwatitajiet fid-dawl tal-Artikolu 81(1) KE, u fejn isir riferiment għall-limiti tal-bejgħ. Din l-affermazzjoni tal-Kummissjoni għandha, għaldaqstant, titqies bħala irrilevanti.

101    Imbagħad għandu jiġi indikat li, fid-dawl ta’ din l-istess deċiżjoni, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ perijodi fil-kuntest tal-eżami tal-implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim fuq il-volumi tal-bejgħ minn Sewon, jiġifieri qabel u wara Jannar 1995.

102    F’dak li jirrigwarda l-ewwel perijodu, għandu jiġi osservat li, skont il-paragrafu 211 tad-Deċiżjoni, wara l-laqgħat tat-18 ta’ Frar u tat-12 ta’ Marzu 1991, ġie konkluż ftehim bejn Ajinomoto, Kyowa u Sewon sabiex din tal-aħħar, fl-1991 u fl-Ewropa, tillimita l-volumi tal-bejgħ għal-livell tal-1990. Barra minn hekk, wara li aċċettat il-pjan ta’ tqassim tal-bejgħ għas-sena 1992 issuġġerit minn Ajinomoto u Kyowa, Sewon aċċettat li tillimita l-bejgħ tagħha fl-Ewropa għal 6 000 tunnellata (paragrafu 214 tad-Deċiżjoni). Fl-aħħar nett, minkejja li l-impriżi membri fl-akkordju ma waslux għal ftehim globali fuq it-tqassim tal-bejgħ għas-sena 1993, Sewon qablet fit-8 ta’ Diċembru 1993 għal ftehim globali fuq l-attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ għal kull produttur għas-sena 1994. Skont dan il-ftehim hija ġiet allokata kwota bażika li tikkorrispondi għall-bejgħ tagħha fl-1993 kif ukoll kwoti supplimentari ta’ 2 000 tunnellata abbażi taż-żieda ppjanata tal-bejgħ (premessi 215 u 216 tad-Deċiżjoni). Għandu jiġi mfakkar, f’dan l-istadju, li r-rikorrenti indikaw espliċitament fl-att tar-rikors tagħhom li huma ma jikkontestaw l-ebda waħda mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt li jinsabu fid-Deċiżjoni, u l-kontestazzjoni tagħhom tirrigwarda esklużivament l-ammont tal-multa imposta fuqhom permezz tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni.

103    Insostenn tal-allegazzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim fuq il-kwantitajiet, ir-rikorrenti jinvokaw żieda kontinwa fil-produzzjoni u fil-bejgħ tal-lisina mill-1990.

104    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jirreferu għal diversi ċifri esposti fl-att tar-rikors rigward l-attivitajiet imsemmija iktar ’il fuq, li bl-ebda mod ma jipprovaw in-nuqqas ta’ implementazzjoni effettiva tal-ftehim fuq il-volumi tal-bejgħ msemmija fil-punt 102 iktar ’il fuq.

105    B’dan il-mod, iċ-ċifri msemmija f’lista, li tinsab fil-paġna 33 tal-att tar-rikors u riprodotta fil-paragrafu 48 tad-Deċiżjoni, jesprimu, f’tunnellati, il-produzzjoni u l-bejgħ globali tal-lisina u ma jurux għaldaqstant in-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim ta’ limitazzjoni tal-imsemmi bejgħ fl-Ewropa aċċettat minn Sewon. Barra minn hekk, għas-sena 1994, iċ-ċifri li jinsabu fil-lista msemmija iktar ’il fuq juru li Sewon fil-fatt osservat il-kwota li kienet ġiet attribwita lilha għal din is-sena. Barra minn hekk, minkejja li r-rikorrenti ma pprovdew l-ebda ċifra għall-bejgħ tal-lisina fl-Ewropa għas-sena 1990, u b’hekk eskludew il-possibbiltà ta’ tqabbil bejn l-1990 u l-1991, id-data kkomunikata għas-sena 1992 turi li l-bejgħ ta’ Sewon fl-Ewropa kienet konsiderevolment inqas minn 6 000 tunnellata.

106    Fit-tieni lok, ir-riferiment għal rapport intern fuq il-marketing bid-data tat-3 ta’ Mejju 1993 (Anness 15 tal-att tar-rikors), li fih tidher il-frażi “Segwu l-politika ta’ produzzjoni/bejgħ sħiħ tat-totalità tal-kwantitajiet” hija wkoll irrilevanti għaliex din il-frażi tikkorrispondi biss għal sempliċi intenzjoni li bl-ebda mod ma turi n-nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim fuq il-kwantitajiet.

107    Fit-tielet lok, id-dikjarazzjoni ta’ rappreżentant ta’ ADM bid-data tat-23 ta’ Awwissu 1994 (Anness 16 tal-att tar-rikors), li tipprovdi li “hija dejjem [Sewon] li titlob kwantità supplimentari meta fil-fatt [hija] diġà l-unika [bejjiegħ] b’kapaċità sħiħa”, mhijiex, minnha nfisha, tali li tipprova n-nuqqas ta’ implementazzjoni msemmi hawn fuq. Barra minn hekk għandu jiġi osservat li, fir-rigward ta’ din is-sena 1994, il-lista li tinsab fil-paragrafu 267 tad-Deċiżjoni, li fiha sar tqabbil bejn il-partijiet tas-suq dinji allokati, din is-sena, lil kull membru tal-akkordju skont il-ftehim u l-partijiet li effettivament ġew miżmuma, turi li huwa ċar li Sewon ma qabżitx il-kwota attribwita skont il-ftehim inkwistjoni, peress li l-parti effettiva tagħha fis-suq dinji hija saħansitra inqas minn dik attribwita lilha. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma pprovdew, f’dan ir-rigward, l-ebda element li juru l-karattru żbaljat tad-data li tinsab fil-lista msemmija iktar ’il fuq.

108    Għaldaqstant ir-rikorrenti ma jistgħux jibbenefikaw minn ċirkustanza attenwanti minħabba n-nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim fuq il-volumi tal-bejgħ għall-perijodu bejn Lulju 1990 u Diċembru 1994.

109    Fir-rigward tal-perijodu li jkopri l-aħħar sitt xhur tal-akkordju, jiġifieri minn Jannar sa Ġunju 1995, għandu jiġi osservat li, waqt il-laqgħa tat-18 ta’ Jannar 1995, l-impriżi kollha inkwistjoni qablu li jżommu l-partijiet tas-suq li kienu ġew ffissati għall-1994, bl-eċċezzjoni ta’ Sewon li rrifjutat il-kwota proposta u talbet parti ikbar mis-suq (paragrafu 154 tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk, waqt il-laqgħa tal-21 ta’ April 1995, il-membri kollha tal-akkordju qabblu l-kwoti ta’ produzzjoni li kienu ġew iffissati għas-sena 1994 kif ukoll għall-perijodu bejn Jannar u Marzu 1995 mad-dħul mill-bejgħ li fil-fatt sar matul l-istess perijodu. F’din l-okkażjoni, Ajinomoto, ADM, Cheil u Kyowa pprotestaw bil-qawwi fir-rigward tal-fatt li Sewon kienet żiedet il-volum tal-bejgħ tagħha b’tali mod li qabżet il-kwota tagħha tal-1995, u dan ma pprekludiex lil din tal-aħħar milli tikkonferma l-għan ta’ bejgħ tagħha (paragrafu 160 tad-Deċiżjoni). Fl-aħħar nett, matul il-laqgħa tas-27 ta’ April 1995, ADM, Kyowa u Cheil reġgħu lmentaw biż-żieda fil-volum tal-bejgħ ta’ Sewon kif ukoll bl-informazzjoni inkompleta li hija kienet qiegħda tipprovdi (paragrafu 164 tad-Deċiżjoni).

110    Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni qieset li r-rwol ta’ Sewon kien passiv mill-1995 f’dak li jirrigwarda l-ftehim fuq il-kwantitajiet għaliex hija ma kinitx baqgħet parti minn dan il-ftehim u għaliex, barra minn hekk, kienet waqfet tinforma lill-produtturi l-oħra fuq il-volumi tal-bejgħ tagħha (paragrafu 365 tad-Deċiżjoni).

111    Id-deskrizzjoni tal-aġir ta’ Sewon magħmula fil-punt 109 hawn fuq turi li din l-impriża, fil-fatt, evitat l-implementazzjoni tal-ftehim fuq il-kwantitajiet għall-perijodu bejn Jannar u Ġunju 1995, konklużjoni li fl-aħħar mill-aħħar ir-rappreżentant tal-Kummissjoni qabel fuqha fis-seduta tal-25 ta’ April 2002.

112    Jibqa’ l-fatt li, minkejja l-kwistjoni tal-klassifikazzjoni eżatta tal-aġir ta’ Sewon fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti msemmija fil-linji gwida, fid-Deċiżjoni r-rikorrenti bbenenefikaw minn tnaqqis ta’ 20 % taż-żieda li kienet ġiet applikata skont it-tul ta’ żmien, li jammonta għal tnaqqis ta’ 5.71 % tal-ammont bażiku tal-multa.

113    Peress li t-tnaqqis mogħti mill-Kummissjoni u dak mitlub mir-rikorrenti huwa bbażat eżattament fuq l-istess fatti, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza, it-tnaqqis diġà mogħti lir-rikorrenti huwa kompletament adattat, fl-ammont tiegħu, fid-dawl tal-aġir ta’ Sewon fir-rigward tal-ftehim fuq il-volumi ta’ bejgħ għall-perijodu bejn Jannar u Ġunju 1995.

 Fuq il-kooperazzjoni ta’ Sewon matul il-proċedura amminsitrattiva

 L-argumenti tal-partijiet

114    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tat-taqsima Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni għaliex hija rrifjutat li tagħtihom it-tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont tal-multa, li jinsab bejn il-50 u l-75 %, u tathom biss tnaqqis ta’ 50 % skont it-taqsima D tal-imsemmija komunikazzjoni.

115    F’dan ir-rigward, huma jsostnu, minn naħa, li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li Sewon ma ssodisfatx l-kundizzjoni tat-taqsima B, punt (d) tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, li b’mod partikolari jsir riferiment għaliha fit-taqsima Ċ ta’ din, billi qieset li l-kooperazzjoni tagħha “ma kinitx għalkollox volontarja”, meta fil-fatt hija kienet ipprovditielha l-informazzjoni utli kollha u żammet kooperazzjoni permanenti u totali matul l-investigazzjoni, b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni. Il-fatt li diġà kienu nbdew investigazzjonijiet fil-bini ta’ Kyowa u ADM u li talba għal informazzjoni kienet ġiet indirizzata lil Sewon mhuwiex rilevanti, għaliex la t-taqsima B, punt (d) u lanqas it-taqsima Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma jeżiġu li l-kooperazzjoni tibda qabel ma jibdew atti ta’ investigazzjoni.

116    Min-naħa l-oħra, it-tieni kundizzjoni tat-taqsima Ċ iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri li l-informazzjoni għandha tingħata wara investigazzjoni, iżda qabel ma l-Kummissjoni jkollha provi suffiċjenti sabiex tibda l-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni, hija sodisfatta. Fil-fatt, l-investigazzjonijiet fil-bini ta’ ADM u Kyowa ma ppermettewx l-iżvelar tal-informazzjoni rigward il-ksur imwettaq bejn l-1990 u l-1992.

117    Il-Kummissjoni ssostni, qabel kollox, li Sewon ċertament kienet l-ewwel waħda li pprovdiet l-elementi determinanti u kompleti rigward it-tul ta’ żmien tal-akkordju, iżda li Ajinomoto kienet l-ewwel waħda li pprovdiet provi deċiżivi fir-rigward tal-perijodu wara d-dħul ta’ ADM fis-suq.

118    Imbagħad, Sewon ma tissodisfax il-kundizzjoni tat-taqsima B, punt (d) tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni għaliex, sabiex kooperazzjoni titqies bħala “permanenti u totali”, l-impriża għandha tipprovdi minn rajha provi kompleti u mhux, bħalma huwa l-każ hawnhekk, wara talba għal informazzjoni taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata permezz tas-sentenza Cascades vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

119    Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, ma kinitx sitwazzjoni fejn, wara l-investigazzjonijiet magħmula fil-bini tal-parteċipanti tal-akkordju, hija ma kellhiex infomazzjoni suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-bidu ta’ proċedura amministrattiva.

120    Fl-aħħar nett, anki jekk jingħad li Sewon issodisfat il-kundizzjonijiet kollha tat-taqsima Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, hija ma kinitx tibbenefika neċessarjament minn tnaqqis ikbar minn dak miksub taħt it-taqsima D tal-imsemmija komunikazzjoni, jiġifieri 50 % tal-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha f’tali każ

 Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza

121    Għandu jiġi mfakkar, b’mod preliminari, li l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tagħha, iddefiniet il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha fuq akkordju jistgħu jiġu eżenti mill-multi jew jibbenefikaw minn tnaqqis fl-ammont tal-multa li inkella kien ikollhom iħallsu (ara punt A 3 tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni).

122    Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni għas-sitwazzjoni ta’ Sewon, mhuwiex ikkontestat li din ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-taqsima B ta’ din il-komunikazzjoni, li tirreferi għall-każ fejn impriża tkun informat lill-Kummissjoni b’akkordju sigriet qabel ma din tkun bdiet investigazzjoni (każ li jista’ jwassal għal tnaqqis ta’ mill-inqas 75 % tal-ammont tal-multa).

123    Sa fejn ir-rikorrenti jqisu, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni żbaljat meta rrifjutat li tagħtihom il-benefiċċju tat-tnaqqis imsemmi fit-taqsima Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni interpretatx b’mod żbaljat il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi punt.

124    It-taqsima Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, intitolat “Tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont tal-multa” jipprovdi:

“L-impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet esposti fit-Titolu B, punti b) sa e), u tiddenunzja l-akkordju sigriet wara li l-Kummissjoni tkun bdiet investigazzjoni, ordnata minn deċiżjoni, għand l-impriżi li huma partijiet fl-akkordju, mingħajr ma din l-investigazzjoni setgħet tipprovdi bażi suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-bidu tal-proċedura bil-għan tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni, tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 50 u 75 % tal-ammont tal-multa.”

125    Il-kundizzjonijiet tat-taqsima B, li jsir riferiment għalihom fit-taqsima Ċ, isemmu l-impriża li:

“b)      hija l-ewwel waħda li tipprovdi elementi determinanti sabiex tipprova l-eżistenza tal-akkordju;

ċ)      temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-attività illeċita mhux iktar tard mill-mument li hija tiddenunzja l-akkordju;

d)      tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni utli kollha, kif ukoll bid-dokumenti u bil-provi kollha li hija għandha fir-rigward tal-akkordju u żżomm kooperazzjoni permanenti u totali matul l-investigazzjoni;

e)      ma tkunx ġiegħlet lil impriża oħra sabiex tipparteċipa fl-akkordju u lanqas kellu rwol ta’ inizjatur jew rwol determinanti fl-attività illeċita.”

126    Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ebda waħda mill-impriżi inkwistjoni ma setgħet tibbenefika minn tnaqqis sinjifikattiv tal-multa, skont it-taqsima Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, għaliex l-ebda waħda fosthom ma kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet esposti fit-taqsima B, punti (b) sa (e), li jsir riferiment għalihom fit-taqsima Ċ.

127    Mill-premessi 423 u 425 tad-Deċiżjoni jirriżulta li, bħalma jsostnu r-rikorrenti mingħajr ma jiġu kkontestati, il-Kummissjoni ammettiet b’mod impliċitu, għar-raġunijiet esposti fil-paragrafu 423 tad-Deċiżjoni, li Sewon issodisfat il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-taqsima B, punti (b), (ċ) u (e) tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Il-benefiċċju tat-tnaqqis previst fit-taqsima Ċ ta’ din tal-aħħar ġie rrifjutat fir-rigward tagħhom għas-sempliċi raġuni li l-kooperazzjoni ta’ Sewon allegatament ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tat-taqsima B, punt (d) tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

128    Ir-raġunijiet invokati mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward (paragrafu 424 tad-Deċiżjoni) imorru manifestament kontra kemm l-ittra tat-taqsima B, punt (d) tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni kif ukoll l-ispirtu tad-dispożizzjonijiet tat-taqsima Ċ tal-imsemmija komunikazzjoni.

129    Fir-rigward tal-ewwel raġuni invokata – jiġifieri li, meta Sewon bdiet tikkoopera, il-Kummissjoni diġà kellha informazzjoni suffiċjenti sabiex tipprova l-eżistenza tal-akkordju sa mid-dħul ta’ ADM fis-suq –, hija mhijiex tali li tiġġustifika r-rifjut li titqies bħala sodisfatta l-kundizzjoni prevista fit-taqsima B, punt (d) u, għaldaqstant, li tiġi applikata t-taqsima Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

130    F’dan ir-rigward, mill-paragrafu 423 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni nfisha kkunsidrat li Sewon kienet “l-ewwel membru tal-akkordju li pprovda elementi determinanti u kompleti sabeix tiġi pprovata l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat” u li d-dokumenti li hija pprovdiet jikkostitwixxu, f’dak li jikkonċerna l-ewwel stadju tal-akkordju bejn l-1990 u l-1992, “l-ewwel sors ta’ provi użati mill-Kummissjoni fit-tfassil ta’ din id-deċiżjoni”. Fil-kuntest tar-risposta tagħha, il-Kummissjoni ammettiet ukoll li Sewon kienet l-ewwel waħda li pprovdiet elementi determinanti u kompleti rigward it-tul ta’ żmien tal-ksur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi miċħud li Sewon ipprovdiet lill-Kummissjoni “l-informazzjoni utli kollha, kif ukoll id-dokumenti u l-provi kollha li hija kellha fir-rigward tal-akkordju”, fis-sens tat-taqsima B, punt (d) tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

131    Għandu jiġi osservat li, fin-noti tagħha, il-Kummissjoni pprovat tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha billi invokat it-tieni kundizzjoni imposta fit-taqsima Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, li tgħid li huwa neċessarju li l-investigazzjonijiet magħmula ma jkunux ipprovdew bażi suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat l-bidu tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni. B’dan il-mod hija tipprova ssostni li, meta Sewon ikkooperat, hija diġà kellha informazzjoni pprovduta minn Ajinomoto rigward l-eżistenza ta’ akkordju bejn l-1992 u l-1995, u dan kien diġà jippermettilha tibda proċedura.

132    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’ mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

133    Barra mill-fatt li l-Kummissjoni ma tibbażax ruħha fid-Deċiżjoni fuq din it-tieni kundizzjoni tat-taqsima Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni iżda biss fuq l-inapplikabbiltà tat-taqsima B, punt (d) ta’ din tal-aħħar li hija tirreferi għaliha, jibqa’ l-fatt li, f’kull każ, hija l-informazzjoni pprovduta minn Sewon fir-rigward tal-eżistenza minn qabel tal-akkordju bejn l-1990 u l-1992 li ppermettiet lill-Kummissjoni li tibda l-proċedura kontra Ajinomoto, Kyowa u Sewon nfisha għal dan il-perijodu ta’ ksur u, għaldaqstant, li żżid sostanzjalment l-ammont tal-multi tagħhom minħabba t-tul ta’ żmien tal-ksur. Konsegwentement, anki jekk tiġi interpretata letteralment, il-kundizzjoni tat-taqsima Ċ rigward l-impossibbiltà li tinbeda l-proċedura abbażi tal-informazzjoni miksuba fl-istadju tal-investigazzjonijiet hija sodisfatta ladarba, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx tibda l-proċedura għall-perijodu ta’ ksur bejn l-1990 u l-1992 qabel ma Sewon tipprovdi l-provi li hija kellha.

134    Rigward it-tieni raġuni invokata – jiġifieri li Sewon kienet iddenunzjat l-akkordju wara li l-Kummissjoni kienet għamlet investigazzjonijiet fil-bini ta’ ADM u ta’ Kyowa –, hija wkoll infondata, kemm fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-taqsima B punt (d) tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni kif ukoll skont id-dispożizzjonijiet tat-taqsima Ċ ta’ din tal-aħħar rigward it-tieni kundizzjoni. L-ewwel sett ta’ dispożizzjonijiet ma jissuġġettawx l-applikazzjoni tagħhom għan-nuqqas ta’ investigazzjonijiet. It-tieni sett ta’ dispożizzjonijiet huma intiżi preċiżament għall-każ fejn saru investigazzjonijiet fil-bini tal-impriżi li huma membri fl-akkordju.

135    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-aħħar raġuni mressqa fid-Deċiżjoni, rigward il-fatt li parti sostanzjali mill-informazzjoni pprovduta minn Sewon ingħatat fil-kuntest ta’ talba għal informazzjoni taħt l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 17, u li, għaldaqstant, il-kooperazzjoni ta’ Sewon ma kinitx għalkollox volontarja, hija għandha tiġi miċħuda.

136    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka l-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li kooperazzjoni fl-investigazzjoni li ma tmurx lil ’hinn minn dak li jirriżulta mill-obbligi imposti fuq l-impriżi skont l-Artikolu 11(4) u (5) tar-Regolament Nru 17 ma tiġġustifikax tnaqqis tal-multa (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-12/89, Ġabra p. I-907, punt 341, u Cascades vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 260).

137    Madankollu, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta wkoll li tnaqqis tal-multa huwa ġġustifikat meta l-impriża tipprovdi informazzjoni li tmur konsiderevolment lil ’hinn minn dik li tista’ tiġi mitluba mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cascades vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 261 u 262).

138    F’dan il-każ, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-informazzjoni pprovduta minn Sewon, fir-risposta tagħha, kienet tmur konsiderevolment lil ’hinn minn dik li ġiet mitluba. Fil-fatt, kif ikkonstatat il-Kummissjoni nfisha fil-paragrafu 172 tad-Deċiżjoni, “Sewon tat ukoll informazzjoni rigward laqgħat li ma kinux imsemmiija fit-talba tal-Kummissjoni [u hija] kompliet tipprovdi informazzjoni komplementari wara dan”.

139    Barra minn hekk, ir-rifjut lir-rikorrenti tal-benefiċċju tat-tnaqqis previst fit-taqsima Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, minħabba li kienet intbgħatitilhom talba għal informazzjoni, tmur ukoll kontra l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni.

140    Hekk kif ingħad, it-taqsima Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tirreferi għall-każ fejn “investigazzjoni ordnata minn deċiżjoni”, miżura msemmija mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 tkun saret mill-Kummissjoni “fil-bini tal-impriżi li huma partijiet fl-akkordju” mingħajr ma dan jippermettilha tibda proċedura. F’dan il-każ, fl-istadju li fih Sewon ikkooperat, kienu saru żewġ investigazzjonijiet mill-Kummissjoni fil-bini tal-impriżi partijiet fl-akkordju, jiġifieri ADM u Kyowa (paragrafu 168 tad-Deċiżjoni), mingħajr ma dan ippermetta, minnu nnifsu, lill-Kummissjoni li tibda proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni. Wara dawn l-investigazzjonijiet, il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari tkompliet billi ntbagħtu talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 (paragrafu 171 tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk, jista’ jiġi osservat li l-ebda investigazzjoni ma kienet inbdiet fil-bini ta’ Sewon, li, wara kollox, ma kienx jeskludi neċessarjament l-applikazzjoni tat-taqsima Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jekk lanqas din l-investigazzjoni ma tkun tat bażi suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-bidu ta’ proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni.

141    Għaldaqstant, il-fatt li talba għal informazzjoni ġiet indirizzata lilha, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 17 ma jistax ikun determinanti sabiex jiġi eskluż il-benefiċċju ta’ tnaqqis sinjifikattiv, ta’ bejn 50 u 75 % tal-ammont tal-multa, skont it-taqsima Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, iktar u iktar għaliex tali talba hija miżura inqas vinkolanti minn investigazzjoni magħmula abbażi ta’ deċiżjoni.

142    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata biċ-ċar permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni (T-352/94, Ġabra p. II-1989), li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li enfasizzat li Stora kienet ipprovdiet informazzjoni li tmur konsiderevolment lil ’hinn minn dak li seta’ jiġi mitlub minnha fil-kuntest ta’ talba għal informazzjoni (punt 401 tas-sentenza), qieset li “anki jekk Stora kkooperat biss wara li l-Kummissjoni kienet bdiet l-investigazzjonijiet fil-bini tal-impriżi skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni ma qabżitx is-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-kalkolu tal-ammont tal-multi billi ma naqqsitx b’żewġ terzi l-ammont tal-multa imposta fuq Stora” (punt 402 tas-sentenza). Minkejja li din is-sentenza hija deċiżjoni preċedenti għall-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, l-interpretazzjoni mogħtija hemmhekk tibqa’ valida fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-taqsima Ċ tal-imsemmija komunikazzjoni.

143    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Kummissjoni kisret t-taqsima Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

144    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, għandha tiddeċiedi fuq l-ammont tat-tnaqqis tal-multa li għandu jingħata lir-rikorrenti skont t-taqsima Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Il-Kummissjoni ssostni li t-tnaqqis mogħti fuq dik il-bażi ma kienx ikun neċessarjament ogħla minn dak li ngħata f’dan il-każ taħt it-taqsima D tal-imsemmija komunikazzjoni, jiġifieri ta’ 50 %.

145    Madankollu, għandu jiġi osservat li l-informazzjoni pprovduta minn Sewon kienet determinanti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur bejn l-1990 u l-1992 u, għaldaqstant, għall-iffissar tat-tul ta’ żmien tal-ksur, li jiġġustifika l-benefiċċju ta’ tnaqqis ta’ 60 % tal-ammont tal-multa.

 Fuq il-metodu ta’ kalkolu u l-ammont finali tal-multa

146    Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti l-benefiċċju ta’ żewġ ċirkustanzi attenwanti, waħda, minħabba r-rwol passiv ta’ Sewon fl-1995 fir-rigward tal-kwoti ta’ bejgħ, li wasslet għal tnaqqis ta’ 20 % taż-żieda applikata għal din l-impriża minħabba t-tul ta’ żmien tal-ksur (paragrafu 365), l-oħra, minħabba l-waqfien tal-ksur mal-ewwel interventi ta’ awtorità pubblika (paragrafu 384), li tiġġustifika tnaqqis ta’ 10 % applikat għar-riżultat tal-ewwel tnaqqis msemmi hawn fuq.

147    Għandu jiġi kkonstatat li f’dawn iż-żewġ każijiet u bil-kontra ta’ dak li sar għal Cheil, il-Kummissjoni applikat it-tnaqqis mogħti minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti għall-ammont bażiku tal-multa, stabbilit skont il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur.

148    B’domanda bil-miktub innotifikata lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Frar 2002, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lil din tal-aħħar sabiex, b’mod partikolari, tispjega fid-dettall u tiġġustifika l-metodu ta’ kalkolu tagħha tal-ammont tal-multi.

149    Fir-risposta tagħha bid-data tas-27 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni indikat li l-metodu xieraq għall-kalkolu taż-żidiet u tat-tnaqqis intiżi sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ perċentwali għall-ammont bażiku tal-multa. Hija rrikonoxxiet ukoll li ma segwietx awtomatikament dan il-metodu ta’ kalkolu fil-kuntest tad-Deċiżjoni tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ Ajinomoto u ta’ ADM.

150    Fis-seduta, ir-rikorrenti indikaw li ma kellhom l-ebda oġġezzjoni x’jagħmlu fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi propost mill-Kummissjoni.

151    F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-linji gwida, il-Kummissjoni, wara li tkun stabbiliet l-ammont bażiku tal-multa fid-dawl tal-gravità u tat-tul ta’ żmien tal-ksur, iżżid jew tnaqqas l-imsemmi ammont abbażi taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

152    Fid-dawl tal-kliem tal-linji gwida, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-perċentwali li jikkorrispondu għaż-żidiet jew għat-tnaqqis, adottati abbażi taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, għandhom jiġu applikati għall-ammont bażiku tal-multa, stabbilit skont il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur, u mhux għall-ammont ta’ żieda applikata preċedentement abbażi tat-tul ta’ żmien tal-ksur jew għaċ-ċifra li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ żieda jew ta’ tnaqqis abbażi ta’ ċirkustanza aggravanti jew attenwanti. Kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni fir-risposta tagħha għad-domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi deskritt hawn fuq jista’ jiġi dedott mill-kliem tal-linji gwida u jippermetti li jiġi ggarnatit trattament ugwali ta’ diversi impriżi li jipparteċipaw fl-istess kartell.

153    Għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-eżami tal-aġir ta’ Sewon fir-rigward tal-ftehim fuq il-volumi ta’ bejgħ, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset (punt 111 hawn fuq) li din tal-aħħar fil-fatt evitat l-implementazzjoni tal-imsemmi ftehim għall-perijodu ta’ bejn Jannar u Ġunju 1995. Wara li kkonstatat li t-tnaqqis mogħti mill-Kummissjoni minħabba r-rwol passiv ta’ Sewon fir-rigward tal-kwoti ta’ bejgħ u dak mitlub mir-rikorrenti għan-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-ftehim kienu bbażati fuq l-istess fatti, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset (punt 113 hawn fuq) bħala kompletament adattat, fl-ammont tiegħu, it-tnaqqis ta’ 20 % taż-żieda li kienet ġiet applikata minħabba t-tul ta’ żmien tal-ksur. Dan it-tnaqqis tal-aħħar huwa ekwivalenti għal tnaqqis ta’ 5.71 % tal-ammont bażiku tal-multa (EUR 21 miljun).

154    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li t-tnaqqis ta’ 10 % mogħti mill-Kummissjoni minħabba l-waqfien tal-ksur mal-ewwel interventi ta’ awtorità pubblika u applikat għaċ-ċifra li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-ewwel tnaqqis adottat minħabba r-rwol passiv ta’ Sewon, jiġifieri ammont ta’ EUR 19.8 miljun, huwa ekwivalenti għal tnaqqis ta’ madwar 9.43 % tal-ammont bażiku, li effettivament huwa adattat fl-ammont tiegħu.

155    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li mat-tnaqqis ta’ 5.71 % għandu jiżdied dak ta’ 9.43 % msemmi fil-punt hawn fuq, jiġifieri tnaqqis globali ta’ 15.14 % minħabba ċirkustanzi attenwanti li għandu jiġi applikat għall-ammont bażiku tal-multa, li jwassal għal multa ta’ EUR 17 820 600 qabel l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

156    Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, ir-rikorrenti għandhom jingħataw tnaqqis ta’ 60 % tal-ammont ta’ EUR 17 820 600 skont it-taqsima Ċ tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, li huwa ekwivalenti għal tnaqqis ta’ EUR 10 692 360. Konsegwentement, l-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandu jiġi ffissat għal EUR 7 128 240.

 Fuq l-ispejjeż

157    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, din tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. F’dan il-każ, hemm lok li r-rikorrenti jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll, in solidum, żewġ terzi tal-ispejjeż subiti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-multa imposta, in solidum, fuq Daesang Corp. u fuq Sewon Europe GmbH huwa ffissat għal EUR 7 128 240.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Daesang Corp. u Sewon Europe GmbH huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll, in solidum, għaż-żewġ terzi ta’ dawk tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati terz tal-ispejjeż tagħha.

Vilaras

Tiili

Mengozzi

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Lulju 2003.

H. Jung

 

      M. Vilaras

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fid-dritt

Fuq id-dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

– Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

– Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dħul mill-bejgħ żbaljat u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

– Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

L-argumenti tal-partijiet

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-kooperazzjoni ta’ Sewon matul il-proċedura amminsitrattiva

L-argumenti tal-partijiet

Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-metodu ta’ kalkolu u l-ammont finali tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.