Language of document : ECLI:EU:T:2005:332

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tieni Awla Estiża)

tal-21 ta' Settembru 2005?(1)

"Politika barranija u ta' sigurtà komuni – Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk ta' Al-Qaida u t-Taliban – Kompetenza tal-Komunità – Iffriżar ta' fondi – Drittijiet fundamentali – Jus cogens – Stħarriġ ġudizzjarju – Rikors għal annullament"


Fil-kawża T-315/01

Yassin Abdullah Kadi, li joqgħod f'Jeddah (l-Għarabja Sawdita) irrapreżentat minn D. Pannick, QC, P. Saini, barrister, G. Martin u A. Tudor, solicitors, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent

vs

il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Vitsentzatos u M. Bishop, bħala aġenti,

u

l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn A. Van Solinge u C. Brown, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuti

sostnuti mir-

Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, inizjalment irrappreżentat minn J. E. Collins, wara minn R. Caudwell, bħala aġenti, din ta' l-aħħar assistita minn S. Moore, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

parti intervenjenti

li għandha bħala suġġett, inizjalment talba għall-annullament, min-naħa, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 tas-6 ta' Marzu 2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta' ċertu merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta' titjiriet u jestendi l-friża [l-iffriżar] fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban ta' l-Afganistan, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 337/2000 (ĠU L 67 p. 1), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2062/2001 tad-19 ta' Novembru 2001 li jemenda, għat-tielet darba, ir-Regolament Nru 467/2001 (ĠU L 277, p. 25), u wara, talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċertu merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża [iffriżar] fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban ta’ l-Afganistan u li jħassar ir-Regolament Nru 467/2001 (ĠU L 139, p. 9), safejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tieni Awla Estiża),

komposta minn N. J. Forwood, President, J. Pirrung, P. Mengozzi, A. W. H. Meij u M. Vilaras, Imħallfin,

Reġistratur : H. Jung,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' Ottubru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza


 Il-kuntest ġuridiku

1       Taħt l-Artikolu 24(1) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f'San Francisco (l-Istati Uniti) fis-26 ta' Ġunju 1945, il-Membri ta' l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) " jpoġġu fuq il-Kunsill tas-Sigurtà responsabbiltà primarja għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u jaċċetta li waqt li jkun qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu skond din ir-responsabbiltà, il-Kunsill tas-Sigurtà ikun qed jaġixxi f'isimhom".

2       Taħt l-Artikolu 25 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti "[i]l-Membri ta' l-[ONU] jintrabtu li jaċċettaw u jwettqu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà skond il-Karta preżenti ".

3       Skond l-Artikolu 48(2) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali "għandhom jiġu esegwiti mill-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti direttament u permezz ta' l-azzjoni tagħhom fl-aġenziji internazzjonali adatti li tagħhom ikunu membri ".

4       Skond l-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, " [f']il-każ ta' konflitt bejn l-obbligi tal-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti skond l-Karta preżenti u l-obbligi tagħhom skond xi ftehim internazzjonali ieħor, l-obbligi tagħhom skond l-Karta preżenti għandhom jegħlbu ".

5       Skond l-Artikolu 11(1) UE, :

L-Unjoni għandha tiddifenixxi u timplementa politika barranija u ta' sigurtà komuni li tkopri l-oqsma tal-politika barranija u ta' sigurtà, li l-objettivi tagħha għandhom ikunu:

–       li tissalvagwardja l-valuri komuni, l-interessi fundamentali, l-indipendenza u l-integrità ta' l-Unjoni konformi mal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

–       li ssaħħaħ is-sigurtà ta' l-Unjoni bil-mezzi kollha;

–       li tippreserva l-paċi u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, […] ".

6       Skond l-Artikolu 301 KE :

" Meta jkun hemm, f’posizzjoni komuni jew azzjoni konġunta adottata skond il-provvedimenti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jirrigwardaw il-politika komuni barranija u ta’ sigurtà, provvedimenti għal xi azzjoni mill-Komunità biex tinterrompi jew tnaqqas, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma' xi pajjiż terz wieħed jew iktar, il-Kunsill għandu jieħu l-miżuri urġenti neċessarji. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni."

7       L-Artikolu 60 (1) KE jiddisponi:

" Jekk, fil-każijiet kontemplati fl-Artikolu 301, azzjoni mill-Komunità tiġi kkunsidrata meħtieġa, il-Kunsill jista’ skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 301, jieħu l-miżuri urġenti u neċessarji dwar il-moviment tal-kapital u dwar il-pagamenti għar-rigward tal-pajjiżi terzi in kwistjoni".


8       Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 307 KE :

" Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta' l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m'għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat".

9       Fl-aħħar l-Artikolu 308 KE jiddisponi :

" Jekk ikun jidher meħtieġ li l-Komunità tieħu azzjoni biex jintlaħaq xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, fit-tħaddim tas-suq komuni, u jekk dan it-Trattat ma jkunx ipprovda għal xi setgħa t'azzjoni hekk meħtieġa għal dan il-għan, il-Kunsill, b'vot unanimu fuq proposta mil-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu jieħu l-passi xierqa".

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10     Fil-15 ta' Ottubru 1999, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar 'il quddiem "il-Kunsill tas-Sigurtà") adotta r-Riżoluzzjoni 1267 (1999), li biha huwa b'mod partikolari kkundanna l-fatt li terroristi qed ikomplu jiġu milqugħa u mistħarrġa u li atti terroristiċi huma ppreparati fit-territorju Afgan, afferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li s-soppressjoni tat-terroriżmu internazzjonali hija essenzjali għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali u ddeplora li t-Taliban qed ikompli jagħti rifuġju lil Usama bin Laden (Oussama ben Laden fil-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet Franċiżi tad-dokumenti adottati mill-istituzzjonijiet komunitarji) u li jippermettilu, kif ukoll lill-kollaboraturi tiegħu, li jmexxi netwerk ta' kampijiet ta' taħriġ għat-terroristi minn territorju okkupat minnu u li jinqeda bl-Afganistan sabiex imexxi operazzjonijiet terroristiċi internazzjonali. Fil-paragrafu 2 ta' din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà ordna li t-Taliban jagħti mingħajr iktar dewmien lill-imsemmi Usama bin Laden lill-awtoritajiet kompetenti. Sabiex jassigura li dan l-obbligu jiġi rrispettat, il-paragrafu 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999) jiddisponi li l-Istati kollha għandhom, b'mod partikolari, jiffriżaw fondi u riżorsi finanzjarji oħra li ġejjin minn proprjetà li hija tat-Taliban jew ikkontrollata direttament jew indirettament minnu, jew minn xi impriża li hija ta' jew hi kkontrollata mit-Taliban, kif stabbilit mill-Kumitat imwaqqaf permezz tal-paragrafu 6 hawn taħt, u jassiguraw li la l-fondi jew riżorsi finanzjarji oħra in kwistjoni u lanqas il-fondi l-oħra kollha jew riżorsi finanzjarji hekk identifikati ma jkunu mqiegħda għad-dispożizzjoni jew użati favur it-Taliban jew kull impriża oħra li hija tiegħu jew direttament jew indirettament ikkontrollata mit-Taliban, kemm miċ-ċittadini tagħhom kif ukoll minn kull persuna oħra li tinstab fit-territorju tagħhom, sakemm il-Kumitat ma jkunx ta awtorizzazzjoni kuntrarja għal dan, każ b'każ, għal raġunijiet umanitarji".

11     Fil-paragrafu 6 tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li jistabbilixxi, skond l-Artikolu 28 tar-regolament intern provviżorju tiegħu, Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà kompost mill-membri tiegħu kollha (iktar 'il quddiem "il-Kumitat tas-Sanzjonijiet"), inkarigat, b'mod partikolari li jassigura l-implementazzjoni, mill-Istati, tal-miżuri imposti mill-paragrafu 4, li jidentifka l-fondi jew riżorsi finanzjarji oħra msemmija fl-imsemmi paragrafu 4 u li jeżamina t-talbiet għal deroga mill-miżuri imposti minn dan l-istess paragrafu 4.

12     Peress illi azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex din ir-riżoluzzjoni tiġi implementata, il-Kunsill, fil-15 ta' Novembru 1999, adotta l-Pożizzjoni Komuni 1999/727/PESK [PBSK], dwar il-miżuri restrittivi kontra t-Taliban (ĠU L 294, p. 1). L-Artikolu 2 ta' din il-Pożizzjoni Komuni jipprevedi l-iffriżar ta' fondi u riżorsi finanzjarji oħra li t-Taliban għandu barra mill-pajjiz, taħt il-kundizzjonijiet imfissra fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà.

13     Fl-14 ta' Frar 2000, il-Kunsill adotta fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, ir-Regolament (KE) Nru 337/2000, dwar il-projbizzjoni ta' titjiriet u l-iffriżar ta' fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban ta' l-Afganistan (ĠU L 43 p. 1)

14     Fid-19 ta' Diċembru 2000, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1333 (2000) li teżiġi, b'mod partikolari, li t-Taliban jikkonforma ruħu mar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), b'mod partikolari billi jieqaf jofri refuġju u taħriġ lit-terroristi internazzjonali u lill-organizzazzjonijiet tagħhom u billi jagħti lil Usama bin Laden lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġi ġġudikat. Il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda, b'mod partikolari, li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta' titjiriet u l-iffriżar ta' fondi imposti skond ir-Riżoluzzjoni 1267 (1999). Din, kif ukoll il-paragrafu 8 (c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) tiddisponi li l-Istati kollha għandhom, b'mod partikolari, "jiffriżaw mingħajr dewmien il-fondi u assi finanzjarji oħra ta' Usama bin Laden u ta' individwi u entitajiet li huma assoċjati miegħu kif identifikati mill-[Kumitat tas-Sanzjonijiet], inkluża l-organizzazzjoni Al‑Qaida, u l-fondi derivati minn beni li huma ta' Usama bin Laden u ta' individwi u entitajiet li huma assoċjati miegħu jew kontrollati direttament jew indirettament minnu u li jassiguraw li la l-fondi u r-riżorsi finanzjarji l-oħra in kwistjoni, u lanqas fondi jew riżorsi finanzjarji oħra kollha ma jitqiegħdu għad-dispożizzjoni jew jiġu użati direttament jew indirettament favur Usama bin Laden, il-kollaboraturi tiegħu jew kull entità oħra li tappartjeni lilu jew hija direttament jew indirettament ikkontrollata minnu, inkluża l-organizzazzjoni Al-Qaida, kemm miċ-ċittadini tagħhom kif ukoll minn kull persuna oħra li tinstab fit-territorju tagħhom".

15     F'din l-istess dispożizzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà inkariga lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet iżomm, fuq il-bażi ta' informazzjoni mogħtija mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali, lista aġġornata ta' individwi u entitatjiet li l-imsemmi Kumitat identifika bħala assoċjati ma' Usama bin Laden, inkluża l-organizzazjoni Al-Qaida.

16     Fil-paragrafu 23 tar-Riżoluzjoni 1333 (2000), il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li l-miżuri imposti, b'mod partikolari, permezz ta' l-Artikolu 8, ser ikunu applikati għal tnax–il xahar, u li fit-tmiem ta' dan il-perijodu, huwa jiddetermina jekk dawn għandhomx jiġġeddu għal perijodu ġdid taħt l-istess kundizzjonijiet.

17     Peress illi azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex tiġi implementata din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill, fis-26 ta' Frar 2001 adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/154/PESK [PBSK], dwar miżuri restrittivi supplementari kontra t-Taliban u li temenda l-Pożizzjoni Komuni 96/746/PESK [PBSK] (ĠU L 57 p. 1). L-Artikolu 4 ta' din il-Pożizzjoni Komuni jiddisponi:

" Il-fondi u l-assi finanzjarji l-oħra ta' Usama bin Laden u ta' persuni u entitajiet assoċjati miegħu, bħal dawk li [l-Kumitat tas-Sanzjonijiet] identifika ser ikunu ffriżati u l-ebda fondi jew riżorsi finanzjarji oħra mhuma ser ikunu mqiegħda għad-dispożizzjoni ta' Usama bin Laden, u lanqas ta' persuni jew entitajiet assoċjati miegħu, bħal dawk li [l-Kumitat tas-Sanzjonijiet] identifika, skond id-dispożizzjonijiet [tar-Riżoluzjoni 1333 (2000)]".

18     Fis-6 ta' Marzu 2001, il-Kunsill adotta fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, ir-Regolament (KE) Nru 467/2001, li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta' ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta' titjiriet u jestendi l-friża [iffriżar] fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra [li kienu ġew deċiżi fir-] rigward it-Taliban ta' l-Afganistan, u li jħassar ir-Regolament Nru 337/2000 (ĠU L 67, p. 1).

19     L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru  467/2001 jagħti t-tifsira ta' "fondi" u "iffriżar ta' fondi".

20     Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 467/2001:

" 1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta’, jew fil-pusses ta’, persuna naturali jew ġuridika (persuna fiżika jew ġuridika) jew entità nominata mill-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] u mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

2.      Il-fondi jew riżorsi finanzjarji oħra m'għandhomx ikunu disponibbli direttament jew indirettament, lil, lanqas favur, persuni, entitajiet jew organizzazzjonijiet nominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet Kontra t-Taliban u mniżżla fl-Anness I.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 ma japplikawx għal fondi u riżorsi finanzjarji li huma s-suġġett ta' deroga mogħtija mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet Kontra t-Taliban. Dawn id-derogi jistgħu jinkisbu permezz ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri mniżżla fl-Anness II".

21     L-Anness I tar-Regolament 467/2001 jinkludi lista ta' persuni, entitajiet u korpi li fir-rigward tagħhom japplika l-iffriżar ta' fondi impost permezz ta' l-Artikolu 2. Skond l-Artikolu 10 (1) tar-Regolament Nru 467/2001, il-Kummissjoni hija awtorizzata temenda jew tikkompleta l-imsemmi Anness I fuq il-bażi ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà jew tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

22     Fit-8 ta' Marzu 2001, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ippubblika l-ewwel lista kkonsolidata ta' persuni u entitajiet li l-fondi taghom għandhom jiġu ffriżati skond ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1267 (1999) u 1333 (2000) (ara l-komunikat AFG/131 SC/7028 ta' l-imsemmi Kumitat tat-8 ta' Marzu 2001). Minn dak iż-żmien din il-lista ġiet emendata u kkompletata diversi drabi. Il-Kummissjoni, minn dak iż-żmien adottat diversi regolamenti skond l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 467/2001, li bihom hija emendat jew ikkompletat l-Anness I ta' l-imsemmi regolament.

23     Fid-19 ta' Ottubru 2001, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ippubblika addendum ġdid għall-lista tiegħu tat-8 ta' Marzu 2001, li jinkludi, b'mod partikolari l-isem tal-persuna li ġejja:

–       " Al-Qadi, Yasin (A. K. A. Kadi, Shaykh Yassin Abdullah ; A. K. A. Kahdi, Yasin), Jeddah, l-Għarabja Sawdita. "

24     Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2062/2001 tad-19 ta' Ottubru 2001, li jemenda għat-tielet darba, ir-Regolament Nru 467/2001 (ĠU L 277, p. 25), l-isem tal-persuna in kwistjoni ġie miżjud ma' l-oħrajn, fl-Anness I ta' l-imsemi Regolament.

25     Fis-16 ta' Jannar 2002, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1390 (2002) li tistabbilixxi l-miżuri li għandhom jiġu imposti fir-rigward ta' Usama bin Laden, tal-Membri ta' l-organizzazzjoni Al-Qaida kif ukoll tat-Taliban u ta' persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati. Din ir-riżoluzzjoni, essenzjalment tipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tagħha, iż-żamma ta' miżuri, b'mod partikolari l-iffriżar ta' fondi, imposti fil-paragrafu 4 (b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999) u fil-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000). Skond il-paragrafu 3 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002), dawn il-miżuri ser jiġu rriveduti mill-Kunsill tas-Sigurtà 12–il xahar wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni u fl-aħħar ta' dan il-perijodu huwa jew se jħalli l-kontinwazzjoni ta' dawn il-miżuri jew jiddeċiedi li jsaħħaħhom.

26     Peress illi azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex tiġi implementata din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill, fis-27 ta' Mejju 2002 adotta l-Pożizzjoni Komuni 2002/402/ PESK [PBSK], dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' Usama bin Laden, il-Membri ta' l-organizzazzjoni Al-Qaida kif ukoll tat-Taliban u ta' persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati oħra, u ħassret il-Pożizzjonijiet Komuni 96/746, 1999/727, 2001/154 u 2001/771/PESK [PBSK] (ĠU L 139, p. 4). L-Artikolu 3 ta' din il-Pożizzjoni Komuni tipprevedi, b'mod partikolari, il-proroga ta' l-iffriżar ta' fondi u ta' assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi ta' persuni, gruppi, impriżi u entitatjiet indikati fil-lista stabbilità mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skond ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1267 (1999) u 1333 (2000).

27     Fis-27 ta' Mejju 2002, il-Kunsill adotta, fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, ir-Regolament (KE) Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk ta' Al-Qaida u t-Taliban u li jħassar ir-Regolament Nru 467/2001 (ĠU L 139 p. 9).

28     Skond il-premessa 4 ta' dan ir-Regolament, il-miżuri previsti, b'mod partikolari mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1390 (2000) "jaqgħu taħt l-għan tat-Trattat u, għalhekk, notament bl-iskop li tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni, leġiżlazzjoni tal-Komunità hi neċessarja biex jiġu implementati d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà sa fejn hu kkonċernat it-territorju tal-Komunità.".

29     L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 881/2002 jiddefinixxi "l-fondi" u "l-friża [l-iffriżar]" ta' fondi bi kliem essenzjalment identiċi, għal dawk ta' l-1 Artikolu tar-Regolament Nu 467/2001.

30     Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 881/2002:

" 1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta’, jew fil-pusses ta’, persuna naturali jew ġuridika [fiżika jew ġuridika] jew entità nominata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

2. L-ebda [fondi m'għandhom jkunu] disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew ġuridika, grupp jew entità nominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I.

3. L-ebda riżors ekonomiku m'għandu jkun disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew ġuridika, grupp jew entità nominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I, biex dik il-persuna, dak il-grupp jew dik l-entità tkun tista’ tikseb fondi, merkanzija jew servizzi".

31     L-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 jinkludi lista ta' persuni, entitatjiet u gruppi li fir-rigward tagħhom japplika l-iffriżar tal-fondi impost permezz ta' l-Artikolu 2. Din il-lista tinkludi b'mod partikolari, l-isem tal-persuna li ġejja: " Al-Qadi, Yasin (alias KADI, Shaykh Yassin Abdullah ; alias KAHDI, Yasin), Jeddah, l-Għarabja Sawdita ".

32     Fl-20 ta' Diċembru 2002, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1452 (2000), intiża sabiex tiffaċilita r-rispett ta' l-obbligi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-paragrafu 1 ta' din ir-Riżoluzzjoni jipprevedi ċertu numru ta' derogi u ta' eċċezzjonijiet għall-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi imposti mir-Riżoluzzjonijiet 1267 (1999), 1333 (2000) u 1390 (2002), li jistgħu jingħataw għal motivi umanitarji mill-Istati, bir-riżerva ta' awtorizzazzjoni mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

33     Fis-17 ta' Jannar 2003, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1455 (2003), li hija intiża sabiex ittejjeb l-implementazzjoni tal-miżuri imposti mill-paragrafu 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) u mill-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002). Skond il- paragrafu 2 tar-Riżoluzzjoni 1455 (2003), dawn il-miżuri ser jerġgħu jkunu mtejjba fi żmien 12–il xahar jew qabel jekk ikun hemm bżonn.

34     Peress illi azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1452 (2002), il-Kunsill, fis-27 ta' Frar 2003 adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/140/PESK [PBSK], dwar eċċezzjonijiet għall-miżuri restrittivi imposti mill-Pożizzjoni Komuni 2002/402 (ĠU L 53, p. 62) L-Artikolu 1 ta' din il-Pożizzjoni Komuni jipprevedi li, meta tkun qed timplementa l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 tal-Pozizzjoni Komuni 2002/402, il-Komunità Ewropea għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-eċċezzjonijiet awtorizzati mir-Rizoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1452 (2002).

35     Fis-27 ta' Marzu 2003, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru561/2003, li jemenda, għal dak li għandu x’jaqsam ma' l-eċċezzjonijiet għall-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 (ĠU L 82, p. 1). Fil- premessa 4 ta' dan ir-Regolament, il-Kunsill jindika li, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1452 (2002) hemm bżonn li jkunu aġġustati l-miżuri imposti mill-Komunità.

36     Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2003:

"  L-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit fir-Regolament (KE) Nru. 881/2002:

'Artikolu 2a

1. L-Artikolu 2 mhux se japplika għal fondi jew riżorsi ekonomiċi fejn:

(a) xi awtorità kompetenti ta’ l-Istati Membri, kif imniżżla fl-Anness II, iddeterminat, fuq talba magħmula minn persuna naturali jew legali [fiżika jew ġuridka] konċernata, li dawn il-fondi jew riżorsi ekonomiċi huma:

(i) neċessarji biex ikunu koperti spejjeż bażiċi, inkluż il-ħlas ta’ oġġetti ta' l-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums ta’ l-assikurazzjoni, u l-ispejjeż għas-servizzi pubbliċi;

(ii) maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ miżati xierqa professjonali u għar-rimbors ta’ spejjeż li saru għad-dispożizzjoni ta’ servizzi legali;

(iii) maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ miżati jew ta’ servizzi biex jibqgħu jinżammu l-fondi ffriżati u r-riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

(iv) neċessarji għal spejjeż straordinarji; u

(b) determinazzjoni bħal din ġiet innotifikata lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet; u

(ċ) (i) fil-każ ta’ determinazzjoni taħt punt (a)(i), (ii) jew (iii), il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma oġġezzjonax għad-determinazzjoni fi żmien 48 siegħa min-notifikazzjoni; jew

(ii) fil-każ ta’ determinazzjoni taħt punt (a)(iv), il-Kumitat tas-Sanzjonijiet approva d-determinazzjoni.

2. Kull persuna li tixtieq tibbenefika mid-dispożizzjonijiet imsemmija f’paragrafu 1 għandha tindirizza t-talba tagħha lill-awtorità kompetenti rilevanti ta’ l-Istat Membru kif imniżżel fl-Anness II.

L-awtorità kompetenti elenkata fl-Anness II għandha tinnotifika mill-ewwel bil-miktub kemm lill-persuna li għamlet it-talba, kif ukoll lil kull persuna, korp jew entita’ magħrufa li huma direttament konċernati, jekk it-talba intlaqgħetx.

L-awtorità kompetenti għandha tinforma wkoll lil Stati Membri oħra jekk it-talba għal eċċezzjoni bħal din intlaqgħetx.

3. Il-fondi maħruġa u trasferiti ġol-Komunità stess sabiex jintlaħqu l-ispejjeż jew li huma rikonoxxuti bis-saħħa ta' dan l-Artikolu mhux se jkunu suġġetti għal iktar miżuri restrittivi skond l-Artikolu 2.

[…]' "

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

37     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-18 ta' Diċembru 2001, irreġistrat bin-numru T-315/01, M. Yassin Abdullah Kadi ressaq rikors skond l-Artikolu 230 KE kontra l-Kunsill u l-Kummissjoni, li fih huwa jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza

–       tannulla r-Regolamenti Nru 2062/2001 u Nru 467/2001, safejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrent;

–       tikkundanna lill-Kunsill u/jew lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

38     Fir-risposti tagħhom ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-20 u fil-21 ta' Frar 2002 rispettivament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrent jbati l-ispejjeż.

39     Permezz ta' ittra tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Ġunju 2002, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenzi tat-tħassir tar-Regolament Nru 467/2001 u tas-sostituzzjoni tiegħu permezz tar-Regolament Nru 881/2002

40     Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-28 ta' Ġunju 2002, anness ma' l-osservazzjonijiet tiegħu, ir-rikorrent żied it-talbiet u r-raġunijiet inizjali tiegħu għar-Regolament Nru 881/2002 (iktar 'il quddiem ir-"regolament ikkontestat"), safejn dan jikkonċernah.

41     Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-Registru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-28 ta' Ġunju 2002, il-Kunsill jiddikjara li huwa ma kellu ebda oġġezzjoni għal tali żieda tat-talbiet u tar-raġunijiet inizjali tar-rikors.

42     Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-1 ta' Lulju 2002, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors inizjali għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli safejn huwa intiż kontra r-Regolament Nru 467/2001, peress illi l-kundizzjonijiet imsemmija b'mod partikolari fir-raba u fil-ħames subparagrafi ta' l-Artikolu 230 KE ma kinux sodisfatti. Skond din l-istituzzjoni, it-talba inizjali għall-annullament ta' dan ir-regolament għaldaqstant tista' tiġi mifthema biss bħala eċċezzjoni ta' nullità taħt l-Artikolu 241 KE. Ir-rikors inizjali għandu għaldaqstant jiġi meqjus bħala intiż prinċipalment kontra r-Regolament Nru 2062/2001 u li ma jikkontestax ħlief b'mod inċidentali r-Regolament Nru 467/2001. Madankollu, fl-interess ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-ħtieġa li jitqassru l-proċeduri, u b'rigward għall-fatt li l-effetti legali tar-Regolament Nru 2062/2001 jitkomplew fir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni tiddikjara li hija ma kellha ebda oġġezzjoni li r-rikorrent jemenda l-atti ta' proċedura tiegħu sabiex jinkludi dan l-aħħar regolament.

43     Barra minn hekk, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata, skond l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li r-rikors intiż kontra r-Regolament Nru 2062/2001 m'għadx għandu skop u li m' għadx hemm lok għal deċiżjoni f'dak li jikkonċernah, peress illi dan ir-regolament tilef kull effett legali minħabba t-tħassir tar-Regolament Nru 467/2001 u s-sostituzzjoni tiegħu mir-regolament ikkontestat. Hija tiċċita, f'dan ir-rigward, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ottubru 1988, Technointorg vs il-Kummissjoni u l-Kunsill (294/86 u 77/87, Ġabra p. 6077), u d-Digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Ġunju 1997, TEAM u Kolprojekt vs il-Kummissjoni (T‑13/96,Ġabra p. II‑983).

44     Barra minn hekk, il-Kummissjoni titlob, skond l-Artikolu 115 (1) u l-Artikolu 116(6) tar-Reogli tal-Proċedura, li tiġi ddikjarata parti intervenjenti li qed issostni t-talbiet tal-Kunsill, iżda ser iżżom it-talba tagħha sabiex ir-rikorrent jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż li hija sostniet matul il-perijodu li huwa kkontesta r-Regolament Nru 2062/2001.

45     Permezz ta' Digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Settembru 2002, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq tħallew jintervjenu sabiex isostnu t-talbiet tal-konvenuti, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura.

46     Peress li l-kompożizzjoni ta' l-Awli tal-Qorti tal-Prim'Istanza inbidlet mis-sena ġudizzjarja l-ġdida, li bdiet fl-1 ta' Ottubru 2002, l-Imħallef Relatur ġie maħtur għat-tieni Awla, u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

47     Wara li semgħet lill-partijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza skond l-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, assenjat il-kawża lil Awla komposta minn ħames Imħallfin.

48     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet bil-miktub ċerti domandi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, li wieġbu fit-terminu mogħti.

49     Permezz ta' Digriet tal-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Settembru 2003, il-kawża preżenti u l-kawża T-306/01Aden et. vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

50     Permezz ta' ittra tat-8 ta' Ottubru 2003, ir-rikorrent talab lill-Qorti tal-Prim'Istanza tinkludi fil-proċess it-Terrorism (United Nations Measures) Order 2001 [Ordinanza Ingliża ta' l-2001 dwar it-terroriżmu (miżuri tan-Nazzjonijiet Uniti)]. Permezz ta' ittra tat-8 ta' Ottubru 2003, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza tinkludi fil-proċess "id-Direttivi li jirregolaw it-tmexxija tax-xogħol tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] ", kif adottati minn dan il-Kumitat fis-7 ta' Novembru 2002 u emendati fl-10 ta' April 2003. Permezz ta' deċiżjoni tal-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Ottubru 2003 hija laqgħat dawn iż-żewġ talbiet.

51     Is-sottomissjonijiet orali u r-risposti tal-partijiet għad-domandi li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlitilhom instemgħu waqt is-seduta ta' l-14 ta' Ottubru 2003.

 Fuq il-konsegwenzi proċedurali ta' l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat

52     Il-partijiet fil-kawża prinċipali qablu li jirrikonoxxu li r-rikorrent għandu d-dritt li jbiddel it-talbiet u r-raġunijiet tiegħu b'mod li jkunu intiżi għall-annullament tar-regolament ikkontestat, li jħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 467/2001, kif emendat mir-Regolament Nru 2062/2001. Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-28 ta' Ġunju 2002, ir-rikorrent effettivament iddikjara li qed jadatta f'dan is-sens it-talbiet u r-raġunijiet inizjali tiegħu.

53     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta fil-kors tal-proċedura, deċiżjoni hija ssostitwita minn deċiżjoni li għandha l-istess suġġett, din għandha titqies bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jadatta t-talbiet u r-raġunijiet tiegħu. Li wieħed jobbliga lir-rikorrent jippreżenta rikors ġdid imur kontra l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-ħtieġa li jitqassru l-proċeduri. Barra minn hekk ikun inġust li l-istituzzjoni in kwistjoni tkun tista', sabiex taffronta l-kritika li tinstab fir-rikors ippreżentat lill-qorti komunitarja kontra deċiżjoni, tadatta d-deċiżjoni kkontestata jew tissostwixxijha u li matul il-kawża tużufruwixxi minn din il-bidla jew minn din is-sostituzzjoni sabiex tiċħad lill-parti l-oħra l-possibbiltà li testendi t-talbiet u r-raġunijiet inizjali tagħha għad-deċiżjoni sussegwenti jew li tippreżenta talbiet jew raġunijiet supplementari kontra din (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Marzu 1982, Alpha Steel vs il-Kummissjoni, 14/81, Ġabra p. 749, punt 8 ; tad-29 ta' Settembru 1987, Fabrique de fer de Charleroi u Dillinger Hüttenwerke vs il-Kummissjoni, 351/85 u 360/85, Ġabra p. 3639, punt 11, u ta' l-14 ta' Lulju 1988, Stahlwerke Peine-Salzgitter vs il-Kummissjoni, 103/85, Ġabra p. 4131, punti 11 u 12 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Frar 2000, CCRE vs il-Kummissjoni, T‑46/98 u T‑151/98, Ġabra p. II‑167, punt 33).

54     Din il-ġurisprudenza tista' tiġi applikata fil-każ li regolament li jirrigwarda direttament u individwalment lil persuna jiġi ssostitwit, fil-kors tal-proċedura, b'regolament li għandu l-istess suġġett.

55     Peress illi din l-ipotesi tikkorrispondi fil-punti kollha ma' dik tal-każ preżenti, hemm lok li tiġi milqugħa t-talba tar-rikorrent li r-rikors tiegħu jiġi kkunsidrat bħala li huwa intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat, safejn dan jikkonċernah, u li l-partijiet jitħallew jirriformulaw it-talbiet, ir-raġunijiet u l-argumenti tagħhom fid-dawl ta' dan l-element ġdid

56     F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-talba inizjali tar-rikorrent intiża għall-annullament parzjali tar-Regolament Nru 467/2001 m'għadx għandha skop, minħabba t-tħassir ta' dan ir-regolament mir-regolament ikkontestat. M'hemmx aktar lok li tittieħed deċiżjoni lanqas fuq l-eċċezzjoni ta' inammissibiltà mqajjma mill-Kummissjoni (ara l-punt 42 iktar 'il fuq). Lanqas ma hemm lok li tittieħed deċiżjoni fuq it-talba għall-annullament tar-Regolament Nru 2199/2001, peress illi din m'għadx għandha skop.

57     Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li mhemmx aktar lok li tittieħed deċiżjoni fuq ir-rikors sakemm dan huwa intiż kontra l-Kummissjoni. Madankollu, f'dawn iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-ħtieġa li jitqassru l-proċeduri li fuqhom hija bbażata l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 iktar 'il fuq xorta waħda jiġġustifikaw li jiġu meqjusa t-talbiet, l-eċċezzjonijiet u l-argumenti tal-Kummissjoni, irriformulati kif intqal fil-punt 55 iktar 'il fuq, mingħajr ma jkun hemm bżonn li din l-istituzzjoni tiġi formalment ammessa mill-ġdid għall-proċedura bis-saħħa ta' l-Artikoli 115(1) u 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura, bħala parti intervenjenti li qed issostni t-talbiet tal-Kunsill

58     Meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni għal dak li ntqal iktar 'il fuq, hemm lok li jiġi meqjus li r-rikors preżenti huwa minn issa 'l quddiem intiż biss kontra l-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mir-Renju Unti, u li huwa intiż biss għall-annullament tar-regolament ikkontestat, safejn dan jikkonċerna lir-rikorrent.

 Fuq il-mertu

1.     Kunsiderazzjonijiet preliminari

59     Sabiex isostni t-talbiet tiegħu, ir-rikorrent qajjem, fir-rikors tiegħu tliet raġunijiet għall-annullament ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu. L-ewwel raġuni hija bbażata fuq il-ksur tad-dritt li wieħed jiġi mismugħ, it-tieni fuq il-ksur tad-dritt għar-rispett tal-proprjetà u tal-prinċipju ta' proporzjonalità u, it-tielet, fuq il-ksur tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

60     Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent qajjem ir-raba' raġuni, ibbażata fuq l-inkompetenza u l-abbuż ta' setgħa, f'dak illi l-istituzzjonijiet konvenuti adottaw ir-Regolamenti Nru 467/2001 u Nru 2062/2001 fuq il-bażi ta' l-Artikolu 60 KE u 301 KE, filwaqt illi dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw lill-Komunità tinterrompi jew tnaqqas ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma' pajjiż terz, iżda mhux li tiffriża l-assi ta' persuni. Mandankollu, wara li r-Regolament Nru 467/2001 ġie mħassar u ssostitwit mir-regolament ikkontestat, adottat fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, ir-rikorrent iddikjara, fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-28 ta' Ġunju 2002, li huwa kien qed jirrinunċja għal din ir-raġuni l-ġdida.

61     Il-Qorti tal-Prim'Istanza madankollu ddeċidiet li teżamina ex-officio l-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill kienx kompetenti jadotta r-regolament ikkontestat fuq il-bażi legali ta' l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE. Fil-fatt, ir-raġuni bbażata fuq l-inkompetenza ta' min ifformula l-att ikkontestat hija ta' ordni pubbliku (Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M.Lagrange fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Lulju 1964, Olanda vs l-Awtorità Għolja, 66/63, Ġabra p. 1047, 1086) u għaldaqstant tista' tiġi eżaminata ex officio mill-Qorti Komunitarja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Diċembru 1959 Société des fonderies de Pont-à-Mousson vs l-Awtorità Għolja, 14/59, Ġabra. p. 445, 473 ; ta' l-10 ta' Mejju 1960, il-Ġermanja vs l-Awtorità Għolja, 19/58, Ġabra p. 469, 488 ; tat-30 ta' Settembru 1982, Amylum vs il-Kunsill, 108/81, Ġabra p. 3107, punt 28, u tat-13 ta' Lulju 2000, Salzgitter vs il-Kummissjoni, C‑210/98 P, Ġabra p. I‑5843, punt 56 ; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 1992, BASF et vs il-Kummissjoni, T‑79/89, T‑84/89, T‑85/89, T‑86/89, T‑89/89, T‑91/89, T‑92/89, T‑94/89, T‑96/89, T‑98/89, T‑102/89 u T‑104/89, Ġabra. p. II‑315, punt 31, u ta' l-24 ta' Settembru 1996, Marx Esser u Del Amo Martinez vs il-Parlament, T‑182/94, ĠabraSP p. I‑A‑411 u II‑1197, punt 44).

62     Peress illi la l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma kellhom il-possibbiltà li jieħdu pożizzjoni fuq din il-kwistjoni matul il-proċedura bil-miktub, il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednithom jagħmlu dan bil-miktub taħt il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura (ara l-punt 48 iktar 'il fuq). Dawn l-istituzzjonijiet ikkonformaw ruħhom mat-talba tal-Qorti tal-Prim'Istanza fiż-żmien li ngħatalhom għal dan il-għan. Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrent ikkontesta l-kompetenza tal-Kunsill li jadotta r-regolament ikkontestat fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE 301 KE u 308 KE. Ir-Renju Unit ukoll ħa pożizzjoni fuq din il-kwistjoni waqt is-seduta.

63     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni qabel kollox fuq ir-raġuni, imqajma ex officio, ibbażata fuq l-inkompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta r-regolament ikkontestat. Il-Qorti tal-Prim'Istanza wara ser tagħti deċiżjoni fuq it-tliet raġunijiet, billi tgħaqqadhom flimkien, għall-annullament ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent.

2.     Fuq ir-raġuni bbażata fuq l-inkompetenza tal-Kunsill li jadotta r-regolament ikkontestat

 Id-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza u r-risposti tal-partijiet

64     Fid-domandi bil-miktub magħmula lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret li, fl-Avviż 2/94 tat-28 ta' Marzu 1996 (Ġabra p. I-1759, punti 29 u 30), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 235 tat-Trattat KE (li wara sar l-Artikolu 308 KE) huwa intiż sabiex ipatti għan-nuqqas ta' setgħa ta' azzjoni mogħtija espressament jew b'mod impliċitu lill-istituzzjonijiet komunitarji mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat, safejn dawn is-setgħat jidhru mandankollu neċessarji sabiex il-Komunità tkun tista' teżerċita l-funzjonijiet tagħha bil-għan li jintlaħaq xi wieħed mill-għanijiet stabbiliti mit-Trattat. Peress illi din id-dispożizzjoni tifforma parti integrali minn sistema istituzzjonali bbażata fuq il-prinċipju ta' kompetenza ta' attribuzzjoni, din ma tistax tikkostitwixxi bażi sabiex twessa' il-qasam ta' kompetenzi tal-Komunità iktar mill-kuntest ġenerali li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat meħuda flimkien, u, b'mod partikolari, dawk li jiddefinixxu l-missjonijiet u l-azzjonijiet tal-Komunità. F'kull każ, din ma tistax isservi bħala bażi għall-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet li jwasslu essenzjalment, fil-konsegwenzi tagħhom, għal emenda tat-trattat li jaħarbu mill-proċedura prevista minnu għal dan il-għan. Fid-dawl ta' dan l-avviż, il-Qorti tal-Prim'Istanza b'mod partikolari stiednet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jindikaw liema huma l-għanijiet tal-Komunità stabbiliti mit-Trattat KE li huma jipproponu li għandhom jintlaħqu permezz tad-dispożizzjonijiet previsti mir-regolament ikkontestat.

65     Il-Kunsill wieġeb, essenzjalment, li l-għan ta' dawn id-dispożizzjonijiet kien li tintlaħaq koerzjoni ekonomika u finanzjarja, li skond hu tikkostitwixxi għan tat-Trattat KE.

66     F'dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li l-għanijiet tal-Komunità mhumiex biss dawk definiti fl-Artikolu 3 KE, iżda li dawn jistgħu jirriżultaw ukoll minn dispożizzjonijiet aktar speċifiċi.

67     L-element determinati, f'dan ir-rigward, huwa li, wara l-emendi li jirriżultaw mit-Trattat ta' Maastricht, l-Artikoli 60 KE u 301 KE jiddefinixxu l-kompetenzi u l-azzjonijiet tal-Komunità fil-qasam ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji u joffru bażi ġuridika għal trasferiment mgħaġġel tal-kompetenzi tal-Komunità sabiex dawn jiġu milħuqa. Dawn il-kompetenzi huma espressament konnessi u, fil-fatt, subordinati għall-adozzjoni ta' att skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE dwar il-politika barranija u ta' sigurtà komuni (PBSK). Issa, wieħed mill-għanijiet tal-PBSK huwa, skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 11(1) UE, " li tippreserva l-paċi u ssaħħaħ is-siġurtà internazzjonali, skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti ".

68     Għaldaqstant għandu jiġi rrikonoxxut li l-koerzjoni ekonomika u finanzjarja għal raġunijiet politiċi, a fortiori fil-kuntest ta' l-implementazzjoni ta' deċiżjoni restrittiva tal-Kunsill tas-Sigurtà, tikkostitwixxi għan espress u leġittimu tat-Trattat KE, anki jekk dan l-għan huwa marġinali, konness b'mod indirett ma' l-għanijiet prinċipali ta' dan it-Trattat, b'mod partikolari dawk relatati mal- moviment liberu ta' kapital [Artikolu 3(1)(c) KE] u mat-twaqqif ta' sistema li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx deformata [Artikolu 3(1)(g) KE], u konness mat-Trattat UE.

69     F'dan il-każ, l-Artikolu 308 KE kien ġie inkluż, bħala l-bażi ġuridika tar-regolament ikkontestat, sabiex jikkompleta l-bażi mogħtija mill-Artikoli 60 KE u 301 KE, b'tali mod li jippermetti l-adozzjoni ta' miżuri mhux biss fir-rigward ta' pajjiżi terzi, iżda wkoll fir-rigward ta' individwi u entitajiet mhux statali li mhux neċessarjament huma konnessi mal-gvern jew mar-reġim ta' dawn il-pajjiżi, f'każ fejn it-Trattat KE ma jipprovdix għal xi setgħat ta' azzjoni meħtieġa għal dan il-għan.

70     Hija u tipproċedi b'dan il-mod, il-Komunità kienet tista' tadatta ruħha għall-evoluzzjoni tal-prassi internazzjonali, li tikkonsisti minn issa 'l quddiem fl-adozzjoni ta' "sanzjonijiet intelliġenti" intiżi kontra individwi li huma ta' theddida għas-sigurtà internazzjonali, iktar milli kontra popolazzjonijiet innoċenti.

71     Il-Kunsill isostni li l-kundizzjonijiet li fihom, f'dan il-każ, huwa rrikorra għall-Artikolu 308 KE mhumiex differenti minn dawk li fihom din id-dispożizzjoni ġiet użata, fil-passat, sabiex jintlaħaq xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità għat-tħaddim tas-suq komuni, mingħajr ma l-imsemmi Trattat kien ippreveda l-possibbiltajiet ta' azzjoni hekk meħtieġa għal dan il-għan. Huwa jinvoka f'dan ir-rigward:

–       fil-qasam tal-politika soċjali, id-diversi direttivi li, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 235 tat-Trattat KE ikkompletat xi drabi mill-Artikolu 100 tat-Trattat KE (li wara sar l-Artikolu 94 KE), wessgħu l-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili, kif previst mill-Artikolu 119 tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew sostitwiti mill-Artikoli 136 KE sa 143 KE), sabiex jistabbilixxu prinċipju ġenerali ta' trattament ugwali fl-oqsma kollha fejn jista' jkun hemm diskriminazzjonijiet potenzjali u sabiex jibbenefikaw lill-ħaddiema indipendenti, inklużi dawk fis-settur agrikolu, u b'mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (76/207/KEE) (ĠU L 39, p. 40); Id-Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali (79/7/KEE) (ĠU 1979, L 6, p.24); id-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Lulju 1986 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għal irġiel u nisa fi skemi tax-xogħol ta’ sigurtà soċjali (86/378/KEE) (ĠU l 225, p. 40) u d-Direttiva tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 1986 dwar l-applikazzjoni tal-principju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa [li jaħdmu għal rashom, inkluża attività fl-agrikoltura, kif ukoll dwar il-protezzjoni tal-maternità] involuti f’attività, inkluża l-agrikoltura, b’kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom, u dwar il-protezzjoni ta’ nisa li jaħdmu għal rashom waqt li jkunu inċinti u waqt li qegħdin irabbu t-tfal. (86/613/KEE) (ĠU L 359, p. 56);

–       fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni, id-diversi atti li, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 235 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 51 tat-Trattat KE (li wara l-emendi sar l-Artikolu 42 KE), estendew id-drittijiet irrikonoxxuti lill-ħaddiema salarjati li jispustjaw ruħhom fil-Komunità għall-ħaddiema indipendenti, għall-membri tal-familja tagħhom u għall-istudenti, b'mod partikolari, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1390/81 tat-12 ta’ Mejju 1981 li jestendi għal persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom, ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jispustaw rwieħhom fil-Komunità (ĠU L 143, p. 1);

–       aktar reċentement, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1035/97 tat-2 ta' Ġunju, 1997, li jwaqqaf Ċentru ta’ Sorveljanza Ewropew għall-Ħarsien mir-Razziżmu u l-Ksenofobija (ĠU L 151, p. 1), adottat fuq il-bażi ta' l-Artikolu 213 tat-Trattat KE (li wara sar l-Artikolu 284 KE) u ta' l-Artikolu 235 tat-Trattat KE.

72     Il-Qorti tal-Ġustizzja stess irrikonoxxiet il-legalità ta' din il-prassi (sentenza tal-5 ta' Diċembru 1989, Delbar, C-114/88, Ġabra p. 4067)

73     Barra minn hekk, fil-passat, il-leġiżlatur kommunitarju diġà għamel użu mill-bażi ġuridika ta' l-Artikolu 235 tat-Trattat KE fil-qasam tas-sanzjonijiet. F'dan ir-rigward, il-Kunsill jargumenta li qabel l-introduzzjoni fit-Trattat KE ta' l-Artikoli 301 KE u 60 KE, diversi regolamenti tal-Kunsill li jimponu sanzjonijiet kummerċjali kienu bbażati fuq l-Artikolu 113 tat-Trattat KE (li wara l-emendi sar l-Artikolu 133 KE) [ara per eżempju, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 596/82, tal-15 ta' Marzu 1982 li jemenda s-sistema ta' importazzjoni ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Unjoni Sovjetika (ĠU L 72, p. 15); ir-Regolament tal-Kunsill Nru 877/82 tas-16 ta' April 1982, li jissospendi l-importazzjoni tal-prodotti kollha li joriġinaw mill-Arġentina (ĠU L 102, p. 1), u r-Regolament tal-Kunsill Nru 3302/86, tas-27 ta' Ottubri 1986, dwar is-sospensjoni ta' importazzjonijiet ta' muniti tad-deheb mir-Repubblika ta' l-Afrika tan-Nofsinhar (ĠU L 305, p. 11)]. Madankollu, meta dawn il-miżuri jmorru lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni jew dawn jikkonċernaw persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti fil-Komunità, dawn kienu jkunu wkoll ibbażati fuq l-Artikolu 235 tat-Trattat KE. Dan kien il-każ, partikolarment, tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3541/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li jipprojbixxi li jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet Irakini dwar kuntratti u tranżazzjonijiet li t-twettiq tagħhom ġie effettwat bir-Riżoluzzjoni 661 (1990) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u r-riżoluzzjonijiet relatati (ĠU L 361, p. 1), li fl-Artikolu 2 jistipola li " [h]uwa projbit li tkun milqugħa jew illi jittieħdu xi passi biex tkun milqugħa xi pretensjoni magħmula minn [..] kull persuna jew korp li jaġixxi, direttament jew indirettament, għan-nom ta’ jew għall-benefiċċju ta’ wieħed jew iktar persuni jew korpi (persuni fiżiċi jew ġuridiċi­) fl-Irak".

74     B'risposta għall-istess domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'istanza, il-Kummissjoni ssostni li l-implementazzjoni tas-sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà setgħat tirriżulta kompletament jew parzjalment mill-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat kemm bis-saħħa tal-politika kummerċjali komuni u kemm bis-saħħa tas-suq intern.

75     F'dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni, hija u tirreferi għall-premessa 4 tar-regolament ikkontestat, li l-miżuri in kwistjoni kienu neċessarji sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni u interpretazzjoni uniformi tar-restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-kapitali implementati skond ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni, b'mod li jiġi mħares il-moviment liberu tal-kapitali fil-Komunità u sabiex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni.

76     Barra minn hekk, il-Kummissjoni hi ta' l-opinjoni li l-ħarsien tas-sigurtà internazzjonali, kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni, għandu jiġi meqjus bħala li jaqa' taħt il-kuntest ġenerali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi, min-naħa, għall-Artikoli 3 UE u 11 UE u, min-naħa l-oħra, għall-preambolu tat-Trattat KE, li fih il-partijiet kontraenti kkonfermaw "is-solidarjeta li tgħaqqad l-Ewropa u pajjiżi barranin, […] skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti" u ddikjraw li kienu riżoluti li "jsaħħu […] il-ħarsien tal-paċi u l-libertà". Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi "għan ġenerali stabbilit fir-rigward tal-Komunità li tiddefendi l-paċi u s-sigurtà" li speċifikament iwettqu l-Artikoli 60 KE u 301 KE, li fl-istess ħin huma manifestazzjonijiet speċifiċi tal-komptenza komunitarja fil-kontroll tal-movimenti tal-kapital interni u esterni.

77     Peress illi d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III, tal-Kapitolu 4, tat-Trattat KE dwar il-moviment tal-kapital ma jagħtu ebda setgħa partikolari lill-Komunità, l-Artikolu 308 KE seta' kien ikkunsidrat, f'dan il-każ, bħala bażi ġuridika komplementari sabiex jiggarantixxi li l-Komunità tkun tista' timponi r-restrizzjonijiet in kwistjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' persuni, skond il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill.

78     Matul is-seduta, ir-Renju Unit iddeskriva l-għan komunitajru intiż permezz ta' l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat bħala l-applikazzjoni uniformi fil-Komunità ta' l-obbligi relatati ma' restrizzjonijiet għall-moviment tal-kaptial, imposti fuq l-Istati Membri mill-Kunsill tas-Sigurtà.

79     Ir-Renju Unit jenfasizza li l-istabbiliment ta' suq intern fil-qasam tal-moviment tal-kapital huwa wieħed mill-għanijiet tal-Komunità msemmija fl-Artikolu 3 KE. Huwa jikkunsidra li l-applikazzjoni uniformi tar-restrizzjonijiet kollha fuq il-moviment liberu tal-kapital fis-suq jikkostitwixxi aspett essenzjali ta' l-istabbiliment ta' suq intern.

80     Jekk, bil-kontra, l-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni ma kinitx is-suġġett ta' miżuri adottati fuq livell komunitarju, din kienet toħloq, skond ir-Renju Unit, riskju ta' diverġenzi fl-applikazzjoni ta' l-iffriżar ta' l-assi bejn l-Istati Membri. Kieku l-Istati Membri kienu implementaw dawn ir-riżoluzzjonijiet individwalment, kienu inevitabbilment jirriżultaw differenzi ta' interpretazzjoni fir-rigward ta' l-iskop ta' l-obbligi li huma għandhom u kienu jinħolqu diverġenzi fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri, li kien iwassal għal riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni.

81     Barra minn hekk, ir-Renju Unit jisħaq li miżuri intiżi sabiex jiffriżaw il-fondi ta' persuni bil-għan li jiġu interrotti r-relazzjonijiet ekonomiċi ma' organizzazzjonijiet terroristiċi internazzjonali, iktar milli ma' pajjiżi terzi, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jwessgħu "il-qasam tal-kompetenzi tal-Komunità lil hinn mill-kuntest ġenerali li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat meħuda flimkien", skond il-kliem ta' l-Avviż 2/94, punt 64, iktar 'il fuq. Skond il-kuntest tat-Trattat, il-Komunità hija kompetenti sabiex tadotta miżuri intiżi sabiex jirregolaw il-movimenti tal-kapital, u dan billi tadotta miżuri kontra l-persuni. Għaldaqstant, anki jekk huwa veru li l-miżuri intiżi sabiex jirregolaw il-moviment tal-kapital ta' persuni bil-għan li jiġu interrotti r-relazzjonijiet ekonomiċi ma' organizzazzjonijiet terroristiċi internazzjonali li jaqgħu taħt qasam li għalih it-Trattat KE ma tax setgħat speċifiċi lill-istituzzjonijiet, u jekk huwa wkoll veru li dawn il-miżuri jeħtieġu li jintuża l-Artikolu 308 KE, dawn mhumiex ikkunsidrati li jmorru lil hinn mill-kuntest ġenerali tat-Trattat.

82     Ir-Renju Unit isostni li r-rikors għall-Artikolu 308 KE fiċ-ċirkustanzi tal-każ mhumiex differenti mill-użu li sar minn din id-dispożizzjoni f'sitwazzjonijiet, partikolarment fil-qasam tal-politika soċjali, fejn dan l-Artikolu serva sabiex jintlaħqu għanijiet oħra tal-Komunita meta t-Trattat ma jagħtix bażi ġurdika preċiża (ara l-punt 95 iktar 'il fuq) .

83     Matul is-seduta, ir-rikorrent ikkontesta l-kompetenza tal-Kunsill li jadotta r-regolament ikkontestat fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE.

84     Min-naħa, ir-rikors għall-Artikoli 60 KE u 301 KE mhux awtorizzat f'dan il-każ, peress illi r-regolament ikkontestat jipprevedi l-adozzjoni ta' miżuri kontra persuni u mhux kontra pajjiżi terzi.

85     Min-naħa l-oħra, ir-rikors għall-Artikolu 308 KE mhuwiex iktar awtorizzat, peress illi r-regolament ikkontestat mhuwiex intiż għat-twettiq ta' xi għan tat-Trattat KE, iżda biss għat-twettiq ta' għanijiet fil-qasam tal-PBSK li jaqaw taħt it-Trattat UE. B'mod partikolari, l-iffriżar tal-fondi tal-partijiet ikkonċernati m'għandhom ebda rabta' vera u effettiva ma' l-għan li "notament […] tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni", imsemmija fil-premessa 4 tar-regolament ikkontestat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ottubru 2000, il-Ġermanja vs il-Parlament u l-Kunsill, C-376/98, Ġabra p. I-8419, punti 84 u 85).

86     F'dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni b'mod partikolari li mhuwiex biżżejjed li miżura tkun intiża sabiex jitwettaq xi għan tat-Trattat UE sabiex din tkun tista' tiġi adottata mill-Komunità fuq il-bażi ta' l-Artikolu 308 KE. Għaldaqstant, fl-Avviż 2/94, punt 64 iktar il-fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni ma tippermettix l-isħubija tal-Komunità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), anki jekk l-għan li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem huwa espressament imsemmi fit-Trattat UE. Ir-rikorrent għaldaqstant jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiċħad l-interpretazzjoni wiesa' ta' l-Artikolu 308 KE proposta mill-Kunsill u l-Kummissjoni, li jkollha bħala effett, skond hu, li tagħti lil din id-dispożizzjoni skop potenzjalment illimitat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

87     B'differenza għar-Regolament Nru 467/2001, ir-regolament ikkontestat għandu bħala bażi ġuridika mhux biss l-Artikoli 60 KE u 301 KE, iżda wkoll l-Artikolu 308 KE. F'dan, tidher l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni internazzjonali li fil-kuntest tagħha s-sanzjonijiet iddekretati mill-Kunsill tas-Sigurtà, u implementati mill-Komunità, ġew suċċessivament imniżżla.

88     Ir-Riżoluzzjoni 1333 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà, adottata fil-kuntest ta' azzjonijiet meħuda sabiex jintemm it-terroriżmu internazzjonali, ikkunsidrata bħala essenzjali għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali (ara s-seba' premessa tagħha), ma kinitx tirrigwarda b'mod anqas speċifiku lir-reġim tat-Taliban li, f'dak iż-żmien kien jikkontrolla l-biċċa l-kbira tat-territorju Afgan, u kien jagħti rifuġju u assistenza lill-Usama bin Laden kif ukoll lill-assoċjati tiegħu.

89     Hija preċiżament din ir-rabta' stabbilita mat-territorju u r-reġim mexxej ta' pajjiż terz li wasslet lill-Kunsill jikkunsidra li r-Regolament Nru 467/2001 seta' jiġi bbażat fuq il-bażi ġuridika ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE. Din il-kunsiderazzjoni għandha tiġi approvata, għalhiex xejn fil-kliem ta' dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermetti li tiġi eskluża l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi li jikkonċernaw direttament lil individwi jew organizzazzjonijiet, sakemm tali miżuri huma effettivament intiżi sabiex inaqqsu, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma' xi pajjiż, jew pajjiżi, terzi, oħra.

90     Kif enfasizza ġustament il-Kunsill, il-miżuri previsti mir-Regolament Nru 467/2001 jirriżultaw minn dak li ġie miftiehem li jissejjħu "sanzjonijiet intelliġenti" (smart sanctions), li dehru fil-prassi ta' l-ONU matul is-snin 90. Tali sanzjonijiet jissostitwixxu l-miżuri klassiċi ta' embargo kummerċjali ġenerali diretti kontra pajjiż b' miżuri iktar immirati u selettivi, b'tali mod li titnaqqas it-tbatija sostnuta mill-poplu tal-pajjiż ikkonċernat, billi jiġu imposti sanzjonijiet veri fir-rigward tar-reġim intiż u tal-mexxeja tiegħu. Il-prassi ta' l-istituzzjonijiet komunitarji evolviet bl-istess mod, peress illi l-Kunsill suċċessivament ikkunsidra li l-Artikoli 60 KE u 301 KE jippermettulu jieħu miżuri restrittivi fir-rigward ta' entitajiet jew ta' persuni li fiżikament jikkontrollaw parti mit-territorju ta' pajjiż terz u kontra entitajiet jew persuni li jikkontrollaw effettivament il-mekkaniżmu governattiv ta' pajjiż terz kif ukoll fir-rigward ta' persuni u entitajiet assoċjati ma' dawn ta' l-aħħar u li jagħtuhom sostenn ekonomiku.

91     Din l-interpretazzjoni, li ma tmurx kontra l-kliem ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, hija ġġustifikata kemm mill-kunsiderazzjonijiet ta' effikaċja kif ukoll mill-kunsiderazzjonijiet ta' ordni umanitarja.

92     Madankollu, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1390 (2002) ġiet adottata fis-16 ta' Jannar 2002, wara l-waqa' tar-reġim tat-Taliban b'konsegwenza ta' l-intervent armat tal-koalizzjoni internazzjonali fl-Afganistan, mibdi f'Ottubru 2001. Konsegwentement, u għalkemm hija għada intiża espressament kontra t-Taliban, hija ma għadhiex iktar diretta kontra r-reġim tagħhom li waqa', iżda pjuttost direttament kontra Usama bin Laden, in-netwerk Al-Qaida kif ukoll il-persuni u entitajiet assoċjati magħhom.

93     In-nuqqas ta' kull konnessjoni bejn is-sanzjonijiet li għandhom jittieħdu skond din ir-riżoluzzjoni u t-territorju u r-reġim li jmexxi pajjiż terz, diġà mqajjem fil-punt 2 tad-dikjarazzjoni tal-motivi tal-proposta għar-regolament tal-Kunsill ippreżentati mill-Kummissjoni fis-6 ta' Marzu 2002, li wasslet għar-regolament ikkontestat [dokument COM (2002) 117 final], kien ġie espressament ammess mill-Kunsill waqt is-seduta, għall-inqas f'dak li jikkonċerna l-persuni u entitajiet li ma kinux fl-Afganistan f'dak iż-żmien.

94     Fin-nuqqas ta' tali konnessjoni, il-Kunsill u l-Kummissjoni kkunsidraw li l-Artikoli 60 KE u 301 KE waħedhom ma jikkostitwixxux bażi ġuridika suffiċjenti sabiex tippermetti l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom jiġu approvati.

95     Fil-fatt, l-Artikolu 60 (1) KE jiddisponi li l-Kunsill jista’ skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 301, jieħu "għar-rigward tal-pajjiżi terzi in kwistjoni", il-miżuri urġenti u neċessarji dwar il-moviment tal-kapital u dwar il-pagamenti. L-Artikolu 301 KE jipprevedi espressament il-possibbiltà ta' azzjoni mill-Komunità intiża sabiex tinterrompi jew tnaqqas, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi "ma' xi pajjiż terz wieħed jew iktar".

96     Barra minn hekk, il-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw l-adozzjoni ta' "sanzjonijiet intelliġenti" mhux biss kontra pajjiż terz bħala tali, iżda wkoll kontra l-mexxejja ta' pajjiż terz u individwi u entitatjiet li huma assoċjati ma' dawn il-mexxejja jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom (ara l-punti 89 sa 91 iktar 'il fuq) ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li dawn is-sanzjonijiet jistgħu jkomplu jiġu applikati fir-rigward ta' tali individwi jew entitajiet meta r-reġim mexxej tal-pajjiż terz in kwistjoni m'għadux jeżisti. Fil-fatt, f'ċirkustanzi bħal dawn, ma tkunx għada teżist konnessjoni suffiċjenti bejn dawn l-individwi jew entitiajiet u pajjiż terz.

97     Minn dan jirriżulta li, f'kull każ, l-Artikoli 60 KE u 301 KE, waħedhom, ma jikkostitwixxux, bażi ġuridika suffiċjenti sabiex fuqha jiġi bbażat ir-regolament ikkontestat.

98     Barra minn hekk, kontrarjament għall-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fil-proposta għar-regolament tal-Kunsill li wasslet għar-regolament ikkontestat (ara l-punt 93 iktar 'il fuq), il-Kunsill ikkunsidra li l-Artikolu 308 KE, waħdu, ma jikkostitwixxix aktar, bażi ġuridika adattat sabiex tippermetti l-adozzjoni ta' l-imsemmi regolament. Dawn il-kusniderazzjonijiet għandhom xorta waħda jiġu approvati.

99     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Marzu 1987, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, 45/86, Ġabra p. 1493, punt 13), jirriżulta mill-kliem stess ta' l-Artikolu 308 KE li l-użu ta' dan l-Artikolu bħala bażi ġuridika ta' att mhuwiex ġustifikat sakemm dispożizzjoni tat-Trattat ma tagħtix lill-istituzzjonijiet komunitarji l-komptenza neċessarja sabiex jadottaw dan l-att. F'sitwazzjoni bħal din l-Artikolu 308 KE jippermetti lill-istituzzjonijiet jaġixxu bil-għan li jwettqu wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, minkejja n-nuqqas ta' dispożizzjoni li tagħtihom il-kompetenza neċessarja sabiex jagħmlu dan.

100   F'dak li jikkonċerna l-ewwel kundizzjoni applikabbli għall-Artikolu 308 KE, huwa kostanti li ebda dispożizzjoni tat-Trattat KE ma tipprevedi l-adozzjoni ta' miżuri, tat-tip bħal dawk previsti mir-regolament ikkontestat, diretti kontra l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u, b'mod aktar partikolari, għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, bħal mhuwa l-iffriżar ta' fondi, fir-rigward ta' individwi u entitajiet issuspettati li jikkontribwixxu għall-finanzjament tiegħu, mingħajr ma tistabbilixxi konessjoni mat-territorju jew mar-reġim mexxej ta' pajjiż terz. Din l-ewwel kundizzjoni hija għaldaqstant sodisfatta f'dan il-każ.

101   F'dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni ta' applikabbiltà ta' l-Artikolu 308 KE, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 99 iktar 'il fuq, sabiex din tiġi sodisfatta f'dan il-każ, hemm bżonn li l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u, b'mod iktar partikolari, l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, bħal mhuwa l-iffriżar ta' fondi, kontra individwi u entitajiet issuspettati li jikkontribwixxu għall-finanzjament tiegħu jistgħu jiġu konnessi ma' wieħed mill-għanijiet assenjati lill-Komunità mit-Trattat.

102   F'dan il-każ, il-preambolu tar-regolament ikkontestat huwa partikolarment xott fuq din il-kwistjoni. Barra minn dan, il-Kunsill afferma, fil-premessa 4 ta' dan ir-regolament, li l-miżuri meħtieġa skond ir-Riżoluzzjoni 1390 (2002) u l-Pożizzjoni Komuni 2002/402 "jaqgħu taħt l-għan tat-Trattat" u li kien hemm lok li tiġi adottata leġiżlazzjoni komunitarja "bl-iskop li tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni".

103   F'dak li jikkonċerna t-talba prinċipali li l-miżuri in kwistjoni "jaqgħu taħt l-għan tat-Trattat", għandu jiġi kkonstatat mill-bidu li ebda wieħed mill-għanijiet tat-Trattat kif huma espliċitament msemmija fl-Artikoli 2 KE u 3 KE ma jidher li jista' jiġi mwettaq mill-miżuri in kwistjoni.

104   B'mod partikolari, b'differenza għall-miżuri previsti kontra ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi stabbiliti fil-Komunità mir-Regolament Nru 3541/92, invokat mill-Kunsill in sostenn għat-teżi tiegħu (ara l-punt 73 iktar 'il fuq), il-miżuri previsti mir-regolament ikkontestat ma jistgħux jiġu ġġustifikat bl-għan li tiġi stabbilita politika kummerċjali komuni [Artikolu 3(1)(b) KE], fil-kuntest li minnu ġie deċiż li l-Komunità kellha s-setgħa li tadotta miżuri ta' embargo kummerċjali skond l-Artikolu 133 KE, meta r-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiż terz mhumiex in kwistjoni f'dan il-każ.

105   F'dak li jikkonċerna l-għan intiż sabiex tiġi stabbilita sistema li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx deformata [Artikolu 3 (1)(g) KE], l-affermazzjoni ta' riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni, li skond il-preambolu tiegħu r-regolament ikkontestat kellu bħala għan li jimpedixxi, mhijiex konvinċenti.

106   Ir-regoli ta' kompetizzjoni tat-Trattat KE huma applikabbli għall-impriżi u l-Istati Membri meta dawn ifixklu l-ugwaljanza fil-kompetizzjoni bejn l-impriżi (ara, f'dak li jikkonċerna l-Artikolu 87 KE, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Lulju 1974, l-Italja vs il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punt 26 u f'dak li jikkonċerna l-Artikolu 81 KE, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Lulju 1984, Hydrotherm, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11).

107   Issa, f'dan il-każ, min-naħa waħda, mhuwiex qed jiġi pretendut li l-individwi jew l-entitatjiet li fir-rigward tagħhom japplika r-regolament ikkontestat huma l-istess bħal impriżi skond ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat KE.

108   Min-naħa, ma tressqet ebda spjegazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż b'liema mod il-kompetizzjoni bejn l-impriżi tista' tiġi milquta mill-implementazzjoni, fuq livell tal-Komunità jew ta' l-Istati Membri tagħha, ta' miżuri restrittivi speċifiċi preskritti kontra ċerti persuni u entitatjiet mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1390 (2002).

109   Il-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu ma jitpoġġewx f'dubju mill-konnessjoni stabbilita, kemm mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha bil-miktub għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza kif ukoll mir-Renju Unit waqt is-seduta, bejn l-għan imsemmi fl-Artikolu 3 (1)(g) KE u l-għan intiż sabiex jiġi stabbilit suq intern ikkaratterizzat bit-tneħħija, bejn l-Istati Membri, ta’ l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ kapital [Artikolu 3 (1)(c), KE] (ara, b'mod partikolari, il-punti 99 u 102 sa 104 iktar 'il fuq).

110   F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Komunità m'għandha ebda kompetenza espliċita sabiex timponi restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital u għall-ħlasijiet. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 58 KE jippermetti li l-Istati Membri jieħdu miżuri li għandhom tali effett meta dawn huma u jibqgħu neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti minn dan l-Artikolu, u b'mod partikolari, għal motivi konnessi ma' l-ordni pubbliku jew mas-sigurtà pubblika (ara, b'anoloġija ma' l-Artikolu 30 KE, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Ottubru 1991, Richardt, C-367/89, Ġabra p, I-4621, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Peress li l-kunċett ta' sigurtà pubblika jinkludi kemm is-sigurtà interna kif ukoll is-sigurtà esterna ta' l-Istat, l-Istati Membri għaldaqstant għandhom fil-prinċipju d-dritt li jadottaw, bis-saħħa ta' l-Artikolu 58 (1)(b) KE, miżuri tat-tip bħal dawk previsti mir-regolament ikkontestat. Sakemm dawn il-miżuri huma konformi ma' l-Artikolu 58 (3) KE, u sakemm huma ma jaqbżux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi, huma kompatibbli mas-sistema ta' moviment liberu ta' kapital u ħlasijiet u mas-sistema ta' kompetizzjoni libera stabbiliti mit-Trattat KE.

111   Għandu jintqal ukoll li, jekk is-sempliċi konstatazzjoni ta' riskju ta' disparitajiet bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kif ukoll ta' riskju astratt ta' restrizzjoni għall-moviment liberu ta' kapital jew ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni li jista' jirriżulta minn dan, kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-għażla ta' l-Artikolu 308 KE, in konnessjoni ma' l-Artikolu 3(1)(c) u (g) KE, bħala bażi ġuridika ta' regolament, mhux biss id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tat-Titolu IV tat-Trattat KE, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet m'għadx ikollhom skop effettiv, iżda l-istħarriġ ġudizzjarju tar-rispett tal-bażi ġuridika jista' jitlef l-effikaċja tiegħu. Għaldaqstant, il-qorti komunitarja hija mwaqqfa milli teżerċita l-funzjoni tagħha li hija għandha bis-saħħa ta' l-Artikolu 220 KE, li tassigura r-rispett tal-liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat (ara, f'dan ir-rigward, f'dak li jikkonċerna l-Artikolu 100 A tat-Trattat KE, li wara l-emendi sar l-Artikolu 95 KE, is-sentenza l-Ġermanja vs il-Parlament u l-Kunsill, C-376/98, Ġabra p. I-8419, punti 84, 85 u 106 sa 108, u l-ġurisprudenza ċċitata).

112   F'kull każ, l-elementi ta' evalwazzjoni sottomessi lill-Qorti tal-Prim'Istanza ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li r-regolament ikkontestat jikkontribbwixxi effettivament sabiex jiġi evitat riskju ta' restrizzjoni għall-moviment liberu ta' kapital jew ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni li tista' tiġi evalwata.

113   B'mod partikoalri, il-Qorti tal-Prim'Istanza hija ta' l-opinjoni li kontrarjament għal dak li sostnew il-Kummissjoni u r-Renju Unit, l-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni mill-Istati Membri, għajr milli mill-Komunità, ma kinitx suxxettibbli li twassal għal riskju plawsibbli u serju ta' diverġenzi fl-applikazzjoni ta' l-iffriżar tal-fondi bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, min-naħa waħda, dawn ir-riżoluzzjonijiet jinkludu definizzjonijiet u istruzzjonijiet ċari, preċiżi u ddettaljati, li prattikament ma jħallu ebda spazju għall-interpretazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-importanza tal-miżuri li huma jeżiġu, fid-dawl ta' l-implementazzjoni tagħhom, ma jidhrux li huma tali li hemm lok li jkun hemm biża' ta' tali riksju.

114   F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-miżuri in kwistjoni fil-każ preżenti ma jistgħux jiġu ġġustifikati mill-għan imsemmi fl-Artikolu 3(1)(c)(g) KE.

115   Barra minn hekk, id-diversi eżempji ta' użu tal-bażi ġuridika kumplimentari ta' l-Artikolu 308 KE invokati mill-Kunsill (ara l-punti 95 u 97 iktar 'il fuq) mhumiex rilevanti f'dan il-każ. Fil-fatt min-naħa, minn dawn l-eżempji ma jirriżultax li l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 308 KE, b'mod partikolari dawk intiżi għat-twettiq ta' għan tal-Komunità, ma kinux konnessi fil-każijiet ikkonċernati. Min-naħa l-oħra, l-atti ġurdiċi in kwistjoni f'dawn l-eżempji mhumiex is-suġġett ta' ebda kontestazzjoni f'dan ir-rigward quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari fil-kawża li wasslet għas-sentenza Delbar, punt 72, iktar 'il fuq. F'kull ipoteżi, skond ġurisprudenza kostanti, prassi sempliċi tal-Kunsill mhijiex suxxettibbli li twassal għal deroga mir-regoli tat-Trattat u għaldaqstant, ma tistax toħloq preċedent li tgħaqqad lill-istituzzjonijiet tal-Komunità f'dak li jirrigwarda l-għażla tal-bażi ġuridika korretta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Frar 1988, ir-Renju Unit vs il-Kunsill 68/86 Ġabra p. 855, punt 24 u Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 1/94, tal-15 ta' Novembru 1994, Ġabra p. I-5267, punt 52)

116   Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u, b'mod aktar partikolari, l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji bħal mhuma l-iffriżar tal-fondi, kontra individwi u entitajiet li huma suspettati li jikkontribwixxu għall-finanzjament tiegħu, ma jistgħux ikunu marbuta ma' ebda wieħed mill-għanijiet espliċitament assenjati lill-Komunità mill-Artikoli 2 KE u 3 KE.

117   Barra l-għanijiet tat-Trattat espliċitament imsemmija fl-Artikoli 2 KE u 3 KE, il-Kummissjoni wkoll invokat, fir-rispsota bil-miktub tagħha għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza, għan tal-Komunità ta' natura iktar ġenerali, li f'dan il-każ iġġustifika l-użu tal-bażi ġuridika ta' l-Artikolu 308 KE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tiddeduċi mill-preambolu tat-Trattat KE "għan ġenerali stabbilit għall-Komunità li tiddefendi l-paċi u s-sigurtà" internazzjonali (ara l-punt 76 iktar 'il fuq). Din it-teżi ma tistax tiġi milqugħa.

118   Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mill-preambolu tat-Trattat KE ma jirriżulta xejn li jindika li dan ried jilħaq għan ta' difiża tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali iktar estiż. Anki jekk l-imsemmi Trattat għandu inkontestabbilment bħal l-ewwel għan dak li jtemm il-kunflitti tal-passat bejn il-popli Ewropej, permezz ta' l-istabbiliment ta' "għaqda dejjem akbar" bejnithom, dan huwa mingħajr ebda referenza għall-implementazzjoni ta' politika barranija u ta' sigurtà komuni. Dan jirriżulta esklużivament mill-għanijiet tat-Trattat UE li, kif jenfasizza l-preambolu tiegħu, huwa intiż sabiex jirreġistraw "stadju ġdid fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea li daħlu għalih bit-twaqqif tal-Komunitajiet Ewropej".

119   Anki jekk bla dubju ta' xejn jista' jiġi affermat li dan l-għan ta' l-Unjoni għandu jispira l-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-kompetenzi proprji tagħha, bħal mhija l-politika kummerċjali komuni, min-naħa l-oħra, dan mhuwiex biżżejjed sabiex fuqu tiġi bbażata l-adozzjoni ta' miżuri bis-saħħa ta' l-Artikolu 308 KE, speċjalment fl-oqsma fejn il-kompetenzi komunitarji huma marġinali u limitativament indikati mit-Trattat.

120   Fl-aħħar, ma jidhirx li huwa possibbli li l-Artikolu 308 KE jiġi interpretat bħala li jawtorizza b'mod ġenerali lill-istituzzonijiet sabiex jibbażaw ruħhom fuq din id-dispożizzjoni sabiex iwettqu wieħed mill-għanijiet tat-Trattat UE. B'mod partikolari, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-koeżistenza ta' l-Unjoni u tal-Komunità f'dak li jikkonċerna s-sistemi legali integrati iżda distinti, kif ukoll l-arkitettura kostituzzjonali tal-pilastri, li l-awturi tat-Trattati attwalment fis-seħħ kellhom f'moħħhom, ma tawtorizzax la lill-istituzzjonijiet u lanqas lill-Istati Membri jibbażaw ruħhom fuq "il-klawsola ta' flessibbiltà" ta' l-Artikolu 308 KE sabiex jiġi kkumpensat in-nuqqas ta' kompetenza tal-Komunità neċessarju sabiex jitwettaq għan ta' l-Unjoni. Deċiżjoni differenti twassal, fl-aħħar, sabiex tirrendi din id-dispożizzjoni suxxettibbli li tiġi applikata għall-miżuri kollha li jaqgħu taħt l-PBSK u taħt il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali (ĠAI), b'tali mod li l-Komunità tkun dejjem tista' taġixxi sabiex tilħaq l-għanijiet ta' din il-politika. Riżultat bħal dan jippriva ħafna mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE mill-kamp ta' applikazzjoni tagħhom u jkun inkoerenti ma' l-istabbiliment ta' l-istrumenti tal-PBSK (strateġiji komuni, azzjonijiet komuni, pożizzjonijiet komuni) u tal-ĠAI (pożizzjonijiet komuni, deċiżjonijiet, deċiżjonijiet qafas).

121   Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, iktar milli l-Artikoli 60 KE u 301 KE meħuda waħedhom, l-Artikolu 308 KE waħdu ma jikkostitwixxix bażi ġuridika suffiċjenti li fuqha jista' jiġi bbażat ir-regolament ikkontestat.

122   Kemm fil-premessi tar-regolament ikkontestat kif ukoll fir-risposta tiegħu għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kunsill sostna li l-Artikolu 308 KE, użat flimkien ma' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, kien jagħtih is-setgħa li jadotta regolament komunitarju li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu internazzjonali, adottata mill-Unjoni u mill-Istati Membri taħt il-PBSK, u li jimponi għal dan il-għan sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kontra persuni, mingħajr ma jistabbilixxi xi rabta' mat-territorju jew mar-reġim mexxej ta' pajjiż terz. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistħoqilhom li jiġu approvati.

123   Fil-fatt, f'dan il-kuntest, hemm lok li tiġi meqjusa r-rabta speċifikament stabbilita, matul ir-reviżjoni li tirriżulta mit-Trattat ta' Maastricht bejn l-azzjonijiet tal-Komunità li jirrigwardaw sanzjonijiet ekonomiċi taħt l-Artikoli 60 KE u 301 KE u l-għanijiet tat-Trattat KE fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni.

124   Effettivament għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 60 KE u 301 KE huma dispożizzjonijiet assolutament partikolarti tat-Trattat KE, f'dak illi huma espressament jipprevedu li azzjoni tal-Komunità tista' ssir neċessarja sabiex jitwettaq mhux biss xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, kif inhuma stabbiliti mit-Trattat KE, iżda wieħed mill-għanijiet speċifiċi assenjati lill-Unjoni mill-Artikolu 2 UE, jiġifieri l-implementazzjoni ta' politika barranija u ta' sigurtà komuni.

125   Fil-kuntest ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, l-azzjoni tal-Komunità hija għaldaqstant fil-verità azzjoni ta' l-Unjoni implementata fuq il-bażi tal-pilastri tal-Komunità wara l-adozzjoni mill-Kunsill ta' pożizzjoni komuni jew ta' azzjoni komuni taħt il-PBSK.

126   F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li skond l-Artikolu 3 UE l-Unjoni għandha tinqeda b’qafas istituzzjonali wieħed li għandu jassigura l-konsistenza u l-kontinwità ta’ l-attivitajiet li teżerċita sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri tagħha filwaqt li tirrispetta u tibni fuq l-‘acquis communautaire’. L-Unjoni għandha tassigura partikolarment il-koerenza fl-attivitajiet esterni kollha tagħha fl-isfond tal-politika li tħaddan fir-relazzjonijiet barranin, fis-sigurtà, fl-ekonomija u fl-iżvilupp. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu responsabbli li jassiguraw din il-koerenza. Huma għandhom jassiguraw l-implementazzjoni ta’ din il-politika, skond is-setgħat rispettivi tagħhom.

127   Issa, bħal ma s-setgħat ta' azzjoni previsti mit-Trattat KE jistgħu jkunu insuffiċjenti sabiex jippermettu lill-istituzzjonijiet jaġixxu sabiex iwettqu, fil-funzjonament tas-suq komuni, xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, bl-istess mod is-setgħat ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji previsti mill-Artikoli 60 KE u 301 KE, jiġifieri l-interruzzjoni jew it-tnaqqis tar-relazzjonijiet ekonomiċi ma' xi pajjiż, jew pajjiżi, terzi, oħra, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-moviment ta' kapital u l-ħlasijiet, jistgħu jkunu insuffiċjenti sabiex jippermettu lill-istituzzjonijiet jwettqu l-għan ta' l-PBSK, li jirriżulta mit-Trattat UE, li fid-dawl tiegħu dawn id-dispożizzjonijiet ġew speċifikament imdaħħla fit-Trattat KE.

128   Għaldaqstant għandu jiġi rrikonoxxut li, fil-kuntest partikolari previst mill-Artikoli 60 KE u 301 KE, l-użu tal-bażi ġuridika kumplementarja ta' l-Artikolu 308 KE huwa ġġustifikat, f-isem il-ħtieġa tal-koerenza msemmija fl-Artikolu 3 UE, meta dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħtux lill-istituzzjonijiet komunitarji l-kompetenza neċessarja, fil-qasam ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, biex jaġixxu sabiex iwettqu l-għan li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jridu jilħqu taħt il-PBSK.

129   Minflok pożizzjoni komuni jew azzjoni komuni adottati taħt il-PBSK, jistgħu jiġu meħtieġa mill-Komunità miżuri ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji li jmorru lil hinn minn dawk espliċitament previsti mill-Artikoli 60 KE u 301 KE, li jikkonsistu fl-interruzzjoni jew fit-tnaqqis tar-relazzjonijiet ekonomiċi ma' xi pajjiż, jew pajjiżi, terzi, oħra, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-moviment ta' kapital u l-ħlasijiet.

130   F'ipoteżi bħal din, l-użu tal-bażi ġuridika simultanja ta' l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE jippermetti li jitwettaq, fil-qasam ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, l-għan li jrid jintlaħaq mill-Unjoni u mill-Istati Membri fil-kuntest tal-PBSK, kif espress f'pożizzjoni komuni jew f'azzjoni komuni, minkejja li n-nuqqas ta' attribuzzjoni espressa mill-Komunità tas-setgħat ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji indirizzati lejn individwi jew entitajiet ma jippreżenta ebda rabta biżżejjed ma' xi pajjiż terz determinat.

131   F'dan il-każ, il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-finanzjament tiegħu taqa' bla dubju ta' xejn taħt l-għanijiet ta' l-Unjoni bis-saħħa tal-PBSK, kif iddefiniti mill-Artikolu 11 UE, anki meta ma jissemmux speċifikament il-pajjiżi terzi jew il-mexxejja tagħhom.

132   Barra minn dan, huwa veru li l-Pożizzjoni Komuni 2002/402 ġiet adottata mill-Kunsill, b'mod unanimu, fil-kuntest ta' din il-ġlieda u li din tippreskrivi l-impożizzjoni mill-Komunità ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kontra persuni suspettati li jikkontribwixxu għall-finanzjament tat-terroriżmu internazzjonali, mingħajr ma tistabbilixxi aktar ebda rabta mat-terrirtorju jew ir-reġim mexxej ta' pajjż terz.

133   F'dan il-kuntest, l-użu ta' l-Artikolu 308 KE sabiex jiġu kkompletati s-setgħat ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjari mogħtija lill-Komunità mill-Artikoli 60 KE u 301 KE huwa ġġustifikat mill-kunsiderazzjoni li, fid-dinja attwali, l-Istati ma jistgħux aktar jiġu kkunsidrati bħala l-uniku sors ta' theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali. Iktar milli l-Komunità internazzjonali, l-Unjoni u l-pilastru komunitarju tagħha mhumiex mwaqqfa milli jadattaw rwieħhom għal dan it-theddid ġdid permezz ta' l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mhux biss kontra pajjiżi terzi iżda wkoll kontra persuni, gruppi, impriżi jew entitajiet assoċjati li jwettqu attività terroristika internazzjonali, jew li b'xi mod ieħor iqiegħdu f'perikolu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

134   Jidher li peress illi l-Kunsill irrikorra f'dan il-każ għall-bażi ġuridika komplimentari ta' l-Artikolu 308 KE, huwa ma kabbarx il-kompetenzi tal-Komunità iktar mill-kuntest ġenerali li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat meħuda flimkien, u b'mod partikolari ta' dawk li jidentifikaw il-missjonijiet u l-azzjonijiet tal-Komunità.

135   Huwa għaldaqstant ġust li l-istituzzjonijiet u r-Renju Unit jsostnu li l-Kunsill kien kompetenti sabiex jadotta r-regolament ikkontestat, li jimplementa fil-Komunità s-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji previsti mill-Pożjonijiet Komuni 2002/402. fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE flimkien..

3.     Fuq it-tliet raġunijiet ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent

 L-argumenti tal-partijiet

136   Fil-parti ta' l-argument tiegħu li jittratta mal-fatti, ir-rikorrent jiddikjara li huwa negozjant internazzjonali, residenti fl-Għarabja Sawdita, u li għandu diversi interessi finanzjarji fl-Unjoni Ewropea. Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2062/2001, wara r-regolament ikkontestat, il-fondi u l-assi tiegħu fl-Unjoni Ewropea ġew iffriżati u huwa ma setgħax imexxi n-negozju tiegħu. L-inklużjoni tiegħu fil-lista ta' l-Anness I tar-regolament ikkontestat, barra minn hekk, effettwat ir-reputazzjoni personali u professjonali tiegħu. Ir-rikorrent qal li huwa kien il-vittma ta' nuqqas ta' ġustizzja gravi u jafferma li huwa qatt ma kien involut f'attivitajiet terroristiċi lanqas f'ebda forma ta' sostenn finanzjarju għal tali attivitajiet, kemm jekk dawn kienu konnessi ma' Usama bin Laden u l-Al-Qaida u kemm jekk le.

137   Ir-rikorrent żied li huwa kien is-suġġett ta' miżuri nazzjonali li jordnaw l-iffriżar tal-fondi tiegħu fir-Renju Unit, fl-Istati Uniti u fl-Iżvezja, miżuri li huwa kollha kkontesta l-legalità tagħhom skond il-liġi. B'mod partikolari, huwa ressaq rikors għal annullament (judicial review) kontra l-miżura ta' ffriżar tal-fondi tiegħu ordnata mill-Ministeru tal-Finanzi Brittaniku. Waqt seduta preliminari li nżammet fil-kuntest ta' din il-proċedura, il-qorti li quddiemha tressaq il-każ iddeċidiet li r-raġuni bbażata fuq l-illegalità ta' din il-miżura ma kinitx manifestament nieqsa minn kull fondatezza fil-liġi nazzjonali. Madankollu, l-Gvern tar-Renju Unit sostna li, minħabba l-effett dirett tad-dritt komunitarju, il-proċedura mibdija mir-rikorrent fuq livell nazzjonali ma kienx ikollha effett sakemm it-talbiet tiegħu ma jiġux milqugħa xorta waħda fir-rigward tar-regolament ikkontestat. Barra minn dan, ir-rikorrent jissoponi li l-informazzjoni li fuq il-bażi tagħha huwa ġie mniżżel fuq il-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet hija dik l-istess bħal dik mogħtija mill-Gvern tar-Renju Unit fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali imsemmija iktar 'il fuq.

138   Preliminarjament, fil-parti ta' l-argument tiegħu li tittratta mad-dritt, ir-rikorrent jenfasizza li skond il-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti ta' l-14 ta' Mejju 1974, Nold vs il-Kummissjoni, 4/73, Ġabra p. 491, punt 13), id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti u ggarantiti mill-kostituzzjonijiet ta' l-Istati Membri u, b'mod partikolari, dawk irrikonoxxuti mill-KEDB, jiffurmaw parti integrali mis-sistema legali komunitarja.

139   Sabiex isostni t-talbiet tiegħu, huwa wara jinvoka tliet raġunijiet għall-annullament bbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tad-dritt li wieħed jiġi mismugħ, it-tieni, fuq il-ksur tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-proprjetà u tal-prinċipju ta' proporzjonalità u, it-tielet, fuq il-ksur tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

140   Skond ir-rikorrent, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà invokati mill-Kunsill u mill-Kummissjoni ma jagħtux lil dawn l-istituzzjonijiet is-setgħa li jiksru dawn id-drittijiet fundamentali mingħajr ma jiġġustifikaw tali ksur quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza billi jippreżentaw il-provi neċessarji. F'dak li jikkonċerna s-sistema legali indipendenti tan-Nazzjonijiet Uniti, irregolata minn regoli ta' dritt tiegħu stess, l-Unjoni Ewropea għandha tiġġustifika l-miżuri li hija tieħu billi tirreferi għas-setgħat proprji tagħha u għad-dmirijiet li hija għandha fir-rigward ta' l-individwi li għalihom tapplika din is-sistema.

141   F'dak li jikkonċerna b'mod aktar partikolari l-allegat ksur tad-dritt li wieħed jiġi mismugħ, ir-rikorrent jirrikonoxxi li, min-natura tagħha stess, il-miżura inizjali ta' l-iffriżar tal-fondi tiegħu m'għandhiex tkun is-suġġett ta' notifika qabel ma tiġi implementata.

142   Mandankollu, huwa jafferma d-dritt li jiġi mismugħ mill-Kunsill u l-Kummissjoni sabiex ismu jitneħħa minn fuq il-lista ta' persuni u entitajiet li fir-rigward tagħhom japplikaw is-sanzjonijiet, skond il-prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju li jgħid li d-destinatarji ta' deċiżjonijiet ta' awtoritajiet pubbliċi li jeffettwaw b'mod konsiderevoli l-interessi tagħhom għandhom jingħataw il-possibbilità li jesprimu, b'mod effettiv, l-opinjoni tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Ottubru 1974, Transocean Marine Paint vs il-Kummissjoni, 17/74, Ġabra p. 1063, punt 15). Ir-rikorrent ifakkar li r-rispett tad-dritt għal difiża, bħala prinċipju ta' natura fundamentali, għandu jiġi ggarantit fil-proċeduri kollha li jistgħu jeffettwaw il-persuna kkonċernata u li fir-rigward tagħha dawn iwasslu għal konsegwenzi sfavorevoli (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Ottubru 1989, Dow Benelux vs il-Kummissjoni, 85/87, Ġabra p. 3137, u tas-27 ta' Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer u Saudi Arabian Fertilizer vs il-Kunsill, C‑49/88, Ġabra p. I‑3187).

143   F'dan il-każ, ir-regolament ikkontestat bla dubju ta' xejn jikser dawn il-prinċipji fundamentali safejn dan jippermetti lill-Kunsill jiffriża indefinittivament il-fondi tar-rikorrent mingħajr ma jagħtih ebda possibbiltà li jiġi mismugħ fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u fuq l-elementi ta' prova mressqa kontrih.

144   F'dak li jikkonċerna b'mod aktar partikolari l-allegat ksur tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-proprjetà, kif iggarantit mill-Artikolu 1 tal-Protokoll addizzjonali għall-KEDB u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju, kif ukoll l-allegat ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, ir-rikorrent isostni li r-regolament ikkontestat jippermetti l-iffriżar tal-fondi tiegħu biss fuq il-bażi ta' l-inklużjoni ta' ismu fil-lista stabbilità mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, mingħajr ma l-istituzzjonijiet komunitarji ma jistgħu jeżerċitaw l-iċken setgħa ta' evalwazzjoni tal-provi disponibbli u tal-kunsiderazzjonijiet li jistgħu jiġġustifkaw tali miżura u mingħajr ma ġew kkunsidrati l-interessi in kwistjoni.

145   Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent jenfasizza li, kif l-istituzzjonijiet stess ikkonċedew, huma ma kkunsidrawx l-interessi u ma eżaminawx il-provi mressqa. Barra minn hekk, huma ma ressqu quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza ebda prova li turi li, kieku kienet saret tali kunsiderazzjoni, l-iffriżar ta' l-assi tar-rikorrent kien ikun iġġustifikat. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma jkollha ebda raġuni li tiddeċiedi fuq jekk ir-regolament ikkontestat jiġġustifikax il-miżuri ħorox meħuda kontra l-beni tar-rikorrent

146   F'dak li jikkonċerna b'mod aktar partikolari l-allegat ksur tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, ir-rikorrent ifakkar li, fis-sentenza tal-15 ta' Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punt 18), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li dan id-dritt jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju.

147   F'dan il-każ, ir-regolament ikkontestat ma jipprevedi ebda possibbiltà għal tali stħarriġ, b'mod partikolari tal-provi mressqa kontra r-rikorrent, bi ksur ta' dan il-prinċipju ġenerali.

148   Ir-rikorrent iżid li, kieku tali stħarriġ kien jeżisti, kien ikun jista' jiġi stabbilit li l-akkużi mressqa kontrih mhumiex fondati.

149   Barra minn hekk, huwa u jwieġeb, għall-argument tal-Kunsill li jgħid li huwa kien ġie suġġett għal sempliċi miżuri amministrattivi u mhux għal xi sanzjoni kriminali jew konfiska tal-beni tiegħu li tista' tagħtih il-protezzjoni ta' l-Artikolu 6 tal-KEDB, ir-rikorrent jenfasizza li huwa kien ġie akkużat bil-forma l-iktar serja ta' kriminalità, jiġifieri, li huwa kien involut f'organizzazzjoni terroristika responsabbli għall-attentati tal-11 ta' Settembru 2001, li r-reputazzjoni tiegħu kienet ġiet irvinata u li l-beni tiegħu kienu ġew iffriżati mingħajr limitu ta' żmien jew ta' ammont, u dan f'ċirkustanzi li fihom, l-ewwel nett, il-Kunsill ma eżaminax il-provi mressqa kontrih; it-tieni nett, il-Kunsill ma tahx il-possibbiltà li jikkontesta l-iffriżar tal-beni tiegħu billi jisimgħu u ma kienx possibbli li huwa jagħmel dan u t-tielet nett, il-Kunsill jsostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tieħu miżuri sabiex tivverifika jekk id-deċiżjoni li jiġu ffriżati l-assi tiegħu kinitx korretta.

150   Skond ir-rikorrent, l-istituzzjonijiet tal-Komunità ma jistgħux jaħarbu mir-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tagħhom billi jinħbew wara deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill tas-Sigurtà, iktar u iktar meta dawn id-deċiżjonijiet stess ma jirrispettawx id-dritt għal difiża. Peress li dan huwa regolament komunitarju, ir-rikorrent isostni li huwa għandu d-dritt li jibbenefika minn stħarriġ ġudizzjarju fi ħdan il-Komunità. Il-fatt li l-Kunsill isostni li huwa m'għandu ebda setgħa ta' evalwazzjoni f'dan ir-rigward u li huwa obbligat jaġixxi skond l-istruzzjonijiet ta' l-ONU juri preċiżament id-difett li bih huwa vviżjat ir-regolament ikkontestat.

151   Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent iżid illi huwa pprova jagħmel kuntatt dirett mal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, sabiex ismu jiġi mħassar minn fuq il-lista in kwistjoni. Ir-risposta li rċieva kienet li l-osservazzjonijiet ta' persuni ma kinux aċċetati u li l-ilmenti dwar is-sanzjonijiet meħuda fuq livell nazzjonali għandhom jiġu mressqa quddiem il-qorti kompetenti. Huwa għalhekk kien talab lill-Ministeru ta' l-Affarajiet Barranin ta' l-Għarabja Sawdita jgħinu jsostni d-drittijiet tiegħu quddiem il-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Barra minn hekk, ir-rikorrent ħa passi fl-Istati Uniti quddiem l-Office of Foreign Assets Control (OFAC) sabiex isostni l-interessi tiegħu. Għaldaqstant, l-istutuzzjonijiet ma jistgħux jakkużawh li ma ħax il-miżuri kollha neċessarji sabiex l-assi tiegħu ma jibqgħux iffriżati.

152   Fl-aħħar, l-argument li r-rikorrent seta' jibda l-proċedura preżenti ma jkunx validu, jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għandhiex il-possibbiltà li teżamina l-fondatezza tar-rikors. Sabiex tissodisfa l-eżiġenzi ta' stħarriġ ġudizzjarju effettiv il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha kemm teżamina l-fondatezza tal-provi mressqa quddiemha, kif ukoll twarrab ir-regolament ikkontestat, peress illi dan ma jipprovdix bażi ġuridika għal eżami ta' dan it-tip.

153   Qabel kollox, il-Kunsill u l-Kummissjoni, li jirreferu, b'mod partikolari għall-Artikolu 24(1) u għall-Artikoli 25, 41, 48 u 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, isostnu, l-ewwel nett, li, fuq l-eżempju ta' l-Istati Membri ta' l-ONU, il-Komunità hija obbligata, bis-saħħa tad-dritt internazzjonali, timplementa, fl-oqsma ta' kompetenza tagħha, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, b'mod partikolari dawk meħuda fil-kuntest tal-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; it-tieni nett, li l-kompetenza ta' l-istituzzjonijiet komunitarji f'dan ir-rigward hija limitata u li dawn l-istituzzjonijiet m'għandhom la ebda setgħa diskrezzjonali awtonoma u lanqas ebda marġni ta' evalwazzjoni; it-tielet nett, li huma ma jistgħux għaldaqstant la jemendaw il-kontenut ta' dawn ir-riżoluzzjonijiet lanqas jistabbilixxu mekkaniżmi li jistgħu jagħtu lok għal emenda fil-kontenut tagħhom, u r-raba' nett, li kull ftehim internazzjonali jew liġi nazzjonali li jista' jostakola din l-implementazzjoni għandu jiġi eliminat.

154   F'dan ir-rigward, il-Kunsill u l-Kummissjoni josservaw li r-regolament ikkontestat jittrasponi, fis-sistema legali komunitarja, ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1267 (1999), 1333 (2000) u 1390 (2002), adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-ewwel darba kontra r-reġim tat-Taliban ta' l-Afgansitan u t-tieni darba kontra l-attivatijiet terroristiċi konessi ma' l-attentati tal-11 ta' Settembru 2001 f'New York City u f'Washington D.C. (l-Istati Uniti). B'mod aktar preċiż peress illi fis-17 ta' Ottubru 2001, l-isem tar-rikorrent kien ġie miżjud, fuq il-lista stabbilita mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, ir-Regolament Nru 2062/2001 kien ġie emendat, sabiex jinkludi, skond l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 467/2001, il-lista ta' persuni li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati minħabba li huma assoċjati mat-Taliban, Usama bin Laden u n-netwerk Al-Qaida.

155   L-istituzzjonijiet komunitarji kellhom ukoll bħala għan li jwettqu l-obbligi li l-Istati Membri għandhom taħt l-Artikolu 25 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, permezz tat-traspożizzjoni awtomatika, fis-sistema legali komunitarja, tal-listi ta' individwi jew entitajiet stabbiliti mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, skond il-proċeduri applikabbli.

156   F'dan ir-rigward, il-Kunsill u l-Kummissjoni jenfasizzaw li, bħala Membri tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istati Membri tal-Komunità aċċettaw li japplikaw mingħajr eżenzjonjiet id-deċiżjonijiet meħuda f'isimhom mill-Kunsill tas-Sigurtà, fl-interess superjuri taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali (ara l-Artikoli 24(1) u 25 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti). L-obbligi li Membru ta' l-ONU għandu taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jipprevalu fuq l-obbligi internazzjonali l-oħra kollha li għalihom huma jistgħu jkunu suġġetti. Għaldaqstant, l-Artikolu 103 tal-Karta jippermetti li titneħħa kull dispożizzjoni oħra tad-dritt internazzjonali konvenzjonali jew konswetudinarju sabiex jiġu applikati r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, billi toħloq, bl-istess dispożizzjoni, "effett ta' legalità".

157   Skond l-istituzzjonijiet, il-liġijiet nazzjonali ma jistgħux iktar jostakolaw il-miżuri ta' implementazzjoni adottati skond il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Kieku Membru ta' l-ONU kellu l-possibbiltà li jemenda l-kontenut tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, l-uniformità ta' l-applikazzjoni tagħhom, li hija indispensabbli sabiex tiġi garantita l-effikaċja, ma tkunx tista' tinżamm.

158   Għalkemm il-Komunità nfisha mhijiex Membru ta' l-ONU, hija obbligata li taġixxi, fl-oqsma ta' kompetenza tagħha, b'mod li jitwettqu l-obbligi li l-Istati Membri tagħha għandhom minħabba s-sħubija tagħhom fin-Nazzjonjiet Uniti. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-kompetenzi tal-Komunità għandhom jiġu eżerċitati b' rispett għad-dritt internazzjonali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C‑286/90, Ġabra p. I‑6019, punt 9, u tas-16 ta' Ġunju 1998, Racke, C‑162/96, Ġabra p. I‑3655, punt 45). Il-Kunsill u l-Kummissjoni jirreferu wkoll għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' April 1998, Dorsch Consult vs il-Kunsill, punt 82 iktar 'il fuq. Għalkemm din is-sentenza kienet tikkonċerna l-istabbiliment ta' embargo kummerċjali - miżura ta' politika kummerċjali komuni li taqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità, bis-saħħa ta' l-Artikolu 133 KE -, il-Kunsill u l-Kummissjoni jidrilhom li l-prinċipju li hija tistabbilixxi japplika ukoll f'dak li jikkonċerna r-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital u għall-ħlasijiet adottati, bħal f'dan il-każ, bis-saħħa ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE.

159   Il-Kunsill jiġġeneralizza din il-propożizzjoni billi josserva li, meta l-Komunità taġixxi sabiex twettaq obbligi li l-Istati Membri tagħha għandhom minħabba s-sħubija tagħhom fl-ONU, kemm jekk dan huwa minħabba li dawn ta' l-aħħar ittrasferewlha l-kompetenzi neċessarji jew minħabba li huma jidhrilhom li l-intervent tagħha huwa opportun fuq il-livell politiku, hemm lok li jiġi kkunsidrat għall-finijiet kollha li hija tinstab fl-istess pożizzjoni bħall-Membri ta' l-ONU, b'kunsiderazzjoni għall-Artikolu 48 (2) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

160   Għaldaqstant, sabiex ma tiksirx l-obbligi internazzjonali tagħha u dawk ta' l-Istati Membri tagħha, l-Komunità ma kellhiex, skond il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-possibbiltà li teskludi ċerti individwi mill-lista stabbilita mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, tinfurmhom minn qabel jew, fin-nuqqas ta' dan, tawtorizza proċess ta' reviżjoni li permezz tiegħu ċerti persuni setgħu jiġu esklużi minn din il-lista. Barra minn hekk, il-Kunsill huwa tal-parir li dan kien ikun kuntrarju għall-obbligu ta' kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 10 KE.

161   Il-Kunsill iżid li, anki jekk ir-regolament ikkontestat kellu jiġi meqjus bħala li jikser id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, iċ-ċirkustanzi li fihom huwa ġie adottat, jeskludu kull imġieba illegali min-naħa tagħha, b'rigward għall-Artikolu 48(2) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Skond din l-istituzzjoni, meta l-Komunità tieħu miżuri għal skopijiet li jikkorrispondu max-xewqat ta' l-Istati Membri tagħha li jwettqu l-obbligi tagħhom taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, hija bilfors tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija minn din il-Karta u b'mod partikolari, mill-"effett ta' legalità". Il-Kunsill jikkunsidra li l-"effett ta' legalità" japplika wkoll fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li, kif jipprevedu strumenti legali internazzjonali, jistgħu jiġu sospiżi temporanjament f'każ ta' urġenza.

162   F'kull każ, il-Kunsill jidhirlu li l-kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-każ preżenti, għandha tkun limitata għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjonijiet ikkommettewx żball ovvju billi wettqu l-obbligi msemmija fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1390(2002). Kull eżerċizzju ta' kompetenza li jaqbeż dan, li jammonta għal stħarriġ ġudizzjarju indirett u selettiv tal-miżuri li jorbtu stabbiliti mill-Kunsill tas-Sigurtà fil-kuntest tar-rwol tiegħu li jżomm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, jikkawża taqlib kbir fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha, ikun dibattibbli fir-rigward ta' l-Artikolu 10 KE u jqiegħed f'riskju li jiġi mdgħajjef xi wieħed mill-fundamenti ta' l-ordni internazzjonali li l-Istati Membri stabbilew wara l-1945. Il-Kunsill jidhirlu li miżuri ta' dan it-tip ma jistgħux jiġu kkontestati fuq livell nazzjonali jew komunitarju, iżda biss quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà stess.

163   Il-Kummissjoni wkoll tikkunsidra li kull deċiżjoni li tiġi mħassra jew emendata l-lista kif kienet ġiet adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tista' serjament tinterferixxi mar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha. Tali sitwazzjoni twassal lill-Komunità sabiex tonqos milli twettaq l-obbligu ġenerali tagħha li tirrispetta d-dirtt internazzjonali u lill-Istati Membri sabiex jonqsu milli jwettqu l-obbligi speċifiċi tagħhom taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Sitwazzjoni bħal din twassal ukoll sabiex iddgħajjef l-applikazzjoni b'mod uniformi tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, kundizzjoni sine qua non għall-effettività tagħhom. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li l-prinċipju tal-korteżija internazzjonali teżiġi li l-Komunità timplementa dawn il-miżuri, safejn dawn huma intiżi sabiex iħarsu lill-Istati Membri kollha kontra attakki terroristiċi.

164   Dan jeskludi eżami mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-kompatibbiltà tar-regolament ikkontestat mad-drittijiet invokati mir-rikorrent. Anki fl-ipoteżi fejn dawn id-drittijiet ġew miksura – quod non -, il-Komunità hija xorta waħda obbligata timplementa r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u, jekk hija kellha tonqos milli taġixxi, l-Istati Membri ikollhom l-obbligu li jagħmlu dan.

165   Alternattivament, fil-każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li tipproċedi għal eżami komplet tal-fondatezza tat-tliet raġunijiet għall-annullament imqajma mir-rikorrent, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li r-regolament ikkontestat ma jinterferix mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, li l-ksur tagħhom qiegħed jiġi allegat

166   L-ewwel nett, ir-regolament ikkontestat ma jiksirx id-dritt tar-rikorrent li jiġi mismugħ.

167   Fil-fatt, f'dan il-każ, l-istituzzjonijiet komunitarji ma kellhom ebda setgħa ta' investigazzjoni, ebda marġni ta' evalwazzjoni f'dak li jikkonċerna l-fatti u ebda libertà ta' evalwazzjoni politika. Huma biss obbligati li jimplementaw il-miżuri meħuda mill-Kunsill tas-Sigurtà sabiex tkun garantita l-paċi u s-sigurta internazzjonali, mingħajr mhuma awtorizzati jinkludu mekkaniżmu ta' eżami ta' dawn il-miżuri. Għaldaqstant, il-Kunsill u l-Kummissjoni jidhrilhom , li d-dritt li wieħed jiġi mismugħ, li bla dubju ta' xejn huwa essenzjali fil-kuntest ta' proċeduri amministrattivi, mhuwiex applikabbli f' ċirkustanzi bħal dawk ta' dan il-każ.

168   It-tieni nett, il-miżuri implementati mir-regolament ikkontestat ma jiksrux la l-prinċipju ta' proporzjonalità lanqas id-dritt fundamentali tar-rikorrenti għar-rispett tal-proprjetà tiegħu, peress illi dan id-dritt ma jgawdix minn protezzjoni assoluta u peress illi l-eżerċizzju tiegħu jista' jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta' interess ġenerali.

169   F'dan il-każ, l-interess ġenerali li jassumi fir-rigward tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha r-rispett ta' l-obbligi imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà, b'tali mod li l-assi ta' persuni ma jistgħux jintużaw għall-promozzjoni tat-terroriżmu, ma jistax ikun iktar ċar. Il-miżuri meħuda mill-Komunità, li huma limitati għall-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet vinkolanti tal-Kunsill tas-Sigurtà, kienu mmotivati mill-importanza ta' dan il-għan u huma ma stabbilixxewx bilanċ inġust bejn l-eżiġenzi li jirriżultaw mill-interess ġenerali u dawk marbuta mal-ħarsien tad-drittjiet fundametali ta' persuni. F'dan il-kundizzjonijiet, il-Kunsill jidhirlu li l-miżuri in kwistjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala mhux adatti jew sproporzjonati, anki jekk dawn huma ħarxa fir-rigward tar-rikorrent.

170   F'dak li jikkonċerna l-fatt li r-rikorrent jidher li qiegħed jakkuża lill-istituzzjonijiet komunitarji li ma pprevedew l-ebda tip ta' mekkaniżmu ta' eżami, il-Kummissjoni tfakkar li dawn l-istituzzjonijiet m'għamlu xejn iktar milli ggarantew li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà ġew implementati, mingħajr ma kien possibbli li jbidluhom.

171   F'dak li jikkonċerna l-fatt li r-rikorrent isostni li r-raġunijiet użati sabiex jintlaħqu l-għanijiet huma sproporzjonati, il-Kummissjoni tosserva li din l-akkuża tista' tiġi allegata biss fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà.

172   It-tielet nett, f'dak li jikkonċerna d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, il-Kunsill u l-Kummissjoni b'mod partikolari jsostnu li r-rikorrent seta' jressaq ir-rikors preżenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza taħt l-Artikolu 230 KE.

173   Skond il-Kunsill, il-kwistjoni dwar x'inhu l-iskop ta' l-istħarriġ ġudizzjarju li jidher li huwa ġġustifikat jew adatt f'dan il-każ hija kwistjoni distinta, li għandha tiġi deċiża mill-Qorti tal-Prim'Istanza .

174   F'dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li, meta l-Komunità taġixxi mingħajr ma teżerċità ebda setgħa diskrezzjonali, fuq il-bażi ta' deċiżjoni meħuda minn korp li l-komunità internazzjonali tkun tagħtu setgħat konsiderevoli sabiex tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, stħarriġ ġudizzjarju totali jista' jwassal sabiex tiġi mdgħajjfa serjament s-sistema ta' l-ONU kif kienet stabbilita fl-1945, tista' tfixxkel serjament ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità u ta' l-Istati Membri u tkun f'kontradizzjoni ma' l-obbligu li l-Komunità għandha li tirrispetta d-dritt internazzjonali.

175   Il-Kunsill u l-Kummissjoni josservaw ukoll li r-rikorrent, jekk dan ikun neċessarju mill-Għarabja Sawdita, jista' jindirizza lill-Kunsill tas-Sigurtà jew lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kemm direttament, kif ukoll permezz tad-Dipartiment tat-Teżor tar-Renju Unit, sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu. Ċertament, bħala organizzazzjoni intergovernattiva, l-ONU ma teżaminax il-kunsiderazzjonijiet tar-rikorrent bħala individwu. Madankollu, l-ONU ma tistax ma tkunx taf l-opinjoni tal-Membri tagħha. Għaldaqstant, jekk l-awtoritajiet ta' l-Għarabja Sawdita jkunu konvinti mill-innoċenza tar-rikorrent, ma jkun hemm ebda raġuni sabiex ma jittieħdux passi biex l-inklużjoni tiegħu fuq il-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tkun eżaminata mill-ġdid. Ir-rikorrent ma ta ebda informazzjoni fuq ir-riżultat tal-passi li ħa quddiem dan il-korp lanqas fuq l-opinjoni li huwa seta' jesprimi, meta ċerti persuni msemmija fuq il-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet kellhom il-possibbiltà li jagħmlu dan.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

 L-osservazzjonijiet preliminari

176   Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tkunx tista' effettivament tagħti deċizjoni fuq ir-raġunijiet ibbażati fuq l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent ħlief jekk dawn jaqgħu taħt l-istħarriġ ġudizzjarju tiegħu u jistgħu, jekk ikunu fondati, iwasslu għall-annullament tar-regolament ikkontestat.

177   Issa, f'dan il-każ, l-istituzzjonijiet u r-Renju Unit isostnu, essenzjalment, li ebda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet mhija sodisfatta, minħabba s-supremazija ta' l-obbligi tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha bis-saħħa tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti fuq kull obbligu ieħor ta' dritt internazzjonali, komunitarju jew nazzjonali. L-eżami ta' l-argumenti ta' dawn il-partijiet jidher għaldaqstant bħala prerekwiżit għal kull diskussjoni dwar l-argumenti tar-rikorrenti.

178   F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li huwa opportun li teżamina, fl-ewwel lok, il-konnessjoni bejn is-sistema legali internazzjonali stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema legali nazzjonali jew komunitajra, kif ukoll sa liema punt il-kompetenzi tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha huma marbuta bir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati taħt il-Kaptikolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijet Uniti.

179   Fil-fatt, dan l-eżami jiddetermina dak tal-medda ta' l-eżami tal-legalità, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha teżerċita fuq atti komunitarji li jimplementaw tali riżoluzzjonijiet, li ser jiġi eżaminat fit-tieni lok.

180   Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, jekk jiġi kkonstatat li dawn jaqaw taħt l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u li jistgħu jwasslu għall-annullament tar-regolament ikkontestat, il-Qorti tal-Prim'Istanza tagħti deċiżjoni fuq l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent.

 Fuq il-konnessjoni bejn is-sistema legali internazzjonali stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema legali nazzjonali jew komunitarja

181   Għandu jiġi kkonstatat li, f'dak li jikkonċerna d-dritt internazzjonali, l-obbligi ta' l-Istati Membri ta' l-ONU taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jipprevalu ikkontestabbilment fuq kull obbligu ta' liġi nazzjonali jew ta' dritt internazzjonali konvenzjonali ieħor, inkluż, għal dawk fosthom li huma membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa, fuq l-obbligi tagħhom taħt il-KEDB u, għal dawk fosthom li huma ukoll Membri tal-Komunità, fuq l-obbligi tagħhom taħt it-Trattat KE.

182   F'dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, ir-rabtiet bejn il-Karta tan-Nazzjonijiet u l-liġi nazzjonali ta' l-Istati Membri ta' l-ONU, din ir-regola ta' supremazija tirriżulta mill-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta' Vienna fuq il-Liġi tat-Trattati, konkluża fi Vienna fit-23 ta' Mejju 1969, li jikkodifika dawn il-prinċipji (u li l-Artikolu 5 tagħha jiddisponi li hija tapplika "fir-rigward ta' kull Trattat li huwa l-att li jistabbilixxxi organizzazzjoni internazzonali u fir-rigward ta' kull Trattat adottat fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali"), parti ma tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tagħha sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta' implementazzjoni ta' Trattat.

183   F'dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, ir-rabtiet bejn il-Karta tan-Nazzjonjiet Uniti u d-dritt internazzjonali konvenzjonali, din ir-regola ta' supremazija hija espressament rikonoxxuta fl-Artikolu 103 ta' l-imsemmija Karta, li jistipula li, " [f']il-każ ta' konflitt bejn l-obbligi tal-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti skond l-Karta preżenti u l-obbligi tagħhom skond xi ftehim internazzjonali ieħor, l-obbligi tagħhom skond l-Karta preżenti għandhom jegħelbu". Skond l-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni ta' Vienna fuq il-Liġi tat-Trattati, u kuntrarjament għar-regoli normalment applikabbli f'każ ta' Trattati suċċessivi, din tapplika kemm għal Trattati preċedenti kif ukoll għal Trattati sussegwenti għall-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Skond il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, il-ftehim reġjonali, bilaterali u miltilaterali, li l-partijiet jistgħu jkunu kkonkludew, huwa dejjem suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti [sentenza tas-26 ta' Novembru 1984, Attivitajiet militari u paramilitari ġewwa u kontra n-Nikaragwa (Nikaragwa vs l-Istati Uniti ta' l-Amerika), Ġabra. 1984, p. 392, punt 107].

184   Din is-supremazija testendi għad-deċiżjonijiet li jinstabu f'riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, skond l-Artikolu 25 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li tgħid li l-Membri ta' l-ONU huma obbligati jaċċettaw u jwettqu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà. Skond il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 103 tal-Karta, l-obbligi tal-partijiet f'dan ir-rigward jipprevalu fuq l-obbligi li huma għandhom taħt kull ftehim internazzjonali ieħor [Digriet ta' l-14 ta' April 1992 (miżuri provviżorji), Domandi dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Montreal ta' l-1971 li jirriżultaw mill-inċident ta' l-ajru ta' Lockerbie (Ġemahirija Għarbija Libjana vs l-Istati Uniti ta' l-Amerika), Ġabra 1992, p. 16, punt 42, et Ordni du 14 ta' April 1992 (miżuri provviżjorji), Domandi dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Montreal ta' l-1971 li jirriżultaw mill-inċident ta' l-ajru ta' Lockerbie (Ġemahirija Għarbija Libjana vs ir-Renju Unit), Ġabra 1992, p. 113, punt 39].

185   F'dak li jikkonċerna b'mod aktar partikolari r-rabtiet bejn l-obbligi ta' l-Istati Membri tal-Komunità taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-obbligi tagħhom taħt id-dritt komunitarju, għandu jingħad ukoll li, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 307 KE " [i]d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta' l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m'għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat".

186   Skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġutizzja, l-għan ta' din id-dispożizzjoni huwa li tippreċiża, skond il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, li l-applikazzjoni tat-Trattat KE ma jaffettwax l-impenn ta' l-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet ta Stati terzi li jirriżultaw minn konvenzjoni preċedenti u li jirrispetta l-obbligi korrispondenti tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Marzu 1995, Evans Medical ut Macfarlan Smith, C‑324/93, Ġabra p. I‑563, pount 27 ; ara ukoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Frar 1962, il-Kummissjoni vs l-Italja, 10/61, Ġabra. p. 1 ; tat-2 ta' Awwissu 1993, Levy, C‑158/91, Ġabra. p. I‑4287, u ta' l-14 ta' Jannar 1997, Centro-Com, C‑124/95, Ġabra. p. I‑81, punt 56).

187   Issa, ħamsa mis-sitt Stati firmatarji tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, iffirmat f'Ruma fil-25 ta' Marzu 1957, kienu diġà Membri ta' l-ONU fl-1 ta' Jannar 1958. F'dak li jikkonċerna r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għalkemm hija kienet ġiet ammessa formalment bħala Membru ta' l-ONU biss wara t-18 ta' Settembru 1973, l-impenn tagħha li tirrispetta l-obbligi li jirriżultaw mill-Karta tan-Nazzjonjiet Uniti jmur lura għall-1 ta' Jannar 1958, kif jirriżulta b'mod partikolari mill-att finali tal-konferenza li nżammet fl-Londra mit-28 ta' Settembru sat-3 ta' Ottubru 1954 (konferenza magħrufa bħala "tad-disa' potenzi") u mill-Ftehim ta' Pariġi tat-23 ta' Otubru 1954. Barra minn hekk, l-Istati kollha li suċċessivament issieħbu mal-Komunità kienu Membri ta' l-ONU qabel is-sħubija tagħhom.

188   Barra minn hekk, l-Artikolu 224 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (li sar l-Artikolu 297 KE) kien speċifikament inkluż f'dan it-Trattat sabiex tiġi rrispettata r-regola ta' supremazija definita iktar 'il fuq. Skond din id-dispożizzjoni, "[l]-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jieħdu flimkien il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu li l-funzjonament tas-suq komuni jiġi milqut minn miżuri li Stat Membru jista’ jkollu jieħu […] sabiex jesegwixxi obbligi li jkun assuma bil-għan li jżomm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali".

189   Għaldaqstant, ir-riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kaptiolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom effett obbligatorju għall-Istati Membri tal-Komunità li għandhom għalhekk, f'din il-kwalità, jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jassiguraw l-implementazzjoni tagħhom (Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Jacobs dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Lulju 1996, Bosphorus, C‑84/95, Ġabra p. I‑3953, I‑3956, punt 2, u dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Frar 1997, Ebony Maritime u Loten Navigation, C‑177/95, Ġabra p. I‑1111, I‑1115, punt 27 ).

190   Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta wkoll li, kemm fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali ġenerali kif ukoll fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom il-fakultà kif ukoll l-obbligu, li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt komunitarju, kemm jekk huma ta' dritt primarju kif ukoll jekk huma ta' prinċipju ġenerali ta' dan id-dritt, li jostakolaw it-twettiq ta' l-obbligi tagħhom skond il-Karta tan-Nazzjoni Uniti.

191   Għaldaqstant, fis-sentenza Centro-Com, punt 186 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament iddeċidiet li miżuri nazzjonali kontrarji għall-Artikolu 113 tat-Trattat KE jistgħu jiġu ġġustifikati fir-rigward ta' l-Artikolu 234 tat-Trattat KE (li wara l-emendi sar l-Artikolu 307 KE) jekk dawn jirriżultaw neċessarji sabiex jiġi żgurat it-twettiq mill-Istat Membru kkonċernat ta' l-obbligi tiegħu taħt il-Karta tan-Nazzjonjiet Uniti u taħt riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà.

192   Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza jirriżulta (ara s-sentenza Dorsch Consult vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 158 iktar 'il fuq, punt 74) li, b'differenza għall-Istati Membri tagħha, il-Komunità fiha nnifisha mhijiex direttament marbuta bil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u li għaldaqstant hija mhijiex obbligata, bis-saħħa ta' obbligu tad-dritt internazzjonali pubbliku ġenerali, li taċċetta u twettaq r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, skond l-Artikolu 25 ta' l-imsemmija Karta. Ir-raġuni hija li l-Komunità mhija la Membru ta' l-ONU, la destinatarja tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, u lanqas mhija s-suċċessura ta' l-Istati Membri tagħha fir-rigward tad-drittijiet u ta' l-obbligi li huma għandhom fid-dritt internazzjonali pubbliku.

193   Għaldaqstant, il-Komunità għandha tiġi meqjusa bħala li hija marbuta bl-obbligi li jirriżultaw mill-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, bl-istess mod kif huma marbuta l-Istati Membri tagħha, bis-saħħa ta' l-istess Trattat li jistabbilixxiha

194   F'dan ir-rigward, huwa stabbilit li, meta kienu qegħdin jikkonkludu t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, l-Istati Membri kienu marbuta mill-obbligi tagħhom taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

195   Huma ma setgħux, permezz ta' att konkluż bejnithom, jittrasferrixu lill-Komunità iktar setgħat milli huma kellhom u lanqas ma setgħu jaħarbu mill-obbligi eżistenti fir-rigward ta' pajjiżi terzi taħt l-imsemmija Karta (ara, b'anoloġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Diċembru 1972, International Fruit Company et., 21/72 sa 24/72, Ġabra p. 1219, iktar 'il quddiem is-"sentenza International Fruit", punt 11).

196   Għall-kuntrarju, ir-rieda tagħhom li jirrispettaw l-obbligi tagħhom taħt din il-Karta tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea stess u din tidher b'mod partikolari mill-Artikoli 224 tiegħu u mill-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 234 tiegħu. (ara, b'anoloġija, is-sentenza International Fruit, punti 12 u 13, u l-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Mayras dwar din is-sentenza, Ġabra. p. 1231 sa 1237).

197   Għalkemm din l-aħħar dispożizzjoni tindika biss l-obbligi ta' l-Istat Membri, din timplika l-obbligu ta' l-istituzzjonijiet tal-Kommunità li ma jostakolawx it-twettiq ta' l-obbligi li l-Istati Membri għandhom taħt din l-imsemmija Karta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Ottubru 1980, Burgoa, 812/79, Ġabra p. 2787, punt 9).

198   Għandu wkoll jiġi enfasizzat li, safejn il-kompetenzi neċessarji għall-implementazzjoni ta' l-obbligi ta' Istati Membri taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti kienu ġew trasferiti lill-Komunità, l-Istati Membri kkomettew lillhom infushom, fid-dritt internazzjonali pubbliku, għal dak li l-Komunità nnfisha teżerċithom għal dan il-għan.

199   F'dan il-kuntest, hemm lok li jiġi mfakkar, min-naħa, li, skond l-Artikolu 48(2) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà għandom jiġu eżegwiti mill-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti "direttament u permezz ta' l-azzjoni tagħhom fl-aġenziji internazzjonali adatti li tagħhom ikunu membri", u, min-naħa l-oħra, li, skond il-ġurisprudenza (sentenzi Poulsen u Diva Navigation, punt 158 iktar 'il fuq, punt 9, u Racke, punt 158 iktar 'il fuq, punt 45 ; ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Diċembru 1974, Van Duyn, 41/74, Ġabra p. 1337, punt 22), il-kompetenzi tal-Komunità għandhom jiġu eżerċitati b' rispett għad-dritt internazzjonali u, għaldaqstant, id-dritt komunitarju għandu jiġi interpretat, u l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu illimitat, fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali.

200   Għaldaqstant, l-Istati Membri billi taw dawn il-kompetenzi lill-Komunità wrew ir-rieda tagħhom li jorbtuha bl-obbligi li huma assumew bis-saħħa tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (ara, b'anoloġija, is-sentenza International Fruit, punt 15).

201   Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, it-trasferiment ta' kompetenzi, li seħħ fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Komunità, ġie kkonkretizzat b'modi differenti fil-kuntest ta' l-implementazzjoni ta' l-obbligi tagħhom taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (ara, b'anoloġija, is-sentenza International Fruit, punt 16).

202   Huwa b'mod partikolari għalhekk li l-Artikolu 228 A tat-Trattat KE (li wara sar l-Artikolu 301 KE) ġie inkluż fit-Trattat, permezz tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sabiex jagħti bażi speċifika lis-sanzjonijiet ekonomiċi li l-Komunità, l-unika kompetenti fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, tkun tista' tasal li tieħu kontra pajjiżi terzi għal raġunijiet politiċi definiti mill-Istati Membri tagħha fil-kuntest tal-PBSK, l-iktar fl-applikazzjoni ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li timponilhom jadottaw tali sanzjonijiet.

203   Jidher illi peress illi, f'kull każ fejn, il-Komunità, bis-saħħa tat-Trattat KE, assumiet il-kompetenzi preċedentement eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam ta' applikazzjoni tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-dispożizzjonijiet ta' din il-Karta għandhom bħala riżultat li jorbtu lill-Komunità [ara, b'anoloġija, f'dak li jikkonċerna il-kwistjoni dwar jekk il-Komunità hijiex marbuta bil-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) ta' l-1947, is-sentenza International Fruit, punt 18 ; ara ukoll, f'dak li jirrikonoxxi li l-Komunità teżerċita kompetenza limitata meta hija timplementa miżura ta' embargo kummerċjali dekretata b'riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, is-sentenza Dorsch Consult vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 158 iktar 'il fuq, point 74].

204   Skond dan ir-raġunament, hemm lok li jiġi kkunsidrat, min-naħa, li l-Komunità ma tistax tikser l-obbligi li l-Istati Membri tagħha għandhom bis-saħħa tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti lanqas tostakola t-twettiq tagħhom u, min-naħa l-oħra, li hija obbligata, bis-saħħa ta' l-istess Trattat li permezz tiegħu hija ġiet stabbilita, li tadotta, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, id-dispożizzjonijiet kollha neċessarji sabiex tippermetti lill-Istat Membri tagħha jikkonformaw rwieħhom ma' dawn l-obbligi.

205   Issa, f'dan il-każ, il-Kunsill tas-Sigurtà kkonstata, fil-Pożizzjoni Komuni 2002/402, adottata b'applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Trattat UE, li azzjoni tal-Komunità, fil-limiti tas-setgħat li t-Trattat KE jagħtiha, kienet neċessarja sabiex jiġu implementati ċerti miżuri restrittivi diretti kontra Usama bin Laden, membri ta' l-organizzazzjoni Al-Qaida kif ukoll tat-Taliban u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet oħra assoċjati, skond ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1267 (1999), 1333 (2000) u 1390 (2002).

206   Il-Komunità implementat dawn il-miżuri permezz ta' l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Kif diġà ġie deċiż fil-punt 135 iktar 'il fuq, hija kienet kompetenti sabiex tadotta dan l-att fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE.

207   Għaldaqstant, għandha tiġi rrikonoxxuta l-fondatezza ta' l-argumenti mressqa mill-istituzzjonijiet, kif huma miġbura fil-qasir fil-punt 153 iktar 'il fuq, bl-eċċezzjoni, li l-Komunità kienet obbligata li timplementa r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni, fil-qasam tal-kompetenzi tagħha, mhux bis-saħħa tad-dritt internazzjonali ġenerali, kif isostnu dawn il-partijiet, iżda bis-saħħa tat-Trattat KE stess.

208   Min-naħa l-oħra, l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq il-kunsiderazzjoni li s-sistema legali komunitarja hija sistema legali indipendenti min-Nazzjonijiet Uniti, irregolata minn regoli ta' dritt tagħha stess, għandhom jiġu mwarrba.

 Fuq il-medda ta' l-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha teżerċita

209   Preliminarjament, hemm lok li jiġi mfakkar li l-Komunità Ewropea hija Komunità ta' dritt f'dak illi la l-Istati Membri tagħha u lanqas l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħux jaħarbu mill-eżami tal-konformità ta' l-atti tagħhom mal-Karta Kostituzzjonali Fundamentali li hija t-Trattat u li dan ta' l-aħħar stabbilixxa sistema kompluta ta' rimedji ġudizzjarji u ta' proċeduri intiżi sabiex jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-eżami tal-legalità ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' April 1986, Les Verts vs il-Parlament, 294/83, Ġabra p. 1339, punt 23 ; tat-22 ta' Ottubru 1987, Foto‑Frost, 314/85, Ġabra p. 4199, punt 16, u tat-23 ta' Marzu 1993, Weber vs il-Parlament, C‑314/91, Ġabra p. I‑1093, punt 8 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' Ottubru 2001, Martinez et, vs il-Parlament, T‑222/99, T‑327/99 u T‑329/99, Ġabra p. II‑2823, punt 48 ; ara wkoll l-Opinjoni 1/91 tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Diċembru 1991, Ġabra p. I-6079, punt 21).

210   Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet (sentenza Johnston, punt 146 iktar 'il fuq, punt 18; ara wkoll is-sentenzi tat-3 ta' Diċembru 1992, Oleifici Borelli vs il-Kummissjoni, C‑97/91, Ġabra p. I‑6313, punt 14 ; tal-11 ta' Jannar 2001, Kofisa Italia, C‑1/99, Ġabra p. I‑207, punt 46 ; tas-27 ta' Novembru 2001, il-Kummissjoni vs l-Awstrija, C-424/99, Ġabra p. I-9285, punt 45, u tal-25 ta' Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs il-Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra. p. I‑6677, punt 39), " [l]-istħarriġ ġudizzjarju […] huwa r-riżultat ta' prinċipju ġenerali tad-dritt li jinstab fil-bażi tal-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri [… u li] ġie wkoll irrikonoxxut mill-Artikoli 6 u 13 ta' l- [KEDB] ".

211   F'dan il-każ, dan il-prinċipju huwa espress fid-dritt li r-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 230 KE jagħti lir-rikorrent li jissottometti għall-eżami tal-Qorti tal-Prim'Istanza l-legalità tar-regolament ikkontestat, safejn dan jirrigwardah direttament u individwalment, u li jinvoka in sostenn tar-rikors tiegħu kull raġuni bbażata fuq l-inkompetenza, tal-ksur tar-rekwiżit proċedurali essenzjali, ksur ta’ dan it-Trattat jew ta’ xi liġi li għandha x’taqsam ma' l-applikazzjoni tiegħu, jew l-użu ħażin tal-poter.

212   Mandankollu, il-kwistjoni li tqum f'dan il-każ hija jekk jeżistux limiti strutturali imposti mid-dritt internazzjonali ġenerali jew mit-Trattat KE innifsu, għall-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha teżerċita fir-rigward ta' dan ir-regolament.

213   Fil-fatt għandu jiġi mfakkar li r-regolament ikkontestat, adottat fid-dawl tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402, jikkostitwixxi l-implementazzjoni, fuq livell komunitarju, ta' l-obbligu li l-Istati Membri għandhom, bħala Membri ta' l-ONU, li jimplementaw, skond il-każ permezz ta' att komunitarju, is-sanzjonijiet kontra Usama bin Laden, in-netwerk Al-Qaida kif ukoll it-Taliban u l-persuni, gruppi, impriżi u entitjatiet oħra assoċjati, li ġew deċiżi u wara rinfurzati permezz ta' diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-premessi ta' dan ir-regolament jirreferu espressament għar-Riżoluzzjonijiet 1267 (1999), 1333 (2000) u 1390 (2002).

214   F'dan il-kuntest, kif ġustament isostnu l-istituzzjonijiet, dawn aġixxew taħt kompetenza limitata, b'tali mod li huma ma kellhom ebda marġni ta' evalwazzjoni awtonoma. B'mod partikolari, huma ma setgħux la jemendaw direttament il-kontenut tar-riżoluzzjonijiet in kwistjoni lanqas jistabbilixxu mekkaniżmu li jista' jagħti lok għal tali emenda.

215   Kull eżami tal-legalità interna tar-regolament ikkontestat, b'mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju dwar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, jimplika għaldaqstant li l-Qorti tal-Prim'Istanza teżamina, b'mod inċidentali, il-legalità ta' l-imsemmija riżoluzzjonijiet. Fil-fatt fl-ipoteżi li qed tiġi eżaminata, is-sors ta' l-illegalità invokata mir-rikorrenti m'għandux jiġi mfittex fl-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, iżda fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li ddekretaw is-sanzjonijiet (ara, b'anoloġija, is-sentenza Dorsch Consult vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 158 iktar 'il fuq, punt 74).

216   B'mod partikolari, kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tannulla r-regolament ikkontestat skond it-talbiet tar-rikorrenti, anki jekk dan jirriżulta li kien impost mid-dritt internazzjonali, minħabba li dan l-att jikser id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent kif imħarsa mis-sistema legali komunitarja, annullament bħal dan jimplika, indirettament, li r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni wkoll jiksru dawn l-imsemmija drittijiet fundamentali. Fi kliem ieħor, ir-rikorrent qed jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiddikjara impliċitament li r-regola tad-dritt internazzjonali in kwistjoni ddgħajjef id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif imħarsa mis-sistema legali komunitarja.

217   L-istituzzjonijiet u r-Renju Unit jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiċħad fil-prinċipju kull kompetenza biex isir tali eżami indirett tal-legalità ta' dawn ir-riżoluzzjonijiet li, in kwantu regoli ta' dritt internazzjonali li jorbtu lill-Istati Membri tal-Komunità, huma imposti fuqha bħal fuq l-istituzzjonijiet kollha tal-Komunità. Dawn il-partijiet jidrilhom, essenzjalment, li l-eżami tal-Qorti tal-Prim'Istanza għandu jkun limitat, min-naħa, għall-verifika tar-rispett tar-regoli ta' forma, ta' proċedura u ta' kompetenza li, f'dan il-każ, huma imposti fuq l-istituzzjonijiet kommunitarji u, min-naħa l-oħra, għall-verifika ta' jekk il-miżuri in kwistjoni humiex adegwati u proporzjonati fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li huma qed jimplementaw.

218   Għandu jiġu rrikonoxxut li limitazzjoni tal-kompetenza bħal din hija imposta bħala korollarja tal-prinċipji enfassizati iktar 'il fuq, fil-kuntest ta' l-eżami tal-konnessjoni tar-rabtiet bejn is-sistema legali internazzjonali stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema legali komunitarja.

219   Kif diġà ġie muri, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni ġew adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. F'dan il-kuntest, id-determinazzjoni ta' dak li jikkostitwixxi theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, kif ukoll ta' miżuri neċessarji sabiex dawn jinżammu jew sabiex jerġgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid, jaqgħu taħt ir-responsabbilità esklużiva tal-Kunsill tas-Sigurtà u, bħala tali, jaqgħu barra mill-kompetenza ta' l-awtoritajiet u qrati nazzjonali jew komunitarji, bl-uniku eċċezzjoni tad-dritt naturali għal difiża tiegħu nnifsu individwali jew kollettiva, imsemmi fl-Artikolu 51 ta' l-imsemmija Karta.

220   Meta, huwa u jaġixxi taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tas-Sigurtà, permezz tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tiegħu, jiddeċiedi li l-fondi ta' ċerti individwi jew entitajiet għandhom ikunu ffriżati, id-deċiżjoni tiegħu hija imposta fuq il-Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti, skond l-Artikolu 48 ta' din il-Karta.

221   F'dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 139 sa 204 iktar 'il fuq, l-affermazzjoni ta' kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex teżamina b'mod inċidentali l-legalità ta' deċiżjoni bħal din skond il-livell ta' ħarsien tad-drittijiet fundamentali kif huma rrikonoxxuti fis-sistema legali komunitarja ma tistax għaldqstant tiġi ġġustifikata la fuq il-bażi tad-dritt internazzjonali u lanqas fuq il-bażi tad-dritt komunitarju.

222   Min-naħa, tali kompetenza hija inkompatibbli ma' l-obbligi ta' l-Istati Membri taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari ta' l-Artikoli 25, 48 u 103 tagħha, kif ukoll ma' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta' Vienna fuq il-Liġi tat-Trattati.

223   Min-naħa l-oħra, tali kompetenza hija kuntrarja kemm għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, b'mod partikolari għall-Artikoli 5 KE, 10 KE, 297 KE u għall-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 307 KE, kif ukoll għal dawk tat-Trattat UE, b'mod partikolari għall-Artikolu 5 UE, li biha l-qorti komunitarja teżerċita s-setgħat tagħha fil-kundizzjonijiet u għall-għanijiet previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u UE. Din tkun, barra minn hekk, inkompatibbli mal-prinċipju li l-komptenzi tal-Komunità, u, għaldaqstant, dawk tal-Qorti tal-Prim'Istanza, għandhom ikunu eżerċitati b' rispett għad-dritt internazzjonali (sentenza Poulsen u Diva Navigation, punt 158 iktar 'il fuq, punt 9, u Racke, punt 158 iktar 'il fuq, punt 45).

224   Għandu jintqal ukoll li, bir-rigward b'mod partikolari għall-Artikolu 307 KE u għall-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-invokazzjoni tal-ksur kemm tad-drittijiet fundamentali kif huma protetti mis-sistema legali komunitarja, kif ukoll tal-prinċipji ta' din is-sistema legali ma jistgħux jaffettwaw il-validità ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà jew l-effett tagħha fit-territorju tal-Komunità (ara, b'anoloġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, Ġabra p. 1125, punt 3; tat-8 ta' Ottubru 1986 Keller, 234/85, Ġabra. p. 2897, punt 7, u tas-17 ta' Ottubru 1989, Dow Chemical Ibérica et. vs il-Kummissjoni, 97/87sa 99/87, Ġabra. p. 3165, punt 38).

225   Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni ma jaqawx fil-prinċipju taħt l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Prim'Istanza u li din mhijiex awtorizzata li tikkontesta, anki b' mod inċidentali, il-legalità tagħhom fir-rigward tad-dritt komunitarju. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Prim'Istanza hija obbligata, b'kull mezz possibbli, li tinterpreta u li tapplika dan id-dritt b'mod li huwa kompatibbli ma' l-obbligi ta' l-Istati Membri taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

226   Il-Qorti tal-Prim'Istanza hija, madankollu, awtorizzata teżamina, b'mod inċidentali, il-legalità tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni fir-rigward tal-jus cogens, intiż bħala kwistjoni ta' ordni pubbliku internazzjonali li hija imposta fuq dawk kollha li huma suġġetti għad-dritt internazzjonali, inklużi l-istanzi ta' l-ONU, u li ma tistax issir deroga minnha.

227   F'dan ir-rigward, għandu jintqal, li l-Konvenzjoni ta' Vienna fuq il-Liġi tat-Trattati, li tikkodifika d-dritt internazzjonali konswetudinarju (u li l-Artikolu 5 tagħha jiddisponi li hija tapplika "fir-rigward ta' kull Trattat li huwa l-att li jistabbilixxxi organizzazzjoni internazzonali u fir-rigward ta' kull Trattat adottat fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali"), tipprevedi, fl-Artikolu 53 tagħha, in-nullità ta' Trattati li jkunu f'kunflitt ma' regola perentorja tad-dritt internazzjonali ġenerali (jus cogens), definit bħala "regola aċċettata u rikonoxxuta mill-komunità internazzjonali ta' l-Istati fit-totalità tagħha bħala regola li ma tista ssir ebda deroga minnha u li ma tistax tiġi emendata ħlief b'regola tad-dritt internazzjonali ġenerali ġdida li hija ta' l-istess natura". Bl-istess mod, il-Konvenzjoni ta' Vienna fuq il-Liġi tat-Trattati tiddisponi li "jekk regola perentorja tad-dritt internazzjonali ġenerali ġdida tidħol fis-seħħ, kull Trattat eżistenti li jkun f'kunflitt ma' din ir-regola isir null u ma jiqbax fis-seħħ."

228   Wara kollox, il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti stess tissuponi l-eżistenza ta' prinċipji perentorji tad-dritt internazzjonali u b'mod partikolari l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Fil-preambolu tal-Karta, il-popli tan-Nazzjonijiet Uniti għaldaqstant iddikjaraw li kienu determinati "li [j]ġeddu t-twemmin [tagħhom] fid-drittijiet fundamentali tal-bniedem, fid-dinjità u l-valur tal-persuna umana". Barra minn hekk mill-ewwel Kapitolu tal-Karta intitolat "Għanijiet u Prinċipji" jirriżulta li n-Nazzjonijiet Uniti għandhom b'mod partikolari bħala għan li jinkoraġixxu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali.

229   Dawn il-prinċipji huma imposti kemm fuq il-Membri ta' l-ONU kif ukoll fuq il-korpi tiegħu. Għaldaqstant, skond l-Artikolu 24(2) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tas-Sigurtà għandu, fit-twettiq tad-dmirijiet li r-responsabbiltà primarja għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali timponi fuqu, jaġixxi "skond l-Għanijiet Prinċipali tan-Nazzjonijiet Uniti". Is-setgħat li l-Kunsill tas-Sigurtà għandu li jimponi sanzjonijiet fl-eżerċizzju ta' din ir-responsabbiltà għandhom għaldaqstant jiġu użati fir-rispett tad-dritt internazzjonali u, b'mod partikolari, ta' l-Għanijiet u tal-Prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.

230   Id-dritt internazzjonali għaldaqstant jippermetti li jiġi kkunsidrat li jeżisti limitu għall-prinċipju ta' l-effett obbligatorju tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurezza: dawn għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet perentorji fundamentali tal-jus cogens. F'każ kuntrarju, anki jekk dan ikun improbabbli, dawn ma jorbtux lill-Istati Membri ta' l-ONU u lanqas, għaldaqstant, lill-Komunità.

231   Il-kwistjoni dwar l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kuntest ta' rikors għall-annullament ta' att komunitarju adottat, mingħajr l-eżerċizzju ta' ebda marġni ta' evalwazzjoni, sabiex tiġi implementata riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, tista' għaldaqstant, eċċezzjonalment, tiġi estiża, għall-verifikazzjoni tar-rispett tar-regoli superjuri tad-dritt internazzjonali li jirriżultaw mill-jus cogens u, b'mod partikolari, mir-regoli perentorji intiżi għall-protezzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem, li la l-Istati Membri u lanqas l-istanzi ta' l-ONU ma jistgħu jidderogaw minnhom minħabba li huma jikkostitwixxu "prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li ma jistgħux jiġu miksura" (Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1996, dwar il-Legalità tat-Theddida jew l-Użu ta' Armi Nukleari Ġabra. 1996, p. 226, punt 79 ; ara wkoll, f'dan ir-rigwad, il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Jacobs dwar is-sentenza Bosphorus, punt 189 iktar 'il fuq, punt 65).

232   Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li għandha tiġi eżaminata r-raġuni bbażata fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti.

 Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent

233   Il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li teżamina qabel kollox l-allegat ksur tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-proprjetà u tal-prinċipju ta' proporzjonalità, wara, l-allegat ksur tad-dritt li wieħed jiġi mismugħ, u fl-aħħar, l-allegat ksur tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv. 

–       Fuq l-allegat ksur tar-rispett tad-dritt għar-rispett tal-proprjetà u tal-prinċipju ta' proporzjonalità

234   Ir-rikorrent jinvoka ksur tad-dritt għar-rispett tal-proprjetà tiegħu, kif iggarantit mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali għall-KEDB, kif ukoll ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju.

235   Madankollu, safejn l-allegat ksur jirriżulta esklużivament mill-iffriżar tal-fondi tar-rikorrent, kif ġie deċiż mill-Kunsill tas-Sigurtà, permezz tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tiegħu, u implementat fil-Komunità permezz tar-regolament ikkontestat, mingħajr l-eżerċizzju ta' ebda setgħa ta' evalwazzjoni, huwa fil-prinċipju biss skond il-livell ta' protezzjoni universali tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li jirriżulta mill-jus cogens li l-akkużi tar-rikorrent għandhom jiġu eżaminati, skond il-prinċipji diġà ddefiniti iktar 'il fuq.

236   Peress illi l-estensjoni u l-intensità ta' l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrent varjaw matul iż-żminijiet (ara, suċċessivament, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 467/2001, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 881/2002 fl-abbozz orġinali tiegħu u, fl-aħħar, l-Artikolu 2A tar-regolament ikkontestat, kif miżjud permezz ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2003), għandu għaldaqstant, jiġi preċiżat li, fil-kuntest tar-rikors għall-annullament preżenti, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Prim'Istanza għandu biss jikkonċerna l-istat tal-leġislazzjoni atwallment fis-seħħ. Fil-fatt, fil-kwistjoni ta' l-annullament, il-qorti komunitarja normalment tikkunsidra l-ġrajjiet li jaffettwaw, waqt l-istanza, is-suġġett stess tal-kwistjoni, bħal mhuma t-tħassir, il-proroga, is-sostituzzjoni jew l-emenda ta' l-att ikkontestat (ara wkoll is-sentenzi Alpha Steel vs il-Kummissjoni, Fabrique de fer de Charleroi u Dillinger Hüttenwerke vs il-Kummissjoni u CEMR vs il-Kummissjoni, punt 53 iktar 'il fuq, id-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Marzu 1993, Lezzi Pietro vs il-Kummissjoni, C‑123/92, Ġabra p. I‑809, punti 8 sa 11). Waqt is-seduta, il-partijiet kollha qablu fuq dan il-punt.

237   Għaldaqstant hemm lok li jiġi evalwat jekk l-iffriżar tal-fondi previst mir-regolament ikkontestat, kif emendat mir-Regolament Nru 561/2003 u, indirettament, mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li dawn ir-regolamenti jimplementaw, jiksirx id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti.

238   Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li dan mhuwiex il-każ skond il-livell ta' ħarsien universali tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li jirriżulta mill-jus cogens.

239   F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat mill-bidu nett li r-regolament ikkontestat, fil-verżjoni tiegħu emendata bir-Regolament Nru 561/2003, adottat wara r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1452(2002), jipprevedi, fost derogi u eżenzjonijiet oħra li, fuq it-talba tal-partijiet kkonċernati, u bl-eċċezzjoni ta' oppożizzjoni magħmula mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ddikjaraw l-iffriżar tal-fondi inapplikabbli għall-fondi neċessarji għall-ispejjeż bażiċi, b'mod partikolari dawk għall-għajxien, għall-kiri, għall-mediċini, għat-taxxa jew għas-servizzi ġenerali (ara il-punt 36 iktar 'il fuq). Barra minn dan, il-fondi neċessarji għal kull "spiża straordinarja" oħra jistgħu minn issa 'l quddiem jiġu liberati sakemm ikun hemm awtorizzazzjoni espressa mogħtija mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

240   Il-possibbiltajiet espiliċiti ta' eżenzjonijiet u ta' derogi li għaldaqstant joħorġu mill-iffriżar tal-fondi ta' persuni mniżżla fuq il-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet juru b'mod ċar li din il-miżura mhijiex intiża u lanqas m'għandha bħala effett li tissuġġetta dawn il-persuni għal trattament inuman jew degradanti.

241   Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li, jekk l-Artikolu 17(1) tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijet Uniti fl-10 ta' Diċembru 1948, tiddisponi li "[k]ull persuna, kemm waħeda kif ukoll kollettivament, għandha dritt għall-proprjetà ", l-Artikolu 17(2) ta' l-imsemmija Dikjarazzjoni Universali jippreċiża li "[ħ]add ma jista' b' mod arbitrarju jiġi mċaħħad mill-proporjetà tiegħu".

242   Għaldaqstant, safejn ir-rispett tad-dritt għall-proprjetà għandu jitqies bħala jifforma parti mir-regoli perentorji tad-dritt internazzjonali ġenerali, ċaħda arbitrarja ta' dan id-dritt biss tista', f'kull każ, tiġi meqjusa bħala kontrarja għall-jus cogens.

243   Iżda għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrent ma kienx ġie mċaħħad minn dan id-dritt b'mod arbitrarju.

244   Fil-fatt, l-ewwel nett, l-iffriżar tal-fondi tagħhom jikkostitwixxi aspett tas-sanzjonijiet deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà kontra Usama bin Laden, in-netwerk Al-Qaida kif ukoll it-Taliban u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati oħra.

245   F'dan ir-rigward, għandha tiġi enfassizzata l-importanza tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-legalità ta' protezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet terroristiċi.

246   Fil-preambolu tar-Riżoluzzjoni 1390(2002), il-Kunsill tas-Sigurtà, b'mod partikolari, ikkundanna kategorikament l-attaki terroristiċi mwettqa fil-11 ta' Settembru 2001, u ddikjara li kien determinat jipprevjeni l-atti kollha ta' dan it-tip; osserva li Usama bin Laden u n-netwerk Al-Qaida kienu qed iwettqu l-attivatijiet tagħhom ta' sosten għat-terroriżmu internazzjonali; ikkundanna lin-netwerk Al-Qaida u lill-gruppi terroristiċi assoċjati għan-numerużi atti terroristiċi kriminali li kienu wettqu u li kienu intiżi biex joqtlu diversi ċittadini innoċenti u jeqirdu diversi beni u afferma mill-ġdid li l-atti ta' terroriżmu internazzjonali jikkostitwixxu theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali.

247   Huwa fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkustanzi li l-għan li s-sanzjonijiet jridu jilħqu għandu importanza sinjifikattiva, li huwa, b'mod partikolari, skond ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1373(2001), li għaliha l-premessa 3 tar-Regolament ikkontestat tirreferi, li jiġġieldu bil-mezzi kollha, skond il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddidiet għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali li jirriżultaw mill-atti ta' terroriżmu. Għaldaqstant, il-miżuri in kwistjoni għandhom għan ta' interess ġenerali fundamentali għall-komunità internazzjonali.

248   It-tieni nett, l-iffriżar tal-fondi hija miżura kawtelatorja li, b'differenza ta' konfiska, ma teffettwax is-sustanza stess tad-dritt għal proprjetà tal-partijiet ikkonċernati fuq l-assi finanzjarji tagħhom, iżda biss l-użu tagħhom.

249   It-tielet nett, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà jipprevedu mekkaniżmu ta' eżami mill-ġdid perjodiku tas-sistema ġenerali tas-sanzjonijiet (ara l-punti 16, 25 u 33 iktar 'il fuq u l-punt 266 iktar 'il quddiem).

250   Ir-raba' nett, kif ser jiġi muri iktar 'il quddiem, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni tirregola proċedura li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati f'kull mument iressqu, il-każ tagħhom quddiem il-Kumitat tas-Sanzjonijiet sabiex jiġi eżaminat mill-ġdid, permezz ta' l-Istat Membru li tagħhom huma ċittadini jew ta' fejn huma jirrisjedu.

251   Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkustanzi, l-iffriżar tal-fondi ta' persuni u entitajiet suspettati, fuq il-bażi ta' informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti u vverifikata mill-Kunsill tas-Sigurtà, li huma assoċjati ma' Usama bin Laden, man-netwerk Al-Qaida u mat-Taliban u li pparteċipaw fil-finanzjament, fl-ippjanar u fil-preparazzjoni ta' atti terroristiċi ma jistax jiġi meqjus bħala li jikkostitwixxi restrizzjoni arbitrajra, inadegwata jew sproporzjonata għad-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati.

252   Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq l-allegat ksur tad-dritt għar-rispett tal-proprjetà tiegħu u tal-prinċipju ġenerali ta' proporzjonalità għandhom jiġu miċħuda.  

–       Fuq l-allegat ksur tad-dritt li wieħed jiġi mismugħ

253   Filwaqt li jirrikonoxxi li l-miżura inizjali ta' l-iffriżar tal-fondi tiegħu ma kellhiex tkun is-suġġett ta' notifikazzjoni qabel ma tiġi implementata, ir-rikorrent jakkuża lill-Kunsill li ma taħ ebda possibbiltà li jiġi mismugħ fuq il-fatti, iċ-ċirkustanzi u l-elementi ta' prova mressqa kontrih (ara l-punti 141 sa 143 iktar 'il quddiem). Barra minn hekk, ir-rikorrent jidher li qiegħed jallega li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni stess ma jirrispettawx id-dritt għal difiża (ara l-punt 150 iktar 'il fuq).

254   F'dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn l-allegat dritt tar-rikorrent li jiġi mismugħ mill-Kunsill fil-kuntest ta' l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat u l-allegat dritt tiegħu li jiġi mismugħ mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fil-kuntest ta' l-inklużjoni tiegħu fuq il-lista ta' persuni li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati b'applikazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni.

255   F'dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-allegat dritt tar-rikorrent li jiġi mismugħ mill-Kunsill fil-kuntest ta' l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, ir-rispett tad-dritt għal difiża, f'kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista' twassal għal att li jaffettwa lil tali persuna, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali ta' dritt komunitarju u għandu jiġi ggarantit, anki fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura in kwistjoni. Dan il-prinċipju jeħtieġ li kull persuna li fir-rigward tagħha tista' tiġi imposta sanzjoni tingħata l-possibbiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha fi-rigward ta' l-elementi mressqa kontriha sabiex tiġi fondata s-sanzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Ġunju 1994, Fiskano vs il-Kummissjoni, C‑135/92, Ġabra p. I‑2885, punti 39 u 40 ; ta' l-24 ta' Ottubru 1996, il-Kummissjoni vs Lisrestal et., C‑32/95 P, Ġabra p. I‑5373, punt 21, u tal-21 ta' Settembru 2000, Mediocurso vs il-Kummissjoni, C‑462/98 P, Ġabra p. I‑7183, punt 36).

256   Madankollu, il-Kunsill u l-Kummissjoni ġustament josservaw li din il-ġurisprudenza ġiet żviluppata f'oqsma, bħal mhuma d-dritt tal-kompetizzjoni, tal-ġlieda kontra d-dumping u ta' l-għajnuna mogħtija mill-Istat, iżda wkoll id-dritt dixxiplinari jew it-tnaqqis ta' għajnuna finanzjarja, li fihom l-istituzzjonijiet komunitarji għandhom setgħat ta' investigazzjoni u ta' istruzzjoni wiesgħa kif ukoll marġni diskrezzjonali ta' evalwazzjoni.

257   Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza, ir-rispett tal-garanziji mogħtija mis-sistema legali komunitarja, u b'mod partikolari d-dritt tal-parti kkonċernata li tesprimi l-opinjoni tagħha, huwa korrelat ma' l-eżerċizzju ta' setgħa ta' evalwazzjoni mill-awtorità, li fformulat l-att in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14).

258   Issa, f'dan il-każ, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet preliminari fuq ir-rabta bejn is-sistema legali internazzjonali stabbilità min-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema legali komunitarja espressa iktar 'il fuq, l-istituzzjonijiet komunitarji kienu obbligati jittrasponu fis-sistema legali komunitarja tagħhom ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat tas-Sanzjonjiet li bl-ebda mod ma kienu jippermettulhom, fl-istadju ta' l-implementazzjoni konkreta tagħhom li jipprevedu xi mekkaniżmu komunitarju ta' eżami jew ta' eżami mill-ġdid ta' sitwazzjonijiet individwali, peress illi kemm is-sustanza tal-miżuri in kwistjoni kif ukoll il-mekkaniżmi ta' eżami mill-ġdid (ara l-punti 262 et seg. iktar 'il fuq) kienu kompletament jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kunsill tas-Sigurtà u tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tiegħu. Konsegwentement, l-istituzzjonijiet komunitarji ma jiddisponu minn ebda setgħa ta' investigazzjoni, minn ebda possibbiltà ta' eżami tal-fatti kkunsidrati mill-Kunsill tas-Sigurtà u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet, minn ebda marġni ta' evalwazzjoni fir-rigward ta' dawn il-fatti u minn ebda libertà ta' evalwazzjoni fir-rigward ta' l-opportunità ta' l-adozzjoni ta' sanzjonijiet fir-rigward tar-rikorrenti. Il-prinċipju ta' dritt komunitarju dwar id-dritt li wieħed jiġi mismugħ ma jistax jiġi applikat f'tali ċirkustanzi, fejn smigħ tal-partijiet ikkonċernati ma jistax, fl-ebda każ iwassal lill-istituzzjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha.

259   Minn dan jirriżulta li l-Kunsill ma kienx obbligat li jisma' lir-rikorrent dwar iż-żamma tiegħu fuq il-lista ta' persuni u entitajiet li fir-rigward tagħhom japplikaw is-sanzjonijiet, fil-kuntest ta' l-adozzjoni u ta' l-implementazzjoni tar-regolament ikkontestat.

260   Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq l-allegat ksur tad-dritt tiegħu li jiġu mismugħ mill-Kunsill fil-kuntest ta' l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat għandhom jiġu miċħuda.

261   F'dak li jikkonċerna, fi-tieni lok, l-allegat dritt tar-rikorrent li jiġi mismugħ mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fil-kuntest ta' l-inklużjoni tiegħu fuq il-lista ta' persuni li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati b'applikazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li tali dritt mhuwiex previst mir-riżoluzzjonijiet in kwistjoni.

262   Madankollu, għandu jiġi osservat li anki jekk dawn ma jipprevedux dritt għal smigħ minn qabel, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni, u r-regolamenti suċċessivi li jkunu implementawhom fil-Komunità, jistabbilixxu mekkaniżmu ta' eżami mill-ġdid tas-sitwazzjonijiet individwali, billi jipprevedu li l-partijiet ikkonċernati jistgħu jirrikorru għall-Kumitat tas-Sanzjonijiet, permezz ta' l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, sabiex jiksbu kemm it-tneħħija tagħhom minn fuq il-lista ta' persuni intiżi mis-sanzjonijiet, kif ukoll deroga mill-iffriżar ta' fondi (ara, b'mod partikolari, il-punti 20, 32 u 34 sa 36 iktar 'il fuq).

263   Il-Kumitat tas-Sanzjonijiet huwa korp sussidjarju tal-Kunsill tas-Sigurtà, kompost minn rappreżentanti ta' l-Istati li huma Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà. Huwa sar korp permanenti importanti responsabbli mis-sorveljanza ta' kuljum ta' l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet u jista' jagħmel mod li l-komunità internazzjonali tinterpreta u tapplika r-riżoluzzjonijiet b'mod uniformi (Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Jacobs dwar is-sentenza Bosphorus, punt 189 iktar 'il fuq, punt 46).

264   F'dak li jikkonċerna, b'mod partikolari, talba għall-eżami mill-ġdid ta' każ individwali, sabiex il-parti kkonċernata titneħħa minn fuq il-lista tal-persuni intiżi mis-sanzjonijiet, id-"direttivi li jirregolaw l-iżvolġiment tax-xogħolijiet tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet]" adottati fis-7 ta' Novembru 2002 u emendati fl-10 ta' April 2003 (ara l-punt 50 iktar 'il fuq), fil-punt 7 tagħhom jipprevedu dan li ġej:

" a)      Mingħajr ħsara għall-proċeduri fis-seħħ, rikorrent [persuna(i), gruppi, impriżi u/jew entitajiet li jidhru fuq il-lista sommarja tal-Kumitat] jista' jressaq quddiem il-gvern tal-pajjiż li fih huwa jirrisjedi u/jew li tiegħu huwa ċittadin talba intiża sabiex jiġi eżaminat mill-ġdid il-każ tiegħu. Meta jagħmel dan, ir-rikorrent għandu jiġġustifika t-talba tiegħu għat-tħassir tiegħu minn fuq il-lista, jipprovdi l-informazzjoni relevanti u jitlob sostenn għal din it-talba.

b)      Il-gvern li quddiemu tressqet din it-talba (il-"gvern mitlub") għandu jeżamina l-elementi ta' informazzjoni rilevanti kollha imbagħad għandu jikkuntatja bilateralment lill-gvern(ijiet) li ppropona (pproponew) l-inklużjoni fil-lista [il-gvern(ijiet) li jidentifika(w)] sabiex jitlob informazzjoni kumplimentari u jikkonsulta fuq it-talba għat-tħassir minn fuq il-lista.

c)      Il-gvern(ijiet) li inizjalment talab/talbu tali inklużjoni jista' (jistgħu) wkoll jitlob/jitolbu informazzjoni kumplimentari lill-pajjiż ta' residenza tar-rikkorent jew li tiegħu huwa ċittadin. Il-gvern mitlub u l-gvern(ijiet) li jidentifika(w) jista'/jistgħu, skond kif ikun meħtieġ, jikkonsulta(w) mal-President tal-Kumitat matul dawn il-konsultazzjonijiet bilaterali.

d)      jekk, wara li jkun eżamina l-informazzjoni kumplimentari, il-gvern mitlub ikun jixtieq jippermetti li ssir talba għat-tħassir minn fuq il-lista, huwa għandu jipprova jikkonvinċi lill-gvern(ijiet) li jidentifika(w) jippreżenta(w), flimkien jew separatament, talba għal tħassir lill-Kumitat. Il-gvern mitlub jista', mingħajr ma din ikollha magħha talba tal-gvern(ijiet) li jidentifika(w) jippreżenta talba għal tħassir lill-Kumitat, fil-kuntest tal-proċedura ta' kunsens taċitu.

e)      Il-Kumitat jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta' konsensus. Jekk il-Kumitat ma jasalx għal kunsensus fuq kwistjoni partikolari, il-President jibda konsultazzjonijiet supplementari li jistgħu jiffaċilitaw l-ilħiq ta' ftehim. Jekk, wara dawn il-konsultazzjonijiet, xorta waħda ma jintlaqax kunsensus, il-kwistjoni tista' tiġi mressqa quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà. Minħabba n-natura speċifika ta' l-informazzjoni, il-President jista' jħeġġeġ li jsiru skambji bilaterali bejn l-Istati Membri kkonċeranti sabiex tiġi ċċarata l-kwistjoni qabel ma tittieħed deċiżjoni."

265   Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li, permezz ta' l-adozzjoni ta' dawn id-Direttivi, il-Kunsill tas-Sigurtà qabel li jieħu in kunsiderazzjoni, safejn hu possibbli, id-drittijiet fundamentali tal-persuni mniżżla fuq il-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u b'mod partikolari tad-dritt għal difiża.

266   L-importanza li l-Kunsill tas-Sigurtà jagħti lir-rispett ta' dawn id-drittijiet jirriżulta barra minn dan b'mod ċar mir-Riżoluzzjoni tiegħu 1526(2004), tat-30 ta' Jannar 2004, li hija intiża, min-naħa sabiex ittejjeb l-implementazzjoni tal-miżuri imposti mill-paragrafu 4(b), tar-Riżoluzzjoni 1267(1999), mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333(2000) u mill-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1390(2002), u, min-naħa l-oħra sabiex issaħħaħ is-setgħa tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Skond il-paragrafu 18 tar-Riżoluzzjoni 1526 (2004), il-Kunsill tas-Sigurtà "jħeġġeġ ħafna lill-Istati kollha jinfurmaw, safejn ikun possibbli, lill-persuni u lill-entitajiet imniżżla fuq il-lista tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] bil-miżuri meħuda kontrihom, bid-Direttivi tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] u bir-Riżoluzzjoni 1452 (2002)". Skond il-paragrafu 3 tar-Riżoluzzjoni 1526 (2004), dawn il-miżuri ser ikunu msaħħa fi żmien 18-il xahar jew qabel jekk dan ikun neċessarju.

267   Huwa veru li l-proċedura deskritta iktar 'il fuq ma tagħtix direttament lill-partijiet ikkonċernati infushom id-dritt li jiġu mismugħa mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, li huwa l-unika awtorità kompetenti sabiex jieħu deċiżjoni, fuq talba ta' Stat, fir-rigward ta' l-eżami mill-ġdid tal-każ tagħhom. Għaldaqstant, dan jiddependi, essenzjalment, fuq il-protezzjoni diplomatika li l-Istati jagħtu liċ-ċittadini tagħhom.

268   Tali restrizzjoni għad-dritt li wieħed ikun direttament u personalment mismugħ mill-awtorità kompetenti, ma tistax madankollu titqis bħala inammissibbli fir-rigward tar-regoli perentorji tad-dritt internazzjonali. Għall-kuntrarju, f'dak li jikkonċerna l-kontestazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà, permezz tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tiegħu, taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, fuq il-bażi ta' informazzjoni mogħtija mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali, huwa normali li d-dritt tal-partijiet konċernati li jiġu mismugħa jkun irregolat fil-kuntest ta' proċedura amministrattiva b'diversi livelli, li fiha l-awtoritajiet nazzjonali indikati fl-Anness II tar-regolament ikkontestat ikollhom rwol essenzjali.

269   Id-dritt komunitarju fih innifsu barra minn dan jirrikonoxxi l-legalità ta' tali żviluppi proċedurali, fil-kuntest ta' sanzjonijiet ekonomiċi li huma indirizzati lejn persuni (ara, b'analoġija, id-Digriet "Invest", Import und Export u Invest Commerce vs il-Kummissjoni, T-189/00, Ġabra p.II-2993).

270   Għandu jingħad ukoll li, kif ġustament josserva r-Renju Unit waqt is-seduta, il-partijiet ikkonċernati għandhom l-posibbiltà li jitolbu rimedju ġudizzjarju bbażat fuq il-liġi nazzjonali, anki direttament fuq ir-regolament ikkontestat kif ukoll fuq ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà li huwa jimplementa, kontra rifjut abbużiv eventwali ta' l-awtorità nazzjonali kompetenti li tressaq il-każ tagħhom, għal eżami mill-ġdid, lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet (ara, b'anoloġija, id-Digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Mejju 2003, Sison vs il-Kunsill, T-47/03 R, p. II-2047, punt 39).

271   F'dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrent, permezz ta' ittra ta' l-avukati tiegħu ta' l-1 ta' Marzu 2002, irrikorra għar-Rappreżentant Permanenti tar-Renju ta' l-Għarabja Sawdita għan-Nazzjonijiet Uniti, sabiex isostni d-drittijiet tiegħu quddiem il-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Skond l-ispjegazzjonijiet komplimentari mogħtija waqt is-seduta, ir-rikorrent qatt ma rċieva risposta għal din l-ittra.

272   Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi ma jippreżentaw ebda rabta mal-Komunità u għaldaqstant dawn huma barranin għall-kwistjoni preżenti, li għandha bħala suġġett l-eżami tal-legalità tar-regolament ikkontestat.

273   Il-fatt jibqa' li l-possibbiltà għar-rikorrent li jagħti l-opinjoni tiegħu b'mod effettiv fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti li minħabba fihom il-fondi tiegħu ġew iffriżati, u, barra minn hekk, fuq l-elementi ta' prova in kwistjoni mressqa kontrih, tidher li hija kategorikament eskluża. Dawn il-fatti u elementi ta' prova, peress illi huma kklassifikati bħala kunfidenzjali jew sigrieti mill-Istat li ressaqhom għall-konoxxenza tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, ovvjament mhumiex mgħarrfa lilu, kif, barra minn hekk, mhumiex mgħarrfa lill-Istati Membri ta' l-ONU li fir-rigward tagħhom japplikaw ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni.

274   Mandankollu, f'ċirkustanzi bħal mhuma dawk ta' dan il-każ, fejn hemm in kwistjoni miżura kawtelatorja li tillimita d-disponibbiltà tal-beni tar-rikorrent, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-parti kkonċernata ma jeħtieġx li l-fatti u l-elementi ta' prova mressqa kontrih ikunu mgħarrfa lilu, ladarba l-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tiegħu jidhirlu li motivi li jikkonċernaw is-sigurtà tal-Komunità internazzjonali jimpedixxu dan.

275   Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq l-allegat ksur tad-dritt tiegħu li jiġi mismugħ mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet qabel ma jitniżżel fuq il-lista tal-persuni li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati b'applikazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni għandhom jiġu miċħuda.

276   Minn dak li ntqal iktar il-fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq l-allegat ksur tad-dritt li wieħed jiġi mismugħ għandhom jiġu miċħuda. 

–       Fuq l-allegat ksur tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv

277   L-eżami ta' l-argumenti tar-rikorrent fir-rigward ta' l-allegat ksur tad-dritt tagħhom għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv għandu jqis il-kunsiderazzjonijiet ta' ordni ġenerali li diġà saru fuqhom fil-kuntest preliminari ta' l-eżami tal-medda ta' l-eżami tal-legalità, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, li l-Qorti tal-Prim'Istanza teżerċita fuq atti komunitarji li jimplementaw riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

278   F'dan il-każ, ir-rikorrent seta' jressaq rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza taħt l-Artikolu 230 KE.

279   Fil-kuntest ta' dan ir-rikors, il-Qorti tal-Prim'Istanza teżerċita eżami komplut fuq il-legalità tar-regolament ikkontestat kemm fir-rigward tar-rispett, mill-istituzzjonijiet komunitarji, tar-regoli ta' kompetenza kif ukoll tar-regoli ta' legalità esterna u tar-rekwiżit proċedurali essenzjali li huma imposti fuq azzjoni tagħhom.

280   Il-Qorti tal-Prim'Istanza teżamina wkoll il-legalità tar-regolament ikkontestat fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li dan ir-regolament suppost qed jimplementa, b'mod partikolari min-naħa ta' l-adegwatezza, formali u materjali, tal-koerenza interna u tal-proporzjonalità ta' l-ewwel fir-rigward tat-tieni

281   Hija u tiddeċiedi fuq dan l-eżami, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li mhuwiex qiegħed jiġi kkontestat li r-rikorrent huwa tassew wieħed mill-persuni fiżiċi mniżżla, fid-19 ta' Ottubru 2001 fuq il-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet (ara l-punt 23 iktar 'il fuq).

282   Barra minn dan, fil-kuntest tar-rikors għal annullament preżenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrikonoxxiet li hija kompetenti sabiex teżamina l-legalità tar-regolament ikkontestat u, indirettament, il-legalità tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni, fir-rigward tar-regoli superjuri tad-dritt internazzjonali li jirriżultaw mill-jus cogens, b'mod partikolari r-regoli perentorji intiżi għall-ħarsien universali tad-drittijiet tal-bniedem.

283   Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie indikat fil-punt 276 iktar 'il fuq, mhijiex il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha teżamina indirettament il-konformità tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni fihom infushom mad-drittijiet fundamentali kif huma mħarsa mis-sistema legali komunitarja.

284   Iktar u iktar, mhijiex il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tivverifika n-nuqqas ta' evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u ta' l-elementi ta' prova li l-Kunsill tas-Sigurtà ressaq sabiex isostni l-miżuri li huwa ħa, u lanqas, bl-eċċezzjoni tal-kuntest ristrett definit fil-punt 282 iktar 'il fuq, li teżamina indirettament l-adegwatezza u l-proporzjonalità ta' dawn il-miżuri. Tali eżami ma jistax jiġi eżerċitat mingħajr ma jinterferixxi mal-prerogattivi tal-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Unit dwar l-istabbiliment, l-ewwel nett, ta' theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u t-tieni nett, ta' miżuri adatti sabiex jaffrontaw jew jgħelbu din it-theddida. Wara kollox, id-domanda dwar jekk individwu jew organizzazzjoni jikkostitwixxix theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, kif ukoll id-domanda dwar liema miżuri għandhom jittieħdu fir-rigward tal-partijiet ikkonċernati sabiex din it-theddida tiġi melgħuba, timplika evalwazzjoni politika u deċiżjonijiet ta' valur li jaqaw fil-prinċipju taħt il-kompetenza ta' l-awtorità li lilha l-komunità internazzjonali fdat ir-responsabbiltà prinċipali taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali.

285   Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, fil-miżura ta' dak indikat fil-punt 284 iktar 'il fuq, li r-rikorrent m'għandu ebda rimedju ġudizzjarju, peress illi l-Kunsill tas-Sigurtà ma deherlux opportun jistabbilixxi qorti internazzjonali indipendenti inkarigata li tiddeċiedi, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, dwar ir-rikorsi intiżi kontra d-deċiżjonijiet individwali meħuda mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

286   Madankollu għandu jiġi wkoll ikkonstatat li lakuna bħal din fil-ħarsien ġudizzjarju tar-rikorrent mhijiex fiha nfisha kuntrarja għall-jus cogens.

287   F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li d-dritt ta' aċċess għall-qrati, liema prinċipju huwa rrikonoxxut kemm mill-Artikolu 8 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll mill-Artikolu 14 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonjiet Uniti fis-16 ta' Diċembru 1966, mhuwiex assolut. Min-naħa, dan id-dritt jista' jkun suġġett għal derogi f'każ ta' periklu pubbliku eċċezzjonali li jhedded l-eżistenza ta' nazzjon, kif jipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-Artikolu 4(1) ta' l-imsemmi Patt. Min-naħa l-oħra, anki barra dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, ċerti restrizzjonijiet għandhom jitqiesu bħala inerenti għal dan id-dritt, bħal mhuma r-restrizzjonijiet ġeneralment ammessi mill-Komunità tan-Nazzjonijiet kif jirriżultaw mid-duttrina ta' l-immunità ta' l-Istati (ara, f'dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Sentenzi Il-Prinċep Hans-Adam II tal-Liechtenstein vs il-Ġermanja tat-12 ta' Lulju 2001, Ġabra ta' Sentenzi u Deċiżjonijiet, 2001-VIII, punti 52, 55, 59 u 68, u McElhinney vs l-Irlanda tal-21 ta' Novembru 2001, Ġabra ta' Sentenzi u Deċiżjonijiet, 2001-XI, b'mod partikolari l-punti 34 sa 37) u ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali (ara f'dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Sentenza Waite et Kennedy vs il-Ġermanja tat-18 ta' Frar 1999, Ġabra ta' Sentenzi u Deċiżjonijiet, 1999‑I, punti 63 u 68 sa 73).

288   F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li r-restrizzjoni tad-dritt ta' aċċess għall-qorti tar-rikorrent, li tirriżulta mill-immunità minn proċeduri legali, li minnha jibbenefikaw fil-prinċipju, fis-sistema legali nazzjonali ta' l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet, skond il-prinċipju rilevanti tad-dritt internazzjonali (b'mod partikolari l-Artikoli 25 u 103 tal-Karta) hija inerenti għal dan id-dritt kif iggarantit mill-jus cogens.

289   Tali restrizzjoni hija ġġustifikata kemm min-natura tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill tas-Sigurtà huwa mwassal jieħu taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll mill-għan leġittimu li jrid jintlaħaq. Fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, l-interess tar-rikorrent li l-każ tiegħu jiġi mismugħ fuq il-mertu minn qorti mhuwiex biżżejjed sabiex jipprevali fuq l-interess ġenerali essenzjali li hemm sabiex tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali quddiem theddida ċarament identifikata mill-Kunsill tas-Sigurtà, skond id-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. F'dan ir-rigward, għandha tingħata importanza sinjifikattiva liċ-ċirkustanza li, 'l bogħod milli jipprevedu miżuri ta' żmien ta' applikazzjoni illimitat jew indeterminat, ir-riżoluzzjonijiet suċċessivament meħuda mill-Kunsill tas-Sigurtà dejjem ipprevedew mekkaniżmu ta' eżami mill-ġdid tal-possibbiltà li dawn il-miżuri jinżammu wara li jkun għadda terminu ta' 12 jew 18–il xahar jew iktar (ara l-punti 16, 25, 33 u 266 iktar 'il fuq).

290   Fl-aħħar, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li, fin-nuqqas ta' qorti internazzjonali kompetenti sabiex teżamina l-legalità ta' l-atti tal-Kunsill tas-Sigurtà, it-twaqqif ta' korp bħal mhuwa il-Kumitat tas-Sanzjonijiet u l-possibbiltà, prevista mit-testi, li f'kull mument issir talba lilu sabiex jinkiseb eżami mill-ġdid ta' kull każ individwali, permezz ta' mekkaniżmu formalment stabbilit, li jinvolvi kemm lill-"gvern mitlub" kif ukoll lill-"gvern li jidentifika" (ara l-punti 263 u 264 iktar 'il fuq), jikkostitwixxi mezz ieħor raġonevoli sabiex jiġu mħarsa b'mod adegwat id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent kif huma rrikonoxxuti mill-jus cogens.

291   Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrent bbażati fuq l-allegat ksur tad-dritt tiegħu għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv għandhom jiġu miċħuda.

292   Peress illi ebda waħda mir-raġunijiet u mill-argumenti tar-rikorrenti ma setgħat tiġi żviluppata, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

293   Taħt l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Taħt l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 87(4) l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Taħt l-Artikolu 87(6), f'il-każ li m'hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

294   B'rigward għaċ-ċirkustanzi tal-każ u għat-talbiet tal-partijiet, dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ġew applikati b'mod korrett jekk jiġi deċiż illi r-rikorrent għandu jbati, barra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż tal-Kunsill kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni sa' l-1 ta' Lulju 2002. Ir-Renju Unit u l-Kummissjoni – din ta' l-aħħar għal dak li jikkonċerna l-perijodu ta' qabel l-1 ta' Lulju 2002- għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeciedi :

1)      M'hemmx aktar lok li ttieħed deċiżjoni fuq it-talbiet għall-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 tas-6 ta' Marzu 2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta' ċertu merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta' titjiriet u jestendi l-friża [iffriżar] fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban ta' l- Afganistan u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 337/2000, u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2199/2001 tat-12 ta' Novembru 2001, li jemenda, għar-raba' darba, ir-Regolament Nru 467/2001.

2)      Ir-rikors huwa miċħud safejn huwa intiż kontra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001.

3)      Ir-rikorrent huwa kkundannat jbati, barra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż tal-Kunsill kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni sa' l-1 ta' Lulju 2002.

4)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq u l-Kummissjoni – din ta' l-aħħar għal dak li jikkonċerna l-perijodu ta' qabel l-1 ta' Lulju 2002- għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom..

Forwood

Pirrung

Mengozzi

Meij

 

Vilaras

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-21 ta' Settembru 2005.

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

       President


Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq il-konsegwenzi proċedurali ta' l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat

Fuq il-mertu

1.  Kunsiderazzjonijiet preliminari

2.  Fuq ir-raġuni bbażata fuq l-inkompetenza tal-Kunsill li jadotta r-regolament ikkontestat

Id-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza u r-risposti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Fuq it-tliet raġunijiet ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ispejjeż



1? Lingwa tal-kawża : l-Iżvediż