Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Ottubru 2011 - Technion - Israel Institute of Technology u Technion Research & Development vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-546/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Technion - Israel Institute of Technology (Haifa, l-Iżrael) u Technion Research & Development Foundation Ltd (Haifa) (rappreżentanti: D. Grisay u D. Piccininno, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tilqa' dan ir-rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

tiddikjarah ammissibbli u,

b'mod prinċipali, tiddikjara r-rikors fondat u tannulla d-deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja tal-Kummissjoni Ewropea tat-2 ta' Awwissu 2011,

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, jinqasam f'żewġ partijiet, ibbażati:

minn naħa, fuq l-assenza u l-insuffiċjenza ta' motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni ma ssemmix għal tnejn mill-erba' kuntratti kkonċernati l-ġustifikazzjoni u l-provi li fuqhom id-deċiżjoni kkontestata bbażat ruħha sabiex tasal għal aġġustament tal-ispejjeż eliġibbli;

min-naħa l-oħra, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn il-Kummissjoni opponiet li Technion - Israel Institute of Technology jieħu konjizzjoni u jikkummenta fuq id-dokumenti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest tal-evalwazzjoni sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovax, fuq il-bażi tal-provi invokati, li s-servizzi li tagħhom il-Kummissjoni tippretendi rimbors ma kinux fil-fatt ipprovduti.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta' aspettattivi leġittimi u ta' proporzjonalità inkwantu l-Kummissjoni:

adottat deċiżjoni ta' aġġustament tal-ispejjeż eliġibbli meta hija kienet approvat l-ispejjeż fil-mument li dawn il-proġetti ġew stabbiliti qabel l-iffirmar tal-kuntratti u

ppretendiet aġġustament tal-ispejjeż eliġibbli għal ammont li jeċċedi l-ammont li fir-rigward tiegħu hija tallega li pprovdiet provi.

____________