Language of document : ECLI:EU:F:2015:112

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

30 ta’ Settembru 2015

Kawża F‑14/12 RENV

Peter Schönberger

vs

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Kawża mibgħuta lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wara annullament – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2011 – Rifjut ta’ promozzjoni – Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFEU, applikabbli għat-Trattat KEFA taħt l-Artikolu 106a, li bih P. Schönberger kien qed jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea li ma jiġix promoss għall-grad AD 13 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2011.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat. Fil-Kawżi F‑14/12 u F-14/12 RENV, P. Schönberger għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea. Fil-Kawża T-26/14 P, il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll l-ispejjeż sostnuti minn P. Schönberger.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Rikorsi ppreżentati kontra deċiżjoni tar-rifjut ta’ promozzjoni – Motiv ibbażat fuq irregolarità tal-proċedura ta’ promozzjoni – Oneru tal-prova

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 6(2) u 91, sezzjoni B tal-Anness I)

2.      Uffiċjali – Ugwaljanza fit-trattament – Kunċett – Limiti

1.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni ta’ istituzzjoni li uffiċjal ma jiġix promoss, huwa dan tal-aħħar li għandu juri li, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tiegħu, l-annullament li huwa qed jipprova ġġib jista’ jiftaħlu l-prospett li jiġi promoss.

Kull proċedura ta’ promozzjoni hija neċessarjament indipendenti mill-proċeduri ta’ promozzjoni li jiġu qabel jew li jiġu wara, billi l-uffiċjali li l-merti tagħhom għandhom jitqabblu u l-kriterji definiti biex wieħed jipproċedi għal dan il-paragun huma speċifiċi għal kull proċedura ta’ promozzjoni.

(ara l-punti 46, 54 u 55)

2.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattamenti, differenti jew ugwali skont il-każ, ma jkunux oġġettivament iġġustifikati. B’hekk, id-differenzi eventwali bejn il-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet fir-rigward tal-uffiċjali tagħhom ma jistgħux jiġu invokati insostenn ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn uffiċjali ta’ istituzzjoni oħra.

(ara l-punti 60 u 62)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Sentenza tal-14 ta’ Frar 2007, Simões Dos Santos vs UASI, T‑435/04, EU:T:2007:50, punt 162, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Sentenza tad-29 ta’ April 2009, Balieu-Steinmetz u Noworyta vs Il-Parlament, F‑115/07, EU:F:2009:41, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata