Language of document : ECLI:EU:T:2019:671

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

24 ta’ Settembru 2019(*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-envelops standard/fuq katalogu u envelops speċjali stampati – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Annullament parzjali minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni – Deċiżjoni emendatorja – Proċedura għar-riżolviment – Multi – Ammont bażiku – Aġġustament eċċezzjonali – Limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali – Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Ugwaljanza fit-trattament – Kumulu tas-sanzjonijiet – Proporzjonalità – Ekwità – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T-466/17,

Printeos, SA, stabbilita f’Alcalá de Henares (Spanja),

Printeos Cartera Industrial, SL, stabbilita f’Alcalá de Henares,

Tompla Scandinavia AB, stabbilita fi Stokkolma (l-Isvezja),

Tompla France, stabbilita fi Fleury-Mérogis (Franza),

Tompla Druckerzeugnisse Vertriebs GmbH, stabbilita f’Leonberg (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn H. Brokelmann u P. Martínez-Lage Sobredo, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castilla Contreras, F. Jimeno Fernández u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 4112 finali, tas-16 ta’ Ġunju 2017, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 9295 finali, tal-10 ta’ Diċembru 2014, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (AT.39780 – Envelops), u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President tal-Awla, S. Frimodt Nielsen, V. Kreuschitz (Relatur), N. Półtorak u E. Perillo, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

1        Bid-Deċiżjoni tagħha C(2014) 9295 finali, tal-10 ta’ Diċembru 2014, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (AT.39780 – Envelops) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li, b’mod partikolari, ir-rikorrenti Printeos SA, Tompla Sobre Exprés SL, Tompla Scandinavia AB, Tompla France SARL u Tompla Druckerzeugnisse Vertriebs GmbH, kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) meta pparteċipaw, matul il-perijodu bejn it-8 ta’ Ottubru 2003 u t-22 ta’ April 2008, f’akkordju konkluż u implementat fis-suq Ewropew tal-envelops standard fuq katalogu u ta’ envelops speċjali stampati, inkluż fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Isvezja, fir-Renju Unit u fin-Norveġja. Dan l-akkordju kien intiż għall-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ bejgħ, għat-tqassim tal-klijenti u għall-iskambju tal-informazzjoni kummerċjali sensittiva. Minbarra r-rikorrenti, l-akkordju kien jinvolvi l-parteċipazzjoni tal-grupp Bong (iktar ’il quddiem “Bong”), tal-grupp GPV France SAS and Heritage Envelopes Ltd (iktar ’il quddiem “GPV”), tal-grupp Holdham SA (iktar ’il quddiem “Hamelin”) u tal-grupp Mayer-Kuvert (iktar ’il quddiem “Mayer-Kuvert”), li wkoll kienu destinatarji tad-deċiżjoni inizjali.

2        Id-deċiżjoni inizjali ġiet adottata fil-qafas ta’ proċedura għar-riżolviment skont l-Artikolu 10a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), u tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedura għar-riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008, C 167, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar ir-Riżolviment”).

3        Fir-rigward tal-ksur ikkonstatat (l-Artikolu 1(5) tad-deċiżjoni inizjali), il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti, flimkien u in solidum, multa fl-ammont ta’ EUR 4 729 000 (Artikolu 2(1)(e) tad-deċiżjoni inizjali).

4        Il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali kienet infetħet mill-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess, fuq il-bażi ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti li bagħtilha informatur. Fl-14 ta’ Settembru 2010, hija għamlet spezzjonijiet bis-saħħa tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 81) għand ir-rikorrenti u għand kumpanniji oħra involuti fl-akkordju fid-Danimarka, fi Spanja, fi Franza u fl-Isvezja. Fl-1 ta’ Ottubru 2010 u fil-31 ta’ Jannar 2011, saru spezzjonijiet oħra fil-Ġermanja (premessa 16 tad-deċiżjoni inizjali).

5        Fit-22 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti ressqu talba għall-klemenza quddiem il-Kummissjoni skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni”), (premessa 17 tad-deċiżjoni inizjali), kif ukoll talba analoga mal-Comisión Nacional de la Competencia, li wara ngħatat l-isem ġdid Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, Spanja, iktar ’il quddiem iċ-“CNC”).

6        Fil-15 ta’ Marzu 2011, iċ-CNC bdiet proċedura biex tinvestiga jekk kienx hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tar-regoli tal-kompetizzjoni Spanjoli analogi mwettaq, b’mod partikolari, minn Tompla Sobre Exprés, inklużi s-sussidjarji Spanjoli tagħha, imma fir-rigward biss tas-suq tal-envelops tal-karti fi Spanja (Każ S/0316/10, Sobres de papel (envelops tal-karti)). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tatx segwitu għal-talba tar-rikorrenti intiża sabiex tuża s-setgħa tagħha, abbażi tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, li tiftaħ il-proċedura u tieħu mingħand iċ-CNC il-kompetenza għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Din il-proċedura wasslet għall-adozzjoni, miċ-CNC, fil-25 ta’ Marzu 2013, ta’ deċiżjoni li imponiet fuq dawn il-kumpanniji multa totali fl-ammont ta’ EUR 10 141 530 minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq Spanjol, matul perijodu mill-1977 sal-2010, f’akkordji li kellhom bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-sejħiet għal offerti mnedija mill-amministrazzjoni Spanjola u li jirrigwardaw il-provvista ta’ envelops stampati minn qabel għall-elezzjonijiet u r-referenda fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali, id-distribuzzjoni tal-provvista ta’ envelops stampati minn qabel ta’ użu kummerċjali għal klijenti kbar, l-iffissar tal-prezzijiet ta’ envelops mhux stampati u l-limitazzjoni tat-teknoloġiji. Fuq rikors ippreżentat minn, b’mod partikolari, l-ewwel rikorrenti, l-Audiencia Nacional, Sala de lo Contencioso (il-Qorti Nazzjonali, awla tal-kontenzjuż, Spanja), annullat parzjalment din id-deċiżjoni biss sa fejn din kienet tirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta u bagħtet lura l-kawża quddiem iċ-CNC sabiex din tal-aħħar tiddetermina mill-ġdid l-imsemmi ammont b’mod konformi għall-kriterji legali applikabbli.

7        Billi l-partijiet kollha kkonċernati esprimew l-interess tagħhom li jieħdu sehem fid-diskussjonijiet ta’ riżolviment, il-Kummissjoni, fl-10 ta’ Diċembru 2013, bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 773/2004, li fil-qafas tagħha hija żammet laqgħat bilaterali ma’ kull waħda mill-partijiet (premessi 19 u 20 tad-deċiżjoni inizjali).

8        Matul laqgħa tal-21 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni ppreżentat lir-rikorrenti ħarsa ġenerali tal-akkordju, inkluża l-analiżi tagħha tal-provi li hija kellha.

9        Fl-24 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti kkomunikaw dokument informali msejjaħ “non paper” fejn talbu li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, l-ewwel nett, il-multa imposta miċ-CNC, għar-raġuni li dik il-multa kienet diġà ekwivalenti fiha nnifisha għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħhom fl-2012, it-tieni nett, il-fatt li huma kienu jiffurmaw grupp “monoprodott”, jiġifieri ddedikat għall-produzzjoni ta’ prodott wieħed biss u, it-tielet nett, il-paragrafu 37 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), li jippermetti li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ inkwistjoni, tkun tista’ ma tapplikax il-metodoloġija ġenerali għall-iffissar tal-ammont tal-multi jew tal-limiti stabbiliti fil-paragrafu 21 tal-istess linji gwida.

10      Minflok it-tieni laqgħa, bi qbil mar-rikorrenti, il-Kummissjoni, permezz ta’ posta elettronika tas-17 ta’ Ġunju 2014, ippreżentat ħarsa ġenerali tal-kriterji essenzjali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta, bħall-valur tal-bejgħ magħmul mir-rikorrenti fl-2007, jiġifieri EUR 143 316 000, u d-dħul mill-bejgħ tagħhom fl‑2013, jiġifieri EUR 121 728 000, kemm damet il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, eċċ. Ir-rikorrenti rrispondew b’posta elettronika tat-18 ta’ Ġunju 2014 fejn ikkonfermaw il-valur tal-bejgħ u d-dħul mill-bejgħ li qieset il-Kummissjoni u fejn iddikjaraw li ma kellhomx osservazzjonijiet sostanzjali f’dan ir-rigward.

11      Waqt laqgħa fl-24 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bil-metodi u bil-kriterji tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, jiġifieri, l-ewwel nett bil-proporzjon (15 %) tal-valur tal-bejgħ (EUR 143 316 000 fl-2007) użat għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, it-tieni nett, bit-tul tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti (erba’ snin u sitt xhur), it-tielet nett, bl-ammont addizzjonali ta’ 15 %, ir-raba’ nett, bl-assenza ta’ ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti, il-ħames nett, bin-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ fattur multiplikatur, is-sitt nett, bil-multa massima awtorizzata ta’ EUR 12 171 800 (10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tar-rikorrenti fl-2013), is-seba’ nett, bi tnaqqis eċċezzjonali tal-ammont tal-multa bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-linji gwida minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, inkluż il-fatt li l-ammonti bażiċi tal-partijiet kollha fl-akkordju jaqbżu l-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, it-tmien nett, bi tnaqqis supplimentari mmotivat min-natura “monoprodott” tal-grupp tar-rikorrenti, id-disa’ nett, bl-impossibbiltà li jingħata tnaqqis minħabba l-eżistenza tal-multa imposta miċ-CNC, billi l-akkordju li sabet din tal-aħħar kien separat minn dak ikkonstatat mill-Kummissjoni u kellu jiġi ssanzjonat indipendentement u skont ir-regoli applikabbli, differenti minn dawk applikati mill-Kummissjoni, l-għaxar nett, bi tnaqqis previst ta’ 50 % skont il-paragrafi 24 u 25 tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni, il-ħdax nett, bi tnaqqis previst ta’ 10 % skont il-paragrafu 32 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Riżolviment u, fl-aħħar nett, bl-iskala li tkopri l-ammont tal-multa, minn EUR 4 610 000 sa EUR 4 848 000, li l-ammont massimu tagħha għandu jiġi aċċettat mir-rikorrenti fil-proposta tagħhom ta’ riżolviment.

12      Fis-7 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw il-proposta tagħhom ta’ riżolviment u aċċettaw il-valur tal-bejgħ u d-dħul mill-bejgħ li użat il-Kummissjoni kif ukoll l-ammont massimu tal-multa ta’ EUR 4 848 000.

13      Il-Kummissjoni adottat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fit-18 ta’ Novembru 2014.

14      Fl-20 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti kkonfermaw, skont il-paragrafu 26 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Riżolviment, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tikkorrispondi mal-kontenut tal-proposta ta’ riżolviment tagħhom u li huma jibqgħu impenjati li jsegwu l-proċedura għar-riżolviment.

15      Fid-deċiżjoni inizjali, fir-rigward tal-kalkolu tal-multi imposti, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont bażiku ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati (premessi 71 sa 84 tad-deċiżjoni inizjali) kif huwa miġbur fil-qosor fit-tabella li ġejja:

Impriża

Valur tal-bejgħ EUR

Koeffiċjent ta’ gravità %

Tul

Ammont addizzjonali %

Ammont bażiku EUR

Bong

140 000 000

15

4.5

15

115 500 000

[…]GPV

125 086 629

15

4.5

15

103 196 000

Hamelin

185 521 000

15

4.416

15

150 717 000

Mayer-Kuvert

70 023 181

15

4.5

15

57 769 000

Printeos […]

143 316 000

15

4.5

15

118 235 000


16      Barra minn hekk, fil-premessi 85 sa 87 tad-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx hemm lok li jiġu aġġustati l-ammonti bażiċi bis-saħħa tal-paragrafi 28 u 29 tal-linji gwida, bl-eċċezzjoni tal-każ Mayer-Kuvert fejn kellu jiġi applikat tnaqqis ta’ 10 % minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħha fil-ksur.

17      Taħt it-titolu “Aġġustament tal-ammonti bażiċi”, il-Kummissjoni kkonstatat li, peress li l-bejgħ mill-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati kien sar f’suq wieħed biss, fejn huma kienu pparteċipaw f’akkordju għal diversi snin, fil-prattika, l-ammonti kollha tal-multi setgħu jilħqu l-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali u li l-applikazzjoni ta’ dan il-limitu massimu tkun ir-regola iktar milli l-eċċezzjoni (premessa 88 tad-deċiżjoni inizjali). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali fejn ġie osservat li approċċ bħal dan jista’ jagħti lok għal dubji fid-dawl tal-prinċipju li jgħid li penalità għandu jkollha konnessjoni immedjata mal-ksur kif ukoll mal-awtur tiegħu, sa fejn tista’ twassal, f’ċerti kundizzjonijiet, għal sitwazzjoni fejn kull differenzazzjoni skont il-gravità tal-ksur jew taċ-ċirkustanzi attenwanti ma tkunx tista’ taffettwa iktar l-ammont ta’ multa (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni, T-211/08, EU:T:2011:289, punt 75). Wara li ttieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien xieraq li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha u li tapplika l-paragrafu 37 tal-linji gwida li jippermettilha ma tapplikax il-metodoloġija tal-linji gwida (premessi 89 u 90 tad-deċiżjoni inizjali).

18      Il-premessi 91 u 92 tad-deċiżjoni inizjali huma fformulati kif ġej:

“(91) F’dan il-każ, l-ammont bażiku huwa aġġustat b’mod li jieħu inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ tal-prodott ikkartellizzat meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ totali, kif ukoll mad-differenzi bejn il-partijiet skont il-parteċipazzjoni individwali tagħhom fil-ksur. Inġenerali, il-multi jkunu stabbiliti f’livell li huwa proporzjonat mal-ksur u li jipproduċi effett dissważiv suffiċjenti.

Għaldaqstant, tnaqqis se jiġi applikat għall-multi kkalkolati għall-partijiet kollha. Fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, fid-dawl tal-fatt li l-partijiet kollha kienu attivi, fi grad differenti, imma importanti, fil-bejgħ tal-envelops standard fuq katalogu u tal-envelops speċjali stampati, huwa propost li jsir tnaqqis ta’ 98 % tal-multa li trid tiġi imposta għall-ksur imwettaq minn GVP, ta’ 90 % għal Tompla, ta’ 88 % għal Bong u Mayer-Kuvert, kif ukoll ta’ 85 % għal Hamelin.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

19      Ir-riżultat ta’ dan l-aġġustament tal-ammonti bażiċi jista’ jinġabar fil-qosor kif se jingħad (ara wkoll it-tabella esposta fil-premessa 93 tad-deċiżjoni inizjali):

Impriża

Ammont bażiku qabel l-aġġustament EUR

Tnaqqis %

Ammont bażiku wara l-aġġustament EUR

Bong

115 500 500

88

13 860 000

GPV

103 196 000

98

2 063 920

Hamelin

150 717 000

85

22 607 550

Mayer-Kuvert

57 769 000

88

6 932 280

Printeos

118 235 000

90

11 823 500


20      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonċediet lir-rikorrenti tnaqqis supplimentari tal-ammont tal-multa ta’ 50 % skont il-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni u ta’ 10 % bis-saħħa tal-paragrafu 32 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Riżolviment (premessi 99, 102 u 103 tad-deċiżjoni inizjali). Bis-saħħa tar-regoli rilevanti korrispondenti, Hamelin u Mayer-Kuvert ingħataw kull waħda, tnaqqis tal-ammont tal-multi tagħhom ta’, rispettivament, 25 % u 10 % (kooperazzjoni) u ta’ 10 % (riżolviment) (premessi 100 sa 103 tad-deċiżjoni inizjali).

21      Fl-aħħar nett, mill-premessi 104 sa 108 tad-deċiżjoni inizjali, taħt it-titolu “Kapaċità kontributtiva”, jirriżulta li, wara talbiet sostnuti minn evidenza mressqa minn Bong u minn Hemelin bis-saħħa tal-paragrafu 35 tal-linji gwida, il-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-multi tagħhom għal EUR 3 118 000 u għal EUR 4 996 000, rispettivament. Ir-rikorrenti la ressqu talba analoga mal-Kummissjoni u lanqas ma kisbu tnaqqis skont l-imsemmi paragrafu.

B.      Is-sentenza fil-Kawża T-95/15

22      Wara li r-rikorrenti ppreżentaw rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiż, prinċipalment, għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni inizjali, il-Qorti Ġenerali, b’sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15, EU:T:2016:722), annullat l-Artikolu 2(1)(e) tad-deċiżjoni inizjali għar-raġuni li din kienet ivvizzjata b’motivazzjoni insuffiċjenti fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni, T-95/15, EU:T:2016:722, punti 57 u 58 u punt 1 tad-dispożittiv).

23      Il-kunsiderazzjonijiet insostenn ta’ dan l-annullament huma esposti fil-punti 45 sa 56 tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T‑95/15, EU:T:2016:722).

24      Is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15, EU:T:2016:722), saret definittiva.

C.      Is-sentenza fil-Kawża T-201/17

25      Wara li l-ewwel rikorrenti ppreżentat rikors ġdid, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Marzu 2017, li s-suġġett tiegħu kien, prinċipalment, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li jirriżulta mir-rifjut tal-Kummissjoni li tħallasha interessi moratorji fuq l-ammont prinċipali tal-multa mħallas lura wara l-annullament tad-deċiżjoni inizjali, il-Qorti Ġenerali, b’sentenza tat-12 ta’ Frar 2019, Printeos vs Il-Kummissjoni (T-201/17, taħt appell, EU:T:2019:81), ikkundannat lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, sabiex tikkumpensa d-dannu mġarrab mill-ewwel rikorrenti billi tħallasha s-somma ta’ EUR 184 592.95, flimkien mal-interessi moratorji. Il-Kummissjoni appellat minn din is-sentenza, appell li ġie rreġistrat bin-numru C‑301/19 P.

D.      Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura amministrattiva u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

26      Wara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T‑95/15, EU:T:2016:722), il-Kummissjoni, fid-29 ta’ Marzu 2017, bagħtet ittra lir-rikorrenti fejn informathom bl-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni ġdida li timponilhom l-istess ammont tal-multa bħal dak tal-multa imposta fid-deċiżjoni inizjali, filwaqt li ppreċiżat il-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multi imposti fuq l-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari l-metodoloġija segwita skont il-paragrafu 37 tal-linji gwida. Hija stiednet ukoll lir-rikorrenti sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu ta’ tliet ġimgħat li jibdew jiddekorru minn meta tirċievi l-imsemmija ittra.

27      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ April 2017, ir-rikorrenti ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom billi sostnew li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida kienet tmur kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem, peress li l-annullament tad-deċiżjoni inizjali bis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T‑95/15, EU:T:2016:722), ma kienx ta’ natura purament proċedurali u peress li l-imsemmija deċiżjoni kisret ukoll id-dritt fundamentali tagħhom għal amministrazzjoni tajba, previst fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Barra minn hekk, ir-rikorrenti qiesu li l-multa ppjanata kienet diskriminatorja fir-rigward tagħhom u li, b’mod konformi mas-sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4, punt 11), għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-multa li kienet ġiet imposta fuqhom miċ-CNC fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Marzu 2013.

28      Permezz tad-Deċiżjoni C(2017) 4112 finali, tas-16 ta’ Ġunju 2017, li temenda d-deċiżjoni inizjali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), indirizzata lir-rikorrenti biss, il-Kummissjoni imponitilhom, flimkien u in solidum, multa ta’ EUR 4 729 000 (Artikoli 1 u 3, kif ukoll il-premessi 8 u 9 tal-imsemmija deċiżjoni).

29      Fl-ewwel lok, fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa rrilevat li l-annullament parzjali mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni inizjali minħabba motivazzjoni insuffiċjenti kellha biss portata proċedurali. Għaldaqstant, dan l-annullament ma jistax jiġi kklassifikat bħala li tikkonstata li r-rikorrenti ma humiex ħatja fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C‑245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, EU:C:2002:582, punti 59 sa 63 u 693 sa 695), u l-Kummissjoni kellha d-dritt li tkompli l-proċedura amministrattiva sal-punt fejn kienet seħħet l-illegalità (sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2014, Lucchini vs Il-Kummissjoni, T-91/10, EU:T:2014:1033, punt 173, u tad-9 ta’ Diċembru 2014, SP vs Il-Kummissjoni, T‑472/09 u T-55/10, EU:T:2014:1040, punt 277).

30      Fit-tieni lok, fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ppreċiżat li din id-deċiżjoni “tipprovdi informazzjoni supplimentari dwar il-metodoloġija applikata u dwar il-fatti meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina u taġġusta l-ammonti bażiċi tal-multa, kif indikat fil-premessi 88 sa 93 tad-deċiżjoni [inizjali]”.

31      Fit-tielet lok, fil-premessi 10 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega l-metodoloġija u r-raġunijiet tal-“aġġustamenti” tal-ammonti bażiċi tal-multi, skont il-paragrafu 37 tal-linji gwida, li fuqhom huma bbażati l-premessi 88 sa 95 tad-deċiżjoni inizjali.

32      Fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li ħadet inkunsiderazzjoni t-tnaqqis minimu neċessarju sabiex l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq kull waħda mill-impriżi kkonċernati jkun taħt il-limitu ta’ 10 % filwaqt li jiġi żgurat li l-ammont bażiku aġġustat jirrifletti n-natura paragunabbli tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju. Fl-istess premessa huwa speċifikat ukoll li tnaqqis uniformi għall-impriżi kollha kkonċernati kien iwassal għal sitwazzjoni fejn kull waħda minnhom kienet tibbenefika, b’mod mhux iġġustifikat, mit-tnaqqis minimu neċessarju sabiex l-ammont bażiku jkun taħt il-limitu ta’ 10 % tal-impriża li l-ammont bażiku tagħha kien jaqbeż bil-ħafna l-imsemmi limitu, jiġifieri GPV, fatt li kien jagħti lok għal multi li ma jkunux jirriflettu l-gravità tal-ksur tagħhom u li ma jiżgurawx effett dissważiv suffiċjenti.

33      Fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa espost li l-Kummissjoni, l-ewwel nett, aġġustat l-ammont bażiku għal kull waħda mill-impriżi kkonċernati billi ħadet inkunsiderazzjoni l-parti tal-valur tal-bejgħ tal-prodott suġġett għal kartell meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ globali (iktar ’il quddiem il-“proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ”). Issa, l-aġġustamenti mwettqa fid-deċiżjoni inizjali kienu wkoll intiżi sabiex jiġi żgurat li l-multi adottati dejjem jirriflettu l-gravità globali tal-ksur, mingħajr madankollu ma jkun hemm distorsjoni tal-piż relattiv tal-ammonti bażiċi rispettivi tal-impriżi kkonċernati li kien jikkorrispondi għall-involviment paragunabbli tagħhom fl-akkordju. Dawn l-elementi ta’ metodoloġija kellhom effett fuq it-tnaqqis individwali mogħti lill-kull waħda mill-impriżi kkonċernati.

34      Skont il-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjoni inizjali ħadet inkunsiderazzjoni l-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ ta’ kull impriża kkonċernata, ikkalkolata inkwantu proporzjon tad-dħul mill-bejgħ totali mill-bejgħ ta’ envelops meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ dinji totali fl-2012. Impriża bi proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ ogħla bbenefikat minn tnaqqis prodott/dħul mill-bejgħ ikbar, jew minn tal-inqas l-istess bħal dak mogħti lil impriża bi proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ iktar baxxa. Il-proporzjonijiet esposti fit-Tabella A juru li l-impriżi kollha, ħlief għal Hamelin, kellhom proporzjonijiet individwali prodott/dħul mill-bejgħ għoljin ħafna. Issa, wara t-trasferiment tal-assi tagħha għall-produzzjoni tal-envelops, Hamelin ma wettqitx iktar bejgħ tal-prodotti suġġetti għal kartell fl-2012, u din hija r-raġuni għaliex il-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ tagħha kien ġie stmat billi d-dħul mill-bejgħ tagħha għall‑2012 ġie pparagunat mal-bejgħ tal-prodott suġġett għal kartell mwettaq mill-ex sussidjarja tagħha.

35      Fil-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata huwa osservat li t-tnaqqis ta’ 98 % mogħti lil GPV kien neċessarju sabiex id-dħul mill-bejgħ tagħha jkun taħt il-limitu ta’ 10 %. Peress li GPV kienet l-impriża bl-għola proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ, l-impriżi l-oħra bbenefikaw minn tnaqqis iżgħar, iddeterminat fuq bażi individwali u li kien jirrifletti kemm il-proporzjonijiet prodott/dħul mill-bejgħ rispettivi tagħhom kif ukoll il-piż relatat mal-ammonti bażiċi li kienu ġew attribwiti lilhom.

36      Fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ppreċiżat li sempliċi tnaqqis lineari bbażat fuq il-proporzjonijiet prodott/dħul mill-bejgħ individwali kien iwassal għal riżultati mhux ġustifikati u jikkawża distorsjoni tal-piż relattiv tal-ammonti bażiċi. Bis-saħħa ta’ tali approċċ, pereżempju, l-ammont bażiku aġġustat ta’ Mayer-Kuvert (bi proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ ta’ 76 %) kien ikun ogħla mill-ammont bażiku aġġustat tar-rikorrenti (bi proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ ta’ 90 %), filwaqt li, qabel l-aġġustament, l-ammont bażiku tagħhom kien jirrappreżenta iktar mid-doppju ta’ dak ta’ Mayer-Kuvert. Il-metodoloġija użata fid-deċiżjoni inizjali kienet għalhekk intiża, għal raġunijiet ta’ ekwità, għall-istabbiliment mill-ġdid tal-bilanċ bejn l-ammonti bażiċi aġġustati billi jiġi stabbilit tnaqqis individwali li ma jirriflettix biss il-proporzjonijiet prodott/dħul mill-bejgħ, iżda wkoll in-natura paragunabbli tal-involviment individwali tal-impriżi kkonċernati, hekk kif jirriżulta mill-ammonti bażiċi mhux aġġustati.

37      Fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li kkunsidrat li, minkejja li Hamelin kellha proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ kunsiderevolment iktar baxxa minn dak tal-impriżi l-oħra, kien neċessarju li l-multa li kellha tiġi imposta fuqha titnaqqas ukoll sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rwol tagħha fl-akkordju kien simili għal dak tal-imsemmija impriżi. Fid-dawl tal-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ tagħha, it-tnaqqis tal-ammont bażiku ta’ Hamelin huwa l-iżgħar wieħed meta mqabbla ma’ dak li minnu kienu bbenefikaw l-impriżi l-oħra kollha.

38      Mill-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, li kieku l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-tieni parti ta’ din il-metodoloġija u li kieku bbażat it-tnaqqis biss fuq il-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati, Hamelin ma kinitx tibbenefika minn tnaqqis u l-ammont bażiku tagħha kien ikun madwar 1 275 % ogħla mill-ammont bażiku aġġustat tar-rikorrenti, filwaqt li l-valur tal-bejgħ ta’ Hamelin kien biss 30 % ogħla minn dak tal-bejgħ tar-rikorrenti.

39      Fil-premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata ġie deċiż li r-riżultat tal-metodu magħżul u tat-tnaqqis mogħti huwa li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Hamelin jirrifletti l-involviment paragunabbli tagħha fl-akkordju, kif ukoll il-gravità u t-tul tal-ksur, u huwa ta’ natura suffiċjentement dissważiva.

40      It-tabella A esposta fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata tikkorrispondi essenzjalment għal dik li tidher fil-punt 50 tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15, EU:T:2016:722), filwaqt li żżid kolonna addizzjonali li tesponi l-proporzjonijiet prodott/dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati għas-sena 2012 (ara l-punt 34 iktar ’il fuq).

Impriża

V[alur tal-bejgħ EUR] (2007)

Koeffiċjent ta’ gravità %

Tul (snin)

Ammont addizzjonali

Ammont bażiku EUR

Proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ

Aġġustament/Tnaqqis

Ammont bażiku aġġustat

GPV

125 086 629

15 %

4.5

15 %

103 196 000

93 %

0.98

2 063 920

[Printeos]

143 316 000

15 %

4.5

15 %

118 235 000

90 %

0.90

11 823 500

Bong

140 000 000

15 %

4.5

15 %

115 500 000

80 %

0.88

13 860 000

Mayer-Kuvert

70 023 181

15 %

4.5

15 %

57 769 000

76 %

0.88

6 932 280

Hamelin

185 521 000

15 %

4.416

15 %

150 717 000

17 %

0.85

22 607 550


41      Skont il-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, l-istadji l-oħra tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-multi segwit fid-deċiżjoni inizjali ma humiex affettwati mis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15, EU:T:2016:722), b’tali mod li dawn ma humiex spjegati mill-ġdid fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, fid-dawl tat-talba tar-rikorrenti, magħmula fl-ittra tagħhom tas-17 ta’ April 2017, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-multa imposta miċ-CNC, il-Kummissjoni tindika li hija tat risposta għaliha fil-premessi 46 sa 55 tal-imsemmija deċiżjoni.

42      Fir-raba’ lok, fil-premessi 46 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, huma wkoll ippreċiżati r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tiċħad l-imsemmija talba billi tfakkar li, matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, hija kienet diġà informat lir-rikorrenti li la kienet tikkunsidra neċessarju u lanqas opportun li tieħu inkunsiderazzjoni l-multa imposta miċ-CNC. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq il-prassi deċiżjonali rispettiva tagħha (Deċiżjoni tal-Kummissjoni 89/515/KEE tat-2 ta’ Awwissu 1989 dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.553 – Xbieki tal-metall iwweldjati) (ĠU 1989, L 260, p. 1)), kif ukoll fuq is-sentneza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4).

43      Fil-ħames lok, fil-premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda l-aġġustament tal-ammonti bażiċi tal-multi abbażi tal-paragrafu 37 tal-linji gwida, il-Kummissjoni tiċħad l-argument tar-rikorrenti, magħmul fl-ittra tagħhom tas-17 ta’ April 2017, li jgħid li, minn naħa, it-tnaqqis tal-ammonti bażiċi huwa diskriminatorju fir-rigward tagħhom u li, min-naħa l-oħra, huma kellhom jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ 95.3671 % sabiex tkun debitament riflessa l-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ tagħhom.

44      Fil-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata, b’risposta għall-argument tar-rikorrenti li jgħid li jeżistu differenzi evidenti fir-rigward tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali, il-Kummissjoni tosserva, essenzjalment, li t-tnaqqis ma kienx intiż sabiex jiġi stabbilit f’livell li jiggarantixxi li r-relazzjoni bejn l-ammonti bażiċi aġġustati u d-dħul mill-bejgħ globali tkun l-istess għall-impriżi kollha kkonċernati. Fl-opinjoni tagħha, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li fuq impriża tiġi imposta, bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammonti bażiċi tal-multi, multa li tirrapreżenta perċentwali tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha li hija ikbar min dik li hija rrappreżentata mill-multi imposti rispettivament fuq kull waħda mill-impriżi l-oħra, ma jmurx kontra l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

45      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

46      Fuq proposta tal-Ħames Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat lura l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

47      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet lill-Kummissjoni mistoqsija bil-miktub dwar id-determinazzjoni tal-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ ta’ GPV. Il-Kummissjoni wieġbet din il-mistoqsija fit-terminu previst.

48      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ April 2019.

49      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata billi tagħti, minn naħa, tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa ta’ 95.3671 % abbażi tal-paragrafu 37 tal-linji gwida u, min-naħa l-oħra, tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa, wara t-tnaqqis abbażi tal-komunikazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni u dwar ir-riżolviment, ta’ mill-inqas 33 %;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

50      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għaliex infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

III. Id-dritt

A.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ne bis in idem

51      Ir-rikorrenti jikkontestaw in-natura proċedurali tal-annullament parzjali tad-deċiżjoni inizjali bis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15, EU:T:2016:722), l-istess bħas-sitwazzjonijiet fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, EU:C:2002:582), jew tas-27 ta’ Ġunju 2012, Bolloré vs Il-Kummissjoni (T-372/10, EU:T:2012:325). L-illegalitajiet li jivvizzjaw din id-deċiżjoni tant huma gravi li jistgħu biss jiġu kklassifikati bħala sostanzjali. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni inizjali tant huwa gravi li ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa sempliċi difett proċedurali. Kif jirriżulta mill-punti 53 sa 55 tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15, EU:T:2016:722), fis-seduta fil-Kawża T-95/15, il-Qorti Ġenerali kienet imġiegħla tfakkar id-dmir tagħha li teżamina ex officio n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni, fatt li ġie nnotat fil-proċess verbali tas-seduta. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni ġie promoss għal-livell ta’ dritt fundamentali, iggarantit mill-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, b’tali mod li, mid-dħul fis-seħħ tagħha, il-ġurisprudenza preċedenti li tikklassifika n-nuqqas ta’ motivazzjoni bħala sempliċi difett proċedurali ma għadiex attwali.

52      Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni inizjali hija wkoll ivvizzjata b’difett sostantiv ieħor, jiġifieri użu ħażin ta’ poter, invokat fir-replika fil-Kawża T-95/15, peress li l-Kummissjoni ressqet intenzjonalment fatti mhux eżatti sabiex tiġġustifika l-aġġustamenti tal-ammonti bażiċi tal-multi. Fil-fatt, filwaqt li fil-premessa 92 tad-deċiżjoni inizjali kien hemm indikat li “l-partijiet kollha kienu attivi, fi gradi differenti iżda sinjifikattivi, fis-settur tal-envelops”, fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata ġie rrikonoxxut li Hamelin ma kinitx impriża “monoprodott”. Madankollu, fit-Tabella A, esposta fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, proporzjon “monoprodott” ta’ 17 %, fil-verità ta’ 0 % fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, kien ingħata lil Hamelin għaliex, minħabba t-trasferiment fl‑2010 tal-assi tagħha ta’ produzzjoni ta’ envelops, hija ma kienet tagħmel ebda bejgħ tal-prodott suġġett tal-kartell fl-2012, jiġifieri s-sena rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-proporzjon “monoprodott”. Din l-użu ħażin ta’ poter huwa kkonfermata, b’mod partikolari, mill-punt 54 tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15, EU:T:2016:722), li jirrikonoxxi li r-raġunament espost fid-deċiżjoni inizjali kien imur kontra l-verità.

53      Il-gravità ta’ dawn l-illegalitajiet sostantivi li jivvizzjaw id-deċiżjoni inizjali, li ma jistgħux jiġu korretti, tipprekludi lill-Kummissjoni milli timponi mill-ġdid is-sanzjoni diġà imposta fl-imsemmija deċiżjoni. Dan l-approċċ imur kontra n-natura definittiva tad-deċiżjoni inizjali, li d-deċiżjoni tagħha dwar l-eżistenza tal-ksur ma ġietx ikkontestata, u jikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, kif applikabbli għall-proċeduri fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tiżdied, mingħajr ma tissostitwixxiha, mad-deċiżjoni inizjali li saret definittiva f’dak li jirrigwarda l-parti li ma ġietx ikkontestata. Din in-natura definittiva tipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni oħra li tissostitwixxi, li temenda jew li tikkompleta, mingħajr bażi legali, deċiżjoni mhux annullata, fis-seħħ u definittiva.

54      Id-deċiżjoni kkontestata tmur ukoll kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Kuntrarjament, b’mod partikolari, għas-sitwazzjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, EU:C:2002:582), fejn l-ewwel deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ annullament totali, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15, EU:T:2016:722), kienet limitata li tannulla l-Artikolu 2(1)(e) tad-deċiżjoni inizjali, b’tali mod li din tal-aħħar saret definittiva fil-partijiet l-oħra tagħha. Issa, fl-assenza ta’ bażi legali rilevanti fir-Regolament Nru 1/2003 għal dan il-għan, bħal dik prevista fl-Artikolu 9(2) tiegħu, mhux applikabbli f’dan il-każ, l-emenda ta’ deċiżjoni definittiva tikser il-prinċipji ġenerali msemmija iktar ’il fuq. Mid-deċiżjoni kkontestata lanqas ma jirriżulta b’mod ċar jekk din tirrigwardax “emenda” fil-veru sens tal-kelma, kif dan huwa indikat fit-titolu tagħha, “adozzjoni mill-ġdid” (premessa 7) jew “sostituzzjoni” (Artikolu 1 tad-dispożittiv), filwaqt li l-motivazzjoni l-ġdida hija meqjusa li tiżdied mad-deċiżjoni inizjali minflok ma tissostitwixxi l-motivazzjoni preċedenti. F’kull każ, fl-assenza ta’ bażi ġuridika, ma hemmx lok li d-deċiżjoni inizjali u definittiva tiġi emendata billi tiżdied “informazzjoni addizzjonali” fid-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti jippreċiżaw li s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, EU:C:2002:582), ma tirrikonoxxix il-“possibbiltà li l-Kummissjoni timmotiva b’mod iktar dettaljat il-kalkolu tal-multa” jew li “tirregolarizza” difett sostantiv, iżda biss dik li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura sabiex tikkoreġi difetti formali jew proċedurali li jivvizzjaw id-deċiżjoni annullata, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża, fid-dawl tan-natura gravi tal-użu ħażin ta’ poter imwettaq.

55      Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud għaliex infondat.

56      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, meta l-Qorti Ġenerali tannulla att tal-istituzzjonijiet, dawn huma obbligati, skont l-Artikolu 266 TFUE, li jieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex jissodisfaw dan l-obbligu, l-istituzzjonijiet ikkonċernati huma obbligati josservaw mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza ta’ annullament, iżda wkoll il-motivi li wasslu għal dan u li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tiegħu, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiġi stabbilit is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni kkunsidrata bħala illegali u li, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat. Issa, l-annullament ta’ att tal-Unjoni ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji tiegħu, u lanqas ma jwassal neċessarjament għall-annullament tal-proċedura kollha preċedenti għall-adozzjoni tal-imsemmi att indipendentement mill-motivi, fuq il-mertu jew proċedurali, tas-sentenza ta’ annullament. Konsegwentement, ħlief sa fejn l-irregolarità kkonstatata tkun ivvizzjata b’nullità l-proċedura kollha, l-imsemmija istituzzjonijiet jistgħu, sabiex jiġi adottat att intiż li jissostitwixxi att annullat jew invalidat preċedenti, jiftħu mill-ġdid il-proċedura fl-istadju meta din l-irregolarità tkun twettqet, mingħajr ma jkun neċessarju li l-possibbiltà li l-proċedura tinfetaħ mill-ġdid tkun espressament prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli sabiex l-istituzzjonijiet awturi ta’ att annullat ikunu jistgħu jirreferu għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2013, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-587/12 P, EU:C:2013:721, punt 12, u tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C-283/14 u C-284/14, EU:C:2016:57, punti 48 sa 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Dawn il-prinċipji japplikaw mutatis mutandis fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, meta l-qorti tal-Unjoni tannulla deċiżjoni minħabba illegalità, mingħajr ma tiddeċiedi hija stess dwar il-materjalità tal-ksur u fuq is-sanzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C‑250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, EU:C:2002:582, punti 72, 73 u 693).

58      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, meta l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata huwa bbażat fuq difett proċedurali, bħall-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, u l-qorti tal-Unjoni ma użatx is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tbiddel il-multa imposta, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tadotta deċiżjoni ġdida li timponi multa fir-rigward tar-rikorrent. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tippreżupponi li tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-materjalità tal-ksur jew li l-legalità tal-evalwazzjoni magħmula fuqha tkun ġiet mistħarrġa. Għalhekk, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi biss evalwazzjoni ġdida fuq il-mertu tal-materjalità tal-ksur, li jkollha bħala konsegwenza l-impożizzjoni jew ta’ sanzjoni oħra, flimkien mal-ewwel waħda, fil-każ fejn jerġa jiġi kkonstatat li hemm responsabbiltà, jew ta’ sanzjoni inizjali, fil-każ fejn ir-responsabbiltà, li ma ġietx stabbilita permezz tal-ewwel deċiżjoni, tiġi stabbilita mit-tieni waħda. Min-naħa l-oħra, dan il-prinċipju fih innifsu ma jipprekludix it-tkomplija ta’ azzjonijiet legali li s-suġġett tagħhom huwa l-istess aġir antikompetittiv meta l-ewwel deċiżjoni tkun ġiet annullata għal raġunijiet ta’ forma mingħajr ma tkun ingħatat deċiżjoni fuq il-mertu tal-fatti kkontestati, peress li f’dawn iċ-ċirkustanzi d-deċiżjoni ta’ annullament ma tistax titqies li hija “nuqqas ta’ sejbien ta’ ħtija” fis-sens mogħti lil din l-espressjoni fil-kwistjonijiet kriminali. F’tali każ, is-sanzjonijiet imposti mid-deċiżjoni l-ġdida ma jiżdidux ma dawk imposti fid-deċiżjoni annullata iżda jissostitwixxuhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, EU:C:2002:582, punti 60 sa 62 u 693 sa 695).

59      Il-Qorti Ġenerali tqis li ma teżisti ebda raġuni li tiġġustifika approċċ differenti fil-każ ta’ annullament, minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, ta’ deċiżjoni li timponi multa, għas-sempliċi raġuni li din id-deċiżjoni ġiet adottata wara proċedura għar-riżolviment. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 56 sa 58 iktar ’il fuq għandhom japplikaw mutatis mutandis fil-każ ta’ annullament parzjali biss ta’ tali deċiżjoni, meta dan l-annullament ikopri biss il-parti li timponi multa, bħal f’dan il-każ l-Artikolu 2(1)(e) tad-deċiżjoni inizjali, filwaqt li jippreżerva l-parti ta’ din id-deċiżjoni li tistabbilixxi, b’mod definittiv, ir-responsabbiltà tal-impriża kkonċernata għall-ksur imwettaq. Fil-fatt, f’każ bħal dan, evalwazzjoni mill-ġdid fuq il-mertu tal-materjalità tal-ksur li l-konsegwenza tagħha tkun li l-imsemmija impriża tiġi ssanzjonata għal darba oħra hija, a fortiori, eskluża. Għaldaqstant, l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhom mill-ewwel jiġu miċħuda għaliex infondati.

60      Għalhekk, għandu jiġi evalwat jekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, fid-dawl kemm tad-dispożittiv tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15, EU:T:2016:722), li tannulla, parzjalment, id-deċiżjoni inizjali, kif ukoll tal-motivi essenzjali insostenn tiegħu esposti fl-imsemmija sentenza, il-Kummissjoni kellha d-dritt tirregolarizza l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni kkonstatata u ssanzjonata permezz tal-annullament deċiż permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li għandha motivazzjoni emendata jew ikkompletata u li timponi fuq ir-rikorrenti l-istess multa bħal dik li kienet ġiet imposta fuqhom fid-deċiżjoni inizjali.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15, EU:T:2016:722), il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tannulla l-Artikolu 2(1)(e) tad-deċiżjoni inizjali għar-raġuni li din kienet ivvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni, T-95/15, EU:T:2016:722, punti 57 u 58).

62      Dawn il-punti jipprovdu kif ġej:

“57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm għalhekk lok li jiġi konkluż li d-deċiżjoni [inizjali] hija vviżjata b’motivazzjoni insuffiċjenti u l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ sa fejn dan huwa msejjes fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

58      Għaldaqstant, l-Artikolu 2(1)(e) tad-deċiżjoni [inizjali] għandu jiġi annullat, mingħajr il-bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-ilment ta’ użu ħażin ta’ poter u fuq it-tieni u t-tielet motivi, kif ukoll dwar l-ammissibbiltà ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni kap tat-talbiet, invokat sussidjarjament.”

63      Bħalma ssostni l-Kummissjoni, minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali rrinunċjat milli tiddeċiedi fuq il-motivi l-oħra mqajma fil-Kawża T-95/15 li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni inizjali, inkluż dak tal-użu ħażin ta’ poter invokat mir-rikorrenti fir-replika. Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li d-dispożittiv ta’ annullament kien ibbażat fuq il-konstatazzjoni ta’ vizzju sostanzjali, jew saħansitra ta’ użu ħażin ta’ poter, li kien jikkonsisti, essenzjalment, fl-allegazzjoni li l-Kummissjoni esponiet raġunijiet kuntrarji għall-verità jew għar-realtà.

64      Fir-rigward tal-konsegwenzi legali tal-imsemmi dispożittiv ta’ annullament, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, l-effett ta’ dan id-dispożittiv kien biss li jiddikjara “id-deċiżjoni inkwistjoni bħala nulla”, jiġifieri l-Artikolu 2(1)(e) tad-deċiżjoni inizjali, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-grad ta’ “gravità” tad-difett proċedurali kkonstatat, u lanqas tal-istatus legali tar-regola proċedurali miksura. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li numru ta’ garanziji proċedurali, bħala forom proċedurali sostanzjali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li l-ksur tagħhom jista’ jitqajjem ex officio u jwassal għall-annullament ta’ att ikkontestat, jikkostitwixxu regoli superjuri tad-dritt, bħad-drittijiet tad-difiża fis-sens tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta. L-istess japplika għall-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li fuqu huwa bbażat l-annullament tal-Artikolu 2(1)(e) tad-deċiżjoni inizjali.

65      Għaldaqstant, għandu bilfors jiġi kkonstatat li l-annullament parzjali tad-deċiżjoni inizjali, deċiż fis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15, EU:T:2016:722), kellu portata esklużivament proċedurali fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 56 u 58 iktar ’il fuq, sa fejn dan kien iwiddeb lill-Kummissjoni talli esponiet motivazzjoni insuffiċjenti tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi li la kienet tippermetti li r-rikorrenti jikkontestawh b’mod utli u lanqas li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità fuq il-mertu, b’mod partikolari fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punti 49 u 55).

66      Huwa minnu li, fil-punt 55 tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15, EU:T:2016:722), il-Qorti Ġenerali osservat ukoll li “il-motivazzjoni konċiża esposta fil-premessa 92 tad-deċiżjoni [inizjali] kienet ta’ natura li toħloq l-impressjoni żbaljata li r-raġuni prinċipali tal-aġġustament orizzontali tal-ammonti bażiċi favur l-impriżi kkonċernati kienet fil-fatt li dawn kienu kollha f’sitwazzjonijiet tal-inqas paragunabbli, marbutin man-natura ‘monoprodott’ tal-attività kummerċjali tagħhom”, fatt li “[m]adankollu, […] ma kienx il-każ ta’ Hamelin, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fil-mori tal-kawża”. Issa, dawn id-dikjarazzjonijiet jirreferu prinċipalment għal motivazzjoni mimlija lakuni u li ma tinftehimx dwar dan is-suġġett, fatt li jikkostitwixxi każ kardinali ta’ motivazzjoni insuffiċjenti fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Għaldaqstant, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Qorti Ġenerali kienet qieset li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tiżgwida lill-partijiet fil-kawża jew lill-qorti tal-Unjoni jew li tesponi intenzjonalment fatti kuntrarji għall-verità jew għar-realtà u, inqas u inqas, li, bl-annullament tal-Artikolu 2(1)(e) tad-deċiżjoni inizjali, il-Qorti Ġenerali riedet tikkundanna tali approċċ.

67      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni osservat ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 56 u 58 iktar ’il fuq meta osservat, fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-annullament parzjali tad-deċiżjoni inizjali minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni kellu biss portata proċedurali, b’tali mod li dan ma jistax jitqies li jammonta għal nuqqas ta’ sejbien ta’ ħtija fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, u li, għaldaqstant, hija kellha d-dritt li tkompli bil-proċedura amministrattiva mill-punt fejn kienet seħħet l-illegalità, jiġifieri, bħala prinċipju, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali.

68      Fl-aħħar nett, għandhom jiġu miċħuda wkoll l-ilmenti l-oħra invokati mir-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv. L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu, sakemm il-Kummissjoni tosserva r-rekwiżiti mfakkra fil-punti 56 sa 59 iktar ’il fuq, li huwa l-każ f’din il-kawża, it-termini użati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi deskritt l-approċċ tagħha, jiġifieri “emenda”, “adozzjoni mill-ġdid” (premessa 7) jew “sostituzzjoni” (Artikolu 1 tad-dispożittiv li jissostitwixxi l-Artikolu 2(1)(e) tad-deċiżjoni inizjali), ma humiex determinanti. It-tieni nett, peress li l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 56 u 58 iktar ’il fuq huma msejjsa fuq interpretazzjoni tal-portata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, ir-rikorrenti ma humiex fondati li jinvokaw l-assenza ta’ bażi legali rilevanti f’dan ir-rigward fir-Regolament Nru 1/2003 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C-283/14 u C-284/14, EU:C:2016:57, punt 52). It-tielet nett, huma lanqas ma jistgħu validament isostnu li n-natura definittiva tad-deċiżjoni inizjali tipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida li tissostitwixxi, li temenda jew li tikkompleta d-deċiżjoni inizjali fil-parti annullata tagħha, għaliex inkella s-sustanza tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq tiġi mxejjna. Bil-kontra ta’ dan, peress li r-rikorrenti ma kkontestawx il-parti tad-deċiżjoni inizjali li tistabbilixxi r-responsabbiltà tagħhom għall-ksur inkwistjoni u peress li, għaldaqstant, fis-sentenza tal-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15, EU:T:2016:722), il-Qorti Ġenerali ma kinitx intalbet tiddeċiedi dwar dan, hija biss din il-parti li saret definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il-Kummissjoni, C-122/16 P, EU:C:2017:861, punti 80 sa 85) u l-prinċipju ta’ ne bis in idem – li jipprojbixxi evalwazzjoni ġdida fuq il-mertu tal-materjalità tal-ksur biss għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-impożizzjoni tat-tieni sanzjoni – huwa neċessarjament inapplikabbli f’dan il-każ (ara l-punt 59 iktar ’il fuq).

69      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud għaliex totalment infondat.

B.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

1.      Tfakkir tal-argumenti essenzjali tal-partijiet

70      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għad-detriment tagħhom fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa li ġiet imposta fuqhom, marbut, b’mod partikolari, mal-applikazzjoni ta’ diversi rati ta’ tnaqqis skont il-paragrafu 37 tal-linji gwida. Sa fejn ir-rati ta’ tnaqqis mogħtija huma bbażati fuq in-natura “monoprodott” tal-impriżi kkonċernati, ir-rikorrenti jfakkru li huma l-unika impriża li r-rata ta’ tnaqqis tagħhom (90 %) tikkoinċidi eżattament mal-proporzjon “monoprodott” tagħha (90 %), filwaqt li dawn ir-rati huma ogħla mill-proporzjonijiet “monoprodott” rispettivi tal-impriżi l-oħra kollha. Għalhekk, fir-rigward ta’ Bong, bi proporzjon “monoprodott” ta’ 80 %, ġie applikat tnaqqis ta’ 88 %. Madankollu, li kieku r-rikorrenti kienu bbenefikaw mill-istess “rata ta’ żieda”, fir-rigward tagħhom kienet tiġi applikata rata ta’ tnaqqis ta’ 99 %, peress li l-proporzjoni “monoprodott” tagħhom kien ta’ għaxar punti ogħla minn dik ta’ Bong.

71      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jinvokaw in-natura diskriminatorja fir-rigward tagħhom ta’ dan l-approċċ fir-rigward tal-perċentwali li jirrappreżenta l-ammont bażiku aġġustat meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, meta pparagunat mas-sitwazzjonijiet ta’ Bong u ta’ Hamelin. Il-multa imposta fuq ir-rikorrenti — qabel it-tnaqqis mogħti abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, tal-proċedura għar-riżolviment u tal-kapaċità kontributtiva — hija ekwivalenti għal 9.7 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, filwaqt li l-multi imposti fuq Bong u Hamelin, wara “aġġustament” tal-ammonti bażiċi, jirrappreżentaw biss 4.7 % u 4.5 % tad-dħul mill-bejgħ globali rispettivi tagħhom. Dan ir-riżultat inugwali li jikkonċerna d-differenza fir-rigward tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali msemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma huwiex dovut għall-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu previst mil-linji gwida intiż sabiex tiġi imposta multa “ġustifikata meta mqabbla mal-gravità u mat-tul” tal-ksur imwettaq, iżda mal-fatt li l-Kummissjoni ma applikatux, b’mod eċċezzjonali, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha abbażi tal-paragrafu 37 tal-linji gwida, għal aġġustament tal-ammonti bażiċi tal-multi meta mqabbla mal-limitu ta’ 10 % qabel kull tnaqqis ulterjuri.

72      Skont ir-rikorrenti, l-aġġustament li jikkonsisti f’li l-ammonti bażiċi jitnaqqsu b’mod mhux ugwali bejn l-impriżi — EUR 11.8 miljun għar-rikorrenti, EUR 13.8 miljun għal Bong, u EUR 22.6 miljun għal Hamelin — wassal għal trattament diskriminatorju għad-detriment tagħhom, peress li l-ammonti li jirriżultaw minnhom huma, kuntrarjament għal dak li jeħtieġ l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, mingħajr rabta mad-daqsijiet u mas-saħħa ekonomika rispettivi tagħhom, iddeterminati skont id-dħul mill-bejgħ globali rispettivi tagħhom, jiġifieri EUR 121 miljun għar-rikorrenti, EUR 296 miljun għal Bong u EUR 501 miljun għal Hamelin. Fil-fatt, il-multa imposta fuq ir-rikorrenti tinsab qrib il-limitu ta’ 10 % tagħhom, filwaqt li dawk imposti fuq Bong u fuq Hamelin ma jilħqux nofs il-limiti massimi rispettivi tagħhom. Issa, fl-assenza ta’ aġġustament, dawn il-multi kollha kienu jilħqu dan il-limitu massimu, jiġifieri EUR 12.1 miljun għar-rikorrenti, EUR 29.6 miljun għal Bong, u EUR 50.1 miljun għal Hamelin. Għalhekk, il-multa li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti wara aġġustament kellha tkun ħafna inqas għolja minn dawk imposti fuq Bong u fuq Hamelin, bi dħul mill-bejgħ rispettivament tnejn u erba’ darbiet ogħla minn dak tar-rikorrenti.

73      Ir-rikorrenti jikkontestaw li “bbenefikaw minn tnaqqis ġeneruż”, peress li l-multa tagħhom li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % ġiet imnaqqsa biss bi 0.3 % (għal 9.7 %), meta mqabbel mat-tnaqqis ħafna ikbar li minnu bbenefikaw Bong u Hamelin, peress li l-gravità u t-tul tal-ksur huma identiċi. Barra minn hekk, l-applikazzjoni regolari tal-limitu ta’ 10 % ma kinitx twassal sabiex fuq ir-rikorrenti tiġi imposta multa finali “kunsiderevolment” iktar għolja, peress li din kienet tiżdied biss bl-ammont ta’ EUR 140 000, li huwa totalment negliġibbli fid-dawl tat-tnaqqis mogħti lil Bong u lil Hamelin bis-saħħa tal-aġġustament tal-ammonti bażiċi tagħhom. F’dan il-każ, id-differenzi fit-trattament ma humiex preċiżament ir-riżultat ta’ applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % bħala “limitu massimu” fis-sens tal-ġurisprudenza, iżda dak ta’ aġġustament eċċezzjonali tal-ammonti bażiċi abbażi tal-paragrafu 37 tal-linji gwida li kienu differenti mill-metodu ta’ kalkolu li kien previst hemmhekk. Barra minn hekk, il-limitu ta’ 10 % huwa kriterju “stabbilit legalment” fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għad-determinazzjoni tal-multi, bl-istess mod bħall-kriterji ta’ gravità u ta’ tul tal-ksur, fis-sens tal-Artikolu 23(3) tal-istess regolament.

74      Ir-rikorrenti jsostnu li din l-inugwaljanza fit-trattament ma hijiex oġġettivament iġġustifikata. Fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni (T-211/08, EU:T:2011:289, punt 80), il-Qorti Ġenerali stess irrikonoxxiet li kien inerenti għall-metodoloġija tal-linji gwida li ċ-ċirkustanzi attenwanti ma jkollomx effett fil-każ tal-impriżi li jippreżentaw proporzjon “monoprodott” għoli u li jkunu rrinunċjaw għal aġġustament tal-multi. Issa, għalkemm, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet ma taplikax din il-metodoloġija bl-għan iddikjarat li ċ-ċirkustanzi attenwanti rikonoxxuti lil Mayer-Kuvert ikollhom effett fuq il-multa li ġiet imposta fuqha, dan l-approċċ ma jistax ikun iġġustifikat oġġettivament sa fejn l-effett tiegħu kien trattament diskriminatorju tar-rikorrenti meta mqabbla ma’ Bong u ma’ Hamelin, sa fejn l-uniku element ta’ differenzazzjoni bejn it-tliet impriżi kien id-dħul mill-bejgħ globali tagħhom. Fil-fatt, fl-assenza ta’ “aġġustament” eċċezzjonali tal-ammonti bażiċi, il-multi kollha kienu jilħqu l-limitu ta’ 10 %, b’mod konformi mal-għan previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li jippermetti “li l-multi jvarjaw skont id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriżi ssanzjonati, b’tali mod li iktar ma d-dħul mill-bejgħ ikun kbir, iktar tista’ tkun għolja l-multa”.

75      Skont ir-rikorrenti, id-differenzi bejn il-proporzjonijiet “monoprodott” tar-rikorrenti (90 %), minn naħa, u ta’ Bong (80 %) u ta’ Hamelin (17 %), min-naħa l-oħra, ma jistgħux jiġġustifikaw oġġettivament li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti tinsab qrib il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha, filwaqt li dawk imposti fuq Bong u fuq Hamelin lanqas biss ma jilħqu nofs il-limiti massimi rispettivi tagħhom. Dawn huma iktar iddiskriminati fir-rigward ta’ Hamelin li l-attività tagħha lanqas biss ma tippreżenta natura “monoprodott”. Fil-fatt, fl-2012, Hamelin ma wettqet ebda bejgħ tal-prodott suġġett għal kartell, b’mod li l-proporzjon “monoprodott” tagħha kienet ta’ 0 u mhux ta’ 17 %. L-inugwaljanza fit-trattament lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata oġġettivament bil-piż relattiv tal-ammonti bażiċi mhux aġġustati tar-rikorrenti (EUR 118 235 000), minn naħa, u ta’ Bong u ta’ Hamelin (EUR 115 500 000 u EUR 150 717 000), min-naħa l-oħra. Min-naħa l-oħra, l-ammont bażiku aġġustat tar-rikorrenti jilħaq kważi l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom (9.7 %), b’kuntrast ma Bong u ma Hamelin li l-ammonti bażiċi mhux aġġustati tagħhom lanqas biss ma jilħqu nofs il-limitu massimu tagħhom (4.7 u 4.5 % rispettivament).

76      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li r-rata ta’ tnaqqis applikata fil-konfront tagħhom hija l-iżgħar possibbli li tippermetti li l-ammont bażiku jitniżżel taħt il-limitu ta’ 10 %. Fil-fatt, fir-rigward ta’ Bong ġiet applikata rata ta’ tnaqqis ta’ 88 %, filwaqt li rata ta’ 75 % kienet tkun suffiċjenti sabiex l-ammont bażiku tagħha (ta’ EUR 115 500 000) jitniżżel taħt dan il-limitu massimu (ta’ EUR 29 631 227). Bl-istess mod, skont l-istess tabelli, fir-rigward ta’ Hamelin ġiet applikata rata ta’ tnaqqis ta’ 85 %, filwaqt li rata ta’ 67 % kienet tkun suffiċjenti sabiex l-ammont bażiku tagħha (ta’ EUR 150 717 000) jitniżżel taħt dan il-limitu massimu (ta’ EUR 50 170 600). Ir-rikorrenti jqisu li l-obbligu tal-Kummissjoni li tnaqqas il-multa tagħhom billi tapplika rata ogħla, proporzjonali għad-differenza bejn il-proporzjon “monoprodott” tagħhom u dik tal-impriżi l-oħra, jirriżulta direttament mill-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, huma kienu l-unika impriża ssanzjonata li r-rata ta’ tnaqqis tagħha (90 %) ma żdiditx meta mqabbla mal-proporzjon “monoprodott” tagħha (90 %), filwaqt li r-rati ta’ tnaqqis applikati għal Bong (88 %) u għal GPV (98 %) kienu ogħla mill-proporzjonijiet “monoprodott” reali rispettivi tagħhom (80 % u 93 %). Fil-każ ta’ Hamelin, ir-rata ta’ tnaqqis kienet saħansitra żdiedet għal 85 % filwaqt li l-proporzjon “monoprodott” tagħha kienet ta’ 0 %, għaliex xejn ma jiġġustifika li jittieħed inkunsiderazzjoni l-proporzjon ta’ 17 % tal-ex sussidjarja tagħha ttrasferita lil Bong fl-2010. Għalhekk, sabiex tiġi rrimedjata din id-diskriminazzjoni, ir-rata ta’ tnaqqis li kellha tingħata lir-rikorrenti abbażi tal-paragrafu 37 tal-linji gwida għandha tkun ta’ 95.3671 %, u mhux ta’ 90 %, sa fejn dan iwassal sabiex l-ammont bażiku tagħhom ikun, wara aġġustament, ta’ 4.5 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom fl-2013.

77      Fit-tieni lok, sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li ġew iddiskriminati fir-rigward tal-ammonti bażiċi kif ġew aġġustati. Id-deċiżjoni kkontestata tagħti importanza kbira lill-“piż relattiv” tal-ammonti bażiċi mhux aġġustati, bħala kriterju li jiddetermina r-rata ta’ tnaqqis applikata għal kull impriża skont il-paragrafu 37 tal-linji gwida. Issa, fid-dawl tal-ammonti bażiċi mhux aġġustati, ir-rikorrenti kienu wkoll ġew iddiskriminati fir-rigward ta’ GPV. Din tal-aħħar ibbenefikat minn rata ta’ tnaqqis ta’ 98 %, b’kuntrast ma dik ta’ 90 % mogħtija lir-rikorrenti, b’tali mod li l-ammont bażiku aġġustat kien biss 2 % tal-ammont bażiku mhux aġġustat tagħha. Min-naħa l-oħra, l-ammont bażiku aġġustat tar-rikorrenti kien jirrappreżenta 10 % tal-ammont bażiku mhux aġġustat tagħhom, jiġifieri ħames darbiet iktar milli fil-każ ta’ GPV.

78      Din l-inugwaljanza fit-trattament ma għandha l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva. Id-differenza bejn il-proporzjonijiet “monoprodott” tar-rikorrenti u ta’ GPV ma hijiex suffiċjentement kbira għal dan il-għan, peress li l-proporzjoni “monoprodott” ta’ GPV (93 %) kienet biss tliet punti ogħla minn dak tar-rikorrenti (90 %). Fid-dawl tar-rata ta’ tnaqqis ta’ 98 % mogħtija lil GPV, fir-rigward tar-rikorrenti kellha tiġi applikata rata ta’ tnaqqis ta’ 94.84 %, li tnaqqas l-ammont bażiku aġġustat tagħhom għal EUR 6 100 926, minflok EUR 11 823 500. Dan l-approċċ huwa meħtieġ ukoll fid-dawl tal-piż relattiv tal-ammonti bażiċi mhux aġġustati, peress li l-ammont bażiku mhux aġġustat tar-rikorrenti kien biss 14.5 % ogħla minn dak ta’ GPV (EUR 118 235 000 kontra EUR 103 196 000), iżda l-ammont bażiku aġġustat tagħhom kien 472.8 % ogħla minn dak ta’ GPV (EUR 11 823 500 kontra EUR 2 063 920). Issa, l-għoti ta’ rata ta’ tnaqqis ta’ 94.84 % lir-rikorrenti kien iwassal sabiex l-ammont bażiku aġġustat tagħhom ikun jammonta għal 5.16 % tal-ammont bażiku mhux aġġustat tagħhom, kontra 2 % għal GPV. Billi tiddikjara li l-ammont bażiku aġġustat ta’ GPV jirrappreżenta 17.45 % ta’ dak tar-rikorrenti, il-Kummissjoni nnifisha tirrikonoxxi wkoll li ma nżammx il-bilanċ bejn il-multi imposti fuq ir-rikorrenti u dawk imposti fuq GPV.

79      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

80      Hija tikkontesta li l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali, fis-sens tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, huwa kriterju ta’ gradazzjoni tal-multi. Dan huwa limitu estrinsiku, limitu legali li s-sanzjoni, irrispettivament mill-metodu ta’ kalkolu użat, ma tistax taqbeż, li għandu l-għan li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ multi sproporzjonati u eċċessivi, li l-impriża kkonċernata ma tkunx tista’ tħallas. Dan l-għan għandu jiġi kkombinat man-neċessità li jiġi żgurat li l-multa jkollha natura suffiċjentement dissważiva. Għal dan il-għan, il-limitu ta’ 10 % huwa kkalkolat abbażi tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tal-impriża kkonċernata, kif dawn jirriżultaw mid-dħul mill-bejgħ globali tagħha matul is-sena kummerċjali preċedenti għall-impożizzjoni tal-multa. Barra minn hekk, limitu massimu hekk stabbilit ikollu l-mertu li jkun prevedibbli, b’mod konformi mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nulla poena sine lege. Din il-prevedibbiltà hija msaħħa fil-proċedura għar-riżolviment, li fil-kuntest tagħha l-impriża kkonċernata għandha tapprova l-ammont massimu tal-multa li tista’ tiġi imposta fuqha. Għalhekk, b’kuntrast mal-kriterji ta’ gravità u tat-tul tal-ksur previsti fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-limitu ta’ 10 % ma huwiex kriterju intiż għall-kalkolu tal-multi, iżda jsegwi għan separat u awtonomu. Din lanqas ma hija multa massima, li għandha tiġi imposta biss fil-każ ta’ ksur l-iktar gravi, iżda hija limitu massimu li l-unika konsegwenza tal-applikazzjoni tiegħu hija t-tnaqqis, sal-livell massimu awtorizzat, tal-ammont tal-multa kkalkolat biss abbażi tal-kriterji ta’ gravità u ta’ tul tal-ksur.

81      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta li kisret, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Peress li l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali huwa limitu massimu u mhux kriterju ta’ gradazzjoni tal-multi, is-sempliċi fatt li l-multa imposta fuq impriża tkun qrib dan il-limitu, b’kuntrast għal dik ta’ parteċipanti oħra fl-akkordju, ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-imsemmi prinċipju. Barra minn hekk, id-differenzi bejn il-multi fuq il-livell tal-proporzjon tad-dħul mill-bejgħ globali huma “inerenti” għall-metodu ta’ kalkolu previst fil-paragrafu 13 tal-linji gwida, li ma huwiex ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi kkonċernati. Għaldaqstant, il-paraguni bbażati fuq il-proporzjonijiet li l-multi jirrappreżentaw mid-dħul mill-bejgħ globali, jew fuq id-diskrepanzi bejn l-imsemmija proporzjonijiet u l-limitu ta’ 10 %, huma irrilevanti u ma jistgħux isostnu trattament mhux ugwali tar-rikorrenti. Fil-fatt, sabiex tikkonforma ruħha mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tiżgura li l-ammont finali tal-multi imposti fuq l-impriżi involuti fl-istess ksur ikun traduzzjoni tad-differenzjazzjoni bejniethom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom. Sa fejn il-Kummissjoni timponilhom multi ġġustifikati, għal kull waħda minnhom, meta mqabbla mal-gravità u mat-tul tal-ksur, hija ma tistax tiġi kkritikata talli, għal uħud minnhom, l-ammont tal-multa jkun ogħla, meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ, minn dak ta’ impriżi oħra. A fortiori, ma huwiex possibbli li jiġi deċiż li kien hemm trattament mhux ugwali billi r-relazzjoni bejn l-ammonti intermedjarji tal-multi titqabbel mal-limitu ta’ 10 % ta’ kull impriża.

82      Il-Kummissjoni tippreċiża li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa suġġett għal limiti li jirriżultaw mill-ħtieġa li dan jiġi applikat flimkien ma’ prinċipji ġenerali oħra tad-dritt, bħall-prinċipju ta’ legalità, il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni, jew ir-rekwiżit li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti. Għalhekk, impriża ma tistax tinvoka favuriha, sabiex tikseb tnaqqis tal-multa imposta fuqha, żball imwettaq fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq impriża oħra. Anki jekk jitqies li l-Kummissjoni wettqet żball fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti fuq Bong, fuq Hamelin jew fuq GPV, u li dawn il-multi kellhom ikunu ogħla, dan l-iżball ma jiġġustifikax it-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti. F’dan il-każ, hija applikat l-istess metodu ta’ kalkolu tal-multi għall-impriżi kollha, bl-unika differenza li tinsab fir-rati ta’ tnaqqis xi ftit differenti mogħtija lil kull impriża. Issa, dawn id-differenzi huma bbażati fuq raġunijiet oġġettivi li jirrigwardaw is-sitwazzjoni ta’ kull impriża u dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multi jkollhom natura suffiċjentement dissważiva, u għalhekk dan huwa fattur ta’ differenzjazzjoni oġġettivament iġġustifikat. Lanqas ma huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament il-fatt li jiġu applikati rati ta’ tnaqqis b’mod li tinżamm ir-rabta bejn l-ammonti bażiċi mhux aġġustati tad-diversi multi.

83      Il-Kummissjoni tikkontesta li hija kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tar-rikorrenti billi aġġustat l-ammonti bażiċi tal-multi u billi ma applikatx il-metodu previst fil-linji gwida. Hija tfakkar li r-rikorrenti nnifishom talbu dan l-aġġustament eċċezzjonali waqt il-proċedura għar-riżolviment u bbenefikaw minn rata ta’ tnaqqis ġeneruża ta’ 90 % li tikkorrispondi mal-proporzjon “monoprodott” tagħhom, fatt li jirrendi l-multa aġġustata għall-gravità u għat-tul tal-ksur tagħhom. Skont il-Kummissjoni, li kieku hija applikat il-limitu ta’ 10 %, din il-multa kienet tkun kunsiderevolment ogħla, jiġifieri, fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ globali tal-2013 ta’ EUR 12 173 000, ta’ dak tal-2015 ta’ EUR 13 166 700, u ta’ dak tal-2016 ta’ EUR 16 282 000. Min-naħa l-oħra, ir-riżultat tal-metodu ta’ kalkolu mitlub mir-rikorrenti ma kienx li l-multi jkunu iktar xierqa fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur imwettaq minn kull impriża, iżda kien hemm ir-riskju li dan ir-riżultat jiġi ddeterminat biss mil-limitu ta’ 10 %. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni inqas ta’ Mayer-Kuvert ma kellha ebda effett u, fi kwalunkwe każ, l-ammonti tal-multi kienu jkunu differenti. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli imponiet fuq ir-rikorrenti multa li la hija bbażata fuq il-gravità u lanqas fuq it-tul tal-ksur tagħhom.

84      Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni twieġeb li ma applikatx il-proporzjonijiet “monoprodott” b’mod lineari billi tagħti lil kull impriża rata ta’ tnaqqis ugwali jew proporzjonata mal-proporzjon “monoprodott” tagħha, peress li ebda regola tad-dritt tal-Unjoni ma tobbligaha tagħmel dan. Billi ħadet inkunsiderazzjoni l-proporzjon “monoprodott”, hija ppruvat ukoll iżżomm ir-rabta bejn l-ammonti bażiċi mhux aġġustati li kienu jirriflettu l-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fl-akkordju. Barra minn hekk, sabiex il-multa tkun dissważiva, kien meħtieġ li t-tnaqqis applikat ikun l-iktar wieħed żgħir possibbli li jippermetti li l-ammont bażiku jitniżżel taħt il-limitu ta’ 10 %. Issa, l-effett tal-aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa tar-rikorrenti abbażi ta’ rata ogħla, proporzjonali mad-differenza bejn il-proporzjon “monoprodott” tagħhom u dik tal-impriżi l-oħra, kien ikun li huma jiġu suġġetti għal multa mhux suffiċjentement dissważiva. Barra minn hekk, ir-rikorrenti bbenefikaw minn tnaqqis ikbar minn dak ta’ Bong u ta’ Hamelin, peress li l-ammonti bażiċi aġġustati kienu ta’ EUR 11 823 500, ta’ EUR 13 860 000 u ta’ EUR 22 607 550 rispettivament. Fir-rigward ta’ Bong, il-Kummissjoni tippreċiża li, għalkemm fil-konfront tagħha kienet ġiet applikata rata ta’ tnaqqis (88 %) li kienet ogħla mill-proporzjon “monoprodott” tagħha (80 %), l-ammont bażiku aġġustat tagħha (EUR 13 860 000) kien, f’ċifri assoluti, superjuri għal dak tar-rikorrenti (EUR 11 823 500), u dan minkejja l-fatt li l-valur tal-bejgħ u l-ammont bażiku mhux aġġustat tar-rikorrenti (EUR 143 316 000 u EUR 118 235 000) kienu ogħla minn dawk ta’ Bong (EUR 140 000 000 u EUR 115 500 000). Fir-rigward ta’ Hamelin, il-Kummissjoni applikat fil-konfront tagħha l-iktar rata ta’ tnaqqis dgħajfa meta mqabbla mal-impriżi kollha (85 %). Hija biss GPV li bbenefikat minn rata ta’ tnaqqis ikbar minn dik tar-rikorrenti, minħabba, minn naħa, il-proporzjon “monoprodott” tagħha superjuri, jew saħansitra l-ogħla (93 %) u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li tagħtiha rata ta’ tnaqqis minima ta’ 98 % sabiex tiżgura li l-ammont bażiku aġġustat ikun inqas mil-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha. Madankollu, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti kienet differenti, peress li l-proporzjon “monoprodott” tagħhom kienet ta’ 90 % u peress li r-rata ta’ tnaqqis minima neċessarja sabiex l-ammont bażiku aġġustat tagħhom ikun inqas mil-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom għall-2013 kienet ta’ 89.9 % (88.9 % fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali għall-2015 u 86.2 % fir-rigward ta’ dak għall-2016). Fl-aħħar nett, teħid inkunsiderazzjoni lineari tal-proporzjon “monoprodott” kien jippreżupponi li din tingħata importanza eċċessiva u kien iwassal għal konsegwenzi inġusti. Għalhekk, l-ammont bażiku aġġustat ta’ Mayer-Kuvert, li l-proporzjon “monoprodott” tagħha kienet ta’ 76 %, kien ikun ogħla (EUR 57 769 000–70 % = EUR 13 864 560) mill-ammont bażiku aġġustat tar-rikorrenti (EUR 118 235 000–90 % = EUR 11 823 500), filwaqt li l-ammont bażiku mhux aġġustat tar-rikorrenti kien jammonta għal iktar mid-doppju ta’ dak ta’ Mayer-Kuvert (ammont ta’ EUR 118 235 000 għar-rikorrenti meta mqabbel ma dak ta’ EUR 57 769 000 għal Mayer-Kuvert). Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li r-rata ta’ tnaqqis applikata għal kull impriża tirriżulta minn evalwazzjoni globali ta’ diversi fatturi u mhux biss mill-proporzjon “monoprodott”. Ir-rikorrenti fir-realtà jridu jiksbu l-benefiċċju ta’ rati ta’ tnaqqis applikati fuq impriżi oħra u mhux li jikkoreġu illegalità. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom fl‑2015, l-ammont bażiku aġġustat tal-multa tagħhom kien jirrappreżenta 8.97 % u mhux 9.7 % ta’ dan id-dħul mill-bejgħ.

85      Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti huma ineffettivi sa fejn jippruvaw jibdlu l-limitu ta’ 10 % fi kriterju għall-kalkolu tal-multi. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-ammonti li jirriżultaw minn kalkoli intermedjarji jistgħu jaqbżu l-imsemmi limitu massimu. Fir-rigward tal-ammonti finali tal-multi, il-Kummissjoni tirrileva li r-rikorrenti ma jipparagunawx ruħhom ma’ GPV, li, bi proporzjon “monoprodott” ogħla minn tagħhom (98 %) u ammont bażiku mhux aġġustat ftit inqas (EUR 103 196 000), ingħatat ammont bażiku aġġustat li jirrappreżenta 9.6 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha, jiġifieri 0.1 % biss inqas minn dak li jirrappreżenta l-ammont bażiku aġġustat tar-rikorrenti, jiġifieri 9.7 %, u multa finali li tikkorrispondi għal rata (7.07 %) tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha li hija ogħla minn dik li tirrappreżenta l-multa finali tar-rikorrenti (3.88 % jew 2.9 % meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ globali tal‑2015 jew tal-2016). Ir-rikorrenti lanqas ma jipparagunaw ruħhom ma’ Mayer-Kuvert, li l-multa finali tagħha hija, f’ċifri assoluti, ogħla minn dik imposta fuqhom (EUR 4 991 000 kontra EUR 4 729 000) minkejja l-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ Mayer-Kuvert fil-ksur kienet inqas importanti u li l-valur tal-bejgħ tagħha jirrappreżenta inqas min-nofs il-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti (EUR 70 023 181 kontra EUR 143 316 000).

86      Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni tfakkar li l-aġġustamenti tal-ammonti bażiku ma kinux intiżi għall-applikazzjoni b’mod awtomatiku tal-proporzjon “monoprodott” ta’ kull waħda mill-impriżi, iżda, għall-ewwel, fid-dawl ta’ din il-proporzjon, sabiex mill-multa titnaqqas il-perċentwali neċessarja sabiex l-ammont bażiku mhux aġġustat tal-multa ta’ kull waħda mill-impriżi jkun taħt il-limitu ta’ 10 % u, sussegwentement, sabiex jinżamm il-bilanċ bejn il-multi imposti wara dawn l-aġġustamenti. Fir-rigward ta’ GPV, l-ammont bażiku mhux aġġustat (EUR 103 196 000) jirrappreżenta 87.2 % tal-ammont bażiku mhux aġġustat tar-rikorrenti (EUR 118 235 000), li għalhekk jaqbeż bi 12.7 % dak ta’ GPV. Barra minn hekk, il-proporzjon “monoprodott” ta’ GPV (93 %) kien ogħla minn dak tar-rikorrenti (90 %). Skont il-Kummissjoni, anki jekk l-ammont bażiku aġġustat ta’ GPV (EUR 2 063 920) jirrappreżenta 17.45 % tal-ammont bażiku aġġustat tar-rikorrenti (EUR 11 823 500), dan huwa bbażat fuq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha marbuta mas-sitwazzjoni ta’ kull impriża. Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kellha ebda raġuni sabiex tipproċedi għal aġġustament biss meta mqabbla ma’ GPV. Għalhekk, l-ammont bażiku mhux aġġustat tar-rikorrenti kien ukoll ogħla bi 2.32 % meta mqabbel ma’ dak ta’ Bong, ta’ 204 % meta mqabbel ma’ dak ta’ Mayer-Kuvert u ta’ 21.56 % meta mqabbel ma’ dak ta’ Hamelin. Issa, minn naħa, il-proporzjon “monoprodott” ta’ GPV (93 %) ogħla minn dik tar-rikorrenti kienet tiġġustifika tnaqqis ikbar minn dak mogħti lill-impriżi l-oħra u, min-naħa l-oħra, b’kuntrast mas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, it-tnaqqis minimu neċessarju sabiex l-ammont bażiku aġġustat ta’ GPV jitniżżel taħt il-limitu ta’ 10 % kien ta’ 98 %. Għaldaqstant, eventwali nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament kien oġġettivament iġġustifikat. Fir-realtà, ir-rikorrenti kienu ġew iffavoriti bl-applikazzjoni ta’ rata ta’ tnaqqis ta’ 90 %, meta fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom tal-2015 (jew tal-2016), it-tnaqqis minimu neċessarju sabiex l-ammont bażiku aġġustat tagħhom ikun inqas mil-limitu ta’ 10 % kien ikun ta’ 88.9 % (2015) jew ta’ 86.2 % (2016).

2.      Osservazzjonijiet preliminari

87      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tagħhom fl-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi imposti u, b’mod partikolari, tal-metodu ta’ aġġustament tal-ammonti bażiċi, abbażi tal-paragrafu 37 tal-linji gwida, kif miġbur fil-qosor fit-tabella A esposta fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata.

88      Prinċipalment, ir-rikorrenti jilmentaw li fil-konfront tagħhom il-Kummissjoni applikat rata ta’ tnaqqis diskriminatorja ta’ 90 % li tikkorrispondi eżattament mal-proporzjon “monoprodott” tagħhom, iżda li hija differenti minn dik li minnha kienu bbenefikaw l-impriżi l-oħra, b’mod partikolari Bong u Hamelin. L-effett ta’ dan l-aġġustament diskriminatorju tal-ammonti bażiċi kien allegatament li l-ammont bażiku aġġustat tar-rikorrenti kien ta’ 9.7 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, filwaqt li l-ammonti bażiċi aġġustati ta’ Bong u ta’ Hamelin kienu jirrappreżentaw biss 4.7 % u 4.5 % tad-dħul mill-bejgħ globali rispettivi tagħhom. Dawn id-differenzi, differenti meta mqabbla mal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali huma r-riżultat ta’ tweżin mhux ugwali tad-daqs u tas-saħħa ekonomika rispettivi tal-imsemmija impriżi, iddeterminati skont id-dħul mill-bejgħ globali rispettivi tagħhom — jiġifieri EUR 121 miljun għar-rikorrenti; EUR 296 miljun għal Bong, u EUR 501 miljun għal Hamelin –, li jmur kontra l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u li la huwa ġġustifikat oġġettivament, fost l-oħrajn, mil-piż relattiv tal-ammonti bażiċi mhux aġġustati tar-rikorrenti, ta’ Bong u ta’ Hamelin, u lanqas mill-bżonn li l-imsemmija ammonti bażiċi jitniżżlu taħt il-limitu ta’ 10 %, fatt li kien jiġġustifika biss tnaqqis ta’ 75 % fil-każ ta’ Bong u ta’ 67 % fil-każ ta’ Hamelin.

89      Sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li l-multa li ġiet imposta fuqhom hija wkoll diskriminatorja fir-rigward tal-ammonti bażiċi aġġustati abbażi tal-paragrafu 37 tal-linji gwida, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dak ta’ GPV li fil-konfront tagħha ġiet applikata rata ta’ tnaqqis ta’ 98 % tal-ammont bażiku tagħha, kontra 90 % biss fil-każ tar-rikorrenti, b’tali mod li l-ammont bażiku aġġustat tagħha jirrappreżenta biss 2 % tal-ammont bażiku mhux aġġustat tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-ammont bażiku aġġustat tar-rikorrenti kien jirrappreżenta 10 % tal-ammont bażiku mhux aġġustat tagħhom, jiġifieri ħames darbiet iktar milli fil-każ ta’ GPV, minkejja li l-ammonti bażiċi mhux aġġustati tar-rikorrenti u ta’ GPV kienu qrib ħafna ta’ xulxin.

90      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li tiġi evalwata, l-ewwel nett, il-fondatezza tal-premessi ġuridiċi tal-ilmenti mressqa mir-rikorrenti li jirrigwardaw il-kriterji rikonoxxuti mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Sussegwentement, ser jiġi eżaminat jekk il-metodu ta’ aġġustament tal-ammonti bażiċi tal-multi, hekk kif espost fid-deċiżjoni kkontestata, huwiex konformi ma’ dawn il-kriterji u b’mod partikolari ma’ dawk li jirregolaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

3.      Tfakkir tal-ġurisprudenza

91      Il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, sanċit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta. Skont ġurisprudenza stabbilita, applikabbli wkoll fid-dritt tal-kompetizzjoni, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C-444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 186 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament iddifferenzjat jippreżupponi għalhekk li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni huma paragunabbli fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. L-elementi li jikkaratterizzaw diversi sitwazzjonijiet u għalhekk in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Għandhom, barra minn hekk, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jkopri l-att inkwistjoni (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C-444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-ġurisprudenza tippreċiża f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni għandha tevalwa, f’kull każ partikolari u fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tal-għanijiet segwiti mis-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003, l-impatt mixtieq fuq l-impriża kkonċernata, b’mod partikolari, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dħul mill-bejgħ li jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha matul il-perijodu li fih twettaq il-ksur (sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 53, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza taċċetta li huwa possibbli, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża li jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tas-saħħa ekonomiku tagħha, kif ukoll il-parti ta’ dan id-dħul iġġenerata mill-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant tista’ tagħti indikazzjoni tal-portata tiegħu. Għalhekk, il-parti tad-dħul mill-bejgħ globali ġġenerata mill-bejgħ tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur hija dik li tirrifletti bl-aħjar mod l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punti 54 u 59; tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punti 145 u 149, u tal-1 ta’ Frar 2018, Kühne + Nagel International et vs Il-Kummissjoni, C-261/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:56, punt 81).

94      B’mod konformi ma din il-ġurisprudenza, il-punt 13 tal-Linji Gwida jipprevedi li “sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi, imwettaq mill-impriża, f’relazzjoni diretta jew indiretta […] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-istess Linji Gwida jispeċifikaw, fil-punt 6 tagħhom li, “il-fatt li l-valur tal-bejgħ relatat mal-ksur jiġi kkombinat […] mat-tul [ta’ dan tal-aħħar] huwa meqjus bħala valur ta’ sostituzzjoni adatt sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll sabiex jiġi rifless il-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 56; tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 147, u tal-1 ta’ Frar 2018, Kühne + Nagel International et vs Il-Kummissjoni, C‑261/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:56, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Barra minn hekk, ġie deċiż li, għalkemm l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni, huwa madankollu jillimita l-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni. Għalhekk, minn naħa, l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq impriża huwa suġġett għal limitu massimu li jista’ jiġi kkwantifikat u li huwa assolut, b’tali mod li l-ammont massimu tal-multa li jista’ jiġi impost fuq impriża partikolari jista’ jiġi ddeterminat minn qabel. Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa limitat ukoll mir-regoli ta’ kondotta li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, b’mod partikolari fil-linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C-501/11 P, EU:C:2013:522, punt 58; tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 146, u tas-7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni, C-101/15 P, EU:C:2016:631, punt 37).

96      Fir-rigward tal-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Reolament Nru 1/2003 minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huwa biss l-ammont finali tal-multa imposta li għandu josserva l-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ previst f’din id-dispożizzjoni u li din tal-aħħar ma tipprojbixxix lill-Kummissjoni milli tikseb, matul id-diversi stadji tal-kalkoli tal-multa, ammont intermedju għola minn dan il-limitu, sakemm l-ammont finali tal-multa ma jeċċedix l-imsemmi limitu. Għalhekk, jekk jirriżulta li, fuq il-bażi tal-kalkolu, l-ammont finali tal-multa għandu jitnaqqas bl-istess ammont ta’ dak li jaqbeż l-imsemmi limitu massimu, il-fatt li ċerti fatturi bħall-gravità u t-tul tal-ksur ma humiex effettivament riflessi fl-ammont tal-multa imposta huwa biss s-sempliċi konsegwenza tal-applikazzjoni ta’ dan il-limitu massimu għall-imsemmi ammont finali. Fil-fatt, dan il-limitu massimu huwa intiż sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ multi li fir-rigward tagħhom ikun jista’ jiġi previst li l-impriżi, fid-dawl tad-daqs tagħhom kif iddeterminat, anki jekk b’mod approssimattiv u imperfett, permezz tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, ma humiex ser ikunu f’pożizzjoni li jħallsu. Għaldaqstant, dan huwa limitu, applikabbli b’mod uniformi għall-impriżi kollha u fformulat skont id-daqs ta’ kull waħda minnhom, li għandu l-għan li jevita multi ta’ livell eċċessiv u sproporzjonat. Għaldaqstant l-għan ta’ dan il-limitu massimu huwa separat u awtonomu meta mqabbel ma’ dak tal-kriterji tal-gravità u tad-dewmien tal-ksur. L-unika konsegwenza possibbli ta’ dan il-limitu hija li l-ammont tal-multa kkalkolat fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji jiġi mnaqqas sal-livell massimu awtorizzat. L-applikazzjoni tiegħu timplika li l-impriża kkonċernata ma tħallasx il-multa li, bħala prinċipju, kien ikollha tħallas abbażi ta’ evalwazzjoni bbażata fuq l-imsemmija kriterji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2012, Cetarsa vs Il-Kummissjoni, C-181/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:455, punti 80 sa 84; tas-7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni, C-101/15 P, EU:C:2016:631, punt 36, u tas-26 ta’ Jannar 2017, Mamoli Robinetteria vs Il-Kummissjoni, C-619/13 P, EU:C:2017:50, punti 83 u 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Minn dan il-qorti tal-Ġustizzja tiddeduċi li l-iffissar, għall-impriżi kollha ssanzjonati li pparteċipaw fl-istess ksur, tal-multa għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ rispettivi tagħhom, peress li jirriżulta biss mill-applikazzjoni tal-limitu massimu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Bl-istess mod, fid-dawl tal-għan imfittex minn dan il-limitu massimu, il-fatt li l-applikazzjoni tal-linji gwida mill-Kummissjoni, iwasslu b’mod frekwenti jew regolarment sabiex l-ammont tal-multa imposta jkun ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ma jikkontestax il-legalità tal-applikazzjoni tal-imsemmi limitu massimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Mamoli Robinetteria vs Il-Kummissjoni, C‑619/13 P, EU:C:2017:50, punti 85 u 86). F’dan l-istess sens, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, minn naħa, li l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ impriża li kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni kien jikkostitwixxi biss limitu massimu u, min-naħa l-oħra, li s-sempliċi fatt li l-multa imposta fuq tali impriża kienet qrib ħafna ta’ dan il-limitu, filwaqt li din il-perċentwali kienet iktar dgħajfa għal parteċipanti oħra fl-akkordju, ma setax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ proporzjonalità, peress li din il-konsegwenza hija inerenti għall-interpretazzjoni tal-limitu ta’ 10 % bħala sempliċi limitu massimu applikabbli wara tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti jew il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, T-352/09, EU:T:2012:673, punti 161 sa 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Ġie deċiż ukoll li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ma tistax issir, permezz tal-applikazzjoni ta’ metodi ta’ kalkolu differenti, diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma li jiksru l-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni, C-628/10 P u C-14/11 P, EU:C:2012:479, punt 58, u tal-11 ta’ Lulju 2013 Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Fl-aħħar nett, hekk kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il-Kummissjoni (T-456/10, EU:T:2015:296, punt 74), ikkonfermata bis-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2017, Timab Industries u CFPR vs Il-Kummissjoni (C-411/15 P, EU:C:2017:11), dawn il-prinċipji tal-ġurisprudenza japplikaw mutatis mutandis għall-kalkolu tal-multi imposti fi tmiem ta’ proċedura għar-riżolviment.

4.      Fuq il-fondatezza tal-premessi legali tal-ilmenti invokati

100    Mill-prinċipji ġurisprudenzjali mfakkra fil-punti 91 sa 99 iktar ’il fuq jirriżulta li, għall-finijiet tal-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’dan il-każ, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, id-determinazzjoni neċessarjament ugwali tal-ammont bażiku tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni fir-rigward tal-imsemmija impriżi tal-limitu ta’ 10 %, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jista’ jvarja skont id-dħul mill-bejgħ globali rispettivi tagħhom.

101    Fil-fatt, għalkemm, ċertament, il-Kummissjoni tista’ b’mod validu tagħżel, bħalma għamlet f’dan il-każ, metodu ta’ kalkolu tal-ammont bażiku li huwa bbażat fuq il-valur tal-bejgħ magħmul matul sena sħiħa koperta mill-ksur, jiġifieri l-2007 fid-deċiżjoni inizjali, sabiex tiġi kkaratterizzata l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża li pparteċipat fih (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 93 u 94 iktar ’il fuq), hija għandha l-obbligu li tosserva, f’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % sabiex jiġi ddeterminat l-ammont finali tal-multi la hija, bħala prinċipju, dipendenti fuq din l-importanza ekonomika tal-ksur, u lanqas fuq il-piż relattiv ta’ kull impriża parteċipanti, la fuq il-gravità jew it-tul tal-imsemmi ksur imwettaq minnha, iżda hija ta’ natura purament awtomatika li hija marbuta esklużivament mad-dħul mill-bejgħ globali tagħha, u din hija r-raġuni għaliex fil-ġurisprudenza ġie deċiż li l-konsegwenza ta’ din l-applikazzjoni ma jistax ikun, b’mod partikolari, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Bil-kontra ta’ dan, fid-dawl tal-għan tiegħu — separat u awtonomu meta mqabbel ma’ dak tal-kriterji tal-gravità u tat-tul tal-ksur — bħala limitu massimu prevedibbli u uniformi applikabbli intiż sabiex jiġi żgurat li fuq l-impriżi ma jiġux imposti multi ta’ livell eċċessiv u sproporzjonat meta mqabbel mad-daqs tagħhom u mal-kapaċità kontributtiva tagħhom, l-applikazzjoni awtomatika tiegħu hija ipso facto konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 96 u 97 iktar ’il fuq).

102    Għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-applikazzjoni fiha nnifisha tal-limitu ta’ 10 %, la bħala limitu massimu għall-multi finalment imposti fuq l-impriżi kkonċernati, u lanqas bħala kriterju eċċezzjonali ta’ korrezzjoni fi stadju intermedju tal-kalkolu tagħhom, jiġifieri fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammonti bażiċi sabiex jitniżżlu taħt dan il-limitu. Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti kienu saħansitra talbu espressament aġġustament eċċezzjonali tal-ammont bażiku tagħhom, abbażi tal-paragrafu 37 tal-linji gwida, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura “monoprodott” tagħhom (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti lanqas ma jikkontestaw il-fatt li l-Kummissjoni ispirat ruħha mill-metodoloġija prevista fis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni (T-211/08, EU:T:2011:289, punt 80), sabiex tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura “monoprodott” tal-impriżi kkonċernati, ċertament bl-eċċezzjoni ta’ Hamelin, kif ukoll il-parteċipazzjoni iżgħar fil-ksur ta’ Mayer-Kuvert sabiex jiġi żgurat li ċ-ċirkustanza attenwanti li tirriżulta minn dan jkollha effett fuq l-ammont finali tal-multa imposta fuqha (premessi 11 sa 13 tad-deċiżjoni kkontestata).

103    Min-naħa l-oħra, dak li r-rikorrenti jikkontestaw, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, huwa kemm il-mod kif il-Kummissjoni wettqet dan l-aġġustament tal-ammonti bażiċi kif ukoll ir-riżultati tiegħu — f’dak li jirrigwarda differenzi meta mqabbla mal-limitu ta’ 10 % — li huma diskriminatorji fir-rigward tagħhom.

104    F’dan ir-rigward, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat preliminarjament li l-Kummissjoni ma hijiex iġġustifikata li ssostni li r-riżultat tal-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % f’dan l-istadju intermedju tal-kalkolu tal-multi li għandhom jiġu imposti jipproduċi ipso facto riżultati konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li din tieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi kkonċernati kollha. Fil-fatt, meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tagħżel, skont is-setgħa diskrezzjonali tagħha abbażi tal-paragrafu 37 tal-linji gwida, li tieħu inkunsiderazzjoni l-limitu ta’ 10 %, b’mod eċċezzjonali, diġà fi stadju intermedju tal-kalkolu tal-multi sabiex taġġusta l-ammonti bażiċi tagħhom, hija tagħmel dan barra mill-kamp ta’ applikazzjoni stricto sensu tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, b’tali mod li l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 96 u 97 iktar ’il fuq ma jistgħux jiġu applikati tali kwali. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tallega, billi tispira ruħha mil-limitu ta’ 10 % barra mill-kuntest ġuridiku formali tiegħu sabiex tużaha bħala kriterju ta’ differenzazzjoni, jew saħansitra ta’ gradazzjoni tal-multi fi stadju intermedju, l-approċċ tagħha jista’ jiġġenera riżultati kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għanijiet ta’ sanzjoni u ta’ dissważjoni marbuta mal-kriterji ta’ gravità u ta’ tul tal-ksur.

105    Għalhekk, għandu jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni osservatx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tal-aġġustament tal-ammonti bażiċi tal-multi billi ispirat ruħha fuq il-metodoloġija prevista fis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni (T-211/08, EU:T:2011:289, punt 80). Għal dan il-għan, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq, għandu jiġi vverifikat jekk l-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari r-rikorrenti, minn naħa, u Bong, Hamelin (l-ewwel parti) u GPV (it-tieni parti), min-naħa l-oħra, kinux jinsabu f’sitwazzjonijiet identiċi jew paragunabbli, jekk dawn is-sitwazzjonijiet ġewx ittrattati b’mod ugwali jew inugwali, u jekk eventwali trattament inugwali kienx iġġustifikat oġġettivament.

5.      Fuq il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, fuq it-trattament ugwali jew inugwali tagħhom u fuq in-natura oġġettivament iġġustifikata tal-imsemmi trattament

a)      Osservazzjonijiet preliminari

106    Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà jew le tas-sitwazzjonijiet individwali tal-impriżi kkonċernati, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-data rilevanti kif ukoll l-operazzjonijiet ta’ kalkolu mwettqa mill-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet inizjali u kkontestata, sabiex jiġu ddeterminati u aġġustati l-ammonti bażiċi tal-multi, kif riprodotti fit-tabella li ġejja:

Impriża

Valur tal-bejgħ EUR fl-2007

Koeffiċjent ta’ gravità

Tul (snin)

Ammont addizzjonali

Ammont bażiku EUR

Proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ

Aġġustament/tnaqqis

Ammont bażiku aġġustat

Bong

140 000 000

15 %

4.5

15 %

115 500 000

80 %

88 %

13 860 000

[…] GPV

125 086 629

15 %

4.5

15 %

103 196 000

93 %

98 %

2 063 920

Hamelin

185 521 000

15 %

4.416

15 %

150 717 000

17 %

85 %

22 607 550

Mayer-Kuvert

70 023 181

15 %

4.5

15 %

57 769 000

76 %

88 %

6 932 280

Printeos […]

143 316 000

15 %

4.5

15 %

118 235 000

90 %

90 %

11 823 500


107    Mill-imsemmija tabella jirriżulta li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammonti bażiċi tal-multi qabel l-aġġustament tagħhom (iktar’ il quddiem l-“ammonti bażiċi mhux aġġustati”), il-Kummissjoni ħadet debitament inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn il-valuri tal-bejgħ magħmul mill-impriżi kkonċernati, kif ukoll dawk relatati mat-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur (4.5 snin, ħlief Hamelin b’ 4.416 snin) sabiex tapplika fil-konfront tagħhom l-istess metodu ta’ kalkolu billi timmultiplikahom bl-istess koeffiċjent ta’ gravità (15 %) u billi żiedet magħhom ammont addizzjonali ddeterminat bl-istess perċentwali (15 %), skont il-paragrafi 13, 21 u 25 tal-linji gwida.

108    Għalhekk, fid-dawl tal-għan ta’ sanzjoni tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-linji gwida u tal-applikazzjoni tal-istess metodu ta’ kalkolu fir-rigward tagħhom, f’dan l-istadju, ir-rikorrenti u l-impriżi l-oħra kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi li jikkonċernawhom. Fil-fatt, fid-dawl ta’ dan l-għan ta’ sanzjoni u b’mod partikolari ta’ dissważjoni li jiddependi mid-daqs u tas-saħħa ekonomika tal-impriżi kkonċernati, il-varjazzjoni bejn il-valuri tal-bejgħ hija, bħala prinċipju, kriterju ta’ differenzazzjoni xieraq, inkwantu tirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur inkwistjoni kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża li pparteċipat f’dan il-ksur, u tikkostitwixxi, għaldaqstant, kundizzjoni minn qabel importanti għall-applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament waqt il-kalkolu tal-ammonti bażi (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 93 u 94 iktar ’il fuq).

109    Għandu għalhekk jiġi deċiż li, f’dan il-każ, l-ammonti bażiċi mhux aġġustati ġew stabbiliti b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

110    Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni ttrattatx b’mod ugwali sitwazzjonijiet mhux paragunabbli jew b’mod inugwali sitwazzjonijiet identiċi jew paragunabbli bil-mod li bih hija aġġustat l-ammonti bażiċi abbażi tal-paragrafu 37 tal-linji gwida.

b)      Fuq l-aġġustament ugwali tal-ammonti bażiċi tal-multi

1)      Fuq il-metodu ta’ aġġustament espost fid-deċiżjoni kkontestata

111    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tat rati ta’ tnaqqis separati lir-rikorrenti (90 %), lil Bong (88 %), lil Hamelin (85 %) u lil GPV (98 %) li ma kinux jikkorrispondu, bl-eċċezzjoni tal-każ tar-rikorrenti, għall-proporzjonijiet prodott/dħul mill-bejgħ ta’ dawn l-impriżi, jiġifieri 90 % għar-rikorrenti, 80 % għal Bong, 17 % għal Hamelin u 93 % għal GPV (ara l-premessi 15 sa 17 tad-deċiżjoni kkontestata).

112    L-għanijiet, ir-raġunijiet u l-metodu ta’ kalkolu li fuqhom huwa bbażat l-aġġustament tal-ammonti bażiċi mwettaq mill-Kummissjoni huma esposti fil-premessi 10 sa 22 u 57 sa 62 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 31 et seq iktar ’il fuq) li tammonta għal motivazzjoni emendata u kkompletata, jekk mhux saħansitra ġdida, meta mqabbla ma dik esposta fid-deċiżjoni inizjali li kienet tat lok għall-annullament tagħha fis-sentenza tal-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15, EU:T:2016:722).

113    Għalhekk, mill-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, għall-ewwel, aġġustat l-ammonti bażiċi billi ħadet inkunsiderazzjoni l-parti tal-valur tal-bejgħ tal-prodott suġġett għal kartell meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati, li hija ssejjaħ il-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ. Skont il-Kummissjoni, dawn l-aġġustamenti huma intiżi, fl-istess ħin, sabiex jiġi żgurat li l-multi aġġustati jirriflettu dejjem il-gravità ġenerali tal-ksur, mingħajr madankollu ma jkun hemm distorsjoni tal-piż relattiv tal-ammonti bażiċi rispettivi tal-imsemmija impriżi li jikkorrispondi għall-involviment paragunabbli tagħhom fl-akkordju. Din il-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ ġiet ikkalkolata abbażi tad-dħul mill-bejgħ totali tal-bejgħ tal-prodott suġġett għal kartell (envelops) meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ dinji totali fl‑2012 ta’ kull waħda minn dawn l-impriżi. Hekk kif jirriżulta mit-tabella A esposta fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, impriża bi proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ ogħla bbenefikat minn rata ta’ tnaqqis ogħla jew ugwali għal dik mogħtija lil impriża bi proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ iktar baxx (premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata).

114    Huwa rrilevat li kienet biss Hamelin, wara t-trasferiment tal-assi tagħha ta’ produzzjoni ta’ envelops, li ma wettqitx iktar bejgħ tal-prodott suġġett għal kartell fl-2012, u dan minħabba li l-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ tagħha kienet ġiet stmat billi d-dħul mill-bejgħ tagħha tal-2012 ġie pparagunat mal-bejgħ tal-prodott suġġett għal kartell ta’ dik is-sena magħmul mill-ex sussidjarja tagħha. Barra minn hekk, huwa indikat li GPV, l-impriża bil-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ l-iktar għoli, ibbenefikat minn tnaqqis ta’ 98 % neċessarju sabiex id-dħul mill-bejgħ tagħha jitniżżel taħt il-limitu ta’ 10 %. Konsegwentement, l-impriżi l-oħra bbenefikaw minn tnaqqis ta’ daqs iżgħar, iddeterminati b’mod individwali u li jirrifletti l-proporzjonijiet prodott/dħul mill-bejgħ rispettivi tagħhom, kif ukoll il-piż relattiv tal-ammonti bażiċi li kienu ġew attribwiti lilhom (premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata).

115    Skont il-Kummissjoni, tnaqqis lineari bbażat fuq il-proporzjonijiet prodott/dħul mill-bejgħ individwali kien iwassal għal riżultati mhux iġġustifikati u kien jikkawża distorsjoni tal-piż relattiv tal-ammonti bażiċi. Skont tali approċċ, pereżempju, l-ammont bażiku ta’ Mayer-Kuvert, bi proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ ta’ 76 %, kien jiġi aġġustat f’livell ogħla mill-ammont bażiku aġġustat tar-rikorrenti, bi proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ ta’ 90 %, filwaqt li, qabel l-aġġustament, l-ammont bażiku tagħhom kien iktar mid-doppju ta’ dak ta’ Mayer-Kuvert. Il-metodoloġija użata kienet għalhekk ippruvat, għal raġunijiet ta’ ekwità, tistabbilixxi mill-ġdid il-bilanċ bejn l-ammonti bażiċi aġġustati billi tagħti tnaqqis individwali li ma jirriflettix biss il-proporzjonijiet prodott/dħul mill-bejgħ, iżda wkoll in-natura paragunabbli tal-involviment tal-impriżi kkonċernati fl-akkordju, hekk kif jirriżulta mill-ammonti bażiċi mhux aġġustati (premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

116    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tippreċiża li, anki jekk Hamelin kellha proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ kunsiderevolment inqas minn dak tal-impriżi l-oħra, kien neċessarju li l-multa tagħha titnaqqas sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rwol tagħha fl-akkordju kien simili għal dak tal-imsemmija impriżi. Fid-dawl tal-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ tagħha, it-tnaqqis tal-ammont bażiku ta’ Hamelin huwa l-inqas importanti meta mqabbla ma’ dawk li bbenefikaw minnhom l-impriżi l-oħra kollha (premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata). Li kieku l-Kummissjoni bbażat it-tnaqqis biss fuq il-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati, Hamelin ma kinitx tibbenefika minn tnaqqis u l-ammont bażiku tagħha kien ikun ta’ bejn wieħed u ieħor 1 275 % ogħla mill-ammont bażiku aġġustat tar-rikorrenti, filwaqt li l-valur tal-bejgħ ta’ Hamelin kien biss ta’ 30 % ogħla minn dak tal-bejgħ tar-rikorrenti (premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dan jirriżulta li l-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa intiż għal Hamelin jirrifletti l-involviment paragunabbli tagħha fl-akkordju, kif ukoll il-gravità u t-tul tal-ksur, u għandu natura suffiċjentement dissważiva (premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

117    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, għandhom jiġu adottati l-elementi li ġejjin li wasslu lill-Kummissjoni biex taġġusta, eċċezzjonalment, fid-deċiżjonijiet inizjali u kkontestata, l-ammonti bażiċi tal-multi li kellhom jiġu imposti fuq l-impriżi kkonċernati:

–        il-ħtieġa li tiġi stabbilita rata ta’ tnaqqis li tniżżel l-ammont bażiku taħt il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali;

–        id-determinazzjoni ta’ rata ta’ tnaqqis, b’mod partikolari, skont il-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati fl-2012, iżda b’mod mhux lineari (proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ ogħla li jagħti lok għal rata ta’ tnaqqis ikbar, fejn il-punt ta’ riferiment hija GPV bi proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ ta’ 93 % li bbenefikat minn tnaqqis ta’ 98 %);

–        sa fejn l-istabbiliment mill-ġdid ta’ bilanċ bejn l-ammonti bażiċi aġġustati bl-għoti ta’ rati ta’ tnaqqis individwali ma jirriflettix biss il-proporzjonijiet prodott/dħul mill-bejgħ, iżda wkoll in-natura paragunabbli tal-involviment tal-impriżi kkonċernati fl-akkordju, hekk kif jirriżulta mill-ammonti bażiċi mhux aġġustati;

–        fil-każ ta’ Hamelin, id-determinazzjoni tar-rata ta’ tnaqqis l-iktar baxxa ta’ 85 % ikkalkolata minn proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ ta’ 17 % biss, stmata abbażi tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ tal-ex sussidjarja tagħha fl-2012, u minħabba n-neċessità li jiġi stabbilit mill-ġdid, għal raġunijiet ta’ ekwità, il-bilanċ tal-ammont bażiku tagħha aġġustat ma’ dawk ta’ impriżi oħra (tnaqqis fuq il-bażi tal-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ li jiġġenera ammont bażiku approssimattiv ta’ 1 275 % ogħla mill-ammont bażiku aġġustat tar-rikorrenti, filwaqt li l-valur tal-bejgħ ta’ Hamelin kien biss ta’ 30 % ogħla mill-ammont bażiku aġġustat tar-rikorrenti, filwaqt li l-valur tal-bejgħ ta’ Hamelin kien biss 30 % ogħla minn dak tal-bejgħ tar-rikorrenti).

2)      Fuq il-legalità tal-prinċipji u tal-għanijiet li ggwidaw l-aġġustament tal-ammonti bażiċi

118    Fir-rigward tat-tnaqqis mhux lineari tal-ammonti bażiċi tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi kkonċernati, ibbażat fuq id-diversi proporzjonijiet prodott/dħul mill-bejgħ, ir-rikorrenti essenzjalment jilmentaw li l-Kummissjoni tat, b’mod partikolari, lil Bong rata ta’ tnaqqis ta’ 88 % li hija kważi daqstant importanti daqs dik mogħtija favurihom (90 %), anki meta l-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ ta’ Bong ta’ 80 % kienet 10 % inqas minn dik tagħhom (90 %). Minn dan huma jiddeduċu li r-rata ta’ tnaqqis li għandha tingħata favurihom kellha tkun ogħla sabiex jiġi ssodisfatt il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Bl-istess mod, anki l-fatt li l-ammont bażiku hekk aġġustat, b’mod partikolari, fil-każ ta’ Bong, jirrappreżenta biss 4.7 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha, filwaqt li l-ammont bażiku aġġustat tar-rikorrenti huwa ekwivalenti għal 9.7 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, imur kontra dan il-prinċipju.

119    Issa, peress li l-Kummissjoni ma ddeterminatx ir-rati ta’ tnaqqis esklużivament jew skematikament fuq il-bażi ta’ dawn id-diversi proporzjonijiet prodott/dħul mill-bejgħ, ir-rikorrenti ma humiex fondati li jsostnu li minn dan neċessarjament tirriżulta evalwazzjoni komparattiva żbaljata, jew saħansitra inugwaljanza fit-trattament kontra tagħhom. Xorta jibqa’ l-fatt li, għall-finijiet tal-paragun tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, huwa neċessarju li wieħed jitlaq mid-diversi ammonti bażiċi mhux aġġustati, li ġew iddeterminati b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament filwaqt li jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur imwettaq u l-għan ta’ sanzjoni u ta’ dissważjoni (ara l-punti 107 u 108 iktar ’il fuq). Għal dan il-għan, għandu jiġi vverifikat jekk ir-riżultati tal-aġġustament rispettiv tal-imsemmija ammonti bażiċi, bl-għajnuna ta’ proporzjonijiet prodott/dħul mill-bejgħ, ikomplux ikollhom rabta suffiċjenti mal-kriterji rilevanti tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-linji gwida, b’mod partikolari mal-gravità tal-ksur u mal-għan ta’ sanzjoni u ta’ dissważjoni li l-evalwazzjoni tagħhom tiddependi b’mod partikolari fuq id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriżi kkonċernati.

120    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma jikkontestawx it-teħid inkunsiderazzjoni tal-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ fir-rigward tal-impriżi kollha kkonċernati għall-finijiet tal-aġġustament tal-ammonti bażiċi tagħhom taħt il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, iżda biss id-determinazzjoni mhux lineari tar-rati ta’ tnaqqis, allegatament għad-detriment tar-rikorrenti, fuq il-bażi tal-imsemmija proporzjonijiet u bl-għan li jinżamm il-bilanċ bejn id-diversi multi skont il-gravità tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati filwaqt li jiġi ggarantit li l-ammonti bażiċi aġġustati jkunu taħt il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali (ara t-tieni u t-tielet inċiż tal-punt 117, iktar ’il fuq). Issa, għandu bilfors jiġi kkonstatat li l-konsegwenzi tal-applikazzjoni ta’ dan il-metodu kienu, minn naħa, li r-rikorrenti ngħataw tnaqqis ikbar, f’termini ta’ perċentwali tal-ammont bażiku (90 %), minn dak li minnu bbenefikaw rispettivament Bong (88 %) u Hamelin (85 %), li magħhom huma jipparagunaw ruħhom, u, min-naħa l-oħra, li l-piż relattiv tal-multa finalment imposta fuq ir-rikorrenti naqas xi ftit u l-pożizzjoni relattiva tagħhom fil-klassifikazzjoni tal-impriżi kkonċernati f’ordni dixxendenti tal-ammonti ta’ multa imposti tjiebet billi għaddew, wara l-aġġustament tal-ammonti bażiċi, mit-tieni għat-tielet pożizzjoni. Barra minn hekk, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, li kieku hija kienet illimitat ruħha li tapplika l-imsemmi limitu ta’ 10 %, kif previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, bħala limitu massimu fl-aħħar tal-proċess ta’ kalkolu tal-multi, jiġifieri mingħajr aġġustament intermedju tal-ammonti bażiċi bbażat, b’mod partikolari, fuq il-proporzjonijiet prodott/dħul mill-bejgħ, il-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti kienet tkun ikbar u, b’mod iktar preċiż, it-tieni l-ikbar, minflok it-tielet l-ikbar waħda, fost dawk imposti fuq l-impriżi kollha kkonċernati.

121    Bl-istess mod, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-paragrafu 37 tal-linji gwida, mitlub mir-rikorrenti stess, il-Kummissjoni setgħet, bħala prinċipju, validament tadotta, fuq din il-bażi, metodu ta’ aġġustament mhux lineari tal-ammonti bażiċi sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni n-neċessità li dawn l-ammonti jibqgħu jirriflettu l-parteċipazzjoni paragunabbli tal-impriżi kkonċernati fl-akkordju kif ukoll il-piż relattiv tal-ammonti bażiċi mhux aġġustati li kienu ġew attribwiti lilhom. Fil-fatt, kif ġie espost, essenzjalment, fil-premessi 17 sa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-kriterji essenzjali li jirregolaw id-determinazzjoni tal-ammonti tal-multi, jiġifieri dawk tal-gravità u tat-tul tal-ksur imsemmija fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, kien imperattiv li tinżamm rabta suffiċjentement kbira bejn l-ammonti bażiċi aġġustati, minn naħa, u l-ammonti bażiċi mhux aġġustati, min-naħa l-oħra, peress li dawn tal-aħħar kienu ġew stabbiliti fid-dawl ta’ dawn il-kriterji u, b’mod partikolari, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tal-impriżi kkonċernati, sabiex jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti tas-sanzjonijiet (ara l-punt 119 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, tnaqqis lineari u skematiku tal-ammonti bażiċi, ibbażat biss fuq il-proporzjonijiet prodott/dħul mill-bejgħ, ma kienx jiżgura tali riżultat, iżda l-konsegwenza tiegħu kienet b’mod partikolari tkun, speċjalment fil-każ ta’ Bong u ta’ Mayer-Kuvert, li jiġu ffisati ammonti bażiċi aġġustati ħafna ogħla minn dawk tar-rikorrenti, minkejja li l-ammonti bażiċi mhux aġġustati ta’ dawn l-impriżi kienu inferjuri għal dak tar-rikorrenti.

122    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ, bħala koeffiċjent ta’ kalkolu pjuttost mhux tas-soltu li jgħaqqad flimkien il-valur tal-bejgħ u d-dħul mill-bejgħ globali, fiha nnifsha la tikkostitwixxi, b’kuntrast għall-kriterju tal-valur tal-bejgħ bħala tali, kriterju xieraq sabiex jiġu riflessi d-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ impriża u, għaldaqstant, l-importanza ekonomika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (ara, b’analoġija, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 93 iktar ’il fuq) u lanqas kriterju determinanti għall-iffissar ta’ multa. Li kieku dan kien il-każ, proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ ogħla tkun saħansitra ta’ natura li tiġġustifika żieda korrispondenti tal-ammont bażiku ta’ multa sabiex jiġu riflessi aħjar l-imsemmija daqs u saħħa ekonomika u jiġi ssodisfatt l-għan ta’ sanzjoni u ta’ dissważjoni. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tuża din il-proporzjon bħala għajnuna għall-korrezzjoni l-isfel, jew saħansitra pproċediet bl-approċċ kuntrarju billi tat lill-impriżi li għandhom tali proporzjon ogħla, ċertament b’mod mhux lineari, rata ta’ tnaqqis ikbar filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ bejn l-ammonti bażiċi aġġustati skont il-piż relattiv tal-impriżi kkonċernati fit-twettiq tal-ksur. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jirrappreżentaw ħażin anki r-rilevanza tad-dħul mill-bejgħ globali bħala kriterju rappreżentattiv tad-daqs u tas-saħħa ekonomika ta’ impriża (ara l-punt 88 iktar ’il fuq), peress li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 93 iktar ’il fuq tindika b’mod ċar li l-valur tal-bejgħ tal-prodott suġġett għal kartell huwa kriterju iktar idoneu għal dan il-għan li għandu, barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti fil-punti 119 u 121 iktar ’il fuq, jiġi rifless fl-ammonti bażiċi tal-multi li għandhom jiġu imposti. Għaldaqstant, anki jekk biss għal dawn ir-raġunijiet, ma jistax jiġi milqugħ l-argument tar-rikorrenti li l-metodoloġija ta’ aġġustament magħżula mill-Kummissjoni pproduċiet riżultati mingħajr rabta mad-daqs u mas-saħħa ekonomika (ara l-punt 72 iktar ’il fuq) u diskriminatorji sa fejn kienu jinvolvu diskrepanzi differenti meta mqabbla mal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali.

123    Bil-kontra ta’ dan, f’dan il-każ, il-Kummissjoni fittxet li żżomm il-bilanċ bejn l-ammonti bażiċi aġġustati, minn naħa, u l-piż relattiv tal-parteċipazzjoni tal-impriżi kkonċernati fil-ksur u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multi jkollhom effett dissważiv suffiċjenti, min-naħa l-oħra, fid-determinazzjoni, b’mod mhux lineari, tar-rati ta’ tnaqqis individwali sabiex jiġi ggarantit li dawn l-ammonti ma jaqbżux il-limitu ta’ 10 %, iżda jirriflettu dejjem in-natura paragunabbli tal-involviment tal-imsemmija impriżi fl-imsemmi ksur, imkejjel skont id-daqs u s-saħħa ekonomika tagħhom.

124    Minn dan isegwi li t-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ta’ rati ta’ tnaqqis individwali, ibbażati mhux biss fuq il-proporzjonijiet prodott/dħul mill-bejgħ rispettivi tal-impriżi kkonċernati, iżda wkoll fuq il-bżonn li tinżamm rabta suffiċjenti bejn l-ammonti bażiċi aġġustati, minn naħa, u l-piż relattiv tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju u n-neċessità li jiġi żgurat li l-multi jkollhom effett suffiċjentement dissważiv, kif espressi fl-ammonti bażiċi mhux aġġustati, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxi, fid-dawl tal-kriterji u tal-għanijiet tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, trattament ugwali ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli fis-sens tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, minbarra l-għan l-ammonti bażiċi jitniżżlu taħt il-limitu ta’ 10 %, dan l-approċċ kien intiż sabiex jittraduċi fl-ammonti bażiċi aġġustati kemm il-gravità tal-ksur, ikkalkolat skont id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriżi kkonċernati, kif ukoll in-natura dissważiva tas-sanzjoni, riflessa fl-ammonti bażiċi mhux aġġustati li kienu bbażati fuq il-valuri tal-bejgħ tal-prodott suġġett għal kartell. Min-naħa l-oħra, tnaqqis lineari u skematiku tal-ammonti bażiċi biss skont il-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ, li ma tikkostitwixxix preċiżament kriterju xieraq sabiex jkunu rrappreżentati d-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriżi kkonċernati, ma kienx jiżgura ż-żamma ta’ tali rabta, iżda, bil-kontra ta’ dan, kien x’aktarx jikkawża distorsjoni tagħha, jew saħansitra jaqtaha kompletament (ara l-punt 122 iktar ’il fuq).

125    Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u għanijiet li ggwidaw l-aġġustament tal-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq l-impriżi kkonċernati, għandu jiġi evalwat, b’mod iktar preċiż, jekk ir-rikorrenti kinux jinsabu jew le f’sitwazzjonijiet paragunabbli ma’ dawk ta’ Bong u ta’ Hamelin, minn naħa (l-ewwel parti prinċipali), u ta’ GPV, min-naħa l-oħra (it-tieni parti sussidjarja), u jekk dawn is-sitwazzjonijiet irċevewx trattament ugwali jew inugwali, jekk ikun il-każ, oġġettivament iġġustifikat jew le.

c)      Fuq il-paragun mas-sitwazzjoni ta’ Bong

126    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament (ara l-punt 84 iktar ’il fuq) issostni li, essenzjalment, anki jekk il-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ ta’ Bong kienet b’10 % inqas minn dik tar-rikorrenti, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ammont bażiku mhux aġġustat ta’ Bong kien ftit iżgħar minn dak tar-rikorrenti. Għaldaqstant, indipendentement minn din id-differenza fil-proporzjonijiet prodott/dħul mill-bejgħ rispettivi, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li ma kienx iġġustifikat li jiġu ffissati ammonti bażiċi aġġustati li jippreżentaw diskrepanzi sostanzjalment differenti. Issa, wara l-aġġustament tiegħu, l-ammont bażiku aġġustat ta’ Bong (EUR 13 860 000) kien saħansitra ogħla minn dak tar-rikorrenti (EUR 11 823 500), u dan juri li r-rata ta’ tnaqqis ta’ 90 % applikata fuq ir-rikorrenti — ikbar minn dik ta’ 88 % applikata għal Bong — tathom vantaġġ komparattiv. Kien għalhekk mingħajr ma wettqet żball ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni qieset li tnaqqis addizzjonali tal-ammont bażiku aġġustat tar-rikorrenti, hekk kif mitlub minnhom, kien ikollu l-effett li jagħtihom vantaġġ sproporzjonat u li fuqhom tiġi imposta multa li ma tkunx suffiċjentement dissważiva fir-rigward tas-sitwazzjoni komparattiva inizjali li tippreżenta ruħha fir-rigward tal-ammonti bażiċi mhux aġġustati u ddeterminati skont il-valur tal-bejgħ tal-prodott suġġett għal kartell.

127    Minn dan jirriżulta wkoll li l-allegata eżistenza ta’ diskrepanza sinjifikattiva bejn l-ammonti bażiċi aġġustati meta mqabbla mal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali, jiġifieri 4.7 % għal Bong u 9.7 % għar-rikorrenti, tikkostitwixxi biss ir-riżultat tal-aġġustament ugwali evalwat u vvalidat fil-punti 120 sa 125 iktar ’il fuq, b’tali mod li l-ilment imqajjem f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

128    Mill-kumplament, anki jekk jitqies li l-aġġustament mhux lineari tal-ammont bażiku ta’ Bong għandu jiġi kkwalifikat bħala trattament mhux ugwali ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli, iddeterminati biss bil-proporzjonijiet prodott/dħul mill-bejgħ, li ma huwiex il-każ, tali trattament inugwali huwa, fi kwalunkwe każ, għar-raġunijiet esposti fil-punti 121 sa 124 iktar ’il fuq, oġġettivament iġġustifikat għall-finijiet tal-istabbiliment mill-ġdid tal-bilanċ tal-multi skont l-għan ta’ sanzjoni u ta’ dissważjoni, u għaldaqstant ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tar-rikorrenti.

129    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq inugwaljanza fit-trattament tar-rikorrenti meta mqabbla ma Bong għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

d)      Fuq il-paragun mas-sitwazzjoni ta’ Hamelin

130    Fir-rigward tal-paragun mas-sitwazzjoni ta’ Hamelin, għandu jiġi kkonstatat li mill-premessi 16, 17, 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fid-dawl tal-informazzjoni tas-sena ta’ referenza 2012 maħsuba sabiex jiġu ddeterminati u aġġustati l-ammonti bażiċi, Hamelin kienet tinsab f’sitwazzjoni unika u għaldaqstant separata minn dik tal-impriżi l-oħra kkonċernati, inklużi r-rikorrenti. Dan jirriżulta, minn naħa, mill-assenza ta’ natura “monoprodott” tal-attività ekonomika tagħha u, min-naħa l-oħra, mill-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ tagħha ta’ biss 17 % li, barra minn hekk, kien stmat abbażi tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ tal-ex sussidjarja tagħha fl-2012 li nbiegħ lil Bong fl‑2010.

131    Fil-fatt, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, b’kuntrast mas-sitwazzjoni tal-impriżi l-oħra kkonċernati, l-aġġustament tal-ammont bażiku ta’ Hamelin, skont il-paragrafu 37 tal-linji gwida, bl-applikazzjoni fil-konfront tagħha ta’ rata ta’ tnaqqis ta’ 85 %, jiġifieri l-iktar waħda baxxa meta mqabbla ma’ dawk mogħtija lill-impriżi l-oħra, la setgħet tiġi mmotivata min-natura “monoprodott” tagħha u lanqas mill-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ tagħha, iżda kienet essenzjalment ibbażata fuq raġunijiet ta’ ekwità marbuta mal-parteċipazzjoni paragunabbli tagħha fl-akkordju u man-neċessità li jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ bejn il-multi imposti. F’dan l-istess sens, il-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata tirrileva li, fl-assenza ta’ applikazzjoni fil-konfront ta’ Hamelin ta’ rata ta’ tnaqqis ta’ 85 % tal-ammont bażiku, dan l-ammont kien ikun ta’ madwar 1 275 % ogħla minn dak tar-rikorrenti, minkejja li l-valur tal-bejgħ tal-prodott suġġett għal kartell li hija wettqet fl-2007 kien biss ta’ 30 % ogħla mill-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti. Madankollu, kif enfasizzat il-Kummissjoni, tali riżultat kien ikun sproporzjonat u inkompatibbli mal-ħtieġa li jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ bejn il-multi li għandhom jirriflettu l-importanza paragunabbli tal-parteċipazzjoni tal-impriżi kkonċernati fil-ksur u jiggarantixxu effett dissważiv komparattiv suffiċjenti, bħal dak tradott mill-ammonti bażiċi mhux aġġustati li kienu ġew iddeterminati fuq il-bażi tal-valur tal-bejgħ tal-prodott suġġett għal kartell fl-2007 sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqsijiet u s-saħħa ekonomika rispettivi tal-imsemmija impriżi.

132    Għalhekk, anki jekk l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ Hamelin jista’ jiġi kklassifikat bħala trattament ugwali ta’ sitwazzjonijiet differenti — inkwantu kien jikkonsisti fl-għoti lil-Hamelin ta’ rata ta’ tnaqqis ta’ 85 %, ibbażata prinċipalment fuq il-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ intiża sabiex tieħu inkunsiderazzjoni n-natura “monoprodott” tal-impriżi l-oħra, minkejja li hija ma kinitx tikkostitwixxi tali impriża u kellha biss proporzjon limitata ħafna f’dan ir-rigward –, l-aġġustament tal-ammont bażiku tagħha kien oġġettivament iġġustifikat, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-punti 120 sa 124 iktar ’il fuq u tal-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ Hamelin fil-ksur li tat lok għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku mhux aġġustat tagħha kienet paragunabbli ħafna ma’ dik tal-impriżi l-oħra (ara l-punti 107 u 108 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar il-fatt li l-ammont bażiku aġġustat tal-multa ta’ Hamelin jibqa’ l-iktar għoli meta mqabbel ma’ dawk tal-impriżi l-oħra, u dan jieħu inkunsiderazzjoni l-valur tal-ogħla bejgħ li kien imputabbli lilha fl-2007 u tal-ammont bażiku mhux aġġustat tagħha, kif ukoll tal-iċken proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ. Dawn l-elementi, ikkunsidrati flimkien, ittraduċew ruħhom fl-għoti ta’ rata ta’ tnaqqis ta’ 85 % li hija inqas minn dik tal-impriżi l-oħra kollha, bir-riżultat li l-ammont bażiku aġġustat ġie ffissat għal kważi darbtejn ogħla minn dak tar-rikorrenti (EUR 22 607 550 meta mqabbel ma EUR 11 823 500), li l-Kummissjoni setgħet validament tikkwalifika bħala proporzjonat u suffiċjentement dissważiv. F’dan il-kuntest, għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li, għalkemm l-ammont bażiku mhux aġġustat ta’ Hamelin kien diġà l-ogħla (EUR 150 717 000), dan kien jaqbeż dak tar-rikorrenti (EUR 118 235 000) biss bi kwart. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tieħu inkunsiderazzjoni n-natura potenzjalment eċċessiva tal-ammont bażiku ta’ Hamelin, bħala ċirkustanza oħra partikolari fis-sens tal-paragrafu 37 tal-linji gwida, sabiex tiġġustifika aġġustament kunsiderevoli tal-imsemmi ammont u tiggarantixxi li dan ikun, bħall-ammonti bażiċi l-oħra, mhux biss taħt il-limitu ta’ 10 %, iżda wkoll li jkun ibbilanċjat magħhom.

133    Minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ diskrepanza sinjifikattiva bejn l-ammonti bażiċi aġġustati meta mqabbla mal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali, jiġifieri 4.5 % għal Hamelin u 9.7 % għar-rikorrenti, hija biss ir-riżultat tal-aġġustament oġġettivament iġġustifikat evalwat u vvalidat fil-punti 130 sa 132 iktar ’il fuq, b’tali mod li l-ilment imqajjem f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

134    Bl-istess mod, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt tattribwixxi lil Hamelin proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ ta’ 17 % ma jistax jiġi milqugħ. Għall-kuntrarju, ladarba l-Kummissjoni kienet iddeterminat l-ammonti bażiċi mhux aġġustati tal-impriżi kollha kkonċernati, inkluż Hamelin, abbażi tal-valur tal-bejgħ tal-prodott suġġett għal kartell fl-2007, jiġifieri f’mument meta Hamelin kienet għadha attiva fil-produzzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott suġġett għal kartell, kien saħansitra indispensabbli li hija twettaq stima ta’ proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ fittizju, iżda madankollu suffiċjentement affidabbli ta’ Hamelin fl-2012 sabiex tkun tista’ twettaq kif jistħoq aġġustament ugwali tal-imsemmija ammonti bażiċi.

135    Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament tar-rikorrenti meta mqabbla ma Hamelin u, għaldaqstant, l-ewwel parti, invokata b’mod prinċipali, ta’ dan il-motiv għandhom jiġu miċħuda għaliex infondati.

e)      Fuq il-paragun mas-sitwazzjoni ta’ GPV

136    Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, invokata b’mod sussidjarju, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni, essenzjalment, talli wettqet diskriminazzjoni kontrihom meta mqabbla ma’ GPV billi ffissatilha ammont bażiku aġġustat li huwa nettament iktar baxx minn tagħhom.

137    Fir-rigward tal-paragun mas-sitwazzjoni ta’ GPV, għandu jitfakkar li, b’kuntrast mar-rikorrenti li, għall-finijiet tal-aġġustament tal-ammont bażiku tagħhom, ġew assenjati rata ta’ tnaqqis ta’ 90 % li tikkorrispondi preċiżament għall-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ tagħhom, GPV ibbenefikat minn rata ta’ tnaqqis ta’ 98 %, jiġifieri ħames punti ogħla mill-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ tagħha ta’ 93 %. Minn dan irriżulta ammont bażiku aġġustat ħafna inqas għoli minn dak tal-impriżi l-oħra kkonċernati, b’mod partikolari ta’ Bong u tar-rikorrenti (EUR 2 063 920 meta mqabbel ma EUR 13 860 000 u EUR 11 823 500), minkejja li l-ammonti bażiċi mhux aġġustati ta’ GPV, ta’ Bong u tar-rikorrenti kienu pjuttost qrib xulxin (EUR 103 196 000, EUR 115 500 000 u EUR 118 235 000).

138    Hekk kif jirriżulta mill-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, skont il-Kummissjoni, dan l-approċċ kien b’mod partikolari neċessarju sabiex l-ammont bażiku mhux aġġustat jitniżżel bl-eżatt taħt il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ GPV fl-2013, u r-rata ta’ tnaqqis ta’ 98 % kienet tikkostitwixxi r-riferiment massimu li fir-rigward tiegħu ġew iddeterminati r-rati ta’ tnaqqis l-oħra. Fil-fatt, bi tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkonfermat li d-dħul mill-bejgħ globali ta’ GPV fl-2012 kien jammonta għal EUR 23 460 596 (li serva sabiex tiġi ddeterminata l-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ) u fl-2013 għal EUR 23 356 449 (li serva għall-applikazzjoni intermedja tal-limitu ta’ 10 %). Fil-mori tal-kawża, il-Kummissjoni spjegat ukoll li r-rata ta’ tnaqqis ta’ 98 % mogħtija lil GPV kienet prinċipalment dovuta għan-neċessità li l-ammont bażiku tagħha jitniżżel taħt il-limitu ta’ 10 %, minħabba l-fatt li l-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ tagħha kien komparattivament l-ogħla u li d-dħul mill-bejgħ globali tagħha kien naqas sostanzjalment fl-2012 u fl-2013 (ara l-punt 86 iktar ’il fuq).

139    Issa, fid-dawl, l-ewwel nett, tal-valur relattivament kbir tal-bejgħ ta’ GPV tal-prodott suġġett għal kartell fl-2007 li kien l-oriġini tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku mhux aġġustat tagħha, it-tieni nett, tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha partikolarment baxx fl-2012 u fl-2013 meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi l-oħra kkonċernati, u, it-tielet nett, tal-fatt li, fil-każ ta’ GPV, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ u tal-limitu ta’ 10 % sabiex l-ammont bażiku tagħha jiġi aġġustat kellu neċessarjament iwassal għal tnaqqis sostanzjali, jew saħansitra sproporzjonat tal-imsemmi ammont, għandu bilfors jiġi kkonstatat li GPV kienet tinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-impriżi l-oħra kkonċernati, inklużi r-rikorrenti. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-istess metodoloġija ta’ aġġustament tal-ammont bażiku fir-rigward tagħha permezz, b’mod partikolari, tal-applikazzjoni tal-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ sabiex l-imsemmi ammont jitniżżel taħt il-limitu ta’ 10 %, tikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament favur GPV.

140    Barra minn hekk, anki jekk, b’dan il-mod, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li timplementa l-ispirtu tas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni (T-211/08, EU:T:2011:289, punt 80), xorta jibqa’ l-fatt li r-riżultat ta’ din l-operazzjoni wassal sabiex l-ammont bażiku aġġustat ta’ GPV jiġi ffissat fuq livell li kien ħafna inqas minn dak tal-impriżi l-oħra kollha. Fuq kollox, il-livell tal-imsemmi ammont ma kienx għadu jippreżenta, għall-kuntrarju tas-sitwazzjonijiet ta’ Bong, ta’ Hamelin u tar-rikorrenti u kuntrarjament għar-rekwiżiti mfakkra fil-punt 123 iktar ’il fuq, rabta suffiċjentement importanti mal-ammont bażiku mhux aġġustat ta’ GPV, minkejja li dan kien intiż li jirrifletti, b’mod partikolari, id-daqs u s-saħħa ekonomika reali ta’ din l-impriża li kkaratterizzat l-importanza relattiva tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ GPV, il-Kummissjoni wettqet aġġustament wisq skematiku u riġidu tal-ammont bażiku fid-dawl tal-limitu ta’ 10 % billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni unika tagħha li kienet tinsab f’diskrepanza sostanzjali bejn il-valur tal-bejgħ tagħha fl-2007, bħala kriterju essenzjali li jirrappreżenta d-daqs tagħha u s-saħħa ekonomika tagħha, u d-dħul mill-bejgħ globali tagħha fl-2012 u fl-2013. Għalhekk, l-effett ta’ dan l-approċċ kien li l-ammont bażiku aġġustat ta’ GPV jiġi separat mill-kriterji u mill-għanijiet ta’ sanzjoni u ta’ dissważjoni fis-sens tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 billi ġie ġġenerat, f’dan l-istadju intermedju tal-proċess tal-kalkolu tal-multi, riżultat li normalment iseħħ biss fl-aħħar ta’ dan il-proċess, jiġifieri waqt l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tal-istess regolament.

141    Għalhekk, abbażi ta’ din il-metodoloġija, l-effett tat-teħid inkunsiderazzjoni favur GPV tal-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ tagħha u tal-limitu ta’ 10 %, minkejja d-diskrepanza sostanzjali bejn il-valur tal-bejgħ tagħha u d-dħul mill-bejgħ globali tagħha, kellu jkun li tinkiser ir-rabta meħtieġa bejn l-ammonti bażiċi mhux aġġustati u dawk aġġustati. Minn dan irriżulta li, kuntrarjament għall-għan enfasizzat mill-Kummissjoni stess fil-kuntest tal-paragun tas-sitwazzjonijiet ta’ Bong, ta’ Hamelin u tar-rikorrenti, l-ammont bażiku aġġustat ma kienx iktar f’pożizzjoni li jittraduċi d-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ GPV u li jiġi żgurat effett suffiċjentement dissważiv fir-rigward tagħha, u lanqas li dan l-ammont jiġi bbilanċjat ma’ dak tal-multi tal-impriżi l-oħra, b’tali mod li dan it-trattament inugwali ma setax ikollu ġustifikazzjoni oġġettiva. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 96 u 97 iktar ’il fuq li l-applikazzjoni tagħha hija preċiżament dipendenti fuq l-osservanza tal-limitu ta’ 10 % bħala limitu massimu fl-aħħar tal-proċess ta’ kalkolu tal-multa u mhux fl-istadju intermedju tal-aġġustament tal-ammonti bażiċi tal-multi (ara l-punt 104 iktar ’il fuq). Fil-fatt, fl-assenza ta’ aġġustament tal-ammont bażiku ta’ GPV, il-multa li kellha tiġi imposta finalment fuqha wara l-applikazzjoni ta’ dan il-limitu massimu, kienet tkun nettament ogħla, jiġifieri madwar EUR 2.34 minflok EUR 1.651 miljun, hekk kif ġiet imposta fid-deċiżjoni inizjali.

142    Konsegwentement, l-applikazzjoni tal-metodu ta’ aġġustament tal-ammonti bażiċi fir-rigward ta’ GPV tikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament mhux iġġustifikata oġġettivament fir-rigward tal-impriżi l-oħra kkonċernati, b’mod partikolari fir-rigward ta’ Bong u tar-rikorrenti.

143    Madankollu, dan ma jfissirx li t-tieni parti ta’ dan il-motiv, invokata b’mod sussidjarju, għandha tintlaqa’.

144    F’dan ir-rigward, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, minn naħa, matul is-seduta, ir-rikorrenti ripetutament ikkonfermaw li ma humiex qed jikkontestaw il-legalità tal-multi imposti fuq l-impriżi l-oħra kkonċernati li saru definittivi, inkluża dik tal-multa imposta fuq GPV. Min-naħa l-oħra, anki jekk it-trattament iktar favorevoli u mhux iġġustifikat oġġettivament ta’ GPV huwa illegali, għandu jitfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tiġi rrikonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità li jipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay vs Il-Kummissjoni, C-455/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:796, punt 109; tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni, C-155/14 P, EU:C:2016:446, punt 58, u tal-14 ta’ Settembru 2017, LG Electronics u Koninklijke Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, C-588/15 P u C-622/15 P, EU:C:2017:679, punt 91).

145    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw, favur tagħhom, l-illegalità mwettqa favur l-unika impriża GPV. F’dan il-każ, dan huwa inqas u inqas possibbli peress li, minn naħa, id-deċiżjoni inizjali saret definittiva fir-rigward ta’ GPV u l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha ma huwiex is-suġġett ta’ din il-kawża u, min-naħa l-oħra, l-impriżi l-oħra kollha kkonċernati, ħlief GPV, ġew ittrattati, fuq il-bażi tal-istess metodoloġija ta’ aġġustament tal-ammonti bażiċi tal-multi, b’mod ugwali. Fil-fatt, li kieku t-talba tar-rikorrenti sabiex tingħatalhom rata ta’ tnaqqis ikbar kellha tiġi milqugħa, dan jista’ jqajjem dubju dwar l-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tagħhom fil-kuntest tal-aġġustament tal-ammonti bażiċi meta mqabbla ma’ Bong, ma Mayer-Kuvert u ma Hamelin, li l-multi tagħhom ukoll saru definittivi u li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti diġà kienu avvantaġġati (ara l-punti 118 sa 135 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma pprovawx li l-illegalità mwettqa fir-rigward ta’ GPV kienet taqa’ taħt l-applikazzjoni ta’ kriterju legali differenti sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa jew li kellu bħala konsegwenza li jnaqqas il-piż relattiv ta’ GPV fil-ksur għad-detriment tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, LG Electronics u Koninklijke Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, C-588/15 P u C-622/15 P, EU:C:2017:679, punti 95 u 96).

146    Konsegwentement, it-tieni parti ta’ dan il-motiv u, għaldaqstant, l-imsemmi motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda għaliex infondati.

C.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni jew ta’ ekwità

147    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-legalità tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-multa diġà imposta miċ-CNC fid-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2013 (premessi 46 u 56 tad-deċiżjoni kkontestata). Huma ma jinvokawx ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, iżda ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif interpretat fis-sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4, punt 11), rilevanti anki fl-assenza ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, u magħruf fil-letteratura ġuridika Ġermaniża bl-isem ta’ prinċipju ta’ imputazzjoni (Anrechnungsprinzip) jew taħt l-eżiġenza ġenerali ta’ ekwità li l-Kummissjoni nnifisha diġà osservat fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha.

148    Fil-premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żbaljatament ċaħdet il-paragunabbiltà bejn il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha u l-każ ineżami billi ddikjarat li ma ntweriex li r-rikorrenti kienu jinsabu f’sitwazzjoni ekonomika diffiċli jew li l-impatt ikkombinat taż-żewġ sanzjonijiet kien ta’ portata tali li kien hemm lok li jiġi deċiż li hija kellha effett dissważiv iż-żejjed. Kif dan diġà ġie indikat lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, is-sitwazzjoni ekonomika tar-rikorrenti ddeterjorat b’mod kunsiderevoli minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja kif ukoll minħabba t-tnaqqis ġenerali tad-domanda għal envelops tal-karta f’ambjent iktar ma jmur iddiġitallizzat, u din hija r-raġuni li għaliha huma sofrew telf ta’ EUR 2 900 000 fl-2013, li jiżdied mat-telf qabel it-taxxa sostnut fl-2012 ta’ EUR 18 855 000, li minnhom EUR 12 002 000 kienu fir-rigward tal-multi imposti miċ-CNC. Għalhekk, fi Frar 2014, huma kellhom ikeċċu 132 impjegati miċ-ċentu prinċipali ta’ produzzjoni f’Alcalá de Henares (Spanja), jiġifieri 28 % tal-impjegati, u d-dħul nett fl-2013 kien naqas bi 8.5 % meta mqabbel mal-2012. Fir-rigward tan-natura dissważiva eċċessiva, ir-rikorrenti jfakkru li l-multa imposta miċ-CNC kienet ekwivalenti għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, filwaqt li dik imposta fid-deċiżjoni kkontestata kienet ekwivalenti għal 9.7 % tal-istess dħul mill-bejgħ globali. Għaldaqstant, l-effett ikkombinat tagħhom kien kważi darbtejn ogħla mil-limitu massimu ta’ 10 %.

149    Ir-rikorrenti jispeċifikaw li ppreżentaw informazzjoni ddettaljata li turi r-rabta, is-“sovrappożizzjoni parzjali” jew il-komplementarjeta u l-interazzjoni evidenti li teżisti bejn il-fatti finalment issanzjonati miċ-CNC u dawk issanzjonati fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-akkordju ssanzjonat minn din tal-aħħar jista’ jiġi spjegat biss abbażi u fil-kuntest ġenerali jew organizzattiv tal-ftehimiet konklużi bejn l-impriżi li huma s-suġġett tal-investigazzjoni wara l-adeżjoni ta’ Spanja mal-Komunitajiet Ewropej fl-1986. Sa din id-data, il-ftehimiet antikompetittivi fis-suq Spanjol tal-1978 kienu ġew konklużi fuq skala nazzjonali, peress li dan is-suq kien protett kontra l-importazzjonijiet minn dazju doganali ta’ 36 % fuq l-envelops. Wara din l-adeżjoni u l-iżmantellament tad-dazji doganali, il-produtturi Spanjoli ntebħu li l-perennità tal-ftehimiet tagħhom kienet tiddependi mill-protezzjoni tas-suq Spanjol kontra d-dħul ta’ produtturi barranin. Għaldaqstant, dawn il-ftehimiet kienu ġew estiżi għal Franza u għall-Portugall permezz ta’ ftehim konkluż f’Pariġi (Franza), fit-16 ta’ Lulju 1986, bejn il-produtturi prinċipali Spanjoli u Franċiżi u bi ftehim simili konkluż qabel mal-produtturi prinċipali Portugiżi. Dawn il-ftehimiet ġew ikkomunikati lill-produtturi Spanjoli kollha miġbura fi ħdan l-Asociación Española de Fabricantes de Sobres y Manipulados de Papel y Cartón para la Enseñanza y la Oficina (ASSOMA) waqt laqgħa li nżammet fis-16 ta’ Ottubru 1986. Dawn ġew sussegwentement estiżi, fl‑1995, għal Hamelin u, fl-1999, għal produttur Svediż Bong sabiex jiġu koperti wkoll il-pajjiżi nordiċi, ir-Renju Unit u Franza. Konsegwentement, il-funzjonament tal-ftehimiet fi Spanja kien jiddependi fuq l-eżistenza tal-ftehimiet Ewropej li jipproteġu s-suq Spanjol kontra d-dħul ta’ produtturi barranin.

150    Skont ir-rikorrenti, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-multa imposta miċ-CNC huwa wkoll diskriminatorju fir-rigward tagħhom. Dawn huma l-unika impriża fost dawk iddikjarati responsabbli għall-ksur imsemmi fid-deċiżjoni inizjali li ġiet issanzjonata minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għal fatti marbuta ma’ dawk li ġew issanzjonati mill-Kummissjoni. Bil-kontra ta’ dak li huwa indikat fil-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, it-talba għal tnaqqis ibbażata fuq is-sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4), ma tatihomx de facto vantagg, iżda hija intiża sabiex tiġi rrikonoxxuta ċirkustanza fattwali li hija assenti fil-każ tal-impriżi l-oħra ssanzjonati mid-deċiżjoni inizjali. Għaldaqstant, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali — sussidjarjament fir-rigward tal-ewwel motiv u b’mod komplementari fir-rigward tat-tieni motiv — li tbiddel id-deċiżjoni kkontestata u li tnaqqas b’ammont addizzjonali ta’ 33 % il-multa li ġiet imposta fuqhom sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-multa imposta miċ-CNC fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Marzu 2013, li l-fondatezza tagħha ġiet ikkonfermata mill-Audiencia Nacional, Sala de lo Contencioso (Il-Qorti Nazzjonali, awla tal-kontenzjuż) fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Marzu 2017. Ir-rikorrenti jkomplu jesponu, essenzjalment, li din is-sentenza tirrikonoxxi li l-“perijodu [tal-fatti ssanzjonati mill-Kummissjoni] huwa sovrappost” għal dak tal-fatti ssanzjonati miċ-CNC u li teżisti sovrappożizzjoni fir-rigward tal-prodott (l-envelops tal-karta). Dan jikkonferma l-eżistenza ta’ sovrappożizzjoni parzjali jew in-natura identika tal-kuntest organizzattiv li jikkonċerna l-prattiki ssanzjonati miċ-CNC u dawk issanzjonati mid-deċiżjoni kkontestata.

151    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

152    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, b’mod iktar preċiż tal-prinċipju ta’ ekwità, minħabba li, essenzjalment, kuntrarjament għall-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa imposta fid-deċiżjonijiet inizjali u kkontestata, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-multa li ċ-CNC kienet imponitilhom fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Marzu 2013, bħala l-unika impriża fost id-destinatarji tad-deċiżjoni inizjali, minkejja li l-ammont tal-imsemmija multa kien diġà ogħla minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom (ara l-premessi 46 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata).

153    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkuntesta li l-prinċipju ta’ ekwità, kif rikonoxxut fis-sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4, punt 11), huwa applikabbli fil-kawża preżenti.

154    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-għoti tas-sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4), l-ewwel nett, is-sistema ta’ kompetenzi paralleli tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, ibbażata fuq ir-Regolament Nru 1/2003, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, kienet għadha ma teżistix; it-tieni nett, il-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex japplikaw, b’mod partikolari, l-Artikolu 101 TFUE – u biss il-paragrafu 1 tiegħu – kienu iktar ristretti, u, it-tielet nett, il-metodu tal-applikazzjoni tagħha b’mod parallel għal dik tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni kien għadu ma ġiex iċċarat permezz ta’ leġiżlazzjoni fis-sens tal-Artikolu 103 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et, 14/68, EU:C:1969:4, punti 2 sa 9, u tal-21 ta’ Marzu 1974, BRT u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs, 127/73, EU:C:1974:25, punti 7 et seq). Barra minn hekk, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4), kienet tirrigwarda l-applikazzjoni mill-Bundeskartellamt (l-Uffiċċju Federali tal-Kompetizzjoni, il-Ġermanja) biss tad-dritt Ġermaniż tal-kompetizzjoni għal akkordju li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni kienet bdiet b’mod parallel proċedura għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 85 KEE. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għalhekk ħadet inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni jimponu, b’mod separat u kumulattiv, multi sabiex jissanzjonaw, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, “l-istess akkordju”, u dan jimplika l-ħtieġa, skont il-prinċipju ġenerali ta’ ekwità, li jiġi evitat “kumulu ta’ sanzjonijiet”.

155    Issa, f’dan il-każ, iċ-CNC applikat kemm l-Artikolu 101 TFUE kif ukoll id-dritt tal-kompetizzjoni Spanjol, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 li jikkostitwixxi preċiżament ir-regolament fis-sens tal-Artikolu 103(1) u (2) (e) TFUE (l-ex Artikolu 87(2) (e) KEE) fid-dawl tal-applikazzjoni tal-prinċipji li jinsabu fl-Artikoli 101 u 102 TFUE u tad-definizzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, minn naħa, u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, fis-sens tas-sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4, punt 4). Fil-fatt, dan ir-regolament ma jipprevedix biss li l-implimentazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE hija fdata, fil-parti l-kbira, f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni abbażi tal-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet tagħhom, inkluż tal-Artikolu 101(3) TFUE (ara l-premessa 4 tal-imsemmi regolament li tagħmel riferiment għas-sistema ta’ eċċezzjoni legali), iżda huwa intiż ukoll, abbażi tar-regola tal-konverġenza prevista fl-Artikolu 3 tiegħu u tal-prinċipju ta’ aupremazija (sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et, 14/68, EU:C:1969:4, punt 6), sabiex iżomm il-koerenza, jekk mhux saħansitra l-uniformità tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 101 TFUE, u tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni korrispondenti f’dak li jirrigwarda r-riżultat li għandu jintlaħaq, meta jkun issodisfatt il-kriterju tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

156    Minn dan jirriżulta li, meta, bħal f’dan il-każ, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jkun miftuħ, ma jkunx iktar possibbli li jiġi kkunsidrat li l-proċeduri mibdija mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-Kummissjoni jsegwu “għanijiet separati” fis-sens tas-sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4, punt 11). Dan huwa dovut għall-fatt li, minn naħa, sa fejn dawn il-proċeduri huma intiżi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, irrispettivament minn liema hija l-awtorità tal-kompetizzjoni li tmexxihom, dawn għandhom l-istess għanijiet, jiġifieri l-preżervazzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq uniku (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Toshiba Corporation et, C-17/10, EU:C:2011:552, punt 81), u, min-naħa l-oħra, sa fejn id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni jibqa’ applikabbli, l-implimentazzjoni tiegħu għandha, abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1/2003, twassal għall-istess riżultat bħal dak tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Minn dan isegwi li, fis-sistema ta’ kompetenzi paralleli abbażi tal-istess regolament, “kumulu ta’ sanzjonijiet” fis-sens tas-sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4), huwa possibbli biss fil-każ ta’ applikazzjoni parallela tal-Artikolu 102 TFUE u tad-dritt nazzjonali korrispondenti, iżda iktar strett li jipprojbixxi jew li jissanzjona aġir unilaterali ta’ impriża, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

157    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, tali “kumulu ta’ sanzjonijiet” lanqas ma jista’ jkun ibbażat fuq l-allegata sovrappożizzjoni tad-diversi ksur inkwistjoni u inqas u inqas fid-dawl tal-effetti territorjali rispettivi tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ sitwazzjoni analoga ta’ implimentazzjoni parallela tad-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali u dak tal-Unjoni, fejn l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kienet tirrigwarda biss l-aġir antikompetittiv fit-territorju nazzjonali, filwaqt li l-proċedura dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE mibdija mill-Kummissjoni kienet tikkonċerna n-natura antikompetittiva tal-istess aġir fi ħdan is-suq uniku bl-esklużjoni tat-territorju nazzjonali kkonċernat, li l-prinċipju ta’ ne bis in idem — li ċertament ma ġiex invokat mir-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv — ma kienx applikabbli minħabba li l-kriterju tal-identiċità tal-fatti kien nieqes (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punti 96 sa 103. Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ekwità ma kinitx tqajjmet u ma kinitx timponi ruħha b’mod analogu għal dik li kienet is-suġġett tas-sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4, punt 11), fejn kien tabilħaqq hemm kumulu ta’ sanzjonijiet tal-istess akkordju fit-territorji sovrapposti, jiġifieri l-Ġermanja, minn naħa, u s-suq komuni, inkluża l-Ġermanja, min-naħa l-oħra. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, l-istess bħas-sitwazzjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C-17/10, EU:C:2012:72), kemm tali sovrappożizzjoni territorjali kif ukoll tali kumulu ta’ sanzjonijiet huma esklużi sa mill-bidu.

158    Mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni definittiva dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-prinċipju ta’ ekwità jistax jiġi applikat għal sitwazzjonijiet fejn l-Artikolu 101 TFUE u d-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni korrispondenti huma applikati b’mod parallel, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-fatti li wasslu għad-deċiżjonijiet inizjali u kkontestata u dawk li taw lok għad-deċiżjoni taċ-CNC tal-25 ta’ Marzu 2013 la kienu jikkonċernaw l-“istess akkordju” u lanqas “kumulu ta’ sanzjonijiet” fis-sens tas-sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4, punti 3 u 11), u inqas u inqas, minħabba t-territorji differenti kkonċernati mill-ksur u t-tul differenti ta’ dawn il-ksur, fatti identiċi. Kif fakkret ġustament il-Kummissjoni, it-tul tal-ksur eżaminat u ssanzjonat minnha permezz tad-deċiżjonijiet inizjali u kkontestat huwa mifrux fuq il-perijodu ta’ bejn it-8 ta’ Ottubru 2003 u t-22 ta’ April 2008, filwaqt li ċ-CNC investigat aġir antikompetittiv li jkopri l-perijodu ta’ bejn l-1977 u l-2010 (f’dak li jirrigwarda l-envelops elettorali), ta’ bejn l-1990 u l-2010 (f’dak li jirrigwarda l-envelops stampati minn qabel) u ta’ bejn l-1994 u l-2010 (f’dak li jirrigwarda l-envelops standard u l-limitazzjoni tal-progressi teknoloġiċi). Barra minn hekk, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-prodotti kkonċernati minn dan l-aġir antikompetittiv ma kinux eżattament l-istess bħal dawk li kienu s-suġġett tal-akkordju ssanzjonat mill-Kummissjoni. Għalhekk, huwa għalxejn li r-rikorrenti jinvokaw elementi komuni tal-aġir antikompetittiv issanzjonat mill-imsemmija deċiżjonijiet. Bl-istess mod, peress li, minn naħa, iċ-CNC issanzjonat l-aġir tar-rikorrenti biss fir-rigward tal-effetti tiegħu fit-territorju Spanjol u għal perijodu differenti u li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni eskludiet dan it-territorju mill-azzjonijiet tagħha u mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali u kkontestata, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li kien hemm “kumulu ta’ sanzjonijiet” fis-sens tas-sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4, punt 11). Għall-kuntrarju, f’dawn iċ-ċirkustanzi, sanzjoni kompleta u suffiċjentement dissważiva tal-aġir antikompetittiv tar-rikorrenti teżiġi preċiżament li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti kollha tiegħu f’dawn id-diversi territorji, inkluż fiż-żmien, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma naqqsitx, għal dawn l-istess raġunijiet, il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjonijiet inizjali u kkontestata.

159    Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni dwar sitwazzjonijiet oħra, irrispettivament minn jekk in-natura tagħhom hijiex jew le paragunabbli mas-sitwazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, tali prassi deċiżjonali preċedenti ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li deċiżjonijiet li jirrigwardaw kawżi oħra huma ta’ natura purament indikattiva f’dak li jirrigwarda l-eżistenza, b’mod partikolari, ta’ diskriminazzjonijiet jew tan-natura sproporzjonata ta’ multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C-295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 189, u tas-7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni, C-101/15 P, EU:C:2016:631, punt 68). Madankollu, kif ġie espost, b’mod partikolari, fil-punt 158 iktar ’il fuq, f’dan il-każ, l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jissostanzjaw l-allegazzjoni li l-multa imposta hija ta’ natura sproporzjonata fir-rigward tagħhom.

160    Fl-aħħar nett, kif tosserva l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma humiex iġġustifikati li jallegaw li ġew iddiskriminati minħabba li huma kienu l-unika impriża li fil-konfront tagħha ġiet imposta multa miċ-CNC minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju analogu fi Spanja, sa fejn iċ-CNC kienet imponiet fuq Envel Europa, sussidjarja ta’ Hamelin, multa ta’ EUR 637 464 fl-istess deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2013, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu jinvokaw l-allegat deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tagħhom, li setgħet tkun is-suġġett ta’ talba għal tnaqqis tal-multa fis-sens tal-paragrafu 35 tal-linji gwida minħabba assenza ta’ kapaċità kontributtiva. Fil-fatt, minn naħa, huma ma jikkontestawx li naqsu milli jippreżentaw, b’kuntrast ma’ Bong u ma’ Hamelin, matul il-proċedura amministrattiva, inkluż wara l-ftuħ mill-ġdid tagħha, tali talba lill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, huma ma ppreżentawx talba analoga quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari insostenn tat-tieni kap tat-talbiet, sussidjarjament, intiż għat-tnaqqis tal-multa imposta.

161    Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

D.      Konklużjonijiet

162    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, hemm lok li t-talba prinċipali għal annullament tiġi miċħuda.

163    F’dak li jirrigwarda t-talba sussidjarja għat-tnaqqis tal-multa, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 261 TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sħiħa li tawtorizzaha, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, awtriċi tal-att li fih l-ammont ta’ din is-sanzjoni ġie inizjalment iffissat, bl-evalwazzjoni tagħha, għad-determinazzjoni tal-imsemmi ammont. Konsegwentement, il-qorti tal-Unjoni tista’ tirriforma l-att ikkontestat, anki fl-assenza ta’ annullament, sabiex tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta, filwaqt li din il-kompetenza tiġi eżerċitata b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Orange Polska vs Il-Kummissjoni, C-123/16 P, EU:C:2018:590, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

164    Dan l-eżerċizzju jippreżumi, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal kull impriża ssanzjonata, il-gravità tal-ksur inkwistjoni kif ukoll it-tul tiegħu, b’osservanza tal-prinċipji, b’mod partikolari, ta’ motivazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament, u mingħajr ma l-qorti tal-Unjoni tkun marbuta bir-regoli indikattivi ddefiniti mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 90).

165    Għal dan il-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u l-elementi kollha li jistgħu jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu, bħalma huma l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kull waħda minnhom kellha fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-vantaġġ li huma setgħu kisbu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-Unjoni. Barra minn hekk, elementi oġġettivi bħall-kontenut u t-tul tal-aġir antikompetittiv, in-numru u l-intensità tagħhom, il-portata tas-suq affettwat u l-ħsara subita mill-ordni pubbliku ekonomiku għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fl-aħħar nett, l-analiżi għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza relattiva u s-sehem tas-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll eventwali reċidiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C-386/10 P, EU:C:2011:815, punti 56 u 57).

166    F’dan il-każ, hija l-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħhom għal bidla, l-ammont tal-multa li hija tqis l-iktar xieraq, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula b’mod partikolari fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv (ara b’mod partikolari l-punti 136 sa 146 iktar ’il fuq), u billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt.

167    Qabel kollox, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-valur tal-bejgħ imwettaq mir-rikorrenti fl-2007 kien ta’ EUR 143 316 000 u, min-naħa l-oħra, li d-dħul mill-bejgħ tagħhom fl-2013 kien ta’ EUR 121 728 000, fatt li ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti.

168    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-ksur huwa ta’ ċerta gravità, peress li r-rikorrenti pparteċipaw b’mod sħiħ f’akkordju intiż għall-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ bejgħ, għat-tqassim tal-klijenti u għall-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva fis-suq Ewropew tal-envelops standard fuq katalogu u tal-envelops speċjali stampati, inkluż fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Isvezja, fir-Renju Unit u fin-Norveġja.

169    Barra minn hekk, huwa stabbilit li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur mit-8 ta’ Ottubru 2003 sat-22 ta’ April 2008.

170    Fir-rigward tal-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-iffissar tal-ammonti tal-multi, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li għalkemm il-metodu użat mill-Kummissjoni kien, ċertament, jirrispetta l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tar-rikorrenti, ta’ Bong, ta’ Hamelin u ta’ Mayer-Kuvert, madankollu dan kien jikser l-imsemmi prinċipju favur GPV (ara l-punti 139 sa 142 iktar ’il fuq).

171    Fil-fatt, GPV kienet tinsab f’sitwazzjoni partikolari minħabba l-fatt, minn naħa, tal-valur relattivament kbir tal-bejgħ tagħha tal-prodott suġġett għal kartell fl-2007 li kien l-oriġini tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku mhux aġġustat tagħha u, min-naħa l-oħra, tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha partikolarment baxx fl-2012 u fl-2013 meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi l-oħra kkonċernati, b’tali mod li, fil-każ tagħha, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-proporzjon prodott/dħul mill-bejgħ u tal-limitu ta’ 10 % għall-aġġustament tal-ammont bażiku tagħha kellu neċessarjament iwassal għal tnaqqis sostanzjali tal-imsemmi ammont. Għalhekk, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni partikolari u differenti ta’ GPV u tan-natura mhux xierqa tal-metodu ta’ aġġustament tal-ammonti bażiċi tal-multi użat mill-Kummissjoni fil-konfront tagħha, l-impriżi l-oħra kkonċernati, inklużi r-rikorrenti, li s-sitwazzjoni tagħhom ma kinitx paragunabbli ma’ dik ta’ GPV sa fejn id-dħul mill-bejgħ globali tagħhom kien sostanzjalment ogħla, ma jistgħux jibbenefikaw minn tnaqqis analogu għal dak miksub minn GPV.

172    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, inklużi dawk esposti fil-punti 158 sa 160 iktar ’il fuq, u tal-ħtieġa li jiġu mwieżna d-diversi elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa (ara l-punti 164 u 165 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali tqis li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-gravità tal-ksur u tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fih, huwa xieraq u li għalhekk ma hemmx lok li dan jitnaqqas.

173    Għaldaqstant, t-talbiet sussidjarji tar-rikorrenti għal bidla, sa fejn dawn huma intiżi għat-tnaqqis tal-ammont ta’ multa ta’ EUR 4 900 000 li ġiet imposta fuqhhom, għandhom jiġu miċħuda.

174    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

IV.    Fuq l-ispejjeż

175    L-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, eċċezzjonalment, meta l-ekwità titlob dan, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef tħallas, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, biss parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 135(2) ta’ dawn l-istess regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, għall-ispejjeż kollha jew għal parti minnhom, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-attitudni tagħha, inkluż qabel il-preżentata tal-kawża. Il-Qorti Ġenerali hija b’mod partikolari awtorizzata tikkundanna għall-ispejjeż istituzzjoni li d-deċiżjoni tagħha ma tkunx ġiet annullata, minħabba l-insuffiċjenza ta’ din tal-aħħar, li tkun wasslet lil rikorrent sabiex jippreżenta rikors (ara s-sentenza tat-22 ta’ April 2016, L-Italja u Eurallumina vs Il-Kummissjoni, T‑60/06 RENV II u T‑62/06 RENV II, EU:T:2016:233, punt 245 u l-ġurisprudenza ċċitata).

176    Huwa minnu li, f’din il-kawża, ir-rikorrenti tilfu l-ewwel u t-tieni kapijiet tat-talbiet tagħhom. Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li mill-eżami tar-rikors f’din il-kawża rriżulta li kien hemm nuqqas ta’ preċiżjoni mill-Kummissjoni kemm fid-definizzjoni tal-metodoloġija ta’ aġġustament tal-ammonti bażiċi tal-multi kif ukoll fil-mod kif hija applikatha u kif immotivat id-deċiżjoni tagħha (ara l-punti 139 sa 142 iktar ’il fuq), madankollu, dawn ir-raġunijiet ma kinux suffiċjenti sabiex l-imsemmija talbiet jiġu milqugħa. Dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni huwa iktar u iktar ta’ dispjaċir peress li d-deċiżjoni kkontestata hija t-tieni deċiżjoni li timponi multa fuq ir-rikorrenti talli wettqu l-ksur inkwistjoni, wara li dawn kienu diġà kisbu l-annullament tad-deċiżjoni inizjali minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15, EU:T:2016:722). Il-Qorti Ġenerali tqis li dawn ir-raġunijiet setgħu jwasslu lir-rikorrenti sabiex jippreżentaw ir-rikorsi tagħhom.

177    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa ġust u ekwu li l-Kummissjoni tiġi kkundannata kemm għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Van der Woude

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Półtorak

 

      Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Settembru 2019.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.