Language of document : ECLI:EU:T:2023:114

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

8 ta’ Marzu 2023 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żbalji ta’ evalwazzjoni – Retroattività – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Awtorità ta’ res judicata”

Fil-Kawża T‑426/21,

Nizar Assaad, residenti f’Bejrut (il-Libanu), irrappreżentat minn M. Lester, KC, G. Martin u C. Enderby Smith, solicitors,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn T. Haas u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn S. Gervasoni, L. Madise, P. Nihoul, R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑22 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, Nizar Assaad, jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/751 tas‑6 ta’ Mejju 2021 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2021, L 160, p. 115), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/743 tas‑6 ta’ Mejju 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2021, L 160, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/849 tat‑30 ta’ Mejju 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2022, L 148, p. 52), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/840 tat‑30 ta’ Mejju 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2022, L 148, p. 8), sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh.

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-fatti sussegwenti għall-preżentata tar-rikors

2        Ir-rikorrent huwa negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana, Libaniża u Kanadiża.

3        Filwaqt li kkundanna b’mod sħiħ ir-repressjoni vjolenti tal-manifestazzjonijiet paċifiċi fis-Sirja u filwaqt li appella lill-awtoritajiet Sirjani sabiex dawn jastjenu milli jirrikorru għall-forza, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2011/273/PESK tad‑9 ta’ Mejju 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2011, L 121, p. 11). Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill implimenta embargo fuq l-armi, projbizzjoni fuq esportazzjonijiet ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal finijiet ta’ repressjoni interna, restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni fl-Unjoni kif ukoll l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni u entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana.

4        L-ismijiet tal-persuni responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana kif ukoll dawk il-persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, u entitajiet li huma assoċjati magħhom huma msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta ta’ Stat Membru jew tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jista’ jemenda l-imsemmi anness. Isem ir-rikorrent ma kienx jinsab fih meta ġiet adottata l-imsemmija deċiżjoni.

5        Peress li wħud mill-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Għarbija Sirjana jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 tad‑9 ta’ Mejju 2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2011, L 121, p. 1). Il-kontenut ta’ dan ir-regolament huwa, essenzjalment, identiku għal dak tad-Deċiżjoni 2011/273, iżda jipprevedi possibbiltajiet ta’ rilaxx tal-fondi ffriżati. Il-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-korpi rrikonoxxuti li huma jew responsabbli għar-repressjoni inkwistjoni, jew assoċjati ma’ dawn il-persuni responsabbli, li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament, hija identika għal dik li tinsab fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/273. Skont l-Artikolu 14(1) u (4) tar-Regolament Nru 442/2011, meta l-Kunsill jiddeċiedi li japplika l-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-konfront ta’ persuna, fiżika jew ġuridika, ta’ entità jew ta’ korp, dan għandu konsegwentement jemenda l-Anness II u, barra minn hekk, għandu jeżamina l-lista li tinsab fih f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar.

6        Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/515/PESK tat‑23 ta’ Awwissu 2011 li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU 2011, L 218, p. 20), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 843/2011 tat‑23 ta’ Awwissu 2011 li jimplimenta r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU 2011, L 218, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“atti tal‑2011”), isem Nizar Al-Assaad ġie miżjud fil-linja 3 tal-lista li tinsab fit-Taqsima A tal-Anness I (Persuni) tad-Deċiżjoni 2011/273 u fil-linja 3 tal-lista li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 442/2011 (iktar ’il quddiem il-“listi tal‑2011”).

7        Minn naħa, ebda informazzjoni ta’ identifikazzjoni dwar Nizar Al-Assaad ma kienet ġiet inkluża fil-listi tal‑2011. Min-naħa l-oħra, il-motivi ta’ inklużjoni kienu fformulati kif ġej:

“Qrib ħafna ta’ uffiċjali ewlenin tal-Gvern. Jiffinanzja lil Shabiha fir-reġjun ta’ Latakia.”

8        Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Settembru 2011, ir-rappreżentanti tar-rikorrent bagħtu ittra lill-Kunsill li fiha sostnew li isem ir-rikorrent, li huma ħasbu li ġie inkluż fil-linja 3 tal-listi tal‑2011, kien ġie traskritt b’mod żbaljat. Huma sostnew li isem ir-rikorrent kien “Nizar Assaad” u mhux “Nizar Al-Assaad”. F’din l-okkażjoni, huma ppreċiżaw li l-isem Għarbi tar-rikorrent kien أسعد, li huwa differenti minn dak tal-President Bashar Al-Assad, jiġifieri الأسد. Fl-aħħar, huma talbu l-aċċess għall-fajl tal-Kunsill kif ukoll l-irtirar ta’ isem ir-rikorrent mil-listi tal‑2011. Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Ottubru 2011, huma kitbu mill-ġdid lill-Kunsill sabiex jistiednuh jieħu pożizzjoni dwar l-ittra tagħhom tas‑16 ta’ Settembru 2011.

9        Fid‑19 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrent ippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali rikors intiż sabiex jikseb, b’mod partikolari, l-annullament tal-atti tal‑2011, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawh. Dan ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bin-numru T‑550/11.

10      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Ottubru 2011, ir-rappreżentanti tar-rikorrent reġgħu indirizzaw ruħhom lill-Kunsill. Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill weġibhom billi indika li r-rikorrent ma kienx il-persuna kkonċernata mil-listi tal‑2011 u li dan kien il-kuġin tal-President Bashar Al-Assad.

11      Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Novembru 2011, ir-rappreżentanti tar-rikorrent talbu lill-Kunsill jikkoreġi l-elementi ta’ identifikazzjoni tal-persuna msemmija fil-linja 3 tal-listi tal‑2011 u jibgħat ittra lill-Qorti Ġenerali sabiex, essenzjalment, jindikalha s-sitwazzjoni eżatta tar-rikorrent.

12      Fl‑14 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/735/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU 2011, L 296, p. 53) u r-Regolament (UE) Nru 1150/2011 li jemenda r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU 2011, L 296, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“atti ta’ Novembru 2011”), li permezz tagħhom l-informazzjoni dwar l-isem u l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni tal-persuna li isimha kien inkluż fil-linja 3 tal-listi tal‑2011 ġew emendati sabiex jiżdiedu, rispettivament, l-isem Għarbi tagħha, jiġifieri/, u l-informazzjoni li ġejja: “Kuġin ta’ Bashar Al-Assad; preċedentement kap tal-kumpannija ‘Nizar Oilfield Supplies’”. Barra minn hekk, l-isem b’karattri Latini kien jidher bħala “Nizar Al-Assad”.

13      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill informa lir-rappreżentanti tar-rikorrent bl-adozzjoni tal-atti msemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq u ppreċiża li r-rikorrent ma kienx ikkonċernat mill-atti tal‑2011.

14      Permezz tad-Deċiżjoni 2011/782/PESK tiegħu tal‑1 ta’ Diċembru 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU 2011, L 319, p. 56), il-Kunsill qies, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja, li kien neċessarju li jiġu imposti miżuri restrittivi addizzjonali. Għall-finijiet ta’ ċarezza, il-miżuri imposti mid-Deċiżjoni 2011/273 u l-miżuri addizzjonali ġew integrati fi strument legali wieħed. Id-Deċiżjoni 2011/782 tipprevedi, fl-Artikolu 18 tagħha, restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-persuni li isimhom jidher fl-Anness I u, fl-Artikolu 19 tagħha, l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom jidher fl-Annessi I u II.

15      Fil‑21 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill ippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, konformement mal-Artikolu 114(4) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991, kif emendati fid‑19 ta’ Ġunju 2013, ibbażata fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrent.

16      Ir-Regolament Nru 442/2011 ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat‑18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2012, L 16, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 294, p. 59, u fil-ĠU 2018, L 190, p. 20).

17      Permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Mejju 2012, Assaad vs Il‑Kunsill (T‑550/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:266), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-rikorrent bħala inammissibbli, minħabba li, peress li ma kienx il-persuna msemmija fil-listi tal‑2011, huwa ma kellux interess ġuridiku.

18      Id-Deċiżjoni 2011/782 ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK tad‑29 ta’ Novembru 2012 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2012, L 330, p. 21).

19      Fit‑22 ta’ April 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/185/PESK li timplimenta d-Deċiżjoni 2012/739 (ĠU 2013, L 111, p. 77), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 363/2013 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2013, L 111, p. 1). Dawn l-atti emendaw l-informazzjoni dwar l-isem tal-persuna msemmija fil-linja 3 tal-listi tal‑2011 kif ukoll l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni tagħha. Din l-inklużjoni issa kienet tinsab fil-linja 36 tal-lista li tinsab fit-Taqsima A tal-Anness I (Persuni) tad-Deċiżjoni 2012/739 u fil-linja 36 tal-lista li tinsab fit-Taqsima A tal-Anness II (Persuni) tar-Regolament Nru 36/2012 (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“listi tal‑2013”).

20      Minn naħa, fir-rigward tal-isem tal-persuna kkonċernata, kien indikat dan li ġej:

“Nizar (Image not found) Al-Assad (Image not found) (magħruf ukoll bħala Al-Assaad, Al-Assad, Al-Asaad)”

21      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni, ġie ppreċiżat li l-persuna kkonċernata kienet “Preċedentement kap tal-kumpannija Nizar Oilfield Supplies”.

22      Min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet għall-inklużjoni baqgħu identiċi għal dawk tal-atti tal‑2011.

23      Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ April 2013, ir-rappreżentanti tar-rikorrent talbu lill-Kunsill ineħħi r-riferimenti għal “Assaad” u “Al-Assaad” u l-isem tar-rikorrent bl-Għarbi li huma ppreċiżaw li kien, skont huma, miktub b’mod żbaljat, kif ukoll sabiex jinkludi riferiment li jippreċiża li l-persuna li ismu kien inkluż fil-listi tal‑2013 kien il-kuġin ta’ Bashar Al-Assad.

24      Fl‑4 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill ippubblika rettifika għall-atti msemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq (ĠU 2013, L 123, p. 28) li permezz tagħha ġiet mibdula l-informazzjoni dwar l-isem u l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni tal-persuna li isimha kien inkluż fil-linja 36 tal-listi tal‑2013 sabiex, minn naħa, jitħassru l-ismijiet “Al-Assaad”, “Al-Assad” u “Al-Asaad” u sabiex jiġu ssostitwiti l-ismijiet Għarab imsemmija hemmhekk bl-isem Għarbi/u, min-naħa l-oħra, sabiex tiżdied l-informazzjoni li ġejja: “Il-kuġin ta’ Bashar Al-Assad”.

25      Id-Deċiżjoni 2012/739 ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal‑31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14, rettifika fil-ĠU 2018, L 190, p. 20).

26      Fit‑12 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1836 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2015, L 266, p. 75, rettifika fil-ĠU 2016, L 336, p. 42). Fl-istess jum, huwa adotta r-Regolament (UE) 2015/1828 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 (ĠU 2015, L 266, p. 1).

27      Il-formulazzjoni tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255 ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836. Dawn l-artikoli jipprevedu issa restrizzjonijiet għad-dħul jew għat-tranżitu fuq it-territorju tal-Istati Membri kif ukoll l-iffriżar tal-fondi tal-persuni li huma assoċjati mal-kategoriji ta’ persuni msemmija fil-paragrafu 2(a) sa (g) ta’ dawn l-artikoli, “kif elenkati fl-Anness I”, ħlief “jekk hemm biżżejjed informazzjoni li [dawn il-persuni] m’humiex, jew m’għadhomx, assoċjati mar-reġim jew ma jeżerċitawx influwenza fuqu jew ma joħolqux riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni”.

28      Ir-Regolament 2015/1828 emenda, b’mod partikolari, il-formulazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 36/2012 sabiex jinkludi fih il-kriterji ta’ inklużjoni l-ġodda ddefiniti mid-Deċiżjoni 2015/1836 u introdotti fid-Deċiżjoni 2013/255.

29      Fit‑28 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/778 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2018, L 131, p. 16, rettifika fil-ĠU 2018, L 167, p. 36), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/774 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2018, L 131, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 167, p. 36). Dawn l-atti emendaw l-informazzjoni dwar l-isem tal-persuna msemmija fil-linja 36 tal-lista li tinsab fit-Taqsima A tal-Anness I (Persuni) tad-Deċiżjoni 2013/255 u fil-linja 36 tal-lista li tinsab fit-Taqsima A tal-Anness II (Persuni) tar-Regolament Nru 36/2012 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“listi inkwistjoni”) bil-mod segwenti: “Nizar (Image not found) al-Asaad (Image not found) (magħruf ukoll bħala Nizar Asaad)”. L-informazzjoni ta’ identifikazzjoni u r-raġunijiet ta’ inklużjoni kienu identiċi għal dawk tal-atti tal‑2011.

30      Fis‑17 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/806 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2019, L 132, p. 36), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/798 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2019, L 132, p. 1) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti tal‑2019”). L-atti tal‑2019 biddlu l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni relatata mal-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni kif ukoll ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isimha.

31      Minn naħa, fir-rigward tal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni, issemma biss is-sess maskili tal-persuna kkonċernata.

32      Min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet ta’ inklużjoni ġew emendati kif ġej:

“Negozjant prominenti Sirjan b’rabtiet mill-qrib mar-reġim. Kuġin ta’ Bashar Al-Assad, u assoċjat mal-familji Assad u Makhlouf.

Bħala tali, kien qed jipparteċipa fir-reġim Sirjan, igawdi minnu jew inkella jappoġġah.

Investitur ewlieni fiż-żejt u preċedentement kap tal-kumpannija ‘Nizar Oilfield Supplies’”.

33      Fil‑11 ta’ Settembru 2019, il-Kunsill ippubblika rettifika għall-Atti tal‑2019 (ĠU 2019, L 234, p. 31, iktar ’il quddiem ir-“rettifika tal‑2019”) li permezz tagħha huwa emenda l-informazzjoni dwar l-isem tal-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni. Dawn issa għamlu riferiment għal “Nizar (Image not found) Al-Assad (Image not found) (magħruf ukoll bħala Al-Asad; Assad; Asad)”.

34      Fit‑28 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/719 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2020, L 168, p. 66), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/716 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2020, L 168, p. 1). Dawn l-atti emendaw l-informazzjoni dwar l-isem tal-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni kif ġej: “Nizar (Image not found) AL-ASSAD (Image not found) (magħruf ukoll bħala al-Asad; Assad; Asad)”. Ir-raġunijiet ta’ inklużjoni huma identiċi għal dawk tal-atti tal‑2019.

35      Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Ġunju 2020, ir-rappreżentanti tar-rikorrent, filwaqt li għamlu riferiment għall-atti msemmija fil-punti 29, 30 u 34 iktar ’il fuq, talbu lill-Kunsill jikkonferma li isem ir-rikorrent ma kienx inkluż fil-listi inkwistjoni (iktar ’il quddiem l-“ittra tat‑23 ta’ Ġunju 2020”).

36      Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Frar 2021, il-Kunsill informa lir-rappreżentanti tar-rikorrent li huwa kien qiegħed jikkunsidra, wara eżami mill-ġdid tal-informazzjoni li tinsab fil-fajl tiegħu, li r-rikorrent kien effettivament il-persuna koperta fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni (iktar ’il quddiem l-“ittra tat‑12 ta’ Frar 2021”). Fl-istess ittra, huwa informa lir-rappreżentanti tar-rikorrent bl-intenzjoni tiegħu li jżomm il-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ dan tal-aħħar b’motivazzjoni ġdida intiża li tippreċiża li dan huwa tassew il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni. Bħala annessi mal-imsemmija ittra, huwa bagħat id-dokumenti WK 4069/2019 INIT tal‑21 ta’ Marzu 2019, u WK 985/2021 INIT tat‑22 ta’ Jannar 2021. Huwa stieden lill-imsemmija rappreżentanti sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom sa mhux iktar tard mis‑26 ta’ Frar 2021.

37      Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Frar 2021, ir-rappreżentanti tar-rikorrent ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kunsill. Essenzjalment, huma kkritikaw il-bidla fil-pożizzjoni tal-Kunsill fil-konfront tar-rikorrent li huwa kien qiegħed iqis, preżentement, bħala l-persuna koperta fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni. Barra minn hekk, huma fformulaw osservazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għall-inklużjoni u l-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti WK 4069/2019 INIT u WK 985/2021 INIT. Fl-aħħar, huma annettew ċertu numru ta’ ittri minn persuni u minn entità u għamlu osservazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni tar-rikorrent.

38      Fis‑6 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2021/751 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/743 (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti tal‑2021”).

39      Minn naħa, fir-rigward tal-isem tar-rikorrent, huwa indikat li dawn huwa “Nizar AL-ASSAD (magħruf ukoll bħala al-Asad, Assad, Asad, Assaad, Asaad, Al-Assaad) (اسعد, الاسعد,الاسد;نزار)”.

40      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni, huwa indikat li d-data tat-twelid tar-rikorrent, ta’ sess maskili, hija t‑2 ta’ Marzu 1948, jew it‑23 ta’ Marzu 1948 jew Marzu 1948. In-nazzjonalitajiet tiegħu huma dik Sirjana, dik Libaniża u dik Kanadiża. Huwa ppreċiżat ukoll in-numru tal-passaport Sirjan (Nru 011090258), ta’ dak Libaniż (RL 0003434) u ta’ dak Kanadiż (AG 629220) tar-rikorrent.

41      Fl-aħħar, ir-raġunijiet ta’ inklużjoni huma redatti kif ġej:

“Negozjant prominenti Sirjan b’rabtiet mill-qrib mar-reġim. Assoċjat mal-familji Assad u Makhlouf.

Bħala tali, kien qed jipparteċipa fir-reġim Sirjan, igawdi minnu jew inkella jappoġġah.

Investitur ewlieni taż-żejt, fundatur u kap tal-kumpannija Lead Contracting & Trading Ltd.”.

42      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill informa lir-rappreżentanti tar-rikorrent li huwa kien iqis li ebda wieħed mill-argumenti li huma kienu qajmu ma kien jikkontesta l-evalwazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, huwa ġibed l-attenzjoni tagħhom għall-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet ġodda qabel l‑1 ta’ Marzu 2022.

43      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill informa lir-rappreżentanti tar-rikorrent li isem dan tal-aħħar kien ser ikompli jidher fil-listi inkwistjoni, anki wara l-eżami mill-ġdid tagħhom.

44      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Lulju 2021, ir-rikorrent fetaħ din il-kawża.

45      Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ April 2022, il-Kunsill informa lir-rappreżentanti tar-rikorrent bl-intenzjoni tiegħu li jżomm il-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu, filwaqt li biddel ir-raġunijiet imsemmija fl-atti tal‑2021 sabiex magħhom iżid fl-aħħar: “Azzjonist maġġoritarju tal-kumpannija Syrian Olive Oil Private JSC, produttur ta’ żjut tal-ikel ibbażat fis-Sirja”.

46      Fl-Anness tal-ittra tiegħu tat‑13 ta’ April 2022, il-Kunsill ikkomunika lir-rappreżentanti tar-rikorrent id-dokument WK 5366/2022 INIT tal‑11 ta’ April 2022, u tahom il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, fuq ir-raġuni l-ġdida ta’ inklużjoni u d-dokument WK 5366/2022 INIT, qabel id‑29 ta’ April 2022.

47      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ April 2022, ir-rappreżentanti tar-rikorrent ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kunsill.

48      Fit‑30 ta’ Mejju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2022/849 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/840 (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti ta’ żamma tal‑2022”). Skont id-Deċiżjoni 2022/849, l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/255 ġiet estiża sal‑1 ta’ Ġunju 2023. Isem ir-rikorrent inżamm fil-linja 36 tat-Taqsima A (Persuni) tal-listi inkwistjoni. Il-Kunsill iġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrent billi semma raġunijiet identiċi għal dawk imsemmija fl-atti tal‑2021.

II.    It-talbiet tal-partijiet

49      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti tal‑2021 u l-atti ta’ żamma tal‑2022 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kkontestati”) sa fejn dawn japplikaw għalih;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

50      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-atti kkontestati jiġu annullati, tordna li l-effetti tad-Deċiżjoni 2022/849 jinżammu fir-rigward tar-rikorrent sakemm jidħol fis-seħħ l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/840.

III. Id-dritt

51      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-raba’ wieħed, fuq “abbuż ta’ poter” u, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-awtorità ta’ res judicata.

52      It-tieni u t-tielet motiv għandhom jiġu eżaminati flimkien sa fejn il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara s-sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 301 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, dawn iż-żewġ motivi joriġinaw mill-istess premessa, jiġifieri li l-atti kkontestati għandhom effett retroattiv fis-sens li, skont ir-rikorrent, huma jistabbilixxu għall-ewwel darba li huwa l-persuna msemmija fil-linja 36 sa mill-adozzjoni tal-atti tal‑2011.

53      Qabel ma jsir l-eżami ta’ dawn il-motivi, għandu jiġi ppreċiżat is-suġġett ta’ dan ir-rikors u għandha tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-provi prodotti mir-rikorrent fil-kuntest tar-replika.

A.      Fuq is-suġġett u l-portata ta’ dan ir-rikors

54      Permezz tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jitlob biss l-annullament tal-atti tal‑2021 u tal-atti ta’ żamma tal‑2022, sa fejn dawn jikkonċernawh.

55      Għandu jitfakkar li r-rikorrent huwa tassew il-persuna kkonċernata mill-atti kkontestati u ma huwiex ikkontestat li huwa s-suġġett ta’ miżuri restrittivi sa minn tal-inqas l-adozzjoni tal-imsemmija atti. Min-naħa l-oħra, il-partijiet ma jaqblux dwar jekk ir-rikorrent kienx is-suġġett ta’ miżuri restrittivi qabel l-adozzjoni tal-atti tal‑2021.

56      F’dan ir-rigward, essenzjalment, ir-rikorrent iqis li huwa ma kienx suġġett għal tali miżuri, bħalma rrikonoxxa l-Kunsill diversi drabi qabel ma ntbagħtet l-ittra tat‑12 ta’ Frar 2021. Il-Kunsill, min-naħa tiegħu, iqis li huwa wettaq żball meta kkunsidra li r-rikorrent ma kienx il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni meta fir-realtà dan kien ir-rikorrent, u dan mill-adozzjoni tal-atti tal‑2011. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ried, permezz tal-atti tal‑2021, jikkjarifika l-elementi ta’ identifikazzjoni tal-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni u jemenda r-raġunijiet ta’ inklużjoni sabiex minnhom jirriżulta b’mod ċar li dan kien ir-rikorrent u li ismu kien inkluż fil-listi inkwistjoni sa mill-atti tal‑2011. Minn dan ir-rikorrent jiddeduċi li l-atti kkontestati għandhom effett retroattiv, liema fatt huwa kkontestat mill-Kunsill.

57      Minn naħa, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk ir-raġunijiet ta’ inklużjoni tal-atti kkontestati humiex issostanzjati b’mod suffiċjenti. Dan ser jiġi analizzat fil-kuntest tal-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni. Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi eżaminat l-effett potenzjalment retroattiv tal-atti kkontestati, li ser jiġi studjat fit-tieni u fit-tielet motiv meħuda flimkien, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

58      Min-naħa l-oħra, mill-punti 49 u 54 iktar ’il fuq isegwi li l-Qorti Ġenerali ma hijiex adita bil-kwistjoni tal-legalità tal-atti preċedenti għall-atti kkontestati. Fi kliem ieħor, inkwistjoni ma hemmx li jiġi vverifikat jekk ir-raġunijiet ta’ inklużjoni li jinsabu fl-imsemmija atti humiex sostnuti suffiċjentement skont il-liġi, u lanqas jekk l-elementi ta’ identifikazzjoni ta’ dawn l-atti humiex suffiċjentement preċiżi sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrent huwa effettivament il-persuna kkonċernata mill-istess atti.

B.      Fuq l-ammissibbiltà tal-provi prodotti mir-rikorrent fil-kuntest tar-replika

59      Il-Kunsill isostni li l-parti l-kbira taċ-ċertifikati prodotti mir-rikorrent u li jirrigwardaw l-interessi kummerċjali tiegħu f’impriżi bħal Lead Contracting and Trade Company (iktar ’il quddiem “Lead Syria fi stralċ”), Lead Contracting and Trading Limited (iktar ’il quddiem “Lead UAE”), Gulfsands Petroleum u Cham Holding huma preċedenti għar-rikors u li r-rikorrent ma ġġustifikax id-dewmien fir-rigward tal-preżentata ta’ dawn id-dokumenti.

60      Mistoqsi waqt is-seduta, ir-rikorrent jenfasizza, essenzjalment, li l-Kunsill ma speċifikax liema dokumenti annessi mar-replika huwa kkunsidra bħala tardivi. Fi kwalunkwe każ, huwa jsostni li d-dokumenti annessi mar-replika ġew ipprovduti bi tweġiba għall-argumenti mressqa mill-Kunsill fir-risposta.

61      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li l-provi u l-offerti ta’ prova għandhom jiġu ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jżid li l-partijiet jistgħu jipproduċu provi jew jagħmlu offerti ta’ prova insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika u fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li d-dewmien fil-preżentata tagħhom ikun iġġustifikat. F’dan l-aħħar każ, konformement mal-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-provi prodotti jew tal-offerti ta’ prova li saru wara li l-partijiet l-oħra jkunu tħallew jieħdu pożizzjoni dwarhom (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Post Bank Iran vs Il‑Kunsill, T‑559/15, EU:T:2018:948, punt 74).

62      Barra minn hekk, l-Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura għandu jinqara fid-dawl tal-Artikolu 92(7) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi espressament li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-offerti ta’ prova jibqgħu riżervati. Konsegwentement, bħalma jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-prova kuntrarja u l-espansjoni tal-offerti ta’ prova prodotti wara prova kuntrarja tal-parti avversarja ma humiex koperti mir-regola ta’ dekadenza prevista mill-Artikolu 85(2) ta’ dan ir-regolament (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2017, Uganda Commercial Impex vs Il‑Kunsill, T‑107/15 u T‑347/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:628, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel ir-rikorrent, li l-Kunsill ma jelenkax il-lista eżatta tad-dokumenti annessi mar-replika li huwa jikkunsidra bħala tardivi. Madankollu, fid-dawl tal-impriżi msemmija fil-punt 59 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill jagħmel riferiment għall-Annessi C.4 sa C.6 (dwar Lead Contracting and Trade Company), C.8 sa C.10 (dwar Lead Contracting and Trading Limited), C.11 u C.14 (dwar Gulfsands Petroleum) u l-Anness C.16 (dwar Cham Holding).

64      Issa, għandu jiġi rrimarkat li l-Kunsill enfasizza, fil-punt 79 tar-risposta, li r-rikorrent ma kien ipproduċa l-ebda ċertifikat li juri l-istralċ tal-impriżi li huma marbuta miegħu u lanqas ebda ċertifikat ta’ bejgħ li jirrigwarda l-ishma li huwa kellu f’dawn l-impriżi. Barra minn hekk, il-Kunsill ikkontesta, fil-punti 80 sa 83 tar-risposta, il-valur probatorju tal-ittri li joriġinaw minn terzi prodotti mir-rikorrent fl-anness għar-rikors tiegħu u intiżi li jikkonfermaw li huwa ma kellux iktar interessi kummerċjali fis-Sirja.

65      Għalhekk, il-provi tar-rikorrent, li permezz tagħhom dan tal-aħħar jipprova juri li ma għadx għandu interessi fil-kumpanniji msemmija fil-punt 59 iktar ’il fuq, ġew prodotti sabiex tingħata tweġiba għall-argumenti tal-Kunsill.

66      Bl-istess mod, il-provi l-oħra prodotti mir-rikorrent fl-anness tar-replika, li l-ammissibbiltà tagħhom barra minn hekk ma hijiex ikkontestata mill-Kunsill, huma intiżi sabiex isostnu l-argumenti li r-rikorrent ippreżenta bi tweġiba għall-argumenti mressqa fir-risposta tal-Kunsill u mfakkra fil-punt 64 iktar ’il fuq.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-provi kollha prodotti mir-rikorrent bħala anness mar-replika huma intiżi sabiex iwieġbu għall-argumenti tal-Kunsill ippreżentati fil-kuntest tar-risposta u huma, għaldaqstant, ammissibbli.

C.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni

68      Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Kunsill wettaq żball meta inkluda ismu fil-listi inkwistjoni, peress li huwa ma jissodisfax il-kriterji għall-inklużjoni. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li, għalkemm fil-passat huwa kien negozjant fis-Sirja, attwalment huwa ma għad għandu ebda attività f’dan il-pajjiż. Bl-istess mod, huwa jsostni li ma għandux rabtiet mal-familji Assad jew Makhlouf. Fl-aħħar, huwa jallega li ma huwiex assoċjat mar-reġim Sirjan.

69      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent u jqis, essenzjalment, li wera l-fondatezza tar-raġunijiet ta’ inklużjoni.

1.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

70      Għandu jitfakkar li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni li permezz tagħha miżuri restrittivi jkunu ġew adottati jew miżmuma, li għandha portata individwali għall-persuna jew l-entità kkonċernata, hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-veradiċità astratta tar-raġunijiet invokati, iżda jkun jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn ir-raġunijiet, jew, għall-inqas, waħda minnhom ikkunsidrata bħala suffiċjenti fiha nfisha sabiex issostni din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119).

71      Hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni sabiex tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew le, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Hija, għal dan l-għan, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa fil-konfront tal-persuna jew tal-entità kkonċernata, u mhux dawn tal-aħħar li għandhom jipproduċu l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija raġunijiet (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 121).

73      Għal dan l-għan, ma huwiex meħtieġ li l-imsemmija awtorità tipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u l-provi kollha inerenti għar-raġunijiet allegati fl-att li huwa mitlub l-annullament tiegħu. Huwa importanti madankollu li l-informazzjoni jew il-provi prodotti kienu r-raġunijiet meqjusa fil-konfront tal-persuna jew tal-entità kkonċernata (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 122).

74      Jekk l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipprovdi informazzjoni jew provi rilevanti, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti allegati fir-rigward ta’ din l-informazzjoni jew elementi u tevalwa s-saħħa probatorja ta’ dawn tal-aħħar skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u fid-dawl tal-eventwali osservazzjonijiet ippreżentati, b’mod partikolari, mill-persuna jew mill-entità kkonċernata dwar is-suġġett tagħhom (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 124).

75      Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ inklużjoni għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li minnu jagħmlu parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑630/13 P, EU:C:2015:247, punt 51, u tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 50).

76      Fl-aħħar, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tas-sitwazzjoni, li tagħmel parti mill-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jidħlu dawn il-miżuri, il-fatt li kien urġenti li jiġu adottati tali miżuri li għandhom bħala għan li joħolqu pressjoni fuq ir-reġim Sirjan sabiex iwaqqaf ir-repressjoni vjolenti diretta kontra l-popolazzjoni u d-diffikultà sabiex jinkisbu provi iktar preċiżi fi Stat f’sitwazzjoni ta’ gwerra ċivili b’reġim ta’ natura awtoritarja (sentenza tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 46).

77      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi analizzat l-ewwel motiv.

2.      Fuq ir-raġunijiet ta’ inklużjoni u d-determinazzjoni tal-kriterji ta’ inklużjoni

78      Għandu jitfakkar li l-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, riprodotti, fir-rigward tal-iffriżar tal-fondi, fl-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, jipprevedu li l-persuni u l-entitajiet li jibbenefikaw mill-politika mħaddna mir-reġim Sirjan jew li jappoġġjawh għandhom ikunu suġġetti għal miżuri restrittivi. Bl-istess mod, l-Artikolu 27(2)(a) u (3) u l-Artikolu 28(2)(a) u (3) tal-istess deċiżjoni, riprodotti, fir-rigward tal-iffriżar tal-fondi, fl-Artikolu 15(1a)(a) u (1b) tal-istess regolament, jipprovdu li l-kategorija tan-“negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” għandha tkun suġġetta għal miżuri restrittivi, ħlief jekk ikun hemm informazzjoni biżżejjed li tindika li huma ma humiex, jew ma għadhomx, marbuta mar-reġim Sirjan jew li huma ma jeżerċitaw ebda influwenza fuqu jew li huma ma humiex assoċjati ma’ riskju reali ta’ evażjoni. Fl-aħħar, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 27(2), l-Artikolu 27(3), l-aħħar sentenza tal-Artikolu 28(2) u l-Artikolu 28(3) tal-imsemmija deċiżjoni, riprodotti, fir-rigward tal-iffriżar tal-fondi, fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 15(1a) u fl-Artikolu 15(1b) tal-imsemmi regolament, jipprevedu li l-persuni u l-entitajiet li huma marbuta mal-persuni, entitajiet u korpi li jaqgħu taħt wieħed mill-kriterji ta’ inklużjoni għandhom ikunu suġġetti għal miżuri restrittivi, ħlief jekk teżisti informazzjoni suffiċjenti li tindika li ma humiex, jew ma għadhomx, marbuta mar-reġim Sirjan jew li ma jeżerċitaw ebda influwenza fuqu jew li ma humiex assoċjati ma’ riskju reali ta’ evażjoni.

79      Kif issemma fil-punt 41 iktar ’il fuq, ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni huma dawn li ġejjin:

“Negozjant prominenti Sirjan b’rabtiet mill-qrib mar-reġim. Assoċjat mal-familji Assad u Makhlouf.

Bħala tali, kien qed jipparteċipa fir-reġim Sirjan, igawdi minnu jew inkella jappoġġah.

Investitur ewlieni taż-żejt, fundatur u kap tal-kumpannija Lead Contracting & Trading Ltd.”.

80      Mir-raġunijiet ta’ inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni jista’ jiġi dedott li dan tal-aħħar ġie inkluż minħabba, l-ewwel, l-istatus tiegħu ta’ negozjant ewlieni li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, konformement mal-kriterju ddefinit fl-Artikolu 27(2)(a) u fl-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, riprodotti, f’dak li jirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi, fl-Artikolu 15(1a)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828 (kriterju tan-negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja), it-tieni, ir-rabta tiegħu mar-reġim Sirjan, konformement mal-kriterju ddefinit fl-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 28(1) tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Artikolu 15(1)(a) tal-imsemmi regolament (kriterju tal-assoċjazzjoni mar-reġim) u, it-tielet, ir-rabta tiegħu mal-membri tal-familji Assad u Makhlouf, konformement mal-kriterju ddefinit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 27(2) u fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 28(2) tal-istess deċiżjoni u fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 15(1a) tal-istess regolament (kriterju tar-rabta ma’ persuna jew entità koperta mill-miżuri restrittivi).

3.      Fuq il-provi

81      Sabiex jiġġustifika l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, il-Kunsill ipprovda d-Dokument WK 4069/2019 INIT, li kien jinkludi informazzjoni pubblikament aċċessibbli, jiġifieri links, artikli tal-istampa u screenshots li ġejjin:

–        mis-sit internet Syrian Oil & Gas News, li, f’pubblikazzjoni tal‑31 ta’ Lulju 2010, juri ritratt tar-rikorrent u jiddeskrivih bħala negozjant li għamel investimenti sinjifikanti fis-Sirja, b’mod partikolari permezz ta’ Lead Syria fi stralċ, bi sħubija ma’ Ghassan Muhanna; skont din il-pubblikazzjoni, din il-kumpannija hija waħda mill-eqdem u mill-ikbar kumpanniji ta’ kostruzzjoni fis-settur taż-żejt Sirjan; din il-pubblikazzjoni tindika barra minn hekk li huwa msieħeb fil-kumpannija Asaad Beitenjaneh & Partners Company for Processing & Refining Edible Oils, attiva fil-produzzjoni taż-żejt, u li huwa l-kap tal-parti Sirjana tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Alġerina u membru tal-kumitat nazzjonali Sirjan tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ tas-Sirja; din il-pubblikazzjoni ssemmi fl-aħħar l-proġetti u l-kumpanniji li fihom kien involut ir-rikorrent, jiġifieri Cham Holding, United Insurance Company, Al Badia Cement JSC, Bank Audi Syria, Syrian Arab Insurance Company, Aqeelah Takaful Insurance Company, Dajajouna, u l-fatt li huwa għandu stalel taż-żwiemel ta’ razza pura Għarbija;

–        mis-sit internet Aks al SER, li, f’pubblikazzjoni tas‑6 ta’ Settembru 2012, jindika li, skont sors qrib tar-rikorrent, dan tal-aħħar ħarab, billi ħa miegħu miljuni ta’ dollari, mis-Sirja lejn l-Alġerija, fejn huwa għandu proġetti u investimenti sinjifikanti ħafna fis-setturi taż-żejt u tal-gass; din il-pubblikazzjoni tirrapporta li, skont dan is-sors, ir-rikorrent beda jillikwida l-assi finanzjarji tiegħu u joħroġ flusu mill-banek wara l-bombardament tal-kwartieri ġenerali tas-sigurtà nazzjonali Sirjana; barra minn hekk, din il-pubblikazzjoni tiddeskrivi lir-rikorrent bħala wieħed mill-ikbar investituri fis-settur taż-żejt fis-Sirja u bħala li huwa magħruf bħala ċ-ċentru ta’ dan is-settur fil-qasam tan-negozju; barra minn hekk, din il-pubblikazzjoni tindika li r-rikorrent għandu ishma f’Cham Holding, huwa wieħed mill-fundaturi ta’ Bank Audi Syria, u huwa sieħeb ta’ Al Badia Cement u ta’ Lead Syria fi stralċ; din il-pubblikazzjoni tindika fl-aħħar li r-rikorrent jappartjeni għal grupp ta’ negozjanti li jibbenefika mir-reġim Sirjan, li għandu relazzjonijiet fiċ-ċrieki deċiżjonali, u li għandu rwol ta’ intermedjarju bejn ir-reġim Sirjan u pajjiżi oħra għall-estrazzjoni taż-żejt;

–        mis-sit internet Dawdaa li, f’pubblikazzjoni tat‑2 ta’ Novembru 2017, jirrakkonta li rapporti mhux ikkonfermati jsemmu diviżjoni bejn ir-reġim Sirjan u r-rikorrent, minħabba problemi marbuta maż-żejt; barra minn hekk, din il-pubblikazzjoni tippreċiża li r-rikorrent ma huwiex membru tal-familja Assad iżda li għadu viċin tiegħu minħabba r-responsabbiltajiet tiegħu; din il-pubblikazzjoni tindika fl-aħħar li r-rikorrent huwa sieħeb kummerċjali ta’ Ghassan Muhanna, iz-ziju ta’ Rami Makhlouf, fl-impriża tagħhom Lead Syria fi stralċ;

–        mis-sit internet Syriano li, f’pubblikazzjoni tat‑22 ta’ Jannar 2015, jindika li r-rikorrent għandu 50 % ta’ Lead Syria fi stralċ u li l-parti l-oħra hija miżmuma minn Ghassan Muhanna f’isem Mohammed Makhlouf li huwa ħuh tar-rispett;

–        mis-sit internet Orient News li, f’artiklu tat‑2 ta’ Frar 2015, jiddeskrivi lir-rikorrent bħala l-“isponsor” tas-settur taż-żejt Sirjan u bħala li pparteċipa fl-alleanza “żejt għall-ikel” b’kollaborazzjoni ma’ Maher Al-Assad, ħu l-president Bashar Al-Assad;

–        mis-sit internet Ayn Almadina li, f’artiklu tat‑22 ta’ Lulju 2018, jirreferi għal kif, mill-oriġini modesti tiegħu, ir-rikorrent tela’ sal-istatus tiegħu ta’ negozjant sinjur fis-settur taż-żejt, li huwa dovut għar-rabtiet tiegħu ma’ kuġinuh, Mohammed Makhlouf; dan l-artikolu jindika barra minn hekk li r-rikorrent għandu n-nazzjonalità Kanadiża u reċentement kiseb in-nazzjonalità Libaniża; huwa ppreċiżat ukoll li r-rikorrent waqqaf Lead Syria fi stralċ ma’ Mohammed Makhlouf u ma’ ħu tar-rispett ta’ dan tal-aħħar, Ghassan Muhanna; dan l-artikolu jsemmi fl-aħħar li omm ir-rikorrent, Jamila Muhanna, hija l-kuġina tal-mara ta’ Mohammed Makhlouf.

82      Il-Kunsill ipprovda wkoll id-dokument WK 985/2021 INIT. Dan id-dokument fih l-ewwel parti, maqsuma fi tliet titoli, li tagħti informazzjoni ta’ identifikazzjoni tar-rikorrent, li tipprovdi preżentazzjoni tiegħu kif ukoll deskrizzjoni tar-rabtiet tiegħu mar-reġim Sirjan u li tispjega l-varjazzjonijiet fil-kunjom tar-rikorrent. Barra minn hekk, bħala dokument Nru 3, il-Kunsill jipprovdi fotokopja tal-passaporti u tad-dokumenti tal-identità tar-rikorrent. Għalhekk huma riprodotti l-passaport Libaniż, Sirjan u dak Kanadiż tiegħu kif ukoll il-viża ta’ residenza tiegħu fl-Emirati Għarab Magħquda bħala direttur ta’ Lead UAE. Id-dokument Nru 4 huwa ċertifikat dwar Lead UAE tas‑17 ta’ Settembru 2018. Fl-aħħar, id-dokument jirriproduċi ħoloq, artikli tal-istampa u screenshots. Fost dawn, erbgħa minnhom huma identiċi għal dawk li jinsabu fid-Dokument WK 4069/2019 INIT, jiġifieri l-pubblikazzjonijiet li joriġinaw mis-siti internet Syriano u Dawdaa kif ukoll l-artikli tal-istampa provenjenti mis-siti internet Orient News u Ayn Almadina. Fir-rigward tal-oħrajn, dawn huma punti ta’ informazzjoni li ġejjin:

–        mis-sit internet Syrian Oil & Gas News, li, f’pubblikazzjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2010, jirriproduċi l-istess informazzjoni bħall-pubblikazzjoni magħmula fuq dan l-istess sit fil‑31 ta’ Lulju 2010, u jżid li r-rikorrent huwa sieħeb fl-entità Asaad Beitenjaneh & Partners Company for Syrian Olive Oil;

–        mis-sit internet Al-Iqtisadi li, fuq paġna kkonsultata fil‑21 ta’ Jannar 2020, jiddeskrivi lir-rikorrent bħala l-fundatur u l-president ta’ Lead UAE, irreġistrat fiż-żona libera ta’ Jebel Ali fl-Emirati Għarab Magħquda;

–        mis-sit internet Al Khaleej Online li, f’artiklu intitolat “Who steals the Syrian oil?” (Min jisraq iż-żejt Sirjan?) tat‑8 ta’ Novembru 2019, ippubblikat ukoll fuq is-sit internet Anadolu Arabic fis‑7 ta’ Novembru 2019 taħt titolu differenti, jindika li għaddew biljuni ta’ dollari mill-bejgħ taż-żejt permezz ta’ impriżi bħal Lead Syria fi stralċ, ibbażata f’Damasku (s-Sirja), fil-kont tal-familja Assad; is-sidien ta’ Lead Syria fi stralċ huma Mohammed Makhlouf u l-ġenitur tiegħu Nizar Asaad b’mod konġunt; Mohammed Makhlouf irreġistra s-sehem tiegħu taħt isem ħuh tar-rispett Ghassan Muhanna;

–        mis-sit internet Al Hewar li, f’artiklu tal‑14 ta’ Mejju 2014 intitolat “Looting of the funds and wealth of the Syrian people under the rule of the Al-Assad family, coalition administration, and the interim government (in number and facts)” (Serq tal-fondi u tal-ġid tal-poplu Sirjan taħt ir-renju tal-Familja Al-Assad, tal-amministrazzjoni ta’ koalizzjoni u tal-Gvern temporanju (f’ċifri u fatti)), jindika li r-rikorrent, bħala ġenitur ta’ Mohammed Makhlouf, waqqaf Lead Syria fi stralċ fl-industrija taż-żejt għall-benefiċċju tal-familja Assad;

–        mill-ktieb intitolat “The Political Economy of investment in Syria” (L-ekonomija politika tal-investiment fis-Sirja), ippubblikat fl‑2015, li jindika li, skont artiklu tas-sit tal-internet The Syria Report tat‑2 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrent, negozjant prominenti, huwa s-CEO u l-azzjonist prinċipali ta’ Lead Syria fi stralċ, l-ikbar impriża ta’ servizzi taż-żejt tal-pajjiż, u investa, flimkien ma’ Rami Makhlouf, 23.2 miljun dollaru (USD) (madwar EUR 17.23 miljun) f’Gulfsands Petroleum, kumpannija taż-żejt ibbażata fir-Renju Unit u li topera fis-Sirja.

4.      Fuq l-affidabbiltà u r-rilevanza tal-provi

83      Ir-rikorrent jikkontesta l-affidabbiltà u r-rilevanza tal-provi prodotti mill-Kunsill sabiex isostni l-fondatezza tar-raġunijiet ta’ inklużjoni.

84      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-affidabbiltà tal-provi prodotti mill-Kunsill, għandu jitfakkar li, minn naħa, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tas-sitwazzjoni, li tagħmel parti mill-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jidħlu dawn il-miżuri, minħabba l-fatt li kien urġenti li jiġu adottati tali miżuri li għandhom bħala għan li joħolqu pressjoni fuq ir-reġim Sirjan sabiex iwaqqaf ir-repressjoni vjolenti diretta kontra l-popolazzjoni u d-diffikultà sabiex jinkisbu provi iktar preċiżi fi Stat f’sitwazzjoni ta’ gwerra ċivili b’reġim ta’ natura awtoritarja (ara s-sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Al‑Tarazi vs Il‑Kunsill, T‑260/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:187, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Min-naħa l-oħra, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi u l-uniku kriterju sabiex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorja ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-veradiċità tal-informazzjoni li hija inkluża fih u tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, id-destinatarju tiegħu, u jiġi mistoqsi jekk, skont il-kontenut tiegħu, jidhirx li jagħmel sens u li huwa affidabbli (sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Al‑Tarazi vs Il‑Kunsill, T‑260/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:187, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent sempliċement jallega li l-provi tal-Kunsill huma rapporti ta’ għajdut li ġejjin minn terzi u minn pubblikazzjonijiet online mhux indipendenti, mingħajr ma jsostni l-argument tiegħu permezz ta’ provi konkreti. F’dan ir-rigward, peress li l-provi prodotti mill-Kunsill, ikkomunikati lir-rikorrent, joriġinaw minn sorsi pubblikament aċċessibbli, kien possibbli għalih li jindika liema, fil-fehma tiegħu, kienu pereżempju favorevoli għar-reġim Sirjan. B’mod partikolari, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 74 iktar ’il fuq, minkejja li huwa l-Kunsill li għandu jipproduċi l-provi insostenn tal-motivi ta’ inklużjoni, huwa r-rikorrent li għandu jindika liema minnhom jistgħu jqajmu dubji dwar l-affidabbiltà tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Al‑Tarazi vs Il‑Kunsill, T‑260/19, mhux ippubblikat, EU:T:2021:187, punt 73).

87      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rilevanza tal-provi prodotti mill-Kunsill, ir-rikorrent isostni li l-parti l-kbira minnhom ma għadhomx attwali. F’dan ir-rigward, huwa jirrimarka li seba’ minnhom għandhom iktar minn sitt snin u li, fost it-tliet artikli li għandhom inqas minn sitt snin, wieħed minnhom biss huwa ddatat sentejn qabel id-data ta’ adozzjoni tal-atti kkontestati. Barra minn hekk, diversi minn dawn l-artikli huma inqas rilevanti milli tissuġġerixxi d-data tal-pubblikazzjoni tagħhom sa fejn dawn isemmu avvenimenti preċedenti għal-likwidazzjoni tal-interessi kummerċjali tar-rikorrent fis-Sirja. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-provi juru li r-rikorrent kien negozjant li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, aspett li huwa ma jikkontestax, iżda ma jistgħux jipprovaw li huwa attwalment tali negozjant.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li iktar ma l-provi jkunu antiki meta mqabbla mad-data tal-adozzjoni tal-atti li jistabbilixxu miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità, inqas jistgħu jikkostitwixxu, fihom infushom, bażi suffiċjenti għall-atti kkontestati. F’dan is-sens, filwaqt li dawn jistgħu jintużaw mill-Kunsill, iż-żmien sinjifikanti dekors bejn, minn naħa, il-pubblikazzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni tal-atti kkontestati jeżiġi min-naħa tal-Kunsill li dan jikkorroborahom bi provi oħrajn iktar riċenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punti 32 u 33).

89      F’dan il-każ, id-diversi provi ppreżentati mill-Kunsill jiddeskrivu, fil-parti l-kbira tagħhom, informazzjoni li tikkoinċidi, b’tali mod li anki l-iktar informazzjoni antika tista’, sa ċertu punt, tkun rilevanti sabiex tintwera l-fondatezza tar-raġunijiet ta’ inklużjoni.

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-provi prodotti mill-Kunsill huma ta’ natura raġonevoli u affidabbli u huma, a priori, rilevanti sabiex isostnu r-raġunijiet ta’ inklużjoni.

91      Madankollu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura antika tal-provi prodotti mill-Kunsill sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-proċess kollu, humiex suffiċjenti sabiex juru l-fondatezza tar-raġunijiet ta’ inklużjoni.

5.      Fuq ir-raġunijiet ta’ inklużjoni

a)      Fuq l-istatus ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja

1)      Fuq l-interessi ekonomiċi tar-rikorrent

92      Qabelxejn, mill-informazzjoni li toriġina mill-artikli jew pubblikazzjonijiet kważi kollha pprovduti mill-Kunsill, bl-eċċezzjoni tal-artiklu li joriġina mis-sit internet Orient News u mill-paġna tas-sit internet Aliqtisadi, isegwi li r-rikorrent huwa l-fundatur u l-imsieħeb ta’ Lead Syria fi stralċ, kumpannija li topera fis-setturi taż-żejt u tal-gass. Dan huwa indikat ukoll fl-ewwel parti tad-dokument WK 985/2021 INIT, taħt it-titolu “Preżentazzjoni u rabtiet ta’ prossimità mar-reġim Sirjan”. Sussegwentement, kemm mill-viża ta’ residenza tar-rikorrent fl-Emirati Għarab Magħquda kif ukoll mill-paġna tas-sit internet Aliqtisadi jsegwi li r-rikorrent imexxi Lead UAE. Barra minn hekk, ir-rikorrent huwa deskritt bħala involut f’diversi entitajiet mis-siti internet Syrian Oil & Gas News u Aks al Ser. Fl-aħħar, l-estratt tal-ktieb “The Political Economy of investment in Syria” jagħmel riferiment għall-investiment tar-rikorrent f’Gulfsands Petroleum, kumpannija taż-żejt ibbażata fir-Renju Unit li topera fis-Sirja.

93      Għalhekk, il-provi prodotti mill-Kunsill għandhom tendenza li juru li r-rikorrent huwa investitur fis-settur taż-żejt Sirjan.

94      Ir-rikorrent jikkontesta din id-deskrizzjoni u jsostni, essenzjalment, li huwa ma għad għandu ebda interess kummerċjali fis-Sirja.

95      Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ Lead Syria fi stralċ, ir-rikorrent jipprovdi l-kuntratt ta’ Novembru 2011 li permezz tiegħu huwa rtira mill-kumpannija għall-benefiċċju ta’ A u pproduċa, sabiex juri li din il-kumpannija kienet inattiva mill‑2012, id-dikjarazzjonijiet tad-dħul ta’ din l-entità għas-snin 2012 sa 2020. Huwa jipproduċi wkoll ċertifikat li ħareġ mir-Reġistru tal-Kummerċ ta’ Damasku tal‑5 ta’ Jannar 2021 li jindika li Lead Syria fi stralċ tqiegħdet fi stralċ fit‑8 ta’ Novembru 2020, jiġifieri qabel id-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati.

96      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, il-provi kollha prodotti mill-Kunsill u relatati ma’ Lead Syria fi stralċ għandhom data qabel il‑5 ta’ Jannar 2021. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill ma jressaq ebda argument sabiex isostni li Lead Syria fi stralċ għadha attiva jew li l-provi prodotti mir-rikorrent ma humiex ta’ natura raġonevoli u affidabbli.

97      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent wera li ma għadx għandu interess f’Lead Syria fi stralċ, li kienet, fi kwalunkwe każ, inattiva u fi stralċ fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati.

98      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ Lead UAE, ir-rikorrent jipprovdi żewġ dokumenti mingħand QNA Auditors, ditta tal-awditjar li tinsab f’Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda), li permezz tagħhom dan tal-aħħar jiċċertifika li Lead UAE ma teżerċitax attivitajiet fis-Sirja. Din hija ittra tat‑18 ta’ Frar 2021 u tabella tal‑15 ta’ Novembru 2021 redatta minn QNA Auditors sabiex tiġi ċċertifikata l-lista tal-proġetti pendenti u kkompletati minn Lead UAE. Minn din l-aħħar tabella jsegwi li Lead UAE għandha proġetti ta’ kostruzzjoni fl-Alġerija u fil-Qatar.

99      Għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-viża ta’ residenza tar-rikorrent fl-Emirati Għarab Magħquda prodotta mill-Kunsill, hija biss il-paġna tas-sit internet Al-Iqtisadi li ssemmi Lead UAE. Issa, din il-paġna ma tindikax fejn jitwettqu l-proġetti ta’ Lead UAE.

100    Fir-rigward tal-argument tal-Kunsill li mill-ittra tat‑18 ta’ Frar 2021 ma jsegwix b’mod ċar jekk id-dikjarazzjonijiet li jinsabu fiha jikkonċernawx lil Lead UAE jew lil Lead Syria fi stralċ, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, ir-rikorrent ipprovda spjegazzjonijiet sostnuti intiżi sabiex jiddistingwu lil Lead Syria fi stralċ minn Lead UAE. F’dan ir-rigward, huwa pproduċa provi dwar kull waħda minn dawn il-kumpanniji, maħruġa minn korpi bħal ditta tal-awditjar jew reġistru tal-kummerċ, li jippermettu li jiġi ddikjarat li Lead Syria fi stralċ hija l-kumpannija li huwa kien waqqaf flimkien ma’ Ghassan Muhanna fis-Sirja qabel ma rtira minnha fl‑2011, filwaqt li Lead UAE hija impriża li huwa waqqaf fl-Emirati Għarab magħquda.

101    Ċertament, ix-xebh kbir bejn l-ismijiet ta’ dawn il-kumpanniji huwa propizju għall-konfużjoni. Madankollu, filwaqt li r-rikorrent ħa ħsieb jistabbilixxi konvenzjoni ta’ kitba ċara u jagħti spjegazzjonijiet sabiex jgħin lill-Qorti Ġenerali tiddistingwi bejn dawn iż-żewġ entitajiet, il-Kunsill, min-naħa l-oħra, ma poġġiex lill-Qorti Ġenerali f’pożizzjoni li tifhem faċilment għal liema entità jirreferu d-diversi provi inklużi fid-Dokumenti WK 4069/2019 INIT u WK 985/2021 INIT, li jużaw ismijiet differenti, jew anki jagħmel ċerta konfużjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu. Fl-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ikkonferma, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, li kien hemm żewġ entitajiet, jiġifieri Lead Syria fi stralċ u Lead UAE, u li meta sar riferiment għal entità mwaqqfa mir-rikorrent u minn Ghassan Muhanna, kien hemm lok li jinftiehem li din kienet Lead Syria fi stralċ.

102    Għalhekk, ir-rikorrent wera li Lead UAE, stabbilita fl-Emirati Għarab Magħquda, aspett li huwa kkonfermat mill-provi prodotti mill-Kunsill, ma teżerċitax attivitajiet fis-Sirja.

103    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi nnotat li r-rikorrent jipproduċi deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2020 mill-azzjonist wieħed ta’ Lead UAE, il-kumpannija B, li taċċetta r-riżenja tiegħu bħala direttur b’effett minn dik id-data.

104    Issa, il-Kunsill ma ressaq ebda argument intiż sabiex jikkontesta r-riżenja tar-rikorrent u lanqas ma kkontesta l-affidabbiltà tal-provi prodotti minn dan tal-aħħar.

105    Għaldaqstant, għandu jitqies li r-rikorrent wera li ma għadux involut f’Lead UAE li, fi kwalunkwe każ, ma hijiex kumpannija stabbilita fis-Sirja u ma teżerċita l-ebda attività hemmhekk.

106    Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat l-involviment tar-rikorrent fid-diversi entitajiet imsemmija fis-siti internet Syrian Oil & Gas News u Aks al Ser.

107    L-ewwel, fir-rigward tal-kumpannija Asaad and Petngnap & Co, li huwa jassoċja, mingħajr ma ġie kontradett fuq dan il-punt mill-Kunsill, ma’ Asaad Beitenjaneh & Partners Company for Processing & Refining Edible Oils, ittrasformata fl‑2011 f’kumpannija privata msejħa Syrian Private Joint-stock Company for Processing and Refining Edible Oils, ir-rikorrent ipproduċa ittra tal‑15 ta’ Novembru 2021 minn din l-entità li tattesta li huwa ma għandux ishma fiha f’dik id-data. Ċertament, din id-dikjarazzjoni, li tistabbilixxi s-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward tal-imsemmija kumpannija kif kienet teżisti f’data sussegwenti għal dik tal-adozzjoni tal-atti tal‑2021, ma turix li r-rikorrent ma kellux, fil-mument meta l-Kunsill adotta l-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu, tali ishma. Madankollu, l-unika prova prodotta mill-Kunsill li tindika li r-rikorrent huwa sieħeb fl-imsemmija entità hija antika, għaliex din tmur lura għall‑2010. Barra minn hekk, ebda prova oħra iktar reċenti ma tikkorrobora din l-informazzjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill ma ressaq ebda argument sabiex isostni li r-rikorrent kien għad kellu interessi f’din il-kumpannija. Fl-aħħar, huwa lanqas ma ressaq argument intiż sabiex jikkontesta l-affidabbiltà u r-rilevanza tal-prova prodotta mir-rikorrent. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeżisti dubju raġonevoli li, waqt l-adozzjoni tal-atti tal‑2021, ir-rikorrent kien għad kellu l-istatus ta’ azzjonist tal-kumpannija inkwistjoni.

108    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2022, peress li l-prova prodotta mir-rikorrent kienet preċedenti għad-data tal-adozzjoni tagħhom u peress li l-Kunsill ma pproduċa ebda prova addizzjonali, għandu jitqies li r-rikorrent wera li huwa ma kellux iktar l-istatus ta’ azzjonist tal-kumpannija Asaad and Petngnap & Co fil-mument tal-adozzjoni tagħhom.

109    It-tieni, fir-rigward tal-kumpannija tal-assigurazzjoni United Insurance Company, ir-rikorrent jipproduċi ittra tas‑16 ta’ Novembru 2021 mill-President ta’ din il-kumpannija u li tikkonferma li huwa ma għandux ishma tagħha mill‑2012. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jipproduċi pubblikazzjoni waħda biss intiża sabiex turi li r-rikorrent għandu investiment f’din l-entità li jmur lura għall‑2010 u ma jressaq ebda argument intiż li jikkontesta l-affidabbiltà jew il-kontenut tal-ittra msemmija iktar ’il fuq. Għaldaqstant hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrent wera li ma kellux ishma tal-imsemmija kumpannija waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

110    It-tielet, fir-rigward tal-kumpannija Al Badia Cement JSC, ir-rikorrent jipprovdi ittra tal‑25 ta’ April 2021 minn din l-entità u li tikkonferma li huwa rriżenja mill-pożizzjoni tiegħu ta’ membru tal-bord tad-diretturi fil‑25 ta’ Settembru 2011 u biegħ l-ishma miżmuma fl‑2011. Huwa jipproduċi, sabiex juri li ma għadx għandu interess f’din il-kumpannija, żewġ dokumenti oħra, li joriġinaw mis-sit internet WikiLeaks, li jikkonfermaw l-imsemmija riżenja. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill ma jressaq ebda argument intiż sabiex jikkontesta l-affidabbiltà jew il-kontenut ta’ dawn il-provi. Għalhekk, ir-rikorrent wera li ma kienx relatat mal-kumpannija inkwistjoni waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

111    Ir-raba’, fir-rigward tal-bank Bank Audi Syria, li jgħid li sar Ahli Trust Bank, li ma huwiex ikkontestat mill-Kunsill, ir-rikorrent jipproduċi ittra tal‑11 ta’ Novembru 2021 minn din l-entità u li tikkonferma li huwa ma għandux ishma tagħha sa llum. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jipproduċi biss provi tal‑2010 u tal‑2012 u li jindikaw li r-rikorrent huwa sieħeb ta’ din l-entità u ma jressaq ebda argument intiż li jikkontesta l-affidabbiltà jew il-kontenut tal-ittra msemmija iktar ’il fuq. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent wera li ma kienx azzjonist ta’ dan il-bank matul l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

112    Il-ħames, fir-rigward tal-kumpannija Syrian Arab Insurance Company, ir-rikorrent jipproduċi ittra tad‑9 ta’ Novembru 2021 minn din l-entità u li tikkonferma li ma kellux ishma tagħha sa dik id-data. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jipproduċi pubblikazzjoni waħda biss intiża sabiex turi li r-rikorrent għandu investiment fl-imsemmija kumpannija li jmur lura għall‑2010 u ma jressaq ebda argument intiż li jikkontesta l-affidabbiltà jew il-kontenut tal-ittra msemmija iktar ’il fuq. Għaldaqstant hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrent wera li ma kellux ishma ta’ din il-kumpannija waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

113    Is-sitt, fir-rigward tal-kumpannija tal-assigurazzjoni Aqeelah Takaful Insurance Company, ir-rikorrent jipprovdi ittra tal‑10 ta’ Mejju 2021 minn din l-entità u li tikkonferma li huwa ma kellux ishma ta’ din il-kumpannija “sal‑31 ta’ Marzu 2021”. Mistoqsi matul is-seduta, huwa kkonferma li din il-formulazzjoni kienet tissuġġerixxi biss li huwa ma kellux ishma f’din il-kumpannija. Fi kwalunkwe każ, din il-prova turi, tal-inqas, li, kuntrarjament għal dak li kien indikat f’pubblikazzjoni li tinsab fis-sit internet Syrian Oil & Gas News, ir-rikorrent ma kellux ishma, fl‑2010, tal-imsemmija kumpannija. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jipproduċi pubblikazzjoni waħda biss intiża sabiex turi rabta bejn ir-rikorrent u l-imsemmija kumpannija tal-assigurazzjoni u ma jressaq ebda argument intiż li jikkontesta l-affidabbiltà jew il-kontenut tal-ittra msemmija iktar ’il fuq. Għaldaqstant jeżisti dubju raġonevoli li, waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati, ir-rikorrent kien relatat mal-kumpannija tal-assigurazzjoni inkwistjoni.

114    Is-seba’, fir-rigward ta’ Dajajouna, li hija, fil-fehma tiegħu, trade mark tal-kumpannija DANZ for Food Industries, aspett li ma huwiex ikkontestat mill-Kunsill, ir-rikorrent jipproduċi ittra tal‑15 ta’ Novembru 2021 li tiddikjara li huwa ma kellux ishma ta’ din il-kumpannija bejn it‑3 ta’ Jannar 2010 u l‑15 ta’ Novembru 2021. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jipproduċi pubblikazzjoni waħda biss intiża sabiex turi li r-rikorrent għandu investiment f’din l-entità li jmur lura għall‑2010 u ma jressaq ebda argument intiż li jikkontesta l-affidabbiltà jew il-kontenut tal-ittra msemmija iktar ’il fuq. Għaldaqstant hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrent wera li ma kellux ishma tal-imsemmija kumpannija waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

115    It-tmien, fir-rigward tal-kumpannija Assaad Baitangana and Partners for producing oils, li huwa jassoċja, mingħajr ma ġie kkontestat fuq dan il-punt mill-Kunsill, ma’ Asaad Beitenjaneh & Partners Company for Syrian Olive Oil, ittrasformata fl‑2011 f’kumpannija privata msejħa Syrian Olive Oil Private Joint-stock Company, ir-rikorrent jipprovdi ittra tal‑15 ta’ Novembru 2021 minn din l-entità tal-aħħar u li tikkonferma li huwa ma kellux ishma f’dik id-data. Ċertament, din id-dikjarazzjoni, li tistabbilixxi s-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward ta’ din il-kumpannija kif kienet teżisti f’data sussegwenti għal dik tal-adozzjoni tal-atti tal‑2021, ma turix li r-rikorrent ma kellux tali ishma meta l-Kunsill adotta l-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu. Madankollu, l-unika prova prodotta mill-Kunsill li tindika li r-rikorrent huwa sieħeb f’din l-entità hija antika, għaliex din tmur lura għall‑2010. Barra minn hekk, ebda prova oħra iktar reċenti ma tikkorrobora din l-informazzjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill ma ressaq ebda argument sabiex isostni li r-rikorrent kien għad kellu interessi f’din il-kumpannija. Fl-aħħar, lanqas ma ressaq argument intiż sabiex jikkontesta l-affidabbiltà u r-rilevanza tal-prova prodotta mir-rikorrent. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeżisti dubju raġonevoli li, waqt l-adozzjoni tal-atti tal‑2021, ir-rikorrent kien għad kellu l-istatus ta’ azzjonist tal-kumpannija inkwistjoni.

116    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2022, peress li l-prova prodotta mir-rikorrent hija preċedenti għad-data tal-adozzjoni tagħhom u peress li l-Kunsill ma pproduċa ebda prova addizzjonali, għandu jitqies li r-rikorrent wera li huwa ma kellux iktar l-istatus ta’ azzjonist ta’ Syrian Olive Oil Private Joint-stock Company fil-mument tal-adozzjoni tagħhom.

117    Id-disa’, fir-rigward tal-kumpannija Cham Holding, ir-rikorrent ipproduċa ittra tat‑12 ta’ Mejju 2021 minn din l-entità u li tikkonferma li ma għadx għandu ishma f’din il-kumpannija sa mis‑26 ta’ Ġunju 2014. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill ipproduċa żewġ pubblikazzjonijiet li jmorru lura għall‑2010 u għall‑2012 u li jindikaw li r-rikorrent għandu interessi fl-imsemmija kumpannija u ma jressaq ebda argument intiż li jikkontesta l-affidabbiltà u r-rilevanza tal-ittra msemmija iktar ’il fuq jew sabiex juri li r-rikorrent kien għad għandu interessi f’din il-kumpannija. Għaldaqstant, għandu jitqies li r-rikorrent ipproduċa l-prova li huwa ma kellux iktar ishma tal-kumpannija inkwistjoni waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

118    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent ipproduċa provi suffiċjenti sabiex jikkontesta l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kunsill fir-rigward tal-involviment tiegħu f’diversi entitajiet Sirjani.

119    Fl-aħħar, l-għaxar, fir-rigward tal-kumpannija Gulfsands Petroleum, l-ewwel, ir-rikorrent ma jikkontestax li kellu ishma f’din il-kumpannija, iżda jindika li huwa kellu dawn l-ishma permezz ta’ Hickam Ventures Ltd. F’dan ir-rigward, huwa jipprovdi rendikont tal-portafoll ta’ ishma ta’ din tal-aħħar tal‑31 ta’ Diċembru 2008, li minnu jsegwi li, effettivament, din kellha ishma fl-imsemmija kumpannija. Sussegwentement, huwa jippreċiża li ma waqqafx il-kumpannija inkwistjoni, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, u jipproduċi f’dan ir-rigward il-memorandum ta’ assoċjazzjoni ta’ tali kumpannija, tat‑2 ta’ Diċembru 2014. Il-qari ta’ dan id-dokument juri li r-rikorrent la kien il-fundatur u lanqas id-direttur tal-kumpannija kkonċernata fil-mument tal-kostituzzjoni tagħha. Barra minn hekk, huwa jipprovdi l-istatus tat-tqassim tal-attiv u tal-evoluzzjoni tal-portafoll ta’ Hickam Ventures sabiex juri li din tal-aħħar isseparat ruħha mill-azzjonijiet tal-kumpannija inkwistjoni fl‑2009. Għandu jiġi rrilevat li l-iżvilupp tal-portafoll stabbilit fil‑31 ta’ Diċembru 2009 juri t-tmiem ta’ tali azzjonijiet. Dan huwa kkonfermat mil-lista tal-azzjonisti tal-istess kumpannija tat‑3 ta’ Diċembru 2010, li fiha la Hickam Ventures u lanqas l-isem tar-rikorrent ma jidhru. Fl-aħħar, ir-rikorrent jipproduċi lista ċċertifikata tal-azzjonisti ta’ Hickam Ventures tat‑12 ta’ Jannar 2021 sabiex juri li ma kellux iktar interessi fiha. Minn dan id-dokument isegwi effettivament li l-isem tar-rikorrent ma jidhirx fil-lista tal-azzjonisti ta’ Hickam Ventures. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill ma jikkontestax id-deskrizzjoni tal-fatti kif proposta mir-rikorrent b’mod issostanzjat u lanqas ma jikkontesta l-affidabbiltà jew il-kontenut tal-provi prodotti mir-rikorrent u jipproduċi dokument wieħed biss li jindika li huwa investa f’din il-kumpannija, jiġifieri estratt minn ktieb tal‑2015 ibbażat fuq artiklu tal‑2007. Għaldaqstant, għandu jitqies li r-rikorrent validament ikkontesta l-fatt li huwa kellu interessi fil-kumpannija inkwistjoni waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

120    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kunsill ma sostniex b’mod suffiċjenti fid-dritt il-fatt li r-rikorrent kellu interessi kummerċjali fis-Sirja.

121    Barra minn hekk, mill-pubblikazzjoni tas‑6 ta’ Settembru 2012 tas-sit internet Aks al Ser, prodotta mill-Kunsill, isegwi li r-rikorrent beda jillikwida l-attiv finanzjarju tiegħu u joħroġ il-flus tiegħu mill-banek wara l-bombarkament tal-kwartier ġenerali tas-sigurtà nazzjonali Sirjana, li għandu tendenza li jikkonferma l-allegazzjoni tar-rikorrent li, mill‑2012, huwa ma kellux iktar interessi fis-Sirja.

2)      Fuq il-pożizzjonijiet tar-rikorrent f’ċerti korpi marbuta mal-kummerċ

122    Mis-sit internet Syrian Oil & Gas News isegwi li r-rikorrent huwa l-kap tal-parti Sirjana tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Alġerina u huwa membru tal-kumitat nazzjonali Sirjan tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ tas-Sirja.

123    F’dan ir-rigward, ir-rikorrent ma jikkontestax li għamel parti mill-Kamra tal-Kummerċ Sirjana kif ukoll mill-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ tas-Sirja.

124    Madankollu, minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Alġerina, ir-rikorrent ipproduċa ittra tal‑1 ta’ Lulju 2013 indirizzata mill-imsemmija kamra lil Bank Audi wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 247 tal-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Kummerċ Barrani Sirjan li tipprevedi x-xoljiment tal-kmamar ta’ negozjanti Sirjani. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-uniċi provi prodotti mill-Kunsill huma pubblikazzjonijiet li joriġinaw mis-sit internet Syrian Oil & Gas News u ddatati l‑2010, jiġifieri qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill la jikkontesta l-affidabbiltà u lanqas il-kontenut tal-ittra msemmija iktar ’il fuq u ma jipprovax li, waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati, din il-kamra kienet ġiet ikkostitwita mill-ġdid u li r-rikorrent kien jagħmel parti minnha. Peress li r-rikorrent wera li l-kamra inkwistjoni ma kinitx teżisti waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-fatt li huwa kien membru tagħha ma jistax jintlaqa’ sabiex isostni l-istatus tiegħu ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja.

125    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ tas-Sirja, ir-rikorrent ipproduċa ittra tas‑16 ta’ Frar 2021 mill-President tal-kumitat nazzjonali Sirjan ta’ din il-kamra u li tikkonferma li huwa rriżenja mill-pożizzjoni tiegħu fi ħdan il-bord tad-diretturi tal-imsemmija kamra u ma baqax membru attiv mill‑2012. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-uniċi provi prodotti mill-Kunsill huma pubblikazzjonijiet li joriġinaw mis-sit internet Syrian Oil & Gas News u ddatati l‑2010, jiġifieri qabel ir-riżenja tar-rikorrent fl‑2012. Barra minn hekk, l-argumenti li l-Kunsill isostni fir-rigward tal-ittri li joriġinaw minn terzi prodotti mir-rikorrent huma intiżi li jikkontestaw id-dikjarazzjonijiet li huma jagħmlu fir-rigward tal-attivitajiet kummerċjali eżerċitati mir-rikorrent fis-Sirja. Min-naħa l-oħra, huwa ma jressaq ebda argument intiż speċifikament sabiex jikkontesta l-fatt li r-rikorrent fil-fatt irriżenja mill-bord tad-diretturi tal-kamra inkwistjoni u jammetti saħansitra l-eżistenza ta’ din ir-riżenja, kif ukoll jirrikonoxxi li din l-attività tar-rikorrent hija fil-passat. Fl-aħħar, huwa ma jikkontestax l-affidabbiltà tal-ittra msemmija iktar ’il fuq. Għaldaqstant, għandu jitqies li r-rikorrent wera li, waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati, huwa ma kienx għadu jagħmel parti mill-kamra kkonċernata. Issa, il-Kunsill ma jressaq ebda indizju serju u konkordanti li jippermetti b’mod raġonevoli li jitqies li r-rikorrent kien għadu jżomm rabtiet mal-imsemmija kamra, li jiġġustifika l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni, wara li waqqaf l-attivitajiet tiegħu fi ħdan din l-istruttura (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, Assi vs Il‑Kunsill, T‑256/19, EU:T:2021:818, punt 128).

126    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kunsill ma ssostanzjax b’mod suffiċjenti fil-liġi l-fatt li r-rikorrent kien jagħmel parti mill-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Alġerina kif ukoll mill-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ tas-Sirja.

3)      Konklużjoni dwar l-istatus ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja tar-rikorrent

127    Peress li l-Kunsill ma weriex b’mod suffiċjenti fil-liġi li r-rikorrent kellu interessi kummerċjali fis-Sirja u lanqas li kien jokkupa pożizzjonijiet f’korpi marbuta mal-kummerċ, għandu jiġi konkluż li huwa ma ssostanzjax ir-raġuni ta’ inklużjoni relatata mal-istatus ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja tar-rikorrent.

b)      Fuq ir-rabtiet mal-membri tal-familji Assad u Makhlouf

128    L-ewwel, mill-informazzjoni mis-siti tal-internet Dawdaa, Syriano, Ayn Almadina, Al Khaleej Online, Al Hewar, mill-ktieb intitolat “The Political Economy of investment in Syria” u mill-ewwel parti tad-Dokument WK 985/2021 INIT isegwi li r-rikorrent għandu rabtiet ma’ Mohammed u Rami Makhlouf. It-tieni, skont l-informazzjoni li tirriżulta mis-siti internet Dawdaa, Orient News, Al Khaleej Online u Al Hewar kif ukoll skont l-ewwel parti tad-Dokument WK 985/2021 INIT, ir-rikorrent għandu rabtiet mal-familja Assad.

1)      Fuq ir-rabtiet mal-membri tal-familja Makhlouf

129    Għandu jiġi rrilevat li l-provi prodotti mill-Kunsill għandhom tendenza li juru li r-rabtiet tar-rikorrent ma’ membri tal-familja Makhlouf huma ta’ żewġ tipi: wieħed professjonali, l-ieħor personali. Din il-konstatazzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata fil-kontroreplika.

130    Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna r-rabtiet professjonali tar-rikorrent ma’ membri tal-familja Makhlouf, dawn jirriżultaw, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kunsill, minn naħa, mill-partenarjat konkluż ma’ Ghassan Muhanna, li jservi bħala mandatarju għal ħuh tar-rispett, Mohammed Makhlouf, missier Rami Makhlouf, fil-kuntest ta’ Lead Syria fi stralċ u, min-naħa l-oħra, mill-investiment magħmul f’Gulfsands Petroleum, flimkien ma’ Rami Makhlouf, u mill-interessi tiegħu f’Cham Holding, ikkontrollata minn Rami Makhlouf.

131    Issa, minn naħa, fir-rigward ta’ Lead Syria fi stralċ, ir-rikorrent wera, bħalma jsegwi mill-punti 95 sa 97 iktar ’il fuq, li telaq minnha f’Novembru 2011 u li din il-kumpannija kienet fi stralċ meta ġew adottati l-atti kkontestati. Konsegwentement, il-Kunsill ma jistax jibbaża ruħu fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrent fl-imsemmija kumpannija sabiex juri li kienet teżisti rabta professjonali bejnu u Mohammed Makhlouf meta ġew adottati l-imsemmija atti.

132    Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Cham Holding u ta’ Gulfsands Petroleum, ir-rikorrent ipprova, bħalma jsegwi mill-punt 117 u mill-punt 119 iktar ’il fuq, rispettivament, li huwa ma kellux iktar interess f’dawn il-kumpanniji meta ġew adottati l-atti kkontestati. Konsegwentement, il-Kunsill ma jistax jibbaża ruħu fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrent fl-imsemmija kumpanniji sabiex juri li kienet teżisti rabta professjonali bejnu u Rami Makhlouf meta ġew adottati l-imsemmija atti.

133    Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rabtiet personali tar-rikorrent ma’ membri tal-familja Makhlouf, mill-artiklu tas-sit internet Ayn Almadina jsegwi li r-rikorrent huwa l-kuġin ta’ Mohammed Makhlouf, filwaqt li ommu, Jamila Muhanna, hija l-kuġina tal-mara ta’ Mohammed Makhlouf. Fir-rigward tal-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet Al Khaleej Online, dan jindika li r-rikorrent huwa ġenitur ta’ Mohammed Makhlouf.

134    L-ewwel parti tad-Dokument WK 985/2021 INIT tiddeskrivi, fil-preżentazzjoni tar-rikorrent u tar-rabtiet tiegħu ta’ prossimità mar-reġim Sirjan, ir-rikorrent bħala l-kuġin biż-żwieġ tal-aħwa Assad u Makhlouf, sa fejn iz-zija materna tiegħu hija l-mara ta’ Mohammed Makhlouf, missier Rami Makhlouf u ziju tal-President Bashar Al-Assad.

135    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fl-ittra tat‑12 ta’ Frar 2021, il-Kunsill reġa’ sostna li r-rikorrent kien marbut mal-familji ta’ Rami Makhlouf u tal-President Bashar Al-Assad minħabba ż-żwieġ taz-zija materna tiegħu ma’ Mohammed Makhlouf.

136    Issa, qabelxejn, il-Kunsill, li fuqu huwa impost l-oneru tal-prova, bħalma tfakkar fil-punt 72 iktar ’il fuq, jipprovdi biss żewġ pubblikazzjonijiet estratti minn siti tal-internet li jsemmu r-rabta ta’ parentela bejn ir-rikorrent u l-familja Makhlouf. Issa, wieħed minnhom, jiġifieri s-sit internet Al Khaleej Online, isemmi l-imsemmija rabta ta’ parentela b’mod vag biss, mingħajr ma jikklassifikaha. Sussegwentement, ir-rabta ta’ parentela invokata mis-sit internet Ayn Almadina, jiġifieri li r-rikorrent huwa l-kuġin ta’ Mohammed Makhlouf, filwaqt li ommu, Jamila Muhanna, hija l-kuġini tal-mara ta’ Mohammed Makhlouf, hija differenti minn dik imsemmija fl-ewwel parti tad-Dokument WK 985/2021 INIT. Fil-fatt, din tal-aħħar tindika li hija z-zija materna tar-rikorrent li hija miżżewġa lil Mohammed Makhlouf, għalhekk, fil-prinċipju, oħt Jamila Muhanna.

137    Konsegwentement, l-informazzjoni li tirriżulta mid-dokumenti WK 4069/2019 INIT u WK 985/2021 INIT ma jikkorraborawx ruħhom.

138    Barra minn hekk, l-affermazzjoni li tinsab fid-Dokument WK 985/2021 INIT li waħda miz-zijiet materni tar-rikorrent hija miżżewġa lil Mohammed Makhlouf ma hijiex sostnuta u hija vaga, peress li ebda prova ma tipprovaha u ma huwa mogħti ebda isem sabiex tiġi indikata l-mara ta’ Mohammed Makhlouf. Barra minn hekk, l-affermazzjoni tal-Kunsill li, permezz tal-espressjoni “zija materna”, zija ta’ omm ir-rikorrent tista’ wkoll tkun koperta ma hijiex konvinċenti. Fil-fatt, l-ewwel parti tal-imsemmi dokument tiddeskrivi b’mod ċar il-mara ta’ Mohammed Makhlouf bħala z-zija materna tar-rikorrent. Il-Kunsill adotta tali rabta, mingħajr ma esprima riżervi, fl-ittra tat‑12 ta’ Frar 2021. Għalhekk, ma jistax issa jiġi sostnut li fir-realtà din tista’ tkun zija ta’ omm ir-rikorrent. Fi kwalunkwe każ, l-affermazzjoni tiegħu hija mressqa bħala ipoteżi u ma hijiex sostnuta.

139    Fl-aħħar, l-argument tal-Kunsill li Ghassan Muhanna u omm ir-rikorrent huma relatati jikkostitwixxi l-iktar l-iktar ipoteżi mqajma għall-ewwel darba fir-risposta. Fi kwalunkwe każ, ebda waħda mill-provi prodotti mill-Kunsill ma tmur f’dan is-sens.

140    Barra minn hekk, il-Kunsill jipprovdi s-sentenza tat-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi, Franza) tat‑13 ta’ Settembru 2021 dwar ir-rikorrent sabiex juri li ġie rrikonoxxut li dan kellu tassew rabtiet familjari mal-familji Makhlouf u Assad.

141    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, billi għamel hekk, il-Kunsill ma jinvokax id-deċiżjoni tal-qorti Franċiża bħala prova intiża sabiex tissostanzja r-raġunijiet ta’ inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, iżda jipprovdiha sabiex jikkonferma d-deskrizzjoni li huwa jagħti tar-rikorrent lill-Qorti Ġenerali. F’dan is-sens, għalhekk ma hemmx lok li wieħed jistaqsi dwar l-ammissibbiltà ta’ din il-prova fid-dawl tal-ġurisprudenza li l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha l-att ikun ġie adottat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Settembru 2015, NIOC et vs Il‑Kunsill, T‑577/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:596, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    Madankollu, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni għandha l-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti adottati mill-Kunsill. Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina l-legalità tal-atti kkontestati fid-dawl biss tal-argumenti u tal-provi prodotti mill-partijiet quddiemha.

143    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li t-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi), li ddeċidiet dwar id-deċiżjoni tat‑12 ta’ Frar 2020 tal-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi Franċiż (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Franċiża tat‑12 ta’ Frar 2020”), tat deċiżjoni fuq ir-raġunijiet ta’ inklużjoni kif kienu jirriżultaw mill-atti tal‑2019. Għalhekk, is-suġġett tar-rikorsi huwa differenti, b’tali mod li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma tistax tkun marbuta bl-eventwali awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ dik is-sentenza.

144    F’dan ir-rigward, mill-estratti mir-Reġistru tal-Istat Ċivili Sirjan ipprovduti mir-rikorrent u relatati mal-familja materna tiegħu tal‑25 u tas‑26 ta’ April 2021, li l-Kunsill la kkontesta l-affidabbiltà u lanqas ir-rilevanza tagħhom, isegwi li ebda waħda miz-zijiet materni tar-rikorrent ma hija miżżewġa lil Mohammed Makhlouf.

145    Għalkemm huwa minnu li l-ortografija ta’ isem u ta’ kunjom omm ir-rikorrent li tidher fuq l-estratti tar-Reġistru tal-Istat Ċivili Sirjan hija kemxejn differenti minn dik li tinsab fi provi oħra (“Jamileh” minflok “Jamila” u “Mhanna” minflok “Muhanna”), tali differenzi jistgħu jiġu spjegati mit-trażlitterazzjoni ta’ ismijiet Għarab f’karattri Latini.

146    Barra minn hekk, il-Kunsill innifsu jindika, fir-risposta tiegħu, li Jamila Muhanna hija omm ir-rikorrent. Minħabba f’hekk, għandu jitqies li l-estratti tar-Reġistru tal-Istat Ċivili Sirjan huma relatati sew mal-familja materna tar-rikorrent. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrent effettivament ipproduċa l-prova li ebda waħda miz-zijiet materni tiegħu ma kienet miżżewġa lil Mohammed Makhlouf.

147    Bħala konklużjoni, minħabba l-inkoerenzi fil-provi prodotti mill-Kunsill u fid-dawl tad-dokumenti prodotti mir-rikorrent, għandu jitqies li l-Kunsill ma ssostanzjax suffiċjentement il-fondatezza tar-raġunijiet ta’ inklużjoni bbażati fuq il-fatt li r-rikorrent huwa marbut mal-membri tal-familja Makhlouf.

2)      Fuq ir-rabtiet tar-rikorrent ma’ membri tal-familja Assad

148    Għandu jiġi rrilevat li l-provi prodotti mill-Kunsill huma intiżi li juru li r-rabtiet tar-rikorrent ma’ membri tal-familja Assad huma ta’ natura unikament professjonali.

149    Fil-fatt, mis-sit internet Dawdaa jsegwi b’mod ċar li r-rikorrent ma huwiex membru tal-familja Assad, iżda li jibqa’ viċin tiegħu minħabba r-responsabbiltajiet tiegħu.

150    Barra minn hekk, il-Kunsill għandu approċċ li ma huwiex nieqes minn kull ambigwità. Fil-fatt, għalkemm huwa jammetti li r-rikorrent ma huwiex il-kuġin tal-President Bashar Al-Assad u għalkemm ikkonferma, matul is-seduta, li l-imsemmi president ma kellux kuġin bl-istess isem bħar-rikorrent, huwa jispjega, fir-risposta tiegħu, li r-rikorrent jista’ jitqies bħala l-kuġin ta’ dan il-president, sa fejn Mohammed Makhlouf, allegatament relatat mar-rikorrent permezz taż-żwieġ tiegħu ma’ waħda miz-zijiet materni tiegħu, huwa z-ziju tal-president inkwistjoni.

151    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ma adottax formalment il-fatt li r-rikorrent huwa l-kuġin tal-President Bashar Al-Assad sabiex jiġġustifika l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, bħalma ġie stabbilit fil-punt 147 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma weriex b’mod suffiċjenti fil-liġi r-rabtiet personali tar-rikorrent mal-familja Makhlouf, li permezz tagħhom huwa kien allegatament relatat mal-familja Assad.

152    Fir-rigward tar-rabtiet professjonali li jorbtu lir-rikorrent mal-membri tal-familja Assad, mill-punti ta’ informazzjoni li joriġinaw mis-siti internet Dawdaa, Orient News, Al Khaleej Online u Al Hewar isegwi li dawn ġew stabbiliti fis-settur taż-żejt. Fl-ewwel parti tad-Dokument WK 985/2021 INIT, ir-rikorrent huwa deskritt bħala li bbenefika mir-rabtiet tiegħu ma’ Bassel Al-Assad, it-tifel il-kbir ta’ Hafez Al-Assad, li miet fil‑21 ta’ Jannar 1994, sabiex isir sinjur.

153    Fid-dawl tal-mewt ta’ Bassel Al-Assad fl‑1994, jeħtieġ biss li wieħed jinteressa ruħu fir-rabtiet tar-rikorrent ma’ membri tal-familja Assad permezz tal-attivitajiet tiegħu fis-settur taż-żejt.

154    F’dan ir-rigward, l-ewwel, mill-artikoli tas-siti tal-internet Al Khaleej Online u Al Hewar jirriżulta li huwa permezz ta’ Lead Syria fi stralċ li r-rikorrent kellu rabtiet ma’ membri tal-familja Assad. Issa, bħalma ġie stabbilit fil-punt 97 iktar ’il fuq, waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati, ir-rikorrent ma kellux iktar rabta ma’ din il-kumpannija.

155    It-tieni, fir-rigward tal-partenarjat bejn ir-rikorrent u Maher Al-Assad fil-kuntest tal-alleanza “żejt għall-ikel”, għandu jiġi kkonstatat li dan jissemma biss fl-artiklu tas-sit internet Orient News. Issa, din l-unika prova li, barra minn hekk, ma kienet is-suġġett ta’ ebda spjegazzjoni konvinċenti min-naħa tal-Kunsill, kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu jew waqt is-seduta, ma tippermettix li wieħed jifhem kif din l-alleanza kkonkretizzat ruħha, jiġifieri permezz ta’ liema entitajiet, u lanqas x’kienu l-konsegwenzi tagħha. Tali spjegazzjonijiet kienu madankollu neċessarji peress li, barra minn hekk, huwa fatt magħruf li l-espressjoni “żejt għall-ikel” tagħmel riferiment għall-programm li kien ġie stabbilit mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti bejn l‑1996 u l‑2003 għall-benefiċċju tal-Iraq.

156    It-tielet, il-pubblikazzjoni tas-sit internet Dawdaa ssemmi diviżjoni bejn ir-rikorrent u l-familja Assad minħabba problemi li seħħew fis-settur taż-żejt, b’tali mod li din il-prova tissuġġerixxi pjuttost il-ksur tar-rabtiet bejn ir-rikorrent u l-familja Assad f’dan is-settur.

157    Konsegwentement, il-Kunsill ma pproduċiex sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti sabiex jissostanzja li r-rikorrent għandu rabtiet professjonali ma’ membri tal-familja Assad minħabba attivitajiet fis-settur taż-żejt.

158    Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni tas-sit internet Dawdaa ssemmi li r-rikorrent għadu jkollu rabtiet mal-familja Assad minħabba r-responsabbiltajiet tiegħu. Madankollu, din ma tispeċifikax liema huma dawn ir-responsabbiltajiet u lanqas tispjega kif dawn jippermettu li tiġi stabbilita tali rabta. Peress li, barra minn hekk, din l-informazzjoni ma hijiex ikkorroborata minn provi oħra, għandu jitqies li ma tissostanzjax b’mod suffiċjenti fil-liġi l-eżistenza ta’ rabtiet professjonali bejn ir-rikorrent u l-membri tal-familja Assad.

159    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kunsill ma ssostanzjax suffiċjentement il-fondatezza tar-raġunijiet ta’ inklużjoni bbażati fuq l-aspett li r-rikorrent huwa relatat mal-membri tal-familja Assad.

3)      Konklużjoni dwar ir-rabtiet tar-rikorrent ma’ membri tal-familji Makhlouf u Assad

160    Peress li l-Kunsill ma weriex li r-rikorrent kien relatat mal-membri tal-familji Makhlouf u Assad, minn perspettiva professjonali jew personali, għandu jiġi konkluż li huwa ma ssostanzjax ir-raġuni ta’ inklużjoni dwar ir-rabtiet tar-rikorrent ma’ membri tal-familji Makhlouf u Assad.

c)      Fuq l-assoċjazzjoni mar-reġim Sirjan

161    Għandu jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrent tikkostitwixxix prova suffiċjenti li huwa jagħti appoġġ lir-reġim Sirjan jew li huwa jibbenefika mill-politika mmexxija minn dan tal-aħħar. Tali evalwazzjoni għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jagħmlu parti minnu. Fil-fatt, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova impost fuqu jekk huwa jipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim ikkonċernat (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2016, Tri-Ocean Trading vs Il‑Kunsill, T‑709/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:459, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Skont ir-raġunijiet ta’ inklużjoni mfakkra fil-punti 41 u 78 iktar ’il fuq, abbażi tal-istatus tiegħu ta’ negozjant ewlieni li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja u tar-rabtiet tiegħu ma’ membri tal-familji Makhlouf u Assad, ir-rikorrent ipparteċipa fir-reġim Sirjan, ibbenefika minnu jew appoġġjah b’xi mod ieħor.

163    Għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill uża l-passat sabiex jindika li r-rikorrent kien ibbenefika mir-reġim Sirjan, kien appoġġjah u kien ipparteċipa fih. Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll għall-verżjoni Ġermaniża u dik Spanjola tar-raġunijiet ta’ inklużjoni, li jindikaw, rispettivament, li r-rikorrent “war in dieser Eigenschaft Teil, Nutznießer oder anderweitig Unterstützer des syrischen Regimes” u “ha participado en el régimen sirio, se ha beneficiado de él o lo ha apoyado”.

164    Fir-rigward tal-verżjoni Ingliża tar-raġunijiet ta’ inklużjoni, din tindika li r-rikorrent “has been participating in, benefiting from or otherwise supporting the Syrian regime”. L-użu tal-“present perfect continuous” bl-Ingliż jissuġġerixxi pjuttost li r-rikorrent ipparteċipa, ibbenefika u appoġġja r-reġim Sirjan u jkompli jagħmel dan.

165    Mistoqsi waqt is-seduta fuq iż-żmien użat fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tar-raġunijiet ta’ inklużjoni, il-Kunsill indika, essenzjalment, li kien neċessarju, fuq kollox, li wieħed jiffoka fuq il-provi u d-diversi perijodi li matulhom kien hemm appoġġ lir-reġim Sirjan.

166    Għandu jiġi kkonstatat li r-raġunijiet li għalihom ir-rikorrent huwa meqjus, mill-Kunsill, bħala li jappoġġja lir-reġim Sirjan u bħala li jibbenefika minnu jikkoinċidu ma’ dawk li wassluh biex iqisu bħala negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja u bħala li għandu rabtiet ma’ membri tal-familji Assad u Makhlouf.

167    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ma jistax jiġi eskluż li, għal persuna speċifika, ir-raġunijiet tal-inklużjoni ta’ ismu jikkoinċidu sa ċertu punt, fis-sens li persuna tista’ tiġi kklassifikata bħala negozjant prominenti li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-Sirja u titqies bħala li tibbenefika, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, mir-reġim Sirjan jew bħala li tappoġġjah permezz ta’ dawn l-istess attivitajiet. Dan isegwi preċiżament miċ-ċirkustanza li, bħalma huwa stabbilit fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836, ir-rabtiet mill-qrib mar-reġim Sirjan u l-appoġġ mogħti lilu minn din il-kategorija ta’ persuni huma wħud mir-raġunijiet li għalihom il-Kunsill iddeċieda li joħloq din il-kategorija. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn huma, anki f’dan il-każ, kriterji differenti (sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 77). Dan japplika wkoll għall-persuni marbuta mal-membri tal-familji Makhlouf u Assad, peress li, bħalma huwa stabbilit fil-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2015/1836, is-setgħa tar-reġim Sirjan attwali hija essenzjalment f’idejn il-membri prominenti tal-imsemmija familji.

168    Issa, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-istatus ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, il-Kunsill ma weriex li r-rikorrent kellu, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, interessi kummerċjali fis-Sirja (ara l-punt 127 iktar ’il fuq). Fir-rigward tar-rabtiet tiegħu ma’ membri tal-familja Makhlouf u Assad, il-Kunsill lanqas ma wera li dawn kienu jeżistu meta huwa ħa l-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu (ara l-punt 160 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, minn dan għandu jiġi dedott li la huwa minħabba l-attivitajiet kummerċjali tiegħu fis-Sirja u lanqas minħabba r-rabtiet tiegħu ma’ membri tal-familji Makhlouf u Assad li r-rikorrent jista’ jiġi assoċjat mar-reġim Sirjan.

169    It-tieni, għalkemm il-pubblikazzjoni tas-sit internet Dawdaa ssemmi responsabbiltajiet oħra li r-rikorrent seta’ jeżerċita f’isem jew għall-benefiċċju tar-reġim Sirjan, għandu jiġi kkonstatat, kif ġie indikat fil-punt 158 iktar ’il fuq, li din ma tispeċifikax liema responsabbiltajiet huma inkwistjoni u lanqas ma tispjega kif dawn jippermettu li tiġi stabbilita assoċjazzjoni tar-rikorrent mal-imsemmi reġim. Peress li, barra minn hekk, din l-informazzjoni ma hijiex ikkorroborata minn provi oħra, għandu jitqies li din ma tissostanzjax l-assoċjazzjoni tar-rikorrent ma’ dan ir-reġim.

170    It-tielet, mill-informazzjoni li toriġina mis-siti tal-internet Al Khaleej Online u Al Hewar isegwi li r-reġim Sirjan jibbenefika minn Lead Syria fi stralċ. Issa, minn naħa, ġie stabbilit, fil-punt 97 iktar ’il fuq, li r-rikorrent ma huwiex relatat ma’ din il-kumpannija. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ipproduċa provi li juru li l-imsemmija kumpannija ilha inattiva mill‑2012 u fi stralċ mill‑2020, bħalma ġie indikat fil-punti 95 u 96 iktar ’il fuq, b’tali mod li, fl-assenza ta’ prova kuntrarja prodotta mill-Kunsill jew ta’ argument ippreżentat minn dan tal-aħħar sabiex jikkontesta l-affidabbiltà u r-rilevanza ta’ dawn il-provi, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat kif l-imsemmi reġim seta’ jibbenefika mill-attività tal-kumpannija inkwistjoni.

171    Ir-raba’, fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li informazzjoni oħra, li toriġina mid-Dokumenti WK 4069/2019 INIT u WK 985/2021 INIT, huma intiżi li juru li r-rikorrent iddistanzja ruħu mir-reġim Sirjan. Għalhekk, il-pubblikazzjoni tas-sit internet Aks al Ser tippreċiża li r-rikorrent illikwida l-assi finanzjarji tiegħu u ħareġ il-flus tiegħu mill-banek Sirjani wara l-bombardament tal-Kwartieri Ġenerali tas-Sigurtà Nazzjonali Sirjana. Fir-rigward tal-pubblikazzjoni tas-sit internet Dawdaa, din issemmi diviżjoni bejn ir-rikorrent u l-imsemmi reġim. Fl-aħħar, l-ewwel parti tad-Dokument WK 985/2021 INIT tindika li r-rikorrent huwa marbut li jeskludi n-netwerks finanzjarji prinċipali tar-reġim Sirjan.

172    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kunsill ma weriex b’mod suffiċjenti fid-dritt l-assoċjazzjoni tar-rikorrent mar-reġim Sirjan.

6.      Konklużjoni dwar l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni

173    Fid-dawl tal-konklużjonijiet ifformulati fil-punti 127, 160 u 172 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma ssostanzjax b’mod suffiċjenti fid-dritt il-motivi ta’ inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni.

174    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’.

175    Peress li l-ewwel motiv jirrigwarda biss il-fondatezza tar-raġunijiet ta’ inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni sa mid-dħul fis-seħħ tal-atti kkontestati, għandu jiġi eżaminat ukoll it-tieni u t-tielet motiv sabiex jiġi vverifikat jekk, bħalma jsostni r-rikorrent, l-imsemmija atti għandhomx ukoll effett retroattiv sa fejn jistabbilixxu li r-rikorrent kien il-persuna suġġetta għall-miżuri restrittivi mit‑23 ta’ Awwissu 2011 u, fil-każ ta’ risposta pożittiva, jekk il-Kunsill attribwixxiex legalment tali effett lill-imsemmija atti.

D.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

176    Insostenn tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ma setax jadotta l-atti kkontestati, peress li dawn imorru direttament kontra l-aspettattivi leġittimi maħluqa mill-fatt li l-imsemmija istituzzjoni sistematikament ikkonfermat, matul l-aħħar għaxar snin, li huwa ma kienx il-persuna identifikata fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni.

177    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni li l-atti kkontestati jfittxu li jipproduċu b’mod inammissibbli effett retroattiv u huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fehma tiegħu, huwa importanti mhux biss għalih, iżda wkoll għat-terzi li jkunu ttrattaw in bona fide miegħu billi jibbażaw ruħhom fuq l-assigurazzjonijiet mogħtija pubblikament mill-Kunsill li l-persuna identifikata fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni ma kinitx hu.

178    Fir-rigward tat-tieni motiv, il-Kunsill iqis li l-ġurisprudenza invokata mir-rikorrent sabiex jiġġustifika l-użu tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma tistax tiġi trasposta għas-sitwazzjoni tar-rikorrent sa fejn dan ma huwiex benefiċjarju ta’ xi att li tiegħu huwa l-awtur. F’dan ir-rigward, huwa jqis li l-informazzjoni pprovduta dwar l-identità ta’ persuna suġġetta għal miżuri restrittivi ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura li toħloq drittijiet suġġettivi.

179    Fir-rigward tat-tielet motiv, il-Kunsill isostni li l-atti kkontestati daħlu fis-seħħ biss fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Issa, ir-rikorrent ma ppreċiżax kif l-atti kkontestati għandhom effett retroattiv fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li fir-realtà l-fondi ma jistgħux jiġu ffriżati b’mod retroattiv. Konsegwentement, il-Kunsill iqis li l-motiv huwa insuffiċjenti għall-finijiet tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u għandu jiġi miċħud għal din ir-raġuni biss.

1.      Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet motiv

180    Il-Kunsill isostni, essenzjalment, li t-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, sa fejn ir-rikorrent ma jispjegax b’mod ċar kif l-atti kkontestati għandhom effett retroattiv.

181    Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, kif ukoll mal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja tal-imsemmija motivi. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan tal-aħħar ikun ibbażat jirriżultaw b’mod koerenti u li jiftiehem mit-test tar-rikors stess (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni, T‑85/92, EU:T:1993:39, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ir-rikors għandu, għalhekk, jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura. Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta ilment huwa invokat insostenn ta’ motiv (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2015, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, T‑538/11, EU:T:2015:188, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata; digriet tas‑27 ta’ Novembru 2020, PL vs Il‑Kummissjoni, T‑728/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:575, punt 64).

182    F’dan il-każ, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-atti kkontestati għandhom effett retroattiv, sa fejn dawn jibdlu s-sitwazzjoni legali li kellu sal-adozzjoni tal-atti kkontestati, jiġifieri li huwa ma kienx il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni.

183    Dan jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 59 u 60 tar-rikors. Barra minn hekk, ir-rikorrent spjega l-impatt tar-retroattività tal-atti kkontestati fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu fil-punti 48 u 49 tar-replika.

184    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill wieġeb għall-argumenti tar-rikorrent mhux biss fil-kuntest tar-risposta, iżda wkoll fil-kontroreplika. Barra minn hekk, fil-kontroreplika, il-Kunsill iqis li l-argumenti tar-rikorrent ma jirriflettux b’mod fidil iċ-ċirkustanzi tal-każ, u għalhekk jibbaża ruħu fuq il-fondatezza tal-motiv u mhux iżjed fuq l-inammissibbiltà tiegħu. Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali hija f’pożizzjoni li teżamina dan il-motiv, li jinkludi preċiżazzjonijiet suffiċjenti għal dan l-għan.

185    Konsegwentement, it-tielet motiv huwa suffiċjentement ċar, konformement mar-rekwiżiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tar-Regoli tal-Proċedura, u għalhekk huwa ammissibbli.

2.      Fuq il-fondatezza tat-tieni u tat-tielet aggravju

186    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi huwa korollarju tiegħu, huwa intiż sabiex jiżgura l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Għal dan l-għan, huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni josservaw l-intanġibbiltà tal-atti li jkunu adottaw u li jaffettwaw is-sitwazzjoni ġuridika u materjali tal-individwi suġġetti għad-dritt, b’mod li jkunu jistgħu jibdlu dawn l-atti biss bl-osservanza tar-regoli ta’ kompetenza u proċedurali (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Andres et vs BĊE, T‑129/14 P, EU:T:2016:267, punt 35).

187    F’dan il-każ, ir-rikorrent iqis li kemm il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll dak ta’ ċertezza legali ġew miksura mill-atti kkontestati sa fejn dawn jistabbilixxu li ismu kien inkluż fil-listi inkwistjoni sa mit‑23 ta’ Awwissu 2011, filwaqt li, mill-adozzjoni tal-atti tal‑2011 sal-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kunsill ma kienx jikkunsidrah bħala l-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni.

188    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-atti kkontestati ġewx adottati bi ksur ta’ dawn iż-żewġ prinċipji, huwa għalhekk neċessarju li jiġu eżaminati qabel kollox l-effetti tagħhom u li jiġi vverifikat jekk, bħalma jallega r-rikorrent u kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, għandhomx effett retroattiv billi jistabbilixxu li r-rikorrent kien dejjem, fl-aħħar mill-aħħar, il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni, u dan mill-adozzjoni tal-atti tal‑2011.

a)      Fuq ir-retroattività tal-atti kkontestati

189    Huwa aċċettat mill-ġurisprudenza li r-retroattività ta’ att tista’ tiġi espressament prevista minnu, iżda tista’ tirriżulta wkoll mill-kontenut tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni, C‑368/89, EU:C:1991:307, punt 17).

190    L-atti kkontestati ma fihomx dispożizzjoni espressa li tipprevedi applikazzjoni retroattiva tal-effetti tagħhom. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, minħabba l-kontenut tagħhom, għandhomx effett retroattiv.

191    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-atti tal‑2021, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 2 ta’ dawn l-atti tiddikjara li l-informazzjoni dwar persuna li isimha huwa inkluż fil-listi inkwistjoni, f’dan il-każ il-persuna msemmija fil-linja 36, għandha tiġi aġġornata. Konsegwentement, dawn ma humiex atti ta’ inklużjoni inizjali u lanqas ta’ inklużjoni mill-ġdid, iżda atti li jixtiequ jkunu parti mill-kontinwità ta’ atti preċedenti li għalihom huma jagħmlu emendi.

192    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-virgoletti li jinkwadra t-test anness mal-atti tal‑2021 jibdew maċ-ċifra 36 u jieqfu mad-data ta’ inklużjoni inizjali, jiġifieri t‑23 ta’ Awwissu 2011. Għalhekk, hija l-linja 36 kollha li hija ssostitwita mit-test ikkonċernat. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, l-atti tal‑2021 kellhom l-intenzjoni li jispeċifikaw li d-data tal-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni kienet it‑23 ta’ Awwissu 2011.

193    Fl-aħħar, sabiex jiġi evalwat l-effett retroattiv tal-atti tal‑2021, huwa wkoll neċessarju li titqabbel is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel l-adozzjoni tagħhom u dik li kienet teżisti warajha. Issa, fuq dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li l-atti tal‑2021 ġew adottati wara li l-Kunsill ikkonstata li wettaq żball fir-rigward tal-identità tal-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni u tar-rikorrent. Dan jirriżulta mill-ittra tat‑12 ta’ Frar 2021 li fiha huwa jindika li “The Council considers, after reviewing the information on its file, that the applicant is indeed the person listed under entry n 36 in the annexes to the [Decision 2013/255 and Regulation No 36/2012]” (il-Kunsill jikkunsidra, wara eżami mill-ġdid tal-informazzjoni li tinsab fil-fajl tiegħu, li r-rikorrent huwa effettivament il-persuna mniżżla fil-linja 36 tal-listi annessi mad-Deċiżjoni 2013/255 u mar-Regolament Nru 36/2012) u li permezz tagħha huwa jagħti lir-rappreżentanti tar-rikorrent terminu sabiex ikunu jistgħu jissottomettu l-osservazzjonijiet tal-klijent tagħhom fuq ir-raġunijiet ta’ inklużjoni l-ġodda li huwa bi ħsiebu jadotta fil-konfront tiegħu, raġunijiet ta’ inklużjoni li jidhru preċiżament fl-atti tal‑2021.

194    Minn dan jirriżulta li, billi jbiddlu l-linja 36 tal-listi inkwistjoni sabiex ikun jidher b’mod ċar li l-emenda tikkonċerna lir-rikorrent u fid-dawl tal-kuntest tal-adozzjoni tagħhom, l-atti tal‑2021 għandhom effett retroattiv fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent.

195    Dan huwa kkonfermat mill-intenzjoni murija mill-Kunsill, u mfakkra kemm fir-risposta kif ukoll waqt is-seduta, li jikkoreġi, permezz tal-atti tal‑2021, il-konfużjoni relatata mal-identità tar-rikorrent.

196    Il-konklużjoni fformulata fil-punt 194 iktar ’il fuq ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti tal-Kunsill.

197    L-ewwel, il-Kunsill isostni li l-atti tal‑2021 ma għandhomx effett retroattiv, peress li l-fondi ma jistgħux jiġu ffriżati b’mod retroattiv.

198    Huwa minnu li, bħala prinċipju, il-fondi ta’ persuna jew ta’ entità jistgħu jiġu ffriżati biss għall-futur, bl-istess mod, barra minn hekk, li r-restrizzjonijiet għad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri jistgħu jinħarġu biss għall-futur. Madankollu, minn naħa, il-limitazzjoni, f’dan il-każ, tal-effetti tal-atti tal‑2021 biss għall-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent, jew anki għar-restrizzjonijiet fil-qasam tad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri, tinjora b’mod żbaljat l-effetti li l-adozzjoni ta’ dawn l-atti pproduċiet fuq is-sitwazzjoni legali globali tar-rikorrent u, b’mod partikolari, fuq ir-reputazzjoni u l-onorabbiltà tiegħu.

199    F’dan is-sens, diġà ġie rrikonoxxut li l-miżuri restrittivi għandhom konsegwenzi negattivi kunsiderevoli u effett sinjifikattiv fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni kkonċernati. Għalhekk, minbarra l-iffriżar tal-fondi jew ir-restrizzjonijiet fil-qasam tad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri bħala tali li, bil-portata wiesgħa tagħhom, jaqilbu ta’ taħt fuq il-ħajja kemm professjonali kif ukoll tal-familja tal-persuni koperti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tmaqdir u l-isfiduċja li jakkumpanjaw l-indikazzjoni pubblika tal-persuni koperti bħala li huma marbuta mar-reġim Sirjan (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2013, Ayadi vs Il‑Kummissjoni, C‑183/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:369, punt 68).

200    Issa, billi stabbilixxa, permezz tal-atti tal‑2021, li isem ir-rikorrent huwa inkluż fil-listi inkwistjoni sa mill-atti tal‑2011, il-Kunsill jafferma li, minn din id-data, ir-rikorrent għandu rabtiet mar-reġim Sirjan u wettaq id-diversi atti li ġġustifikaw li ismu jkun inkluż u miżmum minn dakinhar. Tali affermazzjoni hija biżżejjed sabiex tbiddel is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent b’mod retroattiv, lil hinn mis-sempliċi ffriżar tal-fondi tiegħu.

201    Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, ma jistax jiġi sostnut li l-atti tal‑2021 ma kellhom ebda effett retroattiv fuq l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrent. Fil-fatt, kif indika, essenzjalment, il-Kunsill matul is-seduta, wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-adozzjoni tal-atti tal‑2021 kien li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni tar-rikorrent kif kienet teżisti qabel l-adozzjoni tagħhom minħabba, b’mod partikolari, l-eżistenza tad-deċiżjoni Franċiża tat‑12 ta’ Frar 2020 li kienet ipproċediet għall-iffriżar tal-fondi tar-rikorrent, billi bbażat ruħha fuq l-atti tal‑2019. Għalhekk, għalkemm ma huwiex teknikament possibbli li jiġu ffriżati l-fondi fil-passat, min-naħa l-oħra huwa possibbli li jiġi vvalidat l-iffriżar tal-fondi li seħħ fil-passat billi tiġi mibdula s-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata li kienet tipprevali f’dak iż-żmien. Konsegwentement, l-atti tal‑2021, billi kkonfermaw li r-rikorrent kien fil-fatt il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni sa mit‑23 ta’ Awwissu 2011, emendaw retroattivament is-sitwazzjoni legali tiegħu sabiex din tikkorrispondi għal dik li tippermetti lid-deċiżjoni Franċiża tat‑12 ta’ Frar 2020 tipproduċi l-effetti tagħha.

202    It-tieni, fil-kontroreplika u matul is-seduta, il-Kunsill afferma li d-dokument WK 4069/2019 INIT, li kien jippermetti wkoll li jiġu ssostanzjati r-raġunijiet tal-inklużjoni tal-atti tal‑2019, kien diġà jinkludi ritratti tar-rikorrent li kienu jippermettu li dan jiġi identifikat b’mod ċar. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħu, ir-rikorrent kien diġà s-suġġett ta’ miżuri restrittivi fl‑2019.

203    Madankollu, l-affermazzjoni tal-Kunsill li r-rikorrent kien diġà s-suġġett ta’ miżuri restrittivi fl‑2019 tmur kontra ċ-ċirkustanza li, permezz tar-rettifika tal‑2019, il-Kunsill kellu l-intenzjoni li jemenda l-isem Għarbi tal-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni sabiex dan jikkorrispondi għal dak tal-atti tal‑2011 kif emendati bl-atti ta’ Novembru 2011. Minn dan għandu jiġi dedott li l-Kunsill kien għadu jaħseb, waqt l-adozzjoni tal-atti tal‑2019, li r-rikorrent, li l-isem Għarbi tiegħu kien differenti minn dak inkluż fl-imsemmija rettifika, ma kienx il-persuna msemmija fl-imsemmija linja. Barra minn hekk, dan kien għadu l-każ meta ġew adottati d-Deċiżjoni 2020/719 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/716 li jirriproduċu l-istess isem Għarbi.

204    Għaldaqstant, anki jekk id-Dokument WK 4069/2019 INIT, li jissostanzja r-raġunijiet ta’ inklużjoni tal-atti tal‑2019, kien jinkludi informazzjoni ta’ natura li tidentifika lir-rikorrent bħala l-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, waqt l-adozzjoni tagħhom u sal-adozzjoni tal-atti tal‑2021, il-Kunsill qies li r-rikorrent ma kienx il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni. Kien billi adotta l-atti tal‑2021 li l-Kunsill kellu l-intenzjoni li jirrettifika l-iżball tiegħu billi jistabbilixxi b’mod ċar li r-rikorrent kien tassew il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni, u dan mit‑23 ta’ Awwissu 2011.

205    Konsegwentement, il-Kunsill ma jistax jallega li, apparti l-iżball li wettaq, hemm lok li jitqies li r-rikorrent kien diġà s-suġġett ta’ miżuri restrittivi qabel l-adozzjoni tal-atti tal‑2021. Tali pożizzjoni legali ma taqbilx, barra minn hekk, mar-realtà peress li, bħalma jsegwi mill-ittri tat‑2 ta’ Novembru 2011 u tal‑21 ta’ April 2015 tas-Segretarjat tal-Istat għall-Ekonomija Svizzeru, prodotti bħala anness mar-rikors, il-Bank Svizzeru li fih ir-rikorrent kellu kontijiet irrilaxxa l-fondi li huwa kien iffriża wara l-adozzjoni tal-atti tal‑2011 et seq, fid-dawl tal-garanziji li huwa kien irċieva fuq il-fatt li r-rikorrent ma kienx il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni.

206    Barra minn hekk, matul is-seduta, il-Kunsill indika li kien wara li rċieva l-ittra tat‑23 ta’ Ġunju 2020 li huwa kien wettaq investigazzjoni sabiex jikseb informazzjoni addizzjonali fuq ir-rikorrent. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent bagħat l-imsemmija ittra sabiex jikseb il-konferma, min-naħa tal-Kunsill, li huwa ma kienx il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni. Din il-konferma kienet neċessarja għar-rikorrent minħabba d-deċiżjoni Franċiża tat‑12 ta’ Frar 2020 li permezz tagħha l-banek li jinsabu fi Franza ntalbu jiffriżaw il-fondi tiegħu. Bħalma jsegwi mill-ittra tat‑12 ta’ Frar 2021 u bħalma huwa paċifiku bejn il-partijiet, il-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni l-iżball tiegħu billi kiseb informazzjoni addizzjonali min-naħa tal-awtoritajiet Franċiżi, liema informazzjoni ġiet riprodotta fid-dokument WK 985/2021 INIT.

207    Għalhekk, huwa tassew bl-adozzjoni tal-atti tal‑2021 li l-Kunsill ried ibiddel is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent li kienet eżistiet sa dak iż-żmien, jiġifieri li huwa ma kienx il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni. Permezz tal-imsemmija atti, il-Kunsill xtaq jidentifika b’mod ċert lir-rikorrent bħala l-persuna li isimha kien tniżżel sa mit‑23 ta’ Awwissu 2011 fl-imsemmija linja u għalhekk stabbilixxa, minn din id-data, rabta bejnu u l-aġir tar-reġim Sirjan li l-Unjoni kellha l-intenzjoni tikkundanna permezz tal-adozzjoni ta’ reġim ta’ miżuri restrittivi.

208    Konsegwentement, l-atti tal‑2021 għandhom effett retroattiv.

209    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2022, għandu jiġi rrilevat li, bħalma jsegwi, essenzjalment, mill-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2022/849, dawn kellhom biss, fir-rigward tar-rikorrent, l-għan li jġeddu l-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tiegħu sal‑1 ta’ Ġunju 2023.

210    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li huwa biss waqt l-adozzjoni tal-atti tal‑2021 li l-Kunsill ried jiċċara s-sitwazzjoni tal-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni sabiex jindika li dan kien tassew ir-rikorrent. Fi kliem ieħor, huma biss l-imsemmija atti li jwaqqfu l-pożizzjoni li kellu l-Kunsill sa dak il-mument. Min-naħa l-oħra, l-atti ta’ żamma tal‑2022 huma intiżi biss sabiex iżommu isem ir-rikorrent fuq il-listi inkwistjoni. F’dan is-sens, ma jistax jitqies li l-Kunsill kellu l-intenzjoni li jagħmel korrezzjoni għal żball imwettaq, meta adotta l-imsemmija atti.

211    Għaldaqstant, l-atti ta’ żamma tal‑2022 ma għandhomx effett retroattiv, b’tali mod li hemm lok li t-tieni u t-tielet motiv jiġu miċħuda sa fejn jikkonċernawhom.

b)      Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi

212    Għandu jitfakkar li, bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-portata ratione temporis ta’ att tal-Unjoni tibda tiddekorri minn data preċedenti għal dik tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-att, anki jekk dan jista’ jkun mod ieħor, b’mod eċċezzjonali, meta għan ta’ interess ġenerali jeżiġi dan jew meta l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati jiġu debitament osservati kif ukoll, sa fejn isegwi b’mod ċar mill-kliem, mill-għan jew mill-istruttura tar-regoli tal-Unjoni kkonċernati li dan l-effett għandu jiġi attribwit lilhom (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2009, Mitsui & Co. Deutschland, C‑256/07, EU:C:2009:167, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

213    Peress li għadu kif ġie stabbilit fil-punt 208 iktar ’il fuq li mill-kontenut u mill-għan tal-atti tal‑2021 isegwi b’mod ċar li dawn għandhom effett retroattiv, għandu jiġi vverifikat jekk iż-żewġ rekwiżiti l-oħra stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 212 iktar ’il fuq sabiex tiġi aċċettata r-retroattività ta’ atti tal-Unjoni humiex issodisfatti.

214    Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk, minn naħa, għan ta’ interess ġenerali kienx jeżiġi r-retroattività tal-atti tal‑2021 u jekk, min-naħa l-oħra, l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrent ġewx debitament irrispettati.

1)      Fuq l-eżistenza ta’ interess ġenerali

215    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ interess ġenerali tal-ordni pubbliku, il-Kunsill jinvoka, essenzjalment, il-fatt li l-miżuri restrittivi jfittxu t-twettiq ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari, dak li jikkonsolidaw u jissostanzjaw id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, il-Kunsill sostna wkoll li bl-adozzjoni tal-atti tal‑2021 u billi jiċċara liema kienet is-sitwazzjoni tar-rikorrent qabel l-adozzjoni tagħhom, huwa kien qiegħed jiżgura ċ-ċertezza legali.

216    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni rrikonoxxiet li l-importanza ċentrali taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali kienet tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 191).

217    Barra minn hekk, bħalma jsostni barra minn hekk ir-rikorrent, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ li jkun possibbli li jiġi identifikat b’mod ċar min huwa u min ma huwiex is-suġġett tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni. Il-linji gwida tal-Kunsill, intitolati “Prattiki Aħjar tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Implimentazzjoni Effettiva ta’ Miżuri Restrittivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal‑4 ta’ Mejju 2018, jinsistu ġustament fuq l-importanza ta’ dan ir-rekwiżit.

218    Fil-fatt, huwa biss jekk il-persuni u l-entitajiet ikunu identifikati b’mod ċar li huwa possibbli li jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u effettività għall-miżuri restrittivi adottati u, għaldaqstant, it-twettiq tal-għanijiet imfakkra fil-punt 216 iktar ’il fuq.

219    F’tali ċirkustanzi u fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri jibbażaw ruħhom fuq l-atti adottati mill-Kunsill sabiex jiddeċiedi dwar l-iffriżar tal-fondi tal-persuni u tal-entitajiet, għandu jiġi rrikonoxxut li huwa leġittimu u neċessarju li l-Kunsill ikun jista’ jikkoreġi l-iżball li huwa wettaq fuq l-identità ta’ persuna u li minħabba f’hekk huwa jkun jista’ jiċċara s-sitwazzjoni ta’ persuna jew ta’ entità. Dan jikkontribwixxi fil-fatt sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi billi jippermetti, minn naħa, lill-awtoritajiet amministrattivi u lit-terzi jkunu jafu b’mod ċar min huwa kopert mill-miżuri restrittivi u, min-naħa l-oħra, lill-persuna jew lill-entità kkonċernata li jippreżentaw rikors kontra l-atti li jikkonċernawha.

2)      Fuq l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi min-naħa tar-rikorrent

220    Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, ir-rikorrent ma jinvokax daqshekk ksur tal-aspettattivi leġittimi tiegħu minħabba li l-Kunsill adotta, permezz tal-atti tal‑2021, miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu, kif ukoll minħabba l-fatt li, permezz tal-adozzjoni tal-atti tal‑2021, il-Kunsill isostni li huwa tassew il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni, u dan mill-adozzjoni tal-atti tal‑2011.

221    F’dan is-sens, ir-rikorrent ma jiddikjarax li l-Kunsill qatt ma kellu d-dritt li jinkludi ismu fil-listi inkwistjoni, iżda jsostni pjuttost li l-Kunsill ma setax, wara li għal għaxar snin ikkonferma li huwa ma kienx il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni, jiddikjara l-kuntrarju.

222    B’dan il-mod, is-sitwazzjoni tar-rikorrent hija differenti mill-kawżi li taw lok għas-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2018, National Iranian Tanker Company vs Il‑Kunsill (C-600/16 P, EU:C:2018:966), u tat‑3 ta’ Mejju 2016, Iran Insurance vs Il‑Kunsill (T‑63/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:264), invokati mill-Kunsill, li fil-kuntest tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali rispettivament indikaw, essenzjalment, li l-annullament mill-qorti tal-Unjoni tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità ma jistax joħloq, fi ħdan din il-persuna jew din l-entità, aspettattivi leġittimi, li l-Kunsill ma jistax jieħu, b’osservanza tas-sentenza ta’ annullament, deċiżjoni ta’ inklużjoni mill-ġdid għall-futur (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, National Iranian Tanker Company vs Il‑Kunsill, C‑600/16 P, EU:C:2018:966, punt 51; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2016, Iran Insurance vs Il‑Kunsill, T‑63/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:264, punti 152 u 153).

223    Fit-tieni lok, il-partijiet ma jaqblux fuq il-fatt dwar jekk ir-rikorrent jistax jinvoka, f’din il-kawża, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

224    Filwaqt li r-rikorrent, filwaqt li jibbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza fil-qasam tal-irtirar ta’ atti amministrattivi, iqis li huwa l-benefiċjarju ta’ atti adottati mill-Kunsill li permezz tagħhom dan tal-aħħar ikkonferma li huwa ma kienx il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni, il-Kunsill jikkontesta dan u jikkunsidra li l-ġurisprudenza invokata mir-rikorrent ma hijiex applikabbli għall-fatti tal-kawża.

225    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi osservat mill-Kunsill (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss, C‑427/14, EU:C:2015:803, punti 29 u 30).

226    Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 212 iktar ’il fuq isegwi li l-osservanza tal-aspettattivi leġittimi tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex att tal-Unjoni jkun jista’, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ikollu effett retroattiv.

227    Fl-aħħar, skont il-ġurisprudenza, il-kundizzjonijiet ġurisprudenzjali dwar l-eżistenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonali u konkordanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi jirrigwardaw biss is-sitwazzjoni li individwu jinsab fiha meta att jiġi applikat fil-konfront tiegħu b’effett immedjat, u mhux b’effett retroattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2010, UASI vs Simões Dos Santos, T‑260/09 P, EU:T:2010:461, punt 64). Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li, peress li r-retroattività ta’ att tal-Unjoni hija ammessa b’mod eċċezzjonali biss, ma jistax jiġi rikjest minn individwu li jipproduċi l-prova li rċieva assigurazzjonijiet li s-sitwazzjoni legali tiegħu ma hijiex ser tinbidel retroattivament.

228    Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, ma huwiex neċessarju li r-rikorrent kien id-destinatarju ta’ atti li jikkostitwixxu drittijiet suġġettivi sabiex ikun jista’ jinvoka l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tiegħu.

229    Sabiex jissostanzja l-pożizzjoni tiegħu, il-Kunsill ma jistax jibbaża ruħu fuq is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Petrea (C‑184/16, EU:C:2017:684, punti 31 et seq), u fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Petrea (C‑184/16, EU:C:2017:324, punti 61 et seq).

230    F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita b’talba għal deċiżjoni preliminari intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-irtirar ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU 2004, L 158, p. 77), setax jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-persuna li rċeviet tali ċertifikat.

231    Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li kkonfermat il-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Szpunar, qieset li att dikjaratorju, bħalma huwa ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, ma jistax fih innifsu jkun il-bażi tal-aspettattivi leġittimi tal-persuna kkonċernata għad-dritt tagħha li tirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Petrea, C‑184/16, EU:C:2017:684, punt 35).

232    B’analoġija, il-Kunsill iqis li l-informazzjoni dwar l-identità tal-persuna kkonċernata mill-inklużjoni fil-listi inkwistjoni għandha biss valur dikjaratorju u, bħala tali, ma tistax toħloq drittijiet suġġettivi.

233    B’dan il-mod, il-Kunsill jitlaq mill-premessa żbaljata li, sabiex ikun applikabbli, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi dejjem jeħtieġ l-adozzjoni ta’ atti li jikkostitwixxu drittijiet suġġettivi. Issa, din il-kundizzjoni ma tirriżultax mill-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, mis-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Petrea (C‑184/16, EU:C:2017:684). Fil-fatt, għalkemm fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tindika li, fih innifsu, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma jistax ikun il-bażi ta’ aspettattivi leġittimi tal-persuna kkonċernata peress li dan huwa att dikjaratorju, għandu jiġi kkonstatat li hija żżid, fil-punt 36 tal-imsemmija sentenza, li, barra minn hekk, fil-kawża prinċipali, ebda waħda miċ-ċirkustanzi deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermetti li jitqies li l-awtoritajiet kompetenti ħolqu aspettattivi fuq id-dritt ta’ residenza tal-persuna kkonċernata minħabba assigurazzjonijiet preċiżi li huma kienu tawha. Għaldaqstant, minn dan jirriżulta li, ferm iktar milli teskludi l-possibbiltà li l-persuna kkonċernata setgħet tirċievi, taħt kwalunkwe forma, assigurazzjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ natura li joħolqu ċerti aspettattivi fil-konfront tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat tali possibbiltà u vverifikat jekk din seħħitx f’dan il-każ.

234    Fit-tielet lok, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk il-Kunsill osservax l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrent.

235    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 227 iktar ’il fuq għandu jiġi dedott li ma huwiex ir-rikorrent li għandu juri li rċieva assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi min-naħa tiegħu li l-Kunsill ma jadottax atti ta’ portata retroattiva, iżda hija l-qorti li għandha tivverifika li l-atti tal‑2021 ġew adottati b’osservanza tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrent.

236    Din l-analiżi teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

237    Issa, mill-ittri tat‑28 ta’ Ottubru 2011, tal‑15 ta’ Novembru 2011 u tas‑6 ta’ Mejju 2013 mibgħuta lir-rappreżentanti tar-rikorrent mill-Kunsill u mill-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentata mill-Kunsill fil-kuntest tal-kawża li tat lok għad-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2012, Assaad vs Il‑Kunsill (T‑550/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:266), jirriżulta li l-Kunsill afferma, mingħajr riżerva, li r-rikorrent ma kienx il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni. Din l-affermazzjoni hija kkonfermata mill-adozzjoni tal-atti ta’ Novembru 2011 kif ukoll mir-rettifiki tal‑2013 (ara l-punt 24 iktar ’il fuq) u tal‑2019. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-Kunsill qatt ma talab lir-rappreżentanti tar-rikorrent għal iktar informazzjoni ta’ identifikazzjoni li tirrigwardah u li huwa ma jsostnix li r-rikorrent ħbielu informazzjoni. Fi kliem ieħor, sakemm intbagħtet l-ittra tat‑12 ta’ Frar 2021, il-Kunsill ma esprima ebda dubju fuq il-fatt li r-rikorrent ma kienx il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni.

238    Għaldaqstant, il-Kunsill afferma lir-rikorrent diversi drabi li huwa ma kienx il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni.

239    F’dan ir-rigward, il-Kunsill jipprova jsostni li kull konklużjoni dwar l-identità ta’ persuna suġġetta għal miżuri restrittivi għandha biss valur dikjaratorju u jipprova jistabbilixxi analoġija bejn din is-sitwazzjoni u dik tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Almaz-Antey Air and Space Defence vs Il‑Kunsill (T‑255/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:25, punti 38 u 39). Madankollu, f’din l-aħħar kawża, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu konjizzjoni tal-ammissibbiltà ta’ talbiet għall-adattament tat-talbiet imressqa mir-rikorrent fir-rigward ta’ ittra mibgħuta mill-Kunsill li permezz tagħha dan indika li kien qiegħed jikkonferma l-perspettiva tiegħu dwar il-fatt li r-rikorrent kien għadu jissodisfa l-kriterji previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16), u permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64), u li l-miżuri restrittivi kellhom jinżammu fil-konfront tiegħu. Hija ċaħdet l-imsemmija talbiet għal adattament bħala inammissibbli billi kkonstatat li l-ittra li kienet inkwistjoni kienet sempliċement tikkonferma l-evalwazzjoni tal-Kunsill u la kellha bħala suġġett li tissostitwixxi u lanqas li temenda r-raġunijiet ta’ inklużjoni li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/432 tat‑13 ta’ Marzu 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2015, L 70, p. 47) u li testendi l-miżuri restrittivi inkwistjoni sal‑15 ta’ Settembru 2015, u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/427 tat‑13 ta’ Marzu 2015 li jimplimenta r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2015, L 70, p. 1).

240    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma jipprovax jikseb l-annullament tal-ittri li ntbagħtulu mill-Kunsill, iżda jinvokahom sabiex juri li l-Kunsill ħoloq fih aspettattivi leġittimi li din l-istituzzjoni ma kinitx tikkunsidrah bħala l-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni. Għalhekk, anki jekk jitqies li l-imsemmija ittri sempliċement jikkonfermaw id-diversi atti adottati mill-Kunsill, xorta jibqa’ l-fatt li huma pparteċipaw sabiex inisslu, flimkien mal-imsemmija atti, fir-rikorrent, it-tama fondata li huwa ma kienx il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni. Għalhekk, minħabba l-kumulu ta’ dawn l-ittri, li jikkonfermaw jew iħabbru l-atti adottati mill-Kunsill, u n-natura eċċezzjonali tar-retroattività tal-atti tal-Unjoni, ir-rikorrent seta’ leġittimament jistenna li ma jkunx assoċjat retroattivament mal-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni.

241    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kunsill ma osservax l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrent meta adotta fil-konfront tiegħu miżuri restrittivi b’effett retroattiv.

242    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra tal-Kunsill.

243    Fl-ewwel lok, il-Kunsill iqis li kull konklużjoni dwar l-identità ta’ persuna kkonċernata minn inklużjoni hija bbażata fuq l-elementi fattwali li jinsabu fil-fajl li jservu sabiex jippermettu lilu u lill-awtoritajiet li jimplimentaw miżuri restrittivi sabiex jidentifikaw il-persuna kkonċernata minn inklużjoni. Fi kliem ieħor, skont il-Kunsill, il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-identità ta’ persuna tista’ tinbidel fid-dawl tal-informazzjoni li jkollu.

244    Ċertament, minn naħa, huwa aċċettat li l-Kunsill jista’ jistabbilixxi l-identità tal-persuni u tal-entitajiet li fil-konfront tagħhom huwa jadotta miżuri restrittivi b’mod suffiċjenti fil-liġi (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2016, Tri Ocean Energy vs Il‑Kunsill, T‑719/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:458, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’dan il-mod, il-qorti tal-Unjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-diffikultà li jinkisbu provi iktar preċiżi fi Stat f’sitwazzjoni ta’ gwerra ċivili b’reġim ta’ natura awtoritarja. F’tali ċirkustanzi, għandha tiġi aċċettata l-possibbiltà li l-Kunsill jista’ jbiddel l-opinjoni tiegħu fir-rigward tal-identità ta’ persuna jew ta’ entità skont il-provi għad-dispożizzjoni tiegħu.

245    Min-naħa l-oħra, kif ġie indikat fil-punt 219 iktar ’il fuq, għandha tiġi rrikonoxxuta l-possibbiltà għall-Kunsill li jikkoreġi l-iżball li huwa wettaq dwar l-identità ta’ persuna u li b’dan il-mod ikun jista’ jiċċara s-sitwazzjoni ta’ persuna jew ta’ entità.

246    Madankollu, id-dritt irrikonoxxut lill-Kunsill fil-punt 219 iktar ’il fuq huwa akkumpanjat minn limiti, jiġifieri l-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, iktar u iktar importanti sabiex jiġi osservat li l-konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuni u entitajiet ikkonċernati minn miżuri restrittivi ma humiex negliġibbli.

247    F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, anki jekk il-miżuri restrittivi ma jikkostitwixxux sanzjoni kriminali, huwa l-Kunsill, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 70 u 71 iktar ’il fuq, li għandu jistabbilixxi b’mod suffiċjenti fil-liġi l-identità tal-persuni u tal-entitajiet li fil-konfront tagħhom huwa jadotta miżuri restrittivi. Dan huwa importanti sa fejn, fil-qasam ta’ miżuri restrittivi, l-identifikazzjoni b’mod suffiċjenti fil-liġi tad-destinatarji tal-atti mill-Kunsill tikkostitwixxi prerekwiżit għall-inklużjoni tagħhom u għall-eżami konkret tal-fatti kontenzjużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Haikal vs Il‑Kunsill, T‑189/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:607, punt 102).

248    Barra minn hekk, dan it-tip ta’ żbalji għandu jibqa’ l-iktar limitat possibbli minħabba r-riskju, jekk le, li tiġi ppreġudikata l-effettività tal-miżuri restrittivi u li jiġi kompromess l-għan tas-sistema legali implimentata mill-Unjoni, jiġifieri li tiġi eżerċitata pressjoni fuq ir-reġim Sirjan billi jiġi prekluż il-finanzjament tiegħu.

249    Għalhekk, għalkemm il-Kunsill għandu d-dritt li jikkoreġi b’mod retroattiv żball li jkun wettaq fl-identifikazzjoni ta’ persuna kkonċernata minn miżuri restrittivi, huwa ma jistax jaġixxi mingħajr ma josserva l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant, l-argument tiegħu għandu jiġi miċħud.

250    Fit-tieni lok, il-Kunsill isemmi li l-idea żbaljata tiegħu tal-identità tal-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni ma kinitx ibbażata fuq nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-identità ta’ din il-persuna, iżda pjuttost dovuta għal nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-identità tar-rikorrent.

251    Madankollu, anki jekk jiġi aċċettat l-argument tal-Kunsill, dan tal-aħħar ma jsemmi ebda ittra mibgħuta lir-rappreżentanti tar-rikorrent sabiex jiċċara s-sitwazzjoni. Issa, fid-dawl tal-fatt li, f’dan il-każ, il-fondi tar-rikorrent kienu temporanjament iffriżati fl‑2011 u mill-ġdid fl‑2015 minn bank Svizzeru, bħalma tfakkar fil-punt 205 iktar ’il fuq, il-Kunsill kien imissu diġà implimenta l-mezzi għad-dispożizzjoni tiegħu f’dak il-mument sabiex jikkjarifika s-sitwazzjoni jekk huwa kien jikkunsidra li ma kellux biżżejjed informazzjoni dwar l-identità tar-rikorrent. Fl-aħħar, kien biss meta rċieva l-ittra tat‑23 ta’ Ġunju 2020 li permezz tagħha ġie informat li l-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi Franċiż kien adotta d-deċiżjoni Franċiża tat‑12 ta’ Frar 2020 għall-finijiet tal-iffriżar tal-fondi miżmuma mir-rikorrent fi Franza li l-Kunsill ipprova jikseb iktar informazzjoni.

252    Barra minn hekk, minħabba l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni mill-awtoritajiet Franċiżi, il-Kunsill ma jistax validament isostni li l-iżball li wettaq kien, sa fejn ebda miżura restrittiva ma pproduċiet l-effetti tagħha sal-adozzjoni tal-atti tal‑2021, favorevoli għar-rikorrent. Fil-fatt, mhux biss dan huwa parzjalment ineżatt, peress li l-awtoritajiet Franċiżi effettivament iffriżaw il-fondi li r-rikorrent kellu fi Franza billi bbażaw ruħhom fuq l-atti tal‑2019, iżda, fuq kollox, l-iżball imwettaq mill-Kunsill u li wassal għal aspettattivi leġittimi min-naħa tar-rikorrent li huwa ma kienx il-persuna kkonċernata mil-linja 36 tal-listi inkwistjoni ma wasslux li jippreżenta, fil-perijodu ta’ għaxar snin qabel l-adozzjoni tal-atti tal‑2021, rikorsi sabiex jikseb l-annullament tad-diversi atti li inkludew u żammew ismu. Barra minn hekk, il-possibbiltà li r-rikorrent kien jippreżenta rikorsi li kieku kien jaf li kien ikkonċernat mill-atti preċedenti għal dawk tal‑2021 ma hijiex f’dan il-każ sempliċement ipotetika peress li r-rikorrent kien ippreżenta rikors kontra l-atti tal‑2011 u regolarment kiteb lill-Kunsill sabiex jikseb il-konferma li huwa ma kienx il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni.

253    Għaldaqstant, l-argument tal-Kunsill għandu jiġi miċħud.

254    Konsegwentement, għandu jiġi rrikonoxxut ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrent kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u, għaldaqstant, it-tieni u t-tielet motiv għandhom jintlaqgħu.

E.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-awtorità ta’ res judicata

255    Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-kwistjoni tal-identità tal-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni ġiet deċiża permezz tad-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2012, Assaad vs Il‑Kunsill (T‑550/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:266). Barra minn hekk, huwa jindika li huwa fuq talba espressa tal-Kunsill li l-Qorti Ġenerali tat dik id-deċiżjoni, meta huwa kien adixxa lill-Qorti Ġenerali sabiex jiġi ppreċiżat, fil-konfront ta’ terzi, li huwa ma kienx is-suġġett ta’ miżuri restrittivi. Fil-fehma tiegħu, il-Kunsill ma jistax jikkontesta dan billi jadotta l-atti kkontestati.

256    Il-Kunsill iqis li l-awtorità ta’ res judicata ta’ deċiżjoni tal-qorti tal-Unjoni li tiċħad rikors preċedenti tista’ tostakola biss l-ammissibbiltà tat-tieni rikors. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrent dwar l-awtorità ta’ res judicata ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà fil-kuntest tal-proċedura mibdija fl‑2011, li permezz tagħhom huwa jipprova jimpedixxi lill-Qorti Ġenerali milli teżamina din il-kawża fil-mertu, għandhom jiġu miċħuda.

257    Hemm lok li titfakkar l-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata. Fil-fatt, sabiex jiġu żgurati kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ntużaw ir-rimedji kollha disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għal dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar (sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 38).

258    L-għan prinċipali mfittex huwa li jiġi evitat li deċiżjonijiet kuntrarji jew saħansitra inkompatibbli fir-rigward tal-effetti tagħhom jkunu jeżistu flimkien fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Huwa għalhekk li rikors huwa inammissibbli minħabba l-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ sentenza preċedenti li ddeċidiet rikors bl-istess partijiet, li jirrigwarda l-istess suġġett u li kien ibbażat fuq l-istess kawża (sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il‑Kummissjoni, 172/83 u 226/83, EU:C:1985:355, punt 9; tal‑5 ta’ Ġunju 1996, NMB France et vs Il‑Kummissjoni, T‑162/94, EU:T:1996:71, punt 37, u tal‑25 ta’ Ġunju 2010, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, T‑66/01, EU:T:2010:255, punt 197).

259    F’dan is-sens, l-awtorità ta’ res judicata tkopri mhux biss id-dispożittiv tad-deċiżjoni ġudizzjarja, iżda wkoll r-raġunijiet li wasslu għaliha u li jikkostitwixxu l-appoġġ neċessarju tagħha, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiddeterminaw is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill, C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punt 81, u tal‑1 ta’ Lulju 2009, ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, T‑24/07, EU:T:2009:236, punti 113 u 140).

260    F’dan il-każ, il-partijiet ma jaqblux dwar il-portata li għandha tingħata lill-awtorità ta’ res judicata tad-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2012, Assaad vs Il‑Kunsill (T‑550/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:266).

261    Għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni li tiġi ddeterminata l-inammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat kontra atti li l-legalità tagħhom ġiet, parzjalment jew kompletament, eżaminata mill-Qorti Ġenerali, iżda dwar jekk il-Kunsill kienx marbut bid-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2012, Assaad vs Il‑Kunsill (T‑550/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:266), meta adotta l-atti kkontestati.

262    F’dan ir-rigward, bħalma tfakkar fil-punt 58 iktar ’il fuq, dan ir-rikors ma għandux bħala suġġett l-annullament tal-atti tal‑2011, iżda biss dak tal-atti kkontestati, adottati fis‑6 ta’ Mejju 2021 u fit‑30 ta’ Mejju 2022.

263    Madankollu, peress li l-atti tal‑2021 għandhom effett retroattiv u l-atti ta’ żamma tal‑2022 ikomplu jindikaw li d-data tal-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni hija t‑23 ta’ Awwissu 2011, tidher kontradizzjoni, peress li, minn naħa, teżisti deċiżjoni ġudizzjarja li saret definittiva li tirrikonoxxi li r-rikorrent ma huwiex il-persuna suġġetta għall-atti tal‑2011 u li, min-naħa l-oħra, atti tal-Kunsill, adottati sussegwentement, jindikaw il-kuntrarju.

264    Issa, billi jafferma, fl-atti kkontestati, li r-rikorrent kien kopert mill-atti tal‑2011, il-Kunsill jikser il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata tad-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2012, Assaad vs Il‑Kunsill (T‑550/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:266). Fil-fatt, b’dan il-mod, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jeżistu deċiżjoni u atti li huma kuntrarji, jew saħansitra inkompatibbli fir-rigward tal-effetti tagħhom.

265    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Kunsill, li insostenn tiegħu huwa jinvoka s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2003, Meyer vs Il‑Kummissjoni (T‑333/01, EU:T:2003:32).

266    Mill-punti 25 u 27 tas-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2003, Meyer vs Il‑Kummissjoni (T‑333/01, EU:T:2003:32), isegwi li l-Qorti Ġenerali qieset li, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għad-digriet tal‑10 ta’ April 2000, Meyer vs Il‑Kummissjoni u BEI (T‑361/99, EU:T:2000:107), peress li ma ttrattatx il-mertu tal-kawża, hija ma kienet iddeċidiet ebda punt ta’ fatt jew ta’ liġi li permezz tiegħu hija setgħet tkun marbuta fil-kuntest tal-proċedura inkwistjoni, b’tali mod li l-argument ibbażat fuq l-awtorità ta’ res judicata kellu jiġi miċħud.

267    Minn dan il-Kunsill jiddeduċi li, b’mod analogu, id-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2012, Assaad vs Il‑Kunsill (T‑550/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:266), ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni peress li dan ittratta biss l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mir-rikorrent kontra l-atti tal‑2011.

268    Issa, is-sempliċi ċirkustanza li l-kwistjoni tal-identità tar-rikorrent ġiet deċiża fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors u mhux f’dak tal-mertu huwa irrilevanti. Fil-fatt, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ deċiżjoni tal-qorti tal-Unjoni, dak li jgħodd huwa biss il-fatt dwar jekk il-Qorti Ġenerali tatx tweġiba definittiva għal kwistjoni partikolari. Għalhekk, l-awtorità ta’ res judicata marbuta mad-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2012, Assaad vs Il‑Kunsill (T‑550/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:266), ma tistax tiġi miċħuda minħabba s-sempliċi fatt li dan huwa digriet ta’ inammissibbiltà.

269    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-Kunsill kiser l-awtorità ta’ res judicata tad-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2012, Assaad vs Il‑Kunsill (T‑550/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:266), biss fir-rigward tal-atti tal‑2011. Fil-fatt, huwa biss fir-rigward ta’ dawn l-atti li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorrent ma kienx il-persuna msemmija fil-linja 36 tal-listi inkwistjoni.

270    Issa, għandu jitfakkar li, bħalma jargumenta ġustament il-Kunsill, il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata ma jistax jinftiehem b’mod li digriet jirregola kwistjonijiet dwar sett ieħor ta’ atti ġuridiċi, adottati abbażi ta’ provi oħrajn u li jirrigwardaw atti bażiċi differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2018, Bank Tejarat vs Il‑Kunsill, C‑248/17 P, EU:C:2018:967, punt 76, u tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 92).

271    Konsegwentement, ir-rikorrent ma huwiex fondat li jsostni li l-atti kkontestati ġew adottati bi ksur tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, barra mill-atti tal‑2011.

272    F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu, bħalma jsostni r-rikorrent, li l-kwistjoni tal-identità ta’ persuna tista’, bħala prinċipju, ikollha biss tweġiba waħda u ma tistax tinbidel ratione temporis, għandu jitfakkar, bħalma ssemma fil-punt 244 iktar ’il fuq, li, fil-qasam tal-miżuri restrittivi kontra s-Sirja, il-Kunsill jista’ jistabbilixxi l-identità tal-persuni u tal-entitajiet li fil-konfront tagħhom huwa jadotta miżuri restrittivi suffiċjentement skont il-liġi. Peress li, barra minn hekk, ġie stabbilit, fil-punt 219 iktar ’il fuq, li l-Kunsill kellu l-possibbiltà li jikkoreġi l-iżball li huwa kien wettaq fir-rigward tal-identità ta’ persuna, għandu jiġi kkonfermat li l-awtorità ta’ res judicata marbuta mad-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2012, Assaad vs Il‑Kunsill (T‑550/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:266), ma tistax tiġi estiża għal atti sostnuti minn provi li ma kinux fil-pussess tal-Kunsill waqt l-adozzjoni tal-atti tal‑2011.

273    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-ħames motiv għandu jintlaqa’ sa fejn l-atti kkontestati jistabbilixxu li r-rikorrent kien kopert mill-atti tal‑2011.

274    Peress li, barra minn hekk, l-ewwel, it-tieni u t-tielet motiv intlaqgħu, l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati, mingħajr il-bżonn li jiġi analizzat ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-“abbuż ta’ poter”.

F.      Fuq l-effetti ratione temporis tal-annullament tal-atti kkontestati

275    Il-Kunsill talab, fil-kuntest tat-tielet kap tat-talbiet tiegħu, li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla l-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrent, hija tordna wkoll iż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni 2022/849 fir-rigward tar-rikorrent sakemm jieħu effett l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/840.

276    Qabel kollox, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/840, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-imsemmi statut jew, jekk jiġi ppreżentat appell f’dan it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tiegħu.

277    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ appell, il-Kunsill għandu terminu ta’ xahrejn, miżjud bit-terminu għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart ijiem, li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din is-sentenza sabiex jirrimedja għall-ksur ikkonstatat billi jadotta, jekk ikun il-każ, miżuri restrittivi ġodda fil-konfront tar-rikorrent.

278    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2022/849, għandu jiġi kkonstatat li, bħala prinċipju, l-annullament tagħha għandu jwassal għat-tneħħija tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent mil-lista li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255.

279    Madankollu, l-eżistenza ta’ differenza bejn id-data ta’ effett tal-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/840 u dik tad-Deċiżjoni 2022/849 tkun tista’ twassal għal ksur serju taċ-ċertezza legali, peress li dawn iż-żewġ atti jimponu fuq ir-rikorrent miżuri identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2022, LAICO vs Il‑Kunsill, T‑627/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:590, punt 106).

280    Minn dan isegwi li l-effetti tad-Deċiżjoni 2022/849 għandhom jinżammu fil-konfront tar-rikorrent sad-data tal-iskadenza tat-terminu tal-appell jew, jekk jiġi ppreżentat appell f’dan it-terminu, saċ-ċaħda eventwali tal-appell.

 Fuq l-ispejjeż

281    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

282    Peress li l-Kunsill tilef, dan għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/751 tas6 ta’ Mejju 2021 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/743 tas6 ta’ Mejju 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/849 tat30 ta’ Mejju 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/840 tat30 ta’ Mejju 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, huma annullati sa fejn dawn jirrigwardaw lil Nizar Assaad.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni 2022/849 huma miżmuma fil-konfront ta’ Nizar Assaad sad-data tal-iskadenza tat-terminu tal-appell jew, jekk jiġi ppreżentat appell f’dan it-terminu, saċ-ċaħda eventwali tal-appell.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Gervasoni

Madise

Nihoul

Frendo

 

      Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Marzu 2023.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.