Language of document : ECLI:EU:T:2014:928

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

5 ta’ Novembru 2014 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna għall-installazzjoni ta’ netwerks ta’ broadband tal-aħħar ġenerazzjoni fir-reġjun ta’ Cornwall & Isles of Scilly — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Artikolu 107(3)(c) TFUE — Rikors għal annullament — Nuqqas ta’ effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva — Locus standi — Drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati — Inammissibbiltà parzjali — Assenza ta’ dubji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali”

Fil-Kawża T‑362/10,

Vtesse Networks Ltd, stabbilita f’Hertford (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn H. Mercer, QC,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u L. Armati, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Polonja, inizjalment irrappreżentata minn M. Szpunar u B. Majczyna, sussegwentement minn M. Majczyna, bħala aġenti,

minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn S. Behzadi-Spencer u L. Seeboruth, sussegwentement minn M. Seeboruth, J. Beeko u L. Christie, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn K. Bacon, sussegwentement minn S. Lee, barristers,

u minn

British Telecommunications plc, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), inizjalment irrappreżentata minn M. Nissen u J. Gutiérrez Gisbert, sussegwentement minn Nissen u G. van de Walle de Ghelcke u fl-aħħar nett minn G. van de Walle de Ghelcke, J. Rivas Andrés, avukati, u J. Holmes, barrister,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 3204, tat-12 ta’ Mejju 2010 (ĠU C 162, p. 1), li tiddikjara kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE l-miżura ta’ għajnuna “Cornwall & Isles of Scilly Next Generation Broadband”, li tipprevedi għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali bil-għan li tgħin l-installazzjoni ta’ netwerks ta’ broadband tal-aħħar ġenerazzjoni fir-reġjun ta’ Cornwall & Isles of Scilly (Għajnuna mill-Istat Nru 461/2009 — ir-Renju Unit),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn G. Berardis, President, O. Czúcz u A. Popescu (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Vtesse Networks Ltd, hija operatur tat-telekomunikazzjonijiet li tipprovdi l-użu ta’ linji ta’ kapaċità kbira, prinċipalment lil impriżi kbar. Peress li ma hijiex proprjetarja tan-netwerk ta’ linji ta’ kapaċità kbira tagħha stess, ir-rikorrenti tikri dawn il-linji mingħand operaturi oħra tat-telekomunikazzjonijiet, u tissupplimenta dik il-provvista bil-bini ta’ netwerks ta’ konnessjoni mfassla skont l-ordni.

2        Il-British Telecommunications plc (iktar ’il quddiem il-“BT”), l-operatur tat-telekomunikazzjonijiet storiku fir-Renju Unit kien, qabel ma ġie pprivattizzat, impriża pubblika magħrufa bl-isem ta’ British Telecom. Hija toffri firxa ta’ servizzi fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, inkluż il-kiri tal-linji ta’ kapaċità kbira.

 Il-proċedura amministrattiva

3        Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq innotifika l-intenzjoni tiegħu li jagħti għajnuna tal-Istat sabiex jgħin l-installazzjoni ta’ netwerks ta’ broadband tal-ġenerazzjoni sussegwenti, imsejħa netwerks NGA fir-reġjun ta’ Cornwell & Isles of Scilly (iktar ’il quddiem il-“miżura nnotifikata”). In-notifika ġiet irreġistrata fid-29 ta’ Lulju 2009 mal-Kummissjoni Ewropea, li rċeviet informazzjoni supplimentari tal-awtoritajiet tar-Renju Unit fit-28 ta’ Settembru 2009.

4        Fil-21 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni rreġistrat ilment imressaq mir-rikorrenti dwar il-miżura nnotifikata.

5        Mill-fajl jirriżulta dan li ġej:

–        fit-23 ta’ Ottubru 2009 l-ilment ġie trażmess lill-awtoritajiet tar-Renju Unit, li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-23 ta’ Novembru 2009;

–        fid-9 ta’ Novembru 2009 ir-rikorrenti ttrażmettiet informazzjoni supplimentari li ġiet indirizzata lill-awtoritajiet tar-Renju Unit fid-19 ta’ Novembru 2009, li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fl-4 ta’ Diċembru 2009;

–        permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni talbet kjarifiki lill-awtoritajiet tar-Renju Unit, li rrispondew permezz ta’ ittra fit-3 ta’ Marzu 2010;

–        fis-16 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrenti ppreżentat dokument finali, li ma ġiex trażmess lill-awtoritajiet tar-Renju Unit, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienet meħtieġa ebda osservazzjoni dwar il-kontenut ta’ dan id-dokument, peress li l-informazzjoni inkwistjoni kienet tirrelata ma’ lment ieħor ippreżentat mir-rikorrenti.

 Id-deċiżjoni kkontestata

6        Fit-12 ta’ Mejju 2010, mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) KE, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2010) 3204, li tiddikjara l-miżura nnotifikata kompatibbli mas-suq komuni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

7        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-proċedura ta’ sejħa għal offerti mibdija sabiex jintgħażel l-operatur li kien ser jirċievi l-finanzjament pubbliku sabiex jiġi installat in-netwerk NGA fir-reġjun ta’ Cornwell & Isles of Scilly, hija deskritta fil-premessi 23 sa 25. Mill-imsemmija premessa 23 jirriżulta li l-għajnuna mill-Istat kellha tingħata abbażi ta’ sejħa għal offerti wara li tiġi segwita l-proċedura ta’ djalogu kompetittiv skont id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

8        Mill-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont l-avviż ta’ kuntratt ippubblikat fis-17 ta’ Marzu 2009, il-partijiet interessati kellhom jimlew kwestjonarju ta’ prekwalifikazzjoni li jippermetti li ssir evalwazzjoni inizjali tal-impriżi kandidati. Wara eżami ta’ dan il-kwestjonarju ta’ prekwalifikazzjoni, ġew mistiedna ħames offerenti sabiex jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti, tnejn ġew eliminati u wieħed irtira l-offerta tiegħu. Fit-28 ta’ Awwissu 2009, ġiet indirizzata stedina sabiex tiġi ppreżentata offerta finali liż-żewġ parteċipanti li kienu għadhom qed jipparteċipaw fil-proċedura ta’ djalogu kompetittiv, jiġifieri BT u l-konsorzju Babcock, li kienet tagħmel parti minnu r-rikorrenti. Fit-18 ta’ Settembru 2009, il-konsorzju Babcock indika li ma huwiex ser jippreżenta offerta finali. L-offerta finali ta’ BT ġiet irċevuta fis-16 ta’ Ottubru 2009. Saret evalwazzjoni formali tal-offerta, skont il-proċedura u l-kriterji oġġettivi stabbiliti u BT ġiet irrakkomandata bħala l-offerenti magħżula lill-Bord Amministrattiv Strateġiku tal-proġett.

9        Sussegwentement, il-Kummissjoni esponiet il-punti differenti mqajma mir-rikorrenti fl-ilment tagħha (premessi 38 sa 43 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-kontenut tal-osservazzjonijiet ifformulati fir-rigward ta’ dan l-ilment mill-awtoritajiet tar-Renju Unit (premessi 44 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Wara li żgurat ruħha li l-miżura nnotifikata kien effettivament fiha elementi ta’ għajnuna mill-Istat (premessi 50 sa 57 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni evalwat il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, kif interpretat fid-dawl tal-Linji gwida Komunitarji għall-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mat-tusigħ rapidu tan-netwerks tal-faxx wiesa’ [mal-installazzjoni rapida tan-netwerks broadband] (ĠU 2009 C 235, p. 7, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”). Skont il-linji gwida, il-Kummissjoni eżaminat l-għan ta’ din il-miżura (premessi 60 sa 63 tad-deċiżjoni kkontestata), in-natura tagħha fir-rigward ta’ dan l-għan u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jew l-effett fuq in-negozju li tista’ toħloq (premessi 64 sa 70 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkonkludiet li, f’dan il-każ, il-kriterji ddefiniti fil-linji gwida fil-qasam tal-broadband kienu ssodisfatti u li l-miżura nnotifikata kienet għalhekk kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE (premessi 71 u 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Novembru 2010, għal BT, u fit-13 ta’ Diċembru 2010, għar-Repubblika tal-Polonja kif ukoll għar-Renju Unit, dawn talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

13      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Jannar 2011, għar-Repubblika tal-Polonja kif ukoll għar-Renju Unit, u tal-25 ta’ Jannar 2011, għal BT, dawn ġew ammessi jintervjenu.

14      BT, fid-29 ta’ Marzu 2011, u r-Repubblika tal-Polonja kif ukoll ir-Renju Unit, fil-31 ta’ Marzu 2011, ippreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom.

15      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tistabbilixxi terminu ġdid għall-preżentata tar-replika jew, fin-nuqqas ta’ dan, tadotta miżura ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura, skont l-Artikolu 64(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex tkun tista’ tippreżenta tali risposta. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal proroga tar-replika fl-1 ta’ Lulju 2011. Fir-rigward tat-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, wara li semgħet il-partijiet fuq din it-talba, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’.

16      Fit-8 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-noti ta’ intervent ta’ BT, tar-Repubblika tal-Polonja u tar-Renju Unit.

17      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lid-Disa’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

18      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla), minn naħa waħda, talbet lill-partijiet iwieġbu ċerti domandi u, min-naħa l-oħra, lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi iktar dokumenti. Il-partijiet wieġbu għal din l-istedina u għal dawn il-mistoqsijiet.

19      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla l-punt 72 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

21      Insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, BT titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors ex officio bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnha.

22      Insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors peress li ma għandux skop;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

23      Insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, ir-Renju Unit jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

24      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti, it-tieni nett, fuq nuqqas ta’ applikazzjoni jew tal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE u, it-tielet nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża.

 Fuq l-ammissibbiltà

25      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, qed jiġu kkontestati, minn naħa, l-ammissibbiltà tar-rikors fid-dawl tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura u, min-naħa l-oħra, il-locus standi tar-rikorrenti fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-konformità tar-rikors mal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura

26      Il-Kummissjoni targumenta, fir-risposta tagħha u matul is-seduta li, skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, it-tieni motiv għandu jiġi ddikjarata inammissibbli. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tispeċifikax il-portata tar-rikors tagħha fir-rigward ta’ dan il-motiv. Barra minn hekk, la l-fatti u lanqas il-punti ta’ liġi li fuqhom ibbażat ruħha r-rikorrenti ma huma indikati b’mod ċar.

27      BT issostni li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-tieni motiv imqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi estiża ex officio għar-rikors kollu. Hija tosserva li, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni indirizzat il-maġġoranza tal-punti mqajma fir-rikors, iżda dan kien dovut primarjament għal konoxxenza minn qabel tagħha tal-fatti tal-każ fil-proċedura amministrattiva u għal interpretazzjoni “spekulattiva” tal-motivi mqajma mir-rikorrenti. Madankollu, fl-opinjoni ta’ BT, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha unikament abbażi tal-informazzjoni pprovduta fir-rikors.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati.

29      Dan is-sunt għandu jkun ċar u preċiż biżżejjed sabiex jippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra disponibbli. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ li, sabiex rikors ikun ammissibbli, il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan huwa bbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor, b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T-85/92, Ġabra p. II-523, punt 20; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Jannar 1998, Dubois u Fils vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑113/96, Ġabra p. II‑125, punt 29, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2005, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, T‑294/04, Ġabra p. II‑2719, punt 23).

30      F’dan il-każ, ma hemmx lok li dan ir-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, minkejja li huwa minnu li l-Kummissjoni kellha tinterpreta l-argumenti tar-rikorrenti f’ċerti partijiet tar-risposta tagħha, li wħud minnhom ġew ikkonfermati minn din tal-aħħar fl-osservazzjonijiet tagħha tat-8 ta’ Lulju 2011, l-argumentazzjoni fid-dettall żviluppata mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti fuq il-fondatezza tar-rikors tikkonferma li r-rikors juri grad ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni suffiċjenti li jippermetti lill-partijiet jippreparaw id-difiża tagħhom b’mod xieraq.

31      Fi kwalunkwe każ, sa fejn l-ilmenti li jikkonċernaw l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura jirrigwardaw l-ammissibbiltà tal-motivi differenti tar-rikors, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina, skont il-każ, l-imsemmija lmenti fil-kuntest tat-trattament tal-motivi differenti.

 Fuq il-locus standi tar-rikorrenti fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata

32      Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja ma jikkontestawx, fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub, l-ammissibbiltà tar-rikors minħabba nuqqas ta’ locus standi. Min-naħa l-oħra, BT tallega li l-ewwel u t-tieni motivi, iqiegħdu f’dubju l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, huma inammissibbli minħabba li r-rikorrenti ma tissodisfax il-kriterji tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, fi kwalunkwe każ, huma infondati. Fir-rigward tat-tielet motiv, li jirrigwarda s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, BT tqis li għandu jiġi ddikjarat inammissibbli wkoll, peress li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha li hija parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE. Fir-rigward tar-Renju Unit, fin-nota ta’ intervent tiegħu, huwa jesprimi dubji biss fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel u t-tieni motivi, għall-istess raġunijiet li ġew invokati minn BT.

33      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, anki jekk, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, l-intervenjenti ma jistgħux jinvokaw talbiet li ma jikkorroborawx dawk imqajma mill-parti sostnuta, fil-każ ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, għandha tiġi eżaminata ex officio l-ammissibbiltà tar-rikors, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punti 21 sa 24).

34      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward li, matul is-seduta, il-Kummissjoni u r-Renju Unit indikaw li kienu jikkondividu l-opinjoni ta’ BT li tikkonċerna l-fatt li, fir-rigward tal-ewwel u t-tieni motivi, ir-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kriterji tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dikjarazzjoni li tniżżlet fil-proċess verbal.

35      Skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, […] tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment”.

36      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jekk din id-deċiżjoni tkun tippreġudikahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ persuni oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom bħal fil-każ tad-destinatarju tad-deċiżjoni (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C-198/91, Ġabra p. I-2487, punt 20, u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. 3203, punt 14).

37      Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta l-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, hija r-rikorrenti li għandha tindika, b’mod rilevanti, ir-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni ta’ impriża fis-suq ikkonċernat, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sempliċi fatt li att jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jeżistu fis-suq rilevanti u li l-impriża kkonċernata kienet tinsab f’relazzjoni kompetittiva mal-benefiċjarju ta’ dan l-att ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikun suffiċjenti sabiex l-imsemmija impriża tista’ titqies li hija individwalment ikkonċernata mill-imsemmi att (ara s-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 37 iċċitata iktar ’il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Mejju 2012, UPS Europe u United Parcel Service Deutschland vs Il-Kummissjoni, T-344/10, punt 47).

39      Fil-fatt, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward tal-impriża benefiċjarja, iżda għandha turi wkoll li hija tinsab f’ċirkustanzi ta’ fatt li jindividwalizzawha bħal fil-każ tad-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (ara s-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata; id-digriet UPS Europe u United Parcel Service Deutschland vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 48).

40      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-effett ħażin sostanzjali kkawżat lill-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq ma jistax ikun limitat għall-preżenza ta’ ċerti provi li jindikaw degradazzjoni fil-prestazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji tagħha (ara s-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata; digriet UPS Europe u United Parcel Service Deutschland vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 49).

41      Sussegwentement, l-eżistenza ta’ effett sostanzjali tal-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq ma tiddependix direttament fuq l-ammont ta’ għajnuna inkwistjoni, iżda fuq l-impatt tal-effett ħażin li din l-għajnuna jista’ jkollha fuq din il-pożizzjoni. Tali effett ħażin jista’ jvarja, fir-rigward ta’ għajnuna ta’ ammont simili, skont kriterji bħall-portata tas-suq ikkonċernat, in-natura speċifika tal-għajnuna, it-tul tal-perijodu li fih tingħata l-għajnuna, in-natura prinċipali jew sekondarja tal-attività affettwata fir-rigward tar-rikorrenti u l-possibbiltajiet tagħha li tevita l-effetti negattivi tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, id-digriet UPS Europe u United Parcel Service Deutschland vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 58).

42      Fl-aħħar nett, bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitfakkar, li meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li tikkonstata li għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern, hija tkun qed tirrifjuta wkoll, impliċitament, li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Jannar 2013, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑646/11 P, punt 26). Il-partijiet interessati, li, skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, huma l-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati permezz tal-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi li jikkompetu mal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna u li huma l-benefiċjarji tal-garanziji tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jistgħu jiksbu l-konformità miegħu biss jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors tagħhom jista’ biss ikun intiż sabiex jissalvagwarda d-drittijiet proċedurali tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 108(2) TFUE u mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 (is-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 28).

43      Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha u tal-ġurisprudenza esposti fil-punti 35 sa 42 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina, qabel tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti ġietx sostanzjalment affettwata mill-miżura nnotifikata b’tali mod li jkollha locus standi sabiex tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, jekk ir-rikorrenti hijiex parti interessata fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, b’tali mod li jkollha locus standi biex tkun tista’ tissalvagwarda d-drittijiet proċedurali tagħha.

44      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti hijiex parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jiġi rrilevat li BT tikkontesta li din tista’ titqies li hija parti interessata minħabba li hija ma pproduċiet ebda prova f’dan is-sens.

45      Ċertament, huwa minnu li r-rikorrenti fil-fatt ma tipproduċi ebda provi fir-rigward tal-kwalità tagħha ta’ parti interessata fil-parti tar-rikors dwar l-ammissibbiltà tar-rikors skont l-Artikolu 263 TFUE.

46      Madankollu, jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti indikat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-partijiet l-oħra, minn naħa, li hija fornitur speċjalizzat ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, li toffri essenzjalment il-kiri bl-imnut ta’ linji ta’ kapaċità kbira li jużaw fibri ottiċi, lil impriżi kbar li jkunu jixtiequ joħolqu konnessjoni bejn il-postijiet tan-negozju tagħhom u, min-naħa l-oħra, li BT tipprovdi servizzi f’firxa wiesa’ ta’ swieq tat-telekomunikazzjoni f’kompetizzjoni diretta magħha fir-rigward tal-kiri ta’ linji ta’ kapaċità kbira lill-klijenti.

47      Konsegwentement, għandu jitqies li BT u r-rikorrenti huma operaturi tat-telekomunikazzjonijiet kompetituri fis-suq tal-provvista ta’ servizzi speċjalizzati tal-komunikazzjonijiet u li din tal-aħħar għandha titqies li hija parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li hija għandha locus standi sabiex tressaq kawża kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn ir-rikors tagħha jkun intiż li jissalvagwarda d-drittijiet proċedurali tagħha.

48      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, minbarra l-locus standi sabiex tissalvagwarda d-drittijiet proċedurali tagħha, ir-rikorrenti tistax tikkontesta, permezz tar-rikors tagħha, il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li r-rikorrenti għadha ma stabbilixxietx li l-pożizzjoni tagħha fis-suq hija sostanzjalment affettwata, fis-sens tal-ġurisprudenza esposta fil-punt 37 iktar ʼil fuq.

49      L-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward ma jistgħux jinvalidaw il-konstatazzjoni esposta fil-punt 48 iktar ʼil fuq.

50      Fir-rikors, ir-rikorrenti essenzjalment issostni:

–        li hija kompetitriċi ta’ BT, jiġifieri l-benefiċjarja tal-għajnuna;

–        li hija l-unika kumpannija ta’ telekomunikazzjonijiet li kienet għadha tikkompeti fis-sejħa għal offerti minbarra BT sakemm kellha tirtira;

–        li hija kienet l-unika kumpannija tat-telekomunikazzjonijiet, minbarra l-benefiċjarja attwali tal-għajnuna, li setgħet tibbenefika mill-għajnuna;

–        li fi kwalunkwe każ, il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq ġiet affettwata negattivament, u dan b’mod sostanzjali, permezz tal-għoti tal-għajnuna, peress li s-sejħa għal offerti kienet tirrappreżenta proġett importanti għaliha;

–        li, barra minn hekk, l-uniku lment irreġistrat dwar is-suġġett tal-għajnuna nnotifikata huwa dak li ppreżentat. Madankollu, b’analoġija mal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni (169/84, Ġabra p. 391), dan huwa motiv addizzjonali ta’ ammissibbiltà.

51      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward tal-impriża benefiċjarja, iżda għandha tistabbilixxi wkoll, fid-dawl tal-livell eventwali ta’ parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura u tal-portata tal-preġudizzju tal-pożizzjoni tagħha fis-suq, li hija tinsab f’sitwazzjoni fattwali li tindividwalizzaha bħal fil-każ tad-destinatarju ta’ deċiżjoni (ara l-punt 39 iktar ʼil fuq).

52      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni, li ġie rreġistrat fil-21 ta’ Ottubru 2009. Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, din id-deċiżjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni esposta fl-ilment kif ukoll l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fuq talba tal-Kummissjoni wara li r-rikorrenti ressqet l-ilment tagħha. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti effettivament kellha rwol fl-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva.

53      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma jistax jiġi inferit locus standi tar-rikorrenti sempliċement mill-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura amministrattiva. Ir-rikorrenti għandha, fi kwalunkwe każ, turi li l-miżura nnotifikata setgħet taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni, C‑260/05 P, Ġabra p. I‑10005, punt 60, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Jannar 2011, Vtesse Networks vs Il-Kummissjoni, T‑54/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 92).

54      It-tieni nett, kif diġà ġie deċiż, kuntrarjament għal dak li qiegħda essenzjalment tallega r-rikorrenti, mis-sentenza Cofaz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 50 iktar ʼil fuq, ma jirriżultax li t-tressiq ta’ lment mir-rikorrenti kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura amministrattiva huma biżżejjed sabiex jistabbilixxu li l-miżura nnotifikata tikkonċernaha individwalment (ara, f’dan ir-rigward, id-digriet Vtesse Networks vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ʼil fuq, punt 93).

55      It-tielet nett, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li, minn naħa, hija l-unika kumpannija tat-telekomunikazzjonijiet li għadha tikkompeti fis-sejħa għal offerti u, min-naħa l-oħra, l-unika li tista’ tibbenefika mill-għajnuna, għandu jiġi rrilevat li tali dikjarazzjoni għandha tiġi miċħuda. Fl-ewwel lok, fil-fatt, kif sostnew ukoll BT, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni matul is-seduta, iż-żewġ parteċipanti li baqgħu jikkompetu fil-kuntest tas-sejħa għal offerti kienu BT u l-konsorzju Babcock, li r-rikorrenti kienet tifforma parti minnu, u mhux BT u r-rikorrenti. Fit-tieni lok, mill-fajl u mis-sottomissjonijiet f’dan ir-rigward li saru matul is-seduta jirriżulta li r-rikorrenti ma kinitx l-unika kumpannija tat-telekomunikazzjonijiet li kienet għadha qed tikkompeti peress li, fost il-membri l-oħra tal-konsorzju Babcock, kien hemm, b’mod partikolari, il-kumpanniji tat-telekomunikazzjonijiet Surf Telecoms u Motorola Inc. Madankollu, anki kieku kien minnu li dawn iż-żewġ kumpanniji ma ngħatawx l-inkarigu li jibnu l-infrastruttura fiżika u ma kinux l-iktar direttament ikkonċernati mill-parti prinċipali tas-sejħa għall-offerti kif tallega r-rikorrenti, jibqa’ l-fatt li ż-żewġ kumpanniji kienu kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt jidher, kif tirrikonoxxi r-rikorrenti, b’mod partikolari fl-osservazzjonijiet tagħha tat-8 ta’ Lulju 2011, li, fil-kuntest tal-offerta tal-konsorzju Babcock, Motorola ħadet sehem fin-netwerk mingħajr fili tal-offerta u Surf Telecoms kienet tikri fibri ottiċi lir-rikorrenti. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma hijiex ikkonċernata b’mod li jiddistingwiha individwalment minn kumpanniji oħra.

56      Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar li s-sempliċi fatt li d-deċiżjoni kkontestata tista’ teżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet kompetittivi li jeżistu fis-suq rilevanti u li r-rikorrenti għandha ċerta relazzjoni kompetittiva ma’ BT ma jikkostitwixxix effett negattiv sostanzjali tal-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti għandha turi l-importanza tal-effett ħażin fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq (ara l-punt 41 iktar ’il fuq).

57      Madankollu, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx tali l-effett ħażin. Fil-fatt, hija sempliċement tallega li s-sejħa għal offerti ma tikkostitwixxix proġett importanti għaliha filwaqt li l-oneru kien fuqha sabiex tindika r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni kkontestata setgħet tippreġudika l-interessi tagħha billi sostanzjalment taffettwa l-pożizzjoni tagħha fis-suq inkwistjoni.

58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma pprovatx li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha ġiet sostanzjament affettwata mid-deċiżjoni kkontestata.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, sa fejn ir-rikorrenti hija parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, hija għandha locus standi fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tkun tista’ tissalvagwarda d-drittijiet proċedurali tagħha u, min-naħa l-oħra, ma għandhiex locus standi fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkontesta l-fondatezza tagħha.

60      Madankollu, il-fatt li r-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li l-pożizzjoni tagħha fis-suq kienet ser tiġi sostanzjalment affettwata mill-għajnuna inkwistjoni ma jimplikax li, sabiex turi li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern, li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, ir-rikorrenti għandha tippreżenta argumenti fuq il-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, sakemm madankollu minn tal-inqas motiv wieħed tar-rikors tagħha jkun ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

61      L-ewwel nett, għandu jitfakkar, skont il-ġurisprudenza, meta rikorrenti tinvoka ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha minħabba li l-Kummissjoni ma tkunx tat bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija tista’ tinvoka kwalunkwe motiv li jista’ jipprova li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-provi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-Kummissjoni, matul il-fażi preliminari tal-eżami tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżura nnotifikata bħala għajnuna mill-Istat u l-kompatibbiltà tagħha mat-Trattat. L-użu ta’ tali argumenti la jista’ madankollu jkollu bħala konsegwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jbiddel il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tiegħu. A contrario, l-eżistenza ta’ dubju fuq din il-klassifikazzjoni jew fuq din il-kompatibbiltà mas-suq intern hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex turi li l-Kummissjoni kellha obbligu li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T‑304/08, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2013, Colt Télécommunications France vs Il-Kummissjoni, T‑79/10, punt 84).

62      Din il-prova tista’ tiġi prodotta b’riferiment għal sensiela ta’ indizji konkordanti, l-eżistenza ta’ dubju jeżiġi investigazzjoni kemm taċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kif ukoll tal-kontenut tagħha, billi jitqabblu l-evalwazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni bl-informazzjoni kollha li din kellha għad-dispożizzjoni tagħha meta hija tat id-deċiżjoni fuq il-klassifikazzjoni u fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern (ara s-sentenza 3F vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata). Ir-rikorrenti għandha l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ tali dubju (is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2001, Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, T‑73/98, Ġabra p. II‑867, punt 49; tat-3 ta’ Marzu 2010, Bundsverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni, T‑36/06, Ġabra p. II‑537, punt 127, u Colt Télécommunications France vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 37).

63      Sussegwentement, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sakemm ir-rikorrenti tqajjem motiv li huwa intiż sabiex hija tiddefendi d-drittijiet proċedurali tagħha, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti mqajma f’motivi oħra fir-rikors li huma intiżi li juru li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-miżuri inkwistjoni jew dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, Ġabra p. I‑4441, punti 56 sa 58, u tat-22 ta’ Settembru 2011, Il-Belġju vs Deutsche Post u DHL International, C‑148/09 P, Ġabra p. I‑8573, punti 64 sa 66).

64      Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 61 sa 63 iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat jekk il-motivi tar-rikors humiex ammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-motivi mqajma mir-rikorrenti, b’kunsiderazzjoni tal-locus standi tagħha

65      Mill-bidu nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti hija ammessa tinvoka t-tielet motiv bħala parti interessata peress li, permezz ta’ dan il-motiv, hija għandha l-intenzjoni espressa li tissalvagwarda d-drittijiet proċedurali tagħha.

66      Fir-rigward tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssotni li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti, billi kkonstatat li kien hemm proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, nondiskriminatorja u kompetittiva, filwaqt li hija kellha obbligu tikkonstata li l-kompetizzjoni ġiet eliminata fir-rigward tas-sejħa għal offerti (l-ewwel parti), li l-offerta magħmulha lil BT li tikkonċerna l-użu tal-infrastruttura li diġà teżisti setgħet tiġi offruta wkoll lil offerenti oħra kieku talbuha (it-tieni parti) u li l-impatt globali fuq il-kompetizzjoni kien pożittiv (it-tielet parti).

67      Fir-rigward tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-fatti deskritti fir-rikors jistabbilixxu l-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti minħabba l-iggruppar tal-infrastruttura jew tas-servizzi, tar-rifjut li jingħata aċċess għar-riżorsi essenzjali kif ukoll tal-fatt tal-ikkompressar tal-marġni sa fejn ġie offert kwalunkwe aċċess għas-servizzi ta’ fibri ottiċi ta’ BT. Madankollu, hija essenzjalment tallega li minkejja li dan il-punt tqajjem b’mod ċar mill-Kummissjoni, kif jirriżulta mill-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar ma tat ebda kunsiderazzjoni għall-kwistjoni ta’ jekk BT abbużatx mill-pożizzjoni dominanti tagħha bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Fil-fehma tagħha, id-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant tikser l-Artikolu 102 TFUE sa fejn l-evalwazzjoni tal-impatt tal-miżura nnotifikata fuq il-kompetizzjoni inkluża fil-premessi 69 u 70 tad-deċiżjoni kkontestata hija invalidata u, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata hija illegali u ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

68      B’risposta għall-inammissibbiltà tal-ewwel u t-tieni motivi allegati minn BT, matul il-proċedura bil-miktub u matul is-seduta, u mill-Kummissjoni u r-Renju Unit, matul is-seduta, ir-rikorrenti affermat, fl-osservazzjonijiet tagħha tat-8 ta’ Lulju 2011, li l-imsemmija allegazzjoni kienet infondata peress li ma kinitx tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 63 iktar ’il fuq. Meta ġiet interrogata dwar dan il-punt mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara punt 18 iktar ’il fuq), il-partijiet, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika tal-Polonja u tar-rikorrenti, ikkunsidraw li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 63 iktar ’il fuq, ikkonfermat li l-ewwel u t-tieni motivi kienu inammissibbli.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm huwa minnu li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 63 iktar ’il fuq, tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-argumenti li jikkonċernaw il-fondatezza tad-deċiżjoni bil-għan li jiġi ddeterminat jekk l-eżistenza ta’ dubji hijiex stabbilita insostenn tal-motiv proċedurali bbażat fuq l-eżistenza tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, għandu jiġi kkonstatat li l-konklużjoni li tislet ir-rikorrenti minn dan kollu, fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel u t-tieni motivi, ma għandhiex tiġi aċċettata. Fil-fatt, l-argument żviluppat mir-rikorrenti essenzjalment huwa dak li, peress li qajmet motiv proċedurali, hija tista’ tinvoka kwalunkwe argument jew motiv ieħor fir-rigward tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr madankollu ma tinħoloq problema ta’ ammissibbiltà.

70      Madankollu, tali kunsiderazzjoni ma għandha ebda bażi fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 63 iktar ’il fuq, kif riprodotta mill-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, minn din is-sentenza jiriżulta biss li huwa possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni argumenti fuq il-mertu biss sa fejn dawn l-argumenti jippermettu li jiġi sostnut motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ dubji li jiġġustifikaw l-eżistenza tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Madankollu, l-argumenti għandhom jiġu ddefiniti skont it-termini konnessi mal-fattur li għandu jiġi pprovat, jiġifieri l-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern.

71      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-ewwel u t-tieni motivi ta’ dan ir-rikors biss sa fejn dawn ikunu bbażati fuq argumenti li huma intiżi li jippruvaw li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tegħleb id-dubji li hija kellha matul il-fażi tal-investigazzjoni preliminari.

72      Madankollu, f’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat, li l-ewwel u t-tieni motivi mqajma mir-rikorrenti ma fihom ebda argument intiż li jipprova li l-Kummissjoni kellha dubji li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, kif irrilevaw BT, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni fir-risposti tagħhom għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, dawn il-motivi huma intiżi biss li jikkontestaw il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

73      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tar-rikors, ir-rikorrenti targumenta sempliċement li ċerti affermazzjonijiet li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxu żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti. Ir-rikorrenti ma tispjegax kif l-argumenti invokati fil-kuntest ta’ dan il-motiv jindikaw l-eżistenza ta’ dubji, u inqas u inqas kif l-iżbalji manifesti li hija tinvoka affettwaw id-drittijiet proċedurali tagħha. Għaldaqstant, l-ewwel motiv ma jipprovax li ċ-ċirkustanzi kienu tali li l-Kummissjoni kellha tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

74      Fir-rigward tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 102 TFUE, ir-rikorrenti tikkonkludi, fir-rikors, li “id-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 102 TFEU [...] tant li l-evalwazzjoni fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 3204 dwar l-impatt tal-miżura fuq il-kompetizzjoni hija invalida u li għalhekk l-imsemmija deċiżjoni ([premessi 69 sa 70]) hija illegali u ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFEU”. Kif targumenta ġustament BT fir-risposta tagħha għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti tinvoka ksur tad-dritt primarju iktar milli ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, kif jirriżulta b’mod ċar mill-mertu u lil hinn mill-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali.

75      Minn dan għandu jiġi konkluż, kif għamlu l-Kummissjoni, BT u tar-Renju Unit, li, mill-ewwel u t-tieni motivi, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tevalwa l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata billi tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern, iżda bl-argumenti invokati, ma għandhiex l-intenzjoni tiddefendi effettivament id-drittijiet proċedurali tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 108(2) TFUE. Konsegwentement, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tinterpreta dawn il-motivi, billi tikkontesta esklużivament il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, essenzjalment bil-għan li jiġu ppreżervati d-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, peress li din l-interpretazzjoni twassal għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tas-suġġett tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, C‑176/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 25, u Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 63 iktar ’il fuq, punt 55).

76      Barra minn hekk, għandu jingħad li din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat-8 ta’ Lulju 2011 li fil-kuntest tagħhom hija tipprova, diversi drabi, tifformola mill-ġdid l-ewwel żewġ motivi bħala motivi proċedurali, billi targumenta li jirrivelaw dubji li kellhom iwasslu għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

77      Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tistax validament tikklassifika mill-ġdid, fil-kuntest tal-imsemmija osservazzjonijiet, l-ewwel u t-tieni motivi tagħha billi ssostni li jirrivelaw l-eżistenza ta’ dubji filwaqt li, fil-kuntest ta’ dawn il-motivi, ir-rikorrenti ma invokat ebda argument fl-istadju tar-rikors, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ dubji li jostakolaw l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

78      Għandu jiġi kkonstatat li tali argumenti, ippreżentati għall-ewwel darba mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha tat-8 ta’ Lulju 2011, huma inammissibbli. Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ), flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jkollu sunt tal-motivi mressqa u li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li jiġu rrivelati matul il-proċedura, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tintlaqa’ t-talba ta’ inammissibbiltà tal-ewwel u t-tieni motivi u dawn il-motivi għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

80      Fir-rigward tat-tielet motiv, li r-rikorrenti hija ammessa tinvoka fil-kapaċità tagħha ta’ parti interessata, għandu jiġi rrilevat li dan ikopri żewġ ilmenti distinti. Minn naħa, ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni li ma jingħatax bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tallega ksur tad-drittijiet tad-difiża sa fejn hija ma ġietx mistiedna sabiex tirrispondi għall-osservazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward tal-ilment tagħha.

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv

81      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali tagħha minħabba l-assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

82      Kif tfakkar fil-punt 62 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti għandha l-oneru tal-prova tal-eżistenza tad-dubji, prova li hija tista’ tipprovdi b’riferiment għal serje ta’ indizji konkordanti, fir-rigward, minn naħa, taċ-ċirkustanzi u tat-tul tal-fażi preliminari tal-investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq l-indizji dwar il-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni

83      Għandu jiġi rrilevat li, minkejja t-tielet motiv huwa bbażat, fl-ewwel parti tiegħu, fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha minħabba l-assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-rikorrenti ma tagħmel ebda riferiment fir-rikors, għal dawn l-indizji. Kien biss fl-osservazzjonijiet tagħha tat-8 ta’ Lulju 2011 li r-rikorrenti evokat, għall-ewwel darba, ċirkustanzi dwar il-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni. Hija essenzjalment targumenta li t-tul tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni kif ukoll l-iskambju bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Renju Unit, jikkostitwixxu indizji tal-eżistenza ta’ dubji, li jiġġustifikaw il-ftuħ tal- proċedura ta’ investigazzjoni formali.

84      Għalhekk, dawn l-argumenti dwar iċ-ċirkustanzi u t-tul tal-proċedura ma jistgħux jitqiesu li huma estensjoni tal-motiv invokat, anki jekk impliċitament, fir-rikors.

85      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li dawn l-argumenti huma ġodda u għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li l-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija prekluża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu ġew irrivelati matul il-proċedura, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

–       Fuq l-indizji dwar il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

86      Fir-rikors, ir-rikorrenti ssostni dan li ġej:

“Is-sunt tal fatti [fir-rikors] u l-ewwel żewġ motivi jindikaw li l-għajnuna hija, minn tal-inqas, prima facie, inkompatibli mas-suq intern. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa illegali li ġie deċiż fid-deċiżjoni kkontestata li ma għandhiex issir investigazzjoni sħiħa skont l-Artikolu 108(2), [TFUE] u/jew li tintemm l-investigazzjoni skont l-Artikolu 108(3) [TFUE].”

87      Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti sempliċement tirreferi għall-fatti esposti fil-kuntest tar-rikors tagħha u għall-argumenti li hija tistabbilixxi fl-ewwel u t-tieni motivi sabiex tikkonferma li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, mingħajr ma tispeċifika kif il-fatti jew l-imsemmija argumenti jirrivelaw dubji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

88      Ċertament, kif diġà tfakkar fil-punt 61 iktar ’il fuq, meta rikorrenti tinvoka ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha li jirriżultaw mill-fatt li l-Kummissjoni ma tkunx tat bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija tista’ tinvoka kwalunkwe motiv li jista’ jipprova li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-provi li l-Kummissjoni kellha disponibbli matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mat-Trattat.

89      Madankollu, minn dawn ir-riferimenti għal ġurisprudenza jirriżulta li r-rikorrenti kellha l-obbligu li tidentifika l-indizji dwar il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tipprova l-eżistenza ta’ dubji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 49). Barra minn hekk, meta r-rikorrenti sempliċement tirreferi, bħal f’dan il-każ, għall-argumenti mqajma fir-rigward ta’ motiv ieħor, hija għandha tidentifika preċiżament dawk l-argumenti mqajma f’dan ir-rigward li jistgħu, fil-fehma tagħha, jippruvaw l-eżistenza ta’ dawn id-dubji.

90      F’dan il-każ, insostenn tal-ewwel ilment fit-tielet motiv, ir-rikorrenti sempliċement tirreferi għas-sunt tal-fatti fir-rikors u għall-argumenti dwar l-ewwel żewġ motivi. Madankollu, dan ir-riferiment vag u kompletament mhux sostnut ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali tidentifika l-fatturi preċiżi mqajma fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni motivi li jistabbilixxu, skont ir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ dubji u l-fondatezza tat-tielet motiv.

91      Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv

92      Insostenn tat-tieni parti, r-rikorrenti targumenta li d-deċiżjoni kkontestata ttemm l-investigazzjoni tal-Kummissjoni peress li din tal-aħħar kellha biżżejjed garanziji min-naħa tal-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward tal-fatt li l-ilment kien infondat. Ir-rikorrenti tqis li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, r-rekwiżit proċedurali minimu kien li tikkomunikalha, bħala parti kwerelanti, ir-risposti tal-imsemmija awtoritajiet.

93      Għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li, indipendentement mis-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali li hija tinvoka abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE, hija kellha l-obbligu li tkun f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha abbażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet tar-Renju Unit. Tali argument għandu jiġi miċħud.

94      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu tal-Kummissjoni li tinnotifika lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom jinħoloq matul l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li għandha bħala għan li tippermetti lill-Kummissjoni jkollha l-informazzjoni sħiħa dwar il-kawża.

95      Sussegwentement, għandu jitfakkar li kif ġustament argumentat il-Kummissjoni, il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat hija, b’kunsiderazzjoni għall-istruttura ġenerali tagħha, proċedura miftuħa fil-konfront tal-Istat Membru responsabbli, fid-dawl tal-obbligi tiegħu fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni, għall-għoti tal-għajnuna. F’din il-proċedura, il-partijiet interessati, minbarra l-Istat Membru kkonċernat, għandhom essenzjalment ir-rwol ta’ għajn ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni u, f’dan ir-rigward, ma jistgħux jieħdu sehem f’dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni, bħal dak mibdi mal-imsemmi Stat Membru. Il-partijiet interessati, minbarra l-Istat Membru kkonċernat, għandhom biss id-dritt li jkunu involuti fil-proċedura amministrattiva sa fejn huwa xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il-Kummissjoni, T‑442/03, Ġabra p. II‑1161, punt 222, u tal-1 ta’ Lulju 2010, ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑62/08, Ġabra p. II‑3229, punti 161 u 162).

96      Fl-aħħar nett, huwa importanti li jiġi rrilevat ukoll li l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huwa d-dritt għal smigħ jew il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ma jippermettux lill-qorti tal-Unjoni testendi d-drittijiet proċedurali mogħtija mit-trattat u mil-leġiżlazzjoni sekondarja lill-partijiet interessati fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Dan lanqas ma jista’ jiġi permess abbażi tal-fatt li r-rikorrenti għandha locus standi sabiex tressaq kawża kontra d-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 167).

97      Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

98      Peress li l-ebda wieħed mill-argumenti invokati fil-kuntest fit-tielet motiv ma jista’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ dubji li jeżiġu li l-Kummissjoni tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud, kif għandu jiġi miċħud ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

99      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha, kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni u ta’ BT kif mitlub minn dawn tal-aħħar. Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Minn dan isegwi li r-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Vtesse Networks Ltd għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha, kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ British Telecommunications plc.

3)      Ir-Repubblika tal-Polonja kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Berardis

Czúcz

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Novembru 2014.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża2

Il-proċedura amministrattiva3

Id-deċiżjoni kkontestata3

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet4

Id-dritt6

Fuq l-ammissibbiltà6

Fuq il-konformità tar-rikors mal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura6

Fuq il-locus standi tar-rikorrenti fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata7

Fuq l-ammissibbiltà tal-motivi mqajma mir-rikorrenti, b’kunsiderazzjoni tal-locus standi tagħha14

Fuq il-mertu17

Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv17

– Fuq l-indizji dwar il-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni18

– Fuq l-indizji dwar il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata18

Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv19

Fuq l-ispejjeż20


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.