Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta’ April 2017 – Falmouth University vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-227/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Falmouth University (Falmouth, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: V. Sloane, Barrister, F. Harmel, avukat u T. Kotsonis, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tikkonstata li rigward il-perijodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 tal-FEŻR, kienu seħħu irregolaritajiet fl-operazzjoni “Enhancing the Creative Knowledge Base of Cornwall” u li korrezzjoni b’rata fissa finanzjarja ta’ 25 % kienet meħtieġa;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li l-kriterji tal-għażla jiksru l-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18/KE 1 .

It-tieni motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt li tibbaża fuq it-tliet irregolaritajiet supplimentari allegati.

It-tielet motiv ibbażat fuq li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li kien hemm tliet irregolaritajiet supplimentari allegati.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod manifestament irrazzjonali u sproporzjonat meta ddeċidiet li l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja kien ta’ 25 %

____________

1 Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).