Language of document : ECLI:EU:T:2021:252

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

12 ta’ Mejju 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna implimentata mil-Lussemburgu lil Amazon – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u illegali u li tordna l-irkupru tagħha – Deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem (tax ruling) – Prezz ta’ trasferiment – Vantaġġ fiskali selettiv – Metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment – Analiżi funzjonali”

Fil-Kawżi T‑816/17 u T‑318/18,

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn T. Uri, bħala aġent, assistit minn D. Waelbroeck, A. Steichen u J. Bracker, avukati,

rikorrent fil-Kawża T‑816/17,

sostnut minn

L-Irlanda, irrappreżentata minn J. Quaney u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn P. Gallagher, SC, B. Doherty, barrister, u S. Kingston, SC,

intervenjenti fil-Kawża T‑816/17,

Amazon EU Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

Amazon.com, Inc., stabbilita f’Seattle, Washington (l-Istati Uniti),

irrappreżentati minn D. Paemen, M. Petite u A. Tombiński, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑318/18,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata, fil-Kawża T‑816/17, minn P. Stancanelli, P.‑J. Loewenthal u F. Tomat, bħala aġenti, assistiti minn M. Chammas, avukat, u, fil-Kawża T‑318/18, minn P.‑J. Loewenthal u F. Tomat,

konvenuta,

li għandhom bħala suġġett talbiet ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiżi għall‑annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/859 tal‑4 ta’ Ottubru 2017 dwar għajnuna mill-Istat SA.38944 (2014/C ex 2014/NN) implimentata mil-Lussemburgu lil Amazon (ĠU 2018, L 153, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, V. Tomljenović (Relatriċi) u A. Marcoulli, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑5 u tas‑6 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Amazon.com, Inc., li s-sede tagħha hija stabbilita fl-Istati Uniti, u l-impriżi li jinsabu taħt il-kontroll tagħha (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, il-“grupp Amazon”) jeżerċitaw attivitajiet online, u b’mod partikolari tranżazzjonijiet ta’ bejgħ bl-imnut online u ta’ provvista ta’ diversi servizzi online. Għal dan il-għan, il-grupp Amazon jamministra diversi siti Internet f’lingwi differenti tal-Unjoni Ewropea, fosthom amazon.de, amazon.fr, amazon.it u amazon.es.

2        Qabel Mejju 2006, l-attivitajiet Ewropej tal-grupp Amazon kienu amministrati mill-Istati Uniti. B’mod partikolari, l-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut u ta’ servizzi fuq is-siti Internet Ewropej kienu operati minn żewġ entitajiet stabbiliti fl-Istati Uniti, jiġifieri Amazon.com International Sales, Inc. (iktar ’il quddiem “AIS”) u Amazon International Marketplace (iktar ’il quddiem “AIM”), kif ukoll minn oħrajn stabbiliti fi Franza, fil-Ġermanja u fir-Renju Unit.

3        Fl‑2003, ġiet ippjanata ristrutturazzjoni tal-attivitajiet tal-grupp Amazon fl‑Ewropa. Din ir-ristrutturazzjoni, li effettivament ġiet implimentata fl‑2006 (iktar ’il quddiem ir-“ristrutturazzjoni tal‑2006”), kienet imsejsa fuq il-ħolqien ta’ żewġ kumpanniji stabbiliti fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu). B’mod iktar preċiż, din kienet tirrigwarda, minn naħa, Amazon Europe Holding Technologies SCS (iktar ’il quddiem “LuxSCS”), soċjetà in akkomandita sempliċi Lussemburgiża, fejn is‑soċji kienu impriżi Amerikani, u min-naħa l-oħra, Amazon EU Sàrl (iktar ’il quddiem “LuxOpCo”), li, bħal LuxSCS, kellha s-sede tagħha fil-Lussemburgu.

4        LuxSCS, fl-ewwel lok, ikkonkludiet diversi ftehimiet ma’ ċerti entitajiet tal-grupp Amazon stabbiliti fl-Istati Uniti, jiġifieri:

–        ftehimiet ta’ liċenzja u ta’ ċessjoni għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali eżistenti minn qabel (License and Assignment Agreements For Preexisting Intellectual Property, iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, il-“ftehim ta’ xiri bil-forza”) ma’ Amazon Technologies, Inc. (iktar ’il quddiem “ATI”), entità tal-grupp Amazon stabbilita fl-Istati Uniti;

–        ftehim ta’ tqassim tal-ispejjeż (iktar ’il quddiem l-“ARC”) konkluż fl‑2005 ma’ ATI u A 9.com, Inc. (iktar ’il quddiem “A 9”), entità tal-grupp Amazon stabbilita fl-Istati Uniti. Skont il-ftehim ta’ xiri bil-forza u l-ARC, LuxSCS kisbet id-dritt li tisfrutta ċerti drittijiet tal-proprjetà intellettwali u x-“xogħlijiet idderivati” minnha, li kienu miżmuma u żviluppati minn A 9 u ATI. L-assi intanġibbli msemmija mill-ARC kienu jinkludu essenzjalment tliet kategoriji ta’ proprjetà intellettwali, jiġifieri t-teknoloġija, id-data tal-klijenti u t-trade marks. Skont l-ARC u l-ftehim ta’ xiri bil-forza, LuxSCS setgħet ukoll tagħti sottoliċenzja għall-assi intanġibbli, b’mod partikolari bil-għan li jiġu operati s-siti Internet Ewropej. Inkambju għal dawn id-drittijiet, LuxSCS kellha tħallas pagamenti tax-xiri bil-forza u s-sehem annwali tagħha għall-ispejjeż marbuta mal-programm ta’ żvilupp tal-ARC.

5        Fit-tieni lok, LuxSCS ikkonkludiet ftehim ta’ liċenzja ma’ LuxOpCo, li daħal fis‑seħħ fit‑30 ta’ April 2006, dwar l-assi intanġibbli msemmija iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ liċenzja”). Skont dan, LuxOpCo kisbet id-dritt li tuża l-assi intanġibbli inkambju għall-pagament ta’ royalty lil LuxSCS (iktar ’il quddiem ir-“royalty”).

6        Finalment, LuxSCS ikkonkludiet ftehim ta’ liċenzja u ta’ ċessjoni ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma’ Amazon.co.uk Ltd, Amazon.fr SARL u Amazon.de GmbH, li permezz tiegħu LuxSCS irċeviet ċerti trade marks u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq is-siti Internet Ewropej.

7        Fl‑2014, il-grupp Amazon kien issuġġettat għat-tieni ristrutturazzjoni u l-arranġament kuntrattwali eżistenti bejn LuxSCS u LuxOpCo ma kienx għadu japplika.

A.      Fuq id-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem (DFA) inkwistjoni

8        Bi tħejjija għar-ristrutturazzjoni tal‑2006, Amazon.com u konsulent tat-taxxa, permezz ta’ ittri tat‑23 u tal‑31 ta’ Ottubru 2003, talbu lill-amministrazzjoni tat‑taxxa Lussemburgiża l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem li tikkonferma t-trattament irriżervat lil LuxOpCo u lil LuxSCS għall-finijiet tat‑taxxa Lussemburgiża fuq id-dħul tal-kumpanniji.

9        Permezz tal-ittra tagħha tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Amazon.com talbet li jiġi approvat il-kalkolu tar-rata tar-royalty li LuxOpCo kellha tħallas lil LuxSCS mit‑30 ta’ April 2006. Din it-talba ta’ Amazon.com kienet ibbażata fuq rapport tal-prezz ta’ trasferiment imħejji mill-konsulenti tat-taxxa tagħha (iktar ’il quddiem ir-“rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003”). L-awturi ta’ dan ir-rapport kienu qegħdin jipproponu, essenzjalment, metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment li, fil-fehma tagħhom, kien jippermetti li jiġi ddeterminat id-dejn tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji li LuxOpCo kellha tħallas fil-Lussemburgu. B’mod iktar partikolari, permezz tal-ittra tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Amazon.com talbet konferma dwar il-fatt li l-metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-rata tar-royalty annwali dovuta minn LuxOpCo lil LuxSCS skont il-ftehim ta’ liċenzja, kif dan il-metodu kien jirriżulta mir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003, kien jagħti lil LuxOpCo “profitt xieraq u aċċettabbli” fir-rigward tal-politika fil-qasam tal-prezz ta’ trasferiment u tal-Artikolu 56 u tal-Artikolu 164(3) tal-loi du 4 décembre 1967 concernant l’impôt sur le revenu (il-Liġi tal‑4 ta’ Diċembru 1967 dwar it-taxxa fuq id-dħul), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“LIR”). Il-metodu ta’ kalkolu tar-royalty dovuta minn LuxOpCo lil LuxSCS adottat fl-ittra tat‑23 ta’ Ottubru 2003 kien deskritt kif ġej:

“1)      Ikkalkola u alloka lil LuxOpCo l-‘Qligħ ta’ LuxOpCo’ li huwa ekwivalenti għall-iktar baxx minn (a) [kunfidenzjali] (1) % tal-Ispejjeż Operatorji totali ta’ LuxOpCo għall-Unjoni Ewropea għas-sena kkunsidrata u (b) il-Qligħ mill-Operat fl-[Unjoni Ewropea] totali attribwibbli għas-Siti Web Ewropej għal din l-istess sena;

2)      it-Tariffa tal-Liċenzja għandha tkun ekwivalenti għall-Qligħ mill-Operat fl-[Unjoni Ewropea] bit-tnaqqis tal-Qligħ ta’ LuxOpCo, sakemm it-Tariffa tal-Liċenzja ma tkunx inqas minn żero;

3)      ir-Rata tar-Royalties għas-sena għandha tkun ekwivalenti għat-Tariffa tal-Liċenzja diviża bid-Dħul totali fl-[Unjoni Ewropea] għas-sena;

4)      minkejja dak li ntqal qabel, l-ammont ta’ Qligħ ta’ LuxOpCo għal kwalunkwe sena ma għandux ikun inqas minn 0.45 %, u ma għandux ikun iktar minn 0.55 % tad-Dħul fl-[Unjoni Ewropea];

5 a) f’każ li l-Qligħ ta’ LuxOpCo determinat skont il-pass (1) ikun inqas minn 0.45 % tad-Dħul fl-UE, il-Qligħ ta’ LuxOpCo għandu jiġi aġġustat sabiex ikun ekwivalenti għall-iktar baxx minn (i) 0.45 % tad-Dħul jew il-Profitt mill-Operat fl-[Unjoni Ewropea] jew (ii) il-Profitt mill-Operat fl-UE;

b)      f’każ li l-Qligħ ta’ LuxOpCo determinat skont il-pass (1) ikun iktar minn 0.55 % tad-Dħul fl-[Unjoni Ewropea], il-Qligħ ta’ LuxOpCo għandu jiġi aġġustat sabiex ikun ekwivalenti għall-iktar baxx minn (i) 0.55 % tad-Dħul fl-[Unjoni Ewropea] u (ii) il-Profitt mill-Operat fl-[Unjoni Ewropea].”

10      Permezz tal-ittra tal‑31 ta’ Ottubru 2003 mfassla minn konsulent tat-taxxa ieħor, Amazon.com talbet konferma tat-trattament fiskali rriżervat lil LuxSCS, lis-soċji tagħha stabbiliti fl-Istati Uniti u lid-dividendi li tirċievi LuxOpCo fil-kuntest ta’ din l-istruttura. Fl-ittra ġie spjegat li LuxSCS, bħala soċjetà in akkomandita sempliċi, ma kellhiex personalità fiskali distinta minn dik tas-soċji tagħha u li, konsegwentement, hija la kienet suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji u lanqas għat-taxxa fuq il-patrimonju fil-Lussemburgu.

11      Fis‑6 ta’ Novembru 2003, l-Administration des contributions directes du Grand-Duché de Luxembourg (l-Amministrazzjoni tat-Taxxi Diretti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża” jew l-“awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi”) indirizzaw ittra lil Amazon.com (iktar ’il quddiem id-“DFA inkwistjoni”) li kienet tgħid, parti minnha, kif ġej:

“[…] Sinjur,

Wara li ffamiljarizzajt ruħi mal-ittra tal‑31 ta’ Ottubru 2003 mibgħuta lili minn [il-konsulent fiskali tagħkom] bħall-ittra tagħkom tat‑23 ta’ Ottubru 2003 u li tittratta l-pożizzjoni tagħkom fir-rigward tat-trattament tat-taxxa tal-Lussemburgu fi ħdan il-qafas tal-attivitajiet futuri tagħkom, bi pjaċir ninformakom li nista’ napprova l-kontenut taż-żewġ ittri. […]”.

12      Fuq talba ta’ Amazon.com, l-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburġiża ġeddet il-validità tad-DFA inkwistjoni fl‑2010 u effettivament applikatha sa Ġunju 2014, meta l-istruttura Ewropea tal-grupp Amazon ġiet immodifikata. Għalhekk id-DFA inkwistjoni kienet ġiet applikata mill‑2006 sal‑2014 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkunsidrat”).

B.      Fuq il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni

13      Fl‑24 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jipprovdilha informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem mogħtija lill-grupp Amazon. Fis‑7 ta’ Ottubru 2014, hija ppubblikat id-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE.

14      Fil-kuntest tal-investigazzjoni mibdija hawnhekk, il-Kummissjoni talbet diversi informazzjoni lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u lil Amazon.com. Fost it-tweġibiet għat-talbiet għal informazzjoni, Amazon.com ippreżentat kopja ta’ opinjoni tal-United States Tax Court (il-Qorti Federali tat-Taxxa tal-Istati Uniti) tat‑23 ta’ Marzu 2017 (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tal-Qorti Federali tat-Taxxa tal-Istati Uniti”) li kienet tat fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat mill-Internal Revenue Service (aġenzija tal-ġbir tat-taxxa tal-Gvern Federali, l-Istati Uniti, IRS) dwar l-ammont ta’ pagamenti marbuta mal-ftehimiet imsemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq.

15      Barra minn hekk, Amazon.com ippreżentat rapport ġdid lill-Kummissjoni dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment imfassal minn konsulent tat-taxxa, li l-għan tiegħu kien li jiġi vverifikat a posteriori jekk ir-royalty imħallsa minn LuxOpCo lil LuxSCS, konformement mad-DFA inkwistjoni, kinitx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament (iktar ’il quddiem ir-“rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2017”).

C.      Fuq id-deċiżjoni kkontestata

16      Fl‑4 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2018/859 dwar għajnuna mill-Istat SA.38944 (2014/C ex 2014/NN) implimentata mil-Lussemburgu lil Amazon (ĠU 2018, L 153, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

17      L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi, parti minnu, dan li ġej:

18      “Id-[DFA inkwistjoni] li permezz tagħha l-Lussemburgu approva arranġament ta’ pprezzar ta’ trasferiment […] li ppermetta lil [LuxOpCo] tivvaluta l-obbligazzjoni ta’ taxxa korporattiva tagħha fil-Lussemburgu mill‑2006 sal‑2014 u l-aċċettazzjoni sussegwenti tad-dikjarazzjoni tat-taxxa korporattiva annwali bbażata fuqha tikkostitwixxi għajnuna […]”.

1.      Fuq il-preżentazzjoni tal-kuntest fattwali u ġuridiku

19      Fit-Taqsima 2 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Sfond fattwali u ġuridiku”, il-Kummissjoni tat b’mod partikolari preżentazzjoni tal-grupp Amazon, tad-DFA inkwistjoni, kif ukoll tal-kuntest ġuridiku nazzjonali applikabbli u tal-gwidi dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment.

a)      Fuq il-preżentazzjoni tal-grupp Amazon

20      Fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-grupp Amazon, il-Kummissjoni ddeskriviet l-attivitajiet tal-grupp Amazon ta’ bejgħ bl-imnut u ta’ servizzi, kif ukoll il-kompożizzjoni tal-imsemmi grupp sa fejn dan kien rilevanti għad-deċiżjoni kkontestata.

21      Għall-perijodu kkunsidrat, l-istruttura Ewropea tal-grupp Amazon ġiet skematizzata mill-Kummissjoni kif ġej:

Image not found

22      L-ewwel, fir-rigward ta’ LuxSCS, il-Kummissjoni rrilevat li din il-kumpannija ma kellha l-ebda preżenza fiżika, u l-ebda impjegat fil-Lussemburgu. Skont il-Kummissjoni, tul il-perijodu kkunsidrat, LuxSCS kienet tidher biss bħala kumpannija li għandha assi intanġibbli għall-attivitajiet tal-grupp Amazon fl-Ewropa, fejn LuxOpCo kienet responsabbli bħala operatur prinċipali. Madankollu, hija indikat li LuxSCS kienet ippermettiet ukoll self fi ħdan il-grupp lil diversi entitajiet tal-grupp Amazon. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li LuxSCS kienet parti għal diversi ftehimiet fi ħdan il-grupp konklużi ma’ ATI, A 9 u LuxOpCo (ara l-punti 3 u 5 iktar ’il fuq).

23      It-tieni, fir-rigward ta’ LuxOpCo, il-Kummissjoni enfasizzat b’mod partikolari l-fatt li, matul il-perijodu kkunsidrat, LuxOpCo kienet sussidjarja sħiħa ta’ LuxSCS.

24      Skont il-Kummissjoni, mir-ristrutturazzjoni tal‑2006 tal-attivitajiet Ewropej tal-grupp Amazon, LuxOpCo kienet tissodisfa l-funzjonijiet ta’ sede tal-grupp Amazon fl-Ewropa u kienet l-operatur prinċipali tal-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut online u ta’ servizzi tal-grupp Amazon fl-Ewropa mwettqa permezz tas-siti Internet Ewropej. Il-Kummissjoni indikat li, f’din il-kwalità, LuxOpCo kellha tamministra t-teħid tad-deċiżjonijiet relatati mal-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut u ta’ servizzi mwettqa permezz tas-siti Internet Ewropej kif ukoll il-komponenti fiżiċi prinċipali tal-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut. Barra minn hekk, fil-kwalità tagħha ta’ bejjiegħ uffiċjali tal-ħażniet tal-grupp Amazon fl-Ewropa, LuxOpCo kienet responsabbli wkoll mill-ġestjoni tal-ħażniet fis-siti Internet Ewropej. Hija kienet il-proprjetarja tal-imsemmija ħażniet u kellha tassumi r-riskji u t-telf. Il-Kummissjoni ppreċiżat, barra minn hekk, li LuxOpCo rreġistrat fil-kontijiet tagħha dħul mill-bejgħ iġġenerat kemm mill-bejgħ ta’ prodotti kif ukoll mill-ipproċessar ta’ ordnijiet. Finalment, LuxOpCo eżerċitat ukoll funzjonijiet ta’ ġestjoni tat-teżor tal-attivitajiet Ewropej tal-grupp Amazon.

25      Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li LuxOpCo kellha azzjonijiet f’Amazon Services Europe (iktar ’il quddiem “ASE”) u Amazon Media Europe (iktar ’il quddiem “AMEU”), żewġ entitajiet tal-grupp Amazon residenti fil-Lussemburgu, kif ukoll fis-sussidjarji ta’ Amazon.com ikkostitwiti fir-Renju Unit, fi Franza u fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji affiljati Ewropej”), li pprovdew diversi servizzi fi ħdan il-grupp insostenn tal-attivitajiet ta’ LuxOpCo. Matul il-perijodu kkunsidrat, ASE amministrat is-servizz tal-grupp Amazon għall-bejjiegħa terzi fl-Unjoni, imsejjaħ “Marketplace”. AMEU, min-naħa tagħha, amministrat l-“attivitajiet diġitali” tal-grupp Amazon fl-Unjoni, bħal, pereżempju, il-bejgħ ta’ MP3 u ta’ kotba diġitali. Il-kumpanniji affiljati Ewropej ipprovdew, min-naħa tagħhom, servizzi għall-operat tas-siti Internet Ewropej.

26      Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li, matul il-perijodu kkunsidrat, LuxOpCo kienet tikkostitwixxi ma’ ASE u AMEU, li kienu residenti fil-Lussemburgu, grupp fiskali fir-rigward tad-dritt fiskali Lussemburgiż, li fi ħdanu LuxOpCo kellha r-rwol ta’ kumpannija integrali. B’hekk, dawn it-tliet entitajiet kienu jikkostitwixxu impriża taxxabbli waħda.

27      Finalment, minbarra l-ftehim ta’ liċenzja, konkluż minn LuxOpCo ma’ LuxSCS, il-Kummissjoni ddeskriviet b’mod dettaljat ċerti ftehimiet oħra fi ħdan il-grupp li għalihom LuxOpCo kienet parti matul il-perijodu kkunsidrat, jiġifieri ċerti ftehimiet ta’ provvista ta’ servizzi konklużi fl‑1 ta’ Mejju 2006 mal-kumpanniji affiljati Ewropej u ftehimiet ta’ liċenzja fuq il-proprjetà intellettwali konklużi fit‑30 ta’ April 2006 ma’ ASE u AMEU, li permezz tagħhom ingħataw sottoliċenzji mhux esklużivi fuq l-assi intanġibbli lil dawn iż-żewġ entitajiet.

b)      Fuq il-preżentazzjoni tad-DFA inkwistjoni

28      Wara li eżaminat l-istruttura tal-grupp Amazon, il-Kummissjoni ddeskriviet id‑DFA inkwistjoni.

29      F’dan ir-rigward, l-ewwel, hija semmiet l-ittri tat‑23 u tal‑31 ta’ Ottubru 2003, imsemmija fil-punti 8 sa 10 iktar ’il fuq.

30      It-tieni, il-Kummissjoni spjegat il-kontenut tar-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003, li fuq il-bażi tiegħu ġie propost il-metodu ta’ determinazzjoni tal-ammont tar-royalty.

31      Qabel kollox, il-Kummissjoni indikat li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003 kien jipprovdi analiżi funzjonali ta’ LuxSCS u ta’ LuxOpCo li kienet tindika li l-attivitajiet prinċipali ta’ LuxSCS kienu limitati għal dawk ta’ kumpannija li għandha assi intanġibbli u ta’ parteċipant fl-iżvilupp kostanti tal-assi intanġibbli fil-kuntest tal-ARC. LuxOpCo ġiet deskritta f’dan ir-rapport bħala amministratriċi tat-teħid tad-deċiżjonijiet strateġiċi relatati mal-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut u ta’ servizzi tas-siti Internet Ewropej kif ukoll ta’ komponenti fiżiċi prinċipali tal-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut.

32      Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003 kien jinkludi taqsima dwar l-għażla tal-metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment l-iktar xieraq biex tiġi ddeterminata l-konformità tar-rata tar-royalty mal-prinċipju ta’ distakkament. Ġew eżaminati żewġ metodi fir-rapport: wieħed ibbażat fuq il-metodu tal-prezz komparabbli fis-suq ħieles (iktar ’il quddiem iċ-“CUP”) u l-ieħor fuq il-metodu tat-tqassim tal-profitt residwu.

33      Minn naħa, bl-applikazzjoni tal-metodu CUP, firxa b’distakkament għar-rata tar-royalty ta’ 10.6 sa 13.6 % ġiet ikkalkolata fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003, fuq il-bażi ta’ paragun ma’ ċertu ftehim konkluż minn Amazon.com ma’ bejjiegħ bl-imnut tal-Istati Uniti, jiġifieri l-ftehim [kunfidenzjali].

34      Min-naħa l-oħra, bl-applikazzjoni tal-metodu tat-tqassim tal-profitt residwu, ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003 kien fih stima tal-qligħ assoċjat mal-“funzjonijiet ta’ rutina ta’ LuxOpCo fir-rwol tagħha bħala l-kumpannija tal-operat Ewropew” fuq il-bażi tal-marġni fuq l-ispejjeż imġarrba minn LuxOpCo. Sabiex isir dan, ġie kkunsidrat li l-“marġni pożittiv fuq l-ispejjeż” (net cost plus mark up) kien l-indikatur tal-profitti li jippermetti d-determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ distakkament għall-funzjonijiet previsti minn LuxOpCo. Ġie propost li jiġi applikat marġni ta’ [kunfidenzjali] fuq l-ispejjeż operatorji kkorreġuti ta’ LuxOpCo. Il-Kummissjoni osservat li, skont ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003, id-differenza bejn dan il-qligħ u l-profitt mill-operat ta’ LuxOpCo kienet tikkorrispondi għall-profitt residwu, li kien kompletament attribwibbli lill-użu tal-assi intanġibbli liċenzjati minn LuxSCS. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li, fuq il-bażi ta’ dan il-kalkolu, l-awturi tar-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003 kkonkludew li rata tar-royalty bejn 10.1 u 12.3 % tad-dħul mill-bejgħ nett ta’ LuxOpCo kienet tissodisfa l-kriterju ta’ distakkament, konformement mal-linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD).

35      Finalment, il-Kummissjoni indikat li l-awturi tar-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003 kkunsidraw li r-riżultati kienu konverġenti u semmiet il-fatt li l-firxa b’distakkament għar-rata tar-royalty dovuta minn LuxOpCo lil LuxSCS kienet ta’ bejn 10.1 u 12.3 % tal-bejgħ ta’ LuxOpCo. L-awturi tar-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003 madankollu kkunsidraw li l-analiżi tat-tqassim tal-profitt residwu kienet iktar affidabbli u li għalhekk kellha tiġi adottata.

36      It-tielet, fit-Taqsima 2.2.5 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Konsegwenzi tad-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata [tad-DFA inkwistjoni]”, il-Kummissjoni indikat li, permezz tad-DFA inkwistjoni, l-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża kienet ikkonfermat li l-metodu ta’ determinazzjoni tar-rata tar-royalty, li, min-naħa tiegħu, kien iddetermina d-dħul annwali taxxabbli ta’ LuxOpCo fil-Lussemburgu, kien konformi mal-prinċipju ta’ distakkament. Hija żiedet li, sabiex tissodisfa d-dikjarazzjonijiet tat-taxxa annwali tagħha, LuxOpCo kienet ibbażat fuq id-DFA inkwistjoni.

c)      Fuq il-preżentazzjoni tal-kuntest ġuridiku nazzjonali applikabbli

37      Fir-rigward tal-kuntest ġuridiku nazzjonali applikabbli, il-Kummissjoni ċċitat l-Artikolu 164(3) tal-LIR. Skont din id-dispożizzjoni, “id-distribuzzjonijiet moħbija tal-profitti [kellhom] jiġu inklużi fid-dħul taxxabbli” u li “[kien] ikun hemm distribuzzjoni moħbija tal-profitti b’mod partikolari jekk sieħeb, membru jew persuna kkonċernata [rċevew] direttament jew indirettament vantaġġi minn kumpannija jew assoċjazzjoni li normalment ma jkunux ibbenefikaw minnhom jekk ma kellhomx din il-pożizzjoni”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni spjegat b’mod partikolari li, matul il-perijodu kkunsidrat, l-Artikolu 164(3) tal-LIR kien ġie interpretat mill-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża fis-sens li kien jistabbilixxi l-“prinċipju ta’ distakkament” fid-dritt fiskali Lussemburgiż.

d)      Fuq il-preżentazzjoni tal-kuntest tal-OECD fuq il-prezzijiet ta’ trasferiment

38      Fil-premessi 244 sa 249 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżentat il-qafas tal-OECD fuq il-prezzijiet ta’ trasferiment. Fil-fehma tagħha, il-“prezzijiet ta’ trasferiment” kif mifhuma mill-OECD fil-linji gwida ppubblikati minn din l-organizzazzjoni fl‑1995, fl‑2010 u fl‑2017, huma l-prezzijiet li bihom impriża tittrasferixxi beni materjali, assi intanġibbli, jew tipprovdi servizzi lill-impriżi assoċjati. Skont il-prinċipju ta’ distakkament, kif applikat għall-finijiet tat-tassazzjoni tal-kumpanniji, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali għandhom jaċċettaw il-prezzijiet ta’ trasferiment maqbulin bejn l-impriżi assoċjati fi ħdan grupp għat-tranżazzjonijiet tagħhom fi ħdan il-grupp biss jekk dawn jikkorrispondu għal dak li jkun ġie maqbul fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet fis-suq ħieles, jiġifieri tranżazzjonijiet bejn impriżi indipendenti li jinnegozjaw f’ċirkustanzi komparabbli fis-suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-prinċipju ta’ distakkament kien jibbaża fuq l-approċċ tal-entità distinta, li jgħid li, għall-finijiet ta’ taxxa, il-membri ta’ grupp ta’ impriżi kienu ttrattati bħala entitajiet distinti.

39      Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li, sabiex jistabbilixxu approssimazzjoni tal-prezzijiet ta’ distakkament għat-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp, il-linji gwida tal-OECD (fil-verżjonijiet tagħhom tal‑1995, tal‑2010 u tal‑2017) kienu jelenkaw ħames metodi. Tlieta minnhom biss kienu rilevanti fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-metodu CUP, il-metodu tat-tranżazzjoni tal-marġni pożittiv (iktar ’il quddiem il-“MTMN”) u l-metodu tat-tqassim tal-profitti. Fil-premessi 250 sa 256 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet fiex kienu jikkonsistu dawn il-metodi.

2.      Fuq l-evalwazzjoni magħmula fuq id-DFA inkwistjoni

40      Fil-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li d-DFA inkwistjoni kienet tikkonferma li l-metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-rata tar-royalty annwali li LuxOpCo kellha tħallas lil LuxSCS skont il-ftehim ta’ liċenzja, li, min-naħa tiegħu, kien iddetermina d-dħul annwali taxxabbli ta’ LuxOpCo fil-Lussemburgu, kien konformi mal-prinċipju ta’ distakkament. Fil-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, hija indikat ukoll li LuxOpCo kienet ibbażat fuq id-DFA inkwistjoni matul il-perijodu kkunsidrat, sabiex tiddetermina l-ammont annwali dovut tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji, meta hija kienet imliet id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa annwali tagħha fil-Lussemburgu. Kif jirriżulta b’mod espliċitu mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u minkejja ċerta impreċiżjoni li tinsab fil-premessi 605 u 606 ta’ din id-deċiżjoni, skont il-Kummissjoni, l-għajnuna mill-Istat kienet tikkonsisti f’dan il-każ mid-DFA inkwistjoni moqrija b’rabta mal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa annwali ta’ LuxOpCo (b’kuntrast mad-DFA inkwistjoni bħala tali).

41      It-Taqsima 9 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Valutazzjoni tal-miżura kkontestata”, kienet maħsuba biex turi li d-DFA inkwistjoni kif ukoll l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa annwali ta’ LuxOpCo, meqjusa flimkien, kienu jikkostitwixxu effettivament għajnuna mill-Istat.

42      Biex tagħmel dan, wara li fakkret il-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat previsti fl-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni rrilevat li l-ewwel kundizzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, li tgħid li kellha tkun intervent tal-Istat jew li ssir permezz ta’ riżorsi tal-Istat, kienet issodisfatta fil-każ ineżami. F’dan ir-rigward, hija rrilevat, minn naħa, li d-DFA inkwistjoni kienet attribwibbli lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Min-naħa l-oħra, hija kkunsidrat li d-DFA inkwistjoni wasslet għal tnaqqis fit-taxxa dovuta minn LuxOpCo lil-Lussemburgu meta mqabbla ma’ dak li kellhom iħallsu kumpanniji taxxabbli li kienu jinsabu f’sitwazzjoni simili. Għalhekk, id-DFA inkwistjoni wasslet għal telf ta’ riżorsi mill-Istat, peress li wasslet lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jirrinunzja għal dħul mit-taxxa li kieku kien ikun intitolat li jirċievi mingħand LuxOpCo.

43      Fir-rigward tat-tieni u r-raba’ kundizzjoni ta’ eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni qieset, minn naħa, li d-DFA inkwistjoni kellha tiġi kkunsidrata bħala li taffettwa l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, peress li LuxOpCo kienet tagħmel parti mill-grupp Amazon li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu f’diversi Stati Membri u li hija kienet twettaq attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut permezz ta’ siti Internet tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żiedet li, bl-għoti ta’ “trattament tat-taxxa favorevoli lil Amazon”, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu potenzjalment ħa l-investimenti minn Stati Membri li ma kinux joffru trattament tat-taxxa favorevoli simili lil kumpanniji li jappartjenu lil grupp multinazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni indikat li, sa fejn id-DFA inkwistjoni kienet eżentat lil LuxOpCo mit-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji li normalment kienet tkun marbuta tħallas, din id-deċiżjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna għat-tħaddim. B’hekk, id-DFA inkwistjoni, billi lliberat riżorsi finanzjarji għal LuxOpCo li din tal-aħħar setgħet tuża biex tinvesti fl-attivitajiet kummerċjali tagħha, fixklet il-kompetizzjoni fis-suq.

44      Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni ta’ eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni spjegat li, meta DFA tapprova riżultat li ma jirriflettix b’mod affidabbli r-riżultat li kien jinkiseb bl-applikazzjoni normali tas-sistema tat-taxxa ordinarja, mingħajr ġustifikazzjoni, tali deċiżjoni tagħti vantaġġ selettiv lid-destinatarju tagħha, sa fejn dan it-trattament selettiv jirriżulta fi tnaqqis tat-taxxa dovuta mill-persuna taxxabbli meta mqabbla mal-impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali simili. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li, fil-każ ineżami, id-DFA inkwistjoni kienet tat vantaġġ selettiv lil LuxOpCo billi naqqset it-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji li hija kellha tħallas fil-Lussemburgu.

a)      Fuq l-analiżi tal-eżistenza ta’ vantaġġ

45      Fit-Taqsima 9.2 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Vantaġġ”, il-Kummissjoni spjegat il-motivi għalfejn hija kienet ikkunsidrat li d-DFA inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ lil LuxOpCo.

46      B’mod preliminari, il-Kummissjoni fakkret li, fir-rigward tal-miżuri fiskali, vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, seta’ jingħata lil persuna taxxabbli minħabba tnaqqis tal-bażi taxxabbli tagħha jew tal-ammont tat-taxxa dovuta minnha. Hija fakkret, fil-premessa 402 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi deċiż jekk metodu ta’ valutazzjoni tad-dħul taxxabbli kienx jikkonferixxi vantaġġ fuq il-benefiċjarju tiegħu, huwa neċessarju li jsir paragun ta’ dak il-metodu mas-sistema tat-taxxa ordinarja bbażata fuq id-differenza bejn il-profitti u l-ħruġ ta’ impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ħielsa. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, “[deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem] li [kienet] tippermetti lill-kontribwent tat-taxxa li jimplimenta prezzijiet ta’ trasferiment fit-tranżazzjonijiet tiegħu fi ħdan il-grupp li ma [kinux] simili għall-prezzijiet li [kellhom] jitħallsu f’kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ħielsa bejn impriżi indipendenti li jkunu qed jinnegozjaw taħt ċirkostanzi kumparabbli b’distakkament, [kienet] tikkonferixxi fuq dak il-kontribwenti tat-taxxa vantaġġ, sakemm [kienet] tirriżulta fi tnaqqis tad-dħul taxxabbli tal-kumpanija u għaldaqstant il-bażi taxxabbli tagħha taħt is-sistema tat-taxxa korporattiva ordinarja”.

47      Fid-dawl ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 406 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sabiex jiġi stabbilit li d-DFA inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ ekonomiku lil LuxOpCo, hija kellha turi li l-metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment approvat fid-DFA inkwistjoni kien jipproduċi riżultat li kien jitbiegħed minn approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq, u dan kellu l-effett li jnaqqas il-bażi taxxabbli ta’ LuxOpCo għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji. Skont il-Kummissjoni, id-DFA inkwistjoni pproduċiet tali riżultat.

48      Din il-konklużjoni tibbaża fuq konstatazzjoni prinċipali u tliet konstatazzjonijiet sussidjarji.

1)      Fuq il-konstatazzjoni prinċipali tal-vantaġġ

49      Fit-Taqsima 9.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “L-ewwel sejba [konstatazzjoni tal-eżistenza] ta’ vantaġġ ekonomiku”, il-Kummissjoni qieset li, bl-approvazzjoni ta’ metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment li kien jattribwixxi remunerazzjoni lil LuxOpCo esklużivament għall-funzjonijiet imsejħa “ta’ rutina” u li kien jattribwixxi l-profitt kollu ġġenerat minn LuxOpCo lil hinn minn din ir-remunerazzjoni lil LuxSCS fil-forma ta’ royalty, id-DFA pproduċiet riżultat li kien jitbiegħed minn approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fis-suq.

50      Essenzjalment, permezz tal-konstatazzjoni prinċipali tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-analiżi funzjonali ta’ LuxOpCo u ta’ LuxSCS adottata mill-awturi tar-rapport tal-prezz ta’ trasferiment tal‑2003 u, fl-aħħar mill-aħħar, mill-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża kienet żbaljata u ma kinitx tippermetti li jinkiseb riżultat ta’ distakkament. Għall-kuntrarju, l-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża kellha tikkonkludi li LuxSCS ma kinitx teżerċita funzjonijiet “uniċi u ta’ valur” meta mqabbla mal-assi intanġibbli li għalihom hija kellha biss it-titolu ta’ proprjetà legali.

51      Għall-finijiet tad-dimostrazzjoni tagħha, il-Kummissjoni eżaminat il-funzjonijiet eżerċitati, l-assi użati u r-riskji assunti minn LuxSCS u minn LuxOpCo.

52      Sussegwentement, kif jirriżulta mill-premessa 519 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-bażi tal-analiżi funzjonali tagħha ta’ LuxOpCo u ta’ LuxSCS, il-Kummissjoni eżaminat l-għażla tal-iktar metodu tal-prezz ta’ trasferiment xieraq f’dan il-każ.

53      Fir-rigward tal-metodu CUP, il-Kummissjoni qieset, skont analiżi bbażata fuq ħames kriterji ta’ komparabbiltà, li kienu ġew stabbiliti fil-linji gwida tal-OECD, li l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu, kif stabbilit fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003, kien wassal għal riżultat esaġerat li kien espona lil LuxOpCo għar-riskju li ġġarrab telf.

54      Skont il-Kummissjoni, f’dan il-każ, huwa l-MTMN li kien ikun l-iktar metodu tal-prezz ta’ trasferiment xieraq sabiex tiġi evalwata r-royalty dovuta minn LuxOpCo skont il-ftehim ta’ liċenzja. Hija kkunsidrat li l-parti li kienet teżerċita funzjonijiet uniċi u ta’ valur kienet LuxOpCo u mhux LuxSCS. Konsegwentement, il-parti li kellha tiġi ttestjata għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN kellha tkun LuxSCS u mhux LuxOpCo.

55      Fl-aħħar nett, fit-Taqsima 9.2.1.4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pproċediet għall-applikazzjoni proprja tagħha tal-MTMN f’dan il-każ.

56      Fil-fehma tagħna, hija LuxSCS li kellha tkun l-entità ttestjata. L-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża kellha tiċħad l-affermazzjoni ta’ Amazon.com li tgħid li s-sempliċi proprjetà legali tal-assi intanġibbli kienet tikkostitwixxi “kontribuzzjoni unika” li għaliha LuxSCS kellha tirċievi remunerazzjoni komposta minn prattikament il-profitti kollha dderivati mill-attivitajiet kummerċjali ta’ LuxOpCo. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rreferiet b’mod partikolari għall-analiżi funzjonali tagħha ta’ LuxSCS u ta’ LuxOpCo (Taqsima 9.2.1. tad-deċiżjoni kkontestata).

57      Fir-rigward tal-għażla tal-indikatur tal-livell ta’ profitt, il-Kummissjoni qieset li, peress li LuxSCS ma kienet tirreġistra l-ebda bejgħ u ma kienet tassumi l-ebda riskju marbut mal-assi intanġibbli, l-indikatur tal-livell ta’ profitti rilevanti kellu jkun marġni fuq l-ispejjeż totali kkunsidrati (premessa 550 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      Fir-rigward tal-bażi ta’ spejjeż li għaliha kellu jiġi applikat marġni f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat essenzjalment li LuxSCS eżerċitat biss funzjoni ta’ intermedjarju, billi għaddiet lil LuxOpCo l-ispejjeż imġarrba b’rabta mal-ftehim ta’ xiri bil-forza u l-ARC u billi ttrasferixxiet parti mir-royalties (ir-royalty ta’ liċenzja) li tirċievi minn LuxOpCo skont il-ftehim ta’ liċenzja lil A 9 u lil ATI fl-ammont ta’ dawk l-ispejjeż (premessa 551 tad-deċiżjoni kkontestata).

59      B’kunsiderazzjoni ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, fil-premessa 555 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-remunerazzjoni ta’ LuxSCS kellu jkollha żewġ komponenti. L-ewwel komponent, skont il-Kummissjoni, kellu jikkorrispondi għall-fatturazzjoni mill-ġdid, lil LuxOpCo, tal-ispejjeż marbuta mal-ftehim ta’ xiri bil-forza u mal-ARC, li għalihom ma kellu jiġi applikat l-ebda marġni. It-tieni komponent kellu jikkonsisti, skont il-Kummissjoni, f’marġni fuq bażi ta’ spejjeż komposta biss minn spejjeż imġarrba għas-servizzi esterni miftiehma sabiex iżżomm il-proprjetà legali tagħha fuq l-assi intanġibbli, sa fejn dawn l-ispejjeż effettivament jirrappreżentaw funzjonijiet reali eżerċitati f’isem LuxSCS. Dan il-livell ta’ remunerazzjoni kien jiggarantixxi, skont il-Kummissjoni, riżultat f’kundizzjonijiet ta’ distakkament, peress li kien jirrifletti korrettament il-kontribuzzjonijiet ta’ LuxSCS għall-ftehim ta’ liċenzja.

60      Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-marġni xieraq, il-Kummissjoni rrilevat li, għalkemm tali eżerċizzju normalment kien jeżiġi analiżi ta’ komparabbiltà, ma kienx possibbli, f’dan il-każ, li ssir analiżi affidabbli.

61      Minflok analiżi ta’ komparabbiltà, il-Kummissjoni qieset li hija setgħet tibbaża fuq il-konklużjonijiet tar-rapport tal‑2010 tal-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-JTPF”). Il-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment huwa grupp ta’ esperti fformat mill-Kummissjoni f’Ottubru 2002 u maħsub biex jassisti dwar kwistjonijiet marbuta mal-prezzijiet ta’ trasferiment. Skont l-imsemmi rapport, kien ġie osservat marġni ta’ bejn 3 u 10 % għas-“servizzi fi ħdan il-grupp b’valur miżjud baxx” [traduzzjoni mhux uffiċjali] mill-amministrazzjonijiet tat-taxxi tal-Istati Membri li pparteċipaw fil-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment. Il-marġni osservat l-iktar ta’ spiss fil-prattika kien ta’ 5 % fuq l-ispejjeż tal-“provvista ta’ tali servizzi”. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li kien utli li tapplika tali marġni għall-ispejjeż esterni mġarrba minn LuxSCS għaż-żamma tal-proprjetà legali tagħha fuq l-assi intanġibbli.

62      Bħala konklużjoni tal-ewwel konstatazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni indikat li r-“remunerazzjoni ta’ distakkament” għal LuxSCS skont il-ftehim ta’ liċenzja kellu jkun daqs is-somma tal-ispejjeż tax-xiri bil-forza u tal-ispejjeż taħt l-ARC, imġarrba minn din il-kumpannija, mingħajr marġni, flimkien mal-ispejjeż rilevanti kollha mġarrba direttament minn LuxSCS, li għalihom kellu jiġi applikat marġni ta’ 5 %, sa fejn dawn l-ispejjeż kienu jikkorrispondu għall-funzjonijiet realment eżerċitati f’isem LuxSCS. Dan il-livell ta’ remunerazzjoni kien jikkorrispondi għal dak li parti indipendenti, f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ LuxOpCo, kellha tkun lesta li tħallas għad-drittijiet u l-obbligi assunti taħt il-ftehim ta’ liċenzja. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, dan il-livell ta’ remunerazzjoni kien biżżejjed sabiex jippermetti lil LuxSCS tkopri l-obbligi ta’ ħlas tagħha taħt il-ftehim ta’ xiri fil-forza u tal-ARC (premessi 559 u 560 tad-deċiżjoni kkontestata).

63      Issa, skont il-Kummissjoni, sa fejn il-livell ta’ remunerazzjoni ta’ LuxSCS ikkalkolat mill-Kummissjoni kien iktar baxx mil-livell ta’ remunerazzjoni ta’ LuxSCS li rriżulta mill-metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment approvat mid-DFA inkwistjoni, l-imsemmija deċiżjoni kienet tagħti vantaġġ lil LuxOpCo fil-forma ta’ tnaqqis tal-bażi taxxabbli tagħha għall-finijiet tat-taxxa Lussemburgiża fuq id-dħul tal-kumpanniji, meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji li l-profitt taxxabbli tagħhom kien jikkorrispondi għall-prezzijiet innegozjati skont il-prinċipju ta’ distakkament (premessa 561 tad-deċiżjoni kkontestata).

2)      Fuq il-konstatazzjonijiet sussidjarji tal-vantaġġ

64      Fit-Taqsima 9.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Sejba [Konstatazzjoni] sussidjarja [tal-eżistenza] ta’ vantaġġ ekonomiku”, il-Kummissjoni spjegat il-konstatazzjoni sussidjarja tagħha tal-vantaġġ, li tgħid li, anki kieku kellu jitqies li l-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża kellha raġun taċċetta l-analiżi tal-funzjonijiet ta’ LuxSCS imwettqa fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003, il-metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment approvat mid-DFA inkwistjoni, fi kwalunkwe każ, kien ibbażat fuq għażliet metodoloġiċi mhux xierqa li pproduċew riżultat li jitbiegħed minn approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq. Hija ppreċiżat li r-raġunament tagħha segwit fit-Taqsima 9.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx intiż għad-determinazzjoni ta’ remunerazzjoni ta’ distakkament preċiża għal LuxOpCo, iżda kien iktar intiż sabiex juri li d-DFA inkwistjoni kienet tat vantaġġ ekonomiku, peress li l-metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment approvat kien jibbaża ruħu fuq tliet għażliet metodoloġiċi żbaljati li wasslu għal tnaqqis tad-dħul taxxabbli ta’ LuxOpCo meta mqabbla ma’ impriżi li l-profitt taxxabbli tagħhom kien jirrifletti prezzijiet innegozjati fis-suq f’kundizzjonijiet ta’ distakkament.

65      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għamlet tliet konstatazzjonijiet sussidjarji distinti.

66      Fil-kuntest tal-ewwel konstatazzjoni sussidjarja tagħha, il-Kummissjoni sostniet li LuxOpCo kienet ġiet ikkunsidrata b’mod żbaljat bħala li teżerċita esklużivament funzjonijiet ta’ ġestjoni “ta’ rutina” u li kellu jiġi applikat il-metodu tat-tqassim tal-profitti, bl-analiżi tal-kontribuzzjonijiet.

67      Fil-kuntest tat-tieni konstatazzjoni sussidjarja tagħha, il-Kummissjoni qieset li l-għażla tal-ispejjeż tal-operat, bħala indikatur tal-profitti, kienet żbaljata.

68      Fil-kuntest tat-tielet konstatazzjoni sussidjarja dwar il-vantaġġ, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-inklużjoni ta’ limitu massimu ta’ 0.55 % tad-dħul mill-bejgħ imwettaq fl-Unjoni ma kienx xieraq.

b)      Fuq in-natura selettiva tal-miżura

69      Fit-Taqsima 9.3 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Selettività”, il-Kummissjoni spjegat il-motivi għalfejn hija kienet ikkunsidrat li l-miżura inkwistjoni kienet selettiva.

c)      Fuq l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna

70      Fit-Taqsima 9.5 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Benefiċjarju tal-għajnuna”, il-Kummissjoni kkonstatat li kull trattament tat-taxxa favorevoli mogħti lil LuxOpCo kien ibbenefika minnu wkoll il-grupp Amazon kollu kemm hu, billi dan ġie pprovdut b’riżorsi supplimentari, b’tali mod li l-grupp kellu jiġi kkunsidrat bħala li kien entità unika benefiċjarja tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

71      Fit-Taqsima 10 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Rkupru”, il-Kummissjoni sostniet li, peress li l-miżura ta’ għajnuna ngħatat kull sena li fiha d-dikjarazzjoni annwali tat-taxxa ta’ LuxOpCo kienet ġiet aċċettata mill-awtoritajiet tat-taxxa, il-grupp Amazon ma setax jinvoka regoli ta’ preskrizzjoni sabiex joġġezzjona għall-irkupru tal-għajnuna. Fil-premessi 639 sa 645 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat il-metodu ta’ rkupru.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

A.      Fuq il-proċedura fil-Kawża T816/17

72      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Diċembru 2017, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ppreżenta r-rikors fil-Kawża T‑816/17.

1.      Fuq il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti u fuq it-trattament prijoritarju

73      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2018, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jagħti lill-Kawża T‑816/17 it-trattament prijoritarju skont l-Artikolu 67(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

74      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fil‑11 ta’ Mejju 2018, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu talab li l-Kawża T‑816/17 tiġi deċiża mis-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali b’kulleġġ ġudikanti estiż.

75      Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 28(5) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kawża T‑816/17 intbagħtet quddiem is-Seba’ Awla Estiża.

76      Minħabba l-impediment ta’ Membru tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ġunju 2018, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina lill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali sabiex jikkompleta l-kulleġġ ġudikanti. Wara l-ħatra ta’ membru tal-kulleġġ ġudikanti, fis‑6 ta’ Ottubru 2020, bħala mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja, l-imħallef l-inqas anzjan fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regoli tal-Proċedura astjena milli jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet u din is-sentenza ġiet iddeliberata mit-tliet imħallfin li għandha l-firem tagħhom, konformement mal-Artikolu 22 tal-imsemmija regoli.

2.      Fuq l-intervent

77      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ April 2018, l-Irlanda talbet li tintervjeni fil-Kawża T‑816/17 insostenn tat-talbiet tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

78      Permezz ta’ digriet tad‑29 ta’ Mejju 2018, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent tal-Irlanda.

3.      Fuq it-talbiet għal trattament kunfidenzjali

79      Permezz ta’ att ippreżentat fl‑14 ta’ Mejju 2018 fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu talab it-trattament kunfidenzjali, fil-konfront tal-Irlanda, ta’ ċerta data msemmija fir-rikors, f’ċerti annessi ta’ dan tal-aħħar kif ukoll fir-risposta.

80      Permezz ta’ att ippreżentat fis‑6 ta’ Ġunju 2018 fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu talab it-trattament kunfidenzjali, fil-konfront tal-Irlanda, ta’ parti mir-replika.

81      Permezz ta’ att ippreżentat fit‑13 ta’ Settembru 2018 fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu talab it-trattament kunfidenzjali, fil-konfront tal-Irlanda, ta’ parti mill-kontroreplika.

82      Wara l-ammissjoni tagħha bħala intervenjenti, l-Irlanda rċeviet biss verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-atti proċedurali intiżi mit-talbiet għal trattament kunfidenzjali tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu fformulati fil-konfront tagħha u ma qajmet l-ebda oġġezzjoni kontra l-imsemmija talbiet.

4.      Fuq it-talbiet tal-partijiet

83      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tordna l-irkupru tal-għajnuna;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

84      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-ispejjeż.

85      L-Irlanda titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla kompletament jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, konformement mat-talbiet tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

B.      Fuq il-proċedura fil-Kawża T318/18

86      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Mejju 2018, Amazon EU S.à.r.l. u Amazon.com (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, “Amazon”) ippreżentaw rikors fil-Kawża T‑318/18.

1.      Fuq il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti u fuq it-trattament prijoritarju

87      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2018, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jagħti lill-Kawża T‑318/18 it-trattament prijoritarju skont l-Artikolu 67(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

88      Fuq proposta tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil‑11 ta’ Lulju 2018, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-Kawża T‑318/18 quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

89      Minħabba l-impediment ta’ Membru tas-Seba’ Awla Estiża, permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2018, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina lill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali sabiex jikkompleta l-kulleġġ ġudikanti. Wara l-ħatra ta’ membru tal-kulleġġ ġudikanti, fis‑6 ta’ Ottubru 2020, bħala mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja, l-imħallef l-inqas anzjan fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regoli tal-Proċedura astjena milli jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet u din is-sentenza ġiet iddeliberata mit-tliet imħallfin li għandha l-firem tagħhom, konformement mal-Artikolu 22 tal-imsemmija regoli.

2.      Fuq it-talbiet għal trattament kunfidenzjali

90      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fit‑12 ta’ Lulju 2018, Amazon talbet it‑trattament kunfidenzjali, fil-konfront tal-pubbliku, ta’ parti mir-rikors kif ukoll ta’ ċerti dokumenti annessi miegħu.

3.      Fuq it-talbiet tal-partijiet

91      Amazon titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 2 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

92      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Amazon għall-ispejjeż fil-Kawża T‑318/18.

C.      Fuq it-tagħqid tal-kawżi u fuq il-fażi orali tal-proċedura

93      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Awwissu 2018 u fil‑25 ta’ April 2019, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu talab li l-Kawżi T‑816/17 u T‑318/18 jingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

94      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru fl‑10 ta’ Awwissu 2018 u fil‑21 ta’ Mejju 2019, Amazon talbet li l-Kawżi T‑816/17 u T‑318/18 jingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

95      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Settembru 2018, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li ma jgħaqqadx, f’dan l-istadju tal-proċedura, il-Kawżi T‑816/17 u T‑318/18.

96      Permezz ta’ digriet tat‑3 ta’ Ottubru 2019, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jgħaqqad il-Kawżi T‑816/17 u T‑318/18 għall-finijiet tal-proċedura orali.

97      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-partijiet iwieġbu mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet wieġbu għal din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-terminu stabbilit.

98      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑5 u tas‑6 ta’ Marzu 2020. Barra minn hekk, il-partijiet instemgħu fis-seduta dwar tagħqid eventwali tal-Kawżi T‑816/17 u T‑318/18 għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, u l-Qorti Ġenerali ħadet nota ta’ dan fil-minuti tas-seduta. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon kif ukoll l-Irlanda indikaw li ma kellhomx oġġezzjonijiet għal tali tagħqid. Il-Kummissjoni ppreċiżat li hija ma kinitx favorevoli għal tagħqid eventwali tal-kawżi għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

III. Id-dritt

99      Ir-rikorsi ppreżentati fil-Kawżi T‑816/17 u T‑318/18 huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikklassifika d-DFA inkwistjoni kif ukoll l-implimentazzjoni annwali tagħha bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u sa fejn din tordna l-irkupru tas-somom li ma nġabrux mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu mingħand LuxOpCo abbażi tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji.

A.      Fuq it-tagħqid tal-Kawżi T816/17 u T318/18 fir-rigward tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza

100    Skont l-Artikolu 19(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali għadda d-deċiżjoni dwar it-tagħqid tal-Kawżi T‑816/17 u T‑318/18 għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, li kienet taqa’ fil-kompetenza tiegħu, lis-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali.

101    Wara li l-partijiet instemgħu fis-seduta dwar tagħqid eventwali, hemm lok li jingħaqdu, għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, il-Kawżi T‑816/17 u T‑318/18, minħabba konnessjoni.

B.      Fuq il-motivi u l-argumenti invokati

102    Insostenn tar-rikorsi tagħhom, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon iqajmu rispettivament ħames u disa’ motivi, li jikkoinċidu għall-parti l-kbira. Fin-nota ta’ intervent tagħha, l-Irlanda tinvoka erbgħa mill-ħames motivi ppreżentati mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Essenzjalment, il-motivi tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ Amazon jistgħu jiġu ppreżentati kif ġej.

103    Fl-ewwel lok, fil-kuntest tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑816/17 kif ukoll ta’ mill-ewwel sar-raba’ motiv fil-Kawża T‑318/18, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw, essenzjalment, il-konstatazzjoni prinċipali tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ favur LuxOpCo, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

104    Fit-tieni lok, fil-kuntest tat-tielet ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑816/17 u tal-ħames motiv fil-Kawża T‑318/18, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw il-konstatazzjonijiet sussidjarji tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali favur LuxOpCo fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

105    Fit-tielet lok, fil-kuntest tat-tieni motiv fil-Kawża T‑816/17 u tas-sitt u s-seba’ motiv fil-Kawża T‑318/18, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw il-konstatazzjonijiet prinċipali u sussidjarji tal-Kummissjoni dwar in-natura selettiva tad-DFA inkwistjoni.

106    Fir-raba’ lok, fil-kuntest tat-tielet motiv fil-Kawża T‑816/17, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li l-Kummissjoni kisret il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.

107    Fil-ħames lok, fil-kuntest tar-raba’ motiv fil-Kawża T‑816/17 u fil-kuntest tat-tmien motiv fil-Kawża T‑318/18, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon isostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tagħhom tad-difiża.

108    Fis-sitt lok, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv kif ukoll tal-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑816/17 u tat-tmien motiv fil-Kawża T‑318/18, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw il-fatt li l-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2017, kif użati mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huma rilevanti f’dan il-każ.

109    Fis-seba’ lok, fil-kuntest tal-ħames motiv, invokat insostenn tat-talbiet ippreżentati sussidjarjament fil-Kawża T‑816/17 u tad-disa’ motiv fil-Kawża T‑318/18, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon iqajmu dubju dwar il-fondatezza tar-raġunament tal-Kummissjoni intiż għall-irkupru tal-għajnuna ordnata minn din l-istituzzjoni.

110    Fin-nota ta’ intervent tagħha, l-Irlanda tinvoka, l-ewwel, il-ksur tal-Artikolu 107 TFUE sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ vantaġġ favur LuxOpCo, it-tieni, il-ksur tal-Artikolu 107 TFUE sa fejn il-Kummissjoni ma tatx prova tan-natura selettiva tal-miżura, it-tielet, il-ksur tal-Artikoli 4 u 5 TUE sa fejn il-Kummissjoni pproċediet għal armonizzazzjoni fiskali moħbija u, ir-raba’, il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tordna l-irkupru tal-għajnuna.

111    Sabiex tingħata risposta utli għall-motivi tal-partijiet prinċipali kif ukoll għall-argumenti mqajma mill-Irlanda fil-kuntest tan-nota ta’ intervent tagħha, hemm lok, qabel kollox, li jiġu esposti ċerti kwistjonijiet ta’ liġi li japplikaw għall-ilmenti u l-motivi kollha invokati mill-partijiet (punti 112 sa 129 iktar ’il quddiem).

1.      Osservazzjonijiet preliminari

112    Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom xorta waħda jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑269/09, EU:C:2012:439, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-interventi tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, minkejja li dawn jirrigwardaw kwistjonijiet li ma humiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni, ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 142).

113    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tikklassifika miżura fiskali bħala għajnuna mill-Istat fil-każ li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa għal tali klassifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 28, u tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 81). Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam fiskali konformement mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑487/08, EU:C:2010:310, punt 37). Konsegwentement, huma għandhom jastjenu milli jieħdu, f’dan il-kuntest, kwalunkwe miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 143).

a)      Fuq id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni talArtikolu 107(1) TFUE fil-kuntest tal-miżuri fiskali nazzjonali

114    Miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi trattament fiskali vantaġġuż li, għalkemm ma jinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, iqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dik ta’ persuni taxxabbli oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 14; ara wkoll, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 145 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

115    Fil-każ ta’ miżuri fiskali, l-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss billi tiġi mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa “normali” (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 56). Għaldaqstant, tali miżura tagħti vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarju tagħha peress li din tnaqqas l-oneri li normalment jaqgħu fuq il-finanzi ta’ impriża u li, bl-istess mod, mingħajr ma tkun sussidju fis-sens strett tal-kelma, hija tal-istess natura u għandha effetti identiċi (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 22, u tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 146).

116    Konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix vantaġġ fiskali, is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni għandha titqabbel mas-sitwazzjoni tiegħu fl-assenza tal-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Cellnex Telecom u Telecom Castilla‑La Mancha vs Il‑Kummissjoni, C‑91/17 P u C‑92/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:284, punt 114) u bl-applikazzjoni tar-regoli normali ta’ tassazzjoni (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 147).

117    Fil-kuntest tad-determinazzjoni tas-sitwazzjoni fiskali ta’ kumpannija integrata li tagħmel parti minn grupp ta’ impriżi, hemm lok li jiġi rrilevat qabel kollox li l-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp imwettqa minnha ma ġewx iddeterminati f’kundizzjonijiet tas-suq. Fil-fatt, dawn il-prezzijiet huma miftiehma bejn kumpanniji li jagħmlu parti mill-istess grupp, b’tali mod li huma ma humiex suġġetti għall-forzi tas-suq (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 148).

118    Issa, meta d-dritt fiskali nazzjonali ma jagħmilx distinzjoni bejn l-impriżi integrati u l-impriżi awtonomi għall-finijiet tal-issuġġettar tagħhom għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji, dan id-dritt ikollu l-intenzjoni li jintaxxa l-profitt li jirriżulta mill-attività ekonomika ta’ tali impriża integrata bħalma kien jirriżulta minn tranżazzjonijiet imwettqa għal prezzijiet tas-suq. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, meta hija teżamina, fil-kuntest tal-kompetenza li jagħtiha l-Artikolu 107(1) TFUE, miżura fiskali mogħtija lil tali impriża integrata, il-Kummissjoni tista’ tqabbel l-oneru fiskali ta’ tali impriża integrata li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-imsemmija miżura fiskali, mal-oneru fiskali li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ tassazzjoni normali tad-dritt nazzjonali ta’ impriża, imqiegħda f’sitwazzjoni fattwali komparabbli, li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’kundizzjonijiet tas-suq (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 149).

119    Inċidentalment, dawn il-konklużjonijiet huma kkonfermati mis-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416), li kienet tikkonċerna d-dritt fiskali Belġjan, li kienet tipprevedi li l-kumpanniji integrati u l-kumpanniji awtonomi għandhom jiġu ttrattati fl-istess kundizzjonijiet. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fil-punt 95 ta’ din is-sentenza n-neċessità li tqabbel skema ta’ għajnuna derogatorja ma’ dik ta’ “liġi ordinarja bbażata fuq id-differenza bejn id-dħul u l-ħruġ ta’ impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ħielsa” (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 150).

120    F’dan il-kuntest, għalkemm, permezz tal-miżura fiskali mogħtija lil kumpannija integrata, l-awtoritajiet nazzjonali aċċettaw ċertu livell tal-prezz ta’ tranżazzjoni fi ħdan il-grupp, l-Artikolu 107(1) TFUE jippermetti lill-Kummissjoni tistħarreġ jekk dan il-livell tal-prezz jikkorrispondix għal dak li kien jintuża f’kundizzjonijiet tas-suq, sabiex tivverifika jekk minn dan jirriżultax tnaqqis tal-oneri imposti normalment fuq il-finanzi tal-impriża inkwistjoni, li jagħtiha għalhekk vantaġġ fis-sens tal-imsemmi artikolu.

121    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, meta l-Kummissjoni tapplika l-prinċipju ta’ distakkament sabiex tistħarreġ jekk il-profitt taxxabbli ta’ impriża integrata bl-applikazzjoni ta’ miżura fiskali jikkorrispondix għal approssimazzjoni affidabbli ta’ profitt taxxabbli magħmul f’kundizzjonijiet tas-suq, hija tista’ tikkonstata l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE biss bil-kundizzjoni li d-differenza bejn iż-żewġ fatturi ta’ tqabbil imorru lil hinn min-nuqqas ta’ preċiżjoni inerenti għall-metodu applikat sabiex tinkiseb tali approssimazzjoni (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 152).

122    Minkejja li l-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta formalment mil-linji gwida tal-OECD, jibqa’ l-fatt li dawn il-linji gwida jibbażaw fuq xogħlijiet imwettqa minn gruppi ta’ esperti, li dawn jirriflettu l-kunsens milħuq fil-livell internazzjonali fir-rigward tal-prezzijiet ta’ trasferiment u li dawn għalhekk għandhom importanza prattika ċerta fl-interpretazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-prezzijiet ta’ trasferiment (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 155).

123    F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm il-Kummissjoni ssib żball metodoloġiku fil-miżura fiskali suġġetta għall-investigazzjoni, ma jistax jiġi konkluż li s-sempliċi nuqqas ta’ osservanza ta’ rekwiżiti metodoloġiċi jwassal neċessarjament għal tnaqqis tal-oneru fiskali. Huwa meħtieġ ukoll li l-Kummissjoni turi li l-iżbalji metodoloġiċi li hija identifikat fid-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem ikkonċernata ma jippermettux il-kisba ta’ approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ distakkament u li dawn wasslu għal tnaqqis tal-profitt taxxabbli meta mqabbel mal-oneru fiskali li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ tassazzjoni normali tad-dritt nazzjonali għal impriża mqiegħda f’sitwazzjoni fattwali komparabbli ma’ dik tal-kumpannija kkonċernata u li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’kundizzjonijiet tas-suq. Għalhekk, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ żball metodoloġiku ma hijiex biżżejjed, bħala prinċipju, waħedha, sabiex turi li deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem kienet tat vantaġġ lil ċerta kumpannija u, għaldaqstant, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 201).

124    Fil-fatt, kif irrileva, essenzjalment, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 107(1) TFUE jiddefinixxi miżura ta’ tnaqqis tal-oneri imposti normalment fuq impriża skont l-effetti tagħha (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat la tista’ tiġi preżunta u lanqas dedotta minn żball ta’ kalkolu mingħajr effett fuq il-profitt.

b)      Fuq l-oneru tal-prova

125    Huwa importanti li jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, bħala prinċipju, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tipproduċi, fid-deċiżjoni kkontestata, il-prova tal-eżistenza ta’ tali għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni, T‑68/03, EU:T:2007:253, punt 34, u tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 95). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha twettaq il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri inkwistjoni b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex ikollha, meta tiġi adottata deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 194; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 90, u tat‑3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 63).

126    Minn dan jirriżulta li, fid-deċiżjoni kkontestata, kien il-kompitu tal-Kummissjoni li turi li l-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kienu ssodisfatti. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa stabbilit li l-Istat Membru għandu marġni ta’ diskrezzjoni fl-approvazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni madankollu ma jistax iwassal biex iċaħħad lill-Kummissjoni mill-kompetenza tagħha sabiex tistħarreġ li l-prezzijiet ta’ trasferiment inkwistjoni ma jwasslux għall-għoti ta’ vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prinċipju ta’ distakkament jippermettilha tivverifika jekk prezz ta’ trasferiment appoġġjat minn Stat Membru jikkorrispondix għal approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq u jekk id-distakk ikkonstatat eventwalment fil-kuntest ta’ dan l-eżami ma jmurx lil hinn mill-impreċiżjonijiet inerenti għall-metodu applikat sabiex tinkiseb l-imsemmija approssimazzjoni (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 196).

c)      Fuq l-intensità tal-istħarriġ li għandu jsir mill-Qorti Ġenerali

127    Fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ li għandu jsir mill-Qorti Ġenerali fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 263 TFUE, l-għan tar-rikors għal annullament huwa l-istħarriġ tal-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni elenkati f’tali artikolu. Għaldaqstant, l-analiżi tal-motivi mqajma fil-kuntest ta’ tali rikors la għandha l-għan u lanqas l-effett li tissostitwixxi investigazzjoni sħiħa tal-kawża fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 197; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 84).

128    Fir-rigward tal-qasam tal-għajnuna mill-Istat, hemm lok li jitfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif iddefinit fit-Trattat FUE, huwa ta’ natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tat-tilwima mressqa quddiemha kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, SNCM u Franza vs Corsica Ferries France, C‑533/12 P u C‑536/12 P, EU:C:2014:2142, punt 15; tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 87, u tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 198).

129    Dwar il-kwistjoni jekk metodu ta’ determinazzjoni ta’ prezz ta’ trasferiment ta’ kumpannija integrata jkunx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament, għandu jitfakkar, bħalma diġà ġie indikat iktar ’il fuq, li, meta hija tuża din l-għodda fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha skont l-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura approssimattiva tagħha. Għalhekk l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu tendenza li jivverifika li l-iżbalji identifikati fid-deċiżjoni kkontestata, li fuq bażi tagħhom il-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjoni ta’ vantaġġ, imorru lil hinn mill-impreċiżjonijiet inerenti għall-applikazzjoni ta’ metodu maħsub sabiex tinkiseb approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 199).

2.      Fuq il-motivi u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-konstatazzjoni prinċipali tal-vantaġġ

130    Kif ġie espost fil-punt 103 iktar ’il fuq, permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑816/17, kif ukoll permezz tal-ewwel sar-raba’ motiv fil-Kawża T‑318/18, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon isostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE meta hija kkonkludiet dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ għal LuxOpCo fil-kuntest tal-konstatazzjoni prinċipali tal-vantaġġ li tinsab fit-Taqsima 9.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 409 sa 561 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod iktar preċiż, permezz ta’ dawn il-motivi u l-argumenti, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon għandhom l-għan li jikkontestaw ir-raġunament tal-Kummissjoni li jinsab fil-premessi 394, 395 u 401 sa 579 tad-deċiżjoni kkontestata u li jgħid li l-implimentazzjoni tad-DFA inkwistjoni, matul il-perijodu kkunsidrat, wasslet għal tnaqqis tar-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo, u b’hekk tal-oneru fiskali tagħha, meta mqabbla ma’ dik li hija kellha tirċievi fl-assenza tal-imsemmija deċiżjoni, kieku hija kienet ġiet ittrattata bħal kull kumpannija taxxabbli oħra li tinsab f’sitwazzjoni komparabbli. Permezz tal-argumenti tagħhom imqajma dwar il-konstatazzjoni prinċipali tal-vantaġġ, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon għandhom l-għan li jqajmu dubju b’mod partikolari dwar il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li LuxSCS kellha tiġi kkunsidrata bħala li kienet il-parti li għandha tiġi ttestjata fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-MTMN. Huma għandhom l-għan ukoll li jikkontestaw il-preċiżjoni tal-applikazzjoni tal-MTMN għal LuxOpCo mwettqa mill-Kummissjoni.

131    Kif ġie rrilevat fil-punt 110 iktar ’il fuq, fin-nota ta’ intervent tagħha, l-Irlanda targumenta insostenn tal-ewwel motiv invokat mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

132    F’dan il-kuntest, l-Irlanda tieħu pożizzjoni dwar id-diversi kwistjonijiet ta’ liġi mqajma mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prinċipju ta’ distakkament”, kif applikat mill-Kummissjoni, f’dan il-każ, kif ukoll f’ċerti kawżi ta’ għajnuna mill-Istat reċenti fil-qasam fiskali. B’mod partikolari, l-Irlanda ssostni li l-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni, jiġifieri s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416), “ma tgħidx li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li japplikaw il-[prinċipju ta’ distakkament]”. Skont dan l-Istat Membru, l-imsemmija ġurisprudenza lanqas ma tagħti bażi għall-obbligu impost fuq il-Lussemburgu biex japplika l-prinċipju ta’ distakkament (fil-verżjoni difiża mill-Kummissjoni) fid-dritt nazzjonali Lussemburgiż. Finalment, l-Irlanda ssostni li, fis-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416), il-Qorti tal-Ġustizzja ma identifikatx prinċipju ta’ distakkament proprju għad-dritt tal-Unjoni indipendentement minn dak li jipprevedi d-dritt nazzjonali.

a)      Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti tal-Irlanda fir-rigward tależistenza ta’ vantaġġ

133    Il-Kummissjoni tinvoka l-inammissibbiltà tal-argumenti mressqa mill-Irlanda insostenn tal-ewwel motiv ippreżentat mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, l-argumenti tal-Irlanda huma intiżi sabiex isostnu li hija adottat interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE billi użat kriterju mhux xieraq, jiġifieri prinċipju ta’ distakkament “sui generis”, filwaqt li, fir-realtà, permezz tal-ewwel motiv tiegħu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu iktar isemmi li l-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ distakkament.

134    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm it-tielet paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 142(3) u 145(2)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma jipprekludux li intervenjent jippreżenta argumenti ġodda jew differenti minn dawk tal-parti li huwa jsostni, taħt piena li l-intervent tiegħu jkun limitat sabiex jirrepeti l-argumenti mressqa fir-rikors, ma jistax jiġi aċċettat li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettulu jbiddel jew jiddeforma l-kuntest tat-tilwima ddefinit mir-rikors billi jinvoka motivi ġodda (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, Le Port de Bruxelles u Région de Bruxelles‑Capitale vs Il‑Kummissjoni, T‑674/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:651, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

135    Fi kliem ieħor, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-intervenjent id-dritt li jressaq b’mod awtonomu mhux biss argumenti, imma wkoll motivi, sakemm dawn ikunu intiżi sabiex isostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali u ma jkunux totalment mingħajr ebda rabta mal-kunsiderazzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata t-tilwima hekk kif ġiet ikkostitwita bejn ir-rikorrent u l-konvenut, b’mod li jbiddlu s-suġġett tagħha (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, Le Port de Bruxelles u Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni, T‑674/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:651, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argumenti tagħha, l-Irlanda ssemmi essenzjalment il-bażi ġuridika invokata mill-Kummissjoni dwar l-obbligu impost fuq il-Gran Dukat tal-Lussemburgu biex japplika l-prinċipju ta’ distakkament. Għalhekk, l-Irlanda tqajjem dubju dwar is-sorsi ta’ dritt ta’ dan il-prinċipju, kif applikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-argumenti tal-Irlanda jittrattaw l-interpretazzjoni tal-kontenut ta’ dan il-prinċipju u mhux l-applikazzjoni tiegħu permezz ta’ metodu ta’ determinazzjoni tal-prezz ta’ trasferiment.

137    Issa, huwa stabbilit li l-prinċipju ta’ distakkament, kif applikabbli f’dan il-każ, jista’ jinsilet mill-Artikolu 164(3) tal-LIR dwar it-taxxa fuq id-dħul, kif emendat. Dan l-element jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 241 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma din il-konklużjoni titqiegħed f’dubju mill-partijiet. L-ewwel motiv tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jittrattax il-kwistjoni dwar liema huwa s-sors ta’ dritt tal-imsemmi prinċipju, u lanqas kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dan il-prinċipju. Fil-fatt, permezz tal-ewwel motiv tiegħu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jinvoka l-eżistenza ta’ allegati żbalji fl-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ ċerti metodi ta’ determinazzjoni tal-prezz ta’ trasferiment fil-kuntest tar-raġunament tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ, billi huwa magħruf li dawn il-metodi jippermettu li jiġi kkonstatat finalment jekk royalty tikkorrispondix għal riżultat ta’ distakkament.

138    Minn dan isegwi li l-argumenti mressqa mill-Irlanda insostenn tal-ewwel motiv tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu huma barranin għall-kunsiderazzjonijiet li fuqhom huwa bbażat l-ewwel motiv. Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

b)      Fuq il-fondatezza tal-motivi u tal-argumenti tal-Gran Dukat talLussemburgu u ta’ Amazon li jsemmu l-konstatazzjoni prinċipali talvantaġġ

139    Flimkien mal-elementi esposti fil-punt 130 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑816/17, kif ukoll tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑318/18, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon iqajmu dubju dwar il-fondatezza tar-rifjut mill-Kummissjoni li tapplika l-metodu CUP fil-kuntest ta’ analiżi ex post fuq il-bażi ta’ ftehimiet komparabbli ppreżentati lill-Kummissjoni minn Amazon.com.

140    Fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni lmenti tat-tieni parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑816/17, kif ukoll tat-tieni motiv fil-Kawża T‑318/18, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon isostnu li l-analiżi funzjonali mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha tal-MTMN hija żbaljata sa fejn din ikkonkludiet li LuxSCS kienet il-parti l-inqas kumplessa u li l-applikazzjoni tal-MTMN mill-Kummissjoni kien jibbaża fuq għażliet metodoloġiċi żbaljati.

141    Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑816/17, kif ukoll tat-tielet motiv fil-Kawża T‑318/18, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon isostnu li l-Kummissjoni wettqet, fl-analiżi prinċipali tagħha, għażla arbitrarja u parzjali fost xhieda li jirriżultaw mill-proċedura Amerikana msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq.

142    Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑816/17 kif ukoll tas-sitt parti tat-tieni motiv u tar-raba’ motiv fil-Kawża T‑318/18, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jaffermaw li r-riżultat miksub mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jitbiegħed minn approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ distakkament.

143    B’hekk, essenzjalment, l-argumenti invokati mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon fil-konfront tal-konstatazzjoni prinċipali tal-vantaġġ huma intiżi sabiex jikkontestaw, minn naħa, il-fatt li l-Kummissjoni tbiegħdet mill-użu tal-metodu CUP u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-MTMN imwettqa mill-Kummissjoni.

144    Fir-rigward tal-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fatt li l-Kummissjoni ċaħdet l-użu tal-metodu CUP, għandu jiġi rrilevat li huwa stabbilit li d-DFA inkwistjoni ma tapplikax dan il-metodu. Fil-fatt, minkejja li dan il-metodu kien ġie eżaminat fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003, ipprovdut lill-awtoritajiet tat-taxxa insostenn tat-talba għal DFA, dan ma ġiex adottat fl-ittra tat‑23 ta’ Ottubru 2003 li permezz tagħha Amazon talbet l-approvazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tar-royalty (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 542 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-analiżi tagħha intiża sabiex turi l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni bbażat biss fuq il-MTMN. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni intiżi sabiex jiċħdu l-applikabbiltà tal-metodu CUP (premessi 521 sa 538 tad-deċiżjoni kkontestata) ma humiex ta’ natura li juru l-eżistenza tal-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. B’kunsiderazzjoni tal-fatt li hija l-Kummissjoni li għandha turi l-eżistenza ta’ vantaġġ (ara l-punti 125 sa 126 iktar ’il fuq) u minħabba l-fatt li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni intiżi sabiex jiċħdu l-applikabbiltà tal-metodu CUP ma humiex intiżi għal tali dimostrazzjoni, ma huwiex utli li jiġu ttrattati l-argumenti u l-motivi tar-rikorrenti dwar il-metodu CUP.

145    Fir-rigward tal-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-MTMN imwettqa minn din l-istituzzjoni (ara l-punti 146 sa 297 iktar ’il quddiem), ser ikun hemm lok, l-ewwel, li jiġi rrilevat liema hija l-verżjoni rilevanti tal-linji gwida tal-OECD fil-qasam tal-prezz ta’ trasferiment (ara l-punti 146 sa 155 iktar ’il quddiem). It-tieni, ser ikollu jiġi vverifikat jekk il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon għandhomx id-dritt isostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji fl-applikazzjoni tal-MTMN fid-deċiżjoni kkontestata, li jkunu invalidaw il-konstatazzjoni prinċipali tagħha dwar il-vantaġġ (ara l-punti 156 sa 297 iktar ’il quddiem).

1)      Fuq ir-rilevanza, fiż-żmien, ta’ ċerti linji gwida tal-OECD użati millKummissjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN

146    Sabiex turi l-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Kummissjoni, fit-Taqsima 9.2 tad-deċiżjoni kkontestata, applikat sensiela ta’ gwidi tal-OECD fil-qasam tal-prezz ta’ trasferiment f’verżjonijiet differenti tagħhom.

147    Fil-kuntest tal-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tieni motiv tiegħu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni essenzjalment li, f’dan il-każ, huma l-kuntest ekonomiku u l-qafas regolamentari kif kienu prevalenti fl‑2003 li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Mingħajr ma jitqies il-fatt li, fil-mument tal-adozzjoni tad-DFA inkwistjoni, fl‑2003, l-istess bħal fil-mument tal-aħħar tiġdid tagħha fl‑2010, il-linji gwida tal-OECD kienu jikkostitwixxu biss gwidi indikattivi għall-awtoritajiet Lussemburgiżi, mingħajr l-ebda forza vinkolanti għal dawn tal-aħħar, l-uniċi linji gwida tal-OECD li kienu disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-DFA kienu l-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu rreferiet għal-linji gwida tal-OECD fil-verżjonijiet tagħhom tal‑2010 u tal‑2017, u dan ikun ekwivalenti għal applikazzjoni ratione temporis mhux xierqa tal-qafas ta’ referenza, li għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-fatti u tal-metodi ta’ kalkolu tal-prezz li kienu jeżistu fid-data tal-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni.

148    Amazon iżżid li l-linji gwida tal-OECD fil-verżjonijiet tagħhom tal‑2010 u tal‑2017 introduċew diversi emendi sinjifikattivi meta mqabbla mal-verżjoni tagħhom tal‑1995, bħall-introduzzjoni tal-metodu ta’ analiżi tal-funzjonijiet “Żvilupp, titjib, manutenzjoni, protezzjoni u sfruttament” (Development, Enhancement, Maintenance, Protection and Exploitation, iktar ’il quddiem il-“funzjonijiet DEMPE”). Amazon tikkontesta, b’mod partikolari, ir-rilevanza tal-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ dan il-metodu, sa fejn dan deher biss wara d-data tal-adozzjoni tad-DFA inkwistjoni, jiġifieri fil-verżjoni tal‑2017 tal-linji gwida tal-OECD.

149    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

150    Hija tindika qabel kollox li d-deċiżjoni kkontestata ma tapplikax il-linji gwida tal-OECD daqslikieku kienu jikkostitwixxu regoli vinkolanti, iżda bħala għodda li tgħinha tapplika l-kriterju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 95 tas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416). Skont il-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li jsostni l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża tibbaża regolarment fuq dawn il-linji gwida sabiex tinterpreta l-prinċipju ta’ distakkament, b’tali mod li l-prinċipji tal-OECD jibqgħu rilevanti f’dan il-każ.

151    Sussegwentement, il-Kummissjoni żżid li l-konstatazzjonijiet kollha fformulati fid-deċiżjoni kkontestata jibbażaw fuq il-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 u li r-riferimenti għal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2010 u tal‑2017 isiru biss meta dawn il-verżjonijiet ulterjuri jiċċaraw il-linji gwida fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 mingħajr ma jemendaw lil dawn tal-aħħar.

152    F’dan il-każ, minn ċertu numru ta’ noti ta’ qiegħ il-paġna tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat, anki jekk parzjalment biss, l-evalwazzjonijiet tagħha relatati mal-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE mhux biss fuq il-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, iżda wkoll fuq l-imsemmija linji gwida fil-verżjonijiet tagħhom tal‑2010 u tal‑2017. Fir-rigward tal-verżjonijiet tal-linji gwida tal-OECD tal‑1995, tal‑2010 u tal‑2017, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn huma differenti f’diversi punti, u dan fuq firxa differenti. Dawn id-differenzi jvarjaw minn sempliċi dettalji li ma għandhom l-ebda effett fuq is-sustanza tal-verżjonijiet preċedenti għal elaborazzjonijiet ġodda, jiġifieri rakkomandazzjonijiet li ma kinux jinsabu, inkluż b’mod impliċitu, fil-verżjonijiet preċedenti. Waħda mill-elaborazzjonijiet il-ġodda tal-linji gwida tal-OECD li tidher biss fil-verżjoni tal‑2017 hija l-metodu ta’ analiżi tal-funzjonijiet DEMPE (ara l-punt 148 iktar ’il fuq). Fil-kuntest tal-konstatazzjoni prinċipali tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, il-Kummissjoni ffokat b’mod partikolari fuq dan il-metodu ta’ analiżi.

153    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 u – b’mod impliċitu – b’mod partikolari mill-premessi 394 u 620 tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżura inkwistjoni, kif identifikata mill-Kummissjoni, hija d-DFA inkwistjoni kif ukoll l-aċċettazzjoni sussegwenti tad-dikjarazzjonijiet annwali għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji ta’ LuxOpCo bbażati fuq l-imsemmija deċiżjoni. Matul il-perijodu kkunsidrat, LuxOpCo wettqet id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tagħha fuq il-bażi tal-metodu ta’ kalkolu approvat fid-DFA inkwistjoni u l-imsemmija deċiżjoni ġiet imġedda fl‑2006 u fl‑2010.

154    B’kunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet tibbaża l-evalwazzjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ fuq il-gwidi – li, inċidentalment, huma biss għodda mhux vinkolanti – li kienu jirriżultaw mil-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995. Min-naħa l-oħra, sa fejn il-Kummissjoni bbażat fuq il-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2010, din l-aħħar verżjoni ma hijiex rilevanti, sakemm din ma tirrigwardax biss kjarifika utli, mingħajr elaborazzjoni oħra, tal-gwidi diġà żviluppati fl‑1995. Mill-bqija, minħabba li dawn ġew ippubblikati wara l-perijodu kkunsidrat u sa fejn ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fihom evolvew b’mod sinjifikattiv meta mqabbla mal-gwidi tal‑1995, il-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2017 ma humiex rilevanti f’dan il-każ.

155    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-metodu ta’ analiżi tal-funzjonijiet DEMPE, din ma tistax tiġi kkunsidrata bħala rilevanti minn perspettiva taż-żmien, f’dan il-każ, minħabba li tikkostitwixxi għodda li ġiet elaborata biss fil-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2017.

2)      Fuq l-allegati żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-MTMN fid-deċiżjoni kkontestata

156    Kif ġie espost fil-punt 9 iktar ’il fuq, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw sensiela sħiħa ta’ evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni marbuta mal-applikazzjoni tal-MTMN fil-kuntest tal-konstatazzjoni prinċipali tal-vantaġġ.

157    Bħala tfakkira, il-MTMN huwa metodu indirett ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment. Kif deskritt fil-punt 3.26 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, dan il-metodu jikkonsisti fid-determinazzjoni, minn bażi xierqa, tal-profitt nett li tagħmel persuna taxxabbli fir-rigward ta’ tranżazzjoni kkontrollata jew fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ikkontrollati li huma strettament marbuta jew kontinwi. Sabiex tiġi ddeterminata din il-bażi xierqa, hemm lok li jintgħażel indikatur tal-livell ta’ profitti, bħalma huma l-ispejjeż, il-bejgħ jew l-assi. L-indikatur tal-profitt nett miksub mill-persuna taxxabbli fir-rigward ta’ tranżazzjoni kkontrollata għandu jiġi ddeterminat b’riferiment għall-indikatur tal-profitt nett li l-istess persuna taxxabbli jew impriża indipendenti twettaq permezz ta’ tranżazzjonijiet komparabbli fis-suq ħieles.

158    Kif jirriżulta mill-punt 3.26 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, il-MTMN jimplika l-identifikazzjoni ta’ parti għat-tranżazzjoni li għaliha ġie ttestjat indikatur tal-livell ta’ profitti, pereżempju marġni fuq l-ispejjeż. Din il-parti hija indikata bħala l-“parti li għandha tiġi ttestjata”. Din hija l-parti li l-marġni msejjaħ ta’ “distakkament” tagħha għandu jiġi ddeterminat. Bħala regola ġenerali, il-parti li għandha tiġi ttestjata hija dik li għaliha jista’ jiġi applikat metodu tal-prezz ta’ trasferiment bl-iktar mod affidabbli u li għaliha tista’ tiġi identifikata l-iktar data komparabbli affidabbli possibbli.

159    L-għażla tal-parti li għandha tiġi ttestjata ssir fuq il-bażi ta’ analiżi funzjonali tal-partijiet għat-tranżazzjoni fi ħdan il-grupp. Skont il-punt 3.43 tal-linji gwida tal-OECD fil-qasam tal-prezz ta’ trasferiment fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, il-parti li għandha tiġi ttestjata ser tkun l-iktar ta’ spiss dik li l-analiżi funzjonali tagħha tkun l-inqas kumplessa. Skont fehim diġà eżistenti fiż-żmien li fih kienu japplikaw il-linji gwida tal‑1995, l-analiżi funzjonali timplika l-iktar ta’ spiss l-eżami tal-funzjonijiet eżerċitati minn entità, l-assi miżmuma u r-riskji assunti.

160    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-MTMN huwa kkunsidrat bħala metodu xieraq biex jittestja r-remunerazzjoni ta’ distakkament tal-parti li ma tagħmel l-ebda kontribuzzjoni unika jew ta’ valur b’rabta mat-tranżazzjoni suġġetta għall-analiżi tal-prezzijiet ta’ trasferiment.

161    F’dan il-każ, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon ma jikkontestawx, bħala tali, l-għażla, mill-Kummissjoni, tal-MTMN. Min-naħa l-oħra, dawn jikkontestaw biss il-fatt li l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu, kif imwettqa mill-Kummissjoni, kienet korretta. L-ewwel, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw l-analiżi funzjonali mwettqa mill-Kummissjoni u l-għażla ta’ LuxSCS bħala l-parti li għandha tiġi ttestjata għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN, it-tieni, il-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ LuxSCS, jiġifieri l-għażla tal-indikatur tal-livell ta’ profitt u tar-rata tal-marġni adottata mill-Kummissjoni bl-applikazzjoni tal-MTMN, u, it-tielet, l-affidabbiltà tar-riżultat miksub.

i)      Fuq l-analiżi funzjonali u l-għażla, mill-Kummissjoni, ta’ LuxSCS bħala lparti li għandha tiġi ttestjata

162    Il-premessi 409 sa 561 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dawk li jirrigwardaw il-konstatazzjoni prinċipali tal-vantaġġ, huma intiżi sabiex juru, essenzjalment, li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi kellhom japplikaw il-MTMN, filwaqt li jqisu lil LuxSCS bħala l-parti li għandha tiġi ttestjata, peress li din hija, fir-rigward tal-analiżi funzjonali mwettqa mill-Kummissjoni, il-parti l-“inqas kumplessa”. Minn dawn il-premessi jirriżulta wkoll li, skont il-Kummissjoni, kieku l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiża kienu applikaw il-MTMN billi qiesu lil LuxSCS bħala l-parti li għandha tiġi ttestjata, ir-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo kienet tkun ogħla mir-remunerazzjoni ddeterminata bl-applikazzjoni tad-DFA inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, konsegwentement, l-applikazzjoni tal-MTMN billi LuxSCS titqies bħala l-parti li għandha tiġi ttestjata kellha twassal għal royalty iktar baxxa għal LuxSCS u b’hekk għal remunerazzjoni ogħla għal LuxOpCo.

163    Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑816/17 u tat-tieni motiv fil-Kawża T‑318/18, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw l-analiżi funzjonali mwettqa mill-Kummissjoni. Huma jsostnu b’mod partikolari li l-funzjonijiet ta’ LuxSCS kif ukoll l-assi mċaqilqa u r-riskji assunti minnha ġew imminimizzati mill-Kummissjoni. Fil-fehma tagħhom, LuxSCS kellha l-assi intanġibbli u kienet teżerċita funzjonijiet uniċi u ta’ valur u ma setgħetx, għaldaqstant, titqies bħala l-entità li għandha tiġi ttestjata għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN imwettqa mill-Kummissjoni.

164    F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi enfasizzat li, permezz tal-argument tagħhom dwar il-konstatazzjoni prinċipali tal-vantaġġ, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon ma jqajmux dubju dwar il-fondatezza tal-għażla, magħmula mill-Kummissjoni, tal-MTMN bħala l-metodu x-xieraq għad-determinazzjoni tan-natura ta’ distakkament tar-royalty. Meta jqajmu dubju dwar l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-analiżi funzjonali ta’ LuxSCS li tinsab fit-Taqsima 9.2.1.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon għandhom l-għan għalhekk, essenzjalment, li jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li LuxSCS kellha tiġi kkunsidrata mill-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi bħala l-parti l-“inqas kumplessa” u għalhekk il-parti li għandha tiġi ttestjata fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-MTMN.

165    Sabiex tingħata tweġiba għal dawn l-argumenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ Amazon li jgħidu li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt tikkonkludi li l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi kellhom japplikaw il-MTMN billi jqisu lil LuxSCS bħala l-parti li għandha tiġi ttestjata, ma huwiex neċessarju li tiġi vverifikata l-fondatezza tal-analiżi funzjonali ta’ LuxOpCo. Min-naħa l-oħra, sa fejn il-Kummissjoni fittxet li tapplika l-MTMN billi tqis lil LuxSCS bħala l-parti li għandha tiġi ttestjata, huwa biżżejjed li tiġi vverifikata l-fondatezza tal-analiżi funzjonali ta’ LuxSCS, kif din l-analiżi tirriżulta mit-Taqsima 9.2.1.1 tad-deċiżjoni kkontestata, u jekk, fir-rigward ta’ din l-analiżi, kienx possibbli li jiġi applikat b’mod affidabbli biżżejjed il-MTMN għal LuxSCS.

166    F’dan ir-rigward hemm lok li jitfakkar b’mod preliminari li, skont il-punt 3.43 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, il-parti li għaliha huwa applikat il-MTMN “għandha tkun l-impriża li fir-rigward tagħha d-data affidabbli dwar it-tranżazzjonijiet komparabbli bl-iktar mod strett tista’ tiġi identifikata”, li dan “ħafna drabi ser jimplika li għandha tintgħażel l-impriża assoċjata li hija l-inqas kumplessa mill-impriżi kkonċernati mit-tranżazzjoni u li ma għandhiex assi intanġibbli uniċi u ta’ valur” u li, “[m]adankollu, l-għażla tista’ tkun limitata mill-insuffiċjenza ta’ data disponibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont dan il-punt, fi kliem ieħor, għalkemm, bħala regola ġenerali, l-entità li fir-rigward tagħha jeżistu l-iktar elementi affidabbli għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-data komparabbli hija ta’ spiss l-entità l-“inqas kumplessa”, l-iskop tal-applikazzjoni tal-MTMN ma huwiex bilfors li din l-applikazzjoni tkun tiddependi mill-identifikazzjoni tal-entità l-“inqas kumplessa”. Min-naħa l-oħra, l-importanti fl-applikazzjoni ta’ dan il-metodu huwa li tiġi identifikata l-parti li fir-rigward tagħha tista’ tinstab l-iktar data affidabbli, minn naħa, u l-kwistjoni dwar jekk il-MTMN jistax jiġi applikat b’mod affidabbli għal din il-parti, min-naħa l-oħra.

167    B’konsegwenza ta’ dak li ġie espost fil-punt 166 iktar ’il fuq, u kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 3.26, 3.28, 3.29, 3.34 u 3.43 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, l-applikazzjoni tal-MTMN timplika neċessarjament li tinstab data affidabbli għall-paragun mal-parti li għandha tiġi ttestjata. B’hekk, l-evalwazzjonijiet kollha dwar l-analiżi funzjonali, l-eżami tal-funzjonijiet, il-kunsiderazzjonijiet dwar l-assi u r-riskji assunti, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet kollha dwar in-natura “unika u ta’ valur” tal-assi użati huma biss kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-għażla tal-parti li għandha tiġi ttestjata sabiex jiġi żgurat li jinkiseb riżultat affidabbli.

168    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti intiżi għall-kontestazzjoni tal-analiżi funzjonali ta’ LuxSCS imwettqa mill-Kummissjoni kif ukoll il-konklużjoni tagħha li tgħid li din l-entità kellha tkun l-entità li għandha tiġi ttestjata.

169    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fit-Taqsima 9.2.1.1.1 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 419 sa 429 ta’ din id-deċiżjoni), il-Kummissjoni ddeskriviet il-funzjonijiet eżerċitati minn LuxSCS fil-kuntest tat-tranżazzjoni kkontrollata.

170    Essenzjalment, kif mogħti f’sunt fil-premessa 418 tad-deċiżjoni kkontestata, l-analiżi tal-Kummissjoni tibbaża fuq it-tliet affermazzjonijiet prinċipali li ġejjin. Qabel kollox, hija kkunsidrat li LuxSCS ma kinitx eżerċitat funzjonijiet “attivi” marbuta mal-iżvilupp, it-titjib, il-ġestjoni u l-isfruttament tal-assi intanġibbli, li hija ma kinitx awtorizzata tagħmel, minħabba l-liċenzja esklużiva mogħtija lil LuxOpCo, u li hija lanqas kellha l-kapaċità li tagħmel dan. Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li, fil-fehma tagħha, LuxSCS ma kinitx użat l-assi marbuta ma’ dawn l-assi intanġibbli, iżda kienet sempliċement żammet b’mod passiv il-proprjetà tal-imsemmija assi u liċenzja fuq dawn tal-aħħar permezz tal-ARC. Finalment, hija rrilevat li LuxSCS la kienet assumiet u lanqas ikkontrollat ir-riskji marbuta ma’ dawn l-attivitajiet, u li hija lanqas kellha l-kapaċità operazzjonali u finanzjarja li tagħmel dan.

171    Fil-premessa 429 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li, matul il-perijodu kkunsidrat, l-uniċi funzjonijiet li setgħu effettivament jitqiesu li twettqu minn LuxSCS kienu funzjonijiet marbuta maż-żamma tas-“sjieda legali” tagħha tal-assi intanġibbli, għalkemm anki dawn il-funzjonijiet kienu twettqu taħt il-kontroll ta’ LuxOpCo. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 418 u 430 tad-deċiżjoni kkontestata, LuxSCS sempliċement żammet “b’mod passiv” l-assi intanġibbli.

172    Sussegwentement, fit-Taqsima 9.2.1.1.2 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Assi użati minn LuxSCS”, u b’mod partikolari fil-premessa 430 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni, essenzjalment, reġgħet fakkret li LuxSCS kienet biss il-proprjetarja passiva tal-assi intanġibbli. Fil-premessa 431 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkontestat il-fatt li LuxSCS kienet użat l-assi intanġibbli billi lliċenzjathom lil LuxOpCo. Fil-premessa 432 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ttenni l-opinjoni tagħha li, fi kwalunkwe każ, LuxSCS ma kellhiex il-kapaċità li tuża effettivament l-assi intanġibbli.

173    Finalment, fit-Taqsima 9.2.1.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 436 sa 446 tad-deċiżjoni kkontestata), intitolata “Riskji meħuda minn LuxSCS”, il-Kummissjoni analizzat ir-riskji mġarrba minn LuxSCS sa fejn dawn ir-riskji kienu rilevanti fil-kuntest tal-ftehim ta’ liċenzja. Fil-premessa 446 tal-imsemmija deċiżjoni, hija kkonkludiet f’dan ir-rigward li LuxSCS ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala li assumiet b’mod effettiv ir-riskji assoċjati mal-iżvilupp, mat-titjib, mal-ġestjoni u mal-isfruttament tal-assi intanġibbli ta’ Amazon u li hija ma kellhiex il-kapaċità finanzjarja li tassumi tali riskji.

174    Barra minn hekk, fit-Taqsima 9.2.1.4.1 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Il-parti ttestjata jenħtieġ li tkun LuxSCS”, il-Kummissjoni sostniet, essenzjalment, li kellha tiġi evitata konfużjoni bejn il-kumplessità tal-assi miżmuma u l-kumplessità tal-funzjonijiet eżerċitati mill-partijiet għat-tranżazzjoni kkonċernata fi ħdan il-grupp (premessa 546 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, hija sostniet li ma kien hemm ebda bażi għas-suppożizzjoni li kumpannija li tappartjeni għal grupp li tilliċenzja assi intanġibbli lil kumpannija oħra tal-grupp twettaq funzjonijiet iktar kumplessi minn dik il-kumpannija sempliċement għax din ikollha l-proprjetà legali fuq assi kumpless (premessa 546 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, fil-fehma tagħha, l-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża kellha tiċħad l-affermazzjoni ta’ Amazon li tgħid li s-sempliċi proprjetà legali tal-assi intanġibbli kienet tikkostitwixxi fiha nnifisha “kontribuzzjoni unika”. Hija pjuttost kellha teżiġi analiżi funzjonali li turi li LuxSCS kienet teżerċita “funzjonijiet uniċi u ta’ valur” (premessa 547 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, skont il-Kummissjoni, għalkemm LuxSCS kienet il-proprjetarja legali tal-assi intanġibbli matul il-perijodu kkunsidrat, l-analiżi funzjonali mwettqa fit-Taqsima 9.2.1.1 tad-deċiżjoni kkontestata turi li din il-kumpannija ma eżerċitat l-ebda funzjoni “attiva” u essenzjali b’rabta mal-iżvilupp, it-titjib, il-manutenzjoni jew l-isfruttament tagħhom (premessa 548 tad-deċiżjoni kkontestata).

175    L-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-funzjonijiet ta’ LuxSCS jirkbu fil-parti l-kbira lil dawk relatati mal-assi użati minn LuxSCS. L-istess jgħodd fir-rigward tal-argumenti mressqa mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon fil-konfront ta’ dawn l-evalwazzjonijiet. Għalhekk dawn l-argumenti għandhom jiġu analizzati flimkien, segwiti minn dawk relatati mar-riskji assunti minn LuxSCS sabiex jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kkunsidratx korrettament li din tal-aħħar kellha titqies bħala l-entità li għandha tiġi ttestjata.

–       Fuq il-funzjonijiet u l-assi ta’ LuxSCS

176    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-funzjonijiet ta’ LuxSCS. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-assi intanġibbli ta’ LuxSCS, huma jaqblu li jiġi kkunsidrat li dawn tal-aħħar kienu “uniċi u ta’ valur”, mingħajr ma jiddefinixxu dawn it-termini.

177    L-ewwel, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 kienu jipprovdu li l-parti li għandha l-assi intanġibbli ġeneralment ma tkunx il-parti ttestjata għall-applikazzjoni tal-MTMN. F’dan ir-rigward, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jinsistu fuq il-fatt li LuxSCS kellha assi intanġibbli uniċi u ta’ valur. It-teknoloġija mqiegħda għad-dispożizzjoni minn LuxSCS kellha rwol ċentrali fl-iżvilupp tal-attivitajiet tal-grupp Amazon fl-Ewropa. Dawn l-assi intanġibbli kienu indispensabbli għall-attivitajiet kollha tal-grupp Amazon fl-Ewropa. Barra minn hekk, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jenfasizza li, permezz tal-għoti ta’ liċenzja fuq l-assi intanġibbli lil LuxOpCo, LuxSCS ippermettiet li LuxOpCo tibbenefika minn attivitajiet ta’ żvilupp imwettqa minn ATI u A 9 fl-Istati Uniti u ppermettitilha li tuża dawn l-assi b’mod ottimali. Konsegwentement, LuxOpCo għandha tħallas lil LuxSCS mhux biss għall-kontribuzzjonijiet tagħha, iżda wkoll indirettament lill-entitajiet Amerikani tal-grupp Amazon għall-kontribuzzjonijiet tagħhom.

178    It-tieni, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tikkonsisti fid-distinzjoni bejn il-funzjonijiet imsejħa “attivi” u l-funzjonijiet imsejħa “passivi” u fil-kunsiderazzjoni ta’ dawn tal-aħħar għall-finijiet tal-analiżi funzjonali biss. Huma jikkritikaw lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, li lanqas ħadet inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tal-funzjonijiet, il-fatt li LuxSCS kienet qiegħdet l-assi intanġibbli għad-dispożizzjoni ta’ LuxOpCo, fil-kuntest tat-tranżazzjoni kkontrollata. Amazon iżżid li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ assi intanġibbli permezz tal-għoti lil LuxOpCo ta’ liċenzja jikkostitwixxi sfruttament ta’ dawn l-assi minn LuxSCS, kif jirrakkomanda l-punt 6.32 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2017.

179    It-tielet, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon isostnu li LuxSCS, għall-kuntrarju ta’ dak li tinvoka l-Kummissjoni, eżerċitat funzjonijiet uniċi u ta’ valur. F’dan il-kuntest, huma jindikaw b’mod partikolari li, permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fl-ARC, LuxSCS kienet tikkontribwixxi għall-iżvilupp kontinwu tal-assi intanġibbli, u dan minkejja li hija ma kellhiex impjegati. Dejjem skont il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon, il-kontribuzzjonijiet tal-entitajiet Amerikani ATI u A 9, jiġifieri l-iżvilupp u t-titjib kontinwu tal-proprjetà intellettwali, għandhom jiġu attribwiti lil LuxSCS jew ikkunsidrati bħala li jagħmlu parti mill-kontribuzzjonijiet ta’ LuxSCS. Fil-fehma tagħhom, b’hekk LuxSCS eżerċitat funzjonijiet “uniċi u ta’ valur” li jiġġustifikaw il-fatt li hija tiġi kkunsidrata bħala l-parti l-iktar kumplessa għat-tranżazzjoni. Amazon issostni, barra minn hekk, li l-fatt jekk LuxSCS kellhiex il-kapaċità jew le li tisfrutta impriża tal-kummerċ elettroniku kompletament waħedha u mingħajr ma tagħti liċenzja fuq l-assi intanġibbli lil entità oħra ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura unika tal-funzjonijiet tagħha.

180    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

181    Il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li LuxSCS sempliċement iżżomm “b’mod passiv” l-assi intanġibbli u li hija effettivament ma użathomx. Is-sempliċi proprjetà ta’ assi intanġibbli uniku u ta’ valur ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li din l-entità hija kumplessa. F’dan il-każ, din lanqas ma hija biżżejjed sabiex tiġġustifika l-attribuzzjoni lil LuxSCS ta’ kważi l-profitti kollha ġġenerati minn LuxOpCo, minkejja li l-ebda attività ta’ LuxOpCo ma setgħet tiġi eżerċitata mingħajr aċċess għall-assi intanġibbli. Wara l-konklużjoni tal-ftehim ta’ liċenzja, LuxSCS ma kinitx awtorizzata iktar tuża l-assi, u lanqas kellha l-kapaċità li tagħmel dan. Hija biss LuxOpCo li użat l-assi intanġibbli fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali tagħha. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tfakkar ukoll li LuxSCS ma kellhiex impjegati u ma kellhiex il-kapaċità teżerċita l-funzjonijiet marbuta mal-iżvilupp, it-titjib u l-isfruttament tal-assi intanġibbli.

182    Iktar minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jirreferu b’mod żbaljat għall-kontribuzzjonijiet tal-entitajiet tal-grupp Amazon li jinsabu fl-Istati Uniti (ara l-punt 179 iktar ’il fuq), sa fejn dawn tal-aħħar ma humiex ikkonċernati mill-ftehim ta’ liċenzja u jaġixxu indipendentement minn LuxSCS. Kull funzjoni possibbli ta’ dawn l-entitajiet b’rabta mal-assi intanġibbli, il-fatt li Amazon.com kienet tiggwida lil LuxSCS jew LuxOpCo jew anki l-karatteristiċi tal-ftehim ta’ xiri bil-forza u tal-ARC ikunu għalhekk mingħajr rilevanza għall-analiżi funzjonali ta’ LuxSCS. Għalhekk, il-funzjonijiet ta’ żvilupp imwettqa minn ATI u A 9 ma jistgħux jiġu attribwiti lil LuxSCS, sa fejn il-partijiet differenti għall-ARC jaġixxu f’isimhom u għar-riskji tagħhom. Il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-ftehim ta’ xiri fil-forza u l-ARC kienu diġà jiffissaw ir-remunerazzjoni ta’ distakkament għall-funzjonijiet eżerċitati minn ATI u A 9 b’rabta mal-assi intanġibbli. Kull tranżazzjoni oħra fi ħdan il-grupp bejn l-entitajiet Amerikani u LuxOpCo b’rabta mal-assi intanġibbli, li, fi kwalunkwe każ, la l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u lanqas Amazon ma wrew l-eżistenza tagħha, ma tistax tiġġustifika l-ħlas tal-profitti residwi ta’ LuxOpCo lil LuxSCS.

183    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, huwa importanti li jitfakkar li, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 166 iktar ’il fuq, skont il-punt 3.43 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, l-“impriża assoċjata li għaliha huwa applikat il-metodu tat-tranżazzjoni tal-marġni pożittiv għandha tkun l-impriża li fir-rigward tagħha d-data affidabbli dwar it-tranżazzjonijiet komparabbli bl-iktar mod strett tista’ tiġi identifikata” u dan “ħafna drabi jimplika li għandha tintgħażel l-impriża assoċjata li [tkun] l-inqas kumplessa mill-impriżi kkonċernati mit-tranżazzjoni u li ma [jkollhiex] assi intanġibbli ta’ valur jew assi uniċi” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali]. Il-kunċett ta’ “assi uniċi” jew “ta’ valur” ma huwiex spjegat b’mod espliċitu fil-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995.

184    Mill-punt 3.43 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 jirriżulta li dawn il-linji gwida kienu jirrakkomandaw li l-parti li jkollha assi uniċi u ta’ valur ma titqiesx bħala l-parti li għandha tiġi ttestjata għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN, iżda li minflokha tiġi ppreferuta entità oħra parti għat-tranżazzjoni kkontrollata. Il-loġika sottostanti għall-punt 3.43 hija dik li tgħid li, b’mod ġenerali, huwa iktar ikkomplikat li tkun tista’ tinstab data komparabbli affidabbli sabiex tiġi eżaminata l-parti għat-tranżazzjoni kkontrollata li jkollha assi intanġibbli uniċi u ta’ valur. Dan il-fehim kien jirriżulta wkoll mill-punt 6.26 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995. Skont dan il-punt, fil-preżenza ta’ beni intanġibbli ta’ valur kbir, seta’ jkun diffiċli li jiġu identifikati tranżazzjonijiet komparabbli bejn impriżi indipendenti. Minn dan l-istess punt jirriżulta li l-identifikazzjoni ta’ data komparabbli tkun iktar diffiċli minħabba s-sempliċi pussess ta’ assi intanġibbli uniċi jew ta’ valur. Għandu jiġi rrilevat li l-punt 6.26 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 jibbaża ruħu fuq il-premessa li tgħid li assi intanġibbli jista’ jitqies bħala “uniku” meta ma jkunx hemm assi intanġibbli komparabbli għal dan l-assi. Assi intanġibbli huwa “ta’ valur” meta jippermetti li jiġi ġġenerat dħul sinjifikattiv. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dan il-fehim jikkorrispondi għad-definizzjoni tal-kunċett li jinsab fil-punt 6.17 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2017. Minn dan il-punt jirriżulta li l-“assi intanġibbli uniċi u ta’ valur” huma dawk, l-ewwel, li ma humiex komparabbli għall-assi intanġibbli użati mill-partijiet għal tranżazzjonijiet potenzjalment komparabbli u, it-tieni, li l-użu tagħhom f’operazzjonijiet kummerċjali għandu jipproduċi benefiċċji ekonomiċi futuri iktar sinjifikattivi minn dawk li wieħed jista’ jistenna fl-assenza tal-imsemmija assi intanġibbli.

185    F’dan il-każ, l-ewwel, huwa stabbilit li LuxSCS kellha d-drittijiet fuq l-assi intanġibbli tal-grupp Amazon fl-Ewropa u li hija qiegħdet dawn l-assi għad-dispożizzjoni ta’ LuxOpCo, permezz tal-ftehim ta’ liċenzja.

186    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat flimkien mal-elementi indikati fil-punti 4 u 5 iktar ’il fuq li, permezz tal-ftehim ta’ ċessjoni konkluż bejn ATI u LuxSCS fl‑1 ta’ Jannar 2005, li huwa wieħed mill-komponenti tal-ftehim ta’ xiri bil-forza, ġiet ittrasferita l-proprjetà ta’ parti minn dawn l-assi lil LuxSCS (ara l-punti 3.1 u 3.2 tal-imsemmi ftehim), jiġifieri, b’mod partikolari u essenzjalment, l-ismijiet tad-dominji tal-Internet fl-Ewropa, bħal amazon.co.uk, amazon.fr u amazon.de.

187    Sussegwentement, permezz tal-ftehim ta’ liċenzja konkluż bejn ATI u LuxSCS fl‑1 ta’ Jannar 2005, LuxSCS irċeviet id-dritt għall-użu, fl-Ewropa, tal-parti l-kbira tal-assi intanġibbli tal-grupp Amazon li kienu diġà jeżistu fl‑2005, jiġifieri t-teknoloġija, l-invenzjonijiet, il-privattivi, it-trade marks, id-drittijiet marbuta mal-klijenti, eċċ., mingħajr ma dan id-dritt ta’ liċenzja ta’ LuxSCS kien dritt esklużiv.

188    Barra minn hekk, permezz tal-punt 6.2(a) u l-punt 6.3(a) tal-ARC, LuxSCS kellha liċenzja mhux esklużiva fuq il-proprjetà intellettwali ta’ A 9 u ta’ ATI, żviluppata wara l-2005, kif ukoll il-proprjetà tad-drittijiet idderivati, żviluppati wara l-2005, minn assi intanġibbli li LuxSCS hija l-proprjetarja legali tagħhom.

189    Finalment, LuxSCS ikkonkludiet ukoll ftehimiet ta’ liċenzja u ta’ ċessjoni ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali (Intellectual Property Assignment and License Agreement) mal-kumpanniji affiljati Ewropej, li permezz tagħhom hija rċeviet it-trade marks irreġistrati u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq is-siti Internet Ewropej li dawn kienu proprjetarji tagħhom.

190    B’hekk, l-assi intanġibbli li fuqhom LuxSCS kellha drittijiet kienu jinkludu t-tliet kategoriji ta’ proprjetà intellettwali li ġejjin: it-teknoloġija, l-assi intanġibbli marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni u d-data tal-klijenti. It-teknoloġija kienet tinkludi firxa sħiħa li tiġbor fiha l-aspetti kollha tal-attività tal-grupp Amazon u b’mod partikolari t-teknoloġiji għall-pjattaforma tas-software ta’ dan il-grupp, id-dehra tas-sit, il-katalogu, l-ipproċessar tal-ordnijiet, il-loġistika, il-funzjonalitajiet ta’ riċerka u ta’ navigazzjoni, is-servizz tal-klijenti u l-funzjonalitajiet ta’ personalizzazzjoni.

191    It-tieni, hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li LuxSCS ma kinitx teżerċita “funzjonijiet uniċi u ta’ valur” b’rabta mal-assi intanġibbli, hija ma tikkontestax in-natura “unika u ta’ valur tal-assi intanġibbli” miżmuma minn LuxSCS u mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ LuxOpCo fil-kuntest tat-tranżazzjoni kkontrollata.

192    B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma kkontestatx, b’mod issostanzjat, l-affermazzjoni ta’ Amazon li tgħid li t-teknoloġija kienet unika, minħabba li kienx hemm teknoloġiji komparabbli u li tgħid li hija kellha rwol essenzjali fl-aspetti differenti tal-attivitajiet kummerċjali tal-grupp Amazon fl-Ewropa u għalhekk kienet tippermetti li jiġi ġġenerat dħul sinjifikattiv. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li ma hemmx dubju, kif issostni Amazon, dwar il-fatt li l-attivitajiet kummerċjali tal-grupp ma setgħux jilħqu tali skala u jiksbu tali suċċess fl-Ewropa – inċidentalment bħal f’reġjuni oħra tad-dinja – mingħajr it-teknoloġija. Hija konvinċenti wkoll l-allegazzjoni tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li tgħid li, matul il-perijodu kkunsidrat, il-grupp Amazon ibbaża fuq it-teknoloġija tiegħu, li kienet “fil-qalba tal-‘business model’ (mudell tal-impriża) [tagħha]”, bħala differenzjatur kompetittiv, fis-sens li hija preċiżament din it-teknoloġija li kkostitwixxiet il-kontributur uniku u prezzjuż li ppermetta (u għadu jippermetti) lill-grupp Amazon jibqa’ kompetittiv f’ambjent kompetittiv ħafna kkaratterizzat minn marġnijiet stretti. Barra minn hekk, mill-premessa 338 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li anki parti mill-kompetituri tal-grupp Amazon jammettu li, minħabba li “[j]investi b’mod aggressiv fit-teknoloġija”, il-pjattaforma tal-bejgħ bl-imnut tal-grupp Amazon “[i]llum il-ġurnata tippreżenta vantaġġ kompetittiv li huwa diffiċli li jintlaħaq”. Fir-rigward tat-teknoloġija, din kienet għalhekk assi li ma kienx hemm assi komparabbli għalih.

193    F’dan ir-rigward u barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti tal-Kummissjoni intiżi sabiex isostnu li t-teknoloġija waħedha ma kinitx suffiċjenti għall-isfruttament tal-attivitajiet kummerċjali tal-grupp Amazon fl-Ewropa u li l-funzjonijiet umani mwettqa mill-impjegati ta’ LuxOpCo kienu importanti wkoll. Fil-fatt, dawn l-argumenti, jekk jitqiesu fondati, ma jqajmux dubju dwar il-konstatazzjoni li tgħid li t-teknoloġija kellha rwol essenzjali fl-attivitajiet kummerċjali tal-grupp Amazon fl-Ewropa u kienet tikkostitwixxi għalhekk assi uniku u ta’ valur.

194    Fir-rigward tat-trade marks irreġistrati fl-Ewropa, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fid-data li fiha LuxSCS ġiet ittrasferita dawn l-assi, li diġà kienu jibbenefikaw mir-reputazzjoni internazzjonali tal-grupp Amazon, mill-elementi tal-proċess ma jirriżultax li kienu jeżistu assi komparabbli fis-suq Ewropew. Għalhekk għandu jitqies li t-trade marks inkwistjoni kienu uniċi. Huwa stabbilit li l-użu tagħhom ippermetta li jiġi ġġenerat dħul sinjifikattiv fl-Ewropa. Għalhekk dawn it-trade marks kienu wkoll “ta’ valur”. Fir-rigward tad-data tal-klijenti, din lanqas ma kien hemm data komparabbli għaliha u kienet tippermetti li jiġi ġġenerat dħul sinjifikattiv. Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn l-assi intanġibbli kienu wkoll uniċi u ta’ valur.

195    F’dawn il-kundizzjonijiet, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-punt 3.43 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 u minħabba l-fatt li l-assi intanġibbli tal-grupp Amazon u b’mod partikolari t-teknoloġija kienu jikkostitwixxu assi uniċi u ta’ valur użati minn LuxSCS fil-kuntest tat-tranżazzjoni kkontrollata, l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi ma setgħux jiġu kkritikati li kkunsidraw, bħall-awturi tar-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003, li kien korrett, skont il-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, li jagħżlu kumpannija oħra minflok LuxSCS bħala l-parti li għandha tiġi ttestjata. Barra minn hekk, għalkemm, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 681 tad-deċiżjoni kkontestata, skont il-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2017, proprjetarju passiv ma jistax ikun il-parti l-iktar kumplessa u għalhekk jista’ jkun il-parti li għandha tiġi ttestjata fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-MTMN, għandu jiġi kkonstatat li dan ma kienx il-każ fil-perijodu kkunsidrat, li għandu jiġi eżaminat f’dan il-każ fir-rigward tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 biss.

196    Fil-punt 83 tar-risposta fil-Kawża T‑318/18, il-Kummissjoni jidher li riedet tinsisti fuq il-fatt li, skont il-punt 3.43 tal-prinċipji tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, huwa biss “ta’ spiss” li l-għażla tal-parti li għandha tiġi ttestjata ser timplika l-għażla tal-impriża assoċjata li hija l-“inqas kumplessa mill-impriżi kkonċernati mit-tranżazzjoni u li ma għandhiex assi intanġibbli ta’ valur jew assi uniċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], mingħajr madankollu ma tkun regola assoluta f’dan ir-rigward. Sa fejn il-Kummissjoni għandha l-għan li ssostni li r-regola li tinsab fil-punt 3.43 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 ma hijiex regola assoluta, iżda regola li tista’ tiġi injorata jekk ċirkustanzi partikolari intiżi għat-tranżazzjoni kkontrollata kkonċernata jiġġustifikaw dan, għandu jiġi kkonstatat li hija ma spjegatx, fid-deċiżjoni kkontestata, għalfejn din ir-rakkomandazzjoni kellha, f’dan il-każ, tiġi injorata. Il-Kummissjoni ma wrietx li l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi kellhom jitbiegħdu mir-regola li tinsab fil-punt 3.43 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 minħabba partikolarità proprja għat-tranżazzjoni kkontrollata kkonċernata f’dan il-każ, jiġifieri l-ftehim ta’ liċenzja.

197    Fit-tieni lok, u fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li, minħabba l-funzjonijiet ta’ żamma tal-proprjetà intellettwali tagħha, LuxSCS ma kienet teżerċita ebda funzjoni “attiva u kritika” fir-rigward tal-assi intanġibbli (ara l-premessa 420 tad-deċiżjoni kkontestata) jew “ebda funzjoni attiva u kritika” fir-rigward tal-assi intanġibbli (ara l-premessa 548 tal-imsemmija deċiżjoni) jew lanqas “ebda funzjoni li żżid il-valur tal-[a]ssi [i]ntanġibbli” (ara l-premessa 526 tal-istess deċiżjoni).

198    L-ewwel, fir-rigward tad-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejn iż-żamma msejħa “passiva” (premessi 418 u 430 tad-deċiżjoni kkontestata) u ż-żamma “attiva” tal-assi intanġibbli, kif ukoll bejn il-funzjonijiet “attivi” u “passivi” (premessa 548 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi kkonstatat, bħall-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon, li l-linji gwida tal-OECD rilevanti f’dan il-każ ma jipprevedux tali distinzjoni.

199    Fil-fatt, il-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 sempliċement jindikaw, fil-punt 1.20 tagħhom, li, b’mod ġenerali, meta jkun hemm lok li tiġi ddeterminata n-natura ta’ distakkament ta’ remunerazzjoni stabbilita fil-kuntest ta’ tranżazzjoni kkontrollata, għandu jiġi eżaminat jekk din ir-remunerazzjoni tikkorrispondix “għall-funzjonijiet assunti minn kull impriża” u li jiġu “mqabbla l-funzjonijiet eżerċitati mill-partijiet” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali].

200    Ċertament, ma huwiex eskluż li l-punt 1.20 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 jistgħu jiġu interpretati fis-sens li t-terminu “eżerċitati” jirreferi għall-funzjonijiet imsejħa “attivi”.

201    Madankollu, mill-punt 1.20 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 ma jirriżultax b’mod ċar li l-funzjonijiet “attivi” biss setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-analiżi funzjonali tal-partijiet għat-tranżazzjoni. Minn dan il-punt lanqas ma jirriżulta li entità tista’ tiġi kkunsidrata bħala “li tassumi” jew “li teżerċita” funzjonijiet meta żżomm ċerti assi u sempliċement tiffinanzja, pereżempju, l-iżvilupp jew it-titjib tagħhom.

202    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li skont il-punt 1.22 tal-linji gwida tal-OECD, jista’ jkun “interessanti u utli, meta jiġu identifikati u mqabbla l-funzjonijiet eżerċitati, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-assi li qegħdin jew ser jintużaw” u li “f’dan ir-rigward għandhom jiġu previsti t-tip ta’ assi użati (fabbriki, tagħmir, elementi intanġibbli, eċċ.) u l-karatteristiċi ta’ dawn l-assi (żmien, valur kummerċjali, lokalizzazzjoni, eżistenza ta’ dritt għall-proprjetà industrijali, eċċ.)” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali]. Fi kliem ieħor, huwa rrakkomandat li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li kumpannija tqiegħed għad-dispożizzjoni assi fil-kuntest tat-tranżazzjoni kkontrollata għall-eżami tal-funzjonijiet eżerċitati. Għalhekk minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ assi intanġibbli kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżami tal-funzjonijiet eżerċitati jew assunti minn parti għal tranżazzjoni fi ħdan il-grupp, mingħajr ma tkun rilevanti distinzjoni bejn il-funzjonijiet “attivi” u “passivi”.

203    It-tieni, kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni setgħet effettivament tagħmel distinzjoni bejn il-funzjonijiet “passivi” u “attivi”, hija kkonkludiet b’mod żbaljat, kif jirriżulta mill-premessa 420 tad-deċiżjoni kkontestata, li LuxSCS kienet sempliċi proprjetarja passiva tal-assi intanġibbli, li hija kienet sempliċement iżżomm l-assi intanġibbli u li ma setgħet tiġi attribwita lilha l-ebda funzjoni attiva oħra.

204    Minn naħa, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li LuxSCS effettivament sfruttat l-imsemmija assi billi qegħdithom għad-dispożizzjoni ta’ LuxOpCo b’korrispettiv tal-pagament ta’ royalty permezz tal-ftehim ta’ liċenzja.

205    Fil-fatt, huwa stabbilit li, permezz tal-ftehim ta’ liċenzja, LuxSCS illiċenzjat lil LuxOpCo l-assi intanġibbli kollha ta’ Amazon fit-territorju Ewropew. Dan il-ftehim ma kienx jirrigwarda biss l-assi intanġibbli kollha msemmija fil-ftehim ta’ xiri bil-forza u l-ARC, iżda wkoll l-assi intanġibbli, u b’mod partikolari t-trade marks, li hija kienet irċeviet fl‑2006 mingħand il-kumpanniji affiljati Ewropej, kif ukoll id-drittijiet idderivati li kienu jirriżultaw minnhom. Issa, il-fatt li ġew illiċenzjati l-assi intanġibbli lil LuxOpCo b’korrispettiv tal-pagament tar-royalty jikkostitwixxi sfruttament ta’ dawn l-assi, u dan huwa ekwivalenti għall-eżerċitar ta’ funzjoni attiva.

206    Dan l-isfruttament jikkorrispondi għal użu ta’ assi intanġibbli fis-sens tal-użu, minn LuxSCS, li l-allegata assenza tiegħu hija kkritikata mill-Kummissjoni fil-premessa 430 sa 432 tad-deċiżjoni kkontestata.

207    L-isfruttament ta’ assi intanġibbli minn LuxSCS permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom għal LuxOpCo fil-kuntest tal-ftehim ta’ liċenzja kien jissodisfa wkoll il-kriterju li kien ġie ssuġġerit mill-Kummissjoni fil-punt 83 tar-risposta tagħha fil-Kawża T‑318/18. Skont dan il-kriterju, ir-regola li tinsab fil-punt 3.43 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, kif imsemmija fil-punti 183 u 184 iktar ’il fuq, kienet inħolqot mill-awturi tal-imsemmija linji gwida “fuq is-suppożizzjoni li l-parti għal tranżazzjoni kkontrollata li żżomm assi intanġibbli ta’ valur hija […] dik li tużahom […] fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ funzjonijiet attivi b’rabta ma’ din it-tranżazzjoni”. F’dan ir-rigward, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni għandhiex raġun tikkunsidra li hemm lok li l-imsemmi punt jiġi interpretat bħala li kien jeħtieġ ċertu użu ta’ assi intanġibbli, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-assi intanġibbli ta’ LuxSCS tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ LuxOpCo fil-kuntest tal-ftehim ta’ liċenzja jikkostitwixxi użu fis-sens adottat mill-Kummissjoni.

208    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi rrilevat li LuxSCS ikkontribwixxiet għall-iżvilupp ta’ assi intanġibbli permezz tal-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha permezz tal-ARC. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, kif diġà ġie rrilevat fl-aħħar sentenza tat-tieni inċiż tal-punt 4 iktar ’il fuq, LuxSCS kellha tħallas sehem annwali għall-ispejjeż marbuta mal-programm ta’ żvilupp tal-ARC.

209    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li mil-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 ma jirriżultax li l-parteċipazzjoni finanzjarja għal ftehim ta’ tqassim tal-ispejjeż ma tistax tiġi kkunsidrata bħala parteċipazzjoni ġenwina għall-iżvilupp tal-assi li huma s-suġġett ta’ tali ftehim. Għall-kuntrarju, mill-punt 8.15 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, li jindika, fir-rigward tal-ftehimiet ta’ tqassim tal-ispejjeż, li “[p]robabbilment ma huwiex faċli li jiġi ddeterminat il-valur relattiv tal-kontribuzzjoni ta’ kull parteċipant ħlief meta l-kontribuzzjonijiet kollha jitħallsu kollha kemm huma fi flus” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jirriżulta li kontribuzzjoni finanzjarja għal tali ftehim ta’ tqassim tal-ispejjeż tista’ effettivament tkun kontribuzzjoni valida u ta’ valur, u dan, għalhekk, mingħajr kunsiderazzjoni għall-kwistjoni dwar jekk l-entità li pprovdiet il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħtix ukoll kontribuzzjonijiet ta’ natura oħra. Fil-fatt, f’ċerti każijiet, ma huwiex eskluż li l-kontribuzzjoni finanzjarja għal tranżazzjoni fi ħdan il-grupp tista’ tkun il-mutur uniku ta’ suċċess (kummerċjali) tat-tranżazzjoni.

210    Iktar minn hekk, bl-applikazzjoni tal-punt 6.3(b) u tal-punt 6.4 tal-ARC, b’korrispettiv tal-parteċipazzjoni tagħha għall-ispejjeż, LuxSCS saret komproprjetarja, ma’ A 9, ta’ parti mill-assi intanġibbli li kienu kostantement żviluppati u mtejba fl-Istati Uniti. Dawn l-iżviluppi u t-titjib kienu tqiegħdu minn LuxSCS għad-dispożizzjoni ta’ LuxOpCo kostantement permezz tal-ftehim ta’ liċenzja, b’tali mod li huwa permess li jiġi kkunsidrat li, mill-perspettiva ta’ LuxOpCo, dawn kienu attribwibbli lil LuxSCS u mhux lill-entitajiet Amerikani. Fil-kuntest tal-ftehim ta’ liċenzja, ir-riżultati tal-iżviluppi u t-titjib tal-assi intanġibbli huma attribwibbli lil LuxSCS.

211    Għalhekk minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-premessa 429 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-“uniċi funzjonijiet li setgħu effettivament jitqiesu li twettqu minn LuxSCS kienu funzjonijiet marbuta maż-żamma tas-sjieda legali tagħha tal-Assi Intanġibbli”. Minn naħa, il-kriterju użat mill-Kummissjoni u intiż għad-distinzjoni bejn il-funzjonijiet attivi u passivi ma huwiex rilevanti. Min-naħa l-oħra, anki kieku kien hemm lok li jiġi adottat dan il-kriterju, hemm lok li jiġi kkonstatat li LuxSCS qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ LuxOpCo l-assi intanġibbli u kkontribwixxiet għall-iżvilupp tagħhom permezz tal-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha għall-ARC. Dawn il-funzjonijiet kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-analiżi funzjonali tagħha ta’ LuxSCS kif ukoll għall-finijiet tal-għażla tal-parti li għandha tiġi ttestjata.

212    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni.

213    L-ewwel, l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 420 u 421 tad-deċiżjoni kkontestata u mtennija fil-kuntest ta’ dan ir-rikors (ara l-punt 181 iktar ’il fuq) li tgħid li LuxSCS “ma setgħet twettaq ebda funzjoni attiva u kritika fir-rigward tal-iżvilupp, tat-titjib, tal-ġestjoni jew tal-isfruttament [tal-assi intanġibbli]”, minħabba li LuxSCS “ma baqgħetx intitolata li tisfrutta ekonomikament l-Assi Intanġibbli fl-operazzjonijiet Ewropej [tal-grupp] Amazon” ma tistax tirnexxi.

214    Fil-fatt, il-Kummissjoni bbażat din il-konstatazzjoni fuq l-affermazzjoni, imtennija diversi drabi fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li LuxOpCo kienet irċeviet mingħand LuxSCS liċenzja “irrevokabbli” u “esklużiva” (ara, pereżempju, il-premessi 116, 419, 431, 438, 442 u 450 tad-deċiżjoni kkontestata), u dan kien ċaħħad lil LuxSCS minn kwalunkwe possibbiltà li tisfrutta l-assi intanġibbli.

215    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-fatt ta’ lliċenzjar jikkostitwixxi diġà sfruttament.

216    It-tieni, il-konklużjoni msemmija fil-punt 211 iktar ’il fuq ma titqegħidx f’dubju mill-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 421 tad-deċiżjoni kkontestata u mtennija fil-kuntest ta’ dan ir-rikors (ara l-punt 181 iktar ’il fuq) li tgħid li LuxSCS ma kellhiex il-kapaċità li teżerċita funzjonijiet, minħabba li ma kellhiex impjegati.

217    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tinvoka l-Kummissjoni, il-fatt li LuxSCS kellha jew le l-kapaċità li tisfrutta impriża ta’ kummerċ elettroniku kompletament waħedha huwa irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-funzjonijiet ta’ LuxSCS b’rabta mal-isfruttament ta’ assi intanġibbli. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 204 iktar ’il fuq, LuxSCS effettivament sfruttat l-assi intanġibbli billi lliċenzjathom lil LuxOpCo.

218    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ma kienx neċessarju li LuxSCS ikollha l-impjegati proprji tagħha sabiex tikkontribwixxi għall-iżvilupp kontinwu tal-assi intanġibbli. Fil-fatt, LuxSCS kienet tikkontribwixxi għalih permezz tal-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha fl-ARC.

219    It-tielet, il-konklużjoni msemmija fil-punt 211 iktar ’il fuq ma titqegħidx f’dubju mill-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ LuxSCS għall-iżvilupp tal-assi intanġibbli kienet, min-naħa tagħha, purament artifiċjali, minħabba li l-finanzjament tal-iżvilupp tal-assi intanġibbli kien ġej minn kontijiet ta’ LuxOpCo, u dan kien ifisser li LuxOpCo eżerċitat il-funzjonijiet kollha attribwiti mill-ARC lil LuxSCS.

220    Fil-fatt, l-oriġini tal-kapital użat minn LuxSCS sabiex tissodisfa l-obbligi finanzjarji imposti fuqha permezz tal-ARC, u għalhekk il-fatt li dan il-kapital kien ġej mill-pagament tar-royalty minn LuxOpCo, ma huwiex rilevanti. Il-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 ma jeżiġux li l-kapital investit ikun ġej minn sors preċiż. Ma huwiex eskluż li dan il-kapital ikun joriġina minn royalty, bħal dik inkwistjoni, jew ikun ġej minn sors ieħor ta’ dħul, bħal, pereżempju, self.

221    Fi kwalunkwe każ, huwa stabbilit li LuxSCS kellha, minbarra d-dħul mislut mir-royalty, kapital proprju. Issa, kif irrileva l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, huwa permezz tal-kapital proprju tagħha li LuxSCS setgħet tassorbi t-telf imġarrab matul l-ewwel snin tagħha ta’ sfruttament mingħajr intervent ta’ LuxOpCo. Fl‑2006, l-ammont tar-royalty imħallsa minn LuxOpCo lil LuxSCS kien inċidentalment ferm inqas mill-pagamenti mwettqa minn LuxSCS permezz tal-ftehim ta’ xiri bil-forza u tal-ARC.

222    Fit-tielet lok, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, magħmula b’mod partikolari fil-premessi 407 u 547 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li LuxSCS ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala li eżerċitat funzjonijiet “uniċi u ta’ valur” (ara b’mod partikolari l-premessi 407 u 547 tad-deċiżjoni kkontestata).

223    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “funzjonijiet uniċi u ta’ valur”, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 ma jużawx dawn it-termini. Tintuża biss l-espressjoni “assi uniċi u ta’ valur”, f’diversi drabi, b’mod partikolari fit-taqsimiet relatati mal-MTMN u mal-metodu tat-tqassim tal-profitti, l-iktar biex tagħmel riferiment għall-assi intanġibbli (żviluppata jew bi proprjetà) (ara, pereżempju, il-punti 1.8, 3.19, 3.43 u 6.26 tal-imsemmija linji gwida).

224    Min-naħa l-oħra, huwa biss fil-verżjoni tal‑2017 tal-linji gwida tal-OECD, li ma humiex rilevanti f’dan il-każ, li hija b’mod ċar kwistjoni ta’ funzjonijiet jew ta’ kontribuzzjonijiet “uniċi u ta’ valur” u li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-“funzjonijiet uniċi u ta’ valur” u, min-naħa l-oħra, il-“funzjonijiet ta’ rutina”. Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 184 iktar ’il fuq, fil-punt 6.17 tagħhom, il-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2017 fihom definizzjoni tal-kunċett ta’ “assi uniċi u ta’ valur”. Min-naħa l-oħra, għalkemm l-awturi tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2017 jużaw ta’ spiss il-kunċett ta’ “funzjonijiet uniċi u ta’ valur”, huma ma jipprovdu l-ebda definizzjoni f’dan ir-rigward.

225    Il-partijiet prinċipali ppreċiżaw x’kienu jifhmu permezz tal-espressjoni “funzjonijiet ta’ rutina”. Matul is-seduta, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu rrileva li entità teżerċita “funzjonijiet ta’ rutina” meta hija teżerċita funzjonijiet normali, jiġifieri funzjonijiet li impriżi oħra jistgħu jeżerċitaw ukoll. Għalhekk dawn huma, essenzjalment, funzjonijiet li għalihom wieħed jista’ jsib faċilment funzjonijiet komparabbli. Amazon, min-naħa tagħha, enfasizzat matul is-seduta li l-kunċett ta’ “funzjoni ta’ rutina” ma kienx ifisser li l-funzjonijiet inkwistjoni ma kellhomx valur, iżda li dawn setgħu jiġu evalwati (bl-Ingliż “benchmarked”) u rremunerati faċilment. Il-Kummissjoni ma qajmitx dubju dwar dan il-fehim. Mill-punt 14 (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 18) tar-risposta fil-Kawża T‑318/18 jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, it-terminu “ta’ rutina” jirreferi għall-funzjonijiet li ma humiex uniċi u li għalihom jeżistu elementi ta’ paragun fis-suq ħieles. B’mod simili, fil-punt 17 (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 21) tar-risposta fil-Kawża T‑816/17, il-Kummissjoni tqabbel il-funzjonijiet “ta’ rutina” ma’ dawk li “ma humiex uniċi u ta’ valur”.

226    F’dan il-każ, ma hemmx lok li jiġi ddeterminat jekk, abbażi tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, kienx diġà possibbli għall-Kummissjoni li tivverifika n-natura ta’ distakkament ta’ prezz billi topera bil-kunċett ta’ “funzjonijiet uniċi u ta’ valur”, peress li dan il-kunċett kien diġà ġie applikat fiż-żmien meta l-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 kienu japplikaw, u dan anki jekk dawn ma kinux isemmu dan il-kunċett b’mod espliċitu, jew jekk huwa biss mill-mument tal-adozzjoni tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2017 li l-kriterju marbut mal-“funzjonijiet uniċi u ta’ valur” seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward.

227    Fil-fatt u fi kwalunkwe każ, il-partijiet prinċipali ma qajmux dubju dwar ir-rilevanza ta’ dan il-kriterju, iżda jaqblu li dan il-kriterju jitqiegħed fil-qalba tal-argumenti tagħhom bħala parametru rilevanti biex tiġi deċiża s-sitwazzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bħal fil-każ tal-kunċett ta’ “assi uniċi u ta’ valur” (ara l-punt 176 iktar ’il fuq), il-partijiet ma ddefinixxewx it-termini “funzjonijiet uniċi u ta’ valur”.

228    Fir-rigward tat-tifsira tat-termini “funzjonijiet uniċi u ta’ valur”, bħalma ġie rrilevat fil-punt 184 iktar ’il fuq, u b’kunsiderazzjoni tal-aċċettazzjoni ta’ dawn it-termini mill-partijiet (ara l-punt 225 iktar ’il fuq), għandu jitqies għall-finijiet ta’ din il-kawża li l-kunċett ta’ “funzjoni unika” jirreferi għas-sitwazzjoni li fiha ma hemmx funzjoni komparabbli għal ċerta funzjoni. Il-kunċett ta’ “funzjoni ta’ valur” jirrigwarda b’mod partikolari l-fatt li l-funzjoni inkwistjoni tippermetti li jiġi ġġenerat dħul sinjifikattiv. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, għalkemm il-fatt li ċerta funzjoni tiġi indikata bħala “unika” jeskludi li l-istess funzjoni tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “ta’ rutina”, l-istess raġunament ma jistax japplika fir-rigward tal-kunċett ta’ “funzjoni ta’ valur”. Jeżistu wkoll “funzjonijiet ta’ rutina” li jippermettu li jiġi ġġenerat dħul sinjifikattiv u li jistħoqqilhom, għaldaqstant, li jiġu kklassifikati bħala “funzjonijiet ta’ valur”.

229    F’dan il-każ, minn naħa, kif ġie espost fil-punt 191 iktar ’il fuq, ma huwiex ikkontestat il-fatt li l-assi intanġibbli li huma s-suġġett tal-ftehim ta’ liċenzja kienu uniċi u ta’ valur.

230    Min-naħa l-oħra, LuxSCS mhux talli sfruttat, talli anki kkontribwixxiet finanzjarjament għall-iżvilupp ta’ dawn l-assi intanġibbli uniċi u ta’ valur li hija kienet il-proprjetarja tagħhom. Konsegwentement, minn dak li ġie indikat fil-punti 203 sa 211 iktar ’il fuq jirriżulta li l-funzjonijiet kollha ta’ LuxSCS b’rabta mal-assi intanġibbli kellhom jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni bħala li kienu uniċi u ta’ valur. L-affermazzjoni magħmula fil-premessa 547 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża kellha teżiġi analiżi funzjonali li turi li LuxSCS kienet eżerċitat “funzjonijiet uniċi u ta’ valur” għalhekk ma hijiex iġġustifikata u għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda. Konsegwentement, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-funzjonijiet u tal-assi ta’ LuxSCS, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li LuxSCS kellha tiġi kkunsidrata bħala l-parti li għandha tiġi ttestjata ma hijiex konvinċenti.

–       Fuq ir-riskji assunti minn LuxSCS

231    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon isostnu essenzjalment li LuxSCS kienet iġġarrab ir-riskji marbuta mal-assi intanġibbli bħala tali, filwaqt li LuxOpCo kienet iġġarrab biss ir-riskji marbuta mal-attivitajiet tagħha ta’ bejgħ bl-imnut. Barra minn hekk, LuxSCS assumiet ir-riskji finanzjarji marbuta mal-assi intanġibbli, peress li hija kellha tonora l-obbligu impost fuqha skont il-ftehim ta’ xiri bil-forza u l-ARC li tħallas l-ispejjeż ta’ xiri bil-forza u l-ispejjeż taħt l-ARC lil ATI u lil A 9.

232    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

233    Hija ssostni b’mod partikolari li la d-deċiżjonijiet tal-amministratur uniku ta’ LuxSCS u lanqas ir-rendikonti tal-assemblei ġenerali ta’ LuxSCS ma jsemmu deċiżjonijiet kritiċi li jirrigwardaw il-ġestjoni tar-riskji. Fir-realtà, LuxSCS la kellha l-kapaċità finanzjarja u lanqas il-kapaċità operazzjonali li tassumi dawn ir-riskji. LuxSCS setgħet iġġarrab l-ispejjeż marbuta mal-ftehim ta’ xiri bil-forza u mal-ARC biss bis-saħħa tal-finanzjament li rċeviet kull sena permezz tar-royalties imħallsa minn LuxOpCo fil-kuntest tal-ftehim ta’ liċenzja, b’tali mod li l-kapital ta’ LuxSCS qatt ma kien espost għar-riskju. Iktar minn hekk, LuxSCS ibbenefikat minn kapitalizzazzjoni inizjali sinjifikattiva min-naħa tal-kumpannija omm, li kopriet il-pagament ta’ xiri bil-forza. Fi kwalunkwe ipoteżi, LuxSCS, permezz tal-ftehim ta’ liċenzja, ittrasferixxiet ir-riskji finanzjarji lil LuxOpCo. Għaldaqstant, ir-riskji meħuda minn LuxSCS huma teoretiċi sa fejn LuxSCS kellha l-possibbiltà li xxolji l-ftehim ta’ liċenzja u tagħti liċenzja lil parti oħra affiljata jew indipendenti. Ir-riskji finanzjarji ta’ LuxSCS kienu teoretiċi wkoll, peress li l-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha għall-ARC kienet iffinanzjata mir-royalty imħallsa minn LuxOpCo u li l-ammont tal-pagamenti permezz tal-ARC kien korrelatat mad-dħul ta’ LuxOpCo.

234    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, qabel kollox, li, sa fejn LuxSCS kienet kisbet il-proprjetà sħiħa ta’ parti mill-assi intanġibbli konformement mal-punt 3.1 tal-ftehim ta’ ċessjoni konkluż ma’ ATI fl‑1 ta’ Jannar 2005, hija kienet iġġarrab ir-riskji kollha marbuta mal-eżistenza tal-assi intanġibbli bħala tali. Dawn kienu, pereżempju, riskji bħall-kontestazzjoni minn terzi jew l-iskadenza tal-assi intanġibbli. Din hija l-konsegwenza loġika tal-fatt li LuxSCS kienet proprjetarja ta’ dawn l-assi. Mill-perspettiva tal-ftehim ta’ liċenzja konkluż ma’ ATA fl‑1 ta’ Jannar 2005, LuxSCS kienet tassumi wkoll ir-riskji marbuta mal-iżvilupp tal-assi intanġibbli mill-entitajiet Amerikani ATI u A 9.

235    Sa fejn hija kellha, matul il-perijodu kkunsidrat, liċenzja fuq il-parti l-oħra tal-assi intanġibbli, intiżi fil-punt 3.1 tal-ftehim ta’ liċenzja konkluż ma’ ATI fl‑1 ta’ Jannar 2005, kif ukoll fil-punti 6.1 u 6.2 tal-ARC, LuxSCS kienet iġġarrab riskji finanzjarji b’rabta ma’ dawn l-assi użati minħabba l-parteċipazzjoni tagħha għall-ARC. B’mod iktar preċiż, it-tqassim tal-ispejjeż bejn il-partijiet għall-ARC kien previst konformement mal-punti 4 u 5 tal-ARC. Skont dawn il-punti tal-ARC, LuxSCS kellha l-obbligu li ġġarrab l-ispejjeż marbuta mal-iżvilupp tal-assi intanġibbli. Għalkemm it-tqassim tal-ispejjeż kien jiddependi mill-parti tal-profitti magħmula fl-Ewropa meta mqabbla mal-profitti magħmula fil-livell dinji, l-ispejjeż bħala tali kienu totalment indipendenti mil-livell ta’ profitti magħmula fl-Ewropa. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, kieku l-ispejjeż marbuta mal-iżvilupp kienu ogħla mir-royalty imħallsa minn LuxOpCo, hija LuxSCS li kellha ġġarrab il-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw minn din id-differenza. Għalhekk, fil-każ fejn LuxOpCo tkun irreġistrat telf jew profitti baxxi, ir-royalty ma kinitx tkun biżżejjed biex tkopri l-ispejjeż fissi mġarrba minn LuxSCS, jiġifieri essenzjalment il-pagamenti skont il-ftehim ta’ xiri bil-forza u tal-ARC. Fi kliem ieħor, LuxSCS kienet tirriskja li ma jkollhiex biżżejjed dħul biex twettaq il-pagamenti ta’ xiri bil-forza u ta’ tqassim tal-ispejjeż previsti mill-ftehim ta’ xiri bil-forza u l-ARC.

236    Fir-rigward ta’ dawn ir-riskji finanzjarji, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja affermazzjoni mhux issostanzjata magħmula minnha matul is-seduta, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-obbligu ta’ LuxSCS li twettaq il-pagamenti dovuti skont l-ARC kien effettivament eżattament korrelatat mal-ħlas minn LuxOpCo tal-ammont tar-royalty. Għall-kuntrarju, u kif inċidentalment irrilevat il-Kummissjoni stess fil-premessa 445 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammonti li kienet tirċievi LuxSCS permezz tar-royalty ma kinux jikkorrispondu direttament għall-ammonti dovuti minn LuxSCS skont l-ARC. B’hekk, fl‑2006, l-ammont tar-royalty imħallsa minn LuxOpCo lil LuxSCS kien ferm iktar baxx mill-pagamenti ta’ xiri bil-forza u ta’ tqassim tal-ispejjeż magħmula minn LuxSCS.

237    Dejjem fir-rigward tar-riskji finanzjarji mġarrba minn LuxSCS, il-Kummissjoni ma setgħetx turi li din il-kumpannija ma kellhiex fondi proprji sostanzjali. Fir-rigward tal-kapital inizjali ta’ LuxSCS, miċħud mill-Kummissjoni fil-premessa 445 tad-deċiżjoni kkontestata bħala irrilevanti, huwa stabbilit li, mill-inqas għas-sena 2006, huwa permezz ta’ dan il-kapital li LuxSCS setgħet tassorbi t-telf imġarrab matul l-ewwel snin ta’ operat tagħha, mingħajr l-intervent ta’ LuxOpCo.

238    Finalment, huwa veru li, skont il-punti 2.3 u 9.2 tal-ftehim ta’ liċenzja, LuxOpCo kellha l-obbligu li tipproteġi l-assi intanġibbli. Fil-fatt, minn naħa, skont il-kliem tal-punt 2.3 tal-imsemmi ftehim, LuxOpCo kienet marbuta tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tipproteġi d-drittijiet ta’ LuxSCS fuq l-assi intanġibbli u, min-naħa l-oħra, skont il-punt 9.2 ta’ dawn l-istess ftehim, LuxOpCo kellha l-obbligu li tipprevjeni u tressaq għall-ġustizzja, bi spejjeż tagħha, kull użu mhux awtorizzat tal-assi intanġibbli. B’hekk LuxOpCo kienet tassumi r-riskji marbuta mal-protezzjoni tal-assi intanġibbli.

239    Jibqa’ l-fatt li r-riskji l-oħra marbuta mal-assi intanġibbli kienu mġarrba minn LuxSCS minħabba l-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha għall-ARC.

240    Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ liċenzja ma jirriżultax li LuxSCS kienet ittrasferixxiet lil LuxOpCo riskji oħra minbarra dawk li jirriżultaw mill-punti 2.3 u 9.2 tal-imsemmi ftehim, jiġifieri dawk relatati mal-obbligu li tipproteġi l-assi intanġibbli. Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, il-ftehim ta’ liċenzja ma fih l-ebda klawżola dwar it-trasferiment, bħala tali, tar-riskji kollha marbuta mal-assi intanġibbli ta’ LuxSCS lil LuxOpCo. B’mod partikolari, il-ftehim ta’ liċenzja ma fih l-ebda klawżola relatata mat-trasferiment tar-riskji marbuta mal-iżvilupp tal-assi intanġibbli.

241    Peress li ma hijiex issostanzjata mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ liċenzja, il-konklużjoni espressa mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-premessa 438 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li LuxSCS ittrasferixxiet lil LuxOpCo r-riskji b’rabta mal-iżvilupp, il-ġestjoni u l-isfruttament tal-assi intanġibbli u tal-proprjetà intellettwali, għalhekk ma tistax tiġi aċċettata.

242    Għalhekk minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon għandhom raġun isostnu li LuxSCS kienet iġġarrab ir-riskji marbuta mal-proprjetà u mal-iżvilupp tal-assi intanġibbli użati għall-isfruttament tal-attivitajiet Ewropej, inklużi r-riskji finanzjarji marbuta mal-isfruttament ta’ dawn l-assi intanġibbli, filwaqt li LuxOpCo essenzjalment kienet iġġarrab biss ir-riskji marbuta mal-attivitajiet proprji tagħha ta’ bejgħ bl-imnut u, b’mod partikolari, ir-riskji marbuta mal-bejgħ u mas-servizzi ta’ tqegħid fis-suq.

–       Konklużjoni dwar l-analiżi funzjonali ta’ LuxSCS u l-inċidenza ta’ din ilkonklużjoni fuq l-għażla ta’ din il-kumpannija bħala l-parti li għandha tiġi ttestjata

243    Bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 162 sa 242 iktar ’il fuq, hemm lok li jsiru żewġ konstatazzjonijiet.

244    Fl-ewwel lok, l-analiżi funzjonali ta’ LuxSCS imwettqa mill-Kummissjoni ma tistax tiġi kkonfermata. Il-Kummissjoni ssottovalutat il-funzjonijiet ta’ LuxSCS. Fir-rigward tal-assi intanġibbli, il-Kummissjoni b’mod partikolari ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, kemm skont l-arranġamenti kuntrattwali kif ukoll fil-fatti, LuxSCS kienet tqiegħed għad-dispożizzjoni assi intanġibbli li ma kellhom assi intanġibbli komparabbli fis-suq u li għalhekk kienu uniċi u ta’ valur. Skont il-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom rilevanti f’dan il-każ, dan l-element kien biżżejjed, bħala prinċipju, sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li LuxSCS ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala l-parti l-inqas kumplessa u għalhekk il-parti li għandha tiġi ttestjata.

245    Fi kwalunkwe każ, kieku kien hemm lok li jiġi kkunsidrat, kif issostni l-Kummissjoni, li l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni “funzjonijiet uniċi u ta’ valur”, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni injorat il-fatt li LuxSCS kienet effettivament tisfrutta l-assi intanġibbli fil-kuntest tat-tassazzjoni kkontrollata eżaminata. It-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-assi intanġibbli li għandhom valur għoli kien jikkorrispondi għall-fatt li tiġi eżerċitata funzjoni unika u ta’ valur fil-kuntest tal-ftehim ta’ liċenzja (it-tranżazzjoni kkontrollata). Kif jirriżulta mill-punti 203 sa 242 iktar ’il fuq, LuxSCS eżerċitat sensiela ta’ funzjonijiet fil-kuntest tat-tranżazzjoni kkontrollata minbarra l-fatt li qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ LuxOpCo l-assi intanġibbli. Il-Kummissjoni injorat dawn il-funzjonijiet, li setgħu jiġu kkunsidrati bħala uniċi u ta’ valur.

246    Il-Kummissjoni lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni b’mod xieraq il-fatt li, kemm skont l-arranġamenti kuntrattwali kif ukoll skont il-fatti, LuxSCS kienet tassumi r-riskji kollha marbuta ma’ dawn l-assi u mal-iżvilupp tagħhom fil-kuntest tal-ftehim ta’ liċenzja, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk LuxSCS kinitx hija stess ikkontrollata mill-entitajiet Amerikani u jekk hijiex LuxSCS li żviluppat teknikament l-assi intanġibbli jew jekk, billi LuxSCS kienet tikkontribwixxi finanzjarjament, l-iżviluppi tal-proprjetà intellettwali kinux ir-riżultati tal-isforzi tekniċi tal-entitajiet Amerikani ATI u A 9. Minħabba dan, il-Kummissjoni mminimizzat ukoll id-deskrizzjoni tar-riskji assunti minn LuxSCS.

247    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi ma jistgħux jiġu kkritikati li kkunsidraw, bħall-awturi tar-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003, li kien korrett, skont il-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, li ma għażlux lil LuxSCS bħala l-parti li għandha tiġi ttestjata.

248    Fit-tieni lok, fi kwalunkwe ipoteżi, għalkemm kien hemm lok li tiġi aċċettata l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li LuxSCS kienet sempliċi proprjetarja passiva tal-assi intanġibbli u mhux kumpannija li kienet teżerċita funzjonijiet attivi b’rabta magħhom, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li LuxSCS kellha titqies bħala l-parti li għandha tiġi ttestjata.

249    Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li, b’mod ġenerali, il-parti li għandha tiġi ttestjata hija dik li għaliha l-MTMN jista’ japplika bl-iktar mod affidabbli u li għaliha jistgħu jinstabu l-iktar elementi komparattivi affidabbli.

250    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wrietx li kien iktar faċli li jinsabu impriżi komparabbli għal LuxSCS milli impriżi komparabbli għal LuxOpCo, lanqas il-fatt li l-kunsiderazzjoni ta’ LuxSCS bħala entità li għandha tiġi ttestjata kien jippermetti l-kisba ta’ data komparattiva iktar affidabbli.

251    Kif jirriżulta mill-premessa 557 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha tammetti, meta fittxet il-marġni xieraq għar-royalty, li ma kienx hemm impriżi komparabbli għal LuxSCS.

252    Minn dan isegwi li hemm lok li jintlaqa’ l-argument tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ Amazon li jgħid li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li LuxSCS kellha titqies bħala l-entità li għandha tiġi ttestjata għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN. B’kunsiderazzjoni ta’ dan, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma suffiċjenti sabiex jintlaqa’ l-argument kollu mressaq mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon fir-rigward tal-konstatazzjoni prinċipali tal-Kummissjoni intiża għall-eżistenza tal-vantaġġ, u dan mingħajr il-ħtieġa li ssir analiżi funzjonali ta’ LuxOpCo, u lanqas tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun tiċħad iċ-CUP.

253    Madankollu, għall-finijiet ta’ eżawrjenza, hemm lok li jiġi rrilevat li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE għandhom jiġu miċħuda wkoll għal raġunijiet minbarra dawk marbuta mal-għażla tal-parti li għandha tiġi ttestjata u mal-analiżi funzjonali ta’ LuxSCS, kif għadhom kif ġew esposti. Għalhekk, anki kieku kien hemm lok li tiġi aċċettata l-konklużjoni mhux iġġustifikata tal-Kummissjoni li tgħid li LuxSCS kellha tkun il-parti li għandha tiġi ttestjata, l-argument tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ Amazon xorta waħda jkollu jintlaqa’, u dan għall-motivi li ġejjin.

ii)    Fuq ir-remunerazzjoni kkalkolata mill-Kummissjoni għal LuxSCS billi telqet mill-premessa li hija kienet il-parti li għandha tiġi ttestjata

254    Fil-premessi 550 sa 560 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fittxet li twettaq l-applikazzjoni proprja tagħha tal-MTMN billi tqis lil LuxSCS bħala l-parti li għandha tiġi ttestjata. Skont l-analiżi tagħha, fil-premessa 559 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-“remunerazzjoni distakkata” għal LuxSCS, taħt il-ftehim ta’ liċenzja, kellha tkun ugwali għat-total ta’ żewġ komponenti, jiġifieri, minn naħa, l-ispejjeż ta’ xiri bil-forza u l-ispejjeż taħt l-ARC, imġarrba minn LuxSCS, b’rabta mal-assi intanġibbli mingħajr marġni, u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż ġenerali tal-operat, imġarrba direttament minn LuxSCS sabiex tiżgura l-funzjonijiet marbuta maż-żamma tal-proprjetà legali tagħha tal-assi intanġibbli (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż taż-żamma”), b’żieda ta’ 5 % (iktar ’il quddiem ir-“remunerazzjoni ta’ LuxSCS”). F’dan ir-rigward huwa importanti li jiġi rrilevat li r-remunerazzjoni ta’ LuxSCS tikkorrispondi fir-realtà għar-royalty li, skont il-Kummissjoni, kellha tirċievi LuxSCS mingħand LuxOpCo.

255    Permezz tat-tieni lment tat-tieni parti tal-ewwel motiv u permezz tat-tielet parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑816/17 kif ukoll permezz tar-raba’ motiv fil-Kawża T‑318/18, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon isostnu essenzjalment li, anki kieku kien hemm lok li jiġi aċċettat li LuxSCS kellha tiġi kkunsidrata bħala l-parti li għandha tiġi ttestjata fil-kuntest tal-metodu MTMN (quod non), il-Kummissjoni wettqet żbalji oħra matul l-applikazzjoni tal-MTMN. Fil-fatt, il-kalkolu mwettaq mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina r-“remunerazzjoni distakkata” għal LuxSCS, jiġifieri r-royalty dovuta minn LuxOpCo lil LuxSCS, ma huwiex konvinċenti.

256    Dan l-argument għandu jiġi ttrattat bit-teħid inkunsiderazzjoni taż-żewġ komponenti identifikati mill-Kummissjoni (ara l-punt 254 iktar ’il fuq).

–       Fuq l-ewwel komponent tar-royalty dovuta lil LuxSCS (spejjeż ta’ xiri bilforza u spejjeż tal-ARC)

257    Fir-rigward tal-ewwel komponent tar-royalty dovuta lil LuxSCS (ara l-punt 254 iktar ’il fuq), il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni fil-kuntest tal-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv li r-royalty imħallsa minn LuxOpCo lil LuxSCS ma għandhiex tirrifletti biss l-ispejjeż tal-iżvilupp, iżda wkoll il-valur tal-assi intanġibbli. Dan il-valur ma jkunx korrelatat ma’ dawn l-ispejjeż u għalhekk ma’ pagamenti magħmula minn LuxSCS skont l-ARC. Fil-punt 73 tar-rikors u fil-punti 32 et seq. tar-replika fil-Kawża T‑318/18, Amazon tinvoka, essenzjalment, l-istess ilment. Barra minn hekk, skont il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-ispejjeż marbuta mal-ARC u mal-ftehim ta’ xiri bil-forza, li jkunu l-korrispettiv tat-tqegħid għad-dispożizzjoni minn LuxSCS tal-assi intanġibbli permezz tal-ftehim ta’ liċenzja, kellhom jiġu inklużi fl-ispejjeż li għalihom ġie applikat marġni.

258    Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti.

259    Hija ssostni li l-għan ta’ ftehim ta’ tqassim tal-ispejjeż bħall-ARC jinsab fit-tqassim tal-ispejjeż marbuta mal-iżvilupp tal-assi intanġibbli, u mhux fil-kisba ta’ profitt tal-operat fuq l-attivitajiet Ewropej. B’hekk, ATI u A 9 ma għandhom jiksbu l-ebda parti mill-profitti misluta mill-attivitajiet kummerċjali fl-Ewropa lil hinn mir-rimbors tal-ispejjeż ta’ xiri bil-forza u skont l-ARC. Huwa għalhekk ġust li d-deċiżjoni kkontestata ddeterminat ir-remunerazzjoni ta’ LuxSCS bħala li tinkludi rimbors tal-pagamenti ta’ xiri bil-forza u tal-ispejjeż tal-iżvilupp tal-ARC. Il-Kummissjoni tfakkar f’dan il-kuntest li, fil-fehma tagħha, ir-raġuni tal-eżistenza ta’ LuxSCS kienet purament fiskali. Il-ftehim ta’ liċenzja ma kienx konkluż direttament bejn l-entitajiet Amerikani u LuxOpCo, iżda bejn LuxSCS u LuxOpCo, sabiex jiġi evitat li r-royalties ikunu suġġetti għat-taxxa fl-Istat Uniti. Kieku LuxSCS ma kinitx teżisti, ATI u A 9 kienu jikkonkludu ftehim ta’ tqassim tal-ispejjeż ma’ LuxOpCo (u mhux ftehim ta’ liċenzja), b’tali mod li LuxOpCo biss kellha tagħmel il-pagamenti. Iktar minn hekk, l-attività ta’ LuxSCS hija limitata għas-sempliċi żamma tal-assi intanġibbli. LuxSCS ma eżerċitatx, hija stess direttament, funzjonijiet ta’ żvilupp tal-proprjetà intellettwali u għalhekk ma kellhiex tirċievi remunerazzjonijiet f’dan ir-rigward. Hija ma kellha l-ebda rwol fl-użu jew l-iżvilupp tal-assi intanġibbli, u lanqas ma eżerċitat xi kontroll fuq dawn il-funzjonijiet ta’ żvilupp u fuq ir-riskji relatati. Skont il-Kummissjoni, għalhekk ma kellux jiġi applikat marġni għall-ispejjeż ta’ xiri bil-forza u għall-ispejjeż tal-ARC, sa fejn dawn kienu biss spejjeż mgħoddija minn LuxSCS lil LuxOpCo u fejn LuxSCS ma teżerċita l-ebda funzjoni b’rabta mal-assi intanġibbli. Għall-kuntrarju, ir-remunerazzjoni ta’ LuxSCS kellha tirrifletti l-fatt li l-funzjonijiet u r-riskji attribwiti lil LuxSCS permezz tal-ARC kienu fil-fatt sostnuti minn LuxOpCo. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma kinitx injorat, fl-analiżi funzjonali tagħha, il-fatt li LuxSCS kienet il-proprjetarja legali tal-assi intanġibbli.

260    B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li l-eżerċizzju li jikkonsisti fl-eżami ta’ jekk royalty bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ tikkorrispondix għal riżultat tas-suq jippreżupponi, skont il-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, li jintrabat mal-valur tal-assi intanġibbli u mhux mal-ispejjeż tal-iżvilupp tagħhom. Fil-fatt, mill-punt 6.27 tal-imsemmija linji gwida jirriżulta li, għalkemm l-ispejjeż tal-iżvilupp tal-assi intanġibbli jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-komparabbiltà jew tal-valur relatat tal-kontribuzzjoni tal-partijiet differenti għal tranżazzjoni, ma teżistix rabta neċessarja bejn dawn l-ispejjeż u l-valur tal-assi intanġibbli. B’mod partikolari, il-valur xieraq effettiv ta’ assi intanġibbli ta’ spiss ma jistax jitkejjel skont l-ispejjeż imġarrba għall-iżvilupp u ż-żamma tal-assi intanġibbli. Kif jirriżulta mill-punt 6.2 tal-imsemmija linji, l-“assi intanġibbli” jista’ jkollhom valur kunsiderevoli anki jekk ma jkollhomx valur kontabbli fil-bilanċ tal-kumpannija. Finalment, kif jirriżulta, rispettivament, mill-punti 1.22 u 6.27 tal-imsemmija gwida, f’dan ir-rigward hija kwistjoni li tissejjaħ “valur kummerċjali” jew “valur tas-suq”. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li dan il-valur jista’ jkun suġġett għal varjazzjonijiet maż-żmien.

261    F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-ewwel komponent tar-remunerazzjoni ta’ LuxSCS, kif ikkalkolata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri, l-ewwel, il-pagament ta’ xiri bil-forza mingħajr marġni u, it-tieni, il-pagamenti skont l-ARC dejjem mingħajr marġni, jirriflettix effettivament il-valur tal-assi intanġibbli lliċenzjati lil LuxOpCo.

262    Fl-ewwel lok, ċertament, jista’ jiġi kkunsidrat li l-pagament ta’ xiri bil-forza li tħallas minn LuxSCS lill-entitajiet Amerikani b’korrispettiv tat-trasferiment ta’ proprjetà ta’ parti mill-assi intanġibbli eżistenti minn qabel u ta’ liċenzja fuq il-kumplament tal-assi intanġibbli eżistenti minn qabel (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) jirrifletti sew il-valur tal-assi intanġibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ xiri bil-forza, jiġifieri fl‑2005.

263    Fil-fatt, għalkemm l-ammont tal-pagament ta’ xiri bil-forza ma jikkostitwixxix prezz li ġie nnegozjat liberament fis-suq, dan huwa, kif tindika Amazon fil-punt 73 tar-rikors fil-Kawża T‑318/18, il-prezz imħallas b’korrispettiv tal-akkwist tal-assi intanġibbli eżistenti minn qabel fl‑2005. Tali ħlas, b’differenza mill-ispejjeż tal-iżvilupp, jista’ jirrifletti l-valur tal-assi intanġibbli li huma s-suġġett tat-trasferiment ta’ proprjetà, jiġifieri l-assi intanġibbli eżistenti minn qabel fl‑2005.

264    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, kif ġie sostnut b’mod partikolari mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mingħajr ma ġie kontradett dwar dan il-punt mill-Kummissjoni, matul il-perijodu kkunsidrat, l-assi intanġibbli żdiedu b’mod sinjifikattiv fil-valur bis-saħħa tal-innovazzjoni permanenti fit-teknoloġija żviluppata b’mod partikolari mill-entitajiet Amerikani minn Amazon US kif ukoll bis-saħħa tal-iżvilupp tar-reputazzjoni tat-trade mark Amazon u b’hekk tal-assi intanġibbli marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni fl-Ewropa u fid-dinja. Is-sempliċi żieda tal-ispejjeż tal-iżvilupp mingħajr marġni (pagamenti skont l-ARC) mal-prezz imħallas għall-kisba tal-assi intanġibbli eżistenti minn qabel (pagament ta’ xiri bil-forza), magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 555 tad-deċiżjoni kkontestata, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’dan il-każ, il-valur tal-assi intanġibbli eżistenti minn qabel żdied matul il-perijodu kkunsidrat, sa fejn dawn l-assi ġew żviluppati u mtejba bil-mod mill-entitajiet Amerikani u sostitwiti, parzjalment. Is-sempliċi riperkussjoni tal-pagament skont il-ftehim ta’ xiri bil-forza, invokata mill-Kummissjoni, li tista’ tiġi aċċettata bħala l-valur inizjali tagħhom tal-assi intanġibbli fl‑2005, b’hekk ma tirriflettix il-valur tas-suq tal-imsemmija assi intanġibbli matul il-perijodu kkunsidrat kollu.

265    Iktar minn hekk, huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-pagamenti magħmula minn LuxSCS skont il-ftehim ta’ xiri bil-forza setgħu jingħaddew lil LuxOpCo mingħajr l-applikazzjoni ta’ marġni. L-assenza ta’ marġni ma tirriflettix dak li partijiet indipendenti kienu jaċċettaw fil-kuntest ta’ tranżazzjoni libera fis-suq u għalhekk tikkostitwixxi żball fil-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ LuxSCS. Fil-fatt, huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat, u barra minn hekk jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 6.14 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, li l-partijiet indipendenti li jaġixxu fis-suq ifittxu li jisiltu profitti mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-assi tagħhom. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ marġni fil-kuntest tal-kalkolu ta’ remunerazzjoni bħal dik inkwistjoni tidher bħala sitwazzjoni ta’ rutina fis-suq. Issa, kif issostni Amazon fil-punt 98 tar-rikors fil-Kawża T‑318/18, kieku l-Kummissjoni eżaminat il-possibbiltajiet li kellha LuxSCS, kif jirrakkomanda l-imsemmi punt 6.14, hija setgħet tikkonstata li kienu jeżistu diversi operaturi ta’ attività ta’ kummerċ online fl-Ewropa, b’tali mod li LuxSCS setgħet tivvalorizza l-assi intanġibbli lil hinn mis-sempliċi spejjeż tal-iżvilupp tagħhom.

266    Sussegwentement, fit-tieni lok, fir-rigward tal-pagamenti skont l-ARC, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie espost iktar ’il fuq, mill-punt 6.27 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 jirriżulta li, għalkemm l-ispejjeż tal-iżvilupp tal-assi intanġibbli setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-komparabbiltà jew tal-valur relattiv tal-kontribuzzjoni tal-partijiet differenti għal tranżazzjoni, ma teżistix rabta neċessarja bejn l-ispejjeż tal-iżvilupp u l-valur ta’ assi intanġibbli. Is-sempliċi riperkussjoni tal-pagament skont l-ARC issuġġerita mill-Kummissjoni tikkorrispondi biss għar-rimbors tal-ispejjeż li għandha ġġarrab LuxSCS għall-finijiet tal-iżvilupp tal-assi intanġibbli u ma tirriflettix il-valur tal-assi intanġibbli mtejba. Ir-rimbors biss tal-ispejjeż tal-iżvilupp, mingħajr ma jiġi applikat marġni, jaqa’ taħt approċċ li ma jikkorrispondix għal riżultat tas-suq.

267    F’dan il-kuntest, hemm lok li jitfakkar li s-suġġett tat-tranżazzjoni kkontrollata li hija s-suġġett tal-eżami tal-Kummissjoni huwa l-liċenzja tal-assi intanġibbli mogħtija minn LuxSCS lil LuxOpCo, filwaqt li jitfakkar li LuxSCS kienet parti għall-ARC. Huwa stabbilit li ATI u A 9 kienu jeżerċitaw funzjonijiet ta’ żvilupp ta’ parti mill-assi intanġibbli. Madankollu, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li ATI u A 9 kienu “remunerati” mill-pagamenti skont l-ARC għal dawn il-funzjonijiet jirrifletti fehim żbaljat tal-ARC mill-Kummissjoni. Mill-punt 4.3 tal-ARC jirriżulta li l-pagamenti magħmula minn LuxSCS skont l-ARC kienu kkalkolati biss bħala perċentwali tal-ispejjeż tal-iżvilupp imġarrba mill-partijiet għall-ARC. Ċertament, il-parteċipazzjoni ta’ LuxSCS għall-ispejjeż tal-iżvilupp hija proporzjonali għall-profitti magħmula mill-entitajiet miżmuma minn LuxSCS, u b’hekk minn LuxOpCo, meta mqabbla mal-profitti magħmula minn ATI u A 9. Jibqa’ l-fatt li l-pagamenti skont l-ARC jikkorrispondu għalhekk għal frazzjoni tal-ispejjeż tal-iżvilupp tal-assi intanġibbli żviluppati fil-kuntest tal-ARC u mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ LuxOpCo konformement mal-ftehim ta’ liċenzja u ma jirriflettux għalhekk il-valur tas-suq ta’ dawn l-assi intanġibbli. Issa, huwa dan il-valur li għandha tirrifletti royalty ta’ distakkament skont il-ftehim ta’ liċenzja.

268    Fir-rigward ta’ dak li ntqal, il-fatt li LuxSCS ma eżerċitatx il-funzjonijiet ta’ żvilupp direttament hija nnifisha ma jqajjimx dubju dwar il-konstatazzjoni li l-ammont tar-royalty imħallsa minn LuxOpCo għandu jirrifletti l-valur tal-assi intanġibbli.

269    Għaldaqstant, ma huwiex xieraq li l-Kummissjoni ssostni li r-remunerazzjoni ta’ LuxSCS setgħet tiġi kkalkolata fuq il-bażi ta’ sempliċi riperkussjoni tal-ispejjeż tal-iżvilupp tal-assi intanġibbli.

270    Il-konklużjoni msemmija fil-punt 269 iktar ’il fuq ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni.

271    L-ewwel, il-Kummissjoni sostniet li LuxSCS hija biss intermedjarja u li hija sempliċement għaddiet lil LuxOpCo l-ispejjeż imġarrba b’rabta mal-ftehim ta’ xiri bil-forza u l-ARC, għat-trasferiment, sussegwentement, ta’ parti mir-royalty li kienet tirċievi minn LuxOpCo skont il-ftehim ta’ liċenzja lil A 9 u lil ATI fl-ammont ta’ dawn l-ispejjeż. Id-differenza bejn l-ammonti li kienet tirċievi permezz tar-royalty u l-pagamenti magħmula skont l-ARC kienet attribwita lil LuxSCS, u sussegwentement possibbilment intbagħtu lura mis-soċji tagħha, mingħajr ma LuxSCS eżerċitat xi funzjoni li tiġġustifika li dawn l-ammonti jiġu attribwiti lilha.

272    Madankollu, anki kieku kien hemm lok li jiġi kkunsidrat li LuxSCS kienet biss sempliċi intermedjarja, jiġifieri li hija kienet tinsab bejn LuxOpCo u l-entitajiet Amerikani ATI u A 9, li ma kinitx eżerċitat funzjonijiet ta’ żvilupp, jibqa’ l-fatt li l-ammont tar-royalty li kien ikollha tħallas LuxOpCo, u b’hekk ir-remunerazzjoni ta’ LuxSCS, kellu jirrifletti l-valur kummerċjali tal-assi intanġibbli mqiegħda għad-dispożizzjoni permezz tal-ftehim ta’ liċenzja. Issa, is-sempliċi riperkussjoni tal-pagament skont l-ARC, invokata mill-Kummissjoni, tikkorrispondi biss għar-rimbors tal-ispejjeż li kellha ġġarrab LuxSCS għall-finijiet tal-iżvilupp tal-assi intanġibbli u ma tirriflettix il-valur kummerċjali tal-imsemmija assi intanġibbli.

273    Jekk, mill-argumenti msemmija fil-punt 271 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha l-għan li ssostni li l-bażi taxxabbli ta’ LuxOpCo kellha titnaqqas minħabba l-interpożizzjoni ta’ LuxSCS bejn LuxOpCo u l-entitajiet Amerikani ATI u A 9, u l-konklużjoni tal-ftehim ta’ liċenzja ma’ LuxSCS – b’kuntrast mal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ liċenzja mal-imsemmija entitajiet, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma bbażatx fuq tali raġunament biex turi l-eżistenza tal-vantaġġ favur LuxOpCo.

274    Barra minn hekk, ma huwiex stabbilit li, kieku l-ftehim ta’ liċenzja kien ġie konkluż minn LuxOpCo direttament mal-entitajiet Amerikani, mingħajr ma LuxSCS tkun imqiegħda bejn dawn il-kumpanniji, l-ammont ta’ royalty imħallsa lill-imsemmija entitajiet kien ikun differenti mill-ammont tar-royalty dovuta lil LuxSCS.

275    It-tieni, il-konklużjoni msemmija fil-punt 269 iktar ’il fuq ma hijiex ikkontestata mill-argument imressaq mill-Kummissjoni matul is-seduta, li jgħid li l-ARC seta’ jiġi konkluż direttament ma’ LuxOpCo.

276    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-raġunament li jgħid li, kieku LuxSCS ma kinitx teżisti, kien jiġi konkluż ftehim ta’ tqassim tal-ispejjeż ma’ LuxOpCo, huwa purament ipotetiku u huwa, fil-fatt, kwistjoni ta’ spekulazzjoni.

277    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma bbażatx ir-raġunament tagħha fuq il-fatt li LuxOpCo setgħet jew kellha tkun direttament parti għall-ARC. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni mkien fid-deċiżjoni kkontestata ma tqajjem dubju dwar l-eżistenza ta’ LuxSCS, bħala tali, u lanqas il-validità, fir-rigward tad-dritt Lussemburgiż, tal-arranġament li kien jirriżulta mill-konklużjoni tal-ARC u tal-ftehim ta’ liċenzja, minħabba li dan l-arranġament kien jippermetti t-tnaqqis tad-dejn fiskali ta’ LuxOpCo. Il-Kummissjoni fil-fatt illimitat ruħha li tikkontesta l-ammont tar-royalty dovuta minn LuxOpCo lil LuxSCS.

278    It-tielet, il-konklużjoni msemmija fil-punt 269 iktar ’il fuq ma hijiex ikkontestata mill-argument imressaq mill-Kummissjoni matul is-seduta li jgħid li LuxSCS kienet inħalqet għal raġunijiet purament fiskali.

279    Is-sempliċi fatt li entità li tappartjeni lil grupp ta’ kumpanniji tkun inħalqet biss għall-finijiet ta’ ottimizzazzjoni fiskali u li din tirċievi royalty għal assi intanġibbli żviluppati fi ħdan il-grupp ta’ kumpanniji inkwistjoni ma huwiex biżżejjed, bħala tali, sabiex jiġi konkluż li kien hemm vantaġġ fiskali fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE għad-debitur tar-royalty u għalhekk ma jurix neċessarjament l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat favur id-debitur tar-royalty.

280    F’dan il-każ, ċertament, it-trattament fiskali ta’ LuxSCS li jvarja bejn il-Lussemburgu (LuxSCS kienet “trasparenti fiskalment” fil-Lussemburgu) u l-Istati Uniti (LuxSCS kienet “mhux trasparenti fiskalment” fl-Istati Uniti) huwa dovut għal “diskrepanza ibrida”, jiġifieri differenza fir-regolamenti tat-taxxa applikabbli fil-Lussemburgu u fl-Istati Uniti fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-persuna taxxabbli.

281    Iżda, kif irrilevat il-Kummissjoni stess fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 16 li takkumpanja l-punt 13 tar-risposta tal-Kawża T‑816/17, il-konsegwenzi ta’ din id-diskrepanza (in-nuqqas ta’ tassazzjoni tal-profitti) ma humiex is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. Il-kwistjoni rilevanti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għalhekk ma hijiex dwar jekk l-iskop ta’ LuxSCS huwiex purament fiskali, lanqas, barra minn hekk, jekk id-dħul li hija ġġenerat jiġix effettivament imħallas fl-Istati Uniti f’idejn is-soċji tagħha, iżda dik dwar jekk LuxOpCo ħallsitx royalty li l-ammont tagħha kien sopravvalutat u jekk, minħabba dan, ir-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo u, għaldaqstant, il-bażi taxxabbli tagħha tnaqqsu b’mod artifiċjali.

282    Ir-raba’, il-konklużjoni msemmija fil-punt 269 iktar ’il fuq ma hijiex ikkontestata mill-affermazzjoni magħmula mill-Kummissjoni matul is-seduta, bis-suppożizzjoni li tiġi kkonfermata, li tgħid li LuxSCS kienet kumpannija “fittizja”.

283    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li LuxSCS effettivament kellha eżistenza ġuridika, u dan ma jitqegħidx f’dubju mill-Kummissjoni. LuxSCS kienet stabbilita fil-Lussemburgu u kienet tinsab fir-reġistru kummerċjali tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu bħala kumpannija Lussemburgiża.

284    Bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal, hemm lok li jitqies li l-konklużjoni li tinsab fil-premessa 555 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-ewwel komponent tar-“remunerazzjoni ta’ LuxSCS” kellu jikkonsisti fi “ħlas mill-ġdid tal-ispejjeż pass-through li ġarrbet b’rabta mal-Ftehim ta’ Xiri bil-Forza u s-CSA [l-ARC] (jiġifieri l-Ispejjeż tax-Xiri bil-Forza u tal-Ispejjeż tas-CSA)” hija vvizzjata bi żball, minħabba li tali royalty ma tikkorrispondix għal riżultat tas-suq. Dan l-iżball fl-applikazzjoni tal-MTMN huwa biżżejjed ukoll sabiex jiġi kkunsidrat li l-konstatazzjoni prinċipali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ma tistax tiġi kkonfermata. Madankollu, għandu jsir l-eżami tal-argumenti tal-partijiet kif ġej.

–       Fuq it-tieni komponent tar-remunerazzjoni ta’ LuxSCS (spejjeż taż-żamma)

285    Fir-rigward tat-tieni komponent tar-remunerazzjoni ta’ LuxSCS (ara l-punt 254 iktar ’il fuq), il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkunsidra li l-evalwazzjoni li tinsab fil-premessa 555 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-argument li jgħid li “jenħtieġ li LuxSCS titħallas b’valwazzjoni pożittiva abbażi tal-kost li tikkonsisti biss fl-ispejjeż imġarrba għas-servizzi esterni akkwiżit[i] sabiex iżżomm is-sjieda legali tagħha tal-Assi Intanġibbli”, hija żbaljata. F’dan ir-rigward, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni tiffissa l-marġni ta’ “distakkament” għal 5 % tal-ispejjeż esterni fuq il-bażi tar-rapport FCPT. B’mod iktar preċiż, skont il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-marġni ta’ 5 %, meqjus bħala l-marġni ta’ “distakkament”, huwa arbitrarju, bħall-analiżi sommarja li fuqha huwa bbażat dan il-marġni. Ir-rapport FCPT jibbaża, min-naħa tiegħu, fuq analiżi tal-prattiki osservati mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri u mhux fuq analiżi tal-prattika Lussemburgiża relatata mal-Artikolu 164(3) tal-LIR. Mingħajr ma jitqies il-fatt li ma għandu l-ebda valur fid-dritt Lussemburgiż u li kien ġie adottat wara d-DFA inkwistjoni u għalhekk ma kienx disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ir-rapport FCPT jirreferi għall-marġnijiet osservati fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp u għalhekk ma jistax jintuża bħala bażi sabiex jiġi ddeterminat il-marġni ta’ distakkament, jiġifieri l-marġni li jikkorrispondi għall-kundizzjonijiet li jeżistu fis-suq ħieles.

286    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

287    Hija tenfasizza li t-tieni komponent tar-royalty dovuta minn LuxOpCo lil LuxSCS tirrappreżenta parti minima, b’tali mod li din ma taffettwax realment ir-“remunerazzjoni” ta’ LuxSCS ikkalkolata mill-Kummissjoni. Fil-fehma tagħha, ma kienx neċessarju, f’dan il-każ, li ssir analiżi ġenwina tal-prezz ta’ trasferiment u li jiġi ddeterminat x’kellu jkun l-ammont eżatt tar-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo. Min-naħa l-oħra, ir-rapport FCPT jista’ jintuża bħala “sfera ta’ sikurezza” u jippermetti l-iffissar tal-ammont ta’ tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp f’valur baxx, li għalihom ikun wisq għali u jieħu wisq ħin biex issir analiżi ġenwina tal-prezz ta’ trasferiment. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jagħmel parti mill-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment u r-rapport FCPT jibbaża wkoll fuq il-prattika Lussemburgiża. Għalkemm il-marġnijiet ikkonstatati fir-rapport FCPT kienu ġew osservati għat-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp, skont il-Kummissjoni, dawn huwa marġnijiet – ġeneralment aċċettati mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa – sa fejn jirriflettu l-profittabbiltà ta’ impriżi f’kundizzjonijiet tas-suq. Finalment, il-Kummissjoni tindika li r-rapport FCPT, għalkemm ħareġ fl‑2010, jibbaża fuq data relattiva għall-perijodu bejn l-1999 u l-2007, u żżid li din id-data tista’ tintuża, sa fejn id-DFA inkwistjoni ġiet implimentata biss mill‑2006.

288    B’mod preliminari, kif ġie espost fil-punt 254 iktar ’il fuq, it-tieni komponent tar-“remunerazzjoni” ta’ LuxSCS, ikkalkolata mill-Kummissjoni, jikkorrispondi għall-ispejjeż li jistgħu jiġu indikati bħala “spejjeż taż-żamma”, b’żieda ta’ 5 %. Dan il-qligħ ta’ 5 % ġie adottat mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-rapport FCPT, sa fejn din hija r-rata ta’ qligħ osservata l-iktar ta’ spiss għall-prezzijiet ta’ trasferiment, relatat mal-provvisti ta’ servizzi fi ħdan il-grupp b’valur miżjud baxx.

289    Kif isostnu l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon, l-approċċ adottat mill-Kummissjoni huwa problematiku f’diversi aspetti.

290    Qabel kollox, il-Kummissjoni rrikonoxxiet hija stess fil-premessa 557 tad-deċiżjoni kkontestata li kinux jeżistu impriżi komparabbli biex tiġi evalwata r-remunerazzjoni ta’ LuxSCS għall-funzjonijiet tagħha li jikkorrispondu għaż-żamma tal-proprjetà tagħha fuq l-assi intanġibbli.

291    Issa, skont il-punt 3.26 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-MTMN, il-“marġni pożittiv miksub mill-persuna taxxabbli permezz ta’ tranżazzjoni kkontrollata […] għandu teoretikament jiġi ddeterminat b’riferiment għall-marġni pożittiv li l-istess persuna taxxabbli tikseb permezz ta’ tranżazzjonijiet komparabbli fis-suq ħieles” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-assenza ta’ tranżazzjoni komparabbli kellha twassal sabiex il-Kummissjoni ma tapplikax il-MTMN għal LuxSCS.

292    Ċertament, l-approċċ adottat mill-Kummissjoni intiż għall-użu tar-rapport FCPT, minflok ma twettaq ir-riċerka ta’ komparabbiltà proprja tagħha kif ukoll l-analiżi proprja tagħha dwar il-marġnijiet pożittivi komparabbli eżistenti fis-suq, ma huwiex inkompatibbli mar-regoli ta’ applikazzjoni tal-MTMN, kif jirriżultaw mil-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995. Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 3.29 u 3.30 ta’ dawn il-linji gwida, huwa magħruf li huwa diffiċli li tinstab informazzjoni preċiża biżżejjed dwar il-marġnijiet pożittivi li jeżistu fis-suq ħieles kif ukoll il-parametri użati ta’ spiss fis-suq ħieles bħala indikaturi tal-profitti. Min-naħa l-oħra, il-forma u n-natura tas-sorsi ta’ informazzjoni użati għal dan l-għan, bħala tali, ma għandhom l-ebda rilevanza. Jekk teżisti pubblikazzjoni dwar l-indikaturi tal-profitti jew dwar il-marġnijiet pożittivi osservati f’ċerti qasam tal-attività ekonomika, din il-pubblikazzjoni tista’, bħala prinċipju, tintuża, mingħajr madankollu ma tkun neċessarjament f’dan ir-rigward “sfera ta’ sikurezza”, kif issemmi l-Kummissjoni fil-kuntest tal-argument tagħha msemmi fil-punt 287 iktar ’il fuq.

293    Għaldaqstant, l-użu ta’ tali rapport jista’ jiġi aċċettat biss jekk id-data li tinsab fih tkun rilevanti u affidabbli. B’mod partikolari, minn tali rapport wieħed jistenna mill-inqas li d-data li tinsab fih tkun marbuta ma’ tranżazzjonijiet komparabbli għat-tranżazzjoni kkontrollata kif ukoll ma’ funzjonijiet komparabbli għal dawk tal-entità ttestjata, b’tali mod li l-paragun ikun effettivament affidabbli.

294    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-marġni adottat mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-rapport FCPT jikkorrispondi għall-marġni ġeneralment osservat, skont l-awturi ta’ dan ir-rapport, għal ċerti “servizzi fi ħdan il-grupp b’valur miżjud baxx”. Issa, LuxSCS ma pprovdietx tali servizzi. Il-funzjonijiet marbuta maż-żamma tal-proprjetà tagħha fuq l-assi intanġibbli fil-fatt ma jistgħux jiġu assimilati ma’ provvista ta’ servizzi fi ħdan il-grupp “b’valur miżjud baxx”. Minn dan isegwi li, għalkemm, bħala prinċipju, l-użu tar-rapport FCPT ma jqajjimx diffikultajiet ta’ natura metodoloġika, jibqa’ l-fatt li l-informazzjoni li tinsab f’dan ir-rapport ma kellha l-ebda rabta mal-funzjonijiet ta’ LuxSCS fil-kuntest tat-tranżazzjoni kkontrollata kkonċernata f’dan il-każ, jiġifieri l-ftehim ta’ liċenzja.

295    Bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 257 sa 292 iktar ’il fuq, għandu jintlaqa’ l-argument imressaq mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u minn Amazon intiż sabiex isostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji fl-analiżi funzjonali ta’ LuxSCS, u dan kellu impatt fuq il-konklużjoni tagħha dwar il-fatt li LuxSCS tintgħażel bħala l-parti li għandha tiġi ttestjata fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-MTMN. Il-Kummissjoni wettqet żball ukoll fid-determinazzjoni tal-marġni pożittiv xieraq applikabbli għat-tranżazzjoni kkontrollata f’dan il-każ.

3)      Konklużjoni dwar il-konstatazzjoni prinċipali

296    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet differenti, għandu jintlaqa’ l-argument tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ Amazon intiż sabiex jikkontesta l‑konstatazzjoni prinċipali tal-vantaġġ. Minn naħa, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li LuxSCS kellha titqies bħala l-parti li għandha tiġi ttestjata. Min‑naħa l-oħra, il-kalkolu tar-“remunerazzjoni ta’ LuxSCS” imwettaq mill‑Kummissjoni, fuq il-bażi tal-premessa li tgħid li LuxSCS kellha tkun l-entità li għandha tiġi ttestjata, huwa vvizzjat b’diversi żbalji u ma jistax jiġi kkunsidrat bħala affidabbli biżżejjed, u lanqas li jippermetti li jwassal għal riżultat ta’ distakkament. Sa fejn il-metodu ta’ kalkolu adottat mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud, dan il-metodu ma jistax jissostanzja l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-royalty imħallsa minn LuxOpCo lil LuxSCS kellha tkun iktar baxxa minn dik effettivament irċevuta, bl-applikazzjoni tad-DFA inkwistjoni, matul il‑perijodu kkontestat. L-elementi li jinsabu fil-konstatazzjoni prinċipali tal‑vantaġġ għalhekk ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-oneru fiskali ta’ LuxOpCo tnaqqas b’mod artifiċjali minħabba s-sopravvalutazzjoni tar-royalty.

297    Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni lment tat-tieni parti u t-tielet parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑816/17 kif ukoll it-tieni u r-raba’ motiv fil-Kawża T‑318/18, intiżi sabiex isostnu li l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ vantaġġ fil-kuntest tal-konstatazzjoni prinċipali tagħha għandhom jintlaqgħu, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra intiżi sabiex jikkontestaw il-konstatazzjoni prinċipali.

3.      Fuq il-motivi u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw ir-raġunament sussidjarju dwar il-vantaġġ

298    Fil-kuntest tat-tielet ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑816/17 u tal-ħames motiv fil-Kawża T‑318/18, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw ir-raġunament sussidjarju tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali favur LuxOpCo.

299    Sabiex dawn il-motivi jiġu eżaminati fid-dettall, hemm lok li jitfakkar li, kif ġie espost fil-punti 65 sa 68 iktar ’il fuq, fil-kuntest tar-raġunament sussidjarju tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Kummissjoni għamlet tliet konstatazzjonijiet, li jgħidu li l-metodu tal-prezz ta’ trasferiment approvat mid-DFA inkwistjoni jibbaża ruħu fuq tliet għażliet metodoloġiċi żbaljati.

300    Qabel kollox, permezz tal-ewwel konstatazzjoni sussidjarja (premessi 565 sa 569 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni identifikat żball fl-għażla tal-metodu tal-prezz ta’ trasferiment approvat mid-DFA inkwistjoni. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li l-partijiet jaqblu dwar il-fatt li l-metodu applikat fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003 kien jikkorrispondi, fir-realtà, għall-MTMN. Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li jirriżulta mir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003 stess, l-awturi ta’ dan ir-rapport ma għażlux, u lanqas effettivament applikaw il-metodu tat-tqassim tal-profitti. Amazon ikkonfermat, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub, li l-metodu tal-prezz ta’ trasferiment approvat fid-DFA inkwistjoni kien jikkonsisti, fl-ewwel lok, fil-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo bl-applikazzjoni tal-MTMN u, fit-tieni lok, fl-attribuzzjoni tal-profitti residwi kollha lil LuxSCS sabiex tiġi rremunerata għall-assi intanġibbli. Barra minn hekk, il-fatt li l-awturi tar-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003, fir-realtà, użaw il-MTMN u mhux il-metodu tat-tqassim tal-profitti fil-varjant tal-analiżi residwa ssemma mill-Kummissjoni fil-premessa 540 tad-deċiżjoni kkontestata.

301    Insostenn tal-ewwel konstatazzjoni sussidjarja tagħha, il-Kummissjoni spjegat li, kieku kellu jitqies li LuxSCS eżerċitat effettivament funzjonijiet uniċi u ta’ valur, fatt li hija tikkontesta, l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi ma setgħux jinjoraw il-fatt li LuxOpCo kienet teżerċita wkoll funzjonijiet uniċi u ta’ valur b’rabta mal-proprjetà intellettwali u mal-attivitajiet kummerċjali tal-grupp Amazon fl-Ewropa, u mhux funzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ rutina. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-metodu ta’ determinazzjoni adottat fid-DFA inkwistjoni ma kienx jippermetti l-kisba ta’ riżultat affidabbli u li l-metodu tat-tqassim tal-profitti b’analiżi tal-kontribuzzjonijiet kien iktar xieraq. Issa, skont il-Kummissjoni, kieku ntuża dan l-aħħar metodu, ir-remunerazzjoni u, konsegwentement, id-dħul taxxabbli ta’ LuxOpCo kien ikun iktar sinjifikattiv.

302    Sussegwentement, fil-kuntest tat-tieni konstatazzjoni sussidjarja tagħha (premessi 570 sa 574 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għażla tal-indikatur tal-livell ta’ profitt approvat fid-DFA inkwistjoni kien żbaljat. B’mod iktar speċifiku, hija kkunsidrat li, anki kieku kellu jitqies li l-analiżi funzjonali li tinsab fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003 kienet korretta, billi aċċettat marġni fuq l-ispejjeż tal-operat u mhux fuq l-ispejjeż totali, id-DFA inkwistjoni naqqset b’mod sproporzjonat id-dħul taxxabbli ta’ LuxOpCo, u tatha għalhekk vantaġġ ekonomiku.

303    Finalment, fil-kuntest tat-tielet konstatazzjoni sussidjarja tagħha (premessi 574 sa 578 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kkonkludiet li, fi kwalunkwe każ, l-inklużjoni ta’ limitu massimu fil-metodu tal-prezz sabiex tiġi ddeterminata l-bażi taxxabbli ta’ LuxOpCo, kif approvata fid-deċiżjoni kkontestata, ma kinitx xierqa u lanqas ekonomikament iġġustifikata. Skont il-Kummissjoni, sa fejn din wasslet għal tnaqqis fid-dħul taxxabbli ta’ LuxOpCo, għas-snin finanzjarji 2006, 2007, 2011, 2012 u 2013, l-inklużjoni ta’ tali livell massimu kienet tagħti vantaġġ ekonomiku lil din il-kumpannija.

304    Huwa importanti li jiġi rrilevat li kull waħda mill-konstatazzjonijiet sussidjarji li jinsabu fit-Titoli 9.2.2.1 sa 9.2.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata hija indipendenti mill-oħra. Għalhekk kull waħda tista’ tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ. Il-Kummissjoni kkonfermat, kemm fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub kif ukoll matul is-seduta, li kull waħda mill-konstatazzjonijiet sussidjarji kienet tikkonferma b’mod indipendenti u awtonomu l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ.

a)      Osservazzjonijiet preliminari dwar it-tliet konstatazzjonijiet sussidjarji

305    Fil-premessa 564 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-evalwazzjoni li hija għamlet fil-kuntest tat-Taqsima 9.2.2, dwar il-konstatazzjonijiet sussidjarji tal-vantaġġ, ma kinitx intiża sabiex tiddetermina remunerazzjoni ta’ distakkament “preċiża” għal LuxOpCo, iżda sabiex turi li d-DFA inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ ekonomiku lil LuxOpCo billi approvat għażliet metodoloġiċi żbaljati li kienu jwasslu għal tnaqqis fid-dħul taxxabbli tagħha.

306    F’dan ir-rigward, flimkien ma’ dik li ġie espost fil-punti 123 sa 126 iktar ’il fuq, huwa importanti li jiġi ċċarat, fir-rigward tal-kontenut tas-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni (T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669), il-livell ta’ prova impost fuq il-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest ta’ deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem bħad-DFA inkwistjoni.

307    Qabel kollox, fil-punt 152 tas-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni (T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669), il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, meta l-Kummissjoni tapplika l-prinċipju ta’ distakkament sabiex tistħarreġ jekk il-profitt taxxabbli ta’ impriża integrata bl-applikazzjoni ta’ miżura fiskali (l-ewwel fattur ta’ paragun) jikkorrispondix għal approssimazzjoni affidabbli ta’ profitt taxxabbli magħmul f’kundizzjonijiet tas-suq (it-tieni fattur ta’ paragun), hija tista’ tikkonstata l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE biss bil-kundizzjoni li d-differenza bejn iż-żewġ fatturi ta’ paragun tmur lil hinn mill-impreċiżjonijiet inerenti għall-metodu applikat sabiex tinkiseb tali approssimazzjoni.

308    Minn dan jirriżulta li, sabiex turi li deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem użata għall-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ impriża tagħti vantaġġ ekonomiku, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li din ir-remunerazzjoni titbiegħed minn riżultat ta’ distakkament, fi proporzjonijiet tali li din ma tistax tiġi kkunsidrata bħala remunerazzjoni li kienet tiġi rċevuta fis-suq f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni.

309    Sussegwentement, fil-punti 201 u 211 tas-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni (T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669), il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li s-sempliċi nuqqas ta’ osservanza ta’ rekwiżiti metodoloġiċi ma kienx iwassal neċessarjament għal tnaqqis tal-oneru fiskali. Kien meħtieġ ukoll li l-Kummissjoni turi li l-iżbalji metodoloġiċi li hija kienet identifikat fid-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem ma kinux jippermettu l-kisba ta’ approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ distakkament u li dawn kienu wasslu għal tnaqqis tal-profitt taxxabbli. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet li s-sempliċi konstatazzjoni ta’ żbalji fl-għażla jew fl-applikazzjoni tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment ma kinitx biżżejjed, bħala prinċipju, sabiex turi l-eżistenza ta’ vantaġġ u, għaldaqstant, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

310    Huwa importanti li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha turi b’mod konkret li l-iżball metodoloġiku wassal għal tnaqqis tal-oneru fiskali tal-benefiċjarju tad-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, il-Qorti Ġenerali ma eskludietx li, f’ċerti każijiet, żball metodoloġiku jkun tali li dan ma jippermetti l-ebda kisba ta’ approssimazzjoni ta’ riżultat ta’ distakkament u li dan iwassal neċessarjament għal sottovalutazzjoni tar-remunerazzjoni li kienet tiġi rċevuta f’kundizzjonijiet tas-suq.

311    Tali qari tas-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni (T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669), jirriżulta mill-użu tal-espressjoni “bħala prinċipju” fil-punti 201 u 211 kif ukoll mill-punt 212 ta’ din is-sentenza, li fih huwa ppreċiżat li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma kienet invokat l-ebda element li jippermetti li jiġi konkluż, mingħajr ma jsir paragun mar-riżultat li kien jinkiseb bl-applikazzjoni tal-metodu rrakkomandat minnha, li l-għażla tal-metodu approvat fid-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem kien iwassal neċessarjament għal riżultat baxx wisq.

312    Bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal, u fl-assenza ta’ paragun fid-deċiżjoni kkontestata bejn, minn naħa, ir-riżultat li kien jinkiseb bl-applikazzjoni tal-metodu tal-prezz ta’ trasferiment irrakkomandat mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, ir-riżultat miksub bl-applikazzjoni tad-DFA inkwistjoni, l-approċċ tal-Kummissjoni, espost fil-premessa 564 tad-deċiżjoni kkontestata, li fi tmiemu hija sempliċement tidentifika żbalji fl-analiżi tal-prezzijiet ta’ trasferiment, huwa, bħala prinċipju, insuffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li kien hemm effettivament tnaqqis tal-oneru fiskali ta’ LuxOpCo.

313    Madankollu, hemm lok li jiġi vverifikat jekk, minkejja l-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 564 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunament sussidjarju tal-Kummissjoni dwar il-vantaġġ fihx elementi konkreti li jippermettu li jiġi stabbilit li l-iżbalji fl-analiżi tal-prezzijiet ta’ trasferiment identifikati mill-Kummissjoni wasslu għal tnaqqis ġenwin tal-oneru fiskali ta’ LuxOpCo.

b)      Fuq l-ewwel konstatazzjoni sussidjarja dwar il-vantaġġ

314    Fil-kuntest tat-tielet ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑816/17, u tal-ħames motiv fil-Kawża T‑318/18, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw l-ewwel konstatazzjoni sussidjarja tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali favur LuxOpCo (Taqsima 9.2.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata). Essenzjalment, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw l-affermazzjoni li tgħid li l-metodu tal-prezz ta’ trasferiment rakkomandat mill-Kummissjoni, jiġifieri l-metodu tat-tqassim tal-profitti bl-analiżi tal-kontribuzzjonijiet, kien xieraq. Huma jsostnu li huwa żbaljat li l-Kummissjoni kkonkludiet li LuxOpCo kienet teżerċita funzjonijiet uniċi u ta’ valur. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jenfasizza li l-Kummissjoni barra minn hekk ma fittxitx li tapplika, hija stess, il-metodu tat-tqassim tal-profitti.

315    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

316    Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata, ġustament, irrilevat għażliet metodoloġiċi inadegwati fir-rigward tal-metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment approvat fid-DFA inkwistjoni. Hija tal-opinjoni li, minkejja li LuxSCS kienet ikkunsidrata bħala li teżerċita funzjonijiet uniċi u ta’ valur b’rabta mal-assi intanġibbli, dan ikun ukoll il-każ ta’ LuxOpCo, b’tali mod li determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment ibbażata fuq il-metodu tat-tqassim tal-profitti tirrappreżenta metodu tal-prezz ta’ trasferiment iktar xieraq u twassal għal remunerazzjoni ta’ LuxOpCo li tkun ogħla minn dik ikkonfermata mid-DFA inkwistjoni.

317    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 565 sa 568 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, li, anki kieku kien hemm lok li jiġi aċċettat l-argument li jgħid li LuxSCS kienet teżerċita funzjonijiet uniċi u ta’ valur b’rabta mal-assi intanġibbli, il-fatt li LuxOpCo kienet tassumi wkoll tali funzjonijiet kien ifisser li, f’dan il-każ, il-metodu tat-tqassim tal-profitti, fil-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet, kellu jiġi ppreferut mill-metodu MTMN.

318    F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġu ppreċiżati żewġ affarijiet differenti.

319    L-ewwel, il-Kummissjoni indikat fil-premessa 565 tad-deċiżjoni kkontestata li, LuxOpCo mhux talli matul il-perijodu kkunsidrat ma wettqitx funzjonijiet ta’ ġestjoni “ta’ rutina”, talli wettqet firxa ta’ funzjonijiet uniċi u ta’ valur b’rabta mal-assi intanġibbli u kienet teżerċita l-attivitajiet kummerċjali tal-grupp Amazon fl-Ewropa.

320    F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Kummissjoni ma kkonstatatx li ċerti funzjonijiet ta’ LuxOpCo, kif identifikati fil-kuntest tal-analiżi funzjonali proprja tagħha, setgħu jiġu kklassifikati bħala ta’ rutina, u lanqas li tali funzjonijiet kellhom, minkejja din in-natura ta’ rutina, ikunu s-suġġett ta’ remunerazzjoni supplimentari.

321    It-tieni, fil-premessa 568 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet, f’dan il-każ, kienet twassal għal remunerazzjoni ta’ LuxOpCo għall-funzjonijiet kollha tagħha kif ukoll għall-assi u r-riskji kollha tagħha, kif analizzati fit-Taqsima 9.2.1.2 tad-deċiżjoni kkontestata, u għalhekk għal remunerazzjoni ogħla minn dik ivvalidata fid-DFA inkwistjoni. Minħabba dan, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fatt li l-MTMN ġie approvat fid-DFA inkwistjoni kien wassal għal tnaqqis tad-dħul taxxabbli ta’ LuxOpCo meta mqabbla ma’ kumpanniji li d-dħul taxxabbli tagħhom kien jirrifletti l-prezzijiet innegozjati fis-suq. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 566 tad-deċiżjoni kkontestata, skont il-Kummissjoni, ma kienx xieraq li jiġi approvat metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment li jipprevedi l-imputazzjoni lil LuxSCS tal-profitt residwu kollu magħmul minn LuxOpCo li jaqbeż [kunfidenzjali] tal-ispejjeż tal-operat tagħha.

322    Barra minn hekk, mill-punt 45 tat-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li, fil-fehma tagħha, ir-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo kienet “neċessarjament” ogħla bl-applikazzjoni tal-metodu tat-tqassim tal-profitti, fil-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet, minħabba li dan il-metodu kien jippermetti r-remunerazzjoni tal-funzjonijiet uniċi u ta’ valur ta’ LuxOpCo.

323    Huwa fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 316 sa 322 iktar ’il fuq li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ Amazon intiżi sabiex jikkontestaw l-ewwel konstatazzjoni sussidjarja.

324    Kif jirriżulta mill-punt 314 iktar ’il fuq, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon iqajmu tliet ilmenti, li huma intiżi sabiex jikkontestaw, l-ewwel, l-affermazzjoni li tgħid li LuxOpCo kienet teżerċita funzjonijiet uniċi u ta’ valur, it-tieni, il-konstatazzjoni li tgħid li d-DFA inkwistjoni kienet approvat b’mod żbaljat l-użu tal-MTMN u l-metodu tat-tqassim tal-profitti fil-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet li kellu jintuża f’dan il-każ u, it-tielet, il-konklużjoni li tgħid li l-użu tal-metodu tat-tqassam tal-profitti, fil-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet, kien “neċessarjament” iwassal għal remunerazzjoni iktar sinjifikattiva.

1)      Fuq l-eżerċizzju, minn LuxOpCo, ta’ funzjonijiet imsejħa “uniċi u ta’ valur”

325    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel konstatazzjoni sussidjarja tirreferi b’mod espliċitu għat-Taqsimiet 9.2.1.2.1 u 9.2.1.2.2, 9.2.1.2.3 u 9.2.1.4 tad‑deċiżjoni kkontestata, li fihom il-Kummissjoni wettqet l-analiżi funzjonali proprja tagħha ta’ LuxOpCo, u tibbaża ruħha direttament fuq il-konstatazzjonijiet li jinsabu f’dawn it-taqsimiet.

326    Il-konstatazzjonijiet magħmula fit-Taqsimiet 9.2.1.2.1 u 9.2.1.2.2, 9.2.1.2.3 u 9.2.1.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-konstatazzjoni li tgħid li LuxOpCo kienet teżerċita funzjonijiet uniċi u ta’ valur huma s-suġġett tat-tielet ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑816/17 u tal-ħames motiv li jirreferi għat-tieni u t-tielet motiv fil-Kawża T‑318/18, intiżi sabiex jikkontestaw l-analiżi funzjonali ta’ LuxOpCo magħmula mill-Kummissjoni.

327    Hemm lok li jiġu eżaminati flimkien l-argumenti kollha tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ Amazon intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tal-analiżi funzjonali ta’ LuxOpCo, magħmula mill-Kummissjoni, u l-konstatazzjoni li tgħid li LuxOpCo kienet teżerċita funzjonijiet uniċi u ta’ valur.

328    Qabel kollox, skont il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon, LuxOpCo ma kellhiex funzjonijiet sinjifikattivi relatati mal-iżvilupp, it-titjib, il-ġestjoni u l-isfruttament tal-assi intanġibbli fl-Ewropa, iżda kienet inkarigata biss mill-operat tal-impriża. Fil-fatt, il-parti l-kbira tal-iżvilupp, tal-ġestjoni u tat-titjib tal-assi intanġibbli seħħet fl-Istati Uniti.

329    Sussegwentement, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jaffermaw, essenzjalment, li l-funzjonijiet ta’ LuxOpCo b’rabta mal-attività kummerċjali tal-grupp Amazon fl-Ewropa kienu jikkostitwixxu kontribuzzjonijiet ta’ rutina u mhux kontribuzzjonijiet uniċi u ta’ valur, sa fejn dawn kienu jibbażaw l-iktar fuq l-assi intanġibbli mqiegħda għad-dispożizzjoni minn LuxSCS. Il-funzjonijiet ta’ LuxOpCo b’rabta mal-attivitajiet kummerċjali tal-grupp Amazon fl-Ewropa kienu għalhekk limitati għal funzjonijiet ta’ ġestjoni.

330    Finalment, fir-rigward tal-assi u tar-riskji assunti minn LuxOpCo, Amazon issostni li r-riskji marbuta mal-attivitajiet kummerċjali ta’ LuxOpCo kienu ġestiti u mmitigati mit-teknoloġija.

331    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

332    Qabel kollox, hija ssostni, essenzjalment, li hija LuxOpCo li, bl-appoġġ tal-kumpanniji affiljati Ewropej, eżerċitat il-funzjonijiet kollha rilevanti uniċi u ta’ valur marbuta mat-tliet komponenti tal-assi intanġibbli, jiġifieri t-teknoloġija, id-data tal-klijenti u l-kummerċjalizzazzjoni.

333    Sussegwentement, hija ssostni li l-funzjonijiet “umani” ma kinux issostitwiti bit-teknoloġija, la fl-iffissar tal-prezzijiet, la fir-relazzjonijiet tal-grupp Amazon mal-bejjiegħa u l-klijenti, la fil-ġestjoni tal-ħażniet, u lanqas fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-ħażniet. Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li LuxOpCo kienet tuża l-assi intanġibbli fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet ma kienx ifisser li dawn tal-aħħar ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala uniċi u ta’ valur.

334    Finalment, fir-rigward tal-assi użati u r-riskji assunti minn LuxOpCo, minn naħa, il-Kummissjoni rrilevat li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma fformula l-ebda kritika diretta fil-konfront tal-premessi tad-deċiżjoni kkontestata dwar dawn iż-żewġ elementi u, min-naħa l-oħra, hija tikkontesta l-argument ta’ Amazon li jgħid li t-teknoloġija ppermettiet il-ġestjoni tar-riskji ta’ LuxOpCo mingħajr in-neċessità tal-iċken intervent uman.

335    B’mod preliminari, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk LuxOpCo kinitx teżerċita effettivament “funzjonijiet uniċi u ta’ valur”, kif issostni l-Kummissjoni, jew inkella sempliċement “funzjonijiet ta’ rutina”, kif isostnu l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon, għandu jsir fir-rigward tal-kunċetti li ġew ittrattati fil-punt 227 iktar ’il fuq. Il-kunċett ta’ “funzjonijiet uniċi u ta’ valur”, għalkemm ma huwiex spjegat b’mod espliċitu fil-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, huwa oppost għall-kunċett ta’ “funzjonijiet ta’ rutina”, li huma funzjonijiet li jistgħu jiġu evalwati faċilment. Kif ġie rrilevat fil-punt 228 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ “funzjoni unika” jirreferi għas-sitwazzjoni fejn ma hemmx funzjoni komparabbli għal ċerta funzjoni. Il-kunċett ta’ “funzjoni ta’ valur” jirrigwarda b’mod partikolari l-fatt li l-funzjoni inkwistjoni tippermetti li jiġi ġġenerat dħul sinjifikattiv.

336    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll, sa fejn il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat l-analiżi funzjonali tagħha ta’ LuxOpCo fuq id-dikjarazzjonijiet tal-impjegati ta’ din tal-aħħar, maħruġa mill-kontenzjuż imressaq quddiem il-United States Tax Court (il-Qorti Federali tat-Taxxa tal-Istati Uniti) (iktar ’il quddiem ix-“xhieda tal-impjegati ta’ Amazon”), li, fir-rikors fil-Kawża T‑816/17, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li din ix-xhieda saret fl‑2014 u tirrigwarda l-attivitajiet tal-grupp Amazon bejn l-2005 u l-2014, b’tali mod li l-awtoritajiet Lussemburgiżi fl-ebda każ ma setgħu jkunu jafu b’din l-informazzjoni fil-mument tal-għoti tad-DFA inkwistjoni.

337    Huwa importanti li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward, qabel kollox, li dan l-argument tal-Gran Dukat imur kontra l-pożizzjoni adottata fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, fir-rigward tal-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-Qorti Federali tat-Taxxa tal-Istati Uniti u r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2017, huwa sostna li, sabiex jiġi ddeterminat jekk LuxOpCo kinitx ibbenefikat minn vantaġġ, kien neċessarju li jiġi eżaminat liema kienet it-taxxa li kienet tiġi mġarrba fl-assenza tad-DFA inkwistjoni, u dan jimplika neċessarjament it-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni sussegwenti għall-għoti tad-DFA inkwistjoni.

338    Ċertament, fis-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni (T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punti 247 u 250), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti minn ftehim minn qabel dwar il-prezzijiet li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata għandu jsir fir-rigward tal-kuntest tal-perijodu li fih dan kien ġie konkluż. Madankollu, il-Qorti Ġenerali bbażat din il-konstatazzjoni fuq il-fatt li, f’din il-kawża, il-miżura kkontestata mill-Kummissjoni kienet biss il-ftehim minn qabel dwar il-prezzijiet.

339    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-miżura tal-awtoritajiet Lussemburgiżi li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex biss id-DFA inkwistjoni, li ġiet adottata fl‑2003, u sussegwentement imġedda fl‑2004 u fl‑2010, iżda wkoll l-aċċettazzjoni ulterjuri tad-dikjarazzjoni annwali ta’ LuxOpCo, ibbażata fuq l-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-informazzjoni relatata mas-sitwazzjoni effettiva ta’ LuxOpCo matul il-perijodu kkonċernat kienet neċessarjament informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa meta huma adottaw il-miżuri li huma s-suġġett tad-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem.

340    Minn dan isegwi li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li bbażat l-analiżi tagħha fuq ix-xhieda tal-impjegati ta’ Amazon. Għalhekk dawn l-elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu evalwati l-ilmenti fformulati mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon fir-rigward tal-analiżi funzjonali ta’ LuxOpCo.

i)      Fuq il-funzjonijiet eżerċitati minn LuxOpCo fir-rigward tal-assi intanġibbli (Taqsima 9.2.1.2.1 u premessi 449 sa 472 tad-deċiżjoni kkontestata)

341    B’mod ġenerali, il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni dwar jekk LuxOpCo kinitx teżerċita funzjonijiet sinjifikattivi, “uniċi u ta’ valur”, fir-rigward tal-assi intanġibbli. Skont il-Kummissjoni, dan kien il-każ, minħabba li LuxOpCo kienet responsabbli għall-adattamenti tat-teknoloġija għall-ispeċifiċitajiet tas-suq Ewropew, għall-iżvilupp tad-data tal-klijenti u għall-attivitajiet marbuta mal-assi tal-kummerċjalizzazzjoni.

342    Fil-kuntest tat-Taqsima 9.2.1.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, skont il-ftehim ta’ liċenzja, LuxOpCo kienet inkarigata mill-eżerċizzju ta’ funzjonijiet “uniċi u ta’ valur” b’rabta mal-assi intanġibbli. Dawn il-funzjonijiet kienu jinkludu, fil-fehma tagħha, l-iżvilupp, it-titjib u l-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali b’mod ġenerali, iżda wkoll fil-livell ta’ kull wieħed mit-tliet komponenti tal-assi intanġibbli, jiġifieri t-teknoloġija, id-data tal-klijenti u t-trade mark irreġistrata, permezz ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi u kummerċjali Ewropej indipendenti, tal-ħolqien u tal-ġestjoni tad-data tal-klijenti kif ukoll tal-iżvilupp u taż-żamma tat-trade mark irreġistrata. Għalhekk, essenzjalment, skont il-Kummissjoni, LuxOpCo ma kinitx biss tisfrutta t-teknoloġija għat-tħaddim tas-siti Ewropej, iżda kienet ikkontribwixxiet b’mod attiv għall-iżvilupp, għat-titjib u għall-ġestjoni tagħha matul il-perijodu kkunsidrat (premessi 449, 450 u 465 tad-deċiżjoni kkontestata).

343    L-ewwel, il-Kummissjoni rrilevat li LuxOpCo kienet tibbenefika minn liċenzja esklużiva u irrevokabbli fuq l-assi intanġibbli, u għalhekk mid-dritt li tkompli tiżviluppa, ittejjeb, tmantni u tipproteġi dawn l-assi intanġibbli, minkejja li LuxSCS baqgħet il-proprjetarja tal-ħidmiet derivattivi maħluqa minn LuxOpCo (premessa 450 tad-deċiżjoni kkontestata).

344    It-tieni, il-Kummissjoni kkonstatat li, b’mod ġenerali, LuxOpCo kienet ikkontribwixxiet għall-iżvilupp, għall-manutenzjoni u għall-ġestjoni tal-assi intanġibbli permezz tal-“EU IP Steering Committee” (Kumitat ta’ Tmexxija dwar il-Proprjetà Intellettwali fl-Unjoni) (premessi 452 sa 455 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, l-EU IP Steering Committee kien forum fejn id-diretturi ta’ LuxOpCo u ta’ ASE, inkarigati mill-attivitajiet kummerċjali u mit-teknoloġija, kienu jiltaqgħu biex jiddiskutu u jirrakkomandaw azzjonijiet rigward l-assi intanġibbli fl-Ewropa, kif ippreżentati lilhom mill-ġuristi tal-grupp Amazon. Id-deċiżjonijiet effettivi dwar l-iżvilupp, it-titjib, il-ġestjoni u l-isfruttament tal-assi intanġibbli kienu għalhekk jittieħdu mill-membri ta’ LuxOpCo u ta’ ASE li kienu jagħmlu parti minn dan il-kumitat, fil-kapaċità tagħhom ta’ maniġers responsabbli mill-attivitajiet tal-bejgħ bl-imnut u tas-servizzi tal-grupp Amazon fl-Ewropa (premessi 452 sa 455 tad-deċiżjoni kkontestata).

345    It-tielet, il-Kummissjoni esponiet li LuxOpCo kienet ikkontribwixxiet għall-iżvilupp tat-teknoloġija (premessi 466 sa 472 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija rrilevat li, ċertament, it-teknoloġija mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ LuxOpCo minn LuxSCS kienet it-“teknoloġija eżistenti ta’ Amazon US”, kif “żviluppata b’mod kontinwu fl-Istati Uniti” (premessi 456 u 461 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, fil-fehma tagħha, diversi funzjonijiet tas-software ta’ Amazon, użati fl-Istati Uniti, kellhom jiġu adattati biex jintużaw fl-Ewropa. B’mod partikolari, il-Kummissjoni esponiet li, sabiex jirnexxu l-attivitajiet kummerċjali Ewropej tal-grupp Amazon fl-Ewropa, LuxOpCo żviluppat, tejbet u ġestiet din it-teknoloġija Amerikana bl-appoġġ tas-sussidjarji tagħha matul il-perijodu kkunsidrat (premessi 456 sa 460 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, LuxOpCo u l-kumpanniji affiljati Ewropej tagħha żviluppaw b’mod speċifiku teknoloġija sinjifikattiva użata għall-attivitajiet tal-bejgħ bl-imnut u tas-servizzi fl-Ewropa. Eżempju ta’ dan it-tip ta’ teknoloġija kien il-“European Fulfilment Network” (in-network ta’ distribuzzjoni Ewropea, EFN), teknoloġija li kienet tippermetti l-ġbir flimkien tal-ħażniet tal-grupp Amazon li jinsabu f’diversi Stat Membri u l-konnessjoni taċ-ċentri tal-ipproċessar tal-ordnijiet Ewropej, b’tali mod li, permezz ta’ din l-għodda, il-klijenti tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni setgħu jixtru oġġetti minn kwalunkwe sit Internet nazzjonali tal-grupp Amazon fl-Ewropa (premessi 462 u 463 tad-deċiżjoni kkontestata).

346    Ir-raba’, fir-rigward tad-data tal-klijenti, il-Kummissjoni kkonstatat li, minkejja li d-data tal-klijenti tas-siti Internet Ewropej kienet il-proprjetà legali ta’ LuxSCS, LuxOpCo eżerċitat funzjonijiet attivi u kritiċi fir-rigward tal-iżvilupp, it-titjib u l-ġestjoni ta’ din id-data matul il-perijodu kkunsidrat (premessi 466 sa 468 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija rrilevat, f’dan ir-rigward, li LuxOpCo kienet akkumulat b’mod attiv din id-data bħala servizz mogħti lil LuxSCS u kellha tiżgura l-manutenzjoni tagħha u tiggarantixxi l-osservanza minnha tal-liġijiet applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data.

347    Il-ħames, fir-rigward tat-“trademark” (premessi 469 sa 470), jiġifieri t-trade marks ta’ Amazon, sa fejn dawn ġew irreġistrati fl-Unjoni, il-Kummissjoni rrilevat li, minkejja li din it-trade mark kienet rikonoxxuta sew u li r-rikonoxximent globali b’saħħtu ta’ trade mark kien vantaġġ importanti li jattira l-klijenti, il-valur ta’ din it-trade mark kellu importanza subordinata għall-eżekuzzjoni korretta fl-Ewropa tat-tliet pilastri tal-attivitajiet tal-grupp Amazon, jiġifieri l-għażla, il-prezz u l-konvenjenza (iktar ’il quddiem it-“tliet pilastri”). Bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li t-trade mark u r-reputazzjoni tal-grupp Amazon kienu dipendenti bil-kbir mill-prestazzjoni konsistenti minn LuxOpCo u l-kumpanniji affiljati Ewropej ta’ servizz tabilħaqq sodisfaċenti lill-klijenti, għandu jiġi konkluż, fil-fehma tal-Kummissjoni, li, fir-realtà, il-valur tat-trade mark ta’ Amazon fl-Ewropa kien ġie ġġenerat fil-livell ta’ LuxOpCo u tal-kumpanniji affiljati Ewropej u mhux fil-livell ta’ LuxSCS (premessi 469 u 470 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, l-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni kienu żgurati minn LuxOpCo u l-kumpanniji Ewropej, fuq il-bażi ta’ kompetenzi lokali (premessa 472 tad-deċiżjoni kkontestata).

348    Sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw kull wieħed mill-ħames punti tal-analiżi tal-Kummissjoni, l-argumenti relatati ma’ kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu eżaminati separatament.

349    Qabel ma jsir tali eżami, hemm lok li jiġi rrilevat, b’mod preliminari, li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon ma jikkontestawx il-fatt li LuxOpCo eżerċitat ċerti funzjonijiet b’rabta mal-iżvilupp tal-assi intanġibbli, u b’mod partikolari t-teknoloġija, iżda jikkontestaw biss il-fatt li LuxOpCo kellha sehem sinjifikattiv fl-iżvilupp tal-assi intanġibbli kif ukoll li hija kienet teżerċita funzjonijiet uniċi u ta’ valur b’rabta ma’ dawn l-assi.

350    Fil-fatt, fis-sottomissjonijiet tagħhom, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jammettu li LuxOpCo eżerċitat funzjonijiet ta’ żvilupp li huma jindikaw bħala “minimi”, jew anki li hija kellha rwol, għalkemm “sekondarju”, fil-ħolqien tal-valur tal-assi intanġibbli.

351    Għalhekk minn dan jirriżulta li, anki fil-kliem tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ Amazon, LuxOpCo effettivament eżerċitat funzjonijiet, anki jekk ta’ natura sekondarja biss, b’rabta mal-iżvilupp tal-assi intanġibbli.

–       Fuq in-natura tal-liċenzja mogħtija lil LuxOpCo (premessa 450 taddeċiżjoni kkontestata)

352    Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 343 iktar ’il fuq, sabiex tintwera l-importanza tal-funzjonijiet ta’ LuxOpCo b’rabta mal-iżvilupp tal-assi intanġibbli, il-Kummissjoni insistiet, fil-premessa 450 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-fatt li LuxOpCo kellha “dritt li tiżviluppa u ttejjeb, tmantni […] l-Assi Intanġibbli tul il-ħajja kollha tagħhom”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni affermat fil-punt 100 tar-risposta ppreżentata fil-Kawża T‑816/17 li LuxOpCo kellha “dritt esklużiv li tkompli l-iżvilupp, it-titjib [u] l-manutenzjoni tal-assi intanġibbli” ta’ Amazon.

353    Ċertament, il-kelma “esklużiv” intużat fil-punt 2.1 tal-ftehim ta’ liċenzja, sabiex tiġi deskritta l-liċenzja mogħtija lil LuxOpCo, li kienet tkopri biss, fi kwalunkwe każ, it-territorju Ewropew. Dan il-punt 2.1(a), jaqra kif ġej:

“Għoti ta’ liċenzja ta’ proprjetà intellettwali esklużiva

[LuxSCS] tagħti b’mod irrevokabbli lil [LuxOpCo], taħt id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kollha ta’ [LuxSCS] fuq jew inkluża l-proprjetà intellettwali ta’ [LuxSCS], li jeżistu bħalissa jew fil-futur, id-dritt uniku u esklużiv u l-liċenzja li ġejjin fuq il-proprjetà intellettwali ta’ [LuxSCS] matul il-perijodu [tal-ftehim ta’ liċenzja], […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

354    Madankollu, fid-dawl tal-arranġamenti kuntrattwali eżistenti bejn LuxSCS u l-entitajiet Amerikani, għandu jiġi kkonstatat li, fil-fatt, LuxOpCo ma kinitx l-unika entità li kellha d-dritt li ttejjeb u tiżviluppa dawn l-assi intanġibbli.

355    Fil-fatt, id-drittijiet li kienet tibbenefika minnhom LuxOpCo fir-rigward tal-iżvilupp tal-assi intanġibbli permezz tal-ftehim ta’ liċenzja kienu neċessarjament mhux esklużivi, sa fejn il-partijiet l-oħra għall-ARC, jiġifieri ATI u A 9, żammew id-dritt li jiżviluppaw, itejbu u jisfruttaw it-teknoloġija. Il-fatt li l-partijiet l-oħra għall-ARC, jiġifieri ATI u A 9, żammew id-dritt li jiżviluppaw u jtejbu t-teknoloġija inċidentalment ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni.

356    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li d-drittijiet li LuxOpCo kisbet permezz tal-ftehim ta’ liċenzja ma kinux limitati għall-assi intanġibbli eżistenti fil-mument li fih dan il-ftehim kien ġie konkluż, iżda kienu jkopru wkoll l-assi intanġibbli futuri kollha, maħluqa wara l-isforzi kostanti ta’ żvilupp, manutenzjoni u titjib imwettqa taħt it-tmexxija tal-entitajiet Amerikani ATI u A 9. Dan juri b’mod ċar li LuxOpCo ma kinitx l-unika entità awtorizzata tiżviluppa u ttejjeb l-assi intanġibbli koperti mill-ftehim ta’ liċenzja.

357    Il-Kummissjoni tammetti inċidentalment li l-assi, kif ittrasferiti lil LuxSCS, fl‑1 ta’ Jannar 2005, permezz tal-ftehim ta’ xiri bil-forza, kienu s-suġġett ta’ “sostituzzjoni progressiva” b’assi intanġibbli, żviluppati u mtejba ulterjorment, permezz tal-ARC, matul il-perijodu kkunsidrat. Hija tirrikonoxxi wkoll li t-teknoloġija miżmuma minn LuxSCS, u lliċenzjata lil LuxOpCo, kienet żviluppata mill-entitajiet Amerikani, b’mod partikolari ATI u A 9.

358    Għalhekk minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li LuxOpCo kienet tibbenefika minn dritt esklużiv li tiżviluppa l-assi intanġibbli. Madankollu din il-konstatazzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi invalidat ir-raġunament tal-Kummissjoni li jgħid li LuxOpCo eżerċitat funzjonijiet sinjifikattivi, u saħansitra funzjonijiet uniċi u ta’ valur b’rabta mal-iżvilupp tal-assi intanġibbli. Fil-fatt, il-fatt li LuxOpCo ma kellhiex dritt esklużiv għall-użu fuq l-assi intanġibbli la huwa favur u lanqas kontra l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li LuxOpCo eżerċitat funzjonijiet uniċi u ta’ valur fir-rigward tal-iżvilupp tal-assi intanġibbli.

–       Fuq l-EU IP Steering Committee (premessi 452 sa 455 tad-deċiżjoni kkontestata)

359    Essenzjalment, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw il-fatt li l-EU IP Steering Committee kellu r-rwol li attribwixxietlu l-Kummissjoni (punt 344 iktar ’il fuq). Fil-fehma tagħhom, dan il-kumitat ma ħax deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp jew it-titjib tal-assi intanġibbli. Barra minn hekk, mhux talli l-maġġoranza tal-parteċipanti għall-imsemmi kumitat kienet magħmula mill-persunal Amerikan, talli, fil-fatti, id-deċiżjonijiet tal-EU IP Steering Committee ttieħdu minn impjegati tal-grupp Amazon fl-Istati Uniti u b’mod iktar partikolari mill-Viċi President inkarigat mill-proprjetà intellettwali.

360    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

361    Fil-premessi 452 u 453 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet li l‑EU IP Steering Committee nħoloq bil-għan li jagħti gwida teknika u kummerċjali fir-rigward tal-iżvilupp u tal-użu tal-proprjetà intellettwali fl-Ewropa. Il-Kummissjoni rrilevat li mill-“EU Policies and Procedures Manual” (il-Manwal dwar il-Politiki u l-Proċeduri għall-Unjoni) jirriżulta, minn naħa, li dan il-kumitat kien jiltaqa’ b’mod partikolari biex jeżamina l-portafoll tal-proprjetà intellettwali ta’ Amazon kif ukoll l-istrateġija kummerċjali tal-impriża, sa fejn din kienet tirrigwarda l-iżvilupp u l-użu tal-proprjetà intellettwali. Min-naħa l-oħra, dan il-kumitat kien kompost, b’mod partikolari, mill-Viċi President tas-Servizzi għall-Unjoni, mid-Direttur Legali għall-Unjoni (impjegat minn LuxOpCo), mill-konsulent tal-grupp Amazon għall-proprjetà intellettwali u mill-Viċi President inkarigat mill-attivitajiet Ewropej.

362    Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li l-fatt li kien biss korp konsultattiv, kif spjegat Amazon matul il-proċedura amministrattiva, ma kienx ifisser li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ma kellhomx effett fuq l-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-assi intanġibbli. Hija rrilevat li, fil-fatti, l-EU IP Steering Committee kien jiltaqa’ sabiex, l-ewwel jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar it-talbiet intiżi sabiex jiġu protetti l-assi intanġibbli (u, għalhekk, id-drittijiet esklużivi ta’ LuxOpCo li jirriżultaw mill-ftehim ta’ liċenzja konkluż bejn LuxSCS u LuxOpCo), it-tieni, jeżamina l-istat tal-proċeduri legali fl-Ewropa relatati mal-assi intanġibbli u, it-tielet, jagħti taħriġ lill-impjegati Ewropej rigward l-użu tat-teknoloġija u assi intanġibbli oħra (premessa 454 tad-deċiżjoni kkontestata).

363    Finalment, billi bbażat fuq ix-xhieda tal-Viċi President inkarigat mill-proprjetà intellettwali, impjegat fl-Istati Uniti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-EU IP Steering Committee kien forum li fih id-diretturi ta’ LuxOpCo kienu jiltaqgħu biex jiddiskutu azzjonijiet dwar l-assi intanġibbli, kif kienu ppreżentati mill-ġuristi tal-grupp Amazon u li d-deċiżjonijiet effettivi dwar l-iżvilupp, it-titjib, il-ġestjoni u l-isfruttament tal-assi intanġibbli kienu għalhekk jittieħdu mill-membri ta’ LuxOpCo u ta’ ASE li kienu jagħmlu parti minn dan il-kumitat, fil-kapaċità tagħhom ta’ maniġers responsabbli mill-attivitajiet tal-bejgħ bl-imnut u tas-servizzi tal-grupp Amazon fl-Ewropa (premessa 455 tad-deċiżjoni kkontestata).

364    Għandu jiġi kkonstatat, bil-qari tal-premessi 452 sa 455 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-EU IP Steering Committee kien jieħu deċiżjonijiet sinjifikattivi dwar l-iżvilupp jew it-titjib tal-assi intanġibbli.

365    Qabel kollox, il-Kummissjoni tammetti fil-premessi 452 u 453 tad-deċiżjoni kkontestata li r-rwol tal-EU IP Steering Committee kien limitat, sa fejn dan kien jillimita ruħu li jagħti “gwida teknika u kummerċjali” u “assistenza” fit-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi fir-rigward tal-iżvilupp tal-proprjetà intellettwali miżmuma minn LuxSCS, jew fil-konklużjoni ta’ diversi ftehimiet ta’ liċenzja ma’ terzi.

366    Inċidentalment mill-Manwal dwar il-Politiki u l-Proċeduri għall-Unjoni tal-grupp Amazon jirriżulta li l-EU IP Steering Committee ma kellux setgħat ta’ deċiżjoni bħala tali, iżda kien jikkostitwixxi biss korp maħsub sabiex jassisti l-iżvilupp u l-użu tal-proprjetà intellettwali fl-Ewropa. Inċidentalment dan huwa ammess b’mod impliċitu mill-Kummissjoni fil-premessa 454 tad-deċiżjoni kkontestata meta ssemmi l-“impatt” li r-“rakkomandazzjonijiet” ta’ dan il-kumitat kellhom fuq l-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-assi intanġibbli.

367    Sussegwentement, mill-premessa 454 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 362 iktar ’il fuq) kif ukoll mix-xhieda tal-Viċi President inkarigat mill-proprjetà intellettwali, impjegat fl-Istati Uniti, li jsir riferiment għaliha fil-premessa 455 tal-imsemmija deċiżjoni, jirriżulta li, fil-prattika, l-EU IP Steering Committee kien jillimita ruħu li jeżamina l-kwistjonijiet marbuta mal-protezzjoni u maż-żamma tad-drittijiet fuq l-assi intanġibbli u li l-kwistjoni tal-iżvilupp jew tat-titjib tal-assi intanġibbli bħala tali ma kinitx diskussa fih.

368    Finalment, sa fejn l-EU IP Steering Committee seta’ jkun forum ta’ diskussjoni dwar it-titjib u l-iżvilupp tal-assi intanġibbli, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet relatati mal-iżvilupp tal-assi intanġibbli ma kinux adottati minn dan il-kumitat, iżda, bħala prinċipju, mill-impjegati tal-grupp Amazon fl-Istati Uniti u b’mod iktar partikolari mill-Viċi President inkarigat mill-proprjetà intellettwali. Din l-affermazzjoni magħmula mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni.

369    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-imsemmi kumitat, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha, l-impjegati li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan l-entitajiet Amerikani, u b’mod partikolari l-Viċi President inkarigat mill-proprjetà intellettwali ta’ Amazon US, kienu jassistu lill-EU IP Steering Committee u kienu jmexxu anki l-laqgħat.

370    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-EU IP Steering Committee ma jippermettux li tiġi ssostanzjata l-konklużjoni tagħha, fil-punt 455 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li d-deċiżjonijiet relatati mal-iżvilupp u mat-titjib tal-assi intanġibbli kienu adottati mill-persunal ta’ LuxOpCo u ta’ ASE li kienu jagħmlu parti minn dan il-kumitat, fil-kapaċità tagħhom ta’ maniġers responsabbli mill-attivitajiet tal-bejgħ bl-imnut u tas-servizzi tal-grupp Amazon fl-Ewropa.

371    L-iktar l-iktar, il-Kummissjoni waslet biex turi li LuxOpCo kienet teżerċita funzjonijiet b’rabta mal-ġestjoni u l-protezzjoni tal-assi intanġibbli u li l-impjegati ta’ LuxOpCo kienu jiddeċiedu dwar il-miżuri xierqa, bħal pereżempju l-applikazzjoni għal privattiva, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet diskussi fil-kuntest tal-EU IP Steering Committee.

372    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-EU IP Steering Committee ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li LuxOpCo eżerċitat funzjonijiet ta’ żvilupp tal-assi intanġibbli li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “uniċi u ta’ valur”.

–       Fuq il-funzjonijiet ta’ LuxOpCo dwar l-iżvilupp tat-teknoloġija

373    Fil-premessa 449 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-funzjonijiet ta’ LuxOpCo kienu jinkludu l-iżvilupp, it-titjib u l-ġestjoni tat-teknoloġija.

374    Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, hija qabel kollox indikat, fil-premessa 456 tad-deċiżjoni kkontestata, essenzjalment, li t-teknoloġija żviluppata fl-Istati Uniti ma setgħetx tiġi sfruttata bħala tali fl-Ewropa u li kienu neċessarji adattamenti sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet speċifiċi Ewropej. Hija esponiet li l-iżvilupp tal-attivitajiet kummerċjali tal-grupp Amazon fl-Ewropa kienu jeżiġu teknoloġija speċifika (softwares differenti, adattamenti lokali).

375    Sussegwentement, il-Kummissjoni enfasizzat li LuxOpCo kellha r-riżorsi teknoloġiċi neċessarji sabiex twettaq attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp. Hija rrilevat b’mod partikolari li madwar sittin persuna eżerċitaw kompiti ta’ natura teknoloġika, tim ta’ “lokalizzazzjoni” u ta’ traduzzjoni kien jeżerċita funzjonijiet ta’ adattament tas-siti Internet Ewropej għall-preferenzi lokali, madwar għaxar persuni supplimentari kienu ġew impjegati bħala “Technical Program Manager” (amministratur tal-programm tekniku), li r-rwol tagħhom kien li jaqilbu f’termini tekniċi l-ħtiġijiet fit-teknoloġija identifikati mit-timijiet lokali inkarigati mill-bejgħ bl-imnut. Skont il-Kummissjoni, huwa dan il-proċess li ppermetta li t-teknoloġija tiġi żviluppata u adattata bla waqfien skont is-suq lokali.

376    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, ċertament, irrikonoxxiet, fil-premessa 461 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-riżorsi tekniċi stabbiliti fi ħdan LuxOpCo kienu limitati. Madankollu, hija enfasizzat li, fir-realtà, il-valur uniku tat-teknoloġija kien jirriżulta mill-kompetenzi lokali, mid-definizzjoni ta’ ħtiġijiet ġodda tal-impriża u mit-traduzzjoni tagħhom fil-proġett tas-software, u mhux mill-kodifikazzjoni bħala tali.

377    Finalment, il-Kummissjoni indikat li LuxOpCo kkontribwixxiet ukoll għat-tfassil ta’ katalogi, ta’ teknoloġija ta’ traduzzjoni u ta’ adattamenti lokali. Dawn il-kompiti twettqu minn timijiet preċedenti tal-kumpanniji affiljati Ewropej jew minn persunal reklutat ġdid. Barra minn hekk, hija rrilevat li l-kumpanniji affiljati Ewropej kellhom ukoll rwol importanti fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda speċifiċi għas-swieq nazzjonali Ewropej.

378    Il-Kummissjoni żiedet li, b’mod partikolari, LuxOpCo u l-kumpanniji affiljati Ewropej ikkontribwixxew għall-iżvilupp tal-EFN. Din it-teknoloġija ssodisfat ħtieġa speċifika tal-attivitajiet Ewropej, billi ppermettiet lill-klijenti Ewropej jixtru oġġetti minn kwalunkwe sit Internet Ewropew tal-grupp Amazon.

379    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon isostnu li LuxOpCo ma eżerċitat l-ebda funzjoni sinjifikattiva ta’ żvilupp, ta’ titjib jew ta’ manutenzjoni relatata mal-assi intanġibbli marbuta mat-teknoloġija. Huma jirrifjutaw b’mod partikolari l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li LuxOpCo kellha rwol maġġuri fl-iżvilupp tal-EFN u jsostnu li din it-teknoloġija, għalkemm speċifika għall-Ewropa, ġiet żviluppata fl-Istati Uniti u li LuxOpCo la pparteċipat fid-disinn tagħha u lanqas fil-ħolqien tagħha.

380    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti u żżomm il-pożizzjoni tagħha espressa fil-premessi 456 sa 465 tad-deċiżjoni kkontestata, kif esposti fil-punti 373 sa 378 iktar ’il fuq.

381    B’mod preliminari, huwa importanti li jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jissuġġerixxu l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon, il-Kummissjoni ma sostnietx, fid-deċiżjoni kkontestata, li LuxOpCo kienet l-iżviluppatur prinċipali tat-teknoloġija, kemm fil-livell globali jew biss fil-livell Ewropew, iżda, kif ġie espost fil-premessi 449 u 465 tad-deċiżjoni kkontestata, li LuxOpCo kkontribwixxiet b’mod attiv għall-iżvilupp, it-titjib u l-ġestjoni tat-teknoloġija matul il-perijodu kkunsidrat. Il-Kummissjoni lanqas ma tikkontesta l-fatt li t-teknoloġija ġiet żviluppata b’mod kontinwu fl-Istati Uniti.

382    F’dan ir-rigward, huwa veru li, kif isostnu l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon, l-għodod teknoloġiċi kienu prinċipalment żviluppati mill-entitajiet Amerikani u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-attivitajiet Ewropej fil-forma finali tagħhom. Is-software użat mis-siti Ewropej differenti inċidentalment kien komuni.

383    Minn naħa, mill-proċess jirriżulta li l-parti l-kbira tad-deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp tal-assi intanġibbli u dwar il-prijoritizzazzjoni tal-proġetti li għandhom jiġu żviluppati, inkluża t-teknoloġija speċifika fl-Ewropa, kienet deċiża fl-Istati Uniti.

384    Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li n-numru l-iktar sinjifikattiv ta’ persunal tekniku u ta’ inġiniera li kkontribwixxew għall-iżvilupp tat-teknoloġija kien jinsab fl-Istati Uniti. Mhux inqas minn [kunfidenzjali] impjegat tal-grupp Amazon ikkontribwixxew għall-iżvilupp tal-assi intanġibbli, fosthom iktar minn [kunfidenzjali] impjegat, kienu impjegati fl-Istati Uniti għal impjiegi marbuta mat-teknoloġija matul il-perijodu kkunsidrat. Il-Kummissjoni ma tikkontestax din id-data. Barra minn hekk, mill-annessi tal-proċess, u b’mod partikolari mix-xhieda differenti tal-impjegati tal-grupp Amazon, jirriżulta li s-servizzi ċentrali u xi persunal tekniku Amerikan kienu inkarigati mill-iżvilupp ta’ għodod speċifiċi għas-suq Ewropew.

385    Sussegwentement, fir-rigward tal-kontribuzzjoni ta’ LuxOpCo b’rabta mal-iżvilupp tat-teknoloġija, għandhom jiġu rrilevati l-elementi li ġejjin.

386    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni stabbilixxiet korrettament li kultant kienu neċessarji adattamenti sabiex tiġi implimentata t-teknoloġija fl-Ewropa.

387    Fil-fatt, għalkemm, kif isostnu l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon, il-mudell ta’ attività u t-teknoloġija sottostanti huma l-istess għall-Istati Uniti u l-Ewropa, mix-xhieda differenti tal-impjegati tal-grupp Amazon prodotti mill-partijiet, u b’mod partikolari mix-xhieda tal-Viċi President Direttur, responsabbli mill-attivitajiet ta’ kummerċ bl-imnut fil-qasam internazzjonali, impjegat fl-Istati Uniti, jirriżulta li, minħabba speċifiċitajiet tas-suq Ewropew meta mqabbel mas-suq Amerikan, it-teknoloġija żviluppata fl-Istati Uniti ma setgħetx tintuża dejjem bħala tali fis-siti Internet Ewropej. Għalhekk, minbarra l-EFN, teknoloġija żviluppata b’mod speċjali għall-attivitajiet Ewropej tal-grupp Amazon, kienu neċessarji adattamenti jew “lokalizzazzjonijiet”. Mill-annessi tal-proċess jirriżulta li dawn l-adattamenti kienu jinkludu b’mod partikolari sforzi ta’ traduzzjoni [kunfidenzjali].

388    Fit-tieni lok, mix-xhieda tal-impjegati tal-grupp Amazon, jirriżulta li, għalkemm parti kbira tal-adattamenti tat-teknoloġija għas-suq Ewropew kienet twettqet fl-Istati Uniti, b’mod partikolari meta din kienet tinvolvi ħidma fuq is-software, LuxOpCo kkontribwixxiet, sa ċertu punt, għal dawn l-adattamenti.

389    Fil-fatt, kif tikkonferma, inċidentalment, Amazon fir-rikors fil-Kawża T‑318/18, fi tmiem il-perijodu kkunsidrat, mhux iktar minn madwar sittin persuna kellhom pożizzjonijiet marbuta mat-teknoloġija fil-Lussemburgu.

390    F’dan ir-rigward, mill-annessi tal-proċess, u b’mod partikolari mix-xhieda tal-Viċi President Direttur, responsabbli mill-attivitajiet ta’ kummerċ bl-imnut fil-qasam internazzjonali, impjegat fl-Istati Uniti, u ta’ min kien responsabbli mill-programmi terzi fl-Ewropa (u b’mod partikolari minn MarketPlace), jirriżulta li, mhux iktar tard mis-sena wara r-ristrutturazzjoni tal‑2006, LuxOpCo bdiet tibbenefika mill-persunal tekniku proprju tagħha. B’mod iktar preċiż, LuxOpCo impjegat, matul il-perijodu kkunsidrat, żviluppaturi tas-software (software developers) li kkontribwixxew għall-iżvilupp ta’ programmi speċifiċi għall-attivitajiet Ewropej u ħadmu fuq l-aġġustamenti lokali.

391    Bl-istess mod, mix-xhieda ta’ min kien responsabbli mill-programmi terzi fl-Ewropa (u b’mod partikolari minn MarketPlace), jirriżulta li [kunfidenzjali].

392    F’dan il-kuntest, fir-rigward tat-tim ta’ lokalizzazzjoni u ta’ traduzzjoni, identifikat mill-Kummissjoni fil-premessa 459 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li mill-elementi tal-proċess jirriżulta li dan it-tim kien inkarigat mill-adattament tas-siti Internet Ewropej, b’mod partikolari mit-traduzzjoni, u li dan kien ikkontribwixxa għall-iżvilupp tas-software. Fil-fatt, mix-xhieda tal-impjegati tal-grupp Amazon jirriżulta [kunfidenzjali]. Madankollu, għalkemm dawn l-attivitajiet u din l-aħħar teknoloġija kellhom rwol importanti għall-attivitajiet kummerċjali ta’ LuxOpCo, jibqa’ l-fatt li dawn kellhom post minuri meta mqabbla mal-kumplament tat-teknoloġija żviluppata fl-Istati Uniti.

393    Sussegwentement, fir-rigward tal-attivitajiet ta’ żvilupp tal-katalogu, identifikati mill-Kummissjoni fil-premessa 456 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li, kif isostnu Amazon u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-imsemmija attivitajiet ma kinux jinkludu t-tfassil tas-software sottostanti għall-katalogu, peress li dan twettaq fl-Istati Uniti. L-attivitajiet marbuta mal-katalogu żviluppati fil-Lussemburgu [kunfidenzjali]. Il-ħidma lokali fuq l-iżvilupp tal-katalogu [kunfidenzjali].

394    Mix-xhieda tal-Viċi President Direttur, responsabbli mill-attivitajiet ta’ kummerċ bl-imnut fil-qasam internazzjonali, impjegat fl-Istati Uniti, jirriżulta li [kunfidenzjali]. Għalhekk, għalkemm setgħu jitwettqu operazzjonijiet fuq is-software b’rabta mal-katalogu minn LuxOpCo, dawn l-operazzjonijiet kienu għadhom limitati wisq meta mqabbla mal-iżviluppi mwettqa mis-servizzi ċentrali tal-grupp Amazon.

395    Minn dak li ntqal jirriżulta li LuxOpCo kkontribwixxiet għall-iżvilupp tat-teknoloġija billi wettqet ċerti adattamenti, prinċipalment marbuta mat-traduzzjoni, u, sa ċertu punt biss, mal-iżvilupp ta’ ċerti softwares u funzjonalitajiet. Barra minn hekk, il-parti l-kbira tal-ħidma ta’ adattament tat-teknoloġija għall-attivitajiet Ewropej kienet tiddependi bil-kbir fuq is-servizzi ċentrali tal-grupp Amazon. Minn dan isegwi li l-kontribuzzjonijiet ta’ LuxOpCo għall-iżvilupp tat-teknoloġija seta’ jkollhom biss rwol minuri fil-ħolqien tal-valur ta’ din it-teknoloġija. Minn dan jirriżulta li, għalkemm il-Kummissjoni sostniet korrettament, fil-premessa 461 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-adattamenti meħtieġa fl-Ewropa kienu ġew ippreparati fil-viċinanza tas-swieq lokali, kien żbaljat li tagħti tali importanza lill-kontribuzzjonijiet ta’ LuxOpCo għall-imsemmija adattamenti u li minnhom tislet il-konklużjoni li dawn il-kontribuzzjonijiet kienu uniċi u ta’ valur.

396    Fit-tielet lok, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessi 460 sa 461 tad-deċiżjoni kkontestata, minbarra l-adattamenti mwettqa lokalment mit-timijiet Lussemburgiżi, LuxOpCo kienet tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp tat-teknoloġija minħabba l-involviment tagħha fil-proċess ta’ identifikazzjoni ta’ ħtiġijiet teknoloġiċi ġodda tal-impriżi u tat-traduzzjoni tagħhom fil-proġetti ta’ software.

397    F’dan ir-rigward, LuxOpCo kellha amministraturi tal-programmi (technical program managers), li l-funzjoni tagħhom kienet li jittraduċu f’termini tekniċi l-ħtiġijiet kummerċjali sabiex inġinier (software developer) ikun jista’ jikkodifikahom (ara l-premessa 460 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu inċidentalment ma jikkontestax il-fatt li l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi tal-għodod u tal-adattamenti meħtieġa fl-Ewropa kienu ġew ippreparati fil-viċinanza tas-swieq lokali.

398    Ċertament, kif enfasizzat il-Kummissjoni, essenzjalment, fil-premessa 461 tad-deċiżjoni kkontestata, id-definizzjoni ta’ ħtiġijiet kummerċjali u l-formulazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet kellhom rwol importanti fl-iżvilupp tat-teknoloġija. Fil-fatt, mill-annessi tal-proċess jirriżulta li l-valur tat-teknoloġija tal-grupp Amazon jibbaża fuq il-kapaċità ta’ din it-teknoloġija li sservi t-tliet pilastri tal-grupp Amazon, jiġifieri l-prezzijiet baxxi, l-għażla u l-konvenjenza (ara l-punt 347 iktar ’il fuq), u għalhekk li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-klijenti. Għalhekk, il-valur tat-teknoloġija ta’ Amazon jinsab ukoll, sa ċertu punt, fl-adattament għall-ħtiġijiet lokali, u, b’mod partikolari, fil-kapaċità tat-timijiet lokali li jifformulaw l-ispeċifikazzjonijiet sabiex jiksbu l-adattamenti tat-teknoloġija għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi.

399    Madankollu, huwa importanti li jiġi rrilevat li, kif issostni Amazon, xi tużżana amministraturi tal-programmi biss kienu impjegati fil-Lussemburgu, kontra [kunfidenzjali] fl-Istati Uniti u [kunfidenzjali] minn dawn il-persuni impjegati fil-Lussemburgu ġew impjegati biss fi tmiem il-perijodu kkunsidrat ([kunfidenzjali]).

400    Barra minn hekk, għalkemm LuxOpCo identifikat il-ħtiġijiet teknoloġiċi tal-impriża u l-ispeċifikazzjonijiet relatati ma’ dawn il-ħtiġijiet, it-tfassil u l-ħolqien tat-teknoloġija, min-naħa tagħhom, kienu ġew żviluppati fl-Istati Uniti. F’dan il-kuntest, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li tissuġġerixxi l-Kummissjoni fil-punt 103 tar-risposta fil-Kawża T‑318/18, l-attivitajiet tal-entitajiet Amerikani ma kinux limitati għal sempliċi attivitajiet ta’ kodifikazzjoni, iżda għal attivitajiet ġenwini ta’ żvilupp.

401    Finalment, kif issostni Amazon, il-maġġoranza l-kbira tad-deċiżjonijiet strateġiċi dwar l-iżvilupp tat-teknoloġija, b’mod partikolari fir-rigward tal-Ewropa, kienu jittieħdu mill-entitajiet Amerikani u mhux minn LuxOpCo.

402    Minn dan jirriżulta li t-twettiq ta’ dawn l-iżviluppi u t-titjib tat-teknoloġija, għall-finijiet tat-titjib tal-esperjenza tal-klijenti, kien jibbaża prinċipalment fuq il-mudell żviluppat fl-Istati Uniti, li huwa l-istess fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, u sa ċertu punt biss, fuq l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li setgħu jiġu fformulati mit-timijiet lokali.

403    Minn dak li ntqal jirriżulta li, għalkemm il-Kummissjoni kkunsidrat korrettament li LuxOpCo kienet kkontribwixxiet għall-iżvilupp tal-assi intanġibbli bil-preparazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, fil-livell tat-teknoloġija li kienet is-suġġett tal-ftehim ta’ liċenzja, l-imsemmija kontribuzzjonijiet kienu għadhom limitati. Barra minn hekk, sa fejn, qabel l-2006, dawn il-funzjonijiet kienu diġà eżerċitati mill-kumpanniji affiljati, hemm lok li jiġi kkonstatat, bħalma jsostni l-Gran Dukat tal-Lussemburgu fil-punt 109 tar-rikors fil-Kawża T‑816/17, li dawn ma setgħux jitqiesu bħala uniċi, iżda li kienu funzjonijiet ta’ rutina.

404    Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li LuxOpCo kienet ikkontribwixxiet għall-iżvilupp tal-EFN, l-unika teknoloġija proprjament speċifika għall-attivitajiet Ewropej tal-grupp Amazon.

405    Kif esponiet il-Kummissjoni fil-premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata, l-EFN huwa taħlita ta’ avvanzi teknoloġiċi, bħall-introduzzjoni ta’ funzjonalitajiet ġodda, u ta’ ottimizzazzjonijiet loġistiċi.

406    Ma huwiex ikkontestat li l-EFN kellu rwol essenzjali għall-attivitajiet kummerċjali ta’ bejgħ bl-imnut u ta’ servizzi Ewropej. Kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata, u kif sostniet Amazon stess fin-nota tagħha wara l-proċess imressaq quddiem il-United States Tax Court (il-Qorti Federali tat-Taxxa tal-Istati Uniti), il-ħolqien tal-EFN kien intiż sabiex isolvi l-problema li kienet toħloq l-eżistenza ta’ siti tal-Internet multipli assoċjati ma’ ċentri tal-ipproċessar tal-ordnijiet nazzjonali. Din it-teknoloġija ppermettiet li jiġu konnessi ċ-ċentri tal-ipproċessar tal-ordnijiet Ewropej u l-ġbir flimkien tal-ħażniet, u b’hekk tingħata l-possibbiltà lill-klijenti tal-Unjoni kollha biex jixtru oġġetti minn kwalunkwe sit Internet ta’ Amazon fl-Ewropa.

407    Inċidentalment mix-xhieda tal-impjegati ta’ Amazon, kif ukoll min-nota ta’ wara l-proċess imressaq quddiem il-United States Tax Court (il-Qorti Federali tat-Taxxa tal-Istati Uniti) minn Amazon jirriżulta li l-EFN kien determinanti sabiex ikunu jistgħu jitnedew l-attivitajiet fiż-żewġ pajjiżi Ewropej il-ġodda, jiġifieri Spanja u l-Italja.

408    Issa, mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni kellha effettivament id-dritt li tikkunsidra li LuxOpCo kienet involuta fl-iżvilupp tal-EFN (ara l-punt 404 iktar ’il fuq).

409    Fil-fatt, fin-nota ta’ wara l-proċess imressaq fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-United States Tax Court (il-Qorti Federali tat-Taxxa tal-Istati Uniti), Amazon stess [kunfidenzjali]. Skont il-kliem ta’ din in-nota, “AEHT” (jiġifieri Amazon Europe Holding Technology, terminu li jikkorrispondi għall-isem uffiċjali ta’ LuxSCS) [kunfidenzjali]. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li ma saret l-ebda differenza, fil-kuntest tal-proċedura Amerikana msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq, bejn l-entitajiet Lussemburgiżi differenti tal-grupp u li, f’dan il-proċedura, it-terminu “AEHT” intuża mingħajr distinzjoni biex jirreferi għal LuxOpCo jew LuxSCS. Issa, fir-rigward tal-parteċipazzjoni għall-iżvilupp tal-EFN, huwa ċar li Amazon kienet qiegħda tirreferi għal LuxOpCo u mhux għal LuxSCS.

410    Inċidentalment, din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mix-xhieda tal-impjegati tal-grupp Amazon, u b’mod partikolari minn dik tal-Viċi President Direttur tal-attivitajiet ta’ kummerċ bl-imnut fil-qasam internazzjonali, impjegat fl-Istati Uniti, li tikkonferma li, f’dak iż-żmien, il-kap tal-attivitajiet ta’ kummerċ bl-imnut fl-Ewropa, impjegat minn LuxOpCo, kien ikkontribwixxa b’mod attiv għall-preparazzjoni u għat-tfassil tal-EFN.

411    Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li jkun żbaljat li jiġi kkunsidrat li LuxOpCo ħadet ir-responsabbiltà tal-proċess ta’ żvilupp kollu tal-EFN.

412    Minn naħa, mill-proċess jirriżulta li s-sede Amerikana kellha rwol deċiżjonali fit-tnedija tal-proġett tal-EFN.

413    Min-naħa l-oħra, kif isostni l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u kif jirriżulta mix-xhieda tal-impjegati tal-grupp Amazon u mill-opinjoni tal-Qorti Federali tat-Taxxa tal-Istati Uniti, l-iżvilupp tal-EFN twettaq bl-appoġġ tal-entitajiet Amerikani. B’mod iktar partikolari, il-ħidma b’rabta mal-iżvilupp tas-software sottostanti għall-EFN twettqet mill-persunal tekniku tat-timijiet ċentrali u, b’mod partikolari, fuq il-bażi tal-ispeċifikazzjonijiet fformulati mit-timijiet ta’ LuxOpCo. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li, minn perspettiva operattiva, id-definizzjonijiet u r-rekwiżiti tal-maħżen li fuqu kienet tibbaża din l-għodda, kienu stabbiliti wkoll fl-Istati Uniti.

414    Għalkemm, fil-premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet li “[l]-EFN ġie żviluppat fl-Ewropa” mingħajr preċiżazzjonijiet oħra, il-kontribuzzjoni tal-entitajiet Amerikani madankollu ma ġietx injorata għalkollox mill-Kummissjoni. Hija tiċċita b’mod partikolari, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 481 tad-deċiżjoni kkontestata, waħda mix-xhieda li tgħid li t-teknoloġija kienet ġiet żviluppata fl-Ewropa bl-għajnuna tat-timijiet teknoloġiċi ċentrali.

415    Għalhekk minn dak li ntqal jirriżulta li, għalkemm l-EFN kien ibbażat fil-parti l-kbira fuq it-teknoloġija żviluppata fl-Istati Uniti, LuxOpCo kkontribwixxiet b’mod attiv ukoll għall-iżvilupp ta’ din it-teknoloġija. Issa, fir-rigward tal-importanza ta’ din it-teknoloġija għall-espansjoni tal-attivitajiet Ewropej tal-grupp Amazon, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta analizzat dawn il-kontribuzzjonijiet bħala uniċi u ta’ valur. Minkejja li LuxSCS kienet, in fine, il-proprjetarja ta’ din it-teknoloġija, jibqa’ l-fatt li l-iżvilupp tagħha kien ukoll il-frott tal-isforzi ta’ LuxOpCo.

416    Għalhekk mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 386 sa 415 iktar ’il fuq jirriżulta li, minbarra l-EFN li LuxOpCo pparteċipat b’mod attiv fl-iżvilupp tiegħu, l-adattamenti l-iktar importanti tat-teknoloġija twettqu fl-Istati Uniti, fi djalogu mat-timijiet Ewropej li kienu jifformulaw il-ħtiġijiet tagħhom, u li, barra minn hekk, ċerti adattamenti minuri setgħu jitwettqu direttament mit-timijiet lokali.

417    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li għalkemm il-Kummissjoni kkunsidrat korrettament li minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-iżvilupp tal-EFN, LuxOpCo eżerċitat funzjonijiet uniċi u ta’ valur b’rabta mat-teknoloġija, għall-kumplament, hija eżaġerat l-importanza tal-funzjonijiet ta’ LuxOpCo b’rabta mal-iżvilupp tat-teknoloġija. Fil-fatt, minbarra l-iżvilupp tal-EFN, il-funzjonijiet ta’ LuxOpCo kienu limitati prinċipalment għall-adattamenti u għall-preparazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi. Għaldaqstant, il-konklużjoni magħmula fil-premessa 465 tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari l-affermazzjoni li tgħid li LuxOpCo għamlet titjib sinjifikattiv fit-teknoloġija, għalhekk ma tistax tiġi kkonfermata kollha kemm hi.

418    Sa fejn din il-konstatazzjoni tibbaża fuq ix-xhieda tal-impjegati ta’ Amazon, ma jidhirx neċessarju li jiġu eżaminati fid-dettall l-argumenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ Amazon li jgħidu li l-Kummissjoni għamlet użu żbaljat mix-xhieda, b’mod partikolari biex tgħid li t-teknoloġija kienet żviluppata fl-Ewropa (b’mod partikolari l-EFN), meta kienet żviluppata fl-Istati Uniti. Fil-fatt, minkejja li l-analiżi tal-Kummissjoni ma tistax tiġi kkonfermata kollha kemm hi, l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni ma humiex ta’ natura li jqajmu dubju dwar il-konstatazzjoni li tgħid li LuxOpCo effettivament ikkontribwixxiet għall-iżvilupp tal-assi intanġibbli, u b’mod partikolari tal-EFN.

–       Fuq id-data tal-klijenti (premessi 466 sa 468 tad-deċiżjoni kkontestata)

419    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw il-fondatezza tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li LuxOpCo eżerċitat funzjonijiet attivi u kritiċi b’rabta mal-iżvilupp, it-titjib u l-ġestjoni tad-data tal-klijenti. Essenzjalment, huma jsostnu li d-data tal-klijenti kienet inġabret b’mod awtomatiku, bl-għajnuna tat-teknoloġija żviluppata fl-Istati Uniti, u mingħajr intervent mill-impjegati ta’ LuxOpCo.

420    Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti.

421    B’mod preliminari, hemm lok li jiġi rrilevat li l-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni dwar jekk LuxOpCo kkontribwixxietx b’mod attiv għall-iżvilupp tad-databases li jiġbru l-informazzjoni dwar il-klijenti, bħal, pereżempju, il-bejgħ preċedenti. Għalhekk jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-akkumulazzjoni tad-data tal-klijenti matul il-perijodu kkunsidrat, kif ukoll il-protezzjoni tagħha, jistgħux jiġu attribwiti lil LuxOpCo.

422    L-ewwel, huwa importanti li jiġi rrilevat li, kif spjegat il-Kummissjoni fit-Tabella 19 tad-deċiżjoni kkontestata, matul il-perijodu kkunsidrat, l-għadd ta’ klijenti uniċi fis-sena żdied b’mod sinjifikattiv, minn 17‑il miljun klijent fl‑2006 għal iktar minn 60 miljun fl‑2014.

423    It-tieni, bħall-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li d-data tal-klijenti hija assi prinċipali għal operatur tal-kummerċ elettroniku bħall-grupp Amazon, b’mod partikolari fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni. Fil-fatt, ċerti għodod, b’mod partikolari l-użu tat-teknoloġija tar-rakkomandazzjonijiet u tas-similaritajiet, jiddependu mid-data tal-klijenti. Id-data tal-klijenti tikkostitwixxi għalhekk assi intanġibbli uniku u ta’ valur.

424    It-tielet, huwa stabbilit li LuxOpCo hija l-entità li ġabret id-data tal-klijenti u li hija, barra minn hekk, inkarigata mill-osservanza tal-leġiżlazzjoni applikabbli għal din id-data. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon inċidentalment ma jikkontestawx l-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li LuxOpCo akkumulat id-data tal-klijenti mis-siti Internet Ewropej bħala servizz għal LuxSCS.

425    Ċertament, huwa importanti li jiġi rrilevati, bħal Amazon, li l-ġbir tad-data tal-klijent kien awtomatizzat u li huwa permezz tat-teknoloġija żviluppata fl-Istati Uniti u pprovduta minn LuxSCS lil LuxOpCo li din tal-aħħar setgħet tiġbor id-data tal-klijenti.

426    Madankollu, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-punt 107 tar-risposta tagħha fil-Kawża T‑318/18, hija LuxOpCo li kienet tikkontribwixxi b’mod attiv għall-akkumulazzjoni tad-data tal-klijenti permezz tal-implimentazzjoni tat-tliet pilastri tal-istrateġija tal-grupp Amazon (ara l-punt 347 iktar ’il fuq), li tippermetti li jiġu attirati l-klijenti għas-siti Internet tagħha u li tinġabar iktar data tal-klijenti. Fil-fatt, il-ġbir tad-data tal-klijenti jiddependi neċessarjament mill-attrazzjoni tas-siti Internet tal-grupp Amazon għall-klijenti. Issa, iż-żieda fiż-żjarat tas-siti Internet Ewropej, u għalhekk tad-data tal-klijenti miġbura, kienet hija stess marbuta mal-implimentazzjoni tat-tliet pilastri msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri l-prezz, l-għażla u l-konvenjenza, minn LuxOpCo. Għalkemm ma jistax jiġi kkontestat li t-teknoloġija żviluppata fl-Istati Uniti kellha rwol essenzjali fl-implimentazzjoni tajba ta’ dawn it-tliet pilastri, jibqa’ l-fatt li LuxOpCo kellha rwol attiv u kritiku b’rabta mal-akkumulazzjoni ta’ data tal-klijenti ġdida u kienet għalhekk ikkontribwixxiet għall-iżvilupp ta’ dawn l-assi intanġibbli uniċi u ta’ valur.

427    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkunsidrat korrettament, fil-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata, li LuxOpCo kellha tiżgura ż-żamma tad-data tal-klijenti u tiżgura l-osservanza tal-liġijiet applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. Għalkemm il-protezzjoni tad-databases tal-klijenti hija attività importanti għal mudell kummerċjali marbut mal-bejgħ bl-imnut u mas-servizzi pprovduti b’mod partikolari lil konsumaturi finali, u dan għar-raġunijiet esposti mill-Kummissjoni fil-premessa 466 tad-deċiżjoni kkontestata, madankollu din hija attività ta’ rutina għal kull detentur ta’ liċenzja li jaħdem b’dan it-tip ta’ databases.

428    Fir-rigward ta’ dak li ntqal, għandhom jiġu kkonfermati l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni magħmula fil-premessi 466 sa 468 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-inqas sa fejn LuxOpCo eżerċitat funzjonijiet attivi u kritiċi b’rabta mat-titjib tad-data tal-klijenti matul il-perijodu kkunsidrat. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, bl-akkumulazzjoni tad-data tal-klijenti, li ġiet immultiplikata bi tlieta bejn l-2006 u l-2014 kif jirriżulta mill-punt 422 iktar ’il fuq, LuxOpCo kkontribwixxiet għall-valur ta’ dan l-assi intanġibbli, li jikkostitwixxi assi intanġibbli uniku u ta’ valur. Għalhekk LuxOpCo eżerċitat funzjonijiet uniċi u ta’ valur.

–       Fuq “it-trade mark Amazon” (premessi 469 sa 472 tad-deċiżjoni kkontestata)

429    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon iqajmu dubju dwar l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-valur tat-“trade mark” Amazon huwa ġġenerat fil-livell ta’ LuxOpCo u tal-kumpanniji affiljati Ewropej.

430    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

431    L-ewwel, hemm lok li jiġi enfasizzat li, kif ammettiet b’mod impliċitu l-Kummissjoni fil-premessi 469 u 471 tad-deċiżjoni kkontestata, it-trade mark Amazon hija rikonoxxuta sewwa u tibbenefika minn rikonoxximent globali b’saħħtu, u dan kien vantaġġ importanti li jattira l-klijenti. Għandu jiġi kkonstatat li din ir-reputazzjoni kienet diġà teżisti qabel il-ħolqien ta’ LuxOpCo. Madankollu, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fformulata fil-premessi 469 u 470 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li t-trade mark kummerċjali ma hijiex punt fokali ewlieni tal-mudell tal-grupp Amazon, peress li l-istrateġija kummerċjali tal-imsemmi grupp hija ffokata fuq it-tliet pilastri (prezz, konvenjenza, katalogu ta’ prodotti), għandha tiġi kkonfermata. Fil-fatt, il-valur tat-trade mark irreġistrata fl-Ewropa jiddependi wkoll mill-kapaċità li tipprovdi għażla ta’ kwalità, prezzijiet vantaġġużi u konvenjenza kbira. Inċidentalment Amazon stess tenfasizza li l-valur tal-assi intanġibbli tal-kummerċjalizzazzjoni tal-grupp Amazon fl-Ewropa jiddependi mis-sodisfazzjon tal-klijenti.

432    It-tieni, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif isostnu l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon, it-teknoloġija għandha rwol importanti, jekk mhux determinanti, fl-iżvilupp tat-trade mark kummerċjali ta’ Amazon. Fil-fatt, minn naħa, it-teknoloġija hija ċentrali fl-implimentazzjoni tat-tliet pilastri. Is-sodisfazzjon tal-klijenti għalhekk jiddependi ħafna mit-teknoloġija. Min-naħa l-oħra, it-teknoloġija għandha rwol kruċjali fil-kummerċjalizzazzjoni u tippermetti li tiġi mmassimizzata l-possibbiltà li l-isem “Amazon” jidher fit-tfittxijiet ta’ klijenti potenzjali. Huwa stabbilit li din it-teknoloġija ġiet żviluppata fl-Istati Uniti.

433    Madankollu, it-teknoloġija waħedha ma hijiex biżżejjed għall-implimentazzjoni tat-tliet pilastri. Fil-fatt, dawn tal-aħħar ġew implimentati wkoll minn LuxOpCo, minħabba t-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi neċessarji għall-eżerċizzju tal-attivitajiet kummerċjali tal-grupp Amazon fl-Ewropa.

434    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li min-nota tagħha ta’ wara l-proċess jirriżulta li fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-United States Tax Court (il-Qorti Federali tat-Taxxa tal-Istati Uniti) (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), Amazon, essenzjalment, sostniet li [kunfidenzjali].

435    B’mod partikolari, Amazon sostniet fin-nota ta’ wara l-proċess imressaq quddiem il-United States Tax Court (il-Qorti Federali tat-Taxxa tal-Istati Uniti) li [kunfidenzjali] u, fil-kuntest ta’ taqsima ddedikata għall-assi intanġibbli tal-kummerċjalizzazzjoni, li [kunfidenzjali]

436    Fl-opinjoni tagħha, il-United States Tax Court (il-Qorti Federali tat-Taxxa tal-Istati Uniti) inċidentalment ikkonkludiet li “AEHT” kellha responsabbiltà unika li żżomm u tiżviluppa l-assi intanġibbli marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni u li hija kienet tħallas, permezz tat-tqassim tal-ispejjeż, għat-titjib teknoloġiku neċessarju għaż-żamma tal-valur ta’ dawn l-assi intanġibbli. Ċertament, fin-nota ta’ wara l-proċess u fl-opinjoni tal-Qorti Federali tat-Taxxa tal-Istati Uniti, Amazon u din tal-aħħar jirreferu għal “AEHT”. Madankollu, sa fejn ma ssir l-ebda distinzjoni, fil-kuntest tal-proċedura Amerikana msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq, bejn l-entitajiet Lussemburgiżi differenti tal-grupp u li t-terminu “AEHT” jintuża mingħajr distinzjoni biex jindika lil LuxOpCo jew lil LuxSCS, għandu jiġi mifhum, f’dan il-kuntest preċiż, li “AEHT” jirreferi għal LuxOpCo u mhux għal LuxSCS. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li LuxSCS ma eżerċitatx tali funzjonijiet.

437    Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi rrilevat li la l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u lanqas Amazon ma jikkontestaw l-affermazzjoni magħmula fil-premessa 472 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, fl-Ewropa, kienu LuxOpCo u l-kumpanniji affiljati li kienu jiżguraw il-kummerċjalizzazzjoni online tal-grupp Amazon billi jibbażaw fuq il-kompetenzi lokali tagħhom.

438    F’dawn il-kundizzjonijiet, għalkemm huwa veru li t-trade mark Amazon kienet tibbenefika, fl-Ewropa, minn reputazzjoni stabbilita qabel il-ħolqien ta’ LuxOpCo u li din kienet tibbenefika mir-reputazzjoni internazzjonali tal-grupp Amazon, hemm lok li jiġi konkluż li huwa ġustament li l-Kummissjoni stabbilixxiet li, matul il-perijodu kkunsidrat, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-valur tat-trade mark kienu, mill-inqas, parzjalment iġġenerati fil-livell ta’ LuxOpCo u tal-entitajiet Ewropej.

439    Inċidentalment hemm lok li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward, bħall-Kummissjoni, li Amazon kienet magħrufa bħala bejjiegħ ta’ kotba u midja meta daħlet fis-suq Ewropew u li t-timijiet lokali kellhom jagħmlu sforzi kunsiderevoli biex jevolvu r-reputazzjoni tat-trade mark fir-rigward ta’ kategoriji oħra ta’ prodotti.

440    Konsegwentement, hemm lok li jiġu kkonfermati l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 469 sa 472 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 433 sa 438 iktar ’il fuq, li LuxOpCo kienet tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-valur tat-trade mark u tal-assi tal-kummerċjalizzazzjoni u kienet teżerċita, għaldaqstant, funzjonijiet ta’ valur. Min-naħa l-oħra, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn il-funzjonijiet kellhom natura unika. Fir-rigward ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kkonkludiet korrettament li LuxOpCo kienet ikkontribwixxiet għall-iżvilupp tal-assi intanġibbli, għal kull wieħed mit-tliet komponenti tagħhom. Fir-rigward tal-iżvilupp tat-teknoloġija, il-kontribuzzjoni ta’ LuxOpCo kienet tikkonsisti prinċipalment fl-adattamenti u fil-preparazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi. Min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni ta’ LuxOpCo fl-iżvilupp tal-EFN tista’ tiġi assimilata għal funzjoni unika u ta’ valur. Barra minn hekk, LuxOpCo kellha rwol importanti fl-akkumulazzjoni tad-data tal-klijenti, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tat-tliet pilastri, u b’hekk ikkontribwixxiet b’mod attiv għall-iżvilupp ta’ dan l-assi uniku u ta’ valur. Fir-rigward tal-assi tal-kummerċjalizzazzjoni, LuxOpCo kellha rwol importanti fit-tkabbir tar-reputazzjoni tat-trade mark Amazon fl-Ewropa u b’hekk eżerċitat funzjonijiet ta’ valur. Madankollu mill-proċess ma jirriżultax li dawn l-aħħar funzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala uniċi.

441    Għalhekk hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni sostniet korrettament, fil-premessi 414 u 415 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-amministrazzjoni Lussemburgiża kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li LuxOpCo kienet teżerċita funzjonijiet uniċi u ta’ valur b’rabta mal-assi intanġibbli. Min-naħa l-oħra, il-funzjonijiet kollha ta’ LuxOpCo b’rabta mal-assi intanġibbli ma kinux uniċi u ta’ valur.

442    Inċidentalment f’dan ir-rigward huwa importanti li jiġi kkonstatat li dawn il-funzjonijiet kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk mhux fil-mument tal-adozzjoni tad-DFA inkwistjoni, mill-inqas fil-mument tal-implimentazzjoni annwali tagħha. Fil-fatt, kull bidla fis-sitwazzjoni, u dan jinkludi l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet supplimentari, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni.

ii)    Fuq il-funzjonijiet eżerċitati minn LuxOpCo fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut u ta’ servizzi tal-grupp Amazon fl-Ewropa (Taqsima 9.2.1.2.2 u premessi 473 sa 499 tad-deċiżjoni kkontestata)

443    Fir-rigward tal-funzjonijiet eżerċitati minn LuxOpCo fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut u ta’ servizzi tal-grupp Amazon fl-Ewropa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, essenzjalment, enfasizzat il-fatt li, kemm skont ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003 kif ukoll fil-fatti, LuxOpCo kellha r-rwol ta’ sede Ewropea u kienet l-impriża inkarigata mill-imsemmija attivitajiet. Għalhekk kienet LuxOpCo li kellha tieħu u li kienet tieħu d-deċiżjonijiet strateġiċi relatati mal-operazzjonijiet kummerċjali tal-grupp Amazon fl-Ewropa (premessi 473 sa 478 tad-deċiżjoni kkontestata).

444    B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni kkonstatat li LuxOpCo kienet teżerċita l-funzjonijiet strateġiċi kollha marbuta mal-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut u ta’ servizzi online tal-grupp Amazon matul il-perijodu kkunsidrat u li hija kienet tieħu d-deċiżjonijiet strateġiċi kollha li kienu jikkonċernaw l-oġġetti u l-iffissar tal-prezzijiet, kienet tirreġistra l-bejgħ u kienet taġixxi bħala parti kontraenti fil-konfront tal-konsumaturi. Għalhekk hija kienet tassorbi l-ispejjeż korrispondenti u kienet iġġarrab ir-riskji marbuta mal-bejgħ u mal-ħażniet (premessa 475 tad-deċiżjoni kkontestata).

445    Għalhekk il-Kummissjoni kkunsidrat li LuxOpCo kienet tieħu, b’mod indipendenti, id-deċiżjonijiet kollha rilevanti dwar kull waħda mit-tliet pilastri tal-istrateġija tal-grupp Amazon fl-Ewropa (premessa 478 tad-deċiżjoni kkontestata).

446    Il-partijiet jaqblu dwar il-fatt li LuxOpCo kienet teżerċita attivitajiet ta’ bejjiegħ bl-imnut online u ta’ fornitur ta’ servizzi. Lanqas ma huwa kkontestat li LuxOpCo kienet tokkupa l-funzjonijiet ta’ sede tal-attivitajiet Ewropej tal-grupp Amazon.

447    Madankollu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw il-fatt li LuxOpCo kienet teżerċita funzjonijiet ta’ operat sinjifikattivi. Fil-fehma tagħhom, l-attivitajiet ta’ LuxOpCo kienu jibbażaw l-iktar fuq it-teknoloġija żviluppata fl-Istati Uniti u kienu jappartjenu lil funzjonijiet ta’ ġestjoni tal-attivitajiet Ewropej jew funzjonijiet ta’ appoġġ kummerċjali ta’ rutina, li ftit kienu jiġġeneraw valur miżjud.

448    B’mod iktar partikolari, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon isostnu li l-funzjonijiet umani kienu ġew issostitwiti bit-teknoloġija fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali tal-grupp Amazon u li l-prezzijiet kienu ffissati b’mod awtomatiku. Huma jżidu li kien impossibbli li individwi jiffissaw b’mod attiv il-prezz tal-miljuni ta’ oġġetti disponibbli fuq is-siti tal-grupp Amazon, li r-relazzjonijiet mal-bejjiegħa u l-klijenti kienu kważi awtomatizzati kompletament, li, fiċ-ċentri tal-ipproċessar tal-ordnijiet, il-lokalizzazzjoni tal-ħażniet u l-ordni ta’ ġbir tax-xiri kienu funzjonijiet iddefiniti minn teknoloġiji u l-impjegati taċ-ċentri kellhom biss isegwu l-istruzzjonijiet mogħtija mit-teknoloġija u li d-deċiżjonijiet dwar l-inventarju (deċiżjonijiet ta’ xiri, post ta’ ħażna, eċċ.) kienu awtomatizzati, filwaqt li l-impjegati kellhom jeżegwixxu biss l-indikazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi tat-teknoloġija.

449    Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kkunsidratx ġustament li LuxOpCo kienet teżerċita funzjonijiet ta’ operat sinjifikattivi u kinitx tieħu deċiżjonijiet strateġiċi b’rabta ma’ kull waħda mit-tliet pilastri tal-istrateġija tal-grupp Amazon, b’tali mod li hija ma setgħetx tiġi assimilata ma’ impriża li teżerċita funzjonijiet sempliċi ta’ ġestjoni.

–       Fuq l-għażla (premessi 479 sa 489 tad-deċiżjoni kkontestata)

450    Il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-ikbar għażla possibbli kienu kruċjali għas-suċċess tal-grupp Amazon fl-Ewropa. Hija żiedet li d-deċiżjoni dwar il-kategoriji ta’ prodotti għall-bejgħ kienet ittieħdet fuq il-bażi tal-għarfien tas-suq. Għalhekk hija kienet teħtieġ intervent uman, peress li t-teknoloġija waħedha ma kinitx biżżejjed.

451    B’mod partikolari, il-Kummissjoni rrilevat, minn naħa, li LuxOpCo setgħet tibbaża fuq numru sinjifikattiv ta’ impjegati tal-kumpanniji affiljati Ewropej, li intervjenew sabiex jikkostitwixxu l-għażla fl-Ewropa u jespandu l-firxa ta’ kategoriji ġodda ta’ prodotti disponibbli fuq il-bażi tal-għarfien tagħhom dwar is-suq, il-prodotti u l-konsumaturi lokali (li jikkorrispondi għalhekk għall-“kompetenzi lokali” tagħhom) (premessi 470 sa 482 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, LuxOpCo kellha rwol determinanti fl-akkwiżizzjoni ta’ operaturi lokali, l-istabbiliment ta’ sħubijiet mal-fornituri u l-istabbiliment ta’ programmi ta’ terzi għall-iżvilupp ta’ MarketPlace (premessi 483 sa 489 tad-deċiżjoni kkontestata).

452    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon ma jqajmux dubju dwar il-konstatazzjoni ta’ ordni ġenerali li tinsab fil-premessa 483 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li Amazon tikkostitwixxi l-għażla tagħha billi tixtri mingħand bejjiegħa bl-imnut oħra preżenti fis-suq, billi tikkonkludi sħubijiet ma’ fornituri u billi tistabbilixxi programmi ta’ terzi, bħal MarketPlace.

453    Inċidentalment mix-xhieda ta’ min kien responsabbli mill-programmi terzi fl-Ewropa (u b’mod partikolari minn MarketPlace), jirriżulta li x-xogħol tar-reklutaturi lokali kien kruċjali sabiex jippermetti t-tnedija ta’ prodotti ġodda fuq is-siti tal-Internet.

454    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon lanqas ma jikkontestaw il-fatt li hija LuxOpCo, bl-appoġġ tal-kumpanniji affiljati Ewropej tagħha, li assumiet dawn l-attivitajiet “ġenerali” tal-grupp Amazon, wettqet akkwiżizzjonijiet ta’ ċerti impriżi tal-bejgħ bl-imnut Ewropej, ikkonkludiet sħubijiet ma’ fornituri Ewropej, filwaqt li ddefinixxiet strateġiji u prattiki tajbin bil-għan tal-għażla u tat-tnedija ta’ kategoriji ġodda ta’ prodotti, u stabbilixxiet ukoll il-klawżoli kuntrattwali standard għall-fornituri (ara l-premessa 485 tad-deċiżjoni kkontestata).

455    Inċidentalment mix-xhieda tal-Viċi President Direttur, responsabbli mill-attivitajiet ta’ kummerċ bl-imnut fil-qasam internazzjonali, impjegat fl-Istati Uniti, jirriżulta li [kunfidenzjali]. Għalhekk, minkejja li LuxOpCo ma kinitx tiddeċiedi b’mod totalment awtonomu l-kategoriji ta’ prodotti, hija kellha rwol sinjifikattiv fit-tnedija ta’ kategorija ġdida ta’ prodotti. F’dan ir-rigward, mix-xhieda ta’ min kien il-kap tal-attivitajiet ta’ kummerċ bl-imnut fl-Ewropa, impjegat minn LuxOpCo, jirriżulta li, fil-kuntest tat-tnedija ta’ kategorija ġdida ta’ prodotti, hija kienet [kunfidenzjali].

456    Ir-ristrutturazzjoni tal‑2006 għalhekk ippermettiet ġestjoni iktar awtonoma tal-attivitajiet Ewropej.

457    Għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kkunsidrat korrettament li LuxOpCo kienet tieħu deċiżjonijiet importanti marbuta mal-għażla u li t-teknoloġija waħedha ma kinitx biżżejjed sabiex timplimenta fl-Ewropa dan il-pilastru tal-istrateġija tal-grupp Amazon.

–       Fuq il-prezzijiet (premessi 490 sa 493 tad-deċiżjoni kkontestata)

458    Fir-rigward tal-prezzijiet, il-Kummissjoni sostniet li, għalkemm l-iffissar tal-prezzijiet kien awtomatizzat u kien jibbaża fuq l-użu ta’ algoritmu, dan kien biss għodda li tippermetti l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ tariffikazzjoni partikolari, li kienet iddefinita minn LuxOpCo fl-Ewropa.

459    B’mod partikolari, il-Kummissjoni rrilevat li, mingħajr kontribut individwali, ibbażat fuq l-għarfien tas-suq lokali, mill-kumpanniji affiljati Ewropej, l-algoritmu tal-ipprezzar ma kienx jaħdem b’mod effettiv. Fl-Ewropa, dan kien isir minn LuxOpCo bl-appoġġ tal-kumpanniji affiljati Ewropej.

460    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw dawn l-affermazzjonijiet. Huma jsostnu b’mod partikolari li l-attivitajiet kummerċjali ta’ LuxOpCo jibbażaw fil-parti l-kbira fuq l-awtomatizzazzjoni u li l-parteċipazzjoni tal-impjegati ta’ LuxOpCo kienet minima, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezzijiet.

461    Ċertament, ma huwiex dibattibbli li, kif isostni l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mingħajr it-teknoloġija, l-attivitajiet ta’ LuxOpCo kienu jkunu inqas sinjifikattivi.

462    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, sal‑2009, il-grupp Amazon kien juża essenzjalment it-tariffikazzjoni manwali. Kien biss mill‑2009 li l-prezzijiet kienu ffissati minn algoritmu. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għalhekk ikkonstatat korrettament li l-algoritmu ma kienx suffiċjenti fih innifsu fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet u kien jippermetti l-implimentazzjoni tal-politika ta’ tariffikazzjoni ddefinita, fl-Ewropa, minn LuxOpCo (ara l-premessa 490 tad-deċiżjoni kkontestata).

463    Qabel kollox, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 491 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr kontribut individwali ta’ LuxOpCo, ibbażat fuq l-għarfien tas-suq lokali mill-kumpanniji affiljati Ewropej, l-algoritmu tal-ipprezzar ma setax jaħdem b’mod effettiv.

464    Sussegwentement, kif identifikat il-Kummissjoni fil-premessa 492 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-Manwal dwar il-Politiki u l-Proċeduri għall-Unjoni tal-grupp Amazon, jirriżulta li l-iffissar tal-prezzijiet kien stabbilit fil-Lussemburgu minn kumitat għall-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut fl-Unjoni li kien magħmul minn diretturi eżekuttivi ta’ LuxOpCo. Dan il-kumitat kien l-uniku kompetenti għall-iffissar ta’ gwidi fil-qasam tal-prezzijiet għall-prodotti li l-grupp Amazon kien joffri fuq is-siti Internet Ewropej tiegħu. Ir-rwol ta’ LuxOpCo fid-determinazzjoni tal-politiki tal-prezzijiet huwa kkonfermat ukoll mix-xhieda tal-impjegati ta’ LuxOpCo.

465    Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li LuxOpCo kienet timpjega maniġer Ewropew għall-ipprezzar, li kellu japprova l-prezzijiet, b’mod partikolari meta dawn kienu jitbiegħdu minn dawk iffissati mill-algoritmu, u lanqas li kien hemm tim inkarigat mill-monitoraġġ ta’ [kunfidenzjali] fil-livell dinji. Dan it-tim, stabbilit fil-Lussemburgu fi ħdan LuxOpCo, kien isegwi l-prezzijiet [kunfidenzjali] u kien jeżamina l-prezzijiet offruti fl-iskala dinjija, inkluż fl-Istati Uniti (ara l-premessa 492 tad-deċiżjoni kkontestata).

466    Finalment, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon ma jqajmux dubju b’mod issostanzjat dwar il-fatt li LuxOpCo kellha tiżviluppa kwalunkwe strateġija partikolari sabiex tiġġenera dħul u sabiex tiddistingwixxi ruħha mill-kompetituri tagħha. F’dan ir-rigward, l-influwenza ta’ LuxOpCo u tal-kumpanniji affiljati Ewropej tagħha fuq id-deċiżjonijiet fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet kienet riflessa fil-promozzjonijiet li kienu applikabbli għal ċerti oġġetti mibjugħa fuq is-siti tal-Internet fl-Unjoni (ara l-premessa 493 tad-deċiżjoni kkontestata). Ma huwiex ikkontestat li, matul l-ewwel snin ta’ attività tiegħu fil-Ġermanja, is-sit “Amazon.de” kien ivvinta wkoll il-“garanzija ta’ prezz baxx” sabiex jagħti inċentiv lill-klijenti biex jagħtuh ir-rispons tagħhom dwar il-prezzijiet ħalli jirċievu tnaqqis fil-prezz tax-xirjiet tagħhom, u li, fir-Renju Unit, ċerti tipi ta’ promozzjonijiet tal-prezzijiet komuni fis-suq, bħal [kunfidenzjali], għamlu iktar diffiċli l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni [kunfidenzjali], [kunfidenzjali]. Fir-rigward tal-bejgħ ta’ kotba fi Franza u fil-Ġermanja, LuxOpCo implimentat sistema ta’ kunsinna mingħajr ħlas. F’dan ir-rigward, dawn huma eżempji ta’ deċiżjonijiet ta’ ffissar tal-prezzijiet b’rabta mal-kompetituri fis-suq u, għaldaqstant, ta’ deċiżjonijiet strateġiċi proprji għal bejjiegħ bl-imnut.

467    Fid-dawl ta’ dawk li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li LuxOpCo adottat deċiżjonijiet strateġiċi fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet u għalhekk eżerċitat funzjonijiet sinjifikattivi. Għalkemm huwa veru li t-tariffikazzjoni tal-prezzijiet kienet tiddependi mit-teknoloġija tal-grupp Amazon, jibqa’ l-fatt li l-intervent tal-kollaboraturi ta’ LuxOpCo kien kruċjali wkoll.

–       Fuq il-“konvenjenza” (premessi 494 sa 499 tad-deċiżjoni kkontestata)

468    Fir-rigward tal-“konvenjenza”, il-Kummissjoni kkonstatat li LuxOpCo kienet inkarigata mill-iżgurar tal-konvenjenza tal-offerta ta’ bejgħ bl-imnut u ta’ post tas-suq tal-grupp Amazon fl-Ewropa. B’mod iktar preċiż, LuxOpCo kellha tim imsejjaħ “Lokalizzazzjoni u traduzzjoni” maħsub biex jivverifika u jadatta t-traduzzjoni awtomatika u jippermetti b’mod partikolari t-twaħħid tal-katalogi Ewropej differenti sabiex joħloq u jamministra l-EFN (premessa 495 tad-deċiżjoni kkontestata). Kienu LuxOpCo u l-kumpanniji affiljati Ewropej li kisbu u żviluppaw il-kompetenzi fir-rigward tal-loġistika lokali, b’mod partikolari għall-bgħit tal-oġġetti (premessa 496 tad-deċiżjoni kkontestata).

469    Skont il-Kummissjoni, it-teknoloġija hija prerekwiżit għall-“konvenjenza”, b’mod partikolari għat-traduzzjoni tal-katalogi ta’ oġġetti Ewropej, għall-kunsinna u għas-servizz ta’ assistenza għall-klijenti (ara l-premessi 494 sa 499 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-persunal ta’ LuxOpCo kellu rwol kemm fil-livell tal-katalogi ta’ oġġetti kif ukoll fir-rigward tal-kunsinna tal-prodotti u s-servizz ta’ assistenza għall-klijenti. F’dan ir-rigward, il-kompetenzi kienu jappartjenu lil LuxOpCo u lill-kumpanniji affiljati Ewropej (ara l-premessa 496 tad-deċiżjoni kkontestata).

470    Dawn l-elementi, barra minn hekk, ma humiex ikkontestati mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon b’mod issostanzjat u għandhom jiġu kkonfermati.

471    Għalhekk minn dak li ntqal jirriżulta li LuxOpCo ħadet deċiżjonijiet strateġiċi b’rabta mal-operat tal-attivitajiet kummerċjali tal-grupp Amazon fl-Ewropa u kienet għalhekk l-entità responsabbli prinċipali mill-implimentazzjoni tat-tliet pilastri tal-istrateġija tal-imsemmi grupp għal din iż-żona ġeografika. Għalhekk il-Kummissjoni kkunsidrat korrettament li, minkejja l-importanza tat-teknoloġija, LuxOpCo kellha wkoll rwol essenzjali fl-operat u l-espansjoni ta’ dawn l-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut u postijiet tas-suq u, għalhekk, li hija kienet eżerċitat funzjonijiet ta’ valur. Madankollu, mill-proċess ma jirriżultax li tali funzjonijiet kellhom natura unika.

iii) Fuq l-assi użati minn LuxOpCo (premessi 500 sa 505 tad-deċiżjoni kkontestata)

472    Fir-rigward tal-assi użati minn LuxOpCo, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 500 tad-deċiżjoni kkontestata, li LuxOpCo kienet użat “assi sinifikanti” biex twettaq il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsimiet 9.2.1.2.1 (funzjonijiet b’rabta mal-assi intanġibbli) u 9.2.1.2.2 (funzjonijiet eżerċitati fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut u ta’ servizzi) tad-deċiżjoni tagħha.

473    Minn naħa, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 501 tad-deċiżjoni kkontestata, li LuxOpCo kellha u kienet tamministra l-għażla kollha (fil-perijodu kkunsidrat, il-ħażniet kienu jirrappreżentaw EUR [kunfidenzjali] biljun) u li hija kellha l-ishma kollha ta’ ASE, ta’ AMEU u tal-kumpanniji affiljati Ewropej li hija kienet tagħtihom finanzjamenti.

474    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni sostniet li l-istruttura tal-ispejjeż ta’ LuxOpCo kienet turi li l-assi sinjifikattivi kienu użati biex jassorbu l-ispejjeż marbuta mal-iżvilupp u t-titjib tal-assi intanġibbli fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha (premessa 502 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, fir-rigward tat-trade mark irreġistrata, LuxOpCo kienet ġarrbet l-ispejjeż għoljin ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta (pereżempju l-ispejjeż marbuta mal-promozzjoni) (premessi 503 sa 504 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li, fl-assenza ta’ kwalunkwe rimbors identifikabbli min-naħa ta’ LuxOpCo, dawn l-ispejjeż kellhom jiġu kkunsidrati bħala effettivament imġarrba minn LuxOpCo.

475    Għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet li LuxOpCo kienet ġarrbet l-ispejjeż korrispondenti għall-isfruttament ekonomiku tal-assi intanġibbli, kif ukoll għall-iżvilupp, it-titjib u l-ġestjoni tagħhom. Skont il-Kummissjoni, it-totalità ta’ dawn l-ispejjeż ma tistax tiġi kkunsidrata bħala spejjeż imġarrba f’isem LuxSCS (premessa 505 tad-deċiżjoni kkontestata).

476    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon, barra minn hekk, ma jikkontestawx dawn il-konstatazzjonijiet b’mod issostanzjat, ħlief fir-rigward tal-fatt li LuxOpCo kienet ġarrbet l-ispejjeż marbuta mal-iżvilupp, it-titjib u l-ġestjoni tal-assi intanġibbli. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-punt 235 iktar ’il fuq. Bl-eċċezzjoni tal-affermazzjoni li tgħid li LuxOpCo kienet ġarrbet l-ispejjeż marbuta mal-ARC u mal-ftehim ta’ xiri bil-forza, hemm lok li jiġu kkonfermati l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 500 sa 505 tad-deċiżjoni kkontestata.

iv)    Fuq ir-riskji assunti minn LuxOpCo (premessi 506 sa 517 tad-deċiżjoni kkontestata)

477    Fir-rigward tar-riskji assunti minn LuxOpCo, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 506 sa 517 tad-deċiżjoni kkontestata, li din il-kumpannija kienet iġġarrab, kemm skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet konklużi ma’ LuxSCS kif ukoll fil-fatti, minn naħa, ir-riskji marbuta mal-iżvilupp, mat-titjib u mal-ġestjoni tal-assi intanġibbli. Min-naħa l-oħra, LuxOpCo kkontrollat u amministrat ir-riskji kummerċjali u imprenditorjali korrispondenti kollha, marbuta mal-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut u ta’ servizzi eżerċitati mill-grupp Amazon fl-Ewropa, fosthom ir-riskju ta’ kreditu, ir-riskju tal-inkass, ir-riskju tal-ġestjoni tal-ħażniet, ir-riskju tas-suq, ir-riskju ta’ telf jew anki r-riskji relatati maż-żamma tal-forza tax-xogħol li kapaċi tbigħ l-oġġetti u tipprovdi s-servizzi b’mod effiċjenti u f’waqtu.

478    Il-Kummissjoni sussegwentement ċaħdet l-affermazzjoni ta’ Amazon, ifformulata matul il-proċedura amministrattiva, li tgħid li LuxOpCo kienet tibbaża fil-parti l-kbira fuq it-teknoloġija biex tamministra u ġġarrab ir-riskji (premessi 506 u 508 tad-deċiżjoni kkontestata).

479    Qabel kollox, skont il-Kummissjoni, minkejja li t-teknoloġija kienet tippermetti li jiġu mminimizzati r-riskji, LuxOpCo kienet iġġarrab l-imsemmija riskji minħabba r-rwol tagħha ta’ sede Ewropea u l-attivitajiet tagħha ta’ bejgħ bl-imnut u ta’ servizzi (premessi 509 u 510 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija rrilevat li, minkejja li LuxOpCo kienet tibbaża fuq it-teknoloġija għall-finijiet tal-ġestjoni tar-riskji kummerċjali, dan kien jirriżulta biss minn deċiżjoni strateġika min-naħa tagħha (premessa 511 tad-deċiżjoni kkontestata).

480    Barra minn hekk, ma huwiex stabbilit, kemm mir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003 jew minn dokument ieħor, li r-riskji strateġiċi, finanzjarji u operazzjonali li kellha taffaċċja LuxOpCo fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ kuljum tagħha kienu ġestiti minn politika ta’ grupp fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskji (premessa 512 tad-deċiżjoni kkontestata). Għall-kuntrarju, ir-riskji bħat-telf ta’ attività ekonomika kienu ġestiti fil-livell lokali, b’LuxOpCo bħala l-entità responsabbli prinċipali fl-Ewropa (premessi 513 sa 515 tad-deċiżjoni kkontestata).

481    Il-partijiet ma jaqblux fir-rigward tal-punt dwar liema entità kienet tassumi effettivament ir-riskji marbuta mal-assi intanġibbli u, b’mod iktar partikolari, dwar jekk LuxOpCo mmobilizzatx l-assi biex tassorbi l-ispejjeż marbuta mal-iżvilupp tal-proprjetà intellettwali. Barra minn hekk, skont il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, parti mir-riskji u mill-funzjonijiet identifikati mill-Kummissjoni kienu assunti mill-kumpanniji affiljati Ewropej u mhux minn LuxOpCo.

482    Fir-rigward tar-riskji marbuta mal-iżvilupp, it-titjib u l-ġestjoni tal-assi intanġibbli, l-affermazzjoni, kif iddikjarat il-Kummissjoni fil-premessa 507 tad-deċiżjoni kkontestata, li LuxOpCo kienet iġġarrab dawn ir-riskji, kemm skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet konklużi ma’ LuxSCS kif ukoll fil-fatti, ma hijiex konvinċenti.

483    Kif irrileva ġustament il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, fil-punt 104 tar-rikors fil-Kawża T‑816/17, għalkemm huwa veru li, skont il-ftehim ta’ liċenzja, LuxSCS kienet ittrasferixxiet ċertu numru ta’ riskji marbuta mal-operat tal-attivitajiet kummerċjali lil LuxOpCo, jibqa’ l-fatt li LuxSCS, li kienet il-proprjetarja legali tad-dritt għall-isfruttament tal-assi intanġibbli matul il-perijodu kkunsidrat, kienet għadha ġġarrab ir-riskji marbuta mal-assi intanġibbli, peress li hija kellha tonora l-obbligu impost fuqha skont il-ftehim ta’ xiri bil-forza u l-ARC li tħallas l-ispejjeż ta’ xiri bil-forza u l-ispejjeż taħt l-ARC lil ATI u lil A 9.

484    Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata b’mod issostanzjat mill-Kummissjoni. Fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja ta’ LuxSCS li tassumi r-riskji jekk jimmaterjalizzaw ruħhom, il-Kummissjoni ma setgħetx tissostanzja l-affermazzjoni tagħha li tgħid li LuxSCS ma kellhiex fondi tagħha sostanzjali. Fir-rigward tal-kapital inizjali ta’ LuxSCS, miċħud mill-Kummissjoni fil-premessa 445 tad-deċiżjoni kkontestata bħala irrilevanti, huwa stabbilit li, mill-inqas għas-sena 2006, huwa permezz tal-kapital tagħha li LuxSCS setgħet tassorbi t-telf imġarrab matul l-ewwel snin ta’ operat tagħha mingħajr l-intervent ta’ LuxOpCo. B’hekk, fl‑2006, l-ammont tar-royalty imħallsa minn LuxOpCo lil LuxSCS kien ferm iktar baxx mill-pagamenti ta’ xiri u ta’ tqassim tal-ispejjeż magħmula minn LuxSCS.

485    F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jitqies li LuxOpCo kienet iġġarrab, l-iktar l-iktar, parti mir-riskji marbuta mal-eżistenza, mal-iżvilupp, mat-titjib u mal-ġestjoni tal-assi intanġibbli.

486    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-riskji l-oħra li jissemmew fil-premessi 507 sa 517 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri r-riskji proprji għal attività ta’ bejjiegħ bl-imnut online u ta’ fornitur ta’ servizzi, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon ma jikkontestawx b’mod issostanzjat il-fatt li LuxOpCo kienet iġġarrab dawn ir-riskji, bħar-riskju marbut mat-telf tal-attività ekonomika bħala tali (ara l-premessa 514 tal-imsemmija deċiżjoni) u r-riskji relatati maż-żamma tal-ħażniet mhux mibjugħa fl-Ewropa, mal-hosting ta’ servers u mal-manutenzjoni ta’ ċentri telefoniċi, mad-dejn mitluf u man-nuqqas ta’ twettiq jew in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi mal-klijenti. B’mod partikolari, għalkemm il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon isostnu li t-teknoloġija kienet tippermetti li jiġu mminimizzati r-riskji ta’ LuxOpCo b’rabta mal-operat tal-attivitajiet kummerċjali, u b’mod partikolari r-riskji ta’ inventarju, għandu jiġi kkonstatat, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 510 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-teknoloġija ma neħħietx totalment dawn ir-riskji. Għalhekk hemm lok li jiġu kkonfermati l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni.

v)      Konklużjonijiet dwar l-analiżi funzjonali ta’ LuxOpCo

487    Bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-analiżi funzjonali ta’ LuxOpCo mwettqa mill-Kummissjoni ma hijiex konvinċenti kollha kemm hi.

488    L-ewwel, fir-rigward tal-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif esposta f’din tal-aħħar u li parti minnha ġiet ikkonfermata iktar ’il fuq, ma kienx eskluż li jista’ jiġi kkunsidrat li LuxOpCo kienet teżerċita effettivament ċerti funzjonijiet uniċi u ta’ valur fir-rigward tal-assi intanġibbli. Dan japplika fir-rigward tal-iżvilupp tal-EFN u tal-akkumulazzjoni ta’ data tal-klijenti. Għall-kumplament, fir-rigward tal-assi tal-kummerċjalizzazzjoni, għalkemm il-funzjonijiet ta’ LuxOpCo huma ta’ valur, ma huwiex stabbilit li tali funzjonijiet jistgħu jiġu kkunsidrati bħala uniċi.

489    It-tieni, l-analiżi tal-funzjonijiet ta’ LuxOpCo bħala bejjiegħa bl-imnut online u bħala fornitur ta’ servizzi tista’ tiġi essenzjalment ikkonfermata. F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon, LuxOpCo ma kinitx tillimita ruħha li teżerċita funzjonijiet sempliċi ta’ “ġestjoni”, iżda kienet taġixxi bħala bejjiegħ bl-imnut online u kienet iġġarrab ir-riskji inerenti għal dawn l-attivitajiet. Tali funzjonijiet kienu effettivament “ta’ valur”, minħabba li kienu attivitajiet li jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għad-dħul mill-bejgħ ta’ LuxOpCo u għalhekk għall-mudell kummerċjali tal-grupp Amazon. Madankollu, tali funzjonijiet ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala uniċi. Fil-fatt, sa fejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon indikaw li impriża setgħet tiġi kkunsidrata bħala entità li teżerċita funzjonijiet ta’ rutina (meta mqabbla ma’ entità li teżerċita funzjonijiet uniċi u ta’ valur) meta dawn il-funzjonijiet setgħu jiġu evalwati faċilment (bl-Ingliż “benchmarked”) (ara l-punt 225 iktar ’il fuq), huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rapport [kunfidenzjali], li ssemma mill-partijiet prinċipali, jirrigwarda attivitajiet ta’ bejjiegħ bl-imnut online u jittratta l-kwistjoni tar-remunerazzjoni osservata fis-suq għal tali bejjiegħa bl-imnut.

490    Fir-rigward ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra validament li ċerti funzjonijiet ta’ LuxOpCo, b’rabta mal-assi intanġibbli, kienu uniċi u ta’ valur, l-argument tagħha intiż sabiex issostni li l-funzjonijiet ta’ LuxOpCo b’rabta mal-attivitajiet kummerċjali tagħha kienu uniċi u ta’ valur ma huwiex konvinċenti totalment. Għalkemm il-Kummissjoni kkonstatat korrettament li LuxOpCo kienet teżerċita iktar funzjonijiet minn dawk meqjusa għall-finijiet tal-adozzjoni tad-DFA inkwistjoni, jiġifieri funzjonijiet sempliċi ta’ “ġestjoni”, hija qieset b’mod żbaljat li l-funzjonijiet ta’ LuxOpCo dwar l-attività tagħha ta’ bejjiegħ bl-imnut kienu uniċi u ta’ valur.

491    Din il-konklużjoni ma titqiegħed f’dubju mill-ebda argument ieħor tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu jew ta’ Amazon.

492    L-ewwel, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon isostnu li l-fatt li l-funzjonijiet ta’ LuxOpCo kienu eżerċitati, qabel ir-ristrutturazzjoni tal‑2006, mill-kumpanniji affiljati Ewropej u li dawn kienu rremunerati għall-ispejjeż maġġuri juri li l-funzjonijiet ta’ LuxOpCo huma biss funzjonijiet ta’ rutina. Huwa biżżejjed f’dan ir-rigward li jiġi rrilevat li r-ristrutturazzjoni tal‑2006 kellha preċiżament l-għan li toħloq sede għall-attivitajiet tal-grupp Amazon fl-Ewropa, billi tattribwixxi lil LuxOpCo funzjonijiet ferm iktar importanti minn dawk tal-kumpanniji affiljati Ewropej.

493    It-tieni, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkritika lill-Kummissjoni li attribwixxiet lil LuxOpCo l-funzjonijiet eżerċitati mill-kumpanniji affiljati Ewropej. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li l-kumpanniji affiljati Ewropej kienu jaġixxu bħala fornituri ta’ servizzi fi ħdan LuxOpCo u inċidentalment kienu rremunerati bħala tali. Il-funzjonijiet li huma eżerċitaw kienu għalhekk f’isem u għar-riskji ta’ LuxOpCo. Għalhekk il-Kummissjoni setgħet tattribwixxi dawn il-funzjonijiet lil LuxOpCo.

2)      Fuq l-għażla tal-metodu

494    Kif ġie espost fil-punt 317 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat, essenzjalment, li kien żbaljat li ntuża l-MTMN sabiex jiġu ddeterminati l-ammont tar-royalty u r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo u li kellu jintuża l-metodu tat-tqassim tal-profitti fil-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet.

495    B’mod iktar preċiż, fil-premessa 567 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, fejn iż-żewġ partijiet għat-tranżazzjoni fi ħdan il-grupp jagħmlu kontribuzzjonijiet uniċi u ta’ valur għal dik it-tranżazzjoni, il-metodu tat-tqassim tal-profitti normalment huwa meqjus bħala metodu iktar xieraq għall-prezzijiet ta’ trasferiment, sa fejn, f’tali każ, partijiet indipendenti normalment ikunu mistennija li jaqsmu l-profitti ġġenerati minn din it-tranżazzjoni skont il-proporzjon tal-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom.

496    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ppreċiżat, billi rreferiet għall-premessa 256 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-linji gwida tal-OECD kienu jagħmlu distinzjoni bejn iż-żewġ metodi ta’ tqassim tal-profitt, jiġifieri l-analiżi tal-kontribuzzjonijiet u l-analiżi residwa. Fir-rigward tal-analiżi residwa, il-Kummissjoni ppreċiżat li din kienet tapplika fil-każ fejn parti kienet irremunerata għall-funzjonijiet ta’ rutina tagħha flimkien mar-remunerazzjoni li hija kienet tirċievi għall-kontribuzzjonijiet uniċi u ta’ valur li hija kienet tagħti għat-tranżazzjoni. Fir-rigward tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet, il-Kummissjoni ppreċiżat li din kienet tikkonsisti fit-tqassim tal-profitti kkombinati fuq il-bażi tal-valur relattiv tal-funzjonijiet eżerċitati (b’kunsiderazzjoni tal-assi li huma kienu jużaw u r-riskji li kienu jassumu) minn kull waħda mill-partijiet għat-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp.

497    Il-Kummissjoni żiedet li, fejn iż-żewġ partijiet għat-tranżazzjoni kkontrollata kienu jagħmlu kontribuzzjonijiet uniċi u ta’ valur u ma kienx hemm tranżazzjonijiet inqas kumplessi fejn il-prezz kellu jiġi stabbilit b’mod separat, kien iktar xieraq li tiġi applikata l-analiżi tal-kontribuzzjonijiet għall-finijiet tal-imputazzjoni tal-profitti kkombinati. L-analiżi residwa kienet tkun xierqa meta jkunu jeżistu tranżazzjonijiet iktar kumplessi.

498    Fuq il-bażi ta’ dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li, minħabba li LuxSCS u LuxOpCo kienu kkunsidrati t-tnejn bħala li jeżerċitaw funzjonijiet uniċi u ta’ valur b’rabta mal-assi intanġibbli, kellha tiġi ppreferuta l-analiżi tal-kontribuzzjonijiet għall-analiżi residwa.

499    Il-partijiet fil-kawża ma jaqblux dwar il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun tikkunsidra li l-metodu tat-tqassim tal-profitti fil-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet kienx xieraq f’dan il-każ, u konsegwentement, li l-għażla tal-MTMN kellhiex tiġi approvata fid-DFA inkwistjoni.

500    Qabel kollox, huwa importanti li jitfakkar, fir-rigward tal-għażla tal-metodu tal-prezz ta’ trasferiment bħala tali, li, kif ġie espost fil-punt 202 tas-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni (T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669), il-metodi differenti ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment jagħmlu sforz sabiex jilħqu livelli ta’ profitti li jirriflettu l-prezzijiet ta’ trasferiment ta’ distakkament u li ma jistax jiġi konkluż, bħala prinċipju, li metodu ma jippermettix il-kisba ta’ approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ suq.

501    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-eżami ta’ miżura fir-rigward tal-prinċipju ta’ distakkament, il-Kummissjoni hija libera tuża metodu ieħor minn dak approvat mill-awtoritajiet fiskali nazzjonali. Mill-punt 154 tas-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni (T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669), jirriżulta li, għalkemm, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li użat metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment li hija tqis xieraq fil-każ inkwistjoni sabiex teżamina l-livell tal-prezzijiet ta’ trasferiment għal tranżazzjoni jew għal diversi tranżazzjonijiet relatati b’mod strett, li jagħmlu parti mill-miżura kkontestata, madankollu huwa l-kompitu tagħha li tiġġustifika l-għażla metodoloġika tagħha.

502    F’dan il-każ, minħabba l-eżistenza ta’ ċerti funzjonijiet uniċi u ta’ valur kemm fir-rigward ta’ LuxSCS kif ukoll ta’ LuxOpCo, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kkunsidrat li l-metodu tat-tqassam tal-profitti kellu jidher, b’mod ġenerali, xieraq għall-eżami tat-tranżazzjoni kkontrollata.

503    Madankollu, il-konklużjoni tal-Kummissjoni intiża sabiex tiġi adottata l-analiżi tal-kontribuzzjonijiet ma hijiex konvinċenti. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, kif jirriżulta b’mod impliċitu, iżda neċessarju, mill-premessi 256, 567 u 568 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni telqet mill-konstatazzjoni li l-fatt li l-partijiet għat-tranżazzjoni kkontrollata kienu jeżerċitaw funzjonijiet uniċi u ta’ valur kif ukoll funzjonijiet ta’ rutina kien jitlob applikazzjoni tal-metodu tat-tqassim tal-profitti fil-varjant tal-analiżi residwa, filwaqt li l-metodu tat-tqassim tal-profitti fil-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet kien ikun adatt biss meta l-impriżi kkonċernati kienu jeżerċitaw biss funzjonijiet uniċi u ta’ valur. Issa, kif jirriżulta mill-punti 488 u 489 iktar ’il fuq, għalkemm il-Kummissjoni kellha raġun tikkunsidra li ċerti funzjonijiet ta’ LuxOpCo b’rabta mal-assi intanġibbli kienu uniċi u ta’ valur, hija kkunsidrat b’mod żbaljat li l-funzjonijiet ta’ LuxOpCo b’rabta mal-attivitajiet kummerċjali kienu uniċi u ta’ valur. Barra minn hekk, hija lanqas ma stabbilixxiet li ma kienx hemm attivitajiet komparabbli għall-attivitajiet kummerċjali ta’ LuxOpCo, u lanqas li r-remunerazzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet ma setgħetx tiġi stabbilita b’mod separat.

504    Iktar minn hekk, mill-punti 3.6 u 3.8 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 jirriżulta b’mod impliċitu, iżda neċessarju, li l-għażla tal-metodu tat-tqassim tal-profitti, inkluż fil-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet, tiddependi b’mod deċiżiv mill-fatt li tkun identifikata data esterna li tkun ġejja minn impriżi indipendenti biex jiġi ddeterminat il-valur tal-kontribuzzjoni ta’ kull impriża assoċjata mat-tranżazzjonijiet. Issa, il-Kummissjoni ma fittxitx li tidentifika jekk tali data affidabbli kinitx disponibbli, sabiex tkun tista’ tikkonkludi li l-metodu tat-tqassim tal-profitti fil-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet seta’ jintgħażel f’dan il-każ.

505    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ġġustifikatx kif il-funzjonijiet ta’ LuxOpCo b’rabta mal-iżvilupp tal-assi intanġibbli kienu tali li kienet l-analiżi tal-kontribuzzjonijiet li kienet il-metodu xieraq f’dan il-każ, u dan meta mqabbla mal-analiżi residwa (ara l-premessa 568 tad-deċiżjoni kkontestata).

506    Minn dan jirriżulta li, meta hija ċaħdet il-metodu tat-tqassim tal-profitti fil-varjant tal-analiżi residwa u għażlet il-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet, il-Kummissjoni ma ġġustifikatx kif xieraq l-għażla metodoloġika tagħha u għalhekk ma ssodisfatx ir-rekwiżiti esposti fil-punt 501 iktar ’il fuq.

507    Sa fejn il-Kummissjoni bbażat l-ewwel konstatazzjoni sussidjarja tagħha fuq il-fatt li l-analiżi tal-kontribuzzjonijiet kienet il-metodu xieraq f’dan il-każ, l-iżball ikkonstatat fil-punt 506 iktar ’il fuq jivvizzja r-raġunament tal-Kummissjoni dwar id-dimostrazzjoni tal-eżistenza tal-vantaġġ.

508    Madankollu l-Qorti Ġenerali tqis neċessarju li jsir l-eżami tal-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex isostnu li l-Kummissjoni ma wrietx li r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo kellha tkun ogħla minħabba l-użu tal-metodu tat-tqassim tal-profitti fil-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet.

3)      Fuq id-dimostrazzjoni li r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo kellha tkun ogħla minħabba l-użu tal-metodu tat-tqassim tal-profitti (applikazzjoni tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet)

509    Kif ġie espost iktar ’il fuq, fil-premessa 568 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni kkunsidrat li, kieku ġie applikat il-metodu tat-tqassim tal-profitti fil-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet, dan kien neċessarjament iwassal għal remunerazzjoni iktar sinjifikattiva għal LuxOpCo. Għalhekk il-Kummissjoni kkunsidrat li, bl-approvazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tar-royalty propost minn Amazon li kien iwassal għal sottovalutazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo, id-DFA inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ lil din tal-aħħar. Madankollu l-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 564 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma fittxitx li tistabbilixxi x’kellha tkun preċiżament ir-remunerazzjoni ta’ distakkament ta’ LuxOpCo.

510    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punti 317 sa 320 iktar ’il fuq, l-iżball identifikat mill-Kummissjoni ma jibbażax fuq il-konstatazzjoni li ċerti funzjonijiet ta’ LuxOpCo, inklużi funzjonijiet ta’ rutina, ma kinux is-suġġett ta’ remunerazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni telqet mill-premessa li LuxOpCo kienet tassumi sensiela ta’ funzjonijiet ta’ LuxOpCo li kienu uniċi u ta’ valur u li, għaldaqstant, kellu jiġi applikat il-metodu tat-tqassim tal-profitti fil-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet.

511    Il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni waslitx fuq il-bażi tal-konstatazzjoni msemmija fil-punt 509 iktar ’il fuq sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ favur LuxOpCo.

512    Sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Kummissjoni kellha turi li LuxOpCo kienet tirċievi remunerazzjoni iktar sinjifikattiva kieku għaliha kien ġie applikat il-metodu tat-tqassim tal-profitti meta mqabbla ma’ dik li effettivament irċeviet bl-applikazzjoni tad-DFA inkwistjoni.

513    Kif ġie espost fil-punt 310 iktar ’il fuq, hija l-Kummissjoni li għandha turi b’mod konkret li l-iżbalji metodoloġiċi li hija identifikat fid-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem ma kinux jippermettu l-kisba ta’ approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ distakkament u li dawn kienu wasslu għal tnaqqis tal-profitt taxxabbli, mingħajr ma jiġi eskluż li, f’ċerti każijiet, żball metodoloġiku jkun tali li dan ma jippermetti l-ebda kisba ta’ approssimazzjoni ta’ riżultat ta’ distakkament u li dan iwassal neċessarjament għal sottovalutazzjoni tar-remunerazzjoni li kienet tiġi rċevuta f’kundizzjonijiet tas-suq.

514    L-istess kunsiderazzjonijiet għandhom japplikaw meta l-Kummissjoni tikkunsidra li tkun identifikat żball fl-analiżi funzjonali. Fil-fatt, ma huwiex eskluż li, minkejja żball fl-analiżi funzjonali, ir-remunerazzjoni kkalkolata ma titbegħidx mir-riżultat ta’ distakkament li seta’ jiġi ddeterminat kieku l-funzjonijiet kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni korrettament. F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm ċerti funzjonijiet ma ġewx identifikati korrettament u ma tteħdux inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tar-remunerazzjoni, huwa probabbli li dawn il-funzjonijiet kellhom ikunu s-suġġett ta’ remunerazzjoni u li, minħabba l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet supplimentari, ir-remunerazzjoni tal-impriża inkwistjoni kellha tkun ogħla. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tasal għal tali konklużjonijiet mingħajr ma teżamina, b’mod konkret, jekk, fil-każ ineżami u fir-rigward tal-ispeċifiċitajiet tat-tranżazzjoni inkwistjoni, l-iżball identifikat fl-analiżi funzjonali setax iwassal għal remunerazzjoni supplimentari.

515    Finalment, meta hija teżamina, fil-kuntest tal-kompetenza li jagħtiha l-Artikolu 107(1) TFUE, miżura fiskali mogħtija lil impriża integrata, il-Kummissjoni għandha tqabbel l-oneru fiskali ta’ tali impriża integrata li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-miżura fiskali kkonċernata, mal-oneru fiskali li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ tassazzjoni normali tad-dritt nazzjonali ta’ impriża, imqiegħda f’sitwazzjoni fattwali komparabbli, li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’kundizzjonijiet tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 149). Meta hija tidentifika żbalji fl-analiżi funzjonali li fuqha tibbaża miżura fiskali bħad-DFA inkwistjoni, hemm lok għall-Kummissjoni li tqabbel l-oneru fiskali tal-impriża integrata li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-miżura fiskali inkwistjoni, minn naħa, mal-oneru fiskali ta’ impriża attiva fis-suq li teżerċita funzjonijiet komparabbli għal dawk tal-impriża integrata, kif identifikati mill-Kummissjoni, min-naħa l-oħra. Hemm lok li jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li tali paragun ma jimplikax li l-Kummissjoni għandha neċessarjament tagħmel kwalunkwe analiżi ġdida li jkollha l-istess livell ta’ dettall bħal dik imwettqa mill-Istat Membru għall-finijiet tal-adozzjoni tal-miżura fiskali inkwistjoni. Għaldaqstant, minkejja li hija ma għandhiex tagħmel tali analiżi, il-Kummissjoni hija marbuta tidentifika, mill-inqas, numru ta’ elementi konkreti li jippermettu li jiġi kkonstatat b’ċertezza li r-remunerazzjoni ta’ distakkament għall-funzjonijiet tal-kumpannija, kif identifikati mill-Kummissjoni, bilfors li kienu iktar sinjifikattivi mir-remunerazzjoni li rċeviet bl-applikazzjoni tal-miżura fiskali inkwistjoni.

516    Bħala konsegwenza ta’ dak li ġie espost fil-punt 515 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha tqabbel ir-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo miksuba bl-applikazzjoni tal-metodu approvat fid-DFA inkwistjoni mar-remunerazzjoni ta’ distakkament li kellha tiġi rċevuta fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ LuxOpCo li l-Kummissjoni kienet identifikat hija stess fl-analiżi funzjonali proprja tagħha. Fin-nuqqas ta’ applikazzjoni ġenwina tal-metodu tat-tqassim tal-profitti fil-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet, il-Kummissjoni kellha tidentifika, mill-inqas, numru ta’ elementi li jippermettu li jiġi konkluż li r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo kkalkolata bl-applikazzjoni tad-DFA inkwistjoni kienet neċessarjament iktar baxxa mir-remunerazzjoni li kienet tirċievi kumpannija li topera fis-suq ħieles kieku din il-kumpannija kellha funzjonijiet komparabbli għal dawk identifikati mill-Kummissjoni fl-analiżi funzjonali tagħha. B’mod iktar preċiż, jekk hija kienet tikkunsidra li l-analiżi tal-kontribuzzjonijiet kienet il-metodu ta’ kalkolu xieraq, minflok ma llimitat ruħha għal sempliċi preżunzjonijiet mhux ivverifikati tar-riżultat li kien jinkiseb bl-applikazzjoni tal-metodu tat-tqassim tal-profitti fil-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet, il-Kummissjoni kellha tfittex jekk, fis-suq ħieles, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ funzjonijiet u ta’ riskji komparabbli għal dawk li kienu jappartjenu lil LuxOpCo fil-kuntest tat-tranżazzjoni kkontrollata (b’mod partikolari l-funzjonijiet tagħha u r-riskji tagħha ta’ bejjiegħ bl-imnut online) kienx effettivament rifless f’parti mill-profitti (għal bejjiegħ bl-imnut online komparabbli għal LuxOpCo) li kienet tkun ogħla minn dik li kellha dritt għaliha LuxOpCo skont il-metodu ta’ kalkolu msemmi fid-DFA inkwistjoni. Għalkemm il-Kummissjoni ma kellhiex, ċertament, tindika ċifri preċiżi, hija kellha mill-inqas tagħti indizji verifikabbli f’dan ir-rigward.

517    F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tikkonstata li, kieku ntuża l-metodu tat-tqassim tal-benefiċċji fil-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet, LuxOpCo kienet tirċievi remunerazzjoni ogħla, mingħajr ma tfittex li tapplika dan il-metodu. Issa, il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi xi jkun ir-riżultat bl-applikazzjoni ta’ ċertu metodu, u lanqas liema remunerazzjoni kellha tiġi attribwita lil ċerta funzjoni. Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 515 u 516 iktar ’il fuq, hija għandha tistabbilixxi li r-remunerazzjoni approvata fid-DFA inkwistjoni kienet iktar baxxa mill-approssimazzjoni affidabbli ta’ remunerazzjoni ta’ distakkament li kienet tinkiseb bl-applikazzjoni tal-metodu tat-tqassim tal-profitti bl-analiżi tal-kontribuzzjonijiet.

518    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma fittxitx li teżamina x’kienet l-iskala t-tajba tat-tqassim tal-profitti kkombinati ta’ LuxSCS u ta’ LuxOpCo li kienu jiġu maqbula kieku dawn il-partijiet kienu impriżi indipendenti, u lanqas li tidentifika elementi konkreti li jippermettu li jiġi ddeterminat li l-funzjonijiet ta’ LuxOpCo b’rabta mal-iżvilupp tal-assi intanġibbli jew l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ sede kienu jagħtu dritt għal parti iktar sinjifikattiva tal-profitti meta mqabbla mal-parti tal-profitti effettivament miksuba bl-applikazzjoni tad-DFA inkwistjoni.

519    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, minkejja li l-kontribuzzjonijiet ta’ LuxOpCo b’rabta mal-assi intanġibbli (kontribuzzjoni għall-iżvilupp ta’ parti żgħira tat-teknoloġija, kontribuzzjoni għall-espansjoni tad-databases tal-klijenti u għall-valorizzazzjoni tat-trade mark) u mal-operat tal-attivitajiet kummerċjali huma tassew reali, l-ebda wieħed mill-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermetti li jitkejjel l-input ta’ dawn il-funzjonijiet meta mqabbla mal-funzjonijiet ta’ LuxSCS (tqegħid għad-dispożizzjoni tat-teknoloġija, li għandu rwol kruċjali għall-operat tal-attivitajiet tal-grupp Amazon u l-ġenerazzjoni ta’ profitti). Għalhekk, mingħajr analiżi fil-fond, ma huwiex possibbli li jiġi ppreġudikat sa fejn il-kontribuzzjonijiet ta’ LuxOpCo jagħtuha parti iktar sinjifikattiva tal-profitti magħmula fl-Ewropa minn dik li kisbet bl-applikazzjoni tad-DFA inkwistjoni.

520    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ vantaġġ, iżda, l-iktar l-iktar, il-probabbiltà tal-eżistenza ta’ vantaġġ.

521    Ċertament, kif semmiet il-Kummissjoni matul is-seduta, il-fatt li ċerti assi jiġu ttrasferiti mingħajr ħlas mingħajr ma r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo, approvata mid-DFA, tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-funzjonijiet huwa ta’ natura li juri li r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo hija iktar baxxa minn dik li kienet tirċievi impriża indipendenti fil-kundizzjonijiet tas-suq. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma fihiex tali raġunament.

522    Ċertament, ma huwiex eskluż li, kieku LuxOpCo eżerċitat iktar funzjonijiet minn dawk li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni tagħha kif approvata fid-DFA inkwistjoni, LuxOpCo kien ikollha d-dritt għal remunerazzjoni supplimentari. Madankollu, ir-raġunament tal-Kummissjoni, kif espost fid-deċiżjoni kkontestata, jibqa’ teoretiku u ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li LuxOpCo effettivament irċeviet vantaġġ minħabba l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni tagħha li ġie approvat mid-DFA inkwistjoni.

523    Ċertament, il-Kummissjoni sostniet, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali u matul is-seduta, li, bl-applikazzjoni tad-DFA inkwistjoni, LuxOpCo rċeviet biss madwar 20 % tal-profitti kkombinati ta’ LuxOpCo u ta’ LuxSCS u li, kieku ġie applikat għaliha l-metodu tat-tqassim tal-profitti fil-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-funzjonijiet uniċi u ta’ valur tagħha, hija kienet neċessarjament tirċievi parti iktar sinjifikattiva ta’ dawn il-profitti kkombinati.

524    Madankollu, l-ewwel, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-affermazzjoni li tgħid li LuxOpCo rċeviet biss madwar 20 % tal-profitti kkombinati ma tidhirx fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-ewwel konstatazzjoni sussidjarja, u lanqas xi mkien fid-deċiżjoni kkontestata. Din iċ-ċifra tista’, l-iktar l-iktar, tiġi kkalkolata fuq il-bażi tad-data numerika differenti li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi rrilevat li din iċ-ċifra ta’ madwar 20 % tal-profitti kkombinati ta’ LuxOpCo u ta’ LuxSCS tikkorrispondi għall-profitti tal-operat ta’ LuxOpCo wara t-tnaqqis tar-royalty imħallsa lil LuxSCS bl-applikazzjoni tad-DFA inkwistjoni.

525    It-tieni, il-Kummissjoni ma tagħti l-ebda element konkret fid-deċiżjoni kkontestata ta’ natura li jistabbilixxi li l-fatt li madwar 80 % tal-profitti kkombinati ta’ LuxOpCo u ta’ LuxSCS kienu attribwiti lil LuxSCS, sabiex tiġi rremunerata l-kontribuzzjoni tagħha, jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-assi intanġibbli, ma huwiex ta’ distakkament, u lanqas li l-attribuzzjoni ta’ madwar 20 % tal-profitti kkombinati ma tikkostitwixxix remunerazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet imwettqa minn LuxOpCo.

526    It-tielet, kif irrilevat Amazon matul is-seduta, il-Kummissjoni ma sostnietx, fid-deċiżjoni kkontestata, li kellha tiġi attribwita remunerazzjoni supplimentari lil LuxOpCo minbarra r-remunerazzjoni kkalkolata bl-applikazzjoni tal-MTMN. Fil-fatt, is-sempliċi konstatazzjoni li kellu jiġi applikat il-metodu tat-tqassim tal-profitti b’analiżi tal-kontribuzzjonijiet jimplika ċaħda tar-remunerazzjoni kkalkolata inizjalment fuq il-bażi tal-applikazzjoni tal-MTMN u li jsir kalkolu kompletament ġdid. Issa, ma huwiex eskluż li r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo kkalkolata bl-applikazzjoni tal-metodu tat-tqassim tal-profitti bl-analiżi tal-kontribuzzjonijiet tkun iktar baxxa mir-remunerazzjoni kkalkolata bl-applikazzjoni tal-MTMN, kif approvata mid-DFA inkwistjoni.

527    Minn naħa, huwa importanti li jiġi rrilevat li, matul il-proċedura amministrattiva, Amazon kienet ippreżentat lill-Kummissjoni rapport dwar ir-rata ta’ marġni għall-impriżi li jwettqu attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut online, jiġifieri r-rapport [kunfidenzjali]. Ir-rata ta’ marġni medja għall-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut online kienet ta’ 0.5 % tal-ispejjeż totali tal-bejjiegħa bl-imnut online. Mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk, fir-rigward ta’ dan l-element, Amazon kellhiex dritt issostni, kif għamlet matul is-seduta, li din ir-rata kienet turi li r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo fil-perijodu kkunsidrat kienet “komda”, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-imsemmi rapport, il-Kummissjoni kellha tapprofondixxi l-eżami tagħha dwar il-kwistjoni dwar jekk ir-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo kinitx tikkorrispondi għal riżultat ta’ distakkament għall-funzjonijiet tagħha ta’ bejjiegħ bl-imnut online. Mingħajr tali eżami, ma huwiex ċert jekk wieħed jistax isostni li LuxOpCo setgħet tirċievi remunerazzjoni ogħla għall-funzjonijiet tagħha marbuta mal-attivitajiet kummerċjali.

528    Min-naħa l-oħra, fil-livell tal-attivitajiet ta’ żvilupp imwettqa mill-grupp Amazon, il-funzjonijiet ta’ LuxOpCo b’rabta mal-assi intanġibbli, b’mod partikolari fir-rigward tat-teknoloġija, kienu għadhom limitati. Għalhekk ma huwiex evidenti li dawn il-funzjonijiet kienu tali li l-parti tal-profitti attribwibbli lil LuxOpCo kellha tkun ogħla minn 20 % tal-profitti kkombinati ta’ LuxSCS u ta’ LuxOpCo.

529    Konsegwentement, fl-assenza ta’ elementi dwar l-iskala tat-tqassim li kellha tiġi adottata, ma huwiex possibbli li tiġi identifikata l-ordni tad-daqs tar-remunerazzjoni li LuxOpCo kellha tirċievi f’kundizzjonijiet ta’ distakkament, u lanqas a fortiori li jiġi ddeterminat jekk din ir-remunerazzjoni kinitx iktar baxxa jew ogħla minn dik miksuba bl-applikazzjoni tad-DFA inkwistjoni.

530    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tistabbilixxi li, kieku ġie applikat il-metodu tat-tqassim tal-profitti fil-varjant tal-analiżi tal-kontribuzzjonijiet, ir-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo kienet tkun iktar sinjifikattiva. Għalhekk l-ewwel konstatazzjoni sussidjarja ma tippermettix li tiġi appoġġjata l-konklużjoni li tgħid li d-DFA inkwistjoni tat vantaġġ ekonomiku lil LuxOpCo. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-Kummissjoni ma fittxitx li tiddetermina liema kienet tkun ir-remunerazzjoni ta’ distakkament ta’ LuxOpCo fir-rigward tal-funzjonijiet identifikati mill-Kummissjoni fl-analiżi funzjonali proprja tagħha, l-ewwel konstatazzjoni sussidjarja ma fihiex elementi konkreti li jippermettu li jiġi stabbilit b’suffiċjenza fid-dritt li l-iżbalji fl-analiżi funzjonali kif ukoll l-iżball identifikat mill-Kummissjoni, dwar l-għażla tal-metodu bħala tali, wasslu effettivament għal tnaqqis tal-oneru fiskali ta’ LuxOpCo.

531    L-ebda argument ieħor espost mill-Kummissjoni ma jista’ jqajjem dubju dwar dawn il-konstatazzjonijiet.

532    L-ewwel, ċertament, kif esponiet il-Kummissjoni matul is-seduta, hemm differenza bejn il-prova tal-vantaġġ u l-kwantifikazzjoni tal-vantaġġ. Għalhekk, ma huwiex eskluż li huwa possibbli li jintwera li żball metodoloġiku jwassal neċessarjament għal remunerazzjoni iktar baxxa mingħajr ma jiġi kkwantifikat dan it-tnaqqis tar-remunerazzjoni. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 529 iktar ’il fuq, fil-każ inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma fihiex elementi ta’ natura li juru li l-użu tal-metodu tat-tqassim tal-profitti bl-analiżi tal-kontribuzzjonijiet, minflok il-MTMN, kien neċessarjament iwassal għal remunerazzjoni ogħla.

533    It-tieni, ċertament, kif irrilevat il-Kummissjoni matul is-seduta, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon ma jiċħdux li, kieku LuxOpCo wettqet żviluppi sostanzjali tal-assi intanġibbli, dan kien iwassal għal remunerazzjoni supplimentari.

534    Madankollu, kif affermat Amazon matul is-seduta u kif ġie espost fil-punt 526 iktar ’il fuq, l-argument tal-Kummissjoni ma jwassalx biex jiġi kkunsidrat li kellha tiġi kkalkolata remunerazzjoni supplimentari għal dik ikkalkolata bl-applikazzjoni tad-DFA inkwistjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-metodu tal-kontribuzzjonijiet b’analiżi residwa ma kienx xieraq f’dan il-każ. Minn dan jirriżulta li l-argument tal-Kummissjoni huwa limitat biex isostni li, kieku r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo kienet ġiet ikkalkolata bl-applikazzjoni tal-metodu tat-tqassim tal-profitti skont l-analiżi tal-kontribuzzjonijiet, dan kien iwassal għal remunerazzjoni ogħla minn dik miksuba bl-applikazzjoni tal-MTMN. Sa fejn l-analiżi tal-kontribuzzjonijiet timplika li ma titteħidx inkunsiderazzjoni r-remunerazzjoni kkalkolata inizjalment fuq il-bażi tal-applikazzjoni tal-MTMN u li jsir kalkolu kompletament ġdid, ma huwiex eskluż li r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo, ikkalkolata bl-applikazzjoni tal-metodu tat-tqassim tal-profitti b’analiżi tal-kontribuzzjonijiet, tkun iktar baxxa mir-remunerazzjoni kkalkolata bl-applikazzjoni tal-MTMN, kif approvata mid-DFA inkwistjoni.

535    It-tielet, l-argument tal-Kummissjoni, espost fis-sottomissjonijiet tagħha, li jgħid li l-applikazzjoni tal-metodu tat-tqassim tal-profitti kien neċessarjament iwassal għal remunerazzjoni ogħla ta’ LuxOpCo sa fejn dan kien iwassal għal tqassam tal-profitt residwu bejn LuxOpCo u LuxSCS, iktar milli għall-attribuzzjoni tal-profitt residwu kollu lil LuxSCS, kif ukoll l-argument li jgħid li ma kienx neċessarju li jiġi applikat il-metodu tat-tqassim tal-profitti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ, peress li dan il-metodu jikkonsisti fit-tqassim tal-profitt residwu, għandhom jiġu miċħuda.

536    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li tali tqassim tal-profitt residwu huwa rilevanti biss fil-kuntest tal-użu tal-analiżi residwa. Issa, mid-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-premessi 567 u 568 tagħha, jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-analiżi tal-kontribuzzjonijiet biss, u mhux l-analiżi residwa, setgħet tintuża validament, f’dan il-każ, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-metodu tat-tqassim tal-profitti. Issa, kif ġie espost fil-punt 534 iktar ’il fuq, l-analiżi tal-kontribuzzjonijiet tikkonsisti fit-tqassim dirett tal-profitti kkombinati bejn il-partijiet differenti għat-tranżazzjoni u ma tiħux inkunsiderazzjoni r-remunerazzjoni kkalkolata inizjalment għal LuxOpCo. Għalhekk ma jistax jiġi preżunt li l-applikazzjoni tal-metodu tat-tqassim tal-profitti kienet neċessarjament twassal għal remunerazzjoni ogħla għal LuxOpCo.

537    Għalhekk minn dak kollu preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi, fil-kuntest tal-ewwel konstatazzjoni sussidjarja tagħha, li d-DFA inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ lil LuxOpCo.

538    Għalhekk għandhom jintlaqgħu l-motivi u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw l-ewwel konstatazzjoni sussidjarja.

c)      Fuq it-tieni konstatazzjoni sussidjarja dwar il-vantaġġ

539    Fil-kuntest tat-tieni konstatazzjoni sussidjarja tal-vantaġġ, u b’mod partikolari fil-premessa 569 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, minkejja li l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi kienu aċċettaw, ġustament, il-preżunzjoni li tgħid li LuxSCS kienet teżerċita funzjonijiet uniċi u ta’ valur, b’rabta mal-assi intanġibbli, u minkejja li huma sussegwentement kienu kkunsidraw, ġustament, li LuxOpCo kienet teżerċita biss funzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ rutina, l-għażla ta’ indikatur tal-profitti bbażat fuq l-ispejjeż tal-operat fil-metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment, approvat mid-DFA inkwistjoni, ma kienx xieraq. Mill-premessi 569 sa 574 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, kieku l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi kienu ħadu inkunsiderazzjoni, bħala indikatur tal-livell ta’ profitti, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-MTMN, l-ispejjeż totali ta’ LuxOpCo, kif kien sar fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003, ir-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo kienet tkun ogħla minn dik meqjusa fid-DFA inkwistjoni. Konsegwentement, il-bażi taxxabbli ta’ din il-kumpannija kienet tkun ogħla wkoll.

540    Insostenn tat-tieni konstatazzjoni sussidjarja tagħha tal-vantaġġ, il-Kummissjoni fakkret il-fatt li l-metodu approvat mid-DFA inkwistjoni kien iqis l-ispejjeż tal-operat bħala indikatur tal-livell ta’ profitti, filwaqt li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003, li fuqu kienet tibbaża t-talba għal DFA, kien uża l-ispejjeż totali bħala indikatur tal-livell ta’ profitti. Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li, matul il-proċedura amministrattiva, Amazon kienet irrikonoxxiet li kien hemm inkoerenza bejn il-metodu approvat fid-DFA inkwistjoni u l-metodu propost mir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003. F’dan ir-rigward, Amazon illimitat ruħha li ssostni li din l-inkoerenza ma kellhiex effett fuq ir-riżultat, sa fejn l-ispejjeż tal-operat kienu jirrappreżentaw il-parti l-iktar sinjifikattiva tal-ispejjeż totali tal-impriżi komparabbli eżaminati fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003 (premessa 571 tad-deċiżjoni kkontestata). Bi tweġiba għal dawn l-argumenti, il-Kummissjoni esponiet, minn naħa, li l-għażla tal-impriżi komparabbli li kellhom spejjeż baxxi tal-oġġetti mibjugħin, filwaqt li dawn l-ispejjeż kienu jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-ispejjeż ta’ LuxOpCo kienet “tindika” għażla ħażina tal-impriżi komparabbli. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrilevat li diversi impriżi komparabbli meqjusa għall-analiżi tal-komparabbiltà kellhom spejjeż sinjifikattivi ta’ oġġetti mibjugħin, ta’ materja prima u ta’ oġġetti ta’ konsum (premessa 572 tad-deċiżjoni kkontestata).

541    Il-Kummissjoni kkonkludiet li, peress li l-ispejjeż totali jikkostitwixxu bażi iktar sinjifikattiva mill-ispejjeż tal-operat, id-dħul taxxabbli ta’ LuxOpCo kien ikun ogħla kieku l-ispejjeż totali kienu nżammu – bħalma kienu għamlu l-awturi tar-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003 – bħala indikatur tal-livell ta’ profitti (premessa 574 tad-deċiżjoni kkontestata). Sabiex tispjega din il-konstatazzjoni, fit-Tabella 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qabblet il-profitt taxxabbli ta’ LuxOpCo bl-applikazzjoni tad-DFA inkwistjoni mal-profitt ta’ LuxOpCo bi [kunfidenzjali] % tal-ispejjeż totali u fl-assenza ta’ limitu massimu. Skont din it-tabella, għas-snin 2006 sa 2013, l-ewwel wieħed kien jammonta għal EUR [kunfidenzjali] miljun filwaqt li t-tieni kien jammonta għal EUR [kunfidenzjali] miljun.

542    Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi rrilevat li, matul is-seduta, il-Kummissjoni indikat li, fil-kuntest tat-tieni konstatazzjoni sussidjarja, kif tinsab fil-premessi 569 sa 574 tad-deċiżjoni kkontestata, hija “qatt ma qalet” li l-ispejjeż totali kienu l-iktar adatti. Min-naħa l-oħra, hija kienet sempliċement sostniet li l-ispejjeż tal-operat ma kinux indikatur tal-profitti xieraq għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo. Mill-bqija, il-Kummissjoni kienet sempliċement applikat il-loġika li kienu wrew l-awturi tar-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003. Fi kliem ieħor, hija kienet applikat l-ispejjeż totali sabiex tiddetermina r-remunerazzjoni tad-distakkament għal LuxOpCo għall-unika raġuni li l-awturi tar-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003 kienu għamlu dan.

543    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, kif ġie indikat fil-punt 125 iktar ’il fuq, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Kummissjoni fir-rigward tad-dimostrazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha turi l-eżistenza ta’ vantaġġ favur l-impriża li hija tikkunsidra li hija l-benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat. Dan il-vantaġġ għandu jkun vantaġġ reali.

544    Bħala tfakkira, f’dan il-każ, il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ timplika eżami dwar jekk ir-royalty dovuta minn LuxOpCo lil LuxSCS, kif intiża fil-formula ta’ kalkolu vvalidata mid-DFA inkwistjoni, kinitx ta’ distakkament jew le. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni identifikat żbalji fl-applikazzjoni tal-MTMN propost minn Amazon u vvalidat fid-DFA inkwistjoni. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni identifikat żball fl-għażla tal-indikatur tal-livell ta’ profitti approvat mid-DFA inkwistjoni.

545    Issa, kif diġà ġie rrilevat, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ żball metodoloġiku ma hijiex biżżejjed, bħala prinċipju, waħedha, sabiex turi li deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem kienet tat vantaġġ lil ċerta kumpannija u, għaldaqstant, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE (ara l-punt 123 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, kif diġà ġie rrilevat, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Kummissjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (ara l-punt 125 iktar ’il fuq).

546    Minn dan isegwi, f’dan il-każ, li l-Kummissjoni kienet marbuta turi li l-iżball fl-għażla tal-indikatur, identifikat minnha, ma kienx wassal biss għal riżultat differenti, iżda għal tnaqqis tal-oneru fiskali tal-benefiċjarju tad-DFA inkwistjoni. Dan kien jimplika li tingħata tweġiba għall-mistoqsija dwar liema indikatur tal-livell ta’ profitti kien ikun effettivament xieraq.

547    Bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tat matul is-seduta tal-premessi 569 sa 574 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li hija kienet użat l-ispejjeż totali mhux minħabba li kienu jikkostitwixxu indikatur tal-livell ta’ profitti xieraq, iżda sempliċement għall-finijiet ta’ traspożizzjoni tal-“loġika” li fuqha huwa bbażat ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003 (ara l-punt 542 iktar ’il fuq), hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma fittxitx li tistabbilixxi li din kienet ir-remunerazzjoni ta’ distakkament, u lanqas a fortiori jekk ir-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo, approvata mid-DFA inkwistjoni, kinitx iktar baxxa mir-remunerazzjoni li LuxOpCo kienet tirċievi f’kundizzjonijiet ta’ distakkament.

548    Minn dan jirriżulta li, permezz tat-tieni konstatazzjoni sussidjarja, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ.

549    Għall-finijiet ta’ eżawrjenza u fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, anki kieku kien hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fil-premessi 569 sa 574 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet, fir-realtà, ikkunsidrat li l-ispejjeż totali kienu l-indikatur it-tajjeb tal-livell ta’ profitti (minflok sempliċi traspożizzjoni – mingħajr ebda utilità – tal-loġika li fuqha huwa bbażat ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003), il-kunsiderazzjonijiet li jissostanzjaw it-tieni konstatazzjoni sussidjarja tal-vantaġġ u l-konklużjoni esposta mill-Kummissjoni fil-premessa 547 tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jirnexxu.

550    Fil-fatt, f’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar u jiġi enfasizzat fl-istess ħin li, kif hija rrilevat fil-premessa 569 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat it-tieni konstatazzjoni sussidjarja tagħha dwar il-vantaġġ – u għalhekk identifikat li l-għażla tal-ispejjeż tal-operat kienu jikkostitwixxu żball metodoloġiku – fuq l-argument li jgħid li LuxSCS kienet eżerċitat funzjonijiet uniċi u ta’ valur, filwaqt li LuxOpCo kienet eżerċitat biss “funzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ rutina”. Il-premessa tal-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi, kif aċċettata mill-Kummissjoni fil-premessa 569 tad-deċiżjoni kkontestata, kienet għalhekk dik li tgħid li LuxOpCo kienet teżerċita biss il-funzjonijiet limitati ta’ kumpannija ta’ ġestjoni.

551    Issa, mil-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 ma jirriżultax li l-ispejjeż totali kienu jikkostitwixxu l-indikatur tal-livell ta’ profitti x-xieraq għar-remunerazzjoni ta’ kumpannija ta’ ġestjoni. Minħabba li l-attività ta’ kumpannija ta’ ġestjoni tixbah l-attività ta’ kumpannija li tipprovdi servizzi u li l-valur tagħha huwa skonness mill-volum ta’ bejgħ u mill-volum ta’ xiri ta’ materja prima bħala tali, kien jista’ jiġi previst, skont il-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, li jitqiesu l-ispejjeż tal-operat ta’ tali impriża biex jiġi ddefinit l-indikatur tal-profitti xieraq u mhux l-ispejjeż totali.

552    F’dan il-każ, l-ewwel, meta hija rreferiet, fil-premessi 572 u 573 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-ispejjeż totali – minflok għall-ispejjeż tal-operat – sabiex tiġi kkalkolata r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo, il-Kummissjoni, fir-realtà, tbiegħdet mill-premessa li kienet iffissat hija stess fil-premessa 569 tad-deċiżjoni kkontestata.

553    Fil-fatt, għall-kuntrarju tal-approċċ imsemmi fil-premessa 569 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li LuxOpCo tiġi kkunsidrata bħala kumpannija “li għandha funzjonijiet ta’ ġestjoni”, l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 572 tad-deċiżjoni kkontestata jibbażaw fuq l-idea li LuxOpCo hija “impriża tal-bejgħ bl-imnut”. B’ħarsa iktar mill-qrib, l-għażla tal-ispejjeż totali ġiet ippreferuta mill-Kummissjoni, peress li LuxOpCo kienet bejjiegħa bl-imnut u mhux għax kienet “kumpannija li għandha funzjonijiet ta’ ġestjoni”. Fir-rigward tal-premessa msemmija fil-premessa 569 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha tfittex li tistabbilixxi l-indikatur tal-livell ta’ profitti ta’ kumpannija ta’ ġestjoni u mhux dik ta’ impriża li kienet twettaq attivitajiet ta’ bejjiegħ bl-imnut.

554    It-tieni, kif jirriżulta mill-punt 551 iktar ’il fuq, skont il-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, b’mod ġenerali, fir-rigward tal-kumpanniji ta’ ġestjoni, ma huwiex ċert li l-ispejjeż totali jikkostitwixxu indikatur tal-livell ta’ profitti xieraq.

555    Ċertament, ma jistax jiġi eskluż qabel kollox li, fir-rigward ta’ kumpannija ta’ ġestjoni partikolari, għal raġunijiet speċifiċi proprji għal din il-kumpannija, l-indikatur tal-livell ta’ profitti xieraq għal din tal-aħħar ikun effettivament l-ispejjeż totali. Il-Kummissjoni, madankollu, ma spjegatx ir-raġuni li setgħet tiġġustifika l-għażla tal-ispejjeż totali bħala indikatur tal-livell ta’ profitti xieraq fil-każ partikolari ta’ LuxOpCo bħala kumpannija ta’ ġestjoni.

556    It-tielet, kieku kien hemm lok li tiġi aċċettata l-għażla tal-ispejjeż totali bħala l-indikatur tal-livell ta’ profitti l-iktar adatt għas-sitwazzjoni ta’ LuxOpCo fil-kwalità tagħha ta’ bejjiegħ bl-imnut (ara l-premessa 572 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma analizzat il-problema tal-għażla tal-indikatur ta’ profitti xieraq għal LuxOpCo fil-kwalità tagħha ta’ organizzatur ta’ post tas-suq (marketplace) għal bejjiegħa terzi. Barra minn hekk, fir-rigward tal-bejgħ proprju, il-Kummissjoni ma eżaminatx sa fejn l-ispejjeż totali kienu indikatur tal-livell ta’ profitti xieraq għall-attività ta’ LuxOpCo fil-kwalità tagħha ta’ bejjiegħ bl-imnut online.

557    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni indikat li l-użu ta’ marġni fuq l-ispejjeż tal-operat – u mhux l-ispejjeż totali – bħala indikatur tal-livell ta’ profitti għall-attivitajiet ta’ distribuzzjoni huwa permess meta l-parti ttestjata tintervjeni bħala intermedjarja u ma tirriskjax fondi proprji minħabba, b’mod partikolari, ix-xiri ta’ oġġetti li nbiegħu mill-ġdid. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat fuq il-paragrafi 2.101 u 2.102 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2010, li, madankollu, ma humiex rilevanti f’dan il-każ.

558    Kieku kien hemm lok li jiġi aċċettat li tali rakkomandazzjoni kienet tirriżulta diġà mil-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 u kienet rilevanti f’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-kwalità tagħha ta’ organizzatur ta’ post tas-suq, mill-perspettiva tal-bejjiegħa terzi, LuxOpCo kellha biss ir-rwol ta’ intermedjarju bejn il-bejjiegħa terzi u l-konsumaturi u li hija ma rriskjatx il-fondi proprji tagħha b’rabta mal-bejgħ magħmul mill-bejjiegħa terzi.

559    Finalment, kieku kien hemm lok li jiġi aċċettat li l-Kummissjoni kellha raġun tikkunsidra li l-ispejjeż totali kienu l-indikatur it-tajjeb għal LuxOpCo bħala bejjiegħa bl-imnut online, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li din il-kumpannija kienet tuża t-teknoloġija għall-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut, u, b’mod partikolari, dik relatata mal-iffissar awtomatiku tal-prezzijiet, l-għażla tal-ispejjeż totali bħala indikatur tal-livell ta’ profitti għal LuxOpCo kienet tagħmel neċessarji aġġustamenti ’l isfel tar-rata li għandha tiġi applikata, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi materjali bejn l-istruttura tal-ispejjeż ta’ LuxOpCo u l-istruttura tal-ispejjeż tal-bejjiegħa bl-imnut tradizzjonali.

560    Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, la pprevediet u wisq inqas wettqet tali aġġustamenti.

561    Fit-tieni lok, skont it-Tabella 20 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo, ikkalkolata bl-applikazzjoni tal-marġni ta’ [kunfidenzjali] % fuq l-ispejjeż totali ta’ LuxOpCo, tammonta għal bejn EUR 2 u 3 biljun.

562    Matul is-seduta, Amazon sostniet mingħajr ma ġiet kontradetta dwar dan il-punt mill-Kummissjoni, li r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo kkalkolata mill-Kummissjoni tkun ogħla mill-“profitti totali” ġġenerati fl-Unjoni, li jammontaw, fil-fehma tagħha, għal bejn EUR 1 u 1.5 biljun. Ir-remunerazzjoni kkalkolata mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni konstatazzjoni sussidjarja tkun ekwivalenti għal darbtejn il-valur tal-profitti kollha tal-grupp Amazon miksuba fl-Ewropa u għalhekk ma tkunx realistika. Madankollu huwa importanti li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Anness C1 fil-Kawża T‑318/18 li rreferiet għalih Amazon matul is-seduta, iċ-ċifra bejn EUR 1 u 1.5 biljun ma tikkorrispondix biss għall-profitt tal-kontabbiltà ta’ LuxOpCo fil-perijodu kkunsidrat, iżda għall-profitt ikkonsolidat ta’ LuxSCS u ta’ LuxOpCo, u għalhekk isir tnaqqis tal-ammonti mħallsa minn LuxSCS skont l-ARC u l-ftehim ta’ xiri bil-forza.

563    Fi kwalunkwe każ, minn paragun bejn ir-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo kkalkolata bl-applikazzjoni ta’ rata ta’ [kunfidenzjali] % tal-ispejjeż totali għal kull sena tal-perijodu kif jinsabu fl-aħħar linja tat-Tabella 20 tad-deċiżjoni kkontestata u l-profitt operattiv ta’ LuxOpCo għall-istess snin, kif identifikat mill-Kummissjoni fit-tmien linja tat-Tabella 2 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo, ikkalkolata bl-applikazzjoni tat-tieni konstatazzjoni sussidjarja tal-vantaġġ, tkun ogħla mill-profitt tal-operat tagħha għas-snin 2012 u 2013. Issa, tali riżultat jitbiegħed manifestament minn riżultat ta’ distakkament.

564    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-applikazzjoni tar-rata ta’ [kunfidenzjali] % għall-ispejjeż totali ta’ LuxOpCo, li fuqha tibbaża t-tieni konstatazzjoni sussidjarja, ma tipproduċix riżultati affidabbli għall-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo għall-perijodu kkunsidrat kollu. Għalhekk dan ma huwiex riżultat li jikkorrispondi għal remunerazzjoni ta’ distakkament, tant li għandu jiġi konkluż li dan il-kalkolu magħmul mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni konstatazzjoni sussidjarja tagħha ma jippermettix li jintwera li LuxOpCo kienet kisbet vantaġġ minħabba l-għażla tal-ispejjeż tal-operat bħala indikatur tal-livell ta’ profitti approvat mid-DFA inkwistjoni.

565    Konsegwentement, hemm lok li jintlaqgħu l-motivi u l-argumenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ Amazon li huma intiżi sabiex iqajmu dubju dwar il-fondatezza tat-tieni konstatazzjoni sussidjarja tal-vantaġġ.

d)      Fuq it-tielet konstatazzjoni sussidjarja dwar il-vantaġġ

566    Fil-kuntest tat-tielet ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑816/17, u tal-ħames motiv fil-Kawża T‑318/18, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon jikkontestaw it-tielet konstatazzjoni sussidjarja tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali favur LuxOpCo (Taqsima 9.2.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

567    Bħala tfakkira, kif ġie espost fil-punt 68 iktar ’il fuq, fil-kuntest tat-tielet konstatazzjoni sussidjarja, il-Kummissjoni kkunsidrat, essenzjalment, li l-inklużjoni ta’ limitu massimu, li skontu r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo ma setgħetx taqbeż 0.55 % tal-bejgħ annwali tagħha, fil-metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment, ma kinitx xierqa u kienet tagħti vantaġġ lil LuxOpCo sa fejn din kienet twassal għal tnaqqis tad-dħul taxxabbli tagħha.

568    B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni kkonstatat li, matul is-snin finanzjarji 2006, 2007, 2011, 2012 u 2013, l-amministrazzjoni tat-taxxa kienet aċċettat dikjarazzjonijiet tat-taxxa li fihom id-dħul taxxabbli ta’ LuxOpCo kien iddeterminat mil-limitu massimu ta’ 0.55 % tal-bejgħ annwali tagħha (premessa 575 tad-deċiżjoni kkontestata).

569    Il-Kummissjoni esponiet li la r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003, la l-analiżijiet ex post, u lanqas l-argumenti mressqa mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon matul il-proċedura amministrattiva ma kienu jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ dan il-limitu massimu (premessi 576 u 577 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija żiedet, fil-premessa 577 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-applikazzjoni tal-limitu massimu kienet ikkostitwita minn tnaqqis supplimentari għall-applikazzjoni żbaljata tal-marġni għall-ispejjeż tal-operat u għalhekk ma tistax tinsab f’firxa b’distakkament.

570    Skont il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-inklużjoni tal-limitu massimu kien jagħti vantaġġ lil LuxOpCo.

571    Minn naħa, huma jsostnu li l-inklużjoni tal-limitu massimu kellha l-għan li LuxOpCo tiġi mġiegħla tiffunzjona b’mod effikaċi u tnaqqas l-ispejjeż tagħha. Min-naħa l-oħra, huma jenfasizzaw li, fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni tal-limitu massimu qatt ma imbotta r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo lil hinn mill-firxa b’distakkament, kif juri r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2017.

572    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

573    Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-mekkaniżmu ta’ limitu minimu u massimu ma huwiex previst mil-linji gwida tal-OECD u ma huwa ġġustifikat bl-ebda mod mill-perspettiva tal-prezzijiet ta’ trasferiment. Barra minn hekk, hija żżid li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon, l-applikazzjoni ta’ tali mekkaniżmu ma hijiex ġġustifikata mill-għan li tiġi ggarantita remunerazzjoni baxxa u stabbli għal LuxOpCo, sa fejn l-għan stess tal-MTMN huwa preċiżament li jiggarantixxi tali remunerazzjoni għall-parti li jiġi applikat għaliha.

574    Qabel kollox, huwa importanti li jiġi kkonstatat li, kif ġie kkonfermat inċidentalment mill-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, it-tielet konstatazzjoni sussidjarja hija indipendenti u awtonoma fil-konfront tat-tieni konstatazzjoni sussidjarja. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-premessa 575 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest ta’ din it-tielet konstatazzjoni, il-Kummissjoni titlaq mill-premessa li l-ispejjeż tal-operat setgħu jintużaw bħala indikatur tal-livell ta’ profitti.

575    Kif irrilevat, ġustament, il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u fis-sottomissjonijiet tagħha, il-mekkaniżmu ta’ livelli minimi u massimi ma għandu l-ebda ġustifikazzjoni jew razzjonalità ekonomika. Huwa diffiċilment konċepibbli li, f’kundizzjonijiet tas-suq, impriża taċċetta li r-remunerazzjoni tagħha jkollha limitu massimu għal perċentwali tal-bejgħ annwali tagħha. Barra minn hekk, il-MTMN jippermetti li tiġi ggarantita remunerazzjoni baxxa, iżda stabbli, mingħajr ma jkun neċessarju mekkaniżmu ta’ limitu minimu u massimu. Tali mekkaniżmu lanqas ma huwa previst fil-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995. Fil-fatt, il-MTMN jimplika biss l-identifikazzjoni ta’ indikatur tal-profitti u rata ta’ marġni.

576    Il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat korrettament li l-inklużjoni ta’ tali limitu massimu kien jikkostitwixxi żball metodoloġiku.

577    Madankollu, din il-konstatazzjoni waħedha ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ.

578    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, għal kull sena ta’ applikazzjoni tad-DFA inkwistjoni, anki wara l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ limitu massimu, ir-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo baqgħet fil-firxa b’distakkament, ikkalkolata fuq il-bażi tar-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003, jiġifieri bejn [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] % tal-ispejjeż tal-operat. Inċidentalment, il-Kummissjoni ma tikkontestax din il-konstatazzjoni.

579    Issa, kif spjegat, inċidentalment, il-Kummissjoni stess matul is-seduta, peress li r-remunerazzjoni tinsab fil-firxa b’distakkament interkwartili, din għandha, bħala prinċipju, tiġi kkunsidrata bħala li hija ta’ distakkament.

580    Ċertament, il-Kummissjoni ppreċiżat li tali konklużjoni ma setgħetx tinsilet meta l-impriżi komparabbli li fuq il-bażi tagħhom kienet ġiet ikkalkolata din il-firxa ma kinux intgħażlu korrettament.

581    Madankollu, fil-kuntest tat-tielet konstatazzjoni sussidjarja, il-Kummissjoni ma qajmitx dubju dwar il-firxa b’distakkament, u lanqas dwar l-għażla tal-impriżi komparabbli li fuq il-bażi tagħhom kienet ġiet ikkalkolata din il-firxa.

582    Fil-fatt, fil-premessa 575 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkritikat lill-awtoritajiet Lussemburgiżi li aċċettaw li d-dħul taxxabbli ta’ LuxOpCo jiġi ddeterminat mill-applikazzjoni tal-limitu massimu, “minflok ma kien iddeterminat bħala [kunfidenzjali] % tal-ispejjeż operattivi tagħha”. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tat-tielet konstatazzjoni sussidjarja, il-Kummissjoni ma tqajjimx dubju dwar ir-rata ta’ qligħ li fuq il-bażi tagħha ġie applikat dan, iżda biss dwar il-limitu massimu bħala tali.

583    Barra minn hekk, minn naħa, mill-premessi 575 sa 578 tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni kienet ikkontestat il-firxa b’distakkament, ikkalkolata fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment tal‑2003, li tinsab bejn [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] % tal-ispejjeż tal-operat. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 577 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Amazon sostnew, matul il-proċedura amministrattiva, li d-dħul taxxabbli ta’ LuxOpCo qatt ma kien ħareġ mill-firxa b’distakkament, hija ma kkontestatx il-firxa bħala tali, iżda llimitat ruħha li ssostni li l-applikazzjoni tal-limitu massimu kienet ikkostitwixxiet tnaqqis supplimentari għal dak identifikat fil-kuntest tat-tieni konstatazzjoni sussidjarja. Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 574 iktar ’il fuq, it-tieni u t-tielet konstatazzjoni sussidjarja huma awtonomi u indipendenti.

584    Min-naħa l-oħra, fil-premessi 575 sa 578 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni lanqas ma qajmet dubju dwar l-għażla tal-impriżi komparabbli użati fil-kalkolu tal-firxa b’distakkament. Il-premessa 571 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni semmiet żball fl-għażla tal-impriżi komparabbli, taqa’ taħt it-tieni konstatazzjoni sussidjarja. Issa, kif ġie espost fil-punt 574 iktar ’il fuq, it-tielet konstatazzjoni sussidjarja kienet awtonoma u indipendenti mill-konstatazzjonijiet l-oħra.

585    Fir-rigward ta’ dak li ntqal, għandu jitqies li, irrispettivament minn kemm jista’ ma jkunx xieraq il-mekkaniżmu ta’ limitu massimu, u minkejja li ma huwiex previst fil-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, il-Kummissjoni ma wrietx li dan il-mekkaniżmu kellu effett fuq in-natura ta’ distakkament tar-royalty imħallsa minn LuxOpCo lil LuxSCS.

586    Konsegwentement, is-sempliċi konstatazzjoni li tgħid li l-limitu massimu kien ġie applikat għas-snin 2006, 2007, 2011, 2012 u 2013 ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo miksuba għal dawn is-snin ma kinitx tikkorrispondi għal approssimazzjoni ta’ riżultat ta’ distakkament.

587    Fil-fatt, il-Kummissjoni rrilevat, l-iktar l-iktar, żball metodoloġiku fil-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo, mingħajr ma rnexxielha turi li dan l-iżball kellu l-effett li jnaqqas b’mod artifiċjali r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo, fi proporzjonijiet tali li dan il-livell ta’ remunerazzjoni ma setax jiġi osservat f’kundizzjonijiet tas-suq.

588    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-tielet konstatazzjoni sussidjarja, il-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ vantaġġ għal LuxOpCo.

589    Għaldaqstant, għandhom jintlaqgħu l-motivi u l-argumenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ Amazon intiżi sabiex jikkontestaw it-tielet konstatazzjoni sussidjarja tal-vantaġġ.

590    Għalhekk, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi b’suffiċjenza fid-dritt, permezz ta’ ebda waħda mill-konstatazzjonijiet esposti fid‑deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal‑Artikolu 107(1) TFUE. Għaldaqstant, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l‑motivi u l-argumenti l-oħra mqajma mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u minn Amazon.

 Fuq l-ispejjeż

591    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tal‑Gran Dukat tal-Lussemburgu u ta’ Amazon, konformement mat-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

592    Konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T816/17 u T318/18 huma magħquda għall-finijiet ta’ din issentenza.

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/859 tal4 ta’ Ottubru 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38944 (2014/C ex 2014/NN) implimentata mil-Lussemburgu lil Amazon hija annullata.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ta’ Amazon.com, Inc. u ta’ Amazon EU Sàrl.

4)      L-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

van der Woude

Tomljenović

Marcoulli

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑12 ta’ Mejju 2021.

Firem


Werrej



*      Lingwi tal-kawża: l-Ingliż u l-Franċiż.


1      Data kunfidenzjali mħollija barra.