Language of document : ECLI:EU:T:2012:205

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

27 ta’ April 2012

Kawża T‑37/10 P

Carlo De Nicola

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Appell — Servizz pubbliku — Persunal tal-BEI — Evalwazzjoni — Promozzjoni — Proċedura ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni tal-2006 — Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell — Portata tal-istħarriġ — Assigurazzjoni għall-mard — Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal spejjeż mediċi — Talba għad-danni”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tat-30 ta’ Novembru 2009, De Nicola vs BEI (F‑55/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑469 u II‑A‑1‑2529), li jitlob l-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tat-30 ta’ Novembru 2009, De Nicola vs BEI (F‑55/08) hija annullata, inkwantu din tiċħad, l-ewwel nett, it-talbiet ta’ Carlo De Nicola intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), it-tieni nett, it-talbiet tiegħu intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-promozzjoni tiegħu fil-kuntest tas-sena 2006, kif ukoll tal-atti kollha relatati, konsekuttivi u qabel din id-deċiżjoni, u t-tielet nett, it-talbiet tiegħu intiżi għar-rikonoxximent tar-responsabbiltà tal-BEI minħabba l-fastidju li huwa kien eżerċita fir-rigward tiegħu u intiżi għall-kumpens għad-danni allegati f’dan ir-rigward. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud. Il-kawża hija rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Direttiva interna li tistabbilixxi l-kompetenza tal-Kumitat tal-Appell tal-Bank — Effetti legali

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Kontestazzjoni quddiem il-Kumitat tal-Appell tal-Bank — Portata tal-istħarriġ

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Kontestazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22)

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikors — Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell fil-qasam ta’ evalwazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22)

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Proċedura prekontenzjuża — Natura fakultattiva

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

6.      Appell — Aggravji — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tar-rifjut tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jordna miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri istruttorji — Portata

(Artikolu 256(2) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11)

1.      Artikolu li jirregola l-portata tal-istħarriġ li jservi għall-Kumitat tal-Appell tal-Bank, inkwantu huwa dispożizzjoni ta’ deċiżjoni formali tal-Bank Ewropew tal-Investiment, debitament ippubblikat u implementat, jistabbilixxi regola interna ta’ portata ġenerali legalment vinkolanti li tillimita l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Bank fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-istrutturi u tal-ġestjoni tal-persunal tiegħu, li l-membri tal-persunal tiegħu jistgħu jinvokaw quddiem il-Qorti tal-Unjoni, li tiżgura l-osservanza tiegħu.

(ara l-punt 40)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim'Istanza: 10 ta’ Settembru 2003, McAuley vs Il‑Kunsill, T‑165/01, ĠabraSP p. I‑A‑193 u II‑963, punt 44; Il-Qorti Ġenerali 1 ta’ Marzu 2005, Mausolf vs Europol, T‑258/03, ĠabraSP p. I‑A‑45 u II‑189, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.Il-possibbiltà, li jiddisponi minnu l-Kumitat tal-Appell istitwit mill-Bank Ewropew tal-Investiment fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-membri tal-persunal, li jinvalida kwalunkwe dikjarazzjoni li tinsab fil-formola ta’ evalwazzjoni, jiġifieri fir-rapport ta’ evalwazzjoni, jimplika li l-imsemmi kumitat huwa awtorizzat li jerġa’ jevalwa l-fondatezza ta’ kull waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet qabel ma jiċċensuraha. Il-portata ta’ din il-kompetenza b’hekk taqbeż b’mod ċar dik tal-uniku setgħa ta’ stħarriġ tal-legalità u tal-annullament tad-dispożittiv ta’ att, sa fejn hija tiġbor fi ħdanha l-possibbiltà li tinvalida anki l-motivi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tad-dispożittiv tagħha, tkun xi tkun l-importanza tagħhom fit-tqassim tal-motivazzjoni tal-imsemmi att. Din is-setgħa sħiħa ta’ stħarriġ tal-Kumitat tal-Appell hija kkonfermata bil-kompetenza li hija espressament irrikonoxxuta lilu biex jemenda l-marki individwali u l-marka ta’ mertu li tirriżulta mill-evalwazzjoni globali tar-rendiment tal-appellant. Fil-fatt, emenda tal-marka tal-mertu tal-persuna kkonċernata timplika li dan il-kumitat jistħarreġ b’mod iddettaljat l-evalwazzjonijiet ta’ mertu kollha li jidhru fir-rapport ikkontestat f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni eventwali, ta’ fatt jew ta’ dritt, u li jista’, jekk ikun il-każ, jidħol minflok l-evalwatur sabiex jevalwa mill-ġdid dawn il-merti.

(ara l-punt 41)

3.     Fil-każ fejn il-Bank Ewropew tal-Investiment jadotta regolamenti interni kompleti li jistabbilixxu Kumitat tal-Appell kompetenti biex jeżamina d-deċiżjonijiet tal-evalwaturi tal-persunal skont kriterji ta’ stħarriġ mhux paragunabbli u b’mod iktar preċiż minn dawk li jistgħu jintużaw mill-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest tar-Regolamenti tal-Persunal, u mingħajr il-possibbiltà li tinżamm seduta jew li jinstemgħu x-xhieda, dawn ir-regolamenti huma ta’ natura li jeskludu l-applikazzjoni b’analoġija tar-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ lment stabbilita fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, anki jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni tal-evalwatur fil-ġudizzju ta’ valur kumpless li jirrigwarda x-xogħol tal-persuni li għandu r-responsabbiltà li jevalwa, ma jistax jiġi eskluż li r-regolamenti interni rilevanti jagħtu lill-gradi tal-appell marġni ta’ diskrezzjoni analogu għal dik tal-evalwatur, kif ukoll is-setgħa li jidħol minflok, għall-inqas parzjalment, dan tal-aħħar.

(ara l-punt 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim'Istanza: 16 ta’ Mejju 2006, Magone vs Il‑Kummissjoni, T‑73/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑107 u II‑A‑2‑485, punti 25 u 29; 31 ta’ Jannar 2007, Aldershoff vs Il‑Kummissjoni, T‑236/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑13 u II‑A‑2‑75, punt 83

4. Anki jekk wieħed jassumi li, fil-każ ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni ta’ Kumitat tal-Appell stabbilit mill-Bank Ewropew tal-Investiment fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-membri tal-persunal, il-qorti tal-Unjoni tiġi awtomatikament adita kemm minn din id-deċiżjoni kif ukoll mir-rapport ta’ evalwazzjoni, din iċ-ċirkustanza ma tiġġustifikax, fiha nfisha, li din il-qorti sempliċement tanalizza t-talbiet ippreżentati kontra dan ir-rapport, jew saħansitra rinunzja kompletament għall-istħarriġ tal-fondatezza tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell, sa fejn dan il-kumitat għandu s-setgħa ta’ stħarriġ sħiħ li jawtorizzah jissostitwixxi l-evalwazzjonijiet li jidhru fl-imsemmi rapport b’tiegħu, setgħa li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax, min-naħa tiegħu, jinvoka. Fil-fatt, fl-ipoteżi ta’ rinunzja żbaljata mill-Kumitat tal-Appell għal tali stħarriġ sħiħ, din tkun ekwiparabbli għal ċaħda lill-persuna kkonċernata minn istanza ta’ stħarriġ previst mir-regolamenti interni tal-Bank, u għaldaqstant jaffettwaha ħażin, b’mod li għandha tiġi suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-ewwel istanza.

Barra minn hekk, peress li setgħa ta’ stħarriġ sħiħ ingħata lill-Kumitat tal-Appell, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet inklużi u l-marki mogħtija f’rapport ta’ evalwazzjoni, huwa indispensabbli għall-qorti tal-ewwel istanza li tivverifika, ċertament fil-kuntest tal-istħarriġ ristrett tagħha, jekk u sa fejn l-imsemmi kumitat ikunx illibera lilu nnifsu minn dan id-dmir ta’ stħarriġ sħiħ skont ir-regoli applikabbli.

(ara l-punti 49 u 54)

5. Iċ-ċirkustanza li r-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li jiddefinixxu r-rimedji ġudizzjarji amministrattivi, ma jipprevedux, b’differenza mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, proċedura prekontenzjuża obbligatorja, jostakola traspożizzjoni pura u sempliċi tas-sistema kontenzjuża taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk immodulata minn applikazzjoni flessibbli ta’ din is-sistema bl-għan li tiżgura ċ-ċertezza legali, fid-dawl tal-inċertezza mehmuża mal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi tal-persunal tal-Bank. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 41 tal-imsemmija regolamenti jirreferi għall-proċedura ta’ ftehim bonarju, dan isir billi jiġi ppreċiżat immedjatament li tali proċedura titmexxa indipendentement mill-azzjoni li titressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, isegwi li r-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank u, b’mod partikolari, l-Artikolu 41 tagħhom, jikkostitwixxu regolamenti interni, fil-prinċipju, sħiħa tal-Bank, li n-natura u r-ratio tagħhom huma differenti ħafna minn dawk tar-Regolamenti tal-persunal, inklużi l-Artikoli 90 u 91 tiegħu. Konsegwentement, l-istess eżistenza ta’ dawn ir-regolamenti interni tipprojbixxi — ħlief fil-każ ta’ lakuna manifesta kuntrarja għal regoli superjuri tad-dritt li għandha tiġi kkumpensata imperattivament — li wieħed jagħmel analoġiji fir-rigward tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal. Konsegwentement, huwa impossibbli li wieħed iwettaq interpretazzjoni contra legem tal-kundizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura interna fakultattiva tal-ftehim bonarju previst fl-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex tiġi kkonvertita fi proċedura obbligatorja. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 41 ma għandux lakuni li għandhom jiġu kkumpensati minn regoli oħra sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti li jirriżultaw minn prinċipji superjuri tad-dritt.

(ara l-punti 75 sa 77)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T‑7/98, T‑208/98 u T‑109/99, ĠabraSP p. I‑A‑49 u II‑185, punti 96, 97 sa 101; 17 ta’ Ġunju 2003, Seiller vs BEI, T‑385/00, ĠabraSP p. I‑A‑161 u II‑801, punti 50 sa 52, 65 u 73

6. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-prinċipju huwa l-uniku wieħed kompetenti biex jikkonstata l-fatti u biex jeżamina l-provi. A fortiori, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi, hija biss il-qorti tal-ewwel istanza li għandha tiddeċiedi jekk u sa fejn huwa neċessarju li wieħed jipproċedi għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji. Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss jiddeċiedi fuq in-neċessità eventwali li jiġu kkompletati l-elementi ta’ informazzjoni li jkollu fuq il-kawżi li jitressqu quddiemu, u li jagħżel il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri istruttorji adatti għal dan l-iskop.

F’dan ir-rigward, jekk l-imsemmi Tribunal jiċħad talbiet għal miżuri istruttorji, għar-raġuni li ma jkunux utli għas-soluzzjoni tal-kawża, din l-evalwazzjoni, ma taqax taħt il-kompetenza tal-appell, ħlief fil-preżenza ta’ argument li jista’ juri li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien wettaq żball ta’ liġi.

(ara l-punti 99 u 100)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 319; 10 ta’ Ġunju 2010, Thomson Sales Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑498/09 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 138