Language of document :

Appell ta' Carlo de Nicola ppreżentat fit-28 ta' Jannar 2010 mis-sentenza mogħtija fit-30 ta' Novembru 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-55/08, De Nicola vs Il-BEI

(Kawża T-37/10 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Carlo De Nicola (Strassen, il-Lussemburgu) (rappreżentant: L. Isola, avukat)

Appellat: Il-Bank Ewropew għall-Investiment

Talbiet tal-appellant

annullament tas-sentenza appellata;

ħlas tal-ispejjeż tal-kawża u tal-interessi kif ukoll rievalwazzjoni monetarja fuq il-kreditu rikonoxxut.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell ġie ppreżentat mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tat-30 ta' Novembru 2009. Din is-sentenza tiċħad rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-appellat ċaħad ir-rikors tal-appellant intiż għar-rieżamina, minn naħa, tal-evalwazzjoni li saritlu għall-2006, u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal-Bank dwar il-promozzjonijiet li ngħataw għas-sena 2006, inkwantu dawn ma jagħtuhx promozzjoni; talba għall-annullament tar-rapport ta' evalwazzjoni tiegħu tal-2006; il-konstatazzjoni li huwa kien allegatament vittma ta' abbuż psikoloġiku; il-kundanna tal-Bank għall-ħlas tad-danni li huwa jqis li sofra minħabba dan l-abbuż u fl-aħħar nett, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tar-rifjut tal-ħlas ta' ċerti spejjeż mediċi tat-terapija bil-laser.

Insostenn tat-talbiet tiegħu l-appellant isostni dawn l-aggravji:

It-TSP illegalment naqas milli jiddeċiedi u, meta ma nesiex kompletament is-suġġett tar-rikors (bħal pereżempju, it-tieni u t-tielet argument tat-talba għal annullament, ir-rifjut tal-Bord tal-Appell li jagħti deċiżjoni dwar il-mertu, eċċ.), iddeċieda volutament li jeżamina biss uħud mill-eċċezzjonijiet.

It-TSP ma ddeċidiex dwar it-talba sabiex jistħarreġ il-legalità tal-imġieba tas-superjuri tiegħu, fid-dawl tal-kriterji ta' evalwazzjoni adottati mill-appellat. Barra minn hekk, ipprova b'mod żbaljat jattribwixxi lill-impjegati l-imġieba vessatorja li dwarha lmenta l-appellant, li huwa jattribwixxi direttament u esklużivament lill-BEI.

Aggravju ieħor insostenn tal-appell huwa r-rifjut tal-miżuri istruttorji u l-pretensjoni dwar il-qlib tal-oneru tal-prova, kif ukoll in-nuqqas ta' motivazzjoni. Fir-rigward ta' dan tal-aħħar, l-appellant isostni li t-TSP naqas milli jimmotiva diversi argumenti deċiżivi, jew inkella ta motivazzjoni kontradittorja u/jew illoġika, u għalhekk b'nuqqas sostanzjali. L-appellant isemmi b'mod partikolari r-rifjut li jiġi applikat l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll iċ-ċaħda tat-talba għall-annullament tar-rapport ta' evalwazzjoni għall-2006.

Fl-aħħar nett, l-appellant isostni li, peress li dan huwa kuntratt ta' xogħol irregolat mid-dritt privat, ma jeżistux il-kundizzjonijiet għal analoġija sabiex jiġu applikati għal dan il-każ ir-regoli u l-kundizzjonijiet ta' proċedura applikabbli għall-uffiċjali Komunitarji b'kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku.

____________