Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Marzu 2022 – Svenska Bankföreningen and Länsförsäkringar Bank vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-112/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ideella föreningen Svenska Bankföreningen med firma Svenska Bankföreningen, Näringsverksamhet (Stockholm, l-Isvezja), Länsförsäkringar Bank AB (Stockholm) (rappreżentanti: P. Hansson, M. Eriksson u M. Persson, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2021 fil-Każ SA.56348(2021/N) – L-Isvezja: Taxxa Żvediża fuq istituzzjonijiet ta' kreditu; 1

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed, li l-Kummissjoni Ewropea kisret id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, peress li naqset milli tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali.

Qed jiġi argumentat li l-Kummissjoni oġġettivament iffaċċjat diffikultajiet serji waqt l-eżami preliminari tal-miżura notifikata u kellha tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Pereżempju:

–    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-parametri tas-sistema ta’ referenza identifikati mill-Kummissjoni b’mod ċar ma kinux konsistenti mal-għan tat-taxxa fuq ir-riskju.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jaqgħu taħt jew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa fuq ir-riskju jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli, fid-dawl tal-għan tas-sistema fiskali.

Barra minn hekk, qed jiġi argumentat li l-Kummissjoni applikat ħażin il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta evalwat il-limitu stabbilit ta’ tassazzjoni.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ma kienx hemm ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament u li din fl-ebda ċirkustanza ma kienet proporzjonata.

–     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-eżami li sar mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ eżami preliminari kien insuffiċjenti u mhux komplut.

____________

1 COM(2021) 8637 final and see publication in OJ 2021 C 511, p. 2.