Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta' Frar 2010 minn Apostolov kontra s-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-15 ta' Diċembru 2009 fil-kawża Apostolov vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-73/10 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Svetoslav Apostolov (Saarwellingen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: D. Schneider-Addae-Mensah, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

tannulla d-digriet mogħti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (l-Ewwel Awla) tal-15 ta' Diċembru 2009 fil-Kawża F-8/09;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-ittra datata 23 ta' Ottubru 2008;

tobbliga lill-Kummissjoni u lis-servizzi speċjalizzati tagħha, prinċipalment lill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), sabiex jikkunsidraw bħala korretti r-risposti mogħtija mill-appellant għad-domandi 9, 30 u 32 tat-test ta' kompetenza li sar fl-14 ta' Diċembru 2007;

sussidjarjament, tawtorizza lill-appellant jerġa' jagħmel it-test ta' kompetenza;

sussidjarjament għat-tieni, it-tielet u r-raba' talba hawn fuq imsemmija, tirrinvija din il-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' dawn il-proċeduri u tal-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, l-appellant jitlob l-annullament tad-digriet mogtħi mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta' Diċembru 2009 fil-Kawża F-8/09 Apostolov vs Il-Kummissjoni, li permezz tagħha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat mill-appellant għall-annullament ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2008 li permezz tagħha l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ċaħad l-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni tal-25 ta' April 2008 li indikatlu illi l-marki li kiseb fit-testijiet ta' selezzjoni fil-kuntest tas-sejħa għall-espressjoni ta' interess EPSO/CAST27/4/07 ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi inkluż fid-database ta' kandidati eliġibbli.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant isostni, prinċipalment, illi kien hemm konfużjoni fir-rigward tat-terminu għall-preżentata tar-rikors u li, konsegwentement, dan kien żball skużabbli illi rrenda r-rikors ippreżentat mill-appellant quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-9 ta' Lulju 2009 ammissibbli.

L-appellant isostni wkoll illi l-EPSO kkommetta żball manifest ta' evalwazzjoni għal ċerti risposti mogħtija mill-appellant fil-kuntest tat-testijiet ta' selezzjoni relatati mas-sejħa għall-espressjoni ta' interess EPSO/CAST27/4/07. Barra minn hekk, l-appellant isostni wkoll illi l-EPSO għażel proċedura kompletament inadegwata sabiex jittestja lill-kandidati sabiex jiżgura proċedura ta' selezzjoni korretta.

____________