Language of document : ECLI:EU:T:2018:948

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

13 ta’ Diċembru 2018 (*)

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Marzu 2019]

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi – Inklużjoni u żamma tal-isem tar-rikorrenti fuq il-listi ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplikaw miżuri restrittivi – Danni morali”

Fil-Kawża T‑559/15,

Post Bank Iran, stabbilita f’Teheran (l-Iran), irrappreżentata minn D. Luff, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Ronkes Agerbeek u R. Tricot, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK tal‑25 ta’ Ottubru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 281, p. 81), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal‑25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK tal‑1 ta’ Diċembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2011, L 319, p. 71), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011 tal‑1 ta’ Diċembru 2011 li jimplimenta r-Regolament Nru 961/2010 (ĠU 2011, L 319, p. 11), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat‑23 ta’ Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 961/2010 (ĠU 2012, L 88, p. 1 u r-rettifiki fil-ĠU 2012, L 332, p. 31 u fil-ĠU 2014, L 93, p. 85), li permezz tagħhom l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż u nżamm fuq il-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet li għalihom japplikaw miżuri restrittivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, V. Valančius, P. Nihoul, J. Svenningsen u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-miżuri restrittivi introdotti sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li għandhom riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”).

2        Ir-rikorrenti, Post Bank Iran, hija kumpannija Iranjana li twettaq attivitajiet ta’ bank postali.

3        Fid‑9 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1929 (2010) intiża sabiex twessa’ l-portata tal-miżuri restrittivi stabbiliti permezz tar-riżoluzzjonijiet preċedenti 1737 (2006), tas‑27 ta’ Diċembru 2006, 1747 (2007), tal‑24 ta’ Marzu 2007, u 1803 (2008), tat‑3 ta’ Marzu 2008, u sabiex tistabbilixxi miżuri restrittivi supplimentari kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

4        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas‑26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2008, L 4M, p. 155), isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni.

5        Konsegwentement, isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 tad‑19 ta’ April 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2008, L 335M, p. 969 u r-rettifika fil-ĠU 2009, L 64M, p. 423).

6        L-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq daħlet fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 tas‑26 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 195, p. 25), f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fis‑27 ta’ Lulju 2010. Hija kellha bħala effett l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem il-“miżuri restrittivi”).

7        L-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi msemmija fil-punti 4 u 5 iktar ’il fuq kienet ibbażata fuq ir-raġunijiet li ġejjin:

“[Ir-rikorrenti evolviet] minn bank domestiku Iranjan għal bank li jiffaċilita l-kummerċ internazzjonali tal-Iran. Jaġixxi għan-nom tal-Bank Sepah (indikat taħt [ir-Riżoluzzjoni 1747 tal-Kunsill tas-Sigurtà]), waqt li jwettaq transazzjonijiet tal-Bank Sepah u jaħbi l-konnessjoni tal-Bank Sepah mat-transazzjonijiet sabiex jiskansa s-sanzjonijiet. Fl‑2009 l-Post Bank iffaċilita l-kummerċ għan-nom tal-Bank Sepah bejn l-industriji tad-difiża tal-Iran u benefiċjarji barra l-pajjiż. Huwa ffaċilita l-kummerċ ma’ kumpannija ta’ kopertura għat-Tranchon Commercial Bank tar-RDPK [(ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea)] magħruf li jiffaċilita l-kummerċ relatat mal-proliferazzjoni bejn l-Iran u r-RDPK.”

8        Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea informa lir-rikorrenti dwar l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi msemmija fil-punti 4 u 5 iktar ’il fuq. Kopja ta’ dawn l-atti tal-aħħar ġiet annessa ma’ din l-ittra.

9        Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti talbet lill-Kunsill jirrevedi l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni, fid-dawl tal-informazzjoni li hija kienet ikkomunikatlu.

10      Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu 2010/644/PESK tal‑25 ta’ Ottubru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2010, L 281, p. 81), il-Kunsill, wara li rreveda s-sitwazzjoni tar-rikorrenti, żamm isimha fil-lista li tidher fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, b’effett minn dak l-istess jum, għar-raġunijiet li ġejjin:

“[Ir-rikorrenti evolviet] minn bank domestiku Iranjan għal bank li jiffaċilita l-kummerċ internazzjonali tal-Iran. Jaġixxi għan-nom tal-Bank Sepah (indikat taħt [ir-Riżoluzzjoni 1747 tal-Kunsill tas-Sigurtà]), waqt li jwettaq transazzjonijiet tal-Bank Sepah u jaħbi l-konnessjoni tal-Bank Sepah mat-transazzjonijiet sabiex jiskansa s-sanzjonijiet. Fl‑2009 l-Post Bank iffaċilita l-kummerċ għan-nom tal-Bank Sepah bejn l-industriji tad-difiża tal-Iran u benefiċjarji barra l-pajjiż. Huwa ffaċilita l-kummerċ ma’ kumpannija ta’ kopertura għat-Tranchon Commercial Bank tar-RDPK magħruf li jiffaċilita l-kummerċ relatat mal-proliferazzjoni bejn l-Iran u r-RDPK.”

11      Meta ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal‑25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1), l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness VIII tal-imsemmi regolament, b’effett mis‑27 ta’ Ottubru 2010.

12      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Ottubru 2010, li r-rikorrenti rċeviet fid‑29 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill informa lil din tal-aħħar li, wara reviżjoni tas-sitwazzjoni tagħha fid-dawl tal-osservazzjonijiet li jinsabu fl-ittra tagħha tat‑12 ta’ Settembru 2010, hija kellha tibqa’ suġġetta għal miżuri restrittivi.

13      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti kkontestat il-fatti kkunsidrati kontriha mill-Kunsill. Għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha, hija talbet aċċess għall-fajl.

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat rikors, intiż b’mod partikolari, essenzjalment, għall-annullament tal-listi msemmija fil-punti 4 u 5 iktar ’il fuq, inkwantu dawn jikkonċernawha. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru T‑13/11.

15      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Frar 2011, il-Kunsill ipprovda lir-rikorrenti s-siltiet dwarha meħuda mill-proposti ta’ inklużjoni mibgħuta mill-Istati Membri, kif kienu jidhru fin-noti ta’ trażmissjoni indikati bir-referenzi 13413/10 EXT 5, 13414/10 EXT 5 u 6723/11.

16      Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti reġgħet ikkontestat ir-realtà tal-fatti li kienu attribwiti lilha mill-Kunsill.

17      Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu 2011/783/PESK tal‑1 ta’ Diċembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2011, L 319, p. 71), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tiegħu (UE) Nru 1245/2011 tal‑1 ta’ Diċembru 2011 li jimplimenta r-Regolament Nru 961/2010 (ĠU 2011, L 319, p. 11), il-Kunsill, wara li eżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, żamm isem din tal-aħħar fil-listi li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, b’effett, rispettivament, mill‑1 u mit‑2 ta’ Diċembru 2011.

18      Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill informa lir-rikorrenti li hija kellha tibqa’ suġġetta għal miżuri restrittivi.

19      Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti talbet mill-ġdid sabiex tingħata aċċess għall-fajl.

20      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK tat‑23 ta’ Jannar 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2012, L 19, p. 22 u r-rettifika fil-ĠU 2012, L 31, p. 7), daħlet fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. L-Artikolu 1(7) tagħha, emenda, wara dik id-data, l-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2010/413 billi introduċa, fost l-oħrajn, kriterju ġdid ibbażat fuq l-appoġġ, inkluż finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran.

21      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Frar 2012, il-Kunsill bagħat lir-rikorrenti dokumenti relatati ma’ “id-Deċiżjoni […] tal‑1 ta’ Diċembru 2011 li jinżammu fis-seħħ il-miżuri restrittivi [kontriha]”.

22      Meta ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat‑23 ta’ Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU 2012, L 88, p. 1 u r-rettifiki fil-ĠU 2012, L 332, p. 31 u fil-ĠU 2014, L 93, p. 85), il-kriterju l-ġdid ta’ appoġġ, inkluż dak finanzjarju, mogħti lill-Gvern Iranjan ġie introdott fl-Artikolu 23(2)(d) ta’ dak ir-regolament. Barra minn hekk, l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż, għall-istess raġunijiet bħal dawk diġà msemmija fil-punt 10 hawn fuq, fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien mal-listi li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, il-“listi kontenzjużi”), b’effett mill‑24 ta’ Marzu 2012.

23      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti emendat it-talbiet tagħha fil-Kawża T‑13/11, sabiex ikunu intiżi, essenzjalment, għall-annullament tal-listi kollha kontenzjużi, inkwantu dawn jikkonċernawha.

24      Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Post Bank Iran vs Il‑Kunsill (T‑13/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:402), il-Qorti Ġenerali annullat, b’mod partikolari, il-listi kontenzjużi, inkwantu dawn kienu jikkonċernaw lir-rikorrenti, fuq il-bażi li ma kinux sostnuti minn provi. Peress li ma ġie ppreżentat l-ebda appell kontra din is-sentenza, din tal-aħħar saret definittiva u kisbet is-saħħa ta’ res judicata.

25      Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu 2013/661/PESK tal‑15 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2013, L 306, p. 18), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tiegħu (UE) Nru 1154/2013 tal‑15 ta’ Novembru 2013 li jimplimenta r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU 2013, L 306, p. 3), il-Kunsill żamm il-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tar-rikorrenti abbażi tal-kriterju l-ġdid ibbażat fuq appoġġ, b’mod partikolari finanzjarju, lill-Gvern Iranjan. Dawn l-atti daħlu fis-seħħ fis‑16 ta’ Novembru 2013, il-jum tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali.

26      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tal-atti tal‑15 ta’ Novembru 2013 li jżommu l-miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tagħha. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru T‑68/14.

27      Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2016, Post Bank Iran vs Il‑Kunsill (T‑68/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:263), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors u kkundannat lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

28      Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kunsill talba preliminari għal kumpens għad-danni allegatament imġarrba minħabba l-miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tagħha, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 u d-Deċiżjoni 2010/413. Il-Kunsill ma weġibx għal din l-ittra.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti fetħet din il-kawża. Il-kawża ġiet assenjata lill-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali minħabba konnessjoni bejn il-kawżi.

30      Fit‑2 ta’ Frar 2016, il-Kunsill ippreżenta risposta.

31      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

32      Fit‑12 ta’ April u fl‑4 ta’ Mejju 2016, rispettivament, il-Kunsill u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-talba ta’ intervent.

33      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑18 ta’ Mejju 2016, adottata skont l-Artikolu 144(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni f’din il-kawża.

34      Fis‑27 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika.

35      Fit‑22 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill ppreżenta l-kontroreplika.

36      Fid‑19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha. Fis‑7 ta’ Settembru u fit‑13 ta’ Ottubru 2016, rispettivament, il-Kunsill u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din in-nota.

37      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li tisma’ lill-partijiet dwar il-possibbiltà ta’ sospensjoni tal-proċedura fl-istennija tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħlaq il-proċeduri fil-Kawża C‑45/15 P, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill. Il-partijiet fil-kawża prinċipali kkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward fit-terminu stabbilit.

38      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie maħtur għall-Ewwel Awla, u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

39      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġenerali, permezz tad-deċiżjoni tal‑10 ta’ Ottubru 2016, iddeċieda li jissospendi l-proċedura f’din il-kawża.

40      Wara l-għoti tas-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li tisma’ lill-partijiet dwar il-konsegwenzi li kienu jidderivaw mill-imsemmija sentenza għall-kawża odjerna. Il-partijiet fil-kawża prinċipali kkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward fit-terminu stabbilit. Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti indikat, b’mod partikolari, li kienet qed tirtira t-talbiet tagħha għad-danni, inkwantu dawn jirrigwardaw il-kumpens ta’ dannu materjali.

41      Ebda waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali ma talbet li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali skont l-Artikolu 106(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fit-terminu stabbilit.

42      Fil‑15 ta’ Diċembru 2017, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tirrinvija l-kawża preżenti quddiem il-kulleġġ ġudikanti estiż, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta tal-Ewwel Awla.

43      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura, tilqa’ l-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali dwar il-possibbiltà li din il-kawża tingħaqad mal-Kawża T‑558/15, Iran Insurance vs Il‑Kunsill, għall-finijiet tal-proċedura orali u sabiex tagħmel ċerti mistoqsijiet lill-partijiet. Il-partijiet irreferew għal dawn it-talbiet fit-termini imposti.

44      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Frar 2018, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jgħaqqad din il-kawża u l-Kawża T‑558/15 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

45      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑20 ta’ Marzu 2018. Fit-tweġibiet tagħha, ir-rikorrenti ppreċiżat b’mod partikolari, l-illegalità kkonstatata fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Post Bank Iran vs Il‑Kunsill (T‑13/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:402), li hija invokat insostenn tat-talba tagħha għad-danni, u ta’ dan ittieħdet nota fil-proċess verbali tas-seduta.

46      Wara l-emenda tat-talbiet tagħha (ara l-punt 40 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Kunsill iħallasha, b’kumpens għad-dannu morali li hija ġarrbet minħabba l-inklużjoni illegali ta’ isimha fil-listi kontenzjużi, bejn ix-xhur ta’ Lulju 2010 u ta’ Novembru 2013, b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2010/644, tar-Regolament Nru 961/2010, tad-Deċiżjoni 2011/783, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012, kumpens fl-ammont ta’ EUR 1 000 000;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

47      Il-Kunsill jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad parzjalment ir-rikors għal nuqqas ta’ kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni, u, għall-bqija, bħala manifestament infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

48      Il-Kummissjoni titlob li r-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Id-dritt

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors

49      [Test rettifikat permezz ta’ digriet tal 21 ta’ Marzu 2019] Fil-kontroreplika, il-Kunsill iqis li, inkwantu r-rikorrenti bbażat it-talba tagħha għad-danni fuq l-illegalità tal-inklużjoni ta’ isimha fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar dan ir-rikors, inkwantu t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE ma jagħtihiex kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar talba għad-danni bbażata fuq l-illegalità ta’ att li jaqa’ taħt il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK).

50      Fit-tweġibiet tagħha bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali (punt 43 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ssostni li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill hija inammissibbli, peress li hija tardiva, u hija infondata, peress li l-atti PESK ġew implimentati, f’dan il-każ, permezz ta’ regolamenti, adottati skont l-Artikolu 215 TFUE.

51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tkun tqajmet fl-istadju tal-kontroreplika, meta setgħet tqajmet sa mill-istadju tad-difiża, għandha tiġi kkunsidrata bħala tardiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Jannatian vs Il‑Kunsill, T‑328/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:86, punt 29). Issa, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li setgħet tqajmet mill-Kunsill fl-istadju tar-risposta, hija tardiva u, bħala tali, inammissibbli.

52      Madankollu, skont l-Artikolu 129 tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ f’kull ħin, ex officio u wara li jinstemgħu l-partijiet, tiddeċiedi dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, li jinkludu, skont il-ġurisprudenza, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni Ewropea sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 1980, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni, 154/78, 205/78, 206/78, 226/78 sa 228/78, 263/78, 264/78, 31/79, 39/79, 83/79 u 85/79, EU:C:1980:81, punt 7, u tas‑17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il‑Kunsill, T‑174/95, EU:T:1998:127, punt 80).

53      Issa, jirriżulta mis-sitt sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bħala prinċipju, ma għandhiex tkun kompetenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar il-PESK u lanqas fir-rigward tal-atti legali adottati abbażi tagħhom. Huwa biss b’eċċezzjoni li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-qrati tal-Unjoni huma kompetenti fil-qasam tal-PESK. Din il-kompetenza tinkludi, minn naħa, il-monitoraġġ tal-osservanza tal-Artikolu 40 TUE u, min-naħa l-oħra, ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn individwi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kontra miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fil-kuntest tal-PESK. Min-naħa l-oħra, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE ma jattribwixxi l-ebda kompetenza lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għal kumpens (sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Jannatian vs Il‑Kunsill, T‑328/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:86, punt 30).

54      Minn dan isegwi li rikors għad-danni intiż għall-kumpens tad-dannu allegatament imġarrab minħabba l-adozzjoni ta’ att tal-PESK ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali (sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Jannatian vs Il‑Kunsill, T‑328/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:86, punt 31).

55      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali dejjem kienet kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba għal kumpens ta’ dannu allegatament imġarrab minn persuna jew entità, minħabba l-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tagħha, skont l-Artikolu 215 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il‑Kunsill, T‑47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punti 232 sa 251, u tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punti 45 sa 149).

56      F’dan il-każ, il-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tar-rikorrenti, bid-Deċiżjoni 2010/644 u d-Deċiżjoni 2011/783, ġew implimentati permezz tar-Regolament Nru 961/2010, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012, adottati skont l-Artikolu 215 TFUE.

57      Minn dan isegwi li, għalkemm il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għal kumpens tar-rikorrenti, inkwantu din hija intiża li tikseb kumpens għad-dannu li hija ġarrbet minħabba l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/644 u tad-Deċiżjoni 2011/783, madankollu hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din l-istess talba, inkwantu hija intiża sabiex tikseb kumpens għad-dannu li hija ġarrbet minħabba l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri permezz tar-Regolament Nru 961/2010, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012 (iktar ’il quddiem l-“atti kontenzjużi”).

58      Konsegwentement, dan ir-rikors għandu jiġi eżaminat biss inkwantu huwa intiż għall-kumpens tad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet minħabba li l-miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tagħha fid-Deċiżjoni 2010/644 u d-Deċiżjoni 2011/783 ġew implimentati permezz tal-atti kontenzjużi.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

59      Mingħajr ma qajmet eċċezzjoni permezz ta’ att separat, il-Kummissjoni ssostni li, minħabba d-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, jiġifieri l‑25 ta’ Settembru 2015, dan ġie ppreżentat wara t-terminu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkwantu huwa intiż għall-kumpens ta’ dannu li allegatament seħħ qabel il‑25 ta’ Ottubru 2010. Skont il-ġurisprudenza, dan ir-rikors għandu għaldaqstant jiġi ddikjarat parzjalment inammissibbli. Skont il-Kummissjoni, il-preskrizzjoni parzjali tar-rikors tista’ tiġi eżaminata ex officio, bħala kwistjoni ta’ ordni pubbliku.

60      Il-Kunsill iqis li l-kwistjoni tal-preskrizzjoni ma tidhirx li tqum, f’dan il-każ, inkwantu r-rikorrenti qed titlob biss kumpens għall-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi wara l‑25 ta’ Settembru 2010. Huwa jindika madankollu li jekk tinqala’ sitwazzjoni ta’ preskrizzjoni, din tista’ titqajjem ex officio, bħala kwistjoni ta’ ordni pubbliku.

61      Ir-rikorrenti titlob li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi miċħuda bħala inammissibbli u li ma tistax tiġi eżaminata ex officio mill-Qorti Ġenerali, peress li ma hijiex eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku. Fi kwalunkwe każ, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà hija infondata. Ir-rikorrenti żżid li din il-kwistjoni tal-preskrizzjoni tilfet kull interess wara l-irtirar tat-talba tagħha għal kumpens għad-dannu materjali.

62      Dwar din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li t-talbiet tal-Kunsill intiżi għaċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors ma humiex ibbażati bl-ebda mod fuq il-preskrizzjoni parzjali tal-azzjoni li hija l-bażi ta’ dan ir-rikors. Issa, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40, u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53, tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 142(1) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet fir-rikors għal intervent ma jistgħux ikollhom għan ieħor ħlief li jiġu sostnuti, kompletament jew parzjalment, it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis dakinhar tal-intervent tiegħu, skont l-Artikolu 142(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

63      Minn dan isegwi li l-intervenjent ma għandux id-dritt li jqajjem b’mod awtonomu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u li għalhekk il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata li teżamina l-motivi invokati esklużivament minnu u li ma jkunux ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, EU:C:1993:111, punt 22, u tat‑3 ta’ Lulju 2007, Au Lys de France vs Il‑Kummissjoni, T‑458/04, mhux ippubblikata, EU:T:2007:195, punt 32).

64      Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li, peress li l-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni kienet irregolata, skont l-Artikolu 340 TFUE, mill-prinċipji ġenerali komuni għad-dritt tal-Istati Membri u eżami komparattiv tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri wera li, bħala regola ġenerali u ħlief għal xi eċċezzjonijiet żgħar, il-qorti ma tistax tqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni, ma kienx hemm lok li tiġi eżaminata ex officio kwistjoni ta’ preskrizzjoni possibbli tal-azzjoni inkwistjoni (sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 1989, Roquette frères vs Il‑Kummissjoni, 20/88, EU:C:1989:221, punti 12 u 13 u tat‑8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 51).

65      Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-provi prodotti fl-anness tar-replika

66      Fil-kontroreplika, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob iċ-ċaħda tal-provi prodotti fl-Annessi R.1 sa R.15 tar-replika, bħala tardivi u, għaldaqstant, inammissibbli. Fil-fehma tiegħu, dawn l-elementi setgħu u kellhom jiġu prodotti, skont il-ġurisprudenza, fl-istadju tar-rikors.

67      Fit-tweġibiet bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 43 iktar ’il fuq), il-Kunsill u l-Kummissjoni jirrikonoxxu li, minħabba l-emenda fit-talbiet tar-rikors (ara l-punt 40 iktar ’il fuq), ma għadux meħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-provi prodotti fl-Annessi R.2 sa R.15 tar-replika, li kienu jirrigwardaw biss id-dannu materjali allegatament imġarrab mir-rikorrenti.

68      Ir-rikorrenti tammetti wkoll li, minħabba l-emenda fit-talbiet tagħha (ara l-punt 40 iktar ’il fuq), l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tibqa’ rilevanti biss fir-rigward tal-Anness R.1 tar-replika. Hija titlob iċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għar-raġuni li l-Anness R.1 tar-replika jinkludi provi addizzjonali tal-fatti li huma diġà stabbiliti sew fir-rikors u li huma meħtieġa sabiex jiġu rrifjutati l-argumenti invokati mill-Kunsill fir-risposta. Il-Kunsill seta’ jeżerċita bis-sħiħ id-drittijiet tiegħu tad-difiża fir-rigward ta’ dawk l-elementi fil-kontroreplika. Il-Kummissjoni kellha wkoll il-possibbiltà li tivverifika u tevalwa l-imsemmija elementi.

69      F’dan il-każ, jirriżulta mit-talbiet emendati tar-rikorrenti li dan ir-rikors għandu bħala suġġett talba għad-danni intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu morali allegatament imġarrab minn din tal-aħħar wara l-adozzjoni, mill-Kunsill, tal-atti kontenzjużi. Għaldaqstant, dan huwa rikors li bih ir-rikorrenti tfittex li tikkontesta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

70      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita sew, fil-kuntest ta’ azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, huwa l-obbligu tar-rikorrent li jippreżenta l-provi lill-qorti tal-Unjoni sabiex jiġu stabbiliti r-realtà u l-portata tad-dannu li jallega li ġarrab (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Zafeiropoulos vs Cedefop, T‑537/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:36, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tas‑26 ta’ April 2016, Strack vs Il‑Kummissjoni, T‑221/08, EU:T:2016:242, punt 308 (mhux ippubblikata).

71      Ċertament, il-qorti tal-Unjoni rrikonoxxiet li, f’ċerti każijiet, b’mod partikolari meta jkun diffiċli li jiġi kkwantifikat id-dannu allegat, ma huwiex indispensabbli li tiġi ppreċiżata fir-rikors il-portata eżatta tiegħu u lanqas li jiġi kkwantifikat l-ammont tal-kumpens mitlub (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Inalca u Cremonini vs Il‑Kummissjoni, C‑460/09 P, EU:C:2013:111, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Ir-rikors f’din il-kawża tressaq fil‑25 ta’ Settembru 2015. F’din tal-aħħar, ir-rikorrenti kkwantifikat id-dannu morali li hija dehrilha li ġarrbet billi bbażat ruħha fuq l-elementi annessi mal-imsemmi rikors.

73      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(f) tar-Regoli tal-Proċedura, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2015 u li għaldaqstant huwa applikabbli għal dan ir-rikors, kull rikors għandu jkun fih il-provi u l-offerta ta’ provi, jekk ikun il-każ.

74      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-provi u l-offerti ta’ provi għandhom jiġu ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti. Il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jżid li l-partijiet jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika u fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard. F’dan l-aħħar każ, skont l-Artikolu 85(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-provi prodotti jew proposti, wara li l-partijiet l-oħra jkunu tħallew jieħdu pożizzjoni dwarhom.

75      Ir-regola tad-dekadenza prevista fl-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma tikkonċernax il-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-offerti ta’ provi mressqa wara li tiġi prodotta prova kuntrarja mill-kontroparti (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Biogena Naturprodukte vs EUIPO (ZUM wohl), T‑236/16, EU:T:2017:416, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Jirriżulta mill-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tar-regola ta’ dekadenza prevista fl-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura li l-partijiet iridu jagħtu r-raġunijiet għad-dewmien fil-produzzjoni jew fil-proposta ta’ provi ġodda tagħhom (sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2008, Angé Serrano et vs Il‑Parlament, T‑47/05, EU:T:2008:384, punt 54) u li l-qorti tal-Unjoni għandha s-setgħa li tirrevedi l-mertu tar-raġunijiet għad-dewmien fil-produzzjoni jew fil-proposta ta’ dawk il-provi u, skont il-każ, il-kontenut tagħhom kif ukoll, jekk din il-produzzjoni tardiva ma tkunx iġġustifikata biżżejjed fid-dritt jew fondata, is-setgħa li twarrabhom (sentenzi tal‑14 ta’ April 2005, Gaki-Kakouri vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑243/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2005:238, punt 33, u tat‑18 ta’ Settembru 2008, Angé Serrano et vs Il‑Parlament, T‑47/05, EU:T:2008:384, punt 56).

77      Diġà ġie deċiż li l-produzzjoni jew il-proposta tardiva ta’ provi, minn parti, tista’ tkun iġġustifikata jekk din il-parti ma setgħetx ikollha l-provi inkwistjoni qabel jew jekk il-produzzjoni tardiva tal-parti l-oħra tiġġustifika li l-proċess jiġi kkompletat b’mod li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju (sentenzi tal‑14 ta’ April 2005, Gaki-Kakouri vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑243/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2005:238, punt 32, u tat‑18 ta’ Settembru 2008, Angé Serrano et vs Il‑Parlament, T‑47/05, EU:T:2008:384, punt 55).

78      F’dan il-każ, ir-rikorrenti pproduċiet ċertu numru ta’ provi insostenn tat-talba għal kumpens għall-allegat dannu morali, fl-Anness R.1 tar-replika, mingħajr ġustifikazzjoni preċiża dwar id-dewmien fil-produzzjoni tagħhom.

79      Inkwantu fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 43 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti invokat li l-Anness R.1 tar-replika kien jinkludi provi addizzjonali ta’ fatti li kienu diġà stabbiliti sew fir-rikors, din il-ġustifikazzjoni għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva, peress li s-sempliċi ċirkustanza li l-fatti kienu diġà ġew murija ma ġġustifikax il-produzzjoni tardiva ta’ provi ġodda.

80      Inkwantu, f’dawn l-istess tweġibiet, hija sostniet li l-Anness R.1 tar-replika kien jinkludi provi meħtieġa sabiex tikkonfuta l-argumenti invokati mill-Kunsill fir-risposta, għandu jiġi rrilevat li l-elementi li jinsabu fl-anness ġew prodotti biss sabiex jiġu stabbiliti, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 70 iktar ’il fuq, ir-realtà u l-portata tad-dannu morali allegat, kif kien ġie kkalkolat fir-rikors, u mhux sabiex tinnega provi li ġew prodotti mill-Kunsill bħala anness għar-risposta. Il-fatt li, f’din ir-risposta, il-Kunsill sostna li r-rikorrenti ma wrietx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, ir-realtà u l-portata tad-dannu allegatament imġarrab ma jistax jiġi analizzat bħala prova kuntrarja, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, u ma jippermettix li l-provi li jidhru fl-Anness R.1 tar-replika jitqiesu bħala estensjoni tal-offerta ta’ provi prodotta wara prova kuntrarja u lanqas li jiġi kkunsidrat li l-produzzjoni tardiva ta’ dawn l-elementi kienet b’hekk iġġustifikata min-neċessità li tingħata risposta għall-argumenti tal-Kunsill u li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

81      Minn dan isegwi li l-provi prodotti fl-Anness R.1 tar-replika għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli u għalhekk mhux se jiġu kkunsidrati fl-istadju tal-eżami tal-mertu tar-rikors.

 Fuq il-mertu

82      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, “[f]il-każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”. Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE għal aġir illegali tal-korpi tagħha hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-imġieba li hija akkużata biha l-istituzzjoni, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imġieba tal-istituzzjoni u d-dannu allegat (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑351/03, EU:T:2007:212, punt 113, u tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986,punt 47).

83      Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li t-tliet kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma ssodisfatti f’dan il-każ.

84      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li dan ir-rikors jiġi miċħud bħala infondat, għar-raġuni li r-rikorrenti ma ressqitx il-prova, li l-oneru tagħha jaqa’ fuqha, li l-kundizzjonijiet kollha sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huma, f’dan il-każ, ssodisfatti.

85      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, kif diġà elenkati fil-punt 82 iktar ’il fuq, huma kumulattivi (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2010, Fahas vs Il‑Kunsill, T‑49/07, EU:T:2010:499, punti 92 u 93, u d-digriet tas‑17 ta’ Frar 2012, Dagher vs Il‑Kunsill, T‑218/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:82, punt 34). Minn dan isegwi li, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jkun miċħud kollu kemm hu (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE, T‑436/09, EU:T:2011:634, punt 193).

86      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, f’dan il-każ, jekk ir-rikorrenti ressqitx il-prova, li l-oneru tagħha jaqa’ fuqha, tal-illegalità tal-aġir li bih hija takkuża lill-Kunsill, jiġifieri l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, tar-realtà tad-dannu morali li hija tallega li subiet u tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn din l-adozzjoni u d-dannu invokat minnha.

 Fuq l-allegata illegalità

87      Ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir ta’ istituzzjoni hija ssodisfatta, peress li l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju, mill-Kunsill, ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, li, skont il-ġurisprudenza, fis-sens tal-ġurisprudenza, iqajjem ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

88      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-inklużjoni u ż-żamma ta’ isimha fil-listi kontenzjużi b’applikazzjoni tal-atti kontenzjużi, huma manifestament illegali, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Post Bank Iran vs Il‑Kunsill (T‑13/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:402). Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet legali li allegatament inkisru f’dan il-każ huma intiżi b’mod partikolari sabiex jipproteġu l-interessi tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati, li lilhom huma jagħtu drittijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punti 57 u 58).

89      Skont ir-rikorrenti, il-fatt, għall-Kunsill, li jinkludi jew li jżomm l-isem ta’ persuna speċifika fil-listi, minkejja l-fatt li ma għandux informazzjoni jew provi li jistabbilixxu, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, il-fondatezza tal-miżuri restrittivi adottati, jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punti 59, 63 u 68) F’dan il-każ, il-Kunsill adotta l-atti kontenzjużi li permezz tal-effett tagħhom, bejn Lulju 2010 u Novembru 2013, kienu ttieħdu miżuri restrittivi fil-konfront tagħha, mingħajr l-iċken prova tal-aġir imputat lilha.

90      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li l-Kunsill ma jistax jippretendi li d-dispożizzjonijiet miksura kienu vagi, ambigwi jew mhux ċari, peress li, fil-mument fejn l-atti kontenzjużi ġew adottati, kien ċar li l-Kunsill kellu jressaq provi insostenn tal-miżuri restrittivi li kien qed jieħu.

91      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, ma jikkontestax l-illegalità tal-atti kontenzjużi, iżda jqis li din ma hijiex ta’ natura li tqajjem ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, inkwantu ma tikkostitwixxix ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi. Tali ksur seta’ jiġi stabbilit biss kieku ġie pprovat, skont il-ġurisprudenza, li l-Kunsill kiser serjament u manifestament il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li ma kienx il-każ f’dan il-każ.

92      Fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Post Bank Iran vs Il‑Kunsill (T‑13/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:402), il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-illegalità tal-atti kontenzjużi.

93      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali, il-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ att ġuridiku, tkun kemm tkun ċensurabbli din l-illegalità, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni tal-applikazzjoni tar-responsabbiltà tal-Komunità li tikkonċerna l-illegalità tal-aġir attribwit lill-istituzzjonijiet hija ssodisfatta (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2003, Dole Fresh Fruit International vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, T‑56/00, EU:T:2003:58, punti 72 sa 75, u tat‑23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il‑Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 31). L-annullament possibbli ta’ att jew ta’ diversi atti tal-Kunsill li jkunu taw lok għad-danni invokati mir-rikorrenti, anki meta tali annullament ikun deċiż minn sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija qabel ma jiġi ppreżentat rikors għad-danni, ma jikkostitwixxix il-prova inkonfutabbli ta’ ksur suffiċjentement serju min-naħa ta’ din l-istituzzjoni, li jippermetti li tiġi kkonstatata, ipso jure, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, HTTS vs Il‑Kunsill, T‑692/15, taħt appell, EU:T:2017:890, punt 48).

94      Il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ aġir illegali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni teħtieġ il-ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      L-eżiġenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi għandha l-għan, tkun liema tkun in-natura tal-att illegali inkwistjoni, li tevita li r-riskju ta’ ħlas tad-danni allegati mill-impriżi kkonċernati jostakola l-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li teżerċita b’mod sħiħ il-kompetenzi tagħha fl-interess ġenerali, kemm fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ natura leġiżlattiva jew li timplika għażliet ta’ politika ekonomika kif ukoll fl-isfera tal-kompetenza amministrattiva tagħha, mingħajr madankollu ma tattribwixxi lil individwi r-responsabbiltà tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u li ma humiex skużabbli (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il‑Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 51).

96      Wara li jiġu identifikati d-dispożizzjonijiet legali li l-ksur tagħhom huwa invokat, f’dan il-każ, mir-rikorrenti, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi u, it-tieni nett, jekk il-Kunsill wettaqx ksur suffiċjentement serju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

–       Fuq id-dispożizzjonijiet legali li l-ksur tagħhom huwa invokat

97      Matul is-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreċiżat, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet legali li l-ksur tagħhom ġie kkonstatat fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Post Bank Iran vs Il‑Kunsill (T‑13/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:402), li hija kienet qed tirreferi biss għall-konstatazzjoni, fil-punti 133 u 134 tal-imsemmija sentenza, li, inkwantu dawn kienu japplikaw il-kriterju tal-“għajnuna” mogħtija lil persuna jew entità li isimha kien inkluż fil-listi sabiex tikser miżuri restrittivi jew sabiex tevitahom, l-atti kontenzjużi ma kinux fondati, peress li huma ma kinux sostnuti bi provi u li kienu jikkostitwixxu ksur, essenzjalment, tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, tal-Artikolu 16(2)(b) tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2)(b) tar-Regolament Nru 267/2012.

–       Fuq il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet legali li l-ksur tagħhom huwa invokat għandhomx l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi

98      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu, b’mod limitattiv, il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu adottati miżuri restrittivi essenzjalment għandhom l-għan li jipproteġu l-interessi individwali ta’ persuni u ta’ entitajiet li jistgħu jkunu kkonċernati minn dawn il-miżuri, billi jillimitaw il-każijiet li fihom tali miżuri jistgħu jiġu applikati legalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 57; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il‑Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 51).

99      Dawn l-istess dispożizzjonijiet jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi individwali ta’ persuni u ta’ entitajiet li jistgħu jkunu kkonċernati minn miżuri restrittivi u li, għalhekk, huma meqjusa bħala dispożizzjonijiet legali intiżi sabiex jagħtu drittijiet lill-individwi. Jekk il-kundizzjonijiet fundamentali ma jkunux issodisfatti, il-persuna jew l-entità kkonċernata għandha fil-fatt id-dritt li ma jiġux imposti fuqha miżuri restrittivi. Tali dritt jimplika neċessarjament li l-persuna jew l-entità li fuqha l-miżuri restrittivi huma imposti taħt kundizzjonijiet li ma humiex koperti mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni tista’ titlob kumpens minħabba fil-ħsara kkawżata minn dawn il-miżuri, jekk ikun jidher li l-impożizzjoni tagħhom hija bbażata fuq ksur suffiċjentement serju tar-regoli sostantivi applikati mill-Kunsill (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 58; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il‑Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Minn dan isegwi li r-regoli li l-ksur tagħhom huwa invokat, f’dan il-każ, mir-rikorrenti huma dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lil individwi fosthom ir-rikorrenti, bħala persuna kkonċernata mill-atti kontenzjużi.

–       Fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-Kunsill wettaqx ksur suffiċjentement serju tad-dispożizzjonijiet legali li l-ksur tagħhom huwa invokat

101    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża li l-ksur ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi seta’ jitqies li huwa suffiċjentement serju meta dan jimplika ksur manifest u gravi, mill-istituzzjoni kkonċernata, tal-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha, u l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-livell ta’ ċarezza u preċiżjoni tad-dispożizzjoni miksura u l-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li d-dispożizzjoni miksura tħalli lill-awtorità tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Skont il-ġurisprudenza, meta din l-awtorità jkollha biss marġni diskrezzjonali kunsiderevolment ridott, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il‑Kunsill, T‑47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punt 235 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Jirriżulta fl-aħħar nett mill-ġurisprudenza li, fi kwalunkwe każ, ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa manifestament gravi meta jibqa’ jeżisti minkejja li tkun ingħatat sentenza li tikkonstata n-nuqqas allegat, sentenza preliminari jew ġurisprudenza stabbilita sew mill-qorti tal-Unjoni fil-qasam, li minnhom tirriżulta n-natura illegali tal-aġir inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Meta l-Kunsill adotta l-atti kkontestati, jiġifieri bejn il‑25 ta’ Ottubru 2010 u t‑23 ta’ Marzu 2012, kien diġà jirriżulta b’mod ċar u preċiż mill-ġurisprudenza li, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-Kunsill kellu jipprovdi l-informazzjoni u l-provi li jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-“appoġġ” sabiex jiksru miżuri restrittivi jew sabiex jevitawhom, stabbilit fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, fl-Artikolu 16(2)(b) tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Artikolu 23(2)(b) tar-Regolament Nru 267/2012, kienu ssodisfatti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet ġiet imsejħa tikkonstata, billi bbażat ruħha fuq ġurisprudenza preċedenti għall-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, li l-obbligu tal-Kunsill li jipprovdi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, l-informazzjoni jew il-provi li jsostnu l-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità kien jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punti 35 sa 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Barra minn hekk u inkwantu l-obbligu tal-Kunsill li jivverifika u li jistabbilixxi l-fondatezza tal-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri huwa ddettat mir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-persuna jew tal-entità kkonċernata u, b’mod partikolari, għad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, dan ma għandux marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward (sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Jannatian vs Il‑Kunsill, T‑328/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:86, punt 52; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punti 59 sa 61). Għalhekk, f’dan il-każ, il-Kunsill ma kellu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu.

106    Għaldaqstant, billi ma osservax l-obbligu tiegħu li jissostanzja l-atti kontenzjużi, il-Kunsill wettaq, f’dan il-każ, ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lil individwu, jiġifieri lir-rikorrenti.

107    Konsegwentement, il-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir li huwa akkużat bih il-Kunsill, jiġifieri l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, hija ssodisfatta fir-rigward tad-dispożizzjonijiet legali invokati mir-rikorrenti, li l-ksur tagħhom huwa kkonstatat fil-punti 133 u 134 tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Post Bank Iran vs Il‑Kunsill (T‑13/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:402).

 Fuq id-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir illegali u dan id-dannu

108    Ir-rikorrenti tallega li wriet in-natura reali u ċerta tad-dannu morali li hija ġarrbet minħabba l-atti kontenzjużi. Ir-rikorrenti ssostni li l-atti kontenzjużi, inkwantu dawn affettwaw ir-reputazzjoni tagħha, ikkawżawlha dannu morali sinjifikattiv, li l-ammont tiegħu hija stmatu ex aequo et bono għal EUR 1 miljun, kif diġà kienet indikat fl-ittra tagħha tal‑25 ta’ Lulju 2015 lill-Kunsill. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li, f’sitwazzjoni simili, il-qorti tal-Unjoni diġà kkonstatat u kkumpensat id-dannu morali ta’ kumpannija għal dannu għar-reputazzjoni tagħha (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punti 80 u 83).

109    Għall-kuntrarju ta’ dak li sostna l-Kunsill fuq il-bażi ta’ sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), jiġifieri s-sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Lulju 2011, Uj vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2011:0719JUD 002395410), ir-rikorrenti tqis li l-kumpanniji għandhom dimensjoni morali u jistgħu jġarrbu dannu morali, pereżempju wara dannu għar-reputazzjoni tagħhom u għall-kapaċità tagħhom li jwettqu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom. Ir-riferiment magħmul mill-Kunsill għal din is-sentenza tal-Qorti EDB ma huwiex xieraq, għax din teżamina l-protezzjoni tar-reputazzjoni biss fir-rigward tar-restrizzjonijiet li jistgħu jsiru fuq il-libertà ta’ espressjoni. Iż-żamma ta’ reputazzjoni tajba huwa element partikolarment importanti fis-suq tal-assigurazzjoni li hija topera fih, peress li dan is-suq huwa bbażat fuq relazzjonijiet ta’ fiduċja bejn l-operaturi. Ir-rikorrenti ssostni li, qabel l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, hija kienet tgawdi minn reputazzjoni tajba fuq livell internazzjonali, kif jixhed il-fatt li hija kienet teżerċita attivitajiet bankarji f’dan il-livell. Barra minn hekk, hija għamlet investimenti kunsiderevoli fir-reklamar tas-servizzi internazzjonali tagħha, fl-Iran, sabiex tagħti dehra ta’ operatur finanzjarju internazzjonali. L-atti kontenzjużi, li assoċjaw isimha ma’ theddida serja għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali u wasslu għat-tmiem mhux intenzjonat tal-attivitajiet tagħha fl-Unjoni, affettwaw ħażin ir-reputazzjoni tagħha. L-irkupru tar-relazzjonijiet mas-sħab professjonali tas-settur, bħas-Society for Worldwide Interbank Financial Telecommunication (SWIFT), u mal-klijenti antiki tagħha fis-suq finanzjarju internazzjonali jiswa ħafna flus. Fi kwalunkwe każ, fis-settur kummerċjali, malli operatur iwaqqaf l-attivitajiet tiegħu involontarjament, il-ħsara għar-reputazzjoni u l-kredibbiltà tiegħu hija ovvja u inevitabbli. Sabiex tirrestawra r-reputazzjoni tagħha, ikollha bżonn tagħmel kampanja pubbliċitarja globali, li l-ispiża stmata tagħha hija ta’ 45 miljun dollaru Amerikan (USD) (madwar EUR 38.7 miljun). Peress li din għadha ma evalwatx preċiżament l-ispejjeż għall-istabbiliment mill-ġdid tar-reputazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’, fil-kuntest ta’ miżura istruttorja, taħtar espert indipendenti sabiex iwettaq din l-evalwazzjoni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li ma huwiex neċessarju li turi li hija ġarrbet xi spejjeż, b’mod partikolari għar-reklamar, sabiex tirrestawra r-reputazzjoni tagħha. Huwa biżżejjed li tinvoka l-eżistenza ta’ dannu għar-reputazzjoni tagħha, li r-restawr tagħha jinvolvi nefqa sinjifikattiva.

110    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqis li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ dannu ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ. L-atti kontenzjużi ma kinux pieni kriminali imposti fuq ir-rikorrenti u ma kellhomx l-għan li jikkawżawlha dannu. Kellhom biss l-għan li jiskoraġġixxu l-proliferazzjoni nukleari. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma ġietx stigmatizzata bħala organizzazzjoni li tikkostitwixxi, bħala tali, theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali u li, barra minn hekk, hija ma ressqet ebda prova f’dan is-sens. Hija ġiet identifikata biss bħala persuna li ffaċilitat negozju relatat mal-proliferazzjoni nukleari, li kien biżżejjed sabiex jiġġustifika l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi. Ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova li turi li hija ġarrbet dannu morali minħabba l-adozzjoni tal-imsemmija atti, kif teħtieġ il-ġurisprudenza. Xejn ma juri li hija kienet tgawdi minn reputazzjoni tajba fil-livell internazzjonali, li ġarrbet lucrum cessans minħabba d-dannu għal din ir-reputazzjoni u li għamlet spejjeż f’kampanji ta’ reklamar jew oħrajn sabiex tirrestawra din l-istess reputazzjoni. L-artiklu tal-istampa prodott bħala anness mar-rikors, dwar l-ispiża stmata ta’ kampanja pubbliċitarja globali, huwa irrilevanti, peress li jikkonċerna kumpannija mingħajr rabta mar-rikorrenti, li topera f’settur ta’ attività u kontinent differenti minn dawk li fihom hija attiva hi, u mingħajr rabta mal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni. L-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jinsabu fir-risposta ma jipprovawx l-eżistenza ta’ dannu għar-reputazzjoni tagħha, b’mod partikolari barra mill-Iran, u, għalhekk, ta’ dannu morali li huwa marbut miegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tat ebda spjegazzjoni jew prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha li l-irkupru tar-relazzjonijiet tagħha ma’ SWIFT ser jiswa ħafna flus. Fi kwalunkwe każ, bħalma kkonstatat il-Qorti EDB fil-punt 22 tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2011, Uj vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2011:0719JUD 002395410), hemm distinzjoni bejn id-dannu għar-reputazzjoni kummerċjali ta’ kumpannija u d-dannu għar-reputazzjoni ta’ persuna fir-rigward tal-istatus soċjali tagħha, peress li tal-ewwel ma għandhiex dimensjoni morali. Il-Qorti Ġenerali stess għamlet riferiment għal din il-ġurisprudenza f’kawża li tirrigwarda miżuri restrittivi (sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Akhras vs Il‑Kunsill, T‑579/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:97, punt 152). Ir-rikorrenti qed tipprova tevita l-obbligu tagħha li tipprova l-eżistenza tad-dannu li hija qed tallega u li tikkwantifikah, billi titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex taħtar espert fil-kuntest ta’ miżura struttorja. Kieku l-Qorti Ġenerali kellha tqis li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija invokata, għandha tikkunsidra, skont il-ġurisprudenza, li l-annullament tal-atti kontenzjużi kien jikkostitwixxi kumpens adegwat għad-dannu morali imġarrab mir-rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, l-ammont ta’ EUR 1 miljun mitlub mir-rikorrenti bħala kumpens għad-dannu morali li hija ġarrbet huwa eċċessiv, fid-dawl tal-ġurisprudenza, u mhux issostanzjat.

111    Il-Kummissjoni żżid li t-tip ta’ dannu morali invokat mir-rikorrenti, jiġifieri l-ispiża ta’ kampanja pubbliċitarja sabiex terġa’ tistabbilixxi l-immaġni tagħha, jikkoinċidi ma’ dannu materjali, li tiegħu għandha tagħti prova tan-natura reali u konkreta.

112    F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni tar-realtà tad-dannu, skont il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 1982, De Franceschi vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 51/81, EU:C:1982:20, punt 9; tat‑13 ta’ Novembru 1984, Birra Wührer et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80, 5/81, 51/81 u 282/82, EU:C:1984:341, punt 9, u tas‑16 ta’ Jannar 1996, Candiotte vs Il‑Kunsill, T‑108/94, EU:T:1996:5, punt 54), ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tista tiġi biss invokata jekk ir-rikorrent ikun effettivament ġarrab dannu reali u ċert. Huwa l-obbligu tar-rikorrent li jipprova li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il‑Kummissjoni, C‑243/05 P, EU:C:2006:708, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, b’mod iktar partikolari, li jipproduċi provi konklużivi kemm dwar l-eżistenza kif ukoll dwar il-portata tad-dannu (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 1997, Blackspur et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑362/95 P, EU:C:1997:401, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    B’mod iktar speċifiku, talba għal kumpens għal dannu, materjali jew morali, b’mod simboliku jew għall-ksib ta’ kumpens sostanzjali, għandha tippreċiża n-natura tad-dannu allegat fir-rigward tal-aġir ikkontestat u, anki b’mod approssimattiv, l-evalwazzjoni globali ta’ dan id-dannu (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Sabbagh vs Il‑Kunsill, T‑652/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:112, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    Bħala kumpens għad-dannu li hija tikkwalifika bħala “morali”, ir-rikorrenti tirreferi għal dannu għar-reputazzjoni tagħha minħabba li isimha huwa assoċjat ma’ theddida serja għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, li hija effettivament żvelata mill-fatt li l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi affettwa l-aġir ta’ terzi fil-konfront tagħha u li l-portata tiegħu jista’ jitkejjel skont l-ispiża tal-investiment pubbliċitarju li jkollha tagħmel sabiex tirrestawra din l-immaġni.

115    Id-dannu li għalih ir-rikorrenti qed titlob kumpens, fir-rigward ta’ dannu morali, huwa ta’ natura immaterjali u jikkorrispondi għal dannu għall-immaġni jew għar-reputazzjoni tagħha.

116    Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, li dannu morali jista’, bħala prinċipju jiġi kkumpensat fir-rigward ta’ persuna ġuridika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il‑Kummissjoni, T‑230/95, EU:T:1999:11, punt 37, u tal‑15 ta’ Ottubru 2008, Camar vs Il‑Kummissjoni, T‑457/04 u T‑223/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:439, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li dan id-dannu jista’ jieħu l-forma ta’ dannu għall-immaġni jew għar-reputazzjoni tal-imsemmija persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 1999, New Europe Consulting u Brown vs Il‑Kummissjoni, T‑231/97, EU:T:1999:146, punti 53 u 69; tat‑8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il‑Kummissjoni, T‑88/09, EU:T:2011:641, punti 70 sa 76, u tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punti 80 sa 85).

117    Inkwantu l-Kunsill għandu l-intenzjoni li jinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, għandu jitfakkar li din ma teskludix, fid-dawl tal-ġurisprudenza tagħha stess u fid-dawl ta’ din il-prattika, li jista’ jkun hemm, anki għal kumpannija kummerċjali, dannu mhux materjali li jitlob kumpens finanzjarju, għalkemm tali kumpens jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża (Qorti EDB, 6 ta’ April 2000, Comingersoll S.A. vs Il‑Portugall, CE:ECHR:2000:0406JUD 003538297, punti 32 u 35). Dan id-dannu jista’ jinkludi, għal tali kumpannija, elementi xi ftit jew wisq “oġġettivi” u “suġġettivi”, fosthom ir-reputazzjoni tal-kumpannija, li l-konsegwenzi tagħhom ma jistgħux jiġu kkalkolati eżattament (Qorti EDB, 6 ta’ April 2000, Comingersoll S.A. vs Il‑Portugall, CE:ECHR:2000:0406JUD 003538297, punt 35). Kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ Frar 2016, Magyar Tartalomszolgáltatók Egyesülete u index.hu Zrt vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2016:0202JUD 002294713, punt 84), din il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma ġietx ikkontestata mis-sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Lulju 2011, Uj vs L-Ungerija (CE:ECHR:2011:0719JUD 002395410), iċċitata mill-Kunsill, li sempliċiment speċifikat li tali dannu, għal kumpannija, kien ta’ natura kummerċjali iktar milli morali.

118    Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda kemm l-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu li d-dannu morali allegatament imġarrab mir-rikorrenti huwa dannu materjali kif ukoll l-argument tal-Kunsill li r-rikorrenti, bħala kumpannija kummerċjali, ma tistax tiġi kkumpensata għal dannu morali li jikkorrispondi għal dannu kontra r-reputazzjoni tagħha.

119    F’dak li jirrigwarda r-realtà tad-dannu morali allegatament imġarrab, għandu jitfakkar li, fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ tali dannu, għalkemm il-produzzjoni jew il-proposta ta’ provi ma hijiex neċessarjament meqjusa bħala kundizzjoni għar-rikonoxximent ta’ tali dannu, madankollu hija tal-inqas ir-responsabbiltà tar-rikorrenti li tistabbilixxi li l-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni kkonċernata kien ta’ natura li kkawżalha tali dannu (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑297/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:888, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il‑Kummissjoni, T‑230/95, EU:T:1999:11, punt 39).

120    Barra minn hekk, għalkemm fis-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-annullament ta’ miżuri restrittivi illegali kien ta’ natura li jikkostitwixxi forma ta’ kumpens għad-dannu morali mġarrab, madankollu dan ma jfissirx li din il-forma ta’ kumpens hija neċessarjament suffiċjenti, fil-każijiet kollha, sabiex ikun żgurat kumpens sħiħ għal dan id-dannu, peress li kwalunkwe deċiżjoni f’dan ir-rigward għandha tittieħed abbażi ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fil-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 49).

121    F’dan il-każ, l-uniċi provi ammissibbli mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux madankollu li jiġi kkonstatat li r-rikonoxximent tal-illegalità tal-aġir attribwit lill-Kunsill u l-annullament tal-atti kontenzjużi ma kinux biżżejjed, bħala tali, sabiex jikkumpensaw id-dannu morali allegatament imġarrab minħabba d-dannu kkawżat mill-atti kkontestati għar-reputazzjoni tagħha.

122    Għalhekk u mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali, hemm lok li t-talba għal kumpens ta’ dannu morali magħmula mir-rikorrenti tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

123    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

124    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Post Bank Iran għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Valančius

Nihoul

Svenningsen

 

      Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Diċembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.