Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Novembru 2008 - Sun World International vs UASI - Kölla Hamburg Overseas Import (SUPERIOR SEEDLESS)

(Kawża T-493/08)

Lingwa tar-rikors: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Sun World International LLC (Bakersfiel, l-Istati Uniti) (rappreżentant: M. Holah, Solicitor)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Kölla Hamburg Overseas Import GmbH & Co. KG (Hamburg, il-Ġermanja)

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-3 ta' Settembru 2008 fil-Każ R 1378/2007-1; u

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: Is-sinjal verbali "SUPERIOR SEEDLESS" għal prodotti fil-klassi 31 - Trade mark Komunitarja rreġistrata bin-Nru 610 980

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: Ir-rikorrenti

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja: Il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: Invalidità parzjali tat-trade mark Komunitarja kkonċernata

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Ċaħda tal-appell

Motivi invokati: Ksur tal-Artikoli 7(3) u 51(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 peress li l-Bord tal-Appell: (i) identifika ħażin il-pubbliku rilevanti; (ii) żbalja meta rrifjuta li jippermetti rtirar tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja fir-rigward ta' wħud mill-prodotti fil-lista; (iii) għamel assunzjoni illegali bbażata fuq in-nuqqas ta' reġistrazzjoni fir-Renju Unit jew fl-Irlanda; u (iv) evalwa inkorrettament il-provi ppreżentati.

____________