Language of document :

Rikors ippreżentat fll-14 ta' Novembru 2008 - Ryanair vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-494/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: E. Vahida, I. Metaxas-Maragkidis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara, skont l-Artikoli 230 KE u 231 KE, li d-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni, li tirrifjuta aċċess lir-rikorrenti għad-dokumenti li għalihom kienet talbet aċċess permezz ta' applikazzjoni tal-25 ta' Ġunju 2008, hija vvizzjata b'nullità u li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Ottubru 2008, li tirrifjuta aċċess għall-istess dokumenti, hija ineżistenti;

sussidjarjament, tiddikjara, skont l-Artikoli 230 KE u 231 KE, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Ottubru 2008, li tirrifjuta aċċess lir-rikorrenti għad-dokumenti li għalihom kienet talbet aċċess permezz ta' applikazzjoni tal-25 ta' Ġunju 2008, hija vvizzjata b'nullità;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura; u

tagħti kwalunkwe ordni ulterjuri li l-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha xieraq.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li tiċħad l-applikazzjoni tagħha, skont ir-Regolament Nru 1049/20011, li permezz tagħha talbet aċċess għad-dokumenti dwar il-proċeduri fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-allegata għajnuna mill-Istat mogħtija permezz ta' ftehim mal-operatur tal-ajruport ta' Aarhus. Din id-deċiżjoni ġiet segwita mid-deċiżjoni espliċita tad-9 ta' Ottubru 2008. Ir-rikorrenti fil-kawża preżenti titlob, sussidjarjament, l-annullament tad-deċiżjoni espliċita.

Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut tal-Kummissjoni jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija tafferma, qabel kollox, li l-Kummissjoni wettqet exami ġenerali minnflok eżami individwali tad-dokumenti li għalihom hija talbet aċċess. Hija ssostni b'mod partikolari li l-Kummissjoni ma evalwatx suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi l-eżistenza ta' riskju preċiż, reali u prevedibbli li jiġu ppreġudikati l-interessi protetti previsti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi li l-iżvelar parzjali tad-dokumenti kien jippreġudika l-protezzjoni tal-pariri legali, l-għanijiet ta' investigazzjoni, jew il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni u, konsegwentement, kisret l-Artikolu 4(6) tar-Regolament, u li ma applikatx b'mod korrett il-prinċipju ta' proporzjonalità. Fl-aħħar, hija ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-kunsiderazzjonijiet ta' interess pubbliku fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll tad-dritt għal trasparenza u għal ftuħ, li tinvoka r-rikorrenti.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut għal aċċess impliċitu min-naħa tal-Kummissjoni u d-deċiżjoni ta' din tal-aħħar, tad-9 ta' Otturbu 2008, jiksru l-obbligu ta' motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001.

____________

1 - Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ĠU L 145, p. 43