Language of document : ECLI:EU:T:2024:216

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

10 ta’ April 2024 (*)

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni tal‑2022 – Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 – Żball ta’ liġi – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza”

Fil-Kawża T‑411/22,

Dexia, li kienet Dexia Crédit Local, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn H. Gilliams u J.‑M. Gollier, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn K.‑P. Wojcik, J. Kerlin u C. De Falco, bħala aġenti, assistiti minn H.‑G. Kamann, F. Louis u P. Gey, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Etienne, M. Menegatti u G. Bartram, bħala aġenti,

u minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. d’Ursel, J. Haunold u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov, President, G. De Baere, D. Petrlík (Relatur), K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑8 ta’ Frar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Dexia, li kienet Dexia Crédit Local, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni SRB/ES/2022/18 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal‑11 ta’ April 2022 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal‑2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tikkonċernaha.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti kienet istituzzjoni ta’ kreditu Franċiża.

3        Permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB stabbilixxa, konformement mal-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1), il-kontribuzzjonijiet ex ante lis-SRF (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjonijiet ex ante”), għall‑2022 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ kontribuzzjoni tal‑2022”), tal-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 67(4) ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet”), fosthom ir-rikorrenti.

4        Permezz ta’ avviż għall-ħlas tal‑25 ta’ April 2022, l-Autorité de contrôle prudentiel et de résolution (ACPR) (l-Awtorità ta’ Sorveljanza Prudenzjali u ta’ Riżoluzzjoni, Franza), fil-kwalità tagħha ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, ordnat lir-rikorrenti tħallas il-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni tal‑2022, kif kien ġie stabbilit mis-SRB.

 IdDeċiżjoni kkontestata

5        Id-Deċiżjoni kkontestata tinkludi parti prinċipali li hija akkumpanjata minn tliet annessi.

6        Il-parti prinċipali tad-Deċiżjoni kkontestata tiddeskrivi l-proċess ta’ determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni tal‑2022, li huwa applikabbli għall-istituzzjonijiet kollha.

7        Għal dan l-għan, qabelxejn, is-SRB fakkar, fit-Taqsima 5 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, fi tmiem il-perijodu inizjali ta’ tmien snin mill‑1 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inizjali”), il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF kellhom jilħqu livell fil-mira (iktar ’il quddiem il-“livell fil-mira finali”) ta’ mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti (iktar ’il quddiem id-“depożiti koperti”) tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fl-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri parteċipanti”).

8        Imbagħad, fit-Taqsima 5 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB iddetermina l-livell fil-mira annwali, imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad‑19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1), għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni tal‑2022 (iktar ’il quddiem il-“livell fil-mira annwali”). F’dan ir-rigward, is-SRB ippreċiża li kien ħa inkunsiderazzjoni l-elementi previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji dwar il-kalkolu relatat ta’ kontribuzzjonijiet ex-ante, u dwar iċ-ċirkostanzi u l-kondizzjonijiet li taħthom il-pagament ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista’ jkun parzjalment jew kompletament differit (ĠU 2017, L 113, p. 2).

9        Barra minn hekk, is-SRB spjega li huwa kien stabbilixxa l-livell fil-mira annwali għal wieħed minn tmienja ta’ 1.6 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha fl‑2021, kif kien inkiseb abbażi tad-data kkomunikata mill-iskemi ta’ garanzija għal depożiti konformement mal-Artikolu 16 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

10      Fit-Taqsima 6 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB iddeskriva l-metodu li għandu jiġi segwit għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni tal‑2022.

11      Fit-Taqsima 6 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega wkoll li l-istituzzjonijiet, minbarra dawk li kienu jħallsu kontribuzzjoni f’daqqa fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tagħhom, kellhom iħallsu kontribuzzjoni ex ante aġġustata għall-profil tar-riskju tagħhom, li huwa kien stabbilixxa billi segwa l-fażijiet prinċipali li ġejjin.

12      Fl-ewwel fażi, is-SRB ikkalkola, konformement mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ kull istituzzjoni, li hija proporzjonali għall-ammont tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni kkonċernata, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti (iktar ’il quddiem l-“obbligazzjonijiet netti”), fir-rigward tal-obbligazzjonijiet netti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha. Konformement mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, is-SRB naqqas ċerti tipi ta’ obbligazzjonijiet mill-obbligazzjonijiet netti tal-istituzzjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni.

13      Fit-tieni fażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante, is-SRB wettaq aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali bażika skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni kkonċernata, konformement mal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

14      Is-SRB ikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni billi alloka l-livell fil-mira annwali bejn l-istituzzjonijiet kollha abbażi tal-proporzjon ibbażat fuq il-kontribuzzjoni annwali bażika aġġustata skont il-profil tar-riskju.

 Ittalbiet talpartijiet

15      Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

16      Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, iżżomm l-effetti tagħha sakemm tiġi ssostitwita jew, tal-inqas, għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha s-sentenza tkun saret definittiva;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

17      Il-Parlament Ewropew jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors sa fejn huwa bbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament Nru 806/2014 imqajma fir-raba’ u fil-ħames motiv;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

18      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

19      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati:

–        l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 69(2) u tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014;

–        it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament mir-Regolament Delegat 2015/63;

–        it-tielet wieħed, sussidjarjament, fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament mid-Deċiżjoni kkontestata;

–        ir-raba’ wieħed, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 5, 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 sa fejn l-Artikolu 114 TFUE jikkostitwixxi bażi legali inadegwata għal dawn id-dispożizzjonijiet;

–        il-ħames wieħed, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 minħabba l-allegata natura fiskali tal-kontribuzzjonijiet ex ante li tqiegħed inkwistjoni l-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 69(2) u talArtikolu 70(2) tarRegolament Nru 806/2014

20      L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq żewġ ilmenti, li huma bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 70(2) ta’ dan ir-regolament.

21      Qabelxejn għandu jiġi eżaminat it-tieni lment.

22      Permezz tiegħu, ir-rikorrenti ssostni li, billi stabbilixxa l-livell fil-mira annwali għal EUR 14 253 573 821.46, li jikkorrispondi għal wieħed minn tmienja ta’ 1.6 % tad-depożiti koperti fl‑2021, is-SRB evita, u għalhekk kiser, l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, li jobbligah jikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante individwali b’tali mod li l-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12.5 % tal-livell fil-mira finali (iktar ’il quddiem il-“limitu massimu ta’ 12.5 %”).

23      Is-SRB isostni, prinċipalment, li r-regola prevista mill-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, dwar in-nuqqas ta’ qbiż tal-limitu massimu ta’ 12.5 %, ma tapplikax matul il-perijodu inizjali. Fil-fehma tiegħu, ir-regola prevista fl-Artikolu 69(2) ta’ dan ir-regolament, li l-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu bl-iktar mod uniformi possibbli maż-żmien sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira, tipprevali fuq ir-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 70(2) tal-imsemmi regolament, peress li l-ewwel regola tikkostitwixxi lex specialis ratione temporis meta mqabbla mat-tieni rekwiżit li, min-naħa l-oħra, huwa biss lex generalis.

24      Sussidjarjament, is-SRB isostni, kif ippreċiża b’mod partikolari waqt is-seduta, li r-regola prevista mill-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, dwar in-nuqqas ta’ qbiż tal-limitu massimu ta’ 12.5 %, ma hijiex assoluta. Fil-fehma tiegħu, huwa impossibbli li din ir-regola tiġi applikata simultanjament mar-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 69(1) ta’ dan ir-regolament li jobbligah jiggarantixxi li s-SRF jilħaq il-livell fil-mira finali tiegħu, ekwivalenti għal mill-inqas 1 % tad-depożiti koperti, fi tmiem il-perijodu inizjali. Din l-impossibbiltà hija prinċipalment dovuta għan-natura dinamika tal-livell fil-mira finali fis-sens li dan tal-aħħar jista’ jiżdied matul il-perijodu inizjali. Għalhekk, fil-każ ta’ żieda tad-depożiti koperti, li tirriżulta f’żieda tal-livell fil-mira finali, u ta’ sottovalutazzjoni mis-SRB tal-ammont ta’ dan il-livell fil-mira fil-bidu tal-perijodu inizjali, l-applikazzjoni letterali tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 tipprekludi lis-SRB milli jwettaq kull aġġustament ulterjuri tal-mezzi finanzjarji li għandhom jinġabru mis-SRF sabiex jikkumpensa għal din is-sottovalutazzjoni. Issa, ikun diffiċli, jew saħansitra impossibbli, għas-SRB li jipprevedi b’eżattezza liema ser ikun il-livell fil-mira finali, minħabba l-kwistjonijiet li jistgħu jseħħu matul il-perijodu inizjali, li jaffettwaw l-iżvilupp tal-ammont tad-depożiti koperti. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-għan ta’ interess ġenerali msemmi mis-SRF, jiġifieri li jikkontribwixxi għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Ewropea, is-SRB kellu jagħti l-prijorità lill-għan intiż li jintlaħaq il-livell fil-mira finali fi tmiem il-perijodu inizjali, b’tali mod li r-rekwiżit previst mill-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 għandu jiġi injorat jew interpretat b’mod flessibbli.

25      F’dan ir-rigward, barra minn hekk, is-SRB isostni li kieku r-regola dwar in-nuqqas ta’ qbiż tal-limitu massimu ta’ 12.5 % li hija prevista fl-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 kienet applikabbli matul il-perijodu inizjali u kieku kellha tiġi applikata b’mod strett, ikun impossibbli għalih li josserva l-Artikolu 69(2) tal-imsemmi regolament, li jeħtieġ, minn naħa, li l-kontribuzzjonijiet ex ante jitqassmu bl-iktar mod uniformi possibbli maż-żmien u, min-naħa l-oħra, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-effett li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sabiex tiġi riżolta t-tensjoni bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet ikkonċernati, il-limitu massimu ta’ 12.5 % għandu, b’mod partikolari, jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż biss sabiex jikkonkretizza b’mod mhux vinkolanti r-rekwiżit li l-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu bl-iktar mod uniformi possibbli maż-żmien.

26      Il-Parlament u l-Kunsill iqisu li, kuntrarjament għal dak li jsostni prinċipalment is-SRB, ir-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 dwar in-nuqqas ta’ qbiż tal-limitu massimu ta’ 12.5 % japplika matul il-perijodu inizjali. Madankollu, huma jaqblu mal-pożizzjoni meħuda sussidjarjament mis-SRB li dan ir-rekwiżit ma huwiex assolut u għandu jinqara u jiġi applikat b’mod flessibbli fid-dawl tal-għan prinċipali li s-SRF għandu jilħaq il-livell fil-mira finali fi tmiem il-perijodu inizjali.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jiddisponi li, fi tmiem il-perijodu inizjali, il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF għandhom jilħqu l-livell fil-mira finali, li jikkorrispondi għal mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

28      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, matul il-perijodu inizjali, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu b’mod uniformi kemm jista’ jkun maż-żmien sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali msemmi fil-punt 27 iktar ’il fuq, iżda billi tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet.

29      Sussegwentement, l-ewwel subparagrafu ta-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li, “[k]ull sena, [is-SRB] għandu jikkalkula l-kontribuzzjonijiet nazzjonali biex jiżgura li l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12,5 % tal-livell fil-mira”. Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) ta’ dan ir-regolament iżid li, “[f]i kwalunkwe każ, l-ammont aggregat ta’ kontribuzzjonijiet individwali mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha […] ma għandux jaqbeż annwalment it‑12,5 % tal-livell fil-mira”.

30      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tar-rekwiżit tal-limitu ta’ 12.5 % previst fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li dan kien intiż li japplika matul il-perijodu inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB, T‑758/18, EU:T:2021:28, punti 68, 69 u 100).

31      Dan jirriżulta, qabelxejn, mill-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprevedi li, “[m]atul il-perijodu inizjali”, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jiġu kkalkolati “skont l-Artikolu 70” ta’ dan ir-regolament, peress li tali riferiment jindika, mingħajr ambigwità, li r-rekwiżiti kollha previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni, inkluża dik prevista fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu, japplikaw matul il-perijodu inizjali.

32      Sussegwentement, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jippreċiża li s-SRB għandu josserva r-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 % “[k]ull sena”, mingħajr bl-ebda mod ma jillimita l-applikazzjoni tiegħu ratione temporis għall-perijodu ta’ wara l-perijodu inizjali.

33      Bl-istess mod, l-ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 806/2014 ma tindika li r-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 % ma japplikax matul il-perijodu inizjali jew li s-SRB jista’ jidderoga minnu matul dan il-perijodu.

34      Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni li tgħid li l-imsemmi rekwiżit japplika matul il-perijodu inizjali hija kkonfermata mill-oriġini tar-Regolament Nru 806/2014.

35      Fil-fatt, mill-punt 4.3.2 tal-espożizzjoni tal-motivi u mill-Artikolu 65(1) tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea COM(2013) 520 final tal‑10 ta’ Lulju 2013 li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ipproponiet, fil-proposta leġiżlattiva tagħha, li l-perijodu inizjali għall-kostituzzjoni tas-SRF ikun mifrux fuq għaxar snin.

36      Matul l-istadji sussegwenti tal-proċedura leġiżlattiva, il-Kunsill kien ippropona, kif jirriżulta mid-dokument interistituzzjonali tas‑27 ta’ Marzu 2014 (8078/1/14 REV 1), li ġie diskuss fis-seduta, li l-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha jiġu limitati, kull sena, għal 10 % tal-livell fil-mira finali. Issa, meta l-Parlament u l-Kunsill qablu, matul il-proċedura leġiżlattiva, dwar it-tqassir tal-perijodu inizjali għal tmien snin, huma ddeċidew, fl-istess ħin, li jżidu għal 12.5 % il-limitu massimu previst fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

37      Minn dan isegwi, kif barra minn hekk ikkonferma l-Kunsill fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa rabta bejn in-numru ta’ snin inkluż fil-perijodu inizjali u l-perċentwali tal-limitu ffissat fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

38      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-limitu ta’ 12.5 %, previst fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 japplika matul il-perijodu inizjali.

39      Dan huwa barra minn hekk dak li s-SRB innifsu rrikonoxxa fil-punt 106 tal-Anness III tad-Deċiżjoni kkontestata, li jinkludi l-evalwazzjoni tiegħu tal-osservazzjonijiet tal-istituzzjonijiet li jipparteċipaw fil-konsultazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante lis-SRF għall‑2022, filwaqt li ppreċiża li, “[b]l-applikazzjoni [ta’] koeffiċjent għal [wieħed minn tmienja] tal-ammont totali tad-depożiti inkwistjoni, [huwa] josserva l-limitu massimu ta’ 12.5 %”.

40      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kontenut tar-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 %, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jiżgura li l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12.5 % tal-livell fil-mira finali, kif previst mill-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif jikkonferma x-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 806/2014, li l-Artikolu 69(1) ta’ dan ir-regolament huwa bbażat fuq approċċ dinamiku tal-livell fil-mira finali, fis-sens li dan tal-aħħar għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali. Fil-fatt, fil-punt 4.3.2 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta COM(2013) 520 final tagħha tal‑10 ta’ Lulju 2013, li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni spjegat li l-livell fil-mira finali jibqa’ dinamiku u li jiżdied jekk is-settur bankarju jiżviluppa.

42      In-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-ammont tad-depożiti koperti hija spjegata, barra minn hekk, mill-għan ta’ ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante, li huwa, b’mod partikolari, li jiġi ggarantit, skont loġika bbażata fuq l-assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti lis-SRM sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu, kif jirriżulta mill-premessa 41 tar-Regolament Nru 806/2014 (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113). L-għan tas-SRM huwa, b’mod partikolari, konformement mal-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, li min-naħa tiegħu tissaħħaħ l-istabbiltà tal-istabbilimenti fl-Istati Membri parteċipanti u li jiġi evitat it-tixrid ta’ kwalunkwe kriżi lill-Istati Membri mhux parteċipanti.

43      F’dan ir-rigward, mill-punt 4.3.2 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta COM(2013) 520 final jirriżulta li iktar ma d-daqs tas-settur bankarju jikber maż-żmien, iktar ikollhom jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-SRF. Stima ta’ dan id-daqs tippermetti għalhekk li jiġi previst l-ammont tal-mezzi finanzjarji li għandhom jiġu pprovduti lis-SRF sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jintuża, fil-każ ta’ kriżi li taffettwa s-settur bankarju, għall-finanzjament tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni u b’hekk tiġi żgurata l-applikazzjoni effikaċi tagħhom, konformement mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri fid-dawl tal-premessa 101 ta’ dan l-istess regolament.

44      Issa, fil-kuntest tal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel approċċ li l-ammont tad-depożiti koperti huwa intiż sabiex jiġi stmat id-daqs tas-settur bankarju u sabiex b’hekk jiġu kkalkolati r-riżorsi finanzjarji li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-SRF. Minn tali perspettiva, kwalunkwe żieda tal-ammont tad-depożiti koperti bejn il-bidu u t-tmiem tal-perijodu inizjali tirrifletti żieda fid-daqs tas-settur bankarju, li jimplika żieda fil-mezzi finanzjarji meħtieġa mis-SRF fi tmiem dan il-perijodu.

45      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ammont tal-livell fil-mira finali, li fir-rigward tiegħu japplika l-limitu massimu ta’ 12.5 %, għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti kif ser ikun fi tmiem il-perijodu inizjali, peress li dan l-ammont jista’ jkun magħruf b’ċertezza biss fl-aħħar ta’ dan il-perijodu.

46      Madankollu, sa fejn, skont l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014, il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante huwa sena finanzjarja li hija bbażata fuq id-definizzjoni ta’ livell fil-mira finali li għandu jintlaħaq fi tmiem il-perijodu inizjali, imbagħad fuq livell fil-mira annwali li għandu jitqassam bejn l-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113), huwa s-SRB li għandu, għal kull perijodu ta’ kontribuzzjoni, iwettaq stima kemm jista’ jkun preċiża tal-livell fil-mira finali fid-dawl tad-data disponibbli fil-mument ta’ din l-istima (iktar ’il quddiem il-“livell fil-mira finali mbassar”).

47      Minn dan jirriżulta li huwa l-livell fil-mira finali mbassar li huwa determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 12.5 %.

48      Konsegwentement, meta s-SRB jikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante matul perijodu ta’ kontribuzzjoni partikolari, huwa għandu jiżgura, konformement mal-ewwel u mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbiżx 12.5 % tal-livell fil-mira finali mbassar.

49      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tas-SRB, tal-Parlament u tal-Kunsill li r-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 % għandu jew jiġi miċħud, jew jiġi interpretat “b’mod flessibbli”. F’dan ir-rigward, is-SRB essenzjalment sostna li huwa impossibbli għalih li josserva kemm l-imsemmi limitu massimu kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 69(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014 li skonthom, l-ewwel, huwa għandu jiżgura li s-SRF jilħaq il-livell fil-mira finali tiegħu ta’ mill-inqas 1 % tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali u, it-tieni, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu bl-iktar mod uniformi possibbli maż-żmien sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali, iżda billi jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-effett li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Minn dan is-SRB iddeduċa, b’mod partikolari, sostnut mill-Parlament u mill-Kunsill, li l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 kellhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 69(2) ta’ dan ir-regolament li skontu l-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu “maż-żmien bl-aktar mod ekwu possibbli”, li jippermetti, fil-fehma tagħhom, interpretazzjoni flessibbli tar-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 %.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-sens tal-ewwel u tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni.

51      Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-kuntest u tal-iskop tagħha ma jistax ikollha r-riżultat li tneħħi kull effett utli mill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni għaliex inkella tkun contra legem u, minħabba f’hekk, inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għalhekk, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni stess tagħha, il-qorti tal-Unjoni ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2023, Mensing, C‑180/22, EU:C:2023:565, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, T‑316/19, EU:T:2021:367, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Dan japplika iktar u iktar għall-ewwel u għar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, peress li din id-dispożizzjoni hija fformulata f’termini imperattivi, kif juri l-użu tal-espressjonijiet “ma jaqbżux 12,5 % tal-livell fil-mira” (l-ewwel subparagrafu) u “[f]i kwalunkwe każ, l-ammont aggregat ta' kontribuzzjonijiet […] ma għandux jaqbeż annwalment it‑12,5 % tal-livell fil-mira” (ir-raba’ subparagrafu). Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni tiffissa limitu massimu ta’ eżattament 12.5 %, fejn tirrepetih darbtejn u mingħajr ebda eċċezzjoni, b’tali mod li dan ma jistax jinbidel jew jiġi aġġustat mill-awtorità inkarigata mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jistgħu jiġu interpretati, fid-dawl tar-rekwiżit previst mill-Artikolu 69(1) tal-imsemmi regolament, fis-sens li l-limitu massimu ta’ 12.5 % seta’ jiġi eskluż jew kien indikattiv biss, b’tali mod li kien possibbli għas-SRB li jiddevja bl-għan li jilħaq il-livell fil-mira finali.

54      Bl-istess mod, l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprevedi b’mod partikolari li l-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu bl-iktar mod uniformi possibbli maż-żmien sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali, ma jippermettix li jiġi interpretat il-limitu massimu ta’ 12.5 % previst fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) ta’ dan ir-regolament fis-sens li ma jkunx vinkolanti jew li huwa purament indikattiv. Fil-fatt, minbarra l-fatt li tali interpretazzjoni tmur kontra l-formulazzjoni ċara u preċiża tal-ewwel u tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tal-imsemmi regolament, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li, billi ppreveda espliċitament fl-Artikolu 69(2) ta’ dan l-istess regolament li l-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jiġu “ikkalkolati skont l-Artikolu 70”, il-leġiżlatur tal-Unjoni stess ippreveda l-applikazzjoni simultanja kemm tal-limitu ta’ 12.5 % kif ukoll tar-rekwiżit li l-imsemmija kontribuzzjonijiet ex ante jitqassmu bl-iktar mod uniformi possibbli maż-żmien. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014 huwa intiż sabiex jifrex maż-żmien u bl-iktar mod uniformi possibbli l-piż finanzjarju fuq l-istituzzjonijiet, sabiex jiġu evitati varjazzjonijiet sinjifikattivi f’dan il-piż minn sena għall-oħra u sabiex b’hekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-effett li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Għall-kuntrarju, l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) ta’ dan ir-regolament huma intiżi li jillimitaw, għal kull sena meħuda individwalment, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha. Minn dan isegwi li l-Artikolu 69(2) u l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 għandhom għanijiet distinti, għalkemm komplementari. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument li l-Artikolu 69(2) ta’ dan ir-regolament jimponi interpretazzjoni “flessibbli” tar-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 %, previst fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tal-imsemmi regolament.

55      Din il-konklużjoni tapplika iktar u iktar peress li, kuntrarjament għal dak li jsostni s-SRB, ma huwiex impossibbli li jiġu rrikonċiljati r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 49 iktar ’il fuq.

56      Huwa minnu li, minħabba t-tul tal-perijodu inizjali u r-riskju li jseħħu avvenimenti imprevedibbli matul dan il-perijodu, l-istima tal-livell fil-mira finali hija bbażata fuq analiżi prospettiva tal-evoluzzjoni tal-ammont tad-depożiti koperti li hija kkaratterizzata minn inċertezzi li jikkonċernaw din l-evalwazzjoni.

57      Madankollu, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali inċertezzi huwa inerenti għall-kompiti fdati lis-SRB. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan huwa responsabbli li jiżgura l-funzjonament effikaċi u koerenti tas-SRM, konformement mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 806/2014. Għal dan l-għan, huwa s-SRB li għandu jiżgura li l-livell fil-mira finali jintlaħaq fi tmiem il-perijodu inizjali filwaqt li josserva l-limitu massimu ta’ 12.5 %. In-natura prospettiva tal-istima tiegħu tal-livell fil-mira finali timplika li huwa għandu jevalwa b’kawtela suffiċjenti l-evoluzzjoni tal-ammont tad-depożiti koperti matul il-perijodu inizjali kollu sabiex ikollu fondi suffiċjenti sabiex jikkonċilja l-osservanza tal-limitu massimu ta’ 12.5 % mar-rekwiżiti mfakkra fil-punt 49 iktar ’il fuq.

58      Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, konformement mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, il-livell fil-mira finali għandu jilħaq “mill-inqas” 1 % tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tobbligax lis-SRB jiżgura li dan il-livell fil-mira jikkorrispondi eżattament għal 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti, iżda tippermettilu jevalwa, abbażi ta’ projezzjonijiet prudenti, l-evoluzzjoni tal-ammont tad-depożiti koperti b’tali mod li l-imsemmi livell fil-mira jintlaħaq, filwaqt li jiġi osservat il-limitu massimu ta’ 12.5 %.

59      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, waqt it-tfassil tar-Regolament Delegat 2017/747, il-Kummissjoni pprevediet ukoll l-applikazzjoni simultanja tal-limitu massimu ta’ 12.5 % u tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 69(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014 li tfakkru fil-punt 49 iktar’ il fuq. Fil-fatt, ir-Regolament Delegat 2017/747, li għandu l-għan, skont il-punt 1 tal-Artikolu 1 tiegħu, b’mod partikolari li jispeċifika l-kriterji li għandhom jintużaw għat-tqassim ratione temporis tal-kontribuzzjonijiet lis-SRF konformement mal-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, jipprevedi, fl-Artikolu 3(4) tiegħu, li, matul kull perijodu ta’ kontribuzzjoni partikolari, il-livell ta’ kontribuzzjonijiet annwali jista’ jkun inqas mill-medja tal-kontribuzzjonijiet annwali “kkalkolati skont l-Artikoli 69(1) u 70(2) tar-Regolament […] Nru 806/2014” biss jekk is-SRB jiżgura li, abbażi ta’ projezzjonijiet prudenti, il-livell fil-mira finali jkun jista’ jintlaħaq fi tmiem il-perijodu inizjali.

60      Fit-tielet lok, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk is-SRB osservax, fid-Deċiżjoni kkontestata, ir-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 %, kif previst mill-ewwel u mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

61      F’dan ir-rigward, qabelxejn mill-premessi 45 u 60 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB qies li l-ammont tal-livell fil-mira finali mbassar huwa EUR 79 987 450 580.

62      Għalhekk, meta s-SRB ikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni tal‑2022, huwa kien obbligat jiżgura ruħu, konformement mal-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, u abbażi tal-istima tiegħu tal-livell fil-mira finali, li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma kienx jaqbeż l-ammont ta’ EUR 9 998 431 322.50.

63      Issa, kif jirriżulta mill-premessa 62 tad-Deċiżjoni kkontestata, flimkien mal-punt 124 tal-Anness III ta’ dik id-deċiżjoni u mal-kolonna “Ammont finali kkomunikat għall‑2022 (iii)” tat-tabella inkluża fl-ewwel paġna tal-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni, is-SRB stabbilixxa l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni tal‑2022 għal ammont ta’ EUR 14 253 573 821.46, fejn dan l-ammont tnaqqas għal EUR 13 675 366 302.18 wara, b’mod partikolari, tnaqqis imwettaq skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

64      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat, kif barra minn hekk irrikonoxxa s-SRB waqt is-seduta, li d-Deċiżjoni kkontestata ffissat l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha għal ammont li kien jaqbeż il-limitu massimu ta’ 12.5 % tal-livell fil-mira finali mbassar.

65      Minn dan isegwi li s-SRB kiser l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u li t-tieni lment tal-ewwel motiv għandu għalhekk jintlaqa’.

66      Dan l-iżball ta’ liġi huwa fih innifsu ta’ natura li jservi ta’ bażi għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti.

67      Għaldaqstant, hemm lok li tiġi annullata d-Deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat l-ewwel ilment invokat insostenn tal-ewwel motiv jew il-motivi l-oħra.

 Fuq illimitazzjoni ratione temporis taleffetti tassentenza

68      Is-SRB jitlob lill-Qorti Ġenerali żżomm, fil-każ tal-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, l-effetti tagħha sas-sostituzzjoni tagħha jew, tal-inqas, għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha s-sentenza tkun saret definittiva, peress li tali annullament jista’ jkollu konsegwenzi serji għall-istabbiltà finanzjarja fl-unjoni bankarja.

69      Ir-rikorrenti sostniet li hija ħalliet f’idejn il-ġudizzju tal-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ kwalunkwe modulazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ annullament.

70      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-qorti tal-Unjoni tista’, jekk tqis li dan ikun neċessarju, tindika liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jitqiesu bħala definittivi. Sabiex teżerċita s-setgħa mogħtija lilha minn dan l-artikolu, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ interessi pubbliċi jew privati oħra (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑389/19 P, EU:C:2021:131, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 122).

71      Għalhekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE ġie interpretat b’mod partikolari bħala li jippermetti, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, iżda wkoll għal raġunijiet intiżi li jevitaw diskontinwità jew rigressjoni fl-implimentazzjoni tal-politiki mmexxija jew appoġġati mill-Unjoni, li jinżammu għal terminu raġonevoli l-effetti ta’ att annullat (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑699/17, EU:T:2021:44, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’dan il-każ, għalkemm id-Deċiżjoni kkontestata ttieħdet bi ksur tal-ewwel u tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, b’tali mod li hija setgħet tiffissa l-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti għal ammont għoli wisq, il-Qorti Ġenerali, min-naħa l-oħra, ma wasslitx, f’din il-proċedura, sabiex tikkonstata żball li jaffettwa l-obbligu stess tar-rikorrenti li tħallas kontribuzzjoni ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni tal‑2022.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 177), l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tiġi prevista ż-żamma tal-effetti tagħha jista’ jippreġudika l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament Delegat 2015/63, li jikkostitwixxu parti essenzjali tal-unjoni bankarja, li tikkontribwixxi għall-istabbiltà taż-żona tal-euro kif ukoll għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni kollha kemm hi. Fil-fatt, li kieku s-SRB kellu jirrimborsa, b’effett immedjat, l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti kif ukoll l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ex ante ta’ istituzzjonijiet oħra, bħal dawk li ppreżentaw rikors simili billi qajmu l-istess motiv bħal dak milqugħ f’dan ir-rikors, minkejja li dawn l-istituzzjonijiet jibqgħu bħala prinċipju suġġetti għall-obbligu li jħallsu l-kontribuzzjonijiet ex ante, tali rimbors jirriskja li jċaħħad lis-SRF mill-mezzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw neċessarji sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà taż-żona tal-euro u l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

74      Konsegwentement, iċ-ċaħda tat-talba għaż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni kkontestata tista’ tippreġudika l-għan ta’ stabbiltà finanzjarja u l-għan li tinħoloq unjoni ekonomika u monetarja li l-munita tagħha hija l-euro, kif previst mill-Artikolu 3(4) TUE.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jinżammu l-effetti tad-Deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti sakemm is-SRB ikun adotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, u dan f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż sitt xhur b’effett mill-jum li fih din is-sentenza ssir definittiva.

 Fuq lispejjeż

76      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li s-SRB tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

77      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Parlament u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni SRB/ES/2022/18 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal11 ta’ April 2022 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) hija annullata sa fejn din tikkonċerna lil Dexia.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni SRB/ES/2022/18 huma miżmuma sa fejn din tikkonċerna lil Dexia sakemm is-SRB ikun adotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, u dan f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż sitt xhur b’effett mill-jum li fih din is-sentenza ssir definittiva.

3)      Is-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu stess, dawk sostnuti minn Dexia.

4)      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kornezov

De Baere

Petrlík

Kecsmár

 

Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ April 2024.

Firem

Werrej


Il fatti li wasslu għallkawża

Id Deċiżjoni kkontestata

It talbiet talpartijiet

Id dritt

Fuq l ewwel motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 69(2) u talArtikolu 70(2) tarRegolament Nru 806/2014

Fuq il limitazzjoni ratione temporis taleffetti tassentenza

Fuq l ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.