Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Awwissu 2014 minn Intel Corporation mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) fit-12 ta’ Ġunju 2014 fil-Kawża T-286/09, Intel Corporation vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-413/14 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingli

Partijiet

Appellanti: Intel Corporation (rappreżentanti: D. M. Beard QC, A. N. Parr u R. W. Mackenzie, Solicitors)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Association for Competitive Technology, Inc.,

Union fédérale des consommateurs - Que choisir (UFC - Que choisir)

Talbiet tal-appellanti

tannulla totalment jew parzjalment is-sentenza appellata;

tannulla totalment jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata;

tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi b’mod konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju, li huwa maqsum fi tliet partijiet, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali applikat il-kriterju legali żbaljat sabiex tevalwa l-legalità tal-aġir tagħha taħt l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE:

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li l-aġir inkwistjoni kien intrinsikament kapaċi li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u għaldaqstant jista’ jinstab li huwa kuntrarju għall-Artikolu 82 KE u għall-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE mingħajr ebda ħtieġa li jitiqesu l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti relatati miegħu.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 82 KE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE, il-kapaċità li tiġi ristretta l-kompetizzjoni tista’ tiġi evalwata abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet astratti minflok ta’ effetti probabbli jew attwali.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-konstatazzjoni sussidjarja tagħha li l-aġir inkwistjoni kien kapaċi jirrestrinġi l-kompetizzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ħadet inkunsiderazzjoni elementi li ma jistgħux jistabbilixxu din il-kapaċità u injorat numru ta’ elementi rilevanti li kellhom jitqiesu, bħall-kopertura tas-suq tal-prattika, it-tul tal-prattiki allegati, evidenza mis-suq attwali ta’ prezzijiet li qed jonqsu malajr u assenza ta’ esklużjoni, u l-konklużjonijiet li għandhom jinġibdu mit-test ta’ kompetitur daqstant effiċjenti (AEC) imwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat ksur għall-aħħar sentejn tal-perijodu allegat ta’ ksur, peress li, l-aktar, il-kopertura tas-suq tal-aġir matul dawn is-snin kien jaffettwa biss 3.5 % tas-suq rilevanti.

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkwalifikat l-aġir tagħha ma’ HP u ma’ Lenovo bħala “roħs ta’ esklużività” meta dan l-aġir inkwistjoni kien jirrigwarda biss 28 % u 42 % (jew inqas) tax-xiri totali ta’ kull konsumatur tal-prodott rilevanti, rispettivament, li huwa ħafna inqas mill-ħtiġijiet “kollha jew ħafna minnhom” ta’ dawn il-klijenti.

Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ imparzjalità proċedurali fir-rigward tal-intervista ta’ ħames sigħat li l-Kummissjoni kellha ma’ uffiċjal ewlieni ta’ Dell fuq domandi li għandhom rabta oġġettiva mal-mertu tal-investigazzjoni, u li matulha l-uffiċjal ewlieni ta’ Dell ta spjegazzjonijiet iddettaljati ħafna. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi kkonkludiet li kien biżżejjed li l-Kummissjoni tiżvela sempliċi lista tas-suġġetti li ġew diskussi waqt l-intervista, minflok verbal jew sommarju ta’ dak li qal l-intervistat fir-rigward ta’ dawn is-suġġetti. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ukoll billi kkonkludiet li l-appellanti kellha l-oneru li tipproduċi provi prima facie li l-Kummissjoni naqset milli tirreġistra provi ġustifikattivi; meta jinftiehem sewwa, l-oneru tal-appellanti kien biss sabiex turi li ma setax jiġi eskluż li l-materjal seta’ kienu utli għad-difiża tagħha, liema oneru kien issodisfatt f’dan il-każ.

Permezz tal-ħames aggravju, li huwa maqsum fi tliet partijiet, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali stabbiliet b’mod żbaljat il-ġurisdizzjoni tal-Komunità fuq l-akkordji ta’ Intel ma’ Lenovo fl-2006 u l-2007:

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li dan l-aġir kien “implementat” fiż-ŻEE, peress li Intel ma biegħetx xi prodotti lil Lenovo fiż-ŻEE taħt dawn l-akkordji.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li t-test “effetti kkwalifikati” huwa bażi xierqa għall-kompetenza Komunitarja fuq l-aġir inkwistjoni.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-applikazzjoni tat-testijiet “effetti kkwalifikati” peress li ma kienx previst li l-akkordji Intel ma’ Lenovo fir-rigward ta’ x86 CPU għall-kunsinna fiċ-Ċina jkollhom effett immedjat u sostanzjali fiż-ŻEE.

Permezz tas-sitt aggravju, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji fil-kalkolu tal-multa imposta:

Il-multa kienet manifestament sproporzjonata.

Il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni billi applikat il-linji gwida tal-multi tal-Kummissjoni tal-2006 għal aġir li twettaq qabel id-data ta’ dawn tal-aħħar.