Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja) fit-12 ta’ Frar 2021 – “Romega” UAB vs Valstybinė maisto ir veterinarijos tarnyba

(Kawża C-89/21)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: UAB “Romega”

Konvenut: Valstybinė maisto ir veterinarijos tarnyba

Domanda preliminari

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar kriterji mikrobijoloġiċi għall-prodotti tal-ikel 1 u l-Artikolu 14(8) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel 2 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu diskrezzjoni lill-awtoritajiet superviżorji kompetenti ta’ Stat Membru sabiex jiddeterminaw li laħam frisk tat-tjur li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Ringiela 1.28 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005 jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 178/2002 meta prodott tal-ikel li jaqa’ taħt din il-kategorija tal-ikel ikun ikkontaminat minn serotipi tas-Salmonella li ma humiex dawk indikati fir-Ringiela 1.28 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005, bħalma ġie stabbilit fil-kawża prinċipali?

____________

1     ĠU 2005, L 338, p. 1

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5.