Language of document : ECLI:EU:T:2015:222

Kawża T‑190/12

Johannes Tomana et

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

u

Il-Kummissjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fir-rigward tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe – Restrizzjonijiet ta’ dħul u ta’ passaġġ fi tranżitu fit-territorju tal-Unjoni – Iffriżar ta’ fondi – Bażi legali – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Drittijiet fundamentali – Proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-22 ta’ April 2015

1.      Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Mewt ta’ persuna fiżika destinatarja ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni – Azzjoni għal annullament li tista’ titkompla mill-aventi kawża b’titolu universali

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Proċedura ġudizzjarja – Rappreżentanza tal-partijiet – Rikors ta’ persuna fiżika – Produzzjoni mhux meħtieġa ta’ prokura minn avukat – Limiti

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) u Artikolu 44(5)(b))

3.      Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Interess li għandu jiġi evalwat fid-data tal-preżentata tar-rikors – Rikors ippreżentat kontra att li jistabbilixxi miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent – Tħassir fil-mori tal-kawża tal-att ikkontestat – Dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni – Inammissibbiltà – Żamma tal-interess tar-rikorrent sabiex jikseb ir-rikonoxximent tal-illegalità tal-att ikkontestat

(Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2012/97/PESK u 2012/124/PESK; Regolament tal-Kummissjoni Nru 151/2012)

4.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ż-Żimbabwe – Għażla tal-bażi legali – Inklużjoni fil-lista ta’ persuni suġġetti għal dawn il-miżuri ġġustifikata minn aġir marbut mal-attivitajiet li l-mexxejja tal-pajjiż huma akkużati bihom – Bażi fuq l-Artikolu 29 TUE – Ammissibbiltà

(Artikoli 21 TUE u 29 TUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/101/PESK, Artikoli 4, 5 u 6(1), 2012/97/PESK u 2012/124/PESK)

5.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittiivi meħuda kontra ż-Żimbabwe – Għażla tal-bażi legali – Inklużjoni fil-lista ta’ persuni suġġetti għal dawn il-miżuri ta’ persuni assoċjati ma’ membri tal-Gvern – Bażi fuq l-Artikoli 60 KE u 301 KE u fuq ir-Regolament Nru 314/2004

(Artikoli 60 KE u 301 KE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK, Artikoli 4 u 5; Regolamenti tal-Kunsill Nru 314/2006, Artikolu 6(1) u 11(b); Regolament tal-Kummissjoni Nru 151/2012)

6.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ż-Żimbabwe – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Persuni li pparteċipaw f’attivitajiet li jdgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, membri tal-Gvern u persuni assoċjati miegħu – Kunċett ta’ persuna assoċjata

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK)

7.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fir-rigward tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe – Obbligu li jiġu identifikati fil-motivazzjoni l-elementi speċifiċi u konkreti li jiġġustifikaw din il-miżura – Deċiżjoni li tidħol f’kuntest magħruf tal-persuna kkonċernata li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura fir-rigward tagħha – Attivitajiet li jdgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt – Assenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

(Artikolu 296 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/101/PESK, 2012/97/PESK u 2012/124/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 314/2004; Regolament tal-Kummissjoni Nru 151/2012)

8.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe – Obbligu ta’ motivazzjoni – Aġir fil-passat ta’ dawn il-persuni – Ammissibbiltà – Motivazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 296 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/101/PESK, 2012/97/PESK u 2012/124/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 314/2004; Regolament tal-Kummissjoni Nru 151/2012)

9.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Motivazzjoni mressqa fil-mori tal-kawża mhux imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata – Inammissibbiltà

(Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/97/PESK)

10.    Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Raġuni distinta minn dik li tirrigwarda l-legalità fil-mertu

(Artikoli 263 TFUE u 296 TFUE)

11.    Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fir-rigward tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe – Portata tal-istħarriġ – Stħarriġ limitat għar-regoli ġenerali – Stħarriġ estiż għall-evalwazzjoni tal-fatti u għall-verifika tal-provi għall-atti li japplikaw għal entitajiet speċifiċi

(Artikoli 60 KE u 301 KE; it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/101/PESK, 2012/97/PESK u 2012/124/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 314/2004; Regolament tal-Kummissjoni Nru 151/2012)

12.    Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fir-rigward tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe – Dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Dritt ta’ smigħ – Drittijiet suġġetti għal talba f’dan is-sens quddiem il-Kunsill

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2); Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2012/97/PESK u 2012/124/PESK; Regolament tal-Kummissjoni Nru 151/2012)

13.    Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fir-rigward tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe – Drittijiet tad-difiża – Komunikazzjoni tal-provi kontra – Deċiżjoni sussegwenti li żammet l-isem tar-rikorrent fil-lista ta’ persuni suġġetti għal dawn il-miżuri – Assenza ta’ motivi ġodda – Ksur tad-dritt għal smigħ – Assenza

(Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/101/PESK, 2012/97/PESK u 2012/124/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 314/2004; Regolament tal-Kummissjoni Nru 151/2012)

14.    Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet – Estensjoni ta’ motiv eżistenti – Ammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2))

15.    Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Motiv imqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika – Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2))

16.    Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fir-rigward tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe – Restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u tad-dritt għal-libertà ta’ intrapriża – Ammissibbiltà – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 16 u 17(1); Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2012/97/PESK u 2012/124/PESK; Regolament tal-Kummissjoni Nru 151/2012)

17.    Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Proporzjonalità – Natura proporzjonata ta’ miżura – Kriterji ta’ evalwazzjoni

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 50)

2.      Qabel ma jinbeda l-eżami ta’ rikors ippreżentat quddiemha, il-Qorti Ġenerali għandha tiżgura ruħha li l-avukat li ffirmah ikun effettivament ġie mqabbad mill-persuna li f’isimha dan ir-rikors ikun ġie ppreżentat sabiex jirrappreżentaha.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra l-fatt li avukat iffirma u ppreżenta rikors f’isem persuna fiżika bħala dikjarazzjoni impliċita ta’ dan l-avukat li huwa kien ġie debitament mogħti mandat minn din il-persuna, fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra dan it-tip ta’ dikjarazzjoni bħala suffiċjenti. Fil-fatt, li jiġi rrikonoxxut lill-parti l-oħra fil-proċedura d-dritt li titlob il-produzzjoni ta’ mandat stabbilit mill-klijent tiegħu jċaħħad lir-regola, li skont din il-persuni fiżiċi jistgħu jiġu rrappreżentati minn avukat mingħajr ma dan ikollu jipproduċi mandat, minn parti kbira mis-sens tagħha u jista’ jikkomplika u indebitament itawwal il-proċedura, b’mod partikolari fil-każijiet fejn ir-rikors huwa ppreżentat minn numru kbir ta’ persuni fiżiċi li jirrisjedu barra mit-territorju tal-Unjoni.

Madankollu, jekk jeżistu elementi konkreti, li jistgħu jqajmu dubju dwar ir-realtà ta’ din id-dikjarazzjoni impliċita, il-Qorti Ġenerali għandha d-dritt li titlob lill-avukat inkwistjoni li jipproduċi l-prova tar-realtà tal-mandat tiegħu.

(ara l-punti 58, 61)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 64-67)

4.      L-Artikolu 29 TUE jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2011/101, dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe, u 2012/97, li temenda d-Deċiżjoni 2011/101, fir-rigward ta’ persuni li wettqu atti li wasslu lill-Kunsill li jakkuża lill-mexxejja taż-Żimbabwe b’żieda tal-vjolenza, miżuri ta’ intimidazzjoni kontra avversarji politiċi u fastidju lill-istampa indipendenti, bi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ assoċjazzjoni kif ukoll tal-libertà ta’ għaqda paċifika fil-pajjiż jew ukoll kampanja sistematika ta’ vjolenza, ta’ ostruzzjoni u ta’ intimidazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Żimbabweni.

Fil-fatt, il-miżuri restrittivi kkonċernati minn dawn id-deċiżjonijiet ma kinux ġew imposti fuq dawn il-persuni minħabba l-allegata implikazzjoni tagħhom indipendentement minn kwalunkwe aġir kriminali jew li jikkonsisti f’reati, iżda minħabba aġir li, filwaqt li jaqa’ wkoll u probabbilment ħafna taħt il-liġijiet kriminali jew, tal-inqas, ċivili, jagħmel parti mill-istrateġija ta’ intimidazzjoni u ta’ ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali tal-poplu Żimbabwen.

Barra minn hekk, teżisti rabta ċara u evidenti bejn il-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi u l-għanijiet leġittimi tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni segwiti mill-Unjoni fir-rigward ta’ Stat terz, hekk kif elenkati fl-Artikolu 21 TUE. Fid-dawl tal-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, huwa għal kollox raġonevoli li jiġu inklużi, fost il-persuni suġġetti għalihom, l-allegati awturi tal-vjolenza u tal-intimidazzjoni li għalihom il-mexxejja taż-Żimbabwe għandhom, skont il-Kunsill, jassumu r-responsabbiltà fuq il-livell politiku, u mhux biss dawn l-aħħar mexxejja. Fil-fatt, indipendentement minn kwalunkwe azzjoni kriminali, jew anki ċivili, li setgħet tittieħed kontra l-persuni allegatament implikati fil-vjolenza akkużata, huwa leġittimu u konformi mal-għanijiet tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni li jiġu stabbiliti miżuri intiżi sabiex jinkoraġġixxu wkoll lil dawn il-persuni sabiex jiċħdu l-politiki li jwasslu għat-trażżin tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà ta’ espressjoni u li jostakolaw l-iggvernar tajjeb li, fil-każ tagħhom, jimplika li huma jastjenu minn kwalunkwe aġir analogu fil-futur.

Bl-istess mod, l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2011/101 jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/124, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/101.

(ara l-punti 102, 105, 106, 112)

5.      L-Artikolu 11(b) tar-Regolament Nru 314/2004, dwar ċertu miżuri restrittrivi fir-rigward taż-Żimbabwe, jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 151/2012, li jemenda dan ir-Regolament bażiku.

Huwa veru li, jekk, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Kunsill għandu bażi legali xierqa, ikkostitwita mill-Artikolu 215(2) TFUE, li tippermettilu li jadotta regolament li jimponi miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi fiż-Żimbabwe li ma għandhomx rabtiet mal-mexxejja ta’ dan l-Istat terz, ir-Regolament Nru 314/2004 jkompli jagħmel riferiment, fl-Artikolu 6(1) tiegħu, għall-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe u għal kull persuna fiżika jew ġuridika, kull entità jew kull organu assoċjat ma’ dawn tal-aħħar li huma elenkati fl-Anness III. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax, permezz ta’ Regolament ta’ Implementazzjoni, temenda l-Anness III tar-Regolament Nru 314/2004 ħlief jekk il-persuni li isimhom għandhom jiġu inklużi f’dan l-anness jistgħu jiġu kklassifikati kemm bħala membri tal-Gvern taż-Żimbabwe kif ukoll bħala persuni assoċjati magħhom.

(ara l-punti 122-124, 130, 132, 133, 231)

6.      Fil-qasam ta’ politika barranija u ta’ sigurtà komuni, id-Deċiżjoni 2011/101, dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe, tirreferi għal tliet kategoriji ta’ persuni, jiġifieri, fl-ewwel lok, persuni jew entitajiet li l-attivitajiet tagħhom idgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe, it-tieni lok, il-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe u, fl-aħħar nett, kull persuna fiżika jew ġuridika, kull entità jew kull organu li huma assoċjati magħhom. Isegwi li l-kwalità ta’ persuna jew ta’ entità, sa fejn hija membru tal-Gvern taż-Żimbabwe jew assoċjata ta’ tali membru, hija, waħedha, suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni fir-rigward tagħha tal-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2011/101.

F’dan ir-rigward, il-persuni fiżiċi li l-attivitajiet tagħhom idgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Zimbabwe u l-persuni ġuridiċi, entitajiet jew organi li jappartjenu lil dawn il-persuni fiżiċi, evokati kollha fl-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2011/01, ma għandhomx jiġu distinti minn assoċjati tal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe u minn persuni ġuridiċi, entitajiet jew organi li jappartjenu lil tali assoċjati, iżda jikkostitwixxu, fir-realtà, kategorija partikolari ta’ dawn l-assoċjati. Fil-fatt, ma jistax jiġi ammess li l-miżuri restrittivi previsti mir-Regolament Nru 314/2004, dwar ċertu miżuri restrittrivi fir-rigward taż-Żimbabwe, jistgħu jiġu adottati fir-rigward tal-membri tal-familji tal-mexxejja taż-Żimbabwe għar-raġuni biss li jikkostitwixxu assoċjati ta’ dawn il-mexxejja u mingħajr ma aġir speċifiku jiġi akkużat fil-konfront tagħhom u li tiġi eskluża, fl-istess waqt, l-adozzjoni ta’ tali miżuri fir-rigward ta’ persuni li kkostitwixxew il-veri strumenti ta’ eżekuzzjoni tal-politika ta’ vjolenza, ta’ intimidazzjoni u ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali li dawn il-mexxejja huma akkużati biha mill-Unjoni. Għalhekk, jaqgħu taħt il-kategorija ta’ assoċjat tal-membri tal-gvernijiet ta’ pajjiż terz mhux biss il-persuna implikata fil-formulazzjoni tal-politika ta’ dan il-gvern u li teżerċita influwenza fuqha, iżda wkoll il-persuna implikata fl-eżekuzzjoni ta’ din il-politika, b’mod partikolari meta l-politika inkwistjoni tikkonsisti fit-twettiq ta’ vjolenzi, ta’ intimidazzjonijiet u ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-poplu.

Bl-istess mod, iċ-ċirkustanza li l-membri tal-Gvern ikkonċernati jappartjenu għall-partit fil-poter ma tfissirx li l-persuni kkonċernati, u l-entitajiet li huma assoċjati magħhom, huma suġġetti għal sanzjonijiet għar-raġuni biss tal-appartenenza tagħhom ma’ partit politiku, peress li dan il-partit kien l-uniku fil-poter matul il-vjolenzi, intimidazzjonijiet u ksur tad-drittijiet fundamentali tal-poplu Żimbabwen invokati mill-awturi tal-atti li stabbilixxew miżuri restrittivi.

Fl-aħħar nett, interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 314/2004 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/101 li l-entitajiet li jappartjenu għal, jew huma kkontrollati minn, persuni fiżiċi jew, skont il-każ, ġuridiċi, assoċjati mal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe jistgħu wkoll ikunu suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet hija għal kollox konċiljabbli mal-formulazzjoni tagħhom. L-istess japplika għall-interpretazzjoni li l-entitajiet li jappartjenu għal, jew huma kkontrollati minn, il-Gvern taż-Żimbabwe stess għandhom jiġu kkunsidrati bħala li kienu assoċjati, fis-sens ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, mal-membri ta’ dan il-gvern.

(ara l-punti 123, 124, 130, 132, 133, 229, 231, 232, 236, 238, 242, 282)

7.      Fir-rigward tal-miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni u, iktar partikolarment, ta’ dawk imposti fuq il-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe u fuq kull persuna fiżika jew ġuridika, kull entità jew kull organu assoċjat ma’ dawn tal-aħħar, sabiex jiġi osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni, l-awturi tal-atti kkontestati li imponew dawn il-miżuri ma humiex obbligati li jesponu fihom l-interpretazzjoni proprja tagħhom tal-kunċett ta’ assoċjazzjoni mal-Gvern taż-Żimbabwe jew, iktar ġeneralment, l-interpretazzjoni tagħhom tad-dispożizzjonijiet u tal-ġurisprudenza rilevanti.

Barra minn hekk, peress li, fl-ewwel lok, l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi stabbilit mir-Regolament Nru 314/2004, dwar ċertu miżuri restrittrivi fir-rigward taż-Żimbabwe, japplika għall-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe kif ukoll għall-assoċjati tagħhom, kemm persuni fiżiċi kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet jew organi, fit-tieni lok, il-miżuri restrittivi stabbiliti mid-Deċiżjoni 2011/101, dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe, japplikaw għall-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe u għall-assoċjati tagħhom, kemm persuni fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, inklużi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra li l-attivitajiet tagħhom idgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe, li jikkostitwixxu kategorija partikolari ta’ tali assoċjati, u, fit-tielet lok, il-motivi tad-Deċiżjoni 2012/97, li temenda d-Deċiżjoni 2011/101, u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 151/2012, li jemenda r-Regolament Nru 314/2004, isemmu b’mod ċar il-funzjonijiet li dawn il-persuni kienu jeżerċitaw fil-mument tal-adozzjoni ta’ dawn l-atti u dawn il-funzjonijiet jiġġustifikaw għal kollox il-klassifikazzjoni ta’ dawn ir-rikorrenti bħala membri tal-Gvern taż-Żimbabwe, l-atti kkontestati għandhom jiġu kkunsidrati bħala li kienu ġew immotivati b’mod suffiċjenti fid-dritt. F’dan ir-rigward, il-persuni li jeżerċitaw funzjonijiet bħala uffiċjali għolja u fil-kuntest tal-armata jew tal-pulizija huma kollaboraturi stretti tal-gvern ta’ pajjiż u jistgħu leġittimament jiġu kklassifikati bħala assoċjati tal-membri ta’ dan il-gvern, mingħajr ma ġustifikazzjoni supplimentari hija neċessarja. L-istess japplika għall-membri tal-korp li jmexxi l-partit politiku li kien l-uniku fil-poter.

L-istess japplika fir-rigward tar-riferiment, fil-motivazzjoni, għal parteċipazzjoni diretta fi vjolenzi u f’intimidazzjonijiet, minbarra dan f’rwol ta’ mexxej u ta’ xewwiex, li tidentifika l-elementi speċifiċi u konkreti, f’termini ta’ klassfikazzjoni jew ta’ funzjoni eżerċitata u ta’ tipi ta’ azzjonijiet ikkunsidrati, li jfissru, għall-awturi tal-atti kkontestati, implikazzjoni tal-persuni kkonċernati fil-vjolenzi, intimidazzjonijiet u ksur tad-drittijiet fundamentali fiż-Żimbabwe.

Fl-aħħar nett, akkużi li jikkonċernaw vjolenzi, intimidazzjonijiet u ksur tad-drittijiet fundamentali fiż-Żimbabwe, kemm b’mod ġenerali kif ukoll partikolarment waqt elezzjonijiet tal-2008, kellhom reputazzjoni internazzjonali u ma setgħux jiġu injorati mir-rikorrenti. Dawn l-akkużi, indipendentement mill-veraċità tagħhom, għalhekk jagħmlu parti mill-kuntest li jidħlu fih l-atti kkontestati, li, huwa rilevanti għall-eżami tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

(ara l-punti 141-143, 145, 146, 153, 157-164, 167, 174-177)

8.      Ma jistax jiġi eskluż li l-aġir ta’ wieħed jew tal-ieħor tar-rikorrenti fil-passat jista’ jiġġustifika l-impożizzjoni jew it-tiġdid ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu. Għalhekk, ir-riferiment għal tali aġir ma jistax jixhed nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-atti inkwistjoni.

(ara l-punti 150, 168, 207)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 151)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 165, 166)

11.    Fil-qasam ta’ politika barranija u ta’ sigurtà komuni, f’każ fejn il-Kunsill jiddefinixxi b’mod astratt il-kriterji li jistgħu jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista tal-persuni jew tal-entitajiet li kienu suġġetti għal miżuri restrittivi, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, abbażi tal-motivi mqajma mill-persuna jew mill-entità kkonċernata, jew, jekk ikun il-każ, imqajma ex officio, jekk il-każ tagħha jikkorrispondix ma’ dawn il-kriterji. Dan l-istħarriġ huwa estiż għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati bħala li jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-persuna jew tal-entità inkwistjoni fil-lista ta’ dawk li huma suġġetti għal miżuri restrittivi, bl-istess mod bħall-verifika tal-provi u ta’ informazzjoni li fuqhom hija bbażata din l-evalwazzjoni.

F’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni 2011/101, dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe, tirreferi għal tliet kategoriji ta’ persuni, jiġifieri, minn naħa, il-persuni jew l-entitajiet li l-attivitajiet tagħhom idgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Zimbabwe, minn naħa l-oħra, il-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe u fl-aħħar nett, kull persuna fiżika jew ġuridika, kull entità jew kull organu li huma assoċjati magħhom. Isegwi li l-kwalità ta’ persuna jew ta’ entità, sa fejn hija membru tal-Gvern taż-Żimbabwe jew assoċjata ta’ tali membru, hija, waħedha, suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni fir-rigward tagħha tal-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2011/101. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tippermettilu, jekk ikun il-każ, li ma jissuġġettax tali persuni għal dawn il-miżuri, jekk iqis li, fir-rigward tal-għanijiet tagħhom, ma jkunx xieraq li jsir dan.

(ara l-punti 186, 216-222, 243)

12.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 187, 192-194)

13.    Fil-qasam ta’ politika barranija u ta’ sigurtà komuni, id-dritt ta persuna jew ta’ entità, li fir-rigward tagħha miżuri restrittivi preċedentement imposti jiġġeddu permezz ta’ att ġdid, li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att għandu jiġi rrispettat meta l-awtur tal-att ikkonċernat kien ipproduċa elementi ġodda kontra dawn il-persuni jew entitajiet u mhux meta t-tiġdid huwa fondat, essenzjalment, fuq l-istess motivi bħal dawk li ġġustifikaw l-adozzjoni tal-att inizjali li impona l-miżuri restrittivi inkwistjoni. Dan ma huwiex il-każ meta l-motivi li jidhru fl-atti kkontestati sabiex jiġġustifikaw l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni kontra rikorrenti, minkejja li jinkludu preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-aġir li diversi rikorrenti huma akkużati bih, jew deskrizzjoni iktar iddettaljata ta’ dan l-aġir, ma humiex sostanzjalment differenti minn dawk li kienu jidhru fl-atti preċedenti.

(ara l-punti 204-206)

14.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 260)

15.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 263, 266)

16.    Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma li jimplikaw min-naħa ta’ dan tal-aħħar għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. B’hekk, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta pparagunata mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ miżura bħal din.

F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni ma jistgħux jiġu akkużati bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-fatt li żammew fis-seħħ miżuri restrittivi diġà stabbiliti u li estendew il-portata tagħhom, peress li dawn huma intiżi sabiex jiksbu mill-persuni u mill-entitajiet ikkonċernati minnhom iċ-ċaħda tal-politiki li għandhom bħala effett li jrażżnu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni u li jostakolaw l-iggvernar tajjeb. Għalkemm dawn huma ċertament miżuri intiżi li jaġixxu indirettament, l-idea li hija l-bażi tagħhom hija li dawk li huma suġġetti għalihom jiċħdu dawn il-politiki sabiex ir-restrizzjonijiet li huma suġġetti għalihom jitħassru fir-rigward tagħhom, u huwa biss b’dan il-mod li l-Unjoni tkun tista’ tinfluwenza l-politiki taż-Zimbabwe, Stat terz sovran. Barra minn hekk, l-atti kkontestati kienu r-riżultat sussegwenti tat-tħassib serju tal-awtoritajiet tal-Unjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe u li rreferew għal dan għall-ewwel darba għaxar snin qabel. Issa, dan it-tħassib, li n-natura ġġustifikata tiegħu ma hijiex ikkontestata, kien għadu jippersisti fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, bl-intenzjoni li din is-sitwazzjoni daqstant twila tiġi fi tmiem. Fl-aħħar nett, l-imsemmija miżuri jippreżentaw, min-natura tagħhom, natura temporanja u reversibbli u għalhekk, ma jippreġudikawx il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati. Dan huwa iktar u iktar applikabbli peress li dawn huma persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti fiż-Żimbabwe u mhux ġewwa l-Unjoni, li jagħmel mod li l-inkonvenjenzi li jirriżultaw minn dawn il-miżuri, minkejja inkontestabbilment importanti, ma humiex daqstant vinkolanti daqs fil-każ ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti ġewwa l-Unjoni.

(ara l-punti 290, 296-298, 300)

17.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 295)