Language of document : ECLI:EU:C:2013:147

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ Marzu 2013 (*)

“Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Xandir minn terz permezz tal-Internet tal-programmi ta’ xandara ta’ televiżjoni kummerċjali – ‘Live streaming’ – Komunikazzjoni lill-pubbliku”

Fil-Kawża C‑607/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales) (Chancery Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Novembru 2011, fil-proċedura

ITV Broadcasting Ltd,

ITV 2 Ltd,

ITV Digital Channels Ltd,

Channel 4 Television Corporation,

4 Ventures Ltd,

Channel 5 Broadcasting Ltd,

ITV Studios Ltd

vs

TVCatchup Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Lenaerts, viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, J. Malenovský (Relatur), U. Lõhmus u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ITV Broadcasting Ltd, ITV 2 Ltd, ITV Digital Channels Ltd, Channel 4 Television Corporation, 4 Ventures Ltd, Channel 5 Broadcasting Ltd u ITV Studios Ltd, minn J. Mellor, QC, J. Bowhill, barrister, kif ukoll minn P. Stevens u J. Vertes, solicitors,

–        għal TVCatchup Ltd, minn L. Gilmore, solicitor, u M. Howe, QC,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski u L. Christie, bħala aġenti, assistiti minn C. May, barrister,

–        għall-Gvern Franċiż, minn MM G. de Bergues u M. Perrot, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u N. Conde, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata minn ITV Broadcasting Ltd, ITV 2 Ltd, ITV Digital Channels Ltd, Channel 4 Television Corporation, 4 Ventures Ltd, Channel 5 Broadcasting Ltd u ITV Studios Ltd kontra TVCatchup Ltd (iktar ’il quddiem “TVC”) fir-rigward tax-xandir minn din tal-aħħar permezz tal-Internet u kważi dak il-ħin stess, tal-programmi televiżivi mxandra mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 23 u 27 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdu:

“(23) Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.

[…]

(27)      Is-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva.”

4        Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva msemmija, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[…]

3.      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

5        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/CEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134):

“Stati Membri li jkollhom jedd li jxandru għandhom jipprovdu jedd esklussiv għall-awtur li jawtorizza l-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita ta’ xogħlijiet li jkollhom id-drittijiet ta’ l-awtur […]”

6        L-Artikolu 8(1) ta’ din id-Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li meta programmi minn Stati Membri oħra jkunu trasmessi mill-ġdid permezz bil-cable fit-territorju tagħhom ikunu osservati d-drittijiet ta’ l-awtur applikabbli u l-jeddijiet relatati u li dik ir-ri-trasmissjoni ssir abbażi ta’ ftehim kuntrattwali individwali jew kollettiv bejn dawk li jkollhom il-drittijiet ta’ l-awtur, dawk li jkollhom il-jeddijiet relatati u operaturi tal-cable.”

 Id-dritt Ingliż

7        It-Taqsima 20 tal-Liġi tal-1988 dwar id-drittijiet tal-awtur, id-disinni u l-privattivi (Copyright, Designs and Patents Act 1988), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, intitolata “Vjolazzjoni permezz ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku”, tipprovdi:

“1.      Il-komunikazzjoni tax-xogħolijiet lill-pubbliku hija att limitat bid-drittijiet tal-awtur fuq

a)      xogħlijiet letterarji, drammatiċi, mużikali jew artistiċi;

b)      reġistrazzjoni ta’ ħoss jew film; jew

c)      xogħlijiet imxandra.

2.      Ir-riferenzi magħmula f’din il-parti għall-komunikazzjoni lill-pubbliku isiru għall-komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ trażmissjoni elettronika, u fir-rigward ta’ xogħolijiet, dawn jinkludu

a)      ix-xandir tax-xogħlijiet;

b)      it-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet permezz ta’ trażmissjoni elettronika b’tali mod li l-membri tal-pubbliku jkun jista’ jkollhom aċċess għalihom fil-post u fil-mument li jgħażlu huma b’mod individwalizzat.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma xandara tat-televiżjoni kummerċjali li għandhom drittijiet tal-awtur, abbażi tad-dritt nazzjonali, fuq il-programmi tat-televiżjoni tagħhom kif ukoll fuq il-films u l-elementi l-oħra inklużi fil-programmi tagħhom. Huma jiġu ffinanzjati mir-reklami miksuba mill-programmi tagħhom.

9        TVC toffri servizzi ta’ xandir ta’ programmi televiżivi minn fuq l-Internet. Dawn is-servizzi jippermettu lill-utenti li jirċievu “b’mod dirett” permezz tal-Internet, flussi ta’ programmi televiżivi mingħajr ħlas, inklużi l-programmi televiżivi mxandra mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

10      TVC tiżgura l-fatt li l-utenti tas-servizzi tagħha jiksbu biss aċċess għal kontenut li huma diġà legalment intitolati li jaraw fir-Renju Unit permezz tal-liċenzja tat-televiżjoni tagħhom. B’hekk, il-kundizzjonijiet li fuqhom l-utenti għandhom jesprimu l-kunsens tagħhom jinkludu l-pussess ta’ liċenzja tat-televiżjoni valida u r-restrizzjoni tal-użu tas-servizzi ta’ TVC ġewwa r-Renju Unit. Is-sit Internet ta’ TVC għandu apparat li jippermetti li jiġi identifikat il-post fejn jinsab l-utent u li jirrifjuta l-aċċess meta ma jkunux sodisfatti l-kundizzjonijiet imposti fuq l-utenti.

11      Is-servizzi pprovduti minn TVC huma ffinanzjati mir-reklamar. Dan huwa reklamar awdjoviżiv ippreżentat qabel ma jkun jista’ jintwera l-fluss ta’ video tal-programm ikkonċernat. Ir-reklamar li kien diġà jinsab fil-programmi oriġinali jinżamm mingħajr bdil u jintbgħat lill-utent bħala element tal-fluss. Reklamar “inserit” (“in‑skin”) jidher ukoll fuq il-kompjuter jew kull apparat ieħor tal-utent.

12      Fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, TVC tuża erba’ gruppi ta’ servers, jiġifieri s-servers ta’ riċezzjoni, ta’ kodifikazzjoni, ta’ oriġini u ta’ distribuzzjoni.

13      Is-sinjali ta’ riċezzjoni użati minn TVC huma s-sinjali ta’ xandir normali, terrestri u bis-satellita, trażmessi mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Is-sinjali jinqabdu permezz ta’ antenna u jiġu trażmessi lis-servers ta’ riċezzjoni li jiksbu l-flussi ta’ video individwali tas-sinjal irċevut mingħajr ma jbiddluhom. Is-servers ta’ kodifikazzjoni jikkonvertu dawn il-flussi f’format ta’ kompressjoni differenti. Sussegwentement, is-servers ta’ oriġini jippreparaw flussi video sabiex jibgħatuhom fuq l-Internet f’formati differenti. Lil hinn minn dan il-punt, l-istazzjonijiet proposti minn TVC huma suġġetti għal trattament supplimentari biss jekk mill-inqas utent wieħed ikun talab l-istazzjon inkwistjoni. Jekk stazzjon partikolari ma jintalab minn ebda utent, is-sinjal jintilef.

14      Is-servers ta’ distribuzzjoni huma konnessi mal-kompjuter jew mat-telefon ċellulari tal-utent permezz tal-Internet. Meta server ta’ distribuzzjoni jirċievi talba għal stazzjon mingħand utent, dan jaqbad mas-server ta’ oriġini li jxandar l-istazzjon, sakemm l-istazzjon inkwistjoni ma jkunx diġà qiegħed jixxandar mis-server ta’ distribuzzjoni lil utent ieħor. Is-software tas-server ta’ distribuzzjoni joħloq fluss separat għal kull utent li jitlob stazzjon mingħandu. B’hekk, pakkett individwali ta’ data jintbagħat lil utent individwali u mhux lil grupp ta’ utenti.

15      Il-flussi pprovduti mis-servers ta’ distribuzzjoni jistgħu jkunu f’formati differenti. Il-formati użati huma l-fluss Adobe Flash, għall-kompjuters, HTTP, għall-apparati mobbli ta’ Apple, kif ukoll RTSP, għat-telefoni ċellulari Android u Blackberry.

16      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu lil TVC quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) (Chancery Division) minħabba ksur tad-drittijiet tal-awtur tagħhom fuq il-programmi u l-films tagħhom minħabba, b’mod partikolari, komunikazzjoni lill-pubbliku pprojbita mill-Artikolu 20 tal-Liġi tal-1988 dwar id-drittijiet tal-awtur, id-disinni u l-privattivi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, u mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

17      Skont il-qorti tar-rinviju, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, Ġabra p. I‑11519), u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Airfield u Canal Digitaal (C‑431/09 u C‑432/09, Ġabra, p.I-9363), ma jippermettux li jiġi ddeterminat b’mod ċar jekk organizzazzjoni, bħal TVC, iwettaqx “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 meta, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-atti tiegħu u bil-għan li jiġbed lejh pubbliku għat-trażmissjonijiet u għar-reklami tiegħu stess, ixandar fuq l-Internet programmi mxandra lil membri tal-pubbliku li kellhom id-dritt ta’ aċċess għas-sinjal ta’ xandir oriġinali billi jużaw l-apparat televiżiv tagħhom jew il-kompjuters portabbli tagħhom għandhom.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales) (Chancery Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dritt ta’ awtorizzazzjoni jew projbizzjoni tal-‘komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili’ fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2001/29] jestendi għal każ fejn:

i)      Awturi jawtorizzaw l-inklużjoni ta’ xogħlijiet tagħhom f’xandira televiżiva terrestri mingħajr ħlas li hija maħsuba għar-riċezzjoni jew fit-territorju kollu ta’ Stat Membru, jew f’żona ġeografika fi ħdan Stat Membru;

ii)      Parti terza (jiġifieri organizzazzjoni li ma hijiex ix-xandar oriġinali) tipprovdi servizz li bih abbonati individwali fiż-żona maħsuba għar-riċezzjoni tax-xandira li jistgħu legalment jirċievu x-xandira fuq riċevitur tat-televiżjoni fi djarhom stess jistgħu jaqbdu ma’ server tal-parti terza u jirċievu l-kontenut tax-xandira permezz ta’ streaming fuq l-internet?

2)      Tagħmel xi differenza lir-risposta għad-domanda preċedenti jekk:

a)      Is-server ta’ parti terza jippermetti biss konnessjoni ‘one-to-one’ għal kull abbonat fejn kull abbonat individwali jistabbilixxi l-konnessjoni bl-internet tiegħu jew tagħha stess mas-server u kull pakkett ta’ data mibgħut mis-server fuq l-internet ikun indirizzat lil abbonat individwali wieħed biss?

b)      Is-servizz tal-parti terza jkun iffinanzjat minn reklamar li huwa ppreżentat ‘pre-roll’ (jiġifieri matul il-perjodu ta’ ħin wara li l-abbonat jagħmel login iżda qabel ma huwa jew hija jibdew jirċievu l-kontenut tax-xandira) jew ‘in-skin’ (jiġifieri fi ħdan l-qafas tas-software użat għal wiri li juri l-programm riċevut fuq l-apparat viżiv tal-abbonat iżda barra l-istampa tal-programm) iżda r-reklami oriġinali li hemm fix-xandira jiġu ppreżentati lill-abbonat fil-punt fejn dawn huma mdaħħla fil-programm mix-xandar?

c)      L-organizzazzjoni intervenjenti:

i)      tipprovdi servizz alternattiv għal dak tax-xandar oriġinali, b’hekk taġixxi f’kompetizzjoni diretta max-xandar oriġinali għat-telespettaturi, jew

ii)      taġixxi f’kompetizzjoni diretta max-xandar oriġinali għal dħul mir-reklamar?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda u fuq id-domanda 2(a)

19      Bl-ewwel domanda u bid-domanda 2(a) tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandux jiġi interpretat fis-sens li din tkopri xandir mill-ġdid tax-xogħlijiet inklużi f’xandira televiżiva terrestri

–        li tixxandar minn organizzazzjoni differenti mix-xandar oriġinali,

–        permezz ta’ fluss tal-Internet li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-abbonati ta’ din l-organizzazzjoni li jistgħu jirċievu din ix-xandira mill-ġdid billi jagħmlu konnessjoni mas-server tagħha,

–        bil-kundizzjoni li dawn l-abbonati jkunu jinsabu fiż-żona ta’ riċezzjoni tax-xandira televiżiva terrestri msemmija u jistgħu jirċievu din ix-xandira legalment fuq riċevitur tat-televiżjoni.

20      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2001/29 għandha l-għan prinċipali li tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi, li tippermettilhom jiksbu remunerazzjoni adegwata għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari f’każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku għandu jinftiehem fis-sens wiesa’, kif barra minn hekk tipprovdi b’mod espliċitu t-tlieta u għoxrin premessa ta’ din id-direttiva (sentenzi SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, Ġabra, p. I-9083, punt 186).

21      Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat il-kontenut tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni” u għandha tingħata risposta għall-kwistjoni jekk l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

22      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 2001/29 ma tiddefinixxix, b’mod eżawrjenti, il-kunċett ta’ komunikazzjoni. B’hekk, għandhom jiġu ppreċiżati s-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett fir-rigward tal-kuntest li dan jinsab fih kif ukoll fid-dawl tal-għan imsemmi fil-punt 20 ta’ din is-sentenza.

23      Mill-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta b’mod partikolari li d-dritt tal-awtur ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jkopri kull trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħlijiet lill-pubbliku mhux preżenti fil-post ta’ oriġini tal-komunikazzjoni, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(3) ta’ din id-Direttiva jirriżulta li l-awtorizzazzjoni tal-inklużjoni tax-xogħlijiet protetti f’komunikazzjoni lill-pubbliku ma teżawrixxix id-dritt ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ projbizzjoni ta’ komunikazzjonijiet lill-pubbliku oħrajn ta’ dawn ix-xogħlijiet.

24      Isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta rregola s-sitwazzjonijiet li fihom xogħol partikolari jkun is-suġġett ta’ użi multipli, ried li kull trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħol li tuża mod tekniku speċifiku għandha tkun, fil-prinċipju, individwalment awtorizzata mill-awtur tax-xogħol inkwistjoni.

25      Barra minn hekk, dawn il-konstatazzjonijiet huma kkorroborati mill-Artikoli 2 u 8 tad-Direttiva 93/83 li jeħtieġu awtorizzazzjoni ġdida għal tażmissjoni mill-ġdid simultanja, mhux mibdula u sħiħa, bis-satellita jew bil-cable, ta’ trażmissjoni inizjali ta’ programmi televiżivi jew tar-radju li fihom xogħlijiet protetti, minkejja li dawn il-programmi setgħu kienu diġà rċevuti fiż-żona ta’ kopertura tagħhom b’metodi tekniċi oħra, bħal pereżempju bil-frekwenzi tar-radju tan-netwerks terrestri.

26      Peress li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet permezz tat-trażmissjoni mill-ġdid fuq l-Internet ta’ xandira televiżiva terrestri ssir skont metodu tekniku speċifiku li huwa differenti minn dak tal-komunikazzjoni oriġinali, din għandha titqies bħala “komunikazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Konsegwentement, tali trażmissjoni mill-ġdid ma tistax tkun eżenti mill-awtorizzazzjoni tal-awturi tax-xogħlijiet trażmessi mill-ġdid meta dawn ikunu kkomunikati lill-pubbliku.

27      Il-konklużjoni msemmija ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-oġġezzjoni ta’ TVC li tgħid li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet fuq l-Internet bħal dak fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi sempliċi metodu tekniku intiż sabiex tiġi żgurata jew imtejba r-riċezzjoni tax-xandir televiżiv terrestri fiż-żona ta’ kopertura tagħha.

28      Ċertament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sempliċi metodu tekniku intiż sabiex tiġi żgurata jew imtejba t-trażmissjoni oriġinali fiż-żona ta’ kopertura tagħha ma jikkostitwixxix “komunikazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Football Association Premier League et, punt 194, kif ukoll Airfield u Canal Digitaal, punti 74 u 79).

29      B’hekk, l-intervent ta’ tali metodu tekniku għandu jkun limitat sabiex iżomm jew iżid il-kwalità tar-riċezzjoni ta’ trażmissjoni diġà eżistenti u ma jistax iservi għal trażmissjoni differenti tagħha.

30      F’din il-kawża, l-intervent ta’ TVC jikkonsisti fi trażmissjoni tax-xogħlijiet protetti inkwistjoni li hija differenti minn dik magħmula mill-organizzazzjoni tax-xandir ikkonċernata. L-intervent ta’ TVC ma huwa bl-ebda mod intiż sabiex iżomm jew iżid il-kwalità tar-riċezzjoni tat-trażmissjoni magħmula minn din l-organizzazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-intervent imsemmi ma jistax jitqies bħala sempliċi metodu tekniku fis-sens ippreċiżat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza.

31      Fit-tieni lok, sabiex ikunu jidħlu fil-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, hemm bżonn ukoll li x-xogħlijiet protetti jkunu effettivament ikkomunikati lil “pubbliku”.

32      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ pubbliku li tirreferi għalih id-dispożizzjoni msemmija jkopri numru indeterminat ta’ telespettaturi potenzjali u jimplika, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      B’mod iktar partikolari, f’dak li jikkonċerna dan l-aħħar kriterju, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett kumulattiv li jirriżulta mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet għand id-destinatarji. F’dan ir-rigward, huwa b’mod partikolari rilevanti li jkun magħruf kemm persuni għandhom aċċess għall-istess xogħlijiet b’mod parallel u suċċessiv (sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

34      F’dan il-kuntest, huwa irrilevanti l-punt jekk id-destinatarji potenzjali għandhomx aċċess għax-xogħlijiet ikkomunikati permezz ta’ konnessjoni one-to-one. Fil-fatt, din it-teknika ma tipprekludix lil numru kbir ta’ persuni milli jkollhom aċċess b’mod parallel għall-istess xogħlijiet.

35      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li t-trażmissjoni mill-ġdid tax-xogħlijiet permezz tal-Internet inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża għall-persuni kollha residenti fir-Renju Unit, li għandhom konnessjoni tal-Internet u li jiddikjaraw li għandhom liċenzja tat-televiżjoni f’dan l-Istat. Dawn il-persuni jistgħu jaċċedu għax-xogħlijiet protetti b’mod parallel, fil-kuntest tal-“live streaming” tal-programmi televiżivi fuq l-Internet.

36      B’hekk, it-trażmissjoni mill-ġdid imsemmija hija intiża għal numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u timplika lil numru kbir ta’ persuni. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, bit-trażmissjoni mill-ġdid inkwistjoni, ix-xogħlijiet protetti huma effettivament ikkomunikati lil “pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

37      Madankollu, TVC tippretendi li t-trażmissjoni mill-ġdid inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissodisfax il-kundizzjoni tal-pubbliku ġdid li madankollu hija neċessarja skont is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq SGAE (punt 40), Football Association Premier League et (punt 197), kif ukoll Airfield u Canal Digitaal (punt 72). Fil-fatt, id-destinatarji tat-trażmissjoni mill-ġdid magħmula minn TVC għandhom id-dritt li jsegwu l-programm imxandar, ta’ kontenut identiku, permezz tal-apparati tat-televiżjoni tagħhom.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjonijiet eżaminati fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi msemmija huma differenti ħafna minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, fil-kawżi msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat sitwazzjonijiet li fihom operatur kien għamel aċċessibbli, permezz tal-intervent intenzjonali tiegħu, xandira li tinkludi xogħlijiet protetti lil pubbliku ġdid li ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni mill-awturi kkonċernati meta dawn awtorizzaw it-trażmissjoni mxandra inkwistjoni.

39      Min-naħa l-oħra, din il-kawża prinċipali tikkonċerna t-trażmissjoni tax-xogħlijiet inklużi f’xandira terrestri u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-istess xogħlijiet fuq l-Internet. Hekk kif jirriżulta mill-punti 24 sa 26 ta’ din is-sentenza, kull waħda minn dawn iż-żewġ trażmissjonijiet għandha tiġi awtorizzata individwalment u separatament mill-awturi kkonċernati peress li kull waħda minnhom issir f’kundizzjonijiet tekniċi speċifiċi, skont metodu differenti ta’ trażmissjoni ta’ xogħlijiet protetti u kull waħda intiża għal pubbliku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma fadalx lok li tiġi eżaminata, downstream, il-kundizzjoni tal-pubbliku ġdid li hija rilevanti biss fis-sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tippronunzja ruħha fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq SGAE, Football Association Premier League et, kif ukoll Airfield u Canal Digitaal.

40      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda u għad-domanda 2(a) għandha tkun li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri trażmissjoni mill-ġdid tax-xogħlijiet inklużi f’xandira televiżiva terrestri

–        li ssir minn organizzazzjoni differenti mix-xandar oriġinali,

–        permezz ta’ fluss Internet li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-abbonati ta’ din l-organizzazzjoni li jistgħu jirċievu din it-trażmissjoni mill-ġdid billi jagħmlu konnessjoni mas-server tagħha,

–        minkejja li dawn l-abbonati jkunu jinsabu fiż-żona ta’ riċezzjoni tal-imsemmija xandira televiżiva terrestri u jistgħu jirċievuha legalment fuq riċevitur tat-televiżjoni.

 Fuq id-domanda 2(b)

41      Permezz tad-domanda 2(b) tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hijiex influwenzata mill-fatt li trażmissjoni mill-ġdid, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ffinanzjata mir-reklamar u b’hekk għandha natura lukrattiva.

42      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament irrilevat li n-natura lukrattiva ta’ “komunikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ma hijiex irrilevanti (sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 204). Madankollu, hija aċċettat li tali natura ma hijiex neċessarjament kundizzjoni indispensabbli li tiddetermina l-eżistenza stess ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

43      B’hekk, in-natura lukrattiva ma hijiex determinanti għall-kwalifika ta’ trażmissjoni mill-ġdid, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala “komunikazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

44      Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda 2(b) għandha tkun li r-risposta għall-ewwel domanda ma hijiex influwenzata mill-fatt li trażmissjoni mill-ġdid, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ffinanzjata mir-reklamar u b’hekk għandha natura lukrattiva.

 Fuq id-domanda 2(c)

45      Bid-domanda 2(c) tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tiġix influwenzata mill-fatt li trażmissjoni mill-ġdid, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, issir minn organizzazzjoni li tinsab f’kompetizzjoni diretta max-xandar oriġinali.

46      F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li ma jirriżulta la mid-Direttiva 2001/29 u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-organizzazzjonijiet li jwettqu trażmissjonijiet b’mod parallel ta’ xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur jew trażmissjonijiet mill-ġdid suċċessivi għalihom ma hija rilevanti għall-finijiet tal-kwalifika ta’ trażmissjoni bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

47      Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda 2(c) għandha tkun li r-risposta għall-ewwel domanda ma hijiex influwenzata mill-fatt li trażmissjoni mill-ġdid, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, issir minn organizzazzjoni li tinsab f’kompetizzjoni diretta max-xandar oriġinali.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri trażmissjoni mill-ġdid tax-xogħlijiet inklużi f’xandira televiżiva terrestri

–        li ssir minn organizzazzjoni differenti mix-xandar oriġinali,

–        permezz ta’ fluss Internet li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-abbonati ta’ din l-organizzazzjoni li jistgħu jirċievu din it-trażmissjoni mill-ġdid billi jagħmlu konnessjoni mas-server tagħha,

–        minkejja li dawn l-abbonati jkunu jinsabu fiż-żona ta’ riċezzjoni tal-imsemmija xandira televiżiva terrestri u jistgħu jirċievuha legalment fuq riċevitur tat-televiżjoni.

2)      Ir-risposta għall-ewwel domanda ma hijiex influwenzata mill-fatt li trażmissjoni mill-ġdid, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ffinanzjata mir-reklamar u b’hekk għandha natura lukrattiva.

3)      Ir-risposta għall-ewwel domanda ma hijiex influwenzata mill-fatt li trażmissjoni mill-ġdid, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, issir minn organizzazzjoni li tinsab f’kompetizzjoni diretta max-xandar oriġinali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.