Language of document : ECLI:EU:C:2019:721

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Settembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘xogħol’ – Protezzjoni tax-xogħlijiet mid-drittijiet tal-awtur – Kundizzjonijiet – Koordinazzjoni bil-protezzjoni tad-disinni – Direttiva 98/71/KE – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Disinni ta’ ħwejjeġ”

Fil-Kawża C‑683/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura

Cofemel – Sociedade de Vestuário SA

vs

G-Star Raw CV

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, F. Biltgen, J. Malenovský (Relatur), C.G. Fernlund u L.S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Principali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Cofemel – Sociedade de Vestuário, SA, minn I. Bairrão u J. P. de Oliveira Vaz Miranda de Sousa, advogados,

–        għal G-Star Raw CV, minn A. Grosso Alves u G. Paiva e Sousa, advogados,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn P. Salvação Barreto, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. De Luca, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon u Z. Lavery, bħala aġenti, assistiti minn J. Moss, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda kif ukoll minn B. Rechena u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Cofemel – Sociedade de Vestuário, SA (iktar ’il quddiem “Cofemel”) U G-Star Raw CV (iktar ’il quddiem “G-Star”) dwar l-osservanza tad-drittijiet tal-awtur mitluba minn G-Star.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Konvenzjoni ta’ Berna

3        L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”) jipprovdi, b’mod partikolari, fil-paragrafu 7 tiegħu:

“Huwa rriservat għal-leġiżlazzjonijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni [stabbilita minn din il-konvenzjoni] li jirregolaw il-qasam ta’ applikazzjoni tal-liġijiet li jikkonċernaw ix-xogħlijiet tal-arti applikata u d-disinni industrijali, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet u disinni […]. Ix-xogħlijiet protetti unikament bħala disinni fil-pajjiż ta’ oriġini huma intitolati, f’pajjiż ieħor tal-Unjoni [stabbilita mill-imsemmija konvenzjoni], biss għal dik il-protezzjoni speċjali li tingħata f’dak il-pajjiż lid-disinni; madankollu, jekk protezzjoni speċjali bħal din ma tingħatax f’dak il-pajjiż, dawn ix-xogħlijiet għandhom jiġu protetti bħala xogħlijiet artistiċi.”

 It-Trattat tal-WIPO fuq id-drittijiet tal-awtur

4        Fl-20 ta’ Diċembru 1996 l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève t-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem it-“Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur”), li kien ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).

5        Skont l-Artikolu 1(4) tat-Trattat WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, intitolat “Relazzjoni mal-[k]onvenzjoni ta’ Berne”:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 21 u mal-Appendiċi tal-Konvenzjoni ta’ Berne.”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2001/29

6        Il-premessa 60 tad-Direttiva 2001/29 tiddikjara:

“Il-protezzjoni li hemm provdut dwarha skond din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet legali nazzjonali jew tal-Komunità f’dawn l-oqsma, bħal proprjetà industrijali, […]”

7        L-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva huma rispettivament intitolati “Dritt ta’ riproduzzjoni”, “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor” u “Dritt ta’ distribuzzjoni”. Dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq l-Istati Membri b’mod partikolari li jiggarantixxu lill-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom (Artikolu 2(a)), id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku (Artikolu 3(1)) u d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu d-distribuzzjoni (Artikolu 4(1)).

8        L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjoni kontinwa ta’ disposizzjonijiet legali oħra”, jipprevedi li din ma taffettwax id-dispożizzjonijiet dwar oqsma oħra. Diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan l-artikolu, fosthom il-verżjoni Ġermaniża, Ingliża, Spanjola, Franċiża u Taljana, jispeċifikaw li dawn l-oqsma jinkludu b’mod partikolari dawk tal-privattivi, tat-trade marks, tad-drittijiet ta’ disinni kif ukoll tal-mudelli ta’ utilità. Il-verżjoni Portugiża tal-imsemmi artikolu tirriferi, min-naħa tagħha, għall-oqsma tal-privattivi, tat-trade marks u tal-mudelli ta’ utilità, mingħajr ma ssemmi dik tad-disinni.

 Id-Direttiva 98/71

9        Il-premessa 8 tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120), hija fformulata kif ġej:

“Billi, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni ta’ liġi tad-dritt ta’ l-awtur, huwa importanti li jkun stabbilit il-prinċipju tal-kumulu ta’ protezzjoni taħt il-liġi ta’ protezzjoni tad-disinn speċifikament reġistrat u taħt il-liġi tad-dritt ta’ l-awtur, filwat li Stati Membri jitħallew ħielsa li jistabbilixxu sa fejn għandha tingħata l-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur u l-kondizzjonijiet li jirregolaw dik il-protezzjoni”.

10      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Definizzjonijiet”, jispeċifika fil-punt (a) tiegħu li l-kunċett ta’ “disinn” jirreferi għad-“dehra tal-prodott kollu jew parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi, b’mod partikolari, ta’ linji, kontorni, kuluri, għamla, nisġa u/jew materjali tal-prodott innifsu u/jew it-tiżjin tiegħu”.

11      L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Relazzjoni mad-dritt ta’ l-awtur”, jipprevedi:

“Disinn protett minn dritt ta’ disinn reġistrat fi jew għal Stat Membru skont din id-Direttiva għandu jkun eliġibbli wkoll għal protezzjoni taħt il-liġi tad-dritt ta’ l-awtur ta’ dak l-Istat sa mid-data li fiha d-disinn ikun inħoloq jew stabbilit f’kull forma. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sa fejn u l-kondizzjonijiet li bihom tingħata dik il-protezzjoni, magħdud il-grad ta’ oriġinalità meħtieġ.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 6/2002

12      Skont il-premessa 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142):

“Fin-nuqqas ta’ l-armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet dwar id-drittijiet ta’ l-awtur, huwa importanti li jiġi stabbilit il-prinċipju tal-kumulu tal-protezzjoni taħt id-disinn Komunitarju u taħt il-liġijiet tad-drittijiet ta’ l-awtur, filwaqt li l-Istati Membri jitħallew ħielsa li jistabbilixxu safejn u sakemm iwasslu l-liġi tad-drittijiet ta’ l-awtur u l-kondizzjonijiet li taħthom tiġi kkonferita din il-protezzjoni.”

13      L-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “disinn” bl-istess termini bħall-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 98/71.

14      L-Artikolu 96 tal-imsemmi regolament, intitolat “Relazzjoni ma’ għamliet oħra tal-protezzjoni skond il-liġijiet nazzjonali”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Disinn protett minn disinn Komunitarju għandu jkun eliġibbli wkoll għall-protezzjoni skond il-liġijiet tad-drittijiet ta’ l-awtur ta’ l-Istati Membri mid-data li fiha d-dritt kien maħluq jew iffissat f’kull għamla. Safejn u sakemm li għalihom din il-protezzjoni tiġi kkonferita u l-kondizzjonijiet li fuqhom din il-protezzjoni tiġi kkonferita, inkluż il-livell meħtieġ ta’ l-oriġinalità, għandhom jiġu stabbiliti minn kull Stat membru.”

 Id-dritt Portugiż

15      L-Artikolu 2 tal-Código de Direito de Autor e dos Direitos Conexos (il-Kodiċi tad-Drittijiet tal-Awtur u tad-Drittijiet Relatati) intitolat “Xogħlijiet oriġinali” huwa, fil-paragrafu 1 tiegħu, ifformulat kif ġej:

“1.      Il-kreazzjonijiet intellettwali fl-oqsma letterarji, xjentifiċi u artistiċi, ikun xi jkun il-ġeneru tagħhom, il-forma ta’ espressjoni, il-mertu, il-mod ta’ komunikazzjoni u l-għan, jinkludu b’mod partikolari:

[…]

i)      ix-xogħlijiet tal-arti applikata, disinni industrijali u xogħlijiet tal-arti li jikkostitwixxu kreazzjoni artistika, irrispettivament mill-protezzjoni tal-proprjetà industrijali;

[…]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Cofemel u G-Star huma żewġ kumpanniji attivi fis-settur tal-ħolqien, tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ħwejjeġ.

17      Mis-snin 90, G-Star tuża, bħala detentriċi jew bis-saħħa ta’ kuntratti ta’ liċenzja esklużiva, it-trade marks G-STAR, G-STAR RAW, G-STAR DENIM RAW, GS-RAW, G-RAW u RAW. Il-ħwejjeġ maħsuba, prodotti u kkummerċjalizzati taħt dawn it-trade marks jinkludu b’mod partikolari mudell ta’ jeans imsejjaħ “Arc” kif ukoll mudell ta’ sweatshirt u ta’ teeshirt imsejjaħ “ROWDY”.

18      Cofemel tikkonċepixxi, tipproduċi u tikkummerċjalizza wkoll, taħt it-trade mark “TIFFOSI”, jeans, sweatshirts u tee-shirts.

19      Fit-30 ta’ Awwissu 2013, G-Star adixxiet lil qorti Portugiża tal-ewwel istanza b’rikors intiż sabiex Cofemel tiġi ordnata tieqaf milli tikser id-drittijiet tal-awtur tagħha u milli timmina atti ta’ kompetizzjoni żleali fil-konfront tagħha, kif ukoll sabiex tikkumpensa d-dannu mġarrab minħabba dan il-fatt u, fil-każ ta’ ksur ġdid, li tħallasha pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum sa meta dan tal-aħħar jieqaf. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, G-Star sostniet, b’mod partikolari, li xi wħud mill-mudelli ta’ jeans, sweatshirts u tee-shirts prodotti minn Cofemel kienu analogi għall-mudelli tagħha “ARC” u “ROWDY”. G-Star sostniet ukoll li dawn il-mudelli ta’ ħwejjeġ tal-aħħar kienu jikkostitwixxu kreazzjonijiet intellettwali oriġinali u li, għal din ir-raġuni, huma kellhom jiġu kkwalifikati bħala “xogħlijiet” li jibbenefikaw minn protezzjoni taħt id-drittijiet tal-awtur.

20      Cofemel iddefendiet ruħha billi argumentat b’mod partikolari li dawn il-ħwejjeġ ma setgħux jiġu kklassifikati bħala “xogħlijiet” li jibbenefikaw minn tali protezzjoni.

21      Il-Qorti tal-ewwel istanza adita minn G-Star laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ din tal-aħħar, billi kkundannat lil Cofemel, fost oħrajn, sabiex tieqaf milli tikser id-drittijiet tal-awtur ta’ G-Star, li tħallasha somma li tikkorrispondi għall-profitti miksuba mill-bejgħ ta’ ħwejjeġ prodotti bi ksur ta’ dawn id-drittijiet tal-awtur u li tħallasha pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum fil-każ ta’ ksur ġdid.

22      Cofemel appellat minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona, il-Portugall), li kkonfermatha. Insostenn tad-deċiżjoni tagħha, din il-qorti qieset, qabel kollox, li l-Artikolu 2(1)(i) tal-Kodiċi dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet konnessi kellu jinftiehem, fid-dawl tad-Direttiva 2001/29, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465), u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C‑145/10, EU:C:2011:798), fis-sens li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tibbenefika lil xogħlijiet tal-arti applikata, lid-disinni industrijali u lix-xogħlijiet ta’ disinn bil-kundizzjoni li dawn ikunu ta’ natura oriġinali, jiġifieri li jikkostitwixxu r-riżultat ta’ kreazzjoni intellettwali tal-awtur tagħhom, mingħajr ma jkun meħtieġ livell partikolari ta’ valur estetiku jew artistiku. Sussegwentement, l-imsemmija qorti kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-mudelli tal-ħwejjeġ “ARC” u “ROWDY” ta’ G-Star kienu jikkostitwixxu xogħlijiet li jibbenefikaw minn protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. Fl-aħħar nett, hija kkunsidrat li xi wħud mill-ħwejjeġ prodotti minn Cofemel kienu jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur ta’ G-Star.

23      Adita b’appell minn Cofemel, il-qorti tar-rinviju, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall) tqis, fl-ewwel lok, li huwa stabbilit, l-ewwel nett, li l-mudelli ta’ ħwejjeġ ta’ G-Star li huma inkwistjoni fil-kuntest ta’ dan l-appell kienu maħsuba, jew minn designers impjegati minn G-Star, jew minn designers li jaġixxu f’isem din tal-aħħar u li jkunu ttrażmettew kuntrattwalment id-drittijiet tal-awtur tagħhom. It-tieni nett, dawn il-mudelli tal-ħwejjeġ huma r-riżultat ta’ kunċetti u ta’ proċessi ta’ manifattura rrikonoxxuti bħala innovattivi fid-dinja tal-moda. It-tielet nett, huma jinkludu diversi elementi speċifiċi (forma fi tliet dimensjonijiet, skema ta’ assemblaġġ tal-partijiet, post ta’ ċerti komponenti, eċċ.), li parzjalment ġew irriprodotti minn Cofemel bil-ħsieb tat-tiswir ta’ ħwejjeġ tat-trade mark tagħha.

24      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 2(1)(i) tal-Kodiċi tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet konnessi jinkludi b’mod ċar ix-xogħlijiet tal-arti applikata, id-disinni industrijali u x-xogħlijiet ta’ disinn fil-lista ta’ xogħlijiet li jibbenefikaw minn protezzjoni skont id-drittijiet tal-awtur, iżda ma jippreċiżax liema livell ta’ oriġinalità huwa meħtieġ sabiex oġġetti partikolari jiġu kklassifikati bħala xogħlijiet ta’ dan it-tip. Hija tindika wkoll li din id-domanda, li hija l-qofol tal-kawża bejn Cofemel u G-Star, ma ġġibx kunsens fil-ġurisprudenza u d-duttrina Portugiża. Għal din ir-raġuni, din il-qorti tistaqsi jekk għandux jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29 adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465), u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C‑145/10, EU:C:2011:798), li l-protezzjoni żgurata mid-drittijiet tal-awtur tibbenefika lil tali xogħlijiet bl-istess mod bħal kull xogħol letterarju u artistiku, u għalhekk bil-kundizzjoni li dawn ikunu ta’ natura oriġinali, fis-sens li huma r-riżultat ta’ kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess, jew jekk huwiex possibbli li l-għoti ta’ din il-protezzjoni jkun suġġett għall-eżistenza ta’ grad speċifiku ta’ valur estetiku jew artistiku.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ, regola li tirriżulta mill-Artikolu 2(1)(i) tal-Código de Direitos de Autor e Direitos Conexos (il-Kodiċi tad-Drittijiet tal-Awtur u Drittijiet Konnessi, iktar ’il quddiem iċ-‘CDADC’) – li tagħti protezzjoni tal-copyright lil xogħlijiet ta’ arti applikata, disinni industrijali jew lil xogħolijiet ta’ design li, lil hinn mill-għan utilitarju li jservu, joħolqu effett viżiv proprju u distintiv mill-perspettiva estetika, fejn l-oriġinalità tagħhom hija kriterju ċentrali għall-għoti ta’ protezzjoni, fl-ambitu tad-drittijiet tal-awtur?

2)      L-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ, regola li tirriżulta mill-Artikolu 2(1)(i) taċ-CDADC – li tagħti protezzjoni tal-copyright lil xogħlijiet ta’ arti applikata, disinni industrijali jew lil xogħolijiet ta’ design jekk, fid-dawl ta’ evalwazzjoni partikolarment eżiġenti fir-rigward tan-natura artistika tagħhom, u fid-dawl tal-ideat dominanti fiċ-ċirkoli kulturali u istituzzjonali, jixirqilhom li jiġu kklassifikati bħala ‘ħolqien artistiku’ jew ‘xogħol ta’ arti’?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

26      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti protezzjoni, abbażi tad-dritt tal-awtur, għal mudelli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għar-raġuni li, lil hinn mill-għan utilitarju tagħhom, dawn jiġġeneraw effett viżiv proprju u notevoli mill-perspettiva estetika.

27      Skont l-Artikolu 2 (a) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jipprovdu d-dritt esklużiv, għall-awturi, li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom.

28      Il-kelma “xogħol” li tirreferi għaliha din id-dispożizzjoni tinsab ukoll fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, dwar id-drittijiet esklużivi rrikonoxxuti lill-awtur ta’ xogħol f’dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku u d-distribuzzjoni tiegħu, kif ukoll fl-Artikolu 5, 6 u 7 ta’ din id-direttiva, li jirrigwardaw, l-ewwel, l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq dawn id-drittijiet esklużivi, u, l-aħħar tnejn, fuq il-miżuri tekniċi u l-miżuri ta’ informazzjoni li jiżguraw il-protezzjoni tal-imsemmija drittijiet esklużivi.

29      Il-kunċett ta’ “xogħol” imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet kollha jikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat u applikat b’mod uniformi, u li jippreżupponi l-għaqda ta’ żewġ elementi kumulattivi. Minn naħa, dan il-kunċett jimplika li jeżisti suġġett oriġinali, fis-sens li dan huwa kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess. Min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni ta’ “xogħol” hija rriżervata għall-elementi li huma l-espressjoni ta’ tali kreazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C‑5/08, EU:C:2009:465, punti 37 u 39, kif ukoll tat-13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo, C‑310/17, EU:C:2018:899, punti 33 u 35 sa 37, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-elementi, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex oġġett ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala oriġinali, huwa kemm neċessarju kif ukoll suffiċjenti li dan jirrifletti l-personalità tal-awtur tiegħu, billi jimmanifesta l-għażliet liberi u kreattivi ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punti 88, 89 u 94, kif ukoll tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C-161/17, EU:C:2018:634, punt 14).

31      Min-naħa l-oħra, meta t-twettiq ta’ suġġett ikun ġie ddeterminat minn kunsiderazzjonijiet tekniċi, permezz ta’ regoli jew minn restrizzjonijiet oħra, b’mod li ma ħalliex lok għall-eżerċizzju ta’ libertà kreattiva, dan is-suġġett ma jistax jitqies li għandu l-oriġinalità neċessarja sabiex jikkostitwixxi xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, Football Dataco et, C‑604/10, EU:C:2012:115, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fir-rigward tat-tieni element imsemmi fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “xogħol” imsemmi fid-Direttiva 2001/29 jimplika neċessarjament l-eżistenza ta’ oġġett identifikabbli bi preċiżjoni u oġġettività suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo, C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 40).

33      Fil-fatt, minn naħa, l-awtoritajiet responsabbli li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet esklużivi inerenti fid-drittijiet tal-awtur għandhom ikunu jistgħu jkunu jafu, b’mod ċar u preċiż, is-suġġett hekk protett. L-istess japplika għat-terzi li lilhom il-protezzjoni mitluba mill-awtur ta’ dan is-suġġett tista’ tiġi prekluża. Min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġi eskluż kull element ta’ suġġettività, ta’ ħsara għaċ-ċertezza legali, fil-proċess ta’ identifikazzjoni ta’ dan is-suġġett jippreżupponi li dan tal-aħħar ikun ġie espress b’mod oġġettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo, C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 41).

34      Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, ma tissodisfax il-ħtieġa ta’ preċiżjoni u oġġettività meħtieġa identifikazzjoni bbażata essenzjalment fuq is-sensazzjonijiet, intrinsikament suġġettivi, tal-persuna li tirċievi s-suġġett inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo, C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 42).

35      Meta oġġett jippreżenta l-karatteristiċi mfakkra fil-punti 30 u 32 ta’ din is-sentenza, u jikkostitwixxi għalhekk xogħol, huwa għandu, f’din il-kwalità, jibbenefika minn protezzjoni taħt id-dritt tal-awtur, skont id-Direttiva 2001/29, filwaqt li jiġi osservat li l-portata ta’ din il-protezzjoni ma tiddependix mil-livell ta’ libertà kreattiva li kellu l-awtur tagħha u li għalhekk ma hijiex inqas minn dik li minnha jibbenefika kull xogħol li jaqa’ taħt l-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punti 97 sa 99).

36      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, ir-risposta għall-ewwel domanda timplika, fl-ewwel lok, li jiġi ddeterminat jekk mudelli humiex, b’mod ġenerali, ikklassifikati bħala “xogħlijiet” fis-sens tad-Direttiva 2001/29.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, skont l-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-proprjetà intellettwali hija protetta.

38      Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-oġġetti li jikkostitwixxu proprjetà intellettwali jibbenefikaw minn protezzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, minn dan ma jirriżultax li tali oġġetti jew kategoriji ta’ oġġetti għandhom kollha jibbenefikaw minn protezzjoni identika.

39      Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta diversi atti tad-dritt sekondarju li għandhom l-għan li jiżguraw il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, u b’mod partikolari, minn naħa, xogħlijiet protetti taħt id-drittijiet tal-awtur, imsemmija fid-Direttiva 2001/29, kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-disinni li jaqgħu, kemm taħt id-Direttiva 98/71, applikabbli għad-disinni rreġistrati fi jew għal Stat Membru, kif ukoll taħt ir-Regolament Nru 6/2002, applikabbli għad-disinni protetti fil-livell tal-Unjoni.

40      Billi mexa b’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-oġġetti protetti bis-saħħa ta’ disinn ma kinux fil-prinċipju simili għal dawk li jikkostitwixxu xogħlijiet protetti mid-Direttiva 2001/29.

41      Din l-għażla leġiżlattiva tidher li hija konformi mal-Konvenzjoni ta’ Berna, li fl-Artikoli 1 sa 21 tagħha l-Unjoni, filwaqt li ma hijiex ċertament parti f’din il-konvenzjoni, għandha madankollu tikkonforma ruħha skont l-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, li hija parti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo, C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Fil-fatt, l-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna jawtorizza lill-partijiet sabiex jagħtu lid-disinni industrijali protezzjoni speċifika, differenti u possibbilment esklużiva minn dik prevista għall-benefiċċju ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi li jaqgħu taħt din il-konvenzjoni, kif ukoll sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ tali protezzjoni. Fl-istess waqt, l-imsemmija dispożizzjoni lanqas ma teskludi li dawn iż-żewġ protezzjonijiet jistgħu jiġu akkumulati.

43      F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel sistema li tipprovdi li l-protezzjoni rriżervata għad-disinni u dik żgurata mid-drittijiet tal-awtur ma humiex esklużivi għal xulxin.

44      Fil-fatt, fir-rigward tad-disinni, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 jipprovdi, fl-ewwel sentenza tiegħu, li d-disinni li jkunu ġew irreġistrati fi jew għal Stat Membru skont din id-direttiva jibbenefikaw ukoll mill-protezzjoni mogħtija mil-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur tal-Istat Membru li fih jew li għalih dawn id-disinni jkunu ġew irreġistrati, mid-data li fiha jkunu ġew maħluqa jew stabbiliti f’forma kwalunkwe. L-istess artikolu jispeċifika sussegwentement, fit-tieni sentenza tiegħu, li l-portata u l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ din il-protezzjoni mid-drittijiet tal-awtur, inkluż il-livell ta’ oriġinalità meħtieġ, huma ddeterminati minn kull Stat Membru. Fir-rigward tad-disinni protetti fil-livell tal-Unjoni, sistema analoga għal dik li tirriżulta mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 hija prevista mill-Artikolu 96(2) tar-Regolament Nru 6/2002.

45      Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom huma stess jiġu rispettivament mifhuma fid-dawl tal-premessa 8 tad-Direttiva 98/71 u tal-premessa 32 tar-Regolament Nru 6/2002, li jinvokaw espressament il-prinċipju ta’ “kumulu” bejn il-protezzjoni tad-disinni, minn naħa, u l-protezzjoni mid-dritt tal-awtur, min-naħa l-oħra.

46      Fir-rigward tad-dritt tal-awtur, mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/29, li huwa intitolat “Applikazzjoni kontinwa ta’ disposizzjonijiet legali oħra”, u li għandu jiġi interpretat billi jitqiesu, b’mod partikolarment, il-verżjonijiet lingwistiċi tiegħu kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C 34/14, EU:C:2016:74, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll fid-dawl tal-premessa 60 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-imsemmija direttiva ma taffettwax id-dispożizzjonijiet nazzjonali jew tal-Unjoni eżistenti f’oqsma oħra, u b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-disinni.

47      B’hekk, id-Direttiva 2001/29 iżżomm fis-seħħ l-eżistenza u l-portata tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam ta’ disinni, inkluż il-prinċipju ta’ “kumulu” imsemmi fil-punt 45 ta’ din is-sentenza.

48      Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kollha, għandu jiġi kkunsidrat li mudelli jistgħu jiġu kklassifikati bħala “xogħlijiet”, fis-sens tad-Direttiva 2001/29, jekk dawn jissodisfaw iż-żewġ rekwiżiti msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat ukoll, fit-tieni lok, jekk humiex klassifikabbli bħala “xogħlijiet”, fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti, mudelli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, lil hinn mill-għan ta’ utilità tagħhom, jiġġeneraw, skont il-qorti tar-rinviju, effett viżiv proprju u notevoli mill-perspettiva estetika, filwaqt li jiġi osservat li d-domandi ta’ din il-qorti jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk tali element ta’ oriġinalità estetiku jikkostitwixxix il-kriterju ċentrali ta’ għoti tal-protezzjoni prevista mid-Direttiva 2001/29.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, qabel kollox, li l-protezzjoni ta’ disinni, minn naħa, u l-protezzjoni żgurata mid-drittijiet tal-awtur, min-naħa l-oħra, għandhom għanijiet fundamentalment differenti u huma suġġetti għal sistemi distinti. Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva essenzjalment fil-punti 51 u 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-protezzjoni tad-disinni hija intiża sabiex tipproteġi suġġetti li, filwaqt li huma ġodda u individwalizzati, għandhom natura utilitarja u huma intiżi sabiex jiġu prodotti b’mod massiv. Barra minn hekk, din il-protezzjoni hija intiża sabiex tapplika għal żmien limitat iżda suffiċjenti sabiex tippermetti li l-investimenti meħtieġa għall-ħolqien u għall-produzzjoni ta’ dawn l-oġġetti jagħmlu qligħ, mingħajr madankollu ma jfixklu eċċessivament il-kompetizzjoni. Min-naħa tagħha, il-protezzjoni assoċjata mad-drittijiet tal-awtur, li t-tul ta’ żmien tagħha huwa ferm ogħla, hija rriżervata għal oġġetti li jistħoqqilhom li jiġu kkwalifikati bħala xogħlijiet.

51      Għal dawn ir-raġunijiet, u kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għoti ta’ protezzjoni, abbażi tad-dritt tal-awtur, għal suġġett protett bħala disinn ma jistax iwassal sabiex l-għanijiet u l-effettività rispettivi ta’ dawn iż-żewġ protezzjonijiet jiġu ppreġudikati.

52      Minn dan jirriżulta li, għalkemm il-protezzjoni tad-disinni u l-protezzjoni assoċjata mad-drittijiet tal-awtur jistgħu, skont id-dritt tal-Unjoni, jingħataw b’mod kumulattiv għall-istess għan, dan il-kumulu jista’ jiġi kkunsidrat biss f’ċerti sitwazzjonijiet.

53      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li, kif jirriżulta mis-sens komuni tal-kelma “estetika”, l-effett estetiku li jista’ jiġi prodott minn mudell huwa r-riżultat tas-sensazzjoni intrinsikament suġġettiva ta’ sbuħija li tinħass minn kull persuna li għandha tqis dan il-mudell. Konsegwentement, dan l-effett ta’ natura suġġettiva ma jippermettix, fih innifsu, li tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ oġġett identifikabbli bi preċiżjoni u oġġettività suffiċjenti fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 32 sa 34 ta’ din is-sentenza.

54      Min-naħa l-oħra, huwa ċertament veru li kunsiderazzjonijiet estetiċi jagħmlu parti mill-attività kreattiva. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-fatt li mudell jiġġenera effett estetiku ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi ddeterminat jekk dan il-mudell jikkostitwixxix kreazzjoni intellettwali li tirrifletti l-libertà tal-għażla u l-personalità tal-awtur tiegħu, u b’hekk jissodisfa r-rekwiżit ta’ oriġinalità invokat fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza.

55      Minn dan isegwi li l-fatt li mudelli bħall-mudelli ta’ ħwejjeġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġġeneraw, lil hinn mill-għan utilitarju tagħhom, effett viżiv proprju u notevoli mill-perspettiva estetika, ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika li tali mudelli jiġu kklassifikati bħala “xogħlijiet”, fis-sens tad-Direttiva 2001/29.

56      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti protezzjoni, abbażi tad-dritt tal-awtur, għal mudelli bħall-mudelli tal-ħwejjeġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għar-raġuni li, lil hinn mill-għan utilitarju tagħhom, dawn jiġġeneraw effett viżiv proprju u notevoli mill-perspettiva estetika.

 Fuq it-tieni domanda

57      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti protezzjoni, abbażi tad-dritt tal-awtur, għal mudelli bħall-mudelli tal-ħwejjeġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għar-raġuni li, lil hinn mill-għan utilitarju tagħhom, dawn jiġġeneraw effett viżiv proprju u notevoli mill-perspettiva estetika.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.