Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2021 mil-Bank Ċentrali Ewropew mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fl-14 ta’ April 2021 fil-Kawża T-504/19, Crédit lyonnais vs BĊE

(Kawża C-389/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Bank Ċentrali Ewropew (rappreżentanti: C  Zilioli, R. Ugena, M. Ioannidis, F. Bonnard, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Crédit lyonnais

Talbiet

Tannulla s-sentenza appellata;

Tikkundanna lil Crédit lyonnais għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-BĊE isostni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata minħabba li l-Qorti Ġenerali:

qabżet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju, billi ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha stess ta’ elementi ekonomiċi kumplessi ma’ dik tal-BĊE, bi ksur tal-istandard stabbilit mill-qorti tal-Unjoni fil-qasam;

kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, billi ma ppermettietx lill-BĊE li jifhem kif l-evalwazzjoni tiegħu tal-garanzija doppja tal-Istat mogħtija fil-kuntest tat-tfaddil irregolat setgħet tkun ivvizzjata bi żball;

żnaturat l-elementi li kienu ġew ippreżentati lilha waqt it-tilwima, billi għamlet qari manifestament żbaljat kemm tad-deċiżjoni kkontestata fl-ewwel istanza (Deċiżjoni ECB-SSM-2019-FRCAG-39 tat-3 ta’ Mejju 2019) kif ukoll tal-metodoloġija applikata mill-BĊE u li fid-dawl tagħha t-talba għal eżenzjoni mressqa mill-Crédit lyonnais kellha tiġi eżaminata;

kisret il-punt 94 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 1 billi żiedet mad-definizzjoni tar-riskju tal-lieva finanzjarja eċċessiva kriterji li ma jidhrux fiha, kif ukoll kisret l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 dwar l-eżenzjoni mill-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja ta’ ċerti espożizzjonijiet, billi ċaħdet il-BĊE mis-setgħa diskrezzjonali li dan l-artikolu jagħtih.

____________

1     Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6), kif emendat bir- Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/62 tal- 10 ta’ Ottubru 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-proporzjon ta’ ingranaġġ (ĠU 2015, L 11, p. 37, rettifika fil-ĠU 2017, L 60, p. 64).