Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Marzu 2022 – Ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-224/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: J. Rodríguez de la Rúa Puig, aġent)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/110 tas-27 ta’ Jannar 2022 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għall-2022 1 , sa fejn dan jagħmel riferiment għall-istabbiliment (i) tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli għal bastimenti tas-sajd bil-konz għal merluzz (Merluccius merluccius) u trilja tal-ħama (Mullus barbatus) fil-Baħar Alboran, fil-Gżejjer Baleariċi, fit-Tramuntana ta’ Spanja u fil-Golf tal-Iljuni (Subżoni Ġeografiċi 1, 2, 5, 6 u 7) inklużi fit-Taqsima C tal-Anness III; u (ii) tal-limiti massimi ta’ qabdiet ta’ gamblu aħmar (Aristeus antennatus) fil-Baħar Alboran, il-Gżejjer Baleariċi, it-Tramuntana ta’ Spanja u l-Golf tal-Iljuni (GSA 1, 2, 5, 6 u 7), inkluż fit-Taqsima E tal-Anness III.

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-ewwel motiv:

L-istabbiliment tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli għal bastimenti tas-sajd bil-konz għal merluzz u trilja tal-ħama fis-subżoni ġeografiċi (iktar ’il quddiem, il-“GSA”) 1, 2, 5, 6 u 7:

1)    ma huwiex immotivat skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(5) tar-Regolament 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 1 għaliex ma ġewx iddeterminati l-opinjonijiet xjentifiċi li minnhom jirriżulta li huma qabdiet sinjifikattivi ta’ stokk partikolari;

2)    sussidjarjament: (i) huwa kuntrarju għall-Artikolu 7(5) tar-Regolament 2019/1022, għaliex l-opinjonijiet xjentifiċi eżaminati mir-Renju ta’ Spanja ma jindikawx qabdiet sinjifikattivi ta’ stokk partikolari; u (ii) huwa sproporzjonat, għaliex huwa manifestament mhux xieraq sabiex jintlaħaq l-għan tar-Regolament 2019/1022 għaliex ma josservax ir-rekwiżit ta’ opinjonijiet xjentifiċi jew l-iżvilupp koerenti tal-politika komuni tas-sajd fid-dimensjoni trippla ambjentali, ekonomika u soċjali tagħha; u ma huwiex neċessarju għaliex hemm miżuri alternattivi oħrajn implimentati sabiex jintlaħaq dan l-għan (għeluq tas-sajd u żieda fis-selettività tal-irkaptu rmunkat).

It-tieni motiv:

L-istabbiliment ta’ limitu massimu ta’ qabdiet speċifiku għall-gamblu aħmar tal-Mediterran fil-GSA 1, 2, 5, 6 u 7;

1)    ma huwiex immotivat b’konformità mar-rekwiżit tal-Artikolu 7(3)(b) tar-Regolament 2019/1022 għaliex ma ġewx iddeterminati l-opinjonijiet xjentifiċi li minnhom ġiet inferita l-ħtieġa li tiġi adottata din il-miżura ta’ konservazzjoni;

2)    sussidjarjament: (i) huwa kuntrarju għall-Artikolu 7(3)(b) tar-Regolament 2019/1022, sa fejn l-użu tal-miżura ma kienx previst fl-imsemmi regolament u sa fejn l-opinjonijiet xjentifiċi eżaminati mir-Renju ta’ Spanja ma jistabbilixxux il-ħtieġa li tiġi adottata din il-miżura ta’ konservazzjoni; u (ii) huwa sproporzjonat, għaliex huwa manifestament mhux xieraq sabiex jintlaħaq l-għan tar-Regolament 2019/1022 billi ma josservax ir-rekwiżit ta’ opinjonijiet xjentifiċi u jikkoinċidi ma’ miżuri ta’ konservazzjoni oħrajn; u għaliex ma huwiex neċessarju peress li hemm miżuri alternattivi oħrajn implimentati sabiex jintlaħaq tali għan (għeluq tas-sajd, daqsijiet minimi u żieda fis-selettività tal-irkaptu rmunkat.

____________

1 ĠU 2022, L 21, p. 165, u rettifika fil-ĠU 2022, L 108, p. 68.

1 ĠU 2019, L 172, p. 1.