Language of document : ECLI:EU:T:2015:698

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

25 ta’ Settembru 2015 (*)

“REACH — Identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna — Sustanzi intermedji — Rikors għal annullament — Interess dirett — Ammissibbiltà — Proporzjonalità — Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T‑268/10 RENV,

Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPG), stabbilit fi Brussell (il-Belġju),

SNF SAS, stabbilita f’Andrézieux-Bouthéon (Franza),

irrappreżentati minn R. Cana, D. Abrahams u E. Mullier, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkilä, W. Broere u T. Zbihlej, bħala aġenti, assistiti minn J. Stuyck u A.‑M. Vandromme, avukati,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn B. Koopman, bħala aġent,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Kukovec, E. Manhaeve u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika l-akrilammid (KE Nru 201‑173‑7) bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1), skont l-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, F. Dehousse, J. Schwarcz, V. Tomljenović u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-ewwel rikorrent, Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPG), huwa grupp Ewropew b’interess ekonomiku li huwa stabbilit fil-Belġju. Dan jirrappreżenta l-interessi ta’ kumpanniji produtturi jew importaturi ta’ polielettroliti, ta’ poliakrilammid jew ta’ polimeri oħra li jinkludu l-akrilammid. Il-kumpanniji li huma membri tal-ewwel rikorrent huma wkoll utenti tal-akrilammid u produtturi jew importaturi ta’ akrilammid jew ta’ poliakrilammid. Il-produtturi kollha tal-akrilammid tal-Unjoni Ewropea huma membri tal-ewwel rikorrent.

2        It-tieni rikorrenti, SNF SAS, hija kumpannija membru tal-ewwel rikorrent. L-attività tagħha tikkonsisti prinċipalment fil-manifattura ta’ akrilammid u ta’ poliakrilammid li hija tbigħ direttament lill-klijenti tagħha. Hija għandha siti ta’ manifattura fi Franza, fl-Istati Uniti, fiċ-Ċina u fil-Korea t’Isfel.

3        Il-polielettroliti huma polimeri li jinħallu fl-ilma, sintetiċi u organiċi li huma prodotti minn monomeri differenti, fejn wieħed minn dawn il-monomeri huwa l-akrilammid. Dawn jintużaw, pereżempju, sabiex jiġi ppurifikat l-ilma tax-xorb, sabiex jissaffa l-ilma mormi, sabiex tiġi prodotta l-karta u sabiex jiġu estratti l-minerali prezzjużi.

4        Il-poliakrilammid huwa polimeru ffurmat permezz tal-polimerizzazzjoni tal-monomeru akrilammid, li huwa ġeneralment l-iktar użat fit-tisfija tal-ilma, fl-industrija tal-karta, fl-industrija tat-tħaffir għall-minerali, fl-industrija taż-żejt, fl-agrikoltura, bħala addittiv għat-tessuti u fl-oqsma tal-prodotti kożmetiċi u tal-iġjene tal-ġisem.

5        Fil-25 ta’ Awwissu 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ttrażmetta lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) fajl li huwa kien ipprepara dwar l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 57(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1), kif emendat sussegwentement b’mod partikolari bir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE (ĠU L 353, p. 1), billi jagħmel riferiment għall-klassifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza karċinoġena ta’ kategorija 2 u mutaġenika ta’ kategorija 2 fil-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008. Fil-31 ta’ Awwissu 2009, l-ECHA ppubblikat fis-sit internet tagħha avviż li jistieden lill-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-fajl stabbilit għall-akrilammid. Fl-istess ġurnata, l-ECHA stiednet ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet fuq dan is-suġġett.

6        Wara li rċeviet osservazzjonijiet dwar il-fajl inkwistjoni, b’mod partikolari mill-ewwel rikorrent, u t-tweġibiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għal dawn l-osservazzjonijiet, l-ECHA rreferiet il-fajl lill-Kumitat tal-Istati Membri tagħha, li fis-27 ta’ Novembru 2009, laħaq ftehim unanimu dwar l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna minħabba li l-akrilammid kien jissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 57(a) u (b) tar-Regolament Nru 1907/2006.

7        Fit-22 ta’ Diċembru 2009, id-direttur eżekuttiv tal-ECHA adotta d-Deċiżjoni ED/68/2009, li l-akrilammid jiġi inkluż, fit-13 ta’ Jannar 2010, fil-lista ta’ sustanzi identifikati fid-dawl tal-inklużjoni eventwali tagħhom fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006 (iktar ’il quddiem il-“lista tas-sustanzi kandidati”).

8        Wara talba għal miżuri provviżorji tat-tieni rikorrenti fil-Kawża T‑1/10 R, b’digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Jannar 2010, ġiet sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika lill-akrilammid bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, skont l-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament, sal-adozzjoni tad-digriet li jtemm dawn il-proċeduri għal miżuri provviżorji. Wara dan id-digriet, l-ECHA ssospendiet l-iskrizzjoni tal-akrilammid fil-lista ta’ sustanzi kandidati.

9        B’digriet tas-26 ta’ Marzu 2010, PPG u SNF vs ECHA (T‑10 R, EU:T:2010:128), it-talba għal miżuri provviżorji tat-tieni rikorrenti ġiet miċħuda.

10      Fit-30 ta’ Marzu 2010, l-ECHA ppubblikat il-lista tas-sustanzi kandidati li tinkludi l-akrilammid.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika l-akrilammid bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 u li tinkludi l-akrilammid fil-lista tas-sustanzi kandidati, skont l-Artiklu 59 ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

12      B’ittri rreġistrati lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 u fil-25 ta’ Novembru 2010 rispettivament, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-ECHA. Dawn it-talbiet intlaqgħu, wara li nstemgħu l-partijiet prinċipali, b’digriet tal-10 ta’ Jannar 2011.

13      B’digriet tal-21 ta’ Settembru 2011, PPG u SNF vs ECHA (T‑268/10, Ġabra, EU:T:2011:508), il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli.

14      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw appell kontra d-digriet PPG u SNF vs ECHA, punt 13 iktar ’il fuq (EU:T:2011:508).

15      B’sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, PPG u SNF vs ECHA (C‑625/11 P, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:C:2013:594), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet PPG u SNF vs ECHA, punt 13 iktar ’il fuq (EU:T:2011:508). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi sa fejn kienet ikkunsidrat li r-rikors kien ġie ppreżentat tardivament minħabba l-fatt li r-regola, li t-terminu ta’ rikors beda jiddekorri minn tmiem l-erbatax-il-jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, prevista fl-Artiklu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, kienet tapplika biss għall-atti ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u mhux għall-atti ppubblikati fuq l-internet (sentenza appellata, punt 37).

16      Billi l-kawża ma kinitx fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat din il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż.

17      Il-kawża ġiet assenjata lill-Ħames Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 118(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

18      Peress li l-proċedura bil-miktub ma ntemmitx bl-intervent tas-sentenza appellata, l-ECHA ġiet mistiedna, b’deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali (Il‑Ħames Awla Estiża) tal-24 ta’ Ottubru 2013, sabiex tippreżenta riposta, skont l-Artikolu 119(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

19      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Diċembru 2013, l-ECHA qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

20      B’digriet tal-Qorti Ġenerali (Il‑Ħames Awla Estiża) tas-17 ta’ Ġunju 2014, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ingħaqdet mal-mertu u l-ispejjeż ġew irriżervati.

21      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fis-16 ta’ Settembru 2014. B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Novembru 2014, l-ECHA u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din in-nota.

22      Il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fis-17 ta’ Settembru 2014. B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Novembru 2014, l-ECHA ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din in-nota. Ir-rikorrenti ma ppreżentawx osservazzjonijiet dwar din in-nota.

23      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

24      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali stiednet, minn naħa, lill-ECHA sabiex tipproduċi dokumenti u, min-naħa l-oħra, lill-partijiet kollha sabiex iwieġbu għal xi mistoqsijiet. Il-partijiet osservaw dawn il-talbiet fit-terminu stabbilit.

25      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-15 ta’ April 2015.

26      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–         tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż.

27      L-ECHA, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

28      Qabel ma jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti tal-partijiet dwar il-mertu, hemm lok li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-ECHA.

 Fuq l-ammissibbiltà

29      Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, l-ECHA, sostnuta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni, tqajjem eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà li huma bbażati fuq nuqqas ta’ interess dirett tar-rikorrenti.

30      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-istess artikolu, tippreżenta rikors kontra l-atti indirizzati lilha jew li jikkonċernawha direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawha direttament u li ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni.

31      F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx indirizzata lir-rikorrenti, li għalhekk ma humiex destinatarji ta’ dan l-att. F’din is-sitwazzjoni, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti ma jistgħux jippreżentaw rikors għal annullament kontra dan l-att ħlief bil-kundizzjoni li huma direttament ikkonċernati minnu.

32      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors tal-ewwel rikorrent, għandu jitfakkar li diġà ġie deċiż li assoċjazzjoni inkarigata li tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha bħala prinċipju setgħet tippreżenta rikors għal annullament unikament jekk l-impriżi li hija kienet tirrappreżenta jew uħud fosthom kellhom locus standi individwali jew jekk hija setgħet tipproduċi prova tal-interess tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra, EU:C:2006:416, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din is-soluzzjoni tapplika wkoll fil-każ ta’ grupp Ewropew ta’ interess ekonomiku li, bħall-ewwel rikorrent, kien ġie kkostitwit sabiex jirrappreżenta l-interessi ta’ kategorija ta’ impriżi (ara d-digriet tal-24 ta’ Ġunju 2014, PPG u SNF vs ECHA, T‑1/10 RENV, EU:T:2014:616, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-każ, l-ewwel rikorrent ma pproduċa ebda prova intiża sabiex turi li l-interessi tiegħu stess kienu direttament affettwati. Anki jekk jiġi preżuppost li huwa għandu l-obbligu li jorganizza u li jikkoordina approċċ armonizzat li jikkonċerna l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1907/2006 fil-livell tas-settur inkwistjoni kollu, huwa b’hekk ma jkunx qed isostni l-interessi tiegħu stess, iżda dawk tal-membri tiegħu. Konsegwentement, l-ewwel rikorrent jista’ jippreżenta rikors għal annullament unikament jekk il-membri tiegħu jew uħud fosthom, bħat-tieni rikorrenti, huma direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

34      Fir-rigward tal-interess dirett, hija ġurisprudenza stabbilita li din il-kundizzjoni teħtieġ, l-ewwel nett, li l-miżura kkritikata tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, it-tieni nett, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma inkarigati li jimplementawaha, peress li għandha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra, EU:C:1998:193, punt 43; tad-29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il‑Parlament, C‑486/01 P, Ġabra, EU:C:2004:394, punt 34, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Ente per le Ville vesuviane u Ente per le Ville vesuviane vs Il‑Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, Ġabra, EU:C:2009:529, punt 45).

35      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċernahom direttament sa fejn is-sitwazzjoni legali tal-membri tal-ewwel rikorrent u dik tat-tieni rikorrenti huma affettwati b’mod partikolari minħabba obbligi previsti fl-Artikolu 31(9)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006. Mill-fatt tal-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, il-membri tal-ewwel rikorrent u t-tieni rikorrenti huma obbligati li jaġġornaw l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għall-akrilammid, skont din id-dispożizzjoni.

36      Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 31(1)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-fornituri ta’ sustanza jew ta’ taħlita għandhom jipprovdu lid-destinatarju tagħha skeda ta’ data ta’ sigurtà meta s-sustanza tissodisfa l-kriterji ta’ klassifikazzjoni bħala sustanza perikoluża skont ir-Regolament Nru 1272/2008. L‑Artikolu 31(9)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi, f’dan ir-rigward, li din l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tiġi aġġornata mingħajr dewmien mill-fornituri malli ssir disponibbli informazzjoni ġdida li tista’ tolqot il-miżuri tal-immaniġġar tar-riskji, jew informazzjoni ġdida dwar perikoli.

37      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-membri tal-ewwel rikorrent u t-tieni rikorrenti kellhom jipprovdu lid-destinatarji tal-akrilammid skeda ta’ data ta’ sigurtà peress li din is-sustanza kienet tissodisfa l-kriterji ta’ klassifikazzjoni bħala sustanza perikoluża skont ir-Regolament Nru 1272/2008. Fil-fatt, l-akrilammid b’mod partikolari ġie kklassifikat fost is-sustanzi karċinoġeni ta’ kategorija 2 u mutaġeniċi ta’ kategorija 2 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq).

38      Min-naħa l-oħra, huwa kkontestat li l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, kif tirriżulta mill-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, skont l-Artikolu 57(a) u (b) ta’ dan ir-regolament, tikkostitwixxi, hekk kif isostnu r-rikorrenti, informazzjoni ġdida fis-sens tal-Artikolu 31(9)(a) ta’ dan ir-regolament, li twassal għall-obbligu previst minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-aġġornament tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, b’mod li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-membri tal-ewwel rikorrent, u fuq dik tat-tieni rikorrenti.

39      F’dak li jikkonċerna l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi li din għandha tiġi stabbilita skont l-Anness II ta’ dan ir-regolament. Dan l-anness jiddefinixxi r-rekwiżiti li l-fornitur għandu josserva waqt l-iffissar ta’ skeda ta’ data ta’ sigurtà li hija ppreżentata għal sustanza skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1907/2006. L‑iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tippermetti lill-utenti li jieħdu l-miżuri neċessarji fil-qasam ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u tal-protezzjoni tal-ambjent.

40      Skont ir-rikorrenti, l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 peress li din is-sustanza tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 57(a) u (b) ta’ dan ir-regolament, tikkostitwixxi informazzjoni ġdida relatata, b’mod partikolari mal-punt 15 tal-Artikolu 31(6) tal-istess regolament, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 453/2010, tal-20 ta’ Mejju 2010, li jemenda r-Regolament Nru 1907/2006 (ĠU L 133, p. 1), li jirreferi għall-informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni.

41      F’dak li jikkonċerna l-punt 15 tal-Artikolu 31(6) tar-Regolament Nru 1907/2006, skont il-punt 15 tal-parti A tal-Anness II ta’ dan ir-regolament, kif emendat bir-Regolament Nru 453/2010, din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà tikkonċerna l-informazzjoni regolatorja l-oħra dwar is-sustanza li għadha ma ġietx ipprovduta f’din l-iskeda. Skont il-punt 15.1 tal-parti A tal-Anness II ta’ dan ir-regolament, minn naħa, għandha tingħata informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni rilevanti tas-sigurtà, tas-saħħa u tal-ambjent, pereżempju l-kategorija Seveso u s-sustanzi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE, tad-9 ta’ Diċembru 1996, dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 410), jew li tiġi pprovduta informazzjoni nazzjonali dwar l-istatus regolatorju tas-sustanza jew tat-taħlita, inklużi s-sustanzi fit-taħlita, inkluż parir dwar azzjoni li għandha tittieħed minn min qed jirċevihom bħala riżultat ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Min-naħa l-oħra, jekk is-sustanza jew it-taħlita koperta minn din l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà hija suġġetta għal dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent f’livell tal-Unjoni, pereżempju awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006 jew restrizzjonijiet taħt Titolu VIII ta’ dan ir-regolament, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu ddikjarati.

42      Hemm lok li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tal-ECHA li tirriżulta mill-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 tikkostitwixxi dispożizzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà, tas-saħħa u tal-ambjent dwar l-istatus regolatorju ta’ sustanza. Fil-fatt, permezz ta’ din id-deċiżjoni, sustanza hija identifikata bħala ta’ tħassib serju ħafna li tista’ tiġi inkluża fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament, li fih il-lista tas-sustanzi suġġetti għal awtorizzazzjoni. Konsegwentement, il-fornituri ta’ tali sustanza jew ta’ taħlitiet li jinkludu din is-sustanza għandhom isemmu din l-identifikazzjoni fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà u jipprovdu pariri rigward l-obbligi li d-destinatarji għandhom bħala konsegwenza ta’ din l-identifikazzjoni, u b’mod partikolari, fir-rigward tal-obbligi għal informazzjoni skont l-Artikoli 7 u 33 tar-Regolament Nru 1907/2006. Għalhekk, l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, minħabba li din is-sustanza tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 57(a) u (b) ta’ dan ir-regolament, tikkostitwixxi informazzjoni ġdida li tista’ tobbliga lill-fornituri ta’ din is-sustanza li jaġġornaw l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà kkonċernata.

43      Isegwi li d-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna bħala riżultat tal-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 tista’ tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-fornituri ta’ din is-sustanza minħabba l-obbligu previst minnha.

44      F’dan il-każ, din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata la mill-fatt li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors fl-10 ta’ Ġunju 2010, mument li fih il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors għandhom jiġu evalwati (ara d-digriet tas-7 ta’ Settembru 2010, Etimine u Etiproducts vs Il‑Kummissjoni, T‑539/08, Ġabra, EU:T:2010:354, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata), ir-Regolament Nru 453/2010 ma kienx għadu fis-seħħ, lanqas mill-fatt li, skont ir-rikorrenti, l-akrilammid kien sustanza esklużivament irreġistrata u użata bħala sustanza intermedja.

45      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-fatt li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors fl-10 ta’ Ġunju 2010, ir-Regolament Nru 453/2010 ma kienx għadu fis-seħħ, huwa veru li, skont l-Artikolu 3 tiegħu, dan ir-regolament daħal fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali. Peress li dan ir-regolament kien ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fil-31 ta’ Mejju 2010, dan għalhekk daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Ġunju 2010. Madankollu, il-possibbiltà li r-Regolament Nru 453/2010 ma jidħolx fis-seħħ wara l-adozzjoni tiegħu fl-20 ta’ Mejju 2010 u l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali kienet, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, purament teoretika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il‑Kummissjoni, 11/82, Ġabra, EU:C:1985:18, punt 9).

46      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-ECHA, li jagħmel riferiment għall-punt 76 tad-digriet Etimine u Etiproducts vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq (EU:T:2010:354), li jgħid li l-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi deċiża abbażi tar-regoli li kienu fis-seħħ fid-data li fiha ġie ppreżentat. Fil-fatt, f’dan il-każ, din ma hijiex kwistjoni tal-applikabbiltà ratione temporis tar-regoli li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn individwu quddiem il-qorti tal-Unjoni. Ir-Regolament Nru 453/2010 jagħmel parti mir-regoli sostantivi.

47      Fir-rigward tal-fatt li l-Anness II tar-Regolament Nru 1907/2006 ġie emendat, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 453/2010, unikament b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2010, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-fatt li l-effetti ta’ att iseħħu biss f’data sussegwenti stabbilita f’dan l-istess att ma jipprekludix li individwu jista’ jkun direttament affettwat minħabba obbligu li jirriżulta minnu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ Lulju 2006, Bonino et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑40/04, Ġabra, EU:T:2005:279, punti 46 u 47).

48      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fatt li, skont ir-rikorrenti, l-akrilammid kien sustanza esklużivament irreġistrata u użata bħala sustanza intermedja, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006, dan ir-regolament ma japplikax għas-sustanzi intermedji mhux iżolati u li, skont l-Artikolu 2(8)(b) ta’ dan ir-regolament, is-sustanzi intermedji iżolati huma eżentati mit-Titolu VII tal-istess regolament dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni li l-proċedura ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna tagħmel parti minnha.

49      F’dan il-każ, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk, skont dawn id-dispożizzjonijiet, ir-rikorrenti humiex eżentati mill-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 31(9)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006, peress li, fi kwalunkwe każ, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, l-akrilammid ipprovdut mill-membri tal-ewwel rikorrent u mit-tieni rikorrenti ma kienx esklużivament użat bħala sustanza intermedja.

50      Skont id-definizzjoni prevista fil-punt 15 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1907/2006, sustanza intermedja hija sustanza li tkun immanifatturata għal u kkonsmata fi jew użata għal proċessar kimiku sabiex tinbidel f’sustanza oħra (iktar ’il quddiem is-“sinteżi”). Skont il-punt 15(a) tal-Artikolu 3 tal-istess regolament, sustanza intermedja mhux iżolata hija sustanza intermedja li, matul is-sinteżi, ma titneħħiex intenzjonalment, ħlief għal teħid ta’ kampjun mill-apparat li fih issir is-sinteżi. Il-punt 15(b) u (ċ) tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jinkludi d-definizzjoni ta’ sustanza intermedja iżolata fuq il-post u ta’ sustanza intermedja iżolata ttrasportata. L-ewwel waħda hija sustanza intermedja li ma tissodisfax il-kriterji ta’ sustanza intermedja mhux iżolata u fejn il-manifattura tas-sustanza intermedja u s-sinteżi ta’ sustanza jew ta’ sustanzi oħra minn dik is-sustanza intermedja jsiru fl-istess post, operat minn entità ġuridika waħda jew iktar. It-tieni hija sustanza intermedja li ma tissodisfax il-kriterji ta’ sustanza intermedja mhux iżolata, u li hija ttrasportata bejn jew ipprovduta lil postijiet oħra.

51      Huwa preċiż dak li jirriżulta mill-punt 1.1 tal-fajl ippreparat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar l-akrilammid, li jikkonċerna l-“informazzjoni dwar l-espożizzjoni”, li 99.9% tal-akrilammid kien użat bħala sustanza intermedja. Madankollu, f’dan il-punt, huwa ġustament ippreċiżat li kienu jeżistu użi oħra bħala aġent f’prodotti siġillanti kontra l-ilma u għall-preparazzjoni fuq il-post ta’ ġellijiet ta’ elettroforesija abbażi ta’ poliakrilammid.

52      L-ewwel nett, fir-rigward tal-użu tal-akrilammid fi prodotti siġillanti kontra l-ilma, dan jikkonsisti b’mod partikolari f’użu sabiex jiġu ssiġillati tnixxijiet tal-ilma, għat-tiswija ta’ xogħlijiet magħmula mill-konkrit, u għal tneħħija ta’ tbajja’ tal-umdità (sentenza tal-1 ta’ Frar 2013, Polyelectrolyte Producers Group et vs Il‑Kummissjoni, T‑368/11, EU:T:2013:53, punt 2). Jirriżulta mid-deskrizzjoni ta’ dan l-użu, li tinsab fil-punt 1.1 tal-fajl stabbilit mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar l-akrilammid, li huwa eżatt skont ir-rikorrenti li, meta l-aġent siġillanti kontra l-ilma abbażi ta’ akrilammid jippolimerizza ruħu jew jinbidel f’ġel, dan jissolidifa f’ġel riġidu li minnu ma jgħaddix l-ilma.

53      Ir-rikorrenti jsostnu li dan il-proċess juri li l-akrilammid jintuża bħala sustanza intermedja skont id-definizzjoni prevista fil-punt 15 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1907/2006. L-akrilammid huwa mmanifatturat jew importat sabiex jiġi kkonsmat jew użat fis-sinteżi ta’ sustanza oħra, jiġifieri polimeru li minnu ma jgħaddix l-ilma. Polimeru huwa ddefinit bħala sustanza fil-punt 5 tal-Artikolu 3 tal-istess regolament.

54      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, skont id-definizzjoni prevista fil-punt 15 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1907/2006, sustanza intermedja hija sustanza li tkun immanifatturata għal u kkonsmata fi jew użata għal proċessar kimiku sabiex tinbidel f’sinteżi. F’dan il-każ, huwa preċiż li l-aġent siġillanti kontra l-ilma abbażi ta’ akrilammid jintuża fil-manifattura ta’ sustanza oħra fejn dan stess jinbidel fis-sustanza l-oħra, jiġifieri polimeru. Madankollu, hekk kif tikkonferma l-ECHA, l-akrilammid ma jintużax sabiex huwa stess ikun is-suġġett ta’ sinteżi, fis-sens tad-definizzjoni prevista fil-punt 15 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1907/2006. Dan ma jintużax bl-iskop li tiġi mmanifatturata s-sustanza l-oħra, fejn l-għan prinċipali tal-proċess kimiku huwa li titwettaq funzjoni siġillanti kontra l-ilma li tiġi prodotta meta l-aġent siġillanti kontra l-ilma abbażi ta’ akrilammid jippolimerizza ruħu. Billi jippolimerizza ruħu, dan jissolidifa f’ġel riġidu li minnu ma jgħaddix l-ilma meta dan jintuża fl-applikazzjonijiet ta’ siġill kontra l-ilma. L-użu tal-akrilammid bħala aġent siġillanti kontra l-ilma għalhekk ma huwiex użu intermedju, iżda użu finali tas-sustanza.

55      Din il-konklużjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mid-“definizzjoni tas-sustanzi intermedji kif miftehma mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u mill-ECHA fl-4 ta’ Mejju 2010”. Skont il-punt 4 ta’ din id-definizzjoni, li jikkonċerna l-użu industrijali finali ta’ sustanza minbarra fil-manifattura ta’ sustanza oħra, fil-każ fejn sustanza A tintuża mill-produttur stess jew minn utent “downstream” u tirreaġixxi kimikament fi proċess barra l-manifattura ta’ sustanza oħra, is-sustanza A ma tistax tkun sustanza intermedja. Dejjem skont dan il-punt, meta l-għan prinċipali tal-proċess kimiku ma huwiex li tiġi mmanifatturata sustanza oħra, iżda pjuttost li titwettaq funzjoni oħra, proprjetà speċifika, jew reazzjoni kimika li tagħmel parti sħiħa mill-produzzjoni ta’ oġġetti, is-sustanzi użati għal din l-attività ma għandhomx jitqiesu li huma sustanzi intermedji skont ir-Regolament Nru 1907/2006. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma riflessi wkoll fil-punt 2 ta’ din id-definizzjoni, li jinkludi analiżi tad-definizzjoni ta’ sustanza intermedja fis-sens tal-punt 15 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1907/2006.

56      It-tieni nett, fir-rigward tal-użu tal-akrilammid għall-preparazzjoni fuq il-post ta’ ġellijiet ta’ elettroforesija abbażi ta’ poliakrilammid, mill-punt 1.1 tal-fajl ippreparat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar l-akrilammid, li jikkonċerna l-“informazzjoni dwar l-espożizzjoni”, jirriżulta li tali ġellijiet kienu ntużaw bħala għodda ta’ riċerka sabiex jisseparaw l-aċidi nuklejċi fl-istabbilimenti ta’ riċerka, fl-universitajiet u fl-isptarijiet.

57      Ir-rikorrenti jsostnu li l-użu tal-akrilammid fil-manifattura ta’ ġellijiet ta’ elettroforesija abbażi ta’ poliakrilammid huwa użu intermedju peress li l-akrilammid jinbidel f’sustanza oħra, jiġifieri l-ġel li huwa polimeru.

58      Hekk kif tafferma l-ECHA, mingħajr ma tippreċiża l-kuntest li fih isseħħ ir-reazzjoni kimika li tagħti lok għal ġellijiet ta’ poliakrilammid, tali argument ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li l-akrilammid fil-manifattura ta’ ġellijiet ta’ elettroforesija kien użat esklużivament bħala sustanza intermedja. Diġà ġie kkonstatat (ara l-punti 54 u 55 iktar ’il fuq) li l-akrilammid kien jikkostitwixxi sustanza intermedja meta din is-sustanza kienet tintuża sabiex tiġi suġġetta għal sinteżi. Hekk kif tafferma l-ECHA, dan ma huwiex partikolarment il-każ fir-rigward tal-użu ta’ akrilammid fil-preparazzjoni ta’ forom manwali ta’ ġellijiet ta’ poliakrilammid. L-intenzjoni bażika tal-preparazzjoni ta’ forom, li hija waħda mill-istadji tal-protokoll tal-elettroforesija, ma hijiex li jiġi mmanifatturat poliakrilammid, iżda li l-molekuli jiġu sseparati b’mod analitiku permezz ta’ elettroforesija.

59      It-tielet nett, f’dan li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li t-tliet fajls ta’ reġistrazzjoni tal-akrilammid li jinsabu fid-database tas-sustanzi rreġistrati tal-ECHA kollha kienu jidentifikaw din is-sustanza bħala sustanza intermedja, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA twettaq kontroll tal-kompletezza tal-fajl ta’ reġistrazzjoni, li madankollu ma għandux jinkludi l-evalwazzjoni tal-kwalità jew adegwatezza ta’ kwalunkwe data jew ġustifikazzjoni mogħtija. Minbarra dan, jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tal-istess regolament li, ħlief fejn dan ir-regolament jipprovdi mod ieħor, kull produttur jew importatur ta’ sustanza, waħedha jew f’taħlita waħda jew iktar, fi kwantitajiet ta’ tunnellata metrika jew iktar kull sena, għandu jippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni lill-ECHA. Għalhekk ma huwiex eskluż li ċerti produtturi jew importaturi ma jirreġistrawx l-akrilammid, peress li jużawh fi kwantitajiet iżgħar. Il-fatt li kienu jeżistu biss fajls ta’ reġistrazzjoni għall-akrilammid bħala sustanza intermedja għalhekk ma jimplikax li din is-sustanza kienet użata esklużivament bħala sustanza intermedja.

60      Fid-dawl ta’ dan kollu, ir-rikorrenti huma direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata minħabba obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 31(9)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

61      Konsegwentement, billi l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà l-oħra huma ssodisfatti, li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, ir-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

62      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jqajmu erba’ motivi li huma bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 2(8)(b) u tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, it-tieni nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tielet nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, ir-raba’ nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(8)(b) u tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006

63      Ir-rikorrenti jsostnu li, billi tidentifika l-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, l-ECHA tikser l-Artikolu 2(8)(b) u l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, peress li l-akrilammid huwa sustanza esklużivament irreġistrata u użata bħala sustanza intermedja u hija, għalhekk, eżentata mit-Titolu VII ta’ dan ir-regolament. Skont dawn, matul il-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, kienu ġew prodotti biss provi li jikkonfermaw il-fatt li l-akrilammid kien sustanza intermedja. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-użi ta’ din is-sustanza f’prodotti siġillanti kontra l-ilma u għall-produzzjoni ta’ ġel ta’ elettroforesija, li huma l-uniċi msemmija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-fajl tiegħu stabbilit għall-akrilammid bħala eżempji ta’ użu ta’ din is-sustanza inkwantu tali u mhux bħala sustanza intermedja.

64      Għandu jiġi rrilevat li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-akrilammid ġie identifikat bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006. Din il-proċedura tagħmel parti mill-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fit-Titolu VII ta’ dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 2(8)(b) ta’ dan ir-regolament, is-sustanzi intermedji iżolati fuq il-post u s-sustanzi intermedji iżolati ttrasportati għandhom jiġu eżentati skont dan it-titolu. Għalhekk hemm lok li jiġi eżaminat jekk, minħabba din l-eżenzjoni, id-deċiżjoni kkontestata hijiex illegali sa fejn hija tidentifika l-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna.

65      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-proċedura prevista mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 tikkonċerna l-identifikazzjoni tas-sustanzi. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, dan tal-aħħar jipprevedi dispożizzjonijiet dwar is-sustanzi u t-taħlitiet, fis-sens tal-Artikolu 3 tiegħu, applikabbli għall-manifattura, għat-tqegħid fis-suq jew għall-użu ta’ dawn is-sustanzi waħedhom jew li jinsabu f’taħlitiet jew f’oġġetti, u t-tqegħid fis-suq tat-taħlitiet. Skont id-definizzjoni li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, sustanza hija element kimiku u l-komponenti tiegħu fl-istat naturali jew miksuba bi kwalunkwe proċess ta’ manifattura, inkluż kwalunkwe addittiv meħtieġ sabiex tinżamm l-istabbiltà tiegħu u kwalunkwe impurità li tiġi mill-proċess użat, iżda eskluż kwalunkwe solvent li jista’ jiġi sseparat mingħajr ma tkun milquta l-istabbiltà tas-sustanza jew tinbidel il-kompożizzjoni tagħha. Sustanza hija għalhekk iddefinita mill-proprjetajiet intrinsiċi tagħha. Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u peress li huwa paċifiku li l-akrilammid jikkostitwixxi sustanza fis-sens ta’ din id-definizzjoni, dan seta’ ġustament jiġi suġġett għal proċedura ta’ identifikazzjoni prevista mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006.

66      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li sustanza tista’ jkollha status ta’ sustanza intermedja ma jimplikax li din tiġi eżentata mill-identifikazzjoni bħala ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006. Huwa ċertament minnu li, skont l-Artikolu 2(8)(b) ta’ dan ir-regolament, is-sustanzi intermedji iżolati fuq il-post u s-sustanzi intermedji iżolati ttrasportati għandhom jiġu eżentati mit-Titolu VII ta’ dan ir-regolament rigward il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni li tagħmel parti minnha l-proċedura ta’ identifikazzjoni. Madankollu, mid-definizzjoni ta’ sustanza intermedja prevista mill-punt 15 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza intermedja tiddependi mill-għan imfittex mill-manifattura tagħha u mill-użu tagħha. Hekk kif diġà tfakkar (ara l-punt 50 iktar ’il fuq), skont din id-definizzjoni, sustanza intermedja hija sustanza li tkun immanifatturata għal u kkonsmata fi jew użata għal proċessar kimiku sabiex tiġi suġġetta għal sinteżi. Sa fejn din is-sustanza tista’ bħala prinċipju tiġi mmanifatturata għal u kkonsmata fi jew użata għal proċessar kimiku sabiex tiġi suġġetta għal sinteżi, u għalhekk, ikollha l-istatus ta’ sustanza intermedja, il-fatt li sustanza għandha, fil-każ ineżami, l-istatus ta’ sustanza intermedja ma jistax jeżentaha mill-proċedura ta’ identifikazzjoni prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006.

67      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kkonfermati mill-fatt li l-kriterji previsti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 sabiex sustanza tiġi identifikata bħala ta’ tħassib serju ħafna kif jirriżulta mill-proċedura prevista fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament jikkonċernaw il-proprjetajiet intrinsiċi ta’ din is-sustanza. Fil-fatt, skont l-Artikolu 57(a) sa (e) ta’ dan ir-regolament, sustanza tista’ tiġi identifikata jekk hija tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala sustanza karċinoġena, mutaġenika għaċ-ċelloli ġerminali u tossika għar-riproduzzjoni kif ukoll jekk hija persistenti, bijoakkumulattiva u tossika jew bi proprjetajiet persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna. L‑Artikolu 57(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 jippermetti li tiġi identifikata sustanza li għandha effetti gravi fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent li jqajmu livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak imqajjem bl-użu ta’ sustanzi oħra elenkati fl-Artikolu 57(a) sa (e). Filwaqt li sustanza fis-sens tar-Regolament Nru 1907/2006 hija ddefinita mill-proprjetajiet intrinsiċi tagħha (ara l-punt 65 iktar ’il fuq), il-kunċett ta’ sustanza intermedja previst minn dan ir-regolament ma jikkonċernax il-proprjetajiet ta’ sustanza u bl-ebda mod ma jbiddel dawn il-proprjetajiet, iżda jiddefinixxi sustanza intermedja minħabba l-għan previst mill-manifattura u mill-użu ta’ sustanza.

68      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-eżenzjoni relatata mas-sustanzi intermedji prevista fl-Artikolu 2(8)(b) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma tibbażax espressament fuq l-użi ta’ sustanza, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont id-definizzjoni ta’ sustanza intermedja prevista fil-punt 15 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan previst mill-manifattura u mill-użu ta’ din is-sustanza sabiex jiġi stabbilit jekk din is-sustanza għandhiex l-istatus ta’ sustanza intermedja.

69      Sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, l-identifikazzjoni tal-akrilammid kellha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni kollha li tinsab fil-fajl ippreparat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Anness XV ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li din is-sustanza tintuża biss bħala sustanza intermedja, l-argument tagħhom għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżuppost li dan il-fajl isemmi biss eżempji ta’ użi ta’ din is-sustanza bħala sustanza intermedja, dan ma huwiex rilevanti sabiex l-akrilammid jiġi identifikat bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna li tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, peress li din l-informazzjoni ma tikkonċernax il-proprjetajiet intrinsiċi tal-akrilammid. Hekk kif issostni l-ECHA, din l-informazzjoni tista’ ssir rilevanti waqt stadji sussegwenti tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fit-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri waqt il-proċedura fejn sustanza tiġi suġġetta għal awtorizzazzjoni u waqt il-proċedura ta’ għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għal użi speċifiċi. Fi kwalunkwe każ, diġà ġie kkonstatat li ma jistax jiġi konkluż li l-użi kollha tal-akrilammid imsemmija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-fajl tiegħu kellhom natura ta’ sustanza intermedja (ara l-punti 49 sa 59 iktar ’il fuq).

70      Minbarra dan, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li l-ECHA kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn hija ma kinitx iġġustifikat l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, fir-rigward tal-allegat użu esklużiv tiegħu bħala sustanza intermedja, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-użu ta’ din is-sustanza bħala sustanza intermedja ma jipprekludix l-identifikazzjoni tiegħu bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna u, min-naħa l-oħra, li l-fajl ippreparat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li kien jikkostitwixxi l-bażi tal-proċedura ta’ identifikazzjoni, kien jindika żewġ użi tal-akrilammid li skont dan il-fajl, ma kinux intermedji. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud.

71      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

72      Ir-rikorrenti jsostnu li l-ECHA wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn hija bbażat ruħha, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, fuq il-proposta tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li ma tinkludi ebda informazzjoni li tistabbilixxi li 0.1 % tal-akrilammid ma jintużax bħala sustanza intermedja. Skont ir-rikorrenti, l-użi ta’ din is-sustanza fi prodotti siġillanti kontra l-ilma u għall-manifattura ta’ ġellijiet ta’ elettroforesija, li huma l-uniċi msemmija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-fajl tiegħu stabbilit għall-akrilammid bħala eżempji ta’ użu ta’ din is-sustanza bħala tali u mhux bħala sustanza intermedja, ma humiex konklużivi. Dawn huma użi tal-akrilammid bħala sustanza intermedja. Fl-assenza ta’ informazzjoni dwar użu tal-akrilammid barra milli bħala sustanza intermedja, id-deċiżjoni kkontestata hija waħda arbitrarja.

73      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-awtoritajiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami tal-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn użu ħażin ta’ poter jew ukoll jekk dawn l-awtoritajiet eċċedewx manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet tal-Unjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika, li lilhom biss it-Trattat TFUE ta dan il-kompitu, ma’ dik tagħha (sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, Ġabra, EU:C:2011:504, punt 60, u tas-7 ta’ Marzu 2013, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, T‑93/10, Ġabra, EU:T:2013:106, punt 76).

74      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtoritajiet tal-Unjoni, li timplika stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-eżerċizzju tagħhom, ma tapplikax esklużivament għan-natura u għall-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati, iżda tapplika wkoll, f’ċerta miżura, għall-konstatazzjoni tad-data bażika. Madankollu, tali stħarriġ ġudizzjarju, anki jekk għandu portata limitata, jirrikjedi li l-awtoritajiet tal-Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-qorti tal-Unjoni li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippreżupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż sabiex jirregola (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, Ġabra, EU:C:2010:419, punti 33 u 34, u Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, punt 73 iktar ’il fuq, EU:T:2013:106, punt 77).

75      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

76      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-fajl ippreparat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Anness XV tar-Regolament Nru 1907/2006 jindika ċertament li sa 99 % tal-akrilammid użat fl-Unjoni kien użat bħala sustanza intermedja fil-produzzjoni ta’ poliakrilammid għal diversi applikazzjonijiet u li kienu jeżistu użi oħra bħala aġent fi prodotti siġillanti kontra l-ilma u għall-preparazzjoni fuq il-post ta’ ġellijiet ta’ poliakrilammid. Minbarra dan, hemm lok li jiġi rrilevat li d-dokument ta’ sostenn tal-Kumitat tal-Istati Membri, li fuqu l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna kienet fondata, ma jinkludi ebda informazzjoni dwar l-użu ta’ din is-sustanza.

77      Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv ta’ dan ir-rikors, sabiex sustanza tiġi identifikata bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna kif jirriżulta mill-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-proprjetajiet intrinsiċi ta’ din is-sustanza. Minbarra dan, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 59(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, fajl ippreparat sabiex sustanza tiġi identifikata bħala ta’ tħassib serju ħafna jista’ jkun limitat, jekk ikun il-każ, għal riferiment għal entrata fil-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008 li tinkludi l-lista ta’ klassifikazzjoni u ttikkettjar armonizzati ta’ sustanzi perikolużi u jista’, għalhekk, ma jinkludi ebda informazzjoni dwar l-użu tas-sustanza kkonċernata.

78      Fi kwalunkwe każ, diġà ġie stabbilit li ma jistax jiġi konkluż li l-użi kollha tal-akrilammid imsemmija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-fajl tiegħu kellhom natura ta’ sustanza intermedja (ara l-punti 49 sa 59 iktar ’il fuq).

79      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

80      Ir-rikorrenti jsostnu li t-trattament tal-akrilammid huwa sproporzjonat, peress li l-ECHA kellha għażla ta’ miżuri u li l-għażla tal-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni bħala ta’ tħassib serju ħafna toħloq inkonvenjenzi eċċessivi meta pparagunati mal-għan imfittex. Skont dawn, il-proċedura ta’ identifikazzjoni hija kkonċepita sabiex jiġi żgurat li tingħata attenzjoni partikolari lis-sustanzi l-iktar perikolużi. Ċerti tipi ta’ sustanzi bħas-sustanzi intermedji huma eżentati mit-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006, peress li dawn ma jippreżentawx l-istess livell ta’ riskju bħal sustanzi oħra. Minkejja din l-intenzjoni tal-leġiżlatur, l-ECHA kienet użat din il-proċedura sabiex tidentifika sustanza li tintuża biss bħala sustanza intermedja, li jitqies li huwa sproporzjonat. Minbarra dan, ir-riskju li jgħaddu minnu l-ħaddiema fir-rigward tal-espożizzjoni għall-akrilammid jiġi eliminat jew jitnaqqas minħabba leġiżlazzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema. L-awtoritajiet kellhom il-possibbiltà li jagħżlu miżura differenti, jiġifieri li ma jaġixxux, li kien ikun iktar xieraq u iktar proporzjonat. Fi kwalunkwe każ, l-ECHA setgħet tipprevedi li l-akrilammid jiġi identifikat bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna unikament sa fejn ma jintużax bħala sustanza intermedja jew setgħet tiddeċiedi li l-użu ta’ akrilammid ikun suġġett għal restrizzjonijiet previsti skont it-Titolu VIII tar-Regolament Nru 1907/2006.

81      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda vinkolanti, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza Etimine, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:2011:504, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      F’dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, hemm lok li lill-ECHA tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’qasam li jimplika min-naħa tagħha għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fih hija msejħa twettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura stabbilita f’dan il-qasam, fid-dawl tal-għan li l-leġiżlatur jixtieq jilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ miżura bħal din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Etimine, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:2011:504, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      F’din il-kawża, jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 li dan ir-regolament huwa intiż sabiex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluż il-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-evalwazzjoni tal-perikoli marbuta mas-sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li jittejbu l-kompetittività u l-innovazzjoni. Fid-dawl tal-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur stabbilixxa, bħala għan prinċipali l-ewwel minn dawn it-tliet għanijiet, jiġifieri dak li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-għan tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, li l-proċedura ta’ identifikazzjoni prevista fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament tagħmel parti minnha, l-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi li din hija intiża li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li jiġi żgurat li r-riskji li jirriżultaw minn sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jkunu kkontrollati tajjeb u li dawn is-sustanzi jiġu progressivament issostitwiti minn sustanzi jew teknoloġiji oħra xierqa, meta dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli (sentenza Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, punt 73 iktar ’il fuq, EU:T:2013:106, punt 116).

84      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex xierqa għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1907/2006, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tikkonsisti fl-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċedura prevista fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament. Meta sustanza tiġi identifikata bħala ta’ tħassib serju ħafna, l-operaturi ekonomiċi kkonċernati huma suġġetti għal obbligi ta’ żvelar ta’ informazzjoni (sentenza Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, punt 73 iktar ’il fuq, EU:T:2013:106, punt 117).

85      Fir-rigward tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna sservi sabiex tittejjeb l-informazzjoni lill-pubbliku u lill-professjonisti dwar ir-riskji u l-perikoli li jistgħu jgħaddu minnhom, u li, għalhekk, din l-identifikazzjoni għandha titqies li hija strument għat-titjib ta’ tali protezzjoni (ara s-sentenza Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, punt 73 iktar ’il fuq, EU:T:2013:106, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex xierqa f’dan ir-rigward peress li l-akrilammid jintuża biss bħala sustanza intermedja u għalhekk huwa eżentat mit-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006 skont l-Artikolu 2(8)(b) tiegħu, hemm lok li jiġi rrilevat li diġà ġie stabbilit li ma jistax jiġi konkluż li l-akrilammid kien użat biss bħala sustanza intermedja (ara l-punti 49 sa 59 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li użi tal-akrilammid minbarra bħala sustanzi intermedji huma esklużi. Għalhekk l-identifikazzjoni ta’ din is-sustanza ma tidhirx manifestament mhux xierqa fir-rigward tal-għanijiet imfittxija.

87      Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti dwar l-allegata natura mhux xierqa tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġu miċħud.

88      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata taqbeż il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija peress li l-possibbiltà li ma titteħidx azzjoni, l-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet previsti fit-Titolu VIII tar-Regolament Nru 1907/2006 jew l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna unikament sa fejn ma jintużax bħala sustanza intermedja, jikkostitwixxu miżuri inqas vinkolanti. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, ir-riskju li jgħaddu minnu l-ħaddiema huwa eliminat jew imnaqqas minħabba regoli relatati mal-protezzjoni tal-ħaddiema.

89      L-ewwel nett, fir-rigward tal-possibbiltà li ma titteħidx azzjoni, ir-rikorrenti jaffermaw li din hija iktar proporzjonata u inqas vinkolanti peress li l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna ma hijiex ikkonċepita għas-sustanzi intermedji, iżda għal tipi oħra ta’ sustanzi li jqajmu tħassib iktar serju. Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, peress li ma jistax jiġi konkluż li l-akrilammid kien użat biss bħala sustanza intermedja u li, fi kwalunkwe każ, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li użi tal-akrilammid barra milli bħala sustanzi intermedji huma esklużi (ara l-punt 86 iktar ’il fuq), il-fatt li ma titteħidx azzjoni ma jikkostitwixxix miżura daqshekk xierqa bħall-identifikazzjoni ta’ din is-sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna.

90      It-tieni nett, fir-rigward ta’ miżuri ta’ restrizzjoni li jikkonċernaw l-użu tal-akrilammid, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li sustanza hija inkluża fil-lista tas-sustanzi kandidati ma jipprekludix li din is-sustanza tiġi suġġetta għal restrizzjonijiet pjuttost milli għal awtorizzazzjoni. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 58(5) u mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Kummissjoni jew Stat Membru jistgħu dejjem jipproponu li l-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza jiġu kkontrollati permezz ta’ restrizzjonijiet pjuttost milli b’awtorizzazzjoni (sentenza Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, punt 73 iktar ’il fuq, EU:T:2013:106, punt 128). F’dan il-każ, jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza Polyelectrolyte Producers Group et vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq (EU:T:2013:53), li l-akrilammid kien suġġett għal restrizzjonijiet għall-applikazzjonijiet siġillanti kontra l-ilma mill-5 ta’ Novembru 2012.

91      Barra minn hekk, kif jirriżulta wkoll mill-Anness XVII tar-Regolament Nru 1907/2006, ir-restrizzjonijiet, adottati skont il-proċedura prevista fit-Titolu VIII ta’ dan ir-regolament, applikabbli għall-manifattura, għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi u ta’ ċerti taħlitiet u oġġetti perikolużi, jistgħu jvarjaw minn kundizzjonijiet partikolari imposti għall-manifattura jew għat-tqegħid fis-suq ta’ sustanza għal projbizzjoni totali tal-użu ta’ sustanza. Anki jekk il-miżuri restrittivi huma wkoll xierqa sabiex jitwettqu l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, dawn għalhekk ma jikkostitwixxux, inkwantu tali, miżuri inqas vinkolanti meta pparagunati mal-identifikazzjoni ta’ sustanza li timplika biss obbligi ta’ żvelar ta’ informazzjoni (sentenza Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, punt 73 iktar ’il fuq, EU:T:2013:106, punt 129).

92      It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrenti jqisu li l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam ta’ protezzjoni tal-ħaddiema tippermetti li r-riskju li jgħaddu minnu dawn tal-aħħar jiġi eliminat jew jitnaqqas, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din, li tipprevedi miżuri ta’ mmaniġġar tar-riskji għall-ħaddiema, ma tistax tikkostitwixxi miżura xierqa u inqas vinkolanti għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1907/2006 dwar it-trattament tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u, b’mod partikolari, tal-għan li s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu ssostitwiti progressivament minn sustanzi jew teknoloġiji xierqa oħra, meta dawn ikunu ekonomikament jew teknikament vijabbli (ara l-punt 83 iktar ’il fuq).

93      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-ECHA setgħet tipprevedi li l-akrilammid jiġi identifikat bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna biss sa fejn ma kienx intuża bħala sustanza intermedja. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-leġiżlatur stabbilixxa regoli partikolari dwar is-sustanzi intermedji fl-Artikolu 2(1)(ċ) u (8)(b) tar-Regolament Nru 1907/2006 (ara l-punt 48 iktar ’il fuq).

94      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

95      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

96      Ir-rikorrenti jsostnu li l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, minħabba li sustanzi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni identika ma kinux ġew suġġetti għal tali identifikazzjoni. Skont dawn, l-akrilammid ġie kklassifikat fost sustanzi karċinoġeni u mutaġeniċi ta’ kategorija 2 u fost sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni ta’ kategorija 3 b’numru kunsiderevoli ta’ sustanzi oħra li kellhom l-istess proprjetajiet jew proprjetajiet superjuri. Ebda motivazzjoni ma kienet tressqet dwar ir-raġunijiet li għalihom l-akrilammid kien intgħażel u mhux sustanzi oħra li jippreżentaw proprjetajiet identiċi, minkejja li huwa paċifiku li tal-inqas 99 % tal-użu tiegħu huwa eżentat mill-proċedura ta’ identifikazzjoni.

97      Għandu jiġi rrilevat li, permezz tar-Regolament Nru 1907/2006, il-leġiżlatur stabbilixxa sistema li tikkonċerna r-reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi, kif ukoll ir-restrizzjonijiet applikabbli għal dawn is-sustanzi, li skont il-premessa 1 ta’ dan ir-regolament, huma intiżi sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li jittejbu l-kompetittività u l-innovazzjoni. B’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi, fit-Titolu VII tiegħu, proċedura ta’ awtorizzazzjoni. L-għan ta’ din il-proċedura huwa, skont l-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament, li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li jiġi żgurat li r-riskji li jirriżultaw minn sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu kkontrollati tajjeb u li dawn is-sustanzi jiġu ssostitwiti progressivament minn sustanzi jew teknoloġiji alternattivi xierqa, meta dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli (sentenza Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, punt 73 iktar ’il fuq, EU:T:2013:106, punt 69).

98      Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tapplika għas-sustanzi kollha li jissodisfaw il-kriterji previsti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006. L-ewwel fażi tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tikkonsisti fl-identifikazzjoni tas-sustanzi previsti f’dan l-artikolu li għaliha proċedura f’diversi stadji hija prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont il-premessa 77 ta’ dan ir-regolament, minħabba raġunijiet ta’ funzjonalità u ta’ prattikabbiltà, kemm min-naħa ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom jippreparaw il-fajls ta’ applikazzjoni u jieħdu l-miżuri adatti tal-immaniġġar ta’ riskji, kemm fir-rigward tal-awtoritajiet, li jkollhom jipproċessaw l-applikazzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, huwa neċessarju li biss numru limitat ta’ sustanzi jkun suġġett simultanjament għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Fir-rigward tal-għażla ta’ dawn is-sustanzi, l-Artikolu 59(2) u (3) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi li hija l-Kummissjoni jew l-Istat Membru kkonċernat li għandhom jiddeċiedu jekk dawn jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament. Għalhekk il-leġiżlatur ħalla lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tippermetti implementazzjoni progressiva tar-regoli dwar is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna previsti fit-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006 (sentenza Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, punt 73 iktar ’il fuq, EU:T:2013:106, punt 70).

99      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-proċedura ta’ identifikazzjoni għalhekk ma tagħti l-ebda setgħa lill-ECHA dwar l-għażla tas-sustanza li għandha tiġi identifikata, peress li din il-prerogattiva tappartjeni esklużivament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 (digriet tat-22 ta’ Mejju 2014, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, C‑287/13 P, EU:C:2014:599, punt 51, u s-sentenza Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, punt 73 iktar ’il fuq, EU:T:2013:106, punt 71).

100    F’dan il-każ, il-proċedura ta’ identifikazzjoni prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 ġiet osservata fir-rigward tal-għażla tas-sustanza li għandha tiġi identifikata. Fil-fatt, jirriżulta mill-fajl li l-akrilammid intgħażel mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi peress li jqis li din is-sustanza kienet tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ produzzjoni ta’ fajl ippreparat minn Stat Membru dwar sustanza li wkoll għandha proprjetajiet karċinoġeni, mutaġeniċi u tossiċi jew ta’ talba għall-preparazzjoni ta’ tali fajl lill-ECHA mill-Kummissjoni, l-ECHA ma tistax tipproċedi għall-identifikazzjoni ta’ din is-sustanza, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, mingħajr ma tmur lil hinn mis-setgħat tagħha. Minn dan isegwi li, billi identifikat l-akrilammid u mhux sustanzi allegatament paragunabbli bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, l-ECHA ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, punt 73 iktar ’il fuq, punt 72).

101    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li ebda motivazzjoni ma kienet tressqet f’dak li jikkonċerna r-raġunijiet li għalihom l-akrilammid kien intgħażel u mhux sustanzi oħra li jippreżentaw proprjetajiet identiċi, minkejja li huwa paċifiku li tal-inqas 99 % tal-użu tiegħu huwa eżentat mill-proċedura ta’ identifikazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta l-proposta tiegħu li l-akrilammid jiġi identifikat bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna minħabba l-proprjetajiet karċinoġeni u mutaġeniċi tiegħu. Peress li, skont l-Artikolu 59(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, kull Stat Membru jista’ jipprepara fajl skont l-Anness XV ta’ dan ir-regolament għas-sustanzi li huwa jqis li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament, ebda motivazzjoni ma kienet neċessarja.

102    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, peress li l-legalità tal-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti u li l-ECHA osservat din il-proċedura, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

103    Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

104    Fis-sentenza tagħha mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż. Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi, f’din is-sentenza, fuq l-ispejjeż kollha sostnuti fil-proċeduri differenti, konformement mal-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

105    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

106    Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-ECHA, kif mitlub minn din tal-aħħar. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPG) u SNF SAS huma kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA).

3)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Dittrich

Dehousse

Schwarcz

Tomljenović

 

       Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Settembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.