Language of document : ECLI:EU:T:2005:143

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

26 ta' April 2005 (*)

"Aċċess għad-dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relattivi għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jikkonċernaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu – Eċċezzjonijiet relattivi għall-protezzjoni ta' l-interess pubbliku – Sigurtà pubblika – Relazzjonijiet internazzjonali – Aċċess parzjali – Motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża"

Fil-kawżi magħquda T-110/03, T-150/03 u T-405/03,

Jose Maria Sison, residenti f'Utrecht (L-Olanda), irrappreżentat minn J. Fermon, A. Comte, H. Schultz u D. Gurses, Avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Vitsentzatos, M. Bauer u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut,

li għandhom bħala suġġett l-annullament ta' tliet deċiżjonijiet tal-Kunsill, tal-21 ta' Jannar, tas-27 ta' Frar u tat-2 ta' Ottubru 2003, li jirrifjutaw l-aċċess għal dokumenti relattivi għad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2002/848/KE, 2002/974/KE u 2003/480/KE, tat-28 ta' Ottubru 2002, tat-12 ta' Diċembru 2002 u tas-27 ta' Ġunju 2003, rispettivament, li jimplementaw l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassru d-Deċiżjonijiet 2002/460/KE, 2002/848/KE u 2002/974/KE, rispettivament,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta' Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p.43), jipprovdi:

"Eċċezzjonijiet

1.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista' jdgħajjef il-ħarsien ta':

a)      l-interess pubbliku fir-rigward ta':

–        is-sigurtà pubblika,

–        [...]

–        relazzjonijiet internazzjonali,

[...]

2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista' jdgħajjef il-ħarsien ta':

–        [...]

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        [...]

jekk ma' jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[...]"

2        Fit-28 ta' Ottubru 2002, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2002/848/KE li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/460/KE (ĠU L 295, p. 12). Din id-Deċiżjoni inkludiet lir-rikorrent fil-lista ta' persuni suġġetti għall-iffriżar tal-fondi u ta' l-assi finanzjarji stabbilit permezz ta' dan ir-Regolament (iktar 'il quddiem il-"lista kkontestata"). Din il-lista ġiet aġġornata, b'mod partikolari, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/974/KE, tat-12 ta' Diċembru 2002 (ĠU L 337, p. 85), u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/480/KE, tas-27 ta' Ġunju 2003 (ĠU L 160, p. 81), li jħassru d-deċiżjonijiet preċedenti u jistabbilixxu lista ġdida. Kull darba, l-isem tar-rikorrent inżamm fuq din il-lista.

3        Abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-rikorrent talab, permezz ta' ittra konfermattiva tal-11 ta' Diċembru 2002, l-aċċess għad-dokumenti li kienu wasslu lill-Kunsill sabiex jadotta d-Deċiżjoni 2002/848 u l-iżvelar ta' l-identità ta' l-Istati li kienu pprovdew ċerti dokumenti f'dan ir-rigward. Permezz ta' ittra konfermattiva tat-3 ta' Frar 2003, ir-rikorrent talab l-aċċess għad-dokumenti ġodda kollha li kienu wasslu lill-Kunsill sabiex jadotta d-Deċiżjoni 2002/974 li żammitu fuq il-lista kkontestata u l-iżvelar ta' l-identità ta' l-Istati li kienu pprovdew ċerti dokumenti f'dan ir-rigward. Permezz ta' ittra konfermattiva tal-5 ta' Settembtu 2003, ir-rikorrent talab speċifikament l-aċċess għar-rendikont tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) 11 311/03 EXT 1 CRS/CRP, relattiv għad-Deċiżjoni 2003/480, kif ukoll għad-dokumenti kollha mressqa lill-Kunsill qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2003/480 u li jiffurmaw il-bażi ta' l-inklużjoni u ż-żamma tiegħu fuq il-lista kkontestata.

4        Il-Kunsill irrisponda għal kull waħda minn dawn it-talbiet billi rrifjuta l-aċċess, anki parzjali, permezz tad-deċiżjonijiet konfermattivi tal-21 ta' Jannar, tas-27 ta' Frar u tat-2 ta' Ottubru 2003 (iktar 'il quddiem, l-"ewwel deċiżjoni ta' rifjut", it-"tieni deċiżjoni ta' rifjut" u t-"tielet deċiżjoni ta' rifjut", rispettivament), rispettivament.

5        F'dak li jirrigwarda l-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta' rifjut, il-Kunsill indika li l-informazzjoni li kienet wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-lista kkontestata kienet tinsab fir-rendikonti sommarji tal-Coreper tat-23 ta' Ottubru 2002 (13 441/02 EXT 1 CRS/CRP 43) u ta' l-4 ta' Diċembru 2002
(15 191/02 EXT 1 CRS/CRP 51), rispettivament, li kienu kklassifikati bħala "CONFIDENTIEL UE".

6        Il-Kunsill irrifjuta li jagħti aċċess għal dawn ir-rendikonti billi invoka l-ewwel u t-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. Huwa ddikjara, minn naħa, li "l-iżvelar ta' [dawn ir-rendikonti] kif ukoll ta' l-informazzjoni li tinsab f'idejn l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri li jiġġieldu kontra t-terroriżmu jippermetti lill-persuni, gruppi u entitajiet li huma s-suġġett ta' din l-informazzjoni li jxekklu l-azzjonijiet meħuda minn dawn l-awtoritajiet u jkun ta' preġudizzju serju għall-interess pubbliku f'dak li jirrigwarda s-sigurtà pubblika". Min-naħa l-oħra, skond il-Kunsill, l-"iżvelar ta' l-informazzjoni in kwistjoni tkun ukoll ta' preġudizzju għall-ħarsien ta' l-interess pubbliku f'dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, peress li l-azzjonijiet meħuda fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu [kienu] jinvolvu wkoll awtoritajiet ta' Stati terzi". Il-Kunsill irrifjuta l-aċċess parzjali għal din l-informazzjoni minħabba li hija kienet "kompletament koperta bl-eċċezzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq". Minbarra dan, il-Kunsill irrifjuta li jiżvela l-identità ta' l-Istati li pprovdew informazzjoni rilevanti billi ddikjara li "l-awtorità[ajiet] li mingħandhom toriġina l-informazzjoni in kwistjoni, wara li ġew ikkonsultati skond l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, [hija] [huma] kuntrarja[i] għall-iżvelar ta' l-informazzjoni mitluba".

7        F'dak li jirrigwarda t-tielet deċiżjoni ta' rifjut, il-Kunsill l-ewwel nett iddikjara li t-talba tar-rikorrent kienet tikkonċerna l-istess dokument li għalih kien ġie rrifjutat l-aċċess permezz ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut. Il-Kunsill ikkonferma l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut tiegħu u żied li l-aċċess għar-rendikont 13 441/02 kellu wkoll jiġi rrifjutat minħabba l-eċċezzjoni relattiva għall-proċedimenti fil-qrati (it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001). It-tieni nett, il-Kunsill ammetta li bi żball kien indika bħala relevanti r-rendikont 11 311/03, relattiv għad-Deċiżjoni 2003/480. F'dan ir-rigward, huwa ddikjara li ma kienx irċieva informazzjoni jew dokumenti oħra li jiġġustifikaw ir-revoka tad-Deċiżjoni 2002/848 safejn din tikkonċerna lir-rikorrent.

8        Ir-rikorrent ressaq rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni 2002/974, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza bin-numru T-47/03.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta' rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-24 ta' Marzu 2003 (kawża T-110/03), fit-30 ta' April 2003 (kawża T-150/03) u fit-12 ta' Diċembru 2003 (kawża T-405/03), ir-rikorrent ressaq dawn ir-rikorsi kontra l-ewwel, it-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta' rifjut, rispettivament.

10      Permezz ta' digrieti tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2003 u tas-27 ta' April 2004, il-kawżi T-110/03, T-150/03 u T-405/03 ġew magħqudin għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tat-trattazzjoni u tas-sentenza, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

11      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-ewwel (kawża T-110/03), it-tieni (kawża T-150/03) u t-tielet (kawża T-405/03) deċiżjonijiet ta' rifjut;

–        tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż.

12      Il-Kunsill talab li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq il-portata tar-rikorsi

13      Il-Qorti tal-Prim'Istanza preliminarjament tikkonstata li, fl-ewwel u fit-tieni deċiżjonijiet ta' rifjut tiegħu (kawżi T-110/03 u T-150/03), il-Kunsill, minn naħa, rrifjuta għal kollox l-aċċess għar-rendikonti 13 441/02 u 15 191/02 li jikkonċernaw l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2001/848 u 2002/974, rispettivament, billi bbaża ruħu fuq l-eċċezzjonijiet relattivi għall-interess pubbliku previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill irrifjuta li jiżvela l-identità ta' l-Istati li pprovdew dokumenti relattivi għall-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2002/848 u 2002/974, billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 9(3) ta' dan ir-Regolament li jirrigwarda t-trattament ta' dokumenti sensittivi.

14      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata wkoll li, fit-tielet deċiżjoni ta' rifjut tiegħu (kawża T-405/03), il-Kunsill irrisponda, prinċipalment, li, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/848, huwa ma kellu l-ebda dokument ġdid li kien jikkonċerna lir-rikorrent, jiġifieri dokumenti oħra minbarra dawk li l-aċċess għalihom kien ġie rrifjutat permezz ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut.

15      L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni, fil-kuntest tal-motiv tiegħu bbażat fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, li l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' rifjut hija f'kontradizzjoni mat-teżi li l-Kunsill sostna fil-kawża T-47/03 li kienet tgħid li l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista kkontestata hija bbażata fuq dokument pubbliku, jiġifieri d-deċiżjoni tar-Rechtseenheidskamer ta' l-Arrondissementsrechtbank te ‘s Gravenhage (l-Olanda) tal-11 ta' Settembru 1997, annessa mar-risposta tal-Kunsill fil-kawża T-47/03.

16      In-nuqqas ta' motivazzjoni allegat mir-rikorrent fil-verità jikkostitwixxi lment fil-mertu. In-nuqqas ta' motivazzjoni f'dak li jirrigwarda d-deċiżjoni tal-11 ta' Settembru 1997 fid-deċiżjonijiet ta' rifjut tekwivali sempliċement għal eventwali żball ta' liġi li jirrigwarda l-ommissjoni tal-Kunsill li jagħti aċċess għad-deċiżjoni tal-11 ta' Settembru 1997.

17      Madankollu, mhemmx lok jew m'għadx hemm lok li tittieħed deċiżjoni fuq dan l-eventwali żball ta' liġi fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li huwa paċifiku li r-rikorrent għandu fil-pussess tiegħu d-deċiżjoni tal-11 ta' Settembru 1997 [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Ġunju 2002, British American Tobacco (Investments) vs Il-Kummissjoni, T-311/00, Ġabra p. II-2781, punt 45].

18      It-tieni nett, ir-rikorrent jallega, fil-kawża T-405/03, dejjem fil-kuntest tal-motiv tiegħu bbażat fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, li t-tielet deċiżjoni ta' rifjut hija f'kontradizzjoni mat-tieni deċiżjoni ta' rifjut. Fil-fatt, it-tielet deċiżjoni ta' rifjut tindika li, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/848, ma kien hemm l-ebda dokument ġdid li jikkonċerna lir-rikorrent, filwaqt li t-tieni deċiżjoni ta' rifjut tindika bħala rilevanti r-rendikont 15 191/02 relattiv għad-Deċiżjoni 2002/974 u ċerti dokumenti pprovduti minn diversi Stati.

19      Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Kunsill jammetti li t-tieni deċiżjoni ta' rifjut hija żbaljata safejn din tindika l-eżistenza ta' dokumenti rilevanti. Id-Deċiżjoni 2002/974 ġiet adottata, f'dak li jirrigwarda r-rikorrent, biss fid-dawl tad-dokumenti li kienu mmotivaw l-adozzjoni tad-deċiżjoni preċedenti, jiġifieri d-Deċiżjoni 2002/848. Għalhekk, ir-rendikont 15 191/02 ma fih l-ebda informazzjoni ġdida li tikkonċerna lir-rikorrent.

20      Waqt is-seduta, ir-rikorrent iddikjara li huwa kien qiegħed jitlob aċċess għal dokumenti biss safejn dawn id-dokumenti kienu jirrigwardawh. Din id-dikjarazzjoni ġiet irreġistrata fil-verbal tas-seduta.

21      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li ma kienx hemm inkonsistenzi, fid-dati meta ġew adottati t-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta' rifjut, bejn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet. It-tieni talba għall-aċċess tar-rikorrent setgħet tinftiehem, dak iż-żmien, bħala li kienet tikkonsisti f'talba għall-aċċess għad-dokumenti l-ġodda kollha li kienu wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/974, għalhekk inklużi dawk li ma kinux jikkonċernaw lir-rikorrent bħal, skond il-Kunsill, ir-rendikont
15 191/02. Barra minn dan, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma jirrigwardax biss l-aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw lil min jagħmel it-talba, iżda jorganizza sistema ta' aċċess li tista' tkun indipendenti minn dik iċ-ċirkustanza. Minn dan isegwi li l-Kunsill seta' validament jagħti tali tifsira lill-imsemmija talba. Min-naħa l-oħra, it-tielet talba għall-aċċess tar-rikorrent setgħet ċertament tinftiehem, f'dak li jirrigwarda l-parti prinċipali tagħha, bħala li kienet tirrigwarda biss id-dokumenti li jikkonċernaw lir-rikorrent. Minn dan isegwi li setgħu validament jingħataw risposti differenti għal talbiet differenti.

22      Madankollu, fid-dawl tad-dikjarazzjoni li għamel ir-rikorrent waqt is-seduta, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li dan ta' l-aħħar qiegħed jitlob aċċess għar-rendikont
15 191/02 u għall-identità ta' l-Istati li pprovdew dokumenti relattivi għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/974 biss safejn dawn id-dokumenti jikkonċernaw lilu.

23      Minn dan jirriżulta, fil-kawża T-150/03, li l-kuntest tal-kwistjoni jiddependi minn jekk id-dokumenti ġodda jew l-informazzjoni ġdida li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat permezz tat-tieni deċiżjoni ta' rifjut jikkonċernawx jew le lir-rikorrent. Tali kwistjoni għandha bilfors tiġi riżolta permezz ta' l-eżami tal-fondatezza tat-tielet deċiżjoni ta' rifjut li tgħid li ma jeżisti l-ebda dokument ġdid li jikkonċerna lir-rikorrent apparti dawk li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat permezz ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut.

24      Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li, fil-kawża T-405/03, ir-rikorrent ma jikkontestax ir-rifjut ta' aċċess impliċitu għar-rendikont 11 311/03, minkejja li dan l-aċċess kien ġie speċifikatament mitlub fit-tielet talba konfermattiva għal aċċess. Għalhekk, l-aċċess għal dan ir-rendikont ma jifformax parti minn din il-kawża.

25      It-tielet nett, ir-rikorrent jilmenta li l-Kunsill, fil-kawża T-405/03, naqas milli jirrispondi fid-dettall għall-argumenti tiegħu li jirrigwardaw l-eċċezzjonijiet għall-aċċess għad-dokumenti, li huwa kien żbaljat li jibbaża ruħu fuq eċċezzjonijiet għall-aċċess għad-dokumenti, b'mod partikolari, dik relattiva għall-proċedimenti fil-qrati f'dak li jikkonċerna r-rendikont 13 441/02, u li rrifjuta aċċess parzjali għal dan id-dokument.

26      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva, f'dan ir-rigward, li t-tielet deċiżjoni ta' rifjut hija ta' natura purament konfermattiva f'dak li jikkonċerna r-rifjut ta' aċċess għar-rendikont 13 441/02, li l-aċċess għalih kien diġà ġie rrifjutat permezz ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut. Minn dan jirriżulta li r-rikors ippreżentat fil-kawża T-405/03, safejn dan jirrigwarda r-rendikont 13 441/02, huwa inammissibbli (ara, f'dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Ottubru 2001, Métropole télévision M 6 vs Il-Kummissjoni, T-354/00, Ġabra p. II-3177, punti 34 u 35, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Ġunju 2002, AICS vs Il-Parlament, T-365/00, Ġabra p. II-2719, punt 30).

27      Konsegwentement, il-kwistjoni fil-kawża T-110/03 hija limitata għar-rifjut ta' aċċess għar-rendikont 13 441/02 u għar-rifjut li tiġi żvelata l-identità ta' ċerti Stati li pprovdew dokumenti relattivi għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/848. Il-kwistjoni fil-kawża T-405/03 hija limitata għall-kwistjoni jekk il-Kunsill kellux għad-dispożizzjoni tiegħu dokumenti ġodda li jikkonċernaw lir-rikorrent, minbarra dawk li kienu għad-dispożizzjoni tiegħu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/848. Il-kwistjoni fil-kawża T-150/03 tiddependi mill-kwistjoni jekk ir-rendikont 15 191/02 u d-dokumenti pprovduti minn ċerti Stati relattivi għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/974 jikkonċernawx lir-rikorrent.

2.     Fuq ir-rikors fil-kawża T-405/03

28      Fit-tielet deċiżjoni ta' rifjut, il-Kunsill essenzjalment espona li ma kien jeżisti l-ebda dokument ġdid li jikkonċerna lir-rikorrent minbarra d-dokumenti u l-informazzjoni li l-aċċess għalihom kien ġie rrifjutat lilu permezz ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut.

29      Skond ġurisprudenza stabbilita, kull dikjarazzjoni ta' l-istituzzjonijiet dwar l-eżistenza ta' dokumenti mitluba tgawdi minn preżunzjoni ta' legalità. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni tgawdi minn preżunzjoni ta' veraċità. Madankollu din hija preżunzjoni sempliċi li r-rikorrent jista' jikkonfuta bil-mezzi kollha, abbażi ta' provi rilevanti u konsistenti [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Ottubru 2000, JT's Corporation vs Il-Kummissjoni, T-123/99, Ġabra p. II‑3269, punt 58, u British American Tobacco (Investments) vs Il-Kummissjoni, punt 17 iktar 'il fuq, punt 35].

30      F'dan ir-rigward, l-uniċi provi miġjuba mir-rikorrent jirriżultaw, minn naħa, mill-obbligu tal-Kunsill li jerġa' jeżamina l-każ tiegħu kull meta jadotta deċiżjoni ġdida li żżommu fuq il-lista kkontestata u, min-naħa l-oħra, mill-inkonsistenza li teżisti bejn it-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta' rifjut.

31      Minn naħa, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 21 iktar 'il fuq, ma jeżistux inkonsistenzi bejn it-tieni u t-tielet deċiżjonijiet ta' rifjut. Dan madankollu ma jipprekludix lill-Kunsill, fid-dawl ta' l-interpretazzjoni l-ġdida tiegħu tat-talba tar-rikorrent, kif ikkonfermata fis-seduta, milli jikkunsidra li r-risposta mogħtija fit-tielet deċiżjoni ta' rifjut hija valida wkoll għat-tieni talba għal aċċess tar-rikorrent, kif interpretata mill-ġdid. Tali bidla fil-pożizzjoni tal-Kunsill mhijiex ta' ħsara għar-rikorrent, peress li dan ta' l-aħħar ikkonferma f'dan is-sens il-portata tat-talba tiegħu. Għalhekk, din il-bidla la tikkostitwixxi prova li tindika l-eżistenza ta' dokumenti li jikkonċernaw lir-rikorrent u relattivi għad-Deċiżjoni 2003/480 u lanqas tikkostitwixxi nuqqas ta' motivazzjoni li taffettwa t-tielet deċiżjoni ta' rifjut.

32      Min-naħa l-oħra, it-tielet deċiżjoni ta' rifjut tispjega, l-ewwel nett, li l-affermazzjoni li r-rendikont 11 311/03 kien fih elementi li servew bħala bażi għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2003/480, safejn din tikkonċerna lir-rikorrent, kienet żbaljata (punt 3) u, it-tieni nett, li l-Kunsill ma kien irċieva l-ebda dokument ġdid li jiġġustifika r-revoka tad-Deċiżjoni 2002/848 f'dak li jirrigwarda r-rikorrent (punt 4). Minn dan jirriżulta li l-Kunsill isostni li adotta d-Deċiżjoni 2003/480 li żammet lir-rikorrent fuq il-lista kkontestata mingħajr ma ħa in kunsiderazzjoni dokumenti ġodda li jikkonċernawh. Issa, l-eventwali obbligu li għandu l-Kunsill li jerġa' jeżamina l-każ tar-rikorrent, kull meta jadotta deċiżjoni ġdida, ma jikkostitwixxix prova suffiċjenti sabiex jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kunsill eżamina dokumenti ġodda li jikkonċernaw lir-rikorrent. Għandu jiġi osservat ukoll li l-kwistjoni jekk il-Kunsill setax validament jadotta d-Deċiżjoni 2003/480 fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ ma tikkonċernax din il-kawża relattiva għall-aċċess għad-dokumenti.

33      Minn dan jirriżulta li, fin-nuqqas ta' provi rilevanti u konsistenti li jindikaw mod ieħor, id-dikjarazzjoni tal-Kunsill – li tgħid li, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/848, ebda dokument ġdid li jikkonċerna lir-rikorrent ma ttieħed in kunsiderazzjoni mill-Kunsill – għandha tiġi kkunsidrata bħala korretta.

34      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-ineżistenza tad-dokumenti mitluba mir-rikorrent fit-tielet talba tiegħu għall-aċċess ġiet stabbilita kif titlob il-liġi.

35      Konsegwentement, ir-rikors fil-kawża T-405/03, fil-parti tiegħu li hija ammissibbli, huwa miċħud bħala infondat.

3.     Fuq ir-rikors fil-kawża T-150/03

36      Kif ġie kkonstatat fil-punt 33 iktar 'il fuq, xejn ma jindika li jeżistu dokumenti ġodda li jikkonċernaw lir-rikorrent li ttieħdu in kunsiderazzjoni mill-Kunsill wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/848. Barra minn dan, xejn ma jindika li d-dikjarazzjoni l-ġdida tal-Kunsill – li tidher fir-risposta ppreżentata fil-kawża T-405/03 – li tgħid li r-rendikont 15 191/02 ma fih "l-ebda informazzjoni ġdida li tikkonċerna [lir-rikorrent]" hija żbaljata. Minn naħa, kif ġie kkonstatat fil-punt 21 iktar 'il fuq, il-pożizzjoni l-ġdida tal-Kunsill mhijiex inkonsistenti ma' dik li ġiet espressa fit-tieni deċiżjoni ta' rifjut, peress li din tista' tiġi spjegata permezz ta' l-interpretazzjoni ġdida tal-Kunsill tal-portata eżatta tat-talba tar-rikorrent. Min-naħa l-oħra, minbarra din l-allegata inkonsistenza, ir-rikorrent ma ressaq l-ebda prova oħra li tista' tqiegħed in kwistjoni din id-dikjarazzjoni l-ġdida tal-Kunsill.

37      Minn dan jirriżulta li l-eżistenza ta' dokumenti ġodda li jikkonċernaw lir-rikorrent, għall-finijiet ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/974, fosthom elementi li jinsabu fir-rendikont 15 191/02, ma ġietx stabbilita.

38      Fid-dawl tad-dikjarazzjoni li għamel ir-rikorrent fis-seduta, li tgħid li huwa qiegħed jitlob biss id-dokumenti li jikkonċernawh, għandu jiġi kkonstatat li l-ineżistenza tad-dokumenti mitluba relattivi għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/974 ma ġietx stabbilita kif titlob il-liġi.

39      Bl-istess mod, fid-dawl tad-dikjarazzjoni li għamel ir-rikorrent fis-seduta, m'għadx hemm lok li tiġi eżaminata l-legalità tat-tieni deċiżjoni ta' rifjut fid-dawl tal-motivi ta' rifjut ta' aċċess esposti fiha.

40      Konsegwentement, ir-rikors fil-kawża T-150/03 huwa miċħud bħala infondat.

4.     Fuq ir-rikors fil-kawża T-110/03

41      Ir-rikorrent jinvoka tliet motivi bbażati, rispettivament, fuq il-ksur tad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti, fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt relattivi għad-drittijiet tad-difiża. Fid-dawl tal-fatt li fil-kawża T-150/03 ġew żviluppati motivi essenzjalment identiċi u tal-fatt li l-kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, u b'hekk saru osservazzjonijiet bil-miktub komuni fil-kawżi T-110/03 u T-150/03, għandhom ukoll jiġu kkunsidrati l-argumenti li espona r-rikorrent fil-kawża T-150/03.

42      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li t-tielet motiv jikkostitwixxi, fil-verità, motiv transversali li l-premessa tiegħu tinsab ripetuta fiż-żewġ motivi l-oħra. Għalhekk jaqbel li l-motivi tar-rikorrent jiġu eżaminati fl-ordni oppost għal kif ġew ippreżentati.

43      Madankollu huwa meħtieġ li preliminarjament tiġi deċiża l-kwistjoni li tirrigwarda l-portata ta' l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim'Istanza f'dan il-każ.

 Fuq il-portata ta' l-istħarriġ tal-legalità

44      Il-Kunsill iqis li l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim'Istanza f'dak li jirrigwarda l-aċċess għat-tip ta' dokument in kwistjoni huwa limitata (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Lulju 1999, Hautala vs Il-Kunsill, T-14/98, Ġabra p. II‑2489). Ir-rikorrent jirrifjuta din l-allegazzjoni minħabba li dawn il-kawżi huma notevolment differenti mill-kawża li tat lok għas-sentenza Hautala vs Il-Kunsill.

45      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li l-prinċipju legali huwa li l-pubbliku għandu jkollu aċċess għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet u li l-possibbiltà ta' rifjut hija l-eċċezzjoni. Deċiżjoni ta' rifjut hija valida biss jekk tkun ibbażata fuq waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Skond ġurisprudenza stabbilita, dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b'mod restrittiv, sabiex ma jostakolawx l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali stabbilit f'dan ir-Regolament (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Frar 2002, Kuijer vs Il-Kunsill, T-211/00, Ġabra p. II‑485, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F'dak li jirrigwarda l-portata ta' l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim'Istanza fuq il-legalità ta' deċiżjoni ta' rifjut, għandu jiġi osservat li, fis-sentenzi Hautala vs Il-Kunsill, punt 44 iktar 'il fuq (punt 71) u Kuijer vs Il-Kunsill, punt 45 iktar 'il fuq (punt 53), il-Qorti tal-Prim'Istanza rrikonoxxiet li l-Kunsill għandu marġni wiesa' ta' diskrezzjoni fil-kuntest ta' deċiżjoni ta' rifjut ibbażata, in parti bħal f'dan il-każ, fuq il-ħarsien ta' l-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali. Fis-sentenza Kuijer vs Il-Kunsill, punt 44 iktar 'il fuq, tali marġni ta' diskrezzjoni ġie rikonoxxut lill-istituzzjoni meta din tiġġustifika r-rifjut ta' aċċess tagħha billi tinvoka l-ħarsien ta' l-interess pubbliku in ġenerali. Għaldaqstant, fl-oqsma relattivi għall-eċċezzjonijiet mandatorji għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

47      Konsegwentement, l-istħarriġ li tagħmel il-Qorti tal-Prim'Istanza fuq il-legalità ta' deċiżjonijiet ta' l-istituzzjonijiet li jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti abbażi ta' l-eċċezzjonijiet relattivi għall-interess pubbliku previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jkun limitat għall-verifika ta' l-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta' motivazzjoni, ta' l-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta' żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta' abbuż ta' poter (ara, b'analoġija, is-sentenzi Hautala vs Il-Kunsill, punt 44 iktar 'il fuq, punti 71 u 72, ikkonfermata fl-appell, u Kuijer vs Il-Kunsill, punt 45 iktar 'il fuq, punt 53).

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt relattivi għad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

48      Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent jallega li l-Kunsill kiser il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-prinċipju ta' proporzjonalità. Huwa jsostni li l-inklużjoni tiegħu fil-lista kkontestata tammonta għal akkuża kriminali (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Deweer tas-27 ta' Frar 1980, Serje A Nru 35). Ir-rifjut ta' aċċess għad-dokumenti mitluba jikkostitwixxi ksur gravi tad-dritt għal smigħ xieraq, u b'mod partikolari tal-garanziji previsti fl-Artikolu 6(3) tal-KEDB, fil-kuntest tar-rikors għal annullament li r-rikorrent ressaq kontra d-Deċiżjoni 2002/974 (kawża T-47/03). Barra minn dan, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta' proporzjonalità billi injora d-dritt tar-rikorrent li jkun jaf ir-raġunijiet li għalihom huwa ġie inkluż fil-lista kkontestata.

49      Il-Kunsill jikkunsidra li l-argumenti tar-rikorrent imorru lil hinn mill-kuntest ta' dawn il-proċeduri peress li l-kawżi ma jirrigwardawx il-legalità tar-Regolament Nru 2580/2001, li tiġġustifika l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista kkontestata. Fil-kuntest ta' l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sitwazzjoni ta' l-applikant mhijiex relevanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

50      Għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li, skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-benefiċjarji ta' dritt ta' aċċess għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet huma "[k]ull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f'Stat Membru". Minn dan jirriżulta li dan ir-Regolament huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-aċċess ta' kulħadd għad-dokumenti pubbliċi u mhux biss l-aċċess ta' l-applikant għal dokumenti li jikkonċernawh.

51      Min-naħa l-oħra, l-eċċezzjonijiet għall-aċċess għad-dokumenti previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 huma fformulati f'termini mandatorji. Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet huma obbligati li jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti li jaqgħu taħt dawn l-eċċezzjonijiet, meta tinġieb il-prova taċ-ċirkustanzi indikati (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 1997, WWF UK vs Il-Kummissjoni, T-105/95, Ġabra p. II‑313, punt 58, u tat-13 ta' Settembru 2000, Denkavit Nederland vs Il-Kummissjoni, T-20/99, Ġabra p. II‑3011, punt 39).

52      Għalhekk, l-interess partikolari li jista' jsostni li għandu applikant li jitlob l-aċċess għal dokument li jikkonċernah personalment ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' l-eċċezzjonijiet mandatorji previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

53      Ir-rikorrent essenzjalment jallega li l-Kunsill kien obbligat li jagħtih aċċess għad-dokumenti mitluba safejn dawn id-dokumenti huma neċessarji sabiex ikun iggarantit id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq fil-kuntest tal-kawża T-47/03.

54      Issa, peress li, fl-ewwel deċiżjoni ta' rifjut, il-Kunsill invoka l-eċċezzjonijiet mandatorji previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa ma jistax jiġi akkużat li ma ħax in kunsiderazzjoni l-eventwali bżonn partikolari tar-rikorrent li jkollu d-dokumenti mitluba għad-dispożizzjoni tiegħu.

55      Għalhekk, anke jekk jitqies li dawn id-dokumenti jirriżultaw neċessarji għad-difiża tar-rikorrent fil-kuntest tal-kawża T-47/03, kwistjoni li għandha tiġi eżaminata f'din il-kawża, din iċ-ċirkustanza mhijiex rilevanti sabiex tiġi evalwata l-validità ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut.

56      Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

57      Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill limita ruħu li jipprovdi risposta lakonika u sterjotipata fil-kuntest tar-rifjut ta' aċċess minħabba l-preġudizzju għall-interess pubbliku jew ir-"regola ta' l-awtur" u tar-rifjut ta' aċċess parzjali. Billi għamel dan, il-Kunsill naqas milli jidentifika l-informazzjoni li tinsab f'kull wieħed mid-dokumenti jew id-dokumenti attribwibbli lil ċerti Stati u lanqas ma ppermetta li ssir magħrufa l-ġustifikazzjoni ta' dawn ir-rifjuti, minkejja r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Ġunju 1998, Svenska ournalistförbundet vs Il-Kunsill, T-174/95, Ġabra p. II‑2289, punt 112, u tas-6 ta' April 2000, Kuijer vs Il-Kunsill, T-188/98, Ġabra p. II‑1959, punti 37 u 38). Għalhekk, ir-rikorrent ma ngħatax l-opportunità li jifhem ir-raġunijiet avanzati mill-Kunsill u l-Qorti tal-Prim'Istanza mhijiex f'pożizzjoni li tistħarreġ dawn ir-raġunijiet.

58      Il-Kunsill josserva, preliminarjament, li l-motivazzjonijiet ta' l-ewwel u tat-tieni deċiżjoni ta' rifjut huma identiċi minħabba li fiż-żewġ każijiet il-kuntest huwa essenzjalment l-istess. F'dak li jirrigwarda l-motivazzjoni relattiva għall-interess pubbliku, il-Kunsill jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jgħid li kull deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokument sensittiv għandha tagħti r-raġunijiet b'mod li ma jagħmilx ħsara lill-interessi mħarsa fl-Artikolu 4. Barra minn dan, il-motivazzjoni ta' l-ewwel u tat-tieni deċiżjonijiet ta' rifjut jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-kuntest fattwali u legali ta' dawn il-kawżi. F'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-"regola ta' l-awtur", id-deċiżjonijiet ta' rifjut jidentifikaw b'mod ċar id-dokumenti rilevanti. Ir-rifjut ta' l-awturi ta' dawn id-dokumenti jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għalihom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

59      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adegwata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi, b'mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b'mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta' fatt u ta' dritt, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta' att tissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-imsemmi Artikolu għandha tiġi evalwata mhux biss b'referenza għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C-41/00, Ġabra p. I-2125, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F'dak li jirrigwarda talba għall-aċċess għad-dokumenti, meta l-istituzzjoni in kwistjoni tirrifjuta tali aċċess, hija għandha turi f'kull każ, abbażi ta' l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, li d-dokumenti li għalihom ikun qiegħed jintalab l-aċċess effettivament jaqgħu fl-ambitu ta' l-eċċezzjonijiet elenkati fir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Jannar 2000, L-Olanda u Van der Wal vs Il-Kummissjoni, C-174/98 u C-189/98 P, Ġabra p. I-1, punt 24). Madankollu, jista' jkun impossibbli li jingħataw ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-kunfidenzjalità fir-rigward ta' kull dokument, mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut ta' dan ta' l-aħħar, u, għaldaqstant, mingħajr ma l-eċċezzjoni tiġi mċaħħda mill-finalità essenzjali tagħha (ara, b'analoġija, is-sentenza WWF UK vs Il-Kummissjoni, punt 51 iktar il-fuq, punt 65).

61      Fil-kuntest ta' din il-ġurisprudenza, hija għalhekk l-istituzzjoni li rrifjutat l-aċċess għal dokument li għandha tipprovdi motivazzjoni li tippermetti li jiġi mifhum u vverifikat, minn naħa, jekk id-dokument mitlub effettivament jaqax fl-ambitu ta' l-eċċezzjoni invokata u, min-naħa l-oħra, jekk il-ħtieġa ta' ħarsien relattiva għal din l-eċċezzjoni hijiex reali.

62      F'dan il-każ, f'dak li jirrigwarda r-rendikont 13 441/02, il-Kunsill indika b'mod ċar l-eċċezzjonijiet li fuqhom huwa kien qiegħed jibbaża r-rifjut tiegħu billi invoka kumulattivament l-ewwel u t-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. H uwa indika b'liema mod dawn l-eċċezzjonijiet kienu rilevanti fir-rispett tad-dokumenti kkonċernati billi rrefera għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u għall-intervent ta' Stati terzi. Huwa, barra minn dan, ipprovda spjegazzjoni qasira fir-rigward tal-bżonn ta' protezzjoni invokat. Għalhekk, f'dak li jirigwarda s-sigurtà pubblika, huwa espona li l-iżvelar tad-dokumenti jippermetti li l-persuna li tkun is-suġġett ta' din l-informazzjoni tkunu ta' xkiel għall-azzjonijiet ta' l-awtoritajiet pubbliċi. F'dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali, huwa, sommarjament, irrefera għall-involviment ta' Stati terzi fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Is-sommarjeta ta' din il-motivazzjoni hija ammissibbli fid-dawl tal-fatt li referenza għall-informazzjoni addizzjonali, li tkun tirreferi, b'mod partikolari, għall-kontenut tad-dokumenti kkonċernati, iċċaħħad l-eċċezzjonijiet invokati mill-finalità tagħhom.

63      F'dak li jirrigwarda r-rifjut ta' aċċess parzjali għal dawn id-dokumenti, il-Kunsill espliċitament iddikjara, minn naħa, li kien eżamina din il-possibbiltà u, min-naħa l-oħra, ir-raġuni għaliex din il-possibbiltà kienet ġiet miċħuda, jiġifieri li d-dokumenti in kwistjoni kienu kompletament koperti mill-eċċezzjonijiet invokati. Għall-istess raġunijiet bħal ta' qabel, il-Kunsill ma setax jidentifika preċiżament l-informazzjoni li tinsab f'dawn id-dokumenti mingħajr ma jċaħħad l-eċċezzjonijiet invokati mill-finalità tagħhom. Il-fatt li din il-motivazzjoni tidher sterjotipata ma jikkostitwixxix, fih innifsu, nuqqas ta' motivazzjoni billi hija la timpedixxi l-komprensjoni u lanqas il-verifika tar-raġunament segwit.

64      F'dak li jirrigwarda l-identità ta' l-Istati li pprovdew dokumenti rilevanti, għandu jiġi osservat li l-Kunsill stess indika l-eżistenza ta' dokumenti li kienu ġejjin minn Stati terzi fid-deċiżjonijiet inizjali ta' rifjut tiegħu. Minn naħa, il-Kunsill indika l-eċċezzjoni mressqa f'dan ir-rigward, jiġifieri l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Min-naħa l-oħra, huwa pprovda ż-żewġ kriterji ta' applikazzjoni ta' din l-eċċezzjoni. Fl-ewwel lok, huwa impliċitament iżda neċessarjament ikkunsidra li d-dokumenti in kwistjoni kienu dokumenti sensittivi. Dan il-fattur jidher komprensibbli u verifikabbli fid-dawl tal-kuntest rilevanti, b'mod partikolari fid-dawl tal-klassifikazzjoni tad-dokumenti in kwistjoni bħala "CONFIDENTIEL UE". Fit-tieni lok, il-Kunsill spjega li kien ikkonsulta lill-awtoritajiet ikkonċernati u li kien ħa nota ta' l-oppożizzjoni tagħhom li b'xi mod tiġi żvelata l-identità tagħhom.

65      Minkejja l-qosor relattiv tal-motivazzjoni ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut (żewġ paġni), ir-rikorrent kien pjenament f'pożizzjoni li jifhem ir-raġunijiet tar-rifjuti li ngħatawlu l-aċċess u l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet f'pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għalhekk, il-Kunsill immotiva korrettament l-imsemmija deċiżjonijiet.

66      Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti

 L-argumenti tal-partijiet

67      Permezz ta' l-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent jallega li l-Kunsill kiser it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1 UE, l-Artikolu 6(1) UE, l-Artikolu 255 KE u l-Artikolu 4(1)(a) u (6) u l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Permezz ta' l-ewwel parti ta' dan il-motiv, ir-rikorrent jallega li l-Kunsill qatt ma eżamina b'mod konkret il-kwistjoni jekk l-iżvelar ta' l-informazzjoni mitluba setax ikun ta' preġudizzju għall-interess pubbliku. L-ispjegazzjonijiet qosra u ġeneriċi ħafna li ngħataw f'dan ir-rigward mhumiex konformi mal-prinċipju ta' l-interpretazzjoni stretta ta' l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti, kif jirriżulta mill-Artikolu 255 KE u mir-Regolament Nru 1049/2001. Ir-rikorrent għandu jkollu d-dritt li jkun jaf ir-raġunijiet għall-inklużjoni tiegħu fil-lista kkontestata mingħajr ma dawn ir-raġunijiet jiġu kkunsidrati bħala li jippreġudikaw is-sigurtà pubblika. Il-fatt biss li pajjiżi terzi huma involuti fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet mhuwiex biżżejjed sabiex dawn ta' l-aħħar jiġġustifikaw ir-rifjut tagħhom abbażi tal-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali. F'dan il-każ, il-Kunsill naqas mill-obbligu li huwa għandu li jibbilanċja l-interessi tiegħu u dawk tar-rikorrent.

68      Permezz tat-tieni parti ta' dan il-motiv, ir-rikorrent iqis li l-ġustifikazzjoni sterjotipata mogħtija mill-Kunsill sabiex jirrifjuta aċċess parzjali għad-dokumenti tista' tiġi riprodotta b'mod sistematiku f'kull deċiżjoni li tirrifjuta dan it-tip ta' aċċess. F'dan il-każ, il-Kunsill m'eżaminax serjament il-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali.

69      Permezz tat-tielet parti ta' dan il-motiv, ir-rikorrent isostni li interpretazzjoni stretta tar-"regola ta' l-awtur" kienet timplika li l-Kunsill kellu jispeċifika l-identità ta' l-awturi tad-dokumenti msemmijin u n-natura eżatta tad-dokumenti kkonċernati sabiex huwa jitqiegħed f'pożizzjoni li jippreżenta talba għall-aċċess lil dawk l-awturi.

70      Il-Kunsill ifakkar, l-ewwel nett, ir-regoli speċifiċi previsti mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward tad-"dokumenti sensittivi". F'dan il-każ, il-ġlieda kontra t-terroriżmu teżiġi approċċ partikolarment prudenti. Il-Kunsill jispjega l-proċedura ta' kif tiġi ttrattata talba għal aċċess għal dan it-tip ta' dokument u b'hekk juri li t-talbiet għal aċċess u għal aċċess parzjali kienu s-suġġett ta' eżami konkret. Il-Kunsill jispeċifika li d-deċiżjonijiet ta' rifjut ġew adottati unanimament. Ir-rikorrent ma pprovax l-eżistenza ta' żball manifest ta' evalwazzjoni f'dan il-każ. Rifjut ta' aċċess ibbażat fuq l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jippresupponix it-teħid in kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ta' min jagħmel it-talba u, għaldaqstant, ma jeħtieġx il-bilanċjar ta' l-interessi. F'dak li jirrigwarda r-regola ta' l-awtur, il-Kunsill ifakkar li l-awtorità li mingħandha joriġina dokument ikklassifikat bħala sensittiv għandha kontroll sħiħ fuq dan id-dokument, inkluż fuq l-informazzjoni li tirrigwarda l-istess eżistenza tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

–       Fuq l-eċċezzjonijiet relattivi għall-interess pubbliku

71      Għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li l-Kunsill ma kienx obbligat, fil-kuntest ta' l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jieħu in kunsiderazzjoni l-interess partikolari tar-rikorrent li jikseb id-dokumenti mitluba (ara punti 52 u 54 iktar 'il fuq).

72      Għandu jiġi osservat li d-dokument mitlub, jiġifieri r-rendikont 13 441/02, huwa relatat mad-Deċiżjoni 2002/848. Peress li din id-deċiżjoni taqa' direttament fil-kamp tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, id-dokument mitlub, li serva bħala bażi għal din id-deċiżjoni, evidentement jidħol fl-istess kategorija.

73      Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat li d-dokument mitlub huwa kklassifikat "CONFIDENTIEL UE". Minħabba f'hekk huwa jidħol fil-kategorija tad-dokumenti sensittivi li t-trattament tagħhom huwa previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, għalkemm din il-klassifikazzjoni tikkonferma n-natura tad-dokument mitlub u tissuġġettah għal trattament speċjali, din ma tistax, waħedha, tiġġustifika l-applikazzjoni tal-motivi ta' rifjut previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001.

74      F'dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-ħarsien ta' l-interess pubbliku relattiv għas-sigurtà pubblika, għandu jiġi kkonstatat li d-dokument mitlub huwa effettivament relatat ma' dan il-qasam, peress li, skond it-talba għall-aċċess stess, dan iservi ta' bażi għal deċiżjoni li tiddetermina l-persuni, il-gruppi u l-entitajiet issuspettati b'terroriżmu.

75      Madankollu, il-fatt li d-dokument mitlub jikkonċerna s-sigurtà pubblika ma jistax ikun biżżejjed, waħdu, sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta' l-eċċezzjoni invokata (ara, b'analoġija, is-sentenza Denkavit Nederland vs Il-Kummissjoni, punt 51 iktar 'il fuq, punt 45).

76      Għalhekk hija l-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tivverifika jekk, f'dan il-każ, il-Kunsill wettaqx żball manifest ta' evalwazzjoni meta qies li l-iżvelar tad-dokument mitlub jista' jkun ta' preġudizzju għall-ħarsien ta' l-interess pubbliku in kwistjoni.

77      F'dan ir-rigward, għandu jiġi aċċettat li l-effettività tal-ġlieda kontra t-terroriżmu tippresupponi li l-informazzjoni li jkollhom l-awtoritajiet pubbliċi dwar persuni jew entitajiet issuspettati b'terroriżmu tinżamm sigrieta sabiex din l-informazzjoni tibqa' rilevanti u tippermetti azzjoni effettiva. Għalhekk, l-iżvelar lill-pubbliku tad-dokument mitlub kien neċessarjament ikun ta' preġudizzju għall-interess pubbliku relattiv għas-sigurtà pubblika. F'dan ir-rigward, id-distinzjoni magħmula mir-rikorrent bejn informazzjoni ta' natura strateġika u informazzjoni li tikkonċernah personalment ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, kull informazzjoni personali tikxef neċessarjament ċerti aspetti strateġiċi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, bħalma huma s-sorsi ta' informazzjoni, in-natura ta' din l-informazzjoni jew il-livell ta' sorveljanza ta' persuni sospettati b'terroriżmu.

78      Għalhekk, il-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta' evalwazzjoni meta rrifjuta l-aċċess għar-rendikont 13 441/02 għal raġunijiet ta' sigurtà pubblika.

79      F'dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-ħarsien ta' l-interess pubbliku relattiv għar-relazzjonijiet internazzjonali, huwa evidenti, fid-dawl tad-Deċiżjoni 2002/848 u tar-Regolament Nru 2580/2001, li l-għan tiegħu, jiġifieri l-ġlieda kontra t-terroriżmu, jidħol fl-ambitu ta' azzjoni internazzjonali li toriġina mir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta' Settembru 2001. Fil-kuntest ta' din l-azzjoni globali, l-Istati huma msejħa sabiex jaħdmu flimkien. Issa, l-elementi ta' din il-kooperazzjoni internazzjonali jinsabu wisq probabbilment, jekk mhux neċessarjament, fid-dokument mitlub. F'kull każ, ir-rikorrent ma kkontestax il-fatt li Stati terzi kienu involuti fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/848. Għall-kuntrarju, huwa talab li l-identità ta' dawn l-Istati tiġi żvelata lilu. Minn dan jirriżulta li d-dokument mitlub jaqa' effettivament fl-ambitu ta' l-eċċezzjoni relattiva għar-relazzjonijiet internazzjonali.

80      Din il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-terroriżmu tippresupponi fiduċja min-naħa ta' l-Istati fil-kunfidenzjalità mogħtija lill-informazzjoni li huma għaddew lill-Kunsill. Fir-rigward tan-natura tad-dokument mitlub, il-Kunsill għalhekk seta' ġustament jikkunsidra li l-iżvelar ta' dan id-dokument seta' jikkomprometti l-pożizzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fil-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

81      F'dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrent – li skondu l-fatt biss li Stati terzi huma involuti fl-azzjonijiet ta' l-istituzzjonijiet ma jistax jiġġustifika l-applikazzjoni ta' l-eċċezzjoni in kwistjoni – għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti iktar 'il fuq. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jippresupponi dan l-argument, il-kooperazzjoni ta' Stati terzi taqa' f'kuntest partikolarment sensittiv, jiġifieri l-ġlieda kontra t-terroriżmu, li jiġġustifika li din il-kooperazzjoni tinżamm sigrieta. Minbarra dan, moqrija fl-intier tagħha, id-deċiżjoni tagħmilha ċara li l-Istati kkonċernati saħansitra rrifjutaw li tiġi żvelata l-identità tagħhom.

82      Minn dan jirriżulta li l-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta' evalwazzjoni meta qies li l-iżvelar tad-dokument mitlub seta' jkun ta' preġudizzju għall-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali.

83      Safejn ir-rikorrent jallega, b'mod ġenerali, li l-Kunsill qatt ma eżamina b'mod konkret jekk l-iżvelar ta' l-informazzjoni mitluba setax ikun ta' preġudizzju għall-interess pubbliku, dan l-argument għandu jiġi miċħud. Minn naħa, minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-Kunsill ġustament applika l-eċċezzjonijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni ta' l-interess pubbliku. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill ta deskrizzjoni, mingħajr ma din ġiet ikkontestata mir-rikorrent, tal-proċedura ta' eżami tat-talbiet għal aċċess għal dokumenti sensittivi, li skondha kemm l-uffiċjali awtorizzati kif ukoll id-delegazzjonijiet ta' l-Istati Membri setgħu jeżaminaw id-dokumenti in kwistjoni u jieħdu pożizzjoni fuq ir-risposta li kellha tingħata għat-talbiet għal aċċess tar-rikorrent. Fi tmiem din il-proċedura, il-Kunsill approva unanimament ir-rifjut ta' aċċess għad-dokumenti mitluba. Minn dan jirriżulta li s-sempliċi fatt, imressaq mir-rikorrent, li l-motivazzjoni hija qasira ma jfissirx li l-eżami konkret tal-Kunsill kien defiċjenti.

84      Safejn ir-rikorrent jallega li l-qosor u n-natura sterjotipata tal-motivazzjoni pprovduta f'dan ir-rigward jikkostitwixxu indikazzjoni ta' nuqqas ta' eżami konkret, l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. Huwa minnu li l-motivazzjoni fuq dan il-punt tidher, fil-parti l-kbira tagħha, li hija identika fl-ewwel u fit-tieni deċiżjonijiet ta' rifjut. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li jista' jkun impossibbli li jiġu indikati r-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta' aċċess għal kull dokument, f'dan il-każ għal kull element ta' informazzjoni tad-dokumenti, mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut ta' dan id-dokument jew ta' element essenzjali ta' dan ta' l-aħħar u, għaldaqstant, mingħajr ma l-eċċezzjoni tiġi mċaħħda mill-finalità essenzjali tagħha (ara f'dan is-sens, is-sentenza WWF UK vs Il-Kummissjoni, punt 51 iktar 'il fuq, punt 65). F'dan il-każ, minħabba li d-dokument mitlub kien kopert mill-eċċezzjonijiet li jirrigwardaw l-interess pubbliku fil-qasam tas-sigurtà pubblika u tar-relazzjonijiet internazzjonali, espożizzjoni iktar kompleta u individwalizzata fir-rigward tal-kontenut ta' dan id-dokument setgħet biss tikkomprometti l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni li, minħabba dawn l-eċċezzjonijiet, hija intiża li tibqa' sigrieta.

85      Konsegwentement, l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq l-aċċess parzjali

86      Ir-rikorrent jallega li l-Kunsill m'eżaminax realment il-possibbiltà ta' aċċess parzjali għad-dokument mitlub.

87      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata, l-ewwel nett, li mill-ewwel deċiżjoni ta' rifjut jirriżulta li l-Kunsill effettivament eżamina l-possibbiltà ta' aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba. Fin-nuqqas ta' provi serji li juru mod ieħor, id-dikjarazzjoni tal-Kunsill f'dan is-sens li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata għandha tgawdi minn preżunzjoni ta' legalità (ara, f'dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar 'il fuq).

88      It-tieni nett, il-qosor u n-natura sterjotipata tal-motivazzjoni pprovduta f'dan ir-rigward permezz ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rifjut ma jistgħux jikkostitwixxu prova ta' nuqqas ta' twettiq ta' eżami konkret. Huwa minnu, għal darb'oħra, li l-motivazzjoni tidher, fil-parti l-kbira tagħha, li hija identika f'dan ir-rigward fl-ewwel u fit-tieni deċiżjonijiet ta' rifjut. Madankollu, f'dan il-każ, minħabba li s-siltiet kollha tad-dokument mitlub huma koperti mill-eċċezzjonijiet invokati, espożizzjoni iktar kompleta u individwalizzata fir-rigward tal-kontenut ta' dan id-dokument setgħet biss tikkomprometti l-kunfidenzjalità ta' l-informazzjoni li, minħabba dawn l-eċċezzjonijiet, hija intiża li tibqa' sigrieta.

89      Konsegwentement, it-tieni parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq l-iżvelar ta' l-identità ta' l-Istati awturi ta' ċerti dokumenti

90      Ir-rikorrent essenzjalment jallega li interpretazzjoni stretta tar-regola ta' l-awtur timplika li l-Kunsill għandu jindika l-identità ta' l-Istati terzi li pprovdew dokumenti relattivi għad-Deċiżjoni 2002/848 u n-natura eżatta ta' dawn id-dokumenti sabiex huwa jkun jista' jressaq talba għall-aċċess għal dawn id-dokumenti lill-awturi tagħhom.

91      Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l-argument tar-rikorrent huwa essenzjalment ibbażat fuq ġurisprudenza antika rigward il-Kodiċi ta' kondotta tas-6 ta' Diċembru 1993, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 340, p. 41, iktar 'il quddiem il-"Kodiċi ta' kondotta"), li ġie implementat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/731/KE ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill (ĠU L 340, p. 43), u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/90/KEFA, KE, Euratom tat-8 ta' Frar 1994, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 46, p. 58).

92      Skond dan il-Kodiċi ta' kondotta, meta l-awtur tad-dokument fil-pussess ta' istituzzjoni kien terza persuna, it-talba għal aċċess kellha tkun indirizzata direttament lil din il-persuna. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-istituzzjoni kellha tinforma lill-persuna kkonċernata bl-identità ta' l-awtur tad-dokument sabiex hija tkun tista' tikkuntattja lilu direttament (sentenza Interporc vs Il-Kummissjoni, punt 59 iktar 'il fuq, punt 49).

93      Min-naħa l-oħra, skond l-Artikolu 4 (4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija l-istituzzjoni in kwistjoni li għandha tikkonsulta hija stess ma' l-awtur terz ħlief jekk ir-risposta, pożittiva jew negattiva, għat-talba għal aċċess tkun waħda ovvja. Fil-każ ta' l-Istati Membri, dawn jistgħu jitolbu li jintalab il-kunsens tagħhom.

94      Ir-regola ta' l-awtur, kif tinsab fil-Kodiċi ta' kondotta, għalhekk għaddiet minn bidla fundamentali fir-Regolament Nru 1049/2001. Minn dan jirriżulta li l-identità ta' l-awtur għandha ħafna inqas importanza milli kellha taħt is-sistema preċedenti.

95      Minbarra dan, għad-dokumenti sensittivi, l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li dawn id-dokumenti, "għandhom jiġu reġistrati fir-reġistru jew żvelati biss bil-kunsens ta' mingħand min ġejjin". Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti sensittivi jgawdu minn sistema ta' deroga li l-għan tagħha huwa evidentement li tiġi ggarantita s-segretezza dwar il-kontenut tagħhom u, ukoll, dwar l-istess eżistenza tagħhom.

96      Għalhekk, il-Kunsill ma kellux l-obbligu li jiżvela d-dokumenti in kwistjoni, li l-awturi tagħhom huma Stati, relattivi għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/848, inkluża l-identità ta' dawn l-awturi, inkwantu, l-ewwel nett, dawn id-dokumenti huma dokumenti sensittivi u, it-tieni nett, l-Istati li huma l-awturi tagħhom kienu rrifjutaw li dawn jiġu żvelati.

97      Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent la jikkontesta l-bażi ġuridika invokata mill-Kunsill, jiġifieri l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jimplika li d-dokumenti kkonċernati huma kkunsidrati sensittivi, u lanqas il-fatt li l-Kunsill kien kiseb opinjoni negattiva mill-Istati li huma l-awturi tad-dokumenti kkonċernati.

98      Għall-kompletezza, mhemmx dubju li d-dokumenti in kwistjoni huma dokumenti sensittivi. Minn naħa, ir-rendikont tal-laqgħa tal-Coreper li fiha kienu ġew diskussi dawn id-dokumenti ġie kklassifikat "CONFIDENTIEL UE", kif jipprovdi l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1049/2001. Minn dan jirriżulta li dawn id-dokumenti jiksbu, a priori, tali klassifikazzjoni. Min-naħa l-oħra, dokumenti mibgħuta minn Stati terzi fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu jistgħu ma jiġux hekk ikklassifikati biss fid-dawl ta' dikjarazzjoni espressa f'dan is-sens, li f'dan il-każ ma teżistix. Minbarra dan, fid-dawl tal-preżunzjoni ta' legalità marbuta ma' kull dikjarazzjoni ta' istituzzjoni, għandu jiġi osservat li r-rikorrent ma ġab l-ebda prova li tindika li d-dikjarazzjoni tal-Kunsill – li skondha huwa kien kiseb opinjoni negattiva mill-Istati kkonċernati – hija żbaljata.

99      Għalhekk il-Kunsill ġustament irrifjuta li jiżvela d-dokumenti in kwistjoni, inkluża l-identità ta' l-awturi tagħhom.

100    Konsegwentement, it-tielet parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

101    Minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

102    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura, il-parti li titlef il-kawza għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kunsill.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi fil-kawżi T-110/03 u T-150/03 huma miċħuda bħala infondati.

2)      Ir-rikors fil-kawża T-405/03 huwa miċħud in parti bħala inammissibbli u fir-rigward tal-kumplament bħala infondat.

3)      Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tal-kawżi T-110/03, T-150/03 u T-405/03.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta' April 2005.

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

      President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq il-portata tar-rikorsi

2.  Fuq ir-rikors fil-kawża T-405/03

3.  Fuq ir-rikors fil-kawża T-150/03

4.  Fuq ir-rikors fil-kawża T-110/03

Fuq il-portata ta' l-istħarriġ tal-legalità

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt relattivi għad-drittijiet tad-difiża

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

–  Fuq l-eċċezzjonijiet relattivi għall-interess pubbliku

–  Fuq l-aċċess parzjali

–  Fuq l-iżvelar ta' l-identitŕ ta' l-Istati awturi ta' ċerti dokumenti

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.