Language of document : ECLI:EU:T:2011:108

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

24 ta’ Marzu 2011(*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur– Multi – Iffissar tal-ammont inizjali tal-multa – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑377/06,

Comap SA, stabbilita f’Pariġi (Franza), inizjalment irrappreżentata minn A. Wachsmann u C. Pommiès, sussegwentement minn A. Wachsmann u D. Nourissier, u finalment minn A. Wachsmann u S. de Guigné, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Nijenhuis u V. Bottka, bħala aġenti, assistiti minn N. Coutrelis, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4180, tal‑20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F‑1/38.121 – Attrezzaturi), kif ukoll talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President tal-Awla, N. Wahl (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Frar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 4180, tal‑20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F-1/38.121 – Attrezzaturi) (sunt fil-ĠU 2007, L 283, p. 63, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw, matul perijodi differenti bejn il‑31 ta’ Diċembru 1988 u l‑1 ta’ April 2004, fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni fil-forma ta’ grupp ta’ ftehim antikompetittivi u ta’ prattiki miftiehma fis-suq tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram, li kienu jkopru t-territorju taż-ŻEE. Il-ksur kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet, fi qbil dwar il-listi tal-prezzijiet, fi skontijiet u roħs u f’mekkaniżmi ta’ applikazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet, fit-tqassim tas-swieq nazzjonali u tal-klijenti u fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali oħra kif ukoll f’parteċipazzjoni f’laqgħat regolari u fiż-żamma ta’ kuntatti oħra intiżi li jiffaċilitaw il-ksur.

2        Ir-rikorrenti, Comap SA, manifattur ta’ attrezzaturi tar-ram, u l-kumpannija parent tagħha fiż-żmien ta’ meta ġraw il-fatti, il-holding Legris Industries SA, huma fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

3        Fid‑9 ta’ Jannar 2001, Mueller Industries Inc., manufattur ieħor ta’ attrezzaturi tar-ram, informat lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-attrezzaturi u f’industriji oħra konnessi fis-suq tal-pajpijiet tar-ram u bir-rieda tagħha li tikkoopera abbażi tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-1996”) (premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Fit‑22 u fit‑23 ta’ Marzu 2001, fil-kuntest ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-pajpijiet u tal-attrezzaturi tar-ram, il-Kummissjoni wettqet, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas‑6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplementa l-Artikoli 81[KE] u 82[KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), spezzjonijiet għall-għarrieda fil-bini ta’ diversi impriżi (premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Wara dawn l-ewwel spezzjonijiet, f’April 2001 il-Kummissjoni qasmet l-investigazzjoni tagħha fuq il-pajpijiet tar-ram fi tliet proċeduri distinti, jiġifieri l-proċedura dwar il-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), dik dwar il-Każ COMP/F‑1/38.121 (Attrezzaturi) u dik dwar il-Każ COMP/E-1/38.240 (Pajpijiet industrijali) (premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Fl‑24 u fil‑25 ta’ April 2001, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet oħra għall-għarrieda fil-bini ta’ Delta plc, kumpannija ewlenija ta’ grupp ta’ inġinerija internazzjonali li d-dipartiment “Inġinerjia” tagħha kien jiġbor fih diversi manufatturi ta’ attrezzaturi. Dawn l-ispezzjonijiet kienu jikkonċernaw biss l-attrezzaturi (premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Minn Frar/Marzu 2002, il-Kummissjoni bagħtet lill-partijiet ikkonċernati diversi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, u sussegwentement skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        F’Settembru 2003, IMI plc ippreżentat talba sabiex tibbenefika mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal‑1996. Dik it-talba kienet segwita minn dawk tal-grupp Delta (Marzu 2004) u ta’ FRA.BO SpA (Lulju 2004). L-aħħar talba għal klemenza ġiet ippreżentata f’Mejju 2005 minn Advanced Fluid Connections plc (premessi 115 sa 118 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Fit‑22 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Każ COMP/F-1/38.121 (Attrezzaturi), bdiet proċedura ta’ ksur u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġiet b’mod partikolari nnotifikata lir-rikorrenti (premessi 123 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fl‑20 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

11      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE bejn il‑31 ta’ Jannar 1991 u l‑1 ta’ April 2004.

12      Għal dan il-ksur, il-Kummissjoni, fl-Artikolu 2(g) tad-deċiżjoni kkontestata, imponiet fuq Legris Industries multa li tammonta għal EUR 46.8 miljun, li għal ħlas tagħha r-rikorrenti kienet responsabbli in solidum għal EUR 18.56 miljun.

13      Sabiex tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq kull impriża, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-metodu ddefinit fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8 Vol. 1 p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal‑1998”).

14      L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa skont il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni kklassifikat il-ksur bħala gravi ħafna, kemm minħabba n-natura tiegħu kif ukoll minħabba l-portata ġeografika tagħha (premessa 755 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Wara dan, peress li qieset li hemm differenzi kunsiderevoli bejn l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni applikat trattament differenzjat, billi bbażat ruħha, għal dan il-għan, fuq l-importanza relattiv tagħhom fis-suq inkwistjoni ddeterminata skont l-ishma tas-suq tagħhom. Fuq din il-bażi, hija qassmet l-impriżi kkonċernati f’sitt kategoriji (premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Ir-rikorrenti ġiet ikklassifikata fir-raba’ kategorija, kategorija li għaliha l-ammont inizjali tal-multa ġie ffissat għal EUR 14.25 miljun (premessa 765 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Minħabba t-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur tar-rikorrenti (tlettax‑il sena u xahrejn), il-Kummissjoni sussegwentement żiedet l-ammont tal-multa b’130 % (premessa 775 tad-deċiżjoni kkontestata), u dan wassal sabiex l-ammont bażiku tal-multa jiġi ffissat għal EUR 32.7 miljun (premessa 777 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Sussegwentement, it-tkomplija tal-parteċipazzjoni fil-ksur wara l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni ġiet ikkunsidrata bħala ċirkustanza aggravanti li tiġġustifika żieda ta’ 60 % tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti (premessa 785 tad-deċiżjoni kkontestat).

19      B’applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % fuq il-multi imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għal EUR 18.56 miljun.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

21      Fuq ir-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ġew mistiedna jwieġbu bil-miktub ċerti mistoqsijiet li huma wieġbu rispettivament fid‑19 ta’ Novembru 2009 u fis‑26 ta’ Novembru 2009.

22      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tar-4 ta’ Frar 2010.

23      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni kkundannatha għal perijodi oħra minbarra dawk ta’ bejn Diċembru 1997 u Marzu 2001;

–        tbiddel l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata billi tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      Waqt is-seduta, wara li saritilha mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikat li hija ma kinitx qiegħdha tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fil-perijodu 1995‑1997.

 Id-dritt

26      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ gruppi ta’ motivi, jiġifieri, minn naħa, motivi dwar it-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur u, min-naħa l-oħra, motivi dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multa.

 Fuq it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

27      Ir-rikorrenti tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fir-rigward tal-perijodu ta’ wara li saru l-investigazzjonijiet fuq il-post mill-Kummissjoni f’Marzu 2001. Hija ssostni wkoll li l-ksur allegat waqaf fil-perijodu ta’ bejn Settembru 1992 u Diċembru 1994 (jiġifieri 27 xahar) u li konsegwentement, il-fatti ta’ qabel Diċembru 1994 huma preskritti.

–       Fuq il-perijodu ta’ wara Marzu 2001

28      Wara li fakkret il-ġurisprudenza li tikkonċerna l-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova meħtieġ, ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tal-allegata tkomplija tal-ksur wara l-ispezzjonijiet li saru għand ċerti kompetituri f’Marzu 2001, il-Kummissjoni kkontradixxiet lilha nnifisha. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-premessa 590 tad-deċiżjoni kkontestata fejn il-Kummissjoni kkonfermat li, wara Marzu 2001 (u mill-inqas sa Ġunju 2003), l-akkordju għadda minn “perijodu ta’ intensità mnaqqsa, b’kuntatti limitati”, filwaqt li tallega, fil-premessa 600 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sa April 2004, “il-parteċipanti ma kellhomx jimplementaw sistema ġdida jew forma ġdida ta’ koordinazzjoni”, u dan meta kull riferiment għall-European Fittings Manufacturers Association (EFMA, Assoċjazzjoni Ewropea tal-manifatturi tal-attrezzaturi), li tikkostitwixxi l-“fulkru” li madwaru jiġu organizzati l-prattiki antikompetittivi kkontestati mill-Kummissjoni, tisparixxi mid-deċiżjoni kkontestata minn April 2001.

29      Skont ir-rikorrenti, il-kuntatti kollha li kien hemm bejn il-kompetituri inkwistjoni f’dan il-perijodu seħħew b’mod bilaterali, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li kien hemm waqt laqgħat tal-kumitat loġistiku tal-Fédération française des négociants en appareils sanitaires, chauffage, climatisation et canalisations (FNAS), li kienu jikkostitwixxu avvenimenti għal kollox leġittimi jew sporadiċi u li kienu jikkonċernaw żoni geografiċi mhux relatati ma’ dawk li kienu jinvolvu l-arranġamenti pan-Ewropej previsti matul il-perijodu preċedenti. Bl-istess mod, dawn il-kuntatti kienu jinvolvu individwi li ma ssemmewx matul il-perijodu preċedenti, u fuq kollox, l-eżistenza tagħhom kienet ibbażata biss fuq l-allegati provi prodotti minn FRA.BO kif ukoll fuq minuti uffiċċjali ta’ laqgħat organizzati u ppresjeduti mill-FNAS.

30      Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn tliet gruppi ta’ fatti, jiġifieri l-kuntatti bilaterali ma’ FRA.BO, l-episodju tal-fiera ta’ Essen (il-Ġermanja) u l-laqgħat tal-kumitat loġistiku tal-FNAS, li, skont ir-rikorrenti, ma jippreżentaw ebda rabta ta’ kontinwità bejniethom.

31      Fir-rigward tal-kuntatti bilaterali ma’ FRA.BO, ir-rikorrenti ssostni qabel kollox li l-allegazzjonijiet inklużi fit-talba għal klemenza ta’ FRA.BO ma humiex fondati. Dawn ma humiex preċiżi u ma humiex ikkorroborati u/jew ma humiex kredibbli meta mqabbla mas-sitwazzjoni reali kif esposta mir-rikorrenti u fid-dokumenti prodotti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fl-osservazzjonijiet tagħha tal‑20 ta’ Frar u tal‑15 ta’ Marzu 2006.

32      Barra minn dan, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-imsemmija kuntatti bilaterali huma leġittimi minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ natura industrijali u kummerċjali. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għal kunsinni reċiproċi li jiġġustifikaw tali kuntatti kif ukoll għal informazzjoni statistika għall-perijodu 2001‑2005 relatat magħhom li hija semmiet fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

33      Fit-tieni lok, kien hemm ukoll kuntatti ma’ FRA.BO dwar il-possibbiltà ta’ kooperazzjoni industrijali, peres li FRA.BO xtaqet tbiegħ parti mill-materjal żejjed relatat mal-attrezzaturi tar-ram u mal-installazzjonijiet tal-gass tal-fabbrika tagħha Meteor, li tinsab fir-reġjun ta’ Lyon (Franza), li kien jiġġenera serje ta’ kuntatti kemm permezz tat-telefon kif ukoll diretti.

34      Fit-tielet lok, kien hemm ukoll kuntatti ripetuti relatati max-xewqa ta’ FRA.BO li tvara tip ġdid ta’ attrezzatura fis-suq Ewropew, l-“attrezzatura mħallta ilma-gass”. Minkejja li dan it-tip ġdid ta’ attrezzatura kien diġà ġie approvat fl-Italja, il-Kumitat Ewropew tal-Istandardizzazzjoni (KES) irrifjuta, għal raġunijiet ta’ sigurtà, li japprova l-estenzjoni tal-approvazzjoni tagħha “għall-Ewropa kollha”. Għal din ir-raġuni, FRA.BO daħlet f’kuntatt mal-kompetituri tagħha bil-għan li jippruvaw joħorġu b’każ konġunt favur l-imsemmi tip ta’ attrezzatura u li jeżerċitaw azzjoni ta’ lobbying fi Brussell (il-Bejġju). Minbarra l-fatt li ma rnexxilhiex tagħmel dan, din żammet il-kuntatti. Il-kuntatti tal‑4 u tal‑5 ta’ Ġunju 2003, bejn P. (FRA.BO) u Le. (membru tal-persunal tar-rikorrenti) għandhom jinftiehmu f’dan id-dawl.

35      Finalment, l-allegazzjonijiet ta’ FRA.BO, kif riprodotti mill-Kummissjoni ma humiex sostnuti. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta d-dikjarazzjoni ta’ FRA.BO li hija kienet informatha minn qabel, waqt komunikazzjoni permezz tat-telefon bejn Le. u P. fil‑5 ta’ Frar 2004, bid-deċiżjonijiet tagħha fil-qasam tal-prezzijiet għall‑2004 fir-rigward ta’ Franza u ta’ Spanja kif ukoll għas-sussidjarja Griega tagħha. Ir-rikorrenti tenfasizza li d-dikjarazzjoni dwar iż-żieda fil-prezzijiet tagħha mis-sussidjarja Grieg tagħha saret fit‑12 ta’ Jannar 2004 u li għaldaqstant kienet diġà ġiet ippubblikata fil-mument meta saret id-diskussjoni permezz tat-telefon. Fi Franza, iż-żieda fil-prezzijiet tal-attrezzaturi tar-ram kienet ta’ 14 % fl‑2004, u mhux ta’ 8 % kif tallega FRA.BO. Barra minn dan, b’mod kuntrarju għad-dikjarazzjoni ta’ FRA.BO li tgħid li hija indikat li ma kellhiex l-intenzjoni li tħabbar żieda fil-prezzijiet fir-rigward ta’ Spanja, hija pproċediet b’żieda ta’ 2.5 % fl‑2004.

36      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, fil-premessa 514 tad-deċiżjoni kkontestata, irriproduċiet bħala tagħha l-elementi l-iktar vagi tad-dikjarazzjonijiet ta’ FRA.BO billi semmiet “laqgħat fil-kuntest ta’ fieri industrijali u f’ajruporti”. Hija tikkritika l-fatt li FRA.BO ma tat l-ebda eżempju preċiż ta’ skambji antikompetittivi. L-unika laqgħa bejn rappreżentanti ta’ FRA.BO u tar-rikorrenti seħħet matul fiera f’Padova (l-Italja) fix-xahar ta’ April 2003 fejn is-sitwazzjoni fis-suq Taljan issemmiet biss b’mod ġenerali. Ir-rikorrenti tqis li, fin-nuqqas ta’ korroborazzjoni u fid-dawl tan-natura mill-iktar vaga tagħhom, id-dikjarazzjonijiet ta’ FRA.BO ma jistgħux jiġu rrikonoxxuti u użati mill-Kummissjoni bħala provi ammissibbli fil-konfront tagħha.

37      Fir-rigward tal-fiera ta’ Essen, ir-rikorrenti ssostni li, bħala laqgħat aċċidentali, il-Kummissjoni tibbaża ruħha wkoll fuq kuntatt li seħħ bejn K. (membru tal-persunal tar-rikorrenti) u H. (IBP Ltd) waqt l-imsemmija fiera tat‑18 ta’ Marzu 2004 bil-għan li turi l-kontinwità tal-ksur wara l‑2001 u l-portata ġeografika tiegħu. Ir-rikorrenti ssostni li din kienet laqgħa li ma kinitx ta’ natura antikompetittiva, u ma tistax tiġi assoċjata mal-avvenimenti ta’ qabel Marzu 2001, u li hija kellha, fiż-żmien meta seħħet din il-laqgħa, konoxxenza ċara dwar ir-responsabbilitajiet tagħha fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni.

38      Ir-rikorrenti tfakkar li, skont id-dikjarazzjoni ta’ IBP, K. talab lil H. jagħtih xi indikazzjoni dwar l-iżvilupp tal-politika tariffarja ta’ IBP fil-Ġermanja. Fil-verità, skont ir-rikorrenti, id-diskussjoni taqa’ fil-kuntest tal-għassa kompetittiva li hija kienet teżerċità, peress li hija kienet saret taf mill-klijenti tagħha biż-żieda eventwali tat-tariffi ta’ IBP. Hija żżid li H. ta biss tweġiba vaga ħafna għall-mistoqsija ta’ K., mingħajr ebda indikazzjoni dwar il-perċentwal taż-żieda, u lanqas dwar id-data tat-tħabbir tagħha minkejja li kienet fil-qrib. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tispjega li l-lista l-ġdida tal-prezzijiet ta’ IBP ġiet ippubblikata biss għaxart ijiem wara l-imsemmija diskussjoni. Barra minn dan, ma kienx hemm skambju bilaterali bejn H. u K. Id-dikjarazzjoni ta’ IBP ma tagħti l-ebda indikazzjoni fuq il-fatt li K. għadda xi informazzjoni lil H.

39      Ir-rikorrenti tenfasizza li din il-laqgħa waqt il-fiera ta’ Essen tikkostitwixxi kuntatt bilaterali u okkażjonali li ma kienx ta’ natura antikompetittiva. Peress li l-eżistenza ta’ xi kuntatti bilaterali f’kuntest globalment kompetittiv ma hijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi b’mod suffiċjenti skont id-dritt il-kontinwità ta’ akkordju, il-Kummissjoni kellha telimina l-laqgħa aċċidentali ta’ Essen mill-fajl tagħha. Skont ir-rikorrenti, fi kwalunkwe każ, ma teżisti l-ebda indikazzjoni la tar-rieda li tiġi stabbilita prattika miftiehma bejnha u bejn IBP fir-rigward tal-aġir rispettiv tagħhom fis-suq, u lanqas tal-eżistenza ta’ qbil ta’ intenzjonijiet li jiġi adottat aġir speċifiku fis-suq Ġermaniż f’Marzu 2004. Addizzjonalment, minbarra l-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta’ impriża fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza jikkostitwixxu biss prova li għandha valur probatorju dgħajjef, ir-rikorrenti tirrileva li l-ebda element ieħor tal-fajl tal-Kummissjoni ma jipprovdi l-inqas prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq Ġermaniż f’Marzu 2004.

40      Ir-rikorrenti tosserva wkoll li d-diskussjoni msemmija fid-dikjarazzjoni ta’ IBP ma hijiex marbuta direttament mal-akkordju li ġie kkundannat mill-Kummissjoni. Skont ir-rikorrenti, ma sar l-ebda skambju antikompetittiv wara l-investigazzjonijiet fuq il-post li l-Kummissjoni għamlet f’Marzu 2001. Għalhekk, ikun artifiċjali li wieħed jippretendi li jistabbilixxi “rabta bejn il-qofol tad-deċiżjoni [kkontestata] u laqgħa qasira fil-kuruturi ta’ fiera”. Dik il-laqgħa ma għandha, barra minn dan, l-ebda rabta mal-EFMA u mal-istruttura tal-prezzijiet fl-Ewropa u saret bejn żewġ persuni li fil-konfront tagħhom ma huwiex qiegħed jiġi allegat li pparteċipaw fil-prattiki kontenzjużi preċedenti. Barra minn dan, din seħħet l-iktar l-iktar tliet snin wara t-tmiem ta’ dawn il-prattiki, wara li saru l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi ppruvat tistabbilixxi, permezz ta’ dan l-avveniment effettivament minuri, il-kontinwità mal-ksur preċedenti.

41      Bl-istess mod, ir-rikorrenti ssostni li l-president-direttur ġenerali tagħha (P.D.Ġ.), B., bagħat ittra lill-FNAS, fis‑16 ta’ Marzu 2004, sabiex jiddisassoċja ruħhu minn “lingwaġġ mhux xieraq” użat matul il-laqgħa tal‑20 ta’Jannar 2004 u matul il-konferenza telefonika tas‑16 ta’ Frar 2004 tal-kumitat loġistiku tal-FNAS. Din id-disassoċjazzjoni turi li hija ma kellha l-ebda intenzjoni li tipparteċipa fi skambji antikompetittivi.

42      Fir-rigward tal-kumitat loġistiku tal-FNAS, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi, ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-laqgħat tal-kumitat loġistiku tal-FNAS, imsemmija fil-premessi 522 sa 526 tad-deċiżjoni kkontestata, kellhom għan antikompetittiv li jippermetti li dawn il-laqgħat jiġu marbuta mal-avvenimenti preċedenti għall-ispezzjonijiet fuq il-post mill-Kummissjoni f’Marzu 2001. F’dan ir-rigward, hija tinnota li s-suġġetti msemmija waqt dawn il-laqgħat kienu ’l bogħod ħafna mill-kuntest tal-allegat “akkordju pan-Ewropew”, organizzat waqt laqgħat tal-EFMA, li jikkostitwixxi l-qofol tad-deċiżjoni kkontestata. Sussidjarjament, hija tosserva li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’kontradizzjoni tal-motivi peress li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ħelset mir-responsabbiltà lill-FNAS u lill-membri tagħha (bejjiegħa bl-ingrossa), li uħud minnhom jifformaw parti mill-kumitat loġistiku, iżda lilha żammitha responsabbli. Ir-rikorrenti tippreċiża li l-FNAS kienet l-organizzatriċi tal-laqgħat u kienet tipprepara l-minuti. Il-fatt li l-FNAS ma ġietx ikkundannata bħala forum għall-parteċipanti fl-allegat akkordju, jikkostitwixxi, skont ir-rikorrenti, il-prova li ma jeżisti ebda element suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit il-ksur allegat.

43      Wara li tispjega l-għan u l-organizzazzjoni tal-FNAS, ir-rikorrenti tippreċiża qabel kollox li, b’mod kuntrarju għall-avvenimenti ta’ qabel l-investigazzjonijiet ta’ Marzu 2001, il-laqgħat tal-kumitat loġistiku tal-FNAS saru bi trasparenza sħiħa, u dan ma jaqbilx għaldaqstant mal-osservazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 548 tad-deċizjoni kkontestata, li tgħid li kienet ħaġa normali li l-attivitajiet ta’ akkordju bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ isiru bil-moħbi, li l-laqgħat isiru b’mod sigriet u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom tiġi mnaqqsa għall-minimu.

44      Sussegwentement, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-laqgħat tal-kumitat loġistiku tal-FNAS kellhom portata ġeografika Ewropea. Fl-ebda mill-minuti ta’ dawn il-laqgħat ma huwa indikat li dawn tal-aħħar seta’ kellhom għan ieħor minbarra dak li jeżaminaw il-kwistjoni tal-imballaġġ tal-attrezzaturi tar-ram fi Franza. Skont ir-rikorrenti, għalkemm sar tqabbil mas-sitwazzjoni f’pajjiżi oħra, dan sar sempliċiment sabiex iservu ta’ eżempju u mhux sabiex jinbidel l-imballaġġ tal-attrezzaturi f’dawn il-pajjiżi l-oħra.

45      Fir-rigward tal-laqgħat inkwistjoni, ir-rikorrenti tippreċiża li mill-minuti tal-ewwel laqgħa tal-kumitat loġistiku tal-FNAS, tal‑25 ta’ Ġunju 2003, jirriżulta li kemm il-bejjiegħa bl-ingrossa kif ukoll il-manufatturi esprimew it-tħassib tagħhom fir-rigward tal-waqgħa tas-suq u li l-bejjiegħa bl-ingrossa talbu lill-manufatturi sabiex jaddattaw l-imballaġġ tagħhom bil-għan li jikkompetu aħjar ma’ sistemi ta’ distribuzzjoni oħrajn bħal bejgħ permezz ta’ korrispondenza. B’risposta, il-manifatturi kienu mħassba dwar l-impatt fuq l-ispejjeż li l-implementazzjoni ta’ dan it-tip ġdid ta’ imballaġġ kellha ġġib magħha. Id-diskussjonijiet relatati ma’ dan fi kwalunkwe każ ma kinux ta’ natura antikompetittiva.

46      L-istess jgħodd għat-tieni laqgħa, li nżammet fil‑15 ta’ Ottubru 2003.

47      Fir-rigward tal-laqgħa tat‑3 ta’ Novembru 2003, din kienet tirrigwarda, essenzjalment, in-negozjati bejn il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-manufatturi Franċiżi fuq il-lista ta’ prodotti li l-imballaġġ tagħhom kellu jinbidel. B’mod kuntrarju għall-allegazzjonijiet ta’ Oystertec plc, riprodotti mill-Kummissjoni, dan fl-ebda każ ma kien jimplika, skont ir-rikorrenti, li l-manufatturi għandhom jorganizzaw xi ffissar konġunt tal-prezzijiet ta’ attrezzaturi tar-ram fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

48      Fir-rigward tal-laqgħa tal‑20 ta’ Jannar 2004 u l-konferenza telefonika tas‑16 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti tenfasizza r-reazzjoni qawwija tagħha fir-rigward ta’ żewġ “żbalji” ta’ La. (rappreżentant tar-rikorrenti fil-kumitat loġistiku tal-FNAS), l-ewwel wieħed waqt il-laqgħa tal‑20 ta’ Jannar 2004, fejn huwa semma’ “spejjeż addizzjonali ta’ 13 % (minflok ta’ 10 % kif inizjalment previst)” u t-tieni wieħed, li jirriżulta mill-minuti tal-konferenza telefonika tas‑16 ta’ Frar 2004, fir-rigward tal-invokazzjoni ta’ żieda ta’ 5 % tal-prezz tal-fornituri f’April 2004. Hija ddisassoċjat ruħha minn dan it-tip ta’ skambji, qabel kollox, waqt laqgħa mal-president tal-FNAS, fit‑3 ta’ Marzu 2004, u sussegwentement permezz ta’ ittra indirizzata lil FNAS. Skont ir-rikorrenti, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, dik l-ittra tikkostitwixxi disassoċjazzjoni pubblika. Barra minn dan, b’mod kuntrarju għal dak li tallega l-Kummissjoni, it-termini ta’ din l-ittra ma kinux vagi u din tal-aħħar ġiet ikkomunikata malajr lill-membri kollha tal-FNAS.

49      Fir-replika, ir-rikorrenti tqiegħed f’dubju ċerta data li tinsab fit-tabella kronoloġika ppreparata mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-difiża tagħha, li, fl-opinjoni tagħha, ma jikkonċernawhiex u, konsegwentement, ma għandhomx jiġu kkunsidrati.

–       Fuq il-perijodu ta’ bejn l‑1992 u l‑1994

50      Ir-rikorrenti ssostni li, għall-perijodu ta’ bejn, mill-inqas, l‑10 ta’ Settembru 1992 u t‑13 ta’ Diċembru 1994, jiġifieri perijodu ta’ 27 xahar, ma teżisti l-ebda prova ta’ aġir antikompetittiv li tikkonċernaha. Għaldaqstant, din l-interruzzjoni ta’ 27 xahar kellha bħala konsegwenza legali l-preskrizzjoni.

51      Fir-rigward tal-faks tal‑14 ta’ Ġunju 1993 dwar il-lista tagħha tal-prezzijiet għall-perijodu li beda fl‑1 ta’ Lulju 1993, imsemmija fil-premessa 218 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li l-ebda element ma jippermetti li jiġi konkluż li din il-lista inkisbet minn IMI qabel ma din ġiet żvelata lill-klijenti tagħha. Fil-fatt, fl-ewwel lok, din kienet diġà ġiet stampata qabel dik id-data u, fit-tieni lok, din kienet ġiet ukoll żvelata lill-klijenti, qabel l-implementazzjoni tagħha.

52      Ir-rikorrenti tirrimarka wkoll li erba’ sessjonijiet tal-EFMA seħħew fl-imsemmi perijodu, mingħajr ma l-Kummissjoni tallega li laqgħat antikompetittivi jew laqgħat imsejħa “Super EFMA” seħħew fl-okkażjoni tal-laqgħat uffiċċjali.

53      Barra minn dan, ir-rikorrenti tqis li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul il-perijodu inkwistjoni, hija aġixxiet bħala kompetitur awtonomu fis-suq, mingħajr ma segwiet, bi kwalunkwe mod, il-konklużjonijiet ta’ xi prattika miftiehma ma’ kompetituri. Filwaqt li tagħmel riferiment għal punti 71 sa 77 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Bayerische Hypo- und Vereinsbank vs Il‑Kummissjoni (T‑56/02, Ġabra p. II‑3495), ir-rikorrenti ssostni li l-konstatazzjoni li saret f’dik il-kawża tista’ tiġi applikata f’din il-kawża għal perijodu inkwistjoni. Insostenn ta’ din it-teorija, hija ssostni li l-faks ta’ Mueller Industries lil Viega GmbH & Co. KG, tat‑12 ta’ Mejju 1992, imsemmija mill-Kummissjoni fil-premessa 217 tad-deċiżjoni kkontestata, in-nota ta’ P. (IMI Italia), imsemmija fil-premessa 221 ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll il-faks tad-distributur Grieg ta’ IMI tas‑6 ta’ Settembru 1994, ċċitata fil-premessa 229 tal-imsemmija deċiżjoni, juru l-aġir kompetittiv u awtonomu tagħha.

54      Peress li ma jista’ jiġi allegat l-ebda aġir antikompetittiv fil-konfront tagħha, għal perijodu ta’ bejn l‑10 ta’ Settembru 1992 u t‑13 ta’ Diċembru 1994, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma osservatx ir-regoli applikabbli fil-qasam tal-interruzzjoni ta’ ksur u tal-preskrizzjoni. Hija tfakkar f’dan ir-rigward il-ġurisprudenza li tgħid li, sabiex tistabbilixxi l-kontinwità tal-ksur allegat, il-Kummissjoni għandha tipproduċi “provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed”. Perijodu ta’ żmien ta’ 27 xahar bejn żewġ laqgħat li jimplikawha ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “fi żmien qrib biżżejjed” fis-sens tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas‑7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni (T‑43/92, Ġabra p. II‑441). Minħabba l-interruzzjoni tal-ksur allegat, il-Kummissjoni kellha tikkonstata, minn tal-inqas, li perijodu ta’ iktar minn ħames snin kien iddekorra bejn it-tmiem tal-ewwel perijodu, l‑10 ta’ Settembru 1992, u l-bidu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni fl‑2001, wara l-ewwel talba għal klemenza mressqa ppreżentata minn Mueller Industries fid‑9 ta’ Jannar 2001.

55      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

56      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar, fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, li l-Kummissjoni għandha tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni ferma li l-ksur allegat twettaq (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Marzu 1984, CRAM u Rheinzink vs Il‑Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 20). L-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandu jiswi ta’ ġid lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur. Il-qorti ma għandiex għaldaqstant tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbiliet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti skont id-dritt jekk għadu jippersisti dubju f’moħħha fuq din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 215).

57      Skont ġurisprudenza stabbilita kull waħda mill-provi prodotti mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Ikun suffiċjenti li l-indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat‑8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 180, u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Barra minn dan, huwa abitwali li l-attivitajiet li l-ftehim antikompetittivi jinvolvu jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom tiġi mnaqqsa għall-minimu. Isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħall-minuti tal-laqgħat, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li ta’ spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jinġabru permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji, li, kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57, u tal‑25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 51).

59      F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li d-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-politika ta’ klemenza għandhom rwol importanti. Dawn id-dikjarazzjonijiet magħmula għan-nom ta’ impriżi għandhom valur probatorju konsiderevoli, peress li dawn jinvolvu riskji legali u ekonomiċi kunsiderevoli (ara f’dan is-sens, is-sentenzi JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punti 205 u 211, u Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, punt 58, iktar ’il fuq, punt 103). Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata bil-parteċipazzjoni f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn numru ta’ impriżi akkużati oħra, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħrajn (ara s-sentenza JFE Engineering vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punt 219 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Fir-rigward tat-tul tal-ksur, peress li dan huwa element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ ksur skont l-Artikolu 81(1) KE, l-oneru tal-prova huwa wkoll fuq il-Kummissjoni. Il-prinċipji msemmija hawn fuq japplikaw f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal‑21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punti 94 sa 96). Barra minn dan, il-ġurisprudenza teżiġi li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas‑16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra, p II‑4441, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq il-perijodu ta’ wara Marzu 2001

61      Hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax li hija pparteċipat fl-akkordju qabel il-verifiki tal-Kummissjoni f’Marzu 2001.

62      Hemm lok ukoll li jiġi rrilevat li l-avvenimenti attribwiti lir-rikorrenti mill-Kummssjoni, jiġifieri l-parteċipazzjoni f’laqgħat tal-FNAS, il-kuntatti bejn ir-rikorrenti u FRA.BO kif ukoll il-kuntatti magħmula waqt il-fiera ta’ Essen, ma’ humiex, fihom infushom, ikkontestati mir-rikorrenti. B’mod kuntrarju hija tikkontesta n-natura antikompetittiva ta’ dawn l-avventimenti u l-fatt li dawn jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu għal perijodu ta’ qabel ix-xahar ta’ Marzu 2001.

63      Finalment hemm lok li jiġi nnotat li r-rikorrenti tikkontesta l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ FRA.BO.

64      Konsegwentement jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-aġir ikkonstatat wara l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni f’Marzu 2001 għandux jiġi kklassifikat bħala kuntatt antikompetittiv u jekk dan jippermettix li jiġi konkluż li kien hemm estensjoni tal-istess ksur.

65      Fir-rigward, fl-ewwel lok tal-kuntatti bilaterali, mid-dikjarazzjoni ta’ FRA.BO, magħmula fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza, u minn xi prova dokumentarja li hija pproduċiet waqt il-proċedura amministrattiva, jirriżulta li wara l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni saru skambji ta’ informazzjoni sensittiva bejn il-kompetituri.

66      Il-provi invokati kontra r-rikorrenti jikkonsistu f’rekords telefoniċi ta’ FRA.BO u f’xi noti miktub bl-idejn li jinsabu fid-djarju ta’ P. (FRA.BO).

67      L-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li dawn kienu kuntatti legali, li jirrigwardaw b’mod partikolari kunsinni reċiproċi, proġett ta’ kooperazzjoni industrijali jew strateġija komuni mixtieqa minn FRA.BO fir-rigward ta’ CEN f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-approvazzjoni ta’ tip ta’ attrezzatura, ma jikkontestawx il-fatt li kien hemm skambji ta’ informazzjoni sensittiva, koordinazzjoni tal-prezzijiet u żiediet fil-prezzijiet. Barra minn dan, l-imsemmija argumenti ma huma sostnuti minn ebda prova, bħal irċevuti jew formoli għall-ordnijiet li jirrigwardaw il-perijodu inkwistjoni. Fil-fatt, mingħajr ma jittieħed kont tal-fatt li r-rikorrenti ppreżentat, għall-ewwel darba, fl-istadju tar-replika, u għalhekk b’mod tardiv, xi rċevuti dwar kunsinni reċiproċi, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn id-dokumenti jkopru biss il-perijodu ta’ wara l‑2004.

68      Barra minn dan, hemm lok li jiġi rrimarkat li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha unikament fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ FRA.BO. Fil-fatt, minn noti miktubin bl-idejn ta’ P. (FRA.BO) jirriżulta li waqt il-laqgħa tal‑5 ta’ Ġunju 2003, ir-rikorrenti u FRA.BO ddiskutew il-prezzijiet ta’ IBP fi Franza, ħaġa li ma hijiex relatata mal-kwistjoni tal-approvazzjoni ta’ tip ġdid ta’ attrezzatura. Bl-istess mod, min-noti miktubin bl-idejn li jinsabu fid-djarju ta’ P. li jikkonċernaw diskussjoni bit-telefon tal‑5 ta’ Frar 2004 jirriżulta li ġew diskussi l-previżjonijiet ta’ żidiet fil-prezzijiet fi Franza u fil-Greċja. Barra minn dan, b’mod kuntrarju għal dak li tallega r-rikorrenti, il-fatt li ż-żidiet reali setgħu kienu differenti minn dawk imsemmija fid-djarju ta’ P. bl-ebda mod ma jikkontesta l-fatt li dawk iż-żewġ impriżi skambjaw informazzjoni fuq il-prezzijiet tagħhom.

69      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-laqgħa bejn H. (IBP) u r-rappreżentant tar-rikorrenti waqt il-fiera ta’ Essen fit‑18 ta’ Marzu 2004, mid-dikjarazzjoni ta’ H. jirriżulta li huwa rrisponda għal mistoqsija relatata mal-prezz u li IBP kienet ipprevediet żieda fil-prezzijiet fl-aħħar tax-xahar ta’ Marzu 2004. Peress li r-rikorrenti ma pprovatx li din l-informazzjoni kienet diġà pubblika u li l-ittra uffiċċjali ta’ IBP li tikkonċerna din iż-żieda kienet intbagħtet biss fit‑30 ta’ Marzu 2004, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan kien kuntatt li, irrispettivament minn jekk kienx ta’ darba jew le, kien marbut mal-politika tariffarja fis-suq Ġermaniż.

70      Barra minn dan, l-argument li jgħid li dan l-iskambju ma kienx ta’ natura antikompetittiva minħabba n-nuqqas ta’ reċiproċità jew minħabba l-fatt li r-rikorrenti kienet diġà ddeċidiet hija stess dwar żieda fil-prezzijiet ma huwiex rilevanti. Il-ġurisprudenza ma teżiġix li skambju ta’ informazzjoni għandu jkun reċiproku sabiex ikun ta’ ħsara għall-prinċipju ta’ aġir awtonomu fis-suq. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva jelimina l-livell ta’ inċertezza fir-rigward tal-aġir futur ta’ kompetitur u għalhekk jinfluwenza, direttament jew indirettament, l-istrateġija tad-destinatarju tal-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat‑23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħat tal-FNAS, jirriżulta b’mod partikolari mill-minuti ta’ dawn il-laqgħat, li, waqt laqgħat tal-kumitat loġistiku tal-FNAS, ġew diskussi kwistjonijiet dwar il-prezzijiet, bħal marġni fuq il-bejgħ u ż-żidiet fil-prezzijiet tal-attrezzaturi.

72      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-minuti tal‑25 ta’ Ġunju 2003 jagħmlu riferiment għar-riżoluzzjoni tal-kompetituri li tgħid li “l-għan li għandu jintlaħaq huwa li jiġi żgurat, mill-inqas, li l-prezzijiet jistabbilizzaw ruħhom”. Mill-minuti tal‑15 ta’ Ottubru 2003 jirriżulta li Aquatis France SAS, IBP u r-rikorrenti pprovdew lil manifatturi oħra b’informazzjoni dwar it-tqassim tal-bejgħ tagħhom bejn ċerti kategoriji ta’ prodotti kif ukoll dwar il-marġni tagħhom. Waqt il-laqgħa tat‑3 ta’ Novembru 2003, kien hemm skambju ta’ informazzjoni dwar żidiet fil-prezzijiet futuri. Bl-istess mod, mill-minuti tal‑20 ta’ Jannar 2004 jirriżulta li, wara xi skambu ta’ opinjonijiet, La. ppropona li “l-manifatturi jinformaw lill-klijenti tagħhom dwar l-eventwalità ta’ żieda ta’ 6 % marbuta ma’ dik tal-ispejjeż materjali sabiex jaraw ir-reazzjoni tas-suq u li jtejbu b’mod parallel l-ispejjeż tal-imballaġġ”. Skont dawn il-minuti, “din iż-żieda fl-ispejjeż materjali kellha taffettwa l-gamma kollha” u “l-prezz unitarju tal-imballaġġ il-ġdid [kellu għaldaqstant] jiżdied b’ 5.3 jew b’ 5.4 % ”. Finalment, wara din il-laqgħa, saret konferenza telefonika fis‑16 ta’ Frar 2004, li matulha kull manifattur ta l-opinjoni tiegħu dwar iż-żieda prevista fil-prezzijiet.

73      Għalkemm id-diskussjonijiet mal-fornituri dwar it-talba tagħhom għall-addattament tal-imballaġġ ma kellhomx konsegwenzi fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni u li tali talba tinvolvi spejjeż ta’ produzzjoni supplimentari, xorta jibqa’ l-fatt li prattika miftiehma fuq il-perċentwali li kienet ser tingħadda fuq il-fornituri jew fuq il-parti tal-ispejjeż li għandhom jiġu assorbiti mill-manifatturi ma hijiex, fiha nnifisha, ħaġa li ma taffettwax is-suq. Din hija kwistjoni li impriża għandha tirregola b’mod awtonomu. L-istess jgħodd fir-rigward tal-marġni fuq il-bejgħ u ż-żidiet fil-prezzijiet tal-attrezzaturi.

74      Fir-rigward tal-portata ġeografika tad-diskussjonijiet li saru fil-kuntest tal-laqgħat tal-FNAS, għandu jiġi rrilevat li, b’mod kuntrarju għal dak li kkunsidrat il-Kummissjoni fil-premessi 575 u 584 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija diskussjonijiet kienu jirrigwardaw biss is-suq Franċiż. Fil-fatt mill-minuti tal-imsemmija laqgħat bl-ebda mod ma jirriżulta li dawn kienu jirrigwardaw ukoll lil “Spanja, l-Italja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u s-suq Ewropew b’mod ġenerali”. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kollużjoni fil-kuntest tal-laqgħat tal-FNAS ma kellhiex portata pan-Ewropea. Il-fatt li l-laqgħat tal-FNAS saru bejn ir-rappreżentanti ta’ impriżi ta’ skala Ewropea, kif osservat il-Kummissjoni, ma jikkontestax dik il-konstatazzjoni.

75      Fir-rigward tal-ittra tas‑16 ta’ Marzu 2004 tal-P.D.Ġ. tar-rikorrenti lill-President tal-FNAS, li, skont ir-rikorrenti, kienet tikkostitwixxi disassoċjazzjoni pubblika mill-ksur imwettaq waqt il-laqgħa tal‑20 ta’ Jannar 2004 u waqt il-konferenza telefonika tas‑16 ta’ Frar ta’ wara tal-kumitat loġistiku tal-FNAS, li għalihom ipparteċipa b’mod partikolari La., hemm lok li jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ disassoċjazzjoni pubblika bħala element ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal‑5 ta’ Diċembru 2006, Westfalen Gassen Nederland vs Il‑Kummissjoni, T‑303/02, Ġabra p. II‑4567, punt 103, u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-komunikazzjoni li jkollha bħala għan id-disassoċjament pubbliku minn prattika antikompetittiva għandha tkun manifestata b’mod sħiħ u ċar, b’tali mod li l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju jifhmu sewwa l-intenzjoni tal-impriża kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad‑19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 120).

77      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni użata mill-P.D.Ġ. tar-rikorrenti fl-ittra tiegħu lill-President tal-FNAS hija ta’ natura ġenerali wisq sabiex jiġi konkluż li kien hemm disassoċjazzjoni pubblika. Fil-fatt, l-ittra ssemmi biss tħassib dwar id-diskussjonijiet li jirrigwardaw il-prezzijiet li setgħu jseħħu bejn il-parteċipanti u tfakkar il-politika interna tar-rikorrenti fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni u f’dak il-kuntest, tat-talba indirizzata lill-President tal-FNAS sabiex jieħu miżuri bil-għan li tiġi evitata tali prattika antikompetittiva, mingħajr ma tindika li din ġiet effettivament implementata u li din l-ittra kienet marbuta mal-fatt li r-rappreżentant tagħha kien beda prattiki miftiehma dwar il-prezzijiet.

78      Barra minn dan, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fl-ewwel lok, l-imsemmija ittra kienet indirizzata biss lill-President tal-FNAS u li r-rikorrenti ma bagħtet l-ebda “kopja” ta’ din l-ittra lill-parteċipanti l-oħra.

79      Fit-tieni lok, l-imsemmija ittra lanqas ma tinkludi talba indirizzata f’dan is-sens lil FNAS. Għaldaqstant, il-fatt li din intbgħatet, fis‑7 ta’ April 2004, lill-membri tal-kumitat loġistiku tal-FNAS, fuq l-inizzjattiva ta’ din tal-aħħar, flimkien mat-tweġiba tal-President tal-FNAS, tal‑31 ta’ Marzu 2004, għal din l-ittra li tfakkar l-għan tal-grupp ta’ ħidma stabbilit fil-kuntest tal-kumitat loġistiku tal-FNAS ma huwiex rilevanti sabiex jiġi konkluż li r-rikorrenti ddisassoċjat ruħha mill-akkordju.

80      Finalment, anki jekk jitqies li l-ittra tal-P.D.Ġ. tar-rikorrenti lill-President tal-FNAS tista’ tiġi kkunsidrata bħala disassoċjazzjoni pubblika, hemm lok li jiġi nnotat, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, li din l-ittra waslet biss lejn l-aħħar tal-perijodu li matulu ġie kkonstatat il-ksur u għaldaqstant ma tippermettix li jiġu kkontestati l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju qabel is‑16 ta’ Frar 2004 li hija d-data tal-aħħar laqgħa.

81      Għaldaqstant, f’dan l-istadju hemm lok li jiġi konkluż li l-aġir ikkontestat li sar wara l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni f’Marzu 2001 kien ta’ natura antikompetittiva. Barra minn dan, dan ġie ppruvat b’mod suffiċjenti skont il-liġi.

82      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk kienx hemm kontinwazzjoni tal-ksur ikkonstatat qabel Marzu 2001, hemm lok li jiġi rrilevat li dan tal-aħħar kien jikkonsisti f’organizzazzjoni regolari, tul diversi snin, ta’ kuntatti multilaterali u bilaterali bejn manifatturi kompetituri li kellhom bħala s-suġġett tagħhom, l-istabbiliment ta’ prattiki illegali maħsuba sabiex jorganizzaw b’mod artifiċjali l-funzjonament tas-suq tal-attrezzaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezzijiet.

83      L-imsemmija kuntatti kienu jsiru waqt laqgħat organizzati fil-kuntest ta’ assoċjazzjonijiet professjonali, b’mod iktar speċifiku, fil-kuntest tal-EFMA (waqt laqgħat imsejħa “Super EFMA”), ta’ fieri kummerċjali, ta’ laqgħat ad hoc u ta’ skambji bilaterali ta’ opinjonijiet. B’mod ġeneral, il-miżuri maħsuba sabiex tiġi diskussa żieda fil-prezzijiet kienu jiġu adottati fuq livell Ewropew u r-riżultat jiġi eżegwit fuq livell nazzjonali, peress li l-manifatturi kellhom proċess ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet li kien speċifiku għal kull pajjiż u arranġamenti lokali li jikkompletaw l-arranġamenti meħuda fuq livell Ewropew.

84      L-aġir ikkontestat wara Marzu 2001 kien ukoll jikkonsisti f’kuntatti li saru fil-kuntest ta’ assoċjazzjonijiet professjonali (laqgħat tal-FNAS), u f’kuntatti bilaterali li jirrigwardaw il-parametri tal-kompetizzjoni u f’kuntatti li saru waqt fieri kummerċjali (fiera ta’ Essen).

85      Peress li l-għan tal-prattiki antikompetittivi ma nbidilx, jiġifieri prattiki miftiehma fuq il-prezzijiet, il-fatt li ċerti karatteristiċi jew li l-intensità ta’ dawn il-prattiki kienu nbidlu ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-akkordju inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li huwa plawżibbli li, wara l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni, l-akkordju ħa forma inqas strutturata u attività ta’ intensità iktar varjabbli. Madankollu, il-fatt li akkordju jista’ jkollu perijodi ta’ attività ta’ intensitajiet varjabbli ma jimplikax li jista’ jiġi konkluż li dan intemm.

86      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, anki jekk, wara l-ispezzjonijiet ta’ Marzu 2001, in-numru ta’ parteċipanti fl-akkordju naqas minn disa’ għal erba’, il-parteċipanti prinċipali fl-akkordju qabel dawn l-ispezzjonijiet (jiġifieri r-rikorrenti, IBP kif ukoll l-ex sussidjarji ta’ IMI) baqgħu, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, dejjem involuti fl-akkordju. Bl-istess mod, xi persuni li kienu diġà involuti fl-akkordju qabel Marzu 2001 kienu wkoll involuti fl-aġir ikkontestat wara dik id-data.

87      Fir-rigward tal-portata ġeografika tal-ksur ukinu u kontinwu, għalkemm il-laqgħat tal-FNAS kienu relatati biss mas-suq Franċiż (ara l-punt 74 iktar ’il fuq), jidher li anki swieq nazzjonali oħra, bħas-suq Ġermaniż, Grieg, Spanjol u Taljan, kienu kkonċernati mill-kuntatti antikompetittivi bejn il-kompetituri wara Marzu 2001, kif jirriżulta mill-kuntatti telefoniċi bejn ir-rikorrenti u FRA.BO jew mill-kuntatt li sar waqt il-fiera ta’ Essen bejn ir-rikorrenti u IBP.

88      Peress li l-aġir ta’ kull waħda mill-parteċipanti, inkluż dak tar-rikorrenti, kien intiż sabiex jintlaħaq l-istess għan antikompetittiv, jiġifieri li jikkontrolla u jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq tal-attrezzaturi permezz tal-koordinazzjoni tal-prezzijiet u ta’ żidiet fil-prezzijiet kif ukoll tal-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li kien hemm tkomplija ta’ ksur preċedenti.

89      Finalment, l-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv, jiġifieri dawk ibbażati fuq il-fatt li FNAS kienet l-organizzatriċi tal-laqgħat u kienet hija li ppreparat il-minuti tagħhom, li FNAS innifisha ma hijiex destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata jew saħansitra li l-laqgħat saru bi trasparenza sħiħa, ma jikkontestawx din il-konstatazzjoni.

90      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument li l-minuti tal-laqgħat kienu ġew ippreparati minn FNAS, dan huwa irrilevanti peress li huwa stabbilit li r-rikorrenti kienet irrapreżentata waqt dawn il-laqgħat. Għaldaqstant, peress li l-imsemmija minuti ntbagħtu lilha, ir-rikorrenti kellha l-opportunità kemm bil-miktub, kif ukoll waqt il-laqgħa ta’ wara, li tikkoreġihom jew li tindika l-punti li ma kinitx taqbel magħhom.

91      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument li FNAS innifisha ma kinitx destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, anki dan huwa irrilevanti. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrimarkat li mill-premessi 606 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li, “għalkemm hemm elementi li juru li l-manifatturi kkonkludew ftehim li, skont Advanced Fluid Connections, huma implementaw, madankollu ma hemm ebda element li jindika li FNAS aċċettat b’mod attiv l-inkarigu fdat lilha mill-manifatturi jew li hija ffaċilitat l-implementazzjoni tal-ftehim”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fil-premessi 607 tad-deċiżjoni kkontestata, li FNAS ma pparteċipatx fil-ftehim inkwistjoni u għalhekk ma kellhiex tkun fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

92      Minn dan kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju wara Marzu 2001 għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-perijodu ta’ bejn l‑1992 u l‑1994

93      Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatti kkonstatati fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju għal perijodu ta’ bejn il‑31 ta’ Diċembru 1991 u l‑10 ta’ Settembru 1992, u lanqas għal perijodu ta’ bejn Diċembru 1997 u Marzu 2001. Barra minn dan, huwa mfakkar li r-rikorrenti indikat waqt is-seduta li hija ma tikkontestax il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fil-perijodu 1995-1997. Għaldaqstant, jonqos biss li tiġi eżaminata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni fiha kkonstatat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur fil-perijodu ta’ bejn l‑10 ta’ Settembru 1992 u t‑13 ta’ Diċembru 1994.

94      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1/2003, is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni hija suġġetta, bħala prinċipju, għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin. Skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003, “fil-każ li l-ksur ikun kontinwu jew ripetut, il-ħin [it-terminu] jibda jiddekorri mill-ġurnata ta’ meta l-ksur intemm”. Skont l-Artikolu 25(3) u (5) tar-Regolament Nru 1/2003, il-preskrizzjoni tiġi interrotta bi kwalunkwe azzjoni tal-Kummissjoni maħsuba għall-investigazzjoni jew għat-tressieq ta’ proċeduri kontra l-ksur u terġa tibda tiddekorri mill-ġdid wara kull interuzzjoni.

95      F’dan il-każ, il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjonijiet tagħha bl-ispezzjonijiet tat‑22 ta’ Marzu 2001. Minn dan jirriżulta li ma tista’ tiġi imposta l-ebda multa abbażi tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li ntemm qabel it‑22 ta’ Marzu 1996. Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk id-diversi fatti invokati fid-deċiżjoni kkontestata jurux li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju komplietx jew intemmitx matul il-perijodu ta’ bejn l‑10 ta’ Settembru 1992 u t‑13 ta’ Diċembru 1994.

96      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li l-provi kollha invokati insostenn tal-fatti msemmija fil-premessi 214, 217, 218, 221, 224, 225, 229 u 232 tad-deċiżjoni kkontestata huma suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li r-rikorrenti ma waqfitx tipparteċipa fl-akkordju matul il-perijodu kkonċernat.

97      Għandu, b’mod partikolari, jiġi rrimarkat li, fil-premessa 214 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet noti miktubin bl-idejn datati lejn in-nofs jew lejn l-aħħar tas-sena 1992 u li jsemmu l-isem tar-rikorrenti, li fihom tissemma’ lista ta’ prezzijiet, li d-dħul fis-seħħ tagħha kellu jkun fix-xahar ta’ Jannar 1993 (għall-pajjiżi kollha bl-eċċezzjoni ta’ Franza) u fix-xahar ta’ April 1993 (għal Franza). Bl-istess mod, fil-premessa 217, hija ssemmi faks, tat‑12 ta’ Mejju 1993, mibgħuta minn Mueller Industries lil Viega, li fiha r-rikorrenti tiġi kkritikata talli ma osservatx b’mod sistematiku t-termini tal-ftehim li hija parti fih. Għaldaqstant minn dan jista’ jiġi dedott li r-rikorrenti ma ħarġitx mill-ftehim. Dan japplika wkoll għall-faks tas‑6 ta’ Settembru 1994, mibgħuta minn importatur u distributur lil W. (IMI) (premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata), fejn huwa indikat li r-rikorrenti ma kinitx tosserva l-“ftehimiet” kif suppost kellha tagħmel.

98      Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, ikun suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-fatt li akkordju ma jiġix osservat ma jbiddel xejn fir-rigward tal-eżistenza stess tiegħu. F’dan il-każ, għaldaqstant ma jistax jiġi kkunsidrat li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur kien intemm waqt il-perijodu eżaminat, minħabba s-sempliċi fatt li r-rikorrenti użat l-akkordju favuriha, billi ma osservatx b’mod sħiħ il-prezzijiet maqbula.

99      Fil-fatt, il-membri ta’ akkordju jibqgħu kompetituri fejn kull wieħed minnhom jista’ jiħajjar, fi kwalunkwe mument, li japprofitta mid-dixxiplina tal-oħrajn fil-qasam tal-prezzijiet stabbiliti mill-kartell sabiex ibaxxi l-prezzijiet tiegħu bil-għan li jżid is-sehem tiegħu fis-suq, filwaqt li jżomm livell ġenerali ta’ prezzijiet relattivament għoli. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li r-rikorrenti ma applikatx b’mod sħiħ il-prezzijiet maqbula ma jimplikax li, billi għamlet dan, hija applikat prezzijiet li setgħet tapplika fin-nuqqas tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 74 u 75).

100    Fl-aħħar nett, min-nota ta’ P., tal‑15 ta’ Marzu 1994, imsemmija fil-premessa 221 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta wkoll li r-rikorrenti kienet preżenti waqt id-diskussjonijiet li saru fil‑11 u t‑13 ta’ Marzu 1994 dwar is-suq Taljan.

101    Anki jekk ir-rikorrenti ma pparteċipatx għal xi waħda mill-laqgħat li saru bejn l‑10 ta’ Settembru 1992 u t‑13 ta’ Diċembru 1994 fil-kuntest tal-akkordju, jew saħansitra fl-ebda waħda minnhom, dan ma jimplikax li r-rikorrenti kienet fil-frattemp ħarġet mill-akkordju, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-akkordju inkwistjoni, li huwa kkaratterizzat minn kuntatti multilaterali, minn kuntatti bilaterali, bi frekwenza ta’ mill-inqas darba jew darbtejn fis-sena, minn kuntatti ad hoc u l-fatt li ma kinitx xi ħaġa eċċezzjonali li membru tal-akkordju ma jipparteċipax b’mod sistematiku għal kull laqgħa.

102    Barra minn dan, hemm lok ukoll li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ddisassoċjatx ruħha pubblikament mill-akkordju. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ disassoċjazzjoni espliċita, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li l-ksur ma ntemmx (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punti 119 et seq, u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Isegwi li l-argument marbut mal-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur matul il-perijodu ta’ bejn l‑10 ta’ Settembru 1992 sat‑13 ta’ Diċembru 1994 għandu jiġi miċħud.

104    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-kalkolu tal-ammont tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

105    Sussidjarjament ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni intrepretat b’mod żbaljat ir-regoli dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multi. La l-linji gwida tal‑1998 u lanqas il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal‑1996 ma ġew osservati. Fl-ewwel lok, l-ammont inizjali tal-multa li ġiet impost fuqha huwa spropozjonat meta mqabbel ma’ dak tal-multi imposti fuq l-impriżi l-oħra. Fit-tieni lok, hija ma kellhiex rwol ta’ mexxej. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kellha taġġusta l-ammont tal-multa fid-dawl tal-portata ġeografika u tal-intensità tal-koordinazzjoni. Finalment, kien b’mod żbaljat li l-Kummissjoni rrifjutat il-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-ammont abbażi tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tagħha ta’ parti sostanzjali tal-ilmenti.

106    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

107    Fir-rigward tal-ewwel ilment, ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont inizjali tal-multa, hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni għandha dritt li taqsam il-membri ta’ akkordju f’kategoriji, fid-dawl b’mod partikolari tal-ishma tas-suq ta’ kull waħda mill-impriżi. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li l-Kummissjoni spjegat, fir-risposta tagħha, li d-dħul mill-bejgħ u s-sehem tas-suq tal-grupp Legris Industries fir-rigward tal-attrezzaturi kienu, fl‑2000, bejn wieħed u ieħor tliet darbiet iktar mid-dħul mill-bejgħ u mis-sehem tas-suq ta’ FRA.BO u ta’ Mueller Industries, darbtejn u nofs iktar minn dawk ta’ Flowflex Holding Ltd u iktar minn darbtejn iktar minn dawk ta’ Sanha Kaimer GmbH & Co. KG. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni ġustament stabbiliet ammont inizjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti (EUR 14.25 miljun) bejn darbtejn u tliet darbiet ogħla minn dak tal-impriżi ċċitati iktar ’il fuq (EUR 5.5 miljuni). Għalkemm huwa minnu li t-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata, li, minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, fiha biss faxex wiegħsa li jindikaw id-daqs u l-importanza relattiva tal-impriżi, madankollu, mill-verżjoni kunfidenzjali ta’ din it-tabella u mid-data li hija bbażata fuqha jirriżulta li l-Kummissjoni qassmet il-membri tal-akkordju f’kategoriji b’mod koerenti u oġġettivament ġġustifikat.

108    L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-ammont inizjali tal-multa li ġiet imposta fuqha kien, fi kwalunkwe każ, sproporzjonat, peress li dan jirrapreżenta 77 % mill-ammont massimu tal-multa li setgħet tiġi imposta fuqha skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi miċħud.

109    Fl-ewwel lok, hemm lok li jitfakkar li r-rikorrenti u l-kumpannija parent tagħha kienu jifformaw, meta ġraw il-fatti, impriża unika li wettqet, bħala awtur, il-ksur li ġew akkużati bih fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha fuq l-informazzjoni ta’ din l-impriża meta kkalkulat l-ammont inizjali tal-multa.

110    Fit-tieni lok, l-importanti huwa li l-ammont inizjali tal-multa jkun proporzjonat mal-ksur meħud fl-intier tiegħu, b’kont meħud, partikolarment, tal-gravità tiegħu. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa, id-dħul mill-bejgħ tal-impriża ma huwiex kriterju determinanti sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur. Barra minn dan, il-ksur inkwistjoni jaqa’, minn natura stess tiegħu, fost il-ksur l-iktar gravi previsti mill-Artikolu 81, li jista’ jwassal, skont il-linji gwida tal‑1998, għal ammont inizjali tal-multa ta’ iktar minn EUR 20 miljun.

111    Fit-tielet lok, hemm lok li jiġi nnotat li l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, issir f’wieħed mill-aħħar stadji tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, jiġifieri wara l-kalkolu tal-multa fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur u wara t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ eventwali ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, jekk diversi destinatarji jkunu jikkostitwixxu l-“impriża” fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni, il-limitu jista’ jiġi kkalkulat abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ din l-impriża. Min-naħa l-oħra, jekk, bħal f’dan il-każ, din l-entità ekonomika tkun xoljiet sabiex tikkostitwixxi żewġ entitajiet separati fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni, kull destinatarju tagħha għandu d-dritt li l-imsemmi limitu jiġi applikat individwalment fil-konfront tiegħu. Issa, dan id-dritt huwa indipendenti mill-applikazzjoni tal-kriterju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa. Finalment, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, huwa biss l-ammont finali tal-multa li ma jistax jeċċedi l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali. min-naħa l-oħra, ma huwiex ipprojbit li, waqt il-kalklolu tal-multa, l-ammont intermedjarju jeċċedi dan l-istess limitu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 277 u 278).

112    Fir-rigward tat-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx il-mexxejj tal-akkordju, iżda li hija kellha rwol allegatament passiv jew emulattiv li jiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa, ikun suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, waqt il‑160 laqgħa kollużiva li saru matul il-perijodu 1991‑2001, ir-rikorrenti kienet preżenti għal nofshom, kif ammettiet hija stess. Għalkemm huwa ċertament minnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fost l-elementi li jistgħu jikkaratterizzaw ir-rwol passiv ta’ impriża, jista’ jittieħed kont tan-natura kunsiderevolment iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbel ma’ dik tal-kompetituri tagħha. Madankollu, ir-rikorrenti ma tistax tallega b’mod validu li l-frekwenza tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat, tmien darbiet fis-sena, għandha tiġi kklassifikata bħala “kunsiderevolment iktar sporadika” minn dik tal-parteċipanti oħra u li, għaldaqstant, din tikkorrispondi għal rwol esklussivament passiv jew emulattiv.

113    Fir-rigward tat-tielet ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kellha taġġusta l-ammont tal-multa fid-dawl tal-portata ġeografika u tal-intensità tal-koordinazzjoni, ikun suffiċjenti li jiġi rrimarkat li l-fatt li l-intensità tal-akkordju kienet inqas wara l-verifiki tal-Kummissjoni ma għandu l-ebda effett fuq il-klassifikazzjoni tal-akkordju bħala gravi ħafna u ta’ żmien twil li tiġġustifika żieda ta’ 10 % għal kull sena ta’ ksur, kif huwa ppreċiżat fil-linji gwida tal‑1998. Barra minn dan, għalkemm, fil-bidu, dan l-akkordju kellu dimensjoni territorjali limitata, sussegwentement huwa assuma dimensjoni pan-Ewropea, b’tali mod li ma teżisti l-ebda raġuni sabiex jiġu ddiferenzjati r-rati ta’ żieda applikati abbażi tat-tul skont id-dimensjoni ġeografika ta’ dan tal-aħħar.

114    Finalment, ir-raba’ ilment għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt mill-ġurisprudenza jirriżulta li tnaqqis tal-multa minħabba kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva huwa ġġustifikat biss jekk l-aġir tal-impriża inkwistjoni ppermetta lill-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur b’inqas diffikultà u, jekk ikun il-każ, ittemmu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas‑16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punt 36). Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal‑1996 ma jistax ikun iġġustifikat ħlief meta l-informazzjoni pprovduta, u b’mod aktar ġenerali, l-aġir tal-impriża inkwistjoni, ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati, f’dan ir-rigward, bħala li juru kooperazzjoni ġenwina min-naħa tagħha (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 111 iktar ’il fuq, punti 388 sa 403, b’mod partikolari l-punt 395). Issa, mill-proċess jirriżulta li, fir-realtà, in-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti kien jirrigwarda biss il-perijodu ta’ bejn Diċembru 1997 u Marzu 2001, jiġifieri tliet snin minn tul totali ta’ parteċipazzjoni ta’ iktar minn tlettax-il sena. F’dan il-kuntest, hemm lok li jitfakkar li l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur wara l-ispezzjonijiet kif ukoll għall-perijodu 1992-1994 ġew miċħuda. Isegwi li l-Kummissjoni ma wettqetx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi rrifjutat li tieħu kont tan-nuqqas parzjali ta’ kontestazzjoni tal-fatti min-naħa tar-rikorrenti abbażi ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu taħt it-Titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal‑1996.

115    Minn dan isegwi li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

116    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

117    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef hija kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Comap SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Marzu 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.