Language of document : ECLI:EU:C:2015:304

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fis-7 ta’ Mejju 2015 (1)

Kawża C‑88/14

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Il-Parlament Ewropew

u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE — Att iddelegat u att ta’ implementazzjoni — Regolament (UE) Nru 1289/2013 — Mekkaniżmu ta’ reċiproċità”





1.        Permezz tar-rikors ippreżentat f’din il-kawża, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla r-Regolament Nru 1289/2013 (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”) (2) sa fejn dan jipprevedi l-użu ta’ atti ddelegati fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità li għandu jiġi implementat fil-każ li pajjiż terz, li ċ-ċittadini tiegħu jkunu eżentati mill-ħtieġa tal-viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni skont ir-Regolament Nru 539/2001 (3), jimponi tali obbligu fuq iċ-ċittadini ta’ Stat Membru.

2.        L-argumenti tal-partijiet iqajmu kwistjonijiet delikati dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE u dwar il-formulazzjoni reċiproka tagħhom. Il-kunċett ta’ “emenda” ta’ elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE kif ukoll il-portata tas-setgħa diskrezzjonali rikonoxxuta fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170) (iktar ’il quddiem is-“sentenza dwar il-bijoċidi”) lil-leġiżlatur tal-Unjoni meta jiddeċiedi jekk jużax l-istrument tal-atti ddelegati jew dak tal-atti ta’ implementazzjoni huma wħud mill-punti li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi.

I –    Il-kuntest legali

A –    Id-dritt primarju

3.        It-Trattat ta’ Lisbona jintroduċi kriterju ta’ ġerarkija fis-sistema tas-sorsi mhux primarji tad-dritt tal-Unjoni. Fl-ambitu ta’ dik is-sistema, l-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE, li huma intiżi biex jattivaw ir-regoli sekondarji, jifformalizzaw — abbażi tal-Artikoli I‑36 u I‑37 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (4) — is-separazzjoni tal-funzjoni leġiżlattiva ddelegata, inkluża, skont l-Artikolu 202 KE, taħt il-kompetenzi ta’ implementazzjoni permezz tal-hekk imsejħa “komitoloġija” (5), mill-funzjoni eżekuttiva.

4.        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE, “[a]tt leġislattiv jista’ jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġislattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jissumplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ l-att leġislattiv”.

5.        Skont l-Artikolu 291(1) TFUE, is-setgħa li jiġu adottati l-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti taqa’ f’idejn l-Istati Membri. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, meta jkun hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni ta’ dawk l-atti, dawn tal-aħħar jagħtu l-kompetenzi ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni jew, f’każijiet speċifiċi, lill-Kunsill.

B –    Ir-Regolament Nru 539/2001

6.        Ir-Regolament Nru 539/2001 jistabbilixxi l-lista tal-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1)] u l-lista tal-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn tali ħtieġa għal soġġorni li jammontaw għal mhux iktar minn 90 jum fuq perijodu ta’ 180 jum [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) (6)]. Dawn il-listi jinsabu rispettivament fl-Anness I u II tar-Regolament (7).

7.        L-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 539/2001, fil-verżjoni applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat, kien jipprevedi mekkaniżmu Komunitarju li kien jippermetti li jiġi implementat il-prinċipju ta’ reċiproċità f’każ li wieħed mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II għar-Regolament jiddeċiedi li jagħmel obbligatorja l-viża għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru wieħed jew iktar. Abbażi ta’ dan il-mekkaniżmu, kif emendat bir-Regolament Nru 851/2005 (8), wara n-notifika mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni setgħet tippreżenta proposta lill-Kunsill għad-dħul mill-ġdid fuq bażi temporanja tal-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz inkwistjoni, li fuqha l-Kunsill kellu jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata [Artikolu (1)(4)(ċ)]. Din il-proċedura ma kinitx taffettwa d-dritt tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal emenda tar-regolament sabiex il-pajjiż terz ikkonċernat jiġi ttrasferit fil-lista pprovduta fl-Anness I [Artikolu (1)(4)(e)].

C –    Ir-regolament ikkontestat

8.        Ir-regolament ikkontestat jagħmel żewġ emendi ewlenin fir-Regolament Nru 539/2001. Dan jirriforma l-mekkaniżmu ta’ reċiproċità u jintroduċi “mekkaniżmu ta’ salvagwardja” li jippermetti s-sospensjoni temporanja tal-effetti ta’ eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz.

9.        L-Artikolu 1(1)(a) tar-regolament ikkontestat jemenda l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 539/2001, billi jipprovdi għal mekkaniżmu ta’ reċiproċità maqsum fi tliet fażijiet, li jibda, bħal qabel, min-notifika mill-Istat Membru li għaċ-ċittadini tiegħu jkun iddaħħal mill-ġdid il-ħtieġa tal-viża minn pajjiż terz elenkat fl-Anness II ta’ dan l-aħħar regolament (9).

10.      L-ewwel fażi ta’ dan il-mekkaniżmu, irregolata mill-Artikolu (1)(4)(e) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat, hija attivata mill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni tal-imsemmija notifika, kemm billi tadotta, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat jew fuq inizjattiva tagħha stess, att ta’ implementazzjoni li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perijodu massimu ta’ sitt xhur, kif ukoll billi tippreżenta rapport li jivvaluta s-sitwazzjoni u jagħti r-raġunijiet għaliex iddeċidiet li ma tissospendix l-eżenzjoni. L-atti ta’ implementazzjoni jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4a(2) tar-Regolament Nru 539/2001 — imdaħħal permezz tal-Artikolu 1(4) tar-regolament ikkontestat —, li jagħmel riferiment għall-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 182/2011 (10).

11.      It-tieni fażi tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità sseħħ wara li jgħaddu 24 xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tan-notifika mill-Istat Membru kkonċernat, f’każ li l-pajjiż terz inkwistjoni jżomm il-ħtieġa tal-viża. Hija rregolata mill-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat, li jipprovdi li “il-Kummissjoni għandha tadotta att iddelegat li jissospendi l-applikazzjoni tal-Anness II għal perijodu ta’ 12-il xahar għaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz. L-att iddelegat għandu jiddetermina data, fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tiegħu, li fiha s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Anness II għandha ssir […] u għandu jemenda l-Anness II kif meħtieġ. Dik l-emenda għandha ssir billi ħdejn l-isem tal-pajjiż terz ikkonċernat tiddaħħal nota f’qiegħ il-paġna li tindika li l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hija sospiża fir-rigward [ta’] dak il-pajjiż terz u li tispeċifika l-perijodu ta’ dik is-sospensjoni”. Il-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati huma ddettati mill-Artikolu 4b tar-Regolament Nru 539/2001, li ddaħħal permezz tal-Artikolu 1(4) tar-regolament ikkontestat. Id-delega tas-setgħa tingħata għal perijodu ta’ ħames snin mid-9 ta’ Jannar 2014 u b’mod taċitu tiġi estiża għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jkollhom ebda oġġezzjoni. Hija tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Barra minn hekk, skont il-paragrafu (5) tal-istess Artikolu 4b, “[l-]att iddelegat adottat skont il-punt (f) tal-Artikolu 1(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ erba’ xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw […]”.

12.      Skont l-Artikolu 1(4)(h), tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat, jekk fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tal-att iddelegat imsemmi fil-punt (f) il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta leġiżlattiva biex temenda dan ir-regolament sabiex ir-riferiment għall-pajjiż terz jiġi ttrasferit mill-Anness II għall-Anness I, u b’hekk tagħti bidu għat-tielet u l-aħħar fażi tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità.

13.      L-Artikolu 1(2) tar-regolament ikkontestat, li jdaħħal fir-Regolament Nru 539/2001 l-Artikolu 1a, jintroduċi mekkaniżmu li jippermetti, b’deroga mill-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, li tiġi sospiża temporanjament f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza (11), l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II, skont proċedura mibdija wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat. Jekk, wara li tkun eżaminat in-notifika abbażi tal-kriterji elenkati fil-paragrafu 3 tal-istess Artikolu 1a, il-Kummissjoni, waqt li tqis il-konsegwenzi ta’ sospensjoni għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri mal-pajjiż terz ikkonċernat, tiddeċiedi li hija meħtieġa azzjoni, hija għandha tadotta, fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi n-notifika, att ta’ implementazzjoni skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 4a(2) tar-Regolament Nru 539/2001, li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perijodu ta’ sitt xhur. Din is-sospensjoni tista’ tiġi estiża għal perijodu ta’ mhux iktar minn tnax-il xahar, li fih il-Kummissjoni tkun ippreżentat, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ validità tal-att ta’ implementazzjoni, proposta leġiżlattiva ta’ emenda tar-Regolament Nru 539/2001, sabiex tittrasferixxi r-riferiment għall-pajjiż terz inkwistjoni mill-Anness II għall-Anness I.

II – Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14.      B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2014, ir-Repubblika Ċeka tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-istituzzjonijiet konvenuti.

15.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq bażi prinċipali, biex tannulla l-Artikolu 1(1) tar-regolament ikkontestat u l-Artikolu 1(4) tal-istess regolament sa fejn dan idaħħal fir-Regolament Nru 539/2001 Artikolu 4b ġdid, u biex iżżomm l-effetti tad-dispożizzjonijiet annullati u tal-miżuri kollha ta’ implementazzjoni li jirriżultaw minnhom sakemm jiġu ssostitwiti, fi żmien raġonevoli, b’atti adottati skont it-Trattat u biex tikkundanna lill-istituzzjonijiet konvenuti għall-ispejjeż. Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma humiex separabbli mill-bqija tar-regolament, il-Kummissjoni titlob li jiġi annullat ir-regolament ikkontestat in toto, filwaqt li jinżammu l-effetti tiegħu, u li l-istituzzjonijiet konvenuti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

16.      Il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. Huwa jiddikjara li huwa favur it-talba tal-Kummissjoni li jinżammu l-effetti tar-regolament ikkontestat f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tilqa’ r-rikors.

17.      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, primarjament, tiċħad ir-rikors in toto u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, u sussidjarjament, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tannulla b’mod sħiħ jew parzjalment ir-regolament ikkontestat, li żżomm l-effetti ta’ dan tal-aħħar jew tad-dispożizzjonijiet annullati u tal-atti adottati fl-implementazzjoni tagħhom sakemm jidħol fis-seħħ, fi żmien raġonevoli, att ġdid li jissostitwixxihom.

18.      Ir-Repubblika Ċeka titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kif ukoll, b’mod sussidjarju, f’każ li tilqa’ r-rikors, li żżomm l-effetti tad-dispożizzjonijiet annullati tar-regolament ikkontestat sakemm jiġu ssostitwiti minn regolament ġdid.

19.      Il-partijiet instemgħu mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta tad-9 ta’ Marzu 2015.

III – Fuq ir-rikors

20.      Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem motiv wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE. Hija tinnota li l-atti ddelegati u l-atti ta’ implementazzjoni għandhom kamp ta’ applikazzjoni distint sew: għandhom jintużaw l-atti ddelegati meta jkun meħtieġ li jiġu ssupplimentati jew emendati elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv, filwaqt li l-atti ta’ implementazzjoni għandhom jiġu adottati jekk ikunu meħtieġa kundizzjonijiet uniformi ta’ implementazzjoni tal-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni. L-għażla bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ atti hija purament legali u għandha tkun ibbażata, bħall-għażla tal-bażi legali, fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. F’dan il-każ, l-użu tal-atti ddelegati previst fl-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat, jikser l-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE peress li d-deċiżjoni ta’ sospensjoni temporanja mill-eżenzjoni tal-ħtieġa tal-viża ma hijiex att li “jissupplimenta” jew “jemenda” ir-Regolament Nru 539/2001 fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE, iżda pjuttost hija parti mill-qafas ta’ implementazzjoni tiegħu, u għalhekk hija applikazzjoni għal sitwazzjoni speċifika ta’ dispożizzjonijiet diġà msemmija fir-regolament.

21.      Qabel ma nanalizza l-argumenti individwali mressqa mill-Kummissjoni, kif ukoll il-kontroargumenti mqajma mill-istituzzjonijiet konvenuti u mill-Istat intervenjenti, jidhirli li għandi niffoka fuq il-kwistjonijiet li ħolqu l-iktar dibattitu intensiv bejn il-partijiet, li jirrigwardaw ċerti aspetti tas-separazzjoni bejn delegazzjoni leġiżlattiva u funzjoni ta’ implementazzjoni magħmula permezz tat-Trattat ta’ Lisbona u jikkonċernaw il-kwistjoni kumplessa tad-delimitazzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE.

A –    Fuq id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni bħala kriterju ta’ distinzjoni bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE

22.      Waħda mill-kwistjonijiet li qajmet l-ikbar diskussjoni bejn il-partijiet, kemm matul il-proċedura bil-miktub, kif ukoll waqt is-seduta, tirrigwarda l-importanza li għandha tingħata, meta tinġibed linja bejn atti ddelegati u atti ta’ implementazzjoni, lill-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Kummissjoni.

23.      Din tal-aħħar targumenta li, fejn hija jkollha biss kapaċità limitata — kif inhu l-każ għall-atti adottati abbażi tal-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat — il‑funzjoni li hija msejħa li taqdi hija, fil-prinċipju, purament ta’ implementazzjoni. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jinnota li l-għoti ta’ marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni mhuwiex waħda mill-kundizzjonijiet tad-delega tas-setgħat leġiżlattivi stabbiliti mill-Artikolu 290 TFUE u għaldaqstant huwa irrilevanti għall-għażla bejn atti ddelegati u atti ta’ implementazzjoni. Il-Parlament jemmen, minflok, li dan huwa wieħed mill-elementi li l-koleġiżlaturi għandhom iqisu meta jikkwalifikaw is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-implementazzjoni konkreta ta’ att leġiżlattiv, iżda li dan ikollu rwol biss jekk tali setgħat huma intiżi biex jikkompletaw jew jiċċaraw il-kontenut ta’ tali att u mhux ukoll fil-każ li jrid jiġi emendat. F’dan il-każ, fil-fatt, l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni xi ftit jew wisq wiesa’ tal-Kummissjoni hija irrilevanti, peress li l-għażla tal-att iddelegat xorta waħda trid issir.

24.      Id-delega ta’ funzjonijiet leġiżlattivi timplika min-natura tagħha stess — tal-inqas sa fejn tkun maħsuba sabiex tagħti s-setgħa biex jiġi ssupplimentat l-att bażiku b’regoli tat-tip integrattiv — it-trasferiment ta’ setgħa diskrezzjonali mil-leġiżlatur lis-suġġett iddelegat. Għalkemm l-Artikolu 290 TFUE ma jsemmix dan b’mod speċifiku, is-setgħa li jiġu adottati atti ddelegati tat-tip integrattiv hija akkumpanjata neċessarjament mill-eżerċitar ta’ ċertu marġni ta’ diskrezzjoni. Minn dan isegwi li, fejn tkun nieqsa din id-diskrezzjoni, l-azzjoni li l-Kummissjoni tkun mitluba twettaq ma tkunx taqa’, minn perspettiva sostantiva, taħt il-funzjoni leġiżlattiva ddelegata, iżda taħt dik ta’ implementazzjoni.

25.      Din tal-aħħar hija kkaratterizzata, fil-prinċipju, minn setgħa diskrezzjonali iktar limitata minn dik tal-ewwel, tant li jista’ jiġi identifikat kriterju ta’ distinzjoni bejn l-atti ddelegati u l-atti ta’ implementazzjoni skont id-diskrezzjoni ikbar jew iżgħar mogħtija lill-Kummissjoni. Għalkemm dan il-kriterju fih innifsu ma għandux importanza deċiżiva — kemm minħabba li jrid ikun neċessarjament ikkombinat ma’ kriterju funzjonali, marbut mar-relazzjoni bejn ir-regoli li għandhom jiġu adottati u l-kontenut preskrittiv tal-att bażiku (12), kif ukoll peress li l-limiti imposti minn dan tal-aħħar għall-għanijiet, għall-kontenut u għall-ambitu tad-delega jistgħu jnaqqsu b’mod sinjifikanti l-marġni ta’ valutazzjoni li jitħalla lill-Kummissjoni, u b’hekk inaqqsu b’mod konkret id-differenza bejn delega leġiżlattiva u setgħa ta’ implementazzjoni — huwa jikkostitwixxi madankollu parametru importanti li jrid jiġi kkunsidrat meta wieħed jattribwixxi att għal waħda jew l-oħra mill-kategoriji stabbiliti fl-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE (13).

26.      Huwa minnu li s-sentenza dwar il-bijoċidi, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet għall-ewwel darba tiddeċiedi dwar id-definizzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE (14), ma tinkludi l-ebda riferiment espliċitu għall-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Kummissjoni bħala element adattat biex wieħed jiddistingwi bejn atti ddelegati u atti ta’ implementazzjoni. Madankollu, il-konklużjoni li skontha l-leġiżlatur seta’, b’mod raġonevoli, isostni li l-implementazzjoni tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012 (15) ma kinitx teħtieġ l-użu tal-atti ddelegati (16) — li l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għaliha wara analiżi bir-reqqa tad-dispożizzjonijiet ta’ tali regolament (17) — hija bbażata fuq il-konstatazzjoni tal-karattru dettaljat u definit biżżejjed fil-livell leġiżlattiv tas-sistema tat-tariffi stabbilita f’dak l-artikolu u għalhekk, essenzjalment, fuq il-konstatazzjoni tal-marġni limitat ta’ diskrezzjoni li tħalla lill-Kummissjoni, li jindika n-natura implementattiva tas-setgħa mogħtija lilha.

27.      Għalkemm jidhirli li ma jistax jiġi miċħud a priori, meta tinġibed linja bejn atti ddelegati u atti ta’ implementazzjoni, il-kriterju tal-marġni ftit jew wisq wiesa’ ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Kummissjoni, hija ferm iktar diskutibbli l-kwistjoni tar-rilevanza ta’ tali kriterju f’każ li l-imsemmija istituzzjoni tingħata, bħal f’dan il-każ, is-setgħa li tadotta atti ta’ emenda tal-att bażiku. Fil-fatt, jekk jinstab li tali setgħa, kif isostnu l-istituzzjonijiet konvenuti sostnuti mill-Istat intervenjenti, tista’ tingħata biss permezz ta’ delega leġiżlattiva, il-fatt jekk dan jimplikax jew le marġni ta’ diskrezzjoni huwa essenzjalment irrilevanti għall-finijiet tal-għażla bejn l-istrumenti pprovduti mill-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE (18).

28.      Il-validità tal-argument favur in-natura materjalment implementattiva tas-setgħat mogħtija lilha permezz tal-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat, li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-fatt li hija ma għandha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni, għalhekk tiddependi fuq it-tifsira u l-portata li għandhom jingħataw lill-kunċett ta’ “emenda tal-att leġiżlattiv” li jidher fl-Artikolu 290(1) TFUE.

29.      Qabel tiġi eżaminata din il-kwistjoni, madankollu jeħtieġ li jiġi indirizzat suġġett ieħor ta’ diskussjoni bejn il-partijiet u li, din id-darba, jirrigwarda l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-leġiżlatur biex jiddeċiedi t-tip ta’ kompetenza li għandha tingħata lill-Kummissjoni biex jiġi implementat l-att bażiku.

B –    Fuq id-diskrezzjoni tal-leġiżlatur biex jiddeċiedi dwar l-użu ta’ atti ddelegati jew atti ta’ implementazzjoni

30.      L-istituzzjonijiet konvenuti, sostnuti fuq dan il-punt mill-Istat intervenjenti, invokaw b’diversi modi, insostenn tal-pożizzjonijiet tagħhom, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-leġiżlatur fid-deċiżjoni dwar kif għandhom jiġu implementati l-atti leġiżlattivi li huwa jadotta.

31.      F’dan ir-rigward, infakkar l-ewwel nett li l-leġiżlatur igawdi minn diskrezzjoni politika sħiħa, mhux suxxettibbli għal stħarriġ ġudizzjarju, rigward l-għażla jekk jagħtix jew le delega leġiżlattiva (19). L-użu tad-delega mhuwiex obbligu iżda għodda, jew aħjar, opportunità li l-leġiżlatur jista’ jiddeċiedi li juża sabiex jissemplifika u jħaffef il-proċess regolatorju ta’ kwistjonijiet li ma humiex essenzjali fl-ambitu tar-regoli stabbiliti mill-att leġiżlattiv bażiku. Għalkemm mhuwiex obbligat li jiddelega s-setgħat tiegħu, il-leġiżlatur huwa madankollu marbut, jekk jiddeċiedi li jagħmel hekk, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 290 TFUE, l-ewwel fosthom, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) (20), dik li l-għażliet politiċi essenzjali ma jistgħux jiġu ddelegati.

32.      Infakkar ukoll li, fil-punt 40 tas-sentenza dwar il-bijoċidi, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-leġiżlatur “għandu marġni ta’ diskrezzjoni meta jiddeċiedi li jagħti lill-Kummissjoni setgħa ddelegata bis-saħħa tal-Artikolu 290(1) TFUE jew setgħa ta’ implementazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 291(2) TFUE”.

33.      Kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament jagħmlu riferiment, fid-dikjarazzjonijiet tagħhom, għall-punt inkwistjoni u għall-prinċipju affermat fih (21). Iżda l-Kummissjoni tqiegħed f’dubju r-rilevanza tiegħu f’dan il-każ b’argumenti li għandhom ikunu, fl-opinjoni tiegħi, miċħuda. Il-formulazzjoni u l-kontenut globali ta’ tali punt ma jippermettux li jiġi kkunsidrat, kif tissuġġerixxi l-istituzzjoni rikorrenti, li l-affermazzjoni tal-imsemmi prinċipju hija limitata għall-każijiet biss fejn, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza inkwistjoni, irid jiġi stabbilit jekk miżura ta’ implementazzjoni tissupplimentax l-att leġiżlattiv bażiku skont l-Artikolu 290 TFUE, u mhux ukoll għal dawk li fihom, bħal f’dan il-każ, tiġi diskussa n-natura ta’ emenda tiegħu taħt din id-dispożizzjoni.

34.      Dan premess, jeħtieġ li wieħed jistaqsi dwar il-portata tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lil-leġiżlatur mill-punt 40 tas-sentenza dwar il-bijoċidi msemmi iktar ’il fuq. L-ewwel nett, jidher ċar li din id-diskrezzjoni trid tiġi eżerċitata konformement mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE. Id-diskrezzjoni tal-għażla mogħtija lil-leġiżlatur ma tagħtihx is-setgħa li jikkwalifika bħala atti ta’ implementazzjoni dawk l-atti li fir-realtà jinvolvu t-twettiq ta’ funzjonijiet leġiżlattivi ddelegati u viċe versa. Din is-setgħa, effettivament, fil-fatt iġġib fix-xejn id-distinzjoni bejn funzjoni ddelegata u ta’ implementazzjoni billi tibdel it-tqassim tal-kompetenzi u l-bilanċ istituzzjonali riflessi fiha. L-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE jistabbilixxu kompetenzi speċifiċi għall-koleġiżlaturi, minn naħa waħda, u għal dawk li jingħataw funzjoni ta’ implementazzjoni (essenzjalment l-Istati Membri u l-Kummissjoni), min-naħa l-oħra. Minbarra l-adozzjoni tar-regolamenti previsti fl-Artikolu 291(3) TFUE, maħsuba biex jistabbilixxu r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri fuq l-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ implementazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni, il-koleġiżlaturi, bħala prinċipju, ma għandhom l-ebda rwol fit-tfassil tal-miżuri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu (22). Minn dan isegwi li l-atti ddelegati adottati skont l-Artikolu 290 TFUE ma jistgħux jinkludu miżuri ta’ implementazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE u l-atti ta’ implementazzjoni adottati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ma jistgħux jinkludu regoli ta’ applikazzjoni ġenerali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE.

35.      Lanqas ma nemmen li, fil-punt 40 tas-sentenza dwar il-bijoċidi msemmi iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-ħsieb b’mod impliċitu li tammetti l-eżistenza ta’ “żona griża”, li fiha l-linja diviżorja bejn l-atti ddelegati u l-atti ta’ implementazzjoni għandha t-tendenza li tisfuma u li fiha tiġi eżerċitata l-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lil-leġiżlatur. Fuq l-istedina li saritilha mill-Avukat Ġenerali Cruz Villalòn fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, evitat li tieħu pożizzjoni fuq l-argument, imressaq mill-Kummissjoni, li l-kampijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE jeskludu lil xulxin.

36.      Jidhirli minflok li s-setgħa diskrezzjonali li tagħmel riferiment għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja tirriżulta fil-kapaċità tal-leġiżlatur li jiddeċiedi b’liema mod (att iddelegat jew att ta’ implementazzjoni) għandu jiġi implementat l-att leġiżlattiv. Ladarba jieħu din id-deċiżjoni, huwa l-leġiżlatur li jrid jadatta sussegwentement il-kontenut u l-istruttura tal-att bażiku, sabiex joħloq ir-relazzjoni bejn iż-żewġ livelli ta’ regolamentazzjoni (att leġiżlattiv u miżura ta’ implementazzjoni) riflessa f’wieħed jew fl-ieħor mis-sorsi (att iddelegat jew att ta’ implementazzjoni).

37.      Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE humiex issodisfatti, jiġifieri jekk il-kontenut u l-istruttura tal-att leġiżlattiv inkwistjoni humiex kompatibbli mal-istrument ta’ produzzjoni ta’ regoli maħsub biex jimplementa dan l-att. F’dan is-sens, fl-opinjoni tiegħi, għandha tiġi interpretata d-diskrepanza apparenti bejn id-dikjarazzjoni li tinsab fl-istess punt 40 tas-sentenza dwar il-bijoċidi, li tgħid li l-istħarriġ ġudizzjarju fuq l-eżerċitar, min-naħa tal-leġiżlatur, tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu hija limitata għal kontroll marġinali u t-twettiq, fil-punti 41 sa 51 tal-motivazzjoni tas-sentenza, ta’ stħarriġ sħiħ fuq il-konformità sħiħa mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 291 TFUE. Skont l-interpretazzjoni proposta, fil-fatt, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għall-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-għażla tal-leġiżlatur li juża l-atti ddelegati jew l-atti ta’ implementazzjoni, filwaqt li għandu jkun sħiħ f’dak li jirrigwarda l-konformità ta’ dan tal-aħħar mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE.

38.      Ngħaddi issa biex nanalizza t-tifsira u l-portata li għandhom jingħataw lill-kunċett ta’ “emenda” tal-att leġiżlattiv fis-sens tal-Artikolu 290 (1) TFUE.

C –    Fuq il-kunċett ta’ “emenda” tal-att leġiżlattiv fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE

39.      Id-dibattitu bejn iż-żewġ partijiet iqiegħed f’konfront ta’ teżi “formalistika”, sostnuta mill-istituzzjonijiet konvenuti, li kwalunkwe emenda formali tal-att bażiku, tkun kemm tkun minuri u insinjifikanti, teħtieġ att iddelegat, u teżi “sostantiva”, imressqa mill-Kummissjoni, li ma humiex rilevanti, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE, l-emendi li ma jeħtiġux l-eżerċizzju, min-naħa tagħha, ta’ marġni ta’ diskrezzjoni u li ma jibdlux il-kontenut regolatorju ta’ tali att. L-ewwel waħda, bħal kwalunkwe teżi bbażata fuq kriterji formali, għandha l-vantaġġ tas-sempliċità tal-applikazzjoni u tal-prevedibbiltà (23). Madankollu tista’ ddaħħal fl-iskema tad-delega leġiżlattiva miżuri ta’ emenda li għandhom natura materjalment implementattiva. It-tieni waħda tirriżerva għall-funzjoni ddelegata l-miżuri biss li, f’termini sostantivi, jaqgħu f’dik il-kategorija, iżda tagħmel l-għażla bejn atti ddelegati u atti ta’ implementazzjoni iktar ikkomplikata u possibbilment kunfliġġenti f’każ li tingħata lill-Kummissjoni l-kompetenza li temenda formalment l-att bażiku. Jekk wieħed isegwi t-teżi tal-Kummissjoni jkun ifisser, barra minn hekk, li qed jammetti li ċerti emendi fit-test ta’ att leġiżlattiv jistgħu jsiru permezz ta’ att ta’ implementazzjoni.

40.      Qabel ma nieħu pożizzjoni favur teżi jew oħra, jeħtieġ li nindirizza argument ieħor li jidher li jirriżulta minn xi siltiet mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, li jgħid li l-kunċett ta’ “emenda” tal-att bażiku fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE ma jinkludix iż-żieda ta’ elementi (mhux essenzjali) mat-test tiegħu.

41.      F’dan ir-rigward, naqbel mal-Parlament li jsostni li, minn aspett ġenerali, l-“emenda” ta’ att regolatorju tinkludi kwalunkwe tibdil li jsir fit-test tal-att, kemm jekk jinvolvi t-tħassir, iż-żieda jew is-sostituzzjoni ta’ kwalunkwe element tiegħu. Fil-fehma tiegħi, it-test tal-Artikolu 290 TFUE, anki fid-dawl tal-ġenesi storika tiegħu, ma jippermettix interpretazzjoni differenti minn din.

42.      Rigward dan infakkar li, taħt is-sistema tal-komitoloġija stabbilita fuq il-bażi tal-Artikolu 202 KE, il-kunċett ta’ “emenda” ta’ att bażiku kien jinkludi b’mod ċar il-funzjoni ta’ integrazzjoni regolatorja (“iż-żieda ta’ elementi ġodda”), inkluża fl-unika kategorija tal-“kompetenza ta’ implementazzjoni”. Fit-tifsira tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 1999/468 (24), l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju — li ddaħħlet bid-Deċiżjoni 2006/512 (25), biex il-Parlament ikun jista’, fil-kapaċità tiegħu ta’ koleġiżlatur, jeżerċita kontroll limitat fuq atti partikolari ta’ implementazzjoni ta’ atti adottati bil-proċedura ta’ kodeċiżjoni — kien impost f’każ li l-Kummissjoni kienet tingħata s-setgħa li tadotta miżuri ġenerali maħsuba sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali tal-att bażiku, anki billi tneħħi xi wħud minn dawn l-elementi, jew billi tissupplimenta l-att biż-żieda ta’ elementi ġodda mhux essenzjali (26). Barra minn hekk, fil-loġika sottostanti għal tali formulazzjoni, is-“supplimentar” ta’ att permezz tar-regolamentazzjoni ta’ aspetti ta’ dettall jew tekniċi tal-leġiżlazzjoni mħejjija minnu kien jinvolvi l-emenda tiegħu, anki jekk tali regolamentazzjoni ma kinitx maħsuba biex tiġi integrata materjalment fit-test tal-att (27).

43.      B’differenza mill-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 1999/468, l-Artikolu 290(1) TFUE — kif kien diġà għamel l-Artikolu I-36 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa — jiddistingwi bejn miżuri li “jissupplimentaw” u miżuri li “jemendaw” l-att bażiku. Minħabba l-ħsieb ta’ sistemizzazzjoni mfittex mill-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona fir-riforma tal-mekkaniżmu tad-delegazzjoni regolatorja fi ħdan l-Unjoni, huwa loġiku li wieħed jassumi li l-għażla editorjali differenti tissodisfa x-xewqa li jiġu identifikati żewġ kategoriji ta’ atti ddelegati funzjonalment distinti. Waħda tinkludi l-miżuri maħsuba sabiex isiru emendi formali għat-test tal-att leġiżlattiv, it-tieni dawk li jintegraw il-kontenut regolatorju tiegħu mingħajr intervent fuq it-test. F’din il-perspettiva, skont it-teknika magħżula, iż-żieda fl-att bażiku ta’ elementi ġodda mhux essenzjali tkun, għall-finijiet tal-Artikolu 290 TFUE, “[emenda]” meta tali elementi jiddaħħlu fit-test ta’ tali att (fl-artikoli jew f’anness), u “[suppliment]”, jekk, minflok, ma humiex maħsuba biex jiżdiedu materjalment fl-att bażiku, iżda jibqgħu rregolati f’att regolatorju separat (28). L-għażla ta’ teknika jew oħra tiddependi, barra minn hekk, mill-entità ta’ integrazzjoni mitluba: emenda fit-test tista’ tkun preferibbli f’każ ta’ żieda ta’ punti, pereżempju f’anness għall-att, u mhux fejn ikun meħtieġ l-iżvilupp ta’ test regolatorju ddettaljat.

44.      Dan premess, jeħtieġ li nieħu pożizzjoni fuq it-teżi “sostantiva” sostnuta mill-Kummissjoni, li, kif rajna iktar ’il fuq, tgħid li dawk l-emendi li ma jeħtiġux li hija teżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha u dawk li ma jemendawx it-test regolatorju tal-att bażiku ma humiex emendi skont l-Artikolu 290 TFUE.

45.      Kif rajna iktar ’il fuq, il-funzjoni leġiżlattiva ddelegata hija kkaratterizzata mill-eżerċitar, min-naħa tas-setgħa ddelegata, ta’ ċertu marġni ta’ diskrezzjoni, li mhux neċessarjament jikkaratterizza l-funzjoni ta’ implementazzjoni. Id-delega ta’ setgħat leġiżlattivi lill-eżekuttiv normalment tkun akkumpanjata minn mekkaniżmi li jippermettu f’diversi modi lill-korp li kostituzzjonalment għandu l-funzjoni leġiżlattiva li jikkontrolla l-eżerċitar tas-setgħat iddelegati — u, għalhekk, l-użu ta’ din id-diskrezzjoni — possibbilment anki permezz tar-revoka tagħhom. Dawn il-mekkaniżmi huma maħsuba bħala kontrobilanċ għad-deroga mill-prinċipju ta’ separazzjoni tas-setgħat li huwa inerenti — għalkemm limitat għall-aspetti l-iktar tekniċi tal-leġiżlazzjoni — fl-istrument tad-delega leġiżlattiva, u b’hekk tiġi żgurata l-osservanza sħiħa tal-prinċipju demokratiku li huwa kristalizzat fid-dritt tal-Unjoni, fl-Artikoli 2 TUE u 10 TUE (29). Madankollu, jekk ma tingħata l-ebda setgħa diskrezzjonali lill-korp iddelegat, il-kontroll min-naħa tal-leġiżlatur jitlef l-utilità tiegħu u tispiċċa anki l-istess ġustifikazzjoni tal-użu tal-leġiżlazzjoni ddelegata, li l-funzjoni tagħha hija li tkun tista’ titwettaq permezz ta’ miżura purament ta’ implementazzjoni. Skont din il-linja ta’ raġunament, l-emenda għat-test ta’ att leġiżlattiv li ssegwi l-eżerċitar mill-Kummissjoni ta’ kompetenza limitata ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE, billi ma tistax taqa’ taħt l-iskema tal-leġiżlazzjoni ddelegata.

46.      Bl-istess mod, l-emenda tat-test ta’ att leġiżlattiv li ma taffettwax il-kuntest regolatorju tiegħu, fejn b’kuntest regolatorju nifhmu d-dispożizzjonijiet legali kollha li jinsabu fl-att, ma jidhirx li teħtieġ l-għoti ta’ delega leġiżlattiva inkwantu ma temendax l-elementi regolatorji ta’ dan l-att.

47.      Madankollu, ma jinstab ebda appoġġ fit-test tal-Artikolu 290(1) TFUE biex wieħed jiddistingwi bejn il-miżuri li jemendaw l-att bażiku, u jidher pjuttost li dan jibbaża fuq kriterju formali, li abbażi tiegħu kwalunkwe intervent formali fuq it-test tal-att għandu jitqies li huwa “emenda” skont l-imsemmija dispożizzjoni, bil-konsegwenza li l-funzjoni ta’ emenda tappartjeni b’mod inerenti lid-delega leġiżlattiva. Minn dan issegwi li ma hemmx konnessjoni sħiħa, b’riferiment għal din il-funzjoni, bejn att iddelegat f’sens materjali u f’sens formali, billi att regolatorju materjalment implementattiv jista’, anzi għandu, minħabba l-funzjoni ta’ emenda tiegħu, ikun adottat permezz ta’ att iddelegat.

48.      Wieħed għandu kull dritt jistaqsi jekk interpretazzjoni tant wiesgħa tal-kunċett ta’ emenda, li essenzjalment tawtorizza lil-leġiżlatur jirriżerva għalih innifsu l-kontroll fuq atti materjalment implementattivi, hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE, u mal-bilanċ istituzzjonali mfittex mit-Trattati. Il-funzjoni ta’ implementazzjoni — li normalment tiġi eżerċitata barra l-qafas istituzzjonali tal-Unjoni, billi fil-prinċipju titħalla f’idejn l-Istati Membri — tingħata, fil-fatt, fejn ikunu meħtieġa kundizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni tal-att bażiku, ħlief f’każijiet speċifiċi, lill-Kummissjoni taħt il-kontroll tal-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 290 TFUE ma jkoprix emendi potenzjali ta’ partijiet mill-att leġiżlattiv permezz ta’ miżuri li ma humiex ġenerali — pereżempju, l-aġġornament ta’ xi anness li ma fih ebda miżura bħal dawn — u, għalhekk, ma jissarrafx fi prinċipju assolut ta’ invjolabbiltà tal-att leġiżlattiv barra mill-isfera ta’ kontroll tal-leġiżlatur.

49.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u mingħajr ma huwa meħtieġ, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, li ntawlu l-analiżi iktar, naħseb li, huwa biss fil-każijiet fejn jirriżulta b’mod ċar li l-miżura ta’ emenda li għandha tkun adottata ma tħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni, u lanqas ma taffettwa l-elementi regolatorji tal-att bażiku, li mhux meħtieġ l-użu ta’ atti ddelegati. Eżempju ta’ dan ikun l-aġġornament tal-anness għal att leġiżlattiv wara informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri, li l-kontenut tagħha bl-ebda mod ma jista’ jiġi kkontestat mill-Kummissjoni u li ma għandha l-ebda effett fuq l-elementi regolatorji tal-att (30).

50.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ser nanalizza, fil-paragrafi li ġejjin, l-ilmenti li għamlet il-Kummissjoni insostenn tal-illegalità tad-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat li tiegħu qiegħda titlob l-annullament.

D –    Fuq l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni dwar ir-regolament ikkontestat

1.      Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura sostanzjalment implementattiva tal-att iddelegat imsemmi fl-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001 kif emendat bir-regolament ikkontestat

51.      Il-Kummissjoni ssostni li s-sospensjoni temporanja pprovduta fl-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat, deċiża fuq il-bażi tal-kriterji li jinsabu fir-regolament, ma tistax tiġi assimilata għal emenda tal-att bażiku skont l-Artikolu 290(1) TFUE. Hija tinnota li din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-att iddelegat jemenda “ċerti elementi” (mhux essenzjali) tal-att leġiżlattiv u tispjega li, biex dan ikun possibbli, dawn l-elementi loġikament iridu jkunu diġà inklużi fl-att bażiku, li l-kontenut regolatorju tiegħu huwa għalhekk emendat mill-att iddelegat. Madankollu, ir-Regolament ikkontestat ma jidentifikax lill-pajjiżi terzi li għalihom għandha tapplika sospensjoni mill-eżenzjoni tal-ħtieġa ta’ viża, iżda jistabbilixxi l-kriterji li fuqhom għandha ssir din l-identifikazzjoni. Minn dan jirriżulta, skont il-Kummissjoni, li l-att li jintroduċi din is-sospensjoni ma jemendax elementi li diġà jinsabu fir-Regolament Nru 539/2001, iżda sempliċement jagħti effett lil dan tal-aħħar.

52.      Sa fejn dan l-argument għandu jinftiehem li jfisser li l-inseriment ta’ nota ta’ qiegħ il-paġna fl-Anness II tar-Regolament Nru 539/2001, previst mill-Artikolu 1(4)(f) ta’ dan ir-regolament, kif emendat bir-regolament ikkontestat, ma hijiex “emenda” fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, peress li dan il-kunċett ma jkoprix iż-“żieda” ta’ elementi ġodda mhux essenzjali mat-test tal-att bażiku, nixtieq nirreferi għall-punti 40 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Hawnhekk nixtieq sempliċement nirrileva li l-pajjiż terz li fir-rigward taċ-ċittadini tiegħu l-att iddelegat previst taħt l-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolament Nru 539/2001 jissospendi temporanjament l-iskema preferenzjali prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tal-istess regolament, jissemma fl-Anness II ta’ dak ir-regolament. Bl-inseriment ta’ nota ta’ qiegħ il-paġna korrispondenti għall-isem ta’ dan il-pajjiż, l-att iddelegat iżid kjarifika dwar is-sistema legali applikabbli għaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż, u b’hekk “jemenda” b’mod formali element li jeżisti diġà fir-regolament bażiku.

53.      L-argument tal-Kummissjoni jista’ madankollu jiġi interpretat anki fis-sens li miżura li permezz tagħha l-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti tas-sistema legali tal-att bażiku tiġi sospiża temporanjament ma taqax, min-natura tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE peress li la “tissupplimenta” u lanqas “temenda” elementi minn dan l-att, iżda sempliċement tapplika r-regoli li jinsabu fih u tadattahom għal ċirkustanzi u avvenimenti mhux prevedibbli mil-leġiżlatur ħlief fl-astratt. Moqrija f’dan is-sens, din tqajjem dik li fil-fehma tiegħi hija l-iktar kwistjoni sensittiva f’din il-kawża, jiġifieri jekk, fejn issir astrazzjoni tal-emenda formali magħmula fl-Anness II tar-Regolament Nru 539/2001 permezz taż-żieda tan-nota ta’ qiegħ il-paġna, il-miżura prevista fl-Artikolu 1(4)(f) ta’ dan ir-regolament, kif emendat bir-regolament ikkontestat, ikollhiex natura purament implementattiva.

54.      Il-Parlament u l-Kunsill ma jiħdux pożizzjoni espliċita dwar din il-kwistjoni, peress li jibbażaw il-linji difensivi rispettivi tagħhom fuq l-argument li l-miżura inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE minħabba n-natura tagħha ta’ emenda tal-Anness II tar-Regolament Nru 539/2001. Minn dan in-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni l-Kummissjoni tiddeduċi ammissjoni taċita, min-naħa tal-istituzzjonijiet konvenuti, tan-natura materjalment implementattiva tal-miżura inkwistjoni. Lil hinn minn dawk li jistgħu jidhru bħala sforzi djalettiċi, huwa minnu li l-Kunsill jammetti, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li seta’ jinħoloq mekkaniżmu differenti, li ma jkunx jeħtieġ l-adozzjoni ta’ atti ddelegati f’dan il-każ, u li dan ir-riżultat seta’ jinkiseb billi tiġi evitata l-emenda formali tal-Anness II.

55.      Barra minn hekk, mekkaniżmu bħal dan kien adottat fil-konkret fl-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 539/2001, imdaħħal permezz tar-regolament ikkontestat. Kif intqal fil-paragrafu 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan l-artikolu jipprovdi sistema li tippermetti, b’deroga mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 539/2001, li, f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, tiġi sospiża l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz imsemmi fl-Anness II għal perijodu ta’ sitt xhur li jista’ jiġi estiż bi tnax-il xahar oħra. Din is-sospensjoni, li għandha l-istess effetti bħal dik prevista mill-Artikolu 1(4)(f) tal-istess Regolament (31), iżda li ma hijiex akkumpanjata minn emenda tat-test tar-regolament, titħejja mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implementazzjoni adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 182/2011. L-urġenza tal-proċedura prevista mill-Artikolu 1a msemmi iktar ’il fuq, invokata fis-seduta mill-Parlament b’risposta għal domanda li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirlix li hija suffiċjenti biex tiġġustifika l-użu, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, tal-atti ta’ implementazzjoni. Huwa, fil-fatt, abbażi tan-natura u l-effetti tal-miżuri li għandhom jiġu adottati biex jagħtu effett lill-att bażiku li wieħed għandu jivvaluta l-korrettezza tal-istrument legali magħżul. Għalhekk, pereżempju, raġunijiet politiċi relatati mas-sensittività tas-settur li fih tali miżuri huma maħsuba li jintużaw (32) ma jħallu l-ebda impatt, kif fil-fatt spiċċaw jammettu f’dan il-każ l-istess istituzzjonijiet konvenuti, fuq tali valutazzjoni (33). L-istess jista’ jingħad għall-urġenza possibbli tal-miżuri inkwistjoni. F’dan ir-rigward, ninnota wkoll li t-Titolu VI tal-Ftehim Konġunt dwar l-atti ddelegati, approvat fit-3 ta’ Marzu 2011 mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet prattiċi u l-preċiżazzjonijiet u l-preferenzi miftiehma applikabbli għad-delegi ta’ setgħat leġiżlattivi fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, jipprovdi proċedura speċifika ta’ urġenza riżervata għall-adozzjoni ta’ atti ddelegati f’każijiet eċċezzjonali u f’oqsma partikolari, bħas-sigurtà, il-protezzjoni tas-saħħa u, fil-fatt, ir-relazzjonijiet esterni, inklużi l-kriżijiet umanitarji. L-att adottat fuq il-bażi ta’ din il-proċedura jidħol fis-seħħ minnufih u japplika sakemm ma joġġezzjonawx il-Parlament jew il-Kunsill fiż-żmien stabbilit mill-att leġiżlattiv.

56.      Min-naħa l-oħra, meta wieħed jikkunsidra li l-miżura ta’ sospensjoni prevista mill-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat, għandha, anki mingħajr l-emenda li toħloq fl-att bażiku, in-natura ta’ att iddelegat, wieħed irid jammetti, skont il-metodu propost iktar ’il fuq (34), li din “tissupplimenta”, fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE, ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament Nru 539/2001. Din il-konfigurazzjoni, madankollu, hija eskluża mill-partijiet kollha għal dawn il-proċeduri.

57.      B’mod iktar ġenerali, nemmen li l-miżuri li jipprovdu għas-sospensjoni ta’ aspetti speċifiċi tas-sistema legali prevista minn att leġiżlattiv, bħall-miżuri li jipprovdu għall-estensjoni jew l-eżenzjoni tagħhom, huma, fil-prinċipju u bla preġudizzju għall-valutazzjoni każ b’każ meħtieġa sabiex tiġi kkwalifikata n-natura tal-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni fil-konkret, attribwibbli għall-funzjoni ta’ implementazzjoni. Fil-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 38 u 39 tas-sentenza dwar il-bijoċidi, jidhirli li tali miżuri huma maħsuba pjuttost sabiex “[j]ispeċifika[w] [i]l-kontenut ta’ att leġiżlattiv” milli biex jintegrawh.

58.      Bħala konklużjoni, naqbel mal-Kummissjoni meta ssostni li l-miżura ta’ sospensjoni msemmija fl-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-Regolament ikkontestat, hija, jekk wieħed ma jikkunsidrax l-emenda tal-att bażiku li din tinvolvi, sempliċi applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu f’dak l-att u allura taqa’ taħt il-kategorija ta’ atti ta’ implementazzjoni, bl-istess mod bħall-miżuri adottati fl-ewwel fażi tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità u bħal dawk deċiżi skont l-Artikolu 1a msemmi iktar ’il fuq. F’dan il-każ, anki l-marġni ta’ diskrezzjoni limitat li għandha l-Kummissjoni biex tiddeċiedi din is-sospensjoni tappoġġa din il-konklużjoni.

59.      Teżisti madankollu differenza “kwalitattiva” bejn il-miżuri ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża adottati fuq il-bażi tal-punt (e) u dawk adottati skont il-punt (f) tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat, li tikkonsisti fil-fatt li dawn tal-aħħar jemendaw b’mod formali parti minn dan ir-regolament. Għaldaqstant f’dan l-istadju jeħtieġ li jiġi vvalutat, abbażi tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors, minn naħa waħda, jekk din id-differenza waħedha tiġġustifikax l-użu tal-Artikolu 290 TFUE għall-adozzjoni tal-miżuri tal-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat, minkejja n-natura materjalment implementattiva tagħhom u, min-naħa l-oħra, jekk billi pprovda li l-Kummissjoni temenda kuntestwalment it-test tal-att bażiku, il-leġiżlatur marx lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu biex jiddetermina l-istruttura u l-kontenut ta’ dak l-att.

2.      Fuq l-argument li l-inseriment ta’ nota ta’ qiegħ il-paġna fl-Anness II għar-Regolament Nru 539/2001 ma jiġġustifikax l-użu ta’ atti ddelegati

60.      Il-Kummissjoni ssostni li l-inseriment fl-Anness II għar-Regolament Nru 539/2001, li jikkonsisti fl-isem tal-istat terz ikkonċernat, ta’ nota ta’ qiegħ il-paġna prevista mill-Artikolu 1(4)(f) ta’ dan ir-regolament, kif emendat bir-regolament ikkontestat, ma hijiex “emenda” skont l-Artikolu 290(1) TFUE peress li ma taffettwax lis-sistema legali tal-att bażiku.

61.      F’dan ir-rigward, ninnota li l-miżura adottata skont id-dispożizzjoni msemmija mhux biss tidentifika pajjiż terz li ma jipprovdix iktar ir-reċiproċità f’dak li jirrigwarda viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni, u b’hekk tidentifika sitwazzjoni koperta b’mod ġenerali u astratt mir-regolament bażiku, iżda tissospendi temporanjament is-sistema preferenzjali prevista mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 539/2001 fir-rigward taċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż. Din il-miżura taffettwa, għalhekk, direttament ċerti aspetti tal-liġi stabbiliti bir-Regolament Nru 539/2001, jiġifieri l-inseriment tal-pajjiż terz ikkonċernat fl-Anness II u l-applikazzjoni sħiħa tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża fir-rigward taċ-ċittadini tiegħu.

62.      Huwa minnu li, kif tinnota l-Kummissjoni, is-sospensjoni tieħu effett anki jekk ma kienx previst l-inseriment tan-nota msemmija f’qiegħ il-paġna u jekk id-deċiżjoni ta’ sospensjoni kellha tiġi adottata permezz ta’ att ta’ implementazzjoni, kif jiġri fil-każ tal-miżuri li jittieħdu fl-ewwel fażi tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità u fil-każ ta’ dawk adottati skont l-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat. Fil-fatt, kif jirriżulta wara kollox mid-diċitura stess tal-Artikolu 1(4)(f) ta’ dan ir-regolament, l-imsemmija nota sempliċement tirrapporta t-twettiq tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża u tindika t-terminu tagħha u, għaldaqstant, hija purament informattiva. Kif jiddikjara l-Kunsill stess fir-replika tiegħu u kif jirriżulta mill-premessa 11 tar-regolament ikkontestat, l-għan tagħha huwa li tiġi żgurata trasparenza u ċertezza legali.

63.      Madankollu, naħseb li huwa korrett dak li ddikjara l-Parlament waqt is-seduta, jiġifieri li wieħed ma jistax jikkunsidra l-emenda tal-Anness II għar-Regolament Nru 539/2001 bl-inseriment tan-nota inkwistjoni separatament mid-deċiżjoni ta’ sospensjoni.

64.      B’mod iktar speċifiku, jiena tal-fehma li, meta daħħal l-emenda msemmija iktar ’il fuq, il-leġiżlatur ried idaħħal id-deċiżjoni ta’ sospensjoni fl-att bażiku. Bis-saħħa ta’ din l-operazzjoni, id-deċiżjoni ta’ sospensjoni ssir parti integrali minn dan l-att u b’hekk tikseb, mill-aspett formali tal-ġerarkija tas-sorsi, konfigurazzjoni differenti mill-miżuri adottati fl-ewwel fażi tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità u minn dawk ipprovduti taħt il-mekkaniżmu ta’ salvagwardja, għalkemm dawn jikkondividu magħha l-istess morfoloġija leġiżlattiva.

65.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minħabba l-funzjoni ta’ kollegament tan-nota ta’ qiegħ il-paġna bejn id-deċiżjoni ta’ sospensjoni u t-test tar-Regolament Nru 539/2001, ma jidhirlix possibbli li jiġi affermat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-emenda tal-Anness II għal dan ir-regolament imwettqa minn dik in-nota ma taffettwax l-elementi regolatorji tiegħu. B’hekk inkunu ħriġna mill-ambitu tal-ipoteżi li tinsab fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li tgħid li s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex temenda l-att bażiku tista’ taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE.

66.      Bl-istess mod, naħseb li l-argument tal-Kummissjoni li f’dan il-każ ma jistax ikun hemm emenda fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE minħabba n-natura vinkolanti tal-kompetenza tagħha, għandu jkun miċħud. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-tieni fażi tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità introdott mir-regolament ikkontestat hija bla dubju kkaratterizzata minn ċerta awtomatiċità, kif jindikaw kemm id-diċitura tal-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat, kif ukoll iċ-ċirkustanza li s-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża hija soġġetta, f’din id-dispożizzjoni, għall-unika kundizzjoni li l-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża fi żmien 24 xahar. Madankollu, kif tinnota l-istess Kummissjoni, il-punt (d) tal-istess paragrafu 4 jistabbilixxi li, “meta tqis passi ulterjuri”, b’mod partikolari skont il-punt (f), il-Kummissjoni għandha “tieħu kont tal-eżitu tal-miżuri meħudin mill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li jiġi żgurat vjaġġar mingħajr viża mal-pajjiż terz ikkonċernat, il-passi meħudin skont il-punt (b) u l-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, minkejja li t-tieni fażi tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità għandha t-tendenza li tkun awtomatika, il-Kummissjoni xorta waħda għandha xi ftit marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni temporanja msemmija fil-punt (f). Anki f’dan ir-rigward ninsabu għalhekk barra l-ipoteżijiet ifformulati fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

67.      Bħala konklużjoni, jiena tal-fehma li, minkejja n-natura materjalment implementattiva tal-miżura ta’ sospensjoni adottata skont l-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat, l-użu tal-istrument leġiżlattiv previst fl-Artikolu 290 TFUE f’dan il-każ huwa ġġustifikat minħabba l-emenda li din il-miżura tipprovdi għall-att bażiku.

3.      Fuq l-argument dwar allegat “abbuż formali”

68.      Fir-rikors, il-Kummissjoni argumentat li l-inseriment ta’ nota ta’ qiegħ il-paġna fl-Anness II għar-Regolament Nru 539/2001 li tindika li s-sospensjoni mill-eżenzjoni tal-ħtieġa tal-viża għall-pajjiż terz ikkonċernat ma hijiex “emenda” fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE, iżda sempliċi manuvra teknika użata mil-leġiżlatur sabiex jiġġustifika l-użu tal-atti ddelegati u, għalhekk, “abbuż formali”. Dan l-argument, li ftit li xejn ġie żviluppat fir-rikors u lanqas ma reġa’ ssemma’ fir-replika, jidhirli li jinvoka l-ipoteżi ta’ użu ħażin tal-poter.

69.      Skont il-ġurisprudenza, att huwa vvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jidher li dan ġie adottat bl-iskop esklużiv jew, għall-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk iddikjarati jew sabiex tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-Trattat sabiex jiġu ttrattati ċ-ċirkustanzi tal-każ (35). Issa, irrispettivament minn kwalunkwe kunsiderazzjoni oħra, ma nqisx li l-elementi enfasizzati mill-Kummissjoni fir-rikors dwar in-natura sostanzjalment implementattiva tal-miżura ta’ sospensjoni msemmija fl-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat, huma tali li jikkostitwixxu tali evidenza u li jippermettu li wieħed jikkonkludi li l-leġiżlatur ipprovda għaż-żieda tan-nota ta’ qiegħ il-paġna msemmija f’din id-dispożizzjoni għall-iskop esklużiv jew determinanti li jevita l-użu tal-atti ta’ implementazzjoni.

4.      Fuq l-argument dwar allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni

70.      Fir-replika, il-Kummissjoni, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li tapplika għal din is-sentenza l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza dwar il-bijoċidi (36), targumenta li l-għażla tal-leġiżlatur li juża, f’dan il-każ, l-atti ddelegati hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

71.      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kunsill kontra l-argumenti msemmija iktar ’il fuq, fil-fehma tiegħi għandha tkun miċħuda. Għall-kuntrarju ta’ dak li qiegħda ssostni dik l-istituzzjoni, fil-fatt, dawn ma humiex motiv ta’ rikors ġdid propost b’mod tardiv fir-replika, iżda l-iżvilupp tal-uniku motiv imressaq insostenn għar-rikors, li jittratta dwar il-ksur tal-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE. Barra minn hekk, anki li kieku dawn kienu jikkwalifikaw bħala motiv ġdid, il-proposta tardiva tagħhom tkun iġġustifikata minħabba li joriġinaw mill-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza dwar il-bijoċidi, li ngħatat wara l-preżentata tar-rikors.

72.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar fl-ewwel lok li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-leġiżlatur “għandu marġni ta’ diskrezzjoni meta jiddeċiedi li jagħti lill-Kummissjoni setgħa ddelegata bis-saħħa tal-Artikolu 290(1) TFUE jew setgħa ta’ implementazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 291(2) TFUE” (37). Fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet wasalt għall-konklużjoni li din id-diskrezzjoni timmanifesta ruħha fil-fakultà li għandu l-leġiżlatur li jiddeċiedi b’liema metodu ser jiġi implementat l-att leġiżlattiv, u b’hekk jadatta l-kontenut u l-istruttura ta’ dak l-att.

73.      Għar-raġunijiet mogħtija, b’mod partikolari, fil-punti 59 sa 66 iktar ’il fuq, nemmen li, minħabba n-natura ta’ emenda tal-atti adottati skont l-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament bażiku, il-kundizzjonijiet għall-użu tal-Artikolu 290 TFUE huma ssodisfatti f’dan il-każ. Għaldaqstant jonqos li jiġi vverifikat jekk l-għażla tal-leġiżlatur li jimplementa t-tieni fażi tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità permezz ta’ atti ddelegati, u jagħti natura ta’ emenda lill-miżuri adottati skont din il-fażi, taqbiżx il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu biex jiddefinixxi l-istruttura u l-kontenut tal-att bażiku. Ipoteżi bħal din tista’ sseħħ f’każ li l-inseriment tan-nota ta’ qiegħ il-paġna jirriżulta li jkun arbitrarju jew irraġonevoli jew, inkella, inkonsistenti mas-sistema regolatorja li fiha jseħħ.

74.      Skont il-Kummissjoni, kif ġie spiss innotat, fattur ewlieni ta’ inkonsistenza huwa l-fatt li, biex twettaq is-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża skont l-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat, hija ma għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali, filwaqt li tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa biex tadotta, permezz ta’ att ta’ implementazzjoni, il-miżuri li jaqgħu taħt l-ewwel fażi tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità. In-natura ristretta tas-setgħa mogħtija lilha b’din id-dispożizzjoni xxejjen is-setgħa ta’ oġġezzjoni rikonoxxuta lill-koleġiżlaturi mill-Artikolu 4b tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat.

75.      F’dan ir-rigward, huwa minnu li fl-ewwel fażi tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità l-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni ikbar, anki jekk dan mhuwiex nieqes għal kollox fit-tieni fażi, kif diġà ġie osservat iktar ’il fuq (38).

76.      Madankollu, kif isostnu l-istituzzjonijiet konvenuti, l-għażla tal-użu tal-atti ddelegati fit-tieni fażi, u mhux fl-ewwel waħda, hija ġġustifikata minħabba l-ambitu usa’ tal-miżura ta’ sospensjoni pprovduta f’din il-fażi, li l-effetti tagħha huma sostanzjalment identiċi, ħlief għan-natura temporanja tagħhom, għal dawk tat-tneħħija tal-pajjiż terz ikkonċernat mil-lista msemmija fl-Anness II għar-Regolament Nru 539/2001, li jikkaratterizza t-tielet u l-aħħar fażi tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità, implementata permezz ta’ att leġiżlattiv. Dan il-mekkaniżmu ġie mfassal bħala proċess unitarju kkaratterizzat minn miżuri ta’ intensità dejjem ikbar, li għalihom jikkorrispondu strumenti regolatorji stabbiliti f’livelli differenti fis-sistema tal-ġerarkija tas-sorsi. F’din il-perspettiva, ma jidhirlix li l-fatt, iddikjarat mill-Kummissjoni, li s-setgħa ta’ veto prevista fl-Artikolu 4b tar-Regolament Nru 539/200l rigward l-atti adottati skont l-Artikolu 1(4)(f) tal-istess regolament tissarraf, minħabba n-natura ristretta tal-kompetenza tal-Kummissjoni f’din il-fażi, f’forma ta’ kontroll indirett tal-leġiżlatur fuq l-eżerċitar tas-setgħa diskrezzjonali min-naħa ta’ din l-istituzzjoni fl-ewwel fażi tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità, huwa per se xi sinjal ta’ konfużjoni bejn il-funzjonijiet regolatorji stabbiliti rispettivament mill-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE.

77.      Rigward l-argument tal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet ipprovduti għad-delega tas-setgħat mill-Artikolu 4b(2) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat, jiġifieri l-possibbiltà ta’ revoka ta’ din id-delega u l-fatt li hija limitata fiż-żmien, ukoll huma elementi oħrajn li jindikaw l-irrazzjonalità tal-użu tal-atti ddelegati, peress li l-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità ma jkunx konċepibbli mingħajr il-miżura prevista fl-Artikolu 1(4)(f) ta’ dan ir-regolament, niddikjara sempliċement li l-imsemmija kundizzjonijiet huma dawk imsemmija espressament fl-Artikolu 290(2) TFUE u li, għalhekk, il-previżjoni tagħhom hija għal kollox normali minħabba l-għażla tal-leġiżlatur li juża l-istrument regolatorju previst f’dan l-artikolu. Barra minn hekk, ninnota li, skont il-punt (i) tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat, il-proċedura msemmija fil-punt (f) ta’ din id-dispożizzjoni ma tippreġudikax id-dritt tal-Kummissjoni li tippreżenta fi kwalunkwe ħin proposta leġiżlattiva ta’ emenda tar-regolament bl-intenzjoni li ċċaqlaq ir-riferiment għall-pajjiż terz ikkonċernat mill-Anness II għall-Anness I. Minn dan jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ reċiproċità jista’ jilħaq it-tielet fażi tiegħu anki jekk it-tieni waħda ma tkunx twettqet.

78.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota numru ta’ diffikultajiet tekniċi li jirriżultaw bl-introduzzjoni tan-nota ta’ qiegħ il-paġna (39), li dawn ukoll juru l-irrazzjonalità tal-għażla li għamel il-leġiżlatur. F’dan ir-rigward, għalkemm ma hemmx dubju li l-inseriment ta’ din in-nota jħalli għadd ta’ kwistjonijiet mhux solvuti rigward il-proċedura li għandha tiġi segwita fiċ-ċirkustanzi deskritti mill-Kummissjoni — kif, barra minn hekk, jirriżulta mid-diversità tas-soluzzjonijiet issuġġeriti mill-istituzzjonijiet konvenuti — ma nemminx, madankollu, li dawn id-diffikultajiet jistgħu jaffettwaw il-legalità tal-użu, f’dan il-każ, tal-atti ddelegati.

79.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-argumenti ssollevati mill-Kummissjoni ma jwasslux għall-konklużjoni li, bid-deċiżjoni li jagħti karattru ta’ emenda lill-miżuri adottati fil-kuntest tat-tieni fażi tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità u li juża l-istrument previst mill-Artikolu 290 TFUE biex jiġu adottati, il-leġiżlatur mar lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu biex jiddefinixxi l-istruttura u l-kontenut tal-att bażiku. Inżid, ukoll, ma’ dak li għidt li t-tqegħid ta’ noti f’qiegħ il-paġna marbuta mal-isem ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II għar-Regolament Nru 539/2001 jiddistingwi l-istruttura nnifisha ta’ dan l-Anness, peress li huwa strument li l-leġiżlatur juża b’mod regolari sabiex jiċċara l-portata tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż inkwistjoni jew sabiex jindika xi kundizzjonijiet li għalihom tkun suġġetta din l-eżenzjoni.

E –    Konklużjonijiet dwar il-mertu tar-rikors

80.      Fid-dawl tal-kundizzjonijiet preċedenti, fil-fehma tiegħi, ir-rikors huwa infondat. It-talbiet għal annullament li għamlet il-Kummissjoni fuq bażi prinċipali u sussidjarju għaldaqstant għandhom jiġu miċħuda fil-mertu. F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi mod ieħor u tikkonkludi favur il-mertu tar-rikors, nemmen li t-talba għal annullament parzjali ppreżentata b’mod prinċipali mill-Kummissjoni għandha tiġi ddikjarata ammissibbli, billi d-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat li tiegħu qed jintalab l-annullament huma separati b’mod ċar, bħalma qegħdin isostnu wkoll il-partijiet kollha għal din is-sentenza, mill-bqija tar-regolament.

IV – Konklużjoni

81.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż u tiddikjara li r-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha.


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2 – Regolament (UE) Nru 1289/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 347, p. 74).


3 – Regolament tal-Kunsill (KE), tal-15 ta’ Marzu 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65).


4 – Iffirmat f’Ruma fid-29 ta’ Ottubru 2004 (ĠU C 310, p. 1)


5 – Ara s-sentenza dwar il-bijoċidi, punt 36.


6 – Kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, ir-Regolamenti (KE) Nru 1683/95 u (KE) Nru 539/2001 tal-Kunsill u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 182, p. 1).


7 – Skont il-premessa 5 tar-Regolament Nru 539/2001, il-kumpilazzjoni ta’ dawn il-listi tinvolvi l-assessjar, każ b’każ, tad-diversi kriterji, “li tirrigwardja [jirrigwardaw], inter alia, l-immigrazzjoni illegali, l-istrateġija u s-sigurtà pubblika, u tar-relazzjonijiet esterni ta’ l-Unjoni Ewropea ma[’] pajjiżi terzi”, u tikkunsidra wkoll l-implikazzjonijiet ta’ koerenza reġjonali u ta’ reċiproċità. Ir-riferiment għal dawn il-kriterji ġie kkonfermat, flimkien mal-indikazzjoni ta’ kriterji ġodda, fir-Regolament Nru 509/2014, li jipprovdi għall-inseriment, mid-9 ta’ Ġunju 2014, qabel l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 539/2001, ta’ “Artikolu -1” li jipprovdi li “L‑iskop ta’ dan Regolament huwa li jistabbilixxi l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għal, jew eżentati, mill-ħtieġa tal-viża, abbażi ta’ valutazzjoni skont il-każ ta’ diversi kriterji relatati, inter alia, mal-immigrazzjoni irregolari, il-politika pubblika u s-sigurtà, il-benefiċċji ekonomiċi, partikolarment f’termini ta’ turiżmu u ta’ kummerċ barrani u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi, partikolarment, konsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ koerenza u reċiproċità reġjonali”.


8 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 851/2005, tat-2 ta’ Ġunju 2005, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dan ir-rekwiżit fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità (ĠU L 164M, p. 99).


9 – Interessanti li wieħed jinnota li, f’dak li jirrigwarda l-mekkaniżmu ta’ reċiproċità, il-proposta tal-Kummissjoni kienet sempliċement li tintroduċi emenda tal-Artikolu 1(4)(ċ) tar-Regolament Nru 539/2001 li tippermetti t-tneħħija tal-bażi legali sekondarja li din id-dispożizzjoni kienet toħloq, u tibdel b’att tal-leġiżlatur tal-Unjoni d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-proposta ta’ introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż inkwistjoni [COM (2011) 290 finali/2].


10 – Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, p. 13).


11 – Iċ-ċirkustanzi li jistgħu joħolqu sitwazzjoni ta’ emerġenza huma elenkati fl-Artikolu 1a(2) tar-Regolament Nru 539/2001.


12 – Din ir-relazzjoni hija enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 38 u 39 tas-sentenza dwar il-bijoċidi, fejn hija tispeċifika li “l-attribuzzjoni ta’ setgħa ddelegata hija intiża għall-adozzjoni ta’ regoli li jagħmlu parti mill-qafas regolatorju kif iddefinit fl-att leġiżlattiv bażiku”, filwaqt li, meta l-leġiżlatur “jagħti setgħa ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni […], din tal-aħħar tkun meħtieġa tispeċifika l-kontenut ta’ att leġiżlattiv sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollha”. Ara wkoll is-sentenza Il‑Parlament vs Il-Kummissjoni (C‑65/13, EU:C:2014:2289, punti 39 sa 46) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Parlament u l-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2013:871, punti 76 u 77).


13 – Ara, f’dan is-sens, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea [COM (2009) 673 finali, punt 2.3] (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2009 dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE”) u r-Rapport tal-Parlament dwar segwitu dwar id-delega ta’ setgħat leġiżlattivi u l-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Diċembru 2013 (A7‑0435/2013), fejn, fil-ħdax-il inċiż tal-punt 1, jingħad: “B’mod ġenerali, l-atti delegati għandhom jintużaw fejn l-att bażiku jħalli marġni konsiderevoli ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni biex tissupplimenta l-qafas leġiżlattiv stabbilit fl-att bażiku”. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2013:871, punt 62).


14 – Fis-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18, punti 77 sa 86), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kwistjoni waħdanija ta’ jekk l-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE jistabbilixxux qafas regolatorju waħdieni li jippermetti li jingħataw esklużivament lill-Kummissjoni ċerti poteri ddelegati u ta’ implementazzjoni jew jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni jistax jipprovdi sistemi addizzjonali ta’ delega lil korpi jew organi tal-Unjoni. Fil-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża (C‑270/12, EU:C:2013:562), l-Avukat Ġenerali Jääskinen jesponi, minflok, xi riflessjonijiet dwar il-kwistjoni tad-distinzjoni bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE (ara, b’mod partikolari, il-punti 75 sa 88).


15 – Regolament (UE) Nru 528/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012, dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, p. 1).


16 – Ara l-punt 52 tal-motivazzjoni.


17 – Ara l-punti 41 sa 51 tal-motivazzjoni.


18 – Ninnota li, f’diversi siltiet mir-rikors tagħha, il-Kummissjoni nnifisha tidher li tillimita r-rilevanza ta’ dan il-kriterju għall-każijiet biss li fihom l-implementazzjoni tal-att bażiku tkun tinvolvi forma ta’ integrazzjoni regolatorja.


19 – Kif jintqal fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2009 dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE, “Il-leġiżlatur huwa intitolat li jirregola b’mod sħiħ u komprensiv qasam ta’ azzjoni, billi jagħti lill-Kummissjoni r-responsabbiltà li tiżgura l-implimentazzjoni armonizzata, billi tieħu atti ta’ implimentazzjoni; bl-istess mod, il-leġiżlatur jista’ jagħżel li ma jirregolamentax ħlief parzjalment il-qasam kkonċernat, billi jħalli r-responsabbiltà li tikkompleta r-regolamentazzjoni permezz ta' atti delegati lill-Kummissjoni”.


20 – Il-prinċipju li d-definizzjoni tal-elementi essenzjali tal-att bażiku hija riżervata għal-leġiżlatur ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Köster, Berodt & Co. (25/70, EU:C:1970:115).


21 – Ma tistax ma tiġix innotata ċerta kontradizzjoni fl-argumenti tal-Kunsill u tal-Parlament li, min-naħa waħda, ifakkru l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lil-leġiżlatur fis-sentenza dwar il-bijoċidi u, min-naħa l-oħra, isostnu li, jekk l-implementazzjoni ta’ att leġiżlattiv tkun teħtieġ emenda tiegħu, l-użu tal-Artikolu 290 TFUE huwa l-unika għażla possibbli. Din il-kontradizzjoni hija, fir-realtà, iktar preżenti fin-noti tal-Kunsill, peress li l-Parlament jinsisti l-iktar fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-leġiżlatur fil-valutazzjoni tal-ħtieġa tal-emenda.


22 – Bla ħsara għall-ipoteżi, prevista fl-Artikolu 291(2) TFUE, tal-għoti ta’ kompetenzi ta’ implementazzjoni lill-Kunsill.


23 – Dan l-għan tal-aħħar jissemma mill-Kummissjoni nnifisha fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2009 dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE, ara l-punt 1 “Introduzzjoni”.


24 – Id-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124). Din id-deċiżjoni, li baqgħet fis-seħħ sat-28 ta’ Frar 2011, tħassret permezz tar-Regolament Nru 182/2011, adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 291(3) TFUE.


25 – Id-Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-17 ta’ Lulju 2006, li temenda d-Deċiżjoni 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (ĠU L 76M, p. 100).


26 – L-inklużjoni tal-funzjoni ta’ integrazzjoni regolatorja fil-kunċett ta’ “emenda” tal-att bażiku hija evidenti fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 1999/468 (ara, pereżempju, il-verżjonijiet bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż). Il-verżjoni bit-Taljan, madankollu, għandha formulazzjoni ftit li xejn ċara f’dan is-sens minbarra li hija grammatikament żbaljata. Ara, madankollu, fil-verżjoni bit-Taljan, il-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2006/512 u l-premessa 7a tad-Deċiżjoni 1999/468, imdaħħla bid-Deċiżjoni 2006/512. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, sa mis-snin 70, il-leġittimità ta’ atti ta’ implementazzjoni maħsuba sabiex jibdlu ċerti elementi tal-att bażiku, sakemm din il-kompetenza tirriżulta b’mod ċar u espress f’dak l-att [ara s-sentenza CAM vs KEE (100/74, EU:C:1975:152, punti 26 sa 29), dwar l-emenda, stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni, tal-prezzijiet applikabbli fis-settur tal-agrikultura għas-sena 1974/1975 stabbiliti mill-Kunsill] u la tibdel u lanqas tikser il-prinċipji bażiċi stabbiliti minnu [is-sentenzi Eridania-Zuccherifici nazionali u Società italiana per l’industria degli zuccheri (230/78, EU:C:1979:216, punt 9) kif ukoll Il-Parlament vs Il‑Kunsill (C‑417/93, EU:C:1995:127, punti 28 sa 33)]. Ara, madankollu, is-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C-93/00, EU:C:2001:689), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja annullat Regolament li permezz tiegħu l-Kunsill, li kien qed jaġixxi fil-qafas tas-setgħat ta’ implementazzjoni, kien estenda l-validità tar-regoli relatati mas-sistema ta’ tikkettar volontarju stabbiliti bir-Regolament Nru 820/97, billi l-emenda tal-imsemmi regolament ma kinitx ġiet adottata “fuq il-bażi ta’ pedament regolatorju ta’ natura ekwivalenti għal dak li fuq il-bażi tiegħu kien ġie adottat, jiġifieri fuq il-bażi tat-Trattat stess u konformement mal-prattika deċiżjonali previst minnu”, punt 42) [traduzzjoni mhux uffiċjali].


27 – Pereżempju, ara l-kawżi pendenti C-506/14, C-389/14, C-391/14 u C-393/14.


28 – F’dan is-sens, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2009 dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE (il-punt 2.3) u, b’mod iktar espliċitu, il-linji gwida għas-servizzi tal-Kummissjoni “L-Implementazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona. Atti Ddelegati”, annessi man-nota (SEC) 855 tal-24 ta’ Ġunju 2011 (iktar ’il quddiem “il-Linji Gwida għas-servizzi tal-Kummissjoni tal-2011”), punt 34.


29 – Kif enfasizzat mill-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑270/12, EU:C:2013:562), dan il-prinċipju huwa żgurat anki bil-limitazzjoni tad-delega ta’ setgħat leġiżlattivi għall-Kummissjoni waħedha, li fl-aħħar mill-aħħar hija responsabbli quddiem il-Parlament.


30 – L-eżempju jidher fil-Linji Gwida għas-servizzi tal-Kummissjoni tal-2011, punt 37.


31 –      Is-sospensjoni tirrigwarda liċ-ċittadini kollha tal-pajjiż terz ikkonċernat u mhux biss ċerti kategoriji, kif minflok huwa previst għall-atti implementattivi adottati skont l-Artikolu 1(4)(e) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat permezz tar-regolament ikkontestat.


32 –     Ara l-Linji Gwida għas-servizzi tal-Kummissjoni tal-2011, punt 33.


33 –     Jistgħu, madankollu, jaffettwaw f’fażi upstream id-definizzjoni tal-istruttura u tal-kontenut tal-att bażiku.


34 – Ara l-punt 43 iktar ’il fuq.


35 – Is-sentenzi Walzstahl-Vereinigung u Thyssen vs Il-Kummissjoni (140/82, 146/82, 221/82 u 226/82, EU:C:1984:66, punt 27); Lux vs Il-Qorti tal-Awdituri (69/83, EU:C:1984:225, punt 30); kif ukoll Fedesa et (C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 24).


36 – Kif rajna, il-Kummissjoni ssostni n-nuqqas ta’ trasponibbiltà ta’ dawn il-prinċipji fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ (ara l-punt 32 iktar ’il fuq).


37 – Punt 40 tas-sentenza dwar il-bijoċidi.


38 – Ara l-punt 65 iktar ’il fuq.


39 – Skont il-Kummissjoni, mhuwiex ċar b’liema proċedura huwa possibbli li tiġi emendata jew imħassra n-nota ta’ qiegħ il-paġna f’każ li dan jintalab mill-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-regolament ikkontestat, jiġifieri f’każ li l-Kummissjoni tkun ippreżentat proposta bl-għan li ċċaqlaq ir-riferiment għall-pajjiż terz inkwistjoni mill-Anness II għall-Anness I ta’ dan Regolament jew f’każ li l-pajjiż terz jerġa’ jdaħħal ir-reċiproċità.