Language of document : ECLI:EU:T:2022:58

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

9 ta’ Frar 2022 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika ekonomika u monetarja – Ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg – Ftehim ta’ skambju ta’ titoli favur il-banek ċentrali tal-Eurosistema biss – Parteċipazzjoni tas-settur privat – Klawżoli ta’ azzjoni kollettiva – Kredituri privati – Kredituri pubbliċi – Imputabbiltà – Ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt li tagħti drittijiet lill-individwi – Artikolu 63(1) TFUE – Artikoli 120 sa 127 u l-Artikolu 352(1) TFUE – Dritt għall-proprjetà – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T‑868/16,

QI u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness (1), irrappreżentati minn S. Pappas, avukat,

partijiet rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.‑P. Keppenne, L. Flynn u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

u

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn K. Laurinavičius u M. Szablewska, bħala aġenti, assistiti minn H.‑G. Kamann, avukat,

konvenuti,

sostnuti minn

Il-Kunsill Ewropew,

u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

irrappreżentati minn K. Michoel, E. Chatziioakeimidou u J. Bauerschmidt, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għal kisba ta’ kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti bħala riżultat tal-implimentazzjoni ta’ skambju obbligatorju ta’ titoli ta’ dejn statali fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg fl‑2012, bil-parteċipazzjoni ta’ investituri privati li jinvolvu l-applikazzjoni ta’ klawżoli ta’ azzjoni kollettiva, minħabba aġir u atti, b’mod partikolari, tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-BĊE,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

kompsta minn S. Frimodt Nielsen, president, V. Kreuschitz (relatur) u N. Półtorak, imħallfin,

Reġistratur: M. F. Oller, amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza (2)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil‑21 ta’ Ottubru 2009, ir-Repubblika Ellenika nnotifikat lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (l-Eurostat) b’defiċit pubbliku rivedut ’il fuq minn 12.5 % tal-prodott domestiku gross (PDG), meta mqabbel ma’ rata ta’ 3.7 % tal-PDG innotifikata fir-rebbiegħa tal-2009. Din ir-reviżjoni tad-data ekonomika tar-Repubblika Ellenika qajmet dubji dwar is-solvenza tagħha u għalhekk wasslet għal żieda fir-rati tal-interessi fuq titoli ta’ dejn Griegi matul l-ewwel xhur tas-sena 2010.

2        Fid-dawl tal-fatt li l-kriżi tad-dejn pubbliku Grieg heddedt li jkollha effetti fi Stati Membri oħra taż-żona tal-euro u pperikolat l-istabbiltà ta’ din iż-żona kollha kemm hi, fis-summit tal-Kunsill Ewropew tal‑25 ta’ Marzu 2010, il-Kapijiet tal-Istat jew tal-gvernijiet taż-żona tal-euro qablu li jwaqqfu, bil-parteċipazzjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), mekkaniżmu intergovernattiv ta’ assistenza lir-Repubblika Ellenika li jikkonsisti fl-għoti ta’ self bilaterali b’rati ta’ interessi mhux aġevolati.

3        Fl-aħħar ta’ April 2010, aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu niżżlet il-klassifikazzjoni tat-titoli ta’ dejn Griegi minn BBB- għal BB+, klassifikazzjoni meqjusa li tindika dejn ta’ riskju għoli. Għalhekk, fis‑27 ta’ April 2010, l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Standard & Poor’s (S & P) wissiet lid-detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi li kellhom medja ta’ bejn 30 u 50 % biss ċans li jirkupraw flushom f’każ ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg jew ta’ inadempjenza fil-ħlas min-naħa tal-Istat Grieg.

4        Fit‑23 ta’ April 2010, ir-Repubblika Ellenika talbet l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu intergovernattiv ta’ assistenza msemmi fil-punt 2 iktar ’il fuq. Fit‑2 ta’ Mejju 2010, l-Istati Membri taż-żona tal-euro qablu li jipprovdu, taħt il-mekkaniżmu ta’ assistenza msemmi, EUR 80 biljun lir-Repubblika Ellenika fil-qafas ta’ pakkett finanzjarju ta’ EUR 110 biljun allokat b’mod konġunt mal-FMI.

5        Fid‑9 ta’ Mejju 2010, fil-qafas tal-Kunsill Ecofin, ġie deċiż li jittieħdu sensiela ta’ miżuri, fosthom, minn naħa, l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU 2010 L 118, p. 1), abbażi tal-Artikolu 122(2) TFUE, u, min-naħa l-oħra, il-ħolqien tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF). Fis-7 ta’ Ġunju 2010, inħolqot l-EFSF u l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-EFSF iffirmaw il-ftehim qafas li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-EFSF tipprovdi appoġġ għall-istabbiltà.

6        Permezz ta’ stqarrija għall-istampa tal‑10 ta’ Mejju 2010, il-BĊE ħabbar l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ xiri ta’ titoli ta’ dejn statali fis-suq sekondarju tat-titoli (iktar ’il quddiem il-“programm ta’ xiri ta’ titoli”).

7        Fl‑14 ta’ Mejju 2010, il-BĊE adotta d-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li tistabbilixxi programm għas-swieq tat-titoli (BĊE/2010/5) (ĠU 2010 L 124, p. 8), abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE u tal-Artikolu 18(1) tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU 2010, C 83, p. 230, iktar ’il quddiem l-“Istatuti tas-SEBĊ”). Skont l-Artikolu 1 tal-Istatuti tas-SEBĊ, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali jikkostitwixxu s-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ). Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jikkostitwixxu l-Eurosistema.

8        Fil-premessi 2, 3 u 5 tad-Deċiżjoni 2010/281, hemm indikat, b’mod partikolari, dan li ġej:

“(2)      Fid‑9 ta’ Mejju 2010 l-Kunsill Governattiv iddeċieda u ħabbar pubblikament li, minħabba ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li hawn bħalissa fis-swieq finanzjarji, ikkaratterizzati b’tensjonijiet kbar f’ċerti setturi tas-suq li qed itellfu l-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-politika monetarja u b’hekk it-tħaddim effettiv tal-politika monetarja orjentata lejn l-istabbiltà tal-prezzijiet fi żmien medju, għandu jiġi mniedi programm temporanju għas-swieq tat-titoli (minn hawn ’il quddiem il-‘programm’). Taħt il-programm, il-[banek ċentrali nazzjonali] taż-żona tal-euro, skont l-ishma ta’ persentaġġ tagħhom fl-iskema ta’ sottoskrizzjoni għall-kapital tal-BĊE, u l-BĊE, f’kuntatt dirett mal-kontropartijiet, jistgħu jagħmlu interventi b’titolu definittiv fis-swieq tat-titoli ta’ dejn pubbliku u privat taż-żona tal-euro.

(3)      Il-programm jifforma parti mill-politika monetarja waħdanija tal-Eurosistema u ser japplika temporanjament. L-għan tal-programm huwa li jindirizza l-funzjonament ħażin tas-swieq tat-titoli u jqajjem mill-ġdid mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja xieraq.

[…]

(5)      Bħala parti mill-politika monetarja waħdanija tal-Eurosistema, ix-xiri b’titolu definittiv ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli eliġibbli minn banek ċentrali tal-Eurosistema taħt il-programm għandu jiġi implimentat skont il-kundizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni.”

9        Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2010/281, “il-banek ċentrali tal-Eurosistema jistgħu jixtru dan li ġej […] fis-suq sekondarju, strumenti ta’ dejn negozzjabbli eliġibbli maħruġin mill-gvernijiet ċentrali jew minn entitajiet pubbliċi tal-Istati Membri li l-valuta tagħhom hija l-euro”. L-Artikolu 2 jipprovdi, bħala kriterji għall-eliġibbiltà ta’ titoli ta’ dejn, b’mod partikolari, dawk li jkunu “denominati f’euro” u maħruġa mill-imsemmija amministrazzjonijiet ċentrali jew mill-korpi pubbliċi msemmija.

10      Fil-kuntest tal-programm ta’ xiri ta’ titoli stabbilit bid-Deċiżjoni 2010/281, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro akkwistaw titoli ta’ dejn statali, inkluż tar-Repubblika Ellenika, bejn Mejju 2010 u Marzu 2011, kif ukoll bejn Awwissu 2011 u Frar 2012. Jirriżulta mid-Deċiżjonijiet Nru 2/13203/0023A tal‑15 ta’ Frar 2012 (FEK B’ 574), Nru 2/14328/0023A, tal‑20 ta’ Frar 2012 (FEK B’ 705), u Nru 2/14949/0023A, tal-21 ta’ Frar 2012 (FEK B’ 413), tal-Ministeru għall-Finanzi Elleniku, li f’dan l-istadju, il-BĊE, il-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) rispettivament kellhom titoli ta’ dejn Griegi b’valur nominali totali ta’ EUR 42 732 860 000, ta’ EUR 13 519 799 177.59, u ta’ EUR 315 350 000. L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, kellha wkoll titoli ta’ dejn Griegi b’valur nominali totali ta’ EUR 106 700 000, li parti minnhom, jiġifieri titoli ta’ valur nominali ta’ EUR 55 700 000, kienet ġestita mill-BEI għal u f’isem l-Unjoni. Għalhekk, dawn il-kredituri istituzzjonali kellhom titoli ta’ dejn Griegi b’valur nominali totali ta’ EUR 56 674 709 177.59.

11      Sa minn Mejju 2011, ir-Repubblika Ellenika, l-Istati Membri taż-żona tal-euro u diversi kredituri tal-Istat Grieg bdew diskussjonijiet bil-ħsieb tal-introduzzjoni ta’ programm ġdid ta’ għajnuna finanzjarja, li l-għan ġenerali tiegħu kien li jippermetti lir-Repubblika Ellenika terġa’ tkun f’sitwazzjoni finanzjarja vijabbli. Wieħed mill-elementi previsti fid-diskussjonijiet imsemmija kien ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, li fil-qafas tiegħu l-kredituri privati tar-Repubblika Ellenika kienu ser jikkontribwixxu biex jitnaqqas il-piż ta’ dan id-dejn, u b’hekk tiġi evitata sitwazzjoni ta’ inadempjenza fil-ħlas. Iżda, inizjalment, dawn id-diskussjonijiet iffokaw, b’mod partikolari, fuq estensjoni volontarja possibbli tal-maturitajiet ta’ titoli ta’ dejn Griegi miżmuma minn kredituri privati.

12      Fis‑6 ta’ Ġunju 2011, il-Ministru għall-Finanzi Ġermaniż bagħat ittra lill-BĊE, lill-FMI u lil ministri għall-finanzi l-oħra tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, li fiha kien favur skambju ta’ titoli li jestendi l-maturitajiet b’seba’ snin it-titoli ta’ dejn Grieg miżmuma minn kredituri privati.

13      Fl‑20 ta’ Ġunju 2011, wara laqgħa dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tar-Repubblika Ellenika, il-Grupp tal-Euro adotta dikjarazzjoni, li kienet tgħid b’mod partikolari:

“Fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli, jidher improbabbli li r-[Repubblika Ellenika] terġa’ tikseb aċċess għas-suq privat sal-bidu tal‑2012. Il-Ministri qablu li, għall-finanzjament addizzjonali meħtieġ, ser isir appell kemm għal sorsi pubbliċi kif ukoll għal dawk privati, u jilqgħu l-approċċ li tinkiseb parteċipazzjoni volontarja tas-settur privat, fil-forma ta’ riportamenti (roll-overs) informali u volontarji tad-dejn eżistenti tar-[Repubblika Ellenika] li jaslu sal-maturità, bil-ħsieb li jitnaqqas sostanzjalment il-finanzjament meħtieġ sena wara sena fil-qafas tal-programm, filwaqt li tiġi evitata inadempjenza parzjali fil-ħlas.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      Fil-laqgħa tiegħu tat-23 u l‑24 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill Ewropew iddiskuta s-sitwazzjoni finanzjarja tar-Repubblika Ellenika u kkonkluda f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, dan li ġej:

“14. Il-Kunsill Ewropew jitlob lill-awtoritajiet [Elleniċi] biex ikomplu jimplimentaw b’determinazzjoni l-isforzi ta’ aġġustament meħtieġa biex [l-Istat Grieg jitqiegħed] fi triq sostenibbli. Għandu jiġi ffinalizzat fil-jiem li ġejjin, bħala kwistjoni ta’ urġenza, programm komprensiv ta’ riforma maqbul mal-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE u l-FMI, u l-adozzjoni mill-Parlament [Elleniku] tal-liġijiet ewlenin dwar l-istrateġija fiskali u l-privatizzazzjoni. B’segwitu għat-talba tal-Gvern [Elleniku] imħabbra mill-Prim Ministru [Elleniku], dawn l-elementi ser jikkostitwixxu l-bażi għall-istabbiliment [kemm] tal-parametri ewlenin ta’ programm ġdid appoġġat b’mod konġunt mill-imsieħba tiegħu taż-żona tal-euro u [mil]l-FMI, konformement mal-prattiki attwali, [kif ukoll] biex jiġu permessi ħlasijiet fil-ħin biex jintlaħqu l-ħtiġijiet finanzjarji tar-[Repubblika Ellenika] f’Lulju [2011].

15.      Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern taż-żona tal-euro qablu li għall-fondi addizzjonali neċessarli, ser jintużaw […] sorsi kemm uffiċjali kif ukoll privati. Huma japprovaw l-approċċ deċiż mill-Grupp tal-Euro[,] fl-20 ta’ Ġunju [2011,] rigward l-involviment tas-settur volontarju privat fil-forma ta’ riportamenti (roll-overs) informali u volontarji tad-dejn [pubblikuGrieg] eżistenti mal-maturità għal tnaqqis sostanzjali tal-finanzjament meħtieġ sena b’sena fil-programm filwaqt li tiġi evitata inadempjenza selettiva.”

15      Fl-24 ta’ Ġunju 2011, il-Fédération bancaire française (il-Federazzjoni Bankarja Franċiża), assoċjazzjoni li tirrappreżenta banek li jwettqu attivitajiet kummerċjali fi Franza, kitbet lill-Ministru għall-Ekonomija, għall-Finanzi u għall-Industrija tar-Repubblika Franċiża biex tipproponi, b’mod partikolari, li testendi sa 30 sena l-maturità ta’ titoli ta’ dejn Griegi pendenti miżmuma minn kredituri privati, sakemm, b’mod partikolari, il-BĊE jkun lest li ma jbigħx it-titoli ta’ dejn Griegi tiegħu matul dan il-perijodu.

16      Fi stqarrija għall-istampa datata l‑1 ta’ Lulju 2011, l-Istitut Internazzjonali tal-Finanzi (IFI) iddikjara, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Il-Bord tad-Diretturi tal-Istitut Internazzjonali tal-Finanzi jfittex li jaħdem mal-assoċjati tiegħu u mal-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra, mas-settur pubbliku u l-awtoritajiet Elleniċi, mhux biss sabiex joffri lir-[Repubblika Ellenika] kontribuzzjoni sostanzjali f’termini ta’ likwidità, iżda wkoll sabiex jistabbilixxi l-pedamenti ta’ pożizzjoni ta’ dejn iktar sostenibbli.

Il-komunità finanzjarja privata hija lesta li tagħmel sforz volontarju ta’ kooperazzjoni, trasparenti u fuq skala kbira, sabiex tappoġġja lir-[Repubblika Ellenika], fid-dawl tan-natura unika u eċċezzjonali taċ-ċirkustanzi […]

Il-kontribuzzjoni tal-investituri privati ser tkun qiegħda tikkumplimenta s-sostenn finanzjarju u tat-teżor pubbliku u ser tkun imnaqqsa għal numru limitat ta’ għażliet […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17      Fil‑21 ta’ Lulju 2011, l-IFI ppreżent proposta ta’ programm ta’ skambju ta’ titoli u estensjoni tal-maturitajiet. Il-programm immira għall-iskambju ta’ titoli ta’ dejn Griegi eżistenti għal erba’ strumenti differenti, flimkien ma’ mekkaniżmu għax-xiri lura ta’ dejn pubbliku Grieg li kellu jiġi definit mis-settur pubbliku, jiġifieri, fl-ewwel lok, skambju ta’ titoli ta’ dejn maħruġa b’valur nominali għal strument ta’ 30 sena; fit-tieni lok, offerta ta’ titoli ta’ dejn maħruġa b’valur nominali li jinvolvi r-riportament (roll-over) ta’ titoli ta’ dejn li jkunu laħqu l-maturità fi strumenti ta’ 30 sena; fit-tielet lok, skambju ta’ titoli ta’ dejn maħruġa b’telf impost għal strument ta’ 30 sena; u, fir-raba’ lok, skambju ta’ titoli ta’ dejn b’telf impost għal strument ta’ 15-il sena.

18      Fil‑21 ta’ Lulju 2011, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern taż-żona tal-euro u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ltaqgħu biex jiddeliberaw dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jingħelbu d-diffikultajiet li ż-żona tal-euro kienet qed tiffaċċja.

19      Fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom tal‑21 ta’ Lulju 2011, huwa stabbilit, b’mod partikolari, dan li ġej:

“1.      Aħna ssodisfatti bil-miżuri meħuda mill-Gvern [Elleniku] sabiex jistabbilizza l-finanzi pubbliċi tiegħu u [sabiex] jirriforma l-ekonomija tiegħu, kif ukoll is-sensiela l-ġdida ta’ miżuri, inklużi dawk ta’ privatizzazzjoni, li ġiet adottata reċentement mill-Parlament [Elleniku]. Dawn il-miżuri jikkostitwixxu sforzi mingħajr preċedent, iżda li huma neċessarji sabiex l-ekonomija Griega terġa’ taqbad it-triq ta’ tkabbir sostenibbli. Aħna nagħrfu l-isforzi li l-miżuri ta’ aġġustament jikkawżaw liċ-ċittadini Griegi u ninsabu konvinti li dawn is-sagrifiċċji huma indispensabbli għall-irkupru ekonomiku u li dawn ser jikkontribwixxu għall-istabbiltà u għall-prosperità futuri tal-pajjiż.

2.      Aħna naqblu li nappoġġjaw programm ġdid għar-[Repubblika Ellenika] u, flimkien mal-FMI u l-kontribuzzjoni volontarja tas-settur privat, li nkopru b’mod sħiħ id-defiċit ta’ finanzjament. Il-finanzjament pubbliku totali ser ikun ta’ ammont stmat li jlaħħaq EUR 109 biljun. Dan il-programm ser ikun intiż, b’mod partikolari bis-saħħa ta’ tnaqqis tar-rati ta’ interess u ta’ estensjoni taż-żmien għal ħlas lura, sabiex id-dejn jerġa’ jinġieb għal livell ħafna iktar sopportabbli u sabiex il-profil ta’ finanzjament mill-ġdid [tar-Repubblika Ellenika] jitjieb. Inħeġġu lill-FMI sabiex ikompli jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-programm il-ġdid [għar-Repubblika Ellenika]. Għandna l-intenzjoni nużaw il-EFSF bħala strument ta’ finanzjament għall-iżborż li jmiss. Ser insegwu mill-qrib ħafna l-implimentazzjoni rigoruża tal-programm abbażi ta’ evalwazzjoni regolari mwettqa mill-Kummissjoni [Ewropea] b’ħidma mal-BĊE u l-FMI.

[…]

5.      Is-settur finanzjarju indika li kien lest jappoġġja [lir-Repubblika Ellenika] fuq bażi volontarja billi jagħmel użu minn diversi possibbiltajiet li jippermettu li l-vijabbiltà globali tissaħħaħ iktar. Il-kontribut nett tas-settur privat huwa stmat għal EUR 37 biljun […]. It-titjib tal-kreditu ser jiġi pprovdut biex jirfed il-kwalità tal-garanzija, sabiex jippermetti l-użu kontinwu tiegħu għall-banek Griegi biex jaċċedu għall-operazzjonijiet ta’ likwidità tal-Eurosistema. Aħna ser nipprovdu riżorsi xierqa biex nirrikapitalizzaw il-banek Griegi jekk meħtieġ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tas-settur privat, il-punt 6 tad-dikjarazzjoni konġunta tal-21 ta’ Lulju 2011 jgħid dan li ġej:

“F’dak li jikkonċerna l-approċċ ġenerali tagħna fir-rigward tal-parteċipazzjoni tas-settur privat fiż-żona tal-euro, nixtiequ nippreċiżaw li [r-Repubblika Ellenika] teħtieġ soluzzjoni eċċezzjonali u speċifika immens.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21      Fil‑21 ta’ Ottubru 2011, l-FMI ppubblika analiżi tas-sostenabbiltà tad-dejn pubbliku Grieg li jindika, b’mod partikolari, dan li ġej:

“L-approfondiment tal-PSI [private sector involvement; parteċipazzjoni tas-settur privat], li issa qed jiġi kkunsidrat, jista’ wkoll ikollu rwol vitali biex id-dejn tar-[Repubblika Ellenika] jinżel għal livell sostenibbli. […] Biex jiġi evalwat il-kobor potenzjali tat-titjib fit-trajettorja tad-dejn u l-impatt possibbli tiegħu fuq il-finanzjament pubbliku, jistgħu jitqiesu xenarji illustrattivi bl-użu ta’ titoli ta’ dejn maħruġa bi skont (discount bonds) b’rendiment preżunt ta’ sitta fil-mija u mingħajr garanzija (no collateral). Ir-riżultati juru li, bl-applikazzjoni ta’ telf impost ta’ 50 [%], id-dejn jista’ jitnaqqas għal ftit iktar minn 120 [%] tal-PDG sa [tmiem] l-2020. Minħabba l-aċċess tas-suq li baqa’ tardiv, finanzjament pubbliku addizzjonali sinjifikattiv, stmat għal madwar EUR 114-il biljun (ibbażat fuq l-ipoteżijiet tal-aċċess għas-suq applikati), xorta baqa’ meħtieġ. Biex jitnaqqas iktar id-dejn, ikun essenzjali li tiżdied il-kontribuzzjoni tas-settur privat (pereżempju, biex jitnaqqas id-dejn taħt il-110 [%] tal-PDG [sa]l-2020, il-valur nominali jkollu jitnaqqas b’mill-inqas 60 [%] u/jew finanzjament tas-settur pubbliku għandu jiġi b’kundizzjonijiet iktar favorevoli). F’każ bħal dan, ir-rekwiżit ta’ finanzjament pubbliku addizzjonali jista’ jitnaqqas għal madwar EUR 109 biljun […]”

22      Fis-summit tagħhom tas‑26 ta’ Ottubru 2011, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern taż-żona tal-euro ddikjaraw, b’mod partikolari, dan li ġej:

“12. Il-parteċipazzjoni tas-settur privat għandha rwol vitali sabiex id-dejn [tar-Repubblika Ellenika] jerġa’ jitpoġġa f’livell sopportabbli. Dan għaliex aħna ssodisfatti bid-diskussjonijiet li għaddejjin bejn [ir-Repubblika Ellenika] u l-investituri privati tagħha intiżi sabiex tinstab soluzzjoni li tippermetti li l-parteċipazzjoni tas-settur privat tiżdied. B’mod parallel għal programm ta’ riforma ambizzjuż għall-ekonomija Griega, il-parteċipazzjoni tas-settur privat għandha tiggarantixxi t-tnaqqis tal-proporzjon bejn id-dejn Grieg u l-Prodott Gross Domestiku, bl-għan ikun li tintlaħaq ir-rata ta’ 120 % minn issa sal-2020. Għal dan l-għan, nistiednu [lir-Repubblika Ellenika], lill-investituri privati u l-partijiet kollha kkonċernati sabiex jistabbilixxu skambju volntarju ta’ [titoli ta’ dejn] bi tnaqqis nominali ta’ 50 % fuq il-valur kunċettwali tad-dejn Grieg miżmum mill-investituri privati. L-Istati Membri taż-żona tal-euro ser jikkontribwixxu għall-miżuri kollha relatati mal-parteċipazzjoni tas-settur privat sa EUR 30 biljun. Abbażi ta’ dan, is-settur pubbliku huwa lest jipprovdi finanzjament addizzjonali skont il-programm ta’ ammont li jlaħħaq sa EUR 100 biljun sal-2014, inkluż il-kapitalizzazzjoni mill-ġdid meħtieġa tal-banek Grieg. Il-programm il-ġdid għandu jiġi deċiż minn issa sa tmiem l-2011 u l-iskambju ta’ [titoli ta’ dejn] għandu jiġi implimentat sal-bidu tal-2012. Nitolbu lill-FMI sabiex ikompli jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-programm Grieg il-ġdid.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

23      Skont stqarrija għall-istampa tal-Ministeru għall-Finanzi Elleniku tas‑17 ta’ Novembru 2011, l-imesemm ministeru kien daħal f’negozjati mad-detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi bl-għan li jħejji tranżazzjoni ta’ skambju volontarju għal tali titoli b’telf impost (haircut) nominali ta’ 50 % fuq il-valur nozzjonali tad-dejn Grieg miżmum minn investituri privati, kif previst fil-punt 12 tad-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern taż-żona tal-euro tas‑26 ta’ Ottubru 2011.

24      Fit‑2 ta’ Frar 2012, ir-Repubblika Ellenika għamlet talba, skont l-Artikolu 127(4) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 282(5) TFUE, lill-BĊE għal opinjoni dwar l-abbozz ta’ Liġi Ellenika Nru 4050/2012 li tintroduċi regoli li jemendaw il-kundizzjonijiet applikabbli għal titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti mill-Istat Grieg taħt il-qafas ta’ ftehimiet mad-detenturi tagħhom, għall-finijiet tar-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, ibbażat b’mod partikolari fuq l-applikazzjoni ta’ klawżoli ta’ azzjoni kollettiva (iktar ’il quddiem il-“KAK”).

25      Fil‑15 ta’ Frar 2012, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro, minn naħa, u r-Repubblika Ellenika, min-naħa l-oħra, daħlu fi ftehim ta’ skambju bl-għan li jiskambjaw titoli ta’ dejn miżmuma mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali kontra titoli ta’ dejn Griegi ġodda li għandhom l-istess valuri nominali, rati ta’ interessi, dati ta’ ħlas ta’ interessi u ta’ rimbors bħat-titoli maħsuba għall-iskambju, iżda li għandhom numri ta’ serie (kodiċijiet ISIN) u dati differenti (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012”).

26      Fis‑17 ta’ Frar 2012, il-BĊE ħareġ l-Opinjoni CON/2012/12 dwar titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti mill-Istat Grieg. Mill-imsemmija opinjoni jirriżulta b’mod partikolari li, l-ewwel, “huwa importanti li l-Istati Membri jżommu l-kapaċità li jonoraw l-impenji tagħhom f’kull ħin, ukoll sabiex jiggarantixxu l-istabbiltà finanzjarja”, it-tieni, “[i]l-każ tar-Repubblika Ellenika huwa eċċezzjonali u uniku” (paragrafu 2.1), it-tielet, l-iskop tal-abbozz ta’ liġi huwa li jippromwovi parteċipazzjoni tas-settur privat u b’mod partikolari l-bidu ta’ proċedura li tiffaċilita, konformement mal-KAK, in-negozjati mad-detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi u l-ksib tal-kunsens tagħhom, kontra offerta mir-Repubblika Ellenika sabiex tiskambja tali titoli u, għaldaqstant, ristrutturazzjoni possibbli tad-dejn pubbliku Grieg (paragrafu 2.2), ir-raba’, “[i]l-BĊE jilqa’ l-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ tali skambju huma r-riżultat ta’ negozjati bejn ir-Repubblika Ellenika u l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw id-detenturi ta’ titoli” (paragrafu 2.3), il-ħames, “[l]-użu ta’ KAK bħala proċedura għat-twettiq ta’ skambju ta’ titoli huwa fil-biċċa l-kbira konformi mal-prattika ġenerali” (paragrafu 2.4), u li, is-sitt, “il-Gvern tar-Repubblika Ellenika jassumi r-responsabbiltà biss li jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex finalment jiżgura l-vijabbiltà tad-djun tiegħu”.

27      Fi stqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Frar 2012, wara l-konklużjoni ta’ dawn in-negozjati, il-Ministeru għall-Finanzi Elleniku, minn naħa, żvela l-karatteristiċi essenzjali tat-tranżazzjoni maħsuba ta’ skambju volontarju ta’ titoli ta’ dejn Griegi, imsejħa parteċipazzjoni tal-investituri privati (Private Sector Involvement, iktar ’il quddiem il-“PSI”), u, min-naħa l-oħra, ħabbar il-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ liġi għal dan l-għan. Din it-tranżazzjoni kellha tinkludi talba ta’ ftehim u stedina indirizzata lid-detenturi privati ta’ ċerti titoli ta’ dejn Griegi bl-għan li dawn tal-aħħar jiġu skambjati mat-titoli l-ġodda b’valur nominali ugwali għal 31.5 % tal-valur tad-dejn skambjat kif ukoll ma’ titoli maħruġa mill-EFSF li jimmaturaw wara 24 xahar u li għandhom valur nominali ta’ 15 % ta’ dan tad-dejn skambjat, u dawn it-titoli differenti għandhom jiġu pprovduti mir-Repubblika Ellenika mal-għeluq tal-ftehim. Barra minn hekk, kull investitur privat parteċipanti f’din it-tranżazzjoni kellu jirċievi sigurtajiet separabbli tar-Repubblika Ellenika marbuta mal-PDG b’valur kunċettwali ugwali għal dak tat-titoli ta’ dejn il-ġodda.

28      Id-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal-istess jum tgħid, madankollu, dan li ġej:

“Il-Grupp tal-Euro jagħraf il-ftehim bejn l-awtoritajiet [Elleniċi] u s-settur privat dwar it-termini ġenerali tal-offerta ta’ skambju tat-titoli ta’ dejn skont il-PSI li jkopri d-detenturi kollha ta’ titoli ta’ dejn tas-settur privat. Dan il-ftehim jiggarantixxi rata ta’ telf impost ta’ 53.5 %. Il-Grupp tal-Euro jikkunsidra li dan il-ftehim jikkostitwixxi bażi xierqa għat-tnedija tal-istedina għall-iskambju li saret lid-detenturi tat-titoli tal-Gvern Grieg (PSI). Is-suċċess tal-operazzjoni ta’ PSI jikkostitwixxi kundizzjoni preliminari neċessarja għal programm intiż li jieħu post il-programm attwali. Il-Grupp tal-Euro qed jistrieħ fuq parteċipazzjoni sinjifikattiva ta’ kredituri privati fl-iskambju tad-dejn, li jikkontribwixxi b’mod sostanzjali għas-sostenibbiltà tad-dejn tar-[Repubblika Ellenika].

[…]

Il-Grupp tal-Euro jagħraf il-fatt li t-titoli ta’ dejn Grieg huma miżmuma mill-Eurosistema […] għal skopijiet ta’ interess pubbliku. Il-Grupp tal-Euro jirrikonoxxi li l-qligħ iġġenerat mit-titoli tad-dejn Griegi miżmuma mill-Eurosistema se jikkontribwixxu għall-profitti tal-BĊE u tal-[banek ċentrali nazzjonali]. Il-profitti tal-BĊE ser jitħallsu lill-[banek ċentrali nazzjonali] skont ir-regoli statutorji għad-distribuzzjoni tal-profitti tal-BĊE. Il-profitti tal-[banek ċentrali nazzjonali] ser jitħallsu lill-Istati Membri taż-żona tal-euro, skont ir-regoli statutorji tal-[imsemmija banek] dwar id-distribuzzjoni tal-profitti.

[…]

Il-kontribuzzjonijiet rispettivi tas-setturi privati u pubbliċi għandhom jiżguraw li l-proporzjon tad-dejn pubbliku tar-[Repubblika Ellenika] jitqiegħed fuq trajettorja ’l isfel biex jilħaq 120.5 % tal-PDG fl-2020. Fuq din il-bażi, u sakemm il-kundizzjonalità politika ddefinita fil-qafas tal-programm tiġi ssodisfatta fuq bażi kontinwa, il-Grupp tal-Euro jikkonferma li l-Istati Membri taż-żona tal-euro huma lesti li jipprovdu, permezz tal-EFSF u bit-tama li l-FMI ser jagħti kontribut sinjifikattiv, programm pubbliku addizzjonali ta’ ammont li jista’ jilħaq sa EUR 130 biljun sal-2014.

Huwa mifhum li l-ħlasijiet għall-operazzjoni PSI u d-deċiżjoni finali biex jiġu approvati l-garanziji għat-tieni programm huma soġġetti għal operazzjoni PSI ta’ suċċess u konferma, mill-Grupp tal-Euro fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni magħmula mit-Trojka, tal-implimentazzjoni legali mir-[Repubblika Ellenika] tal-miżuri miftiehma minn qabel. Is-settur pubbliku ser jiddeċiedi dwar l-ammont eżatt ta’ għajnuna finanzjarja li għandha tiġi pprovduta taħt il-programm Grieg [ġdid] fil-bidu ta’ Marzu, ladarba r-riżultati tal-PSI jkunu magħrufa u l-miżuri preċedenti jkunu ġew implimentati.

Aħna ntennu l-impenn tagħna li nipprovdu appoġġ adegwat lir-[Repubblika Ellenika] tul il-programm u warajh sakemm din tkun reġgħet kisbet aċċess għas-suq, u sakemm tikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti u l-għanijiet tal-programm ta’ aġġustament.”  [traduzzjoni mhux uffiċjali]

29      Fit‑23 ta’ Frar 2012, il-Parlament Elleniku adotta n-nomos 4050/2012, Kanones tropopoiiseos titlon, ekdoseos i engyiseos tou Ellinikou Dimosiou me symfonia ton Omologiouchon (il-Liġi Nru 4050/2012 dwar il-Modifika tat-Titoli Maħruġa jew Iggarantiti mill-Istat Grieg bi Ftehim mad-Detenturi Tagħhom u li Tintroduċi Mekkaniżmu tal-KAK (FEK A’ 36). Bis-saħħa tal-mekkaniżmu tal-KAK, l-emendi proposti saru legalment vinkolanti għal kull detentur ta’ titoli ta’ dejn irregolati mid-dritt Elleniku u maħruġa qabel il‑31 ta’ Diċembru 2011, kif identifikati fl-att tal-Kunsill tal-Ministri li japprova l-istediniet ta’ parteċipazzjoni tal-PSI, jekk l-imsemmija emendi jiġu approvati, b’mod kollettiv u mingħajr distinzjoni skont is-serje, permezz ta’ quorum ta’ detenturi ta’ titoli li jirrappreżentaw tal-inqas żewġ terzi mill-valur nominali tat-titoli parteċipanti fil-mekkaniżmu tal-KAK. Barra minn hekk, fil-preambolu tal-imsemmija liġi, hemm indikat, b’mod partikolari, li “l-B[ĊE] u l-membri l-oħra tal-Eurosistema kkonkludew ftehimiet partikolari mar-[Repubblika Ellenika] sabiex jiġi evitat li l-missjoni tagħhom u r-rwol istituzzjonali tagħhom, l-istess bħar-rwol tal-B[ĊE] fil-qasam ta’ tfassil tal-politika monetarja, kif jirriżultaw mit-Trattat, ma jkunux kompromessi”.

30      Fi stqarrija għall-istampa tal‑24 ta’ Frar 2012, il-Ministeru għall-Finanzi Elleniku ippreċiża l-kundizzjonijiet li jirregolaw it-tranżazzjoni ta’ skambju volontarju ta’ titoli ta’ dejn li jinvolvu lill-investituri privati b’valur nominali (face amount) ta’ madwar EUR 206 biljuni billi rrefera għal-Liġi Nru 4050/2012.

31      L-offerta ta’ tranżazzjoni ta’ skambju ta’ dejn volontarju għalqet fit‑8 ta’ Marzu 2012.

32      Fi stqarrija għall-istampa tad‑9 ta’ Marzu 2012, il-Ministeru għall-Finanzi Elleniku ddikjara li, bħala prinċipju, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Liġi Nru 4050/2012 kienu ġew issodisfatti u ħabbar il-proporzjonijiet li fihom il-kredituri privati kienu aċċettaw l-offerta ta’ skambju.

33      F’dan ir-rigward, huwa kkonstatat, b’mod partikolari, dan li ġej:

“[I]d-detenturi ta’ titoli ta’ dejn maħruġin jew iggarantiti mir-Repubblika [Ellenika] f’ammonta ta’ madwar EUR 172 biljun ppreżentaw it-titoli ta’ dejn tagħhom għall-iskambju jew qablu mal-emendi proposti bi tweġiba għall-istediniet u għat-talbiet ta’ ftehim magħmula mir-Repubblika [Ellenika] fl‑24 ta’ Frar 2012.

Fuq il-madwar EUR 177 biljun ta’ titoli ta’ dejn irregolati mid-dritt Grieg u maħruġa mir-Repubblika [Ellenika] u li kienu s-suġġett ta’ stediniet, ir-Repubblika [Ellenika] rċeviet offerti ta’ skambju u ftehimiet minn detenturi ta’ titoli ta’ dejn b’valur nominali ta’ madwar EUR 152 biljun, li jirrappreżenta 85.8 % tal-ammont nominali (face amount) li għadu mhux irregolat minn dawn it-titoli. Id-detenturi ta’ 5.3 % tal-ammont nominali li għadu mhux irregolat ta’ dawn it-titoli ipparteċipaw fit-talba ta’ ftehim u rrifjutaw l-emendi proposti. Ir-Repubblika [Ellenika] informat lill-kredituri tagħha tas-settur pubbliku li, hekk kif ikun hemm il-konferma u ċ-ċertifikazzjoni mill-Bank [Ċentrali Elleniku], fil-kwalità tiegħu ta’ amministratur tal-proċedura skont il-Liġi Nru 4050/2012 […], hija għandha l-intenzjoni li taċċetta l-ftehimiet irċevuti u li temenda l-kundizzjonijiet tat-titoli kollha ta’ dejn irregolati mid-dritt Grieg, inklużi dawk li ma ġewx ippreżentati għall-iskambju wara l-istediniet, skont it-termini tal-liġi msemmija iktar ’il fuq. Konsegwentement, ir-Repubblika [Ellenika] mhux ser testendi l-perijodu ta’ stedina għal titoli ta’ dejn irregolati mid-dritt Grieg.

[…] Jekk il-ftehimiet dwar l-emendi proposti ta’ titoli ta’ dejn irregolati mid-dritt Grieg ikunu aċċettati, il-valur totali nominali tal-imsemmija titoli li għandhom jiġu skambjati u titoli oħra [irregolati taħt id-dritt Grieg] li kienu s-suġġett tal-istediniet u li għalihom ir-Repubblika Ellenika rċeviet offerti ta’ skambju u ftehimiet dwar l-emendi proposti li jammontaw għal EUR 197 biljun, jew 95.7 % tal-valur nominali tat-titoli ta’ dejn koperti mill-istediniet.”

34      Ir-rikorrenti, QI u l-persuni fiżiċi oħra li isimhom jidher fl-anness, bħala detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi, ipparteċipaw fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, bis-saħħa tal-PSI u l-KAK implimentati skont il-Liġi 4050/2012 wara li, skont kliemhom, rrifjutaw l-offerta li jiskambjaw it-titoli tagħhom.

[omissis]

 Iddritt

 Fuq limputabbiltà ta’ aġir kontenzjuż għallfinijiet talassunzjoni tarresponsabbiltà mhux kuntrattwali talUnjoni u talBĊE

 Fuq ilkundizzjonijiet talassunzjoni tarresponsabbiltà mhux kuntrattwali talUnjoni u lBĊE

45      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, l-Unjoni għandha, f’materja ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, tikkumpensa, skont il-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri, id-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-aġenti tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Bl-istess mod, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, il-BĊE għandu jikkumpensa, skont il-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri, id-danni kkawżati minnu nnifsu jew mill-aġenti tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom.

46      L-assunzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea jew tal-BĊE, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hija suġġetta għat-twettiq ta’ sett ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat kontra l-istituzzjoni tal-Unjoni jew tal-BĊE, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ta’ din l-istituzzjoni jew tal-BĊE u d-dannu invokat (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 64 u ġurisprudenza ċċitata; is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 79, u tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 68).

47      Barra minn hekk, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni jew tal-BĊE ma tistax tiġi kkunsidrata bħala assunta sakemm il-kundizzjonijiet kollha li għalihom huwa suġġett l-obbligu ta’ kumpens iddefinit fit-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE ma jkunux sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punti 165 u 166, digriet tat‑12 ta’ Marzu 2020, EMB Consulting et vs Il-BCE, C‑571/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:208, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Min-naħa l-oħra, id-danni kkawżati mill-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jagħtu lok biss għar-responsabbiltà ta’ dawn l-awtoritajiet nazzjonali u l-qrati nazzjonali biss jibqgħu kompetenti biex jiżguraw il-kumpens. Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-qorti tal-Unjoni għandhiex ġurisdizzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk l-illegalità allegata insostenn tat-talba għal kumpens tabilħaqq toriġinax minn istituzzjoni tal-Unjoni u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala imputabbli lil awtorità nazzjonali (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et,  C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punti 106 u 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      B’hekk, sabiex ikun imputabbli lill-Unjoni, l-aġir inkriminat għandu jkun dak ta’ “istituzzjoni”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, li ma jinkludix biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 13(1) TUE, iżda wkoll il-korpi u l-organi kollha tal-Unjoni stabbiliti mit-Trattati, jew bis-saħħa tagħhom, u maħsuba biex jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, ir-rikorrenti jilmentaw dwar diversi istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni Ewropea, li fosthom jinkludu lill-Kummissjoni, lill-BĊE, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Grupp tal-Euro, lill-Eurosistema u lill-BEI, b’aġir illegali allegatament marbut mal-PSI u l-attivazzjoni tal-KAK (iktar ’il quddiem il-“miżuri kkontestati”), kif ukoll għall-esklużjoni ta’ kredituri pubbliċi milli jipparteċipaw fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, u li huma jqisu li huma imputabbli kemm lill-Unjoni kif ukoll il-BĊE.

[omissis]

 Il-kunsiderazzjoni talQorti Ġenerali

71      Preliminarjament, huwa importanti li jiġi rrilevat li s-sempliċi nuqqas ta’ natura legalment obbligatorja, b’mod partikolari, tad-dikjarazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro jew tal-Kunsill Ewropew jew ta’ Opinjoni tal-BĊE ma huwiex biżżejjed biex l-Unjoni Ewropea jew il-BĊE jevitaw mal-ewwel ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali għall-aġir ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew tal-BĊE, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 iktar ’il fuq, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull aġir fl-oriġini ta’ dannu huwa tali li jistabbilixxi din ir-responsabbiltà. Fil-fatt, jekk qorti tal-Unjoni ma setgħetx tevalwa l-legalità tal-aġir ta’ istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, il-proċedura prevista fl-Artikolu 268 u fit-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tiġi mċaħħda mill-effett utli tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2004, L-Ombudsman vs Lamberts, C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punti 50 sa 52, 60 u 61, u tat-23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li l-Kummissjoni u l-BĊE ma jistgħux jinvokaw il-ġurisprudenza ta’ qabel is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2004, L-Ombudsman vs Lamberts (C‑234/02 P, EU:C:2004:174), li kienet ċaħdet rikors għad-danni bħala inammissibbli għall-unika raġuni li l-illegalità allegata kienet marbuta ma’ att nieqes minn effetti legali (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Barra minn hekk, fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura u l-effetti tad-dikjarazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro tal‑20 ta’ Ġunju 2011 u tal‑21 ta’ Frar 2012, għandu jitfakkar li l-Grupp tal-Euro ġie formalment stabbilit permezz tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 1997 dwar il-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika fit-Tielet Stadju tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u dwar l-Artikoli 109 u 109b tat-Trattat KE (ĠU 1998, C 35, p. 1), li bis-saħħa tagħha l-“il-ministri tal-Istati Membri li jipparteċipaw fiż-żona tal-‘euro’ jistgħu jiltaqgħu bejniethom b’mod informali biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltajiet speċifiċi li jaqsmu fir-rigward tal-munita unika” u l-“Kummissjoni u, fejn xieraq, il-[BĊE], huma mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat” (punt 6) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Grupp tal-Euro kien maħsub bħala korp intergovernattiv, barra mill-qafas istituzzjonali tal-Unjoni, bl-għan li jippermetti lill-ministri tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem “IMME”) biex jiskambjaw u jikkoordinaw il-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltajiet komuni tagħhom għall-munita unika. Għalhekk jaġixxi bħala kollegament bejn il-livell nazzjonali u l-livell tal-Unjoni għall-finijiet tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-IMME (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et., C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 84).

73      Fil-fatt, il-Grupp tal-Euro ma huwiex wieħed mid-diversi formazzjonijiet tal-Kunsill elenkati fl-Anness I tar-regolament intern ta’ dan tal-aħħar, adottat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal‑1 ta’ Diċembru 2009 (ĠU 2009, L 325, p. 35 u rettifiki fil-ĠU 2010, L 55, p. 83, fil-ĠU 2010, L 175, p. 38 u fil-ĠU 2017, L 44, p. 8), li l-lista tagħhom hija msemmija fl-Artikolu 16(6) TUE. Għaldaqstant, il-Grupp tal-Euro la jista’ jiġi assimilat ma formazzjoni tal-Kunsill u lanqas ma jista’ jiġi kklassifikat bħala korp jew organu tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, il-Grupp tal-Euro huwa kkaratterizzat min-natura informali tiegħu, li hija spjegata mill-iskop tal-ħolqien tiegħu, li kien li jipprovdi lill-Unjoni Ekonomika u Monetarja b’għodda ta’ koordinazzjoni intergovernattiva, mingħajr madankollu ma jaffettwa r-rwol tal-Kunsill, li huwa fil-qalba tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-Unjoni fi kwistjonijiet ekonomiċi, jew l-indipendenza tal-BĊE. Bl-istess mod, il-fatt li, b’mod partikolari, bis-saħħa l-Artikolu 137 TFUE u tal-Protokoll Nru 14 dwar il-Grupp tal-Euro, il-Kummissjoni u l-BĊE jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro ma jbiddel la n-natura intergovernattiva tiegħu u lanqas dik tad-dikjarazzjonijiet tiegħu li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala espressjoni ta’ setgħa deċiżjonali ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet tal-Unjoni. B’hekk, il-Grupp tal-Euro ma għandu, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ebda kompetenza proprja tiegħu, fejn l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 14 sempliċement jiddikjara li l-laqgħat tiegħu jsiru, kif meħtieġ, sabiex jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltajiet speċifiċi li l-ministri tal-IMME jaqsmu fir-rigward tal-munita unika, peress li huwa mifhum li dawn ir-responsabbiltajiet jaqgħu fuqhom minħabba l-kompetenza unika tagħhom fil-livell nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2016, Mallis et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑105/15 P sa C‑109/15 P, EU:C:2016:702, punti 57 u 61, u tas-16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 87 sa 89).

74      Minn dan isegwi li, indipendentement mill-kontenut u mill-effetti possibbli tad-dikjarazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro tal‑20 ta’ Ġunju 2011 u tal‑21 ta’ Frar 2012, dawn ma jistgħux jiġu imputati la lill-Unjoni Ewropea u lanqas lill-BĊE, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar il-legalità tagħhom, inkluż fil-kuntest ta’ kawża għad-danni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-assunzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali eventwali tagħha.

75      Fit-tieni lok, minħabba n-natura intergovernattiva tiegħu, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti relatati mad-dikjarazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro neċessarjament japplikaw mutatis mutandis u a fortiori għad-dikjarazzjoni konġunta tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern taż-żona tal-euro matul is-summit tagħhom tas‑26 ta’ Ottubru 2011 (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawżi magħquda Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:390, punt 81). Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala att tal-Unjoni jew att imputabbli lilha, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali lanqas ma hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità tagħha għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-assunzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali eventwali tagħha.

76      Fit-tielet lok, huwa, ovvjament, minnu li d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern taż-żona tal-euro u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea tal‑21 ta’ Lulju 2011 tmur lil hinn mill-qafas purament intergovernattiv tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punti 72 sa 75 iktar ’il fuq, fis-sens li tinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ dawk l-istituzzjonijiet. Għalhekk ma jistax jiġi eskluż li din id-dikjarazzjoni tkun, għall-inqas parzjalment, imputabbli lill-Unjoni. Madankollu, fir-rigward tal-kontenut tagħha, din id-dikjarazzjoni hija limitata biex tikkonferma r-rieda tal-partijiet fl-imsemmi summit li “jappoġġaw” il-programm ġdid ta’ għajnuna finanzjarja għar-Repubblika Ellenika “flimkien mal-FMI u l-kontribuzzjoni volontarja tas-settur privat, li nkopru b’mod sħiħ id-defiċit [tagħha] ta’ finanzjament.” (punt 2). Barra minn hekk, fil-punt 5 tagħha, huwa nnotat, b’mod partikolari, ir-rieda tas-“settur finanzjarju” li “jappoġġja” lir-Repubblika Ellenika “fuq bażi volontarja”, billi jistima l-“kontribut nett tas-settur privat […] għal EUR 37 biljun”. Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tas-settur privat, huwa speċifikat, fil-punt 6 ta’ din id-dikjarazzjoni, li r-Repubblika Ellenika “teħtieġ soluzzjoni eċċezzjonali u speċifika immens”. B’hekk, din id-dikjarazzjoni ma fiha ebda indikazzjoni relatata ma’ parteċipazzjoni “furzata” possibbli ta’ detenturi privati ta’ titoli ta’ dejn Griegi fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, li jagħmilha possibbli li tiġi stabbilita rabta kawżali bejn il-kontenut tiegħu u d-dannu allegatament subit mir-rikorrenti. A fortiori, din ma tistax tiġi attribwita forza obbligatorja fis-sens li imponiet obbligu legalment vinkolanti, jew saħansitra ordnat, lir-Repubblika Ellenika li timplementa l-miżuri kkontestati. Fi kwalunkwe każ, in-nuqqas ta’ tali ordni ma jeskludix l-eżistenza ta’ obbligi politiċi, jew saħansitra legali, fis-sens tad-dritt internazzjonali pubbliku, tar-Repubblika Ellenika fir-rigward ta’ ċerti kredituri tagħha, b’mod partikolari tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u tal-FMI, li jirriżultaw minn ftehimiet bilaterali jew multilaterali konklużi fil-livell intergovernattiv (ara, b’mod partikolari, il-ftehimiet imsemmija fil-punti 7, 10 u 11 tas-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2017, Sotiropoulou et vs Il‑Kunsill, T‑531/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:297), fejn l-istħarriġ jaqa’ barra mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali u r-rikorrenti ma jikkontestawx il-legalità f’din il-kawża, iżda li seta’, ċertament, kellu impatt sinjifikattiv fuq l-eżerċizzju mil-leġiżlatur Elleniku tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu meta ppromulga, b’mod partikolari, il-Liġi Nru 4050/2012.

77      Għalhekk, indipendentement mill-imputabbiltà tagħha lill-Unjoni, id-dikjarazzjoni konġunta tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern taż-żona tal-euro u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea tal‑21 ta’ Lulju 2011 ma setgħetx tagħti lok għall-assunzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

78      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat‑23 u tal‑24 ta’ Ġunju 2011, jirriżulta min-natura ta’ din l-istituzzjoni fis-sens tat-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 15 TUE, li l-atti u l-azzjonijiet tiegħu huma, bħala prinċipju, imputabbli lill-Unjoni u għalhekk jistgħu jagħtu lok għal responsabbiltà mhux kuntrattwali. Din l-evalwazzjoni, madankollu, ma tippreġudikax in-natura legali tal-atti adottati mill-Kunsill Ewropew, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 15(4) TUE, li r-rikorrenti jqisu li għandhom in-natura ta’ “deċiżjonijiet”. Issa, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, il-BĊE, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill ġustament jirrilevaw li l-kontenut ta’ dawn il-konklużjonijiet ma jindikax li huma għandhom tali natura deċiżjonali jew saħansitra vinkolanti fis-sens li ħolqu obbligu għar-Repubblika Ellenika li timplimenta l-miżuri kkontestati. Minn naħa, fil-punt 14, il-Kunsill Ewropew sempliċement “jitlob lill-awtoritajiet [Elleniċi] biex ikomplu jimplimentaw b’determinazzjoni l-isforzi ta’ aġġustament meħtieġa biex [l-Istat Grieg jitqiegħed] fi triq sostenibbli” u, b’mod partikolari, lill-Parlament Elleniku li jadotta “l-liġijiet ewlenin dwar l-istrateġija fiskali u l-privatizzazzjoni” – u għalhekk mhux dawk dwar il-PSI li kienu s-suġġett tal-Liġi Nru 4050/2012 –, bħala elementi bażiċi għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ għajnuna finanzjarja l-ġdid għar-Repubblika Ellenika. Min-naħa l-oħra, fil-punt 15, il-Kunsill Ewropew japprova biss il-pożizzjoni tal-Grupp tal-Euro fid-dikjarazzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2011, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ forma ta’ PSI volontarju li terġa’ hi differenti minn dik tal-PSI kkontestat. Jibqa’ l-fatt li, fid-dawl ta’ dak li huwa espost fil-punt 71 iktar ’il fuq, dawn il-kunsiderazzjonijiet waħedhom ma jippermettux li jiġu esklużi mal-ewwel il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat‑23 u l‑24 ta’ Ġunju 2011 minn stħarriġ tal-Qorti Ġenerali taħt l-Artikolu 268, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

79      Fil-ħames lok, fir-rigward tar-responsabbiltà possibbli tal-Unjoni għall-ksur tad-dmir tal-Kummissjoni ta’ sorveljanza skont l-Artikolu 17(1) TUE, għandu jitfakkar li l-partijiet fil-kawża jistgħu jippreżentaw quddiem il-qrati tal-Unjoni, rikors għad-danni mhux kuntrattwali mill-Unjoni kontra l-Kunsill, il-Kummissjoni u l-BĊE fir-rigward tal-atti jew l-aġir li dawn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jadottaw wara tali ftehimiet politiċi konklużi fi ħdan il-Grupp tal-Euro (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 93). F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-Artikolu 17(1) TUE, il-Kummissjoni “tippromwovi l-interess ġenerali ta’ l-Unjoni” u “tissorvelja l-implimentazzjoni tad-dritt ta’ l-Unjoni” (sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 163, u tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 57). Din l-istituzzjoni għalhekk iżżomm, fil-qafas tal-parteċipazzjoni tagħha fl-attivitajiet tal-Grupp tal-Euro, ir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati. Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ azzjoni possibbli tagħha fil-kontroll tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-ftehimiet politiċi konklużi fi ħdan il-Grupp tal-Euro x’aktarx iwassal għal kontestazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 96).

80      Fil-fatt, bis-saħħa tad-dmir tagħha li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 17(1) TUE, kif irrikonoxxut fil-punti 57 u 59 tas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701), u kkonfermat fil-punt 96 tas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et (C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028), il-Kummissjoni ma hijiex suġġetta għal obbligu ġenerali ta’ prevenzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn istituzzjonijiet, korpi, jew organi oħra tal-Unjoni, fis-sens ta’ obbligu ta’ riżultat (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi magħquda Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:290, punti 69 u 71). B’hekk, fil-punt 59 tas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701), il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement iddeċidiet li, bis-saħħa tar-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati, kif rifless fl-Artikolu 17(1) TUE, il-Kummissjoni għandha tastjeni milli tiffirma memorandum ta’ ftehim fejn ikollha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni. Fid-dawl ta’ din il-kunsiderazzjoni, hija rrilevat, fil-punt 67 tal-istess sentenza, li l-Kummissjoni kienet obbligata, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, li tagħtiha l-kompitu ġenerali li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tiżgura li tali memorandum ikun kompatibbli mad-drittijiet fundamentali tal-Karta, li għalhekk jista’ jirreferi biss għall-aġir tagħha stess u mhux għal dak ta’ istituzzjonijiet oħra jew korpi oħra tal-Unjoni, u wisq inqas għal dak ta’ entità intergovernattiva bħall-Grupp tal-Euro. B’hekk, fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet teżamina l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni hija stess ikkontribwixxietx għal ksur suffiċjentement serju tad-dritt ta’ proprjetà tar-rikorrenti f’dawn il-kawżi l-oħra. Fuq l-istess linja, fil-punti 95 u 96 tas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et (C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn din il-ġurisprudenza li kien in-“nuqqas ta’ azzjoni” eventwali tal-Kummissjoni fil-kontroll tal-konformità mal-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti ftehimiet politiċi konklużi fi ħdan il-Grupp tal-Euro li x’aktarx wassal għal kontestazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

81      Din l-assenza ta’ obbligu ta’ riżultat hija kkonfermata mill-impossibbiltà għall-Kummissjoni, bis-saħħa tad-dmir tagħha ta’ sorveljanza, taħt l-Artikolu 17(1) TUE, li tipprevjeni b’mod attiv l-adozzjoni ta’ att ta’ entità li ma taqax taħt il-qafas istituzzjonali tal-Unjoni, bħall-Grupp tal-Euro, u wisq inqas ta’ att li l-materjalità tiegħu ma ntweritx, bħad-deċiżjoni allegata jew ordni tal-Grupp tal-Euro (ara l-punt 76 iktar ’il fuq).

82      Fis-sitt lok, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw mutatis mutandis għall-BĊE sa fejn dan kien involut fid-diskussjonijiet dwar il-programm il-ġdid ta’ għajnuna finanzjarja għar-Repubblika Ellenika. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, fi ħdan dan il-qafas intergovernattiv, ir-rwol tal-BĊE kien konsultattiv biss, taħt il-ftehim qafas tal-EFSF u r-raba’ sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 14, li tgħid li l-“[(BĊE)] għandu jkun mistieden jieħu sehem [fil]-laqgħat [informali tal-ministri tal-IMME]”, li jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku Grieg. Min-naħa l-oħra, kif ġie kkonstatat fis-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE (T‑107/17, EU:T:2019:353, punti 68 sa 72), anki jekk l-Opinjoni tal-BĊE tas-17 ta’ Frar 2012, adottata skont l-Artikolu 127(4) u l-Artikolu 282(5) TFUE, moqrija flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/415/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998 dwar il-konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew minn awtoritajiet nazzjonali dwar abbozzi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 446), ma setgħetx torbot legalment lill-awtoritajiet Griegi, din l-opinjoni setgħet, bħala prinċipju, tagħti lok għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE, bla ħsara li tittieħed inkunsiderazzjoni s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu skont l-Artikoli 127 u 282 TFUE u tal-Artikolu 18 tal-Istatut tas-SEBĊ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et, C‑493/17, EU:C:2018:1000, punti 73, 91 u 93).

83      Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq jirriżulta li l-atti, l-aġir jew in-nuqqas ta’ azzjoni tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni Ewropea, kif jilmentaw dwarhom ir-rikorrenti, jiġifieri, b’mod partikolari, dawk tal-Eurosistema, tal-BĊE, tal-BEI, tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew, jistgħu, bħala prinċipju, jagħtu lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni jew tal-BĊE, indipendement min-natura legalment vinkolanti jew le tagħhom.

84      Dawn l-atti, l-aġir jew in-nuqqas ta’ azzjonijiet jikkonċernaw, l-ewwel, l-allegat ħolqien ta’ obbligu ta’ “konsultazzjoni” tal-kredituri pubbliċi tar-Repubblika Ellenika fis-sens wiesa’, sa fejn dawn jinkludu istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni, it-tieni, l-Opinjoni tal-BĊE tas‑17 ta’ Frar 2012, it-tielet, in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni mill-Eurosistema, inkluż il-BĊE, u kredituri istituzzjonali oħra fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, b’mod partikolari minħabba l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ skambju tal‑15 ta’ Frar 2012, li diġà kien is-suġġett tas-sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE (T‑79/13, EU:T:2015:756), u tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE (T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21), u, ir-raba’, in-nuqqas ta’ adozzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ta’ miżuri sabiex jiġi evitat ksur tad-dritt primarju tal-Unjoni fis-sens tas-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 56 sa 58 u 68), u tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et (C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 96).

85      Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk dawn id-diversi atti, aġir jew nuqqas ta’ azzjoni jinvolvux ksur suffiċjentement serju tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu drittijiet lill-individwi.

86      Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-rikors jirrigwarda, f’dan il-kuntest, atti, aġir jew nuqqas ta’ azzjoni tal-Grupp tal-Euro u tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern taż-żona tal-euro, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tisma’ l-legalità tagħhom.

 Fuq l-ewwel motiv ta’ illegalità, ibbażat fuq in-natura ultra vires tal-miżuri kkontestati u fuq ksur suffiċjentement serju tal-Artikoli 120 sa 127 u tal-Artikolu 352(1) TFUE

[omissis]

89      Dan il-motiv huwa, inter alia, ibbażat fuq il-premessa li d-dispożizzjonijiet allegatament miksura jikkostitwixxu regoli tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu drittijiet lill-individwi.

90      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tal-kundizzjoni dwar il-ksur ta’ regola tad-dritt li tagħti drittijiet lill-individwi, huwa meħtieġ li l-protezzjoni offruta mir-regola invokata tkun effettiva fir-rigward tal-persuna li tinvokaha u, għalhekk, li din il-persuna tkun fost dawk li lilhom ir-regola inkwistjoni tagħti drittijiet. Regola li ma tipproteġix lill-individwu mill-illegalità li jinvoka, iżda tipproteġi individwu ieħor, ma tistax tiġi ammessa bħala sors ta’ kumpens. Min-naħa l-oħra, l-għan ta’ regola tad-dritt huwa li tagħti drittijiet lill-individwi meta tiġġenera vantaġġ li jista’ jiġi kklassifikat bħala dritt kweżit, meta l-funzjoni tagħha tkun li tipproteġi l-interessi tal-individwi jew meta tipproċedi bl-allokazzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċju ta’ individwi li l-kontenut tagħhom jista’ jiġi identifikat biżżejjed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punti 77 u 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet invokati taħt l-Artikoli 120 sa 127, l-Artikolu 282(2) u l-Artikolu 352(1) TFUE ma tikkostitwixxi regola tad-dritt tal-Unjoni li tagħti drittijiet lir-rikorrenti li huma jistgħu jinvokaw validament insostenn ta’ din l-eċċezzjoni tal-illegalità.

92      Fil-fatt, l-ewwel, l-Artikoli 120 u 121 TFUE huma limitati għar-rikonoxximent tal-kompetenza primarja tal-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ politika ekonomika filwaqt li jipprovdu għal proċeduri intiżi sabiex jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom, iżda ma fihom ebda regola biżżejjed ċara, preċiża u inkondizzjonata li minnha jirriżultaw drittijiet suġġettivi tar-rikorrenti, li jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati tal-Unjoni jew quddiem il-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punti 65 u 66, u digriet tat‑22 ta’ Marzu 2010, SPM vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑39/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:157, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess japplika għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 122 TFUE li jagħti s-setgħa lill-Kunsill, minn naħa, li jadotta miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari jekk jinqalgħu diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod speċifiku fis-settur tal-enerġija (paragrafu 1), u, min-naħa l-oħra, li tingħata, taħt ċerti kundizzjonijiet, assistenza tal-Unjoni lil Stat Membru li jkollu diffikultajiet, jew theddida serja ta’ diffikultajiet gravi, minħabba diżastri naturali jew avvenimenti eċċezzjonali li jaħarbu mill-kontroll tiegħu (paragrafu 2).

93      Fit-tieni lok, l-Artikolu 123(1) TFUE ċertament jistabbilixxi projbizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata għas-SEBĊ milli tipprovdi għajnuna finanzjarja diretta ta’ kwalunkwe tip li jkun (overdrafts jew kwalunkwe tip ieħor ta’ kreditu) lill-awtoritajiet statali jew li takkwista “strumenti ta’ dejn” tagħhom direttament mill-Istati Membri, mingħajr madankollu ma teskludi, b’mod ġenerali, l-għażla għall-Eurosistema li tixtri lura mingħand il-kredituri ta’ tali Stat titoli maħruġa qabel minn dawn tal-aħħar u nnegozjati fis-suq sekondarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 132, tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 95, u tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et, C‑493/17, EU:C:2018:1000, punti 103 u 106). L-istess jgħodd għall-Artikolu 125(1) TFUE li bis-saħħa tiegħu, b’mod partikolari, l-Unjoni ma hijiex responsabbli għall-impenji tal-awtoritajiet statali, u lanqas ma tieħu responsabbiltà għalihom.

94      Madankollu, fid-dawl tal-uniku għan ta’ interess pubbliku segwit kemm mill-Artikolu 123(1) TFUE kif ukoll mill-Artikolu 125(1) TFUE, bħall-Artikolu 124 TFUE (ara l-punti 98 u 99 iktar ’il quddiem), dawn ir-regoli ma humiex intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 90 iktar ’il fuq.

95      Fil-fatt, il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 123(1) TFUE toriġina mill-Artikolu 104 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 101 KE), li ddaħħal fit-Trattat KE bit-Trattat ta’ Maastricht. Mix-xogħlijiet ta’ abbozzar ta’ dan it-trattat tal-aħħar jirriżulta li l-Artikolu 123 TFUE għandu l-għan li jħeġġeġ lill-Istati Membri josservaw politika baġitarja soda billi jipprevjeni l-finanzjament monetarju tal-iżbilanċi pubbliċi jew aċċess ipprivileġġat mill-awtoritajiet pubbliċi għas-swieq finanzjarji milli jwassal għal dejn eċċessiv jew żbilanċi eċċessivi tal-Istati Membri (ara l-abbozz tat-Trattat li jirrevedi t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea bil-ħsieb li tiġi stabbilita unjoni ekonomika u monetarja, Bullettin tal-Komunitajiet Ewropej, Suppliment 2/91, p. 22 u 52). Taħt dawn il-kundizzjonijiet, kif indikat fis-seba’ premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 tat‑13 ta’ Diċembru 1993 li jistabbilixxi d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikol[u 123 TFUE] u l-Artikolu [125(1) TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 27), ix-xiri magħmul fis-suq sekondarju ma jistax jiġi validament użat sabiex jiġi evitat l-għan imfittex mill-Artikolu 123 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 99 sa 101, u tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et, C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 107).

96      Minn dan isegwi li l-għan imfittex kemm mill-Artikolu 123 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 125 TFUE huwa konsistenti ma’ dak segwit mill-Artikolu 126 TFUE li jobbliga lill-Istati Membri jevitaw żbilanċi pubbliċi eċċessivi. Dan l-għan għandu t-tendenza li jipproteġi mhux lill-individwu, iżda lill-Unjoni bħala tali, inklużi l-Istati Membri tagħha, kontra aġir kuntrarju għar-rekwiżit li tiġi osservata dixxiplina baġitarja soda li jista’ jiġġenera dejn eċċessiv jew żbilanċi eċċessivi ta’ ċerti Stati Membri u b’hekk jikkomprometti l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-Unjoni kollha kemm hi, kif ukoll il-funzjonament effiċjenti tal-munita unika (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:7, punti 217 sa 219). Din l-evalwazzjoni tapplika mutatis mutandis għall-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 125 TFUE li tiggarantixxi li l-Istati Membri jibqgħu suġġetti għal-loġika tas-suq meta jikkuntrattaw dejn, b’din il-loġika tinkoraġġihom iżommu dixxiplina baġitarja, li l-konformità magħha tikkontribwixxi fil-livell tal-Unjoni għall-kisba ta’ għan ogħla, jiġifieri ż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni monetarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punti 135 u 136).

97      Għalhekk, l-Artikolu 123(1) TFUE u l-Artikolu 125(1) TFUE jikkostitwixxu regoli tad-dritt adottati bl-iskop esklużiv li jaqdu l-interess pubbliku u, b’mod partikolari, l-interess tal-Unjoni kollha kemm hi, b’tali mod li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, bħala rappreżentanti tal-interess tal-Unjoni, ikunu protetti minn dawn ir-regoli.

98      Fit-tielet lok, l-Artikolu 124 TFUE jipprojbixxi kull miżura, mhux ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura prudenzjali, li tagħti fost oħrajn lill-Istati Membri aċċess ipprivileġġat għall-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex l-Istati Membri josservaw politika baġitarja soda biex jiġi evitat li finanzjament monetarju tal-iżbilanċi pubbliċi jew aċċess ipprivileġġjat mill-awtoritajiet pubbliċi għas-swieq finanzjarji jwassal għal dejn eċċessiv jew żbilanċi eċċessivi fl-Istati Membri. Din il-projbizzjoni oriġinarjament dehret fl-Artikolu 104 A tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 102 KE), li ddaħħal fit-Trattat KE mit-Trattat ta’ Maastricht, u għalhekk tagħmel parti, bħall-Artikoli 123 u 125 TFUE (ara l-punt 95 iktar ’il fuq), mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE relatati mal-politika ekonomika li huma intiżi li jinkoraġġixxu lill-Istati Membri josservaw politika baġitarja b’saħħitha billi jipprevjenu li finanzjament monetarju tal-iżbilanċi pubbliċi jew aċċess ipprivileġġat tal-awtoritajiet pubbliċi għas-swieq finanzjarji jwassal għal dejn eċċessiv jew żbilanċi eċċessivi tal-Istati Membri (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Bara et, C‑201/14, EU:C:2015:638, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata; digriet tat‑12 ta’ Marzu 2020, EMB Consulting et vs BĊE, C‑571/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:208, punt 54; ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 136).

99      Minn dan isegwi li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 124 TFUE ma tagħtix drittijiet lill-individwi u lill-impriżi, iżda hija intiża biex tipproteġi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri mir-riskji baġitarji ta’ aċċess ipprivileġġat għall-istituzzjonijiet finanzjarji u, għalhekk, kontra aġir li x’aktarx jikkomprometti l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-Unjoni kollha kemm hi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑12 ta’ Marzu 2020, EMB Consulting et vs BĊE, C‑571/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:208, punt 55, u s-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punti 139 sa 141).

100    Fir-raba’ lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 127(1), moqri flimkien mal-Artikolu 282(2) TFUE, li bis-saħħa tiegħu l-għan ewlieni tal-politika monetarja tal-Unjoni huwa li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 43), lanqas ma hija intiża li tagħti drittijiet lill-individwi.

101    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-għan li tiġi ppreservata trażmissjoni xierqa tal-politika monetarja kien kemm ta’ natura biex tiġi ppreżervata l-uniċità ta’ din il-politika kif ukoll li jkun hemm kontribuzzjoni għall-għan ewlieni tagħha, jiġifieri ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Fil-fatt, il-kapaċità tas-SEBĊ li tinfluwenza l-iżviluppi tal-prezzijiet permezz tad-deċiżjonijiet tagħha ta’ politika monetarja tiddependi fil-biċċa l-kbira mit-trażmissjoni tal-impulsi li hija temetti fis-suq monetarju lis-setturi varji tal-ekonomija. Għaldaqstant, funzjonament iddegradat tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja x’aktarx li jagħmel id-deċiżjonijiet tas-SEBĊ ineffettivi f’parti taż-żona tal-euro u, għalhekk, ipoġġi f’dubju l-uniċità tal-politika monetarja. Barra minn hekk, meta funzjonament iddegradat tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni jibdel l-effettività tal-miżuri adottati mis-SEBĊ, il-kapaċità tagħha li tiggarantixxi l-istabbiltà tal-prezzijiet tiġi neċessarjament affettwata. Għaldaqstant, miżuri mmirati biex jippreżervaw dan il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni jistgħu jkunu marbuta mal-għan ewlieni ddefinit fl-Artikolu 127(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 49 u 50).

102    Indipendentement minn dak li ntqal iktar ’il fuq, l-aġir ikkontestat tal-BĊE, b’mod partikolari l-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ skambju tal‑15 ta’ Frar 2012 bl-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-KAK għat-titoli ta’ dejn Griegi miżmuma mill-banek ċentrali tal-Eurosistema, jaqa’ taħt il-qafas tal-eżerċizzju tas-setgħat u l-kompiti fundamentali assenjati lilu għall-finijiet tad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni, skont l-Artikoli 127 u 282 TFUE u l-Artikolu 18 tal-Istatut tas-SEBĊ, u kien immirat biex jippreżerva l-ispazju ta’ manuvra ta’ dawn il-banek ċentrali u, b’mod partikolari, il-kapaċità tagħhom li jintervjenu fis-swieq tal-kapital u li jiffinanzjaw mill-ġdid l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, fosthom il-banek Griegi, bis-saħħa tal-ewwel u t-tieni inċiżi tal-Artikolu 18(1) tal-Istatut tas-SEBĊ, u għalhekk biex jiżguraw il-kontinwità tal-funzjonament tajjeb bla xkiel tal-Eurosistema kollha kemm hi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punti 93, 108 u 114, u tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 98; ara wkoll il-punti 174 sa 178 iktar ’l isfel).

103    Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lill-BĊE fi kwistjonijiet ta’ politika monetarja, li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi, b’mod partikolari ta’ natura ekonomika u soċjali fil-kuntest tal-Eurosistema, jew saħansitra tal-Unjoni kollha kemm hi, il-konstatazzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju mill-BĊE tal-Artikoli 120 sa 127 TFUE għalhekk tippreżupponi l-istabbiliment ta’ ksur manifest u serju tal-limiti ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punti 67 u 68; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 68 u 75, u tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et, C‑493/17, EU:C:2018:1000, punti 73 u 91). Issa, fid-dawl ta’ dak li jidher fil-punt 102 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma humiex iġġustifikati li jsostnu li, f’dan il-każ, il-BĊE kiser manifestament u serjament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu u tas-setgħat tiegħu, b’mod partikolari taħt l-Artikolu 127(1), moqri flimkien mal-Artikolu 282(2) TFUE, li jirrikjedu li jsiru għażliet politiċi, ekonomiċi u soċjali, jew saħansitra arbitraġġ bejn id-diversi għanijiet imsemmija hemmhekk, li l-għan ewlieni tagħhom huwa li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

104    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-regoli tad-dritt invokati mir-rikorrenti insostenn tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-istituzzjonijiet aġixxew ultra vires ma jagħtuhomx drittijiet speċifiċi, li l-ksur tagħhom ikun tali li jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali jew tal-Unjoni jew inkella tal-BĊE.

105    Din il-konklużjoni hija neċessarja, a fortiori, fir-rigward tar-regola ta’ ġurisdizzjoni addizzjonali prevista fl-Artikolu 352(1) TFUE, li l-ksur eventwali tagħha ma jistax jiġi invokat minn individwu b’appoġġ ta’ talba għal kumpens.

106    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv ta’ illegalità, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju tal-Artikolu 123 TFUE

[omissis]

109    Minbarra l-fatt li l-Artikolu 123(1) TFUE ma jagħtix drittijiet lill-individwi (ara l-punti 93 sa 97 iktar ’il fuq), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa intrinsikament kontradittorju peress li jinsab f’konflitt ma’ ġurisprudenza stabbilita li rrikonoxxiet li, għall-kuntrarju, parteċipazzjoni inkundizzjonata tal-banek ċentrali tal-Eurosistema fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg permezz tal-PSI u l-KAK kienet tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala intervent li jkollu effett ekwivalenti għal dak tax-xiri dirett mill-banek ċentrali msemmija ta’ titoli statali, li huwa pprojbit mill-Artikolu 123 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 114; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 97 u 104, u tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et, C‑493/17, EU:C:2018:1000, punti 106 u 110). Issa, kif isostnu r-rikorrenti stess, l-aġir ikkontestat tal-BĊE, b’mod partikolari l-konklużjoni tal-ftehim ta’ skambju tal‑15 ta’ Frar 2012, kien immirat speċifikament biex jipprevjeni lill-banek ċentrali tal-Eurosistema milli jipparteċipaw fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg billi jissagrifikaw parti mill-valur tat-titoli ta’ dejn Griegi miżmuma fil-portafolli rispettivi tagħhom.

110    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-BĊE, meta jixtri titoli ta’ dejn statali taħt programm ta’ xiri lura, bħall-programm dwar operazzjonijiet monetarji fuq titoli (outright monetary transactions), ikun inevitabbilment espost għar-riskju li jġarrab telf, b’mod partikolari fil-każ ta’ telf impost deċiż mill-kredituri l-oħra tal-Istat Membru kkonċernat. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeskrivi dan ir-riskju bħala inerenti għax-xiri ta’ tali titoli fis-swieq sekondarji u tispeċifika li din l-operazzjoni kienet awtorizzata mill-awturi tat-trattati, mingħajr ma kienet suġġetta għall-għoti lill-BĊE tal-istatus ta’ kreditur ipprivileġġat (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 125 u 126). Madankollu, l-aċċettazzjoni ta’ tali riskju fil-qafas ta’ programm speċifiku ta’ xiri mill-ġdid ta’ titoli ma timplikax li hemm a contrario obbligu assolut għall-BĊE li jaċċetta fil-każijiet kollha trattament pari passu ma’ kredituri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 102), u dan lanqas meta tali approċċ jirriskja li joħloq effett ekwivalenti għal dak tax-xiri dirett mill-BĊE ta’ titoli ta’ dejn statali minn Stat Membru emittenti u, b’mod partikolari, meta joħloq għall-investituri kollha ċ-ċertezza ta’ xiri lura fil-futur tal-bonds sovrani tagħhom fi swieq sekondarji mill-Eurosistema (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 113).

111    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv ta’ illegalità, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju tad-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta

[omissis]

115    Id-dritt għall-proprjetà iggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta, li jistabbilixxi d-dritt ta’ kull persuna li tgawdi l-proprjetà ta’ beni li tkun kisbet legalment, jikkostitwixxi regola tad-dritt li l-għan tagħha huwa li tagħti drittijiet lill-individwi, li konformità magħha hija kundizzjoni għall-legalità tal-atti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 66, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 51 tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati, b’mod partikolari, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1) TUE, li fosthom hemm il-BĊE, li huma obbligati jirrispettaw id-drittijiet tagħhom, josservaw il-prinċipji tagħhom u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punti 95 u 98).

117    Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, ksur suffiċjentement serju tal-Artikolu 17(1) tal-Karta minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, inkluż il-BĊE, jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, jew tal-Unjoni jew tal-BĊE skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 340 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 97).

118    Barra minn hekk, in-natura fundamentali ta’ din ir-regola tad-dritt li tipproteġi lill-individwi u l-obbligu korrispondenti għall-Kummissjoni u l-BĊE li jippromwovu l-osservanza tagħha jimplika li dawn l-individwi huma intitolati jistennew li dawn l-istituzzjonijiet jiddenunċjaw il-ksur ta’ tali regola meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom jew joqogħdu lura milli jikkontribwixxu għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 57, 59 u 66 sa 75, tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 96, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 98).

119    Madankollu, id-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta ma huwiex prerogattiva assoluta. L-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet fil-fatt jilħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jdgħajjef is-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 69 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata; id-digriet tat‑12 ta’ Marzu 2020, EMB Consulting et vs BĊE, C‑571/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:208, punt 42, u s-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 99).

120    Fil-fatt, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet rikonoxxuti minnha għandha madankollu tkun prevista mil-liġi, tirrispetta l-kontenut essenzjali tagħhom u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, limitazzjonijiet ma jistgħux isiru fuq dawn id-drittijiet u libertajiet ħlief jekk ikunu meħtieġa u jilħqu b’mod effettiv għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 100).

121    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, huwa stabbilit li l-Liġi Nru 4050/2012, li kienet is-suġġett, b’mod partikolari, tal-Opinjoni tal-BĊE tas‑17 ta’ Frar 2012, ippermettiet li jitnaqqas il-valur nominali tat-titoli ta’ dejn miżmuma mir-rikorrenti u, għalhekk, id-dritt tagħhom għar-rimbors ta’ dan il-valur meta dawn it-titoli kellhom jimmaturaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 101).

122    Fil-fatt, titoli ta’ dejn li jkunu laħqu l-maturità għandhom, bħala prinċipju, jitħallsu lura bil-valur nominali tagħhom. Ir-rikorrenti għalhekk kellhom, bħala prinċipju, fil-maturità tat-titoli tagħhom, dejn pekunjarju kontra l-Istat Grieg ta’ ammont ekwivalenti għall-valur nominali tagħhom. L-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012 immodifikat dawn il-kundizzjonijiet billi introduċiet il-KAK. Kif ġie spjegat fil-punt 33 iktar ’il fuq, dawn kienu applikabbli għal ċerti titoli ta’ dejn Griegi u pprevedew b’mod iktar speċifiku l-possibbiltà li jiġu mmodifikati l-kundizzjonijiet li jirregolawhom permezz ta’ ftehim konkluż bejn, minn naħa, l-Istat Grieg u, min-naħa l-oħra, maġġoranza tad-detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi li jirrappreżentaw mill-inqas żewġ terzi tal-valur nominali tat-titoli kkonċernati. Bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il-liġi, modifika magħmula wara tali ftehim issir legalment vinkolanti għad-detenturi kollha ta’ titoli ta’ dejn Griegi, inklużi dawk li ma tawx il-kunsens għall-emenda proposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 102).

123    Il-Liġi Nru 4050/2012 għalhekk ippermettiet li d-detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi jiġu sfurzati jipparteċipaw fit-tnaqqis tad-dejn pubbliku Grieg permezz ta’ żvalutazzjoni tal-valur ta’ dawn it-titoli, mill-mument meta dan it-tnaqqis ġie approvat bil-quorum tad-detenturi tagħhom. Din il-liġi b’hekk immodifikat id-drittijiet tad-detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi minkejja n-nuqqas ta’ klawżoli ta’ reviżjoni li jinsabu fil-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ħruġ tagħhom (sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 103).

124    Wara l-adozzjoni ta’ din il-liġi, l-awtoritajiet Elleniċi ppubblikaw il-karatteristiċi ta’ PSI fit-tnaqqis tad-dejn pubbliku Grieg u stiednu lid-detenturi tat-titoli ta’ dejn ikkonċernati biex jipparteċipaw fi skambju ta’ titoli. Billi ntlaħqu l-quorum u l-maġġoranza meħtieġa biex jipproċedu għall-iskambju ta’ titoli kkontemplat, id-detenturi kollha ta’ titoli ta’ dejn Griegi, inklużi dawk li opponew dan l-iskambju, kellhom it-titoli tagħhom skambjati b’applikazzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012 u, konsegwentement, il-valur tagħhom naqas (sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 104).

125    Minn dan isegwi li l-miżuri kkontestati rriżultaw f’indħil fid-drittijiet ta’ proprjetà tar-rikorrenti li kienu mġiegħla, kontra r-rieda tagħhom, inaqqsu sostanzjalment il-valur nominali tat-titoli ta’ dejn Griegi li tagħhom kienu detenturi (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD006306614, punti 90 sa 93).

126    Indħil addizzjonali fid-dritt għal proprjetà tar-rikorrenti, għalkemm b’portata iżgħar, jirriżulta min-nuqqas ta’ parteċipazzjoni mill-Eurosistema u l-kredituri istituzzjonali l-oħra, bħall-BEI u l-Unjoni Ewropea, fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg. Kif isostnu r-rikorrenti, tali parteċipazzjoni, li tirrappreżenta valur nominali totali ta’ EUR 56 674 709 177.59 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), kienet neċessarjament tirriżulta fi tnaqqis iżgħar fil-valur nominali ta’ kull wieħed mit-titoli ta’ dejn Griegi kkonċernati għall-finijiet tat-tnaqqis miksub tad-dejn pubbliku Grieg ta’ EUR 107 biljuni.

127    Fit-tieni lok, għalkemm l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012 irriżultaw, b’hekk, fi ksur tad-dritt għal proprjetà tar-rikorrenti, huwa ċar li din il-liġi tilħaq għanijiet ta’ interess ġenerali, fosthom dak li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 71 u 74). Bl-istess mod, il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja (CE:ECHR:2016:0721JUD006306614, punt 103), li r-Repubblika Ellenika setgħet leġittimament tieħu miżuri sabiex tilħaq l-għanijiet taż-żamma tal-istabbiltà ekonomika u tar-ristrutturazzjoni tad-dejn, fl-interess ġenerali tal-komunità. Fil-fatt, f’dan l-istadju, fl-assenza ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg permezz tal-miżuri kkontestati, kien hemm riskju mhux negliġibbli ta’ deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni ekonomika u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Istat Grieg, jew saħansitra insolvenza possibbli min-naħa tiegħu, li t-titoli ta’ dejn tiegħu potenzjalment inadempjenti ma kinux ikunu iktar probabbli li jiġu aċċettati mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali bħala garanzija fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, u, għaldaqstant, ta’ effett fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u l-funzjonament tal-Eurosistema kollha kemm hi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punti 105 u 106). Għalhekk, il-miżuri kkontestati kkontribwew għall-preservazzjoni kemm tal-finanzi pubbliċi Griegi kif ukoll tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fiż-żona tal-euro, u b’hekk jippromwovu s-solidità tal-istituzzjonijiet finanzjarji (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑12 ta’ Marzu 2020, EMB Consulting et vs BĊE), C‑571/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:208, punt 51, u s-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 138).

128    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tnaqqis fil-valur tat-titoli ta’ dejn Griegi miżmuma mir-rikorrenti u l-esklużjoni, b’mod partikolari, tal-parteċipazzjoni tal-Eurosistema fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg ma kinux jikkostitwixxu, fir-rigward tal-għan imfittex, interventi sproporzjonati u intollerabbli li jimminaw is-sustanza stess tad-dritt hekk garantit, huwa importanti li jitfakkru l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, ikkonfermati mill-ġurisprudenza.

129    Fl-ewwel lok, kull kreditur għandu jġorr ir-riskju ta’ insolvenza tad-debitur tiegħu, inkluż dak statali. Ix-xiri minn investitur ta’ titoli ta’ dejn statali jikkostitwixxi, bħala definizzjoni, tranżazzjoni li tinvolvi ċertu riskju finanzjarju, peress li hija suġġetta għar-riskji tal-evoluzzjoni tas-swieq kapitali. Dan ir-riskju jkun ikbar meta l-Istat li joħroġ it-titoli ta’ dejn jiffaċċja sitwazzjoni ekonomika ferm instabbli li tiddetermina l-varjazzjoni tal-valur tat-titoli msemmija, jew saħansitra riskju mhux negliġibbli ta’ inadempjenza, anki jekk selettiv biss, ta’ ħlas. Għalhekk, anki qabel il-bidu tal-kriżi finanzjarja fl-2009, meta l-Istat Grieg emittenti kien diġà qed jiffaċċja dejn u defiċit kbir, ir-rikorrenti kellhom ikunu konxji li x-xiri ta’ titoli ta’ dejn Griegi kellu riskju ta’ telf għoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punti 82 u 121, tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 97, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punti 108 u 109).

130    F’dan il-każ, din l-evalwazzjoni hija kkonfermata fir-rigward tad-dati ta’ ħruġ u ta’ xiri tat-titoli ta’ dejn Griegi kontenzjużi, li, skont id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti stess, kienu, għall-biċċa l-kbira ta’ dawn it-titoli, bejn Jannar 2009 u Marzu 2010. Għalhekk, dan ix-xiri prinċipalment seħħ jew matul il-perjodu li fih ir-Repubblika Ellenika kienet diġà f’sitwazzjoni ta’ defiċit estrem (Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD006306614, punt 101) u qabel ma faqqgħet il-kriżi finanzjarja tagħha f’Ottubru 2009, jew matul perijodu li matulu s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha kienet esposta għal disturbi kbar fis-suq finanzjarju, aċċentwat minn tnaqqis sinjifikattiv fil-klassifikazzjoni tat-titoli tad-dejn tagħha (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 97). Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, għall-inqas fir-rigward tax-xiri ta’ titoli maħruġa mill-2010, ir-rikorrenti għamlu investimenti ta’ riskju għoli, li ma jistax jiġi eskluż li kienu ggwidati minn skop spekulattiv u mhux ta’ tfaddil, bit-tama li jiksbu qligħ għoli. Barra minn hekk, id-differenzi ta’ opinjoni fi ħdan l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-korpi l-oħra involuti, bħall-Kummissjoni, l-FMI u l-BĊE, dwar ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, ma setgħux jiġu ttraskurati minn investituri privati bħar-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, operatur ekonomiku prudenti u għaqli ma setax jeskludi r-riskju ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg sabiex tiġi evitata l-inadempjenza, tal-inqas selettiva, tar-Repubblika Ellenika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punti 82 u 121, tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punti 97 u 115, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punti 109 sa 111).

131    Fit-tieni lok, huwa stabbilit li, fid-dawl tal-kobor tal-kriżi finanzjarja li għaliha l-Istat Grieg kien espost sa mill-2010, programm ġdid ta’ għajnuna finanzjarja favur tiegħu, li kien tfassal u kellu jiġi implimentat fil-livelli multilaterali u fil-livelli intergovernattivi, bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, assistiti l-ewwel mill-EFSF u mbagħad mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (iktar ’il quddiem l-“MES”) stabbilit bis-saħħa tat-Trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja, konkluż fi Brussell fit‑2 ta’ Frar 2012 u daħal fis-seħħ fis‑27 ta’ Settembru 2012, kif ukoll ma’ dak tal-FMI, kien sar indispensabbli. Kif josservaw ir-rikorrenti stess, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg previst mill-miżuri kkontestati, kif ukoll l-esklużjoni tal-parteċipazzjoni tal-Eurosistema f’din ir-ristrutturazzjoni jikkostitwixxu, bis-saħħa tal-ftehimiet bilaterali u multilaterali konklużi, prekundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ din l-għajnuna finanzjarja (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EBD, 21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD006306614, punt 116). Għalhekk, mid-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal‑21 ta’ Frar 2012 jirriżulta li r-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg taħt il-Liġi Nru 4050/2012 kienet il-prekundizzjoni għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja addizzjonali min-naħa tal-kredituri statali u istituzzjonali. Issa, minħabba ċ-ċirkustanzi prevalenti f’dan l-istadju, PSI esklużivament volontarju, mingħajr il-KAK, ċertament ma kienx jiggarantixxi l-parteċipazzjoni ta’ perċentwali suffiċjenti ta’ detenturi privati ta’ titoli ta’ dejn Griegi biex tinkiseb ir-rata meħtieġa ta’ tnaqqis tad-dejn u fl-aħħar mill-aħħar miksuba bit-tnaqqis tad-dejn pubbliku Grieg b’ammont ta’ madwar EUR 107 biljun (Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD006306614, punt 104). Barra minn hekk, minħabba r-riskju ta’ periklu morali (moral hazard) irrilevat ġustament mill-Kummissjoni, mill-BĊE, mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill, ma kien hemm ukoll l-ebda garanzija li PSI mingħajr KAK kien jirriżulta f’rata ta’ parteċipazzjoni għolja biżżejjed li tippermetti r-rilaxx ta’ self mill-Istati Membri taż-żona tal-euro li jammonta għal EUR 130 biljun sal-2014 (ara d-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal‑21 ta’ Frar 2012). Fil-fatt, il-problema tal-periklu morali tista’ toħloq inċentiv addizzjonali importanti għal kwalunkwe investitur jew detentur ta’ titoli ta’ dejn Griegi li jimmiraw li jippreservaw l-assi tagħhom biex jirrifjutaw offerta ta’ skambju volontarju ta’ titoli, jew saħansitra biex jixtru iktar titoli fil-każ ta’ tnaqqis fil-valur tas-suq tagħhom, bit-tama li kredituri oħra jew il-komunità usa’ jġorru l-konsegwenzi negattivi tal-investiment riskjuż tagħhom. Għalhekk, l-assenza ta’ KAK mhux biss kienet twassal għall-applikazzjoni ta’ perċentwali ta’ tnaqqis ogħla fir-rigward ta’ titoli ta’ dejn Griegi miżmuma minn dawk li kienu jkunu lesti li jaċċettaw telf impost, iżda kienet tikkontribwixxi wkoll biex tiddisswadi numru kbir ta’ detenturi ta’ tali titoli milli jipparteċipaw fil-proċess tat-tnaqqis tad-dejn, jew saħansitra jinċitawhom biex ifixklu l-implimentazzjoni tal-għan tiegħu. Għalhekk, il-miżuri kkontestati kienu essenzjali kemm biex jiggarantixxu s-suċċess tar-ristrutturazzjoni previst tad-dejn pubbliku Grieg kif ukoll biex jippermettu l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja addizzjonali intiża biex tipprevjeni, fi żmien qasir, inadempjenza fil-ħlas mill-Istat Grieg u biex jiġi megħjun, fuq medda medja ta’ żmien, jikkontrolla l-kriżi finanzjarja tiegħu u biex jerġa’ jikseb bilanċ ekonomiku. Minn dan isegwi li r-rikorrenti naqsu milli juru li l-Liġi Nru 4050/2012 kienet manifestament mhux xierqa jew sproporzjonata f’dan is-sens jew li PSI esklużivament volontarju, nieqes minn KAK, jew perċentwali ta’ telf impost inqas kienu jikkostitwixxu miżuri daqstant effettivi, iżda inqas restrittivi fil-kisba tal-għanijiet ta’ interess pubbliku segwiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 112).

132    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li d-detenturi privati ta’ titoli ta’ dejn Griegi kienu jiddisponu biss minn parti negliġibbli tad-dejn pubbliku Grieg ta’ valur ta’ EUR 2 262 biljun, li jirrappreżenta biss madwar 1.09 % tal-EUR 206 biljuni suġġett tal-offerta ta’ skambju tat-titoli, b’tali mod li l-inklużjoni tagħhom kienet tkun manifestament sproporzjonata għall-iskop li jintlaħaq l-għan tal-interess pubbliku segwit. Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jassumi li, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jibdew minn kunċett ristrett ta’ “detenturi privati” billi jillimitawh għal persuni fiżiċi jew persuni li jfaddlu, b’differenza minn detenturi istituzzjonali jew professjonali jew persuni ġuridiċi (ara l-ħames motiv ta’ illegalità), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-distinzjoni hija irrilevanti (ara l-punti 156 sa 166 iktar ’il quddiem).

133    Fit-tielet lok, ċertament, l-iskambju obbligatorju ta’ titoli ta’ dejn Griegi wara l-Liġi Nru 4050/2012 u l-approvazzjoni minn maġġoranza tad-detenturi ta’ tali titoli wasslu għal tnaqqis sinjifikattiv ħafna fil-valur nominali tagħhom. Fil-fatt, ir-rikorrenti, li ma tawx il-kunsens għall-modifika proposta tal-kundizzjonijiet li jirregolaw it-titoli ta’ dejn tagħhom, kienu suġġetti għall-kundizzjonijiet il-ġodda li jinsabu f’din il-liġi, u b’mod partikolari għal tnaqqis fil-valur nominali ta’ dawn it-titoli. Issa, il-leġiżlatur Elleniku seta’ jintroduċi b’mod leġittimu rata ta’ telf impost applikabbli orizzontalment, fuq il-bażi tal-valur nominali tat-titoli ta’ dejn Griegi eliġibbli, peress li kalkolu ieħor skont il-valur tas-suq ta’ kull wieħed mit-titoli f’ċerta data jew il-maturitajiet rispettivi tagħhom kien ikun imprattikabbli. Fil-fatt, il-punt ta’ riferiment sabiex jiġi evalwat il-grad tat-telf mġarrab mir-rikorrenti ma jistax ikun l-ammont li huma ttamaw li jirċievu meta t-titoli ta’ dejn Grieg tagħhom laħqu l-maturità. Għalkemm il-valur nominali ta’ titolu ta’ dejn jirrifletti l-miżura tad-dejn tad-detentur tiegħu fid-data tal-maturità, dan ma jirrappreżentax il-valur reali tas-suq tat-titoli ta’ dejn Grieg fid-data li fiha l-Istat Grieg adotta l-Liġi Nru 4050/2012, jiġifieri fit‑23 ta’ Frar 2012, meta dan il-valur kien diġà affettwat mit-tnaqqis tas-solvenza tiegħu matul is-snin 2010 u 2011, fejn seta’ jitbassar li, fid-data tal-maturità, l-Istat Grieg ma kienx ikun jista’ jonora l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-klawsoli kuntrattwali inklużi f’dawn it-titoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 113, u Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD006306614, punt 112).

134    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-esklużjoni tal-parteċipazzjoni tal-Eurosistema fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg kienet restrizzjoni bla bżonn jew manifestament sproporzjonata. Minn naħa, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mid-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal‑21 ta’ Frar 2012, il-kredituri statali u istituzzjonali tal-Istat Grieg kienu wkoll ikkundizzjonaw l-għajnuna finanzjarja addizzjonali għal din l-esklużjoni. Min-naħa l-oħra, kemm il-konklużjoni kif ukoll l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ skambju tal‑15 ta’ Frar 2012, li kienu maħsuba biex jippermettu lill-banek ċentrali tal-Eurosistema jaħarbu mill-PSI u l-applikazzjoni tal-KAK, kienu jaqgħu fil-qafas tal-eżerċizzju tas-setgħat u l-kompiti fundamentali tal-Eurosistema fis-sens li kellhom l-għan li jippreżervaw l-marġni ta’ manuvra tal-banek ċentrali u li jiżguraw il-kontinwità tal-funzjonament tajjeb tal-Eurosistema. Din tal-aħħar kienet teħtieġ, b’mod partikolari, li dawn il-banek ċentrali setgħu jkomplu jaċċettaw titoli ta’ dejn Griegi bħala garanziji xierqa għall-finijiet tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti tas-SEBĊ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punti 93, 94 u 108; ara wkoll il-punt 102 iktar ’il fuq), fejn dan ma kienx ikun iktar possibbli fl-eventwalità ta’ telf impost u, konsegwentement, ta’ inadempjenza fi ħlas parzjali mill-Istat Grieg. Barra minn hekk, kif espost fil-punt 109 iktar ’il fuq, parteċipazzjoni inkundizzjonata tal-banek ċentrali tal-Eurosistema fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg setgħet tiġi kklassifikata bħala intervent li għandu effett ekwivalenti għal dak tax-xiri dirett mill-imsemmija banek ċentrali tal-Eurosistema ta’ titoli statali, ipprojbit mill-Artikolu 123 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 114, u tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 98; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 97 u 104, u tal-11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et, C‑493/17, EU:C:2018:1000, punti 106 u 110).

135    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikorrenti ma humiex iġġustifikati jallegaw, minn naħa, li t-titoli ta’ dejn Griegi miżmuma mill-kredituri privati kienu jikkostitwixxu parti negliġibbli tad-dejn pubbliku Grieg, u, min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ parteċipazzjoni tal-Eurosistema fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, it-telf impost applikat kien ikun ħafna inqas u l-Eurosistema kien ikollha mezzi inqas vinkolanti biex tipprevjeni l-effetti negattivi ta’ trattament pari passu.

136    Fil-fatt, fid-dawl tan-natura tat-titolu inkwistjoni, tal-iskala u tan-natura severa u virulenti tal-kriżi tad-dejn pubbliku Grieg, l-appoġġ tal-Istat Grieg u tal-maġġoranza tad-detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi għal skambju bi żvalutazzjoni tat-titoli msemmija u l-kobor tat-telf imġarrab, la t-tnaqqis tal-valur tat-titoli ta’ dejn Griegi kontenzjużi taħt il-miżuri kkontestati, u lanqas l-esklużjoni tal-parteċipazzjoni tal-Eurosistema mir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg ma jikkostitwixxu, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti ggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta. Fl-aħħar nett, fin-nuqqas ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni, la l-Kummissjoni u lanqas il-BĊE ma jistgħu jiġu kkritikati li dan ma ddenunzjawhx, b’mod partikolari, fl-Opinjoni tal-BĊE tas‑17 ta’ Frar 2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs Il-BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punti 114 sa 116).

137    Għaldaqstant, it-tielet motiv ta’ illegalità għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv ta’ illegalità, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet tar-rikorrenti taħt l-Artikolu 63(1) TFUE

[omissis]

142    L-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Tali restrizzjonijiet jikkostitwixxu b’mod partikolari miżuri imposti minn Stat Membru li huma tali li jiddiswadu, jillimitaw jew jipprevjenu investituri minn Stati Membri oħra milli jinvestu f’dan l-Istat Membru jew, bil-maqlub, li huma tali li jiddiswadu, jillimitaw jew jipprevjenu investituri minn dan l-Istat Membru milli jinvestu fi Stati Membri oħra (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143    Il-moviment liberu tal-kapital sanċit fl-Artikolu 63(1) TFUE jikkostitwixxi waħda mil-libertajiet fundamentali tal-Unjoni, li r-rispett tagħha jorbot kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u, għalhekk, ukoll lill-BĊE (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    Għandu jiġi kkonstatat li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012 setgħetx twassal għal restrizzjoni tal-moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE, tali restrizzjoni, kieku kienet ġiet ipprovata, tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, il-moviment liberu tal-kapital jista’ jiġi limitat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sakemm din tal-aħħar tkun iġġustifikata, fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti mill-oriġini tal-kapital ikkonċernat, minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u li tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jeżiġi li tkun kapaċi tiggarantixxi l-kisba tal-għan leġittimament imfittex u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dan jintlaħaq (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punti 121 u 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Dan huwa l-każ hawnhekk fir-rigward tal-miżuri kkontestati u l-esklużjoni tal-Eurosistema milli tipparteċipa fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg. Kif spjegat fil-punt 131 iktar ’il fuq, iċ-ċirkustanzi li taw lok għal-Liġi Nru 4050/2012 kienu tassew eċċezzjonali, peress li, fin-nuqqas ta’ ristrutturazzjoni, inadempjenza ta’ ħlas, għall-inqas selettiva, u għal żmien qasir, tal-Istat Grieg kien prospett kredibbli. Barra minn hekk, kif ġie espost fil-punti 102 u 134 iktar ’il fuq, il-miżuri kkontestati u l-esklużjoni msemmija kienu intiżi biex jiżguraw l-istabbiltà tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi, li tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 123).

146    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-miżuri kkontestati u li din l-esklużjoni kienu sproporzjonati. Dawn il-miżuri għamlu possibbli li tiġi rrestawrata l-istabbiltà tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi u ma ntweriex li marru lil hinn minn dak li kien meħtieġ biex tiġi rrestawrata din l-istabbiltà. B’mod partikolari, il-parteċipazzjoni ta’ kredituri privati fl-iskambju ta’ titoli ta’ dejn Griegi fuq bażi esklużivament volontarja, kif invokat mir-rikorrenti, ma kinitx tippermetti li jiġi żgurat is-suċċess ta’ dan l-iskambju ta’ titoli, iżda, għall-kuntrarju, kienet ħolqot inċentiv kontroproduttiv biex ma jipparteċipawx. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal din, ma kienx ikun iggarantit li numru suffiċjenti ta’ dawn il-kredituri kienu jaċċettaw tali skambju volontarju, fid-dawl tal-periklu morali li kien jinvolvi (ara l-punt 131 iktar ’il fuq). Issa, is-suċċess tal-iskambju tat-titoli kkundizzjona r-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, li, min-naħa tiegħu, kien meħtieġ sabiex tiġi stabbilizzata s-sistema bankarja taż-żona tal-euro (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 124).

147    Għaldaqstant, ir-rikorrenti jinvokaw b’mod żbaljat ksur mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-BĊE tal-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE.

148    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv ta’ illegalità għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv ta’ illegalità, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 20 tal-Karta

[omissis]

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Tfakkira tal-ġurisprudenza

154    Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Barra minn hekk, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament iddifferenzjat jippreżupponi li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni jkunu paragunabbli fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punti 191 u 192 u l-ġurisprudenza ċċitata).

155    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ta’ ġurisprudenza li għandhom jiġu eżaminati l-ewwel u t-tieni parti ta’ dan il-motiv.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq trattament ugwali minkejja n-nuqqas ta’ paragunabbiltà bejn l-investituri privati u l-investituri istituzzjonali jew professjonali

156    Fir-rigward tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jiżbaljaw meta jsostnu li l-investituri privati, b’mod partikolari dawk li jfaddlu, li investew f’titoli ta’ dejn Griegi ma kinux, għall-finijiet tal-PSI, f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ investituri jew ta’ detenturi istituzzjonali jew professjonali, iżda li ma jaqgħux, skont it-termini magħżula mir-rikorrenti, fil-kategorija tal-kredituri pubbliċi.

157    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li, bħal ċerti investituri istituzzjonali jew professjonali, persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom kapaċità finanzjarja sinjifikattiva, bħal, f’dan il-każ, il-kumpannija QJ li għandha titoli ta’ dejn Griegi b’valur nominali totali ta’ EUR 22 650 000, x’aktarx li jakkwistaw kwantitajiet sostanzjali ta’ titoli ta’ dejn statali (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD006306614, punti 137 u 138). Dan fih innifsu juri li l-kapaċità finanzjarja jew il-volum tat-titoli akkwistati ma humiex, fil-każijiet kollha, kriterji ta’ differenzjazzjoni rilevanti biex jiddistingwu investituri privati minn investituri istituzzjonali jew professjonali. L-istess jgħodd għall-kriterju tal-kompetenza u l-għarfien fi kwistjonijiet finanzjarji, li jista’ jvarja f’kull wieħed miż-żewġ gruppi ta’ investituri msemmija mir-rikorrenti, fejn dawn il-gruppi kollha x’aktarx ifittxu parir mingħand esperti fil-qasam. Barra minn hekk, l-affermazzjoni li d-deċiżjonijiet ta’ investiment tal-maġġoranza tal-investituri privati f’titoli ta’ dejn statali huma, kuntrarjament għal dawk ta’ investituri istituzzjonali jew professjonali, prinċipalment iggwidati mix-xewqa li jinvestu fit-tfaddil, peress li, bħar-rikorrenti, numru kbir ta’ individwi ġew imħajra, matul il-kriżi finanzjarja Griega, biex jinvestu somom kbar f’titoli ta’ dejn Griegi minkejja r-riskju għoli li kien assoċjat ma’ dan l-investiment, ma ġietx stabbilita (ara, b’mod partikolari, il-fatti li wasslu għas-sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, ikkonfermati b’digriet tat‑12 ta’ Marzu 2020, EMB Consulting et vs BĊE, C‑571/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:208).

158    Fit-tieni lok, kif diġà ġie espost fil-punt 130 iktar ’il fuq, din il-kunsiderazzjoni hija kkonfermata, f’dan il-każ, fid-dawl tad-dati tal-ħruġ u tax-xiri tal-biċċa l-kbira tat-titoli ta’ dejn Griegi kontenzjużi, li, skont id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti stess, kienu bejn Jannar 2009 u Marzu 2010, jiġifieri matul perijodi li matulhom l-Istat Grieg kien diġà f’sitwazzjoni ta’ defiċit estrem jew kien espost għal tfixkil serju fis-suq finanzjarju, aċċentwat minn tnaqqis sinjifikattiv fil-klassifikazzjoni tat-titoli tad-dejn tiegħu. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, għall-inqas fir-rigward tax-xiri ta’ titoli maħruġa mill-2010, ir-rikorrenti għamlu investimenti ta’ riskju għoli, li ma jistax jiġi eskluż li kienu ggwidati minn għan spekulattiv minflok ta’ tfaddil, bit-tama li jiksbu qligħ għoli. Issa, sa dan il-punt, id-deċiżjonijiet tar-rikorrenti li jinvestu f’titoli ta’ dejn Griegi kienu paragunabbli ma’ dawk ta’ investituri istituzzjonali jew professjonali oħra li jsegwu l-istess għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punti 97 u 115).

159    Fit-tielet lok, il-motivazzjoni prinċipali msemmija iktar ’il fuq sottostanti għad-deċiżjonijiet ta’ investiment inkwistjoni kienet kriterju ta’ differenzazzjoni jew ta’ paragun li huwa kemm rilevanti kif ukoll suffiċjenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-kredituri privati suġġetti għall-PSI, inklużi r-rikorrenti, u iktar speċifikament għall-finijiet tat-tqabbil tas-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ dawn l-investituri, apparti l-fatt li huma kollha kellhom titoli ta’ dejn Griegi. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ għal xi raġunijiet anċillari jew addizzjonali relatati ma’ din il-motivazzjoni prinċipali, li kienu wkoll tali li jinfluwenzaw id-deċiżjoni ta’ dawn l-investituri li jakkwistaw titoli ta’ dejn Griegi. Fil-fatt, kemm fit-teorija kif ukoll fil-prattika, la huwa possibbli li ssir distinzjoni ċara bejn investituri li aġixxew f’kapaċità purament privata, bħala faddala, minn dawk li aġixxew fil-kuntest ta’ attività istituzzjonali jew professjonali, jew saħansitra fuq bażi spekulattiva, u lanqas biex isir ddifferenzjar biżżejjed bejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li x’aktarx jappartjenu għal wieħed minn dawn iż-żewġ gruppi ta’ investituri. Tali distinzjoni ma tkunx biss artifiċjali, iżda tkun teħtieġ ukoll verifika ddettaljata tar-raġunijiet veri, neċessarjament suġġettivi, li ggwidaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment inkwistjoni, u f’dan hemm riskju li l-inklużjoni ta’ investitur f’kategorija waħda jew l-oħra tkun każwali ħafna (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD006306614, punt 137).

160    Fil-fatt, kien ikun diffiċli ħafna u jieħu ħafna ħin biex issir, għall-finijiet tal-PSI, distinzjoni ċara bejn investituri privati, li jistgħu jkunu persuni fiżiċi jew ġuridiċi, minn naħa waħda, u investituri istituzzjonali jew professjonali, min-naħa l-oħra, jew saħansitra biex jiġu identifikati l-“faddala” biss fost l-ewwel kategorija ta’ investituri. Barra minn hekk, sabiex tiġi ddeterminata d-distribuzzjoni preċiża tad-dejn pubbliku Grieg fost dawn l-investituri, kien ikun meħtieġ li jiġu pprojbiti jew “iffriżati” l-iskambji tat-titoli minn ċertu mument qabel l-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012 biex jitqiegħdu l-pedamenti ta’ eżenzjoni mhux diskriminatorja mill-PSI ta’ ċerti investituri li jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi, iżda diffiċli biex jiġu stabbiliti. Madankollu, is-sempliċi tħabbira ta’ tali pass qabel din id-data setgħet tagħti lok għal trasferiment massiv ta’ titoli lill-kategoriji ta’ detenturi ta’ titoli eżenti, li kien jipperikola s-suċċess stess tal-operazzjoni ppjanata ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg taħt il-PSI (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD006306614, punti 137 u 138).

161    Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex kontradetta min-nota ta’ informazzjoni tal-GLK tal‑24 ta’ Frar 2012, li kienet identifikat titoli ta’ dejn Griegi akkwistati minn persuni fiżiċi fis-swieq ta’ titoli ta’ dejn primarji u sekondarji b’valur totali rispettiv ta’ EUR 1.3 biljun u EUR 962 miljun, mingħajr madankollu ma jiġu spjegati l-kriterji legali u fattwali rilevanti fl-oriġini ta’ dawn il-konstatazzjonijiet. Lanqas ma hija mpoġġija fid-dubju mill-argument vag u ambigwu tar-rikorrenti, probabbilment meħud minn konstatazzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, intiż biex jiġbor fil-qosor l-argumenti tar-rikorrenti f’din il-kawża l-oħra (Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD006306614, punt 76), skont liema l-persuni fiżiċi kellhom biss 1.09 % tad-dejn pubbliku Grieg.

162    Fir-raba’ lok, anki jekk wieħed jassumi li, minħabba l-importanza tal-pożizzjoni tagħhom bħala kredituri u l-kapaċità finanzjarja iktar sinjifikattiva tagħhom, ċerti investituri istituzzjonali jew professjonali, li normalment jikkostitwixxu persuni ġuridiċi, ikunu ġeneralment iktar adatti minn investituri privati jew min ifaddal biex jinnegozjaw mal-Istat emittenti ta’ titoli ta’ dejn u biex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tiegħu fir-rigward tal-ġestjoni tad-dejn pubbliku tiegħu, huwa impossibbli li tiġi stabbilita linja ċara u prattika ta’ demarkazzjoni bejn dawn l-investituri istituzzjonali jew professjonali, minn naħa waħda, u dawk b’daqs u kapaċità ekonomika ferm iktar baxxi jew il-persuni fiżiċi li jwettqu attività imprenditorjali jew professjonali, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, mingħajr preġudizzju għall-istatus tagħhom bħala persuni ġuridiċi jew fiżiċi, ma ġiex ipprovat li l-investituri privati jew il-faddala “ż-żgħar” ma kellhomx il-possibbiltà li jorganizzaw lilhom innifishom u jinfluwenzaw il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li wassal għall-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012 jew, għall-inqas, l-eżitu tal-proċedura tal-offerta tal-iskambju tat-titoli billi pprovaw jilħqu minoranza li timblokka biex tiġi prekluża l-attivazzjoni tal-KAK, pereżempju, billi appellaw lill-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi, tal-investituri żgħar jew tal-faddala.

163    Għalhekk, il-fatturi ta’ differenzazzjoni invokati mir-rikorrenti sabiex juru li l-investituri privati u l-investituri istituzzjonali u professjonali ma kinux jinsabu, bħala detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi, f’sitwazzjonijiet paragunabbli la huma ssostanzjati u lanqas rilevanti fid-dawl tal-għan tal-miżuri kkontestati, jiġifieri dak li tiġi żgurata r-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg sabiex ikun vijabbli. F’dan il-kuntest, il-motiv ta’ tfaddil possibbli jew motiv ekonomiku sekondarju ieħor li wassal lil kreditur privat suġġett għall-PSI biex jinvesti f’titoli ta’ dejn Griegi ma jikkostitwixxix fattur ta’ differenzjazzjoni rilevanti fir-rigward ta’ dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 200, u l-Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD006306614, punti 134 u 137). Għall-kuntrarju, fid-dawl ta’ dan l-għan, dawn il-persuni kienu a priori jew f’sitwazzjonijiet identiċi jew paragunabbli, peress li kienu akkwistaw titoli ta’ dejn Griegi fl-uniku interess patrimonjali privat tagħhom, jew saħansitra għal għan ta’ profitt jew spekulattiv, u li kienu aċċettaw ir-riskju ta’ telf assoċjat ma’ dan filwaqt li kienu konxji tas-sitwazzjoni ta’ kriżi finanzjarja li r-Repubblika Ellenika sabet ruħha fiha dak iż-żmien.

164    Barra minn hekk, anki meta wieħed iqis li d-differenzazzjoni allegata mir-rikorrenti hija rilevanti fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ma kienx ikun possibbli li ssir distinzjoni bejn l-allegati “faddala ż-żgħar” u l-“investituri l-kbar” billi jiġi stabbilit, b’mod partikolari, limitu ta’ investiment ta’ EUR 100,000, li taħtu t-titoli ta’ dejn setgħu ġew eżentati mill-PSI. Fil-fatt, bħal kif espost fil-punt 160 iktar ’il fuq u kif iddeċidiet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD006306614, punti 137 u 138), is-sempliċi tħabbira tal-introduzzjoni ta’ tali eżenzjoni kien ikollha l-effett ta’ trasferiment massiv ta’ tali titoli lil kategoriji ta’ detenturi ta’ titoli eżenti, li seta’ jipperikola s-suċċess tal-PSI kollu kemm hu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti naqsu milli juru li, wara l-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012, kien ikun possibbli li tiġi introdotta tali differenzjazzjoni legalment, peress li din il-liġi kienet diġà stabbilixxiet b’mod ċar il-kriterji li jirregolaw il-PSI u l-attivazzjoni tal-KAK għat-titoli kollha ta’ dejn Griegi eliġibbli, mingħajr madankollu ma pprovdiet għal eżenzjonijiet possibbli.

165    Id-distinzjoni magħmula mir-rikorrenti bejn l-investituri privati u l-investituri istituzzjonali jew professjonali lanqas ma hija sostnuta mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/39. Anki jekk din id-direttiva kienet maħsuba biex tipproteġi l-“klijenti tax-xiri bl-imnut” bħala investituri f’“titoli”, bħal bonds jew titoli ta’ dejn negozjabbli, din il-protezzjoni kienet biss preventiva u relatata biss mal-mod kif d-“ditti ta’ l-investiment”, inklużi l-banek kummerċjali, offrew, biegħu u amministraw dawn it-titoli (ara b’mod partikolari l-premessa 44 u l-Artikolu 19 dwar ir-rekwiżiti għat-trasparenza tat-tranżazzjonijiet u r-regoli ta’ kondotta għall-provvista ta’ servizzi ta’ investiment lill-klijenti). Bl-istess mod, sa fejn din id-direttiva kienet tipprovdi għal obbligi ta’ informazzjoni speċifiċi tad-ditti tal-investiment fir-rigward tal-klijenti tagħhom dwar, b’mod partikolari, il-kwalità tas-servizzi pprovduti u l-istrumenti finanzjarji offruti, inkluża informazzjoni xierqa “dwar ir-riskji assoċjati ma’ l-investmenti f’dawn l-istrumenti jew rigward l-istrateġiji partikolari ta’ l-investimenti,” (it-tieni inċiż tal-Artikolu 19(3)), dawn l-obbligi la kienu jikkonċernaw il-konsegwenzi tat-twettiq ta’ tali riskji, u lanqas, a fortiori, il-kwistjoni ta’ jekk “klijenti bl-imnut” għandhomx jiġu ttrattati jew le fuq livell ugwali ma’ “klijenti professjonali”, fosthom istituzzjonijiet ta’ kreditu, fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tad-dejn sovran.

166    B’hekk, peress li r-rikorrenti naqsu milli jistabbilixxu b’mod suffiċjenti fid-dritt li huma kienu f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ detenturi privati oħra ta’ titoli ta’ dejn Griegi, inklużi investituri istituzzjonali jew professjonali, l-ewwel parti bbażata fuq ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandha tiġi miċħuda mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva għall-ugwaljanza fit-trattament inkwistjoni.

–       Fuq it-tieni parti, bbażata fuq trattament mhux ugwali minħabba l-esklużjoni tal-parteċipazzjoni tal-kredituri pubbliċi, b’mod partikolari l-Eurosistema, fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg

167    Fir-rigward tat-tieni parti, ibbażata, b’mod partikolari, fuq allegat trattament mhux ugwali tas-sitwazzjoni tal-investituri privati, inklużi r-rikorrenti, minn naħa, u dik tal-kredituri pubbliċi, b’mod partikolari l-banek ċentrali tal-Eurosistema, min-naħa l-oħra, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali li ċaħdet ilmenti simili (sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punti 88 sa 92, u tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punti 108 sa 117), li r-rikorrenti jippruvaw għalxejn ipoġġu fid-dubju.

168    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jibdew minn premessa żbaljata meta jsostnu li l-individwi kollha li akkwistaw titoli ta’ dejn Griegi, bħala faddala jew kredituri “privati” tar-Repubblika Ellenika, minn naħa, u l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema, min-naħa l-oħra, kienu jinsabu, fir-rigward tal-prinċipji u l-għanijiet tar-regoli rilevanti li fuqhom kienu bbażati l-atti inkriminati, f’sitwazzjoni paragunabbli, jekk mhux identika, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dan l-argument jonqos b’mod partikolari milli jirrikonoxxi li, billi xtraw titoli ta’ dejn Griegi, b’mod partikolari fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2010/281, il-BĊE u dawk il-banek ċentrali nazzjonali aġixxew fl-eżerċizzju tal-kompiti fundamentali tagħhom, bis-saħħa tal-Artikolu 127(1) u (2) TFUE, u b’mod partikolari tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 18(1), tal-Istatuti tas-SEBĊ, bl-għan li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet u l-ġestjoni soda tal-politika monetarja, kif ukoll fil-limiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni (ara l-premessa 5 tal-imsemmija deċiżjoni) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 88, u tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 111).

169    B’hekk, il-programm ta’ xiri ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat, inklużi dawk Griegi, stabbilit bid-Deċiżjoni 2010/281, kien espressament ibbażat fuq l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE, u, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 18(1) tal-Istatuti tas-SEBĊ u, iffaċċjat mill-kriżi finanzjarja li l-Istat Grieg kien espost għaliha, daħal fil-kuntest taċ-“ċirkustanzi eċċezzjonali li hawn bħalissa fis-swieq finanzjarji, ikkaratterizzati b’tensjonijiet kbar f’ċerti setturi tas-suq li qed itellfu l-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-politika monetarja u b’hekk it-tħaddim effettiv tal-politika monetarja orjentata lejn l-istabbiltà tal-prezzijiet fi żmien medju”. Skont din id-deċiżjoni, dan il-programm kien għalhekk maħsub li jkun “parti mill-politika monetarja waħdanija tal-Eurosistema” biex “jindirizza l-funzjonament ħażin tas-swieq tat-titoli u jqajjem mill-ġdid mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja xieraq” (premessi 2 sa 4 tad-deċiżjoni msemmija). Dawn ir-raġunijiet ma humiex ikkontestati bħala tali mir-rikorrenti, li sempliċement jibbażaw il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fuq il-fatt biss li kemm l-investituri privati kif ukoll il-banek ċentrali tal-Eurosistema li jkunu akkwistaw titoli ta’ dejn Griegi huma kredituri tal-Istat Grieg bi drittijiet ugwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 89, u tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs -BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 112).

170    Fil-fatt, il-programm ta’ xiri ta’ titoli u, għalhekk, ix-xiri mill-banek ċentrali tal-Eurosistema ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat, inklużi dawk Griegi, kienu jagħmlu parti mill-kompiti fundamentali tas-SEBĊ fis-sens tal-Artikolu 127(1) u (2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 282(1) TFUE. B’mod iktar konkret, dawn il-miżuri kienu bbażati fuq l-għoti ta’ setgħa previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti tas-SEBĊ, li bis-saħħa tiegħu, “[s]abiex jinkisbu l-għanijiet tas-SEBĊ u sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu”, b’mod partikolari, “joperaw fis-swieq finanzjarji billi jixtru u jbiegħu fil-mument (spot and forward) […] titoli ta’ self, ta’ kreditu, u li jkunu trasferibbli sew jekk f’euro jew f’muniti oħra, […]”. Barra minn hekk, minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li x-xiri minn dawn il-banek ċentrali ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat fis-suq sekondarju huwa biss għall-iskop li jintlaħqu l-għanijiet tas-SEBĊ u li twettaq il-kompiti tagħha, li jeskludi kull raġuni esterna għal dan il-għan, b’mod partikolari l-intenzjoni li jinkiseb redditu għoli permezz ta’ investimenti, jew anki permezz ta’ tranżazzjonijiet fuq bażi spekulattiva (sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 113; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 90).

171    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, bħala investituri privati jew faddala li aġixxew f’isimhom u fl-interess esklużivament privat tagħhom biex jiksbu l-qligħ massimu fuq l-investimenti tagħhom, kienu f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Anki jekk, bis-saħħa tad-dritt privat applikabbli, l-imsemmija banek ċentrali kisbu, meta xtraw titoli ta’ dejn statali, bħall-investituri privati, l-istatus ta’ kreditur tal-Istat emittenti u debitur, dan il-punt biss komuni ma jistax jiġġustifika li jitqiesu bħala li jinsabu fi stat simili, jew sitwazzjoni saħansitra identika għal dik ta’ dawn l-investituri. Fil-fatt, tali approċċ adottat mill-perspettiva tad-dritt privat waħdu ma jqisx la l-qafas ġuridiku tal-operazzjoni tax-xiri tat-titoli msemmija mill-banek ċentrali, u lanqas l-għanijiet ta’ interess pubbliku li dawn ġew mitluba jsegwu f’dan il-kuntest bis-saħħa tar-regoli applikabbli tad-dritt primarju, li l-prinċipji u l-għanijiet tagħhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 91, u tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 114).

172    Għalhekk għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti, bħala investituri privati li xtraw titoli ta’ dejn Griegi biss fl-interess patrimonjali privat tagħhom, kienet x’kienet ir-raġuni preċiża għad-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom, kienu f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-banek ċentrali tal-Eurosistema li d-deċiżjoni tal-investiment tagħhom kienet iggwidata esklużivament minn għanijiet ta’ interess pubbliku, kif imsemmi fl-Artikolu 127(1) u (2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 282(1) TFUE, kif ukoll l-ewwel inċiż tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti SEBĊ. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, l-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ skambju tal‑15 ta’ Frar 2012 ma jistgħux jikkostitwixxu ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 92).

173    Fit-tieni lok, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jressqu ebda argument addizzjonali jew ġdid li jista’ jwassal lill-Qorti Ġenerali biex tibdel din il-ġurisprudenza. B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li jsostnu, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta b’mod ċar li l-implimentazzjoni kemm tal-programm ta’ xiri ta’ titoli kif ukoll tal-ftehim ta’ skambju tal‑15 ta’ Frar 2012 kienu jikkostitwixxu miżuri ta’ politika monetarja fis-sens tal-Artikolu 127(1) u (2) TFUE, tal-Artikolu 282(1) TFUE kif ukoll tal-ewwel u t-tieni inċiżi tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti tas-SEBĊ.

174    Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura tirrigwardax il-politika monetarja, għandu jsir riferiment prinċipalment għall-għanijiet ta’ din il-miżura, iżda wkoll għall-mezzi li din timplimenta sabiex tilħaq dawn l-għanijiet. Għalhekk, meta programm speċifiku ta’ xiri ta’ titoli jkun maħsub, minn naħa, biex jilħaq l-għan li jippreżerva l-uniċità tal-politika monetarja, dan jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet ta’ din il-politika, sal-punt fejn għandha, skont l-Artikolu 119(2) TFUE, tkun “unika”. Barra minn hekk, sa fejn dan il-programm għandu l-għan, min-naħa l-oħra, li jippreżerva trażmissjoni xierqa tal-politika monetarja, dan l-għan huwa kemm ta’ natura li jippreżerva l-uniċità ta’ din il-politika kif ukoll li jikkontribwixxi għall-għan prinċipali tagħha, li huwa ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Fil-fatt, il-kapaċità tal-Eurosistema li tinfluwenza l-iżvilupp tal-prezzijiet permezz tad-deċiżjonijiet tagħha ta’ politika monetarja tiddependi, fil-biċċa l-kbira, mit-trażmissjoni tal-impulsi li hija temetti fis-suq tal-flus lis-setturi varji tal-ekonomija, b’mod li funzjonament degradat tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja x’aktarx li jagħmel id-deċiżjonijiet tal-Eurosistema ineffettivi f’parti miż-żona tal-euro u, għalhekk, ipoġġi f’dubju l-uniċità tal-politika monetarja. Barra minn hekk, meta funzjonament degradat tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni jibdel l-effettività tal-miżuri adottati mill-Eurosistema, il-kapaċità tagħha li tiggarantixxi l-istabbiltà tal-prezzijiet tkun neċessarjament affettwata. Minn dan isegwi li miżuri mmirati biex jippreżervaw dan il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni jistgħu jkunu marbuta mal-għan ewlieni ddefinit fl-Artikolu 127(1) TFUE. Il-fatt li programm ta’ xiri ta’ titoli bħal dan x’aktarx li jikkontribwixxi wkoll għall-istabbiltà taż-żona tal-euro, li hija kwistjoni ta’ politika ekonomika, mhux probabbli li jqiegħed fid-dubju din l-analiżi, billi miżura ta’ politika monetarja ma tistax tiġi assimilata ma’ miżura ta’ politika ekonomika sempliċement għax jista’ jkollha effetti indiretti fuq l-istabbiltà taż-żona tal-euro (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 46 sa 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et, C‑493/17, EU:C:2018:1000, punti 61 u 63.

175    Fir-rigward tal-mezzi previsti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Eurosistema u biex jitwettqu l-kompiti tagħha kif ukoll l-għanijiet immirati minn tali programm ta’ xiri, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet, essenzjalment, li l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm kienet tinvolvi operazzjonijiet monetarji fuq titoli fis-swieq sekondarji tad-dejn sovran, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti tas-SEBĊ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 53 u 54, u tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et, C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 69). Hija kkonkludiet, b’mod partikolari, li, fid-dawl tal-għanijiet ta’ tali programm ta’ xiri ta’ titoli u l-mezzi pprovduti sabiex dawn jintlaħqu, il-programm imsemmi kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika monetarja u ċaħdet l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-implimentazzjoni ta’ tali programm ta’ xiri ta’ titoli hija suġġetta għal konformità sħiħa mal-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku tal-EFSF jew tal-MES u li jista’, jekk ikun meħtieġ, isaħħaħ, inċidentalment, l-inċentiv għall-konformità ma’ dawn il-programmi, li l-implimentazzjoni tagħhom issegwi għanijiet ta’ politika ekonomika. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali effetti indiretti ma jistgħux jimplikaw li programm bħal dan għandu jiġi assimilat ma’ miżura ta’ politika ekonomika, sa fejn mill-Artikolu 119(2) TFUE, mill-Artikolu 127(1) TFUE u mill‑Artikolu 282(2) TFUE jirriżulta li, mingħajr preġudizzju għall-għan tal-istabbiltà tal-prezzijiet, l-Eurosistema għandha tipprovdi appoġġ għal politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 55 sa 59).

176    Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-fatt li x-xiri ta’ bonds sovrani fis-swieq sekondarji suġġetti għal konformità ma’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku seta’ jitqies li jaqa’ fil-kuntest tal-politika ekonomika meta x-xiri kien sar mill-MES ma jimplikax li l-istess għandu japplika meta dan l-istrument kien intuża mill-Eurosistema fil-qafas ta’ programm ta’ xiri ta’ titoli. Fil-fatt, id-differenza bejn l-għanijiet segwiti mill-MES u l-Eurosistema hija, f’dan ir-rigward, deċiżiva. Filwaqt li programm bħal dan jista’ jiġi implimentat biss sal-punt meħtieġ biex tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-intervent tal-MES għandu l-għan, min-naħa tiegħu, li jippreżerva l-istabbiltà taż-żona tal-euro, fejn dan l-għan tal-aħħar ma jaqax fil-politika monetarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 63 u 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, anki jekk ir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg kien prinċipalment kwistjoni ta’ politika ekonomika u, għalhekk, taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, li huwa konsistenti mal-adozzjoni minn il-leġiżlatur Elleniku tal-Liġi Nru 4050/2012, xorta jibqa’ l-fatt li l-miżuri ta’ akkumpanjament kollha adottati mill-Eurosistema, skont l-Artikolu 127(1) u (2) TFUE tal-Artikolu 282(1) TFUE u l-ewwel u t-tieni inċiżi tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti tas-SEBĊ, huma parti mill-politika monetarja. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li tali ristrutturazzjoni x’aktarx ikollha riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq it-twettiq tal-għan ewlieni tal-politika monetarja, jiġifieri ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet, kif ukoll fuq il-funzjonament tajjeb tas-sistemi tal-ħlas. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li dawn il-miżuri ta’ akkumpanjament kienu intiżi sabiex jappoġġjaw miżuri ta’ politika ekonomika fis-sens strett, jiġifieri l-irkupru tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-Repubblika Ellenika, ma jimplikax li dawn jistgħu jiġu assimilati ma’ dawn tal-aħħar. Dan jikkonċerna mhux biss ix-xiri mill-banek ċentrali tal-Eurosistema fis-suq sekondarju tal-bonds ta’ titoli ta’ dejn Griegi bis-saħħa ta’ programm ta’ xiri ta’ titoli fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti tas-SEBĊ (ara d-Deċiżjoni 2010/281 imsemmija fil-punt 7 iktar ’l fuq), iżda wkoll kull miżura oħra relatata mal-ġestjoni ta’ tali titoli, inkluż il-bejgħ jew it-tpartit bħala actus contrarius, b’mod partikolari fil-qafas tal-ftehim ta’ skambju tal‑15 ta’ Frar 2012.

178    Fil-fatt, il-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim ta’ skambju, li kienu intiżi sabiex jippermettu lill-banek ċentrali tal-Eurosistema jaħarbu mill-PSI u mill-applikazzjoni tal-KAK, kienu jaqgħu fil-qafas tal-eżerċizzju tas-setgħat u tal-kompiti fundamentali tal-Eurosistema sa fejn kellhom l-għan li jippreżervaw il-marġni ta’ manuvra tal-imsemmija banek ċentrali u li jiżguraw il-kontinwità tal-funzjonament tajjeb tal-Eurosistema. Dan l-aħħar għan jippreżupponi, b’mod partikolari, li dawn il-banek ċentrali setgħu jkomplu jaċċettaw titoli ta’ dejn Griegi bħala garanzji xierqa għall-finijiet ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 18(1) tal-Istatuti tas-SEBĊ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 108), li ma kienx ikun possibbli fil-każ ta’ klassifikazzjoni baxxa tat-titoli msemmija, u saħansitra inqas fil-każ ta’ telf impost, jiġifieri inadempjenza parzjali fil-ħlas (ara l-Linja Gwida tal-BĊE 2011/817/UE tal‑20 ta’ Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2011/14) (ĠU 2011 L 331, p. 1), u l-Anness I tiegħu, intitolat “Dokumentazzjoni ġenerali fuq l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema”, punti 6.3.1 u 6.3.2 li jistabbilixxu l-kriterji li jirregolaw kemm ir-rekwiżiti minimi għal standards ta’ kreditu għoljin jew limitu ta’ kwalità tal-kreditu kif ukoll standards ta’ kreditu għoljin għal assi negozjabbli). F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li, bid-Deċiżjoni tiegħu 2010/268/UE tas‑6 ta’ Mejju 2010 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Grieg (BĊE/2010/3) (ĠU 2010, L 117, p. 102), iffaċċjat bil-kriżi finanzjarja fir-Repubblika Ellenika, il-BĊE saħansitra kellu jissospendi, fuq bażi eċċezzjonali, temporanjament “[i]r-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal-limiti tal-kwalità tal-kreditu, kif speċifikat fir-regoli tal-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema għal titoli [fil-punt] 6.3.2 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali” sabiex jippermetti lill-Eurosistema tkompli taċċetta titoli ta’ dejn Griegi bħala “garanzija eliġibbli għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema irrispettivament mill-klassifika esterna tal-kreditu tiegħu” (Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punti 6 u 7).

179    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-klassifikazzjoni tal-esklużjoni tal-Eurosistema mir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg bħala miżura ta’ politika ekonomika għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. L-istess japplika għall-argumenti bbażati fuq l-osservazzjonijiet magħmula mill-BĊE quddiem il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) u fuq ksur tal-Artikolu 123(1) TFUE, diġà miċħudin fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv ta’ illegalità (ara l-punti 109 u 110 iktar ’il fuq).

180    Fit-tielet lok, sa fejn ir-rikorrenti jallegaw inugwaljanza fit-trattament fil-konfront tal-BEI u tal-Kummissjoni, jew saħansitra tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, it-titoli ta’ dejn Griegi miżmuma minn dawn il-kredituri istituzzjonali kienu wkoll esklużi mill-PSI u mill-applikazzjoni tal-KAK (ara l-punt 29 iktar ’il fuq), mingħajr madankollu ma kien is-suġġett tal-ftehim ta’ skambju tal‑15 ta’ Frar 2015.

181    Madankollu, fir-rigward tal-istatus tal-BEI bħala detentur ta’ titoli ta’ dejn statali, jirriżulta mill-missjoni ta’ interess pubbliku li għandu dan il-korp, bis-saħħa tal-Artikolu 309 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 18(1), mal-Artikolu 21(1) sa (3) u mal-Artikolu 26(2) tal-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-BEI, li dan tal-aħħar kien ukoll f’sitwazzjoni differenti minn dik tad-detenturi privati ta’ titoli ta’ dejn Griegi.

182    Fil-fatt, l-Artikolu 309 TFUE jipprovdi li l-kompitu tal-BEI “għandu jkun li jikkontribwixxi, billi jirrikorri għas-suq kapitali u bill jagħmel użu mir-riżorsi tiegħu proprji, għall-iżvillupp ekwilibrat u regolari tas-suq intern fl-interess ta’ l-Unjoni” u li għal “dan l-għan il-Bank, li jopera mingħajr ma jfittex il-profitt, għandu jislef u jagħti garanziji li jiffaċilitaw il-finanzjament ta’ l-proġetti li ġejjin fis-setturi kollha ta’ l-ekonomija”. Bl-istess mod, l-Artikolu 21(1) sa (3) tal-Protokoll Nru 5 jagħti s-setgħa lill-BEI, b’mod partikolari, li jagħmel investimenti fis-swieq tal-flus, li jixtri jew ibigħ titoli u li jwettaq kwalunkwe operazzjoni finanzjarja oħra b’rabta mal-għan tiegħu (paragrafu 1) billi jobbligah jaġixxi “bi ftehim ma’ l-awtoritajiet kompetenti jew mal-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat.” Fl-aħħar nett, l-Artikolu 26(2) ta’ dan il-protokoll jipprovdi li l-“proprjetà tal-B[EI] għandha tkun eżentata minn kull forma ta’ rekwiżizzjoni jew esproprjazzjoni”. B’hekk, parteċipazzjoni obbligatorja tal-BEI fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, li kienet tammonta għal indħil fid-dritt għal proprjetà (ara l-punti 121 sa 126 iktar ’il fuq) u, għaldaqstant, għal forma ta’ “esproprjazzjoni”, kienet tkun tali li tikser il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 26(2) tal-Protokoll Nru 5 li għandu l-għan li jippreżerva l-kompiti ta’ interess pubbliku tal-BEI skont l-Artikolu 309 TFUE.

183    Għaldaqstant, minħabba l-fatt li l-BEI kien f’sitwazzjoni fattwali u legali differenti minn dik ta’ investituri privati, l-esklużjoni tiegħu mir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg ma tistax tistabbilixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt ta’ ugwaljanza fit-trattament tar-rikorrenti.

184    Fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ kreditur tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li din tal-aħħar hija, b’mod partikolari, irrappreżentata mill-Kummissjoni, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità baġitarja fis-sens tal-Artikolu 317 TFUE, u, b’mod iktar speċifiku, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ “operazzjonijiet finanzjarji” fis-sens tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 321 TFUE, kif ukoll regoli finanzjarji fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, moqri flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25 tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif imħassar bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012 L 298, p. 1), li jipprevedu, b’mod partikolari, id-dħul, fil-baġit tal-Komunitajiet jew tal-Unjoni, ta’ garanziji għal operazzjonijiet ta’ self u self ikkuntrattati mill-Komunitajiet jew mill-Unjoni (Artikolu 4(3) tar-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002; Artikolu 7(2) tar-Regolament Finanzjarju Nru 966/2012). Barra minn hekk, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, bis-saħħa tat-tielet sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni, “[il]-proprjetà u l-assi ta’ l-Unjoni ma jkunu suġġetti għal ebda miżura amministrattiva jew legali li tirrestrinġihom mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.”

185    Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-istrumenti ta’ dejn Grieg miżmuma mill-Unjoni Ewropea mhux biss kienu jaqgħu taħt il-baġit tagħha u kienu ġestiti, parzjalment, mill-Kummissjoni, bħala awtorità baġitarja, u, parzjalment, mill-BEI, fl-interess pubbliku tal-Unjoni, iżda kienu jibbenefikaw ukoll minn protezzjoni speċjali kontra atti ta’ esproprjazzjoni mill-Istati Membri. Kien f’dan l-interess li, minn naħa waħda, il-Kummissjoni kellha portafoll inizjali ta’ titoli b’valur nominali ta’ EUR 46 miljun f’isem il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) f’likwidazzjoni, kif ukoll it-tieni portafoll ta’ titoli b’valur nominali ta’ EUR 5 miljuni miżmuma mir-reġim komuni tal-assigurazzjoni tal-mard għall-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej (JSIS). Min-naħa l-oħra, il-BEI kien imexxi tliet portafolli ta’ titoli ta’ dejn Griegi b’valur nominali totali ta’ EUR 55.7 miljun, inklużi EUR 40.7 miljun miżmuma mill-Fond ta’ Garanzija għal azzjonijiet esterni stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal‑25 ta’ Mejju 2009 (ĠU 2009, L 145, p. 10), EUR 10 miljuni miżmuma mill-Faċilità Finanzjarja għall-Qsim tar-Riskju, u EUR 5 miljuni miżmuma mill-Istrument ta’ Garanzija fuq is-Self għall-Proġetti fi ħdan in-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T).

186    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma humiex iġġustifikati li jsostnu li d-detenturi privati li investew f’titoli ta’ dejn Griegi fl-uniku interess finanzjarju privat tagħhom kienu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-Unjoni Ewropea, bħala detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi għall-uniku skop li tiġġestixxi u tippreżerva l-baġit tagħha u timplimenta l-politiki u l-kompiti tagħha fl-interess pubbliku.

187    Għalhekk, l-ilment ta’ inugwaljanza fit-trattament ta’ investituri privati fil-konfront tal-Unjoni għandu jiġi miċħud ukoll.

188    Fir-raba’ lok, fir-rigward tan-natura allegatament diskriminatorja tat-telf impost u l-kriterji uniformi jew egalitarji li jirregolaw it-titoli ta’ dejn ġodda offruti mill-Istat Grieg, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi diverġenti tat-titoli skambjati taħt il-PSI, b’mod partikolari f’termini ta’ maturità residwa, ta’ kupun, u l-valur kurrenti tas-suq, biżżejjed li wieħed ifakkar li, fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs il-Greċja (CE:ECHR:2016:0721JUD006306614, punti 133, 135 u 138), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ċaħdet ilment simili u approvat il-legalità tas-sentenza tas-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja) nru 1116/2014 tal‑21 ta’ Marzu 2014, fuq dan il-punt. Fil-fatt, kif stabbilit fil-punt 133 iktar ’il fuq, kalkolu ta’ telf impost ibbażat fuq il-valur tas-suq ta’ kull wieħed mit-titoli f’ċerta data, diġà affettwat bil-qawwa mit-tnaqqis fis-solvenza tal-Istat Grieg, u l-maturitajiet rispettivi tagħhom ma kienx ikun prattiku. Barra minn hekk, fil-qafas ta’ ristrutturazzjoni ta’ dejn pubbliku bis-saħħa ta’ mekkaniżmu tal-KAK, ma jidhirx nieqes minn loġika li jiġu armonizzati l-kundizzjonijiet tal-ħruġ, inklużi kupuni u maturitajiet, ta’ titoli ġodda, li l-finanzjament tagħhom irid ikun iggarantit bl-appoġġ ta’ organu intergovernattiv ta’ parti terza, jiġifieri f’dan il-każ l-EFSF u l-MES. Għalhekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li ristrutturazzjoni “titolu b’titolu” kien ikun teknikament fattibbli u suffiċjenti biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess pubbliku segwiti. Għall-kuntrarju, peress li dawn l-għanijiet setgħu jintlaħqu b’mod effettiv biss fuq il-bażi tal-valur nominali tat-titoli ta’ dejn Griegi eliġibbli, dan il-kriterju kien kemm rilevanti kif ukoll xieraq sabiex jitqabblu s-sitwazzjonijiet inkwistjoni fir-rigward tal-għanijiet segwiti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

189    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-ilment għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li paragun ta’ “titolu b’titolu” kien jagħtihom vantaġġ jew kien jiġġustifika li jiddistingwihom minn detenturi oħra mċaħħda minn titoli, fid-dawl tal-kwalità tat-titoli ta’ dejn Griegi li kellhom.

190    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità bbażata fuq ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

191    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, fl-assenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt li tipproteġi lir-rikorrenti, li tista’ twassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea jew tal-BĊE, ir-rikors għandu jiġi miċħud, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar ir-rabta kawżali jew dwar id-dannu allegat.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (it-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      QI u r-rikorrenti l-oħrajn li isimhom jidher fl-Anness huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll dawk imġarrba mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

3)      Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Półtorak

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Frar 2022.

Firem


*      Lingwa tal-proċedura: l-Ingliż.


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija mehmuża biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.


2      Huma riprodotti biss dawk il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.