Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2023 minn Galina Evgenyevna Pumpyanskaya mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fis-6 ta’ Settembru 2023 fil-Kawża T-272/22, Pumpyanskaya vs Il-Kunsill

(Kawża C-695/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Galina Evgenyevna Pumpyanskaya (rappreżentanti: G. Lansky, P. Goeth, A. Egger u E. Steiner, Rechtsanwälte)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Settembru 2023 fil-Kawża C-272/22;

tiddeċiedi definittivament il-kawża u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/397 tad-9 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna 1 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/396 tad-9 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna 2 , sa fejn dawn jikkonċernaw lill-appellanti, u tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali;

jew, sussidjarjament għat-tieni talba, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi skont id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq punti ta’ liġi u tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill ma kienx wettaq żball ta’ evalwazzjoni, meta kklassifika lill-appellanti bħala “assoċjata” ma’ “persuna ewlenija fin-negozju […] involuta f’setturi ekonomiċi li jipprovdu dħul sostanzjali lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa” fis-sens tal-Artikolu 2(1) u, essenzjalment, tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2014/145 kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 tal-25 ta’ Frar 2022 1 u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 269/2014 kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/330 tal-25 ta’ Frar 2022 2 .

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill ma kisirx id-drittijiet fundamentali tal-appellanti. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li l-liġi li fuqha ġew imposti l-miżuri restrittivi ma tiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-miżuri imposti josservaw l-essenza tad-drittijiet fundamentali tal-appellanti, u li huma proporzjonati.

____________

1     ĠU 2022, L 80, p. 31, rettifiki fil-ĠU 2022, L 117, p. 118 u fil-ĠU 2022, L 156, p. 160.

1     ĠU 2022, L 80, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2022, L 117, p. 117 u fil-ĠU 2022, L 154, p. 76.

1     Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 tal-25 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 50, p. 1).

1     Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/330 tal-25 ta’ Frar 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 51, p. 1).