Language of document : ECLI:EU:C:2024:360

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla)

25 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ self ipotekarju – Klawżola li tipprevedi li l-ispejjeż marbuta mal-kuntratt għandhom jitħallsu mill-konsumatur – Deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tikkonstata n-natura inġusta ta’ din il-klawżola u li tannullaha – Azzjoni għall-ħlas lura tas-somom imħallsa abbażi tal-klawżola inġusta – Bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni”

Fil-Kawża C‑484/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 20 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 20 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Lulju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Awwissu 2021, fil-proċedura

F C C,

M A B

vs

Caixabank SA, li kienet Bankia SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla),

komposta minn O. Spineanu‑Matei, Presidenta tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Ottubru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal F C C u għal M A B, minn I. Fernández Grañeda, F. Gómez Hidalgo Terán u J. Zaera Herrera, abogados,

–        għal Caixabank SA, minn J. Gutiérrez de Cabiedes Hidalgo de Caviedes,J. Rodríguez Cárcamo u E. Valencia Ortega, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Ballesteros Panizo u A. Pérez‑Zurita Gutiérrez, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. G. Rocchitta, avvocato dello Stato,

–         għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 2, p. 288).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn minn naħa F C C u M A B, żewġ konsumaturi, u min-naħa l-oħra, Caixabank SA, li kienet Bankia SA, istituzzjoni ta’ kreditu, dwar talba għall-ħlas lura ta’ somom imħallsa abbażi ta’ klawżola kuntrattwali li n-natura inġusta tagħha ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

4        L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

 Iddritt Spanjol

5        L-Artikolu 121‑20 tal-Ley 29/2002, primera Ley del Código Civil de Cataluña (il-Liġi 29/2002, l-Ewwel Liġi tal-Kodiċi Ċivili ta’ Cataluña), tat‑30 ta’ Diċembru 2002 (BOE Nru 32, tas‑6 ta’ Frar 2003, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili Katalan”), jipprevedi:

“L-azzjonijiet ta’ kull tip jiġu preskritti wara għaxar snin, sakemm persuna ma tkunx akkwistat minn qabel id-dritt permezz ta’ usucapio jew sakemm dan il-kodiċi jew il-liġijiet speċjali ma jipprovdux mod ieħor.”

6        L-Artikolu 121‑23(1) tal-Kodiċi Ċivili Katalan jipprovdi:

“It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri meta, ladarba l-azzjoni tkun inħolqot u tkun tista’ tiġi eżerċitata, il-persuna li jkollha d-dritt li taġixxi tkun taf jew tista’ raġonevolment tkun taf iċ-ċirkustanzi li fuqhom din tkun ibbażata u l-persuna li kontriha din tkun tista’ tiġi eżerċitata.”

7        Skont l-Artikolu 121‑11 ta’ dan il-kodiċi:

“Dawn li ġejjin jikkostitwixxu kawżi ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni:

a)      It-tressiq tal-azzjoni quddiem il-qrati, anki jekk din tiġi miċħuda minħabba difett proċedurali.

b)      Il-bidu tal-proċedura ta’ arbitraġġ dwar il-kreditu jew il-preżentata tar-rikors li jitlob in-nomina tal-arbitri mill-qorti.

c)      It-talba extraġudizzjarja tal-kreditu.

d)      Ir-rikonoxximent tad-dritt jew ir-rinunzja għall-preskrizzjoni mill-persuna li kontriha l-kreditu jista’ jiġi invokat matul it-terminu ta’ preskrizzjoni.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

8        Il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali kienu kkonkludew kuntratt ta’ self ipotekarju fl‑2007. Peress li l-klawżola ta’ dan il-kuntratt li kienet timponi fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-ħlas tal-ispejjeż kollha relatati mal-kostituzzjoni tal-ipoteka (iktar ’il quddiem il-“klawżola dwar l-ispejjeż”) kienet ġiet annullata permezz ta’ sentenza tal-Juzgado de Primera Instancia no 50 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 50 ta’ Barcelona, Spanja) tat‑2 ta’ Mejju 2019, is-somom imħallsa bħala spejjeż notarili tħallsu lura lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

9        Fit‑23 ta’ Frar 2021, dawn tal-aħħar ippreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Juzgado de Primera Instancia no 20 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 20 ta’ Barcelona, Spanja), intiż għar-rimbors tas-somom imħallsa abbażi tal-klawżola dwar l-ispejjeż għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u l-ispejjeż għal servizzi ta’ ġestjoni, fl-ammont ta’ EUR 295.36.

10      Quddiem il-qorti tar-rinviju, Caixabank issostni li l-azzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija preskritta. Fil-fehma tagħha, it-terminu ta’ preskrizzjoni, li skont il-Kodiċi Ċivili Katalan, huwa ta’ għaxar snin, beda jiddekorri mill-mument tal-kostituzzjoni tal-ipoteka fl‑2007, meta l-ammonti li r-rimbors tagħhom huwa s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali tħallsu.

11      Min-naħa tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, skont il-gwida mogħtija fis-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia (C‑485/19, EU:C:2021:313), it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri biss mill-mument li fih ġiet ikkonstatata n-nullità tal-klawżola dwar l-ispejjeż mill-Juzgado de Primera Instancia n 50 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 50 ta’ Barcelona). Huma jżidu li, fis-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax jibda jiddekorri mill-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt.

12      Skont il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni dwar f’liema mument il-konsumatur huwa meqjus li jaf bil-fatti li fuqhom hija ibbażata l-azzjoni għall-ħlas lura tas-somom imħallsa abbażi tal-klawżola annullata. Fil-fehma tagħha, ma hemm l-ebda dubju li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ikunu osservati, bl-istess mod, għaldaqstant, bħall-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni kellu jibda jiddekorri mill-mument tal-konstatazzjoni tan-nullità tal-klawżola dwar l-ispejjeż. Madankollu l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni jista’ jkun ukoll, b’mod iktar diskutibbli skont il-qorti tar-rinviju, jew id-data li fiha l-konsumatur inkwistjoni jkun ħallas dawn is-somom, jew id-data li fiha t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tkun tat sentenza li tiddikjara inġusta klawżola standardizzata li l-portata tagħha tkun ekwivalenti għal dik tal-klawżola dwar l-ispejjeż.

13      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni kellu jibda jiddekorri mill-mument tal-ħlas tal-ispejjeż, l-azzjoni tkun f’dak il-każ preskritta u l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jiksbu r-rimbors tas-somom indebiti. Għall-kuntrarju, jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni kellu jibda jiddekorri mid-data tas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) imsemmija iktar ’il fuq, jiġifieri t-23 ta’ Diċembru 2015, jew minn dik li fiha deċiżjoni ġudizzjarja tkun ikkonstatat in-nullità tal-klawżola dwar l-ispejjeż, f’dan il-każ it‑2 ta’ Mejju 2019, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin ikun għadu ma skadiex u l-konsumaturi jkunu għadhom jistgħu jiġu kkumpensati għad-dannu li sofrew.

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Juzgado de Primera Instancia no 20 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 20 ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari sussegwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Huwa kompatibbli mal-Artikolu 38 [tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea], mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u mal-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-[Direttiva 93/13] li l-perijodu ta’ preskrizzjoni għal-rikors għal danni ekonomiċi li jirriżultaw minn klawżola inġusta, bħal klawżola tal-ispejjeż, jibda jiddekorri qabel il-mument meta l-imsemmija klawżola ġiet iddikjarata nulla minħabba li hija inġusta?

2)      Huwa kompatibbli mal-Artikolu 38 [tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea], mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u mal-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-[Direttiva 93/2013] li tiġi stabbilita bħala bidu tal-perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ klawżola inġusta d-data meta qorti b’awtorità li toħloq ġurisprudenza, bħall-Qorti Suprema, tindika li klawżola partikolari hija inġusta, indipendentement minn jekk il-konsumatur partikolari jkunx jaf jew le bil-kontenut ta’ din is-sentenza?

3)      Huwa kompatibbli mal-Artikolu 38 [tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea], mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u mal-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-[Direttiva 93/2013] li jiġi stabbilit, f’kuntratt għal żmien twil, li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ispejjeż imħallsa għall-ħolqien ta’ self jibda jiddekorri mill-mument meta jsir il-ħlas, inkwantu l-klawżola inġusta eżawriet l-effetti tagħha f’dan il-mument u ma hemmx riskju li l-klawżola terġa’ ssir applikabbli?”

 Fuq iddomandi preliminari

15      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod illi hija ma jistax ikollha effetti fil-konfront tal-konsumatur. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ tali klawżola għandha, bħala prinċipju, ikollha l-konsegwenza li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni legali u fattwali li kien ikun jinsab fiha l-konsumatur fl-assenza tal-imsemmija klawżola (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 61, kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 57).

16      Minn dan isegwi li l-obbligu għall-qorti nazzjonali li teskludi klawżola kuntrattwali inġusta li tkun timponi l-ħlas ta’ somom li jirriżultaw li huma indebiti għandu, bħala prinċipju, effett ta’ ħlas lura korrispondenti fir-rigward ta’ dawn is-somom (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 62, kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 58).

17      Fil-fatt, l-assenza ta’ tali effett ta’ ħlas lura tkun tista’ timmina l-effett dissważiv li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikol 7(1) ta’ din id-direttiva, huwa intiż li jorbot mal-konstatazzjoni tal-natura inġusta tal-klawżoli inklużi fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 63, kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 58).

18      Ċertament, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jeżiġi li l-Istati Membri jipprevedu li l-klawżoli inġusti ma jkunux jorbtu lill-konsumaturi “kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom” (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 57, u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 64).

19      Madankollu, ir-regolizzazzjoni mid-dritt nazzjonali tal-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13 ma tistax tbiddel il-portata u konsegwentement is-sustanza ta’ din il-protezzjoni, u permezz tagħha timmina t-tisħiħ tal-effettività tal-imsemmija protezzjoni permezz tal-adozzjoni ta’ regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti, li kien mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, hekk kif indikat fl-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13 (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 65, kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 60).

20      Konsegwentement, għalkemm huma l-Istati Membri li, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet li fil-kuntest tagħhom għandha tiġi stabbilita l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt u li fil-kuntest tagħhom jimmaterjalizzaw l-effetti ġuridiċi konkreti ta’ din il-konstatazzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li tali konstatazzjoni għandha tippermetti l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali u fattwali li kien ikun jinsab fiha l-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta, b’mod partikolari billi sservi ta’ bażi għad-dritt ta’ ħlas lura tal-vantaġġi miksuba indebitament, għad-detriment tal-konsumatur, mill-bejjiegħ jew fornitur fuq il-bażi tal-imsemmija klawżola inġusta (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 66, kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 61).

 Fuq lewwel u ttielet domanda

21      Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż li jkunu tħallsu mill-konsumatur, fil-mument tal-konklużjoni ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur, abbażi ta’ klawżola kuntrattwali li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija wara l-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż, jibda jiddekorri mid-data ta’ dan il-ħlas jew, fi kwalunkwe każ, qabel ma tkun ġiet ikkonstatata n-nullità ta’ din il-klawżola permezz ta’ din id-deċiżjoni.

22      Għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ regoli speċifiċi tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza), u li dawn ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, l-uniku prinċipju inkwistjoni f’din il-kawża, hemm lok li jiġi rrilevat li kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilita wkoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, applikabbli, fost oħrajn, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Fir-rigward tal-analiżi tal-karatteristiċi ta’ terminu ta’ preskrizzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din l-analiżi għandha tirrigwarda t-tul ta’ tali terminu kif ukoll il-modalitajiet tal-applikazzjoni tiegħu, inkluż l-avveniment meqjus sabiex jingħata bidu għad-dekorrenza ta’ dan it-terminu (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li talba mressqa mill-konsumatur għall-finijiet tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn dan tal-aħħar u bejjiegħ jew fornitur ma tista’ tkun suġġetta għal ebda terminu ta’ preskrizzjoni (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), hija ppreċiżat li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni t-talba ta’ tali konsumatur intiża li tinforza l-effetti ta’ ħlas lura ta’ din il-konstatazzjoni, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għat-talbiet ta’ ħlas lura , imressqa minn konsumaturi bil-għan li jinforzaw drittijiet li huma jisiltu mid-Direttiva 93/13 ma tmurx, fiha nnifisha, kontra l-prinċipju ta’ effettività, sakemm l-applikazzjoni tiegħu fil-prattika ma tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ dgħjufija tal-konsumatur fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twassal lill-konsumatur jaċċetta l-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom. Bl-istess mod, għandu jitfakkar li l-konsumaturi jistgħu ma jkunux jafu dwar in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ self ipotekarju jew ma jkunux jipperċepixxu l-portata tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni li jibda jiddekorri wara l-iffirmar ta’ dan il-kuntratt, sa fejn din timplika li l-konsumatur jista’ jitlob il-ħlas lura tal-ħlasijiet imwettqa b’eżekuzzjoni ta’ klawżola kuntrattwali meqjusa inġusta biss matul terminu speċifikat wara l-iffirmar tal-kuntratt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk huwa kienx jaf jew setax raġonevolment ikun jaf bin-natura inġusta ta’ din il-klawżola, hija ta’ natura li tagħmel eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ dan il-konsumatur mogħtija mid-Direttiva 93/13 u, għaldaqstant, li tikser il-prinċipju ta’ effettività moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 91; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 63).

30      Għalhekk, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-dawl tal-fatt li l-klawżola dwar l-ispejjeż ipproduċiet l-effetti tagħha fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, li jikkorrispondi għal dak tal-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż, l-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għar-rimbors tal-imsemmija spejjeż għall-mument ta’ din il-konklużjoni u ta’ dan il-ħlas ikollu bħala konsegwenza li, fid-data tal-preżentata tal-azzjoni għal ħlas lura tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din tkun diġà preskritta indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-konsumaturi kinux jafu jew, tal-inqas, setgħux raġonevolment ikunu jafu bin-natura inġusta tal-klawżola dwar l-ispejjeż.

31      Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt li jinkludi l-klawżola inġusta u tal-ħlas tal-ispejjeż ikkonċernati ma tistax, bħala tali, tikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

32      Għall-kuntrarju, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fid-data li fiha d-deċiżjoni li tikkonstata n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali kkonċernata u li tiddikjara n-nullità tagħha għal din ir-raġuni tkun saret definittiva, il-konsumatur ikun ċertament jaf dwar l-irregolarità ta’ din il-klawżola. Huwa għalhekk, bħala prinċipju, minn din id-data li dan il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li effettivament jinforza d-drittijiet li tagħtih id-Direttiva 93/13 u li, għaldaqstant, ikun jista’ jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal ħlas lura, li l-għan prinċipali tagħha huwa l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali u fattwali tal-konsumatur li huwa kien ikun jinsab fiha fl-assenza tal-imsemmija klawżola, hekk kif jirriżulta mill-punti 15 u 20 ta’ din is-sentenza.

33      Fil-fatt, f’dan il-mument, minħabba l-fatt li din hija deċiżjoni ġudizzjarja li għandha saħħa ta’ res judicata u li din hija indirizzata lill-konsumatur ikkonċernat, dan tal-aħħar huwa mqiegħed f’pożizzjoni li jsir jaf bin-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni u li jevalwa huwa stess il-possibbiltà li jressaq azzjoni għall-ħlas lura tas-somom imħallsa abbażi ta’ din il-klawżola fit-terminu stabbilit mid-dritt nazzjonali.

34      Għalhekk, terminu ta’ preskrizzjoni li jibda jiddekorri mid-data li fiha d-deċiżjoni li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u li tannullaha għal din ir-raġuni ssir definittiva huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività, peress li l-konsumatur għandu l-possibbiltà li jkun jaf id-drittijiet tiegħu qabel ma dan it-terminu jibda jiddekorri jew jiskadi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 93/13 tipprekludi li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għall-ħlas lura tas-somom imħallsa minn konsumatur abbażi ta’ klawżola kuntrattwali inġusta jkun jista’ jibda jiddekorri indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan il-konsumatur kienx jaf jew setax raġonevolment ikun jaf bin-natura inġusta ta’ din il-klawżola, din id-direttiva ma tipprekludix li l-bejjiegħ jew fornitur ikollu l-possibbiltà jipprova li l-imsemmi konsumatur kien jaf jew seta’ raġonevolment ikun jaf b’dan il-fatt qabel l-għoti ta’ sentenza li tikkonstata n-nullità tal-imsemmija klawżola.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġi interpretat l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sabiex jiġi ddeterminat jekk id-drittijiet fundamentali stabbiliti fih jipprekludux prattika nazzjonali bħal din li hija s-suġġett ta’ din id-domanda.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż li jkunu tħallsu mill-konsumatur, fil-mument tal-konklużjoni ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur, abbażi ta’ klawżola kuntrattwali li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija wara l-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż, jibda jiddekorri mid-data ta’ dan il-ħlas, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan il-konsumatur kienx jaf jew setax raġonevolment ikun jaf bin-natura inġusta ta’ din il-klawżola fil-mument tal-imsemmi ħlas, jew qabel il-konstatazzjoni tan-nullità ta’ din il-klawżola permezz ta’ din id-deċiżjoni.

 Fuq ittieni domanda

38      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż li jkunu tħallsu mill-konsumatur abbażi ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur, li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, jibda jiddekorri mid-data li fiha l-qorti suprema nazzjonali tkun tat sentenza preċedenti, f’kawża separata, li tiddikjara inġusta klawżola standardizzata li tkun tikkorrispondi għal din il-klawżola ta’ dan il-kuntratt.

39      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 15 u 20 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 93/13 hija intiża li tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni legali u fattwali li kien ikun jinsab fiha l-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta, b’mod partikolari billi sservi ta’ bażi għad-dritt ta’ ħlas lura tal-vantaġġi miksuba indebitament, għad-detriment tal-konsumatur, mill-bejjiegħ jew fornitur fuq il-bażi tal-imsemmija klawżola inġusta.

40      Issa, l-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż imħallsa minn konsumatur, abbażi ta’ klawżola kuntrattwali inġusta, għad-data li fiha l-qorti suprema nazzjonali tkun tat sentenza li tiddikjara inġusta l-klawżola standardizzata li tkun tikkorrispondi għall-klawżola inkluża fil-kuntratt kontenzjuż, ikun jippermetti, f’ħafna każijiet, lill-bejjiegħ jew fornitur iżomm is-somom miksuba indebitament għad-detriment tal-imsemmi konsumatur abbażi tal-klawżola inġusta, fatt li jkun inkompatibbli mar-rekwiżit li jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li tipprovdi li dan il-bidu ta’ dekorrenza ma jistax jiġi ffissat indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-istess konsumatur kienx jaf jew setax raġonevolment ikun jaf bin-natura inġusta ta’ din l-aħħar klawżola li fuqha huwa bbażat id-dritt għal ħlas lura u mingħajr ma jiġi impost fuq il-bejjiegħ jew fornitur obbligu ta’ diliġenza u ta’ informazzjoni fir-rigward tal-konsumatur, u b’hekk tiġi enfasizzata s-sitwazzjoni ta’ dgħjufija ta’ dan tal-aħħar li d-Direttiva 93/13 hija intiża li ttaffi.

41      Barra minn hekk, fl-assenza ta’ obbligu ta’ informazzjoni f’dan ir-rigward impost fuq il-bejjiegħ jew fornitur, ma jistax jiġi preżunt li l-konsumatur seta’ raġonevolment ikun jaf bil-fatt li klawżola inkluża fil-kuntratt tiegħu għandha portata ekwivalenti għal klawżola standardizzata li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata mill-qorti suprema nazzjonali.

42      Fil-fatt, għalkemm il-ġurisprudenza ta’ qorti suprema ta’ Stat Membru tista’ tippermetti, bla ħsara għal pubblikazzjoni suffiċjenti, lil konsumatur isir jaf bin-natura inġusta ta’ klawżola standard inkluża fil-kuntratt tiegħu ma’ bejjiegħ jew fornitur, ma jistax madankollu jiġi mistenni minn dan il-konsumatur, li lilu d-Direttiva 93/13 hija intiża li tipproteġi fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ dgħjufija tiegħu meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur, li huwa jwettaq passi li jaqgħu taħt ir-riċerka legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Banco Santander (Riferiment għal indiċi uffiċjali), C‑265/22, EU:C:2023:578, punt 60).

43      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li tali ġurisprudenza nazzjonali ma hijiex neċessarjament ta’ natura li tippermetti ipso facto li jiġu ddikjarati inġusti l-klawżoli kollha ta’ dan it-tip inklużi fil-kuntratti kollha bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru. Meta klawżola standardizzata tkun ġiet iddikjarata inġusta mill-qorti suprema nazzjonali, ikun neċessarju wkoll, bħala prinċipju, li jiġi ddeterminat, każ b’każ, sa fejn klawżola inkluża f’kuntratt partikolari tkun ekwivalenti għal din il-klawżola standardizzata u jkollha, bl-istess mod bħal din tal-aħħar, tiġi ddikjarata inġusta.

44      Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 3(1) u mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, l-eżami tan-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li jimplika li jiġi ddeterminat jekk din toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt, għandu jsir fid-dawl, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi kollha preżenti meta dan ikun ġie konkluż. Tali eżami każ b’każ jirriżulta iktar u iktar importanti peress li n-natura inġusta ta’ klawżola tista’ tirriżulta minn nuqqas ta’ trasparenza tagħha. Għalhekk, bħala prinċipju, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali speċifika ma tistax tiġi preżunta, peress li tali klassifikazzjoni tista’ tiddependi miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-konklużjoni ta’ kull kuntratt u b’mod partikolari mill-informazzjoni speċifika pprovduta minn kull bejjiegħ jew fornitur lil kull konsumatur.

45      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li ma jistax jiġi meħtieġ li konsumatur medju raġonevolment attent u avżat, mhux biss iżomm ruħu informat regolarment, fuq inizjattiva tiegħu stess, bid-deċiżjonijiet tal-qorti suprema nazzjonali dwar il-klawżoli standardizzati li jkunu jinsabu fil-kuntratti tal-istess natura bħal dawk li huwa seta’ jikkonkludi ma’ bejjiegħa jew fornituri, iżda wkoll li huwa jiddetermina, abbażi ta’ sentenza ta’ qorti suprema nazzjonali, jekk klawżola bħal dik inkluża f’kuntratt speċifiku hijiex inġusta.

46      Barra minn hekk, ikun kuntrarju għad-Direttiva 93/13 li l-bejjiegħ jew fornitur ikun jitħalla jibbenefika mill-passività tiegħu quddiem din l-illegalità kkonstatata mill-qorti suprema nazzjonali. Fil-fatt, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-bejjiegħ jew fornitur, fil-kwalità tiegħu ta’ istituzzjoni bankarja, ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu, bħala prinċipju, dipartiment legali speċjalizzat f’dan il-qasam, li jkun fassal il-kuntratt inkwistjoni f’din il-kawża u li jkun adattat sabiex isegwi l-iżvilupp tal-ġurisprudenza ta’ din il-qorti u li jislet minnha l-konklużjonijiet li jkunu jirrigwardaw il-kuntratti diġà konklużi minn din l-istituzzjoni bankarja. Tali istituzzjoni bankarja jkollha wkoll għad-dispożizzjoni tagħha, bħala prinċipju, dipartiment ta’ servizz tal-klijenti li jkollu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jikkuntattja faċilment lill-klijenti kkonċernati.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż li jkunu tħallsu mill-konsumatur abbażi ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, jibda jiddekorri mid-data li fiha l-qorti suprema nazzjonali tkun tat sentenza preċedenti, f’kawża separata, li tiddikjara inġusta klawżola standardizzata li tkun tikkorrispondi għal din il-klawżola ta’ dan il-kuntratt.

 Fuq lispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id‑Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

dawn jipprekludu li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż li jkunu tħallsu mill-konsumatur, fil-mument tal-konklużjoni ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur, abbażi ta’ klawżola kuntrattwali li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija wara l-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż, jibda jiddekorri mid-data ta’ dan il-ħlas, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan il-konsumatur kienx jaf jew setax raġonevolment ikun jaf bin-natura inġusta ta’ din il-klawżola fil-mument tal-imsemmi ħlas, jew qabel il-konstatazzjoni tan-nullità ta’ din il-klawżola permezz ta’ din id-deċiżjoni.

2)      L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

dawn jipprekludu li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż li jkunu tħallsu mill-konsumatur abbażi ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, jibda jiddekorri mid-data li fiha l-qorti suprema nazzjonali tkun tat sentenza preċedenti, f’kawża separata, li tiddikjara inġusta klawżola standardizzata li tkun tikkorrispondi għal din il-klawżola ta’ dan il-kuntratt.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.