Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fl-10 ta’ Awwissu 2023 – Apothekerkammer Nordrhein vs DocMorris NV

(Kawża C-517/23, Apothekerkammer Nordrhein)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Apothekerkammer Nordrhein

Konvenut: DocMorris NV

Domandi preliminari

Ir-reklamar għall-finijiet ta’ xiri ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika mill-firxa kollha ta’ prodotti ta’ spiżerija jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar ta’ prodotti mediċinali previsti fid-Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem 1 (Titoli VIII u VIIIa, Artikoli 86 sa 100)?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

Huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu VIII tad-Direttiva 2001/83, b’mod partikolari mal-Artikolu 87(3), jekk dispożizzjoni nazzjonali (fil-każ ineżami, l-ittra (a) tal-ewwel sentenza tal-punt 2 tat-tieni parti tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tal-Gesetz über die Werbung auf dem Gebiete des Heilwesens (Heilmittelwerbegesetz) (il-Liġi dwar ir-Reklamar fis-Settur tas-Saħħa (il-Liġi dwar ir-Reklamar ta’ Prodotti Terapewtiċi)) (iktar ’il quddiem il-“HWG”), tiġi interpretata fis-sens li tipprojbixxi r-reklamar fir-rigward tal-firxa sħiħa ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika minn spiżerija li topera b’korrispondenza stabbilita fi Stat Membru ieħor li tuża rigali promozzjonali fil-forma ta’ vawċers ta’ ammont monetarju jew ta’ perċentwali ta’ skont għal xiri sussegwenti ta’ prodotti oħra?

Barra minn hekk, jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

Huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu VIII tad-Direttiva 2001/83, b’mod partikolari mal-Artikolu 87(3), jekk dispożizzjoni nazzjonali (fil-każ ineżami, l-ittra (a) tal-ewwel sentenza tal-punt 2 tat-tieni parti tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tal-HWG), tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza r-reklamar fir-rigward tal-firxa sħiħa ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika minn spiżerija li topera b’korrispondenza stabbilita fi Stat Membru ieħor permezz ta’ rigali promozzjonali fil-forma ta’ skontijiet u ta’ pagamenti b’effett immedjat?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69