Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Mejju 2021 minn Ryanair DAC mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) fl-14 ta’ April 2021 fil-Kawża T-379/20, Ryanair vs Il-Kummissjoni (SAS, Svezja; Covid-19)

(Kawża C-320/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Ryanair DAC (rappreżentanti: E. Vahida u F.-C. Laprévote, avocats, S. Rating, abogado, I.-G. Metaxas-Maranghidis, dikigoros, u V. Blanc, avocate)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummmissjoni Ewropea, Ir-Repubblika ta’ Franza, Ir-Renju tal-Isvezja, SAS AB

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddikjara skont l-Artikoli 263 u 264 TFUE li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2748 final tal-24 ta’ April 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.56061 (2020/N) – L-Isvezja – COVID-19: Kumpens għad-dannu kkawżat lil Scandinavian Airlines mill-pandemija tal-COVID-19 hija nulla; u

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk sostnuti minn Ryanair, u tikkundanna lill-intervenjenti fl-ewwel istanza u f’dan l-appell (jekk ikun hemm) għall-ispejjeż tagħhom.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, l-appellanti tinvoka sitt aggravji.

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet it-talba tal-appellanti li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżit li l-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma għandhiex tagħmel tajjeb għad-dannu li sofriet vittma waħda.

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u wettqet distorsjoni manifesta tal-fatti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u l-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-ħsara kkawżata lil SAS AB mill-pandemija COVID-19.

It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet it-talba tal-appellant li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni nkiser b’mod mhux ġustifikat.

Ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u manifestament żnaturat il-fatti rigward it-talba tal-appellant dwar il-ksur tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

Il-ħames aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u manifestament żnaturat il-fatti dwar in-nuqqas li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

Is-sitt aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u manifestament żnaturat il-fatti rigward in-nuqqas ta’ motivazzjoni.

____________