Language of document : ECLI:EU:F:2014:236

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(Imħallef uniku)

15 ta’ Ottubru 2014

Kawża F‑15/14

Evert Anton De Bruin

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjal bi prova – Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal – Rapport tal-perijodu ta’ prova li jistabbilixxi l-inkompetenza tal-uffiċjal bi prova – Estensjoni tal-perijodu ta’ prova – Tkeċċija fi tmiem il-perijodu ta’ prova – Raġunijiet għat-tkeċċija – Rendiment – Ħeffa fl-eżekuzzjoni tal-kompiti – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni – Irregolaritajiet proċedurali – Terminu impost fuq il-Kumitat tar-Rapporti sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu E.A. De Bruin jitlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”), tat-12 ta’ April 2013, li permezz tagħha huwa tkeċċa fi tmiem il-perijodu ta’ prova u, konsegwentement, ir-reintegrazzjoni tiegħu fi ħdan il-Parlament, kif ukoll, sussidjarjament, fil-każ li r-reintegrazzjoni tiegħu ma tkunx possibbli, l-ordni li l-istituzzjoni konvenuta tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ EUR 45 000, flimkien mal-interessi moratorji, bħala kumpens għad-dannu li huwa jqis li ġarrab minħabba t-tkeċċija allegatament illegali tiegħu.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. E.A. De Bruin għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv imressaq qabel – Deċiżjoni ta’ ċaħda – Teħid inkunsiderazzjoni tal-motivazzjoni inkluża fid-deċiżjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Deċiżjoni li uffiċjal fuq perijodu ta' prova ma jinħatarx uffiċjal permanenti – Deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-uffiċjal permanenti – Differenza ta’ natura ġuridika – Kriterji ta’ evalwazzjoni rispettivi li għandhom jiġu applikati

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

3.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Evalwazzjoni tar-riżultati – Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-uffiċjal bi prova – Riżultat pożittiv fil-kompetizzjoni ma jikkostitwixxix fatt li jista’ jorbot l-amministrazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

4.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Evalwazzjoni tar-riżultati – Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-uffiċjal bi prova – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Uffiċjal bi prova fil-qasam tat-traduzzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

5.      Uffiċjali – Impjieg – Pożizzjoni ta’ traduttur – Kapaċitajiet meħtieġa fir-rigward tal-osservanza tat-termini ta’ traduzzjoni

6.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Kundizzjonijiet ta’ żvolġiment – Twissija

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

7.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova – Tfassil tat-tieni rapport – Rapport li jkopri perijodu ta’ tliet xhur – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

1.      Fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża, il-motivazzjoni li tissemma’ fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżaminazzjoni tal-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju, peress li din il-motivazzjoni titqies li tissupplementa dan l-aħħar att.

(ara l-punt 35)

Referenza:

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Mocová vs Il-Kummissjoni, F 41/11, EU:F:2012:82, punt 21

2.      Kandidat li għadda minn kompetizzjoni u li jiġi impjegat bħala uffiċjal bi prova jista’ jinħatar uffiċjal permanenti biss jekk ikun wettaq b’suċċess il-perijodu ta’ prova previst fl-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal u, f’dan ir-rigward, hija l-Awtorità tal-Ħatra li għandha tipprovdi l-kundizzjonijiet materjali adatti u sostenn fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

Meta, fi tmiem il-perijodu ta’ prova tiegħu, l-uffiċjal bi prova jkun wera inkompetenza manifesta fis-sens tal-Artikolu 34(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, jew ma jkunx ta prova tal-kwalitajiet professjonali suffiċjenti sabiex jinħatar bħala uffiċjal permanenti fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa għandu jitkeċċa. Din id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ħatra bħala uffiċjal permanenti hija differenti, fin-natura tagħha, minn deċiżjoni ta’ tkeċċija proprja ta’ persuna li tkun inħatret bħala uffiċjal permanenti. Filwaqt li, f’dan l-aħħar każ, għandu jsir eżami bir-reqqa tar-raġunijiet li jiġġustifikaw it-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol stabbilita, fid-deċiżjonijiet dwar il-ħatra fuq bażi permanenti ta’ uffiċjal bi prova, l-eżaminazzjoni għandha tkun globali u għandha tirrigwarda l-eżistenza jew le tal-kunsiderazzjonijiet pożittivi u/jew negattivi rrivelati matul il-perijodu ta’ prova li juru jekk il-ħatra fuq bażi permanenti tal-uffiċjal bi prova hijiex fl-interess tas-servizz.

(ara l-punti 42 u 45)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Tréfois vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 290/82, EU:C:1983:334, punti 24 u 25

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza BW vs Il-Kummissjoni, F-2/11, EU:F:2012:194, punt 78

3.      La d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla li jinkludi persuna f’lista ta’ riżerva jew fi grupp ta’ mertu partikolari ta’ din il-lista, u lanqas il-pubblikazzjoni ta’ din il-lista fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma huma atti li jagħtuh id-dritt li jiġi maħtur bħala uffiċjal. Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-Bord li jadotta l-lista ta’ riżerva ma tagħtix dritt lill-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni li jinħatru, iżda biss l-eliġibbiltà li jinħatru.

F’dan ir-rigward, fil-każ tal-ħatra ta’ kandidat li għadda mill-kompetizzjoni bħala uffiċjal bi prova, il-persuna kkonċernata ma tistax tinvoka, fid-dawl ta’ rapport negattiv dwar il-perijodu ta’ prova, il-fatt li għadda mill-eżami tal-kompetizzjoni sabiex juri l-allegata natura inkoerenti jew ftit li xejn kredibbli tal-evalwazzjonijiet tal-awtorità tal-ħatra tal-prestazzjoni tiegħu f’ċirkustanzi normali ta’ xogħol fl-istituzzjoni. Fil-fatt, fi tmiem il-perijodu tal-prova, l-imsemmija awtorità tiddeċiedi dwar il-ħatra fuq bażi permanenti tal-uffiċjal bi prova mingħajr ma tkun marbuta bl-evalwazzjonijiet magħmula matul ir-reklutaġġ jew bil-grupp ta’ mertu tal-lista ta’ riżerva li hija inkluża fiha l-imsemmija persuna kkonċernata, iżda biss abbażi ta’ deċiżjoni, ibbażata fuq evalwazzjoni globali tal-kwalitajiet u tal-aġir tal-uffiċjal bi prova, jiġifieri dwar jekk l-uffiċjal bi prova jistħoqqlux jinħatar fuq bażi permanenti fil-pożizzjoni li jaspira għaliha.

(ara l-punti 53 u 54)

Referenza:

Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Luxem vs Il-Kummissjoni, T-306/04, EU:T:2005:326, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Da Silva Pinto Branco vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F-52/09, EU:F:2010:98, punt 59

4.      Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Awtorità tal-Ħatra fl-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet u tal-prestazzjoni ta’ uffiċjal bi prova skont l-interess tas-servizz timplika preċiżament li kull istituzzjoni għandha tiddefinixxi l-livell ta’ kwalità u ta’ ħeffa tal-prestazzjonijiet ta’ dawn l-uffiċjali, partikolarment f’qasam bħal dak tat-traduzzjoni, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, terz li huwa allegatament indipendenti ma jistax jiġi fdat bl-irwol tal-istituzzjoni li tiddefinixxi l-istandard ta’ kwalità mistenni minn uffiċjal bi prova.

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-riżultati ta’ uffiċjal bi prova maħtur f’pożizzjoni ta’ traduttur, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tkun marbuta b’kunsiderazzjonijiet ta’ kumpannija privata, minkejja li tkun speċjalizzata fit-traduzzjoni. Fil-fatt, tali entità, li barra minn hekk ma hijiex familjari mal-kunċett tal-interess tas-servizz pubbliku Ewropew, ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha b’dik ta’ istituzzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti tal-kwalità ta’ istituzzjoni tal-Unjoni. Madankollu, l-eżaminazzjoni tat-traduzzjonijiet tal-persuna kkonċernata mitluba mill-Kumitat tar-Rapporti tista’ tiġi validament invokata mill-istituzzjoni kkonċernata peress li tagħmel parti mill-eżerċizzju tal-kompetenza tal-evalwazzjoni tal-imsemmija awtorità f’dan il-qasam.

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li hemm diversi metodi kif jiġi tradott l-istess test, ċerti żbalji ripetuti, bħal dawk marbuta mal-punteġġjatura jew mal-grammatika, u ċerti nuqqasijiet, ma jistgħux, minħabba n-natura tagħhom stess, jitqiesu li huma aspetti relatati mal-libertà tal-istil tat-traduzzjoni, li hija inerenti għal kull traduzzjoni.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-intervent sistematiku ta’ reviżuri fil-proċess ta’ traduzzjoni, l-eżistenza tagħhom ma taffettwax il-livell ta’ kwalità mistennija tat-traduzzjonijiet inizjali li jiġu sottomessi lilhom għar-reviżjoni. Fil-fatt, l-ewwel nett, tali argument ikun jimplika, li minkejja prestazzjoni medjokra, uffiċjali bi prova jistgħu jinħatru tradutturi permanenti fid-dawl tal-fatt li r-reviżuri jistgħu jirrettifikaw l-insuffiċjenzi tagħhom, u t-tieni nett, dan l-argument ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li kull traduttur, b’mod partikolari wara l-perijodu ta’ prova, huwa ġeneralment mistenni jkun kapaċi jittraduċi testi li ma jkunux neċessarjament suġġetti għal reviżjoni sistematika.

(ara l-punti 57 u 59 sa 61)

5.      Bħala amministratur, traduttur għandu jkun kapaċi jinduna bl-imminenza ta’ skadenza ta’ traduzzjoni ta’ dokument li kien kompitu tiegħu li jittraduċi, u għalhekk ma jistax jostor lilu nnifsu wara l-allegat żball ta’ persuna li tagħmel parti mill-kategorija tal-assistenti u li sar qabel ix-xogħol tat-traduttur.

(ara l-punt 72)

6.      Id-dritt ta’ uffiċjal bi prova li jwettaq il-perijodu ta’ prova tiegħu b’kundizzjonijiet regolari huwa żgurat bi twissija verbali jew bil-miktub, li tawtorizzah, fi żmien xieraq, jadatta u jtejjeb il-prestazzjoni tiegħu skont l-eżiġenzi tas-servizz.

F’dan ir-rigward, tali twissija tkun ineffettiva jekk tingħata tard wisq fil-perijodu ta’ prova peress li ma tippermettix lill-persuna kkonċernata tadatta l-kwalità u l-ħeffa tal-prestazzjoni tagħha sabiex, fi tmiem il-perijodu ta’ prova, turi l-kwalitajiet professjonali ta’ natura li jiġġustifikaw il-ħatra tagħha bħala uffiċjal permanenti.

Konsegwentement, l-azzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li twissi lil uffiċjal bi prova xahrejn wara li jkun beda l-funzjonijiet tiegħu hija kompletament konsistenti mal-obbligi tal-prinċipju tal-ammnistrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura.

(ara l-punti 77 sa 79)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Rozand-Lambiotte vs Il-Kummissjoni, T-96/95, punti 100 u 102

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Doktor vs Il-Kunsill, F-73/07, EU:F:2008:42, punt 36 u Giannini vs Il-Kummissjoni, F-49/08, EU:F:2009:76, punt 84

7.      Peress li t-tieni rapport dwar il-perijodu ta’ prova jkopri l-prestazzjoni professjonali ta’ uffiċjali bi prova matul perijodu ta’ kważi tliet xhur bejn id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li testendi l-perijodu ta’ prova tiegħu u d-data tal-imsemmi rapport, tali perijodu huwa suffiċjenti sabiex jiġi vverifikat jekk l-imsemmi uffiċjal bi prova tejjibx l-prestazzjoni professjonali tiegħu sabiex ikun jista’ jitlob il-ħatra tiegħu bħala uffiċjal permanenti.

Barra minn hekk, jekk il-Kumitat tar-Rapporti jqis li dan it-terminu jikkostitwixxi ostakolu għat-tfassil ta’ opinjoni skont ir-rekwiżiti tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa jista’ jitlob informazzjoni supplementari jew terminu itwal.

(ara l-punti 96 u 98)