Language of document : ECLI:EU:C:2019:246

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil-21 ta’ Marzu 2019 (1)

Kawża C-673/17

Planet49 GmbH

vs

Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 95/46/KE — Direttiva 2002/58/KE — Regolament (UE) 2016/679 — Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika — Cookies — Kunċett ta’ kunsens tas-suġġett tad-data — Dikjarazzjoni ta’ kunsens permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel”






I.      Introduzzjoni

1.        Sabiex utent tal-internet jipparteċipa f’lotterija organizzata minn Planet49, huwa kellu jikklikkja biex jimmarka jew ineħħi l-marka minn żewġ kaxxi tal-immarkar qabel ma jkun jista’ jagħfas il-“buttuna ta’ parteċipazzjoni”. Waħda mill-kaxxi tal-immarkar kienet teżiġi li l-utent jaċċetta li jiġi kkuntattjat minn serje ta’ impriżi għal offerti promozzjonali, filwaqt li kaxxa tal-immarkar oħra kienet teżiġi li l-utent jagħti l-kunsens tiegħu li jiġu installati cookies fuq il-kompjuter tiegħu. Dawn huma, fil-qosor, il-fatti ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja).

2.        Wara dawn il-fatti, li jidhru bla konsegwenzi ta’ ħsara, hemm kwistjonijiet fundamentali rigward id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data: liema huma, b’mod preċiż, ir-rekwiżiti tal-kunsens informat li għandu jingħata b’mod liberu? Teżisti differenza bejn l-ipproċessar tad-data personali (biss) u l-installazzjoni u l-aċċess għall-cookies? Liema huma l-istrumenti legali applikabbli?

3.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nargumenta li, fir-rigward tal-kawża preżenti, ir-rekwiżiti għall-għoti tal-kunsens huma l-istess taħt id-Direttiva 95/46/KE (2) u r-Regolament (UE) 2016/679 (3) u li ma teżisti, fil-kawża inkwistjoni, l-ebda differenza dwar jekk hijiex qiegħda tiġi ttrattata l-kwistjoni ġenerali tal-ipproċessar tad-data personali jew il-kwistjoni iktar partikolari dwar il-ħażna u l-ksib ta’ aċċess għall-informazzjoni permezz tal-cookies.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 95/46

4.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(h)      ‘il-kunsens tas-suġġett tad-data’ tfisser indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru.”

5.        Fit-Taqsima II ta’ din id-direttiva, intitolata “Kriterji biex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu”, l-Artikolu 7 jipprovdi dan li ġej fil-punt (a):

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

(a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar; jew

[…]”.

6.        L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Informazzjoni f’każi ta’ ġbir ta’ data mingħand is-suġġet tad-data”, jipprovdi kif ġej:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data li mingħandu tinġabar id-data dwaru nnifsu, għall-inqas bl-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diga jaf biha:

(a)      l-identità tal-kontrollur jew tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

(b)      l-għanijiet ta’ l-ipproċessar li għalih id-data tkun maħsuba;

(ċ)      informazzjoni oħra bħal

–        ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri tad-data,

–        jekk tweġibiet għall-mistoqsijiet ikunux obbligatorji jew voluntarji, kif ukoll dwar x’aktarx ikunu l-konsegwenzi fin-nuqqas ta’ tweġiba,

–        l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika ta’ data dwaru

sakemm din l-informazzjoni tkun meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data.”

2.      Id-Direttiva 2002/58/KE (4)

7.        Il-premessi 24 u 25 tad-Direttiva 2002/58/KE (5) jiddikjaraw li ġej:

“(24)      Tagħmir terminali ta’ utenti ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u kull informazzjoni maħżuna fuq tali tagħmir huma parti mill-isfera privata ta’ l-utenti li teħtieġ protezzjoni skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. L-hekk imsejħa spyware, web bugs, hidden identifiers u mezzi simili jistgħu jidħlu fit-terminal ta’ l-utenti mingħajr l-għarfien tagħhom sabiex ikun hemm aċċess għall-informazzjoni, biex tinħażen informazzjomi moħbija jew biex jiġu traċċati l-attivitajiet ta’ l-utent u jistgħu serjament jinvadu l-privatezza ta’ dawn l-utenti. L-użu ta’ dawn il-mezzi għandu jiġi permess biss għal skopijiet leġittimi, bl-għarfien ta’ l-utenti konċernati.

(25)      Iżda, dawn il-mezzi, bħal per eżempju l-hekk imsejħa cookies, jistgħu jkunu għodda leġittima u utli, per eżempju, per eżempju, fl-analiżi ta’ l-effettività ta’ disinn ta’ website u r-riklamar, u fil-verifika ta’ l-identità ta’ utenti li jagħmlu transazzjonijiet online. Fejn dawn il-mezzi, bħal per eżempju l-cookies, huma ntiżi għal skop leġittimu, bħalma huwa li jiffaċilitaw il-provediment tas-servizzi ta’ soċjeta’ ta’ l-informazzjoni, l-użu tagħhom għandu jiġi permess b’kondizzjoni li l-utenti jingħataw informazzjoni ċara u preċiża skond id-Direttiva 95/46/KE dwar l-iskopijiet tal-cookies jew mezzi simili sabiex jiġi żgurat li l-utenti jkunu konxji mill-informazzjoni li titqiegħed fuq it-tagħmir terminali li jkunu qed jużaw. L-utenti għandu jkollhom l-opportunità li jirrifjutaw li jkollhom cookie jew mezz simili maħżuna fuq it-tagħmir terminali tagħhom. Dan huwa partikolarment importanti fejn utenti minbarra l-utent oriġinali għandhom aċċess għat-tagħmir terminali u għalhekk għal kull data li fiha informazzjoni sensitiva għall-privatezza maħżuna fuq tali tagħmir. L-informazzjoni u d-dritt tar-rifjut jistgħu jiġu offruti darba għall-użu ta’ mezzi diversi li għandhom jiġu istallati fuq it-tagħmir terminali ta’ l-utenti matul l-istess konnessjoni u li jkopru wkoll użu ulterjuri li jista jsir minn dawn il-mezzi matul konnessjonijiet sussegwenti. Il-metodi għall-għotji ta’ informazzjoni, li joffru dritt ta’ rifjut jew li jitolbu il-kunsens għandhom ikunu kemm jista’ jkun faċli għall-utent. Aċċess għal kontenut speċifiku fuq website jista xorta jkun kondizzjonali fuq aettazzjoni informata sew ta’ cookie jew mezz simili, jekk tintuża għal skop leġittimu.”

8.        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, taħt il-punt (f):

“Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid-Direttiva 95/46/KE u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) [(6)].

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(f)      ‘kunsens’ minn utent jew abbonat jikkorrespondi għall-kusnens tas-suġġett tad-data fid-Direttiva 95/46/KE;

[…]”

9.        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-użu ta’ network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jaħżnu informazzjoni jew ikollhom aċċess għall-informazzjoni maħżuna fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huwa biss permess b’kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernat jingħata informazzjoni ċara u komprensiva skond id-Direttiva 95/46/KE, inter alia, dwar l-iskopijiet ta’ l-ipproċessar, u jiġi offrut id-dritt li jiċħad tali proċessar mill-kontrollur tad-data. Dan m’għandux jipprevjeni ħażna teknika jew l-aċċess għall-iskop uniku li titwettaq jew tiġi ffaċiliata t-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika, jew kif strettament meħtieġ sabiex jiġi provdut servizz ta’ soċjetà ta’ l-informazzjoni espliċitament mitlub mill-abbonat jew utent.”

3.      Id-Direttiva 2009/136/KE (7)

10.      Il-premessa 66 tad-Direttiva 2009/136/KE (8) tiddikjara:

“Partijiet terzi jistgħu jkunu jixtiequli jaħżnu informazzjoni fuq it-tagħmir tal-utent, jew jiksbu aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, għal numru ta’ skopijiet, li jvarjaw minn intrużjoni leġittima (bħal ċerti tipi ta’ cookies) għal intrużjoni bla permess fl-isfera privata (bħal spyware jew viruses). Huwa għalhekk ta’ importanza kbira li l-utenti jkunu provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva meta jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe attività li tista’ tirriżulta f’tali ħażna jew fi ksib ta’ aċċess. Il-metodi ta’ kif tingħata informazzjoni u kif jiġi offrut id-dritt ta’ rifjut għandhom ikunu kemm jista’ jkun faċli għall-utent. Eċċezzjoni għall-obbligu li jipprovdu informazzjoni u li joffru d-dritt ta’ rifjut għandha tkun limitata għal dawk is-sitwazzjonijiet fejn l-ħażna teknika jew l-aċċess ikunu strettament meħtieġa għall-iskop leġittimu li jkun permess l-użu ta’ servizz speċifiku espliċitament mitlub mill-abbonat jew mill-utent. Fejn huwa teknikament possibbli u effettiv, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 95/46/KE, il-kunsens tal-utent għall-ipproċessar jista’ jiġi espress bl-użu tal-issettjar adatt ta’ browser jew applikazzjoni oħra. L-infurzar ta’ dawn ir-rekwiżiti għandu jsir aktar effettiv permezz tal-poteri mtejba mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali relevanti.”

4.      Ir-Regolament 2016/679

11.      Il-premessa 32 tar-Regolament 2016/679 tiddikjara:

“Il-kunsens għandu jingħata b’att affermattiv ċar li jistabbilixxi indikazzjoni mogħtija liberament, speċifika, infurmata u mhux ambigwa tal-qbil tas-suġġett tad-data li huwa jaqbel li tiġi pproċessata data personali b’rabta miegħu, pereżempju b’dikjarazzjoni bil-miktub, inkluż b’mod elettroniku, jew bil-fomm. Dan jista’ jinkludi l-immarkar ta’ kaxxa meta jżur sit elettroniku tal-internet, l-għażla ta’ settings tekniċi għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jew xi dikjarazzjoni jew imġiba oħra li f’dan il-kuntest jindikaw b’mod ċar l-aċċettazzjoni tas-suġġett tad-data tal-ipproċessar propost tad-data personali tiegħu. Is-silenzju, kaxxi mmarkati minn qabel jew in-nuqqas ta’ attività għaldaqstant ma għandhomx jitqiesu bħala kunsens. Il-kunsens għandu jkopri l-attivitajiet tal-ipproċessar kollha li jsiru għall-istess fini jew finijiet. Meta l-ipproċessar ikollu diversi finijiet, għandu jingħata kunsens għalihom kollha. Jekk il-kunsens tas-suġġett tad-data jkollu jingħata wara talba b’mod elettroniku, it-talba għandha tkun ċara, konċiża u li ma toħloqx tfixkil bla bżonn għall-użu tas-servizz li tkun qed tiġi pprovduta għalih.”

12.      L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, li huwa intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punt (11) tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(11)      ‘kunsens’ tas-suġġett tad-data tfisser kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu;

[…]”

13.      L-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprovdi:

“1.      L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

[…]”

14.      L-Artikolu 7 tar-Regolament 2016/679 huwa intitolat “Kondizzjonijiet għal kunsens”. Skont l-Artikolu 7(4), “[m]eta jiġi vvalutat jekk il-kunsens ikunx ingħata b’mod liberu, għandu jittieħed kont sħiħ tal-fatt jekk, inter alia, l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, inkluż il-provvista ta’ servizz, tkunx kondizzjonata fuq il-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali li ma jkunx meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ dak il-kuntratt.”

B.      Id-dritt Ġermaniż

1.      Il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż

15.      L-Artikolu 307 (9) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż, iktar ’il quddiem il-“BGB”) jipprovdi:

“(1)      Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ma humiex applikabbli jekk, kuntrarjament għar-rekwiżiti ta’ bona fide, huma jiżvantaġġjaw indebitament il-parti l-oħra tal-kuntratt mal-utent. Jista’ jinħoloq ukoll żvantaġġ indebitu meta d-dispożizzjoni ma tkunx ċara u komprensibbli.

(2)      Fil-każ ta’ dubju, għandu jiġi preżunt li jeżisti żvantaġġ indebitu jekk dispożizzjoni

1.      ma tkunx kompatibbli mal-prinċipji essenzjali tad-dispożizzjoni statutorja li minnha tiddevja, jew

2.      tillimita d-drittijiet jew l-obbligi essenzjali inerenti fin-natura tal-kuntratt sa tali punt li l-ksib tal-għan tal-kuntratt huwa imminat.

(3)      Is-subartikoli (1) u (2) hawn fuq, u l-Artikoli 308 u 309 japplikaw biss għad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt li abbażi tagħhom jiġu miftiehma l-arranġamenti li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet legali, jew arranġamenti li jissupplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet. Dispożizzjonijiet oħrajn jistgħu jkunu ineffettivi taħt it-tieni sentenza tas-subartikolu (1), flimkien mal-ewwel sentenza tas-subartikolu (1).”

2.      Il-Liġi kontra l-Kompetizzjoni Żleali

16.      Il-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi kontra l-Kompetizzjoni Żleali, iktar ’il quddiem l-“UWG”) tipprojbixxi l-prattiki kummerċjali li jikkostitwixxu fastidju inaċċettabbli lill-parteċipanti fis-suq. L-Artikolu 7(2) tal-UWG jipprovdi, taħt il-punt (2), li “l-fastidju inaċċettabbli għandu dejjem jiġi preżunt fil-każijiet ta’ reklamar permezz ta’ telefonata lil konsumatur mingħajr il-kunsens espliċitu tiegħu minn qabel jew lil parteċipant ieħor fis-suq mingħajr il-kunsens mill-inqas preżunt ta’ dan tal-aħħar”.

3.      Il-Liġi dwar il-Mezzi ta Telekomunikazzjoni

17.      L-Artikolu 12(1) tat-Telemediengesetz (il-Liġi dwar il-Mezzi ta’ Telekomunikazzjoni, iktar ’il quddiem it-“TMG”) jittrasponi l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46 u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom fornitur ta’ servizzi huwa awtorizzat li jiġbor u juża data personali għall-finijiet tal-mezzi ta’ telekomunikazzjoni. Skont dan l-artikolu, fornitur ta’ servizzi huwa intitolat li jiġbor u juża data personali għall-finijiet tal-mezzi ta’ telekomunikazzjoni biss jekk awtorizzat mit-TMG jew minn strument legali ieħor li jirregola b’mod espliċitu l-mezzi ta’ telekomunikazzjoni, jew jekk l-utent ikun ta l-kunsens tiegħu.

18.      L-Artikolu 12(3) tat-TMG jipprovdi li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ li tirregola d-data personali għandha tiġi applikata anki jekk id-data ma tiġix suġġetta għal ipproċessar awtomatizzat.

19.      L-Artikolu 13(1) tat-TMG jeżiġi li l-fornitur tas-servizz jinforma lill-utent, fil-bidu tal-użu, dwar in-natura, il-portata u l-iskop tal-ipproċessar tad-data personali kif ukoll tal-ipproċessar tad-data li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.

20.      L-Artikolu 15(1) tat-TMG jipprovdi li l-fornitur tas-servizz jista’ jiġbor u juża data personali biss sa fejn dan ikun meħtieġ għall-użu tal-media online jew għall-istabbiliment ta’ fattura marbuta ma’ dan l-użu (iktar ’il quddiem “id-data tal-utent”). Id-data tal-utent hija ddefinita bħala data li tippermetti l-identifikazzjoni tal-utent.

21.      L-Artikolu 15(3) tat-TMG jittrasponi l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 u jawtorizza lil fornitur ta’ servizzi jistabbilixxi profili ta’ utenti permezz ta’ psewdonimi għal finijiet ta’ reklamar, tal-analiżi tas-suq, jew għall-konfigurazzjoni tal-mezzi elettroniċi, sakemm l-utent ma jopponix ruħu għalihom u l-fornitur tas-servizz ikun informa lill-utent bid-dritt tiegħu ta’ rifjut, skont l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 13(1) tat-TMG.

4.      Il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tad-Data

22.      L-Artikolu 3(1) tal-Bundesdatenschutzgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tad-Data, iktar ’il quddiem il-“BDSG”) (10) jittrasponi l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 u jiddefinixxi t-terminu “data personali” bħala data li tirrigwarda ċ-ċirkustanzi personali u fattwali ta’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli.

23.      L-Artikolu 4a tal-BDSG jittrasponi fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, u jipprovdi li l-kunsens huwa validu biss jekk ikun ġej minn deċiżjoni meħuda liberament mill-persuni kkonċernati.

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

24.      Fl-24 ta’ Settembru 2013, Planet49 GmbH organizzat lotterija promozzjonali fuq l-indirizz tal-internet www.dein-macbook.de (11). Sabiex jipparteċipa fil-lotterija, utent tal-internet kien meħtieġ li jagħti l-kodiċi postali tiegħu, u dan kien iwasslu f’paġna li fiha kaxxi li għandhom jimtlew bl-isem u bl-indirizz tal-utent. Taħt il-kaxxi li għandhom jimtlew bl-indirizz kien hemm żewġ settijiet ta’ testi spjegattivi akkumpanjati minn kaxxi tal-immarkar. Iktar ’il quddiem ser nirreferi għalihom bħala l-“ewwel kaxxa tal-immarkar” u t-“tieni kaxxa tal-immarkar”. L-ewwel test spjegattiv, li l-kaxxa tiegħu ma kinitx immarkata minn qabel, kienet taqra:

“Naqbel li nirċievi informazzjoni permezz tal-posta, jew it-telefon jew il-posta elettronika/messaġġ SMS mingħand ċerti promoturi u l-imsieħba fil-kooperazzjoni dwar offerti mill-qasam kummerċjali rispettiv tagħhom. Nista’ niddetermina dawn jiena stess hawnhekk; fin-nuqqas ta’ dan, l-għażla ssir mill-organizzatur. Nista’ nirrevoka dan il-kunsens f’kull żmien. Informazzjoni ulterjuri dwar dan tista’ tinsab hawnhekk.”

25.      It-tieni test spjegattiv, li l-kaxxa tiegħu kienet immarkata minn qabel, kien jaqra:

“Naqbel li s-servizz ta’ analiżi tal-web Remintrex jintuża għalija. Bħala konsegwenza, wara r-reġistrazzjoni għal-lotterija, l-organizzatur tal-lotterija, Planet49 GmbH, jinstalla cookies, li jippermetti lil Planet49 tevalwa l-aġir ta’ navigazzjoni u l-aġir ta’ użu tiegħi fuq il-web tal-imsieħba fir-reklamar u għalhekk jippermetti lil Remintrex tirreklama abbażi tal-interessi tal-utent. Nista’ nerġa nħassar il-cookies f’kull żmien. Tista’ taqra iktar dwar dan hawnhekk.”

26.      Il-parteċipazzjoni fil-lotterija kienet possibbli biss wara li tiġi mmarkata mill-inqas l-ewwel kaxxa tal-immarkar.

27.      Il-link elettroniku assoċjat mal-kliem “promoturi u l-imsieħba fil-kooperazzjoni” u “hawnhekk” fl-ewwel test spjegattiv kien iwassal għal lista li kien fiha 57 kumpannija, l-indirizzi tagħhom, il-qasam kummerċjali li għandu jiġi rreklamat u l-metodu ta’ komunikazzjoni użat għar-reklamar (il-posta elettronika, il-posta jew it-telefon), kif ukoll il-kelma ssottolinjata “Ħassar l-abbonament” wara kull kumpanija. Id-dikjarazzjoni li ġejja kienet tippreċedi l-lista:

“Billi nagħfas fuq il-link ‘Ħassar l-abbonament’, jiena qiegħed niddeċiedi li ma nippermettix li jingħata l-kunsens għar-reklamar lill-imsieħeb/promotur inkwistjoni. Jekk ma ħassartx l-abbonamenti għal kwalunkwe wieħed minn jew għal numru suffiċjenti ta’ msieħba/promoturi, Planet49 ser tagħżel għalija fid-diskrezzjoni tagħha l-imsieħba/promoturi (numru massimu: 30 imsieħba/promoturi).”

28.      Meta jiġi attivat il-link elettroniku assoċjat mal-kelma “hawnhekk” fit-tieni test spjegattiv, kienet tintwera l-informazzjoni li ġejja:

“Il-cookies imsemmija ceng_cache, ceng_etag, ceng_png u gcr huma fajls żgħar maħżuna b’mod li jiġu attribwiti fuq il-hard disk tiegħek mill-browser li inti tuża u li permezz tagħhom tingħata ċerta informazzjoni li tippermetti reklamar iktar faċli biex jintuża u iktar effettiv. Il-cookies fihom numru (ID) speċifiku ġġenerat b’mod każwali, li fl-istess ħin huwa attribwit lid-data ta’ reġistrazzjoni tiegħek. Jekk inti sussegwentement iżżur sit internet ta’ msieħeb fir-reklamar li huwa rreġistrat għal Remintrex (biex tara jekk teżistix reġistrazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta d-dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tal-imsieħeb fir-reklamar), Remintrex tirreġistra b’mod awtomatiku, permezz ta’ iFrame li huwa integrat hemm, li inti (jew l-utent bl-ID maħżun) żort is-sit, liema prodott urejt interess fih u jekk ikkonkludejtx tranżazzjoni.

Sussegwentement, Planet49 GmbH tista’ tagħmel l-arranġamenti, abbażi tal-kunsens għar-reklamar mogħti waqt ir-reġistrazzjoni għal-lotterija, biex tintbagħtlek posta elettronika ta’ reklamar li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi li inti wrejt fuq is-sit internet tal-imsieħeb fir-reklamar. Wara li tirrevoka l-kunsens għar-reklamar, ovvjament ma intix ser tibqa’ tirċievi posta elettronika ta’ reklamar.

L-informazzjoni kkomunikata minn dawn il-cookies tintuża esklużivament għall-finijiet ta’ reklamar li fihom jiġu ppreżentati prodotti tal-imsieħeb fir-reklamar. L-informazzjoni hija miġbura, maħżuna u użata b’mod separat għal kull imsieħeb fir-reklamar. Bl-ebda mod ma ser jinħolqu profili tal-utenti li jinvolvu diversi msieħba. L-imsieħba individwali ma jirċievu l-ebda data personali.

Jekk ma għandek l-ebda interess ulterjuri li tuża l-cookies, inti tista’ tħassarhom mill-browser tiegħek f’kull mument. Tista’ ssib gwida fil-funzjoni ta’ għajnuna fil-browser tiegħek.

Ma jista’ jitħaddem l-ebda programm u ma’ jiġi trażmess l-ebda virus permezz tal-cookies.

Ovvjament inti tista’ tirrevoka dan il-kunsens f’kull żmien. Inti tista’ tibgħat ir-revoka tiegħek bil-miktub lil PLANET49 GmbH [indirizz]. Madankollu, messaġġ elettroniku lid-dipartiment tas-servizzi tal-konsumatur tagħna [indirizz tal-posta elettronika] ikun ukoll biżżejjed.”

29.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Bundesverband der Verbraucherzentralen (il-Federazzjoni Ġermaniża tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, iktar ’il quddiem il-“Bundesverband”) hija rreġistrata fuq il-lista ta’ entitajiet ikkwalifikati skont il-Gesetz über Unterlassungsklagen bei Verbraucherrechts- und anderen Verstößen (il-Liġi dwar il-mandati ta’ inibizzjoni fil-każ ta’ ksur tal-liġi tal-konsumatur u ta’ liġijiet oħra, iktar ’il quddiem il-“UklaG”). Skont il-Bundesverband, id-dikjarazzjonijiet ta’ kunsens imsemmija hawn fuq użati minn Planet49 ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 307 tal-BGB, fil-punt 2 tal-Artikolu 7(2) tal-UWG u fl-Artikoli 12 et seq tat-TMG. Intimazzjoni nnotifikata qabel il-proċeduri ġudizzjarji ma wasslet għal ebda riżultat.

30.      Il-Bundesverband bdiet proċedura quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) fejn hija talbet li Planet49 tieqaf tuża l-klawżoli msemmija hawn fuq (12) u li din il-kumpanija tiġi kkundannata tħallasha s-somma ta’ EUR 214 flimkien mal-interessi mill-15 ta’ Marzu 2014.

31.      Il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main) laqgħet ċerti kapijiet tat-talba u ċaħdet din it-talba għall-kumplament. Minbarra appell fuq il-merti (13) quddiem il-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) ġiet adita b’appell ibbażat fuq punt ta’ liġi (14).

32.      Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tqis li l-eżitu tal-appell ibbażat fuq punt ta’ liġi jiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 5(3) u tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/58, tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 u tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679 u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      (a)      Il-kunsens previst fl-Artikolu 5(3) u fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/58/KE moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46/KE huwa validament mogħti meta l-ħażna ta’ informazzjoni jew l-aċċess għal informazzjoni maħżuna f’tagħmir terminali tal-utent huma awtorizzati minn kaxxa inkroċjata awtomatikament li l-utent għandu jikklikkja fuqha sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu?

(b)      L-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/58/KE moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jiġu applikati b’mod differenti skont jekk l-informazzjoni maħżuna jew ikkonsultata hijiex data personali?

(c)      Fiċ-ċirkustanzi evokati fid-domanda preliminari 1(a), jeżisti kunsens effettiv fis-sens tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679?

(2)      Liema hija l-informazzjoni li l-fornitur tas-servizz għandu jagħti lill-utent fil-kuntest ta’ informazzjoni ċara u komprensiva skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE? Din tinkludi wkoll it-tul ta’ funzjonament tal-cookies u l-kwistjoni dwar jekk terzi jiksbux aċċess għall-cookies?”

33.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet id-deċiżjoni tar-rinviju fit-30 ta’ Novembru 2017. Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn Planet49, il-Bundesverband, il-Gvern Portugiż u l-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea. Inżammet seduta fit-13 ta’ Novembru 2018 fil-preżenza ta’ Planet49, il-Bundesverband, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni.

IV.    Evalwazzjoni

34.      Iż-żewġ domandi rrinvijati mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-għoti tal-kunsens għall-ħażna ta’ informazzjoni, u għall-aċċess għal informazzjoni maħżuna diġà f’tagħmir terminali tal-utent, jiġifieri għal cookies, fil-kuntest speċifiku tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 jew tar-Regolament 2016/679.

35.      Bħala rimarki preliminari, inqis li huwa utli li nipprovdi kjarifika fattwali dwar il-fenomenu tal-cookies u dwar it-terminoloġija relatata kif ukoll kjarifika legali dwar l-istrumenti legali applikabbli għal din il-kawża.

A.      Rimarki preliminari

1.      Dwar il-cookies

36.      Il-cookie hija mezz kif tinġabar l-informazzjoni ġġenerata minn sit internet u rreġistrata mill-browser tal-utent tal-internet (15). Il-cookie hija biċċa data żgħira jew fajl żgħir ta’ test, normalment b’daqs ta’ inqas minn Kbyte waħda, li sit internet jitlob lill-browser tal-utent tal-internet jaħżen fuq il-hard disk lokali tal-kompjuter jew tal-mowbajl tal-utent (16).

37.      Il-cookie tippermetti lis-sit internet “jiftakar” l-azzjonijiet jew il-preferenzi tal-utent tul iż-żmien. Il-biċċa l-kbira tal-browers tal-internet jaċċettaw il-cookies, iżda l-utenti jistgħu jissettjaw il-browers tagħhom sabiex jimblukkawhom. Huma jistgħu wkoll iħassru l-cookies kull meta jridu. Fil-fatt, ħafna utenti jissettjaw il-preferenzi tal-cookies fil-browsers tagħhom biex iħassru b’mod awtomatiku l-cookies meta tingħalaq il-window tal-browser. Madankollu, provi empiriċi juru b’mod ċar li l-persuni rarament jibdlu l-konfigurazzjonijiet stabbiliti b’mod awtomatiku. Dan huwa fenomenu magħruf bħala “inerzja dovuta għal għażla diġà magħmula (“default inertia”)” (17).

38.      Is-siti internet jużaw cookies biex jidentifikaw utenti, jiftakru l-preferenzi personalizzati tagħhom u jippermettu lill-utenti jwettqu kompiti mingħajr ma jerġgħu jdaħħlu informazzjoni meta jinnavigaw minn paġna għall-oħra jew meta jżuru s-sit iktar tard.

39.      Il-cookies jistgħu jintużaw ukoll għall-ġbir ta’ informazzjoni sabiex ir-reklamar u l-promozzjoni jiġu adattati għall-aġir online (18). Il-kumpanniji, per eżempju, jużaw softwer sabiex isegwu l-aġir tal-utent u jistabbilixxu profili personali, li jippermetti li jintwera lill-utenti r-reklamar rilevanti għat-tfittxija preċedenti tagħhom (19).

40.      Jeżistu tipi differenti ta’ cookies, li wħud minnhom huma kklassifikati skont it-tul ta’ ħajja tal-cookie (pereżempju cookies ta’ sessjoni u cookies persistenti) u oħrajn li huma bbażati fuq id-domain li jappartjenu għalih il-cookies (pereżempju l-cookies proprjetarji u l-cookies ta’ terzi) (20). Meta s-server tal-web li jipprovdi l-paġna tal-web jaħżen cookies fuq il-kompjuter jew fuq il-mowbajl tal-utent, dawn huma magħrufa bħala cookies “http header” (21). Mod ieħor kif jinħażnu l-cookies huwa permezz tal-kodiċi JavaScript li jinsab fi, jew li tirreferi għalih, din il-paġna (22). Madankollu, il-validità tal-kunsens għall-installazzjoni tal-cookies u l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe eżenzjoni rilevanti, għandhom jiġu evalwati abbażi tal-għan tal-cookie pjuttost milli abbażi tal-karatteristiċi tekniċi (23).

2.      Dwar l-istrumenti legali applikabbli

41.      Il-kuntest leġiżlattiv applikabbli għall-kawża prinċipali evolva tul is-snin sad-dħul fis-seħħ, l-iktar reċentement, tar-Regolament 2016/679.

42.      Huma applikabbli żewġ settijiet ta’ strumenti legali tal-Unjoni għal din il-kawża. L-ewwel nett, id-Direttiva 95/46 u r-Regolament 2016/679. It-tieni nett, id-Direttiva 2002/58, kif emendata mid-Direttiva 2009/136 (24).

43.      Nixtieq nagħmel żewġ osservazzjonijiet rigward dawn iż-żewġ settijiet ta’ strumenti.

44.      L-ewwel osservazzjoni tirrigwarda l-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46 u tar-Regolament 2016/679.

45.      Ir-Regolament 2016/679, li ilu applikabbli sa mill-25 ta’ Mejju 2018 (25), ħassar id-Direttiva 95/46 b’effett mill-istess data (26).

46.      Din id-data tal-25 ta’ Mejju 2018 tiġi wara l-aħħar seduta quddiem il-qorti tar-rinviju tal-14 ta’ Lulju 2017 u fil-fatt wara d-data tal-5 ta’ Ottubru 2017 ukoll, meta ġiet irrinvijata din il-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

47.      Għalhekk, il-liġi applikabbli għas-sitwazzjonijiet qabel il-25 ta’ Mejju 2018 hija d-Direttiva 2002/58 flimkien mad-Direttiva 95/46, filwaqt li l-liġi applikabbli għas-sitwazzjonijiet mill-25 ta’ Mejju 2018, hija d-Direttiva 2002/58 flimkien mar-Regolament 2016/679.

48.      Sa fejn il-Bundesverband titlob, permezz tal-azzjoni għal mandat ta’ inibizzjoni (27), li twaqqaf lil Planet49 milli tkompli bl-aġir tagħha fil-futur, fil-kawża preżenti huwa applikabbli r-Regolament 2016/679. Għalhekk, fid-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni għall-futur, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tar-Regolament 2016/679. F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż jenfasizza l-ġurisprudenza nazzjonali konsistenti fuq is-sitwazzjoni legali rilevanti fl-azzjonijiet għal ħruġ ta’ mandati ta’ inibizzjoni (28).

49.      Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda rinvijata għandha għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni kemm id-Direttiva 95/46 kif ukoll ir-Regolament 2016/679 (29).

50.      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-referenzi fid-Direttiva 2002/58 għad-Direttiva 95/46 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għar-Regolament 2016/679 (30).

51.      It-tieni osservazzjoni tirrigwarda l-evoluzzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58.

52.      Id-Direttiva 2002/58, b’mod partikolari fl-Artikoli 7 u 8 tagħha, hija intiża sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (31). L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva għandu l-għan li jiżgura l-“Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”. B’mod partikolari, l-Artikolu 5(3) jirregola l-użu tal-cookies u jistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti qabel ma d-data tkun tista’ tinħażen jew aċċessata fuq il-kompjuter tal-utent permezz tal-konfigurazzjoni tal-cookie.

53.      Id-Direttiva 2009/136 introduċiet bidliet sostanzjali fir-rekwiżiti dwar il-kunsens previsti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-utent. Qabel l-emendi introdotti b’din id-direttiva, l-Artikolu 5(3) kien jeżiġi biss li l-utenti jingħataw biss dritt li jirrifjutaw (“opt-out”), informat, l-ipproċessar tad-data permezz ta’ cookies. Fi kliem ieħor, skont il-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 5(3), meta jaħżen l-informazzjoni fit-tagħmir terminali tal-utent jew jaċċessa l-informazzjoni maħżuna hemmhekk, il-fornitur tas-servizz kellu jipprovdi lill-utent informazzjoni ċara u komprensiva b’mod partikolari dwar l-għan tal-ipproċessar u joffri lill-utent id-dritt li jirrifjuta tali pproċessar.

54.      Id-Direttiva 2009/136 issostitwiet dan l-obbligu ta’ informazzjoni rigward id-dritt ta’ rifjut b’dak li “l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom”, li jfisser li din id-direttiva ssostitwiet is-sistema ta’ opt-out informat, li hija iktar faċli li tiġi osservata, bis-sistema ta’ opt-in informat. Suġġett għal eċċezzjoni limitata ħafna, li ma tapplikax għal din il-kawża (32), l-Artikolu 5(3) rivedut jippermetti l-użu tal-cookies biss jekk l-utent jagħti l-kunsens tiegħu wara li jkun ingħata informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva 95/46 dwar ir-raġuni tal-intraċċar tad-data tiegħu, jiġifieri, dwar l-għanijiet tal-ipproċessar (33).

55.      Kif ser jirriżulta f’iktar dettall iktar ’il quddiem, il-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 huwa l-qofol tal-kwistjoni kontenzjuża, b’mod partikolari fil-kuntest tal-konfigurazzjonijiet attivati awtomatikament għal attivitajiet online.

B.      Domanda 1

56.      Bid-domanda 1(a) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunsens previst fl-Artikolu 5(3) u fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/58 moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 huwiex validament mogħti meta l-ħażna ta’ informazzjoni jew l-aċċess għal informazzjoni maħżuna f’tagħmir terminali tal-utent ikunu awtorizzati permezz ta’ kaxxa mmarkata awtomatikament li l-utent għandu jikklikkja fuqha b’mod li jneħħi l-marka sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tagħmilx differenza skont jekk l-informazzjoni maħżuna jew ikkonsultata tkunx data personali jew le (Domanda 1(b)). Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fiċ-ċirkustanzi deskritti hawn fuq, jeżistix kunsens effettiv fis-sens tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679 (Domanda 1(c)).

1.      Dwar il-kunsens mogħti bmod liberu u informat

57.      Aspett bażiku tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data huwa dak tal-kunsens.

58.      Qabel ma ngħaddi għall-kwistjoni speċifika tal-cookies, nixtieq nistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mill-istrumenti legali applikabbli dwar l-għoti tal-kunsens.

a)      Skont id-Direttiva 95/46

1)      Kunsens attiv

59.      Mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 niddeduċi li l-kunsens għandu jiġi mmanifestat b’mod attiv (34).

60.      L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 jirreferi għal indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data, li juri b’mod ċar aġir attiv pjuttost milli passiv. Barra minn dan, l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46, li jirrigwarda l-kriterji sabiex l-ipproċessar tad-data (personali) ikun leġittimu, jistabbilixxi li s-suġġett tad-data ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar. Għal darb’oħra, l-ambigwità tista’ titneħħa biss b’aġir attiv, pjuttost milli b’wieħed passiv.

61.      Minn dan niddeduċi li ma huwiex biżżejjed, f’dan ir-rigward, li d-dikjarazzjoni tal-kunsens mill-utent tkun ifformulata minn qabel u li l-utent ikollu joġġezzjona b’mod attiv meta ma jaqbilx mal-ipproċessar tad-data.

62.      Fil-fatt, fis-sitwazzjoni msemmija l-aħħar, wieħed ma jafx jekk dan it-test ifformulat minn qabel inqarax u ġiex mifhum. Is-sitwazzjoni ma hijiex mingħajr ambigwità. L-utent seta’ qara jew seta’ ma qarax it-test. Jista’ jkun li naqas milli jagħmel hekk minħabba sempliċi negliġenza. F’din is-sitwazzjoni, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk il-kunsens ingħatax b’mod liberu.

2)      Kunsens separat

63.      Marbut mill-qrib mar-rekwiżit ta’ kunsens attiv huwa r-rekwiżit ta’ kunsens separat (35).

64.      Wieħed jista’ jargumenta, kif tagħmel Planet49, li s-suġġett tad-data jagħti kunsens validu mhux meta ma jneħħix il-marka fuq id-dikjarazzjoni ta’ kunsens ifformulata minn qabel, iżda meta huwa “jikklikkja” b’mod attiv fuq il-buttuna għall-parteċipazzjoni fil-lotterija online.

65.      Ma naqbilx ma’ tali interpretazzjoni.

66.      Sabiex il-kunsens “jingħata b’mod liberu” u “informat”, ma għandux ikun biss attiv, iżda wkoll separat. L-attività li l-utent iwettaq fuq l-internet (jaqra paġna web, jipparteċipa f’lotterija, jara video, eċċ.) u l-għoti tal-kunsens ma jistgħux jifformaw parti mill-istess att. B’mod partikolari, mill-perspettiva tal-utent, l-għoti tal-kunsens ma jistax jidher li huwa ta’ natura anċillari għall-parteċipazzjoni fil-lotterija. Iż-żewġ atti għandhom, b’mod partikolari viżwalment, jiġu ppreżentati fuq l-istess livell. Bħala konsegwenza, inqis li huwa dubjuż li dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni miġbura fi grupp, li jinkludu l-għoti ta’ kunsens, ikunu konformi mal-kunċett ta’ kunsens fis-sens tad-Direttiva 95/46.

3)      Obbligu li tingħata informazzjoni kompleta

67.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ċċarat lill-utent jekk l-attività li huwa jwettaq fuq l-interent hijiex suġġetta għall-għoti tal-kunsens. L-utent għandu jkun f’pożizzjoni li jevalwa sa liema punt huwa lest li jagħti d-data tiegħu sabiex iwettaq l-attività tiegħu fuq l-internet. Ma għandu jkun hemm l-ebda lok għall-ambigwità (36). L-utent għandu jkun jaf jekk u, f’każ li jkun hekk, sa liema punt l-għoti tal-kunsens tiegħu jaffettwa t-twettiq tal-attività tiegħu fuq l-internet.

b)      Skont ir-Regolament 2016/679

68.      Il-prinċipji stabbiliti hawn fuq huma ugwalment validi għar-Regolament 2016/679.

69.      Il-punt 11 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679 jiddefinixxi l-kunsens tas-suġġett tad-data bħala kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b’mod liberu, speċifiku, informat u mhux ambigwu li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu.

70.      Għandu jiġi rrimarkat li din id-definizzjoni hija iktar stretta minn dik tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 sa fejn din teħtieġ indikazzjoni mhux ambigwa tax-xewqat tas-suġġett tad-data u att affermattiv ċar li juri l-qbil tiegħu mal-ipproċessar tad-data personali.

71.      Barra minn hekk, il-premessi tar-Regolament 2016/679 huma partikolarment illuminanti. Peress li ser nirreferi b’mod estensiv għall-premessi (37), inħoss li għandi nfakkar li dawn ovvjament ma għandhomx valur legali indipendenti (38), iżda l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għalihom b’mod frekwenti meta tinterpreta d-dispożizzjonijiet ta’ att legali tal-Unjoni. Fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-premessi huma fin-natura tagħhom deskrittivi u mhux preskrittivi. Fil-fatt, il-kwistjoni tal-valur legali tagħhom normalment ma tqumx għas-sempliċi raġuni li, ġeneralment, il-premessi huma riflessi fid-dispożizzjonijiet legali ta’ direttiva. Il-prattika leġiżlattiva tajba tal-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni għandha tendenza li timmira li tilħaq sitwazzjoni li fiha l-premessi jipprovdu sfond utli għad-dispożizzjonijiet ta’ test legali (39).

72.      Skont il-premessa 32 tar-Regolament 2016/679, il-kunsens għandu jingħata b’att affermattiv ċar li jistabbilixxi indikazzjoni mogħtija b’mod liberu, speċifiku, informat u mhux ambigwu tal-qbil tas-suġġett tad-data għall-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċernah, pereżempju permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub, inkluż b’mod elettroniku, jew permezz ta’ dikjarazzjoni orali. Dan jista’ jinkludi l-immarkar ta’ kaxxa meta jżur sit tal-internet, bl-għażla ta’ konfigurazzjonijiet tekniċi għal servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jew permezz ta’ dikjarazzjoni jew imġiba oħra li f’dan il-kuntest jindikaw b’mod ċar l-aċċettazzjoni tas-suġġett tad-data għall-ipproċessar propost tad-data personali tiegħu. Is-silenzju, kaxxi mmarkati minn qabel jew in-nuqqas ta’ attività, għaldaqstant, ma għandhomx jitqiesu bħala kunsens.

73.      Għalhekk, il-kunsens attiv huwa llum previst b’mod espliċitu mir-Regolament 2016/679.

74.      Barra minn hekk, il-premessa 43 ta’ dan ir-regolament tiddikjara li sabiex jiġi żgurat l-għoti ta’ kunsens b’mod liberu, il-kunsens ma għandux jipprovdi raġuni legali valida għall-ipproċessar ta’ data personali f’każ speċifiku fejn ikun hemm żbilanċ ċar bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur, b’mod partikolari fejn il-kontrollur huwa awtorità pubblika u għalhekk ikun improbabbli li l-kunsens ikun ingħata liberament fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ dik is-sitwazzjoni speċifika. Il-kunsens huwa preżunt li ma ngħatax b’mod liberu jekk ma jippermettix li jingħata kunsens separat għal operazzjonijiet differenti ta’ pproċessar ta’ data personali minkejja li jkun xieraq fil-każ partikolari, jew jekk l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, inkluż il-provvista ta’ servizz, tkun suġġetta għall-kunsens minkejja li tali kunsens ma jkunx meħtieġ għal tali eżekuzzjoni.

75.      Għalhekk, il-ħtieġa ta’ kunsens separat hija enfasizzata b’mod espliċitu f’din il-premessa.

c)      Skont id-Direttiva 2002/58 – il-każ tal-cookies

76.      Skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħażna ta’ informazzjoni, jew l-aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna f’tagħmir terminali ta’ abbonat jew ta’ utent, ikunu awtorizzati biss bil-kundizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernat ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ngħataw informazzjoni ċara u komprensiva, b’osservanza tad-Direttiva 95/46, fost l-oħrajn, dwar l-għanijiet tal-ipproċessar.

77.      Din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix kriterji oħrajn dwar il-kunċett ta’ kunsens.

78.      Madankollu, il-premessi tad-Direttiva 2002/58 u tad-Direttiva 2009/136 jipprovdu gwida dwar il-kunsens fir-rigward tal-cookies.

79.      B’dan il-mod, il-premessa 17 tad-Direttiva 2002/58 tindika li l-kunsens jista’ jingħata permezz ta’ kwalunkwe metodu xieraq li jippermetti lill-utent jindika x-xewqat tiegħu b’mod liberu, speċifiku, u informat, inkluż billi tiġi mmarkata kaxxa meta wieħed iżur sit tal-internet (40).

80.      Barra minn hekk, il-premessa 66 tad-Direttiva 2009/136 tispjega li huwa estremament importanti li l-utent jiġi pprovdut b’informazzjoni ċara u komprensiva meta jkun qiegħed iwettaq kwalunkwe attività li tista’ twassal għal ħażna ta’ informazzjoni fuq it-tagħmir ta’ utent jew għal ksib ta’ aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna. Il-metodi sabiex tiġi pprovduta informazzjoni u biex jiġi offrut id-dritt ta’ rifjut għandhom ikunu, kemm jista’ jkun possibbli, faċli biex jintużaw.

81.      F’dan ir-rigward, nixtieq nirreferi wkoll għax-xogħol tal-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29” dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (iktar ’il quddiem il-“Grupp ta’ Ħidma ‘tal-Artikolu 29’”) (41), li għalkemm ma huwiex vinkolanti xorta jservi biex jiċċara. Skont dan ix-xogħol, il-kunsens jimplika azzjoni fl-affermattiv minn qabel mill-utenti li jaċċettaw il-ħażna tal-cookie u l-użu tal-cookie (42). L-istess grupp ta’ ħidma juri li l-kunċett ta’ “indikazzjoni” jimplika l-ħtieġa ta’ azzjoni (43). Elementi oħra tad-definizzjoni ta’ kunsens, u r-rekwiżit addizzjonali fl-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46 li l-kunsens ikun ċar, isostnu din l-interpretazzjoni (44). Ir-rekwiżit li s-suġġett tad-data għandu “juri” l-kunsens tiegħu jindika li sempliċi nuqqas ta’ azzjoni ma huwiex biżżejjed u li hija meħtieġa xi forma ta’ azzjoni sabiex jiġi kkostitwit il-kunsens, għalkemm huma possibbli tipi differenti ta’ azzjonijiet, li għandhom jiġu evalwati “fil-kuntest” tagħhom (45).

2.      Applikazzjoni għal din il-kawża

82.      Ser ngħaddi issa biex napplika dawn il-kriterji għal din il-kawża. Ser nagħmel hekk billi nindirizza l-ewwel id-domanda 1(a) u (c), jiġifieri d-domanda dwar jekk il-kunsens ġiex validament mogħti għall-installazzjoni tal-cookies u għall-aċċess għall-cookies. Dan ikopri t-tieni kaxxa tal-immarkar.

83.      Barra minn hekk, peress li, kif għadu kemm ġie stabbilit, ir-rekwiżiti għall-kunsens ma humiex daqshekk differenti fir-rigward tal-cookies u, b’mod iktar ġenerali, l-ipproċessar tad-data personali, għal finijiet kemm ta’ kompletezza kif ukoll ta’ ċarezza, minkejja li l-qorti tar-rinviju ma tistaqsix b’mod espliċitu dwar din il-kwistjoni, għall-interpretazzjoni korretta u uniformi tad-dritt tal-Unjoni, inqis li huwa xieraq li nanalizza fil-qosor il-punt dwar jekk il-kunsens ġiex validament mogħti fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-ewwel kaxxa tal-immarkar. Nifhem ukoll li fil-kuntest tal-proċeduri quddiemha, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) ser ikollha tiddeċiedi dwar l-ewwel kaxxa tal-immarkar (46).

a)      It-tieni kaxxa tal-immarkar - Domanda 1(a) u (c)

84.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunsens previst fl-Artikoli 5(3) u 2(f) tad-Direttiva 2002/58 moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 ġiex validament mogħti meta l-ħażna ta’ informazzjoni, jew l-aċċess għal informazzjoni maħżuna diġà f’tagħmir terminali huma awtorizzati permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel li l-utent għandu jneħħi l-marka minnha sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu.

85.      Il-kliem kruċjali tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 u tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679 għall-finijiet ta’ din id-domanda huwa “mogħtija liberament” u “infurmata”. Tqum il-kwistjoni jekk, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta mill-qorti tar-rinviju, il-kunsens jistax jingħata b’mod liberu u informat.

86.      Planet49 taħseb li dan huwa l-każ. Il-partijiet l-oħra kollha (47) ma jaqblux. F’dan il-kuntest, id-diskussjoni ġuridika bejn il-partijiet iffokat primarjament fuq il-kwistjoni dwar jekk jiġux issodisfatti dawn ir-rekwiżiti meta wieħed jimmarka jew ineħħi l-marka minn kaxxa tal-immarkar li tkun immarkata minn qabel. Id-diskussjoni tirrigwarda l-kwistjoni tal-attività u l-passività. Madankollu, dan l-aspett, minkejja l-importanza tiegħu, jikkostitwixxi parti biss mir-rekwiżiti. Dan minħabba li dan l-aspett jindirizza biss ir-rekwiżit ta’ kunsens attiv, iżda mhux dak ta’ kunsens separat.

87.      Fl-opinjoni tiegħi, abbażi tal-kriterji stabbiliti iktar ’il fuq, ir-risposta hija li ma jeżistix kunsens validu f’din il-kawża.

88.      L-ewwel nett, li jkun meħtieġ li l-utent ineħħi l-marka b’mod pożittiv minn kaxxa u għalhekk isir attiv meta ma jaqbilx li jagħti l-kunsens tiegħu għall-installazzjoni tal-cookies ma jissodisfax il-kriterju ta’ kunsens attiv. F’sitwazzjoni bħal din, huwa kważi impossibbli li jiġi ddeterminat b’mod oġġettiv jekk il-kunsens tal-utent ingħatax abbażi ta’ deċiżjoni mogħtija b’mod liberu u informata. Min-naħa l-oħra, tali dikjarazzjoni hija iktar probabbli meta jkun meħtieġ li l-utent jimmarka kaxxa.

89.      It-tieni nett, u iktar importanti, il-parteċipazzjoni fil-lotterija online u l-għoti tal-kunsens għall-installazzjoni tal-cookies ma jistgħux jifformaw parti mill-istess att. Madankollu dan huwa preċiżament il-każ f’din il-proċedura. Fl-aħħar mill-aħħar, l-utent jikklikja biss darba waħda sabiex jipparteċipa fil-lotterija. Fl-istess ħin huwa jagħti l-kunsens tiegħu għall-installazzjoni tal-cookies. L-utent jesprimi żewġ dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni (il-parteċipazzjoni fil-lotterija u l-kunsens għall-installazzjoni tal-cookies) fl-istess ħin. Dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet ma jistgħux jintervjenu t-tnejn li huma permezz tal-istess buttuna ta’ parteċipazzjoni. Fil-fatt, f’din il-kawża, il-kunsens għall-cookies jidher li huwa ta’ natura anċillari, fis-sens li bl-ebda mod ma huwa ċar li huwa jifforma parti minn att separat. Fi kliem ieħor, l-att tal-utent li jimmarka jew ineħħi l-marka mill-kaxxa tal-immarkar rigward il-cookies jidher li huwa att preparatorju għall-att finali u legalment vinkolanti li jikkonsisti f’li “tingħafas” il-buttuna ta’ parteċipazzjoni.

90.      F’sitwazzjoni bħal din, l-utent ma huwiex f’pożizzjoni li jagħti l-kunsens separat tiegħu b’mod liberu għall-ħażna tal-informazzjoni jew għall-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna fit-tagħmir terminali tiegħu.

91.      Barra minn hekk, ġie stabbilit iktar ’il fuq li l-parteċipazzjoni fil-lotterija kienet possibbli biss wara li tiġi mmarkata mill-inqas l-ewwel kaxxa tal-immarkar. Bħala konsegwenza, il-parteċipazzjoni fil-lotterija ma kinitx tiddependi (48) fuq l-għoti tal-kunsens għall-installazzjoni tal-cookies u l-aċċess għall-cookies. Dan minħabba li l-utent seta’ wkoll jimmarka l-ewwel kaxxa tal-immarkar (biss).

92.      Madankollu, sa fejn naf jien, l-utent qatt ma ġie informat dwar dan. Dan ma jissodisfax il-kriterji stabbiliti iktar ’il dwar l-obbligu ta’ informazzjoni kompleta.

93.      Fil-qosor, nipproponi li r-risposta għad-domanda 1(a) u (c) għandha tkun li l-kunsens previst fl-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, ma huwiex mogħti validament f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-ħażna ta’ informazzjoni jew l-aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna f’tagħmir terminali tal-utent huma awtorizzati permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel li l-utent għandu jneħħi l-marka minnha sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu, u fejn il-kunsens ma huwiex mogħti b’mod separat, iżda huwa mogħti fl-istess ħin bħall-konferma tal-parteċipazzjoni f’lotterija online. L-istess jgħodd fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-punt 11 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679.

b)      L-ewwel kaxxa tal-immarkar

94.      Minkejja li d-domandi tal-qorti tar-rinviju jirreferu biss għat-tieni kaxxa tal-immarkar, nixtieq nagħmel żewġ rimarki speċifiċi rigward l-ewwel kaxxa tal-immarkar, li jistgħu jgħinu lill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni finali tagħha.

95.      Għandu jitfakkar li l-ewwel kaxxa tal-immarkar ma tirrigwardax il-cookies iżda biss l-ipproċessar ta’ data personali. F’dan il-każ, l-utent jaqbel mhux li l-informazzjoni tinħażen fit-tagħmir tiegħu, iżda (biss) li jiġi kkuntattjat minn lista ta’ impriżi permezz tal-posta, it-telefon jew il-posta elettronika.

96.      L-ewwel nett, il-kriterji dwar il-kunsens attiv u separat u l-informazzjoni kompleta ovvjament japplikaw ukoll fir-rigward tal-ewwel kaxxa tal-immarkar. Il-kunsens attiv ma jidhirx li joħloq problema peress li l-kaxxa tal-immarkar ma hijiex immarkata minn qabel. B’kuntrast, għandi dubji dwar il-kunsens separat. Abbażi tal-analiżi magħmula iktar ’il fuq (49) fir-rigward tal-fatti ta’ din il-kawża, ikun aħjar jekk, metaforikament, ikun hemm buttuna separata li għandha tiġi kklikjata (50), pjuttost milli sempliċiment kaxxa li għandha tiġi mmarkata, sabiex jingħata l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali.

97.      It-tieni nett, rigward l-ewwel kaxxa tal-immarkar dwar il-kuntatt mill-promoturi u mill-imsieħba fil-kooperazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 7(4) tar-Regolament 2016/679. Skont din id-dispożizzjoni, meta jiġi evalwat jekk il-kunsens ingħatax b’mod liberu, għandu jittieħed kont sħiħ tal-kwistjoni dwar jekk, fost l-oħrajn, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, inkluża l-provvista ta’ servizzi, hijiex suġġetta għall-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali li ma huwiex meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt. Għalhekk, l-Artikolu 7(4) tar-Regolament 2016/679 issa jistabbilixxi “projbizzjoni ta’ ragruppar” (51).

98.      Kif jirriżulta mill-kliem “għandu jittieħed kont sħiħ tal-fatt”, il-projbizzjoni ta’ ragruppar ma hijiex ta’ natura assoluta (52).

99.      F’dan il-każ, hija l-qorti kompetenti li għandha tevalwa jekk il-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali huwiex meħtieġ għall-parteċipazzjoni fil-lotterija. F’dan ir-rigward, wieħed għandu jiftakar li l-għan sottostanti tal-parteċipazzjoni fil-lotterija huwa l-“bejgħ” tad-data personali (jiġifieri l-fatt li wieħed jaqbel li jiġi kkuntattjat mill-hekk imsejħa “promoturi” għal offerti promozzjonali). Fi kliem ieħor, hija l-provvista ta’ data personali li tikkostitwixxi l-obbligu prinċipali tal-utent sabiex jipparteċipa fil-lotterija. F’tali sitwazzjoni, jidhirli li l-ipproċessar ta’ din id-data personali huwa meħtieġ għall-parteċipazzjoni fil-lotterija (53).

3.      Dwar id-data personali (id-domanda 1(b))

100. Issa ser neżamina jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 5(3) u 2(f) tad-Direttiva 2002/58 moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, tagħmilx differenza jekk l-informazzjoni maħżuna jew ikkonsultata tikkostitwixxix data personali.

101. Din id-domanda hija mifhuma aħjar fil-kuntest tad-dritt Ġermaniż li jittrasponi l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 (54). Fil-fatt, id-dritt Ġermaniż jistabbilixxi differenza bejn il-ġbir u l-użu ta’ data personali u dawk ta’ data oħra.

102. Skont l-Artikolu 12(1) tat-TMG, fornitur ta’ servizzi jista’ jiġbor u juża data personali biss jekk, fost l-oħrajn, l-utent ikun ta l-kunsens tiegħu għal dan.

103. B’kuntrast, skont l-Artikolu 15(3) tat-TMG, fornitur ta’ servizzi jista’ joħloq profili tal-utenti għall-użu ta’ psewdonimi, fost l-oħrajn, għall-finijiet ta’ reklamar u għal riċerka dwar is-suq, sakemm l-utent ma joġġezzjonax għal dan. Għalhekk, sa fejn ma hijiex involuta d-data personali, ir-rekwiżit huwa inqas strett taħt id-dritt Ġermaniż: ma huwiex meħtieġ il-kunsens, iżda biss li ma jkunx hemm oġġezzjoni.

104. Il-kunċett ta’ data personali huwa ddefinit legalment fil-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679 bħala “kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika”.

105. Sa fejn jirrigwarda l-kawża inkwistjoni, naħseb li ma hemmx dubju li l-“informazzjoni” msemmija fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 tikkostitwixxi “data personali”. Din tidher li hija wkoll l-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, li tiddikjara b’mod espliċitu fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha li l-aċċess għad-data mill-cookies użati mill-konvenuta huwa suġġett għar-rekwiżit ta’ kunsens skont l-Artikolu 12(1) tat-TMG peress li d-data inkwistjoni f’dan il-każ hija data personali (55). Barra minn hekk, ma jidhirx li huwa kkontestat mill-partijiet fil-kawża prinċipali li d-data inkwistjoni hawnhekk hija personali.

106. Għalhekk, wieħed jista’ jispekula dwar ir-rilevanza ta’ din id-domanda għal din il-kawża u jekk id-domanda hijiex ipotetika (56).

107. Madankollu, naħseb li r-risposta għal din id-domanda hija pjuttost sempliċi: ma tagħmel l-ebda differenza jekk l-informazzjoni maħżuna jew ikkonsultata hija data personali jew le. L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 jirreferi għall-“[ħażna ta’] informazzjoni jew [l-aċċess] għall-informazzjoni [diġà] maħżuna (57) Huwa ċar li kull informazzjoni bħal din għandha aspett ta’ privatezza, irrispettivament minn jekk din tikkostitwixxix “data personali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679. Kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, l-għan tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 huwa li jipproteġi lill-utent mill-indħil fl-isfera privata tiegħu, irrispettivament minn jekk dan l-indħil jinvolvix data personali jew data oħra.

108. Tali fehma tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-premessi 24 (58) u 25 (59) ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-Opinjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29”. Fil-fatt, skont dan il-Grupp ta’ Ħidma, “[l]-Artikolu 5(3) japplika għal ‘informazzjoni’ (maħżuna u/jew aċċessata). Dan ma jikkwalifikax tali informazzjoni. Mhuwiex prerekwiżit għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li din l-informazzjoni tkun dejta personali skont it-tifsira tad-Direttiva 95/46/KE” (60).

109. Għaldaqstant, jidher effettivament li l-Artikolu 15(3) tat-TMG ma jittrasponix b’mod sħiħ ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 fid-dirtt Ġermaniż (61).

110. Għalhekk nipproponi li r-risposta għad-domanda 1(b) għandha tkun li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) u tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/58 moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, ma huwiex rilevanti jekk l-informazzjoni maħżuna jew ikkonsultata hijiex data personali.

C.      Domanda 2

111. Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema hija l-informazzjoni li l-fornitur tas-servizz għandu jagħti lill-utent fil-kuntest tar-rekwiżit ta’ informazzjoni ċara u komprensiva skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 u jekk din tinkludix ukoll it-tul ta’ funzjonament tal-cookies u l-kwistjoni dwar jekk terzi jingħatawx aċċess għall-cookies.

1.      Dwar l-informazzjoni ċara u komprensiva

112. L-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46 (kif ukoll l-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament 2016/679) jistabbilixxu l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni lis-suġġetti tad-data. L-obbligu ta’ informazzjoni huwa marbut mal-kunsens peress li l-kunsens għandu jkun dejjem ippreċedut bl-informazzjoni.

113. Minħabba l-prossimità kunċettwali bejn l-utent tal-internet (u l-fornitur) u l-konsumatur (u l-kummerċjant) (62), wieħed jista’ f’dan l-istadju juża l-kunċett tal-konsumatur Ewropew medju li hu normalment informat u raġonevolment attent u avżat (63) u li jista’ jieħu d-deċiżjoni li jieħu impenn b’għarfien sħiħ (64).

114. Madankollu, minħabba l-kumplessità teknika tal-cookies, l-informazzjoni asimmetrika bejn il-fornitur tas-servizz u l-utent u, b’mod iktar ġenerali, in-nuqqas relattiv ta’ għarfien ta’ kull utent tal-internet medju, wieħed ma jistax jistenna li l-utent tal-internet medju jkollu livell għoli ta’ għarfien dwar il-funzjonament tal-cookies.

115. Għalhekk, informazzjoni ċara u komprensiva tfisser li l-utent jinsab f’pożizzjoni li jiddetermina faċilment il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe kunsens li huwa jista’ jagħti. Għal dan il-għan, l-utent għandu jkun f’pożizzjoni li jevalwa l-effetti tal-azzjonijiet tiegħu. L-informazzjoni mogħtija għandha tkun komprensibbli b’mod ċar u mhux suġġetta għal ambigwità jew għal interpretazzjoni. L-informazzjoni għandha tkun suffiċjentement dettaljata b’mod li tippermetti lill-utent jifhem il-funzjonament tal-cookies effettivament użati.

116. Dan jinkludi, kif ġie ssuġġerit ġustament mill-qorti tar-rinviju, kemm it-tul ta’ funzjonament tal-cookies kif ukoll il-kwistjoni dwar jekk terzi jingħatawx aċċess għall-cookies.

2.      Informazzjoni dwar it-tul ta funzjonament tal-cookies

117. Bis-saħħa tal-premessi 23 u 26 tad-Direttiva 2002/58, it-tul ta’ funzjonament tal-cookies huwa element tar-rekwiżit ta’ kunsens infurmat, li jfisser li l-fornituri tas-servizzi għandhom “dejjem iżommu lill-abbonati informati dwar it-tipi ta’ data li qegħdin jipproċessaw u l-iskopijiet u d-durata ta’ dan”. Anki jekk il-cookie hija essenzjali, il-kwistjoni dwar kemm hija intrusiva għandha tiġi eżaminata fil-kuntest taċ-ċirkustanzi kollha tagħha għall-finijiet tal-kunsens. Flimkien mal-kwistjoni rigward id-data li kull cookie żżomm u jekk din id-data hijiex assoċjata ma kwalunkwe informazzjoni oħra miżmuma dwar l-utent, il-fornituri tas-servizz għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni t-tul ta’ funzjonament tal-cookie u jekk dan it-tul ta’ funzjonament huwiex xieraq fid-dawl tal-għan tal-cookie.

118. It-tul ta’ funzjonament tal-cookies huwa marbut mar-rekwiżiti espliċiti ta’ kunsens informat li jirrigwardaw il-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni għall-utenti. Din l-informazzjoni hija essenzjali sabiex tippermetti lill-individwi jieħdu deċiżjonijiet informati qabel l-ipproċessar (65). Kif issottomettew il-Gvern Portugiż u l-Gvern Taljan, peress li d-data miġbura mill-cookies għandha tiġi eliminata ladarba din ma tibqax meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan oriġinali, isegwi li l-perijodu ta’ żmien għall-ħażna tad-data miġbura għandu jiġi kkomunikat b’mod ċar lill-utent.

3.      Informazzjoni dwar l-aċċess ta terzi

119. F’dan il-każ, Planet49 issostni li jekk terzi jiksbu aċċess għal cookie, l-utenti għandhom ukoll jiġu informati dwar dan. Madankollu, jekk, bħal f’din il-kawża, huwa biss fornitur li jixtieq jinstalla l-cookie li għandu aċċess għall-cookie, huwa biżżejjed li tinġibed l-attenzjoni għal dan il-fatt. Il-fatt li terzi oħra ma għandhomx aċċess ma għandux għalfejn jissemma separatament. Tali obbligu ma huwiex kompatibbli mal-intenzjoni tal-leġiżlatur li d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data għandhom jibqgħu faċli biex jintużaw u konċiżi.

120. Ma nistax naqbel ma’ interpretazzjoni bħal din. Bil-kontra, sabiex l-informazzjoni tkun ċara u komprensiva, l-utent għandu jiġi informat b’mod espliċitu bil-fatt li terzi għandhom jew ma għandhomx aċċess għall-cookies installati. Barra minn hekk, jekk terzi jkollhom aċċess, l-identità tagħhom għandha tiġi żvelata. Kif tenfasizza ġustament il-Bundesverband, dan huwa indispensabbli sabiex jiġi żgurat li jingħata kunsens informat.

4.      Riżultat

121. Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-informazzjoni ċara u komprensiva li l-fornitur tas-servizz għandu jagħti lill-utent skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 tinkludi t-tul ta’ funzjonament tal-cookies u l-kwistjoni dwar jekk terzi jingħatawx aċċess għall-cookies.

V.      Konklużjoni

122. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) b’dan il-mod:

(1)      Il-kunsens previst fl-Artikolu 5(3) u fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ma huwiex mogħti validament f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-ħażna ta’ informazzjoni jew l-aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna f’tagħmir terminali tal-utent huma awtorizzati permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel li l-utent għandu jneħħi l-marka minnha sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu, u fejn il-kunsens ma huwiex mogħti b’mod separat, iżda huwa mogħti fl-istess ħin bħall-konferma tal-parteċipazzjoni f’lotterija online.

(2)      L-istess jgħodd fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-punt 11 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).

(3)      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) u tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/58 moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, ma huwiex rilevanti jekk l-informazzjoni maħżuna jew ikkonsultata hijiex data personali.

(4)      L-informazzjoni ċara u komprensiva li l-fornitur tas-servizz għandu jagħti lill-utent skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 tinkludi t-tul ta’ funzjonament tal-cookies u l-kwistjoni dwar jekk terzi jingħatawx aċċess għall-cookies.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


3      Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016 L 119, p. 1).


4      Sikwit imsejħa d-“Direttiva dwar il-privatezza elettronika”.


5      Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).


6      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 13 Vol. 29, p. 349.


7      Sikwit imsejħa d-“Direttiva dwar il-cookies”.


8      Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ĠU L 2009, L 337, p. 11; rettifika fil-ĠU 2013 ĠU L 241, p. 9). Għalhekk, il-kontenut normattiv tad-Direttiva 2009/136 issa jinsab fid-direttivi tal-aħħar kif ukoll fl-imsemmi regolament, kif emendat (u, fir-rigward tal-kawża preżenti, fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58), u għal din ir-raġuni, f’din il-kawża ġiet iċċitata biss premessa tad-Direttiva 2009/136.


9      Jien konxju li, strettament, wieħed għandu jirreferi għal “paragrafi” (§) u mhux għal artikoli. Fil-fatt, dawn tal-aħħar rarament jintużaw fil-Ġermanja u jekk jintużaw l-użu tagħhom isir biss f’testi fundamentali bħad-Dritt Bażiku. Madankollu, għal faċilità ta’ referenza, ser inkun qiegħed nirreferi għal “artikoli” matul dawn il-konklużjonijiet.


10      Għandu jiġi indikat li din hija l-verżjoni preċedenti tal-BDSG tal-20 ta’ Diċembru 1990, kif emendata, u mhux il-verżjoni attwali tat-30 ta’ Ġunju 2017.


11      Wieħed jista’ jieħu idea dwar kif kien effettivament jidher is-sit internet mill-indirizz li ġej: https://web.archive.org/web/20130902100750/http:/www.dein-macbook.de:80/.


12      U klawżoli oħra li ma humiex rilevanti għal din il-kawża.


13      “Berufung”.


14      “Revision”.


15      Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2017:796, punt 5).


16      Ara Lynskey, O., “Track[ing] changes: an examination of EU Regulation of online behavioural advertising through a data protection lens”, European Law Review, Sweet & Maxwell, 2011, pp. 874-886, b’mod partikolari p. 875 u 876.


17      Ara Lynskey, O., ibid., p. 878.


18      Ara, b’mod ġenerali, Clifford, D., ‘EU Data Protection Law and Targeted Advertising: Consent and the Cookie Monster – Tracking the crumbs of online user behaviour’, Journal of Intellectual Property, Information Technology and Electronic Commerce Law, 2014, p. 195 u 196.


19      Ara http://ec.europa.eu/ipg/basics/legal/cookies/index_en.htm.


20      Ara Clifford, D., ibid., p. 195 u 196.


21      Ara http://ec.europa.eu/ipg/basics/legal/cookies/index_en.htm


22      Ara http://ec.europa.eu/ipg/basics/legal/cookies/index_en.htm


23      Ara, per eżempju, l-Opinjoni 04/2012 dwar l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ kunsens għal ċerti cookies adottata mill-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29” fis-7 ta’ Ġunju 2012 (00879/12/MT, WP 194, p. 12).


24      Għal finijiet ta’ kompletezza, wieħed jista’ jżid li d-Direttiva 2002/58 kienet ġiet emendata wkoll mid-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006 L 105, p. 54). Madankollu, l-ewwel nett, kif jirriżulta mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/24, din l-emenda kienet żgħira u kienet tirrigwarda biss artikolu wieħed tad-Direttiva 2002/58 u, it-tieni nett u iktar importanti, id-Direttiva 2006/24 ġiet fil-frattemp iddikjarata invalida. Ara s-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 71).


25      Skont l-Artikolu 99(2) tar-Regolament 2016/679.


26      Ara l-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2016/679.


27      Bil-Ġermaniż: “Unterlassungsanspruch”.


28      Ara Bundesgerichtshof, 23 ta’ Frar 2016, XI ZR 101/15, punt II.1., Neue Juristische Wochenschrift (NJW), 2016, p. 1882: Sa fejn it-talba tar-rikorrenti għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni hija diretta lejn il-futur, it-talbiet għal ħruġ ta’ mandati ta’ inibizzjoni li l-bażi legali tagħhom tkun inbidlet matul il-proċeduri għandhom jiġu eżaminati mill-qorti tal-appell b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni legali attwali, anki jekk l-emenda legali tkun daħlet fis-seħħ biss wara l-għeluq tal-fażi orali fit-tieni istanza jew matul il-proċedura tal-appell. Ara wkoll Bundesgerichtshof, 13 ta’ Lulju 2004. 2004, KZR 10/03, punt I., Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht (GRUR), 2004, p. 62.


29      Rigward l-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46 u tar-Regolament 2016/679 fil-kuntest tal-Feststellungsklage taħt id-dritt proċedurali Ġermaniż, ara s-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2019, Deutsche Post (C‑496/17, EU:C:2019:26, punt 39); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Deutsche Post (C‑496/17, EU:C:2018:838, punt 32): “Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dritt proċedurali nazzjonali tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix dwaru. Għalhekk, jekk, skont ir-regoli interni, hija tqis li t-tilwima għandha tiġi deċiża, ratione temporis, skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u mhux skont id-Direttiva 95/46, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċċara l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament u mhux dik tad-Direttiva.”


30      Ara l-Artikolu 94(2) tar-Regolament 2016/679.


31      Ara, b’mod ġenerali, il-premessa 2.


32      Ir-rekwiżit ta’ kunsens ma jipprekludix il-ħażna jew l-aċċess skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 jekk l-għan ikun biss it-twettiq tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika, jew jekk il-ħażna jew l-aċċess ikunu strettament neċessarji biex l-utent jingħata s-servizz ta’ informazzjoni li jintalab minnu b’mod espliċitu. F’dan il-każ, il-ħażna jew l-aċċess tal-informazzjoni ma humiex teknikament neċessarji fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, iżda huma pjuttost użati għall-finijiet ta’ reklamar; għalhekk l-eċċezzjoni mir-rekwiżit għal kunsens ma tapplikax.


33      Ara wkoll Bond, R., “The EU E-Privacy Directive and Consent to Cookies”, The Business Lawyer, Vol. 68, No. 1, American Bar Association, November 2012, p. 215.


34      Minflok jintużaw iż-żewġ termini “attiv” u “passiv”, wieħed jista’ wkoll juża t-termini “espliċitu” u “impliċitu”.


35      Strettament, ir-rekwiżit ta’ kunsens separat diġà jinkorpora r-rekwiżit ta’ kunsens attiv għaliex huwa biss jekk il-kriterju tal-kunsens japplika b’mod separat li l-kunsens ma jistax jiġi “inkluż” b’konfigurazzjonijiet attivati awtomatikament.


36      Dan ma jfissirx li l-parteċipazzjoni fil-lotterija ma tistax tkun suġġetta għall-għoti tal-kunsens. Madankollu, dan il-kunsens għandu jkun separat u l-utent għandu jiġi debitament informat. Nerġa’ niġi lura għal dan il-punt iktar ’il quddiem.


37      U minħabba li diġà rreferejt għall-premessi tad-Direttivi 2002/58 u 2009/136 iktar ’il fuq.


38      Sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1998, Nilsson et (C‑162/97, EU:C:1998:554, punt 54); tal-24 ta’ Novembru 2005, Deutsches Milch-Kontor (C‑136/04, EU:C:2005:716, punt 32); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża TeliaSonera Finland (C‑192/08, EU:C:2009:309, punti 87 sa 89).


39      Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda ta’ X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punt 132).


40      Ara t-tieni sentenza tal-premessa 17 tad-Direttiva 2002/58.


41      Dan huwa korp konsultattiv stabbilit skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46. Bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679, il-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29” ġie ssostitwit mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (ara l-Artikolu 68 u l-Artikolu 94(2) tar-Regolament 2016/679).


42      Ara l-Opinjoni 2/2010 dwar reklamar fuq l-internet ibbażat fuq l-imġiba tal-konsumaturi, adottata mill-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29”, fit-22 ta’ Ġunju 2010 (00909/10/MT, WP 171, p. 16, punt 4.1.3.).


43      Opinjoni 15/2011 dwar id-definizzjoni tal-kunsens adottata mill-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29” fit-13 ta’ Lulju 2011 (01197/11/MT, WP 187, p. 12).


44      Opinjoni 15/2011 dwar id-definizzjoni tal-kunsens adottata mill-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29” fit-13 ta’ Lulju 2011 (01197/11/MT, WP 187, p. 12).


45      Opinjoni 15/2011 dwar id-definizzjoni tal-kunsens adottata mill-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29” fit-13 ta’ Lulju 2011 (01197/11/MT, WP 187, p. 12).


46      Dan il-punt, li diġà jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ġie kkonfermat b’mod espliċitu mill-Bundesverband matul is-seduta, fuq domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.


47      Jiġifieri l-Bundesverband, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Taljan u l-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni.


48      Ara l-Artikolu 7(4) tar-Regolament 2016/679.


49      Ara, b’mod partikolari, il-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50      Buttuna bħall-buttuna ta’ parteċipazzjoni.


51      Fit-terminoloġija Ġermaniża: ‘Kopplungsverbot’, ara, fost ħafna, Ingold, A., in G. Sydow (ed.), Europäische Datenschutzgrundverordnung, Handkommentar, Nomos, Baden-Baden, 2017, Artikel 7, punt 30.


52      Ara Heckmann, D., Paschke, A., in E. Ehmann, M. Selmayr (ed.), DS-GVO (Datenschutz-Grundverordnung), Kommentar, C.H. Beck, Munich, 2017, Artikel 7, punt 53.


53      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, Buchner, J., Kühling, B., in J. Buchner, B. Kühling (eds), Datenschutz-Grundverordnung/BDSG, Kommentar, 2nd ed. 2018, C.H. Beck, Munich, Artikel 7 DS-GVO, punt 48.


54      Kif emendata bid-Direttiva 2009/136.


55      Ara l-punt 24 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


56      Fil-fatt, matul is-seduta, ir-rappreżentant tal-Bundesverband irrimarka li kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja rigward id-domanda 1(b) tkun ta’ ħafna għajnuna fid-dawl tal-kontestazzjoni fid-duttrina ġuridika Ġermaniża fuq il-punt dwar jekk l-Artikolu 15(3) tat-TMG huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.


57      Enfasi tiegħi.


58      Ara l-kuntest ġuridiku, iktar ’il fuq.


59      Ibid.


60      Ara l-Opinjoni 2/2010 dwar reklamar fuq l-internet ibbażat fuq l-imġiba tal-konsumaturi adottata mill-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29” fit-22 ta’ Ġunju 2010 (00909/10/MT, WP 171, p. 16, punt 3.2.1). Fuq l-istess linja, l-Opinjoni 2/2013 dwar apps fl-apparati intelliġenti, adottata mill-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29” fis-27 ta’ Frar 2013 (00461/13/MT, WP 202, p. 7, punt 3.1), tiddikjara li “[i]r-rekwiżit tal-kunsens tal-Artikolu 5(3) japplika għal kull tagħrif, mingħajr kunsiderazzjoni għannatura tad-dejta li tinħażen jew tiġi aċċessata. Il-kamp ta’ applikazzjoni mhuwiex limitat għal dejta personali; l-informazzjoni tista’ tkun kwalunkwe tip ta’ dejta maħżuna fl-apparat”.


61      Għal finijiet ta’ preċiżjoni: ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/136 li temenda, fost l-oħrajn, id-Direttiva 2002/58.


62      Dwar it-terminoloġija fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011 L 304, p. 64).


63      Din hija t-terminoloġija klassika użata mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeskrivi l-konsumatur Ewropew medju. Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tas-7 ta’ Awwissu 2018, Verbraucherzentrale Berlin (C-485/17, EU:C:2018:642, punt 44); tas-7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association (C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 47); u tas-16 ta’ Lulju 1998, Gut Springenheide u Tusky (C‑210/96, EU:C:1998:369, punt 31).


64      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża slewo (C‑681/17, EU:C:2018:1041, punt 55).


65      Opinjoni 15/2011 dwar id-definizzjoni tal-kunsens adottata mill-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29” fit-13 ta’ Lulju 2011 (01197/11/MT, WP 187, p. 37).