Language of document : ECLI:EU:F:2011:133

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

13 ta’ Settembru 2011

Kawża F-101/09

AA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Ħatra — Membri tal-persunal temporanju maħtura uffiċjali — Klassifikazzjoni fi grad — Eżekuzzjoni ta’ res judicata — Telf ta’ possibbiltà”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu AA jitlob l-annullament tad-deċiżjoni dwar il-klassifika tiegħu fil-grad AD 6, skala 2, u, sussidjarjament, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas id-danni għat-telf tal-possibbiltà li jiġi rreklutat skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u, sussegwentement, tat-telf tal-possibbiltà li jirċievi salarju aħjar.

Deċiżjoni:      Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent, minħabba dannu materjali li ġie kkawżat qabel ma ngħatat is-sentenza preżenti, somma ekwiparabbli għad-differenza bejn, minn naħa, ir-remunerazzjoni mingħajr kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u taxxi li kienet tkun tiegħu kieku ġie rreklutat bħala uffiċjal fil-grad intermedjarju A*6 fl-1 ta’ Awwissu 2004 u li kieku, konsegwentement, il-karriera tiegħu żvolġiet skont il-progress ta’ skala previst mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u skont it-tul medju li uffiċjal għamel f’kull grad, kif jirriżulta mill-Anness I(b) tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, ir-remunerazzjoni mingħajr kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u taxxi li r-rikorrent irċieva bejn l-1 ta’ Awwissu 2004 u d-data ta’ meta ngħatat is-sentenza preżenti, qabelxejn fil-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal nazzjonali, sussegwentement, b’effett mill-15 ta’ Marzu 2009, fil-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal tal-Unjoni Ewropea, differenza li fir-rigward tagħha għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 0.8. Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 120 000 bħala dannu materjali li ġie kkawżat wara li ngħatat is-sentenza preżenti. Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent l-ammont ta’ somom li l-ħlas tagħhom diġà skada u li huma dovuti bl-eżekuzzjoni tas-sentenza preżenti, flimkien ma’ interessi moratorji, ikkalkolati b’effett mid-dati li fihom l-imsemmija somom kienu rispettivament dovuti, u fil-każ li dawn id-dati jippreċedu l-15 ta’ Marzu 2009, b’effett minn din id-data. Dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkolati, sad-data tal-ħlas effettiv, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid u applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b’żewġ punti. Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent l-ammont ta’ EUR 2 000 bħala kumpens għal dannu morali. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u żewġ terzi tal-ispejjeż tar-rikorrent. Ir-rikorrent għandu jbati terz tal-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament ta’ deċiżjoni dwar rifjut tal-inklużjoni fuq lista’ ta’ riżerva

(Artikolu 233 KE; Artikolu 266 TFUE)

2.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni ppreżentat fl-assenza ta’ proċedura prekontenzjuża skont ir-Regolamenti tal-Persunal — Talba għad-danni marbuta ma’ talba għal annullament u intiża għall-kumpens ta’ dannu li jirriżulta mill-assenza parzjali ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament — Ammissibbiltà

(Artikolu 233 KE; Artikolu 266 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Rikors — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Diffikultajiet partikolari — Kumpens ekwu għall-iżvantaġġ li jkun irriżulta għar-rikorrent mill-att annullat

(Artikolu 233 KE; Artikolu 266 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

4.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Ksur tal-obbligu ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament — Irregolarità li toħloq, fiha nfisha, dannu morali

1.      Skont l-Artikolu 233 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 266 TFUE), l-istituzzjoni li tkun adottat att li ġie annullat minn qorti tal-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ annullament sabiex tikkumpensa l-konsegwenzi tal-illegalità li hija wettqet. Għalhekk, bħala prinċipju, l-amministrazzjoni għandha tqiegħed lill-uffiċjal ikkonċernat preċiżament fis-sitwazzjoni li kieku kien ikun fiha llum fl-assenza tal-illegalità kkonstatata. Għal dan il-għan, sabiex jiġu rrimedjati ratione temporis il-konsegwenzi li seta’ kellha l-imsemmija illegalità, u bil-kundizzjoni li l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament osservati, l-amministrazzjoni tista’ tadotta att ta’ natura retroattiva.

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla rifjut ta’ inklużjoni fuq lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni, din l-inklużjoni tagħti lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà u mhux id-dritt li jinħatar uffiċjal, wisq inqas li dan iseħħ f’terminu partikolari, u dan anki meta l-kompetenzi tal-persuna kkonċernata jikkorrispondu mal-bżonnijiet tas-servizz. Konsegwentement, minkejja li l-persuna kkonċernata kienet inkluża fil-lista ta’ riżerva ab initio, hija ma kinitx ser tkun neċessarjament irreklutata qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra.

(ara l-punti 41 u 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, C‑443/07 P, punt 112

Qorti tal-Prim’Istanza: 31 ta’ Marzu 2004, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, punt 49; 11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, T‑58/05, punt 52

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Settembru 2008, Smadja vs Il-Kummissjoni, F‑135/07, punt 48

2.      Fir-rigward tat-talbiet għad-danni marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ res judicata, ibbażati mhux fuq il-fatt li d-deċiżjonijiet adottati mill-amministrazzjoni sabiex tikkonferma ruħha mas-sentenza ta’ annullament huma kuntrarji għal din is-sentenza, iżda fuq il-fatt li d-deċiżjonijiet adottati jikkumpensaw biss parzjalment il-konsegwenzi tal-illegalità kommessa, li tikkostitwixxi madankollu każ ta’ ineżekuzzjoni ta’ res judicata, dawn it-talbiet għandhom jitqiesu li huma allegazzjoni fil-konfront tal-Awtorità tal-Ħatra li naqset milli tieħu, skont l-Artikolu 233 KE (li sar, wara emenda l-Artikolu 266 TFUE), miżura analoga għal miżura imposta mir-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tal-imsemmija regolamenti. Peress li n-nuqqas li tittieħed miżura imposta mir-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju li fir-rigward tiegħu l-uffiċjal jista’ jippreżenta l-ewwel, f’terminu ta’ tliet xhur, ilment, mingħajr ma l-ammissibbiltà tar-rikors tiegħu ma tkun suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ talba abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istess soluzzjoni għandha tiġi applikata għat-talbiet għad-danni, peress li r-rikorrent ilmenta li l-amministrazzjoni ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa mill-Artikolu 233 KE, li sar, wara emenda, l-Artikolu 266 TFUE.

Dan huwa iktar u iktar minnu peress li, fi kwalunkwe każ, li uffiċjal li jitlob l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament mogħtija għall-benefiċċju tiegħu jintalab, minn naħa, jippreżenta lment kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tikkostitwixxi eżekuzzjoni żbaljata tas-sentenza annullata u, min-naħa l-oħra, jippreżenta talba għad-danni separata, abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, talba li, fil-każ ta’ rifjut tal-amministrazzjoni, għandha sussegwentement tagħti lok ukoll għal preżentazzjoni ta’ ilment, imur kontra r-rekwiżiti tal-ekonomija tal-ġudizzju imposti mill-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli.

(ara l-punti 75 u 76)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 17 ta’ April 2007, C u F vs Il‑Kummissjoni, F‑44/06 u F‑94/06, punti 57, u l-ġurisprudenza ċċitata, u 58

3.      Meta l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament ikollha diffikultajiet partikolari dwar, pereżempju, l-impossibbiltà li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrent kienx ser jiġi rreklutat qabel data partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tissodisfa l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 233 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 266 TFUE) billi tieħu deċiżjoni li tista’ tikkumpensa ġustament l-iżvantaġġ li jirriżulta għall-persuna kkonċernata mid-deċiżjoni annullata. Isegwi li, peress li l-amministrazzjoni għandha l-fakultà li tikkumpensa lir-rikorrent, hija messha użat din il-fakultà sabiex tikkumpensa l-konsegwenzi pekunjarji li rriżultaw, għar-rikorrent, mit-telf tal-possibbiltà li jiġi rreklutat iktar kmieni mid-data tar-reklutaġġ effettiv tiegħu u, wara dan, mit-telf tal-possibbiltà li jirċievi salarju aħjar, li jkun illum ’il ġurnata iktar avvanzat fil-karriera tiegħu, li jkollu prospetti aħjar ta’ karriera u li jibbenefika minn pensjoni aħjar. Fil-fatt, it-telf ta’ possibbiltà, bħal dik, b’mod partikolari, li jiġi rreklutat u, sussegwentement, li jiġi promoss iktar kmieni, tikkostitwixxi dannu materjali reali u ċert, u għalhekk, kumpensabbli.

Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-kumpens li kellu jitħallas lir-rikorrent minħabba li, billi llimita ruħha li tinkludih fuq il-lista ta’ riżerva, l-amministrazzjoni eżegwixxiet biss parzjalment is-sentenza ta’ annullament u għalhekk ikkumpensat biss parzjalment il-konsegwenzi tal-illegalità kommessa mill-bord tal-għażla tal-kompetizzjoni, għandha tiġi identifikata n-natura tal-possibbiltà li ġiet miċħuda lir-rikorrent, id-data li minnha r-rikorrent seta’ jibbenefika minn din il-possibbiltà, u sussegwentement li tiġi kkwantifikata l-imsemmija possibbiltà u, fl-aħħar nett, li jiġi ppreċiżat liema kienu għalih il-konsegwenzi finanzjarji ta’ dan it-telf ta’ possibbiltà.

Il-possibbiltà li ġiet miċħuda lir-rikorrent hija dik li jiġi rreklutat iktar kmieni minn meta kien effettivament irreklutat, u konsegwentement, fid-dawl tar-regoli applikabbli għall-avvanzament fl-iskala u għall-perijodu medju f’kull grad, li jibbenefika minn remunerazzjoni aħjar minn dik li huwa effettivament irċieva, li jkun illum ’il ġurnata iktar avvanzat fil-karriera tiegħu, li jkollu prospetti aħjar ta’ karriera u li jibbenefika minn pensjoni aħjar. Isegwi li, il-konsegwenzi finanzjarji li kellu tali telf ta’ possibbiltà għandhom jiġu evalwati fir-rigward tad-differenza bejn is-salarji u l-pensjonijiet li r-rikorrent seta’ jirċievi u dawk li rċieva u li ser jirċievi.

Il-possibbiltà ta’ reklutaġġ ta’ kull kandidat li għadda minn kompetizzjoni inkluż fuq lista ta’ riżerva tinbidel fiċ-ċans li jiġi rreklutat b’effett mid-data li fiha impjieg, li fir-rigward tiegħu huwa raġonevoli li jitqies li l-imsemmi kandidat jista’ jiġi rreklutat, ikun vakanti. Li kieku r-rikorrent kien ġie inkluż fuq il-lista ta’ riżerva ab initio, huwa probabbli ħafna li kien jiġi rreklutat fil-funzjoni li huwa kien jokkupa preċedentement bħala membru tal-persunal temporanju, peress li kien wettaq il-kompitu tiegħu b’mod kompletament sodisfaċenti u li, minħabba dan, huwa kien akkwista esperjenza professjonali f’din il-kariga. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-pussess ta’ esperjenza professjonali sodisfaċenti tikkostitwixxi indizju importanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jintgħażel il-kandidat li għandu jiġi rreklutat.

Il-possibbiltà li ġiet imċaħħda minnha persuna għandha tiġi ddeterminata oġġettivament, fil-forma ta’ koeffiċjent matematiku. Fir-rigward tat-telf tal-possibbiltà ta’ salarju aħjar, li jiddependi fuq il-possibbiltà li persuna kellha li tikseb xogħol li jista’ jagħtiha remunerazzjoni aħjar, tali koeffiċjent jista’ jiġi kkalkolat skont diversi fatturi bħal, b’mod partikolari, l-esperjenza preċedenti tal-kandidat fi ħdan l-istituzzjoni u l-livell ta’ adegwatezza bejn il-kwalifiki tiegħu u d-deskrizzjoni tax-xogħol inkwistjoni. Madankollu, meta l-possibbiltà li ġiet miċħuda lir-rikorrent ma tistax tiġi kkwantifikata taħt forma ta’ koeffiċjent matematiku, id-dannu subit jista’ jiġi evalwat ex æquo et bono. Għalhekk, minn dan għandu jiġi dedott li, sabiex jiġi evalwat id-dannu subit mir-rikorrent, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jistabbilixxi b’ekwita l-koeffiċjent matematiku li għandu jintuża, li jirrifletti t-telf ta’ possibbiltà mġarrab.

Sabiex jiġu evalwati l-konsegwenzi pekunjarji ta’ telf ta’ possibbiltà, għandu l-ewwel nett jiġi ddeterminat, skont indikazzjonijiet, il-profitt finanzjarju li seta’ jkollha l-persuna li ġarrbet it-telf ta’ possibbiltà li kieku din il-possibbiltà attwalizzat ruħha, u sussegwentement li din is-sitwazzjoni titqabbel mas-sitwazzjoni finanzjarja attwali ta’ din il-persuna u, fl-aħħar nett, li l-koeffiċjent matematiku li jirrifletti l-possibbiltà li tilfet l-imsemmija persuna jiġi applikat għad-differenza tal-profitt finanzjarju bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet.

Madankollu, fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-dannu materjali li rikorrent għandu jġarrab wara li tingħata s-sentenza li tikkonstata li dan ġarrab it-telf tal-possibbiltà li jiġi rreklutat u, sussegwentement, li jiġi promoss iktar kmieni minn meta ġie effettivament promoss, l-iktar metodu rilevanti jikkonsisti fi stima b’rata fissa, ex æquo et bono, tad-dannu li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-grad attwali tar-rikorrent, tal-progress fl-iskala previst fir-Regolamenti tal-Persunal, tal-perijodu medju li uffiċjal ikun għamel f’kull grad kif jirriżulta mill-Anness I(b) tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-aspettattivi tal-ħajja ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea, tal-koeffiċjent matematiku stabbilit, iżda wkoll tal-fatt li b’eżekuzzjoni tas-sentenza preżenti, ir-rikorrent ser jirċievi somma li ser tkun immedjatament disponibbli.

(ara l-punti 81, 83 sa 85, 91, 93, 94, 96 u 105)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Girardot vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53, 58 et seq, 96 u 119

Il-Qorti Ġenerali: 10 ta’ Novembru 2010, UASI vs Simões Dos Santos, T‑260/09 P, punt 104

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Mejju 2008, Suvikas vs Il-Kunsill, F‑6/07, punti 141 sa 144; 24 ta’ Ġunju 2008, Andres et vs BĊE, F‑15/05, punt 132, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Ir-rifjut ta’ istituzzjoni Ewropea li teżegwixxi deċiżjoni mogħtija minn qorti tal-Unjoni jikkostitwixxi ksur tal-aspettattivi li kull individwu għandu jkollu fis-sistema legali tal-Unjoni, ibbażata b’mod partikolari, fuq l-osservanza tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati tal-Unjoni. Għalhekk, indipendentement minn kull dannu materjali li jista’ jirriżulta mill-ineżekuzzjoni ta’ sentenza, l-eżekuzzjoni parzjali tas-sentenza timplika, fiha nfisha, dannu morali għar-rikorrent.

(ara l-punt 107)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Diċembru 2000, Hautem vs BEI, T‑11/00, punt 51