Language of document : ECLI:EU:C:2010:371

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-24 ta’ Ġunju 2010 1(1)

Kawża C-168/09

Flos SpA

vs

Semeraro Casa e Famiglia SpA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Milano (l-Italja)]

“Direttiva 98/71/KE – Proprjetà industrijali u kummerċjali – Protezzjoni ġuridika tad-disinni – Applikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal disinni li jkunu waqgħu fid-dominju pubbliku – Direttiva 93/98/KEE – Drittijiet miksuba – Perijodu tranżitorju”





1.        Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża huwa d-Direttiva 98/71/KE (2) li tistabbilixxi, fl-Artikolu 17 tagħha, il-prinċipju tal-akkumulazzjoni tal-protezzjoni speċifika tad-disinni rreġistrati mal-protezzjoni mogħtija mid-drittijiet tal-awtur. Din id-dispożizzjoni b’hekk tipprovdi li disinn jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur sa mid-data li fiha d-disinn ikun inħoloq jew iffissat fi kwalunkwe forma.

2.        Kawża dwar ir-riproduzzjoni tal-lampa rinomata Arco, il-frott tal-immaġinazzjoni tal-aħwa Castiglioni, tressqet bejn il-kumpannija Flos SpA (iktar ’il quddiem “Flos”), li tiddikjara li għandha d-drittijiet patrimonjali kollha fuq din il-lampa, u l-kumpannija Semeraro Casa e Famiglia SpA (iktar ’il quddiem “Semeraro”).

3.        B’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ f’dak iż-żmien, il-mudell tal-lampa Arco waqa’ fid-dominju pubbliku u Semeraro b’hekk setgħet tipproduċi, timporta miċ-Ċina u tikkummerċjalizza l-lampa Fluida li timita l-forom tad-disinn Arco.

4.        Bid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 98/71 u t-traspożizzjoni tagħha fl-ordinament ġuridiku Taljan, Flos hija tal-fehma li d-drittijiet tal-awtur fuq id-disinn Arco għandhom jiġu applikati. Għaldaqstant, hija tilmenta kontra l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-lampa Fluida minn Semeraro, u titlob lill-qorti Taljana sabiex tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ din il-lampa.

5.        Il-kwistjoni li tqum f’din il-kawża b’hekk hija jekk, fl-ewwel lok, disinn li jkun waqa’ fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 98/71 jibbenefikax mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

6.        F’każ ta’ risposta pożittiva għal din l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, fit-tieni lok, jekk il-fatt li terz ikun leġittimament ipproduċa u kkummerċjalizza prodott li jimita l-forom ta’ disinn li waqa’ fid-dominju pubbliku għandux effett fuq il-benefiċċju tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq dan id-disinn u, jekk huwa l-każ, jekk huwiex possibbli li jiġi ffissat perijodu tranżitorju li matulu din il-protezzjoni hija eskluża.

7.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li d-disinni li waqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva ma jibbenefikawx mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

8.        Sussegwentement, ser nindika r-raġunijiet għalfejn, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 ma jipprekludix l-iffissar ta’ perijodu tranżitorju raġonevoli li matulu l-persuni, li setgħu leġittimament jipproduċu u jikkummerċjalizzaw prodott li jimita l-forom ta’ disinn li jkun waqa’ fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva, jistgħu jkomplu jikkummerċjalizzaw dan il-prodott.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 93/98/KEE

9.        Id-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, li tarmonizza t-tul taż-żmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati (3), daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995 (4).

10.      Din id-direttiva tipprevedi l-protezzjoni ta’ xogħol letterarju jew artistiku bid-drittijiet tal-awtur matul il-ħajja sħiħa tal-awtur ta’ dan ix-xogħol u għal 70 sena wara mewtu (5).

11.      Skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 93/98, “[i]d-dewmien ta’ protezzjoni li hemm provdut dwarhom f’din id-Direttiva għandhom japplikaw għax-xogħlijiet kollha li huma protetti f’għall-inqas Stat Membru wieħed, fid-data [tad-dħul fis-seħħ tagħha], skond id-Disposizzjonijet nazzjonali fuq id-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati jew li jissodisfaw il-kriterji għall-protezzjoni skond id-Direttiva KEE/92/100. [(6)]”.

12.      Skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 93/98, din għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kull att ta’ sfruttament imwettaq qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijet meħtieġa sabiex jipproteġu, b’mod partikolari, drittijiet miksuba minn terzi.

2.      Id-Direttiva 98/71

13.      L-għan tad-Direttiva 98/71 huwa li tapprossima l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni ġuridika tad-disinni.

14.      B’mod partikolari, din id-direttiva tistabbilixxi l-prinċipju tal-akkumulazzjoni tal-protezzjoni ġuridika speċifika tad-disinni permezz tar-reġistrazzjoni mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

15.      Effettivament, l-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li “[d]isinn protett minn dritt ta’ disinn reġistrat fi jew għal Stat Membru skond din id-Direttiva għandu jkun eliġibbli wkoll għal protezzjoni taħt il-liġi tad-dritt ta’ l-awtur ta’ dak l-Istat sa mid-data li fiha d-disinn ikun inħoloq jew stabbilit f’kull forma. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sa fejn u l-kondizzjonijiet li bihom tingħata dik il-protezzjoni, magħdud il-grad ta’ oriġinalità meħtieġ”.

16.      Skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 98/71, l-Istati Membri kellhom jittrasponuha sat-28 ta’ Ottubru 2001.

B –    Id-dritt nazzjonali

17.      Qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 98/71 fl-ordinament ġuridiku Taljan, il-Liġi Nru 633, tat-22 ta’ April 1941, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet oħrajn relatati (7), kienet tipprovdi, fl-Artikolu 2(1)(4) tagħha, li jgawdu minn din il-protezzjoni x-xogħlijiet skulturati, impittra, iddisinjati, imnaqqxa kif ukoll ix-xogħlijiet li jirriżultaw minn arti figurattivi simili, inkluża x-xenografija, anki jekk applikati għall-industrija, kemm-il darba l-valur artistiku tagħhom ikun separabbli min-natura industrijali tal-prodott li magħhom ikunu assoċjati.

18.      Wara t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku Taljan, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 95, tat-2 ta’ Frar 2001, dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 98/71 (8), emenda din id-dispożizzjoni billi neħħa din il-kundizzjoni tas-separabbiltà. B’hekk, permezz ta’ din l-emenda, il-punt 4 tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 633/41 tneħħa u ġie miżjud il-punt 10. Skont dan il-punt il-ġdid, ix-xogħlijiet ta’ disinn industrijali li huma ta’ natura kreattiva u li għandhom valur artistiku intrinsiku huma protetti bid-drittijiet tal-awtur. Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 95/2001 daħal fis-seħħ fid-19 ta’ April 2001.

19.      Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 164, tat-12 ta’ April 2001, li japplika d-Direttiva 98/71 (9), daħħal fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 95/2001, l-Artikolu 25a li jipprovdi li, matul perijodu ta’ għaxar snin sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-aħħar digriet, il-protezzjoni mogħtija lid-disinni fis-sens tal-Artikolu 2(1)(10) tal-Liġi Nru 633/41 ma tistax tiġi invokata biss kontra dawk li, qabel l-imsemmija data, ikunu bdew jimmanifatturaw, joffru jew jikkummerċjalizzaw prodotti maħduma fuq disinni li kienu waqgħu fid-dominju pubbliku.

20.      Dawn id-dispożizzjonijiet kollha ġew integrati f’Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali Taljan. B’mod partikolari, l-Artikolu 239 ta’ dan il-kodiċi jirriproduċi l-perijodu moratorju ta’ għaxar snin stabbilit mill-Artikolu 25a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95/2001. Bl-istess mod, l-Artikolu 44 tal-imsemmi kodiċi jillimita t-tul taż-żmien tal-protezzjoni mogħtija mid-drittijiet tal-awtur għal 25 sena wara l-mewt tal-awtur, minflok is-70 sena meħtieġa.

21.      Madankollu, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fetħet proċedura ta’ ksur kontra r-Repubblika Taljana għan-nuqqas ta’ ħarsien tal-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 98/71, peress li skont il-Kummissjoni, il-perijodu moratorju ta’ 10 snin u l-limitazzjoni tal-protezzjoni għal 25 sena wara l-mewt tal-awtur kienu jmorru kontra dawn l-artikoli.

22.      Sabiex tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni, ir-Repubblika Taljana adottat l-Artikolu 4(4) tad-Digriet Liġi Nru 10, tal-15 ta’ Frar 2007, dwar l-applikazzjoni tal-obbligi Komunitarji u internazzjonali (10). Din id-dispożizzjoni tipprovdi li t-tul taż-żmien tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur relatat ma’ xogħlijiet ta’ disinn industrijali għandu jiżdied għal 70 sena u temenda l-Artikolu 239 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali Taljan. B’hekk, skont dan l-artikolu, il-protezzjoni mogħtija lid-disinni industrijali skont l-Artikolu 2(1)(10) tal-Liġi Nru 633/41, kif emendata, ma tistax tiġi invokata kontra prodotti maħduma fuq disinni li jkunu waqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95/2001.

II – Il-fatti u l-kawża prinċipali

23.      Flos hija kumpannija Taljana li ilha topera fis-settur tal-apparat tad-dawl ta’ valur sa mill-bidu tas-snin 60. Hija ddikjarat li għandha d-drittijiet kollha ta’ natura patrimonjali fir-rigward tad-disinn rinomat tal-lampa Arco li kienet inħolqot mid-disinjaturi Taljani Achille u Pier Giacomo Castiglioni.

24.      Flos takkuża lil Semeraro li importat miċ-Ċina u kkummerċjalizzat fl-Italja l-mudell tal-lampa Fluida li timita l-karatteristiċi kollha stilistiċi u estetiċi tal-lampa Arco, bi ksur tad-drittijiet tal-awtur li hija tallega li għandha fuq din il-lampa. Flos tikkunsidra li Semeraro kkawżatilha dannu fid-drittijiet patrimonjali tagħha fuq ix-xogħol ta’ disinn industrijali li jikkostitwixxi l-lampa Arco u li hija b’hekk kisret id-dritt tal-kompetizzjoni.

25.      Semeraro kkontestat il-fatt li d-disinn Arco jista’ jkollu valur artistiku intrinsiku, kundizzjoni preliminari meħtieġa mill-Artikolu 2(1)(10) tal-Liġi Nru 633/41 sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, hija rrifjutat l-eżistenza ta’ kwalunkwe identiċità fil-forma bejn iż-żewġ mudelli ta’ lampi.

26.      Għandu jiġi ppreċiżat li, peress li l-mudell tal-lampa Arco waqa’ fid-dominju pubbliku b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ dak iż-żmien, Semeraro setgħet leġittimament tikkopja dak il-mudell.

27.      Assoluce (assoċjazzjoni nazzjonali tal-manifatturi tal-apparat tad-dawl) intervjeniet insostenn ta’ Flos.

28.      Qabel l-azzjoni tagħha dwar il-mertu, Flos kienet ippreżentat rikors kawtelatorju fejn talbet is-sekwestru tal-lampa Fluida u l-projbizzjoni ta’ kull importazzjoni jew kummerċjalizzazzjoni ġdida ta’ din il-lampa minn Semeraro.

29.      B’digriet tad-29 ta’ Diċembru 2006, il-qorti Taljana kkunsidrat li l-lampa Arco kienet tibbenefika mid-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħlijiet ta’ disinn industrijali u li l-mudell tal-lampa Fluida kien jimita servilment il-forom tagħha. Hija b’hekk ordnat it-tpoġġija taħt sekwestru tal-lampi Fluida u pprojbixxiet lil Semeraro milli tkompli tikkummerċjalizzahom. Dan id-digriet ġie kkonfermat fl-appell.

30.      It-Tribunale di Milano (l-Italja) kellu dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-emendi leġiżlattivi li saru matul il-proċedura.

III – Id-domandi preliminari

31.      It-Tribunale di Milano ddeċieda li jissospendi l-kawża quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“1)      L-Artikoli 17 u 19 tad-Direttiva [98/71] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, abbażi ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru li – bis-saħħa ta’ tali direttiva – introduċa fis-sistema legali tiegħu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni [...], il-possibbiltà mogħtija lil dan l-Istat Membru li jiddetermina b’mod awtonomu l-portata tal-protezzjoni u l-kundizzjonijiet li fihom din tingħata tista’ tinkludi wkoll l-esklużjoni tal-protezzjoni stess fir-rigward ta’ disinni [...] li – minkejja li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti għall-protezzjoni stabbilita mid-drittijiet tal-awtur – kellhom ikunu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt id-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet legali li introduċew fis-sistema legali interna l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni [...], inkwantu dawn qatt ma kienu ġew irreġistrati bħala disinni [...] jew inkwantu r-reġistrazzjoni relatata kienet diġà skadiet?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikoli 17 u 19 tad-Direttiva [98/71] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, abbażi ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru li – bis-saħħa ta’ tali direttiva – introduċa fis-sistema legali tiegħu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni [...], il-possibbiltà mogħtija lil dan l-Istat Membru li jiddetermina b’mod awtonomu l-portata tal-protezzjoni u l-kundizzjonijiet li fihom din tingħata tista’ tinkludi wkoll l-esklużjoni tal-protezzjoni stess fir-rigward ta’ disinni [...] li – minkejja li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti għall-protezzjoni stabbilita mid-drittijiet tal-awtur – kellhom ikunu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt id-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet legali li introduċew fis-sistema legali interna l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni [...] u fejn terza persuna – mhux awtorizzata mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq tali disinni [...] – kienet diġà mmanifatturat u kkummerċjalizzat f’dak l-Istat prodotti magħmulin skont dawn id-disinni [...]?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva [għall-ewwel u t-tieni] domandi, l-Artikoli 17 u 19 tad-Direttiva [98/71] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, abbażi ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru li – bis-saħħa ta’ tali direttiva – introduċa fis-sistema legali tiegħu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni [...], il-possibbiltà mogħtija lil dan l-Istat Membru li jiddetermina b’mod awtonomu l-portata tal-protezzjoni u l-kundizzjonijiet li fihom din tingħata tista’ tinkludi wkoll l-esklużjoni tal-protezzjoni stess fir-rigward ta’ disinni [...] li – minkejja li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti għall-protezzjoni stabbilita mid-drittijiet tal-awtur – kellhom ikunu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt id-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet legali li introduċew fis-sistema legali interna l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni [...] u fejn terz – mhux awtorizzat mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq tali disinni [...] – kien diġà mmanifattura u kkummerċjalizza f’dak l-Istat prodotti magħmulin skont dawn id-disinni [...], fejn tali esklużjoni hija ddeterminata għal perijodu sostanzjali (ekwivalenti għal għaxar snin)?”

IV – Analiżi

32.      Bħall-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-Artikolu 19 tad-Direttiva 98/71 ma huwiex rilevanti f’din il-kawża. Effettivament, dan l-artikolu sempliċement jiffissa d-data sa meta l-Istati Membri jridu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, jiġifieri t-28 ta’ Ottubru 2001. Iżda l-kwistjoni f’din il-kawża ma hijiex jekk ir-Repubblika Taljana ttrasponitx l-imsemmija direttiva fiż-żmien.

33.      Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk Semeraro, li dak iż-żmien kienet akkwistat leġittimament id-dritt li tipproduċi u tikkummerċjalizza l-mudell tal-lampa Fluida, hijiex issa obbligata li twaqqaf din il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni għar-raġuni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tittrasponi d-Direttiva 98/71, reġgħet tat ħajja lid-drittijiet tal-awtur fuq id-disinn Arco li tiegħu d-disinn Fluida jikkopja l-forom.

34.      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li d-disinni li waqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-imsemmija direttiva jibbenefikawx mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

35.      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk il-fatt li terz ikun leġittimament akkwista d-dritt li jipproduċi u li jikkummerċjalizza prodott li jimita l-forom ta’ disinn li jkun waqa’ fid-dominju pubbliku għandux effett fuq il-benefiċċju tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-mudell u, jekk dan huwa l-każ, jekk huwiex possibbli li jiġi ffissat perijodu tranżitorju li matulu din il-protezzjoni tkun eskluża.

A –    Fuq l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni li jkunu waqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 98/71

36.      L-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 jipprovdi li disinn li jkun ġie rreġistrat fi jew għal Stat Membru jibbenefika wkoll mill-protezzjoni mogħtija mil-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur ta’ dak l-Istat sa mid-data meta d-disinn ikun inħoloq jew ġie stabbilit fi kwalunkwe forma (11).

37.      Din id-direttiva ma tippreċiżax jekk disinn li jkun waqa’ fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tagħha jistax jibbenefika minn din il-protezzjoni.

38.      Peress li t-tieni sentenza tal-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva tipprovdi li “[k]ull Stat Membru għandu jistabbilixxi sa fejn u l-kondizzjonijiet li bihom tingħata dik il-protezzjoni […]”, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk l-Istati Membri għandhomx ċerta diskrezzjoni li tippermettilhom jeskludu mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur id-disinn li jkun waqa’ fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 98/71.

39.      Ma jidhirlix li dan huwa l-każ, għar-raġunijiet li ġejjin.

40.      Jirriżulta mill-ħidmiet preparatorji li wasslu għat-tfassil tad-Direttiva 98/71 li l-għan tagħha huwa li tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tad-disinni b’mod li dawn il-leġiżlazzjonijiet isiru kompatibbli bejniethom fir-rigward tal-elementi l-iktar importanti tagħhom u kompatibbli wkoll mas-sistema futura ta’ protezzjoni Komunitarja (12).

41.      Barra minn hekk, huwa ppreċiżat li l-approssimazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjonijiet ma għandhiex tkopri l-aspetti kollha tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, iżda huwa biżżejjed li jiġu approssimati l-karatteristiċi li huma neċessarji għall-koeżistenza ta’ protezzjoni nazzjonali speċifika u ta’ protezzjoni Komunitarja tad-disinni u, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw il-portata u t-tul taż-żmien tal-protezzjoni (13).

42.      Huwa indikat ukoll f’dawk il-ħidmiet preparatorji li “[ma] hemmx raġuni sabiex isir intervent f’oqsma bħad-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti li jikkonċernaw il-proċeduri uffiċjali u l-eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ protezzjoni” (14). Din hija r-raġuni għalfejn, fil-fehma tiegħi, it-tieni sentenza tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 tipprovdi li l-portata u l-kundizzjonijiet sabiex tinkiseb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, inkluż il-grad ta’ oriġinalità meħtieġ, huma ddeterminati minn kull Stat Membru.

43.      Min-naħa l-oħra, it-tul taż-żmien tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u l-applikazzjoni tagħha fiż-żmien kienu s-suġġett ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea fid-Direttiva 93/98, li kienet fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali (15).

44.      Skont id-Direttiva 93/98, din il-protezzjoni ddum tul il-ħajja kollha tal-awtur u għal 70 sena wara mewtu (16). L-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi, barra minn hekk, li dan it-tul taż-żmien japplika għax-xogħlijiet kollha u għall-oġġetti kollha li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, huma protetti mill-inqas fi Stat Membru wieħed.

45.      Jiena b’hekk tal-fehma li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 għandu jinqara flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/98 u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 10(2) ta’ din tal-aħħar.

46.      Din id-dispożizzjoni kienet diġà s-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawża dwar il-ħolqien mill-ġdid tad-drittijiet tal-awtur fuq xogħol mużikali.

47.      B’hekk, fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Ġunju 1999, Butterfly Music (17), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jirriżulta b’mod ċar mill-imsemmija dispożizzjoni li l-applikazzjoni tal-perijodi ta’ tul taż-żmien ta’ protezzjoni previsti mid-Direttiva 93/98 jista’ jkollha bħala konsegwenza, fl-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom tipprovdi għal tul taż-żmien ta’ protezzjoni iqsar, li jiġu protetti mill-ġdid xogħlijiet jew oġġetti li jkunu waqgħu fid-dominju pubbliku (18).

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li din is-soluzzjoni ġiet adottata bil-għan li jintlaħaq kemm jista’ jkun malajr l-għan ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-perijodi ta’ tul taż-żmien tad-drittijiet tal-awtur u sabiex jiġi evitat li ċerti drittijiet jiskadu f’ċerti Stati Membri waqt li jibqgħu protetti f’oħrajn (19).

49.      Jidhirli li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata għal din il-kawża.

50.      Wieħed mill-kontributi ewlenin tad-Direttiva 98/71 huwa l-istabbiliment tal-prinċipju tal-akkumulazzjoni tal-protezzjoni speċifika tad-disinni permezz tar-reġistrazzjoni mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, sabiex jitneħħew id-diskrepanzi li jeżistu fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri f’dan il-qasam. Fil-ħidmiet preparatorji tagħha, il-Kummissjoni kienet indikat li din l-applikazzjoni kumulattiva fir-rigward tal-protezzjoni tad-disinni kienet obbligatorja u li dan kien ifisser li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kellha tiġi emendata jekk kienet tipprovdi li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ma setgħetx tiġi akkumulata, jew setgħet biss taħt ċerti kundizzjonijiet, mal-protezzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni speċifika dwar id-disinni (20).

51.      L-akkumulazzjoni tal-protezzjoni speċifika tad-disinni permezz tar-reġistrazzjoni mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur b’hekk ma hijiex possibbiltà offruta lill-Istati Membri, iżda għan li għandu jintlaħaq sabiex jintemmu d-diskrepanzi li jeżistu bejn id-diversi leġiżlazzjonijiet.

52.      Fil-fehma tiegħi, dan l-għan jisfa’ fix-xejn jekk l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li japplikaw jew li ma japplikawx il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni li waqgħu fid-dominju pubbliku. Effettivament, dan ikollu l-konsegwenza li disinn li jkun inħoloq qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 98/71, ikun protett f’ċerti Stati Membri iżda mhux f’oħrajn. Id-diskrepanzi li din id-direttiva trid telimina b’hekk jibqgħu jeżistu u jiġi affettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, dan imur ukoll kontra l-għan prinċipali tad-Direttiva 93/98 li hija intiża sabiex tarmonizza t-tul taż-żmien u l-applikazzjoni fiż-żmien tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur (21).

53.      Is-soluzzjoni stabbilita fis-sentenza Butterfly Music, iċċitata iktar ’il fuq, jidhirli li hija l-unika waħda li tiggarantixxi applikazzjoni uniformi tad-Direttiva 98/71 fit-territorju kollu tal-Unjoni.

54.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li d-disinni li waqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva ma jibbenefikawx mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

55.      Il-kwistjoni li għandha tiġi indirizzata issa hija jekk il-fatt li terzi jkunu pproduċew u kkummerċjalizzaw leġittimament prodott li jikkopja l-forom ta’ disinn li jkun waqa’ fid-dominju pubbliku għandux effett fuq l-applikazzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq dak id-disinn.

B –    L-effett tad-drittijiet li terzi jkunu akkwistaw leġittimament fuq l-applikazzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq disinni li jkunu waqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 98/71

56.      Rajna li, fil-fehma tiegħi, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tad-disinni tibda tapplika sa mill-ħolqien tagħhom, u dan anki jekk, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 98/71, ikunu waqgħu fid-dominju pubbliku.

57.      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi dwar jekk għandux ikun mod ieħor jew jekk, ta’ mill-inqas, għandux jiġi ffissat perijodu tranżitorju li matulu tkun eskluża dik il-protezzjoni, meta terz, bħal Semeraro, ikun ipproduċa u kkummerċjalizza leġittimament mudell li jimita l-forom ta’ disinn ieħor li jkun waqa’ fid-dominju pubbliku.

58.      Id-Direttiva 98/71 ma tippreċiżax x’effett jista’ jkollha l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq id-drittijiet miksuba minn terzi qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva.

59.      Fil-fehma tiegħi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ, għal darba oħra, li jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/98 li jirregolaw il-modalitajiet tal-applikazzjoni fiż-żmien tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari għall-Artikolu 10(3) tagħha.

60.      Din id-dispożizzjoni tipprovdi li d-Direttiva 93/98 għandha tkun bla ħsara għal kull att ta’ sfruttament imwettaq qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, u li l-Istati Membri għandhom jadottaw id-disposizzjonijet meħtieġa sabiex jipproteġu, b’mod partikolari, id-drittijiet miksuba minn terzi.

61.      Fis-sentenza Butterfly Music, iċċitata iktar ’il fuq, wara li ddeċidiet li l-applikazzjoni tal-perijodi ta’ tul taż-żmien tal-protezzjoni previsti mill-imsemmija direttiva jista’ jkollha l-konsegwenza li tingħata protezzjoni mill-ġdid lix-xogħlijiet u l-oġġetti li jkunu waqgħu fid-dominju pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-premessa 27 tad-Direttiva 93/98 tipprovdi li r-“rispett għad-drittijiet miksuba u espettazzjonijiet [aspettattivi] leġittimi huwa parti mill-ordni legali tal-Komunità [u li] l-Istati Membri jistgħu jipprovdu b’mod partikolari li f’ċerti ċirkustanzi d-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati li joħorġu skond din id-Direttiva ma jagħtux lok għall-ħlasijiet minn persuni li jkunu jassumu in bona fide l-isfruttar tax-xogħlijiet fil-ħin meta dawn ix-xogħlijiet kienu fl-isfera pubblika [dominju pubbliku]” (22).

62.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tissokta billi tindika li din id-direttiva stabbilixxiet il-possibbiltà ta’ ħolqien mill-ġdid tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati li jkunu skadew, bla ħsara għal atti ta’ sfruttament imwettqa qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha waqt li l-Istati Membri jingħataw l-inkarigu li jadottaw il-miżuri intiżi sabiex jiġu protetti d-drittijiet miksuba minn terzi (23).

63.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-liġijiet li jemendaw dispożizzjoni leġiżlattiva japplikaw, ħlief f’każ ta’ deroga, għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li jinħolqu taħt il-liġi l-qadima. Peress li l-ħolqien mill-ġdid tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati ma għandux effett fuq l-atti ta’ sfruttament imwettqa definittivament minn terz qabel id-data meta jseħħ tali ħolqien mill-ġdid, dan ma jistax jitqies li għandu portata retroattiva. L-applikazzjoni tiegħu għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet mhux iffissati definittivament tfisser, min-naħa l-oħra, li dan għandu effett fuq id-drittijiet ta’ terz sabiex jissokta bl-isfruttament ta’ reġistrazzjoni awdjo li l-kopji tagħha li jkunu diġà ġew immanifatturati jkunu għadhom ma ġewx ikkummerċjalizzati u maħruġa fis-suq f’dik id-data (24).

64.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar ukoll li l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi interpretat sal-punt li jostakola, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti (25).

65.      Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ikkunsidrat li l-iffissar ta’ perijodu limitat, li matulu t-terzi, li jkunu rriproduċew u kkummerċjalizzaw leġittimament ir-reġistrazzjonijiet awdjo li d-drittijiet ta’ użu tagħhom ikunu skadew taħt leġiżlazzjoni preċedenti, jistgħu jiddistribwixxu dawk ir-reġistrazzjonijiet, huwa konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/98 (26). Tali perijodu jissodisfa, minn naħa waħda, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jieħdu miżuri intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet miksuba minn terzi u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġu applikati perijodi ġodda ta’ tul taż-żmien tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fid-data prevista mill-imsemmija direttiva, li jikkostitwixxi l-għan prinċipali tagħha (27).

66.      L-istess raġunament għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi segwit f’din il-kawża.

67.      Effettivament, għandu jiġi mfittex bilanċ ġust bejn, minn naħa, il-ħarsien ta’ wieħed mill-għanijiet prinċipali tad-Direttiva 98/71, jiġifieri l-applikazzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġu ggarantiti d-drittijiet li t-terzi akkwistaw in bona fide qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva. Il-proprjetà intellettwali hija, fil-fatt, qasam fejn irid ikun hemm koeżistenza ta’ interessi li xi kultant jistgħu jidhru ferm opposti għal xulxin. Huwa essenzjali li tiġi mħeġġa l-innovazzjoni billi jiġi ggarantit li x-xogħlijiet u d-disinni jkunu protetti kontra kull forma ta’ kontravenzjoni. Bl-istess mod, huwa importanti li titħalla kompetizzjoni adegwata fuq dan it-tip ta’ suq sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jgawdu aċċess għall-benefiċċji tal-innovazzjoni, kemm fil-qasam tat-teknoloġija, tal-informazzjoni kif ukoll tad-disinn.

68.      B’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni li jkunu waqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 98/71 ma jistax ikollha effett fuq is-sitwazzjonijiet iffissati b’mod definit qabel dik id-data. B’hekk, dan ifisser, fil-fehma tiegħi, li d-drittijiet tal-awtur li minnhom jibbenefika d-disinn Arco ma jistgħux jiġu invokati kontra l-lampi Fluida li diġà ġew immanifatturati u maħruġa fis-suq qabel din id-data.

69.      Min-naħa l-oħra, fl-Istati Membri li jibbenefikaw minn ċerta marġni ta’ diskrezzjoni fil-protezzjoni tad-drittijiet miksuba minn terzi (28), l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jipprovdu għal perijodu tranżitorju li jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva 98/71 u li matulu t-terzi li jkunu akkwistaw leġittimament id-dritt li jikkummerċjalizzaw prodott li jimita disinn li jkun waqa’ fid-dominju pubbliku qabel dik id-data jistgħu jkomplu jikkummerċjalizzaw dan il-prodott.

70.      Fl-osservazzjonijiet tagħha, Flos tindika, barra minn hekk, li “jidher li huwa ammissibbli li tiġi prevista regola tranżitorja li timmitiga l-brutalità tat-tranżazzjoni għall-protezzjoni fuq il-bażi tad-drittijiet tal-awtur li tirriżulta mill-implementazzjoni tad-Direttiva 98/71”.

71.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fis-sentenza Butterfly Music, iċċitata iktar ’il fuq, li t-tul taż-żmien tal-perijodu tranżitorju għandu jkun raġonevoli (29). Effettivament, għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss l-interessi leġittimi ta’ terzi li jkunu in bona fide, iżda wkoll l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u għandu jiġi kkunsidrat l-għan li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni trid tilħaq.

72.      Il-qorti tar-rinviju għandha, fil-fehma tiegħi, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi meta teżamina in concreto s-sitwazzjoni ta’ din il-kawża sabiex, jekk huwa l-każ, tevalwa n-neċessità li jiġi stabbilit perijodu tranżitorju li matulu l-lampa Arco ma tibbenefikax mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

73.      Effettivament rajna li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 ma jippreċiżax jekk il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur hijiex applikabbli għad-disinni li jkunu waqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tagħha.

74.      Għandu jitfakkar li, inizjalment, il-liġi Taljana li ttrasponiet id-Direttiva 98/71 kienet tipprevedi perijodu tranżitorju ta’ għaxar snin li matulu d-disinni li kienu waqgħu fid-dominju pubbliku ma kinux jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. Sussegwentement, wara l-proċedura ta’ ksur imressqa mill-Kummissjoni, il-leġiżlatur Taljan reġa’ emenda din il-liġi li issa tipprovdi li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ma hijiex applikabbli għad-disinni li waqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95/2001, li jittrasponi d-Direttiva 98/71.

75.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u l-fatt li din id-direttiva ma tirreferix għall-applikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni li waqgħu fid-dominju pubbliku, jiena tal-fehma li d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva fl-ordinament ġuridiku nazzjonali setgħet ħolqot aspettattiva leġittima għal Semeraro li kienet ser tinżamm il-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet teżisti dak iż-żmien, jiġifieri li d-drittijiet kollha fuq il-lampa Arco kienu skadew u li, minħabba dan il-fatt, hija setgħet tkompli tipproduċi u tikkummerċjalizza l-lampi Fluida.

76.      L-operaturi ekonomiċi setgħu wkoll leġittimament ikollhom dubju, fil-fehma tiegħi, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 bħal dik li jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri li d-disinni li waqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

77.      Dwar it-tul taż-żmien stess tal-perijodu tranżitorju, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk huwiex adattat li jiġi stabbilit terminu ta’ għaxar snin, kif kien ipprovda inizjalment il-leġiżlatur Taljan.

78.      Fil-fehma tiegħi, it-terminu tal-perijodu tranżitorju għandu jkun twil biżżejjed sabiex jiggarantixxi l-interessi ekonomiċi tal-impriżi li, in bona fide, ikunu investew fil-produzzjoni ta’ disinni li jimitaw dawk li jkunu waqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 98/71. Dan effettivament jikkonsisti fi protezzjoni għall-impriżi li l-attività ekonomika tagħhom issir kważi immedjatament illegali bħala konsegwenza tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

79.      Madankollu, għandu jitfakkar li dan il-perijodu tranżitorju lanqas ma għandu jkollu l-konsegwenza li jostakola leġiżlazzjoni ġdida milli tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti (30).

80.      Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Butterfly Music, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li terminu ta’ tliet xhur li matulu t-terzi, li kienu akkwistaw id-drittijiet leġittimament, setgħu jiddistribwixxu r-reġistrazzjonijiet awdjo, seta’ jitqies bħala żmien raġonevoli fir-rigward tal-għan segwit u fid-dawl tal-kundizzjonijiet li fihom saret it-traspożizzjoni tad-Direttiva 93/98. Dan it-terminu jista’ jidher ferm qasir u sever, iżda fir-realtà, kif kienet irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, din it-traspożizzjoni kienet ħalliet lil dawk it-terzi kważi sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva sabiex ikomplu jikkummerċjalizzaw dawk ir-reġistrazzjonijiet awdjo (31).

81.      Fir-rigward ta’ din il-kawża, terminu ta’ 10 snin fuq protezzjoni, wara l-mewt tal-awtur, ta’ 70 sena jidhirli li huwa eċċessiv. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet fetħet proċedura ta’ ksur kontra r-Repubblika Taljana notevolment għaliex il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tipprevedi perijodu tranżitorju ta’ għaxar snin.

82.      Min-naħa l-oħra, ninsab inklinat li naħseb li t-terminu li minnu bbenefikat Semeraro bejn it-28 ta’ Ottubru 2001, data li fiha l-Istati Membri kellhom jikkonformaw mad-Direttiva 98/71 (32), u d-29 ta’ Diċembru 2006, data li fiha l-qorti Taljana ordnat is-sekwestru tal-lampa Fluida u pprojbixxiet lil Semeraro li tikkummerċjalizzaha, huwa terminu raġonevoli.

83.      Matul dan il-perijodu ta’ ftit iktar minn ħames snin, Semeraro, effettivament, setgħet tipproduċi u tpoġġi dawk il-lampi fis-suq.

84.      Jidhirli li dan it-terminu huwa bilanċ tajjeb bejn il-ħarsien tad-drittijiet li t-terzi setgħu leġittimament akkwistaw u l-ħtieġa li jiġi ggarantit wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 98/71, jiġifieri l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni.

85.      Huwa b’hekk fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża u waqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-leġiżlazzjonijiet inkwistjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa sa liema grad l-istabbiliment ta’ perijodu tranżitorju raġonevoli huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-drittijiet miksuba minn terzi.

86.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 ma jipprekludix l-iffissar ta’ perijodu tranżitorju raġonevoli li matulu l-persuni, li setgħu leġittimament jipproduċu u jikkummerċjalizzaw prodott li jimita l-forom ta’ mudell li jkun waqa’ fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva, jistgħu jkomplu jikkummerċjalizzaw dan il-prodott.

V –    Konklużjoni

87.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mit-Tribunale di Milano:

“1)      L-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji [disinni], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li d-disinni li waqgħu fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva ma jibbenefikawx mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

2)      L-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 ma jipprekludix l-iffissar ta’ perijodu tranżitorju raġonevoli li matulu l-persuni, li setgħu leġittimament jipproduċu u jikkummerċjalizzaw prodott li jimita l-forom ta’ mudell li jkun waqa’ fid-dominju pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva, jistgħu jkomplu jikkummerċjalizzaw dan il-prodott.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji [disinni] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 21, p. 120).


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapiolu 17, Vol. 1, p. 141.


4 – Ara l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 93/98.


5 – Ara l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva.


6 – Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120).


7 – GURI Nru 166, tas-16 ta’ Lulju 1941, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru. 633/41”.


8 – GURI Nru 79, tal-4 ta’ April 2001, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 95/2001”.


9 – GURI Nru 125, tal-31 ta’ Mejju 2001.


10 – GURI Nru 38, tal-15 ta’ Frar 2007.


11 –      L-enfażi hija tiegħi


12 – Ara l-punt 1.4 tal-proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ġuridika tad-disinni [COM(93) 344 finali].


13 – Ara l-punt 1.5 ta’ din il-proposta.


14 – Idem.


15 – Id-Direttiva 93/98 ġiet ikkodifikata bid-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar il-perijodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (ĠU L 372, p. 12).


16 – Ara l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva.


17 – C‑60/98, Ġabra p. I‑3939.


18 – Ibidem (punt 18).


19 – Ibidem (punt 20).


20 – Ara l-Artikolu 18 tal-proposta għal direttiva msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


21 – Ara l-premessa 2 ta’ din id-direttiva.


22 – Sentenza Butterfly Music, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22).


23 – Ibidem (punt 23).


24 – Ibidem (punt 24).


25 – Ibidem (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26 – Ibidem (punt 26).


27 – Ibidem (punti 27 u 28).


28 – Ibidem (punt 23).


29 – Ibidem (punt 27).


30 – Ibidem (punti 25 u 28).


31 – Ibidem (punti 27 u 28).


32 – Ara l-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva.