Language of document : ECLI:EU:F:2007:9

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TA’ L-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Jannar 2007 (*)

“Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għal pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz mal-Komunitajiet – Trasferiment għall-iskema Komunitarja – Irtirar tat-talba għal trasferiment sabiex jiġu invokati dispożizzjonijiet ġodda aktar favorevoli”

Fil-kawża F‑92/05,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq skond l-Artikoli 236 KE u 152 EURATOM,

Emmanuel Genette, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Gorze (Franza), irrappreżentat minn M.-A. Lucas, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Joris u D. Martin, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn L. Van den Broeck, aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

parti intervenjenti,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

komposta minn H. Kreppel, President, H. Tagaras u S. Gervasoni (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: W. Hakenberg,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-20 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fis-26 ta’ Settembru 2005 permezz ta’ faks (il-preżentata ta’ l-oriġinal seħħet fit-28 ta’ Settembru segwenti), E. Genette talab b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tal-25 ta’ Jannar 2005, li minn naħa tirrifjuta li tawtorizzah jirtira t-talba għal trasferiment tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni miksuba taħt skemi ta’ pensjoni Belġjani, li huwa ppreżenta fl-2001, u, min-naħa l-oħra, li tawtorizzah jitlob trasferiment ġdid ta’ l-imsemmija drittijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), fil-verżjoni preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li emenda l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal (ĠU L 124, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004”), jipprovdi :

“Uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Komunitajiet wara:

–        li jitlaq mis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew ta’ organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali

jew

–        li jsegwi attività f’kapaċità ta’ impjegat jew ta’ għal rasu,

għandu jkun intitolat meta jkun stabbilit li ħallas lill-Komunitajiet jew l-ekwivalenza attwarjali jew il-valur tar-redenzjoni b’rata fissa tad-drittijiet tal-pensjoni ta’ l-irtirar akkwistati bis-saħħa tat-tali servizz jew attivitajiet.

Fit-tali każ l-istituzzjoni li fiha jservi l-uffiċjal għandha, wara li tikkunsidra l-grad tiegħu ma’ l-istabbiliment, tistabbilixxi n-numru ta’ snin tas-servizz tal-pensjoni li għandu jkun ikkreditat bihom taħt l-iskema tal-pensjoni tiegħu stess dwar il-perjodu ta’ qabel tas-servizz, fuq il-bażi ta’ l-ammont ta’ l-ekwivalenza attwarjali jew is-somom li tħallsu lura kif imsemmi qabel.”

3        L-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, li, skond l-Artikolu 2 tiegħu, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, issa jipprovdi :

“Uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Komunitajiet wara :

–        li jitlaq mis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew ta’ organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali

jew

–        li jsegwi attività f’kapaċità ta’ impjegat jew ta’ għal rasu,

għandu jkun intitolat, wara li jkun stabbilit iżda qabel ma jsir eliġibbli għall-pagament ta’ pensjoni ta’ l-irtirar fis-sens ta’ l-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, li ħallas lill-Komunitajiet il-valur kapitali, aġġornat sad-data tat-trasferimenti attwali, tad-drittijiet għall-pensjoni akkwistati bis-saħħa tat-tali servizzi jew attivitajiet.

Fit-tali każ l-istituzzjoni li l-uffiċjal iservi fiha, wara li tikkunsidra s-salarju bażiku ta’ l-uffiċjal, l-età, u r-rata tal-kambju fid-data ta’ l-applikazzjoni tat-trasferiment, għandha tistabbilixxi permezz tad-disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni n-numru ta’ snin tas-servizz pensjonabbli li bih huwa jkun ikkreditat taħt l-iskema tal-pensjoni tal-Komunità dwar il-perjodu ta’ qabel tas-servizz, fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit, wara li jitnaqqas ammont li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data ta’ l-applikazzjoni għat-trasferiment u d-data attwali tat-trasferiment.

L-uffiċjali jistgħu jagħmlu użu minn dan l-arranġament darba biss għal kull Stat Membru u fond tal-pensjoni kkonċernati.”

4        Skond l-Artikolu 107a tar-Regolamenti tal-Persunal, introdott permezz tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, xi “disposizzjonijiet provviżorji [tranżitorji]” huma previsti fl-Anness XIII ta’ l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal. Skond l-Artikolu 26(3) ta’ dan l-Anness :

“L-uffiċjali li għamlu talba għat-trasferiment fil-limiti taż-żmien iżda m’aċċettawx l-offerta li saritilhom, li m’għamlux talba għat-trasferiment fil-limiti taż-żmien stipulati qabel, jew li t-talba tagħhom ma kenitx aċċettata għax saret wara dawk il-limiti taż-żmien, xorta jistgħu jagħmlu jew jerġgħu jagħmlu t-tali talba sal-31 t’Ottubru [2004] l-aktar tard.”

5        Il-liġi Belġjana tal-21 ta’ Mejju 1991, li tistabbilixxi ċerti relazzjonijiet bejn l-iskemi tal-pensjoni Belġjani u dawk ta’ istituzzjonijiet irregolati mid-dritt internazzjonali pubbliku, ippubblikata fil-Moniteur belge ta’ l-20 ta’ Ġunju 1991, p. 13871 (iktar ’il quddiem il-“liġi ta’ l-1991”) kienet tipprovdi, fl-Artikolu 3 tagħha, li “kull uffiċjal jista’, bil-qbil ta’ l-istituzzjoni, jitlob li jiġi mħallas lill-istituzzjoni l-ammont ta’ pensjoni ta’ rtirar relattiv għas-servizzi u l-perijodi preċedenti għad-dħul tiegħu fis-servizz ma’ l-istituzzjoni”. Peress li l-uffiċjal kien talab it-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba fi skema ta’ pensjoni Belġjana u peress li din it-talba kienet ġiet aċċettata, l-istituzzjoni Komunitarja, ġiet surrogata fid-drittijiet ta’ l-uffiċjal, skond l-Artikolu 11 ta’ l-istess liġi. Fid-dawl tal-mekkaniżmu tas-surroga b’hekk istitwit, l-ebda ħlas ma sar favur l-istituzzjoni mill-iskema Belġjana tal-pensjoni qabel id-data meta l-uffiċjal ikkonċernat kiseb pensjoni Komunitarja. L-Artikolu 9 tal-liġi ta’ l-1991 kien jipprovdi li “sakemm is-surroga prevista fl-Artikolu 11 ma tkunx saret effettiva, l-uffiċjal jista’, bil-qbil ta’ l-istituzzjoni, jirtira t-talba tiegħu għal trasferiment. Dan l-irtirar huwa definittiv”.

6        Il-liġi Belġjana ta’ l-10 ta’ Frar 2003, li tirregola t-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni bejn skemi tal-pensjoni Belġjani u dawk ta’ istituzzjonijiet irregolati mid-dritt internazzjonali pubbliku, ippubblikata fil-Moniteur belge tas-27 ta’ Marzu 2003, p. 14747 (iktar ’il quddiem il-“liġi ta’ l-2003”), emendat il-leġiżlazzjoni Belġjana dwar it-trasferiment lill-Komunitajiet tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fl-iskemi Belġjani. Din il-liġi li, skond l-Artikolu 29 tagħha, hija applikabbli għat-talbiet għal trasferiment magħmula mill-1 ta’ Jannar 2002, tistabbilixxi sistema għall-ħlas tal-valur tar-redenzjoni b’rata fissa tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fi skema tal-pensjoni Belġjana, flimkien ma’ l-interessi komposti. L-Artikolu 4 tagħha jiddisponi li “[l]-uffiċjal jew il-membru tal-persunal temporanju li, wara li jkun kiseb drittijiet għal pensjoni waħda jew iktar imsemmija fis-subparagrafi 1 sa 4 ta’ l-Artikolu 3(1), ikun daħal fis-servizz ta’ istituzzjoni jista’, bi qbil magħha, jitlob li jiġu ttrasferiti lil din l-istituzzjoni jew lill-fond tal-pensjoni tagħha, abbażi ta’ l-affiljazzjoni tiegħu ma’ dawn l-iskemi tal-pensjoni fir-rigward tal-perijodu preċedenti għad-dħul tiegħu fis-servizz ma’ l-istituzzjoni, l-ammonti stabbiliti skond l-Artikolu 7. […]”. Skond din il-leġiżlazzjoni ġdida, it-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni jagħtu lok għall-ħlas immedjat ta’ kapital għall-iskema Komunitarja. L-Artikolu 9(1) tal-liġi ta’ l-2003 jiddisponi li “[i]t-talba għal trasferiment issir irrevokabbli fid-data li fiha l-Uffiċċju [nazzjonali tal-pensjonijiet] jirċievi mill-istituzzjoni l-konferma definittiva tat-talba għal trasferiment imressqa mill-uffiċjal jew mill-membru tal-persunal temporanju”.

7        Il-liġi Belġjana ta’ l-20 ta’ Lulju 2006 li tinkludi diversi dispożizzjonijiet, ippubblikata fil-Moniteur belge tat-28 ta’ Lulju 2006, p. 36940 (iktar ’il quddiem il-“liġi ta’ l-2006”) emendat l-Artikolu 9 tal-liġi ta’ l-1991, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Mejju 2004. Dan l-Artikolu issa jiddisponi li “[s]akemm is-surroga prevista fl-Artikolu 11 ma tkunx saret effettiva, l-uffiċjal li jitlaq mill-istituzzjoni mingħajr ma jkun jista’ jibbenefika minn pensjoni ta’ rtirar jista’, bil-qbil ta’ l-istituzzjoni, jirtira t-talba tiegħu għal trasferiment. Dan l-irtirar huwa definittiv”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Qabel ma daħal fis-servizz tal-Kummissjoni, fl-1 ta’ April 2000, fil-grad B 5, skala 3, ir-rikorrent, li twieled fl-1968, ħadem fis-settur privat fil-Belġju, għal rasu mill-1992 sa l-1996, imbagħad bħala impjegat mill-1996 sa l-2000.

9        Abbażi ta’ dan, kien l-ewwel affiljat ma’ l-Institut national d’assurance sociale des travailleurs indépendants (l-Istitut nazzjonali ta’ sigurtà soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom, iktar ’il quddiem l-“INASTI”) imbagħad ma’ l-Office national des pensions (l-Uffiċċju nazzjonali tal-pensjonijiet, iktar ’il quddiem l-“ONP”), fejn ħallas kontribuzzjonijiet fl-iskemi ta’ pensjoni tagħhom u b’hekk kiseb f’dawn l-organizzazzjonijiet xi drittijiet għall-pensjoni.

10      Wara li ġie stabbilit bħala uffiċjal permanenti Komunitarju fl-1 ta’ Jannar 2001, ir-rikorrent talab lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Lulju 2001, li d-drittijiet li kien kiseb fl-iskemi Belġjani tal-ħaddiema għal rashom u ta’ l-impjegati jiġu ttrasferiti għall-iskema Komunitarja tal-pensjonijiet. Din it-talba kienet ibbażata fuq l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, kif ukoll fuq l-Artikolu 3 iċċitat tal-liġi ta’ l-1991.

11      Fil-11 ta’ Ġunju 2002, it-taqsima “Pensjonijiet u relazzjonijiet ma’ l-ex-uffiċjali” tad-direttorat B tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) ta’ l-amministrazzjoni u tal-persunal tal-Kummissjoni bagħtet nota lir-rikorrent li fiha ġie indikat in-numru ta’ snin tas-servizz pensjonabbli addizzjonali li kienu ser jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-iskema Komunitarja, fuq il-bażi ta’ l-ekwivalenza attwarjali, ikkalkulata mill-Kummissjoni, tal-pensjoni nazzjonali miksuba fl-iskema Belġjana tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Jekk ir-rikorrent kellu jirtira fl-età ta’ 65 sena, l-ekwivalenza attwarjali tal-pensjoni ta’ ammont annwali ta’ EUR 1 431.29 ikkalkulata mill-INASTI tkun ta’ EUR 8 139.33 u l-allowance għall-anzjanità li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni fl-iskema Komunitarja tkun ta’ sena u dsatax-il ġurnata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni informatu li skond l-Artikolu 11 tal-liġi ta’ l-1991, hija kienet se tiġi surrogata fid-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba fil-Belġju malli tibda titħallas il-pensjoni Komunitarja tiegħu.

12      Fis-26 ta’ Awwissu 2002, l-istess dipartiment bagħat nota simili dwar id-drittijiet għall-pensjoni li huwa kien kiseb bħala ħaddiem impjegat u ġie informat li, meta jagħlaq 65 sena, l-ekwivalenza attwarjali tal-pensjoni ta’ ammont annwali ta’ EUR 1 952.48 ikkalkulata mill-ONP tkun ta’ EUR 11 102.79 u li l-allowance għall-anzjanità korrispondenti fl-iskema Komunitarja tkun ta’ sena, ħames xhur u ħamest ijiem.

13      Dawn in-noti indikaw lir-rikorrent li, malli kien se jagħti l-kunsens tiegħu għall-proposti kontenuti fihom, it-talba tiegħu għal trasferiment ma setgħetx tiġi revokata aktar. L-imsemmija noti ppreċiżaw madankollu li t-talba setgħet eċċezzjonalment tiġi revokata f’każ li l-impjieg tiegħu mal-Kummissjoni jintemm qabel ma jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefika minn pensjoni Komunitarja skond l-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal.

14      Fis-17 ta’ Lulju u fid-29 ta’ Awwissu 2002, ir-rikorrent esprima l-kunsens tiegħu fir-rigward tal-proposti tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002.

15      Hekk kif intqal fil-punt 6 supra, il-liġi ta’ l-2003 emendat il-kundizzjonijiet tat-trasferiment lill-Komunitajiet tad-drittijiet miksuba fl-iskemi Belġjani ta’ pensjoni għat-talbiet introdotti mill-1 ta’ Jannar 2002.

16      Ir-rikorrent skopra, ftit qabel ix-xahar ta’ Ottubru 2004, li persuna li kien jaf, li bdiet taħdem mal-Kummissjoni fl-2003 u li, bħalu, taħt ir-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni tagħhom qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, talbet it-trasferiment għas-sistema Komunitarja tad-drittijiet tagħha għall-pensjoni miksuba fl-iskema Belġjana tal-ħaddiema impjegati, kienet kisbet it-trasferiment mill-Belġju ta’ kapital, korrispondenti għal snin ta’ affiljazzjoni u għal remunerazzjoni simili għal tiegħu, li kien ta lok għall-allokazzjoni ta’ ħafna iktar snin tas-servizz pensjonabbli addizzjonali fl-iskema Komunitarja minn dik li għaliha huwa stess kellu dritt.

17      Fil-31 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrent ippreżenta quddiem il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, talba li kellha bħala għan li l-Kummissjoni:

–        tiddeċiedi li tawtorizzah, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 9 tal-liġi ta’ l-1991, jirtira t-talba, li huwa kien ressaq fit-13 ta’ Lulju 200l, fuq il-bażi ta’ din il-liġi, bil-għan li jiġu ttrasferiti għall-iskema Komunitarja d-drittijiet għall-pensjoni li huwa kien kiseb fl-iskemi Belġjani tal-pensjoni ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ l-impjegati;

–        tiddeċiedi li tawtorizzah, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 4(1) tal-liġi ta’ l-2003, jitlob it-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni fuq il-bażi ta’ din il-liġi.

18      Fit-2 ta’ Frar 2005, ir-rikorrent irċieva notifika ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2005 meħuda mill-kap tat-taqsima “Pensjonijiet”, li ċaħdet it-talba tiegħu tal-31 ta’ Ottubru 2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fil-kliem segwenti:

19      “[…] Inti tixtieq […] tiġi awtorizzat, l-ewwel nett, tirtira t-talba, skond l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII [tar-Regolamenti tal-Persunal], għat-trasferiment tad-drittijiet tiegħek għall-pensjoni miksuba mill-iskemi Belġjani INASTI u ONP u diġà eżegwiti mill-iskemi skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi [ta’ l-]1991, u, it-tieni nett, tintroduċi talba ġdida li għandha tiġi eżegwita mill-imsemmija skemi skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi [ta’ l-]2003.

20      Issa, il-proposti, li ġew indirizzati lilek mill-amministrazzjoni tal-Kummissjoni, fil-11 ta’ Ġunju 2002 u fis-26 ta’ Awwissu 2002, wara n-notifika mill-INASTI u l-ONP ta’ l-ammont tal-pensjoni trasferibbli, kienu jistabbilixxu b’mod ċar li t-trasferiment kellu jsir irrevokabbli, malli d-dipartiment ikkonċernat jirċievi l-kunsens tiegħek għall-imsemmija proposti. B’riżultat ta’ l-aċċettazzjoni tiegħek, it-trasferiment tad-drittijiet tiegħek ġie eżegwit u l-fajl ONP u INASTI ngħalqu b’mod definittiv mill-[Awtorità tal-Ħatra].

21      Għalkemm il-liġi [ta’ l-]1991 tipprovdi għall-possibbiltà li ‘t-talba għal trasferiment tiġi rtirata bil-qbil ta’ l-[i]stituzzjoni’ (Artikolu 9 tal-liġi [ta’ l-] 1991), din il-possibbiltà fil-prattika kienet biss prevista fil-livell ta’ l-[i]stituzzjonijiet f’każijiet eċċezzjonali, indikati fl-ittra ta’ proposta li saret lill-parti kkonċernata: ‘It-talba tista’ tiġi revokata eċċezzjonalment f’każ ta’ tmiem ta’ l-impjieg tal-parti kkonċernata, qabel ma jkun issodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefika minn pensjoni Komunitarja skond l-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal’. Din m’hijiex kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ l-irtirar tat-talba iżda tar-revoka ta’ l-operazzjoni f’każ partikolari ħafna.

22      Minbarra dan, fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Novembru 1989 fil-kawżi magħquda 75/88, 146/88 u 147/88, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej stabbilixxiet b’mod ċar id-distinzjoni bejn żewġ sistemi ġuridiċi differenti li fihom jaqgħu rispettivament id-deċiżjonijiet relattivi, minn naħa, għall-kalkolu ta’ l-ammont trasferibbli u, min-naħa l-oħra, għall-konverżjoni ta’ dan il-kapital fi snin tas-servizz pensjonabbli, u li kull waħda minnhom għandha tiġi ttrattata mill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni skond is-sistema legali rilevanti. Minn dan jirriżulta li possibbiltà teoretika ta’ rtirar tat-talba għal trasferiment prevista mil-liġi Belġjana hija mingħajr effett peress li l-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tipprovdix dan. Dan huwa l-każ hawnhekk.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa impossibbli għalija li nawtorizzak tirtira t-talba diġà magħluqa u tippreżenta talba ġdida dwar trasfertiment li ġie debitament finalizzat.”

24      Fit-22 ta’ April 2005, ir-rikorrent, permezz ta’ l-avukat tiegħu, ippreżenta quddiem il-Kummissjoni lment ibbażat fuq l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni kkontestata.

25      Fl-10 ta’ Ġunju 2005, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ ta’ l-Amministrazzjoni u l-Persunal adotta, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, deċiżjoni “bħala risposta għad-domandi u l-ilmenti ta’ bosta uffiċjali dwar it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni mill-iskema Belġjana għall-iskema Komunitarja”, notifikata lir-rikorrent bil-posta elettronika u bil-faks fl-14 ta’ Ġunju 2005 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Ġunju 2005”).

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

26      Dan ir-rikors ġie inizjalment irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bin-Nru T‑361/05.

27      Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Diċembru 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom tat-2 ta’ Novembru 2004 li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU L 333, p. 7), irrinvijat din il-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru ta’ dan ta’ l-aħħar bin-Nru F‑92/05.

28      Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-8 ta’ Mejju 2006, ir-Renju tal-Belġju talab li jintervjeni f’din il-kawża sabiex isostni t-talbiet tal-konvenuta. B’applikazzjoni ta’ l-Artikoli 115(1) u 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skond l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 2004/752, sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura ta’ dan ta’ l-aħħar, il-President ta’ l-Ewwel Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku awtorizza dan l-intervent fis-seduta, permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Ġunju 2006. Ir-rapport tas-seduta ġie kkomunikat lir-Renju tal-Belġju.

29      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ l-organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lill-Kummissjoni sabiex tikkomunikalu d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni (iktar ’il quddiem id-“DĠE”) ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fis-seħħ fi żmien it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tar-rikorrent u dawk attwalment fis-seħħ, adottati mill-istituzzjoni rispettivament fl-1993 u fl-2004, u talab lill-partijiet kif ukoll lill-intervenjenti jwieġbu għal xi domandi bil-miktub. Il-partijiet issodisfaw dawn it-talbiet.

30      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        jannulla d-deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Ġunju 2005;

–        jordna li l-konvenuta tbati l-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        alternattivament, jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        jiddeċiedi fuq l-ispejjeż skond il-liġi.

32      Ir-Renju tal-Belġju jitlob, in sostenn tal-Kummissjoni, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu :

–        jiċħad ir-rikors;

–        jordna li r-rikorrent ibati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

 Argumenti tal-partijiet

33      Il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-preżentata tardiva tar-rikors fid-dawl tat-terminu previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija ssostni li r-rikorrent żbalja meta kkunsidra li t-terminu fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Ġunju 2005 kien beda jiddekorri biss fit-18 ta’ Awwissu 2005, id-data li fiha l-Awtorità tal-Ħatra sempliċiment ikkonfermatlu bil-posta ċ-ċaħda ta’ l-ilment tiegħu. Konsegwentement, ir-rikors ġie introdott tard u għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

34      Ir-rikorrent ressaq, fit-22 ta’ April 2005, ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata. L-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet dan l-ilment permezz tad-deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Ġunju 2005, li ġiet notifikata permezz tal-posta elettronika u bil-faks lill-parti kkonċernata fl-14 ta’ Ġunju segwenti. Fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Awwissu 2005, l-Awtorità tal-Ħatra kkonfermat biss li rrispondiet – “fl-opinjoni [tagħha], b’mod komplet” – fid-deċiżjoni tagħha ta’ l-10 ta’ Ġunju 2005 għall-ilment tar-rikorrent. Konsegwentement, il-Kummissjoni ġustament sostniet li t-terminu ta’ tliet xhur li matulu seta’ jsir appell kontra d-deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2005, skond l-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, kien beda jiddekorri fid-data tan-notifika taċ-ċaħda ta’ l-ilment, jiġifieri fl-14 ta’ Ġunju 2005.

35      It-terminu ta’ tliet xhur b’hekk skada fl-14 ta’ Settembru 2005. Madankollu, meta jitqies it-terminu addizzjonali għal raġunijiet ta’ distanza previst mill-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li huwa ta’ għaxart ijiem, it-terminu għall-preżentata ta’ l-appell kellu, f’dan il-każ, jiskadi fl-24 ta’ Settembru segwenti f’nofsillejl.

36      Madankollu, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 101(2), ta’ l-imsemmija Regoli tal-Proċedura jipprovdi li, “[j]ekk il-jum li fih jiskadi t-terminu jkun Sibt, Ħadd jew jum ta’ vakanza legali, l-iskadenza għandha tiġi pprorogata għall-tmiem l-ewwel jum ta’ xogħol li jmiss”. Issa, l-24 ta’ Settembru 2005 kien is-Sibt. Skond id-dispożizzjonijiet hawn iċċitati, it-terminu għall-preżentata ta’ l-appell b’hekk ġie estiż, f’dan il-każ, sat-Tnejn 26 ta’ Settembru 2005 inkluż.

37      Konsegwentement, dan ir-rikors, datat is-26 ta’ Settembru 2005 u mibgħut bil-faks l-istess jum lir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ġie introdott fit-terminu għall-preżentata ta’ l-appell. Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq id-dekadenza għandha tiġi respinta.

 Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Ġunju 2005

38      Skond ġurisprudenza stabbilita, it-talbiet li jsiru kontra ċ-ċaħda ta’ lment għandhom bħala effett li l-qorti tiġi adita bl-att li kontrih ġie ppreżentat l-ilment u, bħala tali, m’għandhomx kontenut awtonomu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8). Għalhekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li t-talbiet imsemmija iktar ’il fuq, diretti kontra ċ-ċaħda ta’ l-ilment ta’ l-10 ta’ Ġunju 2005, għandhom biss bħala għan talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Marzu 2004, Theodorakis vs Il-Kunsill, T‑310/02, ĠabraSP p. I‑A‑95 u II‑427, punt 19).

 Fuq it-talbiet diretti kontra d-deċiżjoni kkontestata inkwantu hija tirrifjuta li tawtorizza lir-rikorrent jirtira t-talba tiegħu għal trasferiment għall-iskema Komunitarja tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni miksuba fl-iskemi Belġjani tal-pensjonijiet ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u tal-ħaddiema impjegati

 1. Fuq l-interpretazzjoni tat-talbiet

–       Argumenti tal-partijiet

39      Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrent fir-realtà qed jikkontesta d-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 li permezz tagħhom hija ddeċidiet dwar in-numru ta’ snin tas-servizz li kienu ser jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-iskema Komunitarja għad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-parti kkonċernata rispettivament fl-iskemi Belġjani ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u tal-ħaddiema impjegati.

40      Ir-rikorrent isostni li għalkemm l-għan tiegħu huwa li l-Kummissjoni tirtira d-deċiżjonijiet tagħha tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 u tisostitwixxihom b’deċiżjonijiet ġodda, l-għan tat-talba tiegħu mhuwiex l-irtirar tad-deċiżjonijiet tagħha, iżda li l-Kummissjoni tawtorizzah jirtira t-talba tiegħu, ippreżentata fl-2001, għal trasferiment tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba fl-iskemi Belġjani.

41      Id-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 jibqgħu jeżistu kif inhuma anki li kieku l-Kummissjoni kellha tilqa’ t-talba tiegħu, u huwa biss permezz tat-twettiq ta’ sensiela ta’ kundizzjonijiet addizzjonali li l-Kummissjoni jkollha temenda l-imsemmija deċiżjonijiet. Riżultat bħal dan fil-fatt jinkiseb biss jekk l-awtoritajiet Belġjani, eventwalment wara proċeduri quddiem il-qrati Belġjani, fl-ewwel lok, jaċċettaw l-irtirar tat-talba għal trasferiment ippreżentata fit-13 ta’ Lulju 2001 mir-rikorrent abbażi tal-liġi ta’ l-1991, fit-tieni lok, jaċċetaw li ssir talba ġdida għal trasferiment min-naħa tiegħu abbażi tal-liġi ta’ l-2003 u, fl-aħħar nett, jadottaw deċiżjonijiet ġodda fir-rigward ta’ l-ammonti li għandhom jiġu ttrasferiti fl-iskema Komunitarja tal-pensjoni, li l-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni, skond l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, sabiex temenda d-deċiżjonijiet tagħha dwar in-numbru ta’ snin tas-servizz pensjonabbli addizzjonali li għandhom jiġu rikonoxxuti favur ir-rikorrent fl-iskema Komunitarja.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

42      Id-domanda li tqajjmet mill-interpretazzjoni tat-talbiet imsemmija iktar ’il fuq hija jekk it-talba tar-rikorrent li jiġi awtorizzat jirtira t-talba tiegħu għal trasferiment tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni hijiex distinta minn talba għall-irtirar tad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu n-numru ta’ snin meħuda in kunsiderazzjoni fl-iskema tal-pensjoni Komunitarja għad-drittijiet għall-pensjoni miksuba preċedentement.

43      L-ewwel nett jeħtieġ li jiġu mfakkra l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jinkiseb it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni għall-iskema ta’ pensjoni Komunitarja.

44      Jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Ottubru 1981, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (137/80, Ġabra p. 2393, punt 13) li l-fakoltà mogħtija lil uffiċjal mill-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, li jittrasferixxi għall-iskema Komunitarja ta’ pensjonijiet, meta jiġi kkonfermat bħala uffiċjal wara li jgħaddi mill-perijodu ta’ prova, l-ekwivalenza attwarjali jew il-valur tar-redenzjoni b’rata fissa tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba matul impjieg preċedenti ma’ amministrazzjoni, organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali jew ma’ impriża, għandha l-għan li tagħtih dritt li l-eżerċizzju tiegħu jiddependi biss mill-għażla tiegħu.

45      Peress li t-talba ppreżentata skond l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kemm fil-verżjoni preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004 kif ukoll f’dik li tirriżulta minn dan ir-regolament, tissodisfa l-kundizzjonijiet, l-entità li tamministra l-iskema ta’ rtirar li minnu l-uffiċjal preċedentement kiseb drittijiet għall-pensjoni, imbagħad l-istituzzjoni Komunitarja, huma suċċessivament marbuta, l-ewwel nett, jikkalkulaw id-drittijiet miksuba u, it-tieni nett, jiffissaw, abbażi ta’ dawn id-drittijiet, in-numru ta’ snin li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-iskema ta’ pensjoni Komunitarja skond il-perijodu ta’ servizz preċedenti.

46      It-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni huwa, konsegwentement, operazzjoni li tinvolvi żewġ deċiżjonijiet unilaterali meħuda suċċessivament, fuq talba tal-parti kkonċernata u f’sitwazzjoni ta’ kompetenza marbuta, minn naħa, mill-entità li tamministra l-iskema nazzjonali tal-pensjoni u, min-naħa l-oħra, mill-istituzzjoni Komunitarja.

47      Konsegwentement, il-kundizzjonijiet li fihom it-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni miksuba fl-iskemi Belġjani kkunsidrati jista’ jiġi rrevokat huma dawk li fihom jista’ jinkiseb l-irtirar tad-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li jikkonstitwixxu l-operazzjoni tat-trasferiment.

48      Il-liġi ta’ l-1991, li taħtha r-rikorrent introduċa, fit-13 ta’ Lulju 2001, talba għal trasferiment tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni miksuba fl-iskema Belġjana, tipprovdi mekkaniżmu ta’ surroga ta’ l-istituzzjoni Komunitarja fid-drittijiet għall-pensjoni miksuba fil-Belġju, mid-data meta r-rikorrent isir eliġibbli għall-pensjoni Komunitarja. Hija tiddisponi fl-Artikolu 9 tagħha li “sakemm is-surroga prevista fl-Artikolu 11 ma tkunx saret effettiva, l-uffiċjal jista’, bil-qbil ta’ l-istituzzjoni, jirtira t-talba tiegħu għal trasferiment. Dan l-irtirar huwa definittiv”.

49      Il-kliem tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-liġi ta’ l-1991 jippermetti li jiġi spjegat li r-rikorrent talab lill-Kummissjoni sabiex jiġi awtorizzat jirtira t-talba tiegħu għal trasferiment. Peress li dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu li, sakemm din is-surroga ssir effettiva, l-irtirar tad-deċiżjonijiet meħuda mill-entitajiet li jamministraw l-iskemi Belġjani ta’ pensjoni sabiex isir it-trasferiment huwa possibbli fuq talba tal-parti kkonċernata, it-trasferiment tad-drittijiet huwa revokat għal kollox jekk id-deċiżjoni ta’ l-istituzzjoni li tistabbilixxi l-allokazzjoni korrispondenti f’termini ta’ snin tas-servizz għall-iskema Komunitarja tiġi rtirata wkoll. Konsegwentement, il-“qbil ta’ l-istituzzjoni” previst mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-liġi ta’ l-1991 jista’ jirreferi biss għall-irtirar tad-deċiżjoni meħuda mill-istituzzjoni fiż-żmien tat-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni.

50      Jirriżulta minn dan li, hekk kif issostni l-Kummissjoni, it-talbiet imsemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati bħala li għandhom bħala għan l-annullament tar-rifjut mill-Kummissjoni li tirtira d-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 li hija kienet ħadet fi żmien it-trasferiment lejn l-iskema Komunitarja tad-drittijiet għal pensjoni miksuba mill-parti kkonċernata f’żewġ skemi ta’ pensjoni Belġjani.

 2. Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet

–       Argumenti tal-partijiet

51      Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjonijiet tagħha tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 huma definittivi u konsegwentement ma jistgħux jiġu kkontestati.

52      Ir-rikorrent isostni b’mod żbaljat li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huma provviżorji, peress li, skond l-Artikolu 11(1) tal-liġi ta’ l-1991, l-allokazzjoni effettwata definittivament mill-istituzzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tiegħu tiddependi mill-età li fiha jibda jieħu l-pensjoni u l-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut f’din id-data. Id-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 huma verament definittivi inkwantu jieħdu nota tal-kunsens tar-rikorrent fir-rigward tal-proposti tal-Kummissjoni dwar it-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni u fir-rigward tal-kalkoli annessi magħhom. Il-fatt li l-allokazzjoni li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni għall-kalkolu effettiv tal-pensjoni tagħha, kjarament, tista’ tiġi ffissata biss fl-età li fiha, fil-prattika, il-parti kkonċernata tirtira hu irrilevanti f’dan ir-rigward.

53      Peress li r-rikorrent wera manifestament il-kunsens tiegħu għall-proposti tal-Kummissjoni, dan il-kunsens tahom in-natura definittiva tagħhom.

54      Huwa biss jekk iseħħ fatt ġdid u sostanzjali li tkun tista’ tiġi kkontestata deċiżjoni definittiva, bil-kundizzjoni li l-invokar ta’ dan il-fatt ġdid iseħħ f’terminu raġonevoli. Issa, anki jekk wieħed jaċċetta li d-dħul fis-seħħ tal-liġi ta’ l-2003, li ġiet ippubblikata fil-Moniteur belge fis-27 ta’ Marzu 2003, jista’ jkun meqjus bħala fatt ġdid skond il-ġurisprudenza, it-talba tar-rikorrent, datata 31 ta’ Ottubru 2004, ġiet ippreżentata ferm wara l-iskadenza ta’ tali terminu raġonevoli. Fir-rigward tal-konstatazzjoni, ta’ natura suġġettiva, magħmula mir-rikorrent fir-rigward tad-differenzi fit-trattament bejn l-uffiċjali li jirriżultaw mid-dħul fis-seħħ tal-liġi ta’ l-2003, dan ma jistax jikkostitwixxi fatt ġdid distint mid-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmija liġi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

55      Jirriżulta minn dak li ntqal fil-punti 45 sa 47 iktar ’il fuq li l-ittri datati l-11 ta’ Ġunju u s-26 ta’ Awwissu 2002 ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu proposti għal ftehim jew għal kuntratt mibgħuta mill-Kummissjoni lir-rikorrent. Huma jikkostitwixxu abbozzi ta’ deċiżjonijiet unilaterali, imfassla mill-Kummissjoni, f’sitwazzjoni ta’ kompetenza marbuta, fuq talba ta’ l-uffiċjal, li, fil-prattika, isiru deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni u jidħlu fis-seħħ biss wara l-konferma mill-parti kkonċernata tat-talbiet tiegħu għal trasferiment. F’dan il-każ partikolari, ir-rikorrent ikkonferma t-talbiet tiegħu fis-17 ta’ Lulju u d-29 ta’ Awwissu 2002. Il-mod atipiku li bih huma mfassla u li bih jidħlu fis-seħħ dawn l-atti, suġġetti għall-kunsens tal-parti kkonċernata, ma jaffettwax in-natura unilaterali tagħhom. Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet unilaterali, in-natura definittiva tagħhom ma tistax tirriżulta mill-kunsens espress tar-rikorrent, li, konsegwentement, ma jistax jiġi infurzat kontrih. Mhuwiex il-kunsens mogħti mir-rikorrent għall-proposti tal-Kummissjoni li ta lid-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 in-natura definittiva tagħhom.

56      Id-deċiżjonijiet unilaterali ta’ l-istituzzjonijiet li jikkonċernaw l-uffiċjali jsiru definittivi u b’hekk ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati malli jiskadu t-termini għall-preżentata ta’ lmenti u appelli previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, ir-rikorrent ikkontesta d-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 permezz ta’ talba mibgħuta lill-Kummissjoni biss fil-31 ta’ Ottubru 2004, wara dawn it-termini.

57      Ir-rikorrent ma jistax validament isostni li dawn id-deċiżjonijiet, li ċertament ma jistabbilixxux l-elementi kollha li jippermettu l-kalkolu definittiv ta’ l-allokazzjoni tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni, huma biss indikattivi jew provviżorji u li l-iskadenza tat-termini għall-preżentata ta’ appell ma setgħetx, konsegwentement, tirrendihom definittivi. Fil-fatt, huma kellhom bħala għan u bħal effett li jistabbilixxu l-metodi ta’ teħid in kunsiderazzjoni, fl-iskema Komunitarja ta’ pensjoni, tad-drittijiet miksuba fil-Belġju mir-rikorrenti, fid-dawl tal-fatturi diġà magħrufa.

58      Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li d-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 saru definittivi, limitatament fir-rigward tal-fatturi stabbiliti fihom, wara l-iskadenza tat-termini għall-preżentata ta’ appelli kontrihom.

59      Issa, skond il-ġurisprudenza Komunitarja, peress li t-termini previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, huma intiżi sabiex jassiguraw iċ-ċertezza legali, huma ta’ ordni pubbliku u jivvinkolaw lill-partijiet u lill-qorti. Konsegwentement, uffiċjal ma jistax, billi jressaq talba quddiem l-Awtorità tal-Ħatra skond l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, joħloq mill-ġdid, għall-vantaġġ tiegħu, dritt ta’ appell kontra deċiżjoni li saret definittiva ma’ l-iskadenza tat-termini għall-preżentata ta’ appell (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Settembru 1994, Carrer et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑495/93, ĠabraSP p. I‑A‑201 u II‑651, punt 20, u ta’ l-14 ta’ Lulju 1998, Lebedef vs Il-Kummissjoni, T‑42/97, ĠabraSP p. I‑A‑371 u II‑1071, punt 25).

60      Madankollu, l-eżistenza ta’ fatt ġdid u sostanzjali jista’ jiġġustifika l-fatt li tiġi ppreżentata talba għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni bħal din (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 1985, Valentini vs Il-Kummissjoni, 231/84, Ġabra p. 3027, punt 14).

61      Skond ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza, il-fatt ikkonċernat għandu jkun jista’ jemenda b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ta’ dak li għandu l-intenzjoni jikseb l-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni li saret definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1986, Becker vs Il-Kummissjoni, 232/85, Ġabra p. 3401, punt 10; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il-Kummissjoni, T‑186/98, Ġabra p. II‑557, punt 51).

62      Minbarra dan, sabiex ikun jista’ jiġi effettivament invokat fatt ġdid u sostanzjali, huwa l-uffiċjal li għandu jintroduċi t-talba amministrattiva tiegħu f’terminu raġonevoli. L-interess ta’ uffiċjal li jitlob l-adattament tas-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu għal leġiżlazzjoni ġdida għandu, fil-fatt, jiġi bbilanċjata mar-rekwiżit imperattiv taċ-ċertezza legali (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Marzu 1998, Koopman vs Il-Kummissjoni, T‑202/97, ĠabraSP p. I‑A‑163 u II‑511, punt 24; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T‑192/99, Ġabra p. II‑813, punt 52).

63      Għalhekk, fl-ewwel lok jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-informazzjoni mressqa mir-rikorrenti sabiex isaħħaħ it-talbiet tiegħu jikkostitwixxux fatt ġdid sostanzjali li jiġġustifika l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002, u fit-tieni lok, li jiġi evalwat jekk it-talba għal eżami mill-ġdid ta’ l-imsemmija deċiżjonijiet ġietx ippreżentata f’terminu raġonevoli.

 Fuq l-eżistenza ta’ fatt ġdid sostanzjali

64      F’dan il-każ, id-dħul fis-seħħ retroattiv, fl-1 ta’ Jannar 2002, tal-liġi ta’ l-2003 biddel radikalment il-kundizzjonijiet tat-trasferiment għall-iskema tal-Komunitajiet Ewropej tad-drittijiet għal pensjoni miksuba fl-iskemi Belġjani ta’ pensjoni.

65      Il-liġi ta’ l-1991, applikabbli għat-talbiet għal trasferiment ippreżentati sal-31 ta’ Diċembru 2001, hija bbażata fuq mekkaniżmu ta’ surroga ta’ l-istituzzjoni fid-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-parti kkonċernata fl-iskemi Belġjani ta’ pensjoni, liema surroga kienet issir effettiva biss malli tibda titħallas il-pensjoni tal-parti kkonċernata. Din is-surroga ma kinitx tinvolvi l-ħlas fl-iskema ta’ pensjoni Komunitarja ta’ kapital li kien jirrappreżenta d-drittijiet għal pensjoni miksuba preċedentement fil-Belġju mill-uffiċjal. Fil-mument meta l-uffiċjal jibda jgawdi l-pensjoni Komunitarja, id-drittijiet għal pensjoni miksuba fil-Belġju minnu kienu jiġu mħallsa lill-Komunitajiet permezz ta’ pagamenti mensili mill-entitajiet Belġjani kompetenti, hekk kif kienu jiġu mħallsa lill-uffiċjal fin-nuqqas ta’ surrroga.

66      Il-liġi ta’ l-2003 stabbilixxiet mekkaniżmu ta’ trasferiment totalment differenti. L-ewwel nett, it-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni miksuba fil-Belġju issa jiġi konkretizzat immedjatament bil-ħlas tal-kapital fl-iskema Komunitarja. It-tieni nett, il-liġi ta’ l-2003 tisostitwixxi l-mekkaniżmu sui generis ta’ surroga, speċifika għall-Belġiju, b’mekkaniżmu ta’ trasferiment skond l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, jiġifieri t-trasferiment tal-valur tar-redenzjoni b’rata fissa. Fl-aħħar nett, il-metodu tal-kalkolu tad-drittijiet ittrasferiti ġie mibdul. Fil-fatt, filwaqt li s-surroga hija bbażata fuq il-kalkolu ta’ l-ekwivalenza attwarjali ta’ l-ammont tad-drittijiet għal pensjoni, it-trasferiment tal-valur tar-redenzjoni b’rata fissa jikkonsisti fil-ħlas fl-iskema tal-pensjoni Komunitarja tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fl-iskemi tal-pensjoni Belġjani, flimkien ma’ interessi komposti.

67      F’dan il-kuntest, il-partijiet jaqblu li t-tibdil li seħħ fil-leġiżlazzjoni Belġjana jwassal ġeneralment għal żieda fl-ammont trasferibbli tad-drittijiet għal pensjoni għall-persuna partikolari, meta mqabbel ma’ l-ammont li jirriżulta minn kalkolu li jsir skond il-liġi ta’ l-1991. Ċertament, il-Gvern Belġjan semma’, fir-risposti tiegħu għad-domandi bil-miktub tat-Tribunal, xi ipoteżijiet partikolari li fihom il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi ta’ l-2003 ikunu inqas favorevoli minn dawk previsti mil-liġi ta’ l-1991. Iżda dawn ir-riżervi mhumiex suffiċjenti sabiex ipoġġi fid-dubju n-natura aktar vantaġġuża tal-leġiżlazzjoni Belġjana l-ġdida f’numru kbir ta’ każijiet u, speċjalment, f’dak tar-rikorrent. Dan sostna fis-seduta, mingħajr ma ġie kontradett, li l-ammont tad-drittijiet trasferibbli tiegħu miksuba fil-Belġju jiżdiedu b’madwar 300 % f’każ ta’ trasferiment ġdid taħt il-kundizzjonijiet tal-liġi ta’ l-2003.

68      Għalkemm il-liġi ta’ l-2003 biddlet radikalment il-kundizzjonijiet ta’ trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni miksuba fil-Belġju lejn l-iskema Komunitarja, il-Gvern Belġjan madankollu sostna fir-risposti tiegħu bil-miktub għad-domandi tat-Tribunal, li din il-liġi, li hija applikabbli biss għad-domandi ta’ trasferiment ippreżentati mill-1 ta’ Jannar 2002, bl-ebda mod ma biddlet is-sitwazzjoni ġuridika ta’ l-uffiċjali u l-aġenti Komunitarji li, bħal fil-każ tar-rikorrent, talbu t-trasferiment tad-drittijiet tagħhom qabel dik id-data u li, konsegwentement, l-imsemmija liġi ma tistax tiġi kkunsidrata bħala fatt ġdid li dawn l-uffiċjali u aġenti jistgħu jinvokaw favur tagħhom.

69      Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari mis-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1982, Williams vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri (9/81, Ġabra p. 3301, punt 14) u tal-11 ta’ Jannar 2001, Gevaert vs Il-Kummissjoni (C‑389/98 P, Ġabra p. I‑65, punt 49), mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-deċiżjonijiet ġenerali li jemendaw ir-regoli tal-klassifikazzjoni tal-persunal, li l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida tikkostitwixxi fatt ġdid sostanzjali, inkluż għall-uffiċjali li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jekk din il-leġiżlazzjoni tinvolvi inugwaljanzi fit-trattament inġustifikati bejn dawn ta’ l-aħħar u l-benefiċjarji tagħha.

70      Fatt ġdid bħal dan jirriżulta għar-rikorrent mid-dħul fis-seħħ suċċessiv tal-liġi ta’ l-2003 u mill-Artikolu 26(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

71      Abbażi tal-miżuri ta’ tranżizzjoni previsti mir-Regolamenti tal-Persunal, l-Artikolu 26(3) ta’ l-Anness XIII ta l-fakoltà li ssir, f’terminu ta’ sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal, talba għal trasferiment jew talba ġdida għal trasferiment lil tliet kategoriji ta’ uffiċjali: l-uffiċjali li kienu għamlu talba għal trasferiment fit-termini previsti preċedentement iżda li kienu ċaħdu l-proposta li kienet saritilhom, l-uffiċjali li ma kinux għamlu talba għal trasferiment fit-termini previsti preċedentement u dawk li t-talba tagħhom kienet ġiet miċħuda minħabba li saru wara l-iskadenza ta’ dawn it-termini.

72      Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-uffiċjali, li setgħu jibbenefikaw biss mill-kundizzjonijiet tal-liġi ta’ l-1991 jekk kisbu, skond l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, it-trasferiment tad-drittijiet tagħhom fil-mument meta ġew stabbiliti bħala uffiċjali permanenti, li jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet aktar vantaġġużi tal-liġi ta’ l-2003. Huma b’hekk trattati b’mod differenti, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ trasferiment tad-drittijiet tagħhom għall-pensjoni, l-uffiċjali li kiseb drittijiet għall-pensjoni fil-Belġju u li daħlu fis-servizz tal-Komunitajiet fl-istess żmien, għar-raġuni li dawn kisbu t-trasferiment tad-drittijiet tagħhom għall-pensjoni u l-oħrajn le.

73      Issa, fl-ewwel lok, is-sitwazzjoni tar-rikorrent essenzjalment mhijiex differenti, f’dan ir-rigward, minn dik ta’ l-uffiċjali msemmija fl-Artikolu 26(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, għalkemm ġie applikat fil-konfront tar-rikorrent il-mekkaniżmu tas-surroga previst mil-liġi ta’ l-1991, huwa, bħal fil-każ tat-tliet kategoriji ta’ uffiċjali msemmija iktar ’il fuq, ma kisibx it-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni skond l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, peress li l-ebda waħda mill-metodi speċifikament stipulati f’din id-dispożizzjoni ma ġiet implementata.

74      Kemm fil-verżjoni attwali, kif ukoll f’dik preċedenti, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-uffiċjal id-dritt li jinkiseb il-ħlas lill-iskema Komunitarja tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għal pensjoni li huwa kiseb preċedentement fi skemi oħra ta’ pensjoni. Issa, hekk kif diġà ntqal fil-punt 66 supra, il-mekkaniżmu tas-surroga stabbilit mil-liġi ta’ l-1991 ma kienx jipprovdi għall-ħlas ta’ l-imsemmi kapital. Hija l-liġi ta’ l-2003 li ppermettiet għall-ewwel darba lill-uffiċjali li jkunu kisbu drittijiet għal pensjoni fil-Belġju li jeżerċitaw id-dritt rikonoxxut lilhom mir-Regolamenti tal-Persunal taħt il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kemm fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004 kif ukoll f’dik li tirriżulta minn dan ir-Regolament.

75      B’hekk, fid-data li fiha huwa kien talab it-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni, ir-rikorrent seta’ jinkiseb biss, skond il-liġi ta’ l-1991 applikabbli dak iż-żmien, is-surroga tal-Kummissjoni fid-drittijiet tiegħu għal pensjoni miksuba fil-Belġju. Il-kliem stess tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 jindikaw li l-Kummissjoni applikat fil-konfront tat-talba tiegħu għal trasferiment il-mekkaniżmu tas-surroga skond il-liġi ta’ l-1991, u mhux il-metodi ta’ trasferiment skond l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004.

76      Issa, jirriżulta b’mod ċar mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 26(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal li dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati speċifikament sabiex l-uffiċjali li kienu għadhom ma kisbux it-trasferiment tad-drittijiet tagħhom għal pensjoni skond il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, ikunu jistgħu jitolbu li jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ġodda korrispondenti. Konsegwentement, ir-rikorrent jinsab, fid-dawl ta’ l-għan imħaddan mill-Artikolu 26(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tat-tliet kategoriji ta’ uffiċjali koperti minn dan l-artikolu.

77      Peress li r-rikorrent lanqas ma seta’ jibbenefika mid-dritt previst mir-Regolamenti tal-Persunal taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa leġittimu li jiġi mistoqsi jekk jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 26(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 26(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal li teskludi lir-rikorrent mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, fil-fatt, jista’ joħloq, għat-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni miksuba fil-Belġju, trattament differenti mhux ġustifikat fir-rigward ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

78      Fit-tieni lok, dan it-trattament differenti huwa diffiċilment ġustifikabbli, b’mod partikolari, meta, skond it-tielet ipoteżi ta’ l-Artikolu 26(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, it-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni ma setax jinkiseb minħabba li t-talba saret tard wisq, jiġifieri minħabba n-negliġenza ta’ l-applikant. Hekk kif ammetta r-rappreżentant tal-Kummissjoni fis-seduta, uffiċjal stabbilit bħala uffiċjali permanenti fl-istess jum bħar-rikorrent u li, billi kien inqas diliġenti minnu, kien ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal trasferiment abbażi tal-liġi ta’ l-1991 wara li skada t-terminu, jibbenefika, b’kuntrast mar-rikorrent, minn possibbiltà ġdida ta’ trasferiment skond il-metodi aktar vantaġġużi tal-liġi ta’ l-2003. Bl-istess mod, l-Artikolu 26(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu bħala għan u bħala effett li jippermetti lill-uffiċjali li fir-rigward tagħhom ġie rrifjutat b’mod definittiv it-trasferiment abbażi ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004 (ara, fuq dan il-punt, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ottubru 2000, Drabbe vs Il-Kummissjoni, T‑27/99, ĠabraSP p. I‑A‑213 u II‑955), li jippreżentaw talba ġdida bbażata fuq id-dispożizzjonijiet emendati ta’ l-imsemmi Artikolu 11(2) filwaqt li l-każ tar-rikorrent, s’issa, qatt ma ġie eżaminat abbażi tal-metodi previsti mill-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal la fil-verżjoni preċedenti u lanqas f’dik suċċessiva għall-1 ta’ Mejju 2004.

79      Fit-tielet lok, huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat li l-għażla, magħmula mill-uffiċjali kkonċernati fil-mument meta ġew stabbiliti bħala uffiċjali permanenti, li jintroduċu jew le talba għal trasferiment jiġġustifika differenza fit-trattament li tirriżulta sussegwenement u li, konsegwentement, hija imprevedibbli fid-data ta’ l-għażla tagħhom.

80      Fil-fatt, l-Artikolu 26(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal biddel doppjament is-sitwazzjoni ta’ l-uffiċjali li kienu għażlu li ma jitolbux it-trasferiment jew li ma jikkonfermawx it-talba tagħhom, billi affettwa l-konsegwenzi ta’ tali għażliet. Minn naħa, l-imsemmi artikolu jippermetti lil dawn l-aħħar imsemmija uffiċjali jerġgħu jikkunsidraw għażla, magħmula fil-mument meta ġew stabbiliti bħala uffiċjali permanenti, li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, kienet definittiva (ara, s-sentenza Drabbe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 26(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżerva espressament għal dawn l-istess uffiċjali l-possibbiltà li jiksbu t-trasferiment tad-drittijiet tagħhom għal pensjoni miksuba fil-Belġju taħt il-kundizzjonijiet aktar favorevoli tal-liġi ta’ l-2003.

81      B’hekk, billi mmodifika b’mod sostanzjali l-konsegwenzi ġuridiċi ta’ waħda mill-għażliet miftuħa għall-uffiċjal permezz ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, fil-mument meta ġie stabbilit bħala uffiċjali permanenti, jiġifieri dik li ma jibbenefikax minn trasferiment, id-dispożizzjonijiet flimkien tal-liġi ta’ l-2003 u ta’ l-Artikolu 26(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal neċessarjament biddlu l-kundizzjonijiet stess ta’ din l-għażla.

82      Minbarra dan, din il-modifika seħħet retroattivament u, konsegwentement, b’mod imprevedibbli għall-uffiċjali li, preċedentement, kienu għamlu l-għażla li jitolbu t-trasferiment tad-drittijiet tagħhom għal pensjoni. B’hekk, fid-data li fiha huwa għażel li jitlob it-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni, ir-rikorrent ma setax ikun jaf li xi dispożizzjonijiet legali adottati sussegwentement kienu ser jirrevokaw in-natura definittiva tan-nuqqas ta’ trasferiment u lanqas, a fortiori, li kienu ser iqiegħdu lill-uffiċjali li ma ttrasferewx id-drittijiet tagħhom għal pensjoni miksuba fil-Belġju f’pożizzjoni li jiksbu dan it-trasferiment f’kundizzjonijiet aktar vantaġġużi.

83      Issa, il-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ l-aspettattivi leġittimi identifikati mill-Qorti Komunitarja jeżiġu li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tkun ċerta u l-applikazzjoni tagħha prevedibbli għall-persuni suġġetti għal-liġi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et, C‑63/93, Ġabra p. I‑569, punt 20, u tat-18 ta’ Mejju 2000, Rombi u Arkopharma, C‑107/97, Ġabra p. I‑3367, punt 66; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Settembru 1999, Partex vs Il-Kummissjoni, T‑182/96, Ġabra p. II‑2673, punt 191). Dawn il-prinċipji jipprojbixxu li uffiċjal ikun eskluż mill-benefiċċju ta’ leġiżlazzjoni aktar favorevoli fuq il-bażi ta’ għażla li, meta saret, il-konsegwenzi tagħha ma kinux prevedibbli .

84      Il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-ħames punti preċedenti huma ta’ tali natura li joħolqu, fid-dawl tal-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi, dubju dwar il-legalità tat-trattament differenti li jirriżulta mill-Artikolu 26(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal bejn ir-rikorrent u l-kategoriji ta’ uffiċjali koperti minn din id-dispożizzjoni.

85      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li d-dħul fis-seħħ sussegwenti tal-liġi ta’ l-2003 u ta’ l-Artikolu 26(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal biddel is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent fir-rigward tat-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni miksuba fil-Belġju u b’hekk jikkostitwixxi fatt ġdid sostanzjali, li jiġġustifika l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002.

86      Barra minn hekk, fil-komunikazzjoni tagħha lill-persunal ippublikata fin-Nru 357 tal-“Commission en direct”, tal-ġimgħa mill-11 sas-17 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni kienet hija stess ipprevediet li, wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi ta’ l-2003, l-awtoritajiet Belġjani kienu se jiddeċiedu li jirrevedu l-kalkolu ta’ l-ammont tad-drittijiet għal pensjoni ta’ l-uffiċjali li talbu t-trasferiment ta’ dawn id-drittijiet fil-kuntest tal-liġi ta’ l-1991 u kienet indikat li, f’din is-sitwazzjoni, il-fajl kollha kienu ser jiġu awtomatikament riveduti.

 Fuq in-natura raġonevoli tat-terminu

87      Il-konvenuta ssostni li t-talba għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 ma ġietx ippreżentata f’terminu raġonevoli mill-pubblikazzjoni tal-liġi ta’ l-2003.

88      Madankollu, ġie spjegat qabel li l-fatt ġdid sostanzjali li jiġġustifika talba għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 irriżulta mid-dħul fis-seħħ sussegwenti tal-liġi ta’ l-2003 u ta’ l-Artikolu 26(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Konsegwentement, it-terminu raġonevoli li fih ir-rikorrent seta’ jinvoka l-imsemmi fatt ġdid beda jiddekorri biss mid-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-1 ta’ Mejju 2004.

89      Madankollu, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, billi ppreżenta t-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 fil-31 ta’ Ottubru 2004, jiġifieri eżattament sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrent ma qabiżx it-terminu raġonevoli neċessarju sabiex jipprepara t-talba tiegħu u jippreżentaha lill-Awtorità tal-Ħatra.

90      Id-diliġenza tar-rikorrent għandha tiġi eżaminata mid-data li fiha huwa kien f’pożizzjoni li jkollu għarfien eżatt tal-fatt ġdid li qed jibbaża ruħu fuqu. F’dan ir-rigward, għandu jingħad, favur tiegħu, li l-vantaġġ li s-sistema tal-ħlas tal-valur tar-redenzjoni b’rata fissa stabbilita mil-liġi ta’ l-2003 tagħti lill-uffiċjali fuq is-sistema tas-surroga introdotta mil-liġi ta’ l-1991 ma jirriżultax b’mod ċar mit-test stess tal-liġi ta’ l-2003. Minbarra dan, hekk kif ammettiet il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni lill-persunal imsemmija iktar ’il fuq, it-tibdil li seħħ fil-leġiżlazzjoni Belġjana jwassal biss “ġeneralment” għal żieda fl-ammont trasferibbli tad-drittijiet għal pensjoni fir-rigward ta’ persuna partikolari. Issa, il-kumplessità tar-regoli tal-kalkolu tad-drittijiet għal pensjoni trasferiti diffiċilment tippermetti lil uffiċjal jistabbilixxi, waħdu, jekk is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu hijiex affettwata f’sens favorevoli jew le mil-leġiżlazzjoni Belġjana l-ġdida. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni, mingħajr ma huwa serjament kontradett, li l-vantaġġ komparattiv tas-sistema ta’ ħlas tal-valur tar-redenzjoni b’rata fissa deher b’ċertezza biss fit-tmiem ta’ sensiela ta’ avvenimenti, li jinkludu l-paragun bejn l-allokazzjoni ta’ snin tas-servizz li ġew rikonoxxuti fir-rigward tiegħu fuq il-bażi tal-liġi ta’ l-1991 u dik li ġiet rikonoxxuta fir-rigward ta’ wieħed mill-kollegi tiegħu fuq il-bażi tal-liġi ta’ l-2003, it-talba għall-informazzjoni ppreżentata minnu stess lill-Union syndicale (trejdjunjin) fir-rigward tal-kawżi u l-legalità ta’ dik id-differenza fit-trattament u studju legali li l-Union syndicale talbet li jitwettaq minn wieħed mill-avukati tagħha f’dan ir-rigward u li ġie kkomunikat lilha fl-20 ta’ Ottubru 2004.

91      Fuq kollox, għandu jiġi osservat li r-rikorrent ippreżenta t-talba tiegħu għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002, fil-31 ta’ Ottubru 2004, jiġifieri qabel ma skada t-terminu ta’ sitt xhur li, skond l-Artikolu 26(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur ta lill-uffiċjali li ma kisbux it-trasferiment tad-drittijiet tagħhom għal pensjoni sabiex issir it-talba għal dan it-trasferiment. Peress li għamel it-talba tiegħu qabel ma skada t-terminu impost minn dan l-artikolu fuq l-uffiċjali li fir-rigward tagħhom huwa jikkunsidra li subixxa diskriminazzjoni, huwa b’hekk ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li invoka, in sostenn tat-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid, l-imsemmi Artikolu f’terminu irraġonevoli.

92      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li t-talba għall-irtirar tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002, magħmula lill-Kummissjoni fil-31 ta’ Ottubru 2004, kienet ġustifikata minn fatt ġdid sostanzjali u saret f’terminu raġonevoli mill-mument meta r-rikorrent sar jaf preċiżament b’dan.

93      It-talbiet għall-annulament tar-rifjut tal-Kummissjoni li teżamina mill-ġdid dawn id-deċiżjonijiet definittivi huma, konsegwentement, ammissibbli.

 3. Fuq il-mertu

94       Sabiex isaħħaħ it-talbiet tiegħu għall-annullament, ir-rikorrent iqajjem seba’ motivi :

–        l-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-iżball ta’ liġi li bih hi vvizzjata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tistipula li n-natura irrevokabbli tat-trasferiment tirriżulta mill-kunsens stess tal-parti kkonċernata;

–        it-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li bih hi vvizzjata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tistipula li t-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni huwa ta’ natura irrevokabbli peress li ġie eżegwit u peress li l-fajls INASTI u ONP tar-rikorrent kienu ngħalqu b’mod definittiv;

–        it-tielet motiv huwa bbażat fuq l-iżball ta’ liġi li bih hi vvizzjata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tistipula li t-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni ma jistax jiġi rrevokat fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni fid-dritt Komunitarju li tippermetti dan;

–        ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika d-dritt tar-rikorrent li jikkontesta quddiem il-qrati Belġjani l-konformità mad-dritt Komunitarju tad-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet Belġjani li japplikaw il-liġi ta’ l-1991 fil-konfront tiegħu u b’hekk tinjora l-prinċipju tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv;

–        il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tinjora l-obbligu ta’ assistenza previst mill-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u li, skond ir-rikorrent, kellu jiġi osservat ex officio mill-Kummissjoni f’dan il-każ;

–        is-sitt u seba’ motivi huma bbażati fuq l-allegazzjoni li l-liġi ta’ l-1991 huma inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, jiġifieri, minn naħa, ma’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII, tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, u, min-naħa l-oħra, mal-prinċipju tat-trattament ugwali.

95      Jirriżulta mir-risposta għall-ilment li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet għal żewġ motivi legali: minn naħa, in-natura irrevokabbli tat-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni tar-rikorrent li tirriżulta mill-kunsens espress li dan kien ta lill-proposti tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ dispożizzjoni fid-dritt Komunitarju li tippermetti lil din ta’ l-aħħar tirrevoka l-imsemmi trasferiment.

96      Għal din ir-raġuni, hemm lok li jiġu eżaminati l-ewwel nett l-ewwel u t-tielet motivi, li jitrattaw dawn iż-żewġ motivi legali.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi li bih hi vvizzjata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tistipula li n-natura irrevokabbli tat-trasferiment tirriżulta mill-kunsens stess tal-parti kkonċernata

–       Argumenti tal-partijiet

97      Ir-rikorrent isostni li la d-DĠE ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fis-seħħ fi żmien it-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni, ippublikati fl-Informations administratives Nru 789, tas-16 ta’ April 1993, u lanqas dawk attwalment fis-seħħ, ippublikati fl-Informations administratives nru 60, tad-9 ta’ Ġunju 2004, ma jipprovdu li t-trasferiment jiksbu natura definittiva u irrevokabbli meta l-parti kkonċernata tindika l-kunsens tagħha għall-allokazzjoni tan-numru ta’ snin tas-servizz pensjonabbli li tiġi proposta lilha mill-istituzzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ l-ammont li għandu jiġi ttrasferit deċiż mill-awtoritajiet nazzjonali.

98      Konsegwentement, il-proposti tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 tal-Kummissjoni jmorru kontra d-DĠE ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fis-seħħ fi żmien it-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni tar-rikorrent, inkwantu jipprovdu li “malli l-amministrazzjoni tirċievi l-kunsens tiegħek, it-talba tiegħek għal tasferiment tad-drittijiet għal pensjoni ma tkunx tista’ tiġi revokata aktar”.

99      L-imsemmija proposti b’hekk ma setgħux jiġu invokati kontra r-rikorrent fid-deċiżjoni kkontestata.

100    Anki jekk jiġi aċċettat li kienet teżisti f’dak iż-żmien leġiżlazzjoni Komunitarja li kienet tipprovdi għall-irrevokabbiltà tat-trasferiment meta l-parti kkonċernata uriet il-kunsens tagħha għall-proposti tal-Kummissjoni, leġiżlazzjoni bħal din kienet kuntrarja għall-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, u għall-prinċipju tat-trattament ugwali.

101    Billi rrifjutat li tirtira d-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 għar-raġuni li kienu saru irrevokabbli wara li ġew aċċetatti mir-rikorrent, l-Awtorità tal-Ħatra kienet, konsegwentement, ivvizzjat id-deċiżjoni kkontestata bi żball ta’ liġi.

102    Il-Kummissjoni tenfasizza li r-rikorrent wera espressament il-kunsens tiegħu għall-proposti li hija kienet għamlitlu u li kien dan il-kunsens espress li tahom in-natura definittiva tagħhom. Il-fatt li jiġi sostnut li dawn id-deċiżjonijiet mhumiex ta’ natura definittiva u li uffiċjal ikollu d-dritt, fi kwalunkwe mument, iqajjem dubji dwar il-kunsens espress li huwa ta, jammonta għal żnaturar komplet tas-sens u tal-portata tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, u għal negazzjoni ta’ kull valur ġuridiku tal-kunsens mogħti liberament mill-uffiċjal.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

103    Hekk kif ġie spjegat preċedentement, fil-punti 46 sa 48 u fil-punt 56 iktar ’il fuq, l-atti tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 li r-rikorrent qed jitlob l-irtirar tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati bħala deċiżjonijiet unilaterali, li daħlu fis-seħħ wara l-konferma tagħhom mir-rikorrent fis-17 ta’ Lulju u tad-29 ta’ Awwissu 2002.

104    Issa, id-deċiżjonijiet unilaterali bħala regola jsiru definittivi wara l-iskadenza tat-termini previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

105    Eċċezzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet tista’ ssir biss permezz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva speċjali li tistipula l-kundizzjonijiet partikolari li fihom id-deċiżjonijiet meħuda mill-istituzzjoni skond l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII, kemm fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004 kif ukoll f’dik li tirriżulta minn dan ir-regolament, isiru definittivi.

106    Issa, bħala risposta għad-domandi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-Kummissjoni ma indikatx liema test jippermettilha tikkunsidra li d-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 saru definittivi wara li ġew aċċettati espressament mir-rikorrent.

107    Ċertament, il-paragrafu 2 ta’ l-ewwel Artikolu, tad-DĠE ta’ l-Artikolu 11(1) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli fl-2002, kien jiddisponi li “l-għażla ssir definittiva u irrevokabbli malli l-uffiċjal ikun ta l-kunsens tiegħu għall-ftehim […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

108    Madankollu, dawn id-DĠE ma kinux applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni għall-iskema Komunitarja, bħal f’dan il-każ, iżda għas-sitwazzjoni kuntrarja ta’ trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni miksuba fl-iskema Komunitarja lejn skema oħra ta’ pensjoni. Min-naħa l-oħra, huwa sinjifikanti li d-DĠE ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-persunal, fis-seħħ fi żmien it-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni tar-rikorrent, ma jsemmux l-eżistenza ta’ kunsens mogħti mill-uffiċjal għall-proposti ta’ l-istituzzjoni, u lanqas a fortiori ma jagħtu lil dan il-kunsens natura definittiva.

109    Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li, għalkemm l-aċċettazzoni espressa mir-rikorrent, fis-17 ta’ Lulju u fid-29 ta’ Awwissu 2002, tad-deċiżjonijiet unilaterali tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 ippermettiet id-dħul fis-seħħ tagħhom, hija min-naħa l-oħra, ma kellhiex bħala effett li tirrendihom definittivi.

110    Konsegwentement, billi rrifjutat li tirtira d-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 għar-raġuni li l-aċċettazzjoni espressa tagħhom mir-rikorrent kienet irrendiethom definittivi, l-Awtorità tal-Ħatra vvizzjat id-deċiżjoni kkontestata bi żball ta’ liġi.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi li bih hi vvizzjata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tistipula li t-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni ma jistax jiġu rrevokat fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni fid-dritt Komunitarju li tippermetti dan

–       L-argumenti tal-partijiet

111    Ir-rikorrent isostni li, kuntrarjament għal dak li kkunsidra l-kap tat-taqsima “Pensjonijiet” fid-deċiżjoni kkontestata, il-possibbiltà li talba għal trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni tiġi rtirata bil-qbil ta’ l-istituzzjoni ma tirriżultax biss, f’dan il-każ, mill-Artikolu 9 tal-liġi ta’ l-1991, iżda wkoll mid-dritt Komunitarju.

112    Il-bażi tat-talba tal-31 ta’ Ottubru 2004 mhijiex l-Artikolu 9 tal-liġi ta’ l-1991 u lanqas l-Artikolu 4 tal-liġi ta’ l-2003, iżda l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi l-fakoltà għal uffiċjal li jressaq quddiem l-Awtorità tal-Ħatra talba li tistedinha tieħu deċiżjoni fir-rigward tiegħu.

113    Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Settembru 1998, Chvatal et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (T‑154/96, ĠabraSP p. I‑A‑527 u II‑1579, punt 52), ikkunsidrat li l-eżerċizzju tad-dritt rikonoxxut mill-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, favur kull persuna koperta mill-imsemmija Regolamenti tal-Persunal li tressaq quddiem l-Awtorità tal-Ħatra talba li tistedinha tieħu fir-rigward tagħha deċiżjoni la hu suġġett għall-kundizzjoni ta’ l-eżistenza ta’ bażi legali preeżistenti li tippermetti lill-amministrazzjoni tadotta d-deċiżjoni mitluba u lanqas ma hu mxekkel mill-fatt li l-amministrazzjoni ma għandha ebda diskrezzjoni biex tadottaha.

114    Barra minn hekk, l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kemm fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004 kif ukoll f’dik li tirriżulta minn dan ir-regolament, jikkonferixxi fuq il-Kummissjoni l-kompetenza tagħha sabiex tawtorizza l-irtirar ta’ talba għal trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni, bla ħsara għad-dritt tagħha li tirrifjuta tali rtirar minħabba raġunijiet imperattivi ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ ġestjoni amministrattiva u baġitarja tajba, li madankollu, kjarament, ma jeżistux f’dan il-każ.

115    Il-Kummissjoni ssostni li hija ma setgħetx tirtira d-deċiżjonijiet tagħha tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002, peress li d-dritt Komunitarju ma jipprovdix għall-irtirar tat-talbiet għal trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni. Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-kliem ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kemm fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004 kif ukoll f’dik li tirriżulta minn dan ir-regolament, ma jikkonferixxix kompetenza fuq l-istituzzjonijiet sabiex jirtiraw trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni.

116    La l-kliem użat preċedentement fl-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas il-kliem il-ġdid tiegħu ma jippermettu lil uffiċjal li jimmultiplika t-talbiet għal trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni miksuba fi skema nazzjonali skond kif tiżviluppa l-leġiżlazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, jiddisponi li t-talba għal trasferiment tista’ ssir biss fil-mument meta l-uffiċjal jiġi stabbilit bħala uffiċjal permanenti. L-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, jikkonferma n-natura definittiva tad-deċiżjoni meħuda fuq it-talba għal trasferiment billi jiddisponi li, “[l]-uffiċjali jistgħu jagħmlu użu minn dan l-arranġament darba biss”.

117    Skond il-Kummissjoni, din l-interpretazzjoni hi ġġustifikata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq l-inammissibbiltà tat-talbiet għal trasferimenti tad-drittijiet għal pensjoni miksuba fi skema nazzjonali, ladarba jkun għadda ċertu żmien minn meta l-uffiċjal ikkonċernat ikun ġie stabbilit bħala uffiċjal permanenti. Li kieku uffiċjal jista’, fi kwalunkwe mument tal-karriera tiegħu, jirtira t-talba tiegħu għal trasferiment, din il-ġurisprudenza tkun nieqsa minn kull utilità. Issa, billi affermat fis-sentenza tagħha Drabbe vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 74), li talba għal trasferiment tista’ tiġi validament ippreżentata biss fi żmien qasir wara li l-persuna kkonċernata tkun ġiet stabbilita bħala uffiċjali permanenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat li talba bħal din, skond l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, setgħet issir biss fil-mument meta l-uffiċjal kien ġie stabbilit u li, konsegwentement, ladarba ġiet ikkonfermata, it-talba għal trasferiment saret definittiva.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

118    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kemm fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004 kif ukoll f’dik li tirriżulta minn dan ir-regolament, jistgħux, hekk kif issostni l-konvenuta, jiġu interpretati bħala li jeskludu l-irtirar ta’ trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni.

119    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fis-sentenza Drabbe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li dawn id-dispożizzjonijiet, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fiż-żmien meta r-rikorrent kiseb it-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni, kienu jippermettu lill-uffiċjal jikseb it-trasferiment lill-Komunitajiet tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni miksuba preċedentement biss fil-mument meta jkun ġie stabbilit bħala uffiċjal permanenti. B’mod espliċitu, l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, jiddisponi, fir-rigward tal-fakoltà li jiġu ttrasferiti lill-Komunitajiet id-drittijiet għal pensjoni miksuba preċedentement, li “[l]-uffiċjali jistgħu jagħmlu użu minn dan l-arranġament darba biss għal kull Stat Membru u fond tal-pensjoni kkonċernati”.

120    Fl-ewwel lok, għalkemm id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, ikkjarifikati mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, kienu jillimitaw fiż-żmien il-possibbiltà għall-uffiċjal li jitlob it-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni għall-perjodu li fih jiġi stabbilit bħala uffiċjal permanenti, min-naħa l-oħra ma kienu jsemmu ebda restrizzjoni fir-rigward tal-possibbiltà li jintalab l-irtirar ta’ trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni.

121    Fit-tieni lok, f’każ li d-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 jiġu rtirati, talba ġdida għal trasferiment tiġi ppreżentata, fejn xieraq, qabel l-iskadenza tat-terminu, li issa sar ta’ għaxar snin, u taħt il-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, b’mod partikolari fil-parti li kienet tipprovdi li t-talba għal trasferiment setgħet tiġi ppreżentata biss fil-mument meta l-persuna kkonċernata tiġi stabbilita bħala uffiċjal permanenti, ma jistgħux jostakolaw it-tressiq ta’ talba għal trasferiment wara t-tħassir tagħhom.

122    Fit-tielet lok, ma jistax jiġi dedott mill-fatt li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004, jawtorizzaw lill-uffiċjal juża l-fakoltà li jitlob trasferiment tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni miksuba preċedentement darba waħda biss, li l-imsemmija dispożizzjonijiet jipprojbixxu l-irtirar ta’ talba għal trasferiment. Fil-fatt, minn naħa, il-possibbiltà li tiġi ppreżentata talba oħra għal trasferiment m’għandhiex tiġi kkonfonduta mal-possibbiltà li tiġi rtirata l-ewwel waħda. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, mhumiex applikabbli għal talba għal trasferiment ippreżentata qabel din id-data u, konsegwentement, ma jistgħux jostakolaw il-fatt li, f’każ li l-imsemmija talba għal trasferiment tiġi rtirata, l-awtur tagħha jkun jista’ madankollu jippreżenta waħda ġdida taħt il-kundizzjonijiet fis-seħħ illum.

123    Fl-aħħar nett, jirriżulta mill-kliem stess tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 li huma huma bbażati fuq mekkaniżmu ta’ kalkolu tad-drittijiet għal pensjoni fl-iskema tal-pensjoni Komunitarja distint minn dawk espressament previsti għat-trasferiment ta’ dawn id-drittijiet mill-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li r-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, din id-dispożizzjoni jistgħu jiġu interpretati bħala li jipprekludu l-irtirar ta’ trasferiment, dawn l-istess dispożizzjonijiet ma jistgħux jirregolaw il-kundizzjonijiet ta’ irtirar ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-mekkaniżmu sui generis ta’ surroga li jirriżulta mil-liġi ta’ l-1991, applikat għar-rikorrent fl-2002.

124    Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li la d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kemm fil-verżjoni preċedenti tiegħu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004 kif ukoll f’dik li tirriżulta minn dan ir-Regolament, u lanqas xi dispożizzjoni oħra tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħu jiġu interpretati bħala li jeskludu l-irtirar tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002.

125    Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċjali li tirregola, fid-dritt Komunitarju, l-irtirar tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002, il-kundizzjonijiet għall-irtirar tagħhom huma l-kundizzjonijiet ġenerali li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-deċiżjonijiet individwali li joħolqu d-drittijiet. Deċiżjonijiet bħal dawn ma jistgħux jiġu revokati unilateralment mill-awtur tagħhom, jekk huma legali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1957, Algera et vs L-Assemblea Komuni tal-KEFA, 7/56, 3/57 sa 7/57, Ġabra p. 81, 114 u 115). Il-ħtieġa li tiġi mħarsa l-fiduċja fl-istabbiltà tas-sitwazzjoni b’hekk ikkreata tipprojbixxi lill-amministrazzjoni, f’din is-sitwazzjoni, milli taqleb id-deċiżjoni tagħha.

126    Madankollu, projbizzjoni bħal din, li hi intiża biex tipproteġi d-drittijiet tal-benefiċjarju, ma tistax, minħabba l-finalità stess tagħha, tiġi involata kontrih. Fuq talba tal-benefiċjarju, l-awtorità amministrattiva li tkun ħadet deċiżjoni li toħloq drittijiet tista’ tirrevokaha, biex tissostitwixxiha b’deċiżjoni aktar favorevoli għall-awtur tat-talba, bil-kundizzjoni li l-irtirar ma jippreġudikax id-drittijiet ta’ terzi. Fil-fatt, għalkemm l-irtirar ta’ att amministrattiv hu, bħala regola, permissibbli, il-ħtiġijiet tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandhom jiġu osservati strettament.

127    F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk l-irtirar tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 jistax jaffettwa d-drittijiet ta’ l-iskemi Belġjani ta’ pensjoni.

128    Fl-ewwel lok, il-partikolarità tal-mekkaniżmu tas-surroga stabbilit mil-liġi ta’ l-1991 hija li ma tbiddel la d-drittijiet u lanqas l-obbligi ta’ l-iskemi Belġjani ta’ pensjoni fil-mument tat-trasferiment fl-iskema tal-pensjoni Komunitarja tad-drittijiet miksuba mill-uffiċjal f’dawn l-iskemi. Fil-fatt, dan it-trasferiment ma jagħti lok għall-ħlas ta’ ebda somma min-naħa ta’ l-imsemmija skemi lill-iskema ta’ pensjoni Komunitarja. Dawn l-iskemi jibqgħu debituri tad-drittijiet għal pensjoni ta’ l-uffiċjal u l-obbligu tagħhom jikkonsisti, bħal qabel, fil-ħlas tal-pensjoni korrispondenti permezz ta’ pagamenti mensili mid-data li l-fiha l-uffiċjal jibda jibbenefika mill-pensjoni Komunitarju tiegħu. L-unika bidla tikkonċerna r-relazzjonijiet ta’ l-uffiċjal u ta’ l-istituzzjoni, li tagħti lill-uffiċjal fl-iskema Komunitarja l-ekwivalenza attwarjali tad-drittijiet Belġjani tiegħu għal pensjoni u, bħala korrispettiv, hija surrogata fid-drittijiet għal pensjoni li l-uffiċjal kiseb fl-iskemi Belġjani ta’ pensjoni.

129    Peress li d-drittijiet ta’ l-iskemi Belġjani ta’ pensjoni mhumiex affettwati mit-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni skond il-mekkaniżmu tas-surroga, lanqas ma jistgħu jiġu affettwati mill-irtirar tad-deċiżjonijiet meħuda sabiex jiġi assigurat dan it-trasferiment.

130    Fit-tieni lok, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 9 tal-liġi ta’ l-1991 kien għadu jawtorizza lill-uffiċjal Kommunitarju, bil-kundizzjoni biss li jinkiseb il-kunsens ta’ l-istituzzjoin tiegħu, jirtira t-talba tiegħu għal trasferiment sakemm is-surroga ma kinitx saret effettiva. Peress li l-liġi ta’ l-1991 kienet tirrikonoxxi fir-rigward ta’ l-uffiċjal id-dritt li jirtira din it-talba għal trasferiment qabel ma s-surroga ssir effettiva, il-Kummissjoni ma tistax validament issostni li l-irtirar tad-deċiżjonijiet meħuda skond din il-liġi, qabel ma s-surroga tkun daħlet fis-seħħ, jaffettwa d-drittijiet ta’ l-iskemi Belġjani ta’ pensjoni. Minbarra dan, hekk kif ġie espost fil-punt preċedenti, huwa mingħajr dubju għaliex it-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni lejn l-iskema Komunitarja skond mekkaniżmu ta’ surroga ma kellux immedjatament bħala effett li jagħti lok għall-ħlas ta’ pensjoni jew ta’ kapital li jirrappreżenta l-pensjoni li l-Artikolu 9 tal-liġi ta’ l-1991 kien jagħti lill-uffiċjal id-dritt li jirtira t-talba tiegħu.

131    Ċertament, ir-Renju tal-Belġju sostna, fis-seduta u fir-risposti tiegħu bil-miktub għad-domandi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li l-possibbiltà ta’ rtirar prevista mill-Artikolu 9 tal-liġi ta’ l-1991 kienet ġiet introdotta mil-leġiżlatur Belġjan biss sabiex tippermetti lill-uffiċjal li jitlaq mis-servizz tal-Komunitajiet qabel ma jingħata lok għad-dritt tiegħu għal pensjoni ta’ l-irtirar fl-iskema Komunitarja li jikkonserva d-drittijiet tiegħu għal pensjoni miksuba fi skema Belġjana. L-emenda, mill-Artikolu 194 tal-liġi ta’ l-2006, ta’ l-imsemmi Artikolu 9, b’effett retroattiv fl-1 ta’ Mejju 2004, tikkonferma li din kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur fl-1991. Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni ma ssib ebda appoġġ fil-kliem ta’ l-Artikolu 9, fil-verżjoni inizjali tal-liġi ta’ l-1991. Minbarra dan, il-fatt, allegat mir-Renju tal-Belġju, li l-Kummissjoni ssuġġeriet lill-awtoritajiet Belġjani, meta kienu qed iħejju l-liġi ta’ l-1991, li jillimitaw il-fakoltà li tiġi rtirata t-talba għal trasferiment għas-sitwazzjoni ta’ riżenja, jobbliga lit-Tribunal jikkunsidra li l-leġiżlatur Belġjan konxjament eskluda din il-proposta fit-test stess ta’ l-Artikolu 9 tal-liġi ta’ l-1991, billi ppermetta lill-uffiċjali jirtiraw it-talba tagħhom għal trasferiment, bl-unika kundizzjoni li jinkiseb il-kunsens ta’ l-istituzzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-leġiżlatur Belġjan, billi limita l-portata retroattiva ta’ l-Artikolu 194 tal-liġi ta’ l-2006 għall-1 ta’ Mejju 2004, impliċitament aċċetta li dan l-Artikolu ma kienx interpretattiv iżda wieħed li jemenda d-dispożizzjoni u li, konsegwentement, il-formulazzjoni preċedenti ta’ l-Artikolu 9 tal-liġi ta’ l-1991 ma kinitx tillimita r-revoka biss għas-sitwazzjoni fejn l-uffiċjal ma setax jibbenefika minn pensjoni ta’ l-irtirar Komunitarja.

132    Fit-tielet lok, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-formulazzjoni l-ġdida ta’ l-Artikolu 9 tal-liġi ta’ l-1991 għandha tittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, id-drittijiet ta’ l-iskemi ta’ pensjoni Belġjani setgħux jiġu affettwati mill-irtirar tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002, għandu jiġi kkonstatat li, salv għall-kontestazzjonijiet li jistgħu jsiru, jekk ikun il-każ, kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 194 tal-liġi ta’ l-2006 quddiem il-qrati kompetenti, l-Artikolu 9 tal-liġi ta’ l-1991, fil-verżjoni l-ġdida tiegħu, jipprekludi, hekk kif sostna l-Gvern Belġjan, li r-rikorrent jikseb l-irtirar tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-iskemi Belġjani ddeċidew l-ammont tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni sabiex jiġu ttrasferiti.

133    Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-irtirar tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 fih innifsu ma jistax jaffettwa d-drittijiet ta’ l-iskemi ta’ pensjoni Belġjani u li, konsegwentement, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta, kuntrarjament għal dak li ssostni, tiċħad it-talba għall-irtirar ta’ l-imsemmija deċiżjonijiet ippreżentati mill-benefiċjarju tagħhom.

134    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regoli ġenerali applikabbli għall-irtirar ta’ l-atti amministrattivi ma kinux jipprekludu lill-Kummissjoni milli tirrevoka dawn id-deċiżjonijiet.

135    B’hekk, billi kkunsidrat li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espressi tad-dritt Komunitarju li jawotrizzawha tagħmel dan, hija ma setgħetx tirtira d-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 fuq talba tal-benefiċjarju tagħhom, il-Kummissjoni interpretat ħażin il-portata tal-kompetenza mogħtija lilha mill-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kemm fil-verżjoni preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tat-22 ta’ Marzu 2004 kif ukoll f’dik li tirriżulta minn dan ir-regolament, u b’hekk ivvizzjat id-deċiżjoni kkontestata bi żball ta’ liġi.

136    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li r-rifjut li d-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002 jiġu rtirati, kif deċiż mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għad-dannu tar-rikorrent, għandu, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra tar-rikors, jiġi annullat peress li l-imsemmi rifjut huwa bbażat fuq żewġ raġunijiet ivvizzjati minn żball ta’ liġi.

 Fuq it-talbiet tar-rikorrent għall-annullament tar-rifjut tal-Kummissjoni li tawtorizza lir-rikorrent jippreżenta talba ġdida għal trasferiment

137    Billi r-rikorrent ma ressaq ebda motiv speċifiku kontra d-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi meqjus li huwa kellu l-intenzjoni jikseb l-annullament ta’ din id-deċiżjoni biss bħala konsegwenza ta’ l-annullament tar-rifjut li jiġu rtirati d-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002.

138    Il-Kummissjoni rrifjutat it-talba tar-rikorrent sabiex jiġi awtorizzat jippreżenta talba ġdida għat-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni għall-istess motivi li għalihom irrfjutat it-talba tiegħu għall-irtirar tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Awwissu 2002. Jirriżulta minn din is-sentenza li l-imsemmija motivi huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi. Isegwi minn dan li r-rifjut tal-Kummissjoni li tawtorizza lir-rikorrent jippreżenta talba ġdida għal trasferiment għandu jiġi annullat ukoll.

 Fuq l-ispejjeż

139    Hekk kif it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda fis-sentenza tiegħu tas-26 ta’ April 2006, Falcione vs Il-Kummissjoni (F‑16/05, ĠabraSP p. 1-A-1-3, II-A-1-7, punti 77 sa 86), sakemm ir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet partikolari relattivi għall-ispejjeż jidħlu fis-seħħ, għandhom jiġu applikati esklużivament ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

140    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tar-rikorrent.

141    Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(4) ta’ l-imsemmija Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Renju tal-Belġju, parti intervenjenti, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tal-25 ta’ Jannar 2005, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha flimkien ma’ dawk ta’ E. Genette.

3)      Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu.

Kreppel

Tagaras

Gervasoni

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-16 ta’ Jannar 2007.

W. Hakenberg

 

       H. Kreppel

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.