Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Marzu 2021 – Il-Parlament Ewropew vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-137/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: P. López-Carceller, J. Rodrigues, S. Alonso de León, aġenti)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tistabbilixxi li billi ma adottatx l-att delegat skont l-Artikolu 7(f) tar-Regolament 2018/1806 1 , il-Kummissjoni kisret it-Trattat;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv uniku, ibbażat fuq ksur tat-Trattati.

Skont il-Parlament, il-Kummissjoni kienet obbligata tadotta att delegat, skont l-Artikolu 7(f) tar-Regolament 2018/1806. Permezz ta’ riżoluzzjoni tat-22 ta’ Ottubru 2020, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tadotta l-att inkwistjoni. Peress li l-Kummissjoni ma adottatx l-att delegat sat-22 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament iddeċieda li jressaq rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni skont l-Artikolu 265 TFUE.

____________

1     Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU 2018, L 303, p. 39).