Language of document : ECLI:EU:T:2024:127

Kawżi T647/21 u T99/22

Sber Vermögensverwaltungs AG, li kienet Sberbank Europe AG

vs

IlBank Ċentrali Ewropew

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat28 ta’ Frar 2024

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Applikazzjoni mill-BĊE tal-interessi ta’ rkupru skont id-dritt Awstrijak fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 395 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u wara deċiżjoni li imponiet sanzjoni amministrattiva pekunjarja skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1024/2013 – Proporzjonalità”

1.      Drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Kamp ta’ applikazzjoni – Sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50; Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikolu 18)

(ara l-punti 35, 36)

2.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu Superviżorju Uniku – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Sanzjonijiet u miżuri amministrattivi oħrajn – Impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-eċċess tal-limiti applikabbli għall-iskoperturi kbar wara l-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja – Ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 575/2013, Artikolu 395(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikolu 18; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/36, Artikolu 65(1))

(ara l-punti 38 sa 42)

3.      Dritt nazzjonali – Interpretazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interpretazzjoni adottata mill-qrati tal-Istat Membru inkwistjoni – Limiti


 

(ara l-punti 58 sa 60)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Effett dirett – Supremazija – Kunflitt bejn id-dritt tal-Unjoni u liġi nazzjonali – Obbligi u setgħat tal-qorti nazzjonali adita – Obbligi u setgħat tal-qorti tal-Unjoni – Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-liġi nazzjonali


 

(ara l-punti 61 sa 63)

5.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu Superviżorju Uniku – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Setgħat ta’ superviżjoni u ta’ sanzjoni tal-awtoritajiet kompetenti – Determinazzjoni tat-tip ta’ miżura billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha – Impożizzjoni awtomatika ta’ interessi ta’ rkupru fil-każ li jinqabżu l-limiti applikabbli għall-iskoperturi kbar – Inammissibbiltà – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 575/2013, Artikolu 395(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/36, premessa 37 u Artikoli 4(1), 65(1) u 70)

(ara l-punti 64 sa 80)

6.      Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li timponi interessi ta’ rkupru – Deċiżjoni mħassra u ssostitwita fil-mori tal-kawża permezz ta’ deċiżjoni b’kontenut simili – Rikonoxximent mill-awtur tal-att imħassar li ma għadux jeżisti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni – Rikors li ma għadx għandu skop – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 83 sa 87)

Sunt

Billi laqgħet ir-rikorsi għal annullament kontra d-deċiżjonijiet adottati mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jimponu interessi ta’ rkupru abbażi tar-Regolament MSU (1) u b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, permezz ta’ żewġ sentenzi mogħtija fl-istess jum, il-Qorti Ġenerali tippreċiża ċ-ċirkustanzi li fihom huwa possibbli għaliha li tirrikorri għal interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali li jittrasponi direttiva billi tinjora l-interpretazzjoni tal-qrati nazzjonali.

Barra minn hekk, fis-sentenza Sber vs BĊE (Kawżi magħquda T‑647/21 u T‑99/22), hija tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ġdida tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem meta l-BĊE jimponi sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji skont ir-Regolament MSU, filwaqt li fis-sentenza BAWAG PSK vs BĊE (T‑667/21), hija tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar il-portata tal-kompetenza tal-BĊE skont dan l-istess regolament.

Il-kawżi jikkonċernaw żewġ istituzzjonijiet ta’ kreditu Awstrijaċi, suġġetti għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-BĊE.

Għalhekk, fil-Kawżi magħquda T‑647/21 u T‑99/22, il-BĊE impona fuq ir-rikorrenti, Sber Vermögensverwaltungs AG, sanzjoni amministrattiva pekunjarja skont ir-Regolament MSU minħabba li nqabżu l-limiti għal skoperturi kbar stabbiliti mir-Regolament Nru 575/2013 (2), kemm fuq bażi individwali kif ukoll fuq bażi kkonsolidata. Sussegwentement, abbażi tar-Regolament MSU (3) u skont il-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG (4), il-BĊE ddeċieda li jimponi fuqha interessi ta’ rkupru fuq is-somom ikkonċernati mill-imsemmija istanzi ta’ qbiż tal-limitu.

Wara opinjoni mogħtija mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-BĊE li tikkonstata l-eżistenza ta’ difetti fid-deċiżjoni inizjali tal-BĊE, fil‑21 ta’ Diċembru 2021, il-BĊE ssostitwixxa dik id-deċiżjoni b’deċiżjoni ġdida (5), filwaqt li żamm l-ammont tal-interessi ta’ rkupru. Huwa ppreċiża li, fil-każ ta’ ksur tal-obbligi ta’ stabbiliment skont ir-Regolament Nru 575/2013, l-impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru abbażi tal-BWG kienet taqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ setgħa marbuta mill-awtorità kompetenti, li ma tħallilu ebda marġni ta’ diskrezzjoni.

Permezz ta’ żewġ rikorsi separati, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla kemm id-deċiżjoni inizjali kif ukoll id-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2021, adottati mill-BĊE.

Fil-kawża T‑667/21, ir-rikorrenti, BAWAG PSK Bank für Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse AG, akkwistat indirettament portafoll ta’ self għal proprjetà immobbli residenzjali fi Franza. Dan il-portafoll ġie ttrasferit f’fond komuni mingħajr personalità ġuridika, li hija akkwistat l-ishma kollha tiegħu, u b’hekk saret il-benefiċjarju effettiv.

Wara spezzjoni fil-bini tar-rikorrenti, il-BĊE kkonstata li r-rikorrenti ma kellhiex data li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ kull wieħed mid-debituri tas-self sottostanti u li hija kienet kisret il-limitu ta’ espożizzjoni għal skoperturi kbar previst mir-Regolament Nru 575/2013 fir-rigward tal-portafoll. Għalhekk, permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2021(6), billi bbaża ruħu fuq l-istess dispożizzjonijiet leġiżlattivi bħal dawk imsemmija fil-preżentazzjoni tal-kawżi magħquda msemmija iktar ’il fuq, il-BĊE imponilha interessi ta’ rkupru. Ir-rikorrenti kkontestat dik id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

Permezz tas-sentenzi tagħha Sber vs BĊE (Kawżi magħquda T‑647/21 u T‑99/22) u BAWAG PSK vs BĊE (T‑667/21), il-Qorti Ġenerali tannulla rispettivament id-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2021 tal-BĊE li ssostitwixxiet id-deċiżjoni inizjali tagħha u dik tat‑2 ta’ Awwissu 2021, minħabba li, billi impona interessi ta’ rkupru, il-BĊE ma kienx eżamina ċ-ċirkustanzi tal-każ.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

–        Fuq lapplikazzjoni talprinċipju ta’ ne bis in idem

Il-Qorti Ġenerali tqis li l-impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru mill-BĊE skont il-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG għal aġir li diġà kien is-suġġett ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja skont ir-Regolament MSU ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

F’dan ir-rigward, hija tfakkar li l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li tipprojbixxi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali għall-istess fatti u kontra l-istess persuna, ma hijiex limitata biss għall-proċeduri u għas-sanzjonijiet li huma kklassifikati bħala “kriminali” mid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, din testendi għal proċeduri u għal sanzjonijiet li għandhom jitqiesu li għandhom natura kriminali abbażi tan-natura stess tal-ksur u tal-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li s-sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji imposti skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament MSU jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta. Hija tosserva li dawn is-sanzjonijiet huma ċarament imfassla fuq il-multi li l-Kummissjoni Ewropea tista’ timponi fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni (7) u għandhom natura u grad ta’ severità ekwivalenti. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jiġi osservat fil-proċeduri intiżi għall-impożizzjoni ta’ multi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni. Din il-klassifikazzjoni għandha, għaldaqstant, tiġi applikata b’analoġija għall-imsemmija sanzjonijiet.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li mill-ġurisprudenza tal-qrati Awstrijaċi jsegwi li l-interessi ta’ rkupru huma kklassifikati bħala miżuri prudenzjali mingħajr natura punittiva. Peress li la n-natura tal-ksur u lanqas il-grad ta’ severità tas-sanzjoni ma jwasslu sabiex l-interessi ta’ rkupru jaqgħu fil-qasam tad-dritt kriminali, l-applikazzjoni tagħhom skont il-BWG ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta. Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkonfermata mis-sentenza VTB Bank (Austria) (8), li fiha, fir-rigward tal-interessi ta’ rkupru, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreferiet il-klassifikazzjoni bħala “miżura amministrattiva” minflok dik ta’ “sanzjoni amministrattiva”.

–        Fuq ilkompetenza talBĊE sabiex jimponi interessi ta’ rkupru

Il-Qorti Ġenerali tippreċiża li l-BĊE kellu kompetenza sabiex jimponi interessi ta’ rkupru skont l-Artikolu 97 tal-BWG abbażi tar-Regolament MSU.

Qabelxejn, hija tenfasizza li, sabiex iwettaq il-kompiti prudenzjali tiegħu, il-BĊE għandu tliet kategoriji ta’ setgħat ta’ superviżjoni u ta’ investigazzjoni, jiġifieri dawk previsti mir-Regolament MSU, is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u s-setgħa li jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jużaw is-setgħat tagħhom, konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ.

Fl-analiżi tal-punt dwar jekk, f’dan il-każ, il-BĊE kellux setgħat li jappartjenu għat-tieni kategorija, jiġifieri dawk tal-awtoritajiet kompetenti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-espressjoni “skont id-dritt tal-Unjoni” ġiet interpretata bħala li tinkludi s-setgħat kollha li jirriżultaw mill-qafas ġuridiku stabbilit minn direttiva, li jirriżultaw minn obbligu jew minn possibbiltà għall-Istat Membru li jilleġiżla, għall-kuntrarju tar-rikonoxximent minn din l-istess direttiva tas-setgħa tal-Istati Membri skont id-dritt nazzjonali li jipprevedu dispożizzjonijiet iktar stretti barra mill-kuntest tas-sistema stabbilita minn din l-istess direttiva (9).

Issa, fis-sentenza VTB Bank (Austria) (10), ġie deċiż, fir-rigward ta’ verżjoni preċedenti tal-Artikolu 97 tal-BWG, li l-impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru tixbah miżura amministrattiva li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 65(1) tad-Direttiva 2013/36 (11), f’dan il-każ li tagħmel parti mill-qafas ġuridiku rilevanti. Iċ-ċirkustanza li dawn ma jissemmewx f’lista ta’ sanzjonijiet u ta’ miżuri amministrattivi oħra msemmija f’din id-direttiva hija irrilevanti, peress li din il-lista ma hijiex eżawrjenti, u din l-istess direttiva tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha li huma jqisu neċessarji sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u tar-Regolament Nru 575/2013. Il-Qorti Ġenerali tippreċiża li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li r-rekwiżiti prudenzjali minimi adottati mid-dritt tal-Unjoni kellhom jiżguraw massimu ta’ armonizzazzjoni u li, fil-każ li jinqabżu l-limiti previsti mir-Regolament Nru 575/2013, l-Istati Membri jkunu obbligati jimponu fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, mhux miżura li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali tagħhom, iżda sanzjoni amministrattiva jew miżura amministrattiva oħra fis-sens tal-Artikolu 65(1) tad-Direttiva 2013/36.

Għalhekk, iċ-ċirkustanza li l-impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru ma hijiex imsemmija fil-lista li tinsab fid-Direttiva 2013/36 ma tipprekludix li din taqa’ taħt is-sistema legali stabbilita minn din l-istess direttiva. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li din hija simili għal setgħa li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha “skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament MSU, u li, konsegwentement, għandu l-BĊE.

–        Fuq linterpretazzjoni taddritt nazzjonali

Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, billi bbaża ruħu fuq l-interpretazzjoni tal-qrati Awstrijaċi fir-rigward tan-natura awtomatika tal-impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru fil-każ li jinqabżu l-limiti għal skoperturi kbar u billi ma eżaminax iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-BĊE bbaża ruħu fuq premessa żbaljata fid-dritt, li vvizzjat l-eżami tiegħu tan-natura proporzjonata tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG.

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, meta tintalab tistħarreġ il-fondatezza tal-applikazzjoni, mill-BĊE, tad-dritt nazzjonali li jittrasponi direttiva, l-interpretazzjoni tal-qrati nazzjonali hija biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-portata tal-imsemmi dritt nazzjonali meta minnha tirriżulta konstatazzjoni ta’ kompatibbiltà mad-direttiva li hija tiżgura t-traspożizzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, meta l-interpretazzjoni tal-qrati nazzjonali ma tkunx tippermetti li tiġi żgurata l-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali ma’ direttiva, l-osservanza tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni timplika li, bħal qorti nazzjonali, il-Qorti Ġenerali tinterpreta, jekk dan ikun neċessarju, id-dritt nazzjonali sa fejn ikun possibbli fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva trasposta sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi l-obbligu li tiġi emendata, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva.

Barra minn hekk, fin-nuqqas tal-possibbiltà li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali, bħall-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu li tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, ikollha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi jekk ikun hemm bżonn tħalli mhux applikata, ipso jure, kull leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk sussegwenti, li tkun kuntrarja għal dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis, skont interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36 (12), li dan għandu jinftiehem bħala li jimplika li hija l-awtorità nazzjonali kompetenti u, konsegwentement, il-BĊE, li għandha tiddetermina t-tip ta’ miżura amministrattiva billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha, li jimplika neċessarjament l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni min-naħa tagħhom u li jeskludi li dawn ikunu f’sitwazzjoni ta’ kompetenza marbuta fir-rigward tal-applikazzjoni tal-interessi ta’ rkupru imposti skont il-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG.


1      Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63) (iktar ’il quddiem ir-Regolament MSU”).


2      Artikolu 395(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68; ĠU 2013, L 321, p. 6; ĠU 2017, L 20, p. 2; u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29).


3      Artikolu 4(1)(d) u (3), kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament MSU.


4      Bundesgesetz über das Bankwesen (Bankwesengesetz) (il-Liġi dwar is-Settur Bankarju) tat‑30 ta’ Lulju 1993 (BGBl.  532/1993), kif emendata bil-Liġi tat‑28 ta’ Mejju 2021 (BGBl.  I, 98/2021 (iktar ’il quddiem il-“BWG”).


5      Deċiżjoni ECB-SSM-2021-ATSBE-12.


6      Deċiżjoni ECB/SSM/2021-ATBAW-7-ESA-2018–0000126.


7      Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


8      Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, VTB Bank (Austria) (C‑52/17, EU:C:2018:648, punti 40 sa 42).


9      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos (C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Sentenza ċċitata iktar ’il fuq tas‑7 ta’ Awwissu 2018, punti 31 sa 44.


11      Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, ĠU 2017, L 20, p. 1, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95).


12      Moqri flimkien mal-Artikolu 4(1), l-Artikolu 65(1) u l-premessa 37 tad-Direttiva 2013/36.