Language of document : ECLI:EU:C:2020:396

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fit‑28 ta’ Mejju 2020 (1)

Kawża C134/19 P

Bank Refah Kargaran

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Appell – Rikors għad-danni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran – Artikolu 29 TUE – Artikolu 215 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għal kumpens – Kumpens għad-danni li allegatament sofra r-rikorrent bħala riżultat tal-inklużjoni ta’ ismu f’listi varji ta’ miżuri restrittivi – Possibbiltà li jinkiseb kumpens għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-proliferazzjoni tal-armi nukleari hija waħda mill-ikbar theddid tal-umanità. Fil-kuntest tal-Lvant Nofsani, f’dawn l-aħħar snin din it-theddida saret waħda partikolarment akuta. Għal dan il-għan, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Ewropea nnifisha fittxew, permezz ta’ ċerti miżuri restrittivi (jew sanzjonijiet) li jiddisswadu lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran milli tieħu miżuri li jistgħu jippermettu lil dan l-Istat jiżviluppa sistemi ta’ armi nukleari. Dan huwa l-isfond ġenerali ta’ din il-kawża.

2.        Permezz tal-appell tiegħu, Bank Refah Kargaran jitlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill (T‑552/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, mhux ippubblikata, EU:T:2018:897), li permezz tagħha il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-kumpens tad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba l-inklużjoni ta’ ismu fid-diversi listi ta’ miżuri restrittivi. Dan l-appell iqajjem kwistjonijiet diffiċli fuq l-interpretazzjoni tat-Trattat dwar il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistħarreġ id-deċiżjonijiet meħuda fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni u, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk id-danni jistgħux jingħataw meta deċiżjoni li tipprevedi miżuri restrittivi kontra persuna fiżika jew ġuridika li kienet ġiet adottata mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V TUE tkun ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 275 TFUE.

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

3.        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif spjegati fil-punti 1 sa 13 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

4.        Kif għadni kif indikajt, it-tilwima sseħħ fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran. Dawn il-miżuri kienu u huma mfassla sabiex jagħmlu pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex twaqqaf ċerti attivitajiet li jistgħu jippreżentaw riskju reali ta’ proliferazzjoni nukleari u sabiex twaqqaf l-iżvilupp minn dan l-Istat ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari.

5.        Fis‑26 ta’ Lulju 2010, l-isem tar-rikorrent, bank Iranjan, ġie inkluż fil-lista tal-entitajiet involuti fil-proliferazzjoni nukleari li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas‑26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (2). Dawn il-miżuri ttieħdu fuq il-bażi li dan il-bank allegatament kien ħa f’idejh ċerti tranżazzjonijiet finanzjarji ta’ istituzzjoni finanzjarja Iranjana importanti oħra, Bank Melli, wara l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra tali istituzzjoni finanzjarja.

6.        Għall-istess raġunijiet, isem ir-rikorrent ġie inkluż ukoll fil-lista li tinsab fl-Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2008, L 335M, p. 969). Dawn il-miżuri restrittivi kontra l-Bank Refah inżammu permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas‑26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2010, L 195, p. 25).

7.        Wara li r-Regolament Nru 423/2007 tħassar permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal‑25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (3), isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness VIII ta’ dan l-aħħar regolament.

8.        Permezz tad-Deċiżjoni 2010/644/PESK (4), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea żamm isem ir-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 (5).

9.        L-isem tar-rikorrent inżamm ukoll fil-lista tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011 tal‑1 ta’ Diċembru 2011 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2011, L 319, p. 11).

10.      Peress li r-Regolament Nru 961/2010 kien tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat‑23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2012, L 88, p. 1), isem ir-rikorrent ġie inkluż mill-Kunsill fl-Anness IX ta’ dan l-aħħar regolament. Il-motivazzjoni tal-elenkar tar-rikorrent hija identika għal dik imsemmija fid-Deċiżjoni 2010/413.

11.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Jannar 2011, l-applikant ippreżenta rikors intiż għal, inter alia, annullament tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh. Sussegwentement, ir-rikorrent adatta t-talbiet tiegħu sabiex jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni 2011/783, Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent.

12.      Fil-punt 83 tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill (T‑24/11, EU:T:2013:403, iktar ’il quddiem is-“sentenza ta’ annullament”), il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni motiv imqajjem mir-rikorrent, sa fejn invoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista, l-ewwel nett, fl-Anness II kif jirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644, u sussegwentement mid-Deċiżjoni 2011/783, it-tieni nett, fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 (kif emendat b’mod partikolari bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011) u, it-tielet nett, fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012. Sabiex waslet għal din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali ma qisitx li kien neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti u l-motivi l-oħra mressqa mir-rikorrent.

13.      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data tal-iskadenza tat-terminu tal-appell imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-imsemmi Statut jew, jekk jiġi ppreżentat appell f’dan it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tal-appell. il-Qorti Ġenerali għalhekk, iddeċidiet li, sabiex id-dati tal-effett tal-annullament tal-inklużjoni ta’ kull elenkar fil-lista jkunu l-istess, l-effetti tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2010/644 u sussegwentement mid-Deċiżjoni 2011/783 kellhom jinżammu fir-rigward tar-rikorrent sakemm l-annullament tal-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 daħal fis-seħħ ukoll fl-istess ħin.

14.      F’fażi suċċessiva, l-isem tar-rikorrent ġie mbagħad inkluż mill-ġdid fil-lista ta’ miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK tal‑15 ta’ Novembru 2013 (6). L-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni ippreċiżat li ser tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fis‑16 ta’ Novembru 2013.

15.      L-isem tar-rikorrent ġie sussegwentement inkluż fil-lista fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 permezz tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013 tal‑15 ta’ Novembru 2013 (7). Dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni daħal fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali, li seħħ ukoll fis‑16 ta’ Novembru 2013. Fl-Anness IX, il-motiv segwenti ġie ddikjarat fir-rigward tar-rikorrent:

“Entità li tipprovdi appoġġ lill-Gvern tal-Iran. Tappartjeni 94 fil-mija lill-Iranian Social Security Organisation, li min-naħa tagħha hija kkontrollata mill-Gvern tal-Iran, u tipprovdi servizz bankarji lill-ministeri tal-gvern.”

16.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrent ippreżenta rikors intiż, inter alia, għall-annullament tad-Deċiżjoni 2013/661 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1154/2013, sa fejn dawn il-miżuri jikkonċernawh. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz tas-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill (T‑65/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:692). Din it-tieni sentenza tal-Qorti Ġenerali ma ġietx appellata.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

17.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrent ppreżenta rikors għad-danni. Huwa talab lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Unjoni tikkumpensah għad-dannu li jirriżulta mill-adozzjoni u miż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni sakemm ġew annullati permezz tas-sentenza appellata, billi tħallsu s-somma ta’ EUR 68 651 318, flimkien mal-interessi legali, fir-rigward ta’ dannu materjali, u s-somma ta’ EUR 52 547 415, flimkien mal-interessi legali, fir-rigward ta’ dannu morali. Sussidjarjament, ir-rikorrent talab lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkunsidra li s-somom kollha jew parti minnhom mitluba bħala danni morali għandhom jiġu kkunsidrati bħala dannu materjali.

18.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni applikat sabiex tintervjeni fil-kawża insostenn tal-insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Frar 2016, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. Il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dik in-nota fit-termini preskritti (8).

19.      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tad‑19 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrent ġie mistieden jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari fuq l-argument tal-Kunsill, espost fil-punt 4 tal-kontroreplika, li l-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors intiż għall-kumpens fir-rigward tad-Deċiżjonijiet 2010/413, 2010/644 u 2011/783. Ir-risposti għad-domandi tar-rikorrent waslu fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Ottubru 2018.

20.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 25 sa 32, dwar il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex teżamina rikors intiż għall-kumpens għad-danni allegatament subiti bħala riżultat tal-miżuri restrittivi. Wara eżami tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, hija kkonkludiet li l-effett ikkombinat tal-Artikolu 24(1) TUE, tal-Artikolu 40 TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE kien ifisser li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni intiż għall-kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba t-teħid ta’ deċiżjonijiet adottati fil-kuntest tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) skont l-Artikolu 29 TUE, bħad-Deċiżjonijiet 2010/413, 2010/644 u 2011/783. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba għal kumpens għad-dannu allegatament subit minn persuna jew entità minħabba miżuri restrittivi adottati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, bħall-miżuri individwali li jinsabu fir-Regolamenti Nri 961/2010 u 267/2012 kif ukoll fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, meħuda kontra r-rikorrent.

21.      Fir-rigward tas-sustanza tat-talba, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 34 u 35 tas-sentenza kkontestata, li għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet sabiex l-Unjoni Ewropea tidħol fir-responsabbiltà mhux kuntrattwali: għandu jiġi stabbilit aġir illegali li jikkonsisti fi ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt “intiża li tagħti drittijiet lill-individwi”, dannu reali għandu jkun subit mir-rikorrent u għandu jkun hemm rabta kawżali bejn l-aġir allegat fl-ilment u d-dannu allegat.

22.      Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 42 et seq., it-tliet argumenti tar-rikorrent imressqa sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali ksur.

23.      Fir-rigward tal-ewwel argument, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ksur serju ta’ dispożizzjoni legali minħabba l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ikkonstatat fis-sentenza tal-annullament, il-Qorti Ġenerali ċaħditu abbażi tal-fatt li l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni x’aktarx ma setax jikkostitwixxi motiv ta’ responsabbiltà min-naħa tal-Unjoni.

24.      Fir-rigward tat-tieni argument, li ġie identifikat mill-Qorti Ġenerali bħala li huwa bbażat fuq il-fatt li, fis-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kunsill kien kiser id-drittijiet tad-difiża u d-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiegħu, il-Qorti Ġenerali ċaħditu minħabba li, f’dik is-sentenza, id-deċiżjonijiet kontenzjużi ġew annullati biss minħabba l-eżistenza tal-ksur tad-dmir ta’ motivazzjoni, mingħajr ma eżaminat il-motivi mqajma mill-appellanti bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u ta’ dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiegħu.

25.      Permezz tat-tielet argument tagħha, ir-rikorrent jsostni li l-Kunsill ma applikax il-kriterju li huwa jallega li applika sabiex jiġġustifika l-inklużjoni tar-rikorrent. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-ilment bħala inammissibbli, peress li tqajjem tardivament. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, l-argumenti msemmija fir-rikors kienu bbażati biss fuq l-illegalità kkonstatata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza ta’ annullament, b’tali mod li dan it-tielet argument, li kien imsemmi għall-ewwel darba fil-kontroreplika tar-rikorrent, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala amplifikazzjoni tal-argumenti esposti fir-rikors.

26.      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ewwel kundizzjoni meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ aġir illegali f’isem il-Kunsill ma kinitx issodisfatta f’dan il-każ. Il-Qorti Ġenerali għalhekk, ċaħdet ir-rikors mingħajr ma eżaminat iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra neċessarji sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għall-finijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

IV.    L-Appell

A.      Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

27.      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla parzjalment is-sentenza appellata;

–        fil-kawża prinċipali, tagħtih id-danni għad-dannu materjali fl-ammont ta’ EUR 68 651 318 u għad-dannu morali fl-ammont ta’ EUR 52 547 415;

–        sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż tal-kawża taż-żewġ istanzi.

28.      Il-Kunsill u l-Kummissjoni, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell; u

–        tikkundanna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

B.      Sommarju tal-motivi tar-rikorrent

29.      Insostenn tal-appell tiegħu, ir-rikorrent jqajjem seba’ aggravji li jistgħu jinġabru fil-qosor bħala li huma bbażati, essenzjalment, fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet:

–        żball ta’ liġi meta kkonstatat li ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma kienx jikkostitwixxi bażi għar-responsabbiltà min-naħa tal-Unjoni (l-ewwel aggravju);

–        żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-fatt li rikorrent, li kien vittma ta’ sanzjoni illegali adottata mill-Kunsill, ikun ippreżenta rikors u kiseb l-annullament ta’ din is-sanzjoni, ma tistax imbagħad tinvoka l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (it-tieni aggravju);

–        żball ta’ liġi meta ċaħdet motiv espost mir-rikorrent fir-replika mingħajr ma ddeterminat, kif teħtieġ il-ġurisprudenza, jekk il-motiv espost fil-kontroreplika kienx riżultat tal-iżvilupp normali tal-argumenti li jirriżultaw mir-rikors ġudizzjarju (it-tielet aggravju);

–        żball ta’ liġi meta interpretat b’mod żbaljat is-sentenza ta’ annullament, u meta ddeċidiet li l-konstatazzjoni li l-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu li jikkomunika lir-rikorrent il-provi użati kontrih fir-rigward tal-motivazzjoni għall-miżuri relatati mal-iffriżar ta’ fondi ma jikkostitwixxix ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni (ir-raba’ u l-ħames aggravju);

–        rappreżentazzjoni ħażina tar-rikors meta, sabiex tikkonkludi li l-argument tar-rikorrent kien inammissibbli, hija kkunsidrat li r-rikorrent ma kienx allega, fl-istadju tar-rikors tiegħu, l-illegalità tal-fatt li r-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ ismu fil-lista tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi ma kinux josservaw il-kriterju applikati mill-Kunsill (is-sitt aggravju);

–        rappreżentazzjoni ħażina tar-rikors billi tillimita l-motivi ta’ illegalità invokati mir-rikorrent għall-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni biss (is-seba’ aggravju).

30.      Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, nipproponi li l-Konklużjonijiet tiegħi fl-ewwel istanza jiġu ffokati fuq il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni, jiġifieri dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, kif għamlet, dwar il-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward ta’ miżuri restrittivi. Għall-kumplament, ser neżamina biss l-ewwel motiv li permezz tiegħu ir-rikorrent isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, f’dan il-każ, li ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma jistax jagħti lok għal dritt għal kumpens, peress li l-motivi l-oħra huma intiżi, essenzjalment, sabiex tiġi evitata din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali.

V.      Analiżi

A.      Fuq il-ġurisdizzjoni tal-ġudikatura tal-Unjoni Ewropea sabiex tagħti kumpens abbażi ta’ miżuri restrittivi

1.      Dwar jekk il-Qorti Ġenerali tistax tqajjem din il-kwistjoni ex officio

31.      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fl-appell tiegħu, ir-rikorrent ma kkontestax il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tagħha. Madankollu, minħabba li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku, tali kwistjoni tista’ tiġi eżaminata f’kull mument tal-proċedimenti, anki ex officio, mill-Qorti tal-Ġustizzja (9).

32.      Peress li l-ġudikatura tal-Unjoni Ewropea hija marbuta bil-prinċipju ta’ kontradittorju, tali eżami jeħtieġ, madankollu, li l-partijiet ikunu ġew informati li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tikkunsidra li tqajjem ex officio tali kwistjoni u li huma kellhom il-possibbiltà li jiddiskutuha. Dawn ir-rekwiżiti ġew issodisfatti f’dan il-każ.

33.      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Diċembru 2019, il-partijiet ġew mistiedna jesprimu ruħhom, waqt is-seduta, fuq il-kwistjoni dwar jekk il-qrati tal-Unjoni Ewropea għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talba tar-rikorrent intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba miżuri restrittivi previsti minn deċiżjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-PESK. Huma ġew mistiedna wkoll jieħdu pożizzjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tqajjem din il-kwistjoni ex officio.

34.      Minn dan isegwi li, l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk hija tqis li huwa xieraq, teżamina ex officio l-kwistjoni dwar jekk il-qrati tal-Unjoni Ewropea għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq rikors għad-danni intiż għall-kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba deċiżjoni li timponi miżuri restrittivi adottata fil-kuntest tal- PESK.

2.      Fuq il-mertu

35.      Qabel ma jiġi eżaminat il-mertu tal-kwistjoni, jidher li huwa opportun, preliminarjament, li tiġi deskritta dik li tidher li hija l-prassi ġenerali tal-Kunsill fil-qasam tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, kif ukoll li teżamina l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tagħha dwar dawn il-kwistjonijiet.

36.      Il-miżuri restrittivi huma adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament, skont l-Artikolu 29 TUE. Dawn il-miżuri, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, jinkludu dispożizzjonijiet ġenerali li jistgħu, pereżempju, ikunu intiżi sabiex jirrestrinġu l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ ċerta merkanzija lejn u minn stati speċifiċi. Tali miżuri jistgħu wkoll jieħdu l-forma ta’ projbizzjonijiet speċifiċi indirizzati lejn kategorija ta’ destinatarji li huma intiżi, fil-fatt, sabiex jipprevjenu lil tali persuni milli jinnegozjaw jew jirċievu merkanzija jew servizzi fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

37.      Għal dan il-għan, il-miżuri restrittivi jippreċiżaw taħt liema kundizzjonijiet persuna tista’ tkun inkluża u tibqa’ f’dawn l-annessi. Dawn id-Deċiżjonijiet meħuda abbażi tal-Artikolu 29 jistgħu jinkludu wkoll serje ta’ deċiżjonijiet individwali li jieħdu l-forma ta’ Anness li jinkludi lista ta’ persuni, korpi jew entitajiet identifikabbli, u r-raġunijiet għaliex il-Kunsill jikkunsidra li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-kriterji ġenerali li jkunu hekk elenkati (10).

38.      Miżuri restrittivi adottati skont id-Deċiżjoni tal-Artikolu 29 TUE għandhom ikunu, għalhekk, ta’ natura partikolari peress li jixbhu kemm atti b’portata ġenerali (sa fejn jipprojbixxu lil kategorija ta’ destinatarji ddeterminati b’mod ġenerali u astratt, inter alia, milli jqiegħdu fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom ikun jinsab fil-listi li jinsabu fl-annessi tagħhom) u kif ukoll sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali fir-rigward ta’ dawn il-persuni u entitajiet indikati (11).

39.      Madankollu, dawn id- Deċiżjonijiet meħuda abbażi tal-Artikolu 29 japplikaw biss għall-Istati Membri u ma jipproduċux effetti sa fejn terzi partijiet huma involuti. Konsegwentement, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha (12), il-prassi tal-Kunsill hija wkoll li tadotta regolamenti b’mod parallel skont l-Artikolu 215 TFUE. Dawn ir-regolamenti jirriproduċu, b’mod ġenerali, it-test tad-Deċiżjonijiet meħuda abbażi tal-Artikolu 29 (13). Għal dan il-għan, il-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u jinforma lill-Parlament Ewropew. Fil-każ, pereżempju, ta’ emenda tal-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi, isiru emendi paralleli fid-Deċiżjonijiet meħuda abbażi tal-Artikolu 29 u fir-regolament magħmul skont l-Artikolu 215 TFUE.

40.      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ma hemm ebda dubju li d-deċiżjonijiet individwali li jsemmu u jżommu ċerti persuni fil-listi li jinsabu fl-annessi ta’ dawn ir-regolamenti magħmula skont l-Artikolu 215 TFUE jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kawża għad-danni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, meta dan ir-regolament stess ġie annullat jew jekk ġie kkonstatat li ġie applikat b’mod ħażin.

41.      Sal-lum, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-ġudikatura tal-Unjoni Ewropea sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors intiż għall-kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet meħuda abbażi tal-Artikolu 29 TUE, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, f’din il-kawża u oħrajn simili, li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni f’dan il-qasam (14).

42.      Skont il-linja ta’ ġurisprudenza attwali tal-Qorti Ġenerali, li ġiet miġbura fil-qosor fil-punti 30 u 31 tas-sentenza appellata, skont is-sitt sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-qrati tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx, fil-prinċipju, ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar il-PESK u l-atti legali adottati abbażi tagħhom (15). Huwa biss eċċezzjonalment, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, li l-qrati tal-Unjoni Ewropea għandhom xi ġurisdizzjoni fil-qasam tal-PESK. Din il-ġurisdizzjoni tinkludi, minn naħa, l-monitoraġġ tal-konformità mal-Artikolu 40 TUE u, min-naħa l-oħra, ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni jew entitajiet, skont il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fir-rigward tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fil-kuntest tal-PESK.

43.      B’mod kritiku, madankollu, il-Qorti Ġenerali tinterpreta t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE ma jagħti l-ebda ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Unjoni Ewropea sabiex jisimgħu u jiddeterminaw kwalunkwe rikors għad-danni (16). Għalhekk, rikors għad-danni li jfittex kumpens fir-rigward tad-dannu allegatament subit bħala riżultat ta’ att adottat fil-qasam tal-PESK ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti (17). Il-ġudikatura tal-Unjoni għandha biss il-ġurisdizzjoni li tisma’ talba għal kumpens għad-danni allegatament subit minn persuna jew entità bħala riżultat tal-operazzjoni ta’ miżuri restrittivi adottati fir-rigward ta’ dik il-persuna jew entità, skont l-Artikolu 215 TFUE peress li din l-aħħar dispożizzjoni ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet tal-PESK tat-Trattati (18).

44.      Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali tqis li, minkejja li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba għal kumpens minn persuna jew entità għal kull dannu allegat subit minħabba l-miżuri restrittivi adottati fir-rigward ta’ tali persuna jew entità f’deċiżjoni adottata skont id-dispożizzjonijiet dwar il-PESK (bħall-Artikolu 29 TUE), hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din l-istess talba, sa fejn hija intiża għall-kumpens għad-dannu li din il-persuna jew entità allegatament ġarrbet minħabba l-implimentazzjoni ta’ dawn l-istess deċiżjonijiet, fejn dan sar permezz ta’ regolament skont l-Artikolu 215 TFUE (19).

45.      F’kull kunsiderazzjoni ta’ din il-kwistjoni ta’ kompetenza importanti teħtieġ l-ewwel nett l-eżami tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

46.      Għalkemm l-Artikolu 19 TUE jagħti lill-Qrati tal-Unjoni l-missjoni li “(jiżguraw) li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati”, kemm l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jindikaw espressament li, fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK u lanqas “fir-rigward ta’ l-atti adottati abbażi tagħhom” (20).

47.      F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Wahl fil-Konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża H vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑455/14 P, EU:C:2016:212, punt 2), dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat jirriflettu prattiki stabbiliti sew tal-qrati nazzjonali dwar deċiżjonijiet ta’ politika estera meħuda mill-gvernijiet tal-Istati Membri rispettivi. Din id-deferenza tradizzjonali għall-eżekuttiv fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali deċiżjonijiet tista’ tiġi ġġustifikata minn diversi raġunijiet differenti. Ħafna minn dawn id-deċiżjonijiet — li jinvolvu, pereżempju, kwistjonijiet ta’ rikonoxximent tal-Istat jew ta’ risposta xierqa għal azzjonijiet mhux rispettużi ta’ Stat barrani, biex ma nsemmux kwistjonijiet bħall-użu ta’ persunal militari — jinvolvu kwistjonijiet politiċi u diplomatiċi ta’ livell għoli, li min-natura tagħhom ma jistgħux jiġu riżolti ġudizzjarjament. Id-deċiżjonijiet dwar tali suġġetti b’mod frekwenti ma jimplikawx l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni politika mill-gvernijiet tal-Istati Membri u li fir-rigward tagħhom huwa importanti li l-poteri eżekuttivi u ġudizzjarji tagħha ma jitkellmux bid-diskrepanza. Barra minn hekk, id-domandi magħmula fil-qasam tal-affarijiet barranin ta’ spiss ma jkunux riżolti faċilment permezz tal-applikazzjoni ta’ prinċipji legali konvenzjonali jew permezz tal-użu ta’ rimedji ġudizzjarji standard ta’ tfittxija tal-fatti, ta’ prova u ta’ evalwazzjoni ġuridika tal-provi (21).

48.      Issa, dan ma huwiex veru fir-rigward tad-deċiżjonijiet kollha li jinvolvu kwistjonijiet ta’ politika estera. B’mod partikolari, kull deċiżjoni li ddaħħal l-isem ta’ persuna fiżika jew ġuridika f’lista ta’ miżuri restrittivi hija suxxettibli li tiġi mistħarrġa għal raġunijiet legali standard bħalma huma r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, is-sentenza ta’ annullament preċedenti li hija l-bażi ta’ din il-kawża hija bil-mod tagħha xhieda tal-mod li bih dan it-tip speċifiku u partikolari ta’ deċiżjonijiet ta’ politika estera jista’ effettivament ikun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

49.      Kif għadni kif indikajt, din il-loġika tispjega b’mod ċar dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat f’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet tal-PESK. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-atti adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet PESK huma, fil-prinċipju, intiżi biss sabiex jittraduċu deċiżjonijiet ta’ natura purament politika marbuta mal-implimentazzjoni tal-PESK li fir-rigward tagħhom huwa diffiċli li l-istħarriġ ġudizzjarju jiġi rrikonċiljat mas-separazzjoni tas-setgħat. Għalhekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża H vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, l-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ kwistjonijiet tal-PESK iseħħ “biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali” (22).

50.      Madankollu, huwa importanti wkoll li jitfakkar li mhux l-atti kollha adottati fil-kuntest tal-PESK huma esklużi mill-ambitu tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja permezz tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

51.      L-ewwel nett, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, l-esklużjoni espliċita prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet għandha x’taqsam biss mal-atti adottati abbażi ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 23 sa 46 TUE jew skont att li jkun hu nnifsu adottat abbażi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

52.      It-tieni nett, indipendentement mill-bażi legali tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċerti atti ma humiex, min-natura tagħhom stess, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju permezz tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, iddeċidiet li hija kellha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-validità ta’ atti ta’ ġestjoni tal-persunal, li huma simili għad-deċiżjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, bħal miżuri ta’ riallokazzjoni (23).

53.      It-tielet nett, peress li l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275TFUE, idaħħlu deroga għar-regola tal-ġurisdizzjoni ġenerali li l-Artikolu 19 TUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiżguraw l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattati u, għaldaqstant, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (24). Konsegwentement, fejn att huwa suġġett għall-applikazzjoni tar-regoli stipulati fit-TFUE, bħad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tal-akkwist pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet il-ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika dawk ir-regoli (25).

54.      Ir-raba’ nett, it-Trattati stess jidentifikaw żewġ sitwazzjonijiet fir-rigward tal-PESK li fihom il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni Ewropea ġiet espressament irrikonoxxuta. Fil-fatt, kemm l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE kif ukoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jipprevedu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex timmonitorja r-rispett tal-Artikolu 40 TUE, jiġifieri sabiex tistħarreġ jekk att ġiex adottat b’osservanza tal-proċeduri u tas-setgħat tal-istituzzjonijiet previsti mit-Trattati (26).

55.      Barra minn hekk, permezz tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, it-Trattati espressament jattribwixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jipprevedu l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

56.      Fir-rigward ta’ din it-tieni eċċezzjoni, jekk l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, din l-aħħar dispożizzjoni tippreċiża wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex teżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jipprevedu l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati “skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 (TFUE)”.

57.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 70 tas-sentenza Rosneft li din ir-riferenza għall-“kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE” għandha tinftiehem bħala li ma tirreferix għat-“it-tip ta’ proċedura li fil-kuntest tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ il-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet, iżda t-tip ta’ deċiżjonijiet li l-legalità tagħhom tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ kull proċedura li għandha l-għan ta’ tali stħarriġ ta’ legalità” (27). Għaldaqstant, peress li l-istess tip ta’ deċiżjonijiet jistgħu jkunu suġġetti għal rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità jew għal rikors għal annullament (28) u peress li dawn iż-żewġ proċeduri għandhom bħala l-għan tagħhom l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ dik id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li hija kellha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar il-validità ta’ miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi (29).

58.      Għalhekk, mill-formulazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jirriżulta b’mod ċar li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-legalità ta’ miżuri restrittivi hija biss fir-rigward ta’ rikorsi “mressqa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 (TFUE)”.

59.      Minn perspettiva, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, limitata għas-sempliċi eżami tal-legalità tal-miżuri restrittivi imposti fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-kuntest ta’ rikors għal annullament skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Minn din il-perspettiva, din il-ġurisdizzjoni ma testendix għal ebda talba għad-danni konsekuttivi jew konnessi. Wara kollox, hemm ġurisprudenza stabbilita li tgħid li rikors għad-danni ma huwiex, parti mis-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-Unjoni (30). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza Lütticke vs Il-Kummissjoni (31), “ir-rikors għad-danni […] ġie stabbilit […] bħala rikors awtonomu bl-għan speċifiku li jiddistingwih fil-qasam ta’ rimedji ġuridiċi u suġġetta għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tiegħu” (32) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

60.      B’mod iktar espliċitu, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li “r-rikors għad-danni huwa differenti minn talba għal annullament sa fejn ma huwiex intiż għat-tneħħija ta’ miżura partikolari, iżda għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn istituzzjoni. Il-prinċipju ta’ l-awtonomija ta’ rikors għad-danni huwa ġġustifikat mill-fatt li l-għan ta’ tali rikors huwa differenti minn dak ta’ rikors għall-annullament.” (33). Ma’ dan, wieħed jista’ jżid li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE hija suġġetta għal kundizzjonijiet li huma differenti minn dawk stipulati fl-Artikolu 263 TFUE. B’mod partikolari, sabiex ikun hemm lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea, ir-rikorrent mhux biss għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur ta’ regola tad-dritt, iżda wkoll li dan il-ksur huwa serju li jinvolvi regola intiża li tagħti drittijiet lill-individwi u barra minn hekk li huwa jew hija jsofri dannu li jirriżulta minn dan il-ksur (34). Fi kliem ieħor, anki fil-każ fejn illegalità tkun ġiet stabbilita b’mod ċar wara rikors ta’ suċċess għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ma hemmx dritt awtomatiku għal kumpens.

61.      Fl-istess ħin, għalkemm il-fedeltà għat-test stess tat-Trattat hija partikolarment importanti – mhux l-inqas fil-kuntest ta’ limitazzjonijiet ta’ kompetenza bħal f’dan il-każ – l-Artikolu 275 TFUE ma jistax madankollu jiġi interpretat letteralment mingħajr devjazzjoni. It-Trattat kollu għandu, wara kollox, jinqara b’mod ħolistiku u armonjuż, b’tali mod li l-elementi marbuta miegħu jwasslu għal riżultat li jiżgura adattament żgħir tad-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Rosneft, fil-punt 78, “il-koerenza neċessarja” (35) li hija inerenti f’kull sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

62.      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi nnotat li, sa fejn il-Kunsill jaġixxi permezz ta’ -regolament skont l-Artikolu 215 TFUE, għalhekk f’dawn il-każijiet fejn il-partijiet rilevanti tar-regolament ġew annullati jew applikati b’mod żbaljat, id-danni jistgħu jingħataw, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fejn kien hemm ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt li, min-naħa tagħha, ikkawżat dannu b’mod dirett. Dan, wara kollox, huwa dak li ġara f’Safa Nicu Sepahan, fejn ingħataw danni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, wara n-nuqqas ta’ provi mill-Kunsill li l-kumpannija rikorrent kienet issodisfat tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Regolamenti rilevanti li tipprevedi miżuri restrittivi, u meta, f’dawn iċ-ċirkustanzi, irriżulta li kien hemm ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt bħal dawk li jikkawżaw telf u dannu lir-rikorrent.

63.      Għalhekk, wieħed jista’ jistaqsi: għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ikollha ġurisdizzjoni sabiex tagħti d-danni meta d-deċiżjoni inkwistjoni tal-PESK dwar il-miżuri restrittivi tkun ġiet adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V TUE, u fl-istess ħin tgawdi din il-ġurisdizzjoni meta l-Kunsill adotta wkoll regolament (bħalma invarjabbilment jagħmel) skont l-Artikolu 215 TFUE, li għall-għanijiet u l-finijiet kollha sempliċement irriproduċa d-deċiżjoni inizjali ta’ miżuri restrittivi? Huwa diffiċli li tiġi evitata l-konklużjoni li tali sitwazzjoni twassal sempliċement għal anomaliji indifensibbli, li jkunu impossibbli li jiġu ġġustifikati. Dan kollu jwassal għal sitwazzjoni b’tali mod li s-sistema ta’ rimedji prevista mit-Trattati fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri restrittivi tkun nieqsa mill-koerenza neċessarja.

64.      F’dan ir-rigward, ma naħsibx li wieħed jista’ jaqbel mal-pożizzjoni espressa mill-Kunsill li n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni kemm min-naħa tal-Qorti Ġenerali kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni individwali meħuda abbażi tal-Artikolu 29 TUE hija kontrobilanċjata bl-eżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji oħra, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors bil-mod bħal fi Francovich (36) kontra Stati Membri individwali minħabba miżuri nazzjonali adottati skont din id-deċiżjoni. It-tweġiba l-iktar evidenti għal dan l-argument hija li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 29 TUE, l-Istati Membri huma obbligati li jeżegwixxu kull deċiżjoni adottata skont din id-dispożizzjoni. Fi kwalunkwe pożizzjoni dwar id-duttrina fi Francovich, Stati Membri individwali ma jistgħux jinżammu responsabbli għad-danni kkawżati permezz ta’ miżura nazzjonali meħuda sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ tali deċiżjoni, peress li kwalunkwe illegalità eventwali li tikkawża d-dannu ma tistax tiġi imputata lilhom.

65.      F’dan ir-rigward, huma importanti li jitfakkar ukoll dak li qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Rosneft, fil-punti 72 sa 74 tas-sentenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Unjoni kienet ibbażata fuq l-istat tad-dritt u li l-eżistenza nnifisha ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv “intiż li jiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza tal-Istat tad-dritt”. Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tgħid li filwaqt li l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea “ma jistax joħloq kompetenza għall-Qorti tal-Ġustizzja meta t-trattati jeskluduha”, il-prinċipju ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv “jimplika madankollu li l-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PESK tkun interpretata b’mod restrittiv”.

66.      Jekk nerġgħu lura għall-formulazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, inqis li l-aħjar interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ta’ esklużjoni hija li l-awturi kellhom f’moħħhom li— għal raġunijiet li jinftiehmu ħafna — jeskludu sempliċement il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ġeneralità tal-atti tal-PESK, bl-eċċezzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet relatati mal-miżuri restrittivi. Peress li rikors għad-danni ma ġiex eskluż fir-rigward tal-atti adottati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE fil-kuntest tal-istess kwistjoni, għandu jiġi ddubitat jekk fil-fatt l-awturi kellhomx l-intenzjoni li jeskludu rikors għad-danni li jirriżulta jew li hu strettament marbut mal-azzjoni għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE fir-rigward ta’ tali miżuri restrittivi. B’mod partikolari, l-intenzjoni tal-awturi li possibbilment kienet li jipprekludu li rikorrent li rebaħ talba għal annullament fejn jitlob id-danni fir-rigward ta’ dak li seta’ jirriżulta li kien ksur serju ħafna ta’ regola tad-dritt.

67.      Kull konklużjoni oħra twassal, kif indikajt, għal anomaliji indifensibbli li mhux biss ikunu kuntrarju tal-prinċipji fundamentali relatati mal-protezzjoni tal-istat tad-dritt – li huwa stess huwa l-prinċipju fundatur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea– iżda wkoll jippreġudikaw l-effettività, kif ukoll il-koerenza neċessarja tas-sistema tar-rimedji previsti mit-Trattati.

68.      Għaldaqstant, minn dan isegwi li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, obbligata li tinterpreta l-kliem xott tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE b’mod deċiżament letterali u irriversibbli. Fil-fehma tiegħi, hija awtorizzata tinterpreta t-Trattati b’mod olistiku u armonjuż, b’attenzjoni partikolari, jekk ikun il-każ, għall-funzjonament tal-Artikolu 215 TFUE.

69.      Huwa veru li kemm l-Artikolu 24 TUE kif ukoll l-Artikolu 275 TFUE jsemmu stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet, iżda sa fejn ir-riferiment għall-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 (37) huwa kkonċernat, dawn it-termini għandhom jinftiehmu b’mod ġenerali, b’riferiment għat-tipi ta’ deċiżjonijiet li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju tal-ġudikatura tal-Unjoni Ewropea u mhux għal proċedura partikolari ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

70.      Fi kwalunkwe każ, anki jekk ir-rikors għal annullament u r-rikors għad-danni ma jsegwux l-istess għanijiet b’tali mod li, fil-kuntest ta’ dan tal-aħħar, “il-ksur ta’ regola tad-dritt” ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex jagħti lok għar-responsabbiltà, xorta jibqa’ l-fatt li stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni li tikkawża d-dannu allegat huwa madankollu meħtieġ bħala pass proċedurali fl-evalwazzjoni tal-mertu ta’ kwalunkwe azzjoni għal responsabbiltà (38). Ċertament, l-eżistenza ta’ illegalità fiha nnifisha ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, iżda bħal, f’rikors għal annullament, ċerti difetti jistgħu ma jwasslux għall-annullament tad-deċiżjoni (39).

71.      Għalhekk, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni li huwa direttament marbut jew aċċessorju għal rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE meħud fir-rigward tal-legalità tal-miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V TUE u li, fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, tali ġurisdizzjoni ma hijiex eskluża mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

72.      Issa ser neżamina l-mertu tal-ewwel motiv tar-rikorrent.

B.      Fuq l-ewwel motiv

73.      Skont il-kundizzjonijiet żviluppati fi Francovich (40) — li tapplika b’analoġija (41) — sabiex jagħtu lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE fir-rigward tal-aġir illegali tal-istituzzjonijiet tagħha, għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. Dawn huma, l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt li hija intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, it-tieni nett, in-natura reali tad-dannu u, it-tielet nett, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu li għandu l-awtur tal-fatt u d-dannu subit mill-persuni leżi (42).

74.      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, li hija dik inkwistjoni f’dan l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt intiża li tagħti drittijiet lil persuni jew lil entitajiet meta l-ksur huwa wieħed li jimplika li l-istituzzjoni kkonċernata, injorat b’mod manifest u gravi, l-limiti imposti fuq id-diskrezzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huma, inter alia, il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, iċ-ċarezza u l-preċiżjoni tar-regola miksura u l-miżura ta’ diskrezzjoni li din ir-regola tħalli lill-istituzzjoni tal-Unjoni (43). Ksur jista’ jitqies bħala stabbilit meta tinstab irregolarità li ma tkunx ġiet imwettqa f’ċirkustanzi simili minn awtorità amministrattiva li teżerċita kura u diliġenza ordinarja (44).

75.      Fis-sentenza taħt eżami mill-ġdid, sabiex tiċħad ir-rikors ippreżentat mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq linja ta’ ġurisprudenza li skontha ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali. Peress li, fir-rikors tiegħu, ir-rikorrent ibbaża t-talba tiegħu biss fuq is-sentenza ta’ annullament li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjonijiet ta’ inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi ta’ raġunijiet ta’ motivazzjoni insuffiċjenti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma kinitx issodisfatta (45).

76.      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tal-appell, ir-rikorrent isostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat din il-linja ta’ ġurisprudenza peress li hija tapplika biss għall-miżuri regolatorji u li, f’dan il-każ, kienu hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li kellhom iwasslu lil dik il-qorti sabiex tastjeni milli tapplikaha.

77.      Min-naħa tiegħi, ma nistax naqbel. Fid-dawl tal-formulazzjoni ġenerali użata u tar-raison d’être, din il-linja ta’ ġurisprudenza tapplika għal kull deċiżjoni, kemm jekk tkun ta’ natura amministrattiva jew regolatorja. Fil-fatt, kif enfasizza l-Kunsill fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, filwaqt li f’ċerti sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja użat din il-linja ta’ ġurisprudenza fir-rigward ta’ atti regolatorji (46), hija applikatha wkoll fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet individwali li jinkludu l-isem tal-persuna speċifika fil-lista fost dawk ikkonċernati fil-miżuri restrittivi (47). Għalkemm ir-rikorrent pjuttost invoka ċirkustanzi eċċezzjonali b’mod vag, ma jidher li kien ikun hemm l-ebda bażi li fuqha, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali setgħet tiskarta din il-linja ta’ ġurisprudenza.

78.      Din il-linja ta’ ġurisprudenza tista’ madankollu tiġi ppreċiżata iktar sabiex kull persuna jew entità kkonċernata tkun tista’ tifhem kif tikseb kumpens.

79.      Dan l-isforz sabiex tipprovdi kjarifika hija ta’ importanza kunsiderevoli meta wieħed iqis li, l-ewwel nett, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li, anki f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn istituzzjoni kkawżat danni billi adottat deċiżjoni individwali nieqsa minn kull ġustifikazzjoni, il-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ tikseb kumpens xieraq għal dan id-danni (48). Kif enfasizza r-rappreżentant tar-rikorrent matul is-seduta, l-eżistenza ta’ dan it-tip ta’ rimedju hija ta’ importanza ferm iktar fundamentali għal dik l-entità milli l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 29 TUE, peress li, kif diġà indikajt, fil-prattika l-Kunsill jadotta b’mod sistematiku żewġ deċiżjonijiet identiċi, waħda bbażata fuq l-Artikolu 29 TUE u l-oħra fuq l-Artikolu 215 TFUE.

80.      It-tieni, jista’ jiġi osservat li kull ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi fih innifsu ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt li hija intiża li tagħti drittijiet lill-individwi. Kif jirrikonoxxi taċitament l-Artikolu 296 TFUE, id-dritt għal espożizzjoni tal-motivi huwa l-iktar protezzjoni sigura kontra t-teħid arbitrarju ta’ deċiżjoni u huwa ingredjent fundamentali ta’ kumpannija bbażata fuq l-istat tad-dritt. B’mod iktar speċifiku, bħala għan ieħor tal-motivazzjoni huwa li jippermetti lid-destinatarju tal-att inkwistjoni jkun jaf il-ġustifikazzjonijiet għall-adozzjoni tiegħu u, għaldaqstant, jiddeċiedi jekk għandux jiġi kkontestat jew le (49), għandu jitqies bħala wieħed li jagħti drittijiet lill-individwi.

81.      Madankollu, f’dan il-kuntest partikolari, id-dritt għal espożizzjoni tal-motivi għandu żewġ aspetti distinti li jistħoqqilhom attenzjoni. Minn naħa, għalkemm l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit formali essenzjali li għandu jiġi osservat fil-każijiet kollha (50), il-kwistjoni dwar jekk il-motivi attwalment mogħtija humiex fondati – li tirrigwarda l-legalità fil-mertu tal-miżura inkwistjoni – hija waħda ftit differenti.

82.      Min-naħa l-oħra, fi kwistjonijiet tal-PESK, il-Kunsill jista’ ċertament jiltaqa’ ma’ ċerti diffikultajiet fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ informazzjoni, iżda dan il-fatt ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika kull nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet: “l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jimplika fiċ-ċirkustanzi kollha […] li din il-motivazzjoni tidentifika r-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti, li għalihom l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal miżuri restrittivi” (51). Għaldaqstant, kwalunkwe ksur tad-dmir ta’ motivazzjoni għandu, b’mod ġenerali, jitqies bħala irregolarità li kull awtorità amministrattiva li teżerċita kura u diliġenza ordinarja ma kellhiex tikkommetti.

83.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kellha l-okkażjoni tippreċiża sa dan il-jum għaliex ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fih innifsu ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali, jidhirli li t-tweġiba hija madankollu ċara. Meta rikorrent jitlob kumpens għal dannu kkawżat mill-konsegwenzi ġuridiċi kkawżati minn deċiżjoni, dan id-dannu ma jistax jirriżulta esklużivament minn nuqqas ta’ motivazzjoni. Anzi, tali dannu huwa kkawżat biss mill-assenza ta’ fondatezza ta’ din id-deċiżjoni (52).

84.      Peress li l-eżistenza ta’ motivazzjoni hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-qrati jkunu jistgħu jeżerċitaw stħarriġ ġudizzjarju fuq il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni b’mod xieraq (53), allura fin-nuqqas ta’ tali motivazzjoni, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk din id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, b’estensjoni, jekk il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali hijiex issodisfatta (54).

85.      Madankollu, dan ma jfissirx li, f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, fejn, sabiex timplimenta u tagħti segwitu għal sentenza ta’ annullament, istituzzjoni tiddeċiedi li tadotta deċiżjoni ġdida li jkollha effetti għall-futur biss, id-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni huwa mċaħħad minn kull possibbiltà li jikseb danni fir-rigward tal-impatt negattiv sostanzjali ta’ din id-deċiżjoni inizjali (55).

86.      Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, ma huwiex għalhekk, fih innifsu tali li jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, id-destinatarju ta’ deċiżjoni mhux motivata jista’ jmur lil hinn u jsostni li din id-deċiżjoni fil-fatt ma hijiex fondata u li ma kienet sostnuta minn ebda informazzjoni jew prova rilevanti (56).

87.      Ċertament, fin-nuqqas ta’ motivazzjoni, id-destinatarju ta’ deċiżjoni ma jistax jiġi mistenni li jagħmel xejn iktar jiddikjara li l-fondatezza ta’ dik id-deċiżjoni hija kkontestata wkoll. Madankollu, ir-rikorrent għandu tal-inqas iqajjem tali motiv, dwar dak li jista’ jiġi kklassifikat bħala legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, b’mod partikolari li huma neqsin minn kull bażi ta’ prova xierqa. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta mis-sottomissjonijiet tal-partijiet. Għaldaqstant, għal dan il-għan, ma huwiex biżżejjed li r-rikorrent jinvoka biss il-fatt li huwa kien ikkontesta in-nuqqas ta’ motivazzjoni.

88.      Fil-każ li d-destinatarju ta’ deċiżjoni jsostni li mhux biss kien hemm nuqqas ta’ motivazzjoni, iżda li ma teżisti l-ebda raġuni fondata, hija l-istituzzjoni kkonċernata, f’dan il-każ, il-Kunsill, li trid turi li din id-deċiżjoni kienet fil-fatt fondata (57). Jekk tonqos, f’dan l-istadju, li tipprovdi xi spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni ta’ dak l-att, għalhekk, tal-inqas, l-ewwel kundizzjonijiet sabiex l-Unjoni Ewropea tidħol f’responsabbiltà mhux kuntrattwali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE għandu jitqies stabbilit.

89.      Huwa minnu li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tkun iddikjarata fl-istess ħin milli l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u, eċċezzjonalment biss, fi stadju ulterjuri, fuq talba tal-persuna kkonċernata. Madankollu, għandu jitfakkar li r-rikors għad-danni huwa rimedju awtonomu li ma huwiex intiż għall-annullament ta’ miżura partikolari, iżda pjuttost għall-kisba ta’ kumpens għad-dannu kkawżat minn istituzzjoni (58).

90.      Konsegwentement, filwaqt li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-Qorti Ġenerali għandha tannulla kull deċiżjoni li għaliha ma ġiet ipprovduta l-ebda motivazzjoni qabel issir dik il-kawża, fir-rigward ta’ rikors għad-danni, il-Kunsill jista’ dejjem jipprovdi din il-motivazzjoni fl-istadju tad-difiża sabiex juri li d-deċiżjoni kienet fil-fatt fondata u, għaldaqstant, li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex tinżamm responsabbli (59).

91.      F’dan il-każ, ir-rikorrent ibbaża ruħu esklużivament, f’dak li jirrigwarda t-talba tiegħu għad-danni, fuq il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza ta’ annullament.

92.      Ċertament, fil-punt 82 ta’ din is-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kunsill kien kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni u ta’ komunikazzjoni lir-rikorrent, bħala l-entità kkonċernata, l-provi użati kontrih, b’hekk, forsi, li jagħtu x’jifhem li żewġ difetti distinti kienu ġew identifikati mill-Qorti Ġenerali.

93.      Madankollu, kif ġustament iddikjarat il-Qorti Ġenerali fil-punt 49 tas-sentenza appellata, din ir-riferenza għal ksur tan-nuqqas ta’ żvelar tal-provi użati kontra r-rikorrent kienet imsemmija fis-sentenza ta’ annullament b’risposta għal motiv li jallega, mhux żball manifest ta’ evalwazzjoni, iżda pjuttost ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (60). Għalhekk, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, dan ma jikkostitwixxix raġuni separata sabiex twarrab is-sentenza kkontestata, iżda pjuttost appoġġat il-konklużjoni li r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet ikkontestati ma kinux ġustifikati b’mod xieraq peress li l-Kunsill lanqas ma kien kapaċi jiżvela lir-rikorrent, bħala l-entità kkonċernata, l-provi użati kontrih. Madankollu, dan ma jfissirx li l-Qorti Ġenerali sabet li l-Kunsill ma ġabar l-ebda prova li tissostanzja l-miżuri restrittivi jew li raġunijiet adegwati u fondati ma kinux kapaċi jiġu avvanzati fir-rigward tal-inklużjoni tar-rikorrent fuq il-lista ta’ miżuri restrittivi.

94.      Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju tal-kontenzjonijiet magħmula mir-rikorrent fir-raba’ motiv tiegħu fl-appell, il-Qorti Ġenerali ma interpretatx b’mod żbaljat is-sentenza ta’ annullament inizjali li fuqha r-rikorrent straħ esklużivament fir-rikors tiegħu fl-ewwel istanza sabiex jitlob kumpens, meta ddeċidiet li, f’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat biss ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni distint minn dak li kkonstatat li tali motivazzjoni fondata ma setgħet tiġi invokata.

95.      Huwa wkoll minnu li, fil-punti 24, 31 u 33 tat-talba tal-ewwel istanza tiegħu għad-danni, ir-rikorrent afferma li, fil-fehma tiegħu, il-Kunsill, minn naħa, kiser id-dispożizzjonijiet regolatorji tat-testi li fuqhom huwa kien allegatament straħ meta applikahom mingħajr ebda ġustifikazzjoni u, min-naħa l-oħra, kiser id-drittijiet tad-difiża u wettaq żball ta’ liġi meta naqas milli jistabbilixxi l-merti tal-miżuri adottati. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jirreferi b’mod ċar għall-motivi ta’ dritt li fuqhom ir-rikorrent jistrieħ. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lil-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi dwar ir-rikors mingħajr, jekk ikun il-każ, il-bżonn ta’ informazzjoni addizzjonali (61).

96.      Fir-rikors tiegħu, ir-rikorrent għamel riferiment għal dawn iċ-ċirkustanzi f’subintestatura tar-rikors tiegħu, fit-titolu (62) u fl-ewwel paragrafu tiegħu, li jindika li huwa ma kellux l-għan li jidentifika l-aġir allegat kontra l-Kunsill, iżda pjuttost li juri li l-aġir illegali identifikat fil-parti preċedenti issodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea. Fil-parti preċedenti tar-rikors fl-ewwel istanza, ir-rikorrent madankollu llimita ruħu għan-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza ta’ annullament inizjali sabiex jidentifika l-aġir illegali allegat.

97.      Fid-dawl tal-għażla magħmula mir-rikorrent li ma jirreferix għal dawn l-argumenti potenzjalment usa’ fil-parti rilevanti tar-rikors tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li naqset tiddeduċi mill-kontenut ta’ dan it-tieni subintestatura li r-rikorrent kellu l-intenzjoni wkoll li jinvoka dawn l-atti illegali. Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 52 sa 58 tas-sentenza appellata, kien biss fil-mori tal-kawża li r-rikorrent ippreċiża li huwa kellu l-intenzjoni li jinvoka n-nuqqas ta’ legalità interna tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

98.      Huwa dan il-fatt li, fil-fehma tiegħi, jiddistingwi din il-kawża mis-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), invokata mill-appellanti fl-appell tiegħu. Għalkemm il-fatti ta’ dawn iż-żewġ kawżi huma pjuttost simili, mill-punt 26 ta’ dik is-sentenza, ikkonfermat fl-appell mill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li, f’dik il-kawża, r-rikorrent kien espressament invoka żball ta’ evalwazzjoni – u mhux (bħal f’dan il-każ) sempliċi nuqqas ta’ motivazzjoni – sabiex jissostanzja t-talba tiegħu għad-danni (63).

99.      Konsegwentement, għalkemm id-distinzjoni bejn din il-kawża u Safa Nicu Sepahan tista’ tidher dejqa, iċ-ċaħda f’dan il-każ mill-Qorti Ġenerali tat-talba għal kumpens tar-rikorrent għandha titqies, fid-dawl tal-mod kif ir-rikorrent kien ifformulaha, bħala perfettament iġġustifikata fiċ-ċirkustanzi.

100. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju tal-appell.

VI.    Konklużjoni

101. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-konklużjonijiet ewlenin tiegħi huma kif ġej:

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni li huwa direttament marbut jew aċċessorju għal rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE meħud fir-rigward tal-legalità ta’ miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V TUE, u li, minħabba din l-interpretazzjoni, tali ġurisdizzjoni mhix eskluża mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

L-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Deċiżjoni tal-Kunsill, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 195, p. 39).


3      Regolament tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1).


4      Deċiżjoni tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 281, p. 81).


5      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK tal‑1 ta’ Diċembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2011, L 319, p. 71), ma emendatx din il-lista safejn ir-rikorrent kien ikkonċernat.


6       Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 306, p. 18).


7       Regolament tal-Kunsill li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 306, p. 3).


8      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2016 tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali, il-kawża ġiet, skont l-Artikolu 69(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sospiża sad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ttemm il-proċedimenti fil-Kawża C‑45/15 P, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill. Permezz tas-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli ppreżentati minn Safa Nicu Sepahan u mill-Kunsill. Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑27 ta’ Frar 2018, il-partijiet ġew mistiedna jinformaw lill-Qorti Ġenerali bil-konsegwenzi li jirriżultaw għal din il-kawża ta’ din is-sentenza. Il-Kummissjoni wieġbet għall-mistoqsija fit‑13 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill u r-rikorrenti rrispondewha fil‑15 ta’ Marzu 2018.


9      Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punti 36 sa 38), u tas‑26 ta’ Frar 2015, Planet vs Il-Kummissjoni (C‑564/13 P, EU:C:2015:124, punt 20).


10      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Il-Kunsill vs Bank Saderat Iran (C‑200/13 P, EU:C:2016:284, punt 119).


11      Sentenza tat‑23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il-Kunsill (C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 56).


12      Ara, pereżempju, il-premessa 3 tar-Regolament Nru 423/2007, u l-premessa 4 tar-Regolament Nru 961/2010, li huma inkwistjoni f’din il-kawża.


13      L-Artikolu 215(2) TFUE jirrileva li meta deċiżjoni adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V TUE jipprevedi dan, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali.


14      Il-Qorti Ġenerali qabel evitat li tieħu pożizzjoni f’din il-kwistjoni: ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2014, Syria International Islamic Bank vs Il-Kunsill (T‑293/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:439, punti 70 u 83), kif ukoll tal‑24 ta’ Settembru 2014, Kadhaf Al Dam vs Il-Kunsill (T‑348/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:806, punt 115).


15      Sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Iran Insurance vs Il-Kunsill (T‑558/15, EU:T:2018:945 punti 53 u 55), u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Post Bank Iran vs Il-Kunsill (T‑559/15, EU:T:2018:948, punti 23 sa 55).


16      Sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Jannatian vs Il-Kunsill (T‑328/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:86, punt 30).


17      Sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Jannatian vs Il-Kunsill (T‑328/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:86, punt 31).


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill (T‑47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punti 232 sa 251), u tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986, punti 45 sa 149), ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402).


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Iran Insurance vs Il-Kunsill (T‑558/15, EU:T:2018:945, punt 57), u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Post Bank Iran vs Il-Kunsill (T‑559/15, EU:T:2018:948, punt 57).


20      Sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et (C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 39). Għal spjegazzjoni dwar l-oriġini ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ara l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Konklużjonijiet (2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB), EU:C:2014:2475, punt 90).


21      Ara b’mod ġenerali, Butler G., Constitutional Law of the EU’s Common Foreign and Security Policy, Hart Publishing, Oxford, 2019, pp. 202-213.


22      C‑455/14 P, EU:C:2016:212, punt 2.


23      Sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et (C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punti 54 u 59).


24      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et (C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 40).


25      Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punt 49).


26      Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑263/14, EU:C:2016:435, punt 42), u tal‑5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill (C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punt 42).


27      Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, (C‑72/15, EU:C:2017:236).


28      Bil-kundizzjoni, f’dan l-aħħar każ, li l-persuna kkonċernata ma tkunx id-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni, f’liema każ tkun applikabbli l-ġurisprudenza TWD. Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf C‑188/92, EU:C:1994:90, punt 18).


29      Sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C 72/15, EU:C:2017:236,, punti 66, 68, 76 u 81.


30      Sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni (C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 83).


31      Sentenza tat‑28 ta’ April 1971, (4/69, EU:C:1971:40, punt 6).


32      Enfasi miżjuda.


33      Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2000, Fresh Marine vs Il-Kummissjoni (T‑178/98, EU:T:2000:240, punt 45).


34      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punti 29 sa 32 u 61 sa 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, (C‑72/15, EU:C:2017:236).


36      Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428).


37      Il-punt 70 tas-sentenza Rosneft jista’ jagħti l-impressjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li teskludi rikors li ma għandux bħala l-iskop tiegħu tali stħarriġ ta’ legalità. Madankollu, dan il-punt għandu jitpoġġa fil-kuntest partikolari tal-kawża Rosneft, li kienet tirrigwarda jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi skont l-Artikolu 267 TFUE, u ma għandhiex titqies bħala regola ta’ portata ġenerali. Sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li r-rikors għal annullament u r-rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità, it-tnejn li huma kellhom bħala suġġett tali stħarriġ ta’ legalità, dan il-paragrafu għandu tassew jinqara bħala intiż sabiex jenfasizza biss li r-riferiment magħmul mill-Artikolu 275 TFUE, għall-Artikolu 263 TFUE, għandu jinftiehem bħala li jinkludi, b’mod partikolari, kull proċedura li għandha tali stħarriġ ta’ legalità bħala l-għan tagħha, safejn huwa kkonċernat tali att imsemmi fl-Artikolu 263 TFUE.


38      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 120).


39      Dan huwa l-każ fil-każ ta’ kompetenza limitata jew meta d-difett ma huwiex probabbli li kien jaffettwa l-kontenut tad-deċiżjoni. Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il-Kummissjoni (C‑414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punt 84).


40      Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 40).


41      Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni (C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 41).


42      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni (C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 42).


43      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 42).


44      Ibid., punt 43.


45      Punti 42 u 43 tas-sentenza appellata.


46      Sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 1982, Kind vs KEE (106/81, EU:C:1982:291, punt 14), u tas‑6 ta’ Ġunju 1990, AERPO et vs Il-Kummissjoni (C‑119/88, EU:C:1990:231, punt 20).


47      Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 103).


48      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni (C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punti 80 sa 83).


49      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba (C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 50).


50      Fil-lingwa Franċiża, “une formalité substantielle”.


51      Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 116 sa 118, u tat‑18 ta’ Frar 2016, Il-Kunsill vs Bank Mellat, C‑176/13 P, EU:C:2016:96, punt 76).


52      Ċertament, in-nuqqas ta’ motivazzjoni jista’ jikkawża danni dovuti għall-istat ta’ inċertezza li d-destinatarju tad-deċiżjoni kkonċernat seta’ ġarrab minħabba fiha, iżda dan id-dannu huwa morali. Meta persuna tallega li ġarrbet dannu minħabba l-effetti legali li jirriżultaw minn deċiżjoni, dan id-dannu huwa ċertament materjali, iżda dan jista’ jirriżulta biss mill-assenza ta’ fondatezza ta’ din id-deċiżjoni.


53      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 100).


54      Għalkemm ċerti sentenzi jidhru li jorbtu din il-linja ta’ ġurisprudenza mal-ewwel kundizzjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur ta’ regola tad-dritt, fl-ewwel sentenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din is-soluzzjoni, jidher li din tal-aħħar attribwixxietha għall-inkapaċità ta’ dan it-tip ta’ illegalità li tiġġenera dannu ta’ dan it-tip, li huwa pjuttost marbut man-nuqqas ta’ rabta kawżali. Ara f’dak is-sens is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 1982, Kind vs KEE (C‑106/81, EU:C:1982:291, punti 14 u 34).


55      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 132). Id-destinatarju ta’ deċiżjoni mhux motivata la għandu jbati l-konsegwenzi tan-negliġenza tal-istituzzjoni kkonċernata, u lanqas l-għażla tal-Qorti Ġenerali li tannulla deċiżjoni mingħajr, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, ma teżamina l-motivi kollha mqajma mir-rikorrent. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta sentenza tannulla deċiżjoni minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-rikorrent ma jistax jippreżenta appell kontra din is-sentenza fuq il-bażi li l-Qorti Ġenerali indebitament ikklassifikat id-difett ikkonstatat bħala ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.


56      Jista’ jitqies li, meta tiġi annullata deċiżjoni, huwa, bħala prinċipju, prematur li tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea, peress li hija l-istituzzjoni li tkun adottat dik id-deċiżjoni li għandha tiddeċiedi dwar kif timplimenta din is-sentenza. Huwa għalhekk wara l-adozzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza li l-portata tad-dannu li għalih jintalab kumpens tista’ tiġi ddeterminata, peress li l-adozzjoni ta’ wħud minn dawn il-miżuri setgħet tirriżulta fi rrimedjar tal-konsegwenzi negattivi ta’ dik id-deċiżjoni. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2018, FV vs Il-Kunsill (T‑750/16, EU:T:2018:972, punti 176 u 177) Madankollu, f’din is-sentenza, meta implimenta s-sentenza ta’ annullament, il-Kunsill ma adottax b’mod retroattiv deċiżjoni ġdida debitament motivata, iżda ddeċieda li jadotta deċiżjoni għall-futur biss mingħajr ma jikkumpensa l-iżvantaġġ subit mir-rikorrent ikkonċernat minħabba l-effetti fil-passat tal-miżuri annullati. Ara, fir-rigward tal-obbligu li jiġu rrimedjati l-effetti tal-passat ta’ deċiżjoni annullata, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1998, Il-Kunsill vs De Nil and Impens (C‑259/96 P, EU:C:1998:224, punt 16). Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma allegax li l-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu, skont l-Artikolu 266 TFUE, li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun konformi mas-sentenza li tannulla d-deċiżjoni.


57      Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs Hamas (C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 49).


58      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il-Kunsill (5/71, EU:C:1971:116, punt 3). Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mis-soluzzjoni milħuqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 46 tas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694)li jirrigwarda l-possibbiltà għall-Kunsill li jibbaża ruħu fuq il-fatti sussegwenti għal deċiżjoni sabiex jiġġustifika dik id-deċiżjoni b’mod retroattiv, u mhux il-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, il-Kunsill jistax xorta jipprovdi r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni.


59      Naturalment, wieħed jista’ jżid, inċidentalment, li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, in-natura tardiva ta’ dan l-espożizzjoni tal-motivi għandha tiġi meħuda inkunsiderazzjoni f’dak li jirrigwarda kull kundanna eventwali għall-ispejjeż. Ir-rikorrent għandu wkoll ikun awtorizzat jadatta l-argumenti tiegħu skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija sa issa.


60      Ara l-punt 70 tas-sentenza ta’ annullament.


61      Ara, pereżempju, id-digriet tal‑21 ta’ Jannar 2016, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (C‑103/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:51, punt 33).


62      Din is-subintestatura kienet imsejħa: “B. Din l-illegalità tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni”.


63      Fil-fatt, kif semmejt qabel, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tinġabar l-informazzjoni jew il-provi li jsostnu l-miżuri restrittivi huma żewġ affarijiet totalment differenti. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs Hamas (C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 48), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 70), li tuża, “minn naħa” u “min-naħa l-oħra”, sabiex tagħmel distinzjoni bejn kull obbligu. Ksur tal-ewwel obbligu huwa vizzju tal-legalità esterna, filwaqt li l-ksur tat-tieni obbligu jaffettwa l-legalità interna tad-deċiżjoni inkwistjoni.