Language of document : ECLI:EU:C:2020:793

Kawża C134/19 P

Bank Refah Kargaran

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2020

“Appell – Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) – Artikolu 29 TUE – Artikolu 215 TFUE – Miżuri restrittivi meħudin kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran – Dannu allegatament subit mir-rikorrenti wara l-inklużjoni u ż-żamma ta’ isimha fuq il-lista ta’ persuni u entitajiet li fir-rigward tagħhom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Rikors għad-danni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għall-kumpens tad-dannu allegatament subit minħabba miżuri restrittivi previsti minn deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi – Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ atti li jimponu miżuri restrittivi”

1.        Rikors għal annullament – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Eżami ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) u l-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 23-25)

2.        Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Rikors għad-danni – Rikors intiż li jikseb kumpens għad-dannu subit minħabba l-inklużjoni żbaljata fuq il-lista ta’ persuni li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi u tal-implimentazzjoni tal-imsemmija miżuri – Inklużjoni

((It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 40 TUE; l-Artikolu 215, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 u l-Artikolu 275 TFUE)

(ara l-punti 26-49)

3.        Appell – Aggravji – Motivi ta’ sentenza vvizjati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni – Dispożittiv ibbażat fuq motivi oħra ta’ liġi – Ċaħda

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

(ara l-punti 50-52, 106)

4.        Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ att li jimponi miżuri restrittivi li għandhom portata individwali – Esklużjoni

(Artikoli 296 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punti 59-63)

5.        Rikors għal annullament – Aggravji – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Motiv distint minn dak li jirrigwarda l-legalità fuq il-mertu

(Artikoli 263 u 296 TFUE)

(ara l-punti 64, 65, 103, 104)

6.        Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet – Estensjoni ta’ motiv eżistenti – Assenza ta’ estensjoni – Inammissibbiltà


(ara l-punti 84-88)

Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li ċaħdet it-talba ta’ Bank Refah Kargaran li tiġi kkumpensata għad-danni subiti minħabba l-miżuri restrittivi adottati kontriha

Fl-2010 u fl-2011, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-bank Iranjan Bank Refah Kargaran (iktar ’il quddiem ir- “rikorrenti”) ġew iffriżati fil-kuntest tal-miżuri restrittivi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea sabiex ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran tiġi mġiegħla ttemm l-attivitajiet nukleari li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ vetturi tal-armi nukleari. Dan l-iffriżar ta’ fondi twettaq permezz tal-inklużjoni tal-bank fil-lista tal-entitajiet li jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari annessa mad-diversi deċiżjonijiet adottati suċċessivament mill-Kunsill fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK) skont l-Artikolu 29 TUE. Sussegwentement, dawn id-deċiżjonijiet PESK ġew implimentati permezz ta’ diversi regolamenti adottati mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 215 TFUE.

Ir-rikorrenti kisbet, minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, l-annullament ta’ dawn l-atti kollha, sa fejn kienu jikkonċernawha (1). Sussegwentement, f’Novembru 2013, isimha ġiet inkluża mill-ġdid, abbażi ta’ motivazzjoni xierqa, fil-lista annessa mad-diversi deċiżjonijiet u regolamenti tal-Kunsill adottati, rispettivament, skont l-Artikolu 29 TUE u skont l-Artikolu 215 TFUE. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx ir-rikors tal-bank intiż, b’mod partikolari, sabiex jikseb l-annullament tiegħu, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawh.

Fil-25 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat rikors ġdid intiż, din id-darba, sabiex tikseb il-kundanna tal-Unjoni sabiex tikkumpensaha għad-danni li jirriżultaw, fil-fehma tagħha, mill-adozzjoni u miż-żamma tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawha, li ġew annullati permezz tas-sentenza ta’ annullament. Permezz tas-sentenza tagħha tal-10 ta’ Diċembru 2018 (2), il-Qorti Ġenerali, minn naħa, irrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni intiż għall-kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-PESK skont l-Artikolu 29 TUE. Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-rikors għad-danni kien intiż għall-kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba l-adozzjoni ta’ regolamenti abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, il-Qorti Ġenerali ċaħditu bħala infondat, minħabba li ma kienx ġie stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-appellanti ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, intiż, essenzjalment, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-fondatezza tar-rikors għad-danni u, billi tuża s-setgħa ta’ evokazzjoni tagħha, tiddeċiedi fuq il-mertu billi tagħti lill-appellanti l-benefiċċju tat-talbiet tagħha.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-appell, filwaqt li tikkonstata li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi rrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba intiża għall-kumpens għad-dannu li l-appellanti allegatament subit minħabba d-deċiżjonijiet PESK adottati skont l-Artikolu 29 TUE.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina ex officio l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba miżuri restrittivi, sa fejn tali kwistjoni hija ta’ ordni pubbliku. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali ġustament aċċettat il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għal kumpens għad-dannu allegatament subit mill-appellanti minħabba miżuri restrittivi previsti kontriha minn regolamenti bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din l-istess talba, sa fejn id-dannu allegatament subit mill-appellanti kien jirriżulta mid-deċiżjonijiet PESK adottati skont l-Artikolu 29 TUE.

Fil-fatt, fil-qasam tal-PESK, is-sistema tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni hija kkaratterizzata, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, minn esklużjoni ta’ prinċipju (3) li tinkludi żewġ eċċezzjonijiet (4), fosthom dik dwar l-evalwazzjoni tal-validità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jadottaw miżuri restrittivi (5). Jekk din l-eċċezzjoni tal-aħħar ma ssemmix espressament ir-rikors għad-danni, il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha fuq il-koerenza neċessarja tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja sabiex tinterpreta l-kamp tal-analiżi tagħha.

F’din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza, qabelxejn, li din is-sistema ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK tikkostitwixxi deroga għall-missjoni primarja tal-qorti tal-Unjoni, jiġifieri, li tiżgura l-osservanza tad-dispożizzjoni legali (6). Bħala tali, din l-iskema speċjali hija suġġetta għal interpretazzjoni stretta. Barra minn hekk, sa fejn ir-rikors għad-danni jagħmel parti minn sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja sħiħa li tissodisfa r-rekwiżiti kostituzzjonali (7), dan jikkontribwixxi għan-natura effettiva ta’ din il-protezzjoni u jeħtieġ, għalhekk, evalwazzjoni xierqa sabiex tiġi evitata kull lakuna fil-protezzjoni ġudizzjarja u, għaldaqstant, sabiex tiġi żgurata l-koerenza tas-sistema kollha dwar din il-protezzjoni. Issa, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, minkejja r-rabta stabbilita mill-Artikolu 215 TFUE bejn ir-regolamenti adottati fuq din il-bażi u d-deċiżjonijiet PESK adottati skont l-Artikolu 29 TUE, il-miżuri restrittivi adottati f’tali atti ma jikkoinċidux neċessarjament, b’tali mod li lakuna fil-protezzjoni ġudizzjarja tista’ tirriżulta min-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni li jirrigwarda miżuri restrittivi previsti minn deċiżjonijiet PESK. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li rikors għad-danni intiż għall-kumpens tad-dannu allegatament subit minn persuna fiżika jew ġuridika minħabba miżuri restrittivi previsti minn deċiżjonijiet PESK ma kienx jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-aggravji mressqa mill-appellanti intiżi li jinvalidaw l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-fondatezza tar-rikors għad-danni, sa fejn hija ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ illegalità ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tal-atti li jimponu miżuri restrittivi li jikkonċernaw lill-appellanti ma kinitx fiha nnifisha ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni.

Filwaqt li tippreċiża l-portata tal-prinċipju ġurisprudenzjali hekk affermat mill-ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar madankollu li l-obbligu ta’ motivazzjoni, sempliċi formalità sostanzjali, għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni. Minn dan isegwi li r-responsabbiltà tal-Unjoni tista’ tiġi stabbilita meta l-Kunsill ma jirnexxilux isostni l-motivi li fuqhom huma bbażati l-miżuri adottati, li jirrigwardaw il-legalità fil-mertu tal-att, sakemm motiv f’dan is-sens ikun tqajjem insostenn tar-rikors għad-danni.

It-tieni nett, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-aggravji li permezz tagħhom l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma aċċettatx li l-ksur mill-Kunsill tal-obbligu tiegħu li jittrażmettilha l-provi inkriminanti, hekk kif jirriżulta mis-sentenza ta’ annullament, kien ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Fil-fatt, mis-sentenza ta’ annullament jirriżulta li dan l-argument kien marbut mal-uniku aggravju ibbażat fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni.

Filwaqt li tikkonstata, bħala konklużjoni, li l-iżball ta’ liġi li jivvizzja l-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar il-portata tal-ġurisdizzjoni tagħha ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata, sa fejn id-dispożittiv tagħha jidher fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell fl-intier tiegħu.


1      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Refah Kargaran vs Il‑Kunsill (T‑24/11, EU:T:2013:403). (iktar ’il quddiem is- “sentenza ta’ annullament”)


2      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Diċembru 2018, Bank Refah Kargaran vs Il‑Kunsill (T-552/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:897).


3      L-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE


4      L-ewwel eċċezzjoni tikkonċerna l-osservanza tal-Artikolu 40 TUE (l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE).


5      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, moqri flimkien mal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE, li jirrigwarda r-rikorsi, ippreżentati taħt il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dwar l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK, li kienu jipprevedu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi.


6      Artikolu 19 TUE.


7      Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif affermat mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll għall-valur tal-Istat tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 2 TUE u fl-Artikolu 21 TUE, dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni, li għalih jirreferi l-Artikolu 23 TUE.