Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Mons (il-Belġju) fl-24 ta’ Ġunju 2021 – Ryanair DAC vs Happy Flights Srl, li kienet Happy Flights Sprl

(Kawża C-386/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Mons

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant: Ryanair DAC

Appellat: Happy Flights Srl, li kienet Happy Flights Sprl

Domandi preliminari

L-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kwistjonijiet relatati ma’ kuntrattˮ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri l-azzjoni għad-danni, mibdija fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiggieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kancellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 2 , minn kumpannija ta’ rkupru ta’ dejn, parti terza għall-kuntratt ta’ trasport bl-ajru, li tinvoka l-kwalità tagħha ta’ ċessjonarja tad-dejn tal-passiġġier, minkejja li din il-kumpannija ma tagħtix prova li hija s-suċċessur tal-parti kontraenti inizjali fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi kollha tagħha?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 7(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba huwa dak tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tat-trasport bl-ajru, jiġifieri l-post tat-tluq jew tal-wasla tat-titjira jew, jekk ikun il-każ, post ieħor?

____________

1 ĠU 2012, L 351, p. 1.

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.