Language of document : ECLI:EU:C:2014:171

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Marzu 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 18 TFUE — Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità — Titjiriet kummerċjali minn Stat terz li bħala destinazzjoni jkollhom Stat Membru — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li t-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni li ma għandhomx liċenzja operattiva maħruġa minn dan l-Istat Membru għandhom jiksbu awtorizzazzjoni għal kull titjira li toriġina minn Stat terz”

Fil-Kawża C‑628/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Braunschweig (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Diċembru 2011, fil-proċeduri kriminali kontra

International Jet Management GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi-President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, L. Bay Larsen, E. Juhász, A. Borg Barthet, C. G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti tal-Awla, A. Rosas (Relatur), G. Arestis, A. Arabadjiev, C. Toader, E. Jarašiūnas u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Frar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal International Jet Management GmbH, minn J. Janezic u P. Ehlers, avukati,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Wiedmann u T. Henze, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Martínez-Lage Sobredo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u M. Perrot, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u G. Eberhard, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson, F. Bulst u T. van Rijn, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mibdija kontra International Jet Management GmbH (iktar ’il fuq quddiem “International Jet Management”), kumpannija tal-ajru li għandha s-sede tagħha fl-Awstrija, li operat titjiriet privati minn Moska (ir-Russja) u minn Ankara (it-Turkija) u li bħala destinazzjoni jkollhom il-Ġermanja mingħajr ma kellha l-awtorizzazzjoni, meħtieġa mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, sabiex tidħol fl-ispazju tal-ajru Ġermaniż.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004

3        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal dawn li ġejjin:

a)      għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat;

b)      għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz għal ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Mebru għal liema japplika t-Trattat, kemm-il darba rċievu vantaġġi jew kumpens u ġew mogħtija assistenza f’dak il-pajjiż terz, jekk il-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera tat-titjira in kwistjoni hu trasportatur Komunitarju.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 785/2004

4        Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 160), dan ir-regolament għandu japplika għat-trasportaturi tal-ajru kollha u għall-operaturi tal-ajruplani kollha li jtiru fi ħdan, għal, barra minn, jew fuq it-territorju ta’l-Istati Membri fejn japplika it-Trattat.

5        L-Artikolu 5(2) u (4) tal-imsemmi regolament huwa miktub kif ġej:

“2.      Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu ‘l-Istat Membru involut’ għandu jfisser l-Istat Membru li ta’ il-permess għal-liċensja ta’ l-operazzjoni tal-ajruplan lil Komunità jew l-Istat Membru fejn l-ajruplan tal-operatur huwa irreġistrat. Għalt-trasportaturi ta’ l-ajru li mhumiex tal-Komunità u l-operaturi ta’ l-ajruplani li juzaw ajruplani li huma ireġistrati barra mil-Komunità, ‘l-Istat Membri involut’ għandha tfisser l-Istat Membru għal jew minn fejn l-ajruplani huma operati.

[...]

4.      Rigward it-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji u l-operaturi ta’ l-ajruplani li qed juzaw ajruplani rreġistrati fil-Komunità, depożitu ta’ prova ta’ l-assigurazzjoni fl-Istati Membri imsemmija fil-paragrafu 2 hu biżżejjed għall-Istati Membri kollha, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(6)”

 Ir-Regolament (KE) Nru 847/2004

6        Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 847/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimijiet dwar is-servizzi ta’ l-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 193):

“Safejn u sakemm it-trasportaturi bl-ajru u l-partijiet l-oħra interessati jridu jiġu involuti fin-negozjati riferiti fl-Artiklu 1, l-Istati Membri għandhom jittrattaw indaqs lit-trasportaturi bl-ajru kollha Komunitarji bi stabbiliment fuq it-territorji rispettivi tagħhom li għalihom japplika t-Trattat.”

7        L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“Stat Membru ma għandu jidħol fl-ebda arranġament ġdid ma’ pajjiż terz, li jnaqqas in-numru tat-trasportaturi bl-ajru Komunitarji li jista’, skont l-arranġamenti eżistenti, jiġi maħtur għalbiex jipprovdi servizzi bejn it-territrorju tiegħu u dan il-pajjiż, la rigward is-suq intier tat-trasport bl-ajru bejn iż-żewġ partijiet u lanqas fuq il-bażi ta’ pari ta bliet speċifiċi.”

8        L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprovdi li:

“Meta Stat Membru jikkonkludi ftehim, jew emendi għal ftehim jew għall-Annessi ta’ miegħu, li jipprovdi limitazzjonijiet dwar l-użu tad-drittijiet għat-traffiku jew għan-numru tat-trasportaturi bl-ajru Komunitarji eliġibbli li jrid jiġi maħtur għalbiex jieħu vantaġġ mid-drittijiet għat-traffiku, dan l-Istat Membru għandu jiżgura d-distribuzzjoni tad-drittijiet għat-traffiku fost it-trasportaturi bl-ajru Komunitarji eliġibbli fuq il-bażi ta’ proċedura mhux diskriminatorja u trasparenti”.

 Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008

9        Il-premessa 10 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3), jipprovdi:

“Sabiex jiġi komplut is-suq intern ta’ l-avjazzjoni, għandhom jitneħħew ir-restrizzjonijiet li għadhom jeżistu u li huma applikati bejn l-Istati Membri, bħar-restrizzjonijiet dwar il-code-sharing [kondiviżjoni tal-kodiċijiet] fuq rotot lejn pajjiżi terzi jew dwar l-iffissar tal-prezzijiet fuq rotot lejn pajjiżi terzi b’waqfa intermedja fi Stat Membru ieħor (titjiriet tas-sitt libertà)”.

10      L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“Dan ir-Regolament jirregola l-liċenzjar tat-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji, id-dritt tat-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji li joperaw servizzi ta’ l-ajru intra-Komunitarji, u l-ipprezzar tas-servizzi ta’ l-ajru intra-Komunitarji.”

11      L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jippreċiża:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      ‘liċenzja operattiva’ tfisser awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji lil xi impriża, li jippermettilha li tipprovdi servizzi ta’ l-ajru kif indikat fil-liċenzja operattiva;;

[...]

4)      ‘servizz ta’ l-ajru’ tfisser titjira jew serje ta’ titjiriet li jġorru passiġġieri, tagħbija u/jew posta bi ħlas u/jew b’kiri;

[...]

8)      ‘ċertifikat ta’ operatur ta’ l-ajru (ĊOA)’ tfisser ċertifikat mogħti lil impriża li jikkonferma li l-operatur għandu l-abbiltà professjonali u organizzattiva biex jiżgura s-sikurezza ta’ operazzjonijiet speċifikati fiċ-ċertifikat, kif previst fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Komunitarja jew tal-liġi nazzjonali, skond kif applikabli;

[...]

10)      ‘trasportatur ta’ l-ajru’ tfisser impriża b’liċenzja operattiva valida jew l-ekwivalenti;

11)      ‘trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju’ tfisser trasportatur ta’ l-ajru li jkollu liċenzja operattiva valida maħruġa minn awtorità kompetenti tal-liċenzji skond il-Kapitolu II;

[...]

13)      ‘servizz bl-ajru intra-Komunitarju’ tfisser servizz bl-ajru operat fi ħdan il-Komunità;

14)      ‘dritt tat-traffiku’ tfisser id-dritt ta’ operazzjoni ta’ servizz ta’ l-ajru bejn żewġ ajruporti Komunitarji;

[...]

16)       ‘servizz bl-ajru skedat’ tfisser serje ta’ titjiriet li kull waħda minnhom ikollha l-karatteristiċi kollha li ġejjin:

a)       f’kull titjira l-postijiet u/jew il-kapaċita’ ta’ trasport ta’ merkanzija u/jew posta jkunu disponibbli għal bejgħ individwalment lill-membri tal-pubbliku (kemm jekk direttament mit-trasportatur ta’ l-ajru kif ukoll jekk mill-aġenti awtorizzati tiegħu);

b)       tkun operata biex isservi t-traffiku bejn l-istess żewġ ajruporti jew aktar:

–        skond skeda pubblikata; jew,

–        b’titjiriet li jkunu tant regolari jew frekwenti li jikkostitwixxu serje rikonoxxibbilment sistematika;

[...]

26)      ‘post prinċipali tan-negozju’ tfisser l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju reġistrat ta’ trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju fl-Istat Membru li fih jiġu eżerċitat l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operattiv, inkluża l-ġestjoni kontinwa ta’ airworthiness, tat-trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju.”

12      L-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1292/2008 huwa redatt kif ġej:

“1.      L-ebda impriża stabbilita fil-Komunità m’għandha titħalla ġġorr bl-ajru passiġġieri, posta u/jew merkanzija għal remunerazzjoni u/jew kiri sakemm hi ma tingħatax l-liċenzja operattiva xierqa.

Kull impriża li tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu għandha tkun intitolata li tirċievi liċenzja operattiva.

2.      L-awtorità kompetenti tal-liċenzji m’għandhiex tagħti liċenzji operattivi jew tħallihom fis-seħħ fejn kwalunkwe mir-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu ma jkunx osservat.”

13      L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“Impriża għandha tingħata liċenzja operattiva minn awtorità kompetenti tal-liċenzji ta’ Stat Membru sakemm:

a)      is-sede ewlenija tan-negozju tagħha tkun f’dak l-Istat Membru;

b)      ikollha ĊOA validu maħruġ minn awtorità nazzjonali ta’ l-istess Stat Membru li l-awtorità kompetenti tal-liċenzji tiegħu tkun responsabbli mill-għoti, ċħid, revoka jew sospensjoni tal-liċenzja operattiva tat-trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju;

[...]

d)      ix-xogħol prinċipali tagħha jkun l-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru waħidhom jew ikkombinati ma’ kwalunkwe operat kummerċjali ieħor ta’ inġenji ta’ l-ajru jew it-tiswija u l-manutenzjoni ta’ inġenji ta’ l-ajru;

[...]

h)      tikkonforma mal-kondizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni speċifikati fl-Artikolu 11 u fir-[Regolament Nru 785/2004]; [...]

[...]”

14      L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, bit-titolu, “Għoti ta’ servizzi intra-Komunitarji”, jinsab taħt il-Kapitolu III tiegħu, li huwa stess huwa intitolat “Aċċess għar-rotot”:

“1.      It-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji għandhom ikunu intitolati joperaw servizzi ta’ l-arju intra-Komunitarji.

2.      L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw l-operat ta’ servizzi ta’ l-arju intra-Komunitarji minn trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju għal permess jew awtorizzazzjoni. L-Istati Membri m’għandhomx jesiġu li trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji jipprovdu dokumenti jew informazzjoni li jkunu diġa pprovdew lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji, sakemm l-informazzjoni rilevanti tista’ tinkiseb mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji fiż-żmien dovut.

[...]

5.      Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ kull ftehim bilaterali bejn l-Istati Membri, u suġġett għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, it-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji għandhom jitħallew mill-Istati Membri konċernati jikkombinaw servizzi ta’ l-ajru u jidħlu f’arranġamenti ta’ code-sharing ma kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru fuq servizzi ta’ l-ajru lejn, minn jew via kwalunkwe ajruport fuq it-territorju tagħhom minn jew lejn kwalunkwe punt f’pajjiżi terzi.

Stat Membru jista’, fil-qafas tal-ftehim bilaterali dwar servizzi bl-ajru mal-pajjiż terz konċernat, jimponi restrizzjonijiet fuq arranġamenti ta’ code-sharing bejn trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji u trasportaturi ta’ l-ajru ta’ pajjiż terz, partikolarment jekk il-pajjiż terz konċernat ma jippermettix opportunitajiet kummerċjali simili lil trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji li joperaw mill-Istat Membru konċernat. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-restrizzjonijiet imposti b’tali ftehim ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni u jkunu non-diskriminatorji bejn it-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji u ma jkunux aktar restrittivi milli jkun meħtieġ.”

15      L-Artikolu 22 tal-istess regolament, bit-titolu “Il-libertà ta' l-ipprezzar”, jinsab taħt il-Kapitolu IV tiegħu, huwa stess bit-titolu “Dispożizzjonijiet dwar l-ipprezzar”, huwa fformulat b’dan il-mod:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(1), it-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji u abbażi ta’ reċiproċità, it-trasportaturi ta’ l-ajru ta’ pajjiżi terżi, għandhom jistabbilixxu nollijiet ta’ l-ajru u rati ta’ l-ajru għal servizzi ta’ l-ajru intra-Komunitarji.

2.      Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ kull ftehim bilaterali bejn l-Istati Membri, l-Istati Membri ma jistgħux jiddiskriminaw fuq bażi tan-nazzjonalità jew ta’ l-identità tat-trasportaturi ta’ l-ajru billi jippermettu lil trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji jistipulaw nollijiet u rati għas-servizzi ta’ l-ajru bejn it-territorju tagħhom u pajjiż terz. Kull restrizzjoni li tifdal fuq l-ipprezzar, anke fir-rigward ta’ rotot lejn pajjiżi terzi, derivanti minn kull ftehim bilaterali bejn l-Istati Membri hija b’dan imħassra.”

 Id-dritt Ġermaniż

16      L-Artikolu 2(1), (7) u (8) tal-Liġi dwar it-traffiku tal-ajru (Luftverkehrsgesetz), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fl-10 ta’ Mejju 2007 (BGBl. 2007 I, p. 698, iktar ’il quddiem il-“LuftVG”), huwa fformulat bil-kliem li ġejjin:

“(1)      L-inġenji tal-ajru Ġermaniżi jiġu awtorizzati jtiru biss meta jkollhom awtorizzazzjoni għal dan (liċenzja operattiva) u meta jkunu inklużi, meta dan ikun previst mil-leġiżlazzjoni, fir-Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru Ġermaniżi (lista tal-inġenji tal-ajru). Inġenju tal-ajru jiġi awtorizzat itir biss jekk:

1.      it-tip ta’ inġenju jkun approvat (approvazzjoni tat-tip);

2.      jekk jipproduċi ċ-ċertifikat ta’ sigurtà tat-titjira previst mir-regolament tal-kontroll tekniku tal-inġenji tal-ajru;

3.      jekk il-proprjetarju tal-inġenju tal-ajru jkun issottoskriva assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili [...] u

4.      jekk l-inġenju tal-ajru jkun mgħammar b’tali mod li ma jaqbiżx il-limitu teknikament aċċettabbli għall-istorbju.

[...]

(7)      L-inġenji tal-ajru li ma jkunux irreġistrati u approvati fl-ispazju ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi jistgħu jidħlu f’dan l-ispazju jew jiġu diretti lejh biex itiru fih biss wara li jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni. Din l-awtorizzazzjoni ma hijiex neċessarja meta trattat bejn il-pajjiż tal-oriġini u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew ftehim vinkolanti għaż-żewġ Stati jipprovdu mod ieħor.

(8)      L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafi 6 u 7 tista’ tingħata b’mod ġenerali jew għal każ partikolari; hija tista’ tkun akkumpanjata minn obbligi u tista’ tkun valida għal ċertu terminu biss. [...]”

17      L-Artikolu 58 tal-LPartG jipprovdi:

“(1)      Tkun qed twettaq kontravenzjoni, kwalunkwe persuna li, intenzjonalment jew b’mod negliġenti, tkun qed twettaq ksur.

[...]

12a.      tidħol mingħajr l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 2(7) permezz ta’ inġenju tal-ajru fl-ispazju ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi jew tibgħat lejh b’xi mod ieħor inġenju tal-ajru,

[...]

(2)      Il-kontravenzjoni msemmija fil-paragrafu  [...] 12a tista’ tiġi ssanzjonata għal multa ta’ mhux iktar minn EUR 10 000 [...].”

18      L-Artikolu 94 tar-Regolament dwar il-liċenzji operattivi tat-traffiku tal-ajru (Luftverkehrs-Zulassungs-Ordnung), tal-10 ta’ Lulju 2008, (BGB1. 2008 I, p. 1229, iktar ’il quddiem il-“LuftVZO”), jipprevedi li:

“L-awtorizzazzjoni għad-dħul fl-ispazju tal-ajru tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja msemmija fl-Artikolu 2(7) tal-[LuftVG] tinħareġ mill-Bundesministerium für Verkehr, Bau und Stadtentwicklung [(il-Ministeru tat-Trasport, tal-Kostruzzjoni u tal-Iżvilupp Urban)] jew minn awtorità oħra maħtura minn dan tal-aħħar.”

19      L-Artikolu 95 tal-LuftVZO huwa fformulat b’dan il-kliem:

“(1)      It-talba għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-segwenti:

1.      l-isem u l-indirizz tal-proprjetarju tal-inġenju tal-ajru;

2.      it-tip ta’ inġenju tal-ajru kif ukoll l-istatus u n-numru ta’ reġistrazzjoni tiegħu;

3.      id-data u l-ħin tal-wasla prevista kif ukoll il-mument probabbli tat-titjira ta’ ritorn jew tat-titjira lejn destinazzjoni oħra tiegħu;

4.      l-ajruport tat-tluq u dak tal-wasla kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-ajruporti tal-waqfa (stopover) fit-territorju federali;

5.      in-numru ta’ passiġġieri kif ukoll in-natura u l-kwantità ta’ merkanzija, l-għan tat-titjira, b’mod partikolari fil-każ ta’ trasport ta’ grupp partikolari u l-indikazzjoni tal-post fejn dan il-grupp inġabar inizjalment;

6.      f’każ ta’ titjira charter, l-isem, l-indirizz u s-sussidjarja tal-operatur.

L-awtorità li toħroġ l-awtorizzazzjoni tista’ teħtieġ indikazzjonijiet oħra. Il-Bundesminiterium für Verkehr, Bau und Stadtentwicklung jew kwalunkwe awtorità oħra maħtura minnu għandha tindika d-dettalji tal-proċedura biex tintalab awtorizzazzjoni fil-forma ta’ dispożizzjonijiet amministrattivi ġenerali.

(2)      Ħlief għall-każ previst fil-paragrafu 3, it-talba għal awtorizzazzjoni għal titjiriet mhux skedati bi nżul għal finijiet kummerċjali (servizzi okkażjonali) għandha titressaq quddiem l-awtorità li toħroġ l-awtorizzazzjoni mhux iktar tard minn jumejn ta’ xogħol sħaħ qabel it-tluq tat-titjira prevista u f’każ ta’ serje ta’ iktar minn erba’ titjiriet, it-talba għal awtorizzazzjoni għandha titressaq mhux iktar tard minn erba’ ġimgħat qabel it-tluq tat-titjiriet previsti. Is-Sibt ma jitqiesx bħala ġurnata ta’ xogħol għall-kalkolu tat-terminu.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      International Jet Management hija kumpannija tal-ajru li s-sede tagħha tinsab fl-Awstrija. Hija topera titjiriet privati mhux skedati, jiġifieri titjiriet kummerċjali operati okkażjonalment (charters). Hija tipproproni s-servizzi ta’ trasport bl-ajru mhux biss ġewwa l-Unjoni Ewropea, iżda topera l-flotta tagħha wkoll, kif kien il-każ fil-kawża prinċipali, għal titjiriet li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi li bħala destinazzjoni jkollhom l-Unjoni.

21      Fil-mument meta seħħew il-fatti li jirrigwardaw il-kawża prinċipali, International Jet Management kellha liċenzja operattiva maħruġa mill-Ministeru Awstrijak tat-Trasport, skont ir-Regolament Nru 1008/2008. Barra minn hekk, hija kellha ĊOA li nħarġilha minn Austro Control GmbH, kumpannija li twettaq funzjonijiet ta’ servizz pubbliku li l-ishma tagħha qegħdin f’idejn ir-Repubblika tal-Awstrija.

22      Bejn id-9 ta’ Diċembru 2008 u l-15 ta’ Marzu 2009, International Jet Management operat titjiriet privati li bħala destinazzjoni jkollhom il-Ġermanja u li kienu ġejjin minn Moska, f’sitt okkażjonijiet, u minn Ankara, darba, rispettivament.

23      Għall-ebda waħda minn dawn it-titjiriet, International Jet Management ma kellha l-awtorizzazzjoni biex tidħol fl-ispazju tal-ajru Ġermaniż, prevista fl-Artikolu 2(7) tal-LuftVG, moqri flimkien mal-Artikoli 94 et seq tal-LuftVZO. Fi tliet każijiet, il-Luftfahrtbundesamt (l-Uffiċċju Federali tat-Traffiku tal-Ajru) kien irrifjuta li jagħtiha l-awtorizzazzjoni biex tidħol fl-ispazju tal-ajru Ġermaniż minħabba li hija ma kinitx ipproduċiet id-“dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà”, jiġifieri dikjarazzjoni li tipprovdi li t-trasportaturi tal-ajru Komunitarju li jkollhom liċenzja operattiva maħruġa mill-awtoritajiet Ġermaniżi, jew ma kinux lesti sabiex joperaw t-titjira kkonċernata, jew ma kinux f’kundizzjoni li joperawha. Fil-każijiet l-oħra, il-Luftfahrtbundesamt kien għadu ma ħax deċiżjoni dwar din it-talba għal awtorizzazzjoni fil-mument li ġew operati t-titjiriet.

24      Wara dawn it-titjiriet, International Jet Management ġiet ikkundannata, permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011 tal-Amtsgericht Braunschweig (il-Ġermanja), għall-ħlas ta’ diversi multi għall-ksur tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

25      International Jet Management ippreżentat rikors kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn tiegħu, hija sostniet, qabel kollox, li r-Regolament Nru 1008/2008 jikkonferilha d-dritt li ttir liberament fl-ispazju tal-ajru Ewropew, mingħajr ma tkun obbligata li tikseb minn qabel awtorizzazzjoni maħruġa għal dan il-għan mill-Istati Membri kkonċernati. Skont l-għan ta’ dan ir-regolament, is-suq huwa liberu għall-kumpanniji tal-ajru stabbiliti fl-Istati Membri u li jixtiequ li joperaw servizzi ta’ trasport bl-ajru.

26      Sussegwentement, il-projbizzjoni ġenerali ta’ kull diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 18 TFUE tipprojbixxi fi kwalunkwe każ li jiġu imposti multi bħal dawk li kienu ġew imposti fuq International Jet Management. Il-fatt li tenħtieġ awtorizzazzjoni għad-dħul fl-ispazju tal-ajru Ġermaniż għall-provvista ta’ servizzi tal-ajru li ġejjin minn pajjiż terz ikun diskriminatorju peress li, fil-fatti, il- Luftfahrtbundesamt jivverifika biss elementi li diġà jkunu ġew ikkontrollati mill-awtoritajiet Awstrijaċi, fatt li jkun inkompatibbli mal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger (C‑382/08, Ġabra p. I‑139).

27      Fl-aħħar nett, International Jet Management tinvoka, sussidjarjament, inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56  TFUE.

28      Min-naħa l-oħra, il-Ministru Pubbliku jitlob li r-rikors ippreżentat minn International Jet Management jiġi miċħud. Huwa jsostni li r-regola li timponi l-kisba ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 2(7) tal-LuftVG hija miżura t tal-ekonomija nazzjonali li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija intitolata li timponi peress li, l-ewwel nett, ir-Regolament Nru 1008/2008 tapplika biss għat-titjiriet intra-Komunitarji, it-tieni nett, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE tapplika biss għat-trasport bl-ajru u, it-tieni nett, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 18 TFUE ma huwiex iktar rilevanti f’dan il-każ.

29      Skont il-Ministru Pubbliku, l-Istati Membri huma intitolati li jiffavorixxu l-impriżi nazzjonali tagħhom fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi regolamentari tagħhom. Il-kumpanniji tal-ajru li joriġinaw minn Stati Membri oħrajn għandhom konsegwentement jinformaw ruħhom minn qabel mingħand kumpanniji Ġermaniżi sabiex jiżguraw ruħhom li ħadd fosthom ma huwa lest li jopera t-titjira kkonċernata għal kundizzjonijiet komparabbli. Din il-prassi hija ġġustifikata min-neċessità li tiġi evitata kull distorsjoni ta’ kompetizzjoni, peress li l-Istati Membri l-oħra jipproteġu wkoll il-kumpanniji nazzjonali tagħhom fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi.

30      Barra minn hekk, ir-rekwiżit għal awtorizzazzjoni għad-dħul fl-ispażju tal-ajru Ġermaniż iservi mhux biss sabiex jipproteġi l-ekonomija nazzjonali, iżda jissodisfa wkoll ħtiġijiet ta’ sigurtà. Fil-fatt, l-awtorità li toħroġ l-awtorizzazzjonijiet teżiġi mingħand kumpanniji li joriġinaw minn Stati Membri oħrajn li huma jipproduċu mhux biss dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà, iżda wkoll attestazzjoni ta’ assigurazzjoni u ċ-ĊOA maħruġ mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. Għalkemm jirrikonoxxi li l-awtorità ta’ ħruġ ma tivverifika ebda element li l-Istat Membru tas-sede tal-kumpannija tal-ajru ma għandux l-obbligu li jikkontrolla, il-Ministru Pubbliku jsostni li madankollu l-prassi turi li l-Istati Membri jonqsu, regolarment, milli jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ kontroll. Il-kontrolli addizzjonali, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ twettaq fir-rigward ta’ kumpanniji tal-ajru li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor meta jkun jirrigwarda titjiriet li jkunu ġejjin minn, jew li bħala destinazzjoni tagħhom ikollhom, pajjiżi terzi, ikunu għaldaqstant iġġustifikati.

31      Fl-aħħar nett, il-Ministru Pubbliku jsostni li s-sentenza Neukirchinger, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex rilevanti f’din il-kawża peress li din tal-aħħar tirrigwarda trasport bl-ajru intra-Komunitarju. Il-fatti li taw lok għal din is-sentenza huma differenti b’mod determinanti minn dawk ta’ din il-kawża inkwantu, għat-titjiriet inkwistjoni f’din il-kawża, l-ajruplani telqu minn pajjiżi terzi.

32      Il-qorti tar-rinviju għandha dubju rigward l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 18 TFUE kif ukoll fuq l-applikabbiltà tiegħu għall-kawża li hija għandha quddiemha.

33      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Oberlandesgericht Braunschweig iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 18 TFUE [...] japplika fejn Stat Membru ([jiġifieri] r-Repubblika Federali tal-Ġermanja) jeħtieġ mingħand kumpannija tal-ajru, li jkollha liċenzja [operattiva] valida maħruġa fi Stat Membru ieħor ([jiġifieri] r-Repubblika tal-Awstrija) kif iddefinit fl-Artikoli 3 u 8 tar-Regolament Nru 1008/2008 […] li tikseb permess [awtorizzazzjoni] sabiex tuża [tidħol fi] l-ispazju tal-ajru għal titjiriet privati [fuq talba] (titjiriet kummerċjali mhux skedati) b’destinazzjoni fit-territorju tiegħu minn pajjiżi terzi?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, huwa fih innifsu inkompatibbli mal-Artikolu 18 TFUE [...] li jkun meħtieġ permess għal dħul fl-ispazju tal-ajru meta tali permess, taħt piena ta’ multa, huwa meħtieġ għat-titjiriet minn pajjiżi terzi fil-każ ta’ kumpanniji tal-ajru li jkollhom liċenzja [operattiva] miksuba fi Stat Membru ieħor, iżda mhux fil-każ ta’ kumpanniji li jkollhom liċenzja [operattiva] miksuba [fil-Ġermanja]?

3)      Jekk l-Artikolu 18 TFUE [...] japplika għas-sitwazzjoni msemmija (l-ewwel domanda), iżda li jkun meħtieġ permess ma huwiex fih innifsu diskriminatorju (it-tieni domanda), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’, mingħajr ma tikser l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, tissuġġetta l-għoti ta’ permess għal dħul fl-ispazju tal-ajru tagħha għal titjiriet minn pajjiżi terzi, taħt piena ta’ multa, għall-kundizzjoni li l-kumpannija tal-ajru li toriġina minn Stat Membru ieħor turi lill-awtorità li toħroġ il-permessi li l-kumpanniji li għandhom liċenzja [operattiva] [fil-Ġermanja] ma humiex f’pożizzjoni li joperaw dawn it-titjiriet (dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà)?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

34      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, huwiex applikabbli għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-ewwel Stat Membru jeżiġi mingħand trasportatur tal-ajru li għandu liċenzja operattiva maħruġa minn tieni Stat Membru li jikseb awtorizzazzjoni sabiex jidħol fl-ispazju tal-ajru tal-ewwel Stat Membru sabiex jagħmel titjiriet privati mhux skedati li ġejjin minn pajjiż terzi u li bħala destinazzjoni jkollhom dan l-ewwel Stat Membru, għalkemm tali awtorizzazzjoni ma hijiex meħtieġa għat-trasportaturi tal-ajru li għandhom liċenzja operattiva maħruġa minn dan l-ewwel Stat Membru.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 18 KE jipprovdi li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi fih, kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità għandha tiġi pprojbita.

36      Skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fil-qasam tat-trasport, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-titolu dwar it-trasport, jiġifieri t-Titolu VI. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija għaldaqstant suġġetta, fi ħdan id-dritt primarju, għal sistema ġuridika speċifika.

37      Għandu jiġi kkonstatat li t-trasport bl-ajru huwa, bħat-trasport marittimu, distint minn dan it-Trattat minn mezzi oħra ta’ trasport.

38      Fil-fatt, skont l-Artikolu 100(1) u (2) TFUE, it-trasport bl-ajru huwa, sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx iddeċieda mod ieħor, eżenti mir-regoli tat-Titolu VI tal-imsemmi Trattat. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa biss abbażi tal-Artikolu 100(2) TFUE li miżuri ta’ liberalizzazzjoni tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru jistgħu jiġu adottati.

39      F’din il-kawża, għalkemm huwa veru li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma adottax, f’dan l-istadju, bis-saħħa tal-kompetenza maqsuma kkonferita lilu fil-qasam tat-trasport mill-Artikolu 4(2)(g) TFUE, miżuri bbażati fuq l-Artikolu 100(2) tat-Trattat FUE u dwar il-liberalizzazzjoni tas-servizzi ta’ trasport bl-arju li jirrigwardaw ir-rotot bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, l-Artikolu 18 TFUE ma huwiex madankollu maħsub li japplika għal tali servizzi, sakemm madankollu dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens ta’ dan l-artikolu tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Neukirchinger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għaldaqstant għandu jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwisjtoni fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna trasportatur tal-ajru li s-sede tiegħu tinsab fi Stat Membru, li għandu liċenzja operattiva maħruġa mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru skont ir-Regolament Nru 1008/2008, u li, għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru li bħala destinazzjoni jkollhom Stat Membru ieħor, huwa suġġett, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, il-fatt li s-servizzi inkwistjoni huma pprovduti mit-tluq minn pajjiż terz huwiex ta’ natura li jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE.

41      F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1008/2008, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, jirregola mhux biss id-dritt tat-“trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji”, li joperaw “servizzi ta’ l-ajru intra-Komunitarji”, iżda wkoll il-liċenzji tal-imsemmija trasportaturi tal-ajru, li huwa s-suġġett tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament.

42      Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li ebda impriża stabbilita fl-Unjoni ma għandha titħalla ġġorr bl-ajru passiġġieri, posta u/jew merkanzija għal remunerazzjoni u/jew kiri sakemm ma tingħatax il-liċenzja operattiva xierqa. Madankollu, ir-Regolament 1008/2008 ma jeżentax mill-applikazzjoni ta’ din ir-regola t-trasportaturi tal-ajru stabbiliti fl-Unjoni li jagħmlu trasport bl-ajru ta’ passiġieri li ġejjin minn pajjiżi terzi u li bħala destinazzjoni jkollhom Stati Membri.

43      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, kull impriża li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Kapitolu II tiegħu għandha tkun intitolata li tikseb. liċenzja operattiva.

44      Għandu jiġi rrilevat li, fost il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament għall-għoti, mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, ta’ liċenzja operattiva lil impriża, jinkludu b’mod partikolari l-kundizzjoni li tipprovdi li s-“sede ewlenija tan-negozju” ta’ din l-impriża tkun tinsab fl-imsemmi Stat Membru u dik li tipprovdi li l-attività prinċipali tagħha tkun l-operat ta’ “servizzi ta’ l-ajru”, waħedhom jew flimkien ma’ kwalunkwe operat kummerċjali ieħor ta’ inġenji tal-ajru jew it-tiswija u l-manutenzjoni ta’ inġenji tal-ajru.

45      Il-kunċetti ta’ “sede ewlenija tan-negozju” u ta’ “servizz ta’ l-ajru” huwa ddefiniti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1008/2008. Skont il-punt 26 ta’ dan l-artikolu, is-sede ewlenija tan-negozju tfisser “l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju reġistrat ta’ trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju fl-Istat Membru li fih jiġu eżerċitat l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operattiv, inkluża l-ġestjoni kontinwa ta’ airworthiness, tat-trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju.” L-Artikolu 2(4) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi, min-naħa tiegħu, “servizz ta’ l-ajru” bħala huwa “titjira jew serje ta’ titjiriet li jġorru passiġġieri, tagħbija u/jew posta bi ħlas u/jew b’kiri”.

46      Kif l-Avukat Ġenerali enfasizza fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-kunċett tal-aħħar b’hekk jinkludi mhux it-titjiriet li jsiru ġewwa l-Unjoni, izda wkoll dawk li jiżguraw rotta bejn pajjiż terz u Stat Membru. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 1008/2008 jiddistingwi s-“servizzi ta’ l-ajru” minn “servizzi bl-ajru intra-Komunitarji, dawn tal-aħħar jinkludu, skont l-Artikolu 2(13) ta’ dan ir-regolament, is-servizz ta’ trasport bl-ajru operati ġewwa l-Unjoni.

47      Minn dawn id-dispożizzjonijiet differenti jirriżulta li, għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, inkluż dawk li jiżguraw rotta bejn Stat Membru u pajjiż terz, trasportatur tal-ajru, bħal International Jet Management, li s-sede ewlenija tan-negozju tiegħu tinsab fi Stat Membru, għandu liċenzja operattiva maħruġa mill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1008/2008.

48      Tali liċenzja operattiva, li l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ tagħha ġew armonizzati permezz tar-Regolament Nru 1008/2008, tiggarantixxi li dan t-trasportatur tal-ajru jkun kisibha fl-osservanza tar-regoli komuni, b’mod partikolari ta’ sigurtà, u għalhekk għandha tiġi rrikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra.

49      F’dan il-kuntest, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont ir-regoli amministrattivi ġenerali msemmija fl-Artikolu 95(1) tal-LuftVZO, l-awtorità li toħroġ l-awtorità għad-dħul fl-ispazju tal-ajru Ġermaniż inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tivverifika, qabel l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni lil trasportatur tal-ajru li għandu liċenzja operattiva maħruġa mill-awtorità kompententi ta’ Stat Membru ieħor, l-elementi differenti li għandhom jiġu kkontrollati minn din l-awtorità tal-aħħar skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1008/2008.

50      Barra minn hekk, il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1008/2008 tipprovdi li sabiex jiġi kkompletat is-suq intern tal-avjazzjoni, għandhom jitneħħew ir-restrizzjonijiet li għadhom jeżistu u li huma applikati bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari r-restrizzjonijiet dwar il-code-sharing fuq ir-rotot lejn pajjiżi terzi jew dwar l-iffissar tal-prezzijiet fuq rotot lejn pajjiżi terzi b’waqfa intermedja fi Stat Membru ieħor. Kif il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat waqt is-seduta, minn dan jirriżulta li jekk dan ir-regolament għandu l-għan li jikkompleta s-suq intern tal-avjazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-kompletezza ta’ dan l-għan tista’ titfixkel permezz ta’ restrizzjonijiet applikati għar-rotot tal-ajru lejn pajjiżi terzi. Barra minnhekk, b’riferiment għal tali restrizzjonijiet fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 15(5) u l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1008/2008, il-leġiżlatur tal-Unjoni għaqqad dan ir-riferiment ma’ riferiment espliċitu, f’dawn l-istess dispożizzjonijiet, għall-obbligu tal-Istati Membri li josservaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru Komunitarji.

51      Barra minn hekk, kif sostna l-Gvern Finlandiż fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjonijiet oħrajn tad-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar is-settur tan-navigazzjoni tal-ajru jistgħu wkoll japplikaw għal servizzi ta’ trasport bl-ajru pprovduti bejn pajjiż terz u Stat Membru minn trasportatur tal-ajru li għandu liċenzja operativa maħruġa minn Stat Membru ieħor.

52      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tar-Regolament Nru 261/2004, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1)(b) tiegħu u tar-Regolament Nru 785/2004, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tiegħu. Dan huwa wkoll il-każ tar-Regolament Nru 847/2004, li jistabbilixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-proċess ta’ negozjar u ta’ konklużjoni ta’ ftehim li jirrigwardaw is-servizzi ta’ trasport bl-ajru bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, meta l-għan tal-imsemmija ftehim jaqa’ in parti taħt il-kompetenza tal-Unjoni. Barra minn hekk, serje ta’ ftehim dwar is-servizzi ta’ trasport bl-ajru ġew innegozjati bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u ma’ pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra, li jinkludu ftehim imsejħa “vertikali”, li jawtorizzaw kull trasportatur tal-ajru tal-Unjoni li jipprovdi servizzi ta’ trasport bl-ajru bejn l-Istati Membri kollha u l-pajjiż terz ikkonċernat [ara, b’mod partikolari, l-ftehim konklużi mal-Istati Uniti tal-Amerika u mal-Kanada, li l-firma u l-applikazzjoni provviżorja tagħhom ġew approvati, bid-Deċiżjoni 2007/339/KE, tal-25 ta’ April 2007 (ĠU L 134, p. 1) u bid-Deċiżjoni 2010/417/KE, tat-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 207, p. 20)].

53      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jinsabu fil-punti 41 sa 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta li s-servizzi ta’ trasport bl-ajru pprovduti bejn pajjiż terz u Stat Membru minn trasportatur bl-ajru li għandu liċenzja operattiva maħruġa minn Stat Membru ieħor kienu s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni ta’ dritt sekondarju u li, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-fatt li s-servizzi ta’ trasport bl-ajru kkonċernati huma pprovduti mit-tluq minn pajjiż terz ma huwiex ta’ natura li jeskludi din is-sitwazzjoni mill-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattati fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE.

54      Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni tapplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwisjtoni fil-kawża prinċipali.

55      Il-Gvern Ġermaniż u dak Franċiż isostnu madankollu, essenzjalment, li applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-fatt twassal sabiex l-Artikolu 58(1) TFUE jiċċaħħad minn kull effettività. Il-Gvern Franċiż jenfasizza, f’dan ir-rigward, li, jekk Stat Membru jkun obbligat, fir-rigward tal-operat ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru bejn it-territorju tiegħu pajjiż, li jitratta bl-istess mod, minn naħa, it-trasportaturi tal-ajru stabbiliti fit-territorju tiegħu u, min-naħa l-oħra, it-trasportaturi tal-ajru stabbiliti fit-territorju ta’ wieħed jew ta’ diversi Stati Membri oħrajn u li ma għandhomx sede fit-territorju tiegħu, dan ser iwassal biex il-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu 56 TFUE tiġi estiża anki għas-servizzi ta’ trasport.

56      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

57      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 56 TFUE ma jirrikjedix biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-fornituri ta’ servizzi minħabba n-nazzjonalità tagħhom, jew minħabba li huma stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak fejn issir il-provvista, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta hija tali li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jipprovdi servizzi analogi (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Konstantinides, C‑475/11,punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE għandha għalhekk portata li tmur lil hinn mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 18 TFUE.

59      Għalhekk, għalkemm l-Istati Membri għandhom id-dritt, skont l-Artikolu 58(1) TFUE, li jimponu restrizzjonijiet fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru għar-rotot bejn il-pajjiżi terzi u l-Unjoni sa fejn, kif ġie rrilevat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma eżerċitax il-kompetenza li jirrikonoxxilu l-Artikolu 100(2) TFUE sabiex jilliberalizza dan it-tip ta’ servizzi, l-imsemmija Stati jibqgħu madankollu suġġetti għall-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità sanċita fl-Artikolu 18 TFUE.

60      Barra minn hekk, la s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1989, Corsica Ferries (Franza) (C‑49/89, Ġabra p. 4441), u lanqas s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 1991, Pinaud Wieger (C‑17/90, Ġabra p. I‑5253), li ġew invokati mill-Gvern Ġermaniż u dak Franċiż u li kienu jikkonċernaw sitwazzjonijiet li fihom il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien għadu ma adottax leġiżlazzjoni li timplementa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’oqsma li jaqgħu taħt it-trasport marittimu u tat-toroq, ma jidhrux li huma ta’ natura li jikkontestaw l-applikabbiltà tal-Artikolu 18 TFUE għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx il-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’dawn is-sentenzi mill-perspettiva tal-Artikolu 7 tat-Trattat KEE, li sar l-Artikolu 18 TFUE, iżda mill-perspettiva tat-Trattat KEE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, f’kuntest leġiżlattiv li jiddistingwi ruħu minn dak espost fil-punti 41 sa 52 ta’ din is-sentenza.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 18 TFUE li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità japplika għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-ewwel Stat Membru jeżiġi mingħand kumpannija tal-ajru, li għandha liċenzja operattiva maħruġa minn tieni Stat Membru li jikseb awtorizzazzjoni sabiex tidħol fl-ispazju tal-ajru tal-ewwel Stat Membri biex tagħmel titjiriet privati mhux skedati li ġejjin minn pajjiż terz u li bħala destinazzjoni jkollhom dan l-ewwel Stat Membri, għalkemm tali awtorizzazzjoni ma hijiex meħtieġa għat-trasportaturi tal-ajru li għandhom liċenzja operattiva maħruġa mill-imsemmi l-ewwel Stat Membru.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

63      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali tal-ewwel Stat Membru li teżiġi, taħt piena ta’ multa fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tagħha, mingħand trasportatur tal-ajru li għandu liċenzja operattiva maħruġa minn tieni Stat Membru li jikseb awtorizzazzjoni sabiex jidħol fl-ispazju tal-ajru tal-ewwel Stat Membru sabiex jagħmel titjiriet privati mhux skedati li ġejjin minn pajjiż terz u li bħala destinazzjoni jkollhom dan l-ewwel Stat Membru, għalkemm tali awtorizzazzjoni ma hijiex meħtieġa għat-trasportaturi tal-ajru li għandhom liċenzja operattiva maħruġa minn dan l-ewwel Stat Membru, u li tissuġġetta l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni għall-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni li tattesta li t-trasportaturi tal-ajru għandhom liċenzja maħruġa minn dan l-ewwel Stat Membru, jew ma kinux lesti sabiex joperaw dawn it-titjiriet, jew ma kinux f’kundizzjoni li joperawhom.

64      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li r-regoli ta’ trattament ugwali bejn ċittadini u dawk li ma humiex ċittadini jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjonijiet ċari abbażi tan-nazzjonalità, jew is-sede f’dak li jirrigwarda l-kumpanniji, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu għall-istess riżultat (sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C‑115/08, Ġabra p. I‑10265, punt 92 u Neukirchinger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

65      Il-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżiġi mingħand trasportatur tal-ajru li għandu liċenzja operattiva maħruġa minn tieni Stat Membru li jikseb awtorizzazzjoni sabiex jidħol fl-ispazju tal-ajru tal-ewwel Stat Membru sabiex jagħmel titjiriet li ġejjin minn pajjiż terz, għalkemm tali awtorizzazzjoni ma hijiex meħtieġa għat-trasportaturi tal-ajru li għandhom liċenzja operattiva maħruġa minn dan l-ewwel Stat Membru, tintroduċi kriterju ta’ distinzjoni li jwassal, fil-fatt, għall-istess riżultat bħal kriterju bbażata fuq in-nazzjonalità.

66      Fil-fatt, sa fejn, skont l-Artikolu 4(a) tar-Regolament Nru 1008/2008, il-liċenzja operattiva hija maħruġa minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih trasportatur tal-ajru għandu s-sede ewlenija tiegħu fis-sens tal-Artikolu 2(26) tal-istess regolament, tali leġiżlazzjoni tiżvantaġġa, fil-prattika, biss it-trasportaturi tal-ajru li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor.

67      Dan japplika wkoll għalhekk, a fortiori, għal leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi biss fuq trasportaturi tal-ajru li għandhom liċenzja operattiva maħruġa minn tieni Stat Membru, sabiex tingħata awtorizzazzjoni sabiex jidħlu fl-ispazju tal-ajru tiegħu għal titjiriet ġejjin minn pajjiż terzi, li jipproduċu dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà, li tattesta li t-trasportaturi tal-ajru għandhom liċenzja maħruġa minn dan l-ewwel Stat Membru, jew ma kinux lesti sabiex joperaw dawn it-titjiriet, jew ma kinux f’kundizzjoni li joperawhom.

68      Tali differenza ta’ trattament bħal din ma tistax tiġi ġġustifikata ħlief jekk hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u hija proporzjonata għall-għan leġittimament segwit mil-liġi nazzjonali (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punt 54, u Neukirchinger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

69      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Ministru Pubbliku jqis li r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għad-dħul fl-ispazju tal-ajru Ġermaniż inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfa bżonn ta’ protezzjoni tal-ekonomija nazzjonali u ta’ sigurtà.

70      Għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni tal-ekonomika nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat dan jirrigwarda għan ta’ natura purament ekonomiku, li ma jistax jiġġustifika differenza ta’ trattament bħal dik inkwisjtoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjonijiet għall-libertajiet fundamentali, sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1991, SETTG, C‑398/95, Ġabra p. I‑3091, punt 23, u tas-7 ta’ April 2011, Il-Kummisjoni vs Il-Portugall, C‑20/09, Ġabra p. I-2637, punt 65).

71      Rigward l-għan ta’ sigurtà, għalkemm tali għan jikkostitwixxi mingħajr ebda dubju għan leġittimu, dan ma jistax madankollu jiġi validament invokat fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

72      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għal dħul fl-ispazju tal-ajru Ġermaniż huwa b’mod partikolari suġġett, minbarra għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà, għal dik ta’ attestazzjoni ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ċivili u ta’ ĊOA. Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-elementi koperti minn dawn id-dokumenti huma elementi li għandhom jiġu kkontrollati mir-Repubblika Awstrijaka li ħarġet liċenzja operattiva lil International Jet Management.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fost il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzja operattiva lil impriża mill-awtorità kompetenti ta’ Stati Membru, hija inkluża, skont l-Artikolu 4(h) tar-Regolament Nru 1008/2008, dik li tipprovdi li din l-impriża tosserva r-rekwiżiti li jirrigwardaw assigurazzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament u fir-Regolament Nru 785/2004. Bl-istess mod, skont l-Artikoli 4(b) u 6(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, liċenzja operattiva tista’ tinħareġ minn tali awtorità biss jekk l-impriża li titlobha għandha ĊOA validu. Skont id-definizzjoni ta’ ĊOA li tinsab fl-Artikolu 2(8) ta’ dan ir-regolament, dan iċ-ċertifikat jattesta li t-trasportatur tal-ajru għandu l-abbiltà professjonali u organizzattiva neċessarji sabiex jiżgura s-sigurtà ta’ tipi ta’ operazzjonijiet speċifikati fiċ-ĊOA, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali, skont il-każ.

74      Għalhekk, il-fatt, għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li tobbliga trasporatur tal-ajru, bħal International Jet Management, li għandha liċenzja operattiva maħruġa minn Stat Membru ieħor, li jinħariġlu awtorizzazzjoni għal dħul fl-ispazju tal-ajru tiegħu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex proporzjonat mal-għan leġittimu segwit. Fil-fatt, l-interessi ta’ sigurtà li jirreferi għalihom il-Ministru Pubbliku diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-mument tal-ħruġ tal-liċenzja operattiva għal International Jet Management mill-awtorità kompetenti Awstrijaka (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Neukirchinger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

75      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Ġermaniż, waqt is-seduta, sostna li jekk it-trasportaturi tal-ajru li għandhom liċenzja operattiva maħruġa minn Stat Membru ieħor li joperaw titjiriet li jkunu ġejjin minn pajjiż terz u li bħala destinazzjoni jkollhom it-territorju Ġermaniż jagħmlu waqfa (stopover) fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, awtorizzazzjoni għal dħul fl-ispazju tal-ajru Ġermaniż ma hijiex meħtieġa min-naħa tagħhom. Il-Gvern Ġermaniż ma speċifikax ir-raġunijiet għaliex, f’tali ipoteżi, l-interessi marbutin mas-sigurtà invokati jistgħux jiġu injorati, peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx, fi kwalunkwe każ, li tista’ tiġi ġġustifikata minn tali interessi.

76      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, enfasizzata bil-multa imposta fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ tali leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Neukirchinger, iċċitata iktar’il fuq, punt 43).

77      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l- Artikolu 18 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali tal-ewwel Stat Membru li teżiġi, taħt piena ta’ multa fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tagħha, mingħand trasportatur tal-ajru li għandu liċenzja operattiva maħruġa minn tieni Stat Membru li jikseb awtorizzazzjoni sabiex jidħol fl-ispazju tal-ajru tal-ewwel Stat Membru sabiex jagħmel titjiriet privati mhux skedati li ġejjin minn pajjiż terz u li jkollhom bħala destinazzjoni dan l-ewwel Stat Membru, għalkemm tali awtorizzazzjoni ma hijiex meħtieġa għat-trasportaturi tal-ajru li għandhom liċenzja operattiva maħruġa minn dan l-ewwel Stat Membru, u li tissuġġetta l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni għall-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni li tattesta li t-trasportaturi tal-ajru għandhom liċenzja maħruġa minn dan l-ewwel Stat Membru, jew ma kinux lesti sabiex joperaw dawn it-titjiriet, jew ma kinux f’kundizzjoni li joperawhom.

 Fuq l-ispejjeż

78      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità japplika għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-ewwel Stat Membru jeżiġi mingħand trasportatur tal-ajru, li għandu liċenzja operattiva maħruġa minn tieni Stat Membru li jikseb awtorizzazzjoni sabiex jidħol fl-ispazju tal-ajru tal-ewwel Stat Membri biex jagħmel titjiriet privati mhux skedati li ġejjin minn pajjiż terz u li bħala destinazzjoni jkollhom dan l-ewwel Stat Membri, għalkemm tali awtorizzazzjoni ma hijiex meħtieġa għat-trasportaturi tal-ajru li għandhom liċenzja operattiva maħruġa mill-imsemmi l-ewwel Stat Membru.

2)      L-Artikolu 18 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali tal-ewwel Stat Membru li teżiġi, taħt piena ta’ multa fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tagħha, mingħand trasportatur tal-ajru li għandu liċenzja operattiva maħruġa minn tieni Stat Membru li jikseb awtorizzazzjoni sabiex jidħol fl-ispazju tal-ajru tal-ewwel Stat Membru sabiex jagħmel titjiriet privati mhux skedati li ġejjin minn pajjiż terz u li bħala destinazzjoni jkollhom dan l-ewwel Stat Membru, għalkemm tali awtorizzazzjoni ma hijiex meħtieġa għat-trasportaturi tal-ajru li għandhom liċenzja operattiva maħruġa minn dan l-ewwel Stat Membru, u li tissuġġetta l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni għall-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni li tattesta li t-trasportaturi tal-ajru għandhom liċenzja maħruġa minn dan l-ewwel Stat Membru, jew ma kinux lesti sabiex joperaw dawn it-titjiriet, jew ma kinux f’kundizzjoni li joperawhom.

Firem


* Fil-prinċipju, sa fejn “gesetz” huwa maskili