Language of document : ECLI:EU:C:2022:449

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta’ Ġunju 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Ċittadin tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq residenti fi Stat Membru – Artikolu 9 TUE – Artikoli 20 u 22 TFUE – Dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza – Artikolu 50 TUE – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Konsegwenzi tal-ħruġ ta’ Stat Membru tal-Unjoni – Tneħħija mil-listi elettorali fl-Istat Membru ta’ residenza – Artikoli 39 u 40 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Validità tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135”

Fil-Kawża C‑673/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal judiciaire d’Auch (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Auch, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fid‑9 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura

EP

vs

Préfet du Gers,

Institut national de la statistique et des études économiques (INSEE),

fil-preżenza ta’:

Maire de Thoux,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, S. Rodin, N. Jääskinen (Relatur), I. Ziemele u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi, N. Wahl u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–         għal EP, minn J. Fouchet u J.-N. Caubet‑Hilloutou, avocats,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères kif ukoll minn D. Dubois u T. Stéhelin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u A. Wellman, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn J. Ciantar kif ukoll minn R. Meyer u M. Bauer, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti kif ukoll minn H. Krämer, C. Giolito u A. Spina, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑24 ta’ Frar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 50 TUE, tal-Artikoli 18, 20 u 21 TFUE, tal-Artikoli 39 u 40 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikoli 2, 3, 10, 12 u 127 tal-Ftehim dwar il‑Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7), adottat fis‑17 ta’ Ottubru 2019 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ ħruġ”), kif ukoll il-validità ta’ dan il-ftehim.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn EP, ċittadina tar-Renju Unit li tirrisjedi, sa mis-sena 1984, fi Franza, u l-préfet du Gers (il-Prefett ta’ Gers, Franza) u l-Institut national de la statistique et des études économiques (INSEE) (l-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika u tal-Iżvilupp Ekonomiku (INSEE), Franza), dwar it-tneħħija ta’ EP mil-listi elettorali fi Franza u dwar ir-rifjut ta’ inklużjoni mill-ġdid tagħha fil-lista elettorali addizzjonali kkonċernata.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 ItTrattati UE u FUE

3        L-Artikolu 9 TUE jipprovdi:

“[...] Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.”

4        L-Artikolu 50 TUE jipprevedi:

“(1)      Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, li joħroġ mill-Unjoni.

2.      L-Istat Membru li jiddeċiedi li joħroġ għandu jinnotifika lill‑Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu. Fid-dawl tal-linji gwida provduti mill-Kunsill Ewropew, l-Unjoni għandha tinnegozja u tikkonkludi ma’ dak l-Istat ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall‑ħruġ tiegħu, filwaqt li jittieħed kont tal-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu ma’ l-Unjoni Ewropea. Dan il-ftehim għandu jkun innegozjat skond l-Artikolu 218(3) [TFUE]. Dan għandu jiġi konkluż f’isem l-Unjoni mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

3.      It-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għall-Istat in kwistjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara n-notifika prevista fil-paragrafu 2, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim ma’ l-Istat Membru in kwistjoni, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dan il-perijodu.

[…]”

5        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jistabbilixxi:

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad‑dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.”

6        Skont l-Artikolu 20 TFUE:

“(1)      Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l‑Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.

2.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:

[…]

b)      id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huma jirrisjedu, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ‑ċittadini ta’ dak l-Istat.”

7        L-Artikolu 21(1) TFUE jiddisponi:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l‑limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d‑dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq.”

8        L-Artikolu 22 TFUE jipprevedi li:

“(1)      Kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza għandu jkollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. […]

2.      […] [K]ull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza, ikollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. […] ”

 Il-Karta

9        L-Artikolu 39 tal-Karta, intitolat “Dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl‑elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn jirrisjedi, bl-istess kondizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini ta’ dak l‑Istat.”

10      Skont l-Artikolu 40 tal-Karta, intitolat “Id-dritt tal-vot u dritt tal‑kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali”:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jivvota u d-dritt li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn jirrisjedi bl-istess kondizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini ta' dak l-Istat.”

 IlFtehim dwar ilħruġ

11      Il-Ftehim dwar il-ħruġ ġie approvat f’isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA) permezz tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 (ĠU 2020, L 29, p. 1).

12      Ir-raba’, is-sitt u t-tmien paragrafi tal-preambolu ta’ dan il-ftehim jipprovdu:

“Filwaqt li jfakkru li, skont l-Artikolu 50 TUE flimkien mal-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom, u soġġett għall-arranġamenti stabbiliti f’dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni u tal-Euratom jieqaf japplika fl-intier tiegħu għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim,

[…]

“Filwaqt li jirrikonoxxu li jeħtieġ li tiġi pprovduta protezzjoni reċiproka għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għal dawk tar-Renju Unit, kif ukoll għall-membri tal-familji rispettivi tagħhom, fejn huma eżerċitaw drittijiet ta’ moviment liberu qabel id-data stabbilita f’dan il-Ftehim, u li jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom taħt dan il-Ftehim ikunu infurzabbli u bbażati fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni; filwaqt li jirrikonoxxu wkoll li d-drittijiet li joriġinaw minn perjodi ta’ assigurazzjoni ta’ sigurtà soċjali jenħtieġ li jiġu protetti,

[…]

Filwaqt li jikkunsidraw li huwa fl-interess kemm tal-Unjoni kif ukoll tar-Renju Unit li jiġi stabbilit perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni li matulu – minkejja l-konsegwenzi kollha tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, b’mod partikolari, it-tmiem, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, tal-mandati kollha tal-membri tal-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni nominati, maħtura jew eletti fir-rigward tas-sħubija tar-Renju Unit fl‑Unjoni – id-dritt tal-Unjoni, inklużi l-ftehimiet internazzjonali, jenħtieġ li jkunu applikabbli għar-Renju Unit u fih, u, bħala regola ġenerali, bl-istess effett fir-rigward tal-Istati Membri, sabiex jiġi evitat tħarbit fil-perjodu li matulu se jiġu nnegozjati l-ftehim(iet) dwar ir‑relazzjonijiet futuri”.

13      L-ewwel parti tal-imsemmi ftehim, intitolata “Dispożizzjonijiet komuni”, tinkludi l-Artikoli 1 sa 8 tiegħu. Skont l-Artikolu 2(c) sa (e) tal-istess ftehim:

“Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(c) ‘ċittadin tal-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ‑ċittadinanza ta’ Stat Membru;

(d)      ‘ċittadin tar-Renju Unit’ tfisser ċittadin tar-Renju Unit, kif definit fid-Dikjarazzjoni l-Ġdida mill-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq tal‑31 ta’ Diċembru 1982 dwar id‑definizzjoni tat-terminu “ċittadini” flimkien mad-Dikjarazzjoni Nru 63 annessa mal-Att Finali tal-konferenza intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona;

(e)      ‘perjodu ta’ tranżizzjoni’ tfisser il-perjodu previst fl-Artikolu 126”.

14      It-tieni parti tal-Ftehim dwar il-ħruġ, intitolata “Drittijiet taċ-ċittadini”, hija komposta mill-Artikoli 9 sa 39 tiegħu. L-Artikolu 9 (c) u (d) ta’ dan il-ftehim jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ din il-Parti, u mingħajr preġudizzju għat-Titolu III, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(c)      ‘Stat ospitanti' tfisser:

(i)      fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, ir-Renju Unit, jekk dawn eżerċitaw id-dritt ta’ residenza tagħhom hemmhekk f’konformità mad-dritt tal‑Unjoni qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jibqgħu jirrisjedu hemm wara dan;

(ii)      fir-rigward taċ-ċittadini tar-Renju Unit u tal-membri tal‑familja tagħhom, l-Istat Membru li fih dawn eżerċitaw id‑dritt ta’ residenza tagħhom f’konformità mad-dritt tal‑Unjoni qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u li fih jibqgħu jirrisjedu wara dan;

(d)      ‘Stat tax-xogħol’ tfisser:

(i)      fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni, ir-Renju Unit, jekk dawn wettqu attività ekonomika bħala ħaddiema transkonfinali hemmhekk qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jibqgħu jwettquha wara dan;

(ii)      fir-rigward taċ-ċittadini tal-Renju Unit, Stat Membru li fih dawn wettqu attività ekonomika bħala ħaddiema transkonfinali qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u li fih dawn jibqgħu jwettquha wara dan”.

15      L-Artikolu 10 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni personali”, jipprevedi:

“(1) Mingħajr preġudizzju għat-Titolu III, din il-Parti għandha tapplika għall-persuni li ġejjin:

a)      ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fir‑Renju Unit f’konformità mad-dritt tal-Unjoni qabel tmiem il‑perjodu ta’ tranżizzjoni u jibqgħu jirrisjedu hemmhekk wara dan;

b)      ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru f’konformità mad-dritt tal-Unjoni qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jibqgħu jirrisjedu hemmhekk wara dan;

[…] ”

16      L-Artikolu 12 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, intitolat “Nondiskriminazzjoni”, jistipula:

“Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Parti, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni speċjali li tinsab fiha, kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18 TFUE għandha tkun projbita fl-Istat ospitanti u fl-Istat tax-xogħol fir-rigward tal-persuni msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan il‑Ftehim.”

17      L-Artikoli 13 sa 39 ta’ dan il-ftehim jinkludu d-dispożizzjonijiet li jippreċiżaw il-kontenut tad-drittijiet li jgawdu l-persuni msemmija fit‑tieni parti tal-imsemmi ftehim.

18      L-Artikolu 126 tal-istess ftehim, intitolat “Perjodu ta’ tranżizzjoni”, jipprevedi:

“Għandu jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni, li għandu jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u jintemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020.”

19      L-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, intitolat “Ambitu tat‑tranżizzjoni”, jipprevedi:

“1. Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, id-dritt tal‑Unjoni għandu jkun applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Madankollu, id-dispożizzjonijiet li ġejjin tat-Trattati, u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, ma għandhomx ikunu applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni:

[…]

b)      l-Artikolu 11(4) TUE, il-punt (b) tal-Artikolu 20(2), l‑Artikolu 22 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, l‑Artikoli 39 u 40 tal-[Karta], u l-atti adottati fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

[…]

6.      Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, matul il‑perjodu ta’ tranżizzjoni, kwalunkwe referenza għall-Istati Membri fid-dritt applikabbli tal-Unjoni skont il-paragrafu 1, inkluż kif implimentat u applikat mill-Istati Membri, għandha tinftiehem li tinkludi lir-Renju Unit.”

20      Bis-saħħa tal-Artikolu 185 ta’ dan il-ftehim, dan daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020. Jirriżulta, barra minn hekk, mir-raba’ inċiż ta’ dan l-artikolu li t-tieni parti tal-imsemmi ftehim hija applikabbli sa mit-tmiem tal‑perijodu ta’ tranżizzjoni.

 Iddritt Franċiż

21      L-Artikolu 88-3 tal-Kostituzzjoni tal‑4 ta’ Ottubru 1958, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-loi constitutionnelle no 93‑952 (il-Liġi Kostituzzjonali Nru 93-952 tas‑27 ta’ Lulju 1993 (JORF tat‑28 ta’ Lulju 1993, p. 10600), jipprovdi:

“Suġġett għar-reċiproċità u konformement mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-[Trattat UE], id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl‑elezzjonijiet muniċipali jista’ jingħata biss liċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Franza. […]”

22      L-Artikolu LO 227-1 tal-code électoral issu de la loi organique n°98‑404 du 25 mai 1998 déterminant les conditions d’application de l’article 88-3 de la Constitution relatif à l’exercice par les citoyens de l’Union européenne résidant en France, autres que les ressortissants français, du droit de vote et d’éligibilité aux élections municipales, et portant transposition de la directive 94/80/CE du 19 décembre 1994 (il‑Kodiċi Elettorali li jirriżulta mil-Liġi Organika Nru 98‑404 tal‑25 ta’ Mejju 1998 li Jistabbilixxi l-Kundizzjonijiet għall-Applikazzjoni tal‑Artikolu 88‑3 tal-Kostituzzjoni dwar l-Eżerċizzju miċ-Ċittadini tal‑Unjoni Ewropea Residenti fi Franza, Minbarra ċ-Ċittadini Franċiżi, tad-Dritt għall-Vot u għall-Eliġibbiltà fl-Elezzjonijiet Muniċipali u li jittrasponi d-Direttiva 94/80/KE tad‑19 ta’ Diċembru 1994 (JORF tas‑26 ta’ Mejju 1998, p. 7975), jiddisponi:

“Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fi Franza, minbarra ċ-ċittadini Franċiżi, jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjoni tal-kunsilli muniċipali bl‑istess kundizzjonijiet bħall-eletturi Franċiżi, suġġett għad‑dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima.

Il-persuni msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jitqiesu li huma residenti fi Franza jekk ikollhom il-post ta’ residenza attwali tagħhom hemm jew jekk ir-residenza tagħhom tkun kontinwa.

[…] ”

23      L-Artikolu L. 227‑2 tal-Kodiċi Elettorali jipprevedi:

“Sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-vot, il-persuni msemmija fl‑Artikolu LO 227-1 għandhom jiġu rreġistrati, fuq talba tagħhom, f’lista elettorali speċjali.

Huma jistgħu jitolbu r-reġistrazzjoni tagħhom jekk ikollhom il-kapaċità elettorali tagħhom fl-Istat ta’ oriġini tagħhom u jekk jissodisfaw il‑kundizzjonijiet legali, minbarra n-nazzjonalità Franċiża, sabiex ikunu eletturi u jitniżżlu f’lista elettorali fi Franza.”

24      Bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 16(3) tal-Kodiċi Elettorali, l-INSEE hija kompetenti sabiex tneħħi mir-reġistru elettorali uniku l-eletturi mejta u l-eletturi li ma jkollhomx iktar id-dritt tal-vot.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

25      EP, ċittadina tar-Renju Unit, ilha tirrisjedi fi Franza mill‑1984 u hija miżżewġa ma’ ċittadin Franċiż. Hija ma talbitx jew kisbet in‑nazzjonalità Franċiża.

26      Wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-ħruġ, fl‑1 ta’ Frar 2020, EP tneħħiet, b’effett minn din id-data, mil-listi elettorali fi Franza. B’hekk hija ma ġietx awtorizzata tipparteċipa fl-elezzjonijiet muniċipali li seħħew fil‑15 ta’ Marzu 2020.

27      Fis‑6 ta’ Ottubru 2020, EP ressqet talba sabiex terġa’ titniżżel fil-lista elettorali addizzjonali għall-użu taċ-ċittadini mhux Franċiżi tal-Unjoni.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2020, is-Sindku tal-Komun ta’ Thoux ċaħad din it-talba.

29      Fid‑9 ta’ Novembru 2020, EP adixxiet lill-qorti tar-rinviju sabiex tikkontesta din id-deċiżjoni.

30      Quddiem din il-qorti, EP tenfasizza li hija ma tgawdix iktar id-dritt tal‑vot u tal-kandidatura fir-Renju Unit minħabba r-regola tal-liġi tar‑Renju Unit li bis-saħħa tagħha ċittadin ta’ dan l-Istat li jkun ilu jirrisjedi għal iktar minn 15-il sena barra mill-pajjiż ma jkollux iktar id‑dritt li jipparteċipa fl-elezzjonijiet fl-imsemmi stat (iktar ’il quddiem ir-“regola ta’ 15-il sena”).

31      Għalhekk, EP jinsab f’sitwazzjoni distinta minn dik li fir-rigward tagħha l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) iddeċidiet li t-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jippreġudikax b’mod sproporzjonat id-drittijiet ċivili u politiċi tal-persuna kkonċernata, peress li hija setgħet tivvota fir-referendum dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u fl-elezzjonijiet leġiżlattivi organizzati fl‑2019 f’dan l‑istat. Issa, dan ma huwiex il-każ ta’ EP.

32      Skont EP, it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, stabbilit fl‑Artikolu 20 TFUE, ma jistax ikun konsegwenza awtomatika tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Hija żżid li dan it-telf jikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità u li dan jikkostitwixxi wkoll diskriminazzjoni bejn ċittadini tal-Unjoni kif ukoll ksur tal-libertà ta’ moviment tiegħu.

33      Is-sindku tal-Komun ta’ Thoux ifakkar li d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli ma jippermettux l-inklużjoni ta’ EP fil-listi elettorali.

34      Il-prefett ta’ Gers jitlob li r-rikors jiġi miċħud. Huwa jqis, b’mod partikolari, li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, fl‑1 ta’ Frar 2020, wassal għat-telf tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura taċ-ċittadini ta’ dan l‑istat fl-elezzjonijiet muniċipali u Ewropej organizzati fi Franza u, għaldaqstant, it-tneħħija ex officio, mill-INSEE, taċ-ċittadini tar-Renju Unit, bħal EP, li ma għandhomx ukoll in-nazzjonalità Franċiża, mil-listi elettorali addizzjonali.

35      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li EP tinsab totalment imċaħħda mid-dritt tal-vot peress li ma tistax tivvota fl-elezzjonijiet fir-Renju Unit minħabba r-regola ta’ 15-il sena u li, b’applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, hija tilfet ukoll id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kif ukoll fl‑elezzjonijiet muniċipali fi Franza.

36      L-imsemmija qorti tqis li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il‑ftehim għal EP tikkawża preġudizzju sproporzjonat għad-dritt fundamentali tal-vot tagħha.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal d’instance d’Auch (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Auch, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati bħala li jirrevokaw iċ-ċittadinanza Ewropea taċ‑ċittadini [tar-Renju Unit] li, qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ stabbiliment liberu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, b’mod partikolari għal dawk li ilhom jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal iktar minn ħmistax-il sena u li huma suġġetti għal-liġi [tar-Renju Unit] msejħa ‘15 year rule’, li ċċaħħadhom b’dan il-mod mid-dritt għall‑vot?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikoli 2, 3, 10, 12 u 127 tal‑Ftehim dwar il-ħruġ meħuda flimkien mal-punt 6 tal‑Preambolu tiegħu u mal-Artikoli 18, 20 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandhom jitqiesu li ppermettew lil dawn iċ-ċittadini [tar-Renju Unit] li jżommu, mingħajr eċċezzjoni, id-drittijiet għaċ-ċittadinanza Ewropea li kienu jgawdu minnhom qabel il-ħruġ ta’ pajjiżhom mill-Unjoni Ewropea?

(3)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, il-Ftehim dwar il-ħruġ ma huwiex parzjalment invalidu inkwantu jikser il‑prinċipji li jifformaw l-identità tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 18, 20 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll l-Artikoli 39 u [40] tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u ma jiksirx il‑prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu ma jinkludix stipulazzjoni li tippermettilhom iżommu dawn id-drittijiet mingħajr eċċezzjoni?

(4)      Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 127(1)(b) tal-Ftehim dwar il-ħruġ ma huwiex parzjalment invalidu inkwantu jikser l-Artikoli 18, 20 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u kif ukoll l-Artikoli 39 u 40 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea, inkwantu jċaħħad liċ-ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ stabbiliment liberu fir-Renju Unit mid-dritt għall-vot u mill-eliġibbiltà għall‑elezzjonijiet muniċipali f’dan il-pajjiż u, jekk il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja jinterpretawh bl-istess mod bħalma jinterpretah il-Conseil d’Etat (il-Kunsill tal-Istat, Franza), dan il-ksur ma jestendix għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ stabbiliment liberu fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor għal iktar minn ħmistax-il sena u li huma suġġetti għal-liġi Brittanika msejħa ‘15 year rule’, li ċċaħħadhom b’dan il-mod mid-dritt għall-vot?”

 Fuq ittalba għal ftuħ millġdid talproċedura orali

38      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ April 2022, EP talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal‑proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Ġustizzja.

39      Insostenn tat-talba tagħha, EP invokat il-fatt li l-Conseil d’État (il‑Kunsill tal-Istat, Franza) kien ta, fit‑22 ta’ Marzu 2022, sentenza li, f’kawża paragunabbli ma’ dik fil-kawża prinċipali, kien esprima ruħu, mingħajr ma stenna s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din tal-aħħar, fuq il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq l-istatus taċ‑ċittadini tar-Renju Unit residenti fi Franza fid-dawl tar-regoli tal‑Unjoni fil-qasam taċ-ċittadinanza. Hija indikat ukoll li ma taqbilx mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fl‑24 ta’ Frar 2022, li naqsu, barra minn hekk, milli jagħtu risposta għal diversi argumenti tagħha.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-persuni kkonċernati msemmija fl‑Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 30 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

41      Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l‑Avukat Ġenerali jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Għalhekk din ma hijiex opinjoni intiża għall‑imħallfin jew għall-partijiet li toħroġ minn awtorità esterna għall‑Qorti tal-Ġustizzja, iżda fehma individwali, motivata u espressa pubblikament, ta’ membru tal-istituzzjoni stess. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistgħux jiġu diskussi mill‑partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 21). Barra minn hekk, il‑Qorti tal-Ġustizzja ma hija marbuta la mill-konklużjonijiet u lanqas mir‑raġunijiet li bihom l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l‑kwistjonijiet li dan tal-aħħar jeżamina fil-konklużjonijiet tiegħu, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal‑proċedura orali (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C-748/19 sa C-754/19, EU:C:2021:931, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Madankollu, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal‑Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li jinstema’ l‑Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma jkollhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jkun jista’ jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id‑deċiżjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie diskuss mill-partijiet.

43      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, madankollu, wara li nstema’ l‑Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tagħti deċiżjoni dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, hija tirrileva li l-elementi invokati minn EP insostenn tat-talba tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, inkluża d‑deċiżjoni nazzjonali invokata, ma jikkostitwixxux fatti ġodda ta’ natura li jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjoni li hija b’hekk mitluba tagħti.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal‑fażi orali tal-proċedura.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel u ttieni domanda

45      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikoli 9 u 50 TUE, kif ukoll l-Artikoli 20 sa 22 TFUE, moqrija flimkien mal-Ftehim dwar il-ħruġ, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, sa mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, fl‑1 ta’ Frar 2020, iċ‑ċittadini ta’ dan l-istat, li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, ma jibbenefikawx iktar mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, lanqas, b’mod iktar partikolari, taħt l‑Artikolu 20(2)(b) u l-Artikolu 22 TFUE, mid‑dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, ukoll meta huma jkunu mċaħħda, bis‑saħħa tal-liġi tal-istat li tagħhom ikunu ċittadini, mid-dritt tal-vot fl‑elezzjonijiet li jiġu organizzati f’dan l-aħħar stat.

46      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni teħtieġ il-pussess tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru.

47      Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 9 TUE u l-Artikolu 20(1) TFUE, iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom ikollhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li ċ‑ċittadinanza tal-Unjoni tiżdied man-nazzjonalità mogħtija mill-Istati Membri u ma tissostitwixxihiex.

48      Permezz tal-Artikolu 9 TUE u permezz tal-Artikolu 20 TFUE, l-awturi tat-Trattati stabbilixxew għalhekk rabta indisoċjabbli u esklużiva bejn il-pussess tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru u l-kisba, iżda wkoll iż‑żamma, tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

49      Hija f’din il-perspettiva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l‑Artikolu 20 TFUE jagħti lil kull persuna li jkollha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż, skont ġurisprudenza stabbilita, li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal‑Istati Membri (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Wiener Landesregierung (Revoka ta’ assigurazzjoni ta’ naturalizzazzjoni), C‑118/20, EU:C:2022:34, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      L-Artikolu 20(2), kif ukoll l-Artikoli 21 u 22 TFUE jagħtu sensiela ta’ drittijiet mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti, b’mod partikolari, lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt fundamentali u individwali li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat FUE u għall-miżuri adottati fl-applikazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K. A. et (Riunifikazzjoni familjari fil‑Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      B’mod partikolari, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini, dawn id-drittijiet jinkludu, bis‑saħħa tal-Artikolu 20(2)(b), u tal-Artikolu 22 TFUE, id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn jirrisjedu, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dan l-aħħar Stat Membru. L-Artikolu 40 tal-Karta jirrikonoxxi wkoll dan id-dritt. L‑ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tistabbilixxi, min‑naħa l-oħra, l-imsemmi dritt favur ċittadini ta’ stati terzi.

52      Kif osservat il-Kummissjoni, il-fatt li individwu jkun, meta l-Istat li tiegħu huwa ċittadin kien Stat Membru, eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ma huwiex, konsegwentement, ta’ natura li jippermettilu jżomm l‑istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u d-drittijiet kollha marbuta miegħu mit‑Trattat FUE jekk, wara l-ħruġ mill-istat ta’ oriġini tiegħu mill‑Unjoni, huwa ma jkollux iktar in-nazzjonalità ta’ Stat Membru.

53      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni għaċ-ċittadini ta’ dan l-istat, għandu jiġi rrilevat li l‑Artikolu 50(1) TUE jistabbilixxi li kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi, konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, li joħroġ mill‑Unjoni. Minn dan jirriżulta li l-Istat Membru kkonċernat ma huwiex marbut jieħu d-deċiżjoni tiegħu bi ftehim mal-Istati Membri l‑oħra jew mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Id-deċiżjoni ta’ ħruġ taqa’ taħt ir-rieda esklużiva ta’ dan l-Istat Membru, b’osservanza tal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, u għalhekk tiddependi biss mill-għażla sovrana tiegħu (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 50).

54      Hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 50(2) u (3) TUE jipprevedi proċedura li għandha tiġi segwita fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ ħruġ, li tinvolvi, l-ewwel, in-notifika lill-Kunsill Ewropew tal-intenzjoni ta’ ħruġ, it-tieni, in-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehim li jiffissa l‑modalitajiet tal-ħruġ billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-relazzjonijiet futuri bejn l-istat ikkonċernat u l-Unjoni u, it-tielet, il-ħruġ fil-veru sens tal-kelma mill-Unjoni fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak il-ftehim jew, fin-nuqqas, sentejn wara n-notifika mogħtija lill-Kunsill Ewropew, sakemm dan tal-aħħar, bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, ma jiddeċidix b’vot unanimu li jestendi dan it-terminu (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Governor of Cloverhill Prison et, C‑479/21 PPU, EU:C:2021:929, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55      Konsegwentement, bis-saħħa tal-Artikolu 50(3) TUE, it-Trattati ma baqgħux japplikaw għar-Renju Unit fid-data tad-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Frar 2020, tal-Ftehim dwar il-ħruġ, b’tali mod li dan l-istat ma għadux, minn dik id-data, Stat Membru (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Sharpston vs Il-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, C‑685/20 P, EU:C:2021:485, punt 53).

56      Għaldaqstant, mill‑1 ta’ Frar 2020, iċ-ċittadini tar-Renju Unit ma għandhomx iktar in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, iżda dik ta’ stat terz.

57      Issa, kif jirriżulta mill-punti 46 sa 51 ta’ din is-sentenza, il-pussess tan‑nazzjonalità ta’ Stat Membru jikkostitwixxi kundizzjoni indispensabbli sabiex persuna tkun tista’ tikseb u żżomm l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u tibbenefika mid-drittijiet kollha relatati miegħu. It‑telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru jwassal, għaldaqstant, għall‑persuna kkonċernata, għat-telf awtomatiku tal-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li ċ-ċittadini tar-Renju Unit huma, mill‑1 ta’ Frar 2020, ċittadini ta’ stat terz, huma tilfu, minn din id-data, l‑istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Konsegwentement, huma ma jibbenefikawx iktar, taħt l-Artikolu 20(2)(b) u l-Artikolu 22 TFUE, mid‑dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li ċ‑ċittadini tar-Renju Unit kienu preċedentement eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru.

59      Fir-rigward tat-tħassib tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-konsegwenzi, fil-fehma tagħha, sproporzjonati li jinvolvi t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għal ċittadin tar-Renju Unit, bħal EP, li barra minn hekk hija mċaħħda mid-dritt tal-vot fir-Renju Unit bis-saħħa tar-regola ta’ 15‑il sena, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li t-telf ta’ dan l-istatus, u konsegwentement, dak tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dan iċ-ċittadin huwa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, unikament il-konsegwenza awtomatika tad-deċiżjoni sovrana meħuda mir-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 50(1) TUE.

60      Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, ir-regola ta’ 15-il sena, hija tirriżulta minn għażla tal-liġi elettorali magħmula minn dan l-ex Stat Membru, illum stat terz.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, la l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lanqas il-qrati tagħhom ma jistgħu jkunu obbligati jwettqu eżami individwali tal-konsegwenzi tat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-persuna kkonċernata, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-telf ta’ dan l-istatus kif ukoll it-telf tad‑dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet organizzati fl-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna kkonċernata huwa r-riżultat awtomatiku ta’ deċiżjoni sovrana adottata minn ex Stat Membru, bis‑saħħa tal-Artikolu 50(1) TUE, li joħroġ mill-Unjoni u b’hekk isir stat terz fil-konfront tagħha. Issa, il-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet l-obbligu ta’ eżami individwali tal-proporzjonalità tal‑konsegwenzi tat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni kienu jirrigwardaw sitwazzjonijiet speċifiċi, li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, fejn Stat Membru kien irtira n-nazzjonalità lil individwi b’applikazzjoni ta’ miżura leġiżlattiva ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et, C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 48) jew ta’ deċiżjoni individwali meħuda mill‑awtoritajiet kompetenti tal-imsemmi Stat Membru (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 42, u tat‑18 ta’ Jannar 2022, Wiener Landesregierung (Revoka ta’ Assigurazzjoni ta’ Naturalizzazzjoni), C‑118/20, EU:C:2022:34, punt 74). Il-ġurisprudenza li toħroġ minn dawn is-sentenzi differenti għaldaqstant ma tistax tiġi trasposta għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

63      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kwistjoni dwar jekk il-Ftehim dwar il-ħruġ iżomm, lil hinn mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, u għalhekk lil hinn mid-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Frar 2020, ta’ dan il-ftehim, favur iċ‑ċittadini tar-Renju Unit li kienu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru konformement mad-dritt tal-Unjoni qabel it‑tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl‑elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, għandu jiġi enfasizzat li xejn fl-imsemmi ftehim ma jippermetti li jiġi kkonstatat tali dritt lil dawn iċ-ċittadini.

64      B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li, skont ir-raba’ paragrafu tal‑preambolu tal-Ftehim dwar il-ħruġ, id-dritt tal-Unjoni fl-intier tiegħu ma jibqax japplika għar-Renju Unit, bl-unika riżerva tal-modalitajiet iddefiniti fih, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim.

65      Fir-rigward ta’ dawn il-modalitajiet, li kienu intiżi li jippermettu li l‑ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jsir b’mod ordnat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 56), il-Ftehim dwar il-ħruġ jagħmel distinzjoni bejn żewġ perijodi.

66      Minn naħa, konformement mal-Artikolu 2(e) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, moqri flimkien mal-Artikolu 126 tiegħu, dan il-ftehim jipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni, mill‑1 ta’ Frar sal‑31 ta’ Diċembru 2020.

67      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 127(1) ta’ dan il-ftehim jistabbilixxi l‑prinċipju, imsemmi wkoll fit-tmien paragrafu tal-preambolu tiegħu, li jgħid li d-dritt tal-Unjoni jibqa’ applikabbli għar-Renju Unit u fit‑territorju ta’ dan l-istat matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni. Issa, b’deroga minn dan il-prinċipju, l-Artikolu 127(1)(b) tal-imsemmi ftehim jeskludi espressament l-applikazzjoni fir-Renju Unit u fit‑territorju ta’ dan l-istat tal-Artikolu 20(2)(b) u tal-Artikolu 22 TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 39 u 40 tal-Karta, jiġifieri d-dispożizzjonijiet tad‑dritt primarju tal-Unjoni dwar id-dritt tal-vot u tal-kandidatura taċ‑ċittadini tal-Unjoni għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

68      Ċertament, kif issostni EP, skont l-Artikolu 127(1)(b) tal-Ftehim dwar il‑ħruġ, din l-esklużjoni tikkonċerna r-Renju Unit u t-territorju ta’ dan l‑istat, kif iddefinit fl-Artikolu 3(1) tiegħu, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan il-ftehim, mingħajr ma tirreferi espliċitament għaċ-ċittadini ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, għandu jitqies li l-imsemmija esklużjoni tapplika wkoll għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru skont id-dritt tal-Unjoni qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

69      Fil-fatt, l-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 127(6).

70      Issa, minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li, fil-kuntest tal-implimentazzjoni u tal-applikazzjoni tagħhom mill-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet tad‑dritt tal-Unjoni li ma humiex applikabbli bis-saħħa tal‑Artikolu 127(1)(b) ta’ dan il-ftehim, għandhom jiġu interpretati fis‑sens li ma jinkludux lir-Renju Unit fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Fost dawn id-dispożizzjonijiet hemm l-Artikolu 20(2)(b) u l‑Artikolu 22 TFUE, kif ukoll l-Artikoli 39 u 40 tal-Karta, li jikkonċernaw id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet tal‑Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali. Dan id-dritt huwa rriżervat għal kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma huwiex ċittadin, peress li l-Artikolu 20(1) TFUE jippreċiża li hija ċittadin tal-Unjoni “kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru”.

71      Konsegwentement, l-Istati Membri ma kinux iktar obbligati, mill‑1 ta’ Frar 2020, li jassimilaw liċ-ċittadini tar-Renju Unit maċ-ċittadini ta’ Stat Membru għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2)(b) u tal‑Artikolu 22 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 39 u 40 tal-Karta, u lanqas, għaldaqstant, li jagħtu liċ-ċittadini tar-Renju Unit residenti fit-territorju tagħhom id-dritt, irrikonoxxut minn dawn id-dispożizzjonijiet lill‑persuni li għandhom, bħala ċittadin ta’ Stat Membru, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall‑Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali.

72      Fi kwalunkwe każ, interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 127(1)(b) tal‑Ftehim dwar il-ħruġ, li tikkonsisti f’li tiġi llimitata l-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar għat-territorju tar-Renju Unit biss u għalhekk biss għaċ‑ċittadini tal-Unjoni li kienu jirrisjedu f’dan l-istat matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, toħloq asimetrija bejn id-drittijiet mogħtija minn dan il‑ftehim bejn iċ-ċittadini tar-Renju Unit u ċ-ċittadini tal-Unjoni. Issa, tali asimetrija tmur kontra l-għan tal-imsemmi ftehim, imsemmi fis-sitt paragrafu tal-preambolu tiegħu, li huwa li tiġi ggarantita protezzjoni reċiproka liċ-ċittadini tal-Unjoni u liċ-ċittadini tar-Renju Unit, li jkunu eżerċitaw id-drittijiet rispettivi tagħhom għall-moviment liberu qabel it‑tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni.

73      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perijodu li beda fi tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni fl‑1 ta’ Jannar 2021, il-Ftehim dwar il-ħruġ jipprevedi, fit‑tieni parti tiegħu, regoli intiżi li jipproteġu, b’mod reċiproku u ugwali, is-sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u dik taċ-ċittadini tar‑Renju Unit, imsemmija, rispettivament, fil-punt (a) u fil-punt (b) tal‑Artikolu 10 ta’ dan il-ftehim, li kienu eżerċitaw id-drittijiet tagħhom għall-moviment liberu qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni.

74      Dawn ir-regoli, li japplikaw, bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 185 tal-imsemmi ftehim, mit-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, għandhom, kif tfakkar fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, l‑għan li jiggarantixxu protezzjoni reċiproka liċ-ċittadini tal-Unjoni u liċ-ċittadini tar-Renju Unit, imsemmija fil-punt preċedenti. L‑imsemmija regoli jirrigwardaw, skont id-dispożizzjonijiet previsti fl‑Artikoli 13 sa 39 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, id-drittijiet marbuta mar‑residenza, mad-drittijiet tal-ħaddiema impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom, il-kwalifiki professjonali u l-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali.

75      Madankollu, bħalma huwa stabbilit fl-Artikolu 127(1)(b) ta’ dan il‑ftehim fir-rigward tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, ma jidhirx, fost id‑drittijiet speċifikament previsti fit-tieni parti tiegħu, id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza taċ-ċittadini tar-Renju Unit, li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru tal-Unjoni qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni u li jkomplu jirrisjedu fih sussegwentement.

76      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat, barra minn hekk, li l‑projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 12 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, ta’ kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, fl-Istat ospitanti, fis-sens tal‑Artikolu 9(c) ta’ dan il-ftehim, u fl-istat tax-xogħol, kif iddefinit fl‑Artikolu 9(d) tiegħu, fir-rigward tal-persuni msemmija fl-Artikolu 10 tal-imsemmi ftehim, tikkonċerna, skont il-kliem stess ta’ tal‑Artikolu 12, it-tieni parti tal-istess ftehim.

77      Issa, id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza taċ-ċittadini tar-Renju Unit, imsemmija fl‑Artikolu 10(b) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni parti ta’ dan il-ftehim. Għalhekk, ċittadin tar‑Renju Unit, bħal EP, li jkun eżerċita d-dritt tiegħu li jirrisjedi fi Stat Membru konformement mad-dritt tal-Unjoni qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni u li jkompli jirrisjedi fih sussegwentement, ma jistax utilment juża din il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni sabiex jinvoka d‑dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu, li minnu jkun ġie mċaħħad wara d‑deċiżjoni sovrana tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni.

78      B’estensjoni tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitfakkar ukoll, fir-rigward tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 18 TFUE, li din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tapplika fil-każ ta’ eventwali differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u dawk ta’ stati terzi (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija, C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Bl-istess mod, fir-rigward tal-Artikolu 21 TFUE, għandu jitfakkar li dan l-artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, id-dritt ta’ kull ċittadin tal‑Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri u dan japplika, kif jirriżulta mill-Artikolu 20(1) TFUE, għal kull persuna li jkollha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru, b’tali mod li huwa ma japplikax għaċ-ċittadini ta’ Stat terz (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija, C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 41).

80      Sa fejn l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 TFUE saru applikabbli permezz tal-Ftehim dwar il-ħruġ matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni u sussegwentement, dawn id‑dispożizzjonijiet ma jistgħux, mingħajr ma jinkisru t-termini tal‑Artikolu 20(2)(b) u tal-Artikolu 22 TFUE, tal-Artikolu 40 tal-Karta u tad‑dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-ħruġ, jiġu interpretati fis-sens li huma jagħtu wkoll liċ-ċittadini tar-Renju Unit, li ma jkollhomx iktar in‑nazzjonalità ta’ Stat Membru, id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl‑elezzjonijiet muniċipali organizzati fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

81      Għaldaqstant, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 TFUE ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-Istati Membri li jkomplu jagħtu, wara l‑1 ta’ Frar 2020, liċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fit-territorju tagħhom id-dritt tal‑vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali organizzati f’dan it‑territorju li huma jagħtu liċ-ċittadini tal-Unjoni.

82      Din l-interpretazzjoni hija bla ħsara għall-possibbiltà tal-Istati Membri li jagħtu, taħt il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu fid-dritt nazzjonali tagħhom, dritt tal-vot u tal-kandidatura liċ-ċittadini ta’ stati terzi li jirrisjedu fit-territorju tagħhom.

83      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 9 u 50 TUE, kif ukoll l-Artikoli 20 sa 22 TFUE, moqrija flimkien mal‑Ftehim dwar il-ħruġ, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sa mill‑ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, fl‑1 ta’ Frar 2020, iċ-ċittadini ta’ dan l-istat li kienu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, ma jibbenefikawx iktar mill‑istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, u lanqas, b’mod iktar partikolari, taħt l-Artikolu 20(2)(b) TFUE, u taħt l-Artikolu 22 TFUE, mid-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, anki meta jkunu ġew imċaħħda wkoll, bis-saħħa tal-liġi tal‑istat li tagħhom ikunu ċittadini, mid-dritt tal-vot fl‑elezzjonijiet organizzati minn dan l-aħħar stat.

 Fuq ittielet u rraba’ domanda

84      Peress li t-tielet u r-raba’ domanda jirrigwardaw il-validità tal-Ftehim dwar il-ħruġ, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, kemm fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kif ukoll fil‑kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, sabiex tevalwa jekk ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jkunx kompatibbli mat‑Trattati u mar-regoli tad-dritt internazzjonali li, skont dawn, jorbtu lill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 48 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

85      Issa, meta, bħal f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun ġiet adita b’talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-validità ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, din it-talba għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-att tal-Unjoni li japprova l-konklużjoni ta’ dan il‑ftehim internazzjonali. Madankollu, dan l-istħarriġ jista’ jirrigwarda l‑legalità ta’ dan l-att fid-dawl tal-kontenut stess tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punti 50 u 51).

86      Il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ ġiet approvata bid‑Deċiżjoni 2020/135.

87      Għandu jitfakkar ukoll li, peress li d-domandi preliminari magħmula mill-qorti nazzjonali, taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, jirrigwardaw il‑validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni, sakemm, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura ma jiġux osservati jew meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ tali regola tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew jekk il‑problema tkun ta’ natura ipotetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, P.M. et, C‑264/18, EU:C:2019:472, punti 14 u 15).

88      Issa, dan huwa l-każ f’din il-kawża, sa fejn il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2020/135 sa fejn il-Ftehim dwar il-ħruġ ma jagħtix liċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fir-Renju Unit qabel tmiem il‑perijodu ta’ tranżizzjoni d-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl‑elezzjonijiet muniċipali f’dan l-istat, peress li din is-sitwazzjoni ma għandha ebda rabta ma’ dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Bl-istess mod, peress li l-Artikolu 39 tal-Karta jirrigwarda d-dritt tal-vot u tal‑kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, dan ma għandu ebda rilevanza sabiex tingħata risposta għat-tielet u r-raba’ domanda peress li dawn jirrigwardaw id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl‑elezzjonijiet muniċipali.

89      Għaldaqstant, ir-risposta għal dawn iż-żewġ domandi għandha tingħata biss sa fejn dawn jirrigwardaw il-validità tad‑Deċiżjoni 2020/135 sa fejn il-Ftehim dwar il-ħruġ ma jagħtix liċ‑ċittadini tar-Renju Unit li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni d‑dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar‑rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk, fid-dawl tal‑Artikolu 9 TUE, tal-Artikoli 18, 20 u 21 TFUE, kif ukoll tal‑Artikolu 40 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, id-Deċiżjoni 2020/135 hijiex ivvizzjata b’invalidità sa fejn il-Ftehim dwar il-ħruġ ma jagħtix liċ-ċittadini tar-Renju Unit li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni d‑dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

91      F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel, l-eżami tal-validità tad-Deċiżjoni 2020/135 fid-dawl tal-Artikolu 9 TUE, tal-Artikoli 18, 20 sa 22 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 40 tal-Karta, ġie rrilevat fil-punti 55 sa 58 ta’ din is-sentenza, li, wara d-deċiżjoni sovrana meħuda mir‑Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni abbażi tal-Artikolu 50(1) TUE, it‑Trattati, bis-saħħa tal-Artikolu 50(3) TUE, ma baqgħux applikabbli fir-Renju Unit, mid-data tad-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Frar 2020, tal-Ftehim dwar il-ħruġ, b’tali mod li ċ-ċittadini ta’ dan l-istat ma għandhomx iktar, minn din id-data, in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, imma dik ta’ stat terz. Minn dan jirriżulta li sa mill-imsemmija data, huma ma għadhomx ċittadini tal-Unjoni.

92      Issa, kif jirriżulta mill-punti 46 sa 51 ta’ din is-sentenza, huma biss iċ‑ċittadini tal-Unjoni li jistgħu jinvokaw, skont l-Artikolu 20(2)(b), l‑Artikolu 22 TFUE, u l-Artikolu 40 tal-Karta, id-dritt tal-vot fl‑elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

93      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Deċiżjoni 2020/135 ma tistax titqies li tmur kontra l-Artikolu 9 TUE, l-Artikoli 20 u 22 TFUE, kif ukoll l‑Artikolu 40 tal-Karta, peress li l-Ftehim dwar il-ħruġ li hija approvat ma jagħtix liċ-ċittadini ta’ dan l-ex Stat Membru, li issa huwa stat terz, li kienu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl‑elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

94      L-istess japplika f’dak li jirrigwarda l-Artikoli 18 u 21 TFUE.

95      Fir-rigward tal-Artikolu 18 TFUE, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil‑punti 78 sa 81 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-differenza fit‑trattament li tirriżulta mill-Ftehim dwar il-ħruġ approvat minn din id‑deċiżjoni bejn iċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fi Stat Membru, li mill‑1 ta’ Frar 2020, ma għandhomx iktar id-dritt tal-vot u tal‑kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, u ċ-ċittadini tal-Unjoni, li għandhom tali dritt, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, fis-sens tal‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE.

96      Fir-rigward tal-Artikolu 21 TFUE, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil‑punti 79 sa 82 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-għażla, li tirriżulta mill-Ftehim dwar il-ħruġ approvat minn din id-deċiżjoni, li ma jinżammx, wara l‑1 ta’ Frar 2020, għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fi Stat Membru, id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl‑elezzjonijiet muniċipali f’dan l-Istat Membru ma tikkostitwixxix ksur tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

97      Minn dan isegwi li d-Deċiżjoni 2020/135 ma tistax titqies li tmur kontra l-Artikoli 18 u 21 TFUE għar-raġuni li l-Ftehim dwar il-ħruġ li hija approvat ma pprevedietx id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali organizzati fit-territorju tal-Istati Membri favur ċittadini tar‑Renju Unit li jkomplu jirrisjedu f’dan it-territorju wara l‑1 ta’ Frar 2020.

98      F’dak li jirrigwarda, it-tieni, l-eżami tal-validità tad-Deċiżjoni 2020/135 fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi enfasizzat li ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettilha tqis li l-Unjoni, bħala parti kontraenti tal-Ftehim dwar il-ħruġ, eċċediet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fit-tmexxija tar-relazzjonijiet esterni, meta ma eżiġietx, f’dan il-ftehim b’mod ġenerali jew fl-Artikolu 127 tiegħu b’mod partikolari, li jiġi previst dritt tal-vot u tal‑kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza favur iċ-ċittadini tar-Renju Unit li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni.

99      F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom marġni diskrezzjonali wiesa’ fid-deċiżjonijiet politiċi fit-tmexxija tar‑relazzjonijiet esterni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Swiss International Air Lines, C‑272/15, EU:C:2016:993, punt 24). Fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħhom f’dan il-qasam, dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jikkonkludu ftehimiet internazzjonali bbażati, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ reċiproċità u vantaġġi reċiproċi. Għalhekk, huma ma humiex obbligati li jagħtu, unilateralment, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, drittijiet bħad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza, irriżervat, barra minn hekk, biss liċ-ċittadini tal-Unjoni, taħt l‑Artikolu 20(2)(b), l-Artikolu 22 TFUE, u l-Artikolu 40 tal-Karta.

100    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li, permezz tad‑Deċiżjoni 2020/135, approva l-Ftehim dwar il-ħruġ meta dan tal‑aħħar ma jagħtix liċ-ċittadini tar-Renju Unit id-dritt tal-vot u tal‑kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, kemm matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni jew sussegwentement.

101    It-tielet, fir-rigward taċ-ċirkustanza, imsemmija mill-qorti tar‑rinviju, li ċerti ċittadini tar-Renju Unit, bħal EP, li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru skont id-dritt tal-Unjoni qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, ġew imċaħħda mid-dritt tal-vot tagħhom fir-Renju Unit skont ir-regola ta’ 15-il sena, għandu jiġi rrilevat li din iċ-ċirkustanza toriġina biss minn dispożizzjoni tal-liġi ta’ stat terz, u mhux fid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, din ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-validità tad-Deċiżjoni 2020/135.

102    Minn dan isegwi li l-eżami tat-tielet u r-raba’ domanda ma wrew ebda element ta’ natura tali li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2020/135.

 Fuq lispejjeż

103    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 9 u 50 TUE, kif ukoll l-Artikoli 20 sa 22 TFUE, moqrija flimkien mal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit talGran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, adottat fis17 ta’ Ottubru u li daħal fis-seħħ fl1 ta’ Frar 2020, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Artikoli 9 u 50 TUE, kif ukoll l-Artikoli 20 sa 22 TFUE, moqrija flimkien malFtehim dwar il-ħruġ, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sa millħruġ tar-Renju Unit millUnjoni, fl1 ta’ Frar 2020, iċ-ċittadini ta’ dan l-istat li kienu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, ma jibbenefikawx iktar millistatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, u lanqas, b’mod iktar partikolari, taħt l-Artikolu 20(2)(b) TFUE, u taħt l-Artikolu 22 TFUE, mid-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, anki meta jkunu ġew imċaħħda wkoll, bis-saħħa tal-liġi tal-istat li tagħhom ikunu ċittadini, mid-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet organizzati minn dan l-aħħar stat.

2)      L-eżami tat-tielet u r-raba’ domanda ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135 tal-Kunsill, tat30 ta’ Jannar 2020, dwar il-konklużjoni talFtehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.