Language of document : ECLI:EU:C:2022:449

Kawża C673/20

EP

vs

Préfet du Gers
u
Institut National de la Statistique et des Études Économiques (INSEE)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal judiciaire d’Auch (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Auch, Franza))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad9 ta’ Ġunju 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Ċittadin tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq residenti fi Stat Membru – Artikolu 9 TUE – Artikoli 20 u 22 TFUE – Dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza – Artikolu 50 TUE – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Konsegwenzi tal-ħruġ ta’ Stat Membru tal-Unjoni – Tneħħija mil-listi elettorali fl-Istat Membru ta’ residenza – Artikoli 39 u 40 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Validità tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135”

1.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Nazzjonalità ta’ Stat Membru – Ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u mill-Euratom – Konsegwenzi – Telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni – Ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni – Telf tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom – Ċittadini mċaħħda mid-dritt tal-vot fir-Renju Unit bis-saħħa tad-dritt ta’ dan l-Istat – Assenza ta’ effett

(Artikoli 9 u 50(1) u (3) TUE; l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18, Artikolu 20(1) u (2)(b), l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u Artikolu 22 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 39 u 40; Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, Artikoli 2(e), 3(1), 10(a) u (b), 13 sa 39, 126, 127(1)(b), u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 185)

(ara l-punti 46 sa 52, 55 sa 61, 66 sa 75, 80, 81, 83 u d-dispożittiv 1)

2.        Stati Membri – Ħruġ mill-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni ta’ Stat Membru li jibda l-proċedura ta’ ħruġ – Natura unilaterali – Proċedura – Effetti

(Artikolu 50(1), (2) u (3) TUE)

(ara l-punti 53, 54)

3.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Atti adottati mill-istituzzjonijiet – Talba għal eżami tal-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni – Ammissibbiltà

(Artikolu 19(3)(b) TUE; il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 84, 85)

4.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Nazzjonalità ta’ Stat Membru – Ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u mill-Euratom – Deċiżjoni 2020/135 – Validità – Ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni – Assenza ta’ dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza – Ċittadini mċaħħda mid-dritt tal-vot fir-Renju Unit bis-saħħa tad-dritt ta’ dan l-Istat – Assenza ta’ effett

(Artikoli 9 u 50(1) u (3) TUE; Artikoli 18, 20(2)(b), 21 u 22 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 40; Deċiżjoni tal-Kunsill 2020/135)

(ara l-punti 91 sa 102, u d-dispożittiv 2)

Sunt

EP, ċittadina tar-Renju Unit residenti fi Franza sa mill-1984, tneħħiet mil-listi elettorali Franċiżi wara d-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Frar 2020, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (iktar’ il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”) (1).

EP ikkontestat din it-tneħħija quddiem it-tribunal d’instance d’Auch (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Auch, Franza) minħabba li hija ma setgħetx iktar tivvota la fi Franza, minħabba t-telf tal-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, u lanqas fir-Renju Unit, minħabba li hija ma kienx għad għandha d-dritt tal-vot u tal-kandidatura f’dan l-Istat (2). Skont EP, dan it-telf jikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità u jikkostitwixxi wkoll diskriminazzjoni bejn ċittadini tal-Unjoni kif ukoll ksur tal-libertà ta’ moviment tagħha.

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-ħruġ għal EP tippreġudika b’mod sproporzjonat id-dritt fundamentali ta’ vot ta’ din tal-aħħar. Hija tistaqsi f’dan ir-rigward dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 50 TUE (3) u l-Ftehim dwar il-ħruġ għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jħassru ċ-ċittadinanza Ewropea taċ-ċittadini tar-Renju Unit li, filwaqt li jibqgħu suġġetti għal-liġi ta’ dan l-Istat, stabbilixxew ruħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal iktar minn ħmistax-il sena u, minħabba f’hekk, huma mċaħħda minn kull dritt tal-vot. Fl-affermattiv, hija tistaqsi sa fejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim dwar il-ħruġ (4) u tat-TFUE (5) għandhom jitqiesu li jippermettu lil dawn iċ-ċittadini li jżommu d-drittijiet għaċ-ċittadinanza Ewropea li kienu jibbenefikaw minnhom qabel il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Hija tistaqsi wkoll dwar il-validità tal-Ftehim dwar il-ħruġ u, għaldaqstant, dwar il-validità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2020/135 dwar il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim (6).

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-TUE (7) u tat-TFUE (8), moqrija flimkien mal-Ftehim dwar il-ħruġ, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sa mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni previst minn dan il-ftehim ma għadhomx jibbenefikaw mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. B’mod iktar partikolari, huma ma għadx għandhom id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, inkluż meta huma wkoll imċaħħda, skont id-dritt tal-Istat li tiegħu huma ċittadini, mid-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet organizzati minn dan l-Istat. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tidentifika ebda element tali li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2020/135.

L-ewalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni teħtieġ, skont l-Artikolu 9 TUE u l-Artikolu 20(1) TFUE, il-pussess tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru u l-eżistenza ta’ rabta indissoċjabbli u esklużiva bejn il-pussess tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru u l-kisba, kif ukoll iż-żamma, tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

Maċ-ċittadinanza tal-Unjoni huma marbuta serje ta’ drittijiet (9), b’mod partikolari d-dritt fundamentali u individwali li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri. B’mod partikolari, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Stat Membru li ma humiex ċittadini tiegħu, dawn id-drittijiet jinkludu d-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn jirrisjedu, dritt li huwa wkoll irrikonoxxut mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (10). Min-naħa l-oħra, l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tistabbilixxi dan id-dritt favur iċ-ċittadini ta’ Stati terzi. Konsegwentement, il-fatt li individwu, meta l-Istat li tiegħu huwa ċittadin kien Stat Membru, ikun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ma huwiex tali li jippermettilu jżomm l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u d-drittijiet kollha marbuta miegħu mit-TFUE jekk, wara l-ħruġ tal-Istat ta’ oriġini tiegħu mill-Unjoni, huwa ma jkunx għad għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, skont id-deċiżjoni sovrana tiegħu, meħuda skont l-Artikolu 50(1) TUE, li joħroġ mill-Unjoni, ir-Renju Unit ma għadux membru tagħha sa mill‑1 ta’ Frar 2020, b’tali mod li ċ-ċittadini tiegħu issa għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat terz u mhux dik ta’ Stat Membru. Issa, it-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru jwassal, għal kull persuna li ma jkollhiex ukoll in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, għat-telf awtomatiku tal-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni. Għaldaqstant, din il-persuna ma tibqax tibbenefika mid-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li, peress li t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għal ċittadin tar-Renju Unit huwa konsegwenza awtomatika tad-deċiżjoni meħuda b’mod sovran mir-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni, la l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lanqas il-qrati tagħhom ma jistgħu jkunu obbligati jwettqu eżami individwali tal-konsegwenzi tat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-persuni kkonċernati, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-Ftehim dwar il-ħruġ ma jinkludi ebda dispożizzjoni li żżomm, lil hinn mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, favur iċ-ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

Għalkemm dan il-ftehim jipprevedi l-prinċipju taż-żamma tal-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni fir-Renju Unit matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, l-Artikolu 127(1)(b) tiegħu jeskludi madankollu b’mod espliċitu, b’deroga minn dan il-prinċipju, l-applikazzjoni fir-Renju Unit u fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE u tal-Karta (11) dwar id-dritt tal-vot u tal-kandidatura taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom matul dan il-perijodu. Huwa minnu li din l-esklużjoni ssemmi, letteralment, ir-Renju Unit u “fir-Renju Unit [it-territorju ta’ dan l-Istat]” mingħajr ma ssemmi espliċitament iċ-ċittadini ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, fid-dawl tal-Artikolu 127(6) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, l-imsemmija esklużjoni għandha tinftiehem bħala li tapplika wkoll għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru skont id-dritt tal-Unjoni qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma kinux iktar obbligati, mill‑1 ta’ Frar 2020, jittrattaw liċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fit-territorju tagħhom bħallikieku ċittadini ta’ Stat Membru f’dak li jirrigwarda l-għoti tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali.

Interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 127(1)(b) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, li tikkonsisti f’li tiġi limitata l-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar biss għat-territorju tar-Renju Unit u għalhekk biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni li kienu jirrisjedu f’dan l-Istat matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, tkun toħloq, barra minn hekk, asimetrija bejn id-drittijiet mogħtija permezz ta’ dan il-ftehim liċ-ċittadini tar-Renju Unit u liċ-ċittadini tal-Unjoni. Din l-asimetrija effettivament tmur kontra l-għan tal-Ftehim, li huwa li tiġi ggarantita protezzjoni reċiproka liċ-ċittadini tal-Unjoni u liċ-ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw id-drittijiet rispettivi tagħhom għall-moviment liberu qabel it-tmiem tal-perijodu tranżitorju.

Fir-rigward tal-perijodu li beda fi tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li d-dritt tal-vot u tal-kandidatura taċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni parti tal-Ftehim dwar il-ħruġ, li tipprevedi regoli intiżi sabiex jipproteġu, wara l‑1 ta’ Jannar 2021, b’mod reċiproku u ugwali, liċ-ċittadini tal-Unjoni u liċ-ċittadini tar-Renju Unit (12) li eżerċitaw id-drittijiet tagħhom għall-moviment liberu qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni.

Fl-aħħar nett, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 TFUE (13), li l-Ftehim dwar il-ħruġ jagħmel applikabbli matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni u sussegwentement, ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jobbligaw lill-Istati Membri jkomplu jagħtu, wara l‑1 ta’ Frar 2020, liċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fit-territorju tagħhom id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali organizzati f’dan it-territorju li huma jagħtu liċ-ċittadini tal-Unjoni.

Fir-raba’ u fl-aħħar lok, fir-rigward tal-validità tad-Deċiżjoni 2020/135, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-deċiżjoni ma tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Unjoni, bħala parti kontraenti tal-Ftehim dwar il-ħruġ, eċċediet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fit-tmexxija tar-relazzjonijiet esterni, meta ma eżiġietx li jiġi previst dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza favur iċ-ċittadini tar-Renju Unit li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni.


1      Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7.)


2      Skont regola tad-dritt tar-Renju Unit li tgħid li ċittadin ta’ dan l-Istat li jkun ilu jirrisjedi għal iktar minn 15‑il sena barra mill-pajjiż ma jkunx għad għandu d-dritt li jipparteċipa fl-elezzjonijiet fir-Renju Unit.


3      L-Artikolu 50 TUE jirrigwarda d-dritt u l-modalitajiet ta’ ħruġ ta’ Stat Membru mill-Unjoni Ewropea.


4      Artikoli 2, 3, 10, 12 u 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ.


5      Artikoli 18, 20 u 21 TFUE.


6      Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 1).


7      Artikolu 9 TUE, dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, u Artikolu 50 TUE, dwar id-dritt u l-modalitajiet ta’ ħruġ ta’ Stat Membru mill-Unjoni Ewropea.


8      Artikolu 20 TFUE, dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, Artikolu 21 TFUE, dwar il-libertà ta’ moviment u l-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini tal-Unjoni, u Artikolu 22 TFUE, dwar id-drittijiet tal-vot u tal-kandidatura taċ-ċittadini tal-Unjoni.


9      Skont l-Artikolu 20(2) u l-Artikoli 21 u 22 TFUE.


10      Artikolu 40 tal-Karta.


11      Artikoli 20(2)(b) u 22 TFUE, u Artikoli 39 u 40 tal-Karta.


12      Artikolu 10(a) u (b) tal-Ftehim dwar il-ħruġ.


13      L-Artikolu 18 TFUE jirrigwarda l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni eżerċitata minħabb n-nazzjonalità u l-Artikolu 21 TFUE jirrigwarda l-moviment liberu u l-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini tal-Unjoni.