Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ Ġunju 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal judiciaire d’Auch - Franza) – EP vs Préfet du Gers, Institut national de la statistique et des études économiques (INSEE)

(Kawża C-673/20) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Ċittadin tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq residenti fi Stat Membru – Artikolu 9 TUE – Artikoli 20 u 22 TFUE – Dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza – Artikolu 50 TUE – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Konsegwenzi tal-ħruġ ta’ Stat Membru tal-Unjoni – Tneħħija mil-listi elettorali fl-Istat Membru ta’ residenza – Artikoli 39 u 40 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Validità tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal judiciaire d’Auch

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: EP

Konvenuti: Préfet du Gers, Institut national de la statistique et des études économiques (INSEE)

fil-preżenza ta’: Maire de Thoux

Dispożittiv

L-Artikoli 9 u 50 TUE, kif ukoll l-Artikoli 20 sa 22 TFUE, moqrija flimkien mal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, adottat fis-17 ta’ Ottubru u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Artikoli 9 u 50 TUE, kif ukoll l-Artikoli 20 sa 22 TFUE, moqrija flimkien mal-Ftehim dwar il-ħruġ, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sa mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, fl-1 ta’ Frar 2020, iċ-ċittadini ta’ dan l-istat li kienu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, ma jibbenefikawx iktar mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, u lanqas, b’mod iktar partikolari, taħt l-Artikolu 20(2)(b) TFUE, u taħt l-Artikolu 22 TFUE, mid-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, anki meta jkunu ġew imċaħħda wkoll, bis-saħħa tal-liġi tal-istat li tagħhom ikunu ċittadini, mid-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet organizzati minn dan l-aħħar stat.

L-eżami tat-tielet u r-raba’ domanda ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135 tal-Kunsill, tat-30 ta’ Jannar 2020, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

____________

1     ĠU C 98 tat-22/3/2021.