Language of document : ECLI:EU:T:2022:509

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

7 ta’ Settembru 2022 (*)

“Enerġija – Suq intern tal-elettriku – Regolament (UE) 2019/942 – Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-ACER – Rikors għal annullament – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà – Kompetenza tal-ACER – Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 – Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942 – Artikolu 9(12) tar-Regolament (UE) 2015/1222– Dritt applikabbli – Regolament (UE) 2019/943”

Fil-Kawża T‑631/19,

Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (BNetzA), stabbilita fi Bonn (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Haller, N. Gremminger, L. Reiser, V. Vacha u C. Dietz-Polte, avukati,

rikorrent,

vs

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), irrappreżentata minn P. Martinet u E. Tremmel, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn V. Tomljenović, President, V. Kreuschitz, F. Schalin, P. Škvařilová-Pelzl (Relatur) u I. Nõmm, Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Settembru 2019,

–        ir-risposta, ir-replika u l-kontroreplika ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fis‑16 ta’ Diċembru 2019, fit‑30 ta’ Jannar 2020 u fl‑14 ta’ April 2020,

–        wara li rat id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, fuq proposta tat-Tieni Awla tiegħu, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali,

–        wara li rat id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża), fuq proposta tal-Imħallef Relatur, li tagħmel mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, li dawn tal-aħħar wieġbu fit-termini stabbiliti,

–        wara li rat id-deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali, peress li membru tat-Tieni Awla Estiża ma setax jipparteċipa, jaħtar Imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-kulleġġ ġudikanti,

wara s-seduta tas‑17 ta’ Novembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (BNetzA), titlob, minn naħa, l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni Nru 02/2019 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), tal‑21 ta’ Frar 2019, dwar il-proposti ta’ operaturi ta’ netwerks ta’ trasport tar-reġjuni oħra għall-kalkolu tal-kapaċitajiet Core, dwar metodoloġija reġjonali komuni għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”), u, min-naħa l-oħra, l-annullament tad-deċiżjoni A‑003-2019 tal-kumitat tal-appelli tal-ACER, tal‑11 ta’ Lulju 2019, li tiċħad l-appell tagħha kontra d-deċiżjoni inizjali (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal‑24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU 2015, L 197, p. 24), jistabbilixxi serje ta’ rekwiżiti relatati mal-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ skambju bejn żoni u l-ġestjoni tal-konġestjoni fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata fis-settur tal-elettriku. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu, b’mod partikolari, id-determinazzjoni ta’ metodoloġija komuni dwar il-kalkolu kkoordinat tal-kapaċità (iktar ’il quddiem iċ-“CCM”) f’kull wieħed mir-reġjuni ta’ kalkolu tal-kapaċità (iktar ’il quddiem iċ-“CCR”), skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 3, intitolata “Metodoloġiji tal-kalkolu tal-kapaċità”, tal-Kapitolu 1 tat-Titolu II tar-Regolament 2015/1222. Din it-taqsima tal-imsemmi regolament tinkludi l-Artikoli 20 sa 26, fejn l-Artikolu 20 jistabbilixxi r-regoli dwar l- “[i]ntroduzzjoni għall-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità abbażi tal-fluss”.

3        Skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2015/1222, l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni (iktar ’il quddiem il-“GRT”) ta’ kull CCR huma obbligati li jadottaw proposta għal CCR rispettivi tagħhom u li jissottomettuha lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) ikkonċernati għall-validazzjoni.

4        Skont l-Artikolu 9(10) u (12) tar-Regolament Nru 2015/1222, l-ARN ikkonċernati sussegwentement jippruvaw jilħqu ftehim u jieħdu deċiżjoni dwar il-proposta ta’ CCM tal-GRT jew il-verżjoni emendata minn dawn tal-aħħar, fuq talba tal-imsemmija ARN. Skont l-Artikolu 9(11) u (12) tar-Regolament 2015/1222, meta l-ARN ikkonċernati ma jaslux għal tali ftehim, l-ACER għandha tiddeċiedi dwar il-proposta ta’ CCM tal-GRT jew il-verżjoni emendata tagħha, skont l-Artikolu 6(10) tar-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22), preċedentement l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2009, L 211, p. 1).

5        F’dan il-każ, fil‑15 ta’ Settembru 2017, il-GRT taċ-CCR Core (li jinkludu l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, il-Kroazja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja), skont l-Artikolu 9(7) u l-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2015/1222, issottomettew lill-ARN tal-imsemmi CCR, għall-approvazzjoni, żewġ proposti li jikkonċernaw, rispettivament, il-proġett reġjonali ta’ CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u l-proġett reġjonali ta’ CCM fl-istess ġurnata, stabbiliti f’konformità ma’ dan l-istess regolament.

6        Fid‑9 ta’ Marzu 2018, l-ARN taċ-ĊKR Core għamlu, skont l-Artikolu 9(12) tar-Regolament 2015/1222, żewġ talbiet għal emendi relatati, rispettivament, ma’ kull waħda miż-żewġ proposti ta’ CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata.

7        Fl‑4 ta’ Ġunju 2018, il-GRT, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(12) tar-Regolament 2015/1222, issottomettew lill-ARN taċ-ĊKR Core verżjoni emendata taż-żewġ proposti ta’ CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, iż-“żewġ proposti emendati ta’ CCM”). L-aħħar waħda mill-imsemmija ARN irċeviethom fid‑19 ta’ Ġunju 2018.

8        Permezz ta’ ittri tal‑20 ta’ Lulju u tal‑21 ta’ Awwissu 2018, il-Presidenza tal-forum reġjonali tar-Regolaturi tal-Enerġija taċ-CCR Core (iktar ’il quddiem iċ-“CERRF”), essenzjalment, skont l-Artikolu 9(12) tar-Regolament 2015/1222, f’isem l-ARN kollha tal-imsemmi reġjun, informat lill-ACER li huma ma kinux waslu, għal ftehim unanimu sabiex jivvalidaw iż-żewġ proposti emendati ta’ CCM, u lanqas sabiex jitolbu lill-ACER estensjoni tat-terminu ta’ xahrejn li huma kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jieħdu deċiżjoni, mill-aħħar sottomissjoni tal-imsemmija proposti, u lanqas li jitolbuha tiddeċiedi hi stess dwar iż-żewġ proposti emendati tas-CCM.

9        Fit‑18 ta’ Settembru 2018, l-ARN taċ-CCR Core bagħtu lill-ACER “[d]okument mhux uffiċjali tal-[ARN] kollha taċ-[CCR] dwar l-abbozz reġjonali tal-GRT taċ-[CCR] Core dwar [iż-żewġ proposti emendati ta’ CCM]” (iktar ’il quddiem id- “dokument tat‑18 ta’ Settembru 2018”), sabiex jinformaw, b’mod koerenti mal-komunikazzjoni tal-President taċ-CERRF imsemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq, l-ACER bil-pożizzjonijiet komuni u dissidenti rispettivi tagħhom. F’dan ir-rigward, huma indikaw b’mod partikolari li ż-żewġ proposti emendati ta’ CCM ma kinux jieħdu inkunsiderazzjoni t-talbiet kollha għal emendi tal-ARN, li l-imsemmija proposti ma kinux iddettaljati biżżejjed jew isaħħu l-koerenza u l-konformità mar-Regolament 2015/1222 u li ma kinux neqsin minn definizzjonijiet ċari, trasparenti u armonizzati kif ukoll ta’ livelli u ta’ valuri ddefiniti u ġġustifikati. Huma żiedu li, mid-29 punt distinti li kienu jinkludu ż-żewġ proposti emendati ta’ CCM, 19 kienu ġew approvati mill-ARN, u dawn kienu jissuġġerixxu lill-ACER tieħu inkunsiderazzjoni, filwaqt li 10 ma kinux ġew approvati.

10      Skont l-Artikolu 9(12) tar-Regolament 2015/1222, fl-assenza ta’ ftehim tal-ARN taċ-CCR Core dwar iż-żewġ proposti emendati ta’ CCM, l-ACER kienet obbligata, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 713/2009, li tiddeċiedi dwar l-imsemmija proposti.

11      Wara konsultazzjoni pubblika mnedija dwar iż-żewġ proposti emendati ta’ CCM u wara li kkooperat mal-ARN kollha u l-GRT ikkonċernati, l-ACER, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(12) tar-Regolament 2015/1222, adottat id-deċiżjoni inizjali. Permezz tal-imsemmija deċiżjoni, hija adottat iċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata taċ-CCR Core, hekk kif dawn kienu jinsabu fl-Annessi I u II ta’ din l-istess deċiżjoni.

12      Fit‑23 ta’ April 2019, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 713/2009, ippreżentat appell quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”) kontra d-deċiżjoni inizjali.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, l-imsemmi Bord tal-Appell ċaħad l-appell mid-deċiżjoni inizjali bħala infondat.

 Ittalbiet talpartijiet

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni inizjali li l-lista tagħha hija fformulata hawn taħt kif ukoll id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, adottata fir-rigward tagħhom:

–        Artikolu 5(5) sa (9) tal-Anness I tad-deċiżjoni inizjali;

–        it-tieni sentenza tal-Artikolu 10(4) u l-Artikolu 10(5) tal-Anness I tad-deċiżjoni inizjali;

–        it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 16(3)(d)(vii) tal-Anness I tad-deċiżjoni inizjali;

–        Artikolu 5(5) sa (9) tal-Anness II tad-deċiżjoni inizjali;

–        Artikolu 17(3)(d)(vii) tal-Anness II tad-deċiżjoni inizjali;

–        id-dispożizzjonijiet kollha tal-Annessi I u II tad-deċiżjoni inizjali li jirreferu espressament għad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq;

–        sussidjarjament, tannulla, fl-intier tagħhom, id-deċiżjoni inizjali u d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell;

–        tikkundanna lill-ACER għall-ispejjeż.

15      L-ACER titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq lammissibbiltà

16      L-ACER titlob li r-rikors jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli, sa fejn dan huwa indirizzat kontra d-deċiżjoni inizjali.

17      L-ewwel, hija ssostni, essenzjalment, li, fid-dawl tal-kompetenza tal-Bord tal-Appell li jeżamina d-deċiżjonijiet, bħad-deċiżjoni inizjali, adottati minnu stess u tar-regola ta’ eżawriment tal-proċedura ta’ rimedju intern applikabbli għar-rikorrenti ordinarji, bħar-rikorrenti, hija biss id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. It-tieni, fi kwalunkwe każ, it-terminu ta’ xahrejn għall-preżentata ta’ rikors għal annullament, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, kontra d-deċiżjoni inizjali li kienet skadiet fil-mument tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, dan tal-aħħar huwa tardiv u, konsegwentement, manifestament inammissibbli.

18      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-ACER. L-ewwel, hija ssostni li r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li kemm id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell kif ukoll id-deċiżjoni inizjali jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. It-tieni, ir-rikorrenti tikkontesta li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni inizjali skada, peress li hija kienet obbligata tagħlaq il-proċedura ta’ rimedju intern quddiem il-Bord tal-Appell qabel ma tkun tista’ tippreżenta rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea.

19      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 14 iktar ’il fuq, it-talbiet għal annullament tar-rikorrenti huma indirizzati kemm kontra d-deċiżjoni inizjali kif ukoll kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

20      Sussegwentement, l-ewwel, għandu jiġi osservat li, fil-kwalità tagħha ta’ ARN tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-rikorrenti hija persuna ġuridika fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Issa, fir-rigward ta’ rikorsi ppreżentati minn persuni ġuridiċi, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jippreċiża li “[a]tti li jistabbilixxu [l-]korpi u organi ta’ l-Unjoni jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari dwar rikorsi mressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti ta’ dawn il-korpi jew [ta’ dawn l-]organi maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħhom”.

21      It-tieni, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment maħsuba sabiex japplikaw fid-data ta’ meta jidħlu fis-seħħ (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      F’dan il-każ, fir-rigward tal-korp tal-Unjoni kompetenti fis-settur tal-enerġija, għandu jsir riferiment għar-Regolament 2019/942, li ssostitwixxa r-Regolament Nru 713/2009 u daħal fis-seħħ, skont l-Artikolu 47 tiegħu, fl‑4 ta’ Lulju 2019, jiġifieri qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, fil‑21 ta’ Settembru 2019, u fil-perijodu intermedju bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, fil‑21 ta’ Frar 2019, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, fil‑11 ta’ Lulju 2019. Dan ir-regolament jistabbilixxi, b’mod partikolari, ir-regoli interni dwar il-funzjonament u l-proċedura tal-ACER.

23      Issa, sa fejn ir-Regolament 2019/942 ma jinkludi ebda deroga mir-regola ta’ dritt tranżitorju msemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, li għandha tiġi evalwata l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Whirlpool Europe vs Il-Kummissjoni, T‑118/13, EU:T:2016:365, punt 49, u d-digriet tal‑21 ta’ Novembru 2019, ZW vs BEI, T-727/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:809, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), ir-regoli ta’ proċedura applikabbli għalih u li jiddeterminaw l-ammissibbiltà tiegħu kienu dawk previsti fl-imsemmi regolament.

24      It-tielet, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-preżentata ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra d-deċiżjoni inizjali kif ukoll kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, mill-Artikolu 28(1) u mill-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942, moqrija fid-dawl tal-premessa 34 ta’ dan l-istess regolament, jirriżulta li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jixtiequ jikkontestaw deċiżjoni tal-ACER li huma destinatarji tagħha jew li tikkonċernahom individwalment u direttament jistgħu jadixxu lill-Bord tal-Appell u li, meta tali possibbiltà hija disponibbli għalihom, hija biss id-deċiżjoni tal-imsemmi Bord li hija ammissibbli li tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali.

25      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942 jippreċiża li “[r]-rikorsi għall-annullament ta’ deċiżjoni meħuda mill-ACER skont [dan l-istess] regolament jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-[Unjoni Ewropea] biss wara li jkunu ġew eżawriti l-proċeduri ta’ appell imsemmija fl-Artikolu 28 [tal-imsemmi regolament]”.

26      L-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942, moqrija fid-dawl tal-premessa 34 ta’ dan l-istess regolament, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet partikolari li jikkonċernaw ir-rikorsi għal annullament, imsemmija fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-att leġiżlattiv li jistabbilixxi l-ACER, jiġifieri r-Regolament 2019/942. Għaldaqstant, in-natura stess tal-eżawriment tal-proċedura interna tal-appell, imsemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament 2019/942, li għaliha jirreferi b’mod espliċitu l-Artikolu 29 tal-istess regolament, timplika li l-qorti tal-Unjoni tintervjeni biss, jekk ikun hemm lok, sabiex tivverifika r-riżultat finali li jwassal għalih il-proċedura interna ta’ appell, jiġifieri sabiex teżamina d-deċiżjoni meħuda wara l-eżawriment ta’ dan ir-rimedju intern u, għalhekk, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Heli-Flight vs AESA, C‑61/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:59, punti 81 u 82).

27      Għalhekk, ir-rikors għal annullament ta’ deċiżjoni meħuda mill-ACER ma jistax, fil-każ ta’ rimedju intern ippreżentat kontra din id-deċiżjoni, jitqies li huwa ammissibbli sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li ċaħdet dan ir-rimedju intern (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑28 ta’ Jannar 2016, Heli-Flight vs EASA, C‑61/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:59, punt 84) jew li, jekk ikun il-każ, ikkonfermat id-deċiżjoni inizjali. Dan għandu bħala konsegwenza li l-motivi u l-argumenti ta’ dan ir-rikors li huma bbażati fuq difetti tad-deċiżjoni inizjali u li ma jistgħux jiġu interpretati bħala li huma indirizzati wkoll kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi, peress li l-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi biss dwar il-legalità ta’ din l-aħħar deċiżjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Heli-Flight vs AESA, T‑102/13, EU:T:2014:1064, punt 32).

28      F’dan il-każ, ir-rikorrenti indikat, fil-punt 84 tar-rikors, li dan l-appell kien dirett kontra d-deċiżjoni inizjali, fil-forma li kienet fiha wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. B’hekk, sa fejn din l-aħħar deċiżjoni hija bbażata fuq il-motivi kkunsidrati fid-deċiżjoni inizjali, jew tikkonferma l-imsemmija motivi jew b’mod impliċitu jew espliċitu, il-motivi u l-argumenti kollha tal-imsemmi rikors li huma indirizzati kontra dawn l-istess motivi għandhom jitqiesu li huma kompletament effettivi għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u, għaldaqstant, insostenn tat-talba għal annullament sa fejn hija diretta kontra din l-aħħar deċiżjoni, peress li l-imsemmija talba hija l-unika ammissibbli. Min-naħa l-oħra, it-talba għal annullament sa fejn hija indirizzata kontra d-deċiżjoni inizjali għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq ilmertu

29      Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(7) u (12) tar-Regolament 2015/1222, sa fejn l-ACER eċċediet il-limiti tal-kompetenza tagħha. It-tieni motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ liġi fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli, sa fejn il-Bord tal-Appell kellu jaċċetta li jistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni inizjali fid-dawl tal-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54). It-tielet motiv huwa bbażat fuq diversi ksur tar-Regolament 2019/943. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tar-regoli ta’ proċedura tar-Regolament 2015/1222. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9(7) u (12) tar-Regolament 2015/1222, sa fejn l-ACER eċċediet il-limiti tal-kompetenza tagħha

30      Ir-rikorrenti ssostni li, billi adottat id-deċiżjoni inizjali, l-ACER eċċediet il-limiti tal-kompetenza tagħha. F’dan ir-rigward, l-ewwel, hija ssostni li, skont l-Artikolu 9(7) u (12) tar-Regolament 2015/1222, il-kompetenza tal-ACER tikkostitwixxi kompetenza subordinata u sussidjarja, peress li din tkun saret kompetenti biss meta u sa fejn l-ANR ma jkunux qablu li jieħdu deċiżjoni dwar iż-żewġ proposti emendati ta’ CCM. Ir-rikorrenti tenfasizza li verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-Artikolu 9(12) tar-Regolament 2015/1222, bħall-verżjoni Ingliża, huma fformulati b’mod iktar miftuħ mill-verżjoni Ġermaniża, li għaliha tirreferi l-ACER. It-tieni, skont ir-rikorrenti, l-għan tal-leġiżlazzjoni huwa li jaslu għal CCM komuni, li ma jimplikax li l-ACER tista’ tinjora ftehimiet parzjali miksuba u rekwiżiti fformulati fil-livell tal-ARN. Għalhekk, l-ACER għandha tieħu inkunsiderazzjoni eventwali ftehimiet parzjali bejn l-ARN u tiddeċiedi biss fuq il-punti ta’ nuqqas ta’ qbil residwali bejn dawn tal-aħħar. It-tielet, ir-rikorrenti tispjega li, fl-ittra tal‑20 ta’ Lulju 2018, l-ANR informaw formalment lill-ACER li huma ma kinux waslu għal ftehim komplet dwar ċerti elementi ewlenin taż-żewġ proposti emendati ta’ CCM u li sussegwentement jibagħtulha iktar dettalji dwar id-diskussjonijiet li saru bejniethom dwar dawn l-elementi prinċipali u dwar ċerti kwistjonijiet oħra, kif sussegwentement għamlu fid-dokument tat‑18 ta’ Settembru 2018. Konsegwentement, fil-mument li l-ACER irċeviet l-imsemmija ittra, hija kienet diġà taf il-pożizzjonijiet kollha tal-ARN u l-għaxar punti biss, konkretament ippreċiżati minn dawn tal-aħħar fid-dokument tat‑18 ta’ Settembru 2018, ġew ippreżentati lilha sabiex hija tiddeċiedi dwarhom. Għaldaqstant, l-ACER żbaljat meta ddeċidiet ukoll, fid-deċiżjoni inizjali, fuq punti li ma kinux ġew ippreżentati lilha għal deċiżjoni, kif jirriżulta mid-dokument tat‑18 ta’ Settembru 2018. Ir-raba’, ir-rikorrenti tenfasizza li d-deċiżjoni inizjali tikser il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, li skontu, b’mod ġenerali, l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom jaġixxu b’mod magħżul fil-kuntest tal-kompetenzi attribwiti lilhom u, b’mod partikolari, l-ACER ma għandhiex tinjora l-ftehimiet parzjali miksuba u r-rekwiżiti fformulati fil-livell tal-ARN.

31      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud. Fil-fehma tagħha, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonstata, fid-deċiżjoni tiegħu, li huwa kien kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni inizjali u, b’dan il-mod, huwa kien aġixxa fil-limiti tal-kompetenza tiegħu.

32      F’dan il-każ, konformement mad-determinazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors u tal-utilità tal-motivi mqajma insostenn tiegħu mwettqa fil-punt 28 iktar ’il fuq, għandu jiġi vverifikat jekk il-Bord tal-Appell wettaqx żball ta’ liġi meta naqas, fid-deċiżjoni tiegħu, milli jikkonstata li, billi adottat d-deċiżjoni inizjali, l-ACER qabżet il-limiti tal-kompetenza tagħha, kif ir-rikorrenti kienet invokat insostenn tar-rikors ippreżentat quddiemha.

33      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza dwar ir-regoli li jirregolaw il-kompetenza tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni jirriżulta li d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni tal-Unjoni tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tiegħu (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑3 ta’ Frar 2011, Cantiere navale De Poli vs Il-Kummissjoni, T‑584/08, EU:T:2011:26, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li hija l-uniku att li tiegħu r-rikorrenti tista’ tikkontesta l-legalità fil-kuntest ta’ dan ir-rikors (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), jiġifieri fil‑11 ta’ Lulju 2019, ir-Regolament 2019/942 kien diġà daħal fis-seħħ u kien issostitwixxa r-Regolament Nru 713/2009, preċedentement applikabbli (ara l-punt 22 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ir-Regolament 2015/1222 kien ukoll fis-seħħ u applikabbli, u dan skont l-Artikolu 84 tiegħu, mill‑14 ta’ Awwissu 2015, jiġifieri l-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fil‑25 ta’ Lulju 2015. Issa, l-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942, preċedentement l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 713/2009, u l-Artikolu 9(12) tar-Regolament Nru 2015/1222 jawtorizzaw lill-ACER, f’terminu ta’ sitt xhur, tiddeċiedi jew tadotta deċiżjonijiet individwali dwar kwistjonijiet jew problemi ta’ leġiżlazzjoni li għandhom effett fuq il-kummerċ transkonfinali jew fuq is-sigurtà tan-netwerk transkonfinali li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-ARN, bħall-adozzjoni taċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata ta’ kull CCR, jekk l-ARN kompetenti ma kinux waslu għal ftehim fit-terminu li kien ingħatalhom biex jagħmlu dan jew jekk l-ARNs kompetenti kienu bagħtulha talba konġunta għal dak il-għan. Fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, huma biss dawn id-dispożizzjonijiet li setgħu joffru bażi legali għal din id-deċiżjoni.

35      Għalhekk, l-eżami ta’ dan il-motiv jeżiġi li l-Artikolu 6(10) tar-Regolament Nru 2019/942, preċedentement l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 713/2009 u l-Artikolu 9(12) tar-Regolament Nru 2015/1222, jiġi interpretat sabiex jiġi vverifikat jekk dawn id-dispożizzjonijiet kinux ta’ natura li jistabbilixxu l-kompetenza tal-ACER sabiex tadotta b’mod definittiv iċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata taċ-CCR Core, kif tinsab fl-Annessi I u II tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġu interpretati dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2018, COBRA, C‑192/17, EU:C:2018:554, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Jannar 2020, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑122/18, EU:C:2020:41, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, il-GRT taċ-CCR Core, kif kienu obbligati jagħmlu skont l-Artikolu 9(1) u (7) (a) kif ukoll l-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2015/1222, issottomettew għall-approvazzjoni tal-ARN kollha tal-imsemmi CCR, proposti ta’ CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata għal din l-istess CCR. Skont l-Artikolu 9(10) tar-Regolament 2015/1222, l-ARN kellhom jiddeċiedu dwar dawn il-proposti f’terminu ta’ sitt xhur, li jibda jiddekorri mir-riċezzjoni tagħhom mill-aħħar waħda mill-ANR ikkonċernati. Madankollu, sa fejn l-imsemmija ANR ħarġu talbiet għal emenda tal-proposti tal-CCM ikkonċernati, li warajhom l-GRT issottomettulhom, għall-approvazzjoni tagħhom, iż-żewġ proposti emendati ta’ CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata, dawn kellhom, skont l-Artikolu 9(12) tal-imsemmi regolament, terminu addizzjonali ta’ xahrejn sabiex jiddeċiedu dwar l-imsemmija proposti emendati, wara s-sottomissjoni tagħhom. Issa, huwa paċifiku li l-ARN taċ-CCR Core ma kinux f’pożizzjoni li jaslu, fit-terminu mogħti lilhom, għal ftehim fuq dawn l-istess proposti emendati, u l-ACER ġiet informata b’ittri tal-presidenza taċ-CERRF tal‑20 ta’ Lulju u tal‑21 ta’ Awwissu 2018.

38      Għalhekk, kif ġustament issostni l-ACER, il-kompetenza ta’ din tal-aħħar sabiex tiddeċiedi jew tadotta deċiżjoni definittiva fuq iż-żewġ proposti emendati ta’ CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata kienet ibbażata, f’dan il-każ, fuq il-fatt, imsemmi fl-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942 u fl-Artikolu 9(12) tar-Regolament 2015/1222, li l-ARN taċ-CCR Core ma kinux waslu għal ftehim dwar l-imsemmija proposti fit-terminu ta’ xahrejn mogħti lilhom sabiex jagħmlu dan.

39      Issa, l-ewwel, mill-kliem tal-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/942, preċedentement mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 713/2009, u mill-Artikolu 9 tar-Regolament 2015/1222 ma jirriżultax li, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ tali kompetenza u lil hinn mill-obbligu impost fuqha, skont l-Artikolu 6(11) tar-Regolament 2019/942, li tikkonsulta l-ARN u l-GRT ikkonċernati fl-istadju tal-preparazzjoni tad-deċiżjoni tagħha, l-ACER kienet marbuta bl-osservazzjonijiet mibgħuta minn dawn tal-aħħar. B’mod partikolari, mill-imsemmija dispożizzjonijiet ma jirriżultax li l-kompetenza tal-ACER hija limitata biss għall-aspetti li fuqhom l-ARN ma rnexxilhomx jilħqu ftehim. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942, qabel l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 713/2009, u l-Artikolu 9(12) tar-Regolament 2015/1222 jirrigwardaw il-“kwistjonijiet regolatorji” jew il-“problema” li inizjalment taqa’ taħt il-kompetenza tal-ARN, qabel, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn dawn tal-aħħar, li tirriżulta minn dik tal-ACER, bħala ħaġa waħda indiviżibbli li l-ARN, imbagħad l-ACER, ikunu aditi b’mod globali mingħajr ma jagħmlu tali distinzjoni. Fid-dawl tal-formulazzjoni tagħhom, l-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/942, qabel l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 713/2009, u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2015/1222 għandhom għalhekk jiġu interpretati fis-sens li, fin-nuqqas tal-ARN kompetenti li jilħqu ftehim dwar l-aspetti kollha tal-problema ta’ leġiżlazzjoni mressqa quddiemhom fit-terminu mogħti lilhom sabiex jagħmlu dan, l-ACER hija awtorizzata tiddeċiedi jew tiddeċiedi hija stess dwar din il-problema, mingħajr ma l-kompetenza tagħha tkun limitata biss għall-kwistjonijiet jew għall-aspetti partikolari li fuqhom in-nuqqas ta’ ftehim bejn l-imsemmija ARN ikun ikkristallizza ruħu.

40      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tar-rikorrenti li t-test tal-verżjoni Ingliża tal-Artikolu 9(12) tar-Regolament 2015/1222, li jipprevedi li l-ACER hija awtorizzata tiddeċiedi dwar il-proposti tal-GRT “[w]here the competent regulatory authorities have not been able to reach an agreement” (meta l-awtoritajiet regolatorji kompetenti ma rnexxielhomx jaslu għal ftehim), jista’ jakkredita l-idea li l-kompetenza tal-ACER biss hija limitata għall-problema li għalihom l-ACER tkun limitata għal dawk l-aspetti tal-kwistjoni regolatorja inkwistjoni li dwarhom l-ARN naqsu milli jilħqu ftehim.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew li tingħata natura prijoritarja fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti bil-lingwi kollha tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Tarragó da Silveira, C‑250/17, EU:C:2018:398, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-każ ta’ diskrepanza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi interpretata abbażi tal-iskema ġenerali u tal-għan tar-regoli li hija tikkostitwixxi element tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Ambisig, C‑46/15, EU:C:2016:530, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-test tal-verżjoni Ingliża ċċitata fil-punt 40 iktar ’il fuq ma jistabbilixxix regola sostanzjalment differenti minn dik li tirriżulta mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, bħall-verżjoni Ċeka, Ġermaniża jew Franċiża, li jipprovdu li l-ACER hija kompetenti sabiex tiddeċiedi, rispettivament, “[p]okud příslušné regulační orgány nedokážou […] dosáhnout dohody”, “[f]alls es den Regulierungsbehörden nicht gelingt, […] eine Einigung […] zu erzielen” jew “[l]orsque les autorités de régulation compétentes ne sont pas parvenues à un accord”. Issa, il-formulazzjoni ta’ dawn il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ssaħħaħ l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li huwa indikat fil-punt 39 iktar ’il fuq.

43      It-tieni, din l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942, preċedentement l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 713/2009, u tal-Artikolu 9(12) tar-Regolament 2015/1222 hija sostnuta mill-kuntest u mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti dawn id-dispożizzjonijiet, kif iċċarati mix-xogħlijiet preparatorji ta’ din tal-aħħar.

44      F’dan ir-rigward, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta’ l-Enerġija (COM/2007/0530 finali), li wasslet għar-Regolament Nru 713/2009, li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fih kienu bbażati b’mod partikolari fuq l-osservazzjoni li, “[m]inkejja li s-suq intern ta’ l-enerġija żviluppa konsiderevolment, għad hemm lakuna regolatorja dwar kwistjonijiet transkonfinali” u dik “li fil-prattika s-soltu jeħtieġlu l-kunsens ta’ 27 regolatur u aktar minn 30 TSO biex jilħaq qbil, mhuwiex iħalli riżultati suffiċjenti” u “imma mhux għal deċiżjonijiet reali fuq il-kwistjonijiet diffiċli li jeħtieġ li jittieħdu”. Għal dawn ir-raġunijiet, kien ġie deċiż li jinħolqu “[i]l-ħidmiet ewlenin proposti jikkomplementaw, fuq il-livell Ewropew, il-ħidmiet regolatorji li jwettquhom ir-regolaturi nazzjonali”, b’mod partikolari permezz tal-għoti ta’ “setgħat li tieħu deċiżjonijiet individwali” L-imsemmija setgħat kellhom jingħataw lill-ACER “[b]il-għan li jiġu ttrattati kwistjonijiet speċifiċi transkonfinali”, b’mod partikolari “dwar is-sistema regolatorja applikabbli għall-infrastruttura fi ħdan it-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed”, kif finalment ġie previst fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 713/2009.

45      Barra minn hekk, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (tfassil mill-ġdid) (COM/2016/0863 final), li wasslet għar-Regolament 2019/942, li d-dispożizzjonijiet inklużi fih kellhom b’mod partikolari jippermettu li “(l)-adattament tas-sorveljanza regolatorja għas-swieq reġjonali”. B’mod partikolari, ma deherx iktar xieraq għar-realtajiet il-ġodda ta’ dawn is-swieq li “d-deċiżjonijiet regolatorji ewlenin kollha […]ttieħdu mir-regolaturi nazzjonali, anki f’każijiet meta [kien] hemm bżonn ta’ soluzzjoni reġjonali komuni” u li “is-sorveljanza regolatorja [baqgħet] frammentata, u dan [wassal] għal riskju ta’ deċiżjonijiet diverġenti u għal dewmien bla bżonn”. Għal dawn ir-raġunijiet, kien ikkunsidrat li “[i]t-tisħiħ tas-setgħat tal-ACER fil-kuntest ta’ dawn il-kwistjonijiet transkonfinali li [kienu] jeħtieġu deċiżjoni reġjonali koordinata kieku jikkontribwixxi lejn proċess aktar mgħaġġel u effettiv ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet transkonfinali”, filwaqt li jiġi osservat li “[i]r-regolaturi nazzjonali, li jiddeċiedu fi ħdan l-ACER rigward dawk il-kwistjonijiet permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza, jibqgħu involuti b’mod sħiħ fil-proċess”. L-għoti lill-ACER ta’ “kompetenzi addizzjonali limitati” kien meqjus bħala konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, sa fejn dan kien isir “fl-oqsma li fihom it-teħid ta’ deċiżjonijiet nazzjonali frammentati dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza transkonfinali jistgħu jwasslu għal problemi jew għal inkonsistenzi fis-suq intern”. Barra minn hekk, hija kienet meqjusa konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn “[l-]ACER [kellha] tingħata kompiti addizzjonali, speċjalment fl-operat reġjonali tas-sistema tal-enerġija, filwaqt li [ARN]għandhom iżommu r-rwol ċentrali tagħha fir-regolamentazzjoni tal-enerġija”. Huwa f’dan il-kuntest li l-proposta għal regolament, il-“[…]kapitolu [I, tiegħu kien] jiddefinixxi wkoll għadd ta’ kompiti ġodda għall-ACER, b’rabta mas-superviżjoni ta’ Operaturi Nominati tas-Suq tal-Elettriku u li huma relatati mal-approvazzjoni ta’ metodi, kif ukoll proposta dwar l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni u t-tħejjija għar-riskji”. Dawn il-kompiti l-ġodda tal-ACER ġew b’mod partikolari fformalizzati fl-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942.

46      Mill-espożizzjoni tal-motivi ta’ dawn il-proposti ta’ regolament tirriżulta rieda ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirrendi t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet transkonfinali, diffiċli iżda indispensabbli, iktar effikaċi u iktar rapidi, u dan permezz ta’ tisħiħ tas-setgħat ta’ deċiżjoni individwali tal-ACER li tkun konċiljabbli maż-żamma tar-rwol ċentrali tal-ARN fil-qasam tar-regolamentazzjoni tal-enerġija.

47      Dan jikkorrispondi wkoll għal uħud mill-għanijiet imfittxija mir-Regolamenti Nru 713/2009 u Nru 2019/942. Fil-fatt, kif tfakkar fil-premessa 10 tar-Regolament 2019/942, li qabel kienet il-premessa 5 tar-Regolament Nru 713/2009, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib u jeliminaw l-ostakoli għall-kummerċ transkonfinali tal-elettriku u tal-gass naturali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni, u korp ċentrali indipendenti, jiġifieri l-ACER, ġie stabbilit sabiex jimla l-vojt regolatorju fil-livell tal-Unjoni u sabiex jikkontribwixxu għall-funzjonament effettiv tas-swieq interni tal-elettriku u tal-gass naturali. Għalhekk, kif indikat fil-premessa 11 tar-Regolament 2019/942, li qabel kienet il-premessa 6 tar-Regolament Nru 713/2009, l-ACER għandha tiżgura li l-funzjonijiet regolatorji ssodisfatti mill-ARN ikunu kkoordinati korrettament u, jekk meħtieġ, ikkompletati fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, hija għandha, kif ġie ppreċiżat fil-premessi 33 u 34 tar-Regolament 2019/942, li qabel kienu l-premessi 18 u 19 tar-Regolament Nru 713/2009, setgħat ta’ deċiżjoni xierqa sabiex tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet regolatorji tagħha b’mod effikaċi, trasparenti, motivat u, fuq kollox, indipendenti meta mqabbla mal-produtturi tal-elettriku u tal-gass u mal-GRT u mal-konsumaturi. Hija għandha teżerċita dawn is-setgħat billi tiżgura l-konformità ta’ dawn id-deċiżjonijiet mad-dritt tal-Unjoni dwar l-enerġija, taħt il-kontroll tal-Bord tal-Appell, li jagħmel parti mill-ACER filwaqt li huwa indipendenti fi ħdan din tal-aħħar, u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

48      Minn dan isegwi li l-ACER ingħatat b’mod partikolari setgħat regolatorji u deċiżjonali proprji, li hija teżerċita b’indipendenza sħiħa u taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, sabiex tkun tista’ tikkumpensa lill-ARN meta l-kooperazzjoni volontarja tagħhom ma tippermettilhomx li jiddeċiedu dwar kwistjonijiet jew dwar problemi partikolari li jaqgħu taħt il-kompetenza regolatorja tagħhom. Kif huwa indikat fil-premessi 11 u 45 tar-Regolament 2019/942, qabel il-premessi 6 u 29 tar-Regolament Nru 713/2009, l-ACER b’hekk issir kompetenti, sabiex tiddeċiedi, b’indipendenza sħiħa u taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, fuq kwistjonijiet ta’ regolamentazzjoni jew problemi importanti għall-funzjonament effikaċi tas-swieq interni tal-elettriku u tal-gass naturali, biss meta u sa fejn, konformement mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità esposti fl-Artikolu 5 TUE, l-għanijiet segwiti mill-Unjoni ma setgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri kkonċernati, minħabba n-nuqqas ta’ ftehim ġenerali milħuq bejn l-ARN tagħhom dwar kwistjonijiet regolatorji jew problemi li inizjalment jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom.

49      Għalhekk, il-loġika tas-sistema li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/942, preċedentement l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 713/2009, u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2015/1222 huwa li, meta l-ARN, fil-livell tal-Istati Membri, ma jkunux irnexxilhom, fit-terminu mogħti lilhom sabiex jagħmlu dan, jiddeċiedu dwar kwistjonijiet regolatorji jew dwar problema li taqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, li huma importanti għall-funzjonament effikaċi tas-swieq interni tal-elettriku, bħall-elaborazzjoni taċ-CCM reġjonali previsti fl-Artikolu 9(1) u (7)(a) u fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2015/1222, il-kompetenza għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni hija tal-ACER, mingħajr ma jkun previst li parti minn din il-kompetenza tista’ tinżamm, fil-livell nazzjonali, mill-ARN, pereżempju dwar xi wħud mill-kwistjonijiet regolatorji jew dwar xi aspetti tal-problema inkwistjoni li dwarhom huma kienu laħqu ftehim.

50      Barra minn hekk, sa fejn l-ACER teżerċita l-kompetenza tagħha b’indipendenza sħiħa u taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, il-Bord tal-Appell ġustament jindika, fil-punt 157 tad-deċiżjoni tiegħu, li dan ma jistax ikun marbut mill-pożizzjoni meħuda mill-ARN kompetenti fuq uħud mill-kwistjonijiet regolatorji jew ċerti aspetti tal-problemi sottomessi lilhom u li dwarhom huma kienu waslu sabiex jiftiehmu, b’mod partikolari meta huwa jqis li din il-pożizzjoni ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni dwar l-enerġija. Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell.

51      Barra minn hekk, sa fejn is-setgħat deċiżjonali tagħha ġew attribwiti lill-ACER sabiex tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet regolatorji tagħha b’mod effikaċi, l-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/942, qabel l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 713/2009, u l-Artikolu 9 tar-Regolament 2015/1222 għandhom jinftiehmu fis-sens li jawtorizzaw lill-ACER temenda l-proposti tal-GRT sabiex tiżgura l-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni dwar l-enerġija, qabel l-approvazzjoni tagħhom. Din is-setgħa hija indispensabbli sabiex l-ACER tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet regolatorji tagħha b’mod effikaċi, peress li, kif ġustament enfasizza l-Bord tal-Appell fil-punt 150 tad-deċiżjoni kkontestata, ebda dispożizzjoni tar-Regolament 2019/942, preċedentement tar-Regolament Nru 713/2009, jew tar-Regolament 2015/1222, ma tipprevedi, bħall-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 9(12) tar-Regolament 2015/1222, dwar l-ARN, li l-ACER tista’ titlob lill-GRT jemendaw il-proposta tagħhom, qabel ma japprovawha. Fil-fatt, dawn l-aħħar dispożizzjonijiet japplikaw biss fil-kuntest tal-proċedura ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn diversi ARN, fis-sens tal-Artikolu 9(10) tar-Regolament 2015/1222, sabiex jiġi ffaċilitat ftehim bejniethom, iżda mhux f’isem is-setgħa deċiżjonali awtonoma mogħtija lill-ACER fl-assenza ta’ tali ftehim, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 9(12) tal-istess regolament.

52      Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, fir-Regolament 2019/942, preċedentement ir-Regolament Nru 713/2009, is-setgħat ta’ deċiżjonali awtonomi mogħtija lill-ACER ġew ikkonċiljati maż-żamma tar-rwol ċentrali rrikonoxxut lill-ARN fil-qasam tar-regolazzjoni tal-enerġija, peress li, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tal-imsemmi regolament, qabel l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 713/2009, l-ACER, fil-persuna tad-direttur tagħha, twaqqaf jew tadotta d-deċiżjonijiet tagħha biss wara li jkun irċieva jew kiseb l-opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi, li fih l-ARN kollha huma rrappreżentati flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, kull membru tal-imsemmi Kunsill ikollu vot wieħed u dan l-istess bord, jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi, kif previst fl-Artikolu 21 u l-Artikolu 22(1) ta’ dan l-istess regolament, li qabel kien l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 713/2009.

53      B’hekk, l-għan tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2019/942, preċedentement tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 713/2009, u tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2015/1222 kif ukoll il-kuntest li fih jidħlu dawn id-dispożizzjonijiet jikkonfermaw li, fin-nuqqas tal-ARN kompetenti li jilħqu ftehim dwar l-aspetti kollha tal-problema regolatorju li hija ppreżentata quddiemhom, fit-terminu mogħti lilhom sabiex jagħmlu dan, l-ACER hija awtorizzata tiddikjara jew tiddeċiedi hija stess dwar din il-problema, bla ħsara għaż-żamma tar-rwol ċentrali mogħti lill-ARN permezz tal-parir konformi biss mal-Bord tar-Regolaturi tagħha u mingħajr ma l-kompetenza tagħha tkun limitata għall-aspetti partikolari li fuqhom in-nuqqas ta’ ftehim bejn l-imsemmija ARN kien ikun kristallizzat.

54      It-tielet, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/942, qabel tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 713/2009, u tal-Artikolu 9 tar-Regolament 2015/1222 ma tistax tiġi kkontestata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni.

55      Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 9(1) u (7)(a) u mill-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2015/1222 jirriżulta li kull waħda miċ-CCM reġjonali hija kkonċepita bħala assjem regolatorju indissoċjabbli, li għandu jagħti lok għal approvazzjoni unika min-naħa tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti. Huwa għalhekk ġustament li, fil-punt 156 tad-deċiżjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell enfasizza li “seta’ ma jkunx possibbli li jiġi deċiż aspett partikolari tal-imsemmija CCM (suġġett ta’ nuqqas ta’ qbil [bejn l-ARN]) mingħajr ma jbiddel aspett ieħor [ta’ dawn l-istess CCM] (suġġett ta’ ftehim [bejn l-imsemmija ARN]), fid-dawl tal-interazzjonijiet potenzjali u l-effetti sovrapposti [eżistenti] bejn l-aspetti differenti [kkonċernati]”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti la kkontestat, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell u lanqas, a fortiori, ma wriet li, f’dan il-każ, il-kwistjonijiet regolatorji jew l-aspetti taċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata taċ-CCR Core li dwarhom l-ARN tal-imsemmi CCR waslu sabiex jilħqu ftehim dwarhom, kif wera d-dokument tat‑18 ta’ Settembru 2018, kienu separabbli minn kwistjonijiet oħra jew minn aspetti oħra trattati f’dawn iċ-CCM.

56      Fit-tieni lok u sa fejn ir-rikorrenti tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-kontenut tad-dokument tat‑18 ta’ Settembru 2018, għandu jiġi osservat li dan tal-aħħar jikkostitwixxi dokument, maħruġ mill-ARN, li ma huwiex legalment vinkolanti għall-ACER u li ma jistax jinfluwenza d-determinazzjoni tal-portata tal-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/942, preċedentement tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 713/2009, jew tal-Artikolu 9 tar-Regolament 2015/1222, u lanqas fuq dik tal-kompetenzi jew tad-dmirijiet tal-ACER li jirriżultaw minnha. Fi kwalunkwe każ, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-dokument tat‑18 ta’ Settembru 2018 kien konkretament iddistingwa l-kwistjonijiet regolatorji jew l-aspetti taċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata taċ-CCR Core li dwarhom l-ARN tal-imsemmija CCR waslu sabiex jaqblu ma’ dawk li fuqhom huma ma laħqux tali ftehim fit-terminu mogħti u li, bħala tali, kienu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-ACER ma hijiex ikkonfermata mill-kontenut ta’ dan id-dokument.

57      Fil-fatt, fid-dokument tat‑18 ta’ Settembru 2018, l-ARN taċ-CCR Core kkonstataw, b’mod purament informali, li l-proposti tal-GRT fuq iċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata ta’ din l-istess CCR ma kinux jirrispettaw ir-rekwiżiti kollha tar-Regolament 2015/1222, li huma “mhux talli ma kinux eżekuttivi” u li, għaldaqstant, huma ma setgħux japprovawhom f’din is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, huma rrilevaw li l-imsemmija proposti ma kinux ibbażati fuq definizzjonijiet ċari, trasparenti u preċiżi kif ukoll fuq limiti u valuri ddefiniti tajjeb u ġġustifikati. Dawn l-osservazzjonijiet juru li n-nuqqas ta’ approvazzjoni tal-proposti tal-GRT fuq iċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata taċ-CCR Core mill-ARN kompetenti kien jirriżulta inqas, f’dan il-każ, mill-eżistenza ta’ nuqqas ta’ qbil bejn dawn tal-aħħar fuq ċerti kwistjonijiet jew fuq ċerti aspetti preċiżi u konkreti tal-imsemmija CCM milli fuq l-identifikazzjoni ta’ problema ġenerali serja ta’ konformità mar-Regolament 2015/1222 tal-proposti li l-GRT kienu ressqulhom.

58      Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, mid-dokument tat‑18 ta’ Settembru 2018 jirriżulta li, fih, l-ARN taċ-CCR Core inqas ikkonstataw l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ qbil bejniethom fuq ċerti kwistjonijiet leġiżlattivi jew dwar ċerti aspetti preċiżi u konkreti taċ-CCM ta’ kuljum u ta’ kull jum mill-imsemmi CCR milli l-impossibbiltà li jintlaħaq ftehim sħiħ fuq tali kwistjonijiet jew fuq tali aspetti. Fil-fatt, f’dan id-dokument ġew indikati ċerti mistoqsijiet kemm fost il-punti ta’ ftehim kif ukoll dawk ta’ nuqqas ta’ ftehim. Dan kien, b’mod partikolari, il-każ tal-metodoloġija għall-għażla tal-elementi kritiċi tan-netwerk u ta’ perikli, użati fil-kalkolu tal-kapaċità, tal-integrazzjoni tal-kapaċitajiet allokati fit-tul jew tal-metodoloġija għall-validazzjoni tal-kapaċità. B’hekk, anki jekk jitqies li ċerti kwistjonijiet leġiżlattivi jew ċerti aspetti preċiżi u konkreti taċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata tal-imsemmi CCR kienu separabbli mill-oħrajn, xorta jibqa’ l-fatt li l-punti ta’ qbil jew ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-ARN tar-reġjun Core dwar iċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata tal-imsemmija CCR ma kinux jikkoinċidu, f’dan il-każ, ma’ kwistjonijiet leġiżlattivi jew ma’ aspetti tal-imsemmija CCM li huma ddefiniti b’mod ċar.

59      Fl-aħħar nett, mill-kontenut tad-dokument tat‑18 ta’ Settembru 2018 jirriżulta li l-ARN taċ-CCR Core kienu qegħdin jistennew li l-ACER, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha, tistħarreġ u tiżgura li ċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata taċ-CCR Core kienu jinkludu r-regoli neċessarji sabiex tiġi prekluża kull diskriminazzjoni indebita bejn l-iskambji interni u l-iskambji bejn iż-żoni ta’ preżentazzjoni tal-offerti, kif meħtieġ mill-Artikolu 21(1)(b)(ii) tar-Regolament 2015/1222, kwistjoni leġiżlattiva li dwarha huma ma setgħux jaslu għal ftehim. Issa, it-tfittxija ta’ tali għan setgħet timplika reviżjoni u, jekk ikun il-każ, li jiġu emendati r-regoli dwar il-kalkolu tal-kapaċità, sabiex tiġi żgurata l-koerenza tagħhom mar-regoli intiżi speċifikament sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni bejn l-iskambji interni u l-iskambji bejn iż-żoni ta’ preżentazzjoni tal-offerti. Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess jirriżulta li dan kien il-każ f’din il-kawża, peress li d-dispożizzjonijiet tal-Annessi I u II tad-deċiżjoni inizjali, ikkontestati mir-rikorrenti, ġew adottati sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fl-iskambji interni u bejn żoni ta’ preżentazzjoni tal-offerti. Dan juri, mill-ġdid, li l-punti ta’ ftehim jew ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-ARN tar-reġjun Core dwar iċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata tal-imsemmija CCR ma kinux neċessarjament jikkoinċidu ma’ kwistjonijiet regolatorji jew ma’ aspetti tal-imsemmija CCM li huma ddefiniti b’mod ċar.

60      Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, għandu jiġi rrilevat li din ma tiżviluppa, insostenn tagħha, ebda argument iddettaljat li jista’ juri tali ksur. F’dan il-każ, id-deċiżjoni inizjali u d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ġew adottati billi ġew segwiti l-proċeduri previsti mir-Regolament Nru 713/2009 u mir-Regolament 2015/1222, li, konformement mal-prinċipji ta’ għoti, ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5 TUE u kif tfakkar, issa, fil-premessa 29 tar-Regolament 2019/942, jipprevedu li l-ACER ssir kompetenti sabiex tadotta deċiżjonijiet individwali dwar kwistjonijiet jew problemi regolatorji inizjalment koperti mill-kompetenza tal-ARN biss f’ċirkustanzi ddefiniti b’mod ċar u dwar kwistjonijiet marbuta mas-suġġett li għalih hija ġiet stabbilita (ara l-punti 37 u 48 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, dawn il-proċeduri jiggarantixxu li l-ACER tintervjeni biss b’mod sussidjarju meta mqabbla mal-ARN, meta dawn tal-aħħar ma jkunux waslu għal ftehim dwar kwistjonijiet ta’ regolamentazzjoni jew problemi importanti għall-funzjonament effikaċi tas-swieq interni tal-elettriku (ara l-punt 48 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, kif diġà ġie ppreċiżat fil-punti 52 u 53 iktar ’il fuq, fir-Regolament 2019/942, preċedentement ir-Regolament Nru 713/2009, is-setgħat ta’ deċiżjoni mogħtija lill-ACER ġew ikkonċiljati maż-żamma tar-rwol ċentrali rrikonoxxut lill-ARN permezz tal-parir konformi tal-kunsill tar-regolaturi. Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà għandu jiġi miċħud.

61      Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi sa fejn, fid-deċiżjoni tiegħu, huwa ma kkonstatax li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, l-ACER qabżet il-limiti tal-kompetenza tagħha meta ddeċidiet fuq punti taċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata taċ-CCR Core li kienu ssemmew fid-dokument tat‑18 ta’ Settembru 2018 bħala li kienu s-suġġett ta’ ftehim bejn l-ARN tal-imsemmi CCR.

62      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Bord tal-Appell fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli, sa fejn huwa kellu jaċċetta li jistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni inizjali fid-dawl tal-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943

63      It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni tiegħu, sa fejn, essenzjalment, huwa ma stħarriġx il-legalità tad-deċiżjoni inizjali fid-dawl tal-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943, li l-ACER stess kellha tieħu inkunsiderazzjoni f’din id-deċiżjoni tal-aħħar.

64      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell ma applikax, essenzjalment, l-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943, meta dawn kienu fis-seħħ fil-mument meta huwa adotta d-deċiżjoni tiegħu. Hija tfakkar li l-istħarriġ tal-legalità ta’ att tal-Unjoni jsir abbażi tas-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmi att. Issa, minn naħa, hija ssostni li r-Regolament 2019/943 daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Lulju 2019, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, iżda qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Min-naħa l-oħra, dan ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni inizjali, kif ikkonfermata bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, jiġifieri, essenzjalment, kontra żewġ deċiżjonijiet li jifformaw entità ġuridika waħda. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell kien obbligat japplika r-Regolament 2019/943, a fortiori sa fejn huwa wettaq, fid-deċiżjoni tiegħu, eżami ġdid awtonomu u komplet tal-kawża, li ppermettielu jieħu inkunsiderazzjoni żviluppi legali ġodda li seħħew fil-frattemp, bħad-dħul fis-seħħ tal-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943.

65      Fit-tieni lok, l-ewwel, ir-rikorrenti tilmenta li l-ACER, fid-deċiżjoni inizjali, kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, l-ACER diġà kellha għarfien preċiż tar-rekwiżiti determinanti li jinsabu fl-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943. Fil-fatt, qabelxejn, din l-aħħar deċiżjoni ttieħdet fi stadju avvanzat tal-proċess leġiżlattiv, li fih l-artikoli msemmija iktar ’il fuq tal-imsemmi regolament kienu ġew iddefiniti u adottati mill-kumitati kompetenti kollha tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew. Sussegwentement, l-istampa kienet diġà ppubblikat rapporti ddettaljati dwar ir-Regolament 2019/943 il-ġdid. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tindika li, permezz ta’ posta elettronika tal‑4 ta’ Frar 2019, hija kienet ġibdet l-attenzjoni tal-ACER dwar ir-rekwiżiti fformulati fl-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943 u dwar id-dubji tagħha dwar il-konformità taċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata taċ-CCR Core li l-ACER kellha l-intenzjoni żżomm mal-imsemmija rekwiżiti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirrileva li, għalkemm diversi riferimenti għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2019/943 il-ġdid kienu jinsabu fid-deċiżjoni inizjali, dawn ir-riferimenti kienu jirrigwardaw aspetti li kienu jsostnu l-pożizzjoni tal-ACER, li kienet tikkostitwixxi teħid inkunsiderazzjoni arbitrarju u selettiv tad-dritt tal-Unjoni futur u, għaldaqstant, ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

66      It-tieni, ir-rikorrenti tikkritika lill-ACER li, fid-deċiżjoni inizjali, kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Hija ssostni li, skont il-ġurisprudenza (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 1997, Opel Austria vs Il-Kunsill, T‑115/94, EU:T:1997:3), il-prinċipju ta’ ċertezza legali jista’ jimponi, f’ċerti limiti, li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll atti ġuridiċi futuri, b’mod partikolari meta tali att ikun prevedibbli, suffiċjentement iddeterminat u inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi adottata.

67      It-tielet, ir-rikorrenti tiċħad bħala ineffettiv l-argument tal-ACER bbażat fuq ksur potenzjali tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività. Fil-fehma tagħha, minn naħa, għandha ssir distinzjoni bejn l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-futur ta’ obbligu għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jintegraw, fid-deċiżjonijiet tagħhom, żviluppi fid-dritt li diġà huma prevedibbli u, min-naħa l-oħra, li jastjenu milli jadottaw miżuri li jmorru kontra atti ġuridiċi futuri ta’ livell superjuri.

68      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li t-tieni motiv jiġi miċħud. Fl-ewwel lok, hija ssostni li, meta eżamina d-deċiżjoni inizjali, il-Bord tal-Appell kellu jivverifika jekk, f’din id-deċiżjoni, huwa kienx wettaq żball fid-determinazzjoni tad-dritt applikabbli. F’dan ir-rigward, hija tafferma li hija kellha tadotta d-deċiżjonijiet tagħha abbażi tas-sitwazzjoni fattwali u tad-dispożizzjonijiet legali li kienu jeżistu fil-mument tal-adozzjoni tagħhom. Issa, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, ir-Regolament 2019/943 u, b’mod partikolari, l-Artikoli 14 sa 16 tiegħu ma kinux għadhom fis-seħħ u lanqas ma kienu ġew approvati b’mod definittiv mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Għaldaqstant, huwa ġustament ma bbażax id-deċiżjoni inizjali fuq ir-Regolament 2019/943, b’mod partikolari fuq l-Artikoli 14 sa 16 tal-imsemmi regolament, u li, konsegwentement, il-Bord tal-Appell ma wettaqx l-eżami tal-imsemmija deċiżjoni fir-rigward ta’ dawn l-istess artikoli, li kienu ġew invokati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-appell li hija kienet ippreżentat quddiemu. L-ACER tikkontesta wkoll l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-natura awtonoma tal-istħarriġ eżerċitat mill-Bord tal-Appell fuq id-deċiżjoni inizjali. Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(5) tar-Regolament 2019/942, dan tal-aħħar ma għandux il-kompetenza li jissostitwixxi d-deċiżjoni inizjali tiegħu b’deċiżjoni inizjali, u lanqas li jiddeċiedi huwa stess il-kawża. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni tiegħu, tal-iżviluppi legali ġodda li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, dan ma jfissirx li l-imsemmi kumitat huwa obbligat li jivverifika l-kompatibbiltà tad-deċiżjoni inizjali ma’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament 2019/943 li daħlu fis-seħħ wara l-adozzjoni tagħha.

69      Fit-tieni lok, l-ewwel, l-ACER sostniet li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, il-proċedura leġiżlattiva dwar ir-Regolament 2019/943 kienet għadha pendenti u li dan ir-regolament ma kienx jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku fis-seħħ, b’tali mod li hija ma setgħetx tkun taf jekk dan ir-regolament kienx ser jiġi adottat konkretament u, a fortiori, x’kien se jkun il-kontenut tiegħu u d-data eżatta tal-adozzjoni tiegħu. Skont l-ACER, la kien evidenti u lanqas prevedibbli li d-deċiżjoni inizjali setgħet kienet inkompatibbli ma’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament 2019/943 adottati sussegwentement. Konsegwentement, l-ACER ma setgħetx tibbaża d-deċiżjoni inizjali fuq l-imsemmija dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, l-ACER tikkunsidra bħala irrilevanti, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk il-proposti leġiżlattivi kinux magħrufa lilha jew le fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali u, min-naħa l-oħra, il-fatt li, f’din l-aħħar deċiżjoni, hija kienet irreferiet għall-proposta ta’ regolament ġdid.

70      It-tieni, l-ACER issostni li, b’differenza mill-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 1997, Opel Austria vs Il-Kunsill (T‑115/94, EU:T:1997:3), f’din il-kawża, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, ir-Regolament 2019/943 ma kienx ġie adottat, b’tali mod li hija ma kellha l-ebda ċertezza la fir-rigward tal-kontenut eżatt tiegħu u lanqas fir-rigward tad-data li fiha kien jidħol fis-seħħ. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament qies, fid-deċiżjoni tiegħu, li s-soluzzjoni applikata fis-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 1997, Opel Austria vs Il-Kunsill (T‑115/94, EU:T:1997:3), ma kinitx trasponibbli f’dan il-każ.

71      It-tielet, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma ġewx miksura f’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni inizjali kienet tinkludi, fil-mument tal-adozzjoni tagħha, dispożizzjonijiet ċari u li l-applikazzjoni tagħhom kienet prevedibbli għall-persuni kkonċernati.

72      Ir-raba’, l-ACER tenfasizza li l-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ ekwilibriju istituzzjonali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali ma jippermettulhiex li tikser id-dritt fis-seħħ u li tadotta deċiżjoni abbażi ta’ sempliċi proposti leġiżlattivi.

73      F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fil-kuntest tar-rimedju intern li hija ppreżentat quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti invokat l-eżistenza ta’ diverġenzi jew ta’ inkoerenzi bejn iċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata taċ-CCR Core li kienu ġew approvati mill-ACER fid-deċiżjoni inizjali u r-rekwiżiti li jirregolaw, skont l-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943, l-adozzjoni ta’ tali CCM.

74      Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell ċaħad l-ilmenti mressqa quddiemu mir-rikorrenti għar-raġuni li l-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943 kienu irrilevanti għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni inizjali, adottata mill-ACER, peress li dan ir-regolament kien għadu ma huwiex applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

75      Peress li r-rikorrenti invokat speċifikament, insostenn tat-tieni motiv, ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament 2019/943, għandu jiġi vverifikat, fil-kuntest tal-eżami tal-imsemmi motiv, jekk il-Bord tal-Appell wettaqx żball ta’ liġi meta ma stħarriġx, fid-deċiżjoni tiegħu, il-legalità taċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata taċ-CCR Core li kienu ġew approvati mill-ACER fid-deċiżjoni inizjali fid-dawl tar-rekwiżiti li jirregolaw, skont l-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943, l-adozzjoni ta’ tali CCM.

76      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, ir-Regolament 2019/943 jipproċedi, skont il-premessa 1 tiegħu, għar-riformulazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15), skont l-Artikolu 70 tiegħu. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament 2019/943 għandu l-għan, skont il-premessa 4 tiegħu, li jistabbilixxi r-regoli intiżi li jiggarantixxu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-elettriku.

77      B’mod iktar preċiż, l-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943 jaqgħu taħt it-Taqsima 1, intitolata “Allokazzjoni tal-kapaċità”, tal-Kapitolu III, intitolat “Aċċess għan-Netwerk u Ġestjoni tal-Konġestjoni”, tal-imsemmi regolament. Dawn jirrigwardaw, rispettivament, ir-“[r]eviżjoni taż-żona tal-offerti” (Artikolu 14), il-“[p]janijiet ta’ azzjoni” (Artikolu 15) u l- “[p]rinċipji ġenerali tal-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-ġestjoni tal-konġestjoni” (Artikolu 16). L-imsemmija artikoli jirregolaw għalhekk l-allokazzjoni tal-kapaċità fis-swieq ta’ kummerċ transkonfinali ta’ elettriku ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata u jiddeterminaw, għalhekk, ir-rekwiżiti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni taċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata ta’ kuljum. Għaldaqstant, dawn l-artikoli jinkludu, bħala prinċipju, regoli tad-dritt sostantiv li jirregolaw l-adozzjoni ta’ dawn il-CCM.

78      Għandu jitfakkar li dispożizzjoni ġdida tapplika mid-dħul fis-seħħ tal-att li jistabbilixxiha u li għalkemm hija ma tapplikax għal sitwazzjonijiet legali li tnisslu u ġew definittivament konklużi taħt is-sistema legali preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għal sitwazzjonijiet legali ġodda. Is-sitwazzjoni tkun differenti jekk, u b’riżerva għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ atti ġuridiċi, jekk ir-regola l-ġdida tkun akkumpanjata b’dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw b’mod speċjali l‑kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha (ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, Azienda Municipale Ambiente, C‑15/19, EU:C:2020:371, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et, C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, A2A, C‑89/14, EU:C:2015:537, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Issa, ir-Regolament 2019/943 ġie adottat fil‑5 ta’ Ġunju 2019 u, peress li l-pubblikazzjoni tiegħu saret fl‑14 ta’ Ġunju 2019, huwa daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Lulju 2019, skont l-Artikolu 71(1) tiegħu, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, li seħħet fil‑21 ta’ Frar 2019, u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li seħħet fil‑11 ta’ Lulju 2019. Għandu jingħad ukoll li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2) tar-Regolament 2019/943, b’eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali tal-applikazzjoni tiegħu mill‑1 ta’ Jannar 2020, li jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(2) tal-imsemmi regolament, l-Artikoli 14 u 15 tiegħu japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-istess regolament, jiġifieri mill‑4 ta’ Lulju 2019. L-istess japplika għall-Artikolu 16 tar-Regolament 2019/943, għall-finijiet tal-applikazzjoni speċifika tal-Artikolu 14(7) u tal-Artikolu 15(2) ta’ dan l-istess regolament. Minn dak li ntqal jirriżulta li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, l-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943 ma kinux għadhom daħlu fis-seħħ u lanqas ma kienu applikabbli, minkejja li kienu, ċertament b’ċerti limiti fir-rigward tal-Artikolu 16, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

80      F’dan il-każ, is-sitwazzjoni legali inkwistjoni tikkorrispondi għall-adozzjoni definittiva mill-ACER taċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata li l-legalità tagħha hija kkontestata fil-kuntest ta’ din il-kawża.

81      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Artikolu 28(5) tar-Regolament 2019/942, li kienu applikabbli f’dan il-każ konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 21 iktar ’il fuq, jagħtu lill-Bord tal-Appell is-setgħa li jikkonferma d-deċiżjoni inizjali jew li jibgħatha lura lill-ACER f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil. Dawn id-dispożizzjonijiet introduċew emenda fir-rigward ta’ dawk, preċedentement fis-seħħ, tal-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 713/2009, li kienu jawtorizzaw lill-Bord tal-Appell jew jeżerċita kull setgħa li taqa’ taħt il-kompetenza tal-ACER, jew li jirrinvija l-każ lill-korp kompetenti tiegħu. Taħt ir-regoli proċedurali li jirriżultaw mir-Regolament Nru 2019/942, il-Bord tal-Appell ma jistax iktar, bħal qabel, jemenda huwa stess id-deċiżjoni inizjali li huwa adit biha. Madankollu, dan ma jbiddel xejn mill-portata u l-firxa tal-istħarriġ li hija teżerċita fuq l-imsemmija deċiżjoni.

82      Fil-fatt, hemm lok li jitqies li, l-istess bħal taħt ir-regoli proċedurali applikabbli preċedentement, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tal-Appell billi jsegwu l-proċeduri stabbiliti mir-Regolament 2019/942 jissostitwixxu d-deċiżjonijiet inizjalment meħuda mill-ACER (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Heli-Flight vs AESA, C‑61/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:59, punt 84). Fl-ipoteżi fejn, bħal f’dan il-każ, jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Bord tal-Appell kontra deċiżjoni tal-ACER dwar CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata, hija d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li tikkonferma din id-deċiżjoni li tistabbilixxi b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-ACER dwar din il-metodoloġija, wara eżami komplet tas-sitwazzjoni inkwistjoni, fil-fatt u fid-dritt, mill-imsemmi kumitat, fid-dawl tad-dritt applikabbli fil-mument meta huwa jiddeċiedi.

83      Mill-evalwazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ċ-CCM li l-legalità tagħhom hija kkontestata fil-kuntest ta’ din il-kawża ġew adottati b’mod definittiv mill-ACER fid-data li fiha l-Bord tal-Appell adotta d-deċiżjoni tiegħu, li tikkonferma l-legalità taċ-CCM ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata taċ-CCR Core li kienu ġew approvati mill-ACER fid-deċiżjoni inizjali, jiġifieri fil‑11 ta’ Lulju 2019.

84      Minn dan isegwi li, fid-data tad-dħul fis-seħħ u tal-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943, jiġifieri fl‑4 ta’ Lulju 2019, iċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata taċ-CCR Core kienu għadhom ma ġewx adottati definittivament mill-ACER. Għaldaqstant, f’din id-data, is-sitwazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, kif iddefinita fil-punt 80 iktar ’il fuq, kellha tiġi analizzata bħala sitwazzjoni ġuridika futura u, għalhekk, ġdida jew, tal-inqas, sitwazzjoni li nħolqot, iżda mhux definittivament stabbilita taħt ir-regoli preċedenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 78 iktar ’il fuq, u r-regoli l-ġodda tad-dritt sostantiv stabbiliti minn dawn l-artikoli u li kienu kontemporanji kellhom japplikaw immedjatament għaliha.

85      Konsegwentement, fil-mument li l-Bord tal-Appell adotta d-deċiżjoni tiegħu, huwa kien obbligat jivverifika jekk iċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata taċ-CCR Core li kienu ġew approvati mill-ACER fid-deċiżjoni inizjali setgħux jiġu legalment ikkonfermati fid-dawl tar-regoli l-ġodda li jirregolaw l-adozzjoni ta’ tali CCM, li jirriżultaw mill-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943, sa fejn dawn kienu diġà applikabbli (ara l-punt 79 iktar ’il fuq).

86      Kwalunkwe soluzzjoni oħra tista’ twassal għal sitwazzjoni paradossali li fiha l-ACER, permezz, jekk ikun il-każ, tal-Bord tal-Appell, tkun tista’ tippreżenta fl-ordinament ġuridiku metodoloġiji li, fil-mument tal-adozzjoni definittiva tagħhom, minn naħa, ikunu bbażati fuq leġiżlazzjoni li ma tkunx iktar applikabbli u, min-naħa l-oħra, ma jkunux konformi mal-leġiżlazzjoni l-ġdida li, fil-frattemp, saret applikabbli.

87      Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi, fid-deċiżjoni tiegħu, meta ma vverifikax jekk iċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata taċ-CCR Core li kienu ġew approvati mill-ACER fid-deċiżjoni inizjali kinux konformi mar-rekwiżiti tal-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943 li kienu ġew speċifikament invokati mir-rikorrenti fir-rimedju intern tagħha quddiem l-imsemmi Bord, sa fejn dawn kienu applikabbli. Hija biss it-tweġiba għal din il-mistoqsija li setgħet tippermetti lill-Bord tal-Appell jiddeċiedi, fid-dawl tar-regoli l-ġodda tad-dritt sostantiv applikabbli, li jirriżultaw mill-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943, li jibgħat l-adozzjoni taċ-CCM ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata taċ-CCR Core lill-ACER, sabiex ipoġġihom f’konformità mal-imsemmija regoli, jew jikkonferma l-legalità, fir-rigward ta’ dawn l-istess regoli, taċ-CCM li kienu ġew approvati mill-ACER, permezz ta’ deċiżjoni li għalhekk issostitwixxiethom bid-deċiżjoni inizjali.

88      Għaldaqstant, għandu jintlaqa’ t-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni tiegħu, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni, li seta’ jkollha impatt fuq il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni.

89      Konsegwentement u mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi u l-ilmenti l-oħra invokati mir-rikorrenti, hemm lok li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tiġi annullata.

 Fuq lispejjeż

90      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

91      Peress li l-ACER tilfet il-parti l-kbira tat-talbiet tagħha, hemm lok li jiġi ordnat tbati l-ispejjeż f’konformità mat-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni A-003-2019 tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tal11 ta’ Lulju 2019 hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

3)      L-ACER hija kkundannata għall-ispejjeż.

Tomljenović

Kreuschitz

Schalin

Škvařilová-Pelzl

 

      Nõmm

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Settembru 2022

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.