Language of document :

Appell ippreżentat fit-2 ta’ Frar 2022 mill-Bank Ewropew tal-Investiment mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fl-24 ta’ Novembru 2021 fil-Kawża T-370/20, KL vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment

(Kawża C-68/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) (rappreżentanti: G. Faedo, I. Zanin, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: KL

Talbiet

tilqa’ l-appell bħala ammissibbli u fondat;

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-370/20;

jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, tilqa’ t-talbiet tal-BEI fl-ewwel istanza;

tikkundanna lil KL għall-ispejjeż kollha taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, il-BEI iqajjem żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju, ifformulat f’erba’ partijiet, jirrigwarda l-interpretazzjoni żbaljata tar-regoli interni tal-BEI fil-qasam ta’ invalidità.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi rigward il-kunċett ta’ invalidità kif previst fl-Artikolu 46(1) tar-Regoli Tranżitorji tal-Iskema tal-Pensjoni applikabbli għall-membri tal-persunal tal-BEI (RTIP) u l-Artikolu 11(1) tad-Dispożizzjonijiet Amministrattivi tal-BEI. Billi kkunsidrat li l-kunċett ta’ invalidità fis-sens tal-imsemmija artikoli għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-aġent tal-BEI li huwa ddikjarat minn kummissjoni ta’ invalidità stabbilita minnu bħala li ma huwiex kapaċi li jerġa’ jibda l-funzjonijiet tiegħu jew funzjonijiet ekwivalenti fi ħdan dan l-organu, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kliem u l-kontenut tar-regoli interni tal-BEI u adottat interpretazzjoni li tikkontradiċi r-raġuni tal-eżistenza tal-pensjoni tal-invalidità inkwantu miżura ta’ protezzjoni soċjali.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi inkwantu eskludiet il-kompetenza tal-kummissjonijiet ta’ invalidità stabbiliti mill-BEI li jiddeċiedu dwar il-kapaċità ta’ aġent tal-Bank li jeżerċita attivitajiet barra minn ħdanu, fuq is-suq ġenerali tax-xogħol.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat l-Artikolu 46(1) RTIP u l-Artikolu 11(1) tad-dispożizzjonijiet amministrattivi abbażi ta’ raġunament b’analoġija mal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-interpretazzjoni sostnuta mill-BEI tal-Artikoli 51(1) tar-RTRP u billi naqset milli tinterpreta l-imsemmi artikolu flimkien mal-Artikolu 46(1) tar-RTRP.

It-tieni aggravju, ifformulat f’żewġ partijiet, huwa bbażat fuq żnaturament doppju tal-fatti.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn ikkunsidrat bħala ġuridikament vinkolanti dokumenti tal-kummissjoni ta’ invalidità li ma kinux iffirmati mill-membri kollha tal-imsemmija kummissjoni.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat il-kontenut tal-opinjoni tal-kummissjoni ta’ invalidità sa fejn qieset li l-Kummissjoni ta’ invalidità kienet iddikjarat li r-rikorrent ma kienx kapaċi jeżerċita funzjonijiet fil-BEI meta l-formoli ffirmati mill-membri kollha tal-imsemmija Kummissjoni kienu jiddikjaraw li r-rikorrent ma kienx invalidu.

____________