Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta’ Lulju 2022 minn OC mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fl-4 ta’ Mejju 2022 fil-Kawża T-384/20, OC vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-479/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellant: OC (rappreżentant: I. Ktenidis, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Suġġett tal-appell: is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) mogħtija fl-4 ta’ Mejju 2022 fil-Kawża T-384/20, OC vs Il-Kummissjoni Ewropea (ECLI:EU:T:2022:273)

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha;

tiddeċiedi definittivament il-kawża;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati kemm mal-proċedura ta’ appell, kif ukoll dawk relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka t-tliet aggravji li ġejjin:

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725 1 f’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-kunċett tal-persuna fiżika “identifikabbli” u, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “mezzi li raġonevolment jistgħu jintużaw għall-identifikazzjoni tal-persuna fiżika”, kif ukoll fuq żnaturament ta’ prova relatata mal-identifikazzjoni tal-appellanti minn persuna partikolari.

It-tieni aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata, f’dak li jirrigwarda l-portata tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 883/2013 1 u tal-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 6(2) KEDB.

It-tielet aggravju, ibbażat fuq żnaturament ta’ prova relatata mal-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba li huwa stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

____________

1     Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39).

1     Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1).